52012DC0609

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar garanziji koperti mill-baġit ġenerali Sitwazzjoni fil-31 ta' Diċembru 2011 /* COM/2012/0609 final */


WERREJ

1........... Daħla. 3

2........... Tipi ta’ operazzjonijiet koperti mill-baġit 3

3........... Avvenimenti mill-aħħar rapport tat-30 ta' Ġunju 2011. 4

3.1........ Appoġġ għall-bilanċ tal-pagamenti mogħti lil Stati Membri li mhumiex parti miż-żona tal-euro. 4

3.2........ Assistenza makrofinanzjarja. 4

3.3........ Euratom.. 5

3.4........ Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbilizzazzjoni Finanzjarja. 5

3.5........ Garanzija tal-Baġit għal finanzjament estern tal-BEI 5

4........... Dejta dwar ir-riskji koperti mill-Baġit 5

4.1........ Definizzjoni tar-riskju. 5

4.2........ Kompożizzjoni tar-riskju. 6

4.3........ Riskju annwali kopert mill-Baġit 8

4.3.1..... Riskju marbut mal-Istati Membri 8

4.3.2..... Riskju marbut ma’ pajjiżi terzi 9

4.4........ Evoluzzjoni tar-riskju. 10

5........... Inadempjenzi, attivazzjoni tal-Garanziji Baġitarji u arretrati 13

5.1........ Pagamenti minn riżorsi ta’ flus kontanti 13

5.2........ Pagamenti mill-Baġit 13

5.3........ Attivazzjoni tal-Fond ta’ Garanzija għal azzjonijiet esterni 13

6........... Fond ta’ Garanzija għall-azzjonijiet esterni 14

6.1........ Irkupri 14

6.2........ Assi 14

6.3........ Ammont fil-mira. 14

7........... Evalwazzjoni tar-riskji: qagħda ekonomika u finanzjarja tal-pajjiżi terzi l-aktar esposti 15

7.1........ Għanijiet 15

7.2........ Metodi tal-valutazzjoni tar-riskju. 15

1.           Daħla

L-għan ta’ dan ir-rapport huwa li jiġu ssorveljati r-riskji tal-kreditu mġarrba mill-baġit tal-Unjoni Ewropea li jirriżultaw mill-garanziji mogħtija u mill-operazzjonijiet ta’ għoti b’self implimentati direttament mill-Unjoni Ewropea jew indirettament permezz tal-mandati esterni tal-BEI.

Dan ir-rapport huwa ppreżentat skont l-Artikolu 130 tar-Regolament Finanzjarju li jesiġi li l-Kummissjoni tirrapporta darbtejn fis-sena lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-garanziji tal-baġit u r-riskji relatati magħhom[1]. Dan huwa kkompletat minn Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jinkludi sett ta’ tabelli ddettaljati u noti ta’ spjegazzjoni (id-“Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal”).

2.           Tipi ta’ operazzjonijiet koperti mill-baġit

Ir-riskji koperti mill-baġit tal-Unjoni Ewropea (“il-Baġit”) ġejjin minn firxa ta’ operazzjonijiet ta’ għoti b’self u ta’ garanzija li jistgħu jinqasmu f’żewġ kategoriji:

– self mogħti mill-Unjoni Ewropea b’għanijiet makroekonomiċi, jiġifieri self ta’ assistenza makrofinanzjarja[2] (“Macro-financial Assistance” (MFA)) lil pajjiżi terzi flimkien mal-istituzzjonijiet ta’ Bretton Woods, self għall-bilanċ tal-pagamenti[3] (“Balance-of-Payments” (BOP)) li jagħti appoġġ lill-Istati Membri li mhumiex parti miż-żona tal-euro li qegħdin jiffaċċjaw diffikultajiet fil-bilanċ tal-pagamenti, self mogħti b’appoġġ lill-Istati Membri li jkunu qed jiffaċċjaw, jew huma mhedda serjament minn diffikulatjiet ekonomiċi serji kkawżati minn avvenimenti straordinarji li jmorru lil hinn mill-kontroll tagħhom taħt il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbilizzazzjoni Finanzjarja (“European Financial Stability Mechanism” (EFSM))[4]; u

– self b’għanijiet mikroekonomiċi, jiġifieri self tal-Euratom u, l-aktar importanti, il-finanzjament mill-Bank Ewropew tal-Investiment (“il-BEI”) ta’ operazzjonijiet fi Stati mhux Membri tal-UE (“il-finanzjament estern tal-BEI”)[5] li huwa kopert mill-garanziji tal-UE [6].

Mill-1994, il-finanzjament estern garantit tal-BEI, is-self tal-Euratom u s-self tal-MFA ġew koperti mill-Fond ta’ Garanzija għall-azzjonijiet esterni (“il-Fond”),[7] filwaqt li s-self għall-BOP u tal-EFSM huma koperti direttament mill-baġit.

Il-Fond ikopri inadempjenzi fuq is-self u garanziji fuq is-self mogħtija lil Stati mhux Membri tal-UE jew għal proġetti fi Stati mhux Membri tal-UE. Ġie stabbilit:

– biex jipprovdi “riżerva ta’ likwidità” sabiex ikun evitat li wieħed jirrikorri għall-Baġit kull darba li jkun hemm inadempjenza jew ħlas tardiv fuq self garantit; kif ukoll

– biex joħloq strument ta’ dixxiplina baġitarja billi jistabbilixxi qafas finanzjarju għall-iżvilupp tal-politika tal-UE fuq garanziji ta’ self mill-Kummissjoni u l-BEI lil pajjiżi mhux membri[8].

Jekk pajjiżi terzi jsiru Stati Membri, is-self marbut ma’ dawn il-pajjiżi ma jibqax kopert mill-Fond u r-riskju għandu jiġi merfugħ direttament mill-Baġit. Il-Fond hu allokat mill-Baġit u jrid jinżamm f’ċertu perċentwal tal-ammont pendenti tas-self jew tal-garanziji fuq is-self koperti mill-Fond. Dan il-perċentwal, magħruf bħala r-rata fil-mira, bħalissa huwa ta’ 9%. Jekk ma jkunx hemm biżżejjed riżorsi fil-Fond, il-Baġit ikollu jipprovdi l-fondi neċessarji.

3.           Avvenimenti mill-aħħar rapport tat-30 ta' Ġunju 2011

3.1.        Appoġġ għall-bilanċ tal-pagamenti mogħti lil Stati Membri li mhumiex parti miż-żona tal-euro

Matul it-tieni semestru tal-2011, l-Ungerija ħallset lura EUR 2.0 biljun. Minħabba li ma sar l-ebda żborz, l-ammont pendenti tal-faċilità tal-BOP naqas għal EUR 11.4 biljuni.

Id-deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Mejju 2011 dwar l-assistenza finanzjarja prekawzjonarja fuq żmien medju lir-Rumanija, sabiex jiġi pprovdut ammont massimu ta’ EUR 1.4 biljun[9] hija fis-seħħ iżda ma ġietx attivata għall-ġbid ta’ self.

3.2.        Assistenza makrofinanzjarja

Matul it-tieni semestru tal-2011, saru żewġ ħlasijiet taħt l-MFA: EUR 100 miljun lis-Serbja u EUR 26 miljun lill-Armenja, filwaqt li l-Ġeorġja ħallset lura EUR 13.5 miljun u r-Rumanija EUR 12.5 miljun.

3.3.        Euratom

Ma tħallas l-ebda self matul il-perjodu rrapportat. L-ammonti mħallsa lura kienu jikkonsistu f’EUR 6.5 miljuni mill-Bulgarija u EUR 3.8 miljuni mill-Ukraina.

3.4.        Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbilizzazzjoni Finanzjarja

Il-ħlasijiet lill-Irlanda u lill-Portugall kienu jammontaw rispettivament għal EUR 2.5 biljuni u EUR 7.6 biljuni matul it-tieni semestru tal-2011.

F’Ottubru tal-2011, il-Kunsill iddeċieda li jestendi d-dati ta’ maturità tas-self u li jelimina b’mod retroattiv l-ispiża tal-marġni li kienet ġiet applikata għas-self għall-Irlanda[10] u għall-Portugall[11].

Bħala parti mir-reazzjoni għall-kriżi, ġew stabbiliti żewġ mekkaniżmi oħra li, madankollu, ma jimplikaw l-ebda riskju għall-Baġit:

– Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja (EFSF[12]) li hija ggarantita mill-Istati Membri parteċipanti, fuq bażi prorata, u

– il-Faċilità tas-Self għall-Greċja[13] ffinanzjata permezz ta’ self bilaterali mill-Istati Membri l-oħra taż-żona tal-euro, li hija ġestita ċentralment mill-Kummissjoni.

3.5.        Garanzija tal-Baġit għal finanzjament estern tal-BEI

Taħt il-mandat estern għall-2007-2013, l-iffirmar tas-self żdied b’10% matul it-tieni semestru tal-2011 u ammonta għal EUR 1 745 miljun. L-ammont ta’ self żborżat kien ta’ EUR 1 381 miljun għall-perjodu rrapportat. Għalhekk, l-ammont kumulattiv tas-self żborżat taħt il-mandat laħaq EUR 8 561 miljun fil-31 ta' Diċembru 2011, jiġifieri 19% ogħla meta mqabbel ma’ dak tat-30 ta' Ġunju 2011.

4.           Dejta dwar ir-riskji koperti mill-Baġit

4.1.        Definizzjoni tar-riskju

Ir-riskju merfugħ mill-Baġit ġej mill-ammont pendenti ta’ kapital u ta’ imgħax fir-rigward tal-operazzjonijiet garantiti.

Għall-fini ta’ dan ir-rapport, jintużaw żewġ metodi għall-valutazzjoni tar-riskji merfugħa mill-Baġit (direttament jew indirettament permezz tal-Fond):

– “Ir-riskju totali kopert” huwa bbażat fuq is-somma tal-ammont totali tal-kapital pendenti għall-operazzjonijiet ikkonċernati f’data speċifika, inkluż l-imgħax dovut [14].

– L-approċċ baġitarju ddefinit bħala “ir-riskju annwali merfugħ mill-Baġit” huwa bbażat fuq il-kalkolu tal-ammont massimu ta’ ħlasijiet annwali dovuti li l-UE jkollha tħallas f’sena finanzjarja jekk wieħed jassumi li l-ħlasijiet kollha tas-self garantit ikunu inadempjenti[15].

4.2.        Kompożizzjoni tar-riskju

Sal-2010 ir-riskju massimu f’termini ta’ ammonti pendenti totali koperti kien prinċipalment marbut mas-self mogħti lill-pajjiżi terzi. Fl-2011, il-kriżi finanzjarja ħalliet impatt qawwi fuq il-finanzi pubbliċi tal-Istati Membri u dan wassal għal żieda fl-attività tas-self tal-UE bħala appoġġ għal ħtiġijiet ikbar ta’ finanzjament lill-gvernijiet.

Bħala konsegwenza ta' dan, il-kompożizzjoni tar-riskju nbidlet. Fil-31 ta' Diċembru 2011:

· 67% tal-ammont pendenti totali garantit jirrigwarda l-operazzjonijiet ta’ teħid b’self marbuta ma’ self lill-Istati Membri li huma koperti direttament mill-Baġit (45% fil-31.12.2010).

· 33% tal-ammont pendenti totali garantit huwa marbut ma’ operazzjonijiet ta’ teħid ta’ self u self f’pajjiżi terzi li huma koperti mill-Fond ta’ Garanzija għal azzjonijiet esterni (“il-Fond”), filwaqt li fil-31.12.2010, dawn kienu jirrappreżentaw 55%.

Ir-riskju totali kopert mill-Baġit fil-31 ta' Diċembru 2011 huwa ppreżentat fit-Tabella 1 li ġejja.

Tabella 1: Ammonti pendenti totali koperti mill-Baġit fil-31 ta' Diċembru 2011 f’miljuni ta’ Euro

|| Kapital pendenti || Imgħax dovut || Total || %

Stati Membri* || || || ||

MFA || 25 || 0 || 25 || <1%

Euratom || 404 || 4 || 408 || 1%

BOP || 11,400 || 225 || 11,625 || 18%

BEI*** || 2,965 || 26 || 2,991 || 5%

EFSM || 28,000 || 344 || 28,344 || 44%

Subtotal tal-Istati Membri || 42,794 || 599 || 43,393 || 67%

Pajjiżi terzi** || || || ||

MFA || 565 || 5 || 570 || 1%

Euratom || 43 || 0 || 43 || <1%

BEI*** || 20,466 || 156 || 20,621 || 32%

Subtotal tal-pajjiżi terzi || 21,074 || 161 || 21,234 || 33%

Total || 63,868 || 760 || 64,628 || 100%

*   Dan ir-riskju huwa kopert direttament mill-Baġit. Jinkludi wkoll is-self tal-MFA, tal-Euratom u tal-BEI li ngħata qabel l-adeżjoni mal-UE. ** Dan ir-riskju huwa kopert mill-Fond. *** Madwar 82% tal-operazzjonijiet tal-għoti b'self tal-BEI (l-operazzjonijiet tal-għoti b’self sovran u subsovran) huma koperti minn garanzija komprensiva, filwaqt li, għall-bqija tal-operazzjonijiet, il-BEI jibbenefika biss minn kopertura għar-riskju politiku.

It-Tabelli A1, A2, A3 u A4 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal jagħtu tagħrif iktar dettaljat dwar dawn l-ammonti pendenti, b’mod partikolari f’termini tal-limitu massimu, tal-ammonti żborżati u tar-rati ta’ garanzija.

L-ammont totali pendenti ta’ kapital u imgħax kopert mill-baġit żdied b’mod sinifikanti għal EUR 64.63 biljun, żieda ta’ 17.6% meta mqabbel mat-30.06.2011.

Din iż-żieda hija spjegata l-aktar permezz ta’:

· l-iżborżi ta’ EUR 10.1 biljun taħt l-EFSM (EUR 2.5 biljuni lill-Irlanda u EUR 7.6 biljun lill-Portugall);

·  L-iżborżi netti tal-BEI lil pajjiżi terzi żdiedu b’EUR 2.45 miljuni matul it-tieni semestru tal-2011.

4.3.        Riskju annwali kopert mill-Baġit

Għall-2012, il-Baġit jista’ jkopri (direttament jew permezz tal-Fond) EUR 3.782 biljun[16] li jirrappreżentaw l-ammonti (kapital u imgħax) dovuti matul dan il-perjodu mill-ammont totali pendenti fil-31 ta' Diċembru 2011. EUR 1.769 biljun minn dan l-ammont huma dovuti direttament mill-Istati Membri (47%). It-Tabella A2 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tipprovdi dettalji dwar il-piż ta’ kull pajjiż fir-riskju totali kopert.

4.3.1.     Riskju marbut mal-Istati Membri

Ir-riskju marbut mal-Istati Membri jirrigwardja:

(a) is-self tal-BEI u/jew tal-MFA u/jew tal-Euratom li ngħata qabel l-adeżjoni mal-UE

(b) is-self mogħti taħt il-faċilità tal-BOP, u

(c) is-self mogħti taħt l-iskema tal-EFSM.

Tabella 2: Klassifika tal-Istati Membri skont ir-riskju massimu merfugħ mill-Baġit fl-2012 (f’miljuni ta’ Euro)

Klassifika || Pajjiż || Self || Riskju massimu || Piż tal-pajjiż vis-à-vis ir-riskju totali tal-Istati Membri (SM) || Piż tal-pajjiż vis-à-vis ir-riskju totali (SM u mhux SM)

1 || L-Irlanda || c) || 412.7 || 23.3% || 10.9%

2 || Il-Portugall || c) || 400.8 || 22.7% || 10.6%

3 || Ir-Rumanija || a)+b) || 395.1 || 22.3% || 10.4%

4 || L-Ungerija || a)+b) || 142.4 || 8.0% || 3.8%

5 || Il-Latvja || a)+b) || 96.8 || 5.5% || 2.6%

6 || Il-Bulgarija || a) || 92.8 || 5.2% || 2.5%

7 || Il-Polonja || a) || 81.0 || 4.6% || 2.1%

8 || Ir-Repubblika Ċeka || a) || 70.8 || 4.0% || 1.9%

9 || Ir-Repubblika Slovakka || a) || 51.1 || 2.9% || 1.4%

10 || Is-Slovenja || a) || 11.4 || 0.6% || 0.3%

11 || Ċipru || a) || 7.7 || 0.4% || 0.2%

12 || Il-Litwanja || a) || 5.3 || 0.3% || 0.1%

13 || Malta || a) || 0.7 || 0.0% || 0.0%

14 || L-Estonja || a) || 0.5 || 0.0% || 0.0%

Total || || || 1,796.3 || 100% || 46.8%

4.3.2.     Riskju marbut ma’ pajjiżi terzi

Il-Fond ikopri s-self garantit li jikkonċerna lill-pajjiżi terzi b’dati ta’ maturità li jestendu sal-2041. Fl-2012, il-Fond se jerfa’ riskju annwali massimu marbut mal-pajjiżi terzi ta’ EUR 2 013-il miljun (53.2% tar-riskju annwali totali).

Il-pajjiżi li qegħdin fl-ewwel 10 postijiet (minn sebgħa u erbgħin) huma kklassifikati hawn taħt skont it-total pendenti tagħhom. Dawn jammontaw għal EUR 1 580.4 miljun jew 78.5% tar-riskju annwali merfugħ mill-Fond relatat ma’ pajjiżi terzi. Il-qagħda ekonomika ta’ dawn il-pajjiżi hija analizzata u diskussa fil-punt 3 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal. L-affidabbiltà finanzjarja kif ivvalutata mill-aġenziji tal-klassifikazzjoni hija wkoll indikata f’kull tabella tal-pajjiż.

Ir-riskju marbut mal-pajjiżi terzi jirrigwarda s-self tal-BEI u/jew tal-MFA u/jew is-self tal-Euratom (id-dettalji huma inklużi fit-Tabella A3b u A4 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal).

Tabella 3: Klassifika tal-10 pajjiżi terzi l-aktar importanti skont ir-riskju massimu merfugħ mill-Fond matul l-2012 (f’miljuni ta’ Euro).

Klassifika || Pajjiż || Riskju massimu || Piż tal-pajjiż vis-à-vis ir-riskju totali tal-pajjiżi terzi || Piż tal-pajjiż vis-à-vis ir-riskju totali (SM u mhux SM)

1 || It-Turkija || 458.8 || 22,8% || 12.1%

2 || L-Eġittu || 207.9 || 10.32 || 5.5%

3 || It-Tuneżija || 185.8 || 9.2% || 4.9%

4 || Il-Marokk || 179.4 || 8.9% || 4.7%

5 || Is-Serbja || 154.2 || 7.7% || 4.1%

6 || L-Afrika t’Isfel || 122.3 || 6.1% || 3.2%

7 || Il-Libanu || 84.6 || 4.2% || 2.2%

8 || Is-Sirja || 81.3 || 4.0% || 2.1%

9 || Il-Bosnja-Ħerzegovina || 54.8 || 2.7% || 1.4%

10 || Il-Brażil || 51.2 || 2.5% || 1.4%

Total tal-10 pajjiżi || || 1,580.4 || 78% || 41.8%

4.4.        Evoluzzjoni tar-riskju

Il-livell ta’ inċertezza jibqa’ għoli minħabba li l-kriżi ekonomika u finanzjarja globali tkompli taffettwa l-irkupru ekonomiku fl-UE u t-tkabbir globali. It-tensjonijiet ġeopolitiċi li jaffettwaw ċerti pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran ukoll żiedu mal-inċertezza dwar l-irkupru ekonomiku f’xi pajjiżi terzi.

· Faċilità tal-bilanċ tal-pagamenti

L-assistenza finanzjarja tal-UE fuq medda medja ta’ żmien taħt il-faċilità tal-bilanċ tal-pagamenti (BALANCE OF Payments (BOP)) ġiet attivata mill-ġdid f’Novembru 2008 biex tgħin lill-Ungerija u sussegwentement f’Jannar u f’Mejju 2009 biex tgħin lil-Latvja u lir-Rumanija jġibu lura l-fiduċja fis-suq għal impenn totali ta’ EUR 14.6 biljun. EUR 1.2 biljun m’humiex sejrin jitħallsu peress li l-iskadenza għall-ħlas għaddiet. L-ewwel ħlas lura tas-self ta’ EUR 2 biljun mill-Ungerija sar f’Diċembru 2011.

Minbarra l-EUR 5 biljun ta’ assistenza għall-BOP għar-Rumanija li diġà ngħataw, fit-12 ta' Mejju 2011, il-Kunsill iddeċieda li jipprovdi assistenza finanzjarja prekawzjonarja lil dan il-pajjiż sa EUR 1.4 biljun[17] li minnhom għadu ma sar l-ebda ħlas.

Il-faċilità tal-BOP, li għandha limitu massimu kumplessiv ta’ EUR 50 biljun, fadlilha kapaċità ta’ EUR 37 biljun biex, jekk ikun meħtieġ, tipprovdi iktar assistenza tal-BOP.

· Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbilizzazzjoni Finanzjarja (EFSM)

Tul it-tieni semestru tal-2011, it-tensjonijiet fis-swieq tal-bonds sovrani baqgħu għoljin. Il-kundizzjonijiet tal-ħruġ ta’ sovrani minn Stati periferali taż-żona tal-euro għadhom diffiċli minkejja l-attivazzjoni tal-EFSM - issupplementat b’self bilaterali - u tal-EFSF. Fix-xhur u s-snin li ġejjin, l-issodisfar b’suċċess ta’ ħtiġijiet akbar tar-rifinanzjament tal-gvernijiet tal-Istati Membri se jibqa’ jkun ta’ sfida.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ecofin stabbilixxew il-volum massimu tal-mekkaniżmu għal EUR 60 biljun[18], iżda l-limitu legali huwa pprovdut fl-Artikolu 2 (2) tar-Regolament tal-Kunsill, li jillimita l-ammont pendenti għall-marġini disponibbli skont il-limitu massimu tar-riżorsi proprji[19].

Wara li l-Kunsill ħa d-deċiżjonijiet li jagħti assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Irlanda[20] u lill-Portugall[21], fl-2011 saru ħlasijiet ta’ EUR 13.9 biljun lill-Irlanda u EUR 14.1 biljun lill-Portugall.

Mill-volum massimu tiegħu ta’ EUR 60 biljun, l-EFSM fadallu kapaċità ta’ EUR 11.5 biljun sabiex ikun jista’ jipprovdi assistenza ulterjuri jekk din tkun meħtieġa [22] .

Fil-21 ta' Lulju 2011 is-sammit taż-żona tal-euro ddeċieda fuq diversi miżuri, li jinkludu l-estensjoni tal-maturitajiet u t-tnaqqis tar-rati tas-self fuq self futur mill-EFSF lill-Greċja sabiex tittaffa l-kriżi tad-dejn tal-Greċja u tiġi żgurata l-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro inġenerali. F’konformità mal-konklużjonijiet tas-sammit, l-impatt fuq l-EFSM jinqasam fi tnejn:

a) il-marġni tal-EFSM sejjer jitnaqqas retroattivament għall-operazzjonijiet ta’ għoti b’self lill-Portugall u lill-Irlanda u

b) il-maturitajiet ta’ żborżamenti futuri ġew estiżi.

Dawn il-miżuri daħlu fis-seħħ b’żewġ Deċiżjonijiet tal-Kunsill li ttieħdu f’Ottubru 2011[23].

· Self ta’ assistenza makrofinanzjarja

Is-self tal-FMA lill-pajjiżi terzi kien soġġett għad-deċiżjonijiet individwali tal-Kunsill u, mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, għad-deċiżjonijiet mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Ġiet adottata proposta leġiżlattiva ġdida għal Regolament Qafas tal-AMF mill-Kummissjoni sabiex il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet jitjieb skont it-Trattat ta’ Lisbona[24].

Skont ir-Regolament Qafas propost, il-proċedura għall-MFA issir simili għal dik ta’ strumenti ta’ finanzjament esterni oħrajn, fejn il-Kummissjoni jkollha l-kompetenza li tadotta deċiżjonijiet li jagħtu l-MFA taħt is-sorveljanza ta’ kumitat ta’ rappreżentati tal-Istati Membri skont il-proċedura ta’ analiżi introdotta bir-regoli l-ġodda tal-komitoloġija, li daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 2011[25]. Il-Parlament u l-Kunsill qegħdin ikomplu d-diskussjonijiet dwar ir-Regolament propost fl-2012, inkluż dwar il-proċedura għat-teħid ta’deċiżjonijiet tal-MFA.

F’Lulju 2011, tħallsu żewġ operazzjonijiet ta’ teħid b’self tal-MFA għal ammont totali ta’ EUR 126 miljun: EUR 26 miljun lill-Armenja u EUR 100 miljun lis-Serbja.

· Self tal-Euratom

Is-self tal-Euratom lill-Istati Membri jew f’ċerti pajjiżi eliġibbli li mhumiex Stati Membri tal-UE (il-Federazzjoni Russa, l-Armenja, l-Ukraina) għandu limitu massimu ta’ EUR 4 biljuni, li minnhom diġà ntużaw madwar 85%. L-ammont li jifdal ta’ madwar EUR 600 miljun jista’ jintuża għall-finanzjament ta’ proġetti ġodda.

· Self tal-BEI

Fl-ambitu tal-mandat ġenerali tal-BEI li jkopri l-perjodu mill-2007 sal-2013, fil-31 ta' Diċembru 2011 ġie ffirmat ammont totali ta’ EUR 19 436 miljun, li minnhom EUR 8 561 miljun kienu żborżati f’dik id-data (ara t-Tabella A6 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal).

Wara r-reviżjoni ta’ nofs il-perjodu tal-mandati esterni tal-BEI, fil-25 ta' Ottubru 2011 il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw Deċiżjoni ġdida (Nru 1080/2011/UE) li tagħti garanzija tal-UE lill-Bank Ewropew tal-Investiment kontra telf minn self u garanziji għal self għal proġetti ’l barra mill-Unjoni u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 633/2009/KE. Id-Deċiżjoni l-ġdida daħlet fis-seħħ fit-30 ta' Ottubru 2011. Bħala konsegwenza ta' dan, l-ammont aggregat ta’ krediti żborżati u ta’ garanziji mogħtija fl-Operazzjonijiet ta’ Finanzjament tal-BEI, bl-ammonti żborżati mnaqqsa u biż-żieda tas-somom relatati kollha, jiżdied minn EUR 25 800 miljun għal limitu massimu ta’ EUR 29 484 miljun[26]. Il-garanzija tal-UE hija ristretta għal 65% tal-ammont aggregat tal-krediti żborżati u tal-garanziji mogħtija fl-Operazzjonijiet ta’ Finanzjament tal-BEI.

Il-BEI esperjenza inadempjenzi fuq ċerti pagamenti tal-imgħax u ħlasijiet lura ta’ self mill-Gvern Sirjan (ara l-paragrafu 5.3 hawn taħt). Madankollu, il-Fond kien attivat biss fl-2012.

Għal aktar tagħrif dwar il-pajjiżi koperti mill-garanzija tal-UE, ara t-Tabelli A1 u A2 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal.

5.           Inadempjenzi, attivazzjoni tal-Garanziji Baġitarji u arretrati

5.1.        Pagamenti minn riżorsi ta’ flus kontanti

Il-Kummissjoni tagħmel użu mir-riżorsi ta’ flus kontanti tagħha sabiex tevita d-dewmien u l-ispejjeż li jirriżultaw hija u twettaq l-operazzjonijiet ta’ teħid b’self tagħha meta debitur idum ma jagħmel il-pagamenti tiegħu lill-UE[27].

5.2.        Pagamenti mill-Baġit

Minħabba li ma ġiet irreġistrata l-ebda inadempjenza matul it-tieni nofs tal-2011, ma ntalbet l-ebda approprjazzjoni skont il-linji p.m. tal-Artikolu 01 04 01 tal-Baġit “Garanziji tal-Unjoni Ewropea għal operazzjonijiet ta’ teħid ta’ self mill-Unjoni u l-Euratom u għal operazzjonijiet ta’ għoti ta’ self mill-BEI”.

5.3.        Attivazzjoni tal-Fond ta’ Garanzija għal azzjonijiet esterni[28]

Fil-każ ta’ dewmien fil-ħlas mill-benefiċjarju ta’ self lill-pajjiżi terzi mogħti jew garantit mill-UE, l-UE tirrikorri għall-Fond biex ikopri l-inadempjenza fi żmien tliet xhur mid-data li fiha jkun dovut il-ħlas[29].

Fit-tieni nofs tal-2011, ma sar l-ebda użu mill-Fond.

Madankollu, il-BEI esperjenza inadempjenzi ta’ ċerti ħlasijiet ta’ imgħax u ħlasijiet lura ta’ self mill-Gvern Sirjan. Peress li t-talbiet uffiċjali għall-ħlas baqgħu mingħajr suċċess, il-BEI talab il-ħlas tal-Garanzija tal-UE permezz tal-Fond ta’ Garanzija fl-10 ta' Mejju 2012 għall-ammont approssimattiv ta’ EUR 15.5 miljuni. Jekk is-sitwazzjoni ma titjiebx fil-pajjiż, jistgħu jsiru talbiet oħra ta’ ħlas permezz tal-Fond (il-kapital pendenti totali tas-Sirja jammonta għal EUR 551 miljun, bl-aħħar maturità tas-self fl-2030). F’konformità mal-Ftehim dwar il-Garanzija, meta l-UE tkun għamlet ħlas taħt il-Garanzija tal-UE, hija tissostitwixxi fid-dritt u r-rimedji tal-Bank. Il-proċeduri ta’ rkupru għandhom jitwettqu mill-Bank fir-rigward tas-somom surrogati.

6.           Fond ta’ Garanzija għall-azzjonijiet esterni

6.1.        Irkupri[30]

Fil-31 ta' Diċembru 2011, il-Fond ma kellu l-ebda arretrati x’jirkupra.

6.2.        Assi

Fil-31 ta' Diċembru 2011, l-assi netti[31] tal-Fond kienu jammontaw għal EUR 1 755 434 096.22.

6.3.        Ammont fil-mira

Il-Fond irid jilħaq livell xieraq (ammont fil-mira) stipulat għal 9% tal-obbligi kapitali pendenti totali ġejjin minn kull operazzjoni, flimkien mal-imgħax dovut. Il-proporzjon bejn ir-riżorsi tal-Fond (EUR 1,755.43 miljun) u l-obbligi kapitali pendenti[32] (EUR 21 234.34 miljun) skont ir-Regolament tal-Fond naqas minn 8.8% fit-30 ta' Ġunju 2011 għal 8.3% fil-31 ta' Diċembru 2011. Peress li r-riżorsi tal-Fond kienu inqas mill-ammont fil-mira, iddaħħal provvediment ta’ EUR 155,66 miljun fil-Baġit preliminari tal-2013.

Fi Frar tal-2012, il-Baġit ħallas EUR 260,17 miljun lill-Fond kif ipprovdut fl-abbozz tal-Baġit preliminari tal-2012 u skont ir-regoli tar-Regolament tal-Fond (l-ammont fil-mira ta’ 9%).

7.           Evalwazzjoni tar-riskji: qagħda ekonomika u finanzjarja tal-pajjiżi terzi l-aktar esposti

7.1.        Għanijiet

It-taqsimiet preċedenti ta’ dan ir-rapport jipprovdu informazzjoni dwar l-aspetti kwantitattivi tar-riskju merfugħ mill-Baġit fir-rigward tal-pajjiżi terzi. It-Taqsima 3 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal, tipprovdi analiżi makroekonomika tal-pajjiżi terzi l-aktar esposti għall-Baġit jew li jibbenefikaw mill-faċilitajiet ta’ self tal-UE (self mill-MFA u mill-Euratom).

7.2.        Metodi tal-valutazzjoni tar-riskju

Il-valutazzjoni tar-riskju ppreżentata fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal hija bbażata fuq l-informazzjoni dwar il-qagħda ekonomika u finanzjarja, il-klassifika u fatti oħra magħrufin tal-pajjiżi li rċevew self garantit. Din il-valutazzjoni ma tinkludix stimi ta’ telf u ta’ rkupri mistennija, li inevitabbilment huma ta’ inċertezza kbira.

L-indikaturi tar-riskju tal-pajjiżi inklużi fit-tabelli tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal juru l-evoluzzjoni tar-riskju ta’ inadempjenzi. Din l-analiżi hija pprovduta fit-Taqsima 3 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal għall-pajjiżi li għandhom l-ogħla riskju ta’ kreditu u l-akbar esponiment għall-Baġit fil-31 ta' Diċembru 2011 (inkluż self mill-MFA u mill-Euratom).

[1]               COM(2012)66 u SEC(2012)15 jiffurmaw ir-rapport ta’ qabel dwar il-garanziji koperti mill-Baġit fit-30 ta' Ġunju 2011.

[2]               L-MFA tista’ tieħu wkoll il-forma ta’ għotjiet lil pajjiżi terzi. Għal aktar tagħrif dwar l-MFA, ara r-rapport tal-Kummissjoni COM(2011) 408 u SEC(2011)874.

[3]               Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 332/2002 tat-18 ta' Frar 2002 li jistabbilixxi faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi ta’ pagamenti tal-Istati Membri (ĠU L 53, 23.2.2002, p.1).

[4]               L-EFSM ġie stabbilit fil-11 ta' Mejju 2010 abbażi tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 tal-11 ta' Mejju 2010 (ĠU L 118, 12.5.2010, p. 1). Huwa jaħdem b’mod simili għall-faċilità tal-Bilanċ tal-Pagamenti iżda huwa disponibbli għall-Istati Membri kollha, inklużi dawk membri fiż-żona tal-euro.

[5]               Iċ-ċifri li jikkonċernaw il-mandati tal-BEI jidhru fit-Tabella A1 u r-referenzi għall-bażijiet ġuridiċi huma elenkati fit-Tabella A4 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal.

[6]               Id-Deċiżjoni attwali Nru 1080/2011/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 (ĠU L 280, 27.10.2011, p. 1) li tagħti garanzija tal-UE lill-Bank Ewropew tal-Investiment kontra telf minn self u garanziji għal self għal proġetti barra mill-Unjoni u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 633/2009/KE tkopri l-perjodu 1.2.2007-31.12.2013.

[7]               Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 tal-25 ta' Mejju 2009 li jistabbilixxi Fond ta’ Garanzija għall-azzjonijiet esterni (Verżjoni kodifikata), imsejjaħ “ir-Regolament tal-Fond ta’ Garanzija” (ĠU L 145, 10.6.2009, p. 10).

[8]               Għalkemm ir-riskji esterni huma koperti in fine mill-baġit tal-UE, il-Fond ta’ Garanzija jaġixxi bħala strument li jipproteġi l-baġit tal-UE mir-riskji ta’ inadempjenzi fil-ħlas. Għal rapport komprensiv dwar il-funzjonament tal-Fond, ara d-dokument COM(2010)418 u d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni (SEC(2010)968) li jakkumpanjah.

[9]               Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/288/UE tat-12 ta' Mejju 2011 dwar l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja prekawzjonarja mill-UE fuq terminu ta’ żmien medju lir-Rumanija (ĠU L 132, 19.5.2011, p. 15).

[10]             Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/682/UE tal-11 ta' Ottubru 2011 (ĠU L 269, 14.10.2011, p.31).

[11]             Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/683/UE tal-11 ta' Ottubru 2011 (ĠU L 269, 14.10.2011, p.32).

[12]             Dwar l-EFSF: http://www.efsf.europa.eu/about/index.htm

[13]             Il-Faċilità ta’ Self lill-Greċja - ECFIN - Kummissjoni Ewropea: http://ec.europa.eu/economy_finance/eu_borrower/greek_loan_facility/index_en.htm

[14]             Ara t-Tabella 1 tar-Rapport.

[15]             Għall-finijiet ta’ dan il-kalkolu, wieħed jassumi li s-self inadempjenti ma jkunx ġie aċċellerat, jiġifieri jitqiesu biss il-pagamenti dovuti (ara wkoll it-Tabelli 2 u 3 tar-Rapport u t-Tabella A2 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal).

[16]             Ammont li jirrappreżenta l-ammonti dovuti fl-2012 (mill-ammont totali pendenti fil-31 ta' Diċembru 2012) u li jassumi li s-self inadempjenti ma jkunx ġie aċċellerat (għad-dettalji ara t-Tabella A2 mogħtija fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal).

[17]             Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/288/UE tat-12 ta' Mejju 2011 li tipprovdi assistenza finanzjarja prekawzjonarja tal-UE fuq żmien medju għar-Rumanija (ĠU L 132, 19.5.2011, p.15).

[18]             Ara l-istqarrija għall-istampa dwar il-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ecofin tad- 9/10 ta' Mejju 2010 (http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/en/ecofin/114324.pdf)

[19]             Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 tal-11 ta' Mejju 2010 li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbilizzazzjoni finanzjarja (ĠU L 118, 12.5.2010, p.1).

[20]             Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill Nru 2011/77/UE tas-7 ta' Diċembru 2011 dwar l-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Irlanda (ĠU L 30, 4.2.2011, p348).

[21]             Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill Nru 2011/344/UE tat-30 ta' Mejju 2011 dwar l-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Portugall (ĠU L 159, 17.6.2011, p.88).

[22]             Għal aktar tagħrif dwar l-EFSM, ara wkoll ir-rapport mill-Kummissjoni dwar l-attivitajiet tal-għoti u t-teħid b’self tal-Unjoni Ewropea fl-2010, COM(2011)485.

[23]             Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/682/UE għall-Irlanda u 2011/683/UE għall-Portugall tal-11 ta' Ottubru 2011 (ĠU L 269, 14.10.2011, p.31 u p.32).

[24]             Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, id-deċiżjonijiet dwar l-AMF ma għadhomx jittieħdu mill-Kunsill waħdu, iżda skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (kodeċiżjoni).

[25]             Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠUL 55, 28.2.2011, p. 13), li jissostitwixxi d-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE.

[26]             Iż-żieda b’EUR 3 684 miljun għandha tinqasam bejn mandat addizzjonali ta’ EUR 2 000 miljun għall-finanzjament ta’ operazzjonijiet tat-tibdil fil-klima u EUR 1 684 miljun biex jittejbu l-operazzjonijiet tar-riskju tal-BEI.

[27]             Ara l-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1150/2000 tat-22 ta' Mejju 2000 li jimplimenta d-Deċiżjoni 2007/436/KE, dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej, [traduzzjjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 130, 31.5.2000,p.1).

[28]             Minn meta ġie stabbilit fl-1994, il-Fond intalab ammont kumulattiv ta’ EUR 478 miljun.

[29]             Għal aktar dettalji, ara t-Taqsima 1.4.3 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal.

[30]             Minn meta ġie stabbilit fl-1994, il-Fond irkupra ammont totali ta’ EUR 576 miljun (li jinkludi l-ammont ta’ kapital u ta’ imgħax imħallas lura, flimkien mal-imgħax tal-penali għall-ħlasijiet tardivi u l-qligħ u t-telf li sar mir-rati tal-kambju).

[31]             L-assi totali tal-Fond minbarra l-ammonti pagabbli dovuti (it-tariffi tal-BEI u t-tariffi tal-awditjar).

[32]             Inklużi l-imgħaxijiet dovuti.