KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW L-implimentazzjoni u l-iżvilupp tal-politika komuni dwar il-viżi sabiex jiġi xprunat it-tkabbir fl-UE /* COM/2012/0649 final */
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW L-implimentazzjoni u l-iżvilupp
tal-politika komuni dwar il-viżi sabiex jiġi xprunat it-tkabbir fl-UE Illum, il-Kummissjoni hija mistiedna tadotta
żewġ testi importanti fil-qasam tal-politika dwar il-viżi: –
Proposta għal Regolament li jemenda l-listi
ta’ pajjiżi terzi li jeħtieġu viża u dawk eżentati
minn viża (ir-Regolament 539/2001); u –
Rapport dwar il-funzjonament tal-Kooperazzjoni
Lokali ta’ Schengen. Din hi l-okkażjoni, fid-dawl tad-dikjarazzjoni
tar-raba’ laqgħa tat-T20 li saret f’Mérida, il-Messiku,
fis-16 ta’ Mejju 2012 u approvata minn ministri tal-G20, biex jikkunsidraw
l-impatt ekonomiku tal-politika dwar il-viżi fuq l-ekonomija usa' tal-UE,
u b'mod partikolari fuq it-turiżmu, u biex tesplora kif dan jista’ jitqies
sabiex tiġi żgurata aktar koerenza mal-għanijiet ta’ tkabbir
tal-Istrateġija Ewropa 2020. Politika aktar intelliġenti tal-viżi
għandha tkompli tipprovdi sigurtà lill-fruntieri esterni tagħna
u l-iffunzjonar tajjeb taż-żona ta’ Schengen filwaqt li fl-istess
ħin tiffaċilita l-opportunitajiet tal-ivvjaġġar
għall-vjaġġaturi leġittimi, inklużi turisti.
Jista’ jinkiseb ħafna diġà fi ħdan il-qafas legali
eżistenti tal-Kodiċi dwar il-Viżi. Minħabba l-kriżi ekonomika attwali, għandna
naħdmu biex jiżdiedu l-flussi turistiċi lejn l-Ewropa. L-Istati
Uniti, pereżempju, għalkemm hija ferm sensittiva fir-rigward
tas-sigurtà, diġà rrikonoxxiet il-gwadanji ekonomiċi potenzjali
permezz tal-iffaċilitar tal-viżi u reċentement ippromulgat strateġija
nazzjonali f'dan ir-rigward[1].
Fl-UE dan l-aħħar kellna talbiet mingħand il-Ministri
tat-Turiżmu tal-Italja, tal-Irlanda[2]
kif ukoll mill-awtoritajiet Ġermaniżi għal miżuri
għall-faċilitazzjoni tal-viżi li għandhom jittieħdu. Dan id-dokument
huwa maħsub biex iniedi dibattitu bħal dan fil-livell tal-UE. L-ewwel
nett, jidentifika ċerti nuqqasijiet fl-implimentazzjoni ta’ proċeduri
attwali u jesplora inizjattivi li jistgħu jiġu previsti biex
jiżguraw l-implimentazzjoni ottimizzata tal-Kodiċi dwar il-Viżi.
It-tieni nett, jissuġġerixxi wkoll xi ideat lejn emendi futuri
għar-regoli tal-viżi li għandhom jiġu mistħarrġa
aktar fil-fond. 1. L-impatt tal-iffaċilitar
tal-viżi fuq l-industrija tat-turiżmu tal-UE It-turiżmu sar wieħed mill-ikbar
ġeneraturi ta' impjiegi u qligħ fl-Unjoni Ewropea u xprun ewlieni
għat-tkabbir u l-iżvilupp ekonomiku. Il-kontribut totali
tal-ivvjaġġar u t-turiżmu għall-impjiegi hu stmat għal
18,8 miljun impjieg fl-2011 u huwa probabbli li dan jiżdied għal 20,4
miljun impjieg sal-2022. L-infiq minn viżitaturi barranin ammonta
għal USD 423 biljun fl-2011 u huwa mistenni li jikber għal
USD 547 biljun fl-2022[3]. Madankollu, hemm
potenzjal kbir mhux sfruttat għal tkabbir minn turisti minn swieq
emerġenti. L-għadd ta’ turisti li jżuru l-Ewropa
mill-Brażil u mir-Russja rdoppja f’dawn l-aħħar snin u l-flussi
ta’ turisti miċ-Ċina u mill-Indja qed jiżdiedu b'rata
mgħaġġla wkoll[4].
Dan huwa ċar ukoll fl-istatistika tal-viżi: madwar
460 000 viża ta’ Schengen ġew maħruġa fl-Indja
fl-2011; in-numru kien 340 000 fl-2007. Fiċ-Ċina,
hemm ukoll żieda sinifikanti, minn 560 000 viża
maħruġa fl-2008 għal 1 026 000 fl-2011. Fir-Russja
nħarġu madwar 5 152 000 viża fl-2011, kontra
3 500 000 fl-2007. Din hija xejra madwar id-dinja kollha. S'issa
din is-sena, in-numru tal-applikazzjonijiet għal viżi tal-Istati
Uniti minn ċittadini Ċiniżi u Brażiljani fl-2011 żdied
b’madwar 40%[5].
Jinħass li hemm aktar x'jista' jsir. Għandna
nimmiraw li nżidu b'mod sostanzjali l-flussi tat-turiżmu minn dawk
il-pajjiżi li jippreżentaw potenzjal għoli li
jiġġeneraw ħafna turisti kif ukoll b’kapaċità
għall-infiq li qed tiżdied minn segment akbar tal-popolazzjonijiet
tagħhom. Madankollu, l-istimi tas-suq[6] jindikaw li 21% tat-turisti
potenzjali minn swieq emerġenti irrinunċaw il-pjanijiet ta'
vjaġġar tagħhom lejn l-Ewropa minħabba rekwiżiti ta’
viżi. Riċerka minn
Tourism Economics[7]
dwar l-impatti ta’ faċilitazzjoni tal-viżi fuq il-ħolqien
tax-xogħol fl-ekonomiji tal-G20 (Mejju 2012) tiżvela,
bl-użu ta’ mudell ta’ dejta bbażat fuq il-benefiċċji
osservati f’bidliet politiċi storiċi f'diversi pajjiżi[8], li l-faċilitazzjoni
tal-viżi storikament żiedet il-wasla ta’ aktar turisti
internazzjonali ta’ swieq affettwati b’5-25%. Din tiġġenera
dħul u għandha effett immedjat u dirett fuq l-impjiegi. Skont stimi tat-Tourism Economics
ibbażati fuq xenarji differenti, iż-żona Schengen tal-UE[9] għandha l-potenzjal li
tikseb bejn 8 u 46 miljun turist addizzjonali internazzjonali li jidħlu
f’din iż-żona sal-2015 jekk il-flessibbiltà tar-regoli tal-viżi
attwali tiġi sfruttata bis-sħiħ, li jistgħu
jiġġeneraw dħul addizzjonali ta’ bejn EUR 11-60 biljun
f'irċevuti ta’ turiżmu internazzjonali (esportazzjonijiet) u
joħolqu bejn 100 000 sa 500 000 impjieg addizzjonali direttament
fis-settur tat-turiżmu. Skont dawn l-istess stimi tat-Tourism
Economics, il-ħolqien tal-impjiegi totali (inklużi kemm b’impatt
indirett u b’impatt ikkaġunat) jista’ jammonta għal bejn 200 000
u 1,1 miljun sal-2015. L-industrija tal-kruċieri wkoll
tirrappreżenta segment li ħaqqu jitqies. Minkejja t-tnaqqis fir-ritmu
ekonomiku, il-kontribuzzjoni totali tal-industrija tal-kruċieri globali
għall-ekonomija Ewropea għoliet għal ċifra rekord ta’
EUR 36,7 biljun fl-2011 (minn EUR 35,2 biljun fl-2010)[10]. Madwar 5,6 miljun
passiġġier imbarkaw fl-Ewropa waħedha (żieda ta’ 7,1%
mis-sena preċedenti). Il-bastimenti tal-kruċieri daħlu wkoll
madwar 14,3 miljun membru tal-ekwipaġġ lejn il-portijiet Ewropej, li
minnhom madwar 5,7 miljun żbarkaw u xtraw għal ammont ta’ madwar
EUR 120 miljun. Għandu jkun żgurat li l-Istati Membri jkomplu
joħorġu viżi għal dħul multiplu lil turisti u membri
tal-ekwipaġġ ta’ kruċieri sabiex in-nefqa tagħhom
fil-portijiet Ewropej u l-kontribuzzjoni kumplessiva tal-industrija
tal-kruċieri għall-ekonomija Ewropea tkompli tikber. Diġà fl-2010, il-Kummissjoni ddikjarat li
kienet ser teżamina l-possibbiltajiet u l-istrumenti differenti skont
il-politika dwar il-viżi u għall-qsim tal-fruntieri esterni sabiex
jagħmlu l-aħjar użu minnhom[11].
Is-sena ta’ wara l-PE stieden lill-Kummissjoni sabiex tressaq
proċedura aktar ikkoordinata u ssimplifikata għall-proċedura
tal-viża. L-impatt tal-politika dwar il-viżi fuq il-flussi
tat-turiżmu ġie indirizzat ukoll mill-Ministri tat-turiżmu
tal-UE f'Madrid fl-2010 u fi Krakovja fl-2011. Aktar reċentement, dan
is-suġġett kien fuq l-aġenda tal-laqgħa tal-Ministri
tat-Turiżmu tal-G20 (l-hekk imsejħa T-20) f’Mérida, il-Messiku
fis-16 ta’ Mejju. F'dik l-okkażjoni, ġiet adottata
dikjarazzjoni li tiffoka fuq it-“Turiżmu bħala mezz ta’ ħolqien
ta’ impjiegi". Hija tirrikonoxxi li l-proċessi ta’
faċilitazzjoni tal-viżi jistgħu jwasslu għal żieda ta'
USD 206 biljun fi dħul filwaqt li joħolqu 5,1 miljun impjieg
ġdid fil-pajjiżi tal-G20. Għalhekk, id-dikjarazzjoni tat-T-20
titlob, fost l-oħrajn, għal kooperazzjoni bilaterali, reġjonali
u internazzjonali fuq arranġamenti għall-faċilitazzjoni
tal-viżi u oħrajn sabiex jippermettu lil viżitaturi
internazzjonali jiċċaqalqu b'mod iktar liberu u effiċjenti.
Fil-fatt, din hija xi ħaġa li ż-żona Schengen diġà qed
tikkontribwixxi għaliha u għandha ttejjeb aktar sabiex tagħti
spinta lill-attività ekonomika u l-ħolqien tal-impjiegi. Il-faċilitazzjoni
tal-viżi mhux biss iġġib benefiċċji ekonomiċi
iżda tagħmilha wkoll aktar faċli għaċ-ċittadini
tal-UE li jingħaqdu mal-membri tal-familja tagħhom li mhumiex fl-UE u
jivvjaġġaw fi ħdan l-UE. Issa huwa
ż-żmien biex tesplora kif l-UE tista tagħti spinta 'l quddiem
b'azzjoni konkreta f’dan ir-rigward. 2. Titjib
fil-faċilitazzjoni tal-viżi skont il-Kodiċi dwar il-Viżi Meta mqabbla
mas-sitwazzjoni qabel l-adozzjoni tagħha, il-Kodiċi dwar il-Viżi[12] tirrappreżenta progress
fundamentali li jtejjeb sostanzjalment il-proċeduri rigward il-viżi. Aktar titjib
sostanzjali jinkludi: skadenzi ċari għall-istadji ewlenin,
l-armonizzazzjoni tal-proċeduri, ir-regolamentazzjoni ta'
esternalizzazzjoni lil fornituri esterni tas-servizzi, il-possibbiltà ta'
twaqqif ta’ ċentri komuni ta' applikazzjoni, id-determinazzjoni ta’
każijiet meta għandhom jinħarġu viżi ta’ dħul
multiplu, il-motivazzjoni għal rifjut ta' viżi u l-possibbiltà
għal appell għal dawn id-deċiżjonijiet, ir-rekwiżit
biex jingħataw formuli tal-applikazzjoni fil-lingwa tal-pajjiż
ospitanti, u l-obbligu legali li jistabbilixxu kooperazzjoni lokali ta’
Schengen. Jekk tiġi
implimentata kif xieraq, il-Kodiċi dwar il-Viżi timmodernizza u
tistandardizza ħafna l-proċeduri tal-viżi. Hemm, madankollu, lok għal titjib, hekk kif l-aħjar
implimentazzjoni tal-Kodiċi dwar il-Viżi għadha ma
ntlaħqitx kullimkien. L-industrija
tat-turiżmu tal-UE identifikat il-miżuri li ġejjin, relatati ma’
dispożizzjonijiet tal-Kodiċi dwar il-Viżi, biex
jiffaċilitaw il-proċeduri tal-ħruġ tal-viżi.
Ħafna minn dawn l-ostakli jistgħu jitneħħew
bl-implimentazzjoni korretta mill-konsulati tal-Istati Membri tal-Kodiċi
dwar il-Viżi biex jiġu mmonitorjati mill-Kummissjoni: 1) L-iskadenza
għall-għoti ta' appuntament →
L-infurzar tal-iskadenza ta’ 15-il jum għall-għoti ta’ appuntament
skont l-Art. 9 (2) tal-Kodiċi dwar il-Viżi; 2) Applikazzjonijiet
minn intermedjarji kummerċjali →
L-użu aħjar tal-possibbiltà li jintroduċu applikazzjonijiet
għall-viżi permezz ta' intermedjarji kummerċjali (l-aġenti
tal-ivvjaġġar, pereżempju, jekk huma ta' min jafdahom),
mingħajr ħsara għas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viżi
(VIS)[13],
skont l-Artikolu 9 (4) tal-Kodiċi dwar il-Viżi. 3) L-iskadenza
għal deċiżjoni →
L-infurzar tal-iskadenza ta’ 15-il jum għal deċiżjoni dwar
l-applikazzjoni tal-viża skont l-Artikolu 23 tal-Kodiċi dwar
il-Viżi wkoll qabel il-perjodi tal-akbar intensità tal-vaganzi; 4) Disponibbiltà
ta’ formoli meħtieġa fil-lingwi meħtieġa →
L-iżgurar li fil-konsulati kollha l-formoli tal-applikazzjoni huma
disponibbli fil-lingwa tal-pajjiż ospitanti skont
l-Artikolu 11 (3) tal-Kodiċi dwar il-Viżi; 5) Dokumenti
ta’ prova →
Il-valutazzjoni tal-ħtieġa għal lista komuni mnaqqsa ta’
dokumenti ta' prova f'Kooperazzjoni Lokali ta' Schengen; 6) Validità
u viżi għal dħul multiplu (MEVs) Mid-dħul fis-seħħ tal-Kodiċi dwar
il-Viżi, kien hemm żieda importanti fl-għadd ta’ MEVS
maħruġa (34% fl-2010, kważi 39% fl-2011). Madankollu, hemm lok
għal titjib ulterjuri tal-ħruġ obbligatorju ta’ MEVs li jkollhom
perjodu twil ta' validità (bejn 6 xhur u 5 snin) taħt il-kondizzjonijiet
definiti bl-Artikolu 24 (2)(a) u (b) tal-Kodiċi dwar il-Viżi u
tal-ħruġ ta’ viżi ma' perjodu ta' validità iqsar imma bi
dħul multiplu skont l-Artikolu 24(1). 7) Trattament
ta’ viżitaturi →
It-titjib tal-aċċessibbiltà tal-uffiċċji mill-pubbliku,
b'mod partikolari f'termini ta' preżenza konsolari mtejba mit-territorju
tal-pajjiż terz ikkonċernat. F’dan ir-rigward, it-twaqqif ta’
Ċentri Komuni għall-Applikazzjoni tal-Viżi ġodda
għandu jkun imħeġġeġ. Xi Stati Membri u bosta pajjiżi terzi
diġà introduċew miżuri ta’ faċilitazzjoni tal-viżi li
jiffaċilitaw il-ħruġ ta' viżi (ara l-Anness). F'dan il-kuntest, il-Kooperazzjoni Lokali
ta' Schengen (LSC) hija essenzjali għall-implimentazzjoni armonizzata
tal-politika komuni tal-UE dwar il-viżi u l-involviment
tad-Delegazzjonijiet tal-UE hija indispensabbli biex tiġi żgurata
koerenza u kontinwità fil-qasam ta’ mobbiltà li huwa ta’ importanza dejjem
akbar fir-relazzjonijiet esterni. L-ewwel rapport dwar l-LSC, adottat
mill-Kulleġġ simultanjament mad-diskussjoni ta’ dan id-dokument,
jinkludi rakkomandazzjonijiet lill-atturi kollha (l-awtoritajiet ċentrali
tal-Istati Membri u l-persunal konsulari tagħhom; Delegazzjonijiet tal-UE
u l-Kummissjoni) fid-dawl ta’ ottimizzazzjoni tal-LSC. 3. Tibdil possibbli fir-regoli
tal-viżi fil-ġejjieni Ir-rapport
tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Kodiċi dwar il-Viżi matul l-ewwel tliet snin, li għandu jinħareġ fl-2013,
se joffri opportunità oħra biex ikomplu jesploraw modi biex itejbu u
jiffaċilitaw il-proċeduri għal vjaġġaturi bona fide
filwaqt li jkomplu jippermettu li jiġu indirizzati r-riskji
ppreżentati għal migrazzjoni rregolari jew sigurtà minn xi
vjaġġaturi: –
simplifikazzjoni u tqassir tal-proċeduri
(fir-rikonsiderazzjoni tal-passi kollha tal-proċedura inkluż
akkomodazzjoni tal-applikazzjoni tal-viżi minn intermedjarji/aġenziji
tal-ivvjaġġar, u konsultazzjoni minn qabel), –
kjarifika tad-definizzjoni tal-konsulat kompetenti
għall-ipproċessar tal-applikazzjoni għall-viżi, –
simplifikazzjoni tal-formola tal-applikazzjoni, –
simplifikazzjoni tar-rekwiżiti tad-dokumenti
ta’ prova, –
kjarifika tar-regoli għal rinunzji
mill-miżati għal viżi, –
kjarifika tar-regoli dwar il-ħruġ ta’
viżi għal dħul multiplu, –
sabiex titjieb il-kopertura konsulari, it-titjib
fl-organizzazzjoni konsulari u l-kooperazzjoni, eż. billi jiddefinixxu
mill-ġdid il-qafas legali għal Ċentri Komuni ta’ Applikazzjoni,
li jiffaċilita t-twaqqif ta’ dawn iċ-ċentri u l-funzjonament
tagħhom, –
titjib fil-Kooperazzjoni Lokali ta’ Schengen sabiex
issir aktar effiċjenti, Meta jiġi
esplorat titjib bħal dan, il-benefiċċji li jiġu kemm
għal konsulati u għal applikanti mill-implimentazzjoni tal-VIS
għandhom jiġu kkunsidrati kif xieraq. L-iktar
faċilitazzjoni effettiva tal-viżi, naturalment, hija r-rinunzja
tal-ħtieġa ta’ viżi għal ċittadini ta’ pajjiż
terz billi pajjiżi terzi jiġu trasferiti mil-lista negattiva
għal-lista pożittiva mehmuża mar-Reg. 539/2001. Fir-rigward
tar-reviżjoni tal-listi tal-pajjiżi tar-Regolament 539/2001 fuq
l-inizjattiva tagħha, il-Kummissjoni tradizzjonalment għamlet
valutazzjoni ta’ każ b'każ ta’ varjetà ta' kriterji relatati, fost
l-oħrajn, mal-immigrazzjoni irregolari, il-politika pubblika u s-sigurtà,
u fir-rigward tar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni Ewropea ma' pajjiżi
terzi, jitqiesu wkoll l-implikazzjonijiet tal-koerenza reġjonali u
r-reċiproċità. Għalkemm din il-lista ta’ kriterji mhijiex
eżawrjenti, l-impatt ekonomiku tal-politika tal-viżi qatt ma ġie
realment ikkunsidrat fil-passat. Din ix-xejra teħtieġ li
titreġġa’ lura jekk l-UE trid tibbenefika minn żieda fil-flussi
ta’ turiżmu minn ekonomiji emerġenti. Għal din
ir-raġuni, se tiġi żviluppata metodoloġija mill-Kummissjoni
sabiex ir-reviżjoni li jmiss tal-listi ta’ pajjiżi (ippjanata
għall-2013) tikkunsidra b'mod aħjar il-kunsiderazzjonijiet
ekonomiċi. Fl-aħħar, madankollu, jinħtieġ li
jinstab bilanċ li jilħaq ukoll il-ħtiġijiet tal-politika
komuni dwar il-viżi bħala strument biex jiżgura l-funzjonament
tajjeb taż-żona Schengen mingħajr fruntieri interni. Għal
ħafna pajjiżi terzi, il-liberalizzazzjoni tal-viżi se tkun
l-għan aħħari li jeħtieġ livell għoli ta’ impenn
u b’impatt politiku għoli – huwa l-punt ta’ tmiem ta’ proċess twil.
F’każ li eżenzjoni mill-viża ma tkunx immedjatament
fattibbli, ta’ min jinnota wkoll il-benefiċċji ta’ ftehimiet ta'
faċilitazzjoni tal-viżi, filwaqt li tiġi rikonoxxuta
l-ħtieġa ta’ reviżjoni tal-istruttura u l-kontenut tagħhom
sabiex jiġu mfassla apposta għaċ-ċirkostanzi
tal-pajjiż terz ikkonċernat u jkunuu iktar effettivi
għall-benefiċjarji maħsuba tagħhom. Għandu
jiġi nnutat li proposta li temenda r-Regolament 539/2001 li
bħalissa qed jiġi diskuss mill-koleġiżlaturi, tipprevedi
mekkaniżmu ġdid għas-sospensjoni ta’ viżi li jippermetti
s-sospensjoni temporanja tal-eżenzjoni mill-viża għal
pajjiż terz li ċ-ċittadini tiegħu huma eżentati
mill-obbligu tal-viża f’każ ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza, fejn
ikun hemm bżonn li jingħata rispons b’mod urġenti biex jiġu
solvuti d-diffikultajiet li jiffaċċjaw wieħed jew aktar Stati
Membri li jinħolqu minn abbuż ta’ sistema ta’ vvjaġġar
mingħajr viża. Barra minn hekk, l-iżviluppi teknoloġiċi
għandhom jiġu kkunsidrati wkoll fil-politika tal-viżi. Pereżempju,
l-Organizzazzjoni Dinjija tat-Turiżmu tan-NU tqis li s-sistema
tal-viżi elettronika wriet vantaġġi konsiderevoli
mill-perspettivi kemm tas-sigurtà kif ukoll tal-iffaċilitar, meta applikata
b’mod robust[14].
L-iżviluppi tal-ispeċifikazzjonijiet teknoloġiċi f’dak
il-qasam jistgħu jkollhom potenzjal sinifikanti, kif rikonoxxut
fid-dikjarazzjoni tal-laqgħa tat-T20. ANNESS
Prattiki
tajbin attwali fuq il-ħruġ ta’ viżi fl-Istati Membri u pajjiżi
terzi L-Eżempju Taljan Fi Frar 2011 l-ENIT (Il-Bord
tat-Turiżmu Nazzjonali) u l-Ministeru Taljan tal-Affarijiet Barranin
iffirmaw ftehim ta' kooperazzjoni sabiex iżidu l-flussi turistiċi
lejn l-Italja bit-tisħiħ tal-kapaċità ta’ missjonijiet diplomatiċi
u postijiet konsulari li jirrispondu malajr u b’mod effiċjenti għal
talbiet ta’ viżi. Il-postijiet ta’ prijorità inkludew Moska, Beijing u New
Delhi, St. Petersburg, Guangzhou, Shanghai u Mumbai. Skont stqarrija għall-istampa tal-ANSA
ta’ Ottubru 2011, fil-perjodu mill-1 ta' Jannar
sal-31 ta’ Awwissu 2011, viżi maħruġa
fiċ-Ċina żdiedu b’100% meta mqabbla mal-istess perjodu fis-sena
preċedenti, wara l-isforzi li saru għas-simplifikazzjoni tal-proċeduri
u ż-żmien ta’ stennija. Skont l-Osservatorju Taljan tat-Turiżmu
Nazzjonali (li jelabora dejta mill-Banca d’Italia), din ix-xejra pożittiva
hija kkonfermata mill-istimi proviżorji li ġejjin: # vjaġġaturi (f’000): 2010: 149 2011:
225 # iljieli mqattgħin f’akkomodazzjoni
(f’000): 2010: 1 768 2011: 1 971 Nefqa (f’miljuni ta’ EUR): 2010: 199 2011:
249 Bidla (% 2010/2011) Vjaġġaturi:
51% Iljieli: 11,5% Nefqiet: 25,1% L-Eżempju Pollakk Eżempju ta’ simplifikazzjoni, li
għandu jiġi analizzat aktar sabiex jinftiehmu kompletament
il-benefiċċji konkreti li jġib miegħu, hija
l-‘proċedura rapida’ stabbilita mill-awtoritajiet Pollakki
għall-Kampjonat Ewropew tal-Futbol, li ġie ospitat kemm mill-Polonja
kif ukoll mill-Ukraina f'Ġunju/Lulju 2012. Kemm il-parteċipanti fit-turnament
mill-Ukraina kif ukoll dawk mir-Russja (plejers, referìs, tobba, attivisti,
FIFA, UEFA, u l-federazzjonijiet nazzjonali) u l-UEFA akkreditati rċevew
viża li tkopri l-perjodu tat-turnament bid-dritt ta' dħul multiplu.
Il-viżi ġew maħruġa skont proċedura simplifikata,
mingħajr l-obbligu li jmorru personalment fil-Konsulat u bl-ebda tariffi
konsulari. Kemm il-partitarji Ukraini kif ukoll dawk
Russi rċevew viżi fuq il-bażi tal-biljett validu oriġinali
għal-logħob, jew xi dokument li jikkonferma d-dritt tagħhom li
jirċievu biljett fid-daħla tal-grawnd. Dawn kellhom l-opportunità li
jissottomettu l-applikazzjonijiet tal-viżi tagħhom elettronikament
fuq websajt uffiċjali u jiksbu appuntament aktar mgħaġġel
fil-konsulat. Dawk li ma rnexxilhomx jiksbu appuntament onlajn, ibbenefikaw
minn prijorità fil-"kurituri ħodor" stabbiliti sabiex jiġi
minimizzat il-perjodu taż-żmien ta’ stennija (sorsi: il-websajt
uffiċjali tal-Gvern Pollakk u tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin –
Il-Post ta’ Għajnuna Russu (Russian desk)). Is-sistema tal-"Istatus
tad-Destinazzjoni Approvata taċ-Ċina" L-iskema tal-Istatus tad-Destinazzjoni
Approvata (ADS) hija arranġament bilaterali tat-turiżmu bejn
l-Amministrazzjoni Nazzjonali tat-Turiżmu Ċiniż u destinazzjoni
barranija. Ċiniżi li jivvjaġġaw lejn l-UE jistgħu
japplikaw għal viża bħala grupp permezz ta’ Aġenti
tal-Ivvjaġġar approvati li jressqu l-applikazzjonijiet
għall-viżi għal grupp ta’ klijenti. Il-ftehim bejn CNTA u l-KE
ġie ffirmat fl-2004. L-aħħar figuri kif miġbura
mid-Delegazzjoni tal-UE għaċ-Ċina juru li l-għadd ta’
viżi tal-ADS maħruġa fiċ-Ċina minn korpi ta' Schengen
qed jiżdied b'mod stabbli. Viżi tal-ADS maħruġa fl-2009
kienu 96 093, u saru 209 981 fl-2010. Sa Settembru 2011, l-SM
kienu ħarġu 170 141 viżi tal-ADS, li jfisser li aktar minn
80% tal-ammont totali tas-sena ta’ qabel diġà kien intlaħaq. Matul l-aħħar snin ir-rata
tar-rifjut baqgħet konsistentement baxxa (kienet irreġistrata rata
ta' madwar 5% madwar l-Istati Membri kollha). Spanja u Franza organizzaw korsijiet
speċifiċi għal Aġenti tal-Ivvjaġġar ADS fl-2010
f'Beijing megħjuna mid-Delegazzjoni tal-UE, li kkontribwixxiet
għat-tħaffif tal-proċeduri. L-Eżempju Awstraljan L-Awstralja toffri varjetà ta’ tipi ta’
viżi, skont l-għan preċiż/it-tul tas-soġġorn.
Għal turisti potenzjali jeżistu tliet tipi ta’ viżi
elettroniċi (e-visa): (1)
L-Awtorizzazzjoni Elettronika
tal-Ivvjaġġar jew l-ETA (2)
Viżitatur elettroniku (E-visitor); (3)
E-676 It-Tip 1 jiswa AUD 20, jippermetti
dħul multiplu għal perjodi mhux itwal minn tliet xhur kull
wieħed, u huwa valida għal sena. Il-linji tal-ajru u l-aġenti
tal-ivvjaġġar wkoll jistgħu jipprovdu lill-konsumaturi b'din
il-viża elettronika, flimkien mal-biljetti tal-ajru tagħhom.
Iċ-ċittadini tal-UE apparti xi Stati Membri ġodda jistgħu
japplikaw. It-Tip 2 huwa eżattament l-istess
bħat-tip 1, l-unika differenza hija li ċ-ċittadini kollha tal-UE
jistgħu japplikaw għaliha, u huwa mingħajr ħlas.
Ir-raġuni għaliex ċittadin tal-UE li huwa intitolat li japplika
għat-Tip 2 japplika għat-Tip 1 hu għaliex l-informazzjoni kollha
disponibbli fuq il-websajt hija biss bl-Ingliż, u mhux kulħadd hu
kapaċi japplika/jehmeż dokumenti skanjati bl-Ingliż. It-Tip 3 huwa maħsub għal
ċittadini mhux Ewropej jew Ewropej lesti li jdumu aktar minn tliet xhur
f’okkażjoni waħda, jew l-Ewropej ta’ iktar minn 75 sena, jew persuni
li għandhom rekord kriminali. It-tliet tipi jistgħu jintalbu u jinkisbu
onlajn; il-proċess jista’ jieħu minn ftit minuti sa 10 ijiem. L-eżempju tal-Istati Uniti Fid-19 ta’ Jannar 2012, is-Sur
Obama ffirma Ordni Eżekuttiva li twaqqaf Task Force ġdid fuq
l-ivvjaġġar u l-kompetittività, inkarigat bl-iżvilupp ta’
strateġija nazzjonali tal-Ivvjaġġar u tat-Turiżmu, li
tiddeskrivi l-azzjonijiet li għandhom jitwettqu, fost affarijiet
oħra, għaż-żieda fil-kapaċità tal-ipproċessar ta’
viżi fiċ-Ċina u fil-Brażil b'40 fil-mija matul is-sena li
ġejja. B'din l-istrateġija, li għadha kemm
ġiet imnedija, l-Istati Uniti għandha l-għan li ttejjeb
l-ivvjaġġar u t-turiżmu lejn u ġewwa l-Istati Uniti biex
jinkoraġġixxu vjaġġaturi li jagħżlu l-Amerika
bħala l-ewwel destinazzjoni turistika fid-dinja. L-Istrateġija tat-Turiżmu tistqarr
li fl-2011, kienu pproċessati 1,1 miljun aktar applikazzjonijiet ta’
viżi. Għaċ-Ċina u l-Brażil iż-żieda kienet
rispettivament 46 % u 34 %. U meta mqabbla mal-2011, fl-ewwel sitt
xhur tal-2012 dan it-tkabbir kien ta’ 46% u 59% għal darb’oħra. Il-kapaċità tal-ħruġ ta’
viżi qed tiġi estiża biż-żieda ta’ persunal ta'
aġġudikazzjoni ta’50% fiċ-Ċina u aktar minn 100%
fil-Brażil fl-2012. Il-ftuħ ta’ konsulati ġodda huwa wkoll
ippjanat. Titjib diġà wassal għall-eliminazzjoni tax-xogħol
pendenti kemm fiċ-Ċina kif ukoll fil-Brażil u ż-żmien
ta’ stennija niżel għal 10 ijiem u inqas f'ħafna postijiet. Xi karti mmirati biex isir titjib
fil-proċess tal-viżi qed ikunu diskussi bħalissa fil-Kungress
tal-Istati Uniti. Il-"Visa Improvements to Stimulate International Tourism
to the United States of America", jew l-Att VISIT USA, jipproponi
d-direttivi ewlenin li ġejjin: (a)
Viżi ta’ Ħames Snin għal Dħul
Multiplu għal Ċittadini Ċiniżi; (b)
Proċess Primjum ta’ Viżi maħluq biex
jippermetti lill-vjaġġaturi l-għażla li jħallsu
miżata ferm ogħla għall-ipproċessar ta’ viżi sabiex
jirċievu intervista għall-viża fi żmien tliet ijiem ta’
negozju. Dan japplika kemm għal viżi tal-ivvjaġġar
turistiċi kif ukoll dawk tan-negozju. Il-miżata vvalutata għal
proċessar primjum ta’ viżi tħallas għall-persunal
addizzjonali, iżda tista’ tintuża wkoll biex tħallas għal
approċċi innovattivi bħal teknoloġija tal-vidjokonferenzi u
timijiet mobbli għal intervisti biex jilħqu d-domanda tas-suq fi
kwalunkwe pajjiż; (c)
Espansjoni tal-Programm tal-Eżenzjoni ta’
Viżi għal pajjiżi addizzjonali (li jippermetti
l-ivvjaġġar lejn l-Istati Uniti taħt il-Programm tas-Sistema
Elettronika tal-Awtorizzazzjoni tal-Ivvjaġġar (ESTA), minflok ma
wieħed jgħaddi mill-proċess tradizzjonali għal
applikazzjoni ta’ viża turistika tal-Istati Uniti). (d)
Il-Programm Pilota għal Vidjokonferenzi li
jawtorizza programm pilota għal vidjokonferenzi għal intervisti ta’
viżi, u b'hekk jinżamm ir-rekwiżit ta’ intervista għal
viżi, filwaqt li jippermetti aċċess akbar għat-twettiq
tal-intervista permezz ta’ teknoloġija tal-vidjokonferenzi. Abbozzi oħra ta’ karti huma l-"Welcoming
Business Travellers and Tourists to America Act of 2011" u l-"International
Tourism Facilitation Act". L-ewwel att għandu l-għan li jnaqqas
l-ostakoli fl-Istati Uniti fis-sistema ta’ viżi tal-Istati Uniti, iwaqqaf
standard li jeħtieġ id-Dipartiment tal-Istat biex jipproċessa
viżi fi żmien 12-il jum, u jimplimenta programm li juża
teknoloġija tal-vidjokonferenzi sabiex jitmexxew l-intervisti ta’
viżi. It-tieni att jitlob lid-Dipartiment tal-Istat biex juża
r-riżorsi konsulari tiegħu b’mod aktar effettiv biex iwieġeb
aħjar għad-domanda li qed tiżdied għall-ivvjaġġar
internazzjonali. L-Istati Uniti trid tħaffef
il-proċeduri ta’ reviżjoni li għaddejjin u tkompli "...
tinnova u tagħmel titjib fi proċessi, teknoloġiji, persunal, u
l-infrastruttura biex tissimplifika l-proċess għal applikazzjonijiet
għal viżi u d-dħul fil-pajjiż permezz tal-qsim
tal-fruntieri u portijiet tad-dħul, għal vjaġġaturi
leġittimi." [1] L-Ordni Eżekuttiva
tal-President Obama tad-19 ta’ Jannar 2012.
Il-“Visa Improvements to Stimulate International Tourism
to the United States of America Act” attwalment qed jiġi diskuss
fil-Kungress tal-Istati Uniti. [2] Madankollu, l-Irlanda ma
tieħux sehem fil-politika komuni dwar il-viżi tal-UE. [3] Il-Kunsill tal-Ivvjaġġar
Dinji u t-Turiżmu, l-Impatt Ekonomiku tal-Ivvjaġġar u
t-Turiżmu 2012, l-Unjoni Ewropea. [4] Minn dawn l-4 pajjiżi
emerġenti, il-Brażil huwa l-uniku wieħed li ċ-ċittadini
tiegħu m'għandhomx bżonn viża biex jidħlu
fiż-żona Schengen bħalissa. Madankollu diġà hemm faċilitazzjonijiet tal-viżi
għal vjaġġaturi Russi, formalizzat fi Ftehim
għall-Faċilitazzjoni tal-Viża li bħalissa qed jiġi
mtejjeb. [5] Stqarrija għall-Istampa tal-White
House tad-19 ta’ Jannar 2012. [6] ETOA Origin Market Report 2010
"Europe: Open for Business?". [7] Tourism Economics, Rapport dwar “The
Impact of Visa Facilitation on Job Creation in the G20 Economies”, Mejju 2012 (rapport imħejji għar-raba’ Laqgħa tal-Ministri
tat-T20 tat-Turiżmu, il-Messiku, il-15 u s-16 ta' Mejju). [8] Espansjoni tal-Programm għall-Eżenzjoni
mill-Viża tal-Istati Uniti, il-Programm ETA tal-Awstralja, il-politika
tal-viżi tar-Renju Unit għat-Tajwan u l-Afrika t’Isfel, il-programm
ta’ viża mal-wasla tal-Indja, il-politika tal-viżi tal-Kanada
għall-Messiku, il-politika tal-viżi tar-Repubblika tal-Korea
għaċ-Ċina, [9] EU-Schengen = AT, BE, CZ, DE, DK, EE, EL (GR), ES, FI,
FR, HU, IT, LT, LU, LV, MT, NL, PL, PT, SE, SI, SK u 4 pajjiżi assoċjati
mhux tal-UE: CH, NO, IS, LI. [10] The Cruise Industry, Contribution of
Cruise Tourism to the Economics of Europe, ir-Rapport
tal-Kunsill Ewropew tal-Kruċieri, 2012. [11] COM (2010) 352 finali “L-Ewropa, l-ewwel
destinazzjoni turistika fid-dinja – qafas politiku ġdid
għat-turiżmu Ewropew", taqsima 5.4. [12] Ir-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew
u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi
Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi). Daħal
fis-seħħ fil-5 ta’ April 2010. [13] Dawn l-intermedjarji ma jistgħux jiġbru
identifikaturi bijometriċi, allura dawk li japplikaw għall-ewwel
darba taħt il-VIS ikunu jeħtieġu li jidhru personalment
f'konsulat jew fornitur tas-servizz estern awtorizzat biex jiġbru
l-identifikaturi bijometriċi tal-applikanti tal-viża f'isem
il-konsulati tal-Istati Membri. [14] L-Organizzazzjoni Dinjija tat-Turiżmu, "eVisas: A pressing need for global standards, specifications and
interoperability", Dokument ta’ Ħidma
ppreżentat fis-37 Assemblea tal-Organizzazzjoni Internazzjonali
tal-Avjazzjoni Ċivili (2010).