52012DC0665

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Pjan ta’ azzjoni sabiex jonqos il-qbid inċidentali ta’ għasafar tal-baħar fl-irkapti tas-sajd /* COM/2012/0665 final */


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Pjan ta’ azzjoni sabiex jonqos il-qbid inċidentali ta’ għasafar tal-baħar fl-irkapti tas-sajd

1.           INTRODUZZJONI

L-interazzjonijiet bejn is-sajd u l-għasafar tal-baħar huma frekwenti u mifruxa u jwasslu għal livelli tal-mortalità inċidentali ta’ għasafar li jistgħu jkunu ta’ theddida serja għal ħafna popolazzjonijiet tal-għasafar tal-baħar u li għandhom effett negattiv fuq il-produttività u l-profittabbiltà tas-sajd.

Il-miżuri ta’ ġestjoni attwali għall-ħarsien tal-għasafar tal-baħar jinsabu f’firxa wiesgħa tal-leġiżlazzjoni ambjentali u tas-sajd kif ukoll f’għadd ta’ Konvenzjonijiet u Ftehimiet internazzjonali. Dawn il-miżuri, madankollu, ma kinux effettivi b’mod ġenerali fit-tnaqqis ta’ qabdiet inċidentali ta’ għasafar tal-baħar ħlief f’xi każijiet iżolati f’ilmijiet esterni.

Il-Pjan ta’ Azzjoni f’din il-Komunikazzjoni (il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE) ifittex li jipprovdi qafas ta’ ġestjoni biex jiġu minimizzati qabdiet inċidentali ta’ għasafar tal-baħar sal-aktar livelli baxxi li huma prattikament possibbli. Dan huwa skont l-għanijiet tal-Politika Komuni tas-Sajd riformata (PKS) tat-tqarrib lejn ġestjoni tal-ekosistema li tkopri l-komponenti kollha tal-ekosistema inklużi l-għasafar tal-baħar. Huwa wkoll konsistenti mal-qafas ta’ Pjan ta’ Azzjoni Internazzjonali (IPOA) għat-Tnaqqis ta’ Qabdiet Inċidentali ta’ Għasafar tal-Baħar fis-Sajd bil-konzijiet[1] adottat fl-1999 mill-Kumitat għas-Sajd tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO) (COFI).

2.           Qabdiet inċidentali u l-mitigazzjoni tagħhom

Il-parir mogħti mill-ICES fl-2008[2] (aġġornat fl-2009 u fl-2010[3]) jindika li hemm nuqqas ta’ informazzjoni dwar id-distribuzzjoni ta’ speċijiet tal-għasafar tal-baħar, dwar it-theddida tal-vulnerabbiltà, l-istatus ta’ konservazzjoni globali u l-livelli ta’ qabdiet inċidentali. Dan jippreżenta sfida fil-valutazzjoni tal-impatt tas-sajd fuq dawn l-ispeċijiet, u jirrifletti nuqqas ta’ monitoraġġ u ta’ rappurtar sistematiku tal-qabdiet inċidentali tal-għasafar tal-baħar. Madankollu, id-dejta disponibbli tindika mortalità tal-għasafar tal-baħar li hija sostanzjali f’għadd ta’ oqsma tas-sajd tal-UE. L-estimi ta’ dan l-aħħar3 jirrapportaw qabdiet inċidentali mill-flotta tas-sajd tal-UE ta' madwar 200 000 għasfur tal-baħar fis-sena fl-ibħra tal-UE, filwaqt li rapport minn Birdlife International[4] jistma qabdiet inċidentali globali tal-għasafar tal-baħar mis-sajd bil-konzijiet ta’ mill-inqas 160 000 u potenzjalment 320 000 kull sena. Mill-inqas 49 speċi (25 fl-ilmijiet tal-UE u 24 fl-ilmijiet li mhumiex tal-UE) huma kklassifikati bħala ta’ tħassib serju fir-rigward tal-konservazzjoni jew globalment jew fil-livell tal-popolazzjoni lokali. Id-dejta tenfasizza wkoll li l-konzijiet[5] u x-xbieki statiċi[6] huma l-irkaptu bl-ogħla qabdiet inċidentali ta’ għasafar tal-baħar għalkemm hemm rapporti ta’ qabdiet inċidentali f’sajd bix-xbieki tat-tkarkir[7] u bil-purse seine[8].

2.1.        Konzijiet

Skont l-ICES tal-anqas 20 speċi ta’ għasafar tal-baħar huma affettwati mis-sajd bil-konzijiet fl-ibħra tal-UE, prinċipalment mis-sajd bil-konzijiet pelaġiċi u demersali fil-Mediterran u mis-sajd bil-konzijiet demersali fl-Atlantiku tal-Grigal (Gran Sol), għalkemm ICES3 jirrapporta qabdiet inċidentali tal-għasafar tas-sajd kważi fis-sajd bil-konzijiet kollu tal-UE. Erba’ speċijiet huma kkaratterizzati mill-istatus ta’ konservazzjoni għoli tagħhom bi frekwenza ta’ qbid bl-irkaptu tas-sajd bil-konzijiet li hija bejn moderata u għolja meta mqabbla mal-popolazzjonijiet tagħhom. Il-Garnija tal-Baleariku hija klassifikata mill-IUCN li tinsab f'Periklu Kritiku, li jfisser li ġiet evalwata li tinsab f’riskju għoli ħafna ta’ estinzjoni fis-selvaġġ. Tlieta oħra, il-Garnija Sewda, il-Garnija u l-Gawwija Munqarha Aħmar huma kklassifikati bħala Kważi Mhedda fis-sens li l-popolazzjoni qed tonqos globalment b’mod moderatament rapidu.

Minbarra dawn l-ispeċijiet ħamsa oħra huma elenkati fid-Direttiva dwar l-Għasafar[9] bħala li għandhom status ta’ konservazzjoni sfavorevoli li jeħtieġ “miżuri speċjali ta’ konservazzjoni" minħabba tnaqqis fil-popolazzjonijiet lokalizzati. Dawn jinkludu ċ-Ċiefa u l-Gawwija Rasha Sewda fil-Mediterran u l-Gawwija tal-Ingilterra, il-“Black guillemot” u l-Garnija fl-Atlantiku tal-Grigal[10]. Għal dawn l-ispeċijiet kollha ġew irrapportati livelli sinifikanti ta’ qabdiet inċidentali2,10

Bosta speċijiet oħrajn – il-Gawwija Prima fil-Mediterran, il-“Northern fulmar”, il-“Great Shearwater” u s-Sula fl-Atlantiku tal-Grigal. għandhom qbid inċidentali għoli u l-ICES jirrapporta li l-għadd kbir ta' għasafar li jinqabdu fis-sajd bil-konzijiet hija kawża ta’ tħassib ukoll jekk il-popolazzjonijiet ta’ dawn l-ispeċijiet huma relattivament stabbli2,3.

2.2.        Xbieki statiċi

Xbieki statiċi, li jinkludi għeżula, xbieki tat-tħabbil u pariti jintużaw ħafna fl-ilmijiet tal-UE. Is-sajd bix-xbieki statiċi spiss ikunu staġjonali u firxa wiesgħa ta’ speċijiet ta' għasafar tal-baħar jistgħu jkunu affettwati minnu, iżda dawk li x’aktarx li jinqabdu fix-xbieki huma speċijiet kostali li jfitxxu għall-ikel fil-qiegħ jew jgħoddsu għall-priża tagħhom fil-kolonna tal-ilma. Bosta żoni tas-sajd fil-Baltiku u fil-Baħar tat-Tramuntana huma żoni importanti fejn jieklu, jistrieħu, jinżgħu r-rix tagħhom u jqattgħu x-xitwa dawk l-għasafar tal-baħar li jkunu preżenti biss matul il-perjodu meta ma jkunux qed jirriproduċu (żmien ix-xitwa). Dan ifisser li l-impatt ta’ qabdiet inċidentali fuq il-popolazzjonijiet tal-għasafar tal-baħar jiddependi direttament fuq il-fatt li s-sajd bix-xbieki statiċi jikkoinċidi b'mod temporali mal-preżenza ta' dawn l-ispeċijiet.

L-informazzjoni disponibbli dwar il-qbid inċidentali ta’ għasafar tal-baħar fix-xbieki statiċi mhix kompluta biżżejjed għal fehim komprensiv tal-kobor tal-impatti fuq il-popolazzjonijiet tal-għasafar tal-baħar fil-livell tal-UE kollha. Analiżi reċenti[11] tal-qbid inċidentali tal-għasafar tal-baħar fil-Baħar Baltiku u fil-Baħar tat-Tramuntana (fil-biċċa l-kbira fil-Lvant) ipprovdiet stima annwali kumulattiva tal-qbid inċidentali (li tikkonsisti l-aktar minn bugħaddasa, blonġuni, papri tal-baħar, papri tal-għads, purċinelli u marguni) ta’ bejn 90 000-200 000 għasfur maqtula fis-sajd bix-xbieki statiċi fir-reġjun kull sena. Bosta mill-ispecijiet f’riskju huma rari fir-reġjun u soġġetti għall-protezzjoni legali internazzjonali. “Steller’s eider” huwa elenkat mill-IUCN bħala Vulnerabbli u jinsab fl-Anness 1 tad-Direttiva dwar l-Għasafar tal-UE flimkien mal-bugħaddas, il-“black-throated diver”, il-“Slavonian grebe” u s-serra bajda. Għadd ta’ oħrajn huma elenkati fid-Direttiva dwar l-Għasafar u vvalutati mill-Birdlife bħala "speċijiet ta’ interess Ewropew10.

F’żoni oħra 'l barra mill-Baħar Baltiku u mill-Baħar tat-Tramuntana jeżistu bosta attivitajiet tas-sajd bix-xbieki statiċi fejn il-mortalità tal-għasafar tal-baħar mis-sajd bix-xbieki statiċi ġiet irrappurtata bħala problematika. Fil-Majjistral ta’ Spanja fis-subżona IX tal-ICES, ma ġietx osservata mortalità għolja tal-Marguni tat-Toppu u tal-“Iberian Guillemot3”, filwaqt li fil-Mediterran l-informazzjoni disponibbli tissuġġerixxi li x-xbieki statiċi huma ta’ theddida għas-subspeċijiet tal-Margun tat-Toppu u ta’ bosta speċijiet tal-garnija3.

2.3.        Irkapti oħrajn

Għall-irkapti bħal dawk tat-tkarkir u l-purse seines, ftit huma l-istimi affidabbli rreġistrati tal-livelli ta’ qabdiet inċidentali fi ħdan l-ilmijiet tal-UE. Studju partikolari kkalkula li madwar 780 sula nqabdu fl-attivitajiet tas-sajd bit-tkarjir pelaġiku mwettqa ’l barra mill-kostijiet fit-Tramuntanta u fil-Grigal tal-Iskozja3 filwaqt li hemm bosta rapporti aneddottali oħra ta’ qbid inċidentali li jseħħ fis-sajd bit-tkarkir.

L-evidenza emerġenti turi li l-purse seines jistgħu jikkawżaw qbid inċidentali sinifikanti ta’ speċijiet bħall-garniji. Stħarriġ fil-forma ta' kwestjonarju li sar fl-2008/2009 fil-portijiet Portugiżi wera li l-purse seines f’dan ir-reġjun ħadu l-ogħla proporzjon (45 %) ta’ garniji tal-Baleariku meta mqabbla ma’ kwalunkwe rkaptu tas-sajd ieħor, inkluż konzijiet u xbieki statiċi3.

2.4.        Qbid inċidentali fl-ilmijiet li mhumiex tal-UE

Fl-ilmijiet esterni l-konzijiet u x-xbieki tat-tkarkir huma responsabbli għal għadd kbir ta’ qabdiet inċidentali tal-għasafar tal-baħar u dan wassal għal tħassib mifrux dwar l-effetti ekoloġiċi fit-tul fuq il-popolazzjonijiet. Attwalment minn 61 speċi li huma affettwati mis-sajd, huwa stmat li kważi nofshom huma mhedda bl-estinzjoni, inklużi 17-il speċi tal-albatross madwar id-dinja kollha b’madwar 100 000 “albatross” stmat li allegatament jinqatlu kull sena4. 7 speċijiet oħra ta’ kanġu elenkati skont il-Ftehim dwar il-Konservazzjoni tal-“Albatross” u tal-Kanġu (ACAP) qed jiffaċċjaw theddid simili[12].

Fl-Antartiku nsibu eċċezzjoni notevoli, fejn valutazzjoni komprensiva tal-problema, li titwettaq annwalment mis-CCAMLR[13], uriet li l-qbid inċidentali tnaqqas b’aktar minn 99 % minn mindu ġew introdotti l-miżuri. F’sajd ieħor bil-konzijiet, filwaqt li ġie nnotat titjib u l-istanzi tas-sajd IUU (Illegal, Unregulated & Unreported) naqsu konsiderevolment, hemm indikazzjonijiet li l-qbid inċidentali xorta jibqa’ f’livelli mhux sostenibbli f’xi tipi tas-sajd bil-konzijiet. Ir-rakkomandazzjonijiet ta’ dan l-aħħar adottati mill-ICCAT[14] u mill-IOTC[15] li jsaħħu l-miżuri ta’ mitigazzjoni eżistenti tas-sajd bil-konzijiet għat-tonn huma milqugħa tajjeb u jeħtieġ li jiġu estiżi għal partijiet oħrajn fl-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd (RFMOs).

Il-mortalità tal-għasafar tal-baħar fis-sajd bit-tkarkir, qed tkun irrappurtata dejjem aktar fl-Emisferi tan-Nofsinhar u tat-Tramuntana. Pereżempju, id-dejta miġbura għall-flotta tal-marlozz fin-Nofsinhar tal-Afrika mill-2004–2005, tindika qbid inċidentali annwali ta’ madwar 18 000 għasfur3. Ma teżisti l-ebda dejta magħrufa dwar il-livell ta’ qabdiet inċidentali ta’ għasafar tal-baħar f’irkapti oħra bħall-purse seines f’ilmijiet esterni.

2.5.        Miżuri ta’ mitigazzjoni

Ġew żviluppati firxa ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni. Uħud minn dawn intwerew li huma ferm effettivi fit-tnaqqis ta’ qabdiet inċidentali ta’ għasafar tal-baħar. Dawn il-miżuri jistgħu jinqasmu bejn miżuri speċifiċi skont il-metodu tas-sajd u l-miżuri b’applikabbiltà wiesgħa fost irkapti tas-sajd multipli. Il-biċċa l-kbira tagħhom ġew żviluppati biex inaqqsu l-qabdiet inċidentali fis-sajd bil-konzijiet u dawn jistgħu jinqasmu f’erba’ kategoriji ewlenin:

(1) Evitar ta’ sajd f’żoni u/jew fi żminijiet meta l-interazzjonijiet mal-għasafar tal-baħar huma l-aktar probabbli u intensi (bil-lejl, f'żoni pprojbiti u matul għeluq staġjonali).

(2) Limitazzjoni tal-aċċess tal-għasfur għal snanar bil-lixka (lenez peżati u mixħutin lateralment).

(3) L-iskoraġġiment tal-għasafar milli jieħdu snanar bil-lixka (linji naffara (għat-tnaffir tal-għasafar) u apparat akustiku deterrenti).

(4) Tnaqqis fl-attrazzjoni jew fil-viżibbiltà tas-snanar bil-lixka (ir-rimi ta’ ġewwieni u ta’ lixki artifiċjali).

Ir-riċerka[16] wriet li jistgħu jakkumulaw benefiċċji bl-użu ta’ dawn il-miżuri fis-sajd bil-konzijiet permezz tat-tnaqqis fl-ispejjeż diretti bis-saħħa tat-tnaqqis fit-telf tal-lixki minħabba l-għasafar tal-baħar; fil-ħsara lill-qabdiet tal-ħut minħabba l-ħtif mill-għasafar tal-baħar; u fil-ħsara diretta għall-irkaptu kkawżata mill-għasafar tal-baħar. Hemm ukoll vantaġġi indiretti b'rabta mal-ispejjeż billi jonqsu l-qabdiet mitlufa mill-għasafar tal-baħar meta dawn jinqabdu fis-snanar illixkati li altrimenti setgħu irriżultaw fi qbid.

Il-miżuri ta’ mitigazzjoni li ġew ittestjati f’attivitajiet tas-sajd bix-xbieki statiċi huma anqas fl-għadd tagħhom. Ġew proposti u ttestjati żewġ metodi sabiex l-għasafar tal-baħar jiġu mwissija dwar il-presenza tax-xbieki statiċi u b’hekk jiġu evitati l-kolliżjonijiet[17]. Metodu wieħed huwa li tiżdied il-viżibbiltà tax-xibka (twissijiet viżwali), u l-metodu l-ieħor huwa li jitwaħħal apparat akustiku deterrenti (“pingers”) max-xbieki. Kollużjonijiet max-xbieki statiċi jistgħu wkoll jitnaqqsu billi x-xbieki jiġu stabbiliti iktar fil-fond mill-profondità tal-għadis tal-għasafar tal-baħar. L-ebda wieħed minn dawn il-metodi mhuwa qed jintuża ħafna bħalissa.

Lenez bix-xlief, adattati mis-sajd bil-konzijiet f’assoċjazzjoni mal-ġestjoni tal-iskartar tal-ġewwieni matul it-tfigħ u l-irkupru tal-irkaptu tas-sajd, urew li huma effikaċi fit-tnaqqis tal-interazzjonijiet mal-għasafar u tal-mortalità fis-sajd bit-tkarkir. It-taħbil fix-xbieki tat-tkarkir huwa aktar diffiċli biex jitnaqqas, iżda fi ħdan is-CCAMLR intwera li l-mortalità tal-għasafar tal-baħar mit-tħabbil tista’ kważi tkun eliminata bis-saħħa ta’ miżuri sempliċi bħall-irbit tax-xbieki[18].

2.6.        Il-qafas tal-politika

2.6.1.     Il-PKS

Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE huwa allinjat mal-għan prinċipali tal-PKS[19], li jenfasizza l-ħtieġa li jiġu minimizzati l-impatti tal-attivitajiet tas-sajd fuq l-ekosistemi tal-baħar (inklużi l-għasafar tal-baħar) u li progressivament jiġi implimentat approċċ ekosistemiku għall-ġestjoni tas-sajd. Skont ir-riforma tal-PKS[20], li qed issir bħalissa, il-Kummissjoni reġgħet ikkonfermat dan l-impenn u qed timmira li tilħaq dan l-għan permezz ta’ miżuri fil-bosta elementi tal-pakkett ta’ riforma:

· Approċċ reġjonalizzat ġdid għall-miżuri tekniċi li jippermettu li miżuri ta’ mitigazzjoni jiġu mfassla skont is-sajd speċifiku. Dan l-approċċ se jieħu ż-żmien biex jiġ żviluppat u l-kontenut finali jiddependi fuq ir-riżultat tar-riforma iżda għandu jkunu fis-seħħ sal-2016. Sadanittant, fejn xieraq u meħtieġ b’mod urġenti, miżuri ta’ mitigazzjoni diġà disponibbli u ppruvati jistgħu jiġu inkorporati fi pjanijiet ta’ ġestjoni multiannwali.

· Il-Programm Multiannwali l-ġdid tal-UE għall-Ġbir tad-Dejta (DCMAP) ippjanat li jiġi introdott fl-2014. Diskussjonijiet huma għaddejjin bħalissa rigward jekk għandux jiddaħħal il-monitoraġġ ta’ komponenti oħra tal-ekosistema inklużi l-għasafar tal-baħar. L-input mill-esperti u kalkolu tal-ispiża ta’ tali estensjoni fil-Qafas kurrenti tal-Ġbir tad-Dejta għadhom meħtieġa. Madankollu, il-ġbir sistematiku u r-rapportar ta’ dejta dwar il-qbid inċidentali tal-għasafar tal-baħar jibqgħu essenzjali sabiex jiġi indirizzat il-qbid inċidentali tal-għasafar tal-baħar.

· Appoġġ finanzjarju għal miżuri ġodda pprovduti attwalment fil-qafas tal-Fond Ewropew għas-Sajd (FES) u l-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd (EMFF)[21]l-ġdid. L-EMFF il-ġdid huwa skedat li jiġi introdott fl-2014 u għandu jipprovdi għajnuna għall-iżvilupp u l-użu ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni, ta’ proġetti pilota, u tal-ittestjar ta’ teknoloġiji ta’ monitoraġġ alternattivi bħalma huma s-CCTV.

· L-impenn li ħadet il-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni riċenti dwar id-Dimensjoni Esterna tal-PKS[22] biex tieħu rwol aktar proattiv fir-RFMOs u biex tipprova tirrimedja s-sitwazzjoni attwali ta’ konformità dgħajfa mal-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni.

2.6.2.     Leġiżlazzjoni ambjentali

Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE jiddependi fuq partijiet tal-acquis ambjentali tal-UE, b’mod partikolari d-Direttivi dwar l-Għasafar9 u l-Ħabitat[23] u d-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (MSFD)[24]. L-implimentazzjoni sħiħa ta’ dawn id-Direttivi hija parti mit-tweġiba tal-UE għall-impenji tagħha skont il-Konvenzjoni tan-NU fuq id-Diversità Bijoloġika[25], u hija rinforzata mill-impenn magħmul mill-Kapijiet tal-Istat "li t-telf tal-bijodiversità [fl-UE] jieqaf sal-2010"; l-impenn huwa ripetut fl-Istrateġija tal-UE dwar il-Bijodiversità sal-2020[26].

Il-miżura ewlenija stabbilita mid-Direttiva dwar l-Għasafar hija skema ġenerali ta’ protezzjoni għall-għasafar selvaġġi kollha li tipprojbixxi atti varji, l-aktar rilevanti għas-sajd, inklużi l-qtil u l-qbid intenzjonat bi kwalunkwe metodu[27]. Id-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats jistabbilixxu wkoll in-netwerk Natura 2000 ta’ żoni protetti, li jħaddan siti nnominati skont kwalunkwe mid-Direttivi kkonċernati – Żoni ta’ Protezzjoni Speċjali (SPAs) stabbiliti skont id-Direttiva dwar l-Għasafar u Żoni Speċjali ta’ Konservazzjoni (SACs) stabbiliti skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats. Minn Frar 2011, skont id-Direttiva dwar l-Għasafar, ġew stabbiliti total ta’ 936 SPA li jkopru erja ta’ 122 000km² f’żoni tal-baħar.

Id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina għandha l-għan li ġġib koerenza bejn il-politiki differenti u tinkoraġġixxi l-integrazzjoni tat-tħassib ambjentali f’politiki oħrajn, bħall-PKS. Skont l-MSFD il-protezzjoni tal-għasafar tal-baħar hija rikonoxxuta bħala rekwiżit li se jikkontribwixxi lejn il-kisba ta’ Status Ambjentali Tajjeb (Good Environmental Status - GES). L-implimentazzjoni tagħha hija rekwiżit legali skont it-TFUE u f’konformità mad-Direttiva miżuri dedikati għall-protezzjoni tal-għasafar tal-baħar huma meħtieġa b’mod impliċitu. Fil-kuntest tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina kif ukoll tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE, il-kwistjoni ta’ qabdiet inċidentali ta’ għasafar tal-baħar hija koperta wkoll fil-qafas tal-Konvenzjonijiet dwar Ibħra Reġjonali dwar l-ambjent tal-baħar, b’mod partikolari OSPAR[28], HELCOM[29] u l-Konvenzjoni ta’ Barċellona[30].

2.6.2.1.  Politika Esterna

Fl-ilmijiet esterni l-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd (RFMOs) jibqgħu fundamentali għall-konservazzjoni u l-ġestjoni tal-għasafar tal-baħar billi l-RFMOs ingħataw responsabilitajiet ċari bil-Ftehim tan-NU dwar l-Istokkijiet tal-Ħut (UNFSA)[31] sabiex ikunu minimizzati l-qabdiet inċidentali tas-sajd tagħhom. Sal-lum, il-biċċa l-kbira tal-RFMOs adottaw xi forma ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni li għandhom l-għan li jevitaw il-mortalità tal-għasafar tal-baħar f’żoni tas-sajd bil-konz. Bħala parti kontraenti għal bosta RFMOs, l-UE hija marbuta li timplimenta dawk il-miżuri.

L-UE ħadet ukoll għadd ta’ impenji marbuta mal-prinċipji ta’ żvilupp sostenibbli u oħrajn aktar speċifikament marbuta mal-ġestjoni tar-riżorsi oċeaniċi kondiviżi inklużi l-ispeċijiet li jinsabu f’riskju ta’ konservazzjoni li huma relevanti għall-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE. Dawn jinkludu:

– Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS)[32].

– Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Diversità Bijoloġika (CBD)[33]

– Il-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tal-Ispeċijiet Migratorji tal-Annimali Selvaġġi (magħrufa wkoll bħala s-CMS jew il-Konvenzjoni ta’ Bonn)[34]

Taħt l-awspiċi tas-CMS hemm ftehim dwar il-Konservazzjoni tal-“Albatross” u tal-Kanġu (Agreement on the Conservation of Albatrosses and Petrels - ACAP)[35]. Dan huwa trattat internazzjonali legalment vinkolanti li l-għan tiegħu huwa li jikseb u jżomm status ta’ konservazzjoni favorevoli għall-“albatross” u għall-kanġu billi jindirizza t-theddid fuq l-art u fuq il-baħar, minħabba li l-qbid inċidentali huwa diskutibbilment ta’ theddid primarju għal dan il-grupp ta’ speċijiet.

3.           IL-PJAN TA’ AZZJONI TAL-UE

L-għan tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE huwa li jiġu mminimizzati u, fejn possibbli, jiġu eliminati l-qabdiet inċidentali tal-għasafar tal-baħar, b’azzjoni ta’ prijorità li tiffoka fuq l-individwi li jappartjenu għal mill-inqas 49 popolazzjoni ta' għasafar tal-baħar li huma mhedda minn bastimenti tal-UE li joperaw fl-ilmijiet tal-UE u f’dawk li mhumiex tal-UE, kif ukoll minn bastimenti mhux tal-UE li joperaw fl-ilmijiet tal-UE. Għal għasafar tal-baħar oħra fejn il-popolazzjonijiet huma stabbli iżda l-qabdiet inċidentali huma f’livelli li huma kawża ta’ tħassib, il-qbid inċidentali għandu jitnaqqas bħala l-ewwel pass lejn l-eliminazzjoni ta’ qabdiet inċidentali.

L-għanijiet speċifiċi addizzjonali huma:

(1) L-identifikazzjoni u l-korrezzjoni tad-dgħufijiet u l-inkoerenzi f’miżuri ta’ ġestjoni attwali kemm fl-UE kif ukoll fl-ilmijiet li mhumiex tal-UE.

(2) Il-konsolidazzjoni u l-ġbir ta’ dejta kritika biex jiġi stabbilit il-limitu u t-theddida ta’ qabdiet inċidentali għall-għasafar tal-baħar partikolarment għal dawk il-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet identifikati bħala ta’ tħassib serju fir-rigward tal-konservazzjoni.

(3) Il-minimizzazzjoni ta’ qabdiet inċidentali ta’ speċijiet ta’ għasafar tal-baħar li huma ta’ tħassib għall-konservazzjoni sa livelli li jeliminaw it-theddida għall-popolazzjonijiet ta’ dawn l-ispeċijiet permezz tal-implimentazzjoni ta’ miżuri xierqa ta’ mitigazzjoni.

(4) L-indirizzar tan-nuqqas ta’ aċċettazzjoni mis-sajjieda li l-qabdiet inċidentali tal-għasafar tal-baħar huma problema kif ukoll tan-nuqqas ta’ inċentiv għas-sajjieda biex jadottaw miżuri ta’ mitigazzjoni.

(5) Is-soluzzjoni ta’ diffikultajiet pendenti bis-saħħa tal-mitigazzjoni eżistenti użata fis-sajd bil-konzijiet u li jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni effettivi għal tipi oħra ta’ rkapti tas-sajd, partikolarment tas-sajd bix-xbieki statiċi.

3.1.        Kamp ta’ applikazzjoni u struttura

Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE se jsegwi approċċ adattiv, billi jirrakkomanda azzjonijiet fl-oqsma u fis-sajd identifikati li għandhom qabdiet inċidentali tal-għasafar tal-baħar. Il-pjan jipprovdi qafas sabiex tiġi żviluppata stampa ċara u komprensiva tad-dimensjoni ta’ qabdiet inċidentali tal-għasafar tal-baħar fis-sajd fl-UE u sabiex tiġi identifikata l-azzjoni meħtieġa għall-introduzzjoni ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni u ta’ ġestjoni li se jiksbu approċċ koerenti u effikaċi bil-għan li l-problema tiġi minimizzata.

Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE jkopri kull bastimenti tal-UE li joperaw fl-ilmijiet tal-Unjoni u l-bastimenti bil-bandiera tal-UE li joperaw f’ilmijiet esterni. Fl-ilmijiet tal-UE l-azzjonijiet skont il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE se jkunu appoġġati bl-implimentazzjoni msaħħa ta’ miżuri ta’ ġestjoni tas-sajd f’Żoni ta’ Protezzjoni Speċjali maħluqa bid-Direttiva dwar l-Għasafar (l-Artikolu 4). L-Istati Membri se jiġu mħeġġa biex jadottaw miżuri simili fi ħdan in-netwerk ta’ Żoni Importanti għall-Għasafar (Important Bird Areas - IBA)[36]. L-użu ta’ rkaptu tas-sajd li ntwera li jiffavorixxi l-għasafar tal-baħar għandu jkun prekundizzjoni għall-aċċess għal opportunitajiet tas-sajd f’dawn iż-żoni fejn l-għasafar tal-baħar huma karatteristika kwalitattiva u fejn il-qbid inċidentali jhedded l-istatus ta’ konservazzjoni favorevoli tagħhom.

Sabiex tiżgura approċċ koerenti bejn il-politika tas-sajd tal-UE interna u dik esterna għall-għasafar tal-baħar, l-Unjoni se taħdem sabiex l-entitajiet internazzjonali rilevanti jtejbu dawn il-miżuri billi jiffaċilitaw l-adozzjoni tagħhom mis-sajjieda, jintegraw il-monitoraġġ tal-qabdiet inċidentali tal-għasafar tal-baħar fil-programmi tal-osservaturi (fejn dan ma jkunx diġà ġie milħuq) u jippromwovu l-aħjar prassi għall-flotot li mhumiex tal-UE. Il-Kunsill Konsultattiv Reġjonali tal-Flotta tal-Ibħra Miftuħa (Long Distance Fleet Regional Advisory Council - LDRAC) għandu rwol ċar li jassisti b’dan il-kompitu.

3.2.        Id-definizzjoni tal-problema

Waħda mill-ikbar sfidi fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE hija l-ewwel nett id-definizzjoni tal-eżistenza tal-problema ta’ qabdiet inċidentali tal-għasafar tal-baħar. L-informazzjoni attwali bħall-elenki u r-rappurtar tal-IUCN skont id-Direttiva dwar l-Għasafar huma l-aktar sorsi affidabbli sabiex jiġi identifikat is-sajd fejn miżuri huma meħtieġa b’mod urġenti iżda fejn dawn huma limitati. Il-miżuri ma jippermettux valutazzjonijiet eżatti u realistiċi tal-popolazzjonijiet tal-għasafar tal-baħar u l-impatt tal-qbid inċidentali fuq dawn il-popolazzjonijiet. Dan ifisser li d-definizzjoni ta’ miri ta’ ġestjoni ċari hija problematika fil-biċċa l-kbira tal-attivitajiet tas-sajd.

Il-Pjan ta’ Azzjoni Internazzjonali għall-Għasafar tal-Baħar (IPAO-Seabirds) tal-FAO1 ma jiddefinixxix x’jikkostitwixxi "problema" ta’ qbid inċidentali ta’ għasafar tal-baħar b’mod ġeneriku, iżda jirrakkomanda li tittwettaq valutazzjoni bbażata fuq il-komponenti li ġejjin:

(a) id-daqs tal-qabdiet inċidentali ta’ għasafar tal-baħar (ir-rata jew in-numru);

(b) l-ispeċijiet li jinqabdu inċidentalment, u l-istat ta’ konservazzjoni tagħhom;

(c) kif l-isforz tas-sajd jikkoinċidi b'mod ġeografiku u temporali mal-għasafar tal-baħar; kif ukoll

(d) ix-xejriet fil-popolazzjonijiet tal-għasafar tal-baħar li x’aktarx jiġu affettwati minn qabdiet inċidentali.

Il-valutazzjoni għandha tkun ibbażata fuq id-dejta kollha disponibbli inklużi inter alia, dejta miġbura dwar il-qabdiet inċidentali minn osservaturi fuq il-baħar, dejta dwar l-għasafar tal-baħar u informazzjoni oħra aneddottali li jistgħu jkunu l-ewwel sinjal ta’ problema aktar ġeneralizzata. Il-programmi ta’ osservaturi huma l-aħjar sors ta’ dejta iżda mhuwiex realistiku li jiġu stabbiliti programmi speċifiċi ta’ qabdiet inċidentali ta’ għasafar tal-baħar għall-industrija tas-sajd tal-UE għajr forsi f'dak is-sajd f’ilmijiet esterni, fejn dan huwa diġà rekwiżit obbligatorju. Għalhekk jeħtieġ li jiġu żviluppati approċċi oħra kif ukoll il-kriterji użati biex jiddefinixxu x’jikkostitwixxi “problema”. Bħala azzjoni skont il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE, il-Kummissjoni se titlob lill-korp xjentifiku rilevanti għall-aġġornament tal-informazzjoni eżistenti u wkoll sabiex jesploraw il-kriterji u jekk l-indikaturi bijoloġiċi (eż. PBR[37] jew BPUE[38]) jistgħux jintużaw għad-definizzjoni ta’ problema u għall-iffissar ta’ miri ta’ġestjoni.

3.3.        Riċerka, Taħriġ, Edukazzjoni u Sensibilizzazzjoni

Fil-Linji Gwida Tekniċi dwar l-Aħjar Prassi tagħhom[39], l-FAO jenfasizzaw l-importanza tar-riċerka, partikolarment fl-iżvilupp ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni, bħala parti minn kwalunkwe Pjan ta’ Azzjoni. Din ir-riċerka għandha tħeġġeġ l-innovazzjoni permezz ta’ kollaborazzjoni bejn l-industrija tas-sajd, ix-xjenzati, l-NGOs ambjentali u l-maniġers tar-riżorsi. Din għandha tkun xjentifikament b’saħħitha iżda għandha tqis ukoll l-aktar mod effettiv kif ir-riżultati jistgħu jinqalbu fl-adozzjoni ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni.

Il-FAO enfasizzaw wkoll il-ħtieġa li jiġu stabbiliti programmi ta’ edukazzjoni u ta’ taħriġ sabiex titqajjem sensibilizzazzjoni fost is-sajjieda, l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tas-sajd u gruppi rilevanti oħra dwar il-ħtieġa li tiġi indirizzata l-problema ta’ qabdiet inċidentali ta’ għasafar tal-baħar. Fil-livell tal-UE l-Kunsilli Konsultattivi Reġjonali għandhom rwol importanti x’jaqdu fl-iżvilupp ta’ dawn il-programmi, filwaqt li fil-livell internazzjonali l-UE se tappoġġa l-istabbiliment u t-tisħiħ ta’ programmi ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ edukazzjoni għas-sajjieda fiż-żoni ta’ prijorità għall-qbid inċidentali tal-għasafar tal-baħar. Il-miżuri ta’ riċerka, ta’ taħriġ, ta’ edukazzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni huma kollha inklużi bħala parti integrali tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE.

3.4.        Azzjonijiet skont il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE

L-Anness I jelenka l-azzjonijiet skont il-Pjan ta’ Azzjoni u skont objettivi speċifiċi; il-partijiet responsabbli għal kull azzjoni; kif ukoll l-iskeda antiċipata sabiex jitlestew dawn l-azzjonijiet.

3.5.        Rapportar u evalwazzjoni

Skont il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE, l-intenzjoni hija li l-Istati Membri għandhom kull sentejn jirrappurtaw lill-Kummissjoni dwar il-livell ta’ qabdiet inċidentali ta’ għasafar tal-baħar osservat skont is-sajd u t-tip ta’ rkaptu, l-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe miżura ta’ mitigazzjoni u l-effettività ta’ dawn il-miżuri ta’ mitigazzjoni. Il-Kummissjoni waqt li taħdem mal-korp xjentifiku rilevanti se tiżviluppa format standardizzat għar-rapportar li jiffaċilita l-preżentazzjoni ta’ informazzjoni mill-Istati Membri lill-Kummssjoni u li jista’ wkoll jintuża biex jiffaċilita l-aċċessibbiltà tad-dejta għall-pubbliku inġenerali.

Fuq il-bażi ta’ dawn ir-rapporti, il-Kummissjoni se twettaq valutazzjoni interim tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE wara t-tieni wieħed minn dawn ir-rapporti u mbagħad se tipproduċi Komunikazzjoni għall-Parlament u l-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-pjan fuq il-bażi ta’ din l-informazzjoni.

Il-korp xjentifiku rilevanti skont kif xieraq, għandu jiġi mitlub biex jagħti l-kontribut tiegħu għal din ir-reviżjoni. L-ICES b’mod partikolari se tintalab tagħti stimi ta' popolazzjonijiet u ta' qabdiet inċidentali għall-ispeċijiet ta’ tħassib. Tali dejta tal-popolazzjonijiet hija riveduta regolarment mill-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Ekoloġija tal-Għasafar tal-Baħar (Working Group on Seabird Ecology - WGSE) tal-ICES. Dan għandu jipprovdi livell ta’ referenza ta’ popolazzjonijiet li għandu jitqabbel mal-livelli ta’ qabdiet inċidentali u jippermetti valutazzjoni tal-kobor tal-problema skont l-ispeċi tal-għasafar tal-baħar u skont is-sajd.

Il-Kummissjoni għandha twettaq reviżjoni sħiħa u evalwazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE wara r-raba’ rapport (tmien snin) ta’ implimentazzjoni u għandha taġġorna l-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE skont dan. Din ir-reviżjoni għandha ssir fiż-żmien li jikkoinċidi mal-obbligu skont id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina li jntlaħaq Status Ambjentali Tajjeb għall-ekosistemi tal-baħar sal-2020.

Skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar l-Għasafar l-Istati Membri għandhom kull tliet snin jirrappurtaw dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali meħuda skont din id-Direttiva. Fejn rilevanti, l-Istati Membri jistgħu wkoll jużaw dawn ir-rapporti bħala sors ta’ dejta (eż. l-istimi tal-popolazzjonijiet tal-għasafar tal-baħar) fl-evalwazzjoni tal-effettività tal-Pjan ta’ Azzjoni.

4.           KONKLUŻJONIJIET

Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE jinvolvi firxa wiesgħa ta’ elementi inklużi azzjonijiet irrakkomandati, it-tisħiħ tad-dispożizzjonijiet eżistenti u l-inkorporazzjoni ta’ ċerti elementi fir-Regolamenti tal-futur. Uħud minn dawn il-miżuri jistgħu jkunu implimentati fil-livell tal-Unjoni, filwaqt li oħrajn jeħtieġu azzjoni fil-livell tal-Istati Membri, jew jeħtieġu l-approvazzjoni tal-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd. Barra minn hekk, il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE jipprevedi kemm azzjonijiet li jistgħu jiġu implimentati minnufih kif ukoll oħrajn li jeħtiġilhom impenn aktar fit-tul ibbażat fuq l-evidenza disponibbli u fuq il-parir xjentifiku. L-iskeda taż-żmien għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għalhekk se tiddependi fuq il-kontributi tal-atturi kollha involuti. Il-Kummissjoni tippreżenta dan il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE lill-Kunsill u lill-Parlament u tinkoraġġihom biex japprovawh bis-sħiħ.

Anness I Lista ta’ azzjonijiet fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE

L-Objettiv Speċifiku 1: Identifikazzjoni u korrezzjoni tad-dgħufijiet u tal-inkoerenzi f’miżuri ta’ ġestjoni attwali kemm fl-UE kif ukoll fl-ilmijiet li mhumiex tal-UE.

Azzjoni || Parti responsabbli || Skeda taż-żmien

Esplorar ta’ kriterji li jistgħu jintużaw biex jiddefinixxu problema ta’ qbid inċidentali tal-għasafar tal-baħar || COM flimkien mal-korpi xjentifiċi || L-ewwel trimestru tal-2013

Jitwettaq progress fid-deżinjazzjoni tan-netwerk taż-Żoni ta’ Protezzjoni Speċjali, inkluż bl-użu ta’ Żoni Importanti għall-Għasafar għall-identifikazzjoni ta’ Żoni ta’ Protezzjoni Speċjali kandidati || SM/COM || Kontinwa

Jitwettaq progress fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni tal-miżuri għall-ġestjoni tas-sajd li jipproteġu għasafar tal-baħar f’Żoni ta’ Protezzjoni Speċjali nnominati skont id-Direttiva dwar l-Għasafar, f’Żoni Protetti tal-Baħar oħra, inklużi dawk stabbiliti f’pajjiżi u territorji barranin kif ukoll f’Żoni Importanti għall-Għasafar u l-estensjoni ta’ dawn għall-ibħra aktar miftuħa fejn meħtieġ || SM/COM || Kontinwa

Reviżjoni tal-miżuri attwali ta’ monitoraġġ u ta’ mitigazzjoni għall-protezzjoni tal-għasafar tal-baħar fl-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd u valutazzjoni tal-livell tal-konformità ma’ miżuri attwali || SM, COM, l-RFMOs, LDRAC || Kontinwa

Inkoraġġiment ta’ Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd, kemm permezz ta’ talba diretta kif ukoll permezz tal-FAO, biex dawn jiżviluppaw Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali/Reġjonali tagħhom stess, konsistenti mal-Linji Gwida tekniċi dwar l-Aħjar Prassi Teknika tal-FAO || COM, RFMOs || Kontinwa

Ikun żgurat, safejn possibbli, li l-miżuri ta’ mitigazzjoni użati minn bastimenti tal-UE li jistadu f’ilmijiet esterni, jintużaw ukoll minn bastimenti bil-bandiera ta’ Stati li mhumiex membri tal-UE iżda li huma proprjetà ta’ jew ikkontrollati minn sidien u operaturi bbażati fi SM || SM, COM, l-RFMOs, LDRAC || Kontinwa

Proposta ta’ rakkomandazzjoni(jiet) speċifika/ċi fil-Ftehim tal-Istati Kostali biex bastimenti mhux tal-UE li joperaw fl-ilmijiet tal-UE jadottaw il-miżuri ta’ mitigazzjoni u jirrapportaw dwar qabdiet inċidentali ta’ għasafar tal-baħar || COM || Mhux aktar tard minn tmiem l-2013

L-Objettiv Speċifiku 2: Ġbir ta’ dejta kritika għall-istabbiliment tad-dimensjoni ta’ qabdiet inċidentali ta’ għasafar tal-baħar, partikolarment fis-sajd/fiż-żoni tal-UE u fl-ilmijiet mhux tal-UE fejn l-informazzjoni hija limitata, aneddottali biss u/jew mhux disponibbli.

Azzjoni || Parti responsabbli || Skeda taż-żmien

Reviżjoni tad-dejta disponibbli tal-qabdiet inċidentali, validazzjoni ta’ sorsi ta’ informazzjoni u identifikazzjoni tas-sajd fejn huma meħtieġa azzjonijiet xierqa ta’ segwitu b’aktar investigazzjonijiet dettaljati || SM, COM flimkien mal-korpi xjentifiċi || Mhux aktar tard minn tmiem l-2013

Adozzjoni ta’ approċċ prekawzjonarju fejn hemm nuqqas ta’ informazzjoni jew informazzjoni inċerta dwar qabdiet inċidentali ta’ għasafar tal-baħar u twettiq ta’ monitoraġġ aktar estensiv tas-sajd li jaqa’ f’din il-kategorija (il-mira għandha tkun minimu ta’ 10 % kopertura minn osservaturi fuq perjodu qasir ta’ żmien) || SM || Wara valutazzjoni inizjali

Ikun żgurat li l-osservaturi użati regolarment fuq vapuri li joperaw f’ilmijiet esterni jirreġistraw b’mod preċiż il-qabdiet inċidentali ta’ għasafar tal-baħar. || SM, RFMOs || Kontinwu

Ikun żgurat li d-dejta tal-osservatur tiġi ppreżentata regolarment lis-Segretarjat tal-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd rispettivi u lill-Kummissjoni biex jiffaċilitaw l-analiżi ta’ dejta tal-programm tal-osservatur || SM, l-RFMOs, COM || Kontinwu

Stabbiliment ta’ format standard tar-rappurtar għar-reġistrazzjoni ta’ qabdiet inċidentali ta’ għasafar tal-baħar fuq bażi volontarja u żamma ta’ bażi tad-dejta tal-qabdiet inċidentali ta' għasafar tal-baħar fis-sajd tal-UE bbażat fuq l-informazzjoni mogħtija mill-Istat Membru || COM flimkien mal-ICES || Tmiem l-2012

Titqies il-fattibbiltà tal-inkorporazzoni tal-monitoraġġ tal-għasafar tal-baħar fil-Qafas għall-Ġbir tad-Dejta (DCF) il-ġdid || COM || Il-bidu tal-2014

L-Objettiv Speċifiku 3: Implimentazzjoni tal-miżuri ta’ mitigazzjoni fejn l-informazzjoni tindika okkorrenza ta’ qabdiet inċidentali ta’ għasafar tal-baħar.

Azzjoni || Parti responsabbli || Skeda taż-żmien

L-implimentazzjoni ta' miżuri ta’ mitigazzjoni ppruvati fis-sajd bil-konzijiet fil-Gran Sol, fil-Mediterran u f’ilmijiet mhux tal-UE (fejn dan mhux diġà meħtieġ li jsir). F’dan is-sajd għandhom jintużaw mill-inqas tnejn mill-miżuri ta’ mitigazzjoni li ġejjin: – Bil-lejl bl-anqas dawl fuq il-gverta – Lenez għat-tnaffir tal-għasafar (Tori lines) – Żieda ta’ piżijiet mal-lenza Il-miżuri ta’ mitigazzjoni għandhom jikkonformaw ma’ standards tekniċi minimi kif stabbiliti fil-Linji Gwida tal-Birdlife u tal-ACAP[40] || COM, SM, RFMOs || Mhux aktar tard minn tmiem l-2013

Promozzjoni tal-adozzjoni ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni fil-livell internazzjonali, fejn huwa xieraq u fejn mhux diġà applikabbli. || COM || Kontinwa

Il-valutazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni applikabbli f’żoni tas-sajd bi xbieki statiċi fil-Baltiku, fil-Lvant tal-Baħar tat-Tramuntana u fl-ilmijiet tal-Punent fejn qabdiet inċidentali ta’ għasafar tal-baħar huma ddokumentati b’mod tajjeb || SM || Mhux aktar tard minn tmiem l-2013

Issir rakkomandazzjoni li l-bastimenti kollha jimplimentaw ġestjoni abbord ta’ ġewwieni/ħut skartat skont il-linji gwida dwar l-aħjar prassi[41] || SM || Mhux aktar tard minn tmiem l-2013

Fuq il-bażi ta’ reviżjoni tal-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd jitressqu proposti għal miżuri addizzjonali ta’ mitigazzjoni u għal monitoraġġ imtejjeb fl-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd || SM, COM, l-RFMOs, LDRAC || Kontinwu

Issir proposta dwar l-inkorporazzjoni ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni rilevanti skont ir-Regolament dwar il-miżuri tekniċi li qed jiġu żviluppati fil-kuntest tar-riforma tal-PKS u tkun żgurata wkoll l-inklużjoni ta’ miżuri speċifiċi skont il-pjanijiet multiannwali, bħala kwistjoni ta’ prijorità, fejn xieraq u fejn hu meħtieġ b’mod urġenti. || COM || Mill-2016 wara l-adozzjoni ta’ regolament ġdid dwar miżuri tekniċi u l-iżvilupp tal-pjanijiet multiannwali

Inkoraġġiment tal-Istati Membri biex jittrasponu l-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE fil-leġiżlazzjoni nazzjonali || COM, SM || Mhux aktar tard minn tmiem l-2013

Jingħataw biżżejjed riżorsi, speċjalment appoġġ ta’ finanzjament permezz tal-Fond Ewropew għas-Sajd u tal-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd il-ġdid għall-iżvilupp, l-ittestjar u l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ mitigazzjoni || SM || Azzjoni immedjata għall-EFF. Mhux aktar tard minn tmiem l-2014 għall-EMFF.

L-Objettiv Speċifiku 4: Jingħataw edukazzjoni u taħriġ lis-sajjieda fl-użu u l-benefiċċji tal-miżuri ta’mitigazzjoni u l-identifikazzjoni preċiża ta’ għasafar tal-baħar għal għanijiet ta’ rappurtar.

Azzjoni || Parti responsabbli || Skeda taż-żmien

Organizzazzjoni ta’ workshop(s) li jinforma(w) lill-partijiet interessati dwar il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE || COM || l-ewwel trimestru tal-2013

Promozzjoni tal-adozzjoni ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni sabiex jitnaqqsu qabdiet inċidentali ta’ għasafar tal-baħar u jgħinu fl-iżvilupp ta’ programmi ta’ taħriġ indirizzati lis-sajjieda u lill-osservaturi tas-sajd, preparazzjoni u distribuzzjoni ta’ gwidi ta’ identifikazzjoni tal-għasafar tal-baħar u ta’ materjali rilevanti oħra || SM, NGOs, RACs || Kontinwa

Jingħataw biżżejjed riżorsi, speċjalment appoġġ ta’ finanzjament permezz tal-Fond Ewropew għas-Sajd u tal-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd il-ġdid għat-twassil ta’ miżuri ta’ edukazzjoni u sabiex titrawwem is-sensibilizzazzjoni || SM || Kontinwa

Jibqgħu jingħataw miżuri ta’ taħriġ, ta’ edukazzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni lil bastimenti li joperaw f’ilmijiet esterni || NGOs, RFMOs || Kontinwa

Estensjoni tal-miżuri għat-trawwim ta’ sensibilizzazzjoni lill-partijiet oħra interessati u lill-pubbliku inġenerali || COM, NGOs || Kontinwa

L-Objettiv Speċifiku 5: Titħeġġeġ riċerka dwar miżuri ta’ mitigazzjoni prattiċi u effettivi għall-irkapti tas-sajd kollha li jkollhom impatt fuq l-għasafar tal-baħar.

Azzjoni || Parti responsabbli || Skeda taż-żmien

Titħeġġeġ ir-riċerka permezz ta’ programmi ta’ finanzjament tal-UE (eż. l-FP7, LIFE) għall-iżvilupp ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni prattiċi u effiċjenti, evalwazzjoni tal-effettività ta’ dawk il-miżuri u evalwazzjoni u titjib ta’ teknoloġiji u prattiki li diġà jeżistu. Għandha ssir enfasi fuq l-iżvilupp ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni għal żoni tas-sajd bi xbieki statiċi f’qasir żmien || COM, SM, RACs, NGOs || Kontinwa

Titkompla r-riċerka dwar l-iżvilupp ta’ rkapti tas-sajd alternattivi li jimmiraw sabiex l-impatti negattivi kkawżati mis-sajd fuq iż-Żoni ta’ Protezzjoni Speċjali jingħelbu bil-għan li jiġi ffaċilitat l-aċċess għal opportunitajiet tas-sajd || SM, RACs, NGOs, || Kontinwa

Fil-każ li l-monitoraġġ ta’ qabdiet inċidentali ta’ għasafar tal-baħar ikun inkluż fil-programm multiannwali tal-UE għall-Ġbir tad-Dejta 2014-2020, issir valutazzjoni ta’ kif it-teknoloġiji l-ġodda tal-monitoraġġ elettroniku jistgħu jintużaw għall-monitoraġġ ta’ qabdiet inċidentali ta’ għasafar tal-baħar u, kif ikun xieraq, tiġi żgurata l-implimentazzjoni tagħhom || SM, RACs, NGOs || 2014

Jingħataw biżżejjed riżorsi, speċjalment appoġġ ta’ finanzjament permezz tal-Fond Ewropew għas-Sajd u tal-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd il-ġdid biex jiġi ffaċilitat l-użu u l-ittestjar ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni kif ukoll il-monitoraġġ addizzjonali tas-sajd fejn ikunu hemm kwistjonijiet ta’ qabdiet inċidentali suspettati || SM || Azzjoni immedjata għall-EFF. Mhux aktar tard minn tmiem l-2014 għall-EMFF.

Anness II Ismijiet bil-Latin tal-Ispeċijiet tal-Għasafar tal-Baħar imsemmija

Garnija tal-Baleariku || Puffinus mauretanicus

Garnija Sewda || Puffinus griseus

Garnija || Puffinus yelkouan

Gawwija Munqarha Aħmar || Larus audouinii

Ċiefa || Calonectris diomedea

Gawwija Rasha Sewda || Larus melanocephalus

Gawwija tal-Ingilterra || Rissa tridactyla

Black guillemot || Cepphus grylle

Garnija tal-Atlantiku || Puffinus puffinus

Gawwija Prima || Larus michahellis

Northern fulmar || Fulmarus glacialis

Great shearwater || Puffinus gravis

Sula || Morus bassanus

Bugħaddasa || Gaviidae spp.

Blonġuni || Podicipedidae spp.

Papri tal-baħar || Merginae spp.

Papri tal-għads || Aythyinae spp.

Purċinelli || Alcidae spp.

Marguni || Phalacrocoracidae spp.

Steller’s eider || Polysticta stelleri

Bugħaddas || Gavia stellata

Black-throated diver || Gavia arctica

Slavonian grebe || Podiceps auritus

Serra Bajda || Mergellus albellus

Iberian guillemot || Uria aalge ibericus

Margun tat-Toppu || Phalacrocorax aristotelis

Albatross spp. || Diomedeidae spp.

Kanġu spp. || Procellaria and Macronectes spp.

[1]               FAO. 1999. International Plan of Action for reducing incidental catches of seabirds in longline fisheries. Ruma, FAO. 1999. paġni 1-11.

[2]               ICES Advice 2008, Book 1, 1.5.1.3 Interactions between fisheries and seabirds in EU waters

                ICES. 2008. Report of the Working Group on Seabird Ecology (WGSE), ICES CM 2008/LRC:05. 99pp.

[3]               ICES. 2009. Report of the Working Group on Seabird Ecology (WGSE), 23-27 Marzu 2009, Bruges, il-Belġju. ICES CM 2009/LRC:10.91 pp.

                ICES. 2010. Report of the Working Group on Seabird Ecology (WGSE), 15-19 Marzu 2010, Copenhagen, id-Danimarka. ICES CM 2010/SSGEF:10.77pp.

[4]               Anderson O.R.J., Small C.J., Croxall J.P., Dunn E.K., Sullivan B.J. Yates O. & Black A. 2011. Global seabird bycatch in longline fisheries. Endangered Species Research Vol. 14:91-106.

[5]               Il-konzijiet tfisser numru ta’ lenez marbuta flimkien, jew imqiegħda fil-qiegħ jew li jimxu mal-kurrent li jkollhom numru kbir ta’ snanar bil-lixka.

[6]               Xbieki statiċi tfisser xbieki li għalihom l-operazzjoni tal-qbid ma tirrikjedix il-moviment attiv tax-xbieki. Xbieki bħal dawn jistgħu jikkonsistu minn xibka separata waħda jew aktar attrezzati bi ħbula ta’ fuq, t’isfel u tal-assemblaġġ, u jistgħu jiġu armati b’irkaptu għall-ankraġġ, li jżomm fil-wiċċ u għan-navigazzjoni.

[7]               Tat-tkarkir tfisser irkaptu li jkun irmunkat b’mod attiv minn bastiment tas-sajd wieħed jew aktar u li jikkonsisti f'xibka li jkollha struttura f’forma ta’ kon jew ta’ piramida magħluqa b’borża jew manka.

[8]               Purse seine tfisser irkaptu ċirkolanti magħmul minn xibka fejn il-qiegħ tiegħu jinġibed permezz ta’ lenza fil-qiegħ tax-xibka, li tgħaddi minn serje ta’ anelli tul il-ħabel tal-qiegħ, li tippermetti li x-xibka tingħalaq.

[9]               Id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi

[10]             http://ec.europa.eu/fisheries/documentation/studies/indez_en.htm

[11]             Žydelis, R., Bellebaum, J., Österblom, H., Vetemaa, M., Schirmeister, B., Stipniece, A., Dagys, M., van Eerden, M. u Garthe, S. 2009. Bycatch in gillnet fisheries- An overlooked threat to waterbird populations. Biological Conservation, 142: 1269-1281.

[12]             ACAP 2009. Species Assessments. Disponibbli fuq www.acap.aq/acap-species.

[13]             Il-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin tal-Baħar tal-Antartiku

[14]             Il-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku

[15]             Il-Kummissjoni tat-Tonn tal-Oċean Indjan

[16]             http://ec.europa.eu/fisheries/documentation/studies/index_en.htm

[17]             Melvin, E.F., Parrish, J.K. u Conquest, L.L. 1999. Novel tools to reduce seabird bycatch in coastal gillnet fisheries. Cons. Biol. 13: 1386-1397.

[18]             Sullivan, B. J., Clark, J. Reid, K, Reid E (2009). Development of effective mitigation to reduce seabird mortality in the icefish (Champsocephalus gunnar) trawl fishery in Subarea 48.3. WG-IMAF-09-15. CCAMLR, Hobart, l-Awstralja

[19]             ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59.

[20]             COM(2011) 425.

[21]             COM(2011)804.

[22]             COM(2011)424.

[23]             ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7-50.

[24]             ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19-40

[25]             ĠU L 309, 13.12.1993, p. 1.

[26]             COM(2011) 244.

[27]             Fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, C-221/04, il-paragrafu 71.

[28]             http://www.ospar.org/

[29]             http://www.helcom.fi/

[30]             http://www.unepmap.org/index.php?module=content2&catid=001001004

[31]             http://www.tuna-org.org/Documents/TRFMO2/19%20ANNEX%205.11%20ENG.pdf

[32]             ĠU L 179, 23.6.1998, p. 3-134

[33]             ĠU L 309, 13.12.1993, p. 1.

[34]             http://www.cms.int/about/intro.htm

[35]             https://www.acap.aq/

[36]             Birdlife International (2011). Important Bird Areas factsheets. http://www.birdlife.org

[37]             PBR hija l-kejl tan-numru massimu ta’ annimali/għasafar, li ma jinkludix il-mortalitatijiet naturali, li jistgħu jitneħħew minn popolazzjoni, filwaqt li xorta jippermetti li l-istokk jilħaq jew iżomm il-livell ottimali u sostenibbli tal-popolazzjoni tiegħu.

[38]             BPUE hija l-qabdiet inċidentali ta' għasafar għal kull unità ta’ sforz.

[39]             FAO 2008. Report of the Expert Consultation on Best Practice Technical Guidelines for IPOA/NPOA-Seabirds. Bergen, in-Norveġja, 2-5 Settembru 2008. 46pp.

[40]             http://www.rspb.org.uk/ourwork/policy/marine/international/advocacy/mitigationfactsheets.aspx

[41]             http://www.birdlife.org/seabirds/downloads/FS_13_Trawl_fisheries_warp_strike_final.pdf