RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL DWAR IL-KOMUNIKAZZJONI DWAR L-UŻU MINGĦAJR PERIKLU TA' SUSTANZI KIMIĊI /* COM/2012/0630 final */
RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL DWAR IL-KOMUNIKAZZJONI DWAR L-UŻU MINGĦAJR
PERIKLU TA’ SUSTANZI KIMIĊI (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) Glossarju ECHA L-Aġenzija
Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi CLP Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 dwar il-Klassifikazzjoni,
l-Ittikkettar u l-Imballaġġ ta’ Sustanzi u Taħlitiet GHS Is-Sistema
Globalment Armonizzata tal-Klassifikazzjoni u l-Ittikettar ta' Sustanzi Kimiċi REACH Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni,
l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi RCN In-Netwerk
ta’ Komunikazzjoni ta' Riskju MSCA L-Awtoritajiet
Kompetenti tal-Istati Membri SDS L-Iskeda
ta' dejta tas-Sikurezza 1. Introduzzjoni L-Unjoni Ewropea żviluppat sistemi
li jipprovdu informazzjoni dwar proprjetajiet perikolużi u miżuri ta’ kontroll
tal-kimiċi sa mill-1967[1]
għal sustanzi, u sa mill-1988[2]
għal taħlitiet (qabel imsejħa ‘preparazzjonijiet’). Madankollu, is-sistemi ta’ klassifikazzjoni użata f'pajjiżi oħra kienu
differenti u mhux dejjem kompatibbli ma’ xulxin, u dan ħafna drabi wassal għal
diversi tikketti u Skedi ta’ Dejta tas-Sikurezza għall-istess prodott kimiku. Għalhekk, il-Konferenza
tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1992 dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp pprovdiet mandat
internazzjonali għall-armonizzazzjoni tal-klassifikazzjoni tal-periklu sas-sena
2000. Bħala riżultat ta’ dan, l-ewwel
verżjoni tas-Sistema Globalment Armonizzata tal-Klassifikazzjoni u
l-Ittikkettar tas-Sustanzi Kimiċi (GHS) ġiet approvata fl-2002 u mbagħad
ippubblikata s-sena ta' wara. Minn
dakinhar, il-GHS ġiet aġġornata kull sentejn. Il-GHS hija sistema tan-Nazzjonijiet Uniti għall-identifikazzjoni ta’
kimiċi perikolużi u għall-informazzjoni tal-utenti dwar dawn il-perikli permezz
ta’ simboli standard (pittogrammi) u frażijiet fuq it-tiketti tal-imballaġġ u
permezz tal-iskedi ta' dejta tas-sikurezza (SDS). Is-CLP huwa r-Regolament tal-UE dwar il-Klassifikar, it-Tikkettar u
l-Ippakkjar ta’ sustanzi u taħlitiet kimiċi[3]. Huwa jallinja l-leġiżlazzjoni preċedenti tal-UE
dwar il-klassifikazzjoni, it-tikkettar u l-ippakkjar tal-kimiċi mal-GHS. Ir-Regolament CLP għandu l-għan li jtejjeb
il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, filwaqt li jiżgura
l-moviment ħieles ta’ sustanzi u taħlitiet kimiċi, u jtejjeb il-kompetittività
u l-innovazzjoni. Ir-Regolament CLP daħal fis-seħħ fl-20 ta' Jannar 2009. Skont ir-Regolament, l-iskadenza
għall-allinjament tal-klassifikazzjoni tas-sustanzi għar-regoli l-ġodda kienet
l-1 ta’ Diċembru 2010. Għat-taħlitiet, l-iskadenza se tkun l-1 ta’ Ġunju 2015. Ir-Regolament CLP fl-aħħar mill-aħħar se jieħu
post ir-regoli preċedenti dwar il-klassifikar, it-tikkettar u l-ippakkjar ta’
sustanzi (Direttiva 67/548/KEE) u r-regoli attwali dwar
il-preparazzjonijiet (Direttiva 1999/45/KE) wara dan il-perjodu
tranżizzjonali. L-Artikolu 34 tar-Regolament CLP jistipula li: 1. Sal-20 ta' Jannar 2012,
l-Aġenzija għandha twettaq studju dwar il-komunikazzjoni ta' informazzjoni
lill-pubbliku ġenerali dwar l-użu mingħajr periklu ta' sustanzi u taħlitiet u
l-ħtieġa potenzjali għal informazzjoni addizzjonali fuq it-tikketti. Dan l-istudju għandu jsir
f'konsultazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti u l-partijiet interessati u
bl-użu, skont il-każ, tal-aqwa prattika rilevanti. 2. Mingħajr preġudizzju
għar-regoli tal-ittikkettar previsti f'dan it-Titolu, il-Kummissjoni għandha,
abbażi tal-istudju msemmi fil-paragrafu 1, tippreżenta rapport lill-Parlament
Ewropew u lill-Kunsill u, jekk ikun ġustifikat, tippreżenta proposta
leġislattiva biex jiġi emendat dan ir-Regolament. L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) ivvalutat is-sejbiet ta’
stħarriġ tal-Ewrobarometru madwar l-Ewropa u ta' studju aktar immirat dwar
il-perċezzjoni tar-riskju. Bħala
riżultat, l-ECHA ppubblikat l-istudju skont l-Artikolu 34 (1) CLP
fl-20 ta’ Jannar 2012. Dan ir-Rapport ġie stabbilit fuq il-bażi tal-istudju li twettaq
mill-ECHA skont l-Artikolu 34 (2) CLP. 2. Studju dwar il-komunikazzjoni ta’
informazzjoni lill-pubbliku ġenerali dwar il-kimiċi
Ir-Regolament CLP jinkorpora
fil-leġiżlazzjoni tal-UE l-kriterji ta’ klassifikazzjoni u r-regoli
tal-ittikkettar li dwarhom intlaħaq ftehim fuq livell tan-NU. Il-prinċipji bażiċi huma fil-fatt pjuttost viċin
tal-leġiżlazzjoni preċedenti tal-UE. Ir-Regolament
jeħtieġ li l-kumpaniji jikklassifikaw, jimmarkaw u jippakkjaw b’mod xieraq
il-kimiċi perikolużi tagħhom qabel iqegħduhom fis-suq. Skont ir-Regolament CLP, komunikazzjoni ta’ perikli[4] tal-kimiċi fil-forma ta’
ittikkettar hija l-mod ewlieni biex il-pubbliku ġenerali jkun infurmat dwar
l-użu mingħajr periklu ta' sustanzi kimiċi. B’mod partikolari, it-tikketta ta’ periklu tas-CLP tinkludi l-elementi
li ġejjin: (a) il-pittogramma ta’ periklu (kif speċifikat
fl-Anness V tar-Regolament CLP), maħsuba bħala kompożizzjoni grafika li
tinkludi simbolu flimkien ma' elementi grafiċi oħra sabiex twassal
informazzjoni speċifika dwar il-periklu konċernat; (b) il-kelma ta’ messaġġ li tindika l-livell
relattiv ta’ gravità tal-perikli biex tiġbed l-attenzjoni tal-qarrej għal
periklu potenzjali (jiġifieri Twissija, Periklu); (c) id-dikjarazzjoni ta’ prekawzjoni li
tiddeskrivi l-miżuri rakkomandati għall-imminimizzar jew il-prevenzjoni ta’
effetti negattivi li jirriżultaw minn espożizzjoni għal sustanza jew taħlita
perikoluża minħabba l-użu jew ir-rimi tagħhom (id-dikjarazzjonijiet ta'
prekawzjoni huma standardizzati u huma definiti fl-Anness IV
tar-Regolament CLP); (d) id-dikjarazzjoni tal-periklu li tiddefinixxi
n-natura tal-perikli ta’ sustanza jew taħlita perikoluża, inkluż, fejn jixraq,
il-grad tal-periklu (id-dikjarazzjonijiet ta' periklu huma standardizzati u
huma definiti fl-Anness IV tar-Regolament CLP) Skont l-Artikolu 34(1) tar-Regolament CLP, l-ECHA
wettqet studju biex tevalwa l-komunikazzjoni dwar l-informazzjoni lill-pubbliku
ġenerali dwar l-użu mingħajr periklu ta’ sustanzi u taħlitiet u l-ħtieġa
potenzjali għal informazzjoni addizzjonali fuq it-tikketta. L-istudju kien ibbażat fuq żewġ elementi ewlenin: a) stħarriġ
tal-opinjoni mill-Ewrobarometru mwettaq fl-2010, li tkixxef dwar
il-perċezzjonijiet taċ-ċittadini Ewropej għal dik li hija komprensjoni u fehim
ta’ tikketti ta’ pittogramma dwar il-periklu. L-istħarriġ kien jinvolvi aktar minn 26 000 membru tal-pubbliku
mill-Istati Membri kollha u r-riżultati ppubblikati fl-2011 ġew ikkunsidrati
bħala rappreżentattivi tal-opinjonijiet ta' 500 miljun ċittadin fl-UE. b) studju kwalitattiv addizzjonali mwettaq fl-2011 - minn tim ta’
akkademiċi Ewropej b'għarfien espert fil-perċezzjoni tar-riskju, ir-riċerka u
l-analiżi - biex jipprovdi aktar elementi dwar il-perċezzjonijiet pubbliċi u
modi ta’ mġiba individwali. L-istudju
kien jikkonsisti f'intervisti ma’ 'l fuq minn 240 ċittadin fi tliet Stati
Membri u kien maħsub biex jiżvela kif in-nies tevalwa prodotti kimiċi u kif
dawn il-ġudizzji huma marbuta ma’ mġieba rilevanti għas-sikurezza. Fl-20 ta’ Jannar 2012, l-ECHA ttrasmettiet ir-rapport
dwar "Studju dwar il-Komunikazzjoni tal-Użu Mingħajr Periklu ta'
Sustanzi Kimiċi lill-Pubbliku Ġenerali" lill-Kummissjoni[5]. Fit-taqsimiet li ġejjin, dan ir-Rapport se jiġbor fil-qosor is-sejbiet
ewlenin tal-istudju, iqabbluhom ma’ rapporti oħra simili pprovduti minn
organizzazzjonijiet rikonoxxuti internazzjonalment (NU, UNITAR, eċċ.) u jiġbed
konklużjonijiet dwar jekk emenda għar-Regolament CLP hijiex ġustifikata jew le. 3. Sejbiet dwar il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni lill-pubbliku ġenerali
dwar il-kimiċi 3.1. Għarfien u fehim ta’ pittogrammi CLP u elementi oħra ta’ ittikkettar L-istħarriġ imwettaq għall-istudju tal-ECHA enfasizza li l-livelli ta’
għarfien u fehim bil-pittogrammi ġodda dwar il-periklu jvarjaw konsiderevolment
minn Stat Membru għal ieħor, u li ġeneralment ftit huma mifhuma l-miżuri ta’
sikurezza li jridu jittieħdu meta jintużaw dawn il-prodotti kimiċi. Barra minn hekk, huma wrew li ħafna minn dawk li
wieġbu ħassew li kienu biss moderatament informati jew mhux informati sew dwar
il-perikli marbuta ma’ prodotti kimiċi. B’mod partikolari, l-Istħarriġ tal-Ewrobarometru wera li, b’mod
ġenerali fl-UE, l-iktar mezz komuni biex jiġi ddeterminat jekk prodott kimiku
huwiex perikoluż, huwa li wieħed jaqra l-istruzzjonijiet tas-sikurezza. Dan ġie kkonfermat għall-prodotti meqjusa bħala
l-aktar perikolużi, bħal pestiċidi u insettiċidi (50% ta’ min wieġeb dejjem
jaqraw l-istruzzjonijiet ta’ sikurezza qabel ma jużawhom).
B’kuntrast, għal kategoriji ta’ prodotti oħra, bħal
prodotti tal-kura tal-karozzi u deterġenti tad-dar, anqas minn terz ta' dawk li
wieġbu ddikjaraw li jaqraw l-istruzzjonijiet ta’ sikurezza qabel l-użu. It-tieni stħarriġ dwar il-perċezzjoni tar-riskju enfasizza li r-rabta
bejn il-perċezzjoni tar-riskju u l-imġiba fil-konfront tiegħu hija pjuttost
dgħajfa. Dan ifisser li l-perċezzjoni tar-riskju fiha nnifisha mhix sprun
biżżejjed biex wieħed joqgħod attent mill-periklu. Għall-kuntrarju, l-emozzjoni
u l-esperjenza tal-passat jidhru li għandhom rwol ħafna iktar importanti. Skont ir-rispons miż-żewġ stħarriġiet imsemmija hawn fuq kkunsidrati
fl-istudju tal-ECHA, xi pittogrammi ġodda dwar il-periklu jintgħarfu sew
mill-pubbliku ġenerali (ara l-Figura 1), filwaqt li oħrajn ma jintgħarfux. Huwa importanti li wieħed jiftakar li ħafna mill-pittogrammi introdotti
bir-Regolament CLP huma pjuttost simili għat-tikketti eżistenti
bil-leġiżlazzjoni preċedenti tal-UE; għal xi wħud l-unika differenza viżibbli
hija l-kulur fl-isfond (oranġjo fit-tikketti qodma, abjad fil-ġodda) u l-forma
(kwadrat fil-pittogrammi qodma, forma ta’ djamant aħmar fil-pittogrammi CLP
ġodda). Figura 1:
Il-pittogramma CLP ġdida għall-Fjammabilità u dik ta’ qabilha, tintgħaraf sewwa
mill-pubbliku ġenerali (aktar minn 80%). Bl-istess mod, it-tifsira tal-pittogrammi b’oħrajn simili preċedenti
ħafna drabi tinftiehem tajjeb (ara l-Figura 2). Figura 2:
Il-pittogramma CLP ġdida għall-“Isplussivi” u dik ta’ qabilha, tintgħaraf sewwa
mill-pubbliku ġenerali (aktar minn 80%) Mhix ta’ barra minn hawn li l-pittogrammi CLP il-ġodda, li ma għandhom
l-ebda ‘predeċessur' simili bil-leġiżlazzjoni tal-UE preċedenti, rari
jintgħarfu jew jinftehmu mill-pubbliku ġenerali (ara l-Figura 3). Figura 3:
Il-pittogramma CLP ġdida 'Periklu Serju għas-Saħħa', mhux preżenti qabel,
tingħaraf u tinftiehem ftit ħafna mill-pubbliku ġenerali (rispettivament 20% u
12%). Madankollu, f 'xi każijiet speċifiċi, is-sejbiet kienu
pjuttost sorprendenti:
il-pittogramma ġdida ta’ “punt ta’ esklamazzjoni” (ara
l-Figura 4) kienet familjari għal 59% ta’ dawk intervistati, minkejja
l-fatt li ma kellha l-ebda predeċessur simili fis-sistema tal-UE. Madankollu,
it-tifsira (Periklu għas-Saħħa)[6]
inftehmet minn 11% biss tal-intervistati.
it-tifsira tal-pittogramma '"ras ta’ mewt u żewġ għadmiet
imsallba" (ara l-Figura 5) inftehmet minn terz biss tal-intervistati,
filwaqt li studji oħrajn urew livell ħafna ogħla ta’ ftehim[7].
Figura 4:
Il-pittogramma CLP ġdida tal-Periklu għas-Saħħa, familjari għal 59% iżda
mifhuma minn 11% biss tal-pubbliku ġenerali. Figura 5:
Il-pittogramma CLP ġdida għat-Tossiċità Akuta u dik preċedenti, komprensjoni
baxxa mill-pubbliku ġenerali (33%). Fir-rigward tal-kliem ta’ messaġġ, l-istħarriġ tal-Ewrobarometru indika
kif il-kelma "periklu" hija ġeneralment meqjusa aktar b’saħħitha
mill-kelma "twissija" minn ħafna nies fl-UE. Madankollu, ir-riżultati
f’xi wħud mill-Istati Membri kienu differenti, u dan jenfasizza li
l-istandardizzazzjoni u t-traduzzjoni madwar is-27 Stati Membri Ewropej b’ħafna
ilsna differenti jibqgħu ta' sfida. Fl-aħħar nett, ebda sejbiet diretti ma ġew ipprovduti dwar il-fehim ta’
dikjarazzjonijiet ta' periklu u dikjarazzjoni ta’ prekawzjoni. Għalhekk,
minħabba l-importanza ta’ dawn l-elementi fil-komunikazzjoni dwar il-periklu,
aktar investigazzjonijiet għandhom ukoll jivvalutaw il-livell ta’ fehim għal
dikjarazzjonijiet dwar periklu u prekawzjoni. 3.2
Ħtieġa ta’ attivitajiet li jżidu l-għarfien u ta’ taħriġ L-ewwel riżultat ċar mil-livelli ta’ għarfien u fehim
tal-pittogrammi CLP huwa li huma meħtieġa attivitajiet li jżidu l-għarfien għat-titjib
tal-għarfien u l-fehim ġenerali tal-pubbliku tat-tikketti l-ġodda CLP. Ta’ min jinnota, madankollu, li l-ittikkettar il-ġdid attwali huwa
mandatorju biss għal sustanzi kimiċi, filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-prodotti
kimiċi mibjugħa lill-pubbliku ġenerali huma fil-fatt taħlitiet, li għalihom
ir-Regolament CLP se japplika mill-1 ta ' Ġunju 2015. Madankollu,
hu importanti li jiżdied l-għarfien pubbliku u jinġieb ’il quddiem l-għarfien
tat-tikketti dwar il-periklu u l-miżuri assoċjati ta’ sikurezza. Skont is-sejbiet tal-studju tal-ECHA, l-attivitajiet li jżidu
l-għarfien jeħtieġ li jqisu x-xejriet ta’ għarfien nazzjonali tal-periklu u
għandhom ikunu mmirati lejn il-pubbliku ġenerali, kif ukoll lejn udjenzi
speċifiċi bħal familji, djar ta’ persuna waħda, tfal tal-iskola, eċċ. li jużaw
varjetà ta’ mezzi didattiċi (paġni tal-internet, fuljetti, materjal awdjoviżiv,
eċċ.). Fil-fatt, il-perċezzjonijiet tal-perikli li jappartjenu għall-ċerti
prodotti kimiċi jvarjaw konsiderevolment bejn l-Istati Membru u wkoll bejn
sottogruppi differenti tal-popolazzjoni fi ħdan l-istess Stat Membru.
Għaldaqstant, il-komunikazzjoni u l-attivitajiet li jżidu l-għarfien se
jkollhom jindirizzaw udjenzi nazzjonali b’mod differenzjat, b'kunsiderazzjoni
tal-ostakli lingwistiċi u tal-kanali ta’ komunikazzjoni xierqa, eż.
applikazzjonijiet ta’ komunikazzjoni smart, il-midja soċjali. Aktar ġeneralment,
dawn l-attivitajiet għandhom ikunu mmirati li:
jtennu
l-għarfien/jiffamiljarizzaw lill-pubbliku mal-pittogrammi l-ġodda u
l-kliem ta' messaġġ;
jħeġġu
l-pubbliku ġenerali biex fil-fatt jaqra t-tikketta u jikkunsidra
l-pittogrammi, dikjarazzjonijiet dwar periklu u prekawzjoni biex jiżdied
l-għarfien;
jinformaw dwar
il-konsegwenzi possibbli ta’ maniġġjar ħażin ta’ prodotti perikolużi sabiex
jitnaqqas is-sens qarrieqi ta’ sikurezza.
L-attivitajiet li jżidu l-għarfien jeħtieġ li jitfasslu
għall-kapaċitajiet istituzzjonali u r-riżorsi disponibbli tal-entitajiet
pubbliċi u privati involuti. Huma
għandhom ukoll ikunu adattati għal diversi kuntesti, b’messaġġi mmirati
disponibbli pereżempju f’ċentri ta’ bejgħ, postijiet pubbliċi, skejjel jew
fid-dar. Fost il-gruppi fil-mira t-tfal huma probabbilment wieħed mill-iktar
sensittivi u dawn għandhom ikunu infurmati sew dwar il-perikli tal-prodotti. Materjal edukattiv speċifiku jeħtieġ li jiġi
żviluppat għad-distribuzzjoni fl-iskejjel – xi Stati Membri diġà qed jagħmlu
attivitajiet bħal dawn[8]. Kemm għall-preparazzjoni kif ukoll għat-twettiq tal-istudju, l-ECHA
serrħet fuq konsultazzjoni estensiva tan-Netwerk ta’ Komunikazzjoni ta’ Riskju
tal-Aġenzija (RCN) stabbilit fil-ħarifa tal-2008. Wieħed mir-rwoli tal-RCN hu li jiġi stabbilit mekkaniżmu għall-iskambju
ta’ informazzjoni, esperjenza, studji ta’ każijiet u prassi tajba fost dawk
responsabbli mill-koordinazzjoni tal-komunikazzjoni tar-riskju fl-Awtoritajiet
Kompetenti tar-REACH (MSCAs) u l-ECHA. Għalhekk, in-netwerk jista’ jgħin lill-membri biex jissodisfaw
il-ħtiġijiet ta’ komunikazzjoni tagħhom fil-konfront tal-pubbliku ġenerali dwar
ir-riskji u l-użu sikur ta’ sustanzi kimiċi, u jiġu evitati messaġġi
kunfliġġenti mill-awtoritajiet pubbliċi u tiġi stabbilita l-aħjar prassi
fil-komunikazzjoni tar-riskju. Barra minn hekk, il-kuntatti regolari tal-ECHA mal-MSCAs u l-esperti
CLP tagħhom kif ukoll l-aċċess għall-helpdesks nazzjonali tas-CLP (permezz
tal-netwerk HelpNet tal-helpdesks nazzjonali tar-REACH u s-CLP) jpoġġu
lill-Aġenzija f’pożizzjoni tajba biex issostni u tikkoordina l-attivitajiet li
jżidu l-għarfien rigward is-CLP. 3.3. Id-dehra tal-prodott u
l-informazzjoni dwar il-periklu fuq it-tikketta L-istudju tal-ECHA wera li l-messaġġi rigward il-perikli
ta’ prodott kimiku espressi espliċitament jew b’mod inerenti fl-ippakkjar
tiegħu jistgħu jmorru kontra l-messaġġi li jinsabu f'tikketta CLP. Pereżempju, il-fatturi kollha li ġejjin jistgħu
jinfluwenzaw b’mod sinifikanti il-perċezzjoni tal-perikli: ·
il-forma u l-kulur tal-imballaġġ (jiġifieri kuluri
ħomor/suwed u mhux kuluri ħodor/bojod); ·
il-preżenza ta’ elementi viżwali marbuta
mal-“innoċenza” fuq prodott (pereżempju, stampi ta’ tfal, omm, fjura, siġra,
eċċ.); ·
għarfien u apprezzament ta' ditta; ·
li wieħed jifhem li prodott huwa aktar “naturali”
milli industrijali permezz ta’ elementi viżivi ambigwi (mudell ta’ annimali
selvaġġi, foresta, eċċ.). L-istudju tal-ECHA jirrakkomanda li l-industrija għandha tiġi mħeġġa
taġġorna d-dehra tal-prodott u l-ippakkjar b’mod aktar konformi
mal-informazzjoni dwar il-periklu fuq it-tikketti, bl-użu ta’ fatturi li
jikkondizzjonaw l-imġiba biex jamplifikaw il-messaġġ fuq it-tikketta, b’hekk
iġibu ‘l quddiem imġieba aktar xierqa fil-konfront tar-riskju fost
il-konsumaturi. Fil-fatt, skont l-ECHA, pakkett attraenti ma għandux iqarraq
bil-konsumatur jew iġiegħlu jinjora jew jissottovaluta t-twissijiet li
r-Regolament CLP ikun għamilhom obbligatorji. Għalhekk, l-isforzi biex ikunu allinjati l-“messaġġi" rigward
il-perikli tal-prodott mid-dehra tal-ippakkjar u l-kontenut tat-tikketta
jistgħu jkunu l-mezz potenzjali li bih jiżdied l-għarfien u t-titjib fl-imġiba
għal dak li huwa l-użu mingħajr periklu ta’ sustanzi kimiċi. L-awtoritajiet, il-produtturi u d-distributuri
jistgħu – permezz ta’ azzjoni konġunta pubblika-privata volontarja – jfittxu li
jippromwovu miżuri awtoregolatorji f'dan ir-rigward (ta’ min jinnota dan billi
diġà hemm xi inizjattivi għaddejjin bħalissa fejn l-industrija daħlet għal
kampanji volontarji biex iżżid l-għarfien tal-utenti u tinkoraġġixxi l-użu
sikur tal-prodotti tagħha[9]). Fl-aħħar nett, ta’ min jinnota wkoll li l-istudji preċedenti mwettqa fuq
il-perċezzjoni tal-konsumatur ta’ twissijiet ta’ perikli wrew li l-attenzjoni
tal-konsumaturi tista’ tmajna minħabba ħafna informazzjoni fuq tikketta rigward
il-perikli potenzjali kollha[10].
B’kuntrast ta’ dan, twissijiet ffukati fuq perikli speċifiċi (bħala
pittogrammi) jistgħu jsaħħu l-attenzjoni u b’hekk tiżdied il-protezzjoni
tal-konsumatur. Għalhekk, l-emendi potenzjali tar-rekwiżiti għall-ittikkettar għandhom
jiffukaw fuq is-simplifikazzjoni tal-kontenut u t-titjib tad-disinn, aktar
milli fuq proposti ta’ żieda fl-informazzjoni. 3.4. Analiżi ġdida wara l-2015 Kif spjegat qabel, iż-żewġ stħarriġiet ipprovdew tagħrif ta’ sfond dwar
l-għarfien u l-fehim (jew in-nuqqas tagħhom) tal-elementi ewlenin ta’ riskju
ta’ komunikazzjoni u l-pittogrammi individwali tas-CLP. Is-sejbiet tagħhom juru
li xi pittogrammi dwar il-periklu bil-kemm huma magħrufa jew mifhuma. Din mhijiex sorpriża peress li d-dispożizzjonijiet tat-Titolu III
u IV tar-Regolament CLP dwar “il-komunikazzjoni ta’ periklu fil-forma ta'
ttikkettar” u “ l-ippakkjar ” daħlu fis-seħħ biss fir-rigward ta’
sustanzi individwali fl-1 ta’ Diċembru 2010 (ara
l-Artikolu 62 tar-Regolament CLP). Barra minn hekk, il-maġġoranza kbira ta’ prodotti kimiċi użati
mill-konsumaturi huma fil-fatt taħlitiet li fihom diversi sustanzi. Id-dispożizzjonijiet
CLP se jkunu mandatorji għat-taħlitiet biss
mill-1 ta’ Ġunju 2015. Matul il-perjodu tranżitorju, is-sistema
ta’ qabel ta’ ttikkettar u pittogrammi dwar il-periklu għat-taħlitiet
(Direttiva 1999/45/KE) tkompli tapplika. Il-konsumaturi għalhekk, se
jkomplu jaraw l-aktar il-pittogrammi qodma fuq il-prodotti kimiċi li jixtru. Billi l-Artikolu 34(1) tar-Regolament CLP stabbilixxa skadenza
sal-20 ta’ Jannar 2012, l-istudju tal-ECHA kellu jitwettaq xi
ftit qabel il-waqt, meta l-Istħarriġ tal-Ewrobarometru kien qed isir fi żmien
(bejn Novembru u Diċembru 2010) li matulu l-pubbliku ġenerali ftit li xejn kien
iltaqa’ mal-pittogrammi ġodda dwar il-periklu fil-ħajja reali. Meta r-“riċerka
kwalitattiva” (f’Lulju 2011) intrabtet li tiġbor iktar informazzjoni,
l-obbligu li jintużaw il-pittogrammi tas-CLP għat-tikkettar u l-ippakkjar ta’
sustanzi kien biss fis-seħħ għal inqas minn sena, filwaqt li t-taħlitiet kienu
għadhom jiġu ttikkettati kważi esklużivament skont il-leġiżlazzjoni ta' qabel. Għalhekk, jidher xieraq li jsir eżami ieħor tal-livell ta’ fehim
taċ-ċittadini Ewropej aktar ‘il quddiem, meta l-esperjenza tagħhom u
l-familjarità mal-pittogrammi tkun żviluppat, preferibbilment wara li anki
l-pittogrammi CLP jkunu saru obbligatorji għat-taħlitiet. Analiżi ġdida
tal-impatt tal-pittogrammi CLP fuq l-imġiba u l-fehim taċ-ċittadini tal-UE
għandha ssir xi żmien wara Ġunju 2015. 4. Konklużjoni Fid-dawl tas-sejbiet tal-istudju tal-ECHA mwettaq skont
l-Artikolu 34 (1) tar-Regolament CLP u studji oħra dwar l-istess
kwistjoni, il-bidliet fil-pittogrammi CLP infushom mhumiex rakkomandati billi
huwa iktar ta’ vantaġġ li tippermetti lill-pubbliku jidra s-sistema globali
l-ġdida, biex dejjem jitjieb il-fehim tar-riskji maħluqa mill-kimiċi u b'mod
partikolari jiġi mħeġġeġ l-użu aktar sikur tal-kimiċi tad-dar. Meta wieħed iqis ukoll li t-tibdil propost tal-pittogrammi CLP jeħtieġ
in-negozjar mill-ġdid tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-GHS stabbiliti
f’kuntest multilaterali tan-NU, bħalissa ma hemm ebda benefiċċju jekk jinbidlu
l-konvenzjonijiet tat-tikketti. Minflok, f’dan
l-istadju, l-enfasi tal-attività jeħtieġ li titqiegħed fuq iż-żieda
tal-għarfien u l-promozzjoni tat-tagħrif. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li, f’dan l-istadju, proposta
leġislattiva biex jiġi emendat ir-Regolament CLP mhix iġġustifikata u
tirrakkomanda li:
għandhom jitħejjew u jitwettqu attivitajiet li jżidu
l-għarfien biex jittejjeb l-użu mingħajr periklu ta’ sustanzi kimiċi
miċ-ċittadini tal-UE kkoordinati/promossi min-netwerks taċ-ċentri ta’
għajnuna u komunikazzjoni tar-riskju tal-ECHA – preferibbilment fil-mixja
lejn l-iskadenza tad-data li fiha l-obbligi ta' tikkettar tas-CLP jibdew
japplikaw għal taħlitiet kimiċi (1 Ġunju 2015);
il-produtturi u l-importaturi jistgħu jiġu mħeġġa biex
iġibu d-dehra tal-prodott u l-ippakkjar aktar konformi mal-informazzjoni
dwar il-periklu fuq it-tikketti;
għandhom ikunu promossi s-simplifikazzjoni
tal-kontenut u t-titjib tad-disinn fuq it-tikketti tas-sustanzi u
t-taħlitiet (pereżempju billi tingħata aktar gwida dwar it-tneħħija ta’
ċerti elementi ta’ informazzjoni u dwar regoli ta’ preċedenza);
titwettaq analiżi ulterjuri tal-fehim tal-użu mingħajr periklu ta'
sustanzi u taħlitiet xi żmien wara l-1 ta’ Ġunju 2015
(għandhom anki jitqiesu dikjarazzjonijiet dwar periklu u prekawzjoni).
[1] Id-Direttiva
tal-Kunsill 67/548/KEE tas-27 ta’ Ġunju 1967 rigward
l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet
amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettjar ta’
sustanzi perikolużi, ĠU 196, 16.8.1967, p. 1-98. [2] Id-Direttiva tal-Kunsill
88/379/KEE tas-7 ta' Ġunju 1988 dwar l-approssimazzjoni tal-liġjiet,
ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri marbuta
mal-ikklassifikar, l-ippakkjar u l-ittikkettar ta' preparazzjonijiet
perikolużi, ĠU L 187, 16.7.1988, p. 14-30. [3] Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u
l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1. [4] It-terminu periklu jirreferi
għall-kapaċità intrinsika tas-sustanzi kimiċi jew it-taħlitiet li jikkawżaw
effetti ħżiena fuq is-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent kif stabbilit
f’konformità mal-kriterji tar-Regolament CLP. [5] L-istudju huwa disponibbli fuq
il-website tal-ECHA:
http://echa.europa.eu/documents/10162/13559/clp_study_en.pdf [6] X’aktarx li l-familjarità
mas-simbolu tirriżulta mill-fatt li n-nies jaraw il-punt ta’ esklamazzjoni f
'kuntesti differenti eż. fis-sinjali tat-toroq. [7] Ir-riċerka ambjentali 108
(2008) 419-427 u l-Proġett tal-Istitut Nazzjonali tal-Konsumatur Spanjol
"Is-Sikurezza tal-Prodotti. Is-sikurezza
u l-periklu tal-pittogrammi" 2011. Ta’ min jinnota, madankollu, li fl-istudju tal-ECHA l-konsumaturi ġew
mistoqsija direttament biex jindikaw it-tifsira u ma kinux provduti b'lista ta’
għażliet possibbli, li seta' kien il-każ fi studji oħra. [8] In-Netwerk ta' Komunikazzjoni
tar-Riskju tal-ECHA huwa l-forum istituzzjonali għall-iskambju tal-esperjenzi
tal-Istati Membri fil-qasam tal-komunikazzjoni dwar l-użu mingħajr periklu ta'
sustanzi kimiċi http://echa.europa.eu/en/web/guest/about-us/partners-and-networks/risk-communication-network [9] http://www.cleanright.eu/ [10] Studju dwar l-Komprensibbiltà
tat-tikketti bbażat fuq id-Direttiva 88/379/KEE dwar Preparazzjonijiet
perikolużi, Kummissjoni Ewropea 1999 DĠ III; Ir-raba’ edizzjoni riveduta tal-GHS tan-NU, 2012, Anness 5,
It-Tikkettjar tal-Prodott għall-Konsumatur abbażi tal-probabilità ta’
korriment.