RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW dwar kif ħadmet il-koperazzjoni lokali ta’ Schengen fl-ewwel sentejn tal-implimentazzjoni tal-kodiċi dwar il-viżi /* COM/2012/0648 final */
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U
LILL-PARLAMENT EWROPEW dwar kif ħadmet il-koperazzjoni lokali
ta’ Schengen fl-ewwel sentejn tal-implimentazzjoni tal-kodiċi dwar
il-viżi I. Introduzzjoni Fil-komunikazzjoni
li ħarġet fit-18 ta’ Novembru 2011 dwar l-approċċ
globali fil-kwistjoni tal-migrazzjoni u l-mobbiltà[1],
il-Kummissjoni saħqet li l-promozzjoni u l-iffaċilitar tal-mobbiltà
tan-nies huma element strateġiku tal-linja politika tal-UE favur
il-migrazzjoni esterna. Din il-linja politika tapplika għal firxa
wiesgħa ta’ nies, pereżempju il-viżitaturi għal ftit
żmien, it-turisti, l-istudenti, ir-riċerkaturi, in-negozjanti u
n-nies li jkunu qed iżuru lil membri tal-familja. Għalhekk,
il-mobbiltà hija dimensjoni importanti tal-mod globali kif qed taħdem l-UE
f’dan il-qasam. Il-mobbiltà u l-linja politika dwar il-viżi huma marbutin
flimkien mill-qrib. Fl-2011 nħarġu madwar 12-il miljun viża
għal żmien qasir min-naħa tal-Istati Membri li joħorġu
l-"viżi ta' Schengen". Il-linja politika dwar il-viżi hija
element kruċjali għal kwalunkwe linja politika favur il-mobbiltà li
tkun taħseb għaż-żmien li ġej. Bħala parti mir-rispons tagħha
għall-iżviluppi storiċi li qed iseħħu fin-naħa
t’isfel tal-Mediterran, fil-Komunikazzjoni li ħarġet
fl-24 ta’ Mejju 2011 il-Kummissjoni Ewropea pproponiet li
jiġi varat Djalogu dwar il-Migrazzjoni, il-Mobbiltà u s-Sigurtà
mal-pajjiżi tan-naħa t’isfel tal-Mediterran. Dan jista’ jwassal biex
jinħolqu Sħubiji għall-Mobbiltà mal-Eġittu, mal-Marokk,
mat-Tuneżija u mal-Libja. Il-Kunsill, f'formazzjonijiet differenti u
inkluż fil-Kunsill Ewropew tal-24 ta’ Ġunju 2011,
qabel ma’ dan il-ħsieb. Ir-rakkomandazzjonijiet ta’ dan ir-rapport
għandhom jagħtu kas ukoll ta’ dawn l-iżviluppi. Dan ir-rapport primarjament jindirizza
l-implimentazzjoni tal-koperazzjoni lokali ta’ Schengen u jagħmel
rakkomandazzjonijiet biex din il-koperazzjoni tissaħħaħ u
titjieb. Barra minn dan, fih rakkomandazzjonijiet li jiffukaw fuq ċerti
aspetti reġjonali bħall-kopertura konsulari li torbot ma’ wħud
mill-prijoritajiet li ġew proposti fil-Komunikazzjoni dwar il-mod globali. II. Il-Koperazzjoni Lokali ta’ Schengen —
osservazzjonijiet ġenerali Ir-Regolament (KE) Nru 810/2009
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li
jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar
il-Viżi)[2]
daħal fis-seħħ fil-5.10.2009 u ilu applikabbli mill-5.4.2010.
Il-Kodiċi dwar il-Viżi jfassal mill-ġdid
il-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-proċeduri u
l-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ viżi għal żmien
qasir (i.e. viżi għal żmien qasir li ma jaqbiżx id-90 jum
fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum, u viżi ta’ tranżitu
tal-ajruport). B’konformità mal-Artikolu 51 tal-Kodiċi dwar
il-Viżi, tfasslu "struzzjonijiet dwar l-applikazzjoni prattika
tal-Kodiċi dwar il-Viżi": Fid-19.3.2010 ġiet adottata
d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (2010) 1620 finali li tistabbilixxi
l-Manwal dwar l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-viżi u
dwar il-modifika ta’ viżi maħruġin, maħsub
għall-persunal konsulari li jipproċessa l-applikazzjonijiet
għall-viżi[3],
u f’Ġunju 2010 ġiet adottata d-Deċiżjoni
tal-Kummissjoni (2010) 3667 finali li tistabbilixxi Manwal
għall-organizzazzjoni tas-sezzjonijiet tal-viżi u tal-koperazzjoni
lokali ta’ Schengen, maħsub għall-awtoritajiet responsabbli
mill-organizzazzjoni tas-servizzi konsulari u għal dawk li huma involuti
fil-koperazzjoni lokali ta’ Schengen[4]. Id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi dwar
il-Viżi huma applikati b’mod universali mill-konsulati tal-Istati Membri[5].
Madankollu, minħabba d-differenzi li jeżistu
fiċ-ċirkustanzi lokali, il-leġiżlaturi għarfu
l-ħtieġa li jiggarantixxu li jkun hemm koperazzjoni koerenti bejn
l-Istati Membri u l-Kummissjoni fil-livell lokali sabiex ikun hemm
applikazzjoni armonizzata tad-dispożizzjonijiet legali ġenerali b’mod
li jagħti kas taċ-ċirkustanzi lokali: "Il-koperazzjoni
lokali ta’ Schengen hija kruċjali għall-applikazzjoni armonizzata
tal-linja politika komuni dwar il-viżi u biex issir valutazzjoni tajba
tar-riskji migratorji u/jew ta’ sigurtà. Minħabba d-differenzi fiċ-ċirkostanzi
lokali, l-applikazzjoni operattiva ta’ dispożizzjonijiet
leġiżlattivi partikolari għandha tkun evalwata fost
il-missjonijiet diplomatiċi u l-uffiċċji konsulari tal-Istati
Membri f’postijiet individwali sabiex tiġi żgurata applikazzjoni
armonizzata tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi biex jiġu
evitati l-'visa shopping' u trattament differenti tal-applikanti għal
viża" (il-Premessa 18 tal-Kodiċi dwar il-Viżi). Iċ-"ċirkostanzi lokali"
għandhom x’jaqsmu ma’ aspetti bħall-evidenza dokumentata ta',
ngħidu aħna, ix-xogħol, skont l-organizzazzjoni amministrattiva
u legali tal-pajjiż ospitant; jew l-ispeċifiċitajiet
tal-kategoriji differenti ta’ applikanti f’pajjiż terz partikulari,
pereżempju mill-aspett tal-pressjoni migratorja. L-Artikolu 48 tal-Kodiċi dwar
il-Viżi jistabbilixxi l-qafas legali għall-koperazzjoni lokali ta’
Schengen (KLS), kif ukoll it-tqassim tal-kompiti. Dawn il-kompiti għandhom
x’jaqsmu l-iktar mal-valutazzjoni tal-ħtieġa li jiġu armonizzati
l-listi ta’ dokumenti ta’ sostenn li jridu jitressqu mill-applikanti għall-viża
f’pajjiż partikulari, mal-kriterji komuni għall-implimentazzjoni ta’
tneħħija mhux obbligatorja tat-tariffi tal-viża għal
ċerti kategoriji ta’ applikanti, mal-konsistenza tal-informazzjoni
pprovduta lill-applikanti għall-viża u mal-iskambju tal-informazzjoni
rilevanti bejn il-konsulati tal-Istati Membri preżenti f’post partikulari. Il-KLS hija kompitu kollettiv li jrid jinqasam
bejn il-konsulati tal-Istati Membri u l-Kummissjoni, fil-prinċipju permezz
tad-Delegazzjonijiet tal-UE. F’Marzu 2010, is-Servizzi tal-Kummissjoni
stiednu lill-Kapijiet kollha tad-Delegazzjonijiet tal-UE biex jinnominaw lil xi
ħadd minn fost il-membri tal-persunal tagħhom biex ikun responsabbli
mill-kordinazzjoni tal-KLS. Ir-rwol tal-Kummissjoni hu li torganizza
l-laqgħat tal-KLS u li tiżgura t-tfassil konsistenti ta' rapporti
tal-laqgħat. Il-Kummissjoni hija wkoll responsabbli għat-tfassil ta’
rapporti annwali f’kull ġuriżdizzjoni. Il-kordinazzjoni tal-KLS ma toffrix l-istess
sfida kullimkien: jiddependi, fost affarijiet oħrajn, mill-għadd ta’
Stati Membri preżenti, minn jekk ikunx hemm konsulati li joħorġu
l-viżi f’postijiet barra mill-kapitali, u minn jekk iċ-ċittadini
tal-pajjiż ospitant jintalbux il-viża. Ta’ min jinnota li fi 22 stat terz[6] ma hemm
l-ebda konsulati tal-Istati Membri, jiġifieri l-KLS hija irrilevanti; u
f’31 post ma hemmx delegazzjonijiet tal-UE, li jfisser li l-Kummissjoni ma
għandhiex informazzjoni dwar kif inhuma l-affarijiet fir-rigward tal-KLS. Skont il-Kodiċi dwar il-Viżi
(l-Artikolu 48(5) it-tieni subparagrafu), f’kull ġurisdizzjoni jrid
jitfassal rapport annwali li għandu jkun ippreżentat lill-Parlament
Ewropew u lill-Kunsill. Minħabba r-rwol essenzjali tal-KLS
fl-implimentazzjoni armonizzata tal-linja politika komuni dwar il-viżi u
wkoll minħabba l-esperjenza miksuba sa issa, dan ir-rapport għandu
l-għan li jivvaluta kif ħadmet il-KLS minn mindu beda jiġi
applikat il-Kodiċi dwar il-Viżi u li jipprovdi gwida dwar kif tista’
titjieb, filwaqt li wieħed jistenna l-evalwazzjonijiet li l-Kummissjoni se
tressaq fl-2013 u fl-2014 kif previst fl-Artikolu 57 tal-Kodiċi. - Metodoloġija F’Marzu 2011 u 2012 rispettivament,
lid-delegazzjonijiet kollha tal-UE ntbagħtilhom mudell tar-rapport annwali
li jrid isir għal kull ġuriżdizzjoni, li kien jelenka
l-kwistjonijiet ewlenin li jridu jiġu koperti. Ir-rapporti kellhom ikopru
l-perjodu minn April 2010 sa Marzu 2011 u minn April 2011 sa
Marzu 2012. Fl-2011, ġew ippreżentati 70 rapport u sa
Lulju 2012 kienu ġew ippreżentati 71. Dan ifisser li, għal
diversi raġunijiet, kien baqa’ 50 li ma tressqux għal kull perjodu
ta’ rappurtar. Ma nħatar ħadd biex iservi bħala punt ta’ kuntatt
tal-KLS jew inkella l-punt ta’ kuntatt ma jiħux sehem attiv fil-KLS (bejn
wieħed u ieħor 30 delegazzjoni tal-UE); ma sseħħ
l-ebda koperazzjoni skont il-Kodiċi dwar il-Viżi minħabba li
fil-post hemm biss Stat Membru wieħed jew tnejn biex joħorġu
l-viżi (27 post), jew minħabba li ċ-ċittadini tal-istat
ospitant mhumiex suġġetti għar-rekwiżiti tal-viża u
ftit li xejn jinħarġu viżi, u ma sseħħ l-ebda koperazzjoni
bejn l-Istati Membri. III. Evalwazzjoni dwar il-funzjonament
tal-KLS 1. Jibda jiġi applikat
il-qafas legali l-ġdid għall-KLS Il-Kummissjoni teżerċita r-rwol
tagħha ta’ kordinazzjoni tal-KLS permezz tad-Delegazzjonjiet tal-UE. Hekk
kif ġew innominati, il-punti ta’ kuntatt tal-KLS irċevew sett
bażiku ta’ mistoqsijiet li jsiru ta’ spiss dwar il-Kodiċi dwar
il-Viżi, il-KLS u l-kompiti li jridu jitwettqu. Il-punti ta' kuntatt
tal-KLS għandhom aċċess għall-Manwali tal-Kodiċi dwar
il-Viżi u tagħrif essenzjali ieħor dwar is-CIRCA[7]. L-unità
tad-DĠ HOME li hi responsabbli mill-politika dwar il-viżi tipprovdi
tagħrif dwar il-ħidma li tkun għaddejja f’entitajiet rilevanti
fil-Kummissjoni, fil-PE u fil-Kunsill filwaqt li sservi ta’ "servizz ta’
assistenza" billi toffri sostenn dirett u operazzjonali
lid-delegazzjonijiet tal-UE. Ġeneralment, il-punti ta’ kuntatt tal-KLS
igergru b’mod partikulari dwar in-nuqqas ta’ taħriġ strutturat dwar
il-Kodiċi dwar il-Viżi u, b’mod ġenerali, dwar il-linja politika
komuni dwar il-viżi. Dan, naturalment, għandu jiġi indirizzat
fil-futur. Matul il-perjodu ta' referenza, membri
tal-persunal mid-DĠ HOME taw peżentazzjonijiet ġenerali lil dawk
li kellhom jiġu stazzjonati barra minn pajjiżhom fil-qafas
tas-seminars organizzati mid-DĠ RELEX, u mbagħad is-SEAE. Barra minn hekk, mill-valutazzjoni beda jidher
ċar li l-konsulati tal-Istati Membri ma kinux ġew mgħarrfin
biżżejjed dwar il-qafas legali ġdid u xi wħud qalu li,
qabel ma ssir valutazzjoni tal-ħtiġijiet għall-armonizzazzjoni
fil-livell lokali jew qabel ma jitfasslu r-rapporti annwali, ikun hemm
bżonn ta’ struzzjonijiet mingħand l-awtoritajiet ċentrali
tagħhom. 2. Laqgħat tal-KLS Ġeneralment, il-laqgħat isiru kull
xahrejn, jew aktar spiss jekk ikun hemm il-ħtieġa. Bħalissa
l-laqgħat tippresjedihom id-delegazzjoni tal-UE jew inkella jippresjeduhom
flimkien id-delegazzjoni tal-UE u l-presidenza li ddur. Huwa biss fi ftit
ġuriżdizzjonijiet li Stat Membru jippresjiedi waħdu jekk ikun
ġie nnominat punt ta’ kuntatt tal-KLS. Tali qsim tal-kompiti jew delega
tal-kompiti huma previsti fil-Kodiċi dwar il-Viżi
(l-Artikolu 48(4)). Jidher li għal-laqgħat ikun hemm
attendenza pjuttost tajba u jidher li l-kontinwità li l-involviment
tad-Delegazzjonijiet tal-UE jiggarantixxi qed tiġi apprezzata. Minkejja
d-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi dwar il-Viżi (i.e.
l-Artikolu 48(6) u l-linji gwida stabbiliti fit-tieni Manwal, Parti II,
punt 4.2), ir-rappreżentanti ta’ Stati Membri li mhumiex japplikaw
il-linja politika komuni dwar il-viżi qegħdin b’mod sistematiku
jiġu mistednin biex jattendu tali laqgħat. Mill-banda l-oħra,
mhux ċar jekk l-obbligu li b’mod sistematiku jiġu mistednin ukoll
Stati assoċjati u t-tliet Stati Membri li għadhom ma bdewx japplikaw
il-linja politika komuni dwar il-viżi, hux qed jiġi rrispettat
bis-sħiħ fil-ġuriżdizzjonijiet kollha. Ir-rapporti komuni qed jitfasslu, iżda
dawn spiss ma jkunx fihom konklużjonijiet operazzjonali, li jfisser li ma
jkunx hemm azzjonijiet ta’ segwitu fir-rigward tal-kwistjonijiet li jitqajmu.
Il-biċċa l-kbira tal-punti ta’ kuntatt tal-KLS sistematikament
jgħaddu r-rapporti lill-Kummissjoni u jaħdmu fuq
is-suppożizzjoni li anki l-konsulati tal-Istati Membri jgħadduhom
lill-awtoritajiet ċentrali rispettivi tagħhom, kif stipulat fil-Kodiċi
dwar il-Viżi (l-Artikolu 48(5)). Dawn mhux dejjem jgħaddu
għand l-Istati Membri, li huwa dnub, għax dan ifisser li dawn jew
jibqgħu bla ebda informazzjoni dwar il-konklużjonijiet jew dwar
il-kwistjonijiet li jkunu tqajmu, jew inkella li jirċievu verżjoni li
tkun differenti minn dik li tkun tqassmet lokalment u lill-Kummissjoni.
Għaldaqstant, il-konoxxenza ta' kif fil-fatt jiġi implimentat
il-Kodiċi dwar il-Viżi għadha mxerrda ħafna u l-ilmenti
tal-pajjiżi terzi ma jistgħux jiġu vvalutati tajjeb. 3. Kompiti operattivi konkreti
li jridu jitwettqu fil-qafas tal-KLS 3.1. Valutazzjoni
tal-ħtieġa li jiġu armonizzati l-listi tad-dokumenti ta’ sostenn F’dan l-istadju tal-bidu tal-implimentazzjoni
tal-Kodiċi dwar il-Viżi, il-ħidma biex jiġu stabbiliti
listi ta’ dokumenti ta’ sostenn hija waħda mill-aktar biċċiet
xogħol importanti tal-KLS u għandha l-iktar impatt viżibbli meta
wieħed jara l-affarijiet minn għajnejn l-applikanti
għall-viża u l-awtoritajiet lokali. Madankollu, sa Lulju 2012
(i.e. aktar minn sentejn wara li beda jiġi applikat il-kodiċi), kienu
ġew adottati biss ħames Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li
jkopru seba' KLS (il-Bosnja-Ħerzegovina, iċ-Ċina,
l-Indoneżja, l-Arabja Sawdija, is-Sri Lanka, it-Turkija, il-Vjetnam,
l-Eġittu, ir-Renju Unit, iċ-Ċilì, il-Każakstan,
in-Nikaragwa u n-Niġerja) u x-xogħol mexa fir-rigward ta' 18-il KLS
oħra madwar id-dinja. Hemm diversi raġunijiet għal dan in-nuqqas
ta’ progress: Stati Membri li jibqgħu pass lura fil-livell lokali, milli
jidher minħabba li ma jkunux jafu bl-obbligu legali li jwettqu din il-valutazzjoni;
konsulati ta' ċerti Stati Membri li ma jkunux jafu sew dwar
l-applikazzjoni ta' linja politika komuni dwar il-viżi; il-preżenza
ta’ Stat Membru wieħed jew tnejn, li ovvjament jirrendi l-armonizzazzjoni
inqas rilevanti; iċ-ċittadini tal-Istat ospitant ma jkunux
suġġetti għar-rekwiżit tal-viża, u allura
l-armonizzazzjoni titqies bħala mhux meħtieġa. Hemm denominatur
komuni wieħed għall-biċċa l-kbira tat-30 KLS li wettqu dan
il-kompitu: f’dawn il-postijiet, id-Delegazzjoni tal-UE investiet riżorsi
konsiderevoli fil-kordinazzjoni tal-ħidma f’koperazzjoni mill-qrib
mal-konsulati tal-Istati Membri. 3.2. Skambju ta’ informazzjoni dwar
it-tneħħija mhux obbligatorja tat-tariffi tal-viża u
valutazzjoni tal-ħtieġa li jkun hemm kriterji komuni Skont l-Artikolu 16(5), Stat Membru
jista’ jneħħi t-tariffa tal-viża għal tliet kategoriji
speċifiċi ta’ nies[8].
Sabiex jiġi żgurat li jkun hemm applikazzjoni armonizzata
tat-tneħħija mhux obbligatorja tat-tariffi tal-viża fl-istess
ġurisdizzjoni bil-għan li ma jkunx hemm trattament inugwali
tal-applikanti għall-viża u "visa shopping", ġiet
miżjuda d-dispożizzjoni li ġejja (l-Artikolu 16(5),
l-aħħar paragrafu): ‘Fi ħdan il-koperazzjoni lokali ta’
Schengen, l-Istati Membri għandhom jimmiraw li jarmonizzaw
l-applikazzjoni ta’ dawn l-eżenzjonijiet." Skont
l-Artikolu 48(1) "Għal dak il-għan il-KLS se tivvaluta
l-ħtieġa li jiġu stabbiliti b’mod partikolari:"
…. "(b) ‘kriterji komuni għall-eżami ta’
applikazzjonijiet rigward eżenzjonijiet mill-ħlas tat-tariffa
tal-viża skont l-Artikolu 16(5)’. Din il-valutazzjoni twettqet
fil-biċċa l-kbira tal-postijiet u għadu kmieni wisq biex
wieħed jevalwa sa liema punt id-differenzi fil-mod kif l-Istati Membri qed
japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jwasslu
għall-"visa shopping". Iżda anki jekk f’post partikulari
l-konsulati tal-Istati Membri jaqblu li tali armonizzazzjoni tkun xi ħaġa
mixtieqa, din ma tistax titwettaq fil-prattika, minħabba li f’xi Stati
Membri d-deċiżjonijiet dwar it-tneħħija mhux obbligatorja
tat-tariffi tal-viża jittieħdu fil-livell ċentrali. Din
il-kwistjoni għandha tiġi indirizzata fil-futur. 3.3. Skambju ta’ informazzjoni dwar
it-tariffa tal-viża imposta fil-munita lokali u valutazzjoni
tal-ħtieġa li jkun hemm armonizzazzjoni Skont l-Artikolu 16(7), it-tieni paragrafu, "Meta l-ammont
tat-tariffa tal-viża jkun impost f’munita li mhijiex
l-Euro,...għandu jkun determinat u rivedut b’mod regolari
fl-applikazzjoni tar-rata tal-kambju ta’ referenza esterna tal-euro
stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew. L-ammont impost jista’ jiżdied
sal-eqreb ċifra u l-konsulati għandhom jiżguraw li jiġu
imposti tariffi simili skont arranġamenti ta’ koperazzjoni lokali ta’
Schengen." Sar stħarriġ f’25 ġurisdizzjoni differenti madwar
id-dinja. Permezz ta' dan l-istħarriġ instabu differenzi ta’
sa 26 % fit-tariffa tal-viża imposta fil-munita lokali. F’xi
postijiet, hemm evidenza li d-differenzi fit-tariffi imposti jwasslu
għall-"visa shopping". Huwa partikularment diffiċli
li ssir evalwazzjoni regolari tas-sitwazzjoni, minħabba li l-konsulati ta'
xi Stati Membri ma jitħallewx jiddevjaw mir-rati tal-kambju li jiġu
ffissati b’mod ċentrali għat-tariffi konsulari kollha li jridu
jiġu applikati mill-ambaxxati tagħhom f’pajjiżi oħrajn. 3.4. Karta ta’ informazzjoni komuni Sabiex ikun jista’ jkun hemm komunikazzjoni
b’mod armonizzat, koerenti u trasparenti, il-KLS għandha tfassal karta ta’
informazzjoni komuni li tkun tipprovdi informazzjoni dwar it-tipi differenti
ta’ viżi, proċeduri u kundizzjonijiet biex wieħed japplika
għal tali viżi, eċċ. (l-Artikolu 48(2)). F’xi postijiet tfasslu karti ta’ informazzjoni
komuni, filwaqt li f’postijiet oħrajn għadu għaddej
ix-xogħol fuqhom. F’xi postijiet, teżisti l-fehma li dan
ix-xogħol huwa superfluwu, ġaladarba l-Istati Membri diġà
jipprovdu l-informazzjoni xierqa. 3.5. Skambju ta’ informazzjoni B’mod ġenerali, l-iskambju
tal-informazzjoni huwa l-qalba tal-aġenda tal-laqgħat tal-KLS. Il-kwistjonijiet
ivarjaw minn dawk marbutin maċ-ċirkustanzi lokali u ma’ każijiet
individwali ta’ frodi, għal kwistjonijiet dwar l-interpretazzjoni
tal-Kodiċi dwar il-Viżi u l-iskambju tal-istatistiki ta’ kull xahar.
Huwa partikularment importanti li jiġi eżaminat it-tlugħ u
l-inżul li jista' jkun hemm fil-figuri, inkluż l-għadd ta’
viżi bi dħul multiplu maħruġin, u li jitqabblu r-rati
tal-applikazzjonijiet li jiġu rrifjutati. 3.6. Sfidi għall-KLS
fil-perjodu tar-rappurtar li jmiss Uħud mill-ftit rapporti li semmew
l-isfidi li jridu jiġu indirizzati rreferew għall-ħidma li
għaddejja bħalissa fuq l-armonizzazzjoni tal-proċeduri, filwaqt
li oħrajn semmew l-introduzzjoni u t-tħaddim tas-Sistema ta'
Informazzjoni dwar il-Viża (Visa Information System, VIS). IV. Konklużjonijiet u
Rakkomandazzjonijiet Il-qafas legali għal KLS strutturata,
inkluż l-involviment tal-Kummissjoni, għadu ma ħariġx
il-potenzjal sħiħ tiegħu. Madankollu, ir-riżultati li
nkisbu f’għadd ta’ postijiet ewlenin taw prova tal-valur miżjud
tal-KLS fir-rigward tat-tisħiħ tal-armonizzazzjoni tal-mod kif
tiġi applikata l-linja politika komuni dwar il-viżi. Dan
jikkontribwixxi għal kif l-applikanti u l-awtoritajiet lokali jaraw li
għandha tkun linja politika li verament tiggarantixxi trattament indaqs u
ġust. Jekk il-Koperazzjoni Lokali ta’ Schengen tittejjeb, dan
jikkontribwixxi biex tissaħħaħ il-kredibbiltà tal-linja politika
komuni tal-UE dwar il-viżi, biex il-vantaġġi
għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jsiru tanġibbli u,
fl-aħħar mill-aħħar, biex titnaqqas il-pressjoni biex isiru
ftehimiet għall-faċilitazzjoni tal-viża. Sabiex il-KLS tkompli
tittejjeb, u sabiex jiġi żgurat li fil-postijiet kollha jiġi
sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-kompiti tal-qalba tagħha, qed
jiġu proposti l-azzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin.
Minħabba l-limiti fuq ir-riżorsi fid-delegazzjonijiet u skont
l-arranġamenti amministrattivi eżistenti, ir-rakkomandazzjonijiet li
ġejjin se jiġu implimentati biss fid-delegazzjonijiet li se jkunu qed
iżommu l-istess għadd ta’ membri tal-persunal li kellhom fis-snin ta’
qabel, jew iżiduh. (a)
ir-rwol tad-delegazzjonijiet tal-UE –
Fil-perjodu bejn l-2010 u l-2012 il-ħidma
kruċjali tal-KLS twettqet mill-persunal f’għadd dejjem jikber ta’
delegazzjonijiet tal-UE. Din il-koperazzjoni se tibqa’ għaddejja bl-istess
volum ta’ xogħol għall-persunal tad-delegazzjonijiet, u l-enfasi se
tintefa’ fuq pajjiżi prijoritarji bħal dawk tal-PEV u s-sħab
strateġiċi tal-UE. Il-qsim tal-piż mal-ambaxxati u l-konsulati
tal-Istati Membri f’dawn il-pajjiżi se jikkontribwixxi biex il-KLS
taħdem aħjar. –
Irid jinħatar punt ta’ kuntatt tal-KLS
fil-pajjiżi prijoritarji, jekk dan għadu ma sarx, –
il-punt ta’ kuntatt għandu jkollu sehem attiv
fil-KLS u għandu jassumi l-presidenza tal-laqgħat sabiex jiġu
ggarantiti l-kontinwità u l-koerenza tal-koperazzjoni, b’mod li jikkunsidra
l-possibbiltà li l-piż jinqasam mal-Istati Membri, e.g meta d-delegazzjoni
tal-UE ma jkollhiex biżżejjed membri adatti tal-persunal biex twettaq
xogħol marbut mal-KLS, dak ix-xogħol għandu jiġi ddelegat
lil Stat Membru; –
fejn ikun rilevanti, għandha titjieb
il-kordinazzjoni li ssir mal-KLS f'postijiet barra mill-bliet kapitali,
possibbilment permezz tal-involviment tal-konsulat ta' Stat Membru bħala
kordinatur lokali; –
fejn ikun rilevanti, f'koperazzjoni mal-konsulati
tal-Istati Membri, il-KLS għandha tevalwa jekk il-kopertura konsulari
fl-istat ospitant għandhiex tissaħħaħ u, jekk iva, tesplora
l-iktar mod xieraq kif għandu jsir dan (pereżempju billi jiġi
propost it-twaqqif ta' ċentri komuni ta' applikazzjoni). Dan isir
partikolarment rilevanti hekk kif progressivament tiġi introdotta
s-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (il-VIS); –
f'koperazzjoni mal-missjonijiet diplomatiċi
tal-Istati Membri, il-KLS għandha torganizza avvenimenti ta' informazzjoni
flimkien mal-awtoritajiet tal-istat ospitant biex jippreżentaw il-politika
komuni dwar il-viżi, l-aktar l-introduzzjoni reġjonali tal-VIS, biex
b'hekk ma jkunx hemm kunċetti żbaljati jew f'każ li jkun hemm,
biex dawn jiġu ċċarati. Id-Delegazzjonijiet tal-UE għandhom
jiġbru informazzjoni minn ċittadini ta' pajjiżi terzi dwar kif
qed jiġi implimentat il-Kodiċi dwar il-Viżi (pereżempju
billi tinfetaħ "kaxxa postali għall-ilmenti") u
jirrapportaw il-problemi jew id-diskrepanzi fl-implimentazzjoni tal-Kodiċi
dwar il-Viżi u fil-politika komuni dwar il-viżi, l-aktar rigward
l-implimentazzjoni tal-Ftehimiet għall-Faċilitazzjoni tal-Viża,
bil-għan li tali problemi jinġiebu għall-attenzjoni
tal-Kummissjoni; –
taqsima tal-websajt tad-Delegazzjonijiet tal-UE
għandha tkun iddedikata għal informazzjoni ġenerali dwar
il-politika komuni dwar il-viżi. (b)
ir-rwol tal-awtoritajiet ċentrali tal-Istati
Membri –
il-persunal konsulari tal-Istati Membri
għandu jiġi mgħarraf iktar dwar l-obbligi legali rigward
il-"kompiti tal-KLS" previsti fil-Kodiċi dwar il-Viżi u
dwar il-fatt li hemm fin-nofs il-kredibbiltà tal-UE, minħabba li
ħafna ċittadini ta' pajjiżi terzi jiffurmaw l-opinjoni
tagħhom dwar l-UE permezz tal-proċeduri tal-ħruġ tal-viżi; –
f'postijiet fejn ma hemmx Delegazzjoni tal-UE,
l-Istat Membru għandu joffri li jinnomina l-konsulat tiegħu fil-post
ikkonċernat biex jaġixxi bħala punt ta' kuntatt tal-KLS u biex
jirrapporta direttament lill-Kummissjoni dwar kwistjonijiet tal-KLS. (c)
ir-rwol tal-konsulati tal-Istati Membri: –
dawn għandhom jipparteċipaw b'mod
kostruttiv u attiv fil-KLS u jkunu lesti li jaqsmu l-kompiti tagħha; –
b'mod sistemtiku huma għandhom jaqsmu rapporti
komuni dwar il-KLS mal-awtoritajiet ċentrali tagħhom; –
għandu jiġi organizzat taħriġ
reġjonali dwar il-Kodiċi dwar il-Viżi għall-persunal
konsulari tal-Istati Membri, l-aktar rigward l-introduzzjoni tal-VIS
fir-reġjun ikkonċernat; (d)
il-Kummissjoni f'koperazzjoni mal-SEAE: –
għandha ssaħħaħ
il-kapaċità tad-delegazzjonijiet tal-UE u tal-punti ta' kuntatt tal-KLS,
b’attenzjoni partikulari għar-reġjuni li għandhom volum
għoli ta’ xogħol, biex iwettqu l-kompiti tal-KLS billi: (a)
torganizza sessjonijiet iffukati ta'
taħriġ/informazzjoni kemm fil-livell ċentrali kif ukoll f'dak
reġjonali (f'koperazzjoni mal-SEAE), dwar l-applikazzjoni tal-Kodiċi
dwar il-Viżi (u l-Manwali) u l-implimentazzjoni tal-VIS; (b)
issaħħaħ in-netwerking fost il-punti
ta' kuntatt tal-KLS, possibbilment billi torganizza seminar annwali fejn
jistgħu jingħataw tagħrif u aġġornamenti dwar
l-Affarijiet Interni tal-UE u l-politiki relatati; (c)
ittejjeb il-"kitt ta' informazzjoni"
bażiku tal-punti ta' kuntatt tal-KLS, inkluż mudell għal
"karta ta' informazzjoni komuni" biex tkun żgurata
komunikazzjoni dwar il-linja politika komuni tal-viżi; (d)
tagħmel reviżjoni tal-Parti II
tal-Manwal għall-organizzazzjoni tas-sezzjonijiet tal-viżi u
tal-koperazzjoni lokali ta' Schengen, biex tiċċara l-implimentazzjoni
tal-Kodiċi dwar il-Viżi rigward il-kompiti tal-KLS. V. Kummenti finali L-UE spiss titqies b'mod negattiv minn
pajjiżi terzi minħabba l-proċeduri misturin u mhux trasparenti
tagħha tal-ħruġ tal-viżi. Għal ħafna nies,
l-ewwel kuntatt tagħhom mal-"Ewropa" jsir ma' konsulat ta' Stat
Membru meta jkunu qed japplikaw għal viża. Għalhekk huwa
importanti li l-Kodiċi dwar il-Viżi jiġi applikat kif suppost
sabiex il-proċess jitjieb, u b'hekk joffri lill-applikanti tal-viżi
trattament trasparenti, ġust u indaqs. Il-KLS hija l-għodda ewlenija
li tiggarantixxi l-implimentazzjoni konsistenti tal-Kodiċi dwar
il-Viżi, filwaqt li tikkunsidra ċ-ċirkustanzi lokali. Il-kompiti ewlenin li jridu jiġu
eżegwiti skont il-Kodiċi tal-Viżi huma pjuttost
speċifiċi u operattivi, u huwa essenzjali li fil-perjodu qasir dawn
jitwettqu, l-aktar rigward l-armonizzazzjoni tal-lista ta' dokumenti ta' sostenn.
Koperazzjoni aħjar bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni u l-qsim
tal-piż bħala parti mill-KLS se jikkontribwixxu biex tinbena
l-fiduċja fil-proċess. L-implimentazzjoni tajba
tad-dispożizzjonijiet tal-KLS u l-applikazzjoni tal-flessibbiltajiet
previsti fil-Kodiċi dwar il-Viżi se jtejbu kif tidher il-politika
komuni dwar il-viżi, u b'hekk tgawdi r-relazzjoni mal-awtoritajiet
tal-pajjiżi kkonċernati. [1] COM(2011) 743
finali [2] ĠU
L 243, 15.9.2009, p 1. [3] C(2010) 1620
finali — emendata permezz ta’ C(2011) 5501 finali (4.8.2011). [4] C(2010) 3667
finali. [5] Għal
raġuni ta' sempliċità, f'dan it-test kollu kemm hu l-kelma
"konsulati" qed tintuża biex tkopri l-missjonijiet
diplomatiċi u l-uffiċċji konsulari tal-Istati
Membri. [6] Sbatax
minn dawn huma pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma suġġetti
għar-rekwiżit tal-viża u ħamsa huma pajjiżi terzi li
ċ-ċittadini tagħhom mhumiex suġġetti
għar-rekwiżit tal-viża. [7] CIRCA:
Amministratur taċ-Ċentru tar-Riżorsi tal-Komunikazzjoni u
l-Informazzjoni (Communication
Information Resource Centre Administrator), applikazzjoni
fuq l-internet għall-iskambju tal-informazzjoni.
[8] Tfal
mill-età ta’ sitt snin sa mhux aktar minn 12-il sena; detenturi ta’ passaporti
diplomatiċi u ta’ servizz; persuni li m għandhomx aktar minn
25 sena li jipparteċipaw f’avvenimenti organizzati minn
organizzazzjonijiet bla skop ta’ qligħ.