KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI CARS 2020: Pjan ta’ azzjoni għal industrija tal-karozzi kompetittiva u sostenibbli fl-Ewropa /* COM/2012/0636 final */
WERREJ 1........... SETTUR EWLIENI F’SALIB IT-TOROQ............................................................... 3 2........... CARS 21: VIŻJONI
STRATEĠIKA KONĠUNTA GĦALL-INDUSTRIJA FL-2020 4 3........... SITWAZZJONI EKONOMIKA
DIFFIĊLI.............................................................. 6 4........... PJAN TA’ AZZJONI BIEX JIXPRUNA
L-KOMPETITTIVITÀ............................ 7 4.1........ Ninvestu f'teknoloġiji
avvanzati u niffinanzjaw l-innovazzjoni............................................. 7 ............. Ir-riċerka, l-iżvilupp u
l-innovazzjoni................................................................................ 7 ............. L-aċċess
għall-finanzi...................................................................................................... 9 ............. Emissjonijiet aktar baxxi tas-CO2................................................................................. 10 ............. L-emissjonijiet ta' sustanzi li
jniġġsu u tal-istorbju........................................................... 11 ............. Is-sikurezza fit-toroq..................................................................................................... 13 ............. Il-fjuwils alternattivi u
l-infrastruttura.............................................................................. 13 4.2........ It-titjib tal-kundizzjonijiet
tas-suq.............................................................................. 15 ............. Suq intern aktar
b'saħħtu............................................................................................... 15 ............. Ir-regolamentazzjoni
intelliġenti...................................................................................... 16 4.3........ It-tisħiħ tal-kompetittività
fis-swieq globali.............................................................. 18 ............. Il-politika kummerċjali.................................................................................................. 18 ............. L-armonizzazzjoni internazzjonali................................................................................... 19 4.4........ L-antiċipazzjoni tal-adattament
u l-ġestjoni tal-istrutturar...................................... 20 ............. Il-kapital uman u l-ħiliet................................................................................................. 20 ............. L-indirizzar
tal-aġġustament industrijali........................................................................... 21 5........... MONITORAĠĠ U
GOVERNANZA....................................................................... 22 KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI
EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI CARS 2020: Pjan ta’ azzjoni għal
industrija tal-karozzi kompetittiva u sostenibbli fl-Ewropa F'dawn
l-aħħar xhur, l-industrija tal-karozzi Ewropea kienet qed
tħabbat wiċċha ma perjodu dejjem aktar diffiċli,
bis-suq tal-UE għall-karozzi ġodda jonqos għall-ħames sena
konsekuttiva. Din
is-sitwazzjoni toħloq pressjoni qawwija fuq xi kumpaniji biex
jirristrutturaw l-operazzjonijiet tagħhom, u għadd ta' fabbrikanti
dan l-aħħar ħabbru l-għeluq tal-impjanti ta'
assemblaġġ b'telf konsegwenti ta' impjiegi. Fl-istess waqt,
madankollu, l-industrija Ewropea qed tkompli tħabbat wiċċha mal-isfida
fuq medda medja u twila ta' żmien biex tibqa' fuq quddiem nett
fl-għoti ta' soluzzjonijiet ta' mobilità għall-ġejjieni
f'ambjent globali kompetittiv ferm. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li hemm ħtieġa
urġenti biex jitressaq Pjan ta' Azzjoni li jappoġġa l-industrija
tal-karozzi biex tiffaċċja dawn l-isfidi. 1. Settur ewlieni f’salib
it-toroq L-industrija tal-karozzi[1] hija ta’importanza
strateġika għall-ekonomija Ewropea u l-prodotti u
s-servizzi tagħha għandhom impatt fuq il-ħajja ta' kuljum
taċ-ċittadini Ewropej. Is-settur jirrappreżenta madwar 12-il miljun impjieg
dirett u indirett u jagħti kontribuzzjoni pożittiva u mdaqqsa
għall-bilanċ kummerċjali tal-UE (li kiber matul dawn
l-aħħar snin u laħaq EUR 90 biljun fl-2011). L-industrija tirreġistra l-akbar infiq
privat fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni (EUR 28 biljun fl-2009)
u hija xprun essenzjali għall-innovazzjoni teknoloġika. Din hija multiplikatur importanti ta’
tkabbir, minħabba r-rabtiet ekonomiċi qawwija ma' bosta oqsma
industrijali. Dawn ir-rabtiet huma
preżenti kemm upstream, bħal mal-industriji kimiċi, tal-azzar u
tat-tessuti, kif ukoll downstream, mas-servizzi tal-ICT, tat-tiswija u
tal-mobilità. Din tipproduċi
l-biċċa l-kbira tal-vetturi użati miċ-ċittadini
għall-mobilità personali tagħhom u għat-trasport tal-prodotti. Għalhekk,
l-industrija tal-karozzi se jkollha rwol ewlieni fir-rivoluzzjoni
industrijali ġdida li timmira inter alia lejn is-sostituzzjoni
gradwali ta' idrokarburi bħala s-sors ewlieni ta’ enerġija u lejn
użu aktar effiċjenti u sostenibbli tar-riżorsi tagħna. Illum,
is-settur tal-karozzi jinsab f'mument ta' bidla storika: l-għaxar snin li ġejjin huma mistennija
li jwasslu għal tibdil importanti f'bosta oqsma li x'aktarx jimmodifikaw
profondament l-industrija u s-swieq tagħha madwar id-dinja. L-ewwel nett, ix-xejriet tal-produzzjoni u
tal-kummerċ qegħdin jinbidlu. Filwaqt
li s-suq Ewropew huwa kkunsidrat bħala matur, diversi swieq terzi qed
jikbru b'pass mgħaġġel, u qed ibiddlu l-flussi tal-kummerċ
u l-katina tal-valur tal-karozzi. Il-pressjoni
kompettitiva intensa qed tikber aktar u l-kumpaniji tal-UE qegħdin dejjem
aktar iħabbtu wiċċhom ma' sfidi fis-suq domestiku tagħhom,
filwaqt li jiżviluppaw opportunitajiet fis-swieq terzi. It-tieni, l-aġenda dwar il-klima qed issir
aktar urġenti u wieħed jistenna dejjem aktar mill-progress
teknoloġiku. Sabiex jintlaħqu l-miri
fit-tul tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra kif ukoll il-miri
għall-kwalità tal-arja, il-magna tal-kombustjoni interna se tittejjeb
aktar, filwaqt li tkun akkumpanjata mill-iżvilupp u l-implimentazzjoni
progressiva ta' teknoloġiji innovattivi, bħall-propulsjoni
elettrifikata. Jeħtieġ li jsiru
wkoll sforzi mdaqqsa bl-iżvilupp u d-distribuzzjoni ulterjuri tal-fjuwils
sostenibbli li jistgħu jkunu alternattivi għad-diżil u l-petrol
tradizzjonali. Fl-istess waqt, is-sikurezza
fit-toroq tibqa’ kwistjoni importanti. Is-settur
tal-karozzi huwa waħda mil-linji ta' azzjoni prijoritarji fejn l-investiment
f'teknoloġiji ġodda u fl-innovazzjoni għandu jkun
iffaċilitat, kif huwa stipulat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li aġġornat
riċentement il-Politika Industrijali tal-UE[2]. Filwaqt li tagħti aktar impetu lill-miri
tal-UE 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u
inklużiv, il-Komunikazzjoni titlob biex ikun hemm industrija Ewropea aktar
b’saħħitha għat-tkabbir u l-irkupru ekonomiku. Ir-rwol importanti ta’ dan is-settur industrijali
fil-ħolqien tat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, anki f'servizzi relatati,
ġie rikonoxxut b’mod ċar. Għaldaqstant,
irridu nieħdu approċċ proattiv. Din il-Komunikazzjoni tippreżenta Pjan
ta’ Azzjoni għall-industrija tal-karozzi, u tenfasizza l-impenn
tal-Kummissjoni li tappoġġa l-kompetittività u s-sostenibbiltà
tas-settur. Dan huwa l-ewwel eżempju
konkret tal-applikazzjoni tal-viżjoni aġġornata tagħna
għall-politika industrijali f’ambjent settorjali, jiġifieri
l-industrija tal-karozzi. Din tiddefinixxi
azzjonijiet ta' politika konkreti, ibbażati fuq analiżi tas-settur
imwettqa mill-Grupp ta’ Livell Għoli CARS 21, li tnieda mill-ġdid fl-2010. Dan il-Pjan ta’ Azzjoni huwa artikolat madwar
l-erba’ pilastri li ġejjin: –
L-investiment f'teknoloġiji avvanzati u l-finanzjament
tal-innovazzjoni permezz ta' firxa ta' inizjattivi regolatorji u
l-appoġġ għar-riċerka u l-innovazzjoni –
It-titjib tal-kundizzjonijiet tas-suq permezz ta' suq intern
aktar b'saħħtu u l-implimentazzjoni konsistenti ta' regolamentazzjoni
intelliġenti –
It-titjib tal-kompetittività fis-swieq globali permezz ta' politika
kummerċjali effettiva u armonizzazzjoni internazzjonali tar-regolamenti
tal-vetturi –
L-adattament tal-antiċipazzjoni billi jsir investiment
fil-kapital uman u fil-ħiliet u jittaffew l-impatti soċjali
tar-ristrutturar Permezz
ta' din l-istrateġija, il-Kummissjoni beħsiebha tappoġġa
r-rwol attiv li se jkollu s-settur tal-karozzi biex ireġġa' lura
t-tendenza ta' tnaqqis tas-sehem tal-industrija fl-Ewropa mil-livell attwali
tagħha ta' madwar 16 % tal-PDG għal 20 % sal-2020. It-tisħiħ tal-kompetittività ta' din
l-industrija fl-UE, l-appoġġ biex jinħatfu l-opportunitajiet ta’
tkabbir fis-swieq globali, kif ukoll il-promozzjoni ta’ vetturi nodfa, sikuri u
effiċjenti, inkorporati f'approċċ ta' politika integrata se
jkunu strumentali għal dak il-għan. 2. CARS 21: Viżjoni
strateġika konġunta għall-industrija fl-2020 Fi tmiem l-2010, il-Kummissjoni ddeċidiet li tniedi
mill-ġdid il-Grupp ta’ Livell Għoli CARS 21,
li kien oriġinarjament stabbilit fl-2005, bħala segwitu
għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Strateġija Ewropea dwar
vetturi ta' enerġija nadifa u effiċjenti"[3], adottata fit-28 ta' April 2010.
Il-mira tal-Grupp kienet li jsiru rakkomandazzjonijiet ta' politika biex
jappoġġaw il-kompetittività u t-tkabbir sostenibbli tal-industrija
tal-karozzi Ewropea. Il-grupp inkluda
seba' Kummissarji, disa' rappreżentanti tal-Istati Membri, u grupp wiesa'
u bbilanċjat ta' partijiet interessati (fosthom rappreżentanti
industrijali u NGOs), u adotta r-Rapport Finali tiegħu[4] fis-6 ta' Ġunju 2012. Dan ir-Rapport jippreżenta
l-fehma kunsenswali tal-Grupp dwar il-viżjoni strateġika
għas-settur tal-karozzi fl-2020 u jistipula rakkomandazzjonijiet
speċifiċi dwar għadd ta' oqsma ta' politika rilevanti. L-analiżi mogħtija fir-Rapport turi
biċ-ċar li l-istatus quo għall-industrija tal-karozzi
Ewropea ma jistax jinżamm: se jkollhom jiġu adattati
l-kapaċitajiet tal-produzzjoni attwali, jitfasslu metodi ta’ produzzjoni
ġodda, jiġu żgurati u jintużaw b'mod aktar effiċjenti
sorsi ulterjuri ta' materja prima, u jiġu żviluppati clusters u
mudelli ġodda tan-negozju. Bl-istess importanza, jinħtieġu
profili ta' ħiliet ġodda u jridu jiġu indirizzati l-bidliet
possibbli fil-ħtiġijiet tal-impjiegi. F'dan il-kuntest, huwa partikolarment importanti li
tiġi żgurata tranżizzjoni ekonomika u soċjali
bbilanċjata u mingħajr intoppi billi jiġu antiċipati
l-ħtiġijiet fir-rigward tal-ħiliet u tat-taħriġ, kif
ukoll billi jkun ġestit ir-ristrutturar bl-aktar mod opportun, filwaqt li
jitrawmu l-adattament tan-negozju u t-tranżizzjoni tal-impjiegi. F’dan
l-isfond, il-Grupp iddefinixxa fehma komuni dwar il-karatteristiċi
ewlenin ta' industrija tal-karozzi b'saħħitha u kompetittiva u
l-progress lejn il-mobilità sostenibbli għas-soċjetà tal-UE fl-2020
kif ġej: – Settur tal-karozzi li jibqa' ta' importanza strateġika u jibqa' pedament għall-industrija u l-ekonomija tal-UE, filwaqt li jipprovdi impjiegi ta’ kwalità lil miljuni ta' ħaddiema fl-UE; – Settur li huwa ċentrali għal bosta attivitajiet ekonomiċi oħra filwaqt li jipprovdi prodotti affordabbli u mixtieqa, jissodisfa d-domandi tal-konsumaturi, abbażi ta' suq kompetittiv għall-prodotti u s-servizzi tal-karozzi, inkluż wara l-bejgħ; – Bażi ta' manifattura soda fl-UE għall-vetturi tat-triq u l-komponenti, li timmanifattura parti mdaqqsa tal-vetturi u l-partijiet mibjugħa fis-suq tal-UE; – Netwerk industrijali b'saħħtu b’katina ta’ forniment u ta' distribuzzjoni integrata u flessibbli; – Settur li jesporta portafoll akbar ta' vetturi ta' kwalità għolja u ta' teknoloġija avvanzata lejn swieq terzi; – Swieq globali li joffru kundizzjonijiet ekwi ġenwini lill-atturi kollha fis-settur, b'opportunitajiet ġusti għat-teknoloġiji kollha, – Industrija tal-karozzi li tkun fuq quddiem nett fit-teknoloġija, b'azzjoni kkoordinata mal-industrija fornitriċi tal-fjuwil, filwaqt li tipproduċi vetturi li huma attraenti għall-konsumaturi tal-UE, nodfa f’termini ta’ sustanzi li jniġġsu rregolati, aktar effiċjenti fl-użu tal-fjuwil, sikuri, silenzjużi u konnessi; – Portafoll ta’ teknoloġiji ta’ propulsjoni, iddominat minn teknoloġija avvanzata tal-magni tal-kombustjoni, għalkemm ikunu dejjem aktar elettrifikati. Barra minn hekk, l-użu ta' vetturi b'kunċetti alternattivi ta' mogħdija tas-saħħa tal-magna (bħall-vetturi elettriċi[5] u biċ-ċelluli tal-fjuwil) qed isir sinifikanti; – Infrastruttura xierqa għall-mili mill-ġdid u għall-iċċarġjar mill-ġdid għal vetturi bi fjuwil alternattiv li qed jinbnew, b'konformità mal-potenzjal tas-suq tagħhom; – Forza tax-xogħol kemm fil-manifattura, fir-riċerka u fl-iżvilupp kif ukoll fil-manutenzjoni li tkun imħarrġa u preparata li taħdem b’għadd kbir ta’ teknoloġiji. Jeħtieġ
li jiġi implimentat b'mod sistematiku approċċ politiku
integrat. Għaldaqstant, dan
l-approċċ għandu jinkludi l-elementi li ġejjin: –
azzjonijiet
ta’ politika tas-settur privat u dak pubbliku fil-livell tal-UE, tal-Istati
Membri u reġjonali li jikkomplementaw lil xulxin;
–
miżuri li jindirizzaw il-vetturi jridu jiġu effettivament
ikkombinati fejn xieraq ma' oħrajn li jiffokaw fuq l-infrastruttura u
l-utent; –
miżuri ta' politika regolatorji u alternattivi kosteffettivi li
jiġu implimentati b'mod effettiv u infurzati, sabiex jilħqu l-miri
fit-tul tas-soċjetà u jistimolaw l-innovazzjoni; –
l-oqsma kollha ta' politika li għandhom impatt fuq is-settur
tal-karozzi jridu jkunu kkoordinati mill-qrib fost l-awtoritajiet rilevanti
inkarigati, inkluż il-kummerċ, it-teknoloġiji industrijali,
ambjentali, tal-enerġija, tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni,
is-sikurezza fit-toroq u s-saħħa pubblika, it-trasport u l-politika
tal-kompetizzjoni, l-innovazzjoni u s-suq intern, sabiex tiġi żgurata
l-kisba kosteffettiva tal-miri tal-politika. Il-Kummissjoni tagħraf bis-sħiħ
dawn l-isfidi u l-ħtieġa ta' strateġija politika industrijali
ambizzjuża għas-settur tal-karozzi. Il-Kummissjoni se torjenta
l-politiki tagħha lejn din il-mira u tistieden lill-Istituzzjonijiet
l-oħra, lill-awtoritajiet pubbliċi u lill-partijiet interessati biex
isegwu l-istess approċċ, fil-qasam ta’ responsabbiltà rispettiv
tagħhom. 3. Sitwazzjoni ekonomika
diffiċli Ir-Rapport Finali ta’ CARS 21 jipprovdi
analiżi bir-reqqa tas-sitwazzjoni ekonomika attwali tal-industrija
tal-karozzi fl-UE. Fl-ewwel nofs tal-2012, is-sitwazzjoni ddeterjorat u din
ix-xejra hija mistennija li tkompli sa tmiem is-sena. Il-bejgħ
fis-swieq tal-UE naqas (tnaqqis ta' 6,8 % għall-ewwel nofs tal-2012
għall-karozzi tal-passiġġieri u tnaqqis ta' 10,8 %
għal vetturi kummerċjali) - meta mqabbel mal-livelli diġà baxxi
tal-2011. Il-previżjonijiet attwali jindikaw tnaqqis ta' 7,9 % sena
wara l-oħra fis-suq tal-UE għall-karozzi tal-passiġġieri
b’bejgħ li jammonta għal 12,1 miljun unità. Is-suq tal-UE
għall-vetturi kummerċjali huwa mistenni li jonqos bi 8 % din
is-sena, wara perjodu preċedenti ta' rkupru fl-2010 u fl-2011, iżda
għadu f'livelli storikament baxxi. Għall-vetturi motorizzati
b'żewġ roti, ir-reġistrazzjonijiet ġodda qed ibatu mill-kriżi
tad-dejn u kienu jammontaw fl-2011 għal 1,6 miljun unità, li huwa 40 %
taħt il-livell tal-2007. Il-produzzjoni tal-vetturi kienet f’qagħda kemxejn aħjar (armar ta' 16-il miljun unità
ta' vetturi ħfief, jiġifieri miljun unità aktar mil-livelli tal-2009)
stimolata mill-esportazzjonijiet kif juri l-bilanċ kummerċjali
pożittiv ta’ EUR 45 biljun fl-ewwel ħames xhur tal-2012
(l-aktar minħabba l-esportazzjonijiet lejn l-Istati Uniti u s-swieq
emerġenti). Madankollu, hemm riskji negattivi importanti għal-livelli
ta' produzzjoni marbuta ma' tnaqqis fir-ritmu tal-ekonomiji emerġenti.
Bosta fabbrikanti rrappurtaw telf finanzjarju fis-suq tal-UE l-aktar
minħabba tnaqqis fil-bejgħ flimkien mal-kwistjoni strutturali tal-kapaċità
żejda li ilha għaddejja żmien twil[6]. Xi fabbrikanti ħabbru
azzjonijiet ta' ristrutturar sinifikanti li se jkollhom riperkussjonijiet fuq
il-katina tal-provvista tagħhom kif ukoll fuq il-prospetti
għall-impjieg u l-irkupru f’bosta reġjuni Ewropej. Ir-responsabbiltà
biex tiġi ttrattata l-kwistjoni tar-ristrutturar hija l-aktar
tal-industrija, iżda, fl-istess waqt,
l-industrija qed issostni li huma mixtieqa aktar koordinazzjoni u sostenn
fil-livell Ewropew. Dan il-Pjan ta'
Azzjoni, ibbażat fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-CARS 21, jistipula miri fit-tul
biex tinżamm il-bażi tal-manifattura fl-Ewropa, jiġu
żgurati l-kompetittività u s-sostenibbiltà u jiġi kkostitwit pjan
direzzjonali komplut għall-politika industrijali għall-industrija
tal-karozzi fl-2020. 4. Pjan ta’ Azzjoni biex
jixpruna l-kompetittività Il-Kummissjoni qed
tippjana l-azzjonijiet ewlenin li ġejjin fl-oqsma differenti ta' politika
tal-UE: 4.1. Ninvestu
f'teknoloġiji avvanzati u niffinanzjaw l-innovazzjoni Fl-industrija tal-karozzi, bħal f’setturi
oħra, qed tiġi żviluppata firxa ta’ teknoloġiji ġodda,
nodfa u sikuri, li mistennija jkunu diffużi ferm fis-snin li ġejjin.
Huwa essenzjali li l-Ewropa, li tinsab f'pożizzjoni ta' tmexxija
fit-teknoloġija tal-lum, tibqa' fuq quddiem nett billi tiżviluppa s-soluzzjonijiet
għall-ġejjieni u toffri mobilità sostenibbli. Sabiex dan
iseħħ, jinħtieġ appoġġ pubbliku mmirat sew u
kkoordinat għar-riċerka u l-innovazzjoni, li huwa adattat
għall-ħtiġijiet tal-industrija u s-soċjetà, u li jimmira
lejn l-iżvilupp ta' teknoloġiji aktar fit-tul. Sabiex jiġu stimolati
l-investimenti fis-snin li ġejjin, jeħtieġ li jiġi adottat
approċċ politiku ħolistiku, li jikkumplementa l-inizjattivi
regolatorji fil-livelli tal-UE, nazzjonali u lokali, u li jkun akkumpanjat minn
miżuri marbuta mal-infrastruttura u mad-domanda. Ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni L-investiment fir-Riċerka,
l-Iżvilupp u l-Innovazzjoni (RŻI) jiżgura l-kompetittività.
Barra minn hekk, il-finanzjament Ewropew għar-RŻI taħt is-Seba'
Programm Kwadru għar-Riċerka (FP7) u s-self u l-garanziji ta' self
tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) immirati biex jistimolaw l-iżvilupp
ta’ teknoloġiji tat-trasport nodfa ġew identifikati fir-Rapport ta'
CARS 21 bħala strumenti ewlenin għall-irkupru mill-kriżi bejn l-2008
u l-2009, u biex tiġi indirizzata l-pressjoni kompetittiva attwali
f'termini ta' tmexxija fit-teknoloġija. Aspett importanti huwa li l-fondi
Ewropej jipprovdu ingranaġġ sostanzjali għall-industrija
tal-karozzi fl-UE, li jeħtieġ li tiffinanzja r-RŻI simultanjament
fuq diversi teknoloġiji tal-mogħdija tas-saħħa tal-magna
(titjib kontinwu tal-magni ta' kombustjoni kif ukoll l-iżvilupp ta'
sistemi ta' mogħdija tas-saħħa tal-magna tal-elettriku,
biċ-ċelloli tal-fjuwil u ibridi) - b'konformità mal-perspettiva tal-2020
ta' portafoll diversifikat ta' fjuwils meħtieġ biex jilħaq
il-miri tat-tibdil fil-klima. L-iżvilupp tas-sikurezza fit-toroq hija
qasam ieħor fejn għad hemm lok wiesa' għal titjib tas-sikurezza
tal-vetturi abbażi tal-evidenza. Ir-Rapport Finali ta’ CARS 21 evalwa
b'mod pożittiv ferm is-Sħubija Pubblika-Privata (2009-2013)
tal-Inizjattiva Ewropea għall-Karozzi Ekoloġiċi (EGCI) kif ukoll
l-attività ta' self tal-BEI, speċjalment fi ħdan il-Faċilità
Ewropea għal Trasport Nadif. Hemm kunsens qawwi li ż-żewġ
strumenti għandhom jibqgħu jintużaw. Il-Kummissjoni: –
proponiet Orizzont 2020[7]
bħala qafas għall-fondi tar-riċerka u l-innovazzjoni bejn l-2014
u l-2020 b'baġit totali ta' EUR 80 biljun – żieda
sinifikanti meta mqabbla mal-FP7 – inkluż l-impenn biex tinkiseb sistema
ta' trasport Ewropea effiċjenti f'termini ta' riżorsi u li
tħares l-ambjent. Sakemm jittieħdu d-deċiżjonijiet finali fil-kuntest
tal-Qafas Finanzjarju Pluriannwali li jmiss, jitqies li l-finanzjament
tar-riċerka u l-innovazzjoni fis-settur tal-karozzi għandu
jikkunsidra l-importanza ekonomika u soċjali tiegħu. –
proponiet
il-Programm COSME (il-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-SMEs)[8],
b'baġit ta' EUR 2,5 biljun għall-perjodu mill-2014 sal-2020. –
proponiet li ż-żewġ programmi
għandhom jappoġġaw l-istrumenti finanzjarji tal-UE li se jippermettu
potenzjalment lill-SMEs u lill-kumpaniji akbar fis-settur tal-karozzi li
jibbenefikaw minn aċċess imtejjeb għad-dejn u
għall-finanzjament tal-ekwità. Permezz ta' COSME, l-SMEs fis-settur
tal-karozzi għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw minn azzjonijiet biex
itejbu l-aċċess għas-swieq u permezz tal-Orizzont 2020,
minn miżuri biex itejbu l-attrattività għall-investituri. –
adottat il-Komunikazzjoni tagħha dwar
ir-Riċerka u l-Innovazzjoni għall-mobilità Ewropea tal-ġejjieni[9], li tipproponi
l-iżvilupp ta' Strateġija Ewropea dwar it-Teknoloġija
tat-Trasport. L-istrateġija tipprevedi bejn l-2013 u l-2014
id-definizzjoni mal-partijiet interessati ta' pjanijiet direzzjonali
tat-teknoloġija li jiffokaw fuq it-tħaddim ta' teknoloġiji u
innovazzjoni f’għaxar oqsma kritiċi tat-trasport, inklużi
l-vetturi tat-triq nodfa, effiċjenti, sikuri, silenzjużi u
intelliġenti. Dan
se jgħin biex tiġi ottimizzata l-kontribuzzjoni tar-riċerka u
l-innovazzjoni għall-miri ambizzjużi tal-White Paper dwar it-Trasport[10]
u jappoġġa l-implimentazzjoni ta' Orizzont 2020. –
bdiet
l-implimentazzjoni tal-Pjan tat-Teknoloġija Enerġetika
Strateġika (il-Pjan SET)[11] li jindirizza
l-aġenda tar-riċerka u l-innovazzjoni ta' diversi oqsma ta'
importanza strateġika għas-settur tat-trasport b'mod partikolari
l-grilji tal-elettriku intelliġenti, il-fjuwils alternattivi
bħall-bijoenerġija u l-idroġenu u ċ-ċelloli tal-fjuwil
kif ukoll il-ħżin tal-enerġija. F’dan
ir-rigward, se jiġu żgurati konnessjonijiet xierqa
mal-istrateġija dwar it-teknoloġija tat-trasport. Filwaqt li Orizzont 2020 se jipprovdi l-qafas
ġenerali għar-riċerka u l-innovazzjoni fis-settur tat-trasport,
huwa ta’ importanza kruċjali li jiġu spjegati f’aktar dettall
il-prijoritajiet u t-tħaddim tal-finanzjament għall-iżvilupp
tar-riċerka u l-innovazzjoni fl-industrija tal-karozzi. Abbażi wkoll
tar-rapport tal-Grupp CARS 21, il-Kummissjoni hija konvinta li
l-finanzjament għandu jkopri attivitajiet li jkunu eqreb tas-suq
bħall-akkwist pubbliku, l-istandardizzazzjoni u l-attivitajiet ta'
dimostrazzjoni. Il-forma tal-PPPs għandhom ikunu ppreferuti bħala
l-aktar għodda effiċjenti u veloċi u għandhom
jintlaħqu sinerġiji mal-iffinanzjar nazzjonali. Barra minn hekk, is-sinerġiji potenzjali
bejn is-settur u l-EIT[12]
għandhom jiġu esplorati aktar, b'mod partikolari fil-kuntest tal-KICs[13] futuri ppjanati fl-oqsma
tal-manifattura b'valur miżjud u tal-mobilità urbana. Il-Kummissjoni se: –
taħdem flimkien mal-industrija biex
tiżviluppa proposta dwar l-Inizjattiva Ewropea għall-Vetturi
Ekoloġiċi (bħala segwitu għall-EGCI PPP) taħt
Orizzont 2020, li tinkludi pjattaforma għall-iżvilupp ta'
teknoloġiji ta’ vetturi nodfa u effiċjenti fl-użu
tal-enerġija, kif imħabbar fil-Komunikazzjoni tal-Politika
Industrijali tal-2010[14].
L-inizjattiva se tingrana l-finanzjament privat sabiex tgħin biex
jiġu indirizzati l-isfidi ewlenin proposti għal Orizzont 2020. L-aċċess għall-finanzi Flimkien mal-programm Ewropew
għar-riċerka, il-finanzjament tal-BEI (is-self u l-garanziji
għas-self) kellu rwol ewlieni fost il-miżuri ta' rkupru għas-settur
tal-karozzi matul il-kriżi mill-2008 sal-2009. Billi jappoġġa
investimenti kbar marbuta ma' teknoloġiji nodfa, il-BEI jgħin biex
jiżgura l-kompetittività tal-industrija fis-snin li ġejjin. Fi
żmien il-kriżi preċedenti, il-BEI żied il-volum ta' self tiegħu
għall-industrija tal-karozzi minn medja ta' EUR 2 biljun
fis-sena għal kważi EUR 14-il biljun għall-perjodu bejn l-2009
u l-2010. Il-volumi ta' self attwali naqsu fl-2011 u dan jirrifletti, fost
affarijiet oħra, l-aċċess aħjar għall-finanzi minn
banek kummerċjali f’dak iż-żmien. Waqt li l-kumpaniji qed ilestu
l-proġetti tagħhom tar-riċerka u l-innovazzjoni li bħalissa
huma ffinanzjati mill-BEI u proġetti ġodda jidhru li huma
meħtieġa biex jintlaħqu l-miri għall-effiċjenza
fl-użu tal-fjuwil għall-2020, il-BEI huwa preparat sew biex
jissodisfa din id-domanda ġdida. Iż-żieda kapitali riċenti
ta' EUR 10 biljun tal-BEI li ntlaħaq qbil dwarha fil-Kunsill
Ewropew tista’ tkun ukoll mistennija li ssarraf f'aktar opportunitajiet
għas-settur tal-karozzi (b'mod partikolari għall-innovazzjoni u
l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi). Il-Kummissjoni se: –
tkompli taħdem mal-BEI biex tiżgura li
l-finanzjament għall-proġetti ta' riċerka u innovazzjoni
fis-settur tal-karozzi jkun disponibbli speċjalment sabiex
jintlaħqu l-miri tal-2020 għall-effiċjenza fl-użu
tal-fjuwil filwaqt li jinżammu l-proċeduri ta' evalwazzjoni
meħtieġa biex tkun żgurata l-vijabilità tal-investimenti
fit-tul. –
tappoġġa lill-BEI fl-isforzi tiegħu biex
jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-SMEs u l-impriżi
ta' daqs medju. Għalkemm il-piż amministrattiv jitqies bħala
baxx, il-Kummissjoni se tkompli tinvestiga liema għodod jistgħu
jtejbu l-aċċessibbiltà għall-finanzjament għall-SMEs,
speċjalment jekk l-SMEs jesperjenzaw diffikultà biex jiksbu
aċċess għal kreditu minn banek kummerċjali, għal
darb’oħra. Wieħed jista' jesplora l-għoti ta' finanzjament
kummerċjali jew ta' linja ta' kreditu globali għall-fornituri
f’pajjiż wieħed, kif ukoll il-possibbiltà ta' għażliet
oħra. –
tesplora flimkien mal-BEI il-possibbiltà ta’ finanzjament
għal proġetti marbuta mal-elettromobilità, inkluż
l-appoġġ permezz ta’ assistenza teknika apposta bħal
fil-każ tal-faċilità ELENA eżistenti[15]. Emissjonijiet aktar baxxi tas-CO2 Il-promozzjoni ta’ teknoloġiji
ġodda, li jużaw l-enerġija b'inqas intensità abbord il-vetturi
li jipproduċu inqas emissjonijiet tas-CO2, użati b'mod
kosteffettiv, se tappoġġa l-ħolqien ta’ valur miżjud u
impjiegi fl-industrija tal-karozzi kif ukoll tnaqqas id-dipendenza
enerġetika tal-UE billi trażżan l-importazzjonijiet
taż-żejt. L-istrateġija tal-UE tal-2007
ħaddnet approċċ komprensiv biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2
minn vetturi ħfief[16].
Dan inkluda miżuri dwar id-domanda u l-provvista bl-azzjonijiet fuq
it-teknoloġija tal-magni jkunu kkumplimentati b'miżuri oħra, li
jimmiraw lejn fjuwils alternattivi, l-imġiba tas-sewwieqa u titjib
teknoloġiku ieħor. Barra minn hekk, għall-politika
tal-ġejjieni, kif propost mill-Kummissjoni fil-White Paper riċenti
tagħha dwar il-Politika tat-Trasport, huwa kruċjali li jiġu
definiti l-aktar miżuri xierqa biex jitnaqqsu b’mod ħolistiku
l-emissjonijiet tas-CO2 tat-trasport bit-triq, abbażi ta'
analiżi bir-reqqa tal-kosti u l-benefiċċji, filwaqt li jiġu
indirizzati kif xieraq l-effiċjenza tal-vetturi, l-użu tal-vetturi u
l-infrastruttura. Il-konsum tal-fjuwil u l-emissjonijiet
jistgħu wkoll jitnaqqsu sostanzjalment permezz ta' użu fuq skala
kbira ta' vetturi aktar aerodinamiċi. Il-Kummissjoni bħalissa qed
tħejji biex tirrevedi d-Direttiva 96/53/KE dwar il-piżijiet u
d-dimensjonijiet massimi tal-vetturi tat-triq li, inter alia, se
jippermettu li jiġi ffrankat sa 10 % ta' fjuwil billi jiġu
mgħammra mill-ġdid it-trakkijiet eżistenti u jiġu
ridiżinjati dawk futuri għall-iskop tat-titjib tal-ajrudinamika. Għal vetturi ħfief, ir-Regolamenti
rispettivi dwar is-CO2 iddefinixxew il-miri għall-2020
għal 95 g CO2/km għall-karozzi u 147 g CO2/km
għall-vannijiet. Il-Kummissjoni, b'riżultat tar-reviżjoni ta'
dawn ir-Regolamenti, proponiet il-modalitajiet biex jintlaħqu, sal-2020,
dawn il-miri b'mod kosteffettiv. Sabiex l-industrija tal-karozzi tkun tista'
twettaq investimenti u innovazzjoni fit-tul, huwa wkoll mixtieq li jiġu
pprovduti fil-ħin, indikazzjonijiet dwar il-forma u l-livell ta'
ambizzjoni previsti tal-miri ta’ tnaqqis tas-CO2 lil hinn mill-2020,
filwaqt li jitqiesu l-miri fit-tul tal-Unjoni rigward it-tibdil fil-klima. Il-Kummissjoni: –
riċentement adottat proposti biex timplimenta
l-miri għall-2020 tas-CO2 għall-karozzi u l-vannijiet[17]. F’termini ta’
modalitajiet, il-proposti jipprevedu l-issoktar tad-dispożizzjonijiet dwar
l-ekoinnovazzjoni, superkrediti għal vetturi b'livelli baxxi ta' CO2
u eżenzjoni għall-iżgħar fabbrikanti. –
se tagħti bidu għal konsultazzjoni
wiesgħa dwar il-politika regolatorja fir-rigward tas-CO2
għall-karozzi u l-vannijiet lil hinn mill-2020, li tistabbilixxi
għadd ta' aspetti li dwarhom se jinġabru osservazzjonijiet, u
mbagħad ir-reazzjonijiet tagħhom se jikkontribwixxu biex jiġu
determinati l-forma u l-livell ta' ambizzjoni tal-politika futura fil-kuntest
tar-reviżjoni prevista[18].
Il-Kummissjoni se tqis kwistjonijiet bħall-kosteffettività,
l-iżvilupp mistenni ta' teknoloġiji ta' tnaqqis tas-CO2 u
fatturi oħra rilevanti. –
se tinkludi l-miżuri ta' politika ta' hawn
fuq f'politika usa' u integrata dwar it-tnaqqis tas-CO2 mit-trasport
bit-triq, permezz tal-implimentazzjoni tal-White Paper dwar il-Politika
tat-Trasport, li tkopri t-teknoloġija tal-vetturi, l-infrastruttura,
l-imġiba tas-sewwieqa u miżuri oħra. –
se tipproponi reviżjoni tad-Direttiva 96/53/KE
fil-bidu tal-2013 biex tippermetti disinn aktar ajrudinamiku tat-trakkijiet. L-emissjonijiet ta' sustanzi li jniġġsu u
tal-istorbju F'dawn l-aħħar snin, ħareġ
ċar li l-proċeduri attwali użati għall-kejl tas-sustanzi li
jniġġsu, tal-emissjonijiet tas-CO2 u tal-konsum tal-fjuwil
ta' vetturi ħfief (karozzi u vannijiet) mhumiex rappreżentattivi
biżżejjed tas-sewqan fid-dinja reali. Għaldaqstant, hi prevista
reviżjoni taċ-ċikli tas-sewqan u tal-proċedura tat-test li
bħalissa qed titħejja f'livell globali, abbażi tad-dejta
miġbura dwar l-imġiba tas-sewqan fid-dinja reali. It-titjib
taċ-ċiklu tat-test u d-definizzjoni ta' kundizzjonijiet tal-ittestjar
ċari li jirriżultaw f'valuri rappreżentattivi u komparabbli,
huma importanti biex jinkiseb it-tnaqqis mistenni mill-miżuri regolatorji,
inċentivi finanzjarji u sabiex tingħata informazzjoni affidabbli
lill-konsumaturi. Barra minn hekk, bosta Stati Membri ma
jikkonformawx mar-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni dwar
il-kwalità tal-arja u qed iħabbtu wiċċhom ma' problemi
sinifikanti fir-rigward tal-konċentrazzjonijiet ta’ NO2
fl-ambjent. B'mod partikolari, ir-rekwiżiti regolatorji dwar il-kwalità
tal-arja definiti mid-Direttiva 2008/50 KE mhumiex milħuqa
fiż-żoni urbani ("hotspots"), l-aktar għall-materja
partikulata, l-ossidi tan-nitroġenu u l-ożonu. Din is-sitwazzjoni hi
dovuta parzjalment għall-emissjonijiet tal-NOx (NO + NO2)
tal-emissjonijiet iġġenerati mit-traffiku fit-toroq lokali, li aktarx
li jkunu ferm ogħla f'kundizzjonijiet reali ta’ sewqan mil-limiti ta’
emissjoni regolatorji mkejla fuq iċ-ċiklu tat-test, partikolarment
għall-vetturi diżil. Minħabba l-problemi urġenti
fil-kwalità tal-arja, jeħtieġ li wieħed jipproċedi
bl-implimentazzjoni tal-Euro 6 kif previst u li jiġu identifikati kemm
jista' jkun malajr, il-miżuri biex jissaħħaħ it-tnaqqis
tal-emissjonijiet minn vetturi fit-toroq. Il-Kummissjoni tagħraf l-importanza li jiġi żgurat
tnaqqis effettiv tal-emissjonijiet tal-NOx f'kundizzjonijiet ta' sewqan reali
sabiex jintlaħqu l-miri attwali u futuri stabbiliti
fil-leġiżlazzjoni dwar il-kwalità tal-arja. Bħala riżultat
u sabiex jiġu implimentati r-rekwiżiti tar-Regolament (KE) 715/2007,
il-Kummissjoni nediet f'Jannar 2011 l-iżvilupp ta' proċedura
tat-test futura, li trid tiġi integrata fil-qafas tal-approvazzjoni
tat-tip, sabiex jiġu evalwati direttament l-emissjonijiet tal-NOx minn
vetturi ħfief f'kundizzjonijiet ta' sewqan reali. L-emissjonijiet tas-sewqan reali (RDE) tal-NOx imkejla b'din
il-"proċedura RDE" għandhom jiġu rreġistrati u
kkomunikati sa mid-dati obbligatorji tal-Euro 6 (fl-2014). L-aktar tard
tliet snin wara dawn id-dati, il-proċedura RDE għandha tiġi
applikata flimkien mal-limiti ta’ emissjonijiet li ma għandhomx
jinqabżu (NTE), u dan se jiżgura tnaqqis sostanzjali
tal-emissjonijiet tal-NOx f'kundizzjonijiet ta' sewqan reali fir-rigward
tal-livell ta' emissjonijiet mistenni jekk din il-proċedura RDE ma tkunx
applikata. Dawn it-tliet snin addizzjonali, mogħtija sabiex jiġu
introdotti limiti tal-NTE vinkolanti, jitqiesu meħtieġa billi
l-Kummissjoni hija konxja li f'bosta każijiet, ir-ridiżinjar
sinifikanti ta' vetturi diżil se jkollu jikseb il-limiti ta' emissjonijiet
NOx f'kundizzjonijiet normali tas-sewqan imposti mill-Euro 6. Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni
dwar l-emissjonijiet tal-istorbju mill-vetturi qed tiġi riveduta, fuq
il-bażi ta’ valutazzjoni tal-impatt. L-impatti fuq is-saħħa
relatati mal-istorbju se jitnaqqsu permezz ta' valuri ta' limitu aktar stretti.
F'dawn l-aħħar snin ġiet żviluppata u ttestjata
proċedura ta’ test ġdid. Din il-proċedura hija iktar rappreżentattiva
u tas-sewqan fid-dinja reali u issa tista' tiġi implimentata. Flimkien,
dawn id-dispożizzjonijiet se jikkontribwixxu għal tnaqqis fil-livelli
tal-istorbju ġġenerat mit-traffiku tat-triq. Il-Kummissjoni: –
se tappoġġa b'mod attiv l-iżvilupp u
l-implimentazzjoni ta’ ċiklu tat-test ġdid tas-sewqan u
proċedura tat-test ġdida sabiex jitkejlu l-konsum tal-fjuwil u
l-emissjonijiet minn karozzi u vannijiet, li huma aktar rappreżentattivi
tas-sewqan fid-dinja reali, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi tas-suq
tal-UE. Il-modalitajiet għall-inklużjoni fil-qafas legali tal-UE
taċ-ċiklu u tal-proċeduri tat-test ġodda għandhom
jiġu definiti qabel l-2014, inkluża l-metodoloġija
għall-korrelazzjoni tal-miri tas-CO2 stabbiliti fuq
il-bażi taċ-ċiklu u tal-proċedura preċedenti.
Għall-ittestjar tal-emissjonijiet, l-implimentazzjoni taċ-ċiklu
ġdid u tal-proċedura ġdida għandha tiżgura
l-konformità mal-valuri ta’ limitu tal-Euro 6 f'kundizzjonijiet tas-sewqan
reali, b'arranġamenti tranżitorji xierqa mill-2014 sal-2017. Għall-ittestjar
tas-CO2, l-implimentazzjoni taċ-ċiklu ġdid u
tal-proċedura ġdida għandhom iqisu u jkunu konsistenti mal-miri
ambjentali diġà definiti u jevitaw li jimponu piżijiet mhux
meħtieġa fuq il-partijiet interessati. Id-definizzjoni tad-distanza
ta' sewqan għall-vetturi tal-elettriku se titqies ukoll. –
se tipproponi qabel l-2014 miżuri
kumplimentari għall-kontroll tal-emissjonijiet inkwinanti tal-vetturi li
fl-użu, ibbażati fuq analiżi approfondita, bl-għan li
jinkiseb tnaqqis f'waqtu tal-emissjonijiet inkwinanti reali, u b'hekk,
jikkontribwixxu għal titjib fil-kwalità tal-arja. –
ipproponiet f'Diċembru 2011 Regolament
ġdid dwar l-emissjonijiet tal-istorbju tal-vetturi[19], bħala parti minn
approċċ politiku integrat għat-tnaqqis tal-istorbju ambjentali,
inkluża proċedura ġdida tat-test għall-kejl tal-istorbju u
tnaqqis ulterjuri tal-livelli tal-istorbju tal-vetturi. Għandu
jingħata "perjodu ta' tħejjija" xieraq lill-industrija,
konsistenti mal-limitu tal-adattamenti tekniċi meħtieġa. Is-sikurezza fit-toroq Is-sikurezza fit-toroq kienet u se tibqa’
prijorità fil-politika tal-UE u tal-Istati Membri għal ħafna snin.
Din toffri eżempju interessanti tal-implimentazzjoni effettiva
tal-approċċ politiku integrat. L-UE tinsab quddiem nett fil-livell
dinji fil-qasam tas-sikurezza fit-toroq, u l-flotta tal-vetturi tagħna
hija relattivament ġdida u sikura. Id-disinn tal-karozzi għandu rwol
importanti kemm fil-prevenzjoni tal-ħabtiet kif ukoll fil-protezzjoni
f'każ ta' inċident, partikolarment bl-għajnuna tal-mezzi ta' sikurezza
permezz tal-qafas ta' approvazzjoni tat-tip tal-UE. Sar progress importanti fit-tnaqqis tal-imwiet
fit-toroq permezz ta' għadd ta' miżuri, li jindirizzaw il-vettura,
is-sewwieq u l-infrastruttura, applikati fil-livelli lokali, nazzjonali u
tal-UE. Madankollu, dawn ir-riżultati inkoraġġanti ma
għandhomx jagħtu lok għal kompjaċenza u ġiet proposta
mira ġdida għall-2020 ta' tnaqqis ulterjuri ta’ mwiet fit-toroq fl-UE
b'50 % meta mqabbla mal-2010[20]. Il-Kummissjoni: –
se tkompli bl-implimentazzjoni tal-ħidma dwar
is-sikurezza fit-toroq b'konformità mal-oqsma prijoritarji u mal-miri
tal-Orjentazzjonijiet ta' Politika tagħha bejn l-2011 u l-2020[21], li jkopru
l-azzjonijiet fuq il-vetturi, l-infrastruttura u l-imġiba tas-sewwieqa.
Jeħtieġ li tinstab it-taħlita t-tajba ta' politiki, li
tikkombina miżuri regolatorji u miżuri oħra u se tkun definitia
abbażi ta' valutazzjoni tal-impatt approfondita. Il-prijoritajiet jinkludu
l-muturi, it-teknoloġiji tas-sikurezza ta' vetturi ġodda (EVs) u
t-teknoloġiji li jappoġġaw l-imġiba tas-sewwieqa u
l-infurzar tar-regoli tat-triq (apparat intelliġenti tal-ġestjoni
tal-veloċità, sistemi li jfakkru fiċ-ċinturin tas-sikurezza,
STI, sewqan ekoloġiku). –
se tippromwovi ulterjorment it-tħaddim ta' Sistemi
ta' Trasport Intelliġenti (STI), inklużi sistemi kooperattivi,
b'mod partikolari s-sistema ta' sejħiet għall-emerġenza
fil-vettura "eCall" mal-Ewropa kollha. Qed jiġu implimentati
mekkaniżmi leġiżlattivi xierqa li jiżguraw koordinazzjoni
soda u t-tħaddim f'waqtu u komplut tal-elementi kollha marbuta mal-eCall
sabiex din is-sistema li ssalva l-ħajja tiffunzjona b'mod effettiv mill-2015. –
tistieden lill-Istati Membri, lill-awtoritajiet
lokali u lill-partijiet interessati biex jikkooperaw b'mod kostruttiv u
kkoordinat sabiex jiżviluppaw l-aktar miżuri promettenti biex itejbu
s-sikurezza fit-toroq u biex iħaddmu s-STI. Il-Kummissjoni qed twettaq
ukoll valutazzjoni approfondita tal-aktar sistemi xierqa ta' sikurezza
tal-vetturi sabiex ittejjeb aktar is-sikurezza fit-toroq u s-sikurezza tal-vetturi
fl-UE, u qed tħejji pjan direzzjonali għat-tħaddim ippjanat
għat-tmiem l-2013. Il-fjuwils alternattivi u l-infrastruttura Diversifikazzjoni xierqa tas-sorsi
tal-enerġija użati għat-trasport se tikkontribwixxi biex
jintlaħqu l-miri tal-UE dwar il-klima u titjieb is-sigurtà tagħha
fir-rigward tal-enerġija. Filwaqt li għad fadal riżervi
sostanzjali tal-idrokarbonju, huwa probabbli li l-prezzijiet jistgħu jsiru
dejjem aktar volatili filwaqt li l-kapaċità żejda tonqos. B’mod
parallel mat-titjib tal-effiċjenza fl-enerġija, dan jeħtieġ
ukoll il-kummerċjalizzazzjoni ta' fjuwils alternattivi, bħalma huma
l-elettriku, l-idroġenu, il-bijofjuwils sostenibbli, il-metan (il-gass
naturali u l-bijometan), l-LPG. Għall-qafas tal-politika ġenerali,
il-merti ta’ kull taħlita ta' fjuwil u mogħdija tas-saħħa
tal-magna għandhom jiġu vvalutati fuq bażi ta' kalkolu
mill-produzzjoni sal-utilizzazzjoni[22],
inklużi wkoll aspetti taċ-ċiklu tal-ħajja. Minħabba
l-innovazzjoni ta' ħafna fjuwils, il-prestazzjoni tagħhom
għandha tiġi riveduta kontinwament. Il-penetrazzjoni fis-suq ta’ fjuwils
alternattivi teħtieġ il-kostruzzjoni ta' infrastruttura xierqa. Din,
kif ukoll l-iżvilupp sussegwenti ta’ suq għall-vetturi rilevanti
jservu wkoll biex jippromwovu t-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien
tal-impjiegi. It-tħaddim ta' infrastrutturi għal fjuwils alternattivi
għandu jżomm il-pass mal-iżvilupp teknoloġiku u mar-rati
ta' penetrazzjoni fis-suq ta’ vetturi li jaħdmu bi fjuwils alternattivi,
filwaqt li titqies il-kosteffettività tagħhom. Huma possibbli forom
differenti ta' appoġġ pubbliku għall-infrastruttura:
il-proġetti pilota, l-istandardizzazzjoni, l-appoġġ
għall-investiment u l-leġiżlazzjoni. Il-politika pubblika tista’
tappoġġa l-introduzzjoni fis-suq iżda wara s-swieq iridu
jiddeċiedu huma stess dwar l-aħjar soluzzjonijiet, fi ħdan
il-qafas ta' politika eżistenti, filwaqt li jitqies kwalunkwe impatt
ekonomiku u soċjali. Il-Kummissjoni bħalissa qed tħejji
l-pakkett dwar l-Użu tal-Enerġija Nadifa għat-Trasport li
għandu jipprovdi qafas għall-gwida tal-investimenti u
tal-iżvilupp teknoloġiku f’dan il-qasam. Hija għandha
l-għan li tiffaċilita l-iżvilupp ta’ suq intern għal
vetturi u bastimenti bi fjuwils alternattivi inkluża l-infrastruttura
meħtieġa, billi jitneħħew l-ostakli tekniċi u regolatorji
madwar l-UE. Fir-rigward ta' vetturi elettriċi, fl-2010,
il-Kummissjoni tat mandat lill-Organizzazzjonijiet Ewropej ta'
Standardizzazzjoni (ESO) biex jadottaw standards ġodda bl-għan li
jiġu żgurati l-interoperabilità u l-konnettività bejn il-punt tal-provvista
tal-elettriku u ċ-ċarġer tal-vetturi elettriċi. Il-proċess ta' standardizzazzjoni għadu
ma pprovdiex riżultat sodisfaċenti mil-lat tal-infrastruttura.
Ir-Rapport ta' CARS 21 talab l-adozzjoni ta' standard uniku madwar l-UE
kollha. Il-Kummissjoni se tinvestiga l-konnessjoni bejn il-vettura u l-grilja u
se timmonitorja wkoll il-mudelli ta' negozju ġodda li jistgħu
jitfaċċaw u li jippromwovu s-sinerġiji bejn il-ħażna
tal-elettriku pprovduta mill-vetturi elettriċi u l-flessibbiltà
meħtieġa mis-sistema tal-elettriku, inklużi l-istandards komuni
u l-protokolli għall-konnessjoni bejn il-vetturi elettriċi u
l-grilji, kif ukoll l-interoperabbiltà għall-komunikazzjoni u l-ħlas. L-għoti ta' informazzjoni ċara
għall-konsumaturi dwar il-fjuwils u l-kompatibbiltà tagħhom
mal-vetturi, bħall-ittikkettar, teħtieġ aktar attenzjoni.
Il-Kummissjoni se timmonitorja mill-qrib il-kwistjoni permezz ta' studju
tas-suq tal-konsumatur li qed jitwettaq dwar il-funzjonament tas-suq għal
fjuwils tal-vetturi mill-perspettiva tal-konsumatur[23]. Il-Kummissjoni se: –
tipproponi matul ix-xhur li ġejjin Strateġija
dwar il-Fjuwils Alternattivi, bħala parti mill-pakkett dwar l-Użu
tal-Enerġija Nadifa għat-Trasport, li tappoġġa l-bżonn
ta' firxa ta' fjuwils alternattivi fil-kuntest tal-ilħiq tal-miri tal-UE
fir-rigward tal-klima u tal-ambjent u b'rabta mas-sigurtà tal-provvista
tal-enerġija tal-UE. –
tadotta, bħala parti mill-pakkett dwar
l-Użu tal-Enerġija Nadifa għat-Trasport, proposta
leġiżlattiva dwar infrastruttura għall-fjuwils alternattivi,
li tirrigwarda t-tħaddim ta’ infrastruttura minima ta'
alimentazzjoni/iċċarġjar u standards komuni għal ċerti
fjuwils, inklużi l-vetturi elettriċi. –
tipproponi miżura leġiżlattiva, mhux
aktar tard mill-2013, biex tiżgura li jiġu implimentati soluzzjonijiet
prattiċi u sodisfaċenti mil-lat tal-infrastruttura
tal-interfaċċja tal-iċċarġjar għall-vetturi
elettriċi madwar l-UE, fil-każ li ma jintlaħaqx ftehim dwar
approċċ volontarju fost il-partijiet interessati involuti permezz
tal-proċess tal-istandardizzazzjoni. Din se tqis is-sinerġiji bejn
tas-sistema tal-elettriku u l-vetturi elettriċi. –
ssegwi d-djalogu mal-partijiet interessati
rilevanti dwar skema għall-ittikkettar tal-fjuwil konsistenti
mal-istandards Ewropej rilevanti bl-għan li tiżgura li l-konsumatur
ikollu informazzjoni li faċli jifimha dwar il-kompatibilità tal-vettura
tiegħu/tagħha mal-fjuwils differenti offruti fl-istazzjonijiet ta'
riforniment tal-fjuwil. –
tissorvelja
l-implimentazzjoni tal-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali
għall-Enerġija Rinnovabbli, b’mod partikolari r-rati effettivi ta'
taħlit tal-bijofjuwil użati fl-Istati Membri differenti u
l-kompatibbiltà tal-fjuwils mat-teknoloġiji tal-vetturi. 4.2. It-titjib
tal-kundizzjonijiet tas-suq Iż-żamma
ta' bażi tal-manifattura tal-karozzi fl-UE tista' tkun żgurata biss
jekk jiġu pprovduti kundizzjonijiet favorevoli għan-negozju.
Għal ħafna minn dawn il-kundizzjonijiet, bħal-liġi
tax-xogħol, dan jiddependi ferm fuq il-politiki nazzjonali. Madankollu,
il-politika tal-UE għandha wkoll influwenza ċara fuq
il-kundizzjonijiet ta' qafas, partikolarment permezz tal-politika regolatorja.
Il-Kummissjoni żżomm bħala prijorità tagħha it-titjib
tal-kundizzjonijiet tan-negozju għall-industrija fl-Ewropa billi tipprovdi
qafas affidabbli, prevedibbli u favorevoli u timplimenta l-prinċipji ta'
regolamentazzjoni intelliġenti, bħall-kosteffettività, il-perjodu ta'
tħejjija, il-miri fit-tul u l-konsultazzjoni mal-partijiet interessati. Suq intern aktar b'saħħtu Suq intern li jiffunzjona sewwa
b'kundizzjonijiet indaqs huwa kontributur ewlieni għal industrija
tal-karozzi Ewropea b'saħħitha u prosperuża fuq medda twila ta'
żmien. Dan huwa partikolarment veru fil-kuntest eknomiku diffiċli li
hawn bħalissa, fejn il-fabbrikanti jinsabu taħt pressjoni biex
jadattaw il-kapaċità. L-industrija tal-karozzi Ewropea
tirrappreżenta għadd kbir ta’ kumpaniji żgħar u kbar,
attivi f'partijiet differenti tal-katina tad-distribuzzjoni, tal-provvista u
tas-servizz. Din id-diversità enormi titqies bħala qawwa u kisba għall-ġejjieni,
billi dawk li llum huma kumpaniji żgħar għada jistgħu
joffru innovazzjoni strateġika u jsiru atturi ewlenin. Għalhekk, huwa
importanti li jitrawmu relazzjonijiet kostruttivi, trasparenti u
rispettużi fost l-atturi differenti fis-settur tal-karozzi, inklużi
s-setturi tat-tiswija, tal-manutenzjoni u tas-servizz għall-konsumatur. Il-bidliet fil-qafas tal-liġi
tal-kompetizzjoni għad-distribuzzjoni tal-vetturi bil-mutur fl-Ewropa
(wara l-iskadenza tar-Regolament Nru 1400/2002 dwar l-Eżenzjoni ta'
Kategorija għall-Vetturi bil-Mutur) jista' jkollhom impatt fuq
l-organizzazzjoni tar-relazzjonijiet vertikali bejn il-fabbrikanti u
d-distributuri tal-vetturi. Sabiex tamministra din it-tranżizzjoni b'mod
bilanċjat, il-Kummissjoni tħeġġeġ l-adozzjoni ta'
inizjattiva awtoregolatora. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tkompli
tiżgura r-rispett tar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni fis-swieq
għad-distribuzzjoni tal-vetturi bil-mutur u għall-provvista
tas-servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni kif ukoll għad-distribuzzjoni
tal-ispare parts. Mira importanti oħra
tar-regolamentazzjoni dwar il-vetturi hija t-tisħiħ tas-suq intern
tal-UE għall-vetturi bil-mutur. Wieħed irid jirrikonoxxi li llum,
filwaqt li r-rekwiżiti regolatorji huma identiċi fl-UE kollha, il-kundizzjonijiet
tas-suq huma diversi ħafna fl-Istati Membri differenti. Il-miżuri li
jinfluwenzaw id-domanda, bħalma huma l-inċentivi finanzjarji,
implimentati biex jippromwovu l-vetturi nodfa u effiċjenti fl-użu
tal-enerġija, mhux kollha jsegwu l-istess approċċ. Din
il-frammentazzjoni tista' tkun mistennija li tnaqqas il-potenzjal
għall-iżvilupp u t-tqegħid fis-suq ta' tali vetturi.
Għaldaqstant, hi meħtieġa koordinazzjoni aktar
b’saħħitha ta’ dawn il-miżuri. Għall-konsumaturi, is-suq tal-karozzi
użati huwa importanti wkoll. Se jitwettaq studju dwar is-suq
tal-konsumaturi rigward il-funzjonament tas-suq tal-karozzi użati. Il-Kummissjoni se: –
tistabbilixxi sal-2013 djalogu bejn il-partijiet
interessati, filwaqt li tħeġġiġhom jaħdmu favur
prinċipji komuni dwar ftehimiet vertikali rigward id-distribuzzjoni
ta’ vetturi ġodda. Il-partijiet interessati huma mistiedna
jipparteċipaw b’mod kostruttiv f'dan id-djalogu, filwaqt li jimmiraw lejn
eżitu bbilanċjat. –
tippreżenta fl-2012 linji gwida għal
inċentivi finanzjarji għal vetturi nodfa u effiċjenti
fl-użu tal-enerġija stabbiliti mill-Istati Membri sabiex jippromwovu
koordinazzjoni aktar b’saħħitha, biex jimmassimizzaw l-effettività
ambjentali tagħhom u jillimitaw il-frammentazzjoni tas-suq[24]. Jeħtieġ li tali
inċentivi ma jkunux teknoloġikament speċifiċi, u minflok
ikunu jiddependu fuq dejta tal-prestazzjoni oġġettiva u komunement
disponibbli, bħall-emissjonijiet tas-CO2 mill-vettura. L-Istati
Membri se jkunu mistiedna jqisu kif xieraq dawn il-linji gwida meta jfasslu
l-iskemi ta' inċentiv tagħhom. Ir-regolamentazzjoni intelliġenti Suq intern b’saħħtu u dinamiku
jeħtieġ ukoll regolamentazzjoni xierqa, li tevita piżijiet bla
bżonn għall-partijiet interessati u toffri klima favorevoli
għall-investiment. Il-prodotti tal-karozzi huma essenzjalment irregolati
permezz ta' qafas leġiżlattiv tal-UE għall-approvazzjoni
tat-tip. Għalkemm jidher li din is-sistema ġeneralment tiffunzjona
b’mod sodisfaċenti, l-evalwazzjoni kontinwa tibqa’ meħtieġa
sabiex tidentifika modi ta' titjib. B'mod partikolari, tinħtieġ reviżjoni
tal-proċeduri għas-sorveljanza tal-prodotti tal-karozzi mqiegħda
fis-suq tal-UE, sabiex ikun żgurat li l-vetturi huma sikuri u li
ċ-ċittadini jistgħu jafdaw bis-sħiħ il-qafas
regolatorju stabbilit. Din se tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’
opportunitajiet indaqs fost l-atturi kollha, u għat-tisħiħ
tal-fiduċja tal-konsumaturi f'regolamentazzjoni effettiva dwar
il-prodotti, filwaqt li tillimita l-piżijiet amministrattivi. Il-prinċipji
ta' regolamentazzjoni intelliġenti kienu r-riżultat ewlieni fl-ewwel
eżerċizzju ta' CARS 21 u dawn reġgħu ġew
affermati fil-proċess imniedi mill-ġdid. Barra minn hekk, ir-Rapport
Finali ta' CARS 21 saħaq fuq l-importanza li jiġu kkunsidrati
l-pressjoni kompetittiva attwali fuq l-ispejjeż, l-effett kumulattiv
tal-leġiżlazzjoni u l-qagħda tal-SMEs. Se tiġi żgurata
l-applikazzjoni komprensiva u konsistenti tal-prinċipji tar-regolamentazzjoni
intelliġenti, li tintegra l-valutazzjoni fil-fond tal-impatti fuq
l-industrija, is-soċjetà u partijiet interessati oħra, partikolarment
il-kosti u l-benefiċċji assoċjati magħhom, meta jitqies
ukoll li l-possibbiltà għall-konsumaturi li jixtru u jippossiedu karozza
hija prerekwiżit fundamentali sabiex jinżamm suq b'saħħtu.
Fuq dik il-bażi, il-valutazzjonijiet tal-impatt għall-proposti ta’ politika
rilevanti għall-industrija tal-karozzi, bħal dawk imsemmija
f'partijiet oħra ta' din il-Komunikazzjoni, għandhom jinkludu b'mod
sistematiku wkoll eżerċizzju dwar l-impatt fuq il-kompetittività
sabiex jiġi determinat l-impatt tal-miżuri l-ġodda fuq l-industrija
tal-karozzi. L-applikazzjoni ta' dawn il-prinċipji se jiżguraw li
l-proposti tal-Kummissjoni se jkunu kosteffettivi u mmirati sew. Il-Kummissjoni se: –
twettaq evalwazzjoni
approfondita u estensiva (il-verifika tal-adegwatezza) tal-qafas tal-approvazzjoni
tat-tip tal-vetturi. Fl-2013,
din se tadotta proposta biex issaħħaħ il-qafas
tal-approvazzjoni tat-tip biex jinkludi dispożizzjonijiet
għas-sorveljanza tas-suq f'oqsma fejn ikun ġie identifikat
bżonn, sabiex tiżgura li l-vetturi u l-komponenti tagħhom huma
sikuri u konformi mar-rekwiżiti legali rilevanti, u li dan il-qafas
effettivament jikseb il-miri ta' politika rilevanti. –
fi ħdan is-sistema tagħha ta'
valutazzjoni tal-impatt, twettaq eżerċizzju rigoruż dwar
l-impatt fuq il-kompetittività għall-inizjattivi ewlenin u rilevanti
tal-ġejjieni, inklużi dawk b'impatt sinifikanti fuq l-industrija
tal-karozzi. L-eżerċizzju dwar l-impatt fuq il-kompetittività se
jqis il-qagħda ekonomika u x'inhu l-impatt li inizjattiva ġdida
x'aktarx ikollha fuq il-pożizzjoni kompetittiva tal-industrija,
speċjalment fuq is-swieq globali. Il-Ftehimiet futuri ta' Kummerċ
Ħieles, l-inizjattivi dwar is-sikurezza u l-emissjonijiet u inizjattivi
oħra li għandhom impatt sinifikanti fuq il-vetturi se jkunu
suġġetti għal eżerċizzju dwar l-impatt fuq
il-kompetittività, b'konformità mal-gwida operazzjonali għall-valutazzjoni
tal-impatti fuq il-kompetittività settorjali fis-sistema tal-valutazzjoni
tal-impatt tal-Kummissjoni[25],
li tqis ukoll l-impatti usa' u globali fuq is-soċjetà u l-ekonomija. Dawn
il-prinċipji ġew imtennija riċentement ħafna
fil-Komunikazzjoni aġġornata dwar il-Politika Industrijali. –
tesplora l-possibbiltà u l-valur miżjud tat-twettiq
ta' analiżi ekonomika proporzjonata għal xi atti ta'
implimentazzjoni, imsejsa fuq leġiżlazzjoni eżistenti dwar
il-vetturi, bħall-proposti fuq ir-reviżjoni tar-rekwiżiti
dwar l-emissjonijiet evaporattivi għall-Euro 6 u
għall-miżuri kontra t-tbagħbis għall-vetturi
tal-kategorija L (il-vetturi motorizzati b'żewġ u bi tliet roti
u l-kwadriċikli). Madankollu, jekk dawn l-atti huma mistennija li jkollhom
impatti sinifikanti, dawn se jkunu akkumpanjati minn valutazzjonijiet
tal-impatt skont il-linji gwida tal-Valutazzjoni tal-Impatt tal-Kummissjoni. 4.3. It-tisħiħ
tal-kompetittività fis-swieq globali L-industrija tal-karozzi hija bla dubju
industrija globali. Il-kummerċ fil-prodotti tal-karozzi qiegħed
jiżdied b’mod stabbli u s-swieq terzi qed isiru dejjem aktar importanti
għall-UE. L-industrija tal-karozzi Ewropea għandha pożizzjoni
qawwija ħafna fil-kummerċ internazzjonali u tibbenefika b'mod
ċar mill-opportunitajiet tas-suq kemm fis-swieq maturi kif ukoll f'dawk
emerġenti, li parzjalment jagħmel tajjeb għas-sitwazzjoni
diffiċli tas-suq Ewropew. Madankollu, is-sitwazzjoni attwali ma tistax titqies
bħala ħaġa ċerta. Il-kompetizzjoni internazzjonali
tintensifika malajr bl-introduzzjoni ta' membri ġodda u bl-evoluzzjoni
kostanti tat-teknoloġija. Fl-istess waqt, għadu diffiċli li
wieħed jiżgura suq globali miftuħ, speċjalment
minħabba l-ostakli mhux tariffarji ġodda u eżistenti (NTBs).
Filwaqt li l-industrija tistinka biex iżżomm il-kompetittività
tagħha, ir-rwol tal-politika pubblika huwa li tiżgura kundizzjonijiet
indaqs f'termini ta' aċċess għas-suq. B'din il-mira, ir-Rapport
ta' CARS 21 jippromwovi l-azzjoni permezz tal-politika kummerċjali
fl-aktar sens wiesa', inkluż l-aċċess għas-suq u
l-armonizzazzjoni regolatorja. Il-politika kummerċjali Jeħtieġ li l-politiki
kummerċjali u industrijali jiġu kkoordinati mill-qrib. Rigward id-diversi strumenti kummerċjali,
il-Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles (FTA) jitqiesu bħala mezz
importanti biex jitjieb l-aċċess għas-suq f'pajjiżi terzi.
L-aċċettazzjoni tar-regolamenti internazzjonali skont il-Ftehim
tan-NU/KEE tal-1958[26]
hija l-aħjar mod biex jitneħħew l-ostakli mhux tariffarji
għall-kummerċ. Hemm ukoll il-ħtieġa li
tissaħħaħ il-kooperazzjoni regolatorja bilaterali ma’
pajjiżi terzi, bħal dawk li mhumiex Partijiet Kontraenti għal
dan il-ftehim, bl-għan li jiġu eliminati l-ostakli mhux tariffarji
fis-settur tal-karozzi. Il-Kummissjoni se: –
tqis bis-sħiħ l-importanza li
żżomm bażi b'saħħitha u kompetittiva tal-manifattura
tal-karozzi fl-Ewropa meta twettaq il-politika kummerċjali tagħha,
bl-użu kemm tal-għodod multilaterali kif ukoll dawk bilaterali.
It-tnejn għandhom jintużaw biex jindirizzaw il-kwistjonijiet ewlenin
tat-tneħħija tal-ostakli tariffarji u dawk mhux tariffarji. L-FTAs
għandhom jimmiraw li jiżmontaw kompletament it-tariffi u li
jneħħu l-Ostakli Mhux-Tariffarji. L-impatti globali ta' kull negozjat
kummerċjali se jiġu vvalutati b'mod approfondit u komprensiv. –
tivvaluta l-impatti tal-ftehimiet kummerċjali
kif ukoll l-impatt kumulattiv tagħhom fuq il-kompetittività ta' din
l-industrija billi tniedi studju dwar l-FTAs li diġà ġew
konklużi u dawk li x'aktarx jiġu konklużi fil-futur qrib.
L-istudju se jitnieda fi żmien qasir mill-Kummissjoni u se jkun
konkluż sa tmiem l-2013. Ir-riżultati se jiġu diskussi
mal-partijiet interessati rilevanti. –
tikkumplimenta l-kooperazzjoni regolatorja
multilaterali fil-qafas tan-NU/KEE bil-kooperazzjoni regolatorja bilaterali
b'mod partikolari ma' atturi ewlenin ġodda, iżda wkoll,
pereżempju, mal-Istati Uniti, fi ħdan il-Kunsill Ekonomiku
Transatlantiku, u mal-Ġappun. L-armonizzazzjoni internazzjonali L-armonizzazzjoni internazzjonali
tar-regolamenti dwar il-vetturi ilha prijorità għall-Kummissjoni għal
bosta snin. L-adozzjoni ta’ regolamenti komuni ma’ swieq ewlenin oħra
madwar id-dinja toffri l-benefiċċju ta' tnaqqis tal-ispejjeż ta'
konformità, tiġġenera ekonomiji tal-kobor u tnaqqas l-ostakli
tekniċi għall-kummerċ. Il-mira ġenerali għandha tkun
li jiġi stabbilit il-prinċipju ta’ "ittestjat darba,
aċċettat kullimkien", filwaqt li jiġu żgurati
l-promozzjoni u ż-żamma tal-ogħla standards ambjentali u ta'
sikurezza. Ir-rapport finali ta' CARS 21 jikkonkludi li l-aktar strument
effikaċi għal armonizzazzjoni regolatorja internazzjonali huwa
l-Ftehim tal-1958 tan-NU/KEE, b'kundizzjoni li dan jiġi mmodernizzat biex
iqis il-ħtiġijiet tal-ekonomiji emerġenti u sal-punt li
jippermetti r-rikonoxximent reċiproku tal-approvazzjonijiet
internazzjonali tat-tip tal-vetturi kompluti (IWVTA) billi jibda
mill-kategorija tal-karozzi tal-passiġġieri. Il-Kummissjoni hija
impenjata li twettaq diversi azzjonijiet fis-snin li ġejjin. Il-Kummissjoni se: –
tippromwovi u tappoġġa b'mod attiv
armonizzazzjoni internazzjonali akbar tar-regolamenti dwar il-vetturi skont
il-linji stabbiliti hawn taħt. Ir-riforma tal-Ftehim tal-1958
tan-NU/KEE hija element prinċipali ta' din l-istrateġija u se
timmira li tagħmel l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tar-regolamenti
internazzjonali aktar attraenti għas-swieq terzi. L-Istati Membri u
l-partijiet interessati huma mistiedna jappoġġaw dan l-isforz.
Il-Kummissjoni se tmexxi l-iżvilupp tal-ewwel proposta għall-Ftehim
tal-1958 rivedut f’Marzu 2013. –
tikkontribwixxi għall-iżvilupp
tal-ewwel proposta għal Regolament ġdid[27] dwar l-IWVTA sa
Novembru 2013. Ir-Regolament dwar l-IWVTA se jnaqqas sostanzjalment
il-piż amministrattiv relatat mal-introduzzjoni tal-istess mudell ta'
vettura f'pajjiżi li huma Partijiet Kontraenti għall-Ftehim tal-1958. B’mod parallel mal-ħidma dwar il-Ftehim
tal-1958, il-Kummissjoni se taħdem ukoll biex tikseb riżultati
konkreti skont il-Ftehim tal-1998[28].
Bil-momentum politiku riċenti maħluq mill-Grupp ta' Ħidma ta'
Livell Għoli bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar l-Impjiegi u t-Tkabbir kif
ukoll mid-dikjarazzjoni ta' Los Cabos[29]
li jirrikonoxxu l-benefiċċji potenzjali ta’ ftehim komprensiv dwar
il-kummerċ ħieles bejn l-UE u l-Istati Uniti, hemm aktar potenzjal
għal involviment aktar ħerqan tal-Istati Uniti u ħidma ta' aktar
suċċess skont il-Ftehim tal-1998 tan-NU/KEE. L-aktar oqsma
promettenti ta’ xogħol huma t-teknoloġiji innovattivi, partikolarment
l-idroġenu u s-sistemi elettriċi ta' mogħdija
tas-saħħa tal-magna. Il-Kummissjoni flimkien mal-aġenziji
tal-Istati Uniti ħadet f'idejha t-tmexxija fl-2011 fil-qafas tal-Kunsill
Ekonomiku Transatlantiku biex tniedi l-ħidma fuq il-vetturi
elettriċi. Għaldaqstant, twaqqfu żewġ gruppi ta' ħidma
informali, l-ewwel wieħed dwar ir-rekwiżiti regolatorji
għas-sikurezza u t-tieni dwar il-prestazzjoni ambjentali tal-vetturi
elettriċi. Il-gruppi malajr qajmu interess minn bosta partijiet kontraenti
oħra u żviluppaw f'fora multilaterali skont il-Ftehim tal-1998.
Riżultati konkreti għandhom ikunu disponibbli fis-snin li
ġejjin. Il-Kummissjoni se: –
tmexxi l-ħidma taż-żewġ
gruppi ta' ħidma informali dwar (1) is-sikurezza u (2) l-prestazzjoni
ambjentali tal-vetturi elettriċi bil-ħsieb
li jintlaħaq qbil dwar Regolament Tekniku Globali (GTR) dwar is-sikurezza
tal-vetturi elettriċi fl-2014 u approċċ komuni f’termini ta’
politika dwar il-prestazzjoni ambjentali tal-vetturi elettriċi.
Iż-żewġ gruppi ta' ħidma informali ġew imnedija fuq
l-inizjattiva kemm tal-UE kif ukoll tal-Istati Uniti iżda diġà
attiraw parteċipazzjoni wiesgħa, inkluż mill-Ġappun,
miċ-Ċina u mill-Kanada. Il-Ftehim dwar GTR rigward is-sikurezza
tal-vetturi elettriċi se jkun ta' importanza ewlenija sabiex jiġu
żgurati ekonomiji ta' kobor għall-manifatturi u biex il-konsumaturi jkollhom
moħħhom mistrieħ dwar il-livell adegwat ta’ sikurezza
tal-vetturi elettriċi. –
tippromwovi, abbażi tal-kontribuzzjoni
mill-partijiet interessati, kooperazzjoni internazzjonali aktar
b'saħħitha bejn dawk li jistabbilixxu l-istandards biex
jintlaħqu standards komuni jew kompatibbli dwar is-sikurezza tal-vetturi
elettriċi, l-infrastruttura u l-interoperabbiltà. 4.4. L-antiċipazzjoni
tal-adattament u l-ġestjoni tal-istrutturar Il-parametri ekonomiċi u soċjali
jevolvu maż-żmien, u jbiddlu l-pożizzjoni kompetittiva tas-siti
tal-produzzjoni. Il-kumpaniji, il-ħaddiema u l-ekonomiji li jadattaw
l-aktar malajr għas-sitwazzjoni l-ġdida huma dawk li jiksbu
vantaġġ fis-suq globali. Is-saħħa tal-ekonomija Ewropea
hija msejsa fuq l-għarfien u l-eċċellenza. Dan ifisser li
l-Ewropa għandha bżonn tinvesti fil-kapital uman tagħha u
tadatta l-kapaċitajiet tal-produzzjoni tagħha għar-realtajiet
ġodda, inklużi t-teknoloġiji ġodda u s-swieq li jevolvu.
L-intervent pubbliku għandu jkun immirat sabiex jgħin
lill-ħaddiema u lill-kumpaniji biex iwettqu dan l-adattament,
jissalvagwardjaw is-suq intern u l-kundizzjonijiet indaqs u jiżguraw li
l-konsegwenzi soċjali negattivi ta' kull ristrutturar jinżammu
f'livell minimu. Il-kapital uman u l-ħiliet L-investiment fil-kapital uman permezz
tal-iżvilupp tal-ħiliet u tat-taħriġ huwa assolutament
essenzjali sabiex tinżamm bażi tal-manifattura fl-Ewropa.
Id-disponibbiltà ta’ forza tax-xogħol ikkwalifikata huwa fattur ewlieni
għat-tkabbir u l-kompetittività tal-industrija tal-karozzi u se tkun
indispensabbli biex l-Ewropa tkun fuq quddiem nett fit-teknoloġiji
innovattivi. Min-naħa l-oħra, l-industrija diġà qed tħabbat
wiċċha ma' nuqqas eżistenti ta’ ħaddiema kwalifikati kif
ukoll mal-ħtieġa li jiġu identifikati b'mod korrett
il-ħiliet meħtieġa fil-ġejjieni. Għandhom jiġu
żgurati kwalifiki xierqa għall-ħaddiema kif ukoll
taħriġ vokazzjonali u tagħlim tul il-ħajja. In-nuqqas ta' ħiliet hija kwistjoni
kruċjali. Jinħtieġu azzjonijiet rapidi b'miri fit-tul fil-livell
nazzjonali sabiex jiġu mmodernizzati fundamentalment is-sistemi
tal-edukazzjoni u tat-taħriġ biex titjieb il-provvista
tal-ħiliet, permezz, inter alia, ta' kurrikuli ġodda,
l-użu tal-ICTs fl-edukazzjoni u fit-taħriġ u forom ġodda
ta' sħubijiet ma' min iħaddem. Fil-livell Ewropew, din il-problema
mhijiex relatata biss mas-settur tal-karozzi, iżda ma' setturi oħrajn
ukoll. Fi żmien qasir, il-Kummissjoni se tiddefinixxi sett ta'
prijoritajiet strateġiċi biex tinidirzza dawn il-kwistjonijiet
fil-Komunikazzjoni tagħha dwar "Ir-Riforma tal-Edukazzjoni: Ninvestu
fil-ħiliet għal eżiti soċjoekonomiċi aħjar".
Bħala kwistjoni orizzontali din hija indirizzata wkoll fil-politika
tal-Ewropa dwar l-impjiegi, partikolarment permezz tal-aktar Pakkett
riċenti dwar l-Impjiegi[30].
Barra minn hekk, dawn l-inizjattivi settorjali se jkunu ta' importanza
ewlenija. Minħabba t-tibdil fil-ħiliet li ġie nnotat fis-suq
tax-xogħol tal-UE, soluzzjoni komplementari għan-nuqqasijiet tista'
tkun ukoll li jiġu attirati l-ħiliet meħtieġa minn barra
l-Unjoni.
Il-Kummissjoni se: –
tappoġġa, wara l-valutazzjonijiet
tal-fattibbiltà u tal-valur miżjud li twettqu riċentement,
il-ħolqien fl-2013 ta' Kunsill Ewropew tal-Ħiliet fl-Industrija[31] tal-Karozzi li se
tgħaqqad flimkien l-organizzazzjonijiet nazzjonali eżistenti li
jwettqu r-riċerka dwar l-iżvilupp tal-ħiliet u l-impjiegi
fis-settur tal-karozzi. Il-Kunsill tal-Ħiliet se jinvolvi wkoll
lir-rappreżentanti ta’ min iħaddem u tal-ħaddiema fil-livell
Ewropew u f'dak nazzjonali, kif ukoll l-organizzazzjonijiet ta' dawk li
jipprovdu l-edukazzjoni u t-taħriġ. Il-Kunsill tal-Ħiliet se
jħeġġeġ it-tagħlim bejn il-pari bbażat fuq
l-iskambju tal-informazzjoni u l-prattika tajba kif ukoll jipprovdi pjattaforma
għad-djalogu. Dan se jibda billi janalizza x-xejriet fil-qasam
tal-impjiegi u tal-ħiliet fl-industrija tal-karozzi, li se jifformaw
il-bażi tar-rakkomandazzjonijiet immirati lejn dawk li jfasslu l-politika,
dawk li jipprovdu l-edukazzjoni u t-taħriġ u partijiet interessati
oħra. –
tħeġġeġ l-użu tal-Fond
Soċjali Ewropew (FSE) għall-ksib ta' ħiliet ġodda u
għat-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema. Mingħajr
preġudizzju għad-deċiżjonijiet li se jittieħdu
fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali dwar il-FSE, l-Istati Membri se jkunu
mħeġġa biex jużaw aktar il-proġetti sistematiċi
li jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-ħiliet, it-tlaqqigħ
tal-ħiliet u l-antiċipazzjoni tal-bidla u jipproponu opportunitajiet
ta’ tagħlim tul il-ħajja. L-indirizzar tal-aġġustament industrijali Filwaqt li minn
naħa waħda, l-industrija tal-karozzi qed tħabbat
wiċċha mal-problema ta’ disponibbiltà ta’ forza tax-xogħol
ikkwalifikata, min-naħa l-oħra hemm il-ħtieġa li jiġu
indirizzati l-konsegwenzi soċjali tar-ristrutturar, meta t-telf
tal-impjiegi jkun inevitabbli. Diġà ttieħdu deċiżjonijiet
ta' ristrutturar li jirriflettu t-tnaqqis fil-bejgħ fis-suq Ewropew u
jistgħu jkunu meħtieġa aktar aġġustamenti. Huwa ferm
importanti li tiġi evitata sitwazzjoni fejn l-għeluq jew it-tnaqqis
fid-daqs tal-impjanti jikkawża reazzjoni katina fl-ekonomija
reġjonali kollha minħabba s-sensji. Il-kumpaniji jridu josservaw
id-Direttivi tal-UE dwar is-sensji kollettivi u l-informazzjoni u
l-konsultazzjoni tal-ħaddiema kif ukoll il-prattika tajba
tal-antiċipazzjoni tal-bidla[32].
F’dan ir-rigward, djalogu soċjali tajjeb fil-livelli kollha (fil-livell
tal-kumpaniji, lokali, nazzjonali u tal-UE) huwa element ewlieni
fl-antiċipazzjoni u fil-ġestjoni tajba tal-proċessi ta'
ristrutturar. Il-proċess ta’ ristrutturar huwa prinċipalment
ir-responsabbiltà tal-industrija, madankollu hemm rwol komplementari
għall-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali. Fil-bidu tal-2012,
il-Kummissjoni adottat Green Paper dwar ir-ristrutturar bl-għan li
tidentifika l-prattiki u l-politiki li rnexxew fil-qasam tar-ristrutturar u
l-adattament għall-bidla[33]. Il-Kummissjoni
pproponiet ukoll li tissokta l-Fond Ewropew ta' Aġġustament
għall-Globalizzazzjoni (FEG) matul il-perjodu bejn l-2014 u l-2020,
ittejjeb il-funzjonament tiegħu u twessa' l-ambitu tiegħu,
partikolarment għal kategoriji ġodda ta’ ħaddiema (eż.
il-ħaddiema temporanji). Sa issa, il-FEG pprovda appoġġ f'16-il
każ fis-setturi tal-karozzi u kważi 21 000 ħaddiem
fl-industrija tal-karozzi ġew identifikati għal għajnuna tal-FEG
b'valur ta' EUR 113-il miljun. Il-Kummissjoni se: –
tkompli timmonitorja/tirrevedi l-attivitajiet
ta' ristrutturar fir-rigward tal-konformità stretta tagħhom
mal-leġiżlazzjoni tal-UE, b'mod partikolari fejn għandhom
x'jaqsmu l-għajnuna mill-Istat u r-regoli dwar is-suq intern. –
tidentifika l-prattika tajba u tippromwovi
approċċ antiċipattiv fir-ristrutturar
b’konsultazzjoni mar-rappreżentanti tar-reġjuni b'manifattura
intensiva tal-karozzi, mal-awtoritajiet tal-impjieg u mal-partijiet interessati
tas-settur, inklużi l-imsieħba soċjali. –
tniedi mill-ġdid it-task force bejn
is-servizzi biex tistudja u ssegwi l-każijiet ewlenin
tal-għeluq jew it-tnaqqis sinifikanti fid-daqs tal-impjanti tal-karozzi.
It-task force kienet attiva u effiċjenti ħafna f’każijiet
tal-imgħoddi fl-industrija tal-karozzi[34].
It-task force tissemplifika l-użu tal-fondi rilevanti tal-UE (billi tipprovdi
l-assistenza teknika, tnaqqas iż-żmien tal-istennija, l-għoti
ta’ pariri dwar l-użu l-aktar effettiv tar-riżorsi,
il-monitoraġġ u r-rappurtar). –
għall-każijiet tal-għeluq u
t-tnaqqis sinifikanti fid-daqs tal-impjanti, tistieden lill-Istati Membri
biex iqisu l-użu tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament
għall-Globalizzazzjoni (FEG). –
tħeġġeġ l-Istati Membri biex
jużaw l-iskemi tal-flessibbiltà tax-xogħol u l-kofinanzjament
tagħhom mill-FSE b'appoġġ għall-fornituri li
jistgħu jeħtieġu aktar żmien biex isibu klijenti ġodda
wara l-għeluq/it-tnaqqis fid-daqs tal-impjant tal-karozzi. 5. Monitoraġġ u
governanza Id-diskussjonijiet kostruttivi fil-Grupp ta’
Livell Għoli CARS 21 enfasizzaw l-utilità u l-ħtieġa li
jissokta d-djalogu mal-partijiet interessati ewlenin (mis-settur privat u
mis-settur pubbliku, kif ukoll mis-soċjetà ċivili) f’dan is-settur
industrijali strateġiku. Barra minn hekk, il-Komunikazzjoni
aġġornata tal-Politika Industrijali talbet biex tinħoloq Task
Force għall-vetturi nodfa. Il-Kummissjoni qed tipproponi li tniedi
l-proċess ta' CARS 2020 biex tiġi mmonitorjata u analizzata fuq
bażi regolari l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet ta' CARS 21
u tal-Pjan ta’ Azzjoni. Dan il-proċess se jinvolvi laqgħa informali
annwali ta’ livell għoli, ippreparata minn grupp Sherpa. Sabiex jiġu
żgurati l-koerenza u l-kontinwità, il-kompożizzjoni ta' dan il-grupp
se tibqa' simili għal dik ta' CARS 21, mingħajr preġudizzju
għal adattamenti possibbli. Barra minn hekk, jistgħu jiġu
stabbiliti laqgħat speċjalizzati fil-livell tal-esperti fuq bażi
ad hoc bl-għan li tissaħħaħ il-bażi
tal-għarfien tal-Kummissjoni u titwessa' l-konsultazzjoni mal-partijiet
interessati. Il-Kummissjoni se: –
twaqqaf fl-2013 proċess ta' livell
għoli msejjaħ CARS 2020, sabiex jimmonitorja l-implimentazzjoni
tar-rakkomandazzjonijiet ta' CARS 21, kif ukoll il-miżuri stipulati
f’dan il-Pjan ta’ Azzjoni. –
torganizza laqgħat ad hoc
tal-esperti dwar kwistjonijiet marbuta mal-ekonomija u mal-kompetittività
għas-settur tal-karozzi. Huwa f'idejn il-Kulleġġ il-ġdid
biex iqis jekk dan il-proċess għandux jinżamm fil-format propost
tiegħu, jew jekk humiex meħtieġa aġġustamenti jew
adattamenti. [1] It-terminu industrija tal-karozzi huwa maħsub li
jkopri l-katina tal-provvista kollha, li tinkludi l-manifatturi tal-vetturi,
il-fornituri, id-distribuzzjoni u s-servizzi ta' wara l-bejgħ. Il-prodotti
jinkludu l-karozzi tal-passiġġieri, vetturi kummerċjali
ħfief u tqal u vetturi motorizzati b'żewġ roti, bi tliet roti u
kwadriċikli. [2] COM(2012) 582 finali, adottata
fl-10 ta' Ottubru 2012 [3] COM(2010) 186 finali, 28.04.2010 [4] Disponibbli fuq http://ec.europa.eu/enterprise/sectors/automotive/files/cars-21-final-report-2012_en.pdf [5] inkluż
vetturi elettriċi bil-batterija, ibridi plugin u dawk elettriċi
b'medda estiża [6] Id-dejta preċiża dwar il-kapaċità
żejda hija suġġetta għal diskussjoni, billi tiddependi,
fost l-oħrajn, fuq l-għadd ta' xifts użati f'fabbrika
partikolari. L-analisti jaqblu li xi kapaċità żejda hija fil-fatt
meħtieġa għall-flessibbiltà tan-negozji, iżda li
l-kapaċità żejda hija problematika. [7] COM (2011) 808 finali, 30.11.2011,
COM (2011) 809 finali, 30.11.2011. [8] COM (2011) 834 finali, 30.11.2011 [9] COM(2012) 501 [10] COM(2011) 144 finali [11] http://setis.ec.europa.eu/ [12] L-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija [13] Komunitajiet tal-Għarfien u l-Innovazzjoni [14] COM(2010) 614 [15] ELENA (Assistenza Ewropea għall-Enerġija Lokali)
hija faċilità ta' assistenza teknika għal proġetti dwar
l-enerġija sostenibbli fl-ibliet u fir-reġjuni. [16] COM(2007) 19 finali [17] COM/2012/393 u COM/2012/394 [18] COM(2012) 393 finali [19] COM/2011/856 finali [20] COM(2010) 389 finali [21] Idem. [22] L-integrazzjoni tal-emissjonijiet iġġenerati tul
iċ-ċiklu tal-ħajja tal-fjuwil, inkluża l-estrazzjoni,
il-produzzjoni u l-użu effettiv [23] L-istudju se jiddetermina jekk il-konsumaturi
jistgħux jagħmlu deċiżjonijiet infurmati meta jixtru,
inklużi kwistjonijiet relatati mal-fehim u t-trasparenza tal-informazzjoni,
pereżempju l-fehim tal-informazzjoni fuq it-tikketti, il-fehim
tad-differenzi bejn il-fjuwils u l-fehim tal-adegwatezza tal-fjuwils
għall-karozzi. Ir-riżultati se jiġu ppubblikati sa tmiem l-2013. [24] Il-miżuri li jikkostitwixxu l-għajnuna
mill-Istat se jkomplu jiġu vvalutati skont ir-regoli rilevanti
tal-għajnuna mill-Istat. [25] Id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal SEC(2012) 91
finali, 27.01.2012 [26] Il-Ftehim tal-1958 tal-Kummissjoni Ekonomika
għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NU/KEE) dwar
l-armonizzazzjoni teknika internazzjonali fis-settur tal-vetturi bil-mutur [27] Skont il-prinċipji stabbiliti tal-Ftehim 58,
il-Partijiet Kontraenti li japplikaw l-aktar verżjoni stretta
tar-Regolament dwar l-IWVTA mhux se jkollhom jaċċettaw
l-approvazzjonijiet tat-tip maħruġa skont verżjoni anqas
stretta. [28] Fil-qafas tal-Ftehim tal-1998, huma żviluppati
Regolamenti Tekniċi Globali. [29] MEMO/12/462, 19.06.2012 [30] COM(2012) 173 finali, 18.04.2012 [31] Proġett immexxi mill-imsieħba soċjali u
appoġġat mill-Kummissjoni Ewropea/DĠ għall-Impjiegi,
l-Affarijiet Soċjali u l-Opportunitajiet Indaqs [32] Dawn il-prattiki tajbin jinkludu t-test tal-2003 intitolat
"Orientations for reference in managing change and its social
consequences" (Linji Gwida ta’ referenza għall-ġestjoni
tal-bidla u tal-konsegwenzi soċjali tagħha) li, madankollu, ma
ġiex adottat formalment mill-KETU. [33] COM(2012) 7 finali [34] Pereżempju, il-każijiet li jikkonċernaw VW
Forest u MG Rover f'West Midlands;