52012DC0599

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW It-30 Rapport Annwali mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew dwar l-attivitajiet Anti-Dumping, Anti-Sussidjarji u ta' Salvagwardja (2011) /* COM/2012/0599 final */


Introduzzjoni

Dan ir-rapport tal-2011 huwa ppreżentat lill-Parlament Ewropew wara r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 1981 dwar l-attivitajiet ta’ antidumping tal-Unjoni Ewropea, u r-rapport tal-Kumitat tiegħu dwar l-industrija, il-kummerċ estern, ir-riċerka u l-enerġija.

Dan ir-rapport qasir jagħti ħarsa ġenerali lejn l-avvenimenti ewlenin matul l-2011 u huwa ssupplimentat, bħal fis-snin ta' qabel, b'Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni aktar dettaljat, flimkien ma' annessi dettaljati. Dan ir-rapport għandu l-istess struttura ġenerali tad-Dokument ta' Ħidma, inklużi l-intestaturi kollha tiegħu, għal riferiment faċli għal tagħrif aktar komprensiv.

Ir-rapport attwali u d-Dokument ta’ Ħidma sħiħ huma disponibbli wkoll għall-pubbliku fis-sit http://ec.europa.eu/trade/issues/respectrules/anti_dumping/legis/index_en.htm

1.           Ħarsa Ġenerali lejn il-Leġiżlazzjoni

L-investigazzjonijiet tal-antidumping (AD), antisussidji (AS) u ta' salvagwardja (SVG) jitwettqu fuq il-bażi ta’ Regolamenti bażiċi tal-Kunsill. Fid-Dokument ta’ Ħidma tingħata ħarsa ġenerali lejn il-leġiżlazzjoni attwali. It-testi bażiċi tal-antidumping u ta' kontra s-sussidji minn issa ’l quddiem se jissejħu "Regolament(i) bażiku/bażiċi".

2.           Kunċetti bażiċi

L-intestatura 2 fid-dokument ta’ ħidma tagħti ħarsa ġenerali lejn it-terminoloġija u l-proċeduri użati fl-investigazzjonijiet tal-istrumenti għad-Difiża Kummerċjali (TDI).

3.           Modernizzazzjoni tad-TDI

Sabiex jesploraw modi dwar kif tista’ tittejjeb is-sistema attwali tal-istrumenti għad-Difiża Kummerċjali (TDI) f'Ottubru 2011, il-Kummissjoni ħabbret inizjattiva għall-modernizzazzjoni tas-SDK. Filwaqt li l-ambjent ekonomiku nbidel b'mod sinifikanti matul dawn l-aħħar għaxar snin, ir-regoli tal-Unjoni Ewropea dwar l-istrumenti għad-difiża kummerċjali baqgħu sostanzjalment l-istess mill-aħħar bidliet leġiżlattivi tar-Regolamenti Bażiċi fl-2004. F’dan il-qafas, u filwaqt li jitqies l-ambjent ekonomiku diffiċli li l-kumpaniji attwalment qed jiffaċċaw, il-Kummissjoni ddeċidiet li tanalizza l-punti qawwija u dawk dgħajfa tar-regoli attwali tat-TDI, bl-għan li tadattahom u ttejjibhom b’mod ibbilanċjat, għall-benefiċċju ta’ dawk kollha kkonċernati.

Sabiex tesplora oqsma possibbli ta' titjib, il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni pubblika fir-rebbiegħa tal-2012. Fit-tħejjija tal-konsultazzjoni pubblika, il-Kummissjoni qieset, mhux biss ir-riżultati ta' studju ta' valutazzjoni dwar l-istrumenti għad-difiża kummerċjali tal-UE (ara hawn taħt) iżda wkoll l-informazzjoni minn għadd ta’ intervisti ma’ esperti. L-eżerċizzju ta' modernizzazzjoni qiegħed iseħħ u kull proposta mill-Kummissjoni mhux se tiġi adottata qabel Novembru/Diċembru 2012.

Matul l-2011, tkompla x-xogħol minn konsulent indipendenti fuq studju ta' valutazzjoni dwar l-istrumenti għad-difiża kummerċjali tal-Unjoni Ewropea. Ir-rapport finali ġie ppubblikat fil-bidu tal-2012. L-għan tal-valutazzjoni kien li jgħin lill-Kummissjoni fit-tfassil jew fit-titjib tal-interventi ta' politika tagħha u li tiġi mmonitorjata l-effettività tagħhom. Tqies ukoll li dan għandu jkun ta' għajnuna għaċ-ċittadini biex dawn jeżerċitaw jeddhom biex jiskrutinizzaw, jikkritikaw u jinfluwenzaw il-politiki u l-attivitajiet immexxija mill-Kummissjoni f’isimhom.

4.           Status ta' ekonomija tas-suq fuq livell nazzjonali (MES)

Għall-għanijiet tal-investigazzjonijiet tal-antidumping, pajjiż jista' jitqies bħala ekonomija sħiħa tas-suq jekk jissodisfa l-ħames kriterji li huma stipulati fid-dettall fid-Dokument ta' Ħidma mehmuż ma' dan ir-rapport.

Fl-2011 tkomplew jiġu mistħarrġa erba' mis-sitt talbiet għal MES għall-pajjiż kollu miċ-Ċina, il-Vjetnam, l-Armenja, il-Kazakistan, il-Mongolja u l-Belarus. Il-pajjiżi kollha, għajr il-Belarus u l-Armenja, komplew jipprovdu informazzjoni addizzjonali matul is-sena li ssostni l-pretensjonijiet tagħhom u t-talbiet tagħhom jinsabu fi stadji diversi ta' progress. Diġà fl-2010, il-Konsultazzjonijiet mal-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Belarus kellhom jitwaqqfu minħabba l-qagħda politika fil-pajjiż. F'Ġunju 2010, intbagħtu mistoqsijiet addizzjonali lejn l-Armenja dwar l-iżvilupp ulterjuri fil-progress tagħhom lejn MES. Madankollu, sa tmiem l-2011, l-ebda informazzjoni ġdida ma ntbagħtet lill-Kummissjoni mill-Armenja. L-erbgħa pajjiżi applikanti l-oħra segwew l-applikazzjonijiet tagħhom għal MES u huma fi stadji differenti ta' progress f'dak li għandu x'jaqsam mal-ilħuq tal-ħames kriterji għal MES.

Il-ħidma tkompliet fuq it-talba għal MES miċ-Ċina, inkluż il-11-il laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma tematiku dwar il-MES li ltaqa’ fi Brussell f'Novembru 2011. Fil-laqgħa tal-Grupp ta' Ħidma ż-żewġ partijiet iddiskutew il-progress taċ-Ċina fil-qasam tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali u tal-liġi Kontra l-Monopolju. Fl-2011, l-istudju dwar il-prassi tal-kontabilità fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina kien iffinalizzat. Sfortunatament, ir-riżultati tal-istudju kienu biss parzjali u ma kinux biżżejjed biex jagħmlu konklużjonijiet sodi dwar il-progress taċ-Ċina f 'dan il-qasam. 

Il-laqgħa tal-Grupp ta' Ħidma MES UE-Vjetnam saret fi Brussell f'Diċembru 2011. L-awtoritajiet Vjetnamiti wieġbu għall-mistoqsijiet tal-Kummissjoni dwar l-erba' kriterji pendenti. Ġie miftiehem li l-Vjetnam jibgħat informazzjoni addizzjonali dwar kwistjonijiet li tqajmu matul il-laqgħa. Sa tmiem l-2011 l-ebda informazzjoni ulterjuri ma kienet intbagħtet lill-Kummissjoni mill-Vjetnam.

Rigward il-Kazakistan, fi Frar 2011, intbagħtet Nota Verbali lill-awtoritajiet tal-Kazakistan li tistabbilixxi l-problemi prinċipali fir-rigward tal-5 kriterji tal-MES. Filwaqt li kien ġie miftiehem fl-2010 biex flimkien jiżviluppaw pjan direzzjonali mal-Kazakistan dwar il-passi li jmiss li għandhom jittieħdu dwar l-MES, ma sar l-ebda progress dwar dan matul l-2011.

Saret laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma mal-awtoritajiet tal-Mongolja, f'Ulan-Bator f'Settembru 2011. Tqassmet u ġiet diskussa informazzjoni dwar il-progress tal-Mongolja f'dak li għandu x'jaqsam mal-kriterji tal-MES.

5.           Attivitajiet ta’ Informazzjoni u ta' Komunikazzjoni/Kuntatti bilaterali

5.1.        Intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs)

Fl-2011, il-Kummissjoni ppubblikat il-"Paper dwar Azzjonijiet biex jiġu Indirizzati d-Diffikultajiet li Jiltaqgħu Magħhom l-SMEs Involuti fl-Istrumenti għad-Difiża Kummerċjali". Din tinkludi għadd ta’ azzjonijiet konkreti li jistgħu faċilment jiġu implimentati biex jgħinu aħjar lill-SMEs fl-oqsma kollha tad-difiża kummerċjali u li dwarhom intlaħaq ċertu grad ta’ konverġenza mal-Istati Membri. Dan id-dokument li kien ibbażat fuq ir-riżultati tal-istudju mwettaq minn kuntrattur indipendenti, ġie diskuss mal-Istati Membri u approvat minnhom fl-2011. L-għan tal-istudju kien li jiġu identifikati l-ħtiġijiet tal-SME fis-27 Stat Membru tal-UE meta jitressaq ilment jew meta wieħed jieħu sehem fl-investigazzjonijiet għad-difiża kummerċjali bħala importatur jew bħala utent jew bħala esportatur f'investigazzjonijiet mibdija minn pajjiżi terzi, minħabba r-rwol importanti li l-SMEs għandhom fl-ekonomija tal-UE u d-diffikultajiet li dawn jiffaċċjaw biex jipparteċipaw fl-investigazzjonijiet għad-difiża kummerċjali.

Il-Helpdesk tad-Difiża Kummerċjali għall-SMEs twaqqaf fid-dawl tal-kumplessità tal-proċedimenti dwar l-istrumenti għad-difiża kummerċjali, speċjalment għall-SMEs minħabba d-daqs żgħir u l-frammentazzjoni tagħhom. Ir-rwol tiegħu huwa li jindirizza kwistjonijiet u problemi speċifiċi tal-SMEs marbuta mal-istrumenti għad-difiża kummerċjali, kemm ta’ natura ġenerali kif ukoll ta' natura speċifika skont il-każ. Parti mill-websajt tal-istrumenti għad-difiża kummerċjali hija ddedikata lill-SMEs u tirreferi għall-punti ta’ kuntatt tal-Helpdesk tad-Difiża Kummerċjali.

Fl-2011, dawn il-punti ta’ kuntatt irċevew ħafna talbiet għall-informazzjoni, li kollha ġew indirizzati minnufih. Dawn it-talbiet kienu jikkonċernaw kemm il-proċeduri kif ukoll il-kontenut tal-proċedimenti dwar l-istrumenti għad-difiża kummerċjali.

5.2.        Kuntatti bilaterali/attivitajiet ta' tagħrif – industrija u pajjiżi terzi

L-ispjegar tal-leġiżlazzjoni u l-prattika tal-attività tad-difiża kummerċjali tal-UE huma parti importanti mill-ħidma tas-servizzi tat-TDI. 

Fl-2011 sar seminar dwar id-difiża kummerċjali għall-uffiċjali minn pajjiżi terzi.  Barra minn hekk, fl-2011 twettqugħadd ta' kuntatti bilaterali ddedikati għad-diskussjonijiet dwar suġġetti varji marbuta mad-difiża tal-kummerċ ma' għadd ta' pajjiżi terzi inklużi ċ-Ċina, il-Korea, it-Turkija u l-Awstralja..

.

Kien hemm ukoll diversi laqgħat ma' assoċjazzjonijiet u kumpaniji ewlenin tal-partijiet interessati fl-2011, fosthom ma' Business Europe u Eurocommerce.

6.           L-Uffiċjal tas-Seduta

L-2011 kienet il-ħames sena ta’ attività għall-Uffiċjal tas-Seduta tad-DĠ tal-Kummerċ, li beda jaħdem f’April 2007. L-Uffiċjal tas-Seduta jaġixxi b’mod indipendenti. L-Uffiċjal tas-Seduta jaġixxi indipendentement u issa huwa marbut, għal għanijiet amministrattivi, mal-Kummissarju tal-Kummerċ. Fl-2011, huwa kien marbut għal għanijiet amministrattivi mad-Direttur Ġenerali tad-DĠ Kummerċ. Il-mandat formali tal-Uffiċjal tas-Seduta ġie ppubblikat lejn il-bidu tal-2012[1].

Ir-rwol prinċipali tal-Uffiċjal tas-Seduta huwa li jiggarantixxi l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża fil-proċedimenti kummerċjali quddiem il-Kummissjoni Ewropea. Id-drittijiet tad-difiża jinkludu mhux biss id-dritt li wieħed jinstema' u li jkollu aċċess għall-fajl iżda jinkludu wkoll sensiela usa ta' drittijiet deskritti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE kif ġej: id-dritt ta' kull persuna (i) "li tinstema', qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li tolqotha negattivament", (ii) "li jkollha l-affarijiet tagħha trattati b'mod imparzjali, b'mod ġust u fi żmien raġonevoli" u (iii) "li jkollha aċċess għall-fajl li jikkonċernaha, filwaqt li jiġu rrispettati l-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità u tas-segretezza professjonali u tan-negozju". L-Uffiċjal tas-Seduta jagħti pariri wkoll lid-Direttur Ġenerali tad-DĠ tal-Kummerċ dwar kwistjonijiet marbuta mal-proċessi u l-amministrazzjoni tajba u dwar kull kwistjoni li toħroġ minn proċedimenti tal-kummerċ, fejn xieraq.

Talbiet għal intervent mill-Uffiċjal tas-Seduta juru xejra li qed tikber minn mindu nħolqot din il-funzjoni fl-2007. Fl-2011, l-Uffiċjal tas-Seduta kellu 81 intervent f'35 każ tad-difiża kummerċjali u organizza 26 seduta, li 4 minnhom kienu seduti konġunti ta' partijiet b'interessi simili. L-interventi ntalbu mill-produtturi esportaturi fil-pajjiżi terzi, mill-industrija tal-Unjoni, minn utenti u minn importaturi kif ukoll minn Gvernijiet ta' pajjiżi terzi. L-Uffiċjal tas-Seduta intervjena fi kwistjonijiet li jkopru l-istadji kollha tal-investigazzjoni u għamel għadd ta’ rakkomandazzjonijiet lis-servizzi tal-Kummissjoni li fil-biċċa l-kbira tagħhom ġew segwiti. L-għan ewlieni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Uffiċjal tas-Seduta huwa li jsaħħaħ id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati. 

Il-kwistjonijiet ewlenin li l-Uffiċjal tas-Seduta ffaċċja fl-2011 jistgħu jinġabru fi tliet kategoriji (i) kontenut u kwalità ta’ żvelar (ii) aċċess għall-fajls u l-kwalità ta' fajls mhux kunfidenzjali u (iii) nuqqas ta' qbil ma’ determinazzjonijiet, sejbiet u konklużjonijiet. 

7.           Ħarsa ġenerali lejn l-investigazzjonijiet u l-miżuri antidumping, antisussidji u ta' salvagwardja

7.1.        Ġenerali

Fi tmiem l-2011, l-UE kellha 117-il miżura ta' antidumping (ara l-Anness O) u 10 miżuri antisussidji (ara l-Anness P) fis-seħħ.

Fl-2011, 0,25 % tal-importazzjonijiet totali fl-UE kienu affettwati mill-miżuri antidumping jew antisussidji.

Jekk jogħġbok innota li d-dettalji dwar il-kwistjonijiet jinsabu fid-Dokument ta’ Ħidma mehmuż ma’ dan ir-rapport. Ir-referenzi għall-Annessi tad-Dokument ta’ Ħidma jinsabu biswit it-titoli.

7.2.        Investigazzjonijiet ġodda (ara l-Annessi minn A sa E u l-Anness N)

Fl-2011, tnedew 21 investigazzjoni[2]. Ġew imposti dazji provviżorji f'10 proċedimenti. Ġew konklużi 13-il każ bl-impożizzjoni ta’ dazji definittivi. Ġew konklużi 11-il investigazzjoni mingħajr miżuri. 21 miżura skadew awtomatikament wara l-perjodu tagħhom ta' ħames (5) snin.

7.3.        Investigazzjonijiet ta' reviżjoni

L-investigazzjonijiet ta' reviżjoni għadhom jirrappreżentaw parti kbira mill-ħidma tas-servizzi tal-istrumenti għad-difiża kummerċjali. Tul il-perjodu bejn l-2007 u l-2011, dawn kienu jirrappreżentaw 63 % tal-investigazzjonijiet kollha mibdija. It-Tabella 2 fid-Dokument ta’ Ħidma tipprovdi informazzjoni statistika għas-snin 2007-2011.

7.3.1.     Reviżjonijiet ta' skadenza (ara l-Anness F)

L-Artikoli 11(2) u 18 tar-Regolamenti bażiċi jipprevedu l-iskadenza tal-miżuri wara ħames snin, sakemm reviżjoni ta' skadenza ma turix li għandhom jinżammu fil-forma oriġinali tagħhom.

Matul l-2011, tnedew tmien (8) investigazzjonijiet ta’ reviżjoni ta' skadenza. Tmien (8) reviżjonijiet ta' skadenza ġew konklużi bil-konferma tad-dazju għal perjodu ulterjuri ta' ħames (5) snin. Erba' (4) reviżjonijiet ta' skadenza ġew konklużi bit-tmiem tal-miżuri.

7.3.2.     Reviżjonijiet interim (ara l-Anness G)

L-Artikoli 11(3) u 19 tar-Regolamenti bażiċi jipprevedu r-reviżjoni tal-miżuri matul il-perjodu ta' validità tagħhom. Ir-reviżjonijiet jistgħu jkunu limitati għal aspetti ta’ dumping/sussidjar jew ta’ ħsara.

Matul l-2011, tnieda total ta’ 9 reviżjonijiet interim. Seba’ (7) reviżjonijiet interim ġew konklużi bil-konferma jew bl-emenda tad-dazju. Ħames (5) reviżjonijiet interim ġew konklużi bit-tmiem tal-miżuri.

7.3.3.     Reviżjonijiet interim “oħrajn” (ara l-Anness H)

Żewġ (2) reviżjonijiet "oħra", jiġifieri li ma jaqgħux taħt l-Artikoli 11(3) jew 19 tar-Regolamenti bażiċi ngħataw bidu matul l-2011.

7.3.4.     Reviżjonijiet tal-esportaturi l-ġodda (ara l-Anness I)

L-Artikoli 11(4) u 20 tar-Regolamenti bażiċi rispettivament jistipulaw reviżjoni ta’ “esportatur ġdid” u reviżjoni “aċċellerata” sabiex jiġi stabbilit marġini individwali tad-dumping jew dazju kompensatorju individwali għall-esportaturi l-ġodda li jinsabu fil-pajjiż li jesporta kkonċernat li ma esportax il-prodott tul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Dawn l-esportaturi jridu juru li huma esportaturi ġodda ġenwini u li huma bdew jesportaw lejn l-UE wara l-perjodu ta’ investigazzjoni. Għaldaqstant, dazju individwali, li normalment hu inqas mid-dazju għall-pajjiż kollu, jista’ jiġi kkalkulat għalihom.

Fl-2011, inbdew zewġ (2) reviżjonijiet ta’ esportaturi ġodda.

7.3.5.     Investigazzjoni ta’ assorbiment (ara l-Anness J)

Meta jkun hemm biżżejjed informazzjoni li turi li, wara l-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali u qabel jew wara l-impożizzjoni tal-miżuri, il-prezzijiet ta’ esportazzjoni naqsu jew li ma kien hemm l-ebda moviment jew ma kienx hemm biżżejjed moviment fil-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid jew fil-prezzijiet ta’ bejgħ sussegwenti tal-prodott importat fl-UE, tista' tinfetaħ reviżjoni ta’ “assorbiment” biex jiġi eżaminat jekk il-miżuri kellhomx effett fuq il-prezzijiet imsemmija hawn fuq. Il-marġini tad-dumping jistgħu għalhekk jiġu kkalkulati mill-ġdid u d-dazju jiżdied biex jitqiesu dawn il-prezzijiet ta’ esportazzjoni iktar baxxi. Il-possibbiltà ta’ reviżjonijiet ta’ “assorbiment” hija inkluża fl-Artikoli 12 u 19(3) tar-Regolamenti bażiċi.

Fl-2011, ma kienx hemm reviżjonijiet kontra l-assorbiment mibdija jew konklużi.

7.3.6.     Investigazzjonijiet dwar ċirkumvenzjoni (ara l-Anness K)

Il-possibbiltà li jerġgħu jinfetħu investigazzjonijiet f’ċirkostanzi fejn tinstab evidenza li turi li qed isseħħ ċirkumvenzjoni tal-miżuri hi prevista fl-Artikoli 13 u 23 tar-Regolamenti bażiċi.

Fl-2011, tnedew tliet (3) investigazzjonijiet ta' dan it-tip. Gew konklużi erba' (4) investigazzjonijiet kontra ċ-ċirkumvenzjoni b'estensjoni tal-miżuri u tnejn (2) ġew konklużi mingħajr estensjoni tal-miżuri.

7.4.        Investigazzjonijiet ta' salvagwardja (ara l-Anness L)

Matul l-2011, ma tnediet l-ebda investigazzjoni ta' salvagwardja. Investigazzjoni waħda (1) ta’salvagwardja, li kienet tnediet fl-2010, intemmet mingħajr l-impożizzjoni ta’ miżuri.

8.           Infurzar tal-miżuri Anti-Dumping/Anti-Sussidji

8.1.        Miżuri ta’ segwitu

L-attivitajiet ta’ segwitu li jikkonċernaw il-miżuri fis-seħħ kienu jikkonċentraw fuq erba’ oqsma ewlenin: (1) għall-prevenzjoni tal-frodi; (2) għall-monitoraġġ tal-flussi tal-kummerċ u l-iżviluppi tas-suq; (3) għat-titjib tal-effettività bl-istrumenti xierqa u (4) għar-reazzjoni għal prassi irregolari. Dawn l-attivitajiet ippermettew lis-servizzi tal-istrumenti għad-difiża kummerċjali jiżguraw b'mod pro-attiv b'kooperazzjoni mal-Istati Membri l-infurzar xieraq ta' miżuri għad-difiża kummerċjali fl-Unjoni Ewropea.

8.2.        Il-monitoraġġ tal-impenji (ara l-Annessi M u Q)

Il-monitoraġġ tal-impenji jifforma parti mill-attivitajiet ta’ infurzar, billi l-impenji huma forma ta’ miżuri AD jew AS. Huma jiġu aċċettati mill-Kummissjoni jekk tkun sodisfatta li jistgħu jeliminaw effettivament l-effetti ta’ ħsara tad-dumping jew tal-issussidjar.

Fil-bidu tal-2011, kien hemm 22 impenn fis-seħħ. Matul l-2011, seħħew il-bidliet li ġejjin lill-portafoll tal-impenji: l-impenji ta' 5 kumpaniji ġew fi tmiemhom minħabba l-iskadenza/revoka ta' miżuri u ġie aċċettat impenn ta' kumpanija waħda. Dan itella’ l-għadd totali ta' impenji fis-seħħ fi tmiem l-2011 għal 18.

9.           Rifużjonijiet (ara l-Anness U)

L-Artikoli 11(8) u 21(1) tar-Regolamenti bażiċi jippermettu lill-importaturi jitolbu għar-rimborż tad-dazji miġbura rilevanti fejn jintwera li l-marġini tad-dumping/sussidju tneħħa jew tnaqqas għal livell inqas minn dak tad-dazju fis-seħħ.

Tul l-2011, tressqu 26 talba ġdida għal rifużjoni. Fi tmiem l-2011, kien hemm 12-il investigazzjoni għaddejjin li jkopru 18-il talba. Fl-2011, ġew adottati 24 Deċiżjoni tal-Kummissjoni: 12 minnhom taw rifużjoni parzjali u 12 ċaħdu t-talba għal rifużjoni. Seba' talbiet ġew irtirati.

10.         Reviżjoni ġudizzjarja: deċiżjonijiet mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja (QtĠ) / Qorti Ġenerali (QĠ)

Fl-2011, il-Qorti tal-Ġustizzja (QTĠ) u l-Qorti Ġenerali (QĠ) taw 9 sentenzi b’kollox f'oqsma marbuta mal-antidumping jew mal-antisussidju. Fid-Dokument ta’ Ħidma jinstab sommarju dettaljat ta’ xi wħud mis-sentenzi.

Fl-2011 tressqu 16-il każ ġdid, 12 quddiem il-Qorti Ġenerali u erba' (4) quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

Lista ta’ każijiet AD/AS li tressqu quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja li kienu għadhom pendenti fi tmiem l-2011 tinsab fl-Anness S tad-Dokument ta’ Ħidma.

11.         Attivitajiet fil-qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO)

11.1.      Riżoluzzjoni tat-tilwim fil-qasam tal-AD, tal-AS u tas-SVG

Id-WTO tipprevedi proċedura rigoruża għar-riżoluzzjoni ta’ tilwim bejn il-Membri tad-WTO fir-rigward tal-applikazzjoni tal-ftehimiet tad-WTO.

F'Lulju 2011, il-Korp tal-Appelli tad-WTO ħareġ rapport dwar każ għar-riżoluzzjoni tat-tilwim meħuda miċ-Ċina kontra l-UE dwar miżuri anti-dumping fuq importazzjonijiet ta’ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw fiċ-Ċina.   Din kienet l-ewwel sfida tad-WTO li tnediet miċ-Ċina kontra l-UE minn mindu ssieħbet mad-WTO fl-2001. Il-panil kien iċċirkola r-rapport tiegħu lill-Membri tad-WTO f'Diċembru 2010 u f'Marzu 2011 l-UE appellat ċerti aspetti tar-rapport tal-panil. Il-Korp tal-Appelli ħareġ ir-rapport tiegħu f'Lulju 2011 u fil-laqgħa tiegħu fit-28 ta' Lulju 2011 il-Korp għar-Riżoluzzjoni tat-Tilwim (DSB) adotta r-Rapport. Filwaqt li l-maġġoranza l-kbira tal-pretensjonijiet taċ-Ċina f'dak li għandu x'jaqsam mar-regolament dwar il-qfieli ma ntlaqgħetx mill-Panil u mill-Korp tal-Appelli, ċerti aspetti ta' dak ir-Regolament tqiesu bħala li jiksru l-liġi tad-WTO. Il-Panil u l-Korp tal-Appelli wkoll, sabu li l-Artikolu 9 (5) tar-Regolament Bażiku kien inkonsistenti mal-obbligi tal-Unjoni Ewropea rigward il-Ftehim AD tad-WTO.  F'Settembru 2011 l-Unjoni Ewropea għarrfet lid-DSB tad-WTO li kien biħsiebha timplimenta r-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tad-DSB f’din it-tilwima b’mod li jirrispetta l-obbligi tagħha fir-rigward tad-WTO.  Fi Frar 2012, il-Kummissjoni pproponiet lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill emenda lir-Regolament Anti-Dumping Bażiku li tikkunsidra d-Deċiżjoni tad-DSB[3].

F'Ottubru 2011 ġie ppubblikat ir-rapport tal-Panil tad-WTO dwar it-tilwima dwar il-miżuri anti-dumping fuq ċerti xedd tas-saqajn tal-ġilda miċ-Ċina. Il-Panil kien ġie stabbilit f'Mejju 2010.  Il-Panil ikkonkluda li, fil-maġġoranza l-kbira tal-kwistjonijiet mistħarrġa, l-UE kienet aġixxiet b’konformità sħiħa mar-regoli tad-WTO. Il-Panil ikkonferma s-sejbiet li kien għamel fir-rigward tat-tilwima dwar il-qfieli rigward l-Artikolu 9(5) tar-Regolament Bażiku.  Billi r-Regolamenti li jimponu miżuri fuq l-importazzjonijiet tax-xedd tas-saqajn skadew f'Marzu 2011, il-Panil ikkonkluda li ma kienx hemm bażi għal rakkomandazzjoni bie "iġib il-miżura/miżuri [skaduta/skaduti] f'konformità" skont l-Artikolu 19.1 tad-DSU. Madankollu, il-Panil irrakkomanda lill-Unjoni Ewropea ġġib l-Artikolu 9(5) tar-Regolament Bażiku f'konformità mal-obbligi proprji skont il-Ftehimiet tad-WTO.

 

11.2.      Attivitajiet oħra tad-WTO

Fl-2011, il-President tal-Grupp ta' Negozjati DDA dwar ir-regoli nieda proċess ta' konsultazzjonijiet plurilaterali informali dwar suġġetti differenti fejn ħass li għad hemm ħafna xi jsir f'dak li għandu x'jaqsam mad-differenzi li jeżistu fost l-Istati Membri. Dan irriżulta fiċ-ċirkolazzjoni ta' test ġdid dwar dixxiplini antidumping li jenfasizzaw żoni ta' konverġenza u kwistjonijet problematiċi ewlenin, fejn il-progress dwar is-sussidji u n-negozjati dwar is-sussidji fis-sajd kien qed jiġi ttrattat f'rapport (id-Dokument TN/RL/W/254 tad-WTO tal-21 ta' April 2011).  Filwaqt li dawn id-dokumenti rriflettew b'mod preċiż l-istat tan-negozjati f' dawk l-oqsma, ma kienx possibbli li dan tal-aħħar jgħaddi fl-2011, parzjalment minħabba d-dinamika tan-negozjati tad-DDA globali. Wara r-riżenja tal-President Francis, intlaħaq kunsens fost il-Membri li jinħatar l-Ambaxxatur McCook (il-Ġamajka) bħala President tal-Grupp ta' Negozjati dwar ir-Regoli.  Il-ħatra tiegħu ġiet ikkonfermata f'laqgħa formali li saret fi Frar 2012. Sussegwentement, il-Grupp Tekniku, sottogrupp tal-Grupp tan-Negozjati, ltaqa'  darbtejn (fi Frar u f'April 2012).

Waqt li kienu qegħdin iseħħu dawn l-attivitajiet, il-parteċipazzjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni fil-ħidma regolari tal-Kumitati tal-Anti-dumping, tas-Sussidji u l-Kumpens u tas-Salvagwardja baqgħet għaddejja. Il-Kumitati ltaqgħu darbtejn f’sessjonijiet regolari biex jirrevedu n-notifiki u jqajmu kwistjonijiet ta’ interess speċjali.

Konklużjoni

L-2011 wriet żieda kemm fl-għadd ta' każijiet ġodda miftuħa b’paragun mas-sena ta' qabel kif ukoll fl-għadd ta' miżuri definittivi imposti. L-għadd ta' investigazzjonijiet mitmuma mingħajr l-impożizzjoni ta' miżuri wkoll żdied ftit filwaqt li l-għadd ta' miżuri provviżorji imposti b’paragun mas-sena ta’ qabel niżel bi kważi terz. Fir-rigward tar-reviżjonijiet, dawn ikomplu jirrappreżentaw parti sinifikanti mill-ħidma tas-servizzi, għalkemm l-għadd ta' reviżjonijiet mibdija niżel bi kważi wieħed minn sitta meta mqabbel mal-2010. L-għadd ta' reviżjonijiet mitmuma żdiedu b' mod sinifikanti meta mqabbla maċ-ċifri tal-2010.

Fl-aħħar, għandu jitfakkar li l-miżuri għad-difiża kummerċjali fis-seħħ fl-2011 affettwaw biss 0,25 % tal-importazzjonijiet totali, li jirrifletti l-approċċ moderat u bbażat fuq ir-regoli fl-użu ta’dawn l-istrumenti mill-UE. 

[1]               ĠU L 107, 19.04.2012, p .5

[2]               It-Tabella 1 fid-Dokument ta’ Ħidma tipprovdi tagħrif statistiku dwar l-istħarriġiet il-ġodda għas-snin 2007 - 2011 li twettqu skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 5 u 10 tar-Regolamenti bażiċi.

[3] COM (2012)41 Finali.