52012DC0663

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Lejn suq intern tal-enerġija effiċjenti /* COM/2012/0663 final */


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Lejn suq intern tal-enerġija effiċjenti

1.           DAĦLA

L-Unjoni Ewropea għandha bżonn suq intern tal-enerġija li jkun kompetittiv, integrat, u li jaħdem mingħajr xkiel, sabiex jipprovdi sinsla soda għaċ-ċirkolazzjoni tal-elettriku u tal-gass fejn dawn ikunu meħtieġa. Biex tegħleb l-isfidi tal-Ewropa fl-oqsma tal-enerġija u tat-tibdil fil-klima, u biex tiżgura provvista tal-enerġija affordabbli u sikura għad-djar u għan-negozji, l-UE għandha tiżgura li s-suq intern Ewropew tal-enerġija jkun kapaċi jopera b'mod effiċjenti u flessibbli. Minkejja avvanzi kbar fl-aħħar snin fil-mod kif jiffunzjona s-suq tal-enerġija, hemm bżonn li ssir iktar ħidma biex jiġu integrati s-swieq, biex tittejjeb il-kompetizzjoni, u biex jiġu ffaċċjati l-isfidi l-ġodda. Kif jisħaq il-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050[1], il-kisba tal-integrazzjoni sħiħa tan-netwerks u sistemi Ewropej tal-enerġija, u ftuħ usa' tas-swieq tal-enerġija eżistenti, huma fatturi essenzjali biex issir it-tranżizzjoni lejn ekonomija b'użu baxx tal-karbonju, kif ukoll biex tinżamm provvista sikura bl-inqas kost possibbli.

Jekk nonqsu milli nwettqu bidliet kbar fil-mod kif jiffunzjoni s-suq tal-enerġija, għad inħabbtu wiċċna ma' sistema Ewropea tal-enerġija inqas affidabbli u b'kostijiet akbar, tant li tolqot ħażin il-kompetittività u l-ġid tal-EU, u jsir progress kajman wisq lejn id-dekarbonizzazzjoni. Biex dawn ix-xejriet jitreġġgħu lura, huwa urġenti li ninvestu fl-infrastruttura tal-ġenerazzjoni, tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni tal-enerġija, kif ukoll fil-ħżin. Hemm bżonn li jiġu mmodernizzati s-sistemi tal-enerġija attwali, u l-kost ta' dan huwa stmat għal triljun ewro[2]. Jeħtiġilna wkoll inħeġġu iktar miżuri favur l-effiċjenza, nistimolaw il-kompetizzjoni ġusta, u nagħtu lill-konsumaturi s-setgħa li jieħdu rwol iktar attiv, u li jeżerċitaw bis-sħiħ id-drittijiet u l-għażliet tagħhom.

Għal dawn ir-raġunijiet kollha, il-Kapijiet ta’ Stat jew tal-Gvern Ewropej stabbilew skadenza ċara għat-tlestija tas-suq intern tal-enerġija, l-2014. Is-suq intern tal-enerġija mhuwiex mira aħħarija fih innifsu; anzi, huwa strument ewlieni fit-twassil tal-iktar affarijiet mixtieqa miċ-ċittadini tal-UE: it-tkabbir ekonomiku, l-impjieg, il-qadi sikur tal-bżonnijiet bażiċi bi prezz affordabbli u kompetittiv, u l-użu sostenibbli ta' riżorsi limitati.

Il-leġiżlazzjoni eżistenti għandha tiġi implimentata bis-sħiħ sal-2014. Din tinkludi l-istabbiliment tar-regoli tekniċi fondamentali fuq il-livell tal-UE, u l-forniment tal-għodod u r-riżorsi meħtieġa biex ir-regolaturi jkunu jistgħu jinfurzaw il-leġiżlazzjoni b'mod effettiv. Is-swieq transfruntieri għall-gass u għall-elettriku għandhom ikunu f'posthom u fis-seħħ mal-UE kollha, u l-implimentazzjoni tal-pjanijiet għat-tlestija, il-modernizzazzjoni u l-perfezzjonament tal-grilji tal-UE jridu jkunu f'fażi avvanzata. Sakemm dan ma jsirx, il-konsumaturi ma jkunux jistgħu jgawdu bis-sħiħ il-benefiċċji tas-suq intern tal-enerġija.

Illum l-UE ma tinsabx fit-triq it-tajba biex tilħaq din l-iskadenza. Mhux talli l-Istati Membri qed ikaxkru saqajhom fl-aġġustament tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom u fil-ħolqien ta’ swieq kompetittivi bl-involviment tal-konsumaturi, talli jeħtieġ ukoll li jitbiegħdu minn u jirreżistu politiki li jħarsu 'l ġewwa biss, jew li jkunu mnebbħa minn spirtu nazzjonalistiku. Dawn it-tendenzi mhumiex qed iħallu s-suq intern jiffunzjona b'mod effiċjenti. Saħansitra jheddu li jreġġgħu lura kull progress li għamilna s'issa fit-triq lejn suq intern tal-enerġija. Madankollu, jibqa' ċar il-valur miżjud ta’ proġett li jiġbor flimkien il-politiki tal-enerġija tal-Istati Membri, u li joħloq sistemi tal-enerġija effiċjenti u sikuri li jmorru lil hinn mill-fruntieri tal-istati nazzjon.

Din il-Komunikazzjoni terġa' tisħaq fuq il-benefiċċji tas-swieq integrati tal-enerġija Ewropej, u tfassal metodi biex jiżguraw li s-suq jaqdi l-potenzjal tiegħu kemm jista' jkun malajr, u b'hekk jissodisfa l-bżonnijiet u l-aspettattivi taċ-ċittadini u tan-negozji tal-UE. Minħabba l-importanza tagħha għat-tfannid tas-Suq Uniku, din l-inizjattiva ġiet identifikata bħala waħda mit-12-il azzjoni ta' prijorità fil-Komunikazzjoni "Att dwar is-Suq Uniku II – Flimkien għal tkabbir ġdid"[3].

2.           IL-VANTAĠĠI TA’ SWIEQ TAL-ENERĠIJA MIFTUĦIN, INTEGRATI U FLESSIBBLI

Il-gvernijiet nazzjonali, in-negozji u l-individwi jridu jkunu sodisfatti li s-suq intern jipprovdilhom l-aqwa kundizzjonijiet, iżda llum dan mhuwiex il-każ. Is-suq tal-ġenerazzjoni tal-enerġija għadha kkonċentrata ħafna. Fi tmien Stati Membri, iktar minn 80 % tal-ġenerazzjoni tal-enerġija jibqa' kkontrollat mill-operatur storiku. F'suq tal-enerġija effiċjenti li idealment jindirizza l-kostijiet tal-esternalitajiet, l-investimenti fil-ġenerazzjoni jridu jissejsu fuq kunsiderazzjonijiet kummerċjali, pjuttost milli fuq is-sussidji. B'mod ġenerali, is-swieq tal-enerġija jitqiesu mhux trasparenti, jew mhux miftuħin biżżejjed għal operaturi ġodda, inklużi fornituri ta’ servizz fuq il-lat tad-domanda. Mhux qed isiru investimenti ekonomikament loġiċi fl-effiċjenza enerġetika; jew tal-anqas, mhux qed isiru biżżejjed. Is-sodisfazzjon tal-konsumaturi huwa baxx, anki fl-Istati Membri li llum għandhom swieq tal-enerġija pjuttost kompetittivi.

B'danakollu, is-suq intern tal-enerġija diġà ġab vantaġġi li ma jistgħux jinċaħdu, u l-benefiċċji potenzjali jibqgħu attraenti bħal qatt qabel.

2.1.        Il-kisbiet s'issa huma ħafna

Għażla usa' u aktar flessibbiltà għall-konsumaturi

Tal-anqas 14-il kumpanija Ewropea tal-elettriku u/jew tal-gass illum huma attivi f'iktar minn Stat Membru wieħed, u hemm iktar minn tliet fornituri ewlenin tal-elettriku f'għoxrin Stat Membru[4]. Illum saħansitra d-djar u n-negozji ż-żgħar, f'żewġ terzi mill-Istati Membri, jistgħu jagħżlu fost għadd ta' fornituri.

L-għodod għat-tqabbil tal-prezzijiet għenu lill-konsumaturi jsibu offerti li jaqblulhom iktar. B'aktar għarfien fir-rigward tal-vantaġġi tal-bidla minn fornitur għal ieħor, feġġew rati għoljin ta’ bidla tal-fornitur f'għadd ta’ Stati Membri, fosthom l-Isvezja, ir-Renju Unit, l-Irlanda, il-Belġju u r-Repubblika Ċeka[5].

Prezzijiet iktar kompetittivi

Il-ftuħ tas-swieq, iż-żieda fil-kummerċ transfruntier u fl-integrazzjoni tas-swieq[6], u kompetizzjoni iktar b'saħħitha, imrawma kollha kemm huma mil-leġiżlazzjoni tal-UE u mill-infurzar strett tar-regoli ta’ kompetizzjoni u tal-għajnuna mill-Istat, qegħdin irażżnu sew il-prezzijiet tal-enerġija[7] filwaqt li jgħinu fil-ħolqien tal-impjiegi fil-manifattura fl-UE, b'benefiċċji għall-konsumaturi kollha.

Madankollu, il-bolla tal-enerġija mħallsa mill-konsumaturi tikkonsisti f'iktar mill-komponent tal-enerġija biss, u dan jagħmel inqas viżibbli l-effett tal-prezz. It-tariffi għan-netwerks tat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni jagħmlu parti sostanzjali mill-kont totali, kif jagħmlu t-taxxi u l-imposti[8]. Dawn it-tariffi, taxxi u imposti mhux dejjem jinfirxu b'mod omoġenju mal-kategoriji kollha ta’ konsumaturi, u dan jitfa' piż kbir, b'mod partikulari, fuq il-bolol tad-djar tal-konsumaturi. Jiġu ddeterminati fuq il-livell tal-Istati Membri, u huma soġġetti għal politiki nazzjonali[9]. F'ċerti Stati Membri, it-taxxi u l-imposti jikkostitwixxu madwar 50 % mill-bolla totali tal-enerġija[10]. Fl-UE-15, it-taxxi fil-bolla finali għall-konsumaturi nazzjonali żdiedu b'medja ta’ bejn 22 % fl-1998 u 28 % fl-2010[11].

Swieq bl-ingrossa iktar likwidi u trasparenti

Il-likwidità u t-trasparenza fis-swieq kummerċjali tal-elettriku tjiebu b'mod progressiv, b'riżultat tal-"akkoppjament tas-swieq" bejn l-Istati Membri[12]. L-akkoppjament tas-swieq infirex b'pass kostanti mill-majjistral tal-UE lejn reġjuni oħra. Bħalissa, 17-il Stat Membru huma "akkoppjati". Barra minn hekk, il-formazzjoni tas-suq All-Island fl-Irlanda fl-2007 kienet kontribut pożittiv lejn il-bini tas-suq intern tal-elettriku. Dawn l-iżviluppi wasslu għal iktar kummerċ transfruntier, u għal iktar konverġenza fil-prezzijiet[13]. It-trasparenza qiegħda tiżdied, b'konsegwenza wkoll tar-Regolament dwar l-integrità u t-trasparenza tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa (REMIT) adottat fl-2011[14].

Bil-kummerċ fost il-kumpaniji tal-gass kulma jmur ikompli jiżdied, it-tkabbir tal-pjattaformi tal-kummerċ fil-gass ("gas hubs" jew ċentri tal-gass) bejn 2003-2011 kien impressjonanti, tant li saru għaxar darbiet ikbar milli kienu. Is-swieq tal-UE b'ċentri tal-gass likwidu rnexxielhom jieħdu vantaġġ ħafna ikbar mill-esponiment tagħhom għall-kompetizzjoni fis-settur tal-gass, inklużi swieq globali tal-LNG influwenzati minn ġrajjiet lil hinn mill-UE, bħal ngħidu aħna l-hekk imsejħa "rivoluzzjoni tal-gass tax-shale" fl-Istati Uniti. Il-kuntrast qawwi bejn l-effetti vantaġġjużi li dan kellu fuq il-prezzijiet tal-gass bl-ingrossa fi swieq likwidi u kompetittivi fl-UE, imqabbla mas-swieq inqas likwidi u kompetittivi, huwa mill-iktar sorprendenti[15].

Provvisti iktar sikuri

Il-likwidità miżjuda tas-swieq bl-ingrossa tejbet ukoll is-sigurtà tal-provvista fl-UE. Fejn jidħol il-gass, l-għadd ta’ pajjiżi ewlenin li jipprovdu l-gass lill-Ewropa żdied minn 14 għal 23 bejn l-2000 u l-2010. L-impatt pożittiv fuq is-sigurtà tal-provvista joħroġ fid-dieher minn dak li ġara fil-bidu ta' Frar 2012, fejn domanda eċċezzjonalment għolja għall-gass u għall-elettriku waqt temp estremament kiesaħ ħabtet ma' tnaqqis fl-importazzjonijiet tal-gass. Sinjali ta’ prezzijiet għal perjodu ta’ żmien qasir fiċ-ċentri tal-gass varji u fil-boroż tal-elettriku fil-punent tal-UE ġibdu l-gass lejn iż-żoni fejn kien l-iktar meħtieġ, u żguraw li l-kapaċità kollha disponibbli ta' ġenerazzjoni tal-elettriku daħlet fil-grilja, bir-riżultat li ma ntlaqtitx il-provvista tal-enerġija għall-konsumaturi aħħarija.

Iktar koordinazzjoni u trasparenza fir-relazzjonijiet mal-pajjiżi terzi

L-UE u l-Istati Membri tagħha għarfu l-bżonn li jaħdmu aktar biex jikkoordinaw ir-relazzjonijiet barranin tagħhom fil-qasam tal-enerġija[16], b'mod partikulari lejn il-pajjiżi produtturi, ta’ tranżitu u ta’ konsum[17]. Dan jagħti lill-UE iktar piż u saħħa fir-relazzjonijiet kummerċjali marbutin mal-enerġija.

Fuq inizjattiva tal-UE, il-vantaġġi tal-applikazzjoni tar-regoli tas-suq intern tal-enerġija tal-UE nfirxu lejn il-pajjiżi tal-Balkani tal-punent u pajjiżi oħra ġirien tagħhom, speċjalment bil-Ftehim li jistabbilixxi l-Komunità tal-Enerġija[18]. Il-Komunità tal-Enerġija tista' u għandha tkompli titwessa', sabiex tistabbilixxi suq tal-enerġija dejjem jikber lil hinn mill-fruntieri tal-UE. Il-kummerċ fl-enerġija fi swieq effiċjenti jipprovdi vantaġġ reali lill-UE, lill-Komunità tal-Enerġija u lil pajjiżi ġirien oħra. Joħolqu valur kemm għall-pajjiżi ta’ importazzjoni u kemm għall-pajjiżi ta’ esportazzjoni, u jippermettu l-użu komplimentari tar-riżorsi naturali f'diversi reġjuni. L-UE tgħin u tappoġġja lill-pajjiżi tal-Komunità tal-Enerġija biex dawn jindirizzaw l-isfidi li jinqalgħulhom fl-applikazzjoni tar-regoli tas-suq intern tal-enerġija.

Sar titjib sinifikanti wkoll fid-definizzjoni, flimkien ma' pajjiżi tan-nofsinhar tal-Mediterran, tal-aqwa prassi regolatorja u ta’ standards tekniċi komuni, abbażi ta’ prinċipji tas-suq intern tal-enerġija. B'hekk ġiet imwittija t-triq biex is-suq intern tal-enerġija jilqa' flussi sinifikanti ta’ enerġija rinnovabbli, kif ukoll proġetti ta’ infrastruttura konġunta fil-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat.

2.2.        Baqa' ħafna iktar x'jinkiseb

Minbarra l-vantaġġi msemmija s'issa, hemm għadd ta’ oqsma fejn il-ħidma li għaddejja bħalissa mistennija tagħti frott ma ddumx.

Iktar setgħa lill-konsumaturi biex jikkontrolloaw il-kostijiet tal-enerġija tagħhom

Il-prezzijiet tal-enerġija x'aktarx jissoktaw jiżdiedu fil-futur, fost l-oħrajn minħabba d-domanda dinjija għall-fjuwil li tkompli tikber bla ħniena, kif ukoll minħabba l-investimenti meħtieġa għall-manutenzjoni u l-modernizzazzjoni tas-sistemi tal-enerġija tal-UE li ilhom jeqdiemu[19]. Madankollu, is-suq intern tal-enerġija jista' jiżgura li l-investimenti jsiru bl-iktar mod kosteffettiv, u li l-kostijiet qabel it-taxxa għad-djar u għall-industrija jibqgħu mrażżna permezz ta' pressjonijiet kompetittivi fuq il-fornituri. L-istimi jindikaw li, diġà llum, il-konsumaturi tal-UE jistgħu jiffrankaw sa EUR 13 biljun fis-sena jekk jaqilbu għall-orħos tariffa tal-elettriku disponibbli[20]. Il-parti l-kbira minn dan il-potenzjal għadha ma ġietx esplorata, għaliex ħafna nies għadhom mhumiex konxji jew kapaċi biżżejjed biex jieħdu l-akbar frott mill-opportunitajiet maħluqa mis-suq[21].

Kontroll aħjar tal-konsum permezz tat-teknoloġiji intelliġenti

Servizzi ġodda tal-enerġija miftuħin għal operaturi ġodda, flimkien ma' inċentivi kummerċjali, jistgħu jgħinu lill-konsumaturi jimmaniġġjaw aħjar il-kontijiet tagħhom billi jippermettulhom jikkonsmaw l-enerġija b'mod iktar kosteffiċjenti, u jistgħu jgħinuhom ukoll jipproduċu iktar faċilment l-elettriku tagħhom stess.

L-iżviluppi teknoloġiċi li ġejjin se jkomplu jsostnu din ix-xejra. Is-sistemi ta’ arloġġi smart (miters intelliġenti) jiffaċilitaw il-mikroġenerazzjoni mill-konsumaturi, u jistgħu jgħinu biex jitnaqqas il-konsum tal-enerġija fid-djar. Barra minn hekk, is-sistemi ta’ arloġġi smart jippermettu l-aġġustament tal-konsum tal-enerġija f'ħin reali b'reazzjoni għall-flutwazzjonijiet tal-prezzijiet tas-suq. Intwera li dan inaqqas il-kostijiet tal-enerġija għad-djar bi 13 %, iżda jista' jwassal għal iffrankar anki ikbar, permezz tal-awtomatizzazzjoni tal-elettrodomestiċi[22].

Id-Direttiva l-ġdida dwar l-Effiċjenza Enerġetika, li tinkludi dispożizzjonijiet dwar il-ġenerazzjoni ddistribwita u r-rispons għad-domanda[23], ser tgħin lis-suq jevolvi f'din id-direzzjoni. Il-kooperazzjoni bejn l-utilitajiet (b'mod partikulari l-enerġija u t-telekomunikazzjonijiet) tista' tiżgura li l-investimenti rrelatati jkunu kosteffettivi[24].

Iktar kompetizzjoni permezz ta’ aċċess aħjar għall-grilji tat-trażmissjoni

Li jkollna n-netwerks tat-trażmissjoni lesti u implimentati fih innifsu mhux biżżejjed - huwa daqstant ieħor importanti li l-atturi kollha fis-suq ikunu jistgħu jużawhom. Din kienet il-konklużjoni tal-Kummissjoni fl-istħarriġ tagħha fil-funzjonament tas-swieq tal-enerġija fl-2007[25].

In-nuqqas ta’ aċċess miftuħ u mhux diskriminatorju għall-infrastruttura tat-trażmissjoni żamm lill-operaturi ġodda lura milli jikkompetu fis-suq b'mod ġust. Ir-regoli tal-UE diġà jobbligaw lill-Istati Membri jisseparaw in-negozji tagħhom tat-trażmissjoni u tal-provvista (unbundling)[26]. Feġġet fergħa industrijali ġdida b'enfażi fuq it-trażmissjoni biss, u b'impatt dejjem iktar transfruntier. In-netwerks Ewropej tat-TSOs (ENTSO-E u ENTSOG), u l-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) għandhom irwol importanti billi jiżguraw li l-infrastruttura eżistenti tintuża b'mod iktar effiċjenti, u li l-infrastruttura l-ġdida tiġi ppjanata u żviluppata bl-aqwa mod possibbli minn perspettiva Ewropea aktarx milli abbażi tal-interessi tal-kumpaniji, u bl-użu tal-aqwa teknoloġiji disponibbli. Ir-regoli tas-separazzjoni u tal-kompetizzjoni ser ikollhom jibqgħu jiġu infurzati b'mod rigoruż biex jiġi żgurat aċċess effettiv għall-infrastruttura tat-trażmissjoni mal-UE kollha.

Użu u żvilupp iktar effiċjenti tal-grilji

Regoli tekniċi pan-Ewropej (linjigwida u kodiċi vinkolanti) jistgħu jwasslu għal aktat titjib fl-effiċjenza tan-netwerks. Il-fornituri u l-utenti jkunu jistgħu jiksbu aċċess aħjar għall-infrastruttura, u jgawdu minn kostijiet iktar baxxi tat-tranżazzjoni għall-kummerċ transfruntier. Fejn jidħol il-gass, regoli ġodda dwar il-ġestjoni tal-konġestjoni, u l-allokazzjoni trasparenti tal-kapaċitajiet tal-pipelines, jistgħu jneħħu x-xkiel għall-aċċess għall-grilja. F'dak li jirrigwarda l-elettriku, regoli tekniċi ġodda flimkien mal-grilji intelliġenti, ngħidu aħna fuq is-swieq ta’ bbilanċjar transfruntieri u fuq is-swieq likwidi għal negozju fl-istess jum[27], għandhom jgħinu fit-titjib tal-flessibbiltà tas-sistemi, kif ukoll fl-integrazzjoni wiesgħa tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli tal-enerġija, u fil-parteċipazzjoni tar-riżorsi ta’ risposta għad-domanda ħdejn il-ġenerazzjoni. Dan għandu jippermetti lill-produtturi tal-enerġija rinnovabbli jieħdu sehem sħiħ f'suq tabilħaqq kompetittiv, u jassumu progressivament l-istess responsabbiltajiet bħala ġeneraturi konvenzjonali, inkluż fir-rigward tal-ibbilanċjar.

3.           NISILTU L-AQWA FROTT MIS-SUQ INTERN TAL-ENERĠIJA

Anki jekk il-vantaġġi ta’ suq intern tal-enerġija li jaħdem b'mod effiċjenti qed joħorġu dejjem aktar fid-dieher, baqa' ċerti sfidi li għandhom jiġu affrontati b'urġenza sabiex is-suq intern tal-enerġija jitlesta sal-2014. Jekk ma neħdux azzjoni, it-tranżizzjoni lejn sistemi sostenibbli, innovattivi, b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju u b'użu effiċjenti tal-enerġija sal-2020 u lilhinn tista' tiġi kompromessa, u l-investimenti urġenti meħtieġa x'aktarx ma jiġux żgurati bl-inqas kost possibbli, jew ma jiġu żgurati xejn.

3.1.        L-isfida tal-infurzar

3.1.1.     L-implimentazzjoni tat-Tielet Pakkett tal-Enerġija

L-arkitettura għas-suq intern tal-enerġija hija ċara. Ġiet imfassla fit-Tielet Pakkett tal-Enerġija[28] u f'leġiżlazzjoni komplimentari[29]. Is-sisien qegħdin f'posthom, iżda għandha ssir implimentazzjoni effettiva sabiex is-suq intern tal-enerġija jaħdem b'mod effiċjenti[30]. Id-dewmien fl-implimentazzjoni jkollu effetti negattivi fuq l-atturi kollha fis-suq, u għaldaqstant mhumiex aċċettabbli, la l-partijiet li jikkonċernaw il-ftuħ tas-swieq, u lanqas il-partijiet maħsubin li jiggarantixxu l-kapaċitazzjoni effettiva u l-ħarsien tal-konsumaturi.

Bħala kwistjoni prijoritarja, il-Kummissjoni għaddejja bi proċeduri ta' ksur kontra dawk l-Istati Membri li għadhom ma ttrasponewx bis-sħiħ id-Direttivi tat-Tielet Pakkett tal-Enerġija, jew li naqsu milli jittrasponuhom b'mod korrett[31]. Il-Kummissjoni beħsiebha tipprovdi aġġornamenti regolari fuq il-qagħda tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tas-suq intern tal-enerġija fl-Istati Membri individwali, kif ukoll fuq il-proċeduri ta' ksur. Il-Kummissjoni, b'appoġġ mingħand is-CEER, ser tiffaċilita l-iskambju fost l-Istat Membri tal-aqwa prassi għal kwistjonijiet ewlenin marbutin mal-konsumaturi, inklużi għodod għat-tqabbil tal-prezzijiet, l-ipprezzar u l-iffatturar trasparenti, u l-iżvilupp tal-kunċett tal-konsumaturi vulnerabbli. Ir-regolaturi nazzjonali tal-enerġija huma mitluba li jxandru l-informazzjoni lill-konsumaturi. Sa tmiem l-2012, il-Kummissjoni se tvara gwida elettronika fuq l-internet dwar id-drittijiet tal-konsumaturi, kif ukoll dwar sorsi ta’ informazzjoni għall-konsumaturi, inkluż dwar il-protezzjoni tagħhom, fis-swieq tal-enerġija tal-Istati Membri individwali.

3.1.2.     L-iżgurar ta’ kundizzjonijiet ekwi

Ir-regolaturi tal-enerġija u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni, fuq il-livell tal-UE u fuq il-livell nazzjonali, jeħtieġ li jaġixxu b'mod deċiż sabiex jiżguraw li l-impriżi kollha fis-suq jiġu ttrattati b'mod indaqs, u li jiġu stabbiliti u mħarsa kundizzjonijiet ekwi[32]. Il-Kummissjoni se tinfurza r-regoli tal-kompetizzjoni b'mod attiv.

Dan huwa importanti, b'mod partikulari, fejn il-vantaġġi mnissla mill-operaturi storiċi jaġixxu ta' xkiel għad-dħul ta' operaturi ġodda. Il-Kummissjoni se tkompli tinforza r-regoli tal-antitrust u tal-għajnuna mill-Istat fis-settur tal-enerġija, biex tiżgura li dawk l-ostakoli li jkunu tneħħew permezz tar-regolamentazzjoni ma jerġgħux lura b'konsegwenża ta’ mġiba tal-impriżi jew tal-awtoritajiet pubbliċi li tista' tgħawweġ is-suq.

Il-Kummissjoni se tagħmel pressjoni fuq l-awtoritajiet pubbliċi biex tiżgura li l-konċessjonijiet, eż. għall-faċilitajiet ta’ ġenerazzjoni tal-enerġija idrawlika, faċilitajiet ta’ ħżin, jew l-operat tal-grilji tad-distribuzzjoni, jingħataw b'konformità sħiħa mal-prinċipji tat-Trattat u mal-leġiżlazzjoni sekondarja tal-UE. L-iktar mod xieraq ikun li dawn il-konċessjonijiet jinħarġu b'sejħa għall-offerti fuq bażi mhux diskriminatorja, bl-użu ta’ strumenti miftuħa, bħall-irkant. Il-Kummissjoni beħsiebha tivvaluta l-adegwatezza tal-miżuri regolatorji eżistenti għall-kisba ta’ din il-mira.

Huwa importanti li jkun hemm kundizzjonijiet ewki wkoll bejn l-UE u l-impriżi barranin. Ir-regoli tas-suq intern u l-kummerċ bi skambji ta' enerġija likwida jiftħu s-suq tal-enerġija tal-UE għall-operaturi minn pajjiżi terzi. Ladarba jkunu stabbiliti fl-UE, dawn l-operaturi minn pajjiżi terzi jgawdu l-istess jeddijiet u mistennija jaqdu l-istess dmirijiet bħala operaturi Ewropej. In-nuqqas ta’ restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni, jew ta’ dazji mill-importazzjoni tal-gass u tal-elettriku, jagħmel is-suq Ewropew wieħed mill-iktar swieq tal-enerġija miftuħa fid-dinja, u jservi ta’ xempju għal iktar tħaffif tal-kummerċ dinji fl-enerġija. Il-politika kummerċjali tal-UE timmira li tiżgura li l-kumpaniji tal-UE jkunu jistgħu jikkompetu b'kundizzjonijiet indaqs, barra mill-UE u fis-swieq nazzjonali tal-kompetituri tagħhom. Suq intern tal-enerġija ta’ 500 miljun konsumatur jagħti lill-UE u lill-impriżi tagħha piż kbir fil-kummerċ internazzjonali.

3.1.3.     It-tqarrib tal-Istati Membri

Jekk l-UE għandha tiżviluppa suq uniku għall-elettriku u għall-gass, l-ebda reġjun jew Stat Membru individwali ma għandu jitħalla lura. Il-fatti, madankollu, huma li l-iżvilupp tas-suq tal-enerġija, f'termini ekonomiċi, ivarja bil-wisq skont il-pajjiż[33], eż. fir-rigward tas-swieq tal-gass fil-majjistral tal-UE mqabbla mal-lvant tal-UE.

Il-Kummissjoni u l-ACER għandhom jippromwovu inizjattivi reġjonali biex jiżvolġu rwol prominenti fit-tqarrib bejn il-pajjiżi. L-Inizjattivi Reġjonali għandhom jgħinu fit-twaqqif ta’ aktar ċentri reġjunali tal-gass u s-swieq tal-kambju tal-enerġija, u fl-ilħiq tal-mira tal-akkoppjar sħiħ tas-suq tal-elettriku mal-UE kollha kemm jista' jkun malajr[34].

Madankollu, fi Stati Membri fejn hemm fornitur waħdani u ma hemm l-ebda konnessjoni ma' fornituri oħra, l-infurzar tal-arranġamenti reġjonali tas-suq ma tantx ikun ta' siwi. Il-Kummissjoni hija impenjata li tipprovdi għajnuna biex dawn l-Istati Membri jlaħħqu mal-oħrajn. Iżda mingħajr riformi fundamentali fil-pajjiżi kkonċernati, il-progress ma jkunx possibbli.

L-Istati Membri għandhom jixprunaw il-kompetizzjoni billi jiżviluppaw l-infrastruttura, partikularment b'appoġġ għall-attività transfruntiera, u billi jneħħu x-xkiel għall-introduzzjoni fis-suq.

3.2.        L-isfida tal-konsumaturi: kif ngħinu lill-konsumaturi jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet

Filwaqt li l-infurzar rigoruż tal-ħarsien tal-konsumaturi huwa kruċjali, mhux se jkun suffiċjenti. Biex jittieħdu l-aqwa benefiċċji offruti mis-suq intern, il-konsumaturi, inklużi ċ-ċittadini individwali u n-negozji ż-żgħar, għandhom jingħataw is-setgħa u l-inċentiv li jiżvolġu rwol attiv fis-suq.

Illum, l-SMEs u d-djar huma aktar passivi milli l-konsumaturi industrijali l-kbar, u b'hekk qegħdin jitilfu l-opportunitajiet offruti mid-differenzi bejn il-prezzijiet. Dan jista' jkun sa ċertu punt minħabba ħarsien tal-konsumaturi li mhux effiċjenti biżżejjed, jew minħabba nuqqas ta’ trasparenza jew ta’ informazzjoni adegwata għall-konsumaturi; dawn il-fatturi kollha jwasslu għal livell baxx ta' sodisfazzjon tal-konsumaturi[35] u għal telf ta' fiduċja. Madankollu, bl-apatija tal-konsumaturi rigward il-parteċipazzjoni attiva fis-suq, id-diversifikazzjoni tas-servizzi, u s-servizzi b'valur miżjud, mhumiex qed jiżviluppaw[36].

3.2.1.     It-twassil ta’ servizzi diversi u innovattivi lill-konsumaturi

Biex wieħed isib l-iktar offerta li taqbillu, x'aktarx ikollu jaqleb il-fornitur sabiex inaqqas il-kontijiet jew iżid il-kwalità tas-servizz, jagħżel skedi ta' prezzijiet li jippremjaw l-użu effiċjenti tal-enerġija jew jiffaċilitaw il-mikroġenerazzjoni, eċċ. Fi swieq kompetittivi, il-konsumaturi jiġu offruti għażla ddiversifikata billi l-fornituri jitħabtu biex jaqdu l-bżonnijiet u l-preferenzi varji tal-konsumaturi. Ċerti fornituri jimmiraw lejn il-klijenti li huma konxji mill-prezzijiet billi jikkompetu fuq il-kost, filwaqt li oħrajn isejsu l-offerta tagħhom fuq kwalità għolja tas-servizz jew fuq servizzi b'valur miżjud jew anċillari, jew inkella jakkopjaw is-servizzi tal-enerġija ma' servizzi oħra (eż. telekomunikazzjonijiet).

L-implimentazzjoni f'waqtha ta' arloġġi smart kif stipulata fil-korp tal-liġi tal-UE tista' twassal għal servizzi li jirrispondu għad-domanda, u għal servizzi oħra innovattivi u intelliġenti. Ngħidu aħna, il-konsumaturi tista' tingħatalhom il-possibbiltà li japprofittaw minn prezzijiet iktar baxxi f'perjodi ta' domanda baxxa, filwaqt li jevitaw il-konsum tal-enerġija f'perjodi tal-ogħla domanda. Dan jista' jżid il-benefiċċju għall-konsumaturi filwaqt li jkompli jwessa' l-għażla tal-konsumaturi. Tali offerti ta’ servizz se jiddependu mhux biss mill-kapaċità tan-negozji li jindirizzaw id-diversità tal-motivi u l-kapaċitajiet tal-konsumaturi fir-rigward tal-konsum ta' enerġija tagħhom, iżda wkoll mid-disponibbiltà ta' skemi ta' prezzijiet ddiversifikati, flessibbli u/jew dinamiċi. [37]

Madankollu, bħalissa, ir-regolazzjoni tal-prezzijiet f'ħafna Stati Membri żżomm il-fornituri lura milli joffru servizzi attraenti[38] u skemi ta’ prezzijiet personalizzati u dinamiċi. Dan jiskoraġġixxi lill-operaturi ġodda milli jisfidaw lill-operaturi l-qodma. F'ċerti Stati Membri, il-prezzijiet jiġu rregolati saħansitra mill-Istat, għal ċerti gruppi ta’ konsumaturi jew għall-gruppi kollha, f'livelli iktar baxxi mill-kostijiet tas-suq. Dan jista' jwassal għal defiċit fit-tariffi tal-enerġija li jkollhom jagħmlu tajjeb għalih il-kumpaniji tal-enerġija jew il-finanzi pubbliċi, u dan jista' jtaqqal lill-konsumaturi futuri tal-enerġija, jew lil kull min iħallas it-taxxa, b'kostijiet serjament għoljin. Dan jonqos ukoll milli jipprovdi l-inċentiv meħtieġ għall-użu effiċjenti tal-enerġija. Jidher biċ-ċar li tali sitwazzjoni ma twassalx għall-iżvilupp ta' suq kompetittiv, u li ekonomikament mhijiex sostenibbli.

Anki jekk il-prezzijiet irregolati jippermettu li jiġu koperti l-kostijiet tal-operat, ma jibagħtux is-sinjali korretti rigward il-prezzijiet meħtieġa biex jiggarantixxu l-investiment effiċjenti. L-investituri jarawhom bħala indikatur ta’ interferenza politika, li xxekkel l-investiment. Filwaqt li għadd ta’ Stati Membri[39] diġà ppermettew li l-prezzijiet tal-elettriku u tal-gass ikunu ħielsa mill-interventi mill-istat, inkluż għall-konsumaturi bl-imnut, u l-Kummissjoni ftiehmet ma' għadd ta' Stati Membri oħra[40] dwar tneħħija progressiva tal-prezzijiet irregolati, il-parti l-kbira mill-Istati Membri għandhom jintervjenu b'mod jew ieħor fl-istipular tal-prezzijiet bl-imnut.

Qabel dan, il-Kummissjoni fetħet għadd ta’ proċeduri ta’ ksur kontra Stati Membri li jirregolaw il-prezzijiet għall-konsumaturi industrijali. Sentenza riċenti tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tiddikjara li r-regolazzjoni tal-prezzijiet tista' tkun kompatibbli mal-liġi tal-UE biss f'ċirkustanzi strettament iddefiniti[41].

L-Istati Membri għandhom ifittxu li jwaqqfu r-regolazzjoni tal-prezzijiet tal-elettriku u tal-gass għall-konsumaturi kollha, inklużi d-djar u l-SMEs, filwaqt li jqisu l-obbligu tas-servizz universali u l-ħarsien effettiv tal-klijenti vulnerabbli. Il-fornituri għandhom ifissru biċ-ċar l-elementi differenti tal-kostijiet fil-kost aħħari għall-klijenti tagħhom, u b'hekk iħeġġu teħid ta’ deċiżjonijiet li jkun infurmat sew. Il-Kummissjoni ser tkompli tisħaq fuq skedi ta’ żmien għat-tneħħija progressiva tal-prezzijiet irregolati bħala parti mir-riformi strutturali tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni ser tkompli tippromwovi l-formazzjoni ta’ prezzijiet imsejsa fuq is-suq fis-swieq bl-imnut, inkluż permezz ta’ proċeduri ta' ksur kontra dawk l-Istati Membri li jżommu regolazzjoni tal-prezzijiet li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet stipulati mil-liġi tal-UE.

3.2.2.     Għajnuna mmirata li tagħti ħarsien aħjar lill-konsumaturi vulnerabbli

Il-prezzijiet aħħarija tal-enerġija għall-konsumaturi x'aktarx jibqgħu jitilgħu fis-snin li ġejjin, b'impatt negattiv partikularment fuq il-konsumaturi li jinsabu f'qagħda finanzjarja dgħajfa. Dawn għandhom jiġu mħarsa kif xieraq. Madankollu, is-sussidji jew ir-regolazzjoni tal-prezzijiet li jimmiraw li jnaqqsu l-prezzijiet kumplessivi tal-enerġija għandhom it-tendenza li jnaqqsu l-inċentivi għall-użu effiċjenti tal-enerġija, ma jimmiraw speċifikament lil min l-aktar hu fil-bżonn, u jistgħu jgħawġu l-kompetizzjoni. Filwaqt li l-għajnuna għall-klijenti vulnerabbli permezz ta' miżuri finanzjarji tista' tkun parti mill-politika soċjali, l-għajnuna b’ titjib fl-użu effiċjenti tal-enerġija tippreżenta forma kosteffettiva ta’ għajnuna[42].

It-tibdiliet li għaddejjin fis-settur tal-enerġija jistgħu jqajmu sfidi addizzjonali għal ċerti konsumaturi li x'aktarx ma jkollhomx l-għodda jew il-kompetenzi (il-litteriżmu, l-aċċess għall-informazzjoni fuq l-internet u mhux, eċċ.) biex jieħdu sehem attiv fis-suq ġdid li qed jiżviluppa u biex jisiltu l-aqwa benefiċċji mill-offerti disponibbli. Dawn il-konsumaturi aktarx ikollhom bżonn aktar għajnuna, ta’ natura mhix finanzjarja, sabiex ikunu jistgħu jifhmu d-drittijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom.

L-eżistenza tal-vulnerabbiltà mhijiex argument kontra t-tkomplija tal-liberalizzazzjoni, iżda tissottolinja l-fatt li l-iżgurar tal-ħarsien xieraq tal-konsumaturi, speċjalment dawk li jinsabu f'qagħda vulnerabbli, se jkun wieħed mill-iktar fatturi importanti fis-suċċess tat-tlestija tas-suq intern tal-enerġija tal-UE.

L-Istati Membri għandhom jipprovdu għajnuna mmirata lill-konsumaturi vulnerabbli sabiex jindirizzaw il-vulnerabbiltà ekonomika tagħhom, u biex jgħinuhom jagħmlu għażliet infurmati fis-swieq bl-imnut li kulma jmur qed isiru iktar kumplessi. Il-Kummissjoni se tgħin lill-Istati Membri jiddefinixxu x'jiġifieri l-vulnerabbiltà tal-konsumaturi u mnejn tinqala', billi tkun ta' gwida u billi tiffaċilita l-iskambju tal-aqwa prassi. L-Istati Membri għandhom jenfażizzaw l-importanza tat-titjib fl-użu effiċjenti tal-enerġija meta jindirizzaw il-vulnerabbiltà tal-konsumaturi u l-faqar enerġetiku.

3.3.        L-isfida tat-tranżizzjoni: nadattaw is-sistemi tal-enerġija tal-Ewropa għall-futur

Is-sistemi tal-enerġija tagħna jinsabu f'fażi bikrija ta’ tranżizzjoni kbira. Jeħtieġu investimenti sinifikanti biex jiġu ssostitwiti s-sistemi tal-UE li qegħdin jeqdiemu, biex jiġu ddekarbonizzati u jsiru iktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija, u biex tissaħħaħ is-sigurtà tal-provvista. L-UE tappoġġa dawn l-investimenti permezz ta’ strumenti varji, bħall-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa tal-futur, il-Politika ta' Koeżjoni tal-UE[43], u Horizon 2020[44]. Qed isiru investimenti[45], iżda għandu jitħaffef il-pass jekk irridu niksbu l-miri tagħna.

Is-suq intern tal-enerġija jista' jgħin lill-UE fit-tranżizzjoni: is-swieq li jaħdmu b'effiċjenza jippromwovu u jappoġġjaw il-bidla fis-sistemi b'mod ħafna aktar effettiv u bi spejjeż ħafna aktar baxxi milli kwalunkwe ppjanar ċentrali jew tibdil kumplessiv li jissejjes esklussivament fuq is-sussidji. Iżda l-bidla fis-sistema ma tistax issir mingħajr infrastruttura moderna u integrata tajjeb.

3.3.1.     Inħallu s-suq jaħdem u jħeġġeġ l-investimenti xierqa

Qabel il-liberalizzazzjoni, il-kumpaniji tal-enerġija nazzjonali integrati b'mod vertikali kellhom il-kontroll fuq is-sistema kollha, mill-produzzjoni sal-konsum. Bl-iżvilupp ta’ suq kompetittiv bi produtturi varji u operaturi tan-netwerk mhux isseparati, l-ebda entità waħedha ma' tista' tiżgura għal rasha l-affiddabbiltà tas-sistema tal-elettriku. Il-parteċipanti fis-suq huma interdependenti. L-integrazzjoni ta’ iktar enerġija mir-riħ u mix-xemx[46] iżżid mal-varjabbiltà tal-provvista u tad-domanda, kif ukoll mal-isfida li l-provvista u d-domanda jibqgħu bbilanċjati f'kull mument, tal-anqas sakemm jittejbu r-rispons għad-domanda u l-possibbiltajiet ta’ ħżin.

Madankollu, dawn l-isfidi għas-sistema tal-elettriku jistgħu jingħelbu jekk il-qafas regolatorju jiddefinixxi biċ-ċar ir-rwol tal-atturi differenti involuti fil-provvista tal-elettriku lill-konsumaturi aħħarija, bħall-produtturi, l-operaturi tan-netwerks, il-fornituri li jwieġbu għad-domanda, il-fornituri, u l-konsumaturi. Il-flessibbiltà fuq in-naħa tal-provvista u tad-domanda tista' u għandha tiġi kkumpensata abbażi ta’ sinjali msejsa fuq is-suq (fil-qasir, fit-terminu medju u fit-tul) sabiex jitħeġġew il-produzzjoni u l-użu effiċjenti tal-enerġija. L-infurzar tar-regoli antitrust se jikkomplemetaw ir-regolazzjoni f'dan ir-rigward. L-interventi pubbliċi li jiskoraġġixxu l-investimenti privati u jipperikolaw is-suq intern għandhom jiġu evitati.

Il-flessibbiltà

Jekk is-suq jitħalla jaħdem, se jindika dejjem il-valur ekonomiku tal-enerġija f'kull mument. Il-prezzijiet ikunu baxxi meta jkun hemm rankatura għall-għarrieda fil-provvista (eż. meta jkun hemm ħafna enerġija mir-riħ jew mix-xemx), u jkunu ogħla fi żminijiet ta' skarsezza.

Tali sinjali dinamiċi tal-prezzijiet huma essenzjali biex iħeġġu lill-konsumaturi u lill-fornituri fuq in-naħa tad-domanda jnaqqsu l-konsum tagħhom waqt il-perjodi tal-ogħla domanda. Tradizzjonalment, fis-settur tal-elettriku, it-tibdiliet fil-prezzijiet ftit li xejn kellhom effett fuq il-volum tad-domanda. Iżda hekk kif jiġu implimentati l-grilji intelliġenti u l-arloġġi smart, jista' jiġi esplorat il-potenzjal għall-flessibbiltà tad-domanda min-naħa tal-konsumaturi individwali jew tal-aggregaturi.

Is-sinjali tal-prezzijiet huma kruċjali wkoll biex iħeġġu l-flessibbiltà fuq in-naħa tal-provvista, b'mod li jippermettu l-adattament malajr, 'il fuq jew 'l isfel, tal-kapaċità ta’ ħżin jew ta' ġenerazzjoni. Flimkien ma' Sistema tal-UE għan-Negozjar ta' Emissjonijiet iktar f'saħħitha[47], is-suq jista' jiggarantixxi investimenti ottimi, u jiżgura l-kwalità tas-sistemi tal-elettriku tagħna fil-futur.

Il-fassala tal-politika u l-konsumaturi jistgħu jitħassbu sew dwar varjabbiltà tal-prezzijiet. Il-kollegament tas-swieq bejn l-Istati Membri għandu jillimita dan ir-riskju, billi r-rankaturi u l-waqgħat inqas ikollhom ċans isiru b'mod simultanju fil-pajjiżi kollha. Kapaċità miżjuda ta' rispons għad-domanda, u ġenerazzjoni u ħżin iktar flessibbli, għandhom jgħinu jassorbu l-perjodu tal-ogħla domanda. Ma hemm l-ebda evidenza li swieq ta’ perjodu qasir iktar volatili jwasslu għal prezzijiet medji ogħla, speċjalment fejn ikun hemm ġenerazzjoni ta’ sikurezza kontinwa.

Il-fornituri jkunu jistgħu jkopru r-riskju kontra l-volatilità tal-prezzijiet fil-qasir fi swieq aktar fit-tul. Il-bejjiegħa bl-imnut ikunu jistgħu joffru skedi ta’ prezzijiet innovattivi lill-konsumaturi li jkunu interessati li jibbenefikaw minn kuntratti ta’ provvista iktar flessibbli, li jkunu jippermettulhom jottimizzaw il-kostijiet tal-enerġija tagħhom billi jużaw sistemi ta’ arloġġi smart u elettrodomestiċi intelliġenti u b'hekk jiffukaw il-konsum tagħhom f’ perjodi ta’ prezzijiet baxxi.

Fi ftit kliem, swieq bl-ingrossa fit-tul jew fil-qasir li jaħdmu b'mod effiċjenti (b'mod partikulari s-swieq tan-negozju ta’ jum bil-quddiem, ta’ negozju fl-istess jum, tal-ibbilanċjar jew ta’ servizzi anċillari), li jirriflettu l-valur ekonomiku tal-enerġija f'kull mument u f'kull żona, jistgħu jmexxu l-investimenti lejn il-punti fejn ikunu l-iktar effiċjenti.

Bħala kwistjoni ta’ prijorità, il-Kummissjoni: -           se tiżgura t-tkomplija tal-iżvilupp ta’ swieq bl-ingrossa transfruntieri li jaħdmu b'mod effiċjenti, fl-iskedi taż-żmien kollha, permezz tal-iżvilupp ta' kodiċijiet ta' netwerks[48]. Il-Kummissjoni tistrieħ fuq l-appoġġ tal-ACER, l-ENTSOs, il-Parlament Ewropew u l-Istati Membri biex tiżgura li l-kodiċijiet tan-netwerks jiġu implimentati skont il-pjan[49]. Dawn il-kodiċijiet se jistabbilixxu regoli komuni biex jippermettu lill-operaturi tan-netwerks, lill-ġeneraturi, lill-fornituri u lill-konsumaturi joperaw b'mod aktar effiċjenti fis-suq; -           se taċċellera l-integrazzjoni tal-ħżin u tal-ġenerazzjoni flessibbli, eż. billi taffronta l-kwistjonijiet regolatorji pendenti fil-kuntest tal-kodiċi tan-netwerk tas-suq tal-ibbilanċjar Ewropew. Il-Kummissjoni se tikkunsidra tistabbilixxix inizjattiva ta' koordinazzjoni biex tindirizza l-kwistjonijiet regolatorji u tekniċi emerġenti. Il-Komunikazzjoni tagħha li ġejja dwar it-teknoloġiji u l-innovazzjoni fl-enerġija se tanalizza kif l-iżvilupp tat-teknoloġija, inklużi t-teknoloġija tal-ħżin u l-mikroġenerazzjoni, jista' jorbot mal-iżviluppi tas-suq fuq il-livell Ewropew biex jikseb il-miri fl-oqsma tal-klima u tal-enerġija.

Nottimizzaw l-interventi mill-Istat: immexxu t-taħlita enerġetika lejn użu baxx tal-karbonju

Sabiex niksbu l-miri miftiehma ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra bl-inqas kost possibbli, ġiet introdotta s-Sistema tal-UE għan-Negozjar ta' Emissjonijiet, strument imsejjes fuq is-suq li ħoloq prezz uniku Ewropew għall-karbonju. Mill-2013 'il quddiem, id-disinn tas-suq tal-karbonju jkun għalkollox 'ewropeanizzat', u b'hekk ikun jippermetti lis-suq intern tal-enerġija jiffaċilita t-tranżizzjoni lejn sistemi tal-enerġija sostenibbli, b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju u b'użu effiċjenti tal-enerġija, billi jiġu ppremjati l-investimenti fl-enerġija u fil-fjuwils b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju[50] flok f'dawk b'emissjonijiet għoljin.

Barra minn dan, l-isfida ta’ tranżizzjoni msemmija aktar 'il fuq ser teħtieġ l-ottimizzar tal-appoġġ statali sabiex jiġi żgurat li l-investiment xieraq jibqa' jsir.

Illum, l-Istati Membri jużaw forom varji ta’ appoġġ statali dirett jew indirett u/jew tariffa miżjuda (surcharges) fuq il-kontijiet tal-konsumaturi għal firxa ta' sorsi tal-enerġija. Jekk nassumu li jkun hemm iktar progress fit-tlestija tas-suq intern tal-enerġija kif deskritt hawn fuq, li l-kostijiet tal-produzzjoni jaqgħu, u li ssir evoluzzjoni fis-suq tal-karbonju, il-forom kollha ta' mekkaniżmi ta' appoġġ ikollhom jiġu rriveduti b'mod regolari.

Ngħidu aħna, skemi ta’ appoġġ għall-enerġija rinnovabbli - kif ukoll għadd ta’ regoli obbligatorji fuq l-aċċess prijoritarju għall-grilja[51] - ġew introdotti abbażi ta’ ftuħ parzjali tas-suq, internalizzazzjoni parzjali tal-kostijiet esterni tal-ġenerazzjoni konvenzjonali, u l-istadju bikri ta' żvilupp tal-biċċa l-kbira mit-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli. Minn dak iż-żmien 'l hawn, is-swieq u t-teknoloġiji baqgħu jevolvu.

Il-Kummissjoni se tiggwida dwar l-aqwa prassi u l-esperjenza miksuba fl-iskemi ta’ appoġġ għall-enerġija rinnovabbli u għar-riforma tal-iskemi ta' appoġġ[52].

Il-mira hija aktar konsistenza fl-approċċi nazzjonali, filwaqt li jitħarsu l-prinċipji tal-kosteffiċjenza u tad-digressività regolari, u tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq intern. Iktar ma jkunu effiċjenti l-iskemi, iktar issir irħisa l-enerġija rinnovabbli. U iktar ma jsiru konsistenti, iktar issir faċli l-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli bejn il-fruntieri tal-UE u lilhinn minnhom.

Il-Kummissjoni bħalissa qiegħda tirrevedi l-linjigwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien tal-ambjent, sabiex jirriflettu l-bidliet fil-pajsaġġ teknoloġiku u fl-għanijiet ta' politika tal-UE fis-settur tal-enerġija, filwaqt li jinżamm f'minimu t-tagħwiġ tal-kompetizzjoni fis-suq intern.

B'mod partikulari, ir-reviżjoni timmira li tiżgura li l-kontroll tal-għajnuna mill-Istat jiffaċilita l-għoti ta' għajnuna dejjem jekk tkun iddisinjata sew, immirata, ma tgħawwiġx il-kompetizzjoni, u sakemm ma jkunx hemm alternattivi aħjar disponibbli (strumenti regolatorji jew msejsa fuq is-suq). B'mod partikulari, il-Kummissjoni se tħeġġeġ is-soluzzjonijiet li jkunu kosteffiċjenti u li jippromwovu l-integrazzjoni transfruntiera.

Il-Kummissjoni beħsiebha tikkontribwixxi attivament lejn l-għan tal-G20 li jitneħħew is-sussidji kollha li huma ta' ħsara għall-ambjent, inkluż l-appoġġ eżistenti, dirett jew indirett, għall-fjuwils fossili[53].

Nottimizzaw l-interventi mill-Istat: is-sigurtà tal-provvista tal-elettriku

Ċerti Stati Membri introduċew jew qed jippjanaw li jintroduċu ħlasijiet separati għad-disponibbiltà fis-suq tal-kapaċità ta' ġenerazzjoni, billi huma mħassbin li s-suq ta' "enerġija biss" ma jkunx se jwassal investiment biżżejjed fil-ġenerazzjoni biex jiżgura s-sigurtà tal-provvista aktar fit-tul. Tali mekkaniżmi ta’ kapaċità huma għodod fit-tul li jimmiraw li jipprovdu fluss ta' dħul lil ġeneraturi (magħżula) u li jorbtu lill-konsumaturi jħallsu tal-kapaċità pprovduta[54].

Madankollu, il-Kummissjoni hija tal-fehma li jekk il-mekkaniżmi tal-kapaċità ma jkunux iddisinjati sew u/jew jiġu introdotti qabel il-waqt jew mingħajr koordinament xieraq fuq il-livell tal-UE, jissograw li jsiru kontraproduttivi. Jekk il-mekkaniżmi tal-kapaċità ma jittrattawx it-tnaqqis tad-domanda b'mod ġust, jistgħu jillimitawna għal soluzzjonijiet imsejsa fuq il-ġenerazzjoni pjuttost milli soluzzjonijiet ta’ effiċjenza fl-użu tal-enerġija jew ta’ reazzjoni għad-domanda. Jekk ma jagħżlux bejn il-kapaċità ta' tagħbija bażi u l-kapaċità ta' tagħbija l-iktar intensiva, x'aktarx li ma jiġbdux kapaċità ta' ġenerazzjoni flessibbli biżżejjed. Il-mekkaniżmi ta' kapaċità jgħawġu s-sinjal tal-prezzijiet mal-UE kollha, u jistgħu wkoll jiffavorixxu s-sorsi ta’ ġenerazzjoni tal-fjuwils fossili fuq sorsi rinnovabbli aktar varjabbli (lil hinn mil-livelli meħtieġa biex is-sistemi tal-enerġija jinżammu bbilanċjati), u b'hekk jistgħu jaħdmu kontra d-dekarbonizzazzjoni tal-UE u l-għanijiet tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi.

Fi swieq tal-enerġija li jaħdmu b'mod effiċjenti, l-inċentivi għall-investiment fil-ġenerazzjoni u s-sigurtà tal-ġenerazzjoni tal-enerġija jiddependu wkoll mill-evoluzzjoni tas-suq tal-karbonju. Il-Kummissjoni qiegħda tipproponi għażliet ta’ miżuri strutturali biex jindirizzaw il-provvista żejda ta’ kwoti tal-ETS minħabba l-kriżi ekonomika[55]. Dan kieku joħloq aktar ċertezza għall-investituri, u jnaqqas il-bżonn ta’ miżuri nazzjonali.

Flok jiżguraw l-adegwatezza tal-ġenerazzjoni jew is-sigurtà tal-provvista, mekkaniżmi ta' kapaċità ddisinjati ħażin ikollhom it-tendenza li jgħawġu s-sinjali ta' investiment. Dawn l-interventi, minnhom infushom, jistgħu jdaħħlu l-bsaten fir-roti għall-kummerċ u għall-kompetizzjoni transfruntieri, billi jistgħu jagħlqu l-aċċess għas-swieq nazzjonali għall-ġenerazzjoni xi mkien ieħor fl-UE, u jistgħu jgħawġu wkoll il-post tal-ġenerazzjoni fis-suq intern. Mekkaniżmi ta’ kapaċità fuq bażi nazzjonali jistgħu jtellgħu l-kostijiet għall-Istati Membri kollha billi jipprevjenu l-aqwa użu tal-ġenerazzjoni u tal-flessibbiltà bejn il-fruntieri.

Il-Kummissjoni tqis li l-mekkaniżmi ta’ kapaċità aktarx ikunu soġġetti għal regoli kummerċjali interni tal-UE, inkluż il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat u d-Direttiva 2009/72/KE.

L-Istati Membri għandhom juru l-bżonn ta’ tali mekkaniżmi flok approċċi alternattivi bħal miżuri ta’ tnaqqis tad-domanda l-iktar intensiva, aktar importazzjonijiet permezz ta' interkonnessjonijiet xierqa, u l-iffaċilitar tal-parteċipazzjoni fuq in-naħa tad-domanda għall-klijenti industrijali kif ukoll bl-imnut. Anki fi żminijiet ta’ limiti fuq il-kapaċità ta' ġenerazzjoni, l-iskambji transfruntier iridu jinżammu. Il-proċeduri ta’ allokazzjoni jridu jkunu trasparenti u mhux diskriminatorji.

L-Istati Membri jridu jwettqu analiżi sħiħa biex jaraw jekk hemmx nuqqas ta' investiment fil-ġenerazzjoni, u għaliex. Iridu jfittxu soluzzjonijiet transfruntieri għal kull problema li jsibu qabel ma jippjanaw li jintervjenu. Kull mekkaniżmu ta’ kapaċità għandu jqis kwalunkwe impatt li l-intervent ikollu fuq l-Istati Membri ġirien u fuq is-suq intern tal-enerġija. Għandha tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq intern tal-enerġija. Il-Kummissjoni qiegħda tvara konsultazzjoni pubblika dwar is-sigurtà tal-provvista fl-elettriku, l-adegwatezza tal-ġenerazzjoni, u s-suq intern tal-enerġija. Skont ir-riżultati tal-konsultazzjoni u aktar impenn mal-Istati Membri u l-partijiet interessati, il-Kummissjoni tista' tipproponi miżuri ta' segwiment.

Is-sigurtà tal-provvista tirrikjedi l-koordinazzjoni fost l-Istati Membri li jkunu jistgħu jipprovdu reazzjoni fi żmien qasir għall-kriżi u soluzzjonijiet fit-tul għall-isfidi tas-sigurtà tal-provvista. Hekk kif is-sistemi ta’ enerġija tagħna jsiru iktar integrati, ser ikollna bżonn iktar koordinazzjoni u kooperazzjoni bejn il-fruntieri sabiex nidentifikaw u nindirizzaw ir-riskji, u sabiex tiżgura rispons xieraq għall-kriżi.

Il-Kummissjoni qiegħda tistabbilixxi formalment Grupp ta' Koordinament tal-Elettriku bil-mandat li jiffaċilita l-kooperazzjoni fuq is-sigurtà tal-provvista tal-elettriku, inklużi l-adegwatezza tal-ġenerazzjoni u l-istabbiltà tal-grilja transfruntiera.

3.3.2.     Aktar integrazzjoni, modernizzazzjoni iktar malajr, u użu aħjar tal-grilji

Aktar grilji x'nintegraw fis-swieq tal-enerġija tal-UE

L-enerġija għandha tkun kapaċi tiċċirkola fejn tkun meħtieġa, mingħajr ostakli fiżiċi fuq il-fruntieri nazzjonali. Dan jimplika, fost l-oħrajn, li jiġu indirizzati l-effetti tal-flussi tal-enerġija mhux ippjanati ("loop flows") fuq l-integrazzjoni tas-swieq transfruntieri. L-investiment serju fin-netwerks tal-enerġija huwa meħtieġ biex jippermetti lil ċerti żoni tal-UE joħorġu mill-iżolament tagħhom[56], u biex niksbu l-miri tagħna tal-Ewropa 2020.

Hemm bżonn urġenti li nsaħħu l-mod kif isir l-investiment, kif tisħaq il-proposta ta’ Regolament li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa[57]. Diġà bdiet il-ħidma fuq id-definizzjoni tan-netwerks tal-enerġija tal-futur, skont il-korp tal-liġi eżistenti fil-qasam tal-ambjent. F'Ottubru 2011, il-Kummissjoni ressqet proposta għal Regolament dwar "Linjigwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea"[58]. Tidentifika tnax-il kuritur u żona ta’ prijorità li jkopru l-elettriku, it-trażmissjoni tal-gass u l-ħżin, in-netwerk ta' trasport taż-żejt u tad-dijossidu tal-karbonju, u identifikazzjoni dinamika ta' proġetti ta' interess komuni. Il-Kummissjoni ħarġet favur proċeduri iktar imħaffa ta’ għoti ta’ permessi, allokazzjoni mtejba tal-kostijiet tal-infrastrutturi transfruntieri, u l-iffinanzjar tal-appoġġ.

L-adozzjoni u l-implimentazzjoni mgħaġġla tal-Pakkett tal-Infrastruttura tal-Enerġija huma kruċjali, kif ġie rikonoxxut mill-Kunsill Ewropew tad-9 ta’ Diċembru 2011.

Modernizzazzjoni aktar mgħaġġla lejn il-grilji intelliġenti

Bi ħtieġa dejjem tikber ta’ flessibbiltà u effiċjenza fl-użu tal-enerġija, u sabiex jintlaqgħu l-ġenerazzjoni ddistribwita u l-parteċipazzjoni fuq in-naħa tad-domanda, jeħtieġ azzjoni koordinata bil-għan li jiġu implimentati grilji intelliġenti fuq il-livell Ewropew, reġjunali u muniċipali. Il-grilji intelliġenti jiddependu minn infrastruttura diġitali. Il-Kummissjoni ressqet proposta għal Regolament dwar "linji gwida għan-netwerks tat-telekomunikazzjonijiet trans-Ewropej"[59], li tidentifika bħala prijorità, fost l-oħrajn, l-infrastruttura tas-servizzi diġitali. Implimentazzjoni effiċjenti għandha tisfrutta s-sinerġiji bejn l-operaturi tat-telekomunikazzjonijiet u tal-enerġija fuq il-livell tal-infrastruttura u fuq il-livell tas-servizz, li għandhom jikkooperaw b'mod li jiffavorixxi l-kompetizzjoni, u b'hekk jiftħu s-settur għal impriżi ġodda.

Il-Kummissjoni se tkompli tippromwovi l-kooperazzjoni favur il-kompetizzjoni bejn is-settur tal-enerġija u dak tal-ICTs, inklużi fornituri ta’ servizzi innovattivi għall-avvanzar tal-modernizzazzjoni tal-grilji u għall-aċċellerar tal-innovazzjoni fis-settur tal-enerġija. L-Istati Membri huma mitlubin li jħeġġu dan fuq livell nazzjonali. L-Organizzazzjonijiet Ewropej tal-Istandardizzazzjoni (CEN/CENELEC/ETSI) għandhom il-kompitu urġenti li jiżviluppaw l-ewwel sensiela ta' standards ta' Grilja Intelliġenti sa tmiem l-2012. Il-Kummissjoni se tippromwovi l-użu ta' dawn l-istandards.

Qabel dan, il-Kummissjoni kienet diġà adottat Komunikazzjoni dwar il-grilji intelliġenti[60], li ssejjaħ għall-kundizzjonijiet ta’ qafas meħtieġa biex l-industrija tkun tista' tiżviluppa t-teknoloġiji u l-kapaċitajiet ta' produzzjoni biex iwasslu dan l-investiment, u li tfassal il-viżjoni tal-ġestjoni integrata tal-infrastruttura[61]. Abbażi tal-aqwa prassi u tal-aqwa proġetti fl-Istati Membri[62], il-Kummissjoni qiegħda tiżviluppa linjigwida u strumenti ġodda biex ikomplu jistimolaw l-implimentazzjoni tas-sistemi tal-arloġġi smart f'dan id-deċennju[63], filwaqt li timmonitorja l-progress ta' proġetti attwali ta' arloġġi smart fl-UE, u tappoġġja proġetti pilota u riċerka u żvilupp promettenti[64] fil-grilji intelliġenti.

Il-Kummissjoni ser tkompli tappoġġa r-riċerka u żvilupp u l-innovazzjoni sabiex tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-grilji intelliġenti. Il-Kummissjoni ser iġġedded il-mandat ta’ standardizzazzjoni mogħti lill-organizzazzjonijiet Ewropej ta’ standardizzazzjoni sabiex tiżviluppa t-tieni sensiela ta’ standards, u sabiex tiżviluppa linjigwida u tidentifika Proġetti ta’ Interess Komuni potenzjali sa tmiem l-2012.

Reazzjoni iktar b’saħħitha għad-domanda fin-netwerks ta’ distribuzzjoni

Bil-miġja tas-sistemi ta’ arloġġi smart, it-teknoloġiji ta’ mikroġenerazzjoni, l-elettrodomestiċi intelliġenti u l-awtomatizzazzjoni domestika, il-konsumaturi ser ikollhom dejjem iktar setgħa li jwieżnu d-domanda tal-enerġija tagħhom skont is-sitwazzjoni attwali fis-swieq tal-enerġija. Tali reazzjoni għad-domanda se tippermetti lill-konsumaturi jiffrankaw il-flus filwaqt li jżidu l-effiċjenza u l-istabbiltà tas-sistemi tal-enerġija. Madakollu, dan se jirrikjedi li l-Istati Membri, ir-regolaturi, it-TSOs (operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni), id-DSOs (operaturi tas-sistemi tad-distribuzzjoni) u l-bejjiegħa bl-imnut jikkooperaw ma' xulxin u ma' atturi oħra (fornituri ta’ servizzi fuq in-naħa tad-domanda, impriżi ta’ ICT jew żviluppaturi ta’ sistemi). L-għan huwa li jiġu żviluppati regoli u standards trasparenti u li jinftiehmu malajr għar-reazzjoni għad-domanda u għall-ġestjoni tad-dejta.

Dan se jirrikjedi wkoll li jiġi kkunsidrat mill-ġdid ir-rwol tad-DSOs. B'mod partikulari, jeħtieġ li jiġi żgurat li l-attivitajiet irregolati tagħhom ikunu limitati għal kompiti li jitwettqu l-aħjar minn monopolju naturali, u li s-servizzi ġodda, maħluqin permezz ta' teknoloġiji ġodda, jiġu żviluppati fi swieq kompetittivi. F'dan il-kuntest, jidher xieraq ukoll li jiġi kkunsidrat ir-rwol tal-partijiet terzi (bħall-aggregaturi, is-servizzi tal-enerġija u l-atturi minn setturi oħra tan-netwerk, eż. ICT, telekomunikazzjonijiet, l-inġinerija elettrika) fl-iżvilupp futur tal-grilji lokali tad-distribuzzjoni jew servizzi tal-enerġija.

Il-Kummissjoni varat id-dibattitu taħt l-awspiċju tal-Forum taċ-Ċittadini għall-Enerġija (Londra), u ser tkompli d-diskussjoni abbażi tal-pjanijiet tal-Istati Membri ta' implimentazzjoni tal-arloġġi smart.

Il-Kummissjoni ser tindirizza l-aspetti teknoloġiċi tal-evoluzzjoni futura fin-netwerks ta’ distribuzzjoni tal-enerġija fil-komunikazzjoni li ġejja dwar it-teknoloġiji fil-qasam tal-enerġija.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri jadottaw strateġiji għall-implimentazzjoni tas-sistemi ta’ arloġġi smart, u jiżguraw li jilħqu l-interessi tal-fornituri, tad-distributuri u tal-konsumaturi tal-enerġija. Il-Kummissjoni titlob lill-Istati Membri jipproduċu pjanijiet ta’ azzjoni li jirriflettu kif għandhom jimmodernizzaw il-grilji tagħhom, inklużi regoli u obbligi għad-DSOs, sinerġiji mas-settur tal-ICT u l-promozzjoni tar-reazzjoni għad-domanda u tal-prezzijiet dinamiċi, skont id-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika.

4.           KONKLUŻJONI

Il-ftuħ tas-suq jagħti lill-konsumaturi għażla reali. Jillimita l-bżonn ta’ intervent pubbliku, u jipprevjeni l-intervent pubbliku mhux xieraq. Hemm għadd ta’ kwistjonijiet li jridu jiġu affrontati b'mod urġenti sabiex jitlesta s-suq intern tal-enerġija sal-2014, sabiex jintemm l-iżolament ta' għadd ta' Stati Membri tal-UE min-netwerks tal-UE, sabiex tiġi implimentata bis-sħiħ l-aġenda tal-Europa 2020, u sabiex nimxu lejn sistema tal-enerġija ttrasformata sal-2050 bl-inqas kost għal kulħadd. Dawn il-kwistjonijiet qed ixekklu wkoll ir-realizzazzjoni tal-aqwa vantaġġi għall-konsumaturi, u li qed joħolqu xkiel għall-kompetizzjoni u għall-innovazzjoni filwaqt li jipperikolaw is-sigurtà u s-sostenibbiltà tal-enerġija Ewropea.

Il-Kummissjoni hija impenjata li tagħti riżultati, fl-isfera ta’ kompetenza tagħha, quddiem l-isfidi li tibni u timmodernizza netwerk Ewropew, u li tinkorpora l-enerġija rinnovabbli, il-mikroġenerazzjoni u l-grilji intelliġenti permezz ta’ qafas regolatorju stabbli li jistipula r-rwol tal-atturi differenti (l-operaturi tan-netwerks, il-produtturi, il-fornituri, il-fornituri ta' reazzjoni għad-domanda, il-konsumaturi u r-regolaturi).

Abbażi ta’ din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni tipproponi Pjan ta’ Azzjoni (Anness 1) biex tiżgura s-suċċess tas-suq intern tal-enerġija. Il-Kummissjoni tsitieden lill-istituzzjonijiet kollha, lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati jaħdmu flimkien sabiex iwettqu l-azzjonijiet proposti fl-iskeda ta' żmien proposta. Il-Kummissjoni ser tirrevedi l-progress tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni fl-2014. Il-Kummissjoni tinsab determinata li tiżgura li s-segwiment għall-Pjan ta’ Azzjoni fuq il-livell tal-Istati Membri u fuq il-livell tal-UE jkun ankrat ferm fis-semestru Ewropew, b'mod partikulari permezz tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, ir-Rapport dwar l-Integrazzjoni tas-Suq Uniku, u r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż.

Anness 1: Pjan ta’ Azzjoni għall-Ewropa

Azzjoni/Miżura || Attur(i) involuti || Skeda ta' żmien

Infurzar

1. Traspożizzjoni f'waqtha u komprensiva tad-Direttivi tat-Tielet pakkett tal-enerġija, u implimentazzjoni tar-Regolamenti tat-Tielet pakkett tal-enerġija || l-Istati Membri / ir-regolaturi nazzjonali għall-enerġija / il-Kummissjoni || Marzu 2011

2. Gwida għad-definizzjoni tal-kunċett ta' "klijenti vulnerabbli" || il-Kummissjoni || 2013

3. Applikazzjoni rigoruża tar-regoli interni dwar l-enerġija u l-kompetizzjoni || il-Kummissjoni / l-Istati Membri / ir-regolaturi nazzjonali għall-enerġija / awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni || kontinwu

4. Tisħiħ tal-effiċjenza tal-inizjattivi reġjunali u tal-kontribut tagħhom lejn l-integrazzjoni tas-suq intern tal-enerġija || il-Kummissjoni / l-Istati Membri / ir-regolaturi nazzjonali għall-enerġija / ACER || kontinwu

5. Reviżjoni tal-linjigwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien tal-ambjent || il-Kummissjoni || tmiem l-2013/ bidu tal-2014

Titjib tal-għoti ta' setgħa u appoġġ lill-konsumaturi

6. Aktar sforzi biex il-konsumaturi jiġu involuti, informati u motivati, inkluż permezz tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika, u permezz ta' kontenut fuq l-internet għall-konsumaturi li jindika riżorsi relevanti għall-ħarsien tal-konsumaturi u għad-drittijiet ewlenin tal-konsumaturi tal-enerġija. || il-Kummissjoni / l-Istati Membri / ir-regolaturi nazzjonali għall-enerġija / l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi || 2013 / 2014

7. Permezz tal-Forum taċ-Ċittadini għall-Enerġija, appoġġ lill-Istati Membri biex jistipulaw l-ambitu għar-riċerka, il-ġbir tad-dejta u r-rappurtar dwar is-swieq bl-imnut tal-enerġija || il-Kummissjoni / l-Istati Membri / ir-regolaturi nazzjonali għall-enerġija / l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi || 2013

8. Titjib tal-forniment ta' informazzjoni lill-konsumaturi, ħolqien ta' linjigwida u l-aqwa prassi għall-għodod ta' tqabbil tal-prezzijiet, iffatturar ċar u trasparenti, u appoġġ għall-konsumaturi vulnerabbli || il-Kummissjoni / l-Istati Membri / ir-regolaturi nazzjonali għall-enerġija / l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi || 2013

9. Għajnuna mmirata lejn konsumaturi vulnerabbli, sabiex ikunu jistgħu jieħdu għażliet infurmati, u jkollhom l-appoġġ meħtieġ biex ikunu jistgħu jkopru l-bżonnijiet ta' enerġija tagħhom fi swieq bl-imnut kompetittivi || il-Kummissjoni / l-Istati Membri || 2013

Nadattaw is-Sistemi tal-Enerġija tal-UE għall-futur

10. Adozzjoni u implimentazzjoni ta' kodiċi tan-netwerks - fl-elettriku: allokazzjoni ta' kapaċità u regoli għall-ġestjoni tal-konġestjoni regoli għall-allokazzjoni tal-kapaċità aktar fit-tul regoli għall-konnessjoni man-netwerk operat tas-sistema - fil-gass: allokazzjoni tal-kapaċità regoli ta' bbilanċjar inklużi regoli relatati man-netwerk rigward proċeduri dwar nominazzjonijiet, regoli ta' ħlasijiet għal nuqqas ta’ bilanċ u regoli ta' bbilanċjar operattiv bejn is-sistemi tal-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni regoli dwar l-interoperabbiltà u l-iskambju tad-dejta regoli dwar it-trażmissjoni armonizzata tal-istrutturi tariffarji || ACER / ENTSOs / il-Kummissjoni / l-Istati Membri / ir-regolaturi nazzjonali għall-enerġija || 2013/2014

11. Adozzjoni u implimentazzjoni malajr tal-Pakkett ta' Infrastruttura tal-Enerġija || il-Kunsill / il-Parlament Ewropew / l-Istati Membri / ir-regolaturi nazzjonali għall-enerġija || Diċembru 2012

12. Adozzjoni tal-ewwel lista tal-Unjoni ta' Proġetti ta' Interess Komuni || il-Kummissjoni / l-Istati Membri || 2013

13. Ħolqien ta' qafas u suq għall-introduzzjoni wiesgħa tal-elettrodomestiċi intelliġenti (eż. permezz ta' appoġġ tar-riċerka u l-iżvilupp, l-istandardizzazzjoni, l-ekodisinn u t-tikkettar enerġetiku) || il-Kummissjoni / il-partijiet interessati (b'mod partikulari l-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni) || 2014

14. Tħejjija ta' pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali għall-implimentazzjoni mgħaġġla tal-grilji intelliġenti || l-Istati Membri / il-Kummissjoni || 2013

15. Riflessjoni dwar ir-rwoli u r-responsabbiltajiet futuri tad-DSOs, ir-rispons għad-domanda, l-elettrodomestiċi intelliġenti u l-awtomatizzazzjoni domestika, ġenerazzjoni ddistribwita, u skemi ta' obbligu ta' ffrankar tal-enerġija || il-Kummissjoni / l-Istati Membri || 2013

16. Analiżi ta' kemm is-suq intern tal-enerġija jista' jikkontribwixxi għat-titjib tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija || il-Kummissjoni || 2013

17. Analiżi ta' kif l-iżvilupp tat-teknoloġija, inkluża t-teknoloġija tal-ħażin u l-mikroġenerazzjoni, jistgħu jorbtu ma' żviluppi kummerċjali fl-enerġija || il-Kummissjoni || 2013

L-iżgurar ta' interventi statali xierqa

18. Tneħħija gradwali tal-prezzijiet irregolati tal-gass u tal-elettriku, filwaqt li jitqies l-obbligu ta' servizz universali u l-ħarsien effettiv tal-konsumaturi vulnerabbli || il-Kummissjoni / l-Istati Membri || 2009 u lil hinn

19. Analiżi tal-inċentivi ta' investiment u tal-adegwatezza tal-ġenerazzjoni fl-elettriku skont il-qafas Ewropej eżistenti - Żvilupp ta' kriterji għall-valutazzjoni u l-iżgurar tal-konsistenza ta' inizjattivi nazzjonali marbutin mal-kapaċità mas-suq intern || l-Istati Membri il-Kummissjoni || 2013 u lil hinn

20. Adozzjoni ta' linjigwida dwar skemi ta' appoġġ għal sorsi ta' enerġija rinovabbli || il-Kummissjoni || it-tieni/it-tielet kwart tal-2013

21. Twaqqif tal-Grupp ta' Koordinazzjoni fl-Elettriku || il-Kummissjoni || Ottubru 2012

22. Tneħħija gradwali tas-sussidji ta' ħsara għall-ambjent, inklużi s-sussidji għall-fjuwils fossili diretti u indiretti || il-Kummissjoni / l-Istati Membri || sa mhux aktar tard mill-2020

[1]               COM(2011) 885.

[2]               COM(2011) 658 finali.

[3]               COM(2012) 573 finali.

[4]               Ara wkoll it-tabella 12 fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal intitolat Energy Markets in the European Union in 2011, li ssir referenza għalih bit-taqsira "SWD 1".

[5]               Il-Klassifiki tas-Swieq tal-Konsumaturi, DĠ SANCO, http://ec.europa.eu/consumers/consumer_research/editions/cms7_en.htm, The functioning of retail electricity markets for consumers in the European Union, Studju f'isem il-Kummissjoni Ewropea, DĠ SANCO, 2010 (minn hawn 'il quddiem "Study on retail electricity markets"). http://ec.europa.eu/consumers/consumer_research/market_studies/docs/retail_electricity_full_study_en.pdf.

[6]               Ara SWD 1, p. 47.

[7]               Filwaqt li l-prezzijiet tal-kommoditajiet primarji tal-enerġija żdiedu b'14 % kull sena għaż-żejt mhux raffinat, bi kważi 10 % għall-gass u b'8 % għall-faħam f'dawn l-aħħar snin, il-prezzijiet bl-ingrossa tal-elettriku fl-UE żdiedu inqas, jiġifieri bi 3.4 %. Ara SWD 1, figura 29.

[8]               Dawn jiġu użati, fost l-oħrajn, biex jirriflettu l-esternalitajiet ambjentali tal-użu tal-enerġija kif inhu rrakkomandat mill-Kummissjoni fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2011 u tal-2012 (COM(2011) 11 finali, COM(2011) 815 finali), kif ukoll mill-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew (EUCO 10/1/11 REV1), bil-għan li t-tassazzjoni titbiegħed mix-xogħol u titmexxa lejn il-konsum u t-tniġġis ambjentali (fost l-oħrajn), dejjem b'attenzjoni għall-kompetittività tal-industrija tal-UE u għall-prezzijiet għall-konsumaturi. Madankollu, jistgħu jintużaw ukoll biex iżidu d-dħul.

[9]               Għal aktar tagħrif dwar dawn l-elementi fl-Istati Membri individwali, ara SWD 1, taqsima 3.

[10]             Ara SWD 1, taqsima 2, figura 33.

[11]             Ara l-istudju "Price developments on the EU retail markets for electricity and gas 1998-2011", p. 2 http://ec.europa.eu/energy/observatory/electricity/doc/analysis_retail.pdf. Madankollu, is-sehem medju tat-tassazzjoni ambjentali fi dħul totali tat-taxxa fl-UE qiegħed jonqos. Taxation trends in the European Union, l-Unjoni Ewropea 2011: http://epp.eurostat.ec.europa.eu/cache/ITY_OFFPUB/KS-DU-11-001/EN/KS-DU-11-001-EN.PDF

[12]             L-akkoppjament tas-swieq jottimizza l-kapaċità tal-interkonnessjoni, u jiżgura l-fluss tal-elettriku minn żoni ta’ prezzijiet baxxi lejn żoni ta’ prezzijiet għoljin permezz tal-konnessjoni awtomatika tax-xerrejja u tal-bejjiegħa fuq naħa u oħra ta’ fruntiera.

[13]             Il-Kummissjoni tibqa' sebgħa għajnejn biex tiżgura li l-boroż tal-elettriku ma jaqgħux fi prattiċi antikompetittivi, b'mod parallel mal-kooperazzjoni meħtieġa għall-proġetti ta’ akkoppjament tas-swieq.

[14]             ĠU L 326, 8.12.2011, p. 1.

[15]             Ara l-mappa 1, p. 31 ta’ SWD 1.

[16]             Id-Deċiżjoni Nru 994/2012/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ skambju ta’ informazzjoni fir-rigward tal-ftehimiet intergovernattivi bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi fil-qasam tal-enerġija, ĠU L 299, 27.10.2012, p. 13. Ara wkoll COM(2012) 218 finali.

[17]             Ir-regolaturi nazzjonali tal-Ewropa jikkoordinaw il-ħidma tagħhom fuq kwistjonijiet internazzjonali permezz tal-Kunsill tar-Regolaturi Ewropej tal-Enerġija (CEER).

[18]             Iffirmat fl-2005. Il-membri huma l-pajjiżi tal-Balkani tal-punt, l-Ukraini u l-Moldova, filwaqt li l-osservaturi huma n-Norveġja, it-Turkija, l-Armenja u l-Ġeorġja.

[19]             Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050", p. 2, 5, 6 u 7. Id-dekarbonizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija ma tkunx iktar għalja minn tkomplija tal-politiki attwali.

[20]             Studju dwar il-funzjonament tas-swieq bl-imnut tal-enerġija.

[21]             Madwar l-UE, l-għarfien fost il-konsumaturi huwa limitat ħafna - konsumatur wieħed minn kull tlieta jqabbel l-offerti. Studju fuq is-swieq bl-imnut tal-elettriku.

[22]             Studju ta' Vaasaett, "Empower Demand", http://www.esmig.eu/press/filestor/empower-demand-report.pdf

[23]             COM(2011) 370.

[24]             Konsultazzjoni pubblika tad-DĠ CNECT: http://ec.europa.eu/information_society/policy/doc/library/public_consult/cost_reduction_hsi?cost_reduction.pdf.

[25]             COM(2006) 851 finali.

[26]             Sal-lum, il-Kummissjoni rċeviet abbozzi ta’ deċiżjonijiet ta’ ċertifikazzjoni għal iktar minn erbgħin operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni (TSOs) fi tlettax-il Stat Membru, minn total ta’ 99 TSOs li talbu ċ-ċertifikazzjoni. Minnhom, tmintax se jiġu ċċertifikati ta' sjieda separata.

[27]             Is-swieq ta’ negozju fl-istess jum u dawk ta’ bbilanċjar se jippermettu lill-parteċipanti fis-suq (inklużi l-konsumaturi) jaġġustaw il-produzzjoni u l-konsum tagħhom bi tweġiba għal ċirkustanzi li qed jinbidlu, b'mod partikulari bi tweġiba għall-prezzijiet. Is-swieq likwidi ta’ negozju fl-istess jum huma meħtieġa biex jippermettu l-aġġustamenti fl-iskedi tal-provvista u tad-domanda skont is-siegħa, u din għadha mhix realtà mal-Ewropa kollha. Is-swieq ta' bbilanċjar transfruntieri se jgħinu biex jiġu evitati kostijiet mhux meħtieġa marbutin mal-akkwist pubbliku purament nazzjonali tas-servizzi ta’ bbilanċjar. Bis-saħħa ta’ dawn l-arranġamenti, id-domanda u l-provvista se jiltaqgħu fuq skala transfruntiera fl-iskedijiet tal-ħin kollha.

[28]             Id-Direttivi 2009/72/KE u 2009/73/KE, ir-Regolamenti (KE) Nru 713/2009, 714/2009 u 715/2009.

[29]             B'mod partikulari, ir-Regolament Nru 994/2010 dwar miżuri li jissalvagwardaw is-sigurtà tal-provvista tal-gass u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2004/67/KE, REMIT, u l-proposta ta' Regolament dwar linjigwida għal infrastruttura tranż-Ewropea tal-enerġija.

[30]             Dettalji dwar il-politika ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni għat-Tielet Pakkett tal-Enerġija ġew stipulati fil-Komunikazzjoni dwar "Governanza aqwa tas-suq uniku", COM(2012) 259 finali. B'referenza għal din il-Komunikazzjoni, il-Kunsill Ewropew ta’ Ottubru 2012 talab lill-Istat Membri jieħdu azzjoni urġenti. Is-segwiment għal din il-politika se jsir, fost l-oħrajn, fil-kuntest tas-semestru Ewropew.

[31]             Ara SWD 1, taqsima 4. Sa minn Settembru 2011, il-Kummissjoni varat 19-il każ ta’ ksur għan-nuqqas ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2009/72/KE, u 19-il każ għan-nuqqas ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2009/73/KE. Sal-24 ta’ Ottubru 2012, 12-il każ biss ġew konklużi, u l-bqija tal-proċeduri għadhom għaddejjin. Dan huwa mingħajr ħsara għad-dritt tal-Kummissjoni li tibda proċeduri, iktar 'il quddiem, għan-nuqqas ta’ traspożizzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet jekk jiġu identifikati nuqqasijiet, eż. fil-kuntest ta’ verifika tan-nuqqas ta’ konformità (in-notifiki kollha rċevuti dwar miżuri traspożizzjoni nazzjonali huma soġġetti għall-eżami skont il-liġi tal-UE).

[32]             L-infurzar tal-liġi tal-kompetizzjoni wera li huwa siewi u ta’ sostenn fl-iżgurar ta’ kundizzjonijiet ekwi fis-settur tal-ġenerazzjoni tal-enerġija, eż. il-każ tal-antitrust kontra E.On (2008), il-każ tal-merġet ta’ GDF Suez / International Power (2011), u fis-settur tal-provvista tal-gass, eż. il-każijiet kontra RWE (2009) u ENI (2010).

[33]             Ara SWD 1, taqsimiet 2 u 3.

[34]             Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Ir-Rwol tal-Inizjattivi Reġjonali fil-futur", COM(2010) 721 finali.

[35]             Il-konsumaturi għandhom opinjoni pjuttost negattiva tas-swieq tal-elettriku u tal-gass. Fl-2012, is-suq tal-elettriku jinsab fis-26 post minn 30 suq tas-servizzi, u għandu punteġġi partikularment baxxi fil-pajjiżi tan-nofsinhar tal-Ewropa (l-ogħla fil-Lussemburgu, l-inqas fil-Bulgarija). Is-suq tal-gass jinsab fil-21 post minn 30 suq tas-servizzi (l-ogħla punteġġ huwa għas-Slovenja, u l-inqas għall-Belġju). Kemm is-suq tal-elettriku u kemm dak tal-gass għandhom punteġġi baxxi fejn jidħlu l-firxa tal-għażla, il-komparabbiltà, u l-kundizzjonijiet għall-bidla tal-fornitur u tat-tariffi; dan jissuġġerixxi li l-konsumaturi mhux qed jinqdew bis-sħiħ mill-opportunitajiet ta’ tfaddil maħluqa mil-liberalizzazzjoni tas-suq. Dettalji dwar il-prestazzjoni ta' kull pajjiż individwali jingħataw fi SWD 1, taqsima 3. Ara http://ec.europa.eu/consumers/consumer_research/cms_en.htm.

[36]             Dan il-fatt intgħaraf mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE). Abbażi tal-ħidma tiegħu ma' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-KESE jippromwovi dibattitu infurmat u strutturat dwar kwistjonijiet tal-enerġija fost is-soċjetà ċivili, kif ukoll bejn is-soċjetà ċivili organizzata u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet.

[37]             BEUC, 'Empowering Consumers through Smart Meters', p. 23-26, http://bit.ly/JKn9R7

[38]             Dan jista' jispjega, sa ċertu punt, ir-rati baxxi għall-bidla fil-fornitur f'għadd ta’ Stati Membri. Għal aktar dettalji fuq ir-rati tal-bidla tal-fornitur, ara SWD 1, taqsima 3.

[39]             Inklużi l-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, il-Finlandja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Iżvezja, is-Slovenja, u r-Renju Unit.

[40]             Ir-Rumanija, il-Greċja, u l-Portugall.

[41]             Każ C-265/08, Federutility et al. v Autorità per l’energia elettrica e il gas.

[42]             Fit-22 ta’ Ġunju 2011, il-Kummissjoni pproponiet Direttiva ġdida biex jitkattru l-isforzi tal-Istati Membri biex l-enerġija tintuża b’mod iżjed effiċjenti fl-istadji kollha tal-katina tal-enerġija – mit-trasformazzjoni tal-enerġija u t-tqassim tagħha sal-konsum aħħari tagħha. Fl-4 ta’ Ottubru 2012, il-Kunsill approva l-ftehim politiku dwar id-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika. Il-Parlament Ewropew kien ta l-vot favorevoli tiegħu fuq il-ftehim imsemmi fil-11 ta’ Settembru 2012.

[43]             B'allokazzjonijiet ippjanati ta’ mill-inqas EUR 111 biljun għall-perjodu 2007-2013. Għall-perjodu 2014-2020, il-Kummissjoni pproponiet konċentrazzjoni sinifikanti tal-isforzi tal-Politika ta’ Koeżjoni tal-UE fuq l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, kif ukoll iffokar b’saħħtu fuq ir-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-innovazzjoni (RTDI). L-Istati Membri u r-reġjuni għandhom jiżguraw li dan il-finanzjament jikkumplimenta l-investiment privat, billi jagħtih appoġġ pjuttost milli jiddilwih.

[44]             Immirat lejn appoġġ immirat tajjeb għar-riċerka u l-iżvilupp.

[45]             Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal "Proġett ta’ investiment fl-infrastuttura tal-enerġija", li ssir referenza għalih ukoll bħala SWD 2.

[46]             Il-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija juri li l-enerġija rinnovabbli se tkun il-qofol tas-sistema tal-enerġija tal-UE lejn l-2050, u se tirrappreżenta sehem għoli ħafna tal-ġenerazzjoni tal-elettriku diġà sal-2030.

[47]             Id-Direttiva 2003/87/KE, kif emendat mid-Direttivi 2008/101/KE u 2009/29/KE.

[48]             Ara l-paragrafu 2.2, użu aktar effiċjenti u żvilupp tal-grilji.

[49]             Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Lulju 2012 dwar l-istabbiliment tal-listi annwali ta’ prijoritajiet għall-iżvilupp tal-kodiċijiet tan-netwerk u l-linji gwida għall-2013, 2012/413/UE.

[50]             Inkluż fil-qbid u l-ħżin tal-karbonju ("CCS").

[51]             Id-Direttiva 2009/28/KE.

[52]             COM(2012) 271 finali.

[53]             Il-Pjan Direzzjonali għal Ewropa b'Użu Effiċjenti tar-Riżorsi, COM(2011) 571 finali, jinkludi mira li "sal-2020, is-sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent ikunu tneħħew gradwalment". L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2011 u l-2012 (COM(2011) 11 finali, COM(2011) 815 finali) isejħu wkoll għat-tneħħija tas-sussidji ta' ħsara għall-ambjent. Ġew adottati wkoll fuq il-livell globali impenji ta’ riforma tas-sussidji tal-fjuwils fossili, pereżempju fil-kuntest tal-G20 u fil-konferenza ta' Rio+20.

[54]             F'ċerti Stati Membri, l-intervent pubbliku mmirat huwa f'forma ta’ sigurtà fit-tul tal-kuntratti ta' provvista, bl-Istat jew b'entità maħtura bħala kontraparti. Il-mekkaniżmi ta’ kapaċità jridu jingħażlu mill-mekkaniżmi fil-qasir immirati li jiżguraw li l-bilanċ f'ħin reali bejn il-provvista u d-domanda jinżamm anki meta jħabbat wiċċu ma' varjazzjonijiet għall-għarrieda fuq in-naħa l-oħra.

[55]             Ara l-Komunikazzjoni "Il-qagħda tas-suq Ewropew tal-karbonju fl-2012", COM(2012) 652.

[56]             Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Frar 2011. B'mod partikulari, l-istati Baltiċi li joperaw fis-sistema tal-elettriku tar-Russja u tal-Belarus għandhom jiġu sinkronizzati mal-UE.

[57]             COM (2011) 665.

[58]             COM(2011) 658 finali.

[59]             COM(2011) 657 finali.

[60]             COM(2011) 202.

[61]             Id-Direttiva dwar l-Elettriku u d-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika jipprovdu taħlita kumplimentari ta’ obbligi u inċentivi lill-Istati Membri biex jistabbilixxu tali qafas.

[62]             Bi qbil mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Politika Industrijali, COM(2012) 582.

[63]             L-għadd ta’ arloġġi smart fl-UE se jkollu jogħla mill-madwar 45 miljun li hemm fil-preżent sa tal-anqas 240 miljun sal-2020, bl-infiq ta' investiment annwali meħtieġ iżid mill-ftit 'il fuq minn EUR 1 biljun ta' bħalissa sa EUR 4 biljun - EUR 5 biljun sal-2015, soġġett għal analiżi tal-kostijiet u l-benefiċċji.

[64]             Pereżempju permezz tal-Inizjattivi Industrijali Ewropej għall-Grilji tal-Elettriku, u s-Sħubija Ewropea ta' Innovazzjoni għal Bliet u Komunitajiet Intelliġenti.