52012DC0586

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL L-APPROĊĊ TAL-UE GĦAR-REŻILJENZA: NITGĦALLMU MILL-KRIŻIJIET TAS-SIGURTÀ TAL-IKEL /* COM/2012/0586 final */


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

L-APPROĊĊ TAL-UE GĦAR-REŻILJENZA: NITGĦALLMU MILL-KRIŻIJIET TAS-SIGURTÀ TAL-IKEL

1.           Il-Ħtieġa li Tiġi Indirizzata l-Vulnerabbiltà Kronika

Il-kriżijiet tal-ikel riċenti u rikorrenti fir-reġjun tas-Sahel u fil-Qarn tal-Afrika, fejn aktar minn 30 miljun persuna qed ibatu l-ġuħ, issottolinjaw il-bżonn ta’ ħidma fuq strateġija sistematika u fuq perjodu twil għall-bini tar-reżiljenza tal-pajjiżi u l-popolazzjonijiet vulnerabbli.

L-effetti ta’ xokkijiet ekonomiċi, taż-żidiet u ċ-ċaqliq fil-prezzijiet tal-ikel, il-pressjoni demografika, it-tibdil fil-klima, id-deżertifikazzjoni, id-degradazzjoni ambjentali, il-pressjoni fuq ir-riżorsi naturali, is-sistemi mhux adegwati tal-pussess tal-art, u investiment insuffiċjenti fl-agrikoltura, irriżultaw, f'ħafna partijiet tad-dinja, f'esponiment akbar għar-riskju, notevolment minn perikli naturali. L-impatt ta’ dawn ix-xejriet globali jintwera fiż-żieda li qed isseħħ fin-numru u fl-intensità tad-diżastri u l-kriżijiet naturali. L-ifqar familji huma l-aktar vulnerabbli u f'bosta każijiet din il-vulnerabilità hija aggravata bl-instabbiltà politika u l-kunflitti. Fil-każ tal-insigurtà tal-ikel, minkejja xi progress, biljun persuna għadhom qed isofru mill-ġuħ u l-kwistjoni hija partikolarment gravi f'żoni fejn il-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni tiddependi direttament fuq l-agrikoltura u l-pastoraliżmu.

L-UE hija waħda mill-akbar donaturi tad-dinja li tipprovdi l-għajnuna għas-salvataġġ lil persuni milquta minn kriżijiet varji. Matul is-snin riċenti, it-talbiet għal din it-tip ta' assistenza żdiedu sostanzjalment – u huma bil-wisq akbar mir-riżorsi disponibbli. Din l-assistenza hija vitali, iżda hija intiża prinċipalment biex jiġu affrontati sitwazzjonijiet ta’ emerġenza u teħtieġ li tiġi ssupplimentata b'appoġġ għall-popolazzjonijiet f'riskju sabiex jirreżistu u jaffaċċjaw żviluppi negattivi ripetuti u stress fit-tul u jadattaw ruħhom għalihom.

Il-bini tar-reżiljenza huwa sforz fit-tul li jeħtieġ li jiġi ankrat sew fil-politiki u l-ippjanar nazzjonali. Huwa parti mill-proċess tal-iżvilupp, u żvilupp ġenwinament sostenibbli jeħtieġ li jindirizza l-għerq tal-kriżijiet rikorrenti, u mhux biss il-konsegwenzi tagħhom. Ħidma ma' popolazzjonijiet vulnerabbli biex jibnu r-reżiljenza tagħhom hija wkoll parti fundamentali mit-tnaqqis tal-faqar li huwa l-għan aħħari tal-politika tal-iżvilupp tal-UE, kif ġie affermat mill-ġdid mill-UE fl-Aġenda għall-Bidla[1].

L-istrateġiji għar-reżiljenza għandhom jikkontribwixxu għal politiki differenti, partikolarment is-Sikurezza Alimentari[2], l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima[3] u t-Tnaqqis tar-Riskju ta’ Diżastri (DRR)[4]. F'dan il-kuntest, l-UE konsistentement appoġġjat il-prevenzjoni u l-preparatezza għall-kriżijiet fl-aktar pajjiżi vulnerabbli u identifikat il-ħtieġa li jiġu integrati d-DRR u l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima, partikolarment fil-miżuri tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp u r-rispons umanitarju

Li ninvestu fir-reżiljenza huwa kost-effettiv. L-indirizzar tal-kawżi ewlenin u l-kriżijiet ripetuti huwa mhux biss aħjar, speċjalment għall-persuni kkonċernati, milli sempliċiment reazzjoni għall-konsegwenzi tal-kriżijiet, iżda huwa wkoll ferm irħas. Meta d-dinja qed tesperjenza tnaqqis fir-ritmu ekonomiku u baġitarju, il-baġits kemm tal-pajjiżi msieħba kif ukoll tad-donaturi qegħdin dejjem aktar taħt pressjoni biex juru li huma jipprovdu l-impatt massimu għall-fondi li huma disponibbli.

B'reazzjoni għal kriżijiet massivi tal-ikel fl-Afrika, reċentement il-Kummissjoni ħadet żewġ inizjattivi: Appoġġ għar-Reżiljenza fil-Qarn tal-Afrika (SHARE)[5] u 'Alliance Globale pour l'Initiative Résilience Sahel' (AGIR)[6]. Dawn stabbilixxew approċċ ġdid biex tinbena r-reżiljenza ta’ popolazzjonijiet vulnerabbli.

L-għan ta' din il-Komunikazzjoni huwa li tuża l-lezzjonijiet minn dawn l-esperjenzi sabiex ittejjeb l-effikaċja tal-appoġġ tal-UE għat-tnaqqis tal-vulnerabilità fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, li għandhom tendenza li jesperjenzaw diżastri billi tinkludi r-reżiljenza bħala għan ċentrali.

Barra minn hekk, din il-Komunikazzjoni timmira li tikkontribwixxi għad-dibattitu internazzjonali dwar it-tisħiħ tas-sigurtà u r-reżiljenza alimentari f’sens usa', b’mod partikolari fil-kuntest tal-G8, il-G20, il-Kumitat dwar is-Sigurtà tal-Ikel Dinjija, l-inizjattiva Tisħiħ tan-Nutrizzjoni (SUN), in-negozjati tal-Konvenzjonijiet ta’ Rio[7] u l-Alleanza Globali għall-Qarn tal-Afrika.

2.           Il-Mudell tar-reżiljenza

Ir-reżiljenza hija l-kapaċità ta’ individwu, familja, komunità, pajjiż jew reġjun sabiex jirreżistu, jadattaw, u jirkupraw malajr minn stress u xokkijiet.

Il-kunċett ta’ reżiljenza għandu żewġ dimensjonijiet: il-qawwa inerenti ta’ entità – individwu, familja, komunità jew struttura ikbar – li tirreżisti aħjar l-istress u x-xokk u l-kapaċità ta’ din l-entità li tirkupra malajr mill-impatt.

Iż-żieda fir-reżiljenza (u t-tnaqqis tal-vulnerabbiltà) jistgħu għalhekk jinkisbu jew billi tittejjeb is-saħħa tal-entità, jew billi titnaqqas l-intensità tal-impatt, jew it-tnejn. Dan jeħtieġ strateġija multidimensjonali u perspettiva wiesgħa tas-sistemi mmirata kemm lejn it-tnaqqis tar-riskji multipli ta’ kriżi u kif ukoll fl-istess ħin lejn it-titjib tal-mekkaniżmi rapidi ta’ reżistenza u ta’ adattament fuq il-livell lokali, nazzjonali u reġjonali. It-tisħiħ tar-reżiljenza jinsab fil-punt fejn jiltaqgħu l-għajnuna umanitarja u dik għall-iżvilupp.

It-tisħiħ tar-reżiljenza jitlob approċċ fuq perjodu twil, ibbażat fuq it-tnaqqis tal-kawżi sottostanti li jwasslu għall-kriżijiet, u tisħiħ tal-kapaċitajiet biex jiġu ġestiti aħjar l-inċertezzi u l-bidla fil-futur.

3.           L-esperjenza tal-UE fir-rigward tar-reżiljenza u l-kriżijiet tal-ikel fl-Afrika

Fl-Afrika sub-Saħarjana, l-ifqar familji, komunitajiet u pajjiżi sofrew minn kapaċità mnaqqsa li jirkupraw mill-effetti fit-tul tat-tibdil fil-klima, speċjalment nixfiet frekwenti u intensi, kif ukoll kriżijiet ekonomiċi u konflitti interni. L-UE pprovdiet appoġġ fir-rigward ta’ kriżijiet tal-ikel fl-Afrika għal ħafna snin permezz ta’ għajnuna umanitarja u għall-iżvilupp. Fuq dan il-pedament, l-Aġenda għall-Bidla tal-UE se tipprijoritizza l-kooperazzjoni fl-agrikoltura sostenibbli, inklużi l-issalvagwardjar tas-servizzi tal-ekosistemi u s-sigurtà tal-ikel u n-nutriment fl-assistenza futura tal-UE għall-iżvilupp fit-tul.

Konsistentement ma’ enfasi fuq ir-reżiljenza, appoġġ għas-settur tal-agrikoltura u politiki nazzjonali u reġjonali relatati, inkluż l-użu tal-art, għandhom mhux biss issaħħu l-produzzjoni, iżda jiżguraw b’mod partikolari l-funzjonament aħjar tas-swieq tal-ikel u jappoġġjaw l-għoti ta' setgħa lil gruppi vulnerabbli u s-soċjetà ċivili.

F’dan l-isfond, l-UE qed tiżviluppa u timplimenta risposti innovattivi għall-kriżijiet fil-Qarn tal-Afrika u s-Sahel, li għandhom jipprovdu lezzjonijiet importanti għal approċċ aktar sistematiku u fit-tul għall-bini tar-reżiljenza tal-popolazzjonijiet milquta. Huwa importanti hawnhekk li nirrikonoxxu r-rwol tan-nisa fil-bini tar-reżiljenza fl-unitajiet domestiċi u fil-komunitajiet affettwati mill-kriżijiet. F'pajjiżi instabbli u fraġli, fejn ir-reżiljenza hija ta' sikwit l-aktar dgħajfa, huwa importanti wkoll li jiġi żgurat li l-inizjattivi ta' politika jqisu n-nexus żvilupp-sigurtà, u b'hekk jinkoraġġixxu approċċ li jista' jippromwovi l-koerenza u l-kumplimentarjetà tal-politika.

3.1.        Sostenn għar-reżiljenza tal-Qarn tal-Afrika (SHARE)

Hemm għadd ta’ fatturi li huma fl-oriġini tal-vulnerabbiltà tal-għajxien li ilha teżisti fil-Qarn tal-Afrika. Dawn jinkludu żieda fil-popolazzjoni u żieda fil-pressjoni fuq ir-riżorsi, faqar rurali, produttività baxxa, termini tal-iskambju mdgħajfa, aċċess insigur għall-art u l-ilma, governanza dgħajfa, l-insigurtà u instabbiltà ġeopolitika prolongata. L-UE għandha esperjenza konsiderevoli f'kooperazzjoni mas-sħab fl-iżvilupp fil-Qarn tal-Afrika dwar l-agrikoltura u s-sigurtà tal-ikel u kisbet għarfien importanti dwar liema approċċi għandhom l-akbar potenzjal.

In-nixfa li laqtet ir-reġjun fl-2011 kienet l-agħar waħda f’60 sena. Kienet tikkostitwixxi xokk li bidel sitwazzjoni prekarja fi kriżi (u fis-Somalja dan irriżulta f’kundizzjonijiet ta’ ġuħ).

Infurmata bl-allerti mis-sistemi tat-twissija bikrija tas-sigurtà tal-ikel, l-UE u l-Istati Membri tagħha ħadmu sabiex jiżviluppaw rispons li jista' jlaħħaq mal-iskala tal-kriżi:

– Ġie żviluppat qafas analitiku konġunt umanitarju/tal-iżvilupp li ppermetta lill-atturi umanitarji u tal-iżvilupp biex jaħdmu minn perspettiva komuni u jiddefinixxu prijoritajiet konġunti.

– L-UE flimkien ipprovdiet EUR 790 miljun f’assistenza umanitarja fl-2011/12. Il-Kummissjoni waħedha allokat EUR 181 miljun. Minbarra l-attivitajiet biex tiġi salvata l-ħajja, din l-assistenza kienet taħseb ukoll għall-ewwel passi fil-proċess tal-irkupru, pereżempju permezz tal-forniment ta’ żrieragħ u għodod, ġestjoni mtejba tal-ilma, u stokkjar mill-ġdid tal-merħliet.

– Ġiet ipprovduta żieda malajr fil-finanzjament għall-iżvilupp għal perjodu qasir sabiex tappoġġja l-fażi tal-irkupru immedjat. L-impenn tal-Kummissjoni għall-perjodu 2012-13 kien ta’ EUR 250 miljun biex tiġi appoġġjata l-produzzjoni agrikola u tal-bhejjem, in-nutrizzjoni, is-saħħa tal-bhejjem, il-provvista tal-ilma u l-immaniġġjar tar-riżorsi naturali.

Minbarra r-rispons fuq perjodu qasir, l-UE stabbilixxiet approċċ strutturat u fuq perjodu twil biex tgħin lill-pajjiżi u l-komunitajiet affettwati jirkupraw wara n-nixfa u jibnu l-kapaċità tagħhom li jlaħħqu ma’ nixfiet fil-futur. Dan jinvolvi:

– Impenn biex taħdem mal-imsieħba reġjonali u permezz tagħhom. L-UE flimkien ma' donaturi bilaterali oħra, qed tgħin lis-Segretarjat tal-Awtorità Intergovernamentali tal-Iżvilupp (IGAD) sabiex isaħħaħ il-kapaċità tagħha biex tikkoordina u tippromwovi inizjattivi transkonfinali f'oqsma bħalma huma l-iżvilupp tal-bhejjem u l-immaniġġjar tar-riżorsi naturali.

– Impenn biex taħdem mill-qrib ma’ donaturi oħrajn attivi fir-reġjun. Il-komunità tad-donaturi nediet pjattaforma ta’ koordinazzjoni ħafifa, "l-Alleanza Globali għall-Azzjoni għar-Reżiljenza u t-Tkabbir[8]". F’ħidma mill-qrib mal-IGAD, l-Alleanza Globali pprovdiet forum li jiġbor flimkien il-pajjiżi sħab u dawk id-donaturi attivi fis-sostenn għar-reżiljenza kontra n-nixfa.

Impenn fit-tul biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet strutturali u biex tinbena r-reżiljenza fit-tul. Skont il-kuntest speċifiku nazzjonali u lokali, bosta temi u setturi se jiġu trattati bħala prijoritajiet għall-finanzjament mill-UE matul il-perjodu 2014-2020. Dawn jistgħu jinkludu: is-saħħa u l-iżvilupp tal-bhejjem, il-ġestjoni tar-riżorsi naturali, id-DRR, il-kummerċ nazzjonali u reġjonali, in-nutrizzjoni, il-governanza, ir-riċerka u t-trasferiment tat-teknoloġija, u l-flussi tal-popolazzjonijiet.

3.2.        AGIR Sahel: l-Alleanza Globali tal-UE għall-Inizjattiva tar-Reżiljenza (Alliance Globale pour l’Initiative Résilience-Sahel)

Matul l-aħħar disa' staġuni agrikoli, is-Sahel iffaċċjat sitt kriżijiet distinti tal-ikel. Ir-reġjun ilu jbati minn nuqqas ta’ nutriment, b’indikaturi li huma ‘l fuq sew minn livelli allarmanti. Tnax-il miljun persuna bħalissa jinsabu f'riskju, u dawn jirrappreżentaw 20% tal-popolazzjoni. In-nisa u t-tfal huma l-iktar vulnerabbli għall-istress tal-ikel u ekonomiku, b'mod partikolari matul il-perjodu ta’ nuqqas bejn iċ-ċikli tal-ħsad.

Sar progress matul l-aħħar snin fl-Afrika tal-Punent, grazzi għall-ħidma tal-istituzzjonijiet u l-pjattaformi eżistenti – bħar-"Réseau de Prévention des Crises Alimentaires" (RPCA) u l-"Comité permanent Inter-Etats de Lutte contre la Sécheresse au Sahel" (CILSS). Fuq il-bażi tal-lezzjonijiet li nkisbu, ġew żviluppati approċċi sabiex jiġu ffaċċjati aħjar il-kriżijiet tal-ikel. Il-funzjonament imtejjeb tas-sistemi ta’ twissija bikrija għen lill-pajjiżi u lid-donaturi biex jantiċipaw aħjar il-kriżi li għaddejja bħalissa.

Il-pjan ta’ azzjoni tal-UE bħala rispons għall-kriżi tas-Sahel tal-2012 jammonta għal madwar EUR 500 miljun (EUR 123 miljun għar-rispons umanitarju u EUR 372 miljun għall-programmi tal-iżvilupp).

Approċċ bi tliet fażijiet ġie mfassal f'koordinazzjoni mill-qrib bejn l-għajnuna umanitarja u dik għall-iżvilupp tal-UE. Il-pjan ikopri firxa wiesgħa ta’ attivitajiet li jvarjaw minn titjib fl-aċċess għall-ikel sa għajnuna għas-sistemi ta’ twissija bikrija tal-pajjiżi sħab, il-funzjonament tas-suq u l-protezzjoni tal-ekosistema. Huwa jgħaqqad flimkien il-programmi tal-emerġenza u tal-iżvilupp, u jħallat finanzjament għal żmien qasir ma’ dak għal perjodu medju u fit-tul għat-tisħiħ tar-reżiljenza f’approċċ integrat. Li jiġu indirizzati l-emerġenzi filwaqt li jsir investiment fir-reżiljenza jitlob sforzi tal-assistenza kkoordinati - allinjati ma' organizzazzjonijiet reġjonali – kemm sabiex jiġu żgurati l-koerenza u l-kumplimentarjetà, kif ukoll sabiex titnaqqas il-vulnerabilità tal-ifqar familji għal xokkijiet u sabiex jiġu indirizzati l-kawżi sottostanti tan-nuqqas tas-sikurezza tal-ikel u n-nutriment.

Is-Sħubija "Alliance Globale pour l'Initiative Résilience " (AGIR), imnedija mill-Kummissjoni fit-18 ta’ Ġunju 2012, tipprovdi pjan tar-reżiljenza li jibni fuq, u jirrinforza, strateġiji reġjonali eżistenti – bħall-istrateġija reġjonali konġunta tal-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent (ECOWAS), L-Union Economique et Monétaire Ouest Africaine (UEMOA) u l-Comité permanent Inter-Etats de Lutte contre la Sécheresse dans le Sahel (CILSS) bl-appoġġ tas-Sahel and West Africa Club (SWAC). Pjan ta' Azzjoni reġjonali sabiex tissaħħaħ ir-reżiljenza b'mod permanenti u sostenibbli fis-Sahel, imfassal mill-organizzazzjonijiet reġjonali tal-Afrika tal-Punent bl-appoġġ tal-komunità tad-donaturi, se jiġi ppreżentat quddiem laqgħa ta' livell għoli tal-istati kollha kkonċernati f'Ougadougou kmieni f'Diċembru 2012.

4.           Nitgħallmu mill-esperjenza

L-inizjattivi SHARE u AGIR jirrappreżentaw titjib fil-mod kif l-għajnuna umanitarja u għall-iżvilupp jinteraġixxu, u jsaħħu l-livelli tal-assistenza fuq perjodu qasir, jiffaċilitaw ir-rabta bejn l-assistenza, ir-riabilitazzjoni u l-iżvilupp (LRRD), u juru l-impenn tal-UE biex tindirizza l-kawżi primarji tan-nuqqas ta’ sigurtà tal-ikel fuq medda itwal ta’ żmien.

Huma jiffukaw fuq is-sigurtà tal-ikel fl-Afrika sub-Saħarjana, iżda dan l-approċċ jista’ ugwalment ikun applikat għal reġjuni oħra u tipi oħra ta’ vulnerabbiltà (pereżempju, reġjuni mhedda minn għargħar, ċikluni, terremoti, nixfiet, mewġ tat-tempesti u tsunami, tibdil fil-klima, jew żidiet fil-prezzijiet tal-ikel). L-approċċ żviluppat għandu numru ta’ elementi komuni li l-UE se tfittex li tirreplika fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw li huma l-iktar vulnerabbli. Hemm tliet komponenti ewlenin f’dan l-approċċ, li huma elaborati aktar hawn taħt:

· Antiċipazzjoni tal-kriżijiet permezz tal-valutazzjoni tar-riskji

· Enfasi fuq il-prevenzjoni u l-preparatezza

· Tisħiħ tar-rispons għall-kriżijiet

4.1.        Antiċipazzjoni tal-kriżijiet permezz tal-valutazzjoni tar-riskji

Kemm fil-Qarn tal-Afrika kif ukoll fis-Sahel, sistemi ta’ twissija bikrija indikaw li kienu imminenti kriżijiet. Is-sistemi ta’ twissija bikrija għas-sigurtà tal-ikel (bħall-approċċ tal-Klassifikazzjoni Integrata tal-Fażijiet) ġew imtejba, u dan jippermetti lill-pajjiżi u l-istituzzjonijiet reġjonali sħab sabiex jippreparaw rispons xieraq minn qabel ma jseħħu l-kriżijiet. Bl-istess mod, is-sistemi ta’ twissija bikrija għal riskji oħrajn bħal tsunamis, jew għal reġjuni oħra, issa qegħdin ukoll jaħdmu aħjar.

Dawn is-sistemi ta’ informazzjoni jeħtieġu wkoll li jkunu interkonnessi ma’ inizjattivi globali rilevanti bħas-Sistema tal-Informazzjoni tas-Suq Agrikolu stabbilita fil-kuntest tal-G20.

Jeħtieġ ukoll li jkun hemm rabta iktar sistematika bejn l-informazzjoni mogħtija u t-tfassil tal-politika u t-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livelli nazzjonali u reġjonali. Pereżempju, dejta bħan-nuqqas ta’ nutrizzjoni (tat-tfal), il-produzzjoni agrikola (inklużi l-istokks) u s-swieq (inklużi l-prezzijiet tal-ikel) għandha tikkontribwixxi aħjar għall-politiki tas-sigurtà tal-ikel u l-agrikoltura sostenibbli.

Din għandha tiġi riflessa b'mod partikolari fil-politiki u l-proċessi li għalihom huma responsabbli l-pajjiżi bħall-Programm għall-Iżvilupp Komprensiv għall-Agrikoltura Afrikana (CAADP). Il-pjanijiet ta’ investiment tas-CAADP mhux biss jindirizzaw il-limitazzjonijiet attwali iżda wkoll jantiċipaw xokkijiet u stress fil-ġejjieni u jenfasizzaw u jgħinu lill-pajjiżi jtaffu, jirrispondu u jibnu r-reżiljenza.

Is-sistema reġjonali ta’ twissija bikrija (CILSS/ECOWAS/UEMOA): In-Netwerk għall-Prevenzjoni tal-Kriżijiet Alimentari (RCPA) hu pjattaforma fejn il-pajjiżi msieħba, id-donaturi, in-NU, u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jiġbru flimkien l-informazzjoni sabiex joħorġu b'analiżi konġunta tan-nuqqas tas-sigurtà tal-ikel fl-Afrika tal-Punent. Hija kienet strumentali biex tat l-allarm fil-fażijiet bikrin tal-kriżi attwali tal-2012.

Bl-istess mod, l-UE stabbilixxiet l-Alleanza Globali dwar it-Tibdil fil-Klima sabiex issaħħaħ id-djalogu tal-politika u l-kooperazzjoni mal-pajjiżi l-aktar milquta mit-tibdil fil-klima. Sistemi ta’ Informazzjoni ta’ Twissija Bikrija u l-Ġestjoni tad-Diżastri huma elementi importanti f’dan il-kuntest.

Sistemi ta’ twissija bikrija fin-Nepal: F'Awwissu 2010, il-livelli tal-għargħar tax-Xmara Rapt qabżu l-livell tal-allarm fid-distrett ta’ Chitwan. Is-sistema tat-twissija bikrija matul ix-xmara, permezz ta’ netwerk tar-radju u tat-telefown, ippermettiet lill-Kumitati tal-Ġestjoni tad-Diżastri tal-komunitajiet f’riskju sabiex iċaqilqu l-assi essenzjali u mobbli tagħhom lejn postijiet aktar fl-għoli u aktar sikuri. Meta l-għargħar laħqu l-irħula, in-nies diġà kienu waslu f'postijiet sikuri. It-twissija bikrija għalhekk imminimizzat it-telf tal-ħajja u l-proprjetà.

Il-Bangladexx: Il-finanzjament għall-Kulleġġ Mediku ta’ Dhaka, b’enfasi fuq il-maniġment ta’ sitwazzjonijiet ta’ diżgrazzji tal-massa, inkluż l-ippjanar ta’ kontinġenza, it-tagħmir mediku, il-ħażniet tal-mediċina u t-taħriġ. Konsegwentement, f'Ġunju 2010, wara nar li kkawża 120 mewt, l-isptar kien kapaċi jsalva l-ħajja ta’ aktar minn 250 pazjent.

ASEAN: Fuq livell reġjonali, il-Kummissjoni qiegħda tappoġġja lil AADMER (ASEAN Agreement on Disaster Management and Emergency Response), li l-għan tiegħu huwa li jżid ir-reżiljenza u jnaqqas il-vulnerabbiltà f'komunitajiet lokali u istituzzjonijiet permezz ta’ appoġġ lil strateġiji li jippermettulhom jippreparaw aħjar għal, jimmitigaw u jirrispondu għal diżastri naturali.

4.2.        Enfasi fuq il-prevenzjoni u l-preparatezza

Ir-reazzjoni tal-komunità internazzjonali u l-pajjiżi milquta għall-kriżijiet fil-Qarn u s-Sahel uriet progress sinifikanti fil-kapaċità biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi tal-kriżijiet. Madankollu huma enfasizzaw ukoll l-importanza primordjali tal-prevenzjoni (li l-kriżijiet jitwaqqfu milli jseħħu) u l-preparatezza (li jiġi żgurat li individwu, familja, pajjiż, jew reġjun huma lesti li jimmaniġġaw l-effetti ta’ episodju negattiv).

Għalhekk, huwa kruċjali li:

– Għaż-żmien fit-tul, il-programmi nazzjonali u reġjonali jindirizzaw il-kawżi ta’ vulnerabbiltà. Vulnerabbiltà mnaqqsa għax-xokkijiet hija possibbli biss jekk tkun inkorporata fi ħdan politiki ta’ żvilupp tal-pajjiżi sħab. Biex jiġu żviluppati dawn il-proċessi huwa meħtieġ li l-analiżi tar-riskju, inkluża l-ġestjoni tar-riskju tad-diżastri u l-ġestjoni tal-kriżijiet tal-ikel, ikunu integrati f’politiki nazzjonali/reġjonali. B'mod simili, adattament għat-tibdil fil-klima u oqfsa tal-politika bħall-Programmi ta’ Azzjoni dwar l-Adattament Nazzjonali (NAPAs) għandhom ukoll jiġu integrati fil-politiki nazzjonali.

– L-esperjenza miksuba minn inizjattivi bħal SHARE u AGIR jew proġetti pilota ta’ suċċess dwar id-DRM bħal dawk appoġġjati mill-Programm tal-Preparatezza għad-Diżastri tal-Kummissjoni (DIPECHO) għandha tkun imxerrda aħjar. Waħda mill-isfidi hija li naraw kif proġetti bbażati fuq il-Komunità li jiksbu suċċess, jistgħu jikkontribwixxu aħjar għall-politiki governattivi nazzjonali u reġjonali.

– Il-governanza strutturata għall-ġestjoni tad-diżastri jeħtieġ li tittejjeb u jeħtieġ li tissaħħaħ il-kapaċità tal-partijiet interessati fil-livelli lokali u nazzjonali. Strutturi lokali b'saħħithom huma essenzjali sabiex jiġu mmitigati r-riskji u tiġi żgurata l-effikaċja tal-isforzi ta' prevenzjoni u preparatezza kif ukoll l-operazzjonijiet ta' rispons inizjali.

– Sħubiji pubbliċi privati għandhom jintużaw b’mod sħiħ f’kuntesti xierqa bħall-inizjattiva riċenti tal-G8 'Alleanza Ġdida għall-Ikel u n-Nutriment',

Fil-każ ta’ kriżijiet tal-ikel, hemm bżonn ta’ approċċ integrat sabiex jiġu indirizzati l-kawżi prinċipali tan-nuqqas ta’ sigurtà fl-ikel. F'termini ta’ disponibbiltà tal-ikel, dan ikopri d-diversifikazzjoni tal-produzzjoni tal-ikel, li tista’ tixxekkel minn degradazzjoni ambjentali u t-tibdil fil-klima. L-aċċess għall-prodotti tal-ikel jirrikjedi swieq funzjonanti u xbieki ta’ sikurezza, filwaqt li wieħed jinnota l-importanza tar-riservi, l-iskemi ta’ assigurazzjoni, l-istrumenti tal-ħażna, l-aċċess tal-bdiewa għas-suq u servizzi finanzjarji, u ħażniet ta’ emerġenza. Huwa jinkludi wkoll investimenti fl-infrastruttura rurali u fir-riċerka u t-trasferiment tat-teknoloġija. Mill-perspettiva fit-tul, appoġġ għall-agrikoltura sostenibbli huwa importanti ħafna sabiex tinbena r-reżiljenza fl-Afrika sub-Saħarjana fejn is-settur jipprovdi impjieg għal 60% tal-popolazzjoni, speċjalment dawk li huma l-aktar vulnerabbli.

Il-Programm tax-Xibka tas-Sikurezza Produttiva tal-Etjopja (PSNP) jipprovdi lezzjonijiet validi. Huwa jipprovdi trasferimenti f'forma ta’ ikel jew ta’ flus lill-familji l-aktar vulnerabbli fil-pajjiż, bi skambju ma’ parteċipazzjoni f'xogħlijiet pubbliċi.

Il-PSNP huwa l-akbar skema ta’ trasferiment soċjali fl-Afrika sub-Saħarjana u huwa kosteffikaċi (jiswa madwar terz) meta mqabbel ma' interventi umanitarji.

L-indirizzar tal-kriżi moħbija tan-nuqqas ta’ nutrizzjoni tat-tfal biex titnaqqas il-vulnerabbiltà tal-adulti ta' għada: Il-ġuħ u n-nuqqas ta’ nutrizzjoni joqtlu madwar 2,6 miljun tifel u tifla fis-sena. In-nuqqas ta’ nutrizzjoni jaffettwa wieħed minn kull tlett itfal f'pajjiżi li qed jiżviluppaw. Spiss il-problema tibda qabel ma jitwieldu minħabba nuqqas ta’ nutrizzjoni tal-omm. In-nuqqas ta’ nutrizzjoni hija waħda mill-kawżi prinċipali ta’ vulnerabbiltà, speċjalment għat-tfal sal-età ta’ sentejn (2). Huwa jnaqqas l-iżvilupp intellettwali u fiżiku, u b'hekk inaqqas il-kapaċità tal-adulti ta’ għada sabiex jiffaċċjaw żviluppi negattivi. Barra minn hekk, huwa jiswa lil bosta pajjiżi li qed jiżviluppaw bejn 2% u 3% tal-Prodott Domestiku Gross tagħhom kull sena, u jestendi ċ-ċiklu tal-faqar, u jxekkel it-tkabbir ekonomiku. L-UE tappoġġja lill-imsieħba tagħha fl-isforzi tagħhom sabiex inaqqsu n-nuqqas ta’ nutrizzjoni fuq perjodu qasir u twil ta’ żmien. Approċċi huma meħtieġa f’diversi setturi bħas-saħħa, l-agrikoltura, l-ilma, is-sanità, it-tkabbir ekonomiku, u l-edukazzjoni. L-UE tappoġġja l-moviment SUN (Scaling Up Nutrition - Żieda fin-Nutrizzjoni), li jipprovdi qafas għat-tmexxija tal-pajjiżi sħab.

Niffaċċjaw in-nixfa fil-KENJA tat-Tramuntana. 3,7 miljun Kenjan kienu fi bżonn immedjat ta' ikel, ilma nadif u sanitazzjoni bażika matul in-nixfa tal-2011. Taħt SHARE, l-UE qed issaħħaħ l-appoġġ tagħha għat-tisħiħ tal-irkupru u l-bini tar-reżiljenza, permezz ta': assistenza sabiex tiġi ssimplifikata s-sistema tat-twissija bikrija tal-Kenja; appoġġ istituzzjonali għall-Ministeru tal-Kenja tat-Tramuntana; appoġġ għall-Awtorità Nazzjonali tal-Ġestjoni tan-Nixfiet (NDMA) li tamministra Fond ta' Kontinġenza tad-Diżastri u n-Nixfiet; titjib tal-kapaċitajiet tal-awtoritajiet lokali sabiex iwettqu rispons bikri; u proġetti tal-għajxien fuq il-livell tal-komunitajiet, li jespandu l-opportunitajiet ekonomiċi. Istituzzjonijiet aktar b'saħħithom u aktar investimenti f'artijiet niexfa mill-Gvern tal-Kenja huma mistennija li jħejju aħjar lill-pajjiż sabiex itaffi l-impatt ta' kriżi simili.

4.3.        It-titjib tar-reazzjoni għal sitwazzjonijiet ta’ kriżi

Imfassla inter alia fuq l-esperjenza miksuba fil-Qarn u s-Sahel, l-elementi li ġejjin jistgħu jgħinu sabiex jittejjeb l-impatt tar-rispons għall-kriżijiet meta dawn jitfaċċaw:

– It-tħejjija ta’ qafas analitiku konġunt imħejji minn atturi umanitarji u tal-iżvilupp li:

· jidentifika l-kawżi profondi tal-kriżi kif ukoll l-impatt preċiż fuq l-aktar popolazzjonijiet milquta.

· jivvaluta l-interventi li jkunu għaddejjin biex jara jekk humiex qegħdin jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin u wkoll biex jara jekk hemmx lakuni fl-għajnuna li qed tiġi pprovduta.

· jidentifika l-oqsma, kemm f'termini ta’ setturi kif ukoll ta’ reġjuni ġeografiċi, fejn approċċ ta’ reżiljenza msaħħa jista’ jkollu l-akbar impatt.

· jiddefinixxi prijoritajiet strateġiċi għal żmien qasir (l-irkupru bikri) kif ukoll għat-tul b’“Approċċ ta’ Reżiljenza” koerenti

– Jeħtieġ ikun hemm żieda fil-finanzjament temporanju għall-appoġġ tal-fażi tal-irkupru bikri. Inizjattivi reċenti jenfasizzaw il-ħtieġa għal livell ogħla ta’ flessibbiltà fl-ipprogrammar biex jingħata rispons għall-bżonnijiet li jinbidlu malajr, mingħajr ma jitnaqqsu l-attivitajiet li jinsabu għaddejjin għal perjodu medju/twil biex jiġu indirizzati l-kawżi primarji. Modalitajiet ġodda ta’ għajnuna bħal Fondi Fiduċjarji tal-UE għandhom jiġu kkunsidrati biex jiġu indirizzati sitwazzjonijiet ta’ emerġenza jew ta’ wara l-emerġenzi.

– Il-biċċa l-kbira tal-kriżijiet maġġuri huma transkonfinali. Il-kapaċità tal-organizzazzjonijiet reġjonali jeħtieġ li tiġi msaħħa sabiex dawn ikunu jistgħu jiżviluppaw inizjattivi transkonfinali u jippromwovu l-integrazzjoni reġjonali.

– Għal kriżijiet kbar, għandhom jitwaqqfu strutturi ħfief biex jippermettu l-koordinazzjoni tad-donaturi u t-twaqqif ta' djalogu strutturat ma' pajjiżi sħab u organizzazzjonijiet reġjonali. Huwa meħtieġ li jiġi ddefinit u fformalizzat min jagħmel xiex, abbażi tal-vantaġġ komparattiv ta’ kull attur f'kuntest partikolari. Kemm l-atturi tal-iżvilupp kif ukoll dawk umanitarji għandhom jiġu involuti b'mod attiv.

– Identifikazzjoni ta’ interventi fuq medda qasira ta’ żmien li għandhom impatt fit-tul. Għalkemm risponsi fuq medda qasira ta’ żmien, u l-assistenza umanitarja b'mod partikolari, huma l-aktar iffukati fuq li jsalvaw il-ħajjiet u jipproteġu l-assi, dawn l-attivitajiet jistgħu jkollhom ukoll impatt fit-tul. Pereżempju, bidla minn għajnuna tal-ikel għal trasferimenti tal-flus jista’ jkollha effett fit-tul biex jiġi stimulat is-suq lokali u jiġu ffinanzjati xogħlijiet pubbliċi li jistgħu jnaqqsu l-possibbiltà ta’ diżastri oħra fil-ġejjieni jew jimmitigaw l-impatt tagħhom. Dawn it-tipi ta’ interventi għandhom ikunu identifikati u prijoritizzati.

– Fejn jeżistu kunflitti vjolenti, l-istrateġija tar-reżiljenza u l-approċċ aktar wiesa' tal-UE għall-politiku u tas-sigurtà għandhom jappoġġjaw lil xulxin u jkunu konsistenti bejniethom, u għandhom jiġu żviluppati sinerġiji fil-livelli tal-istrumenti, partikolarment l-istrumenti tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni u l-Istrument għall-Istabbiltà.

Finanzjament flessibbli permezz tal-Faċilità Alimentari tal-UE ta’ EUR 1 biljun, AFSI u V-FLEX - il-kriżi tal-prezzijiet tal-ikel tal-2007/08 wasslet għal rispons fuq skala bla preċedent mill-komunità internazzjonali. L-UE kienet l-ewwel donatur li ħadet miżuri proattivi u ħabbret Faċilità Alimentari ta’ EUR 1 biljun, li wriet l-abbiltà tal-UE li tirreaġixxi fil-ħin u fuq skala kbira. Sena wara, fl-2009, donaturi wiegħdu USD 22 biljun f'appoġġ għal agrikoltura sostenibbli u s-sigurtà tal-ikel (the L'Aquila Food Security Initiative, AFSI - l-Inizjattiva għas-Sigurtà tal-Ikel ta’ L’Aquila,). L-UE żiedet aktar appoġġ, u kkommettiet US$ 3,8 biljun. Jeżistu żewġ mekkaniżmi oħra għall-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (Pajjiżi AKP): il-FLEX (Fluctuations in Export Earnings – Fluttwazzjonijiet fil-Qligħ mill-Esportazzjoni) tassisti l-gvernijiet li jiffaċċjaw telf f’daqqa tal-qligħ mill-esportazzjoni u "Vulnerability FLEX" (V-FLEX) imfassla biex tgħin lill-pajjiżi l-aktar affettwati mit-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku tal-2009 minħabba r-reżiljenza fqira tagħhom. Dan l-istrument kien jaħdem b’mod preventiv, abbażi tal-previżjonijiet ta’ telf fiskali, b’aġġustamenti għall-vulnerabbiltà, u jaġixxi b'mod kontraċikliku b’mod li jidentifika nuqqasijiet ta’ finanzjament nazzjonali.

5.           10 PASSI BIEX TISSAĦĦAĦ IR-REŻILJENZA F'PAJJIŻI LI MA GĦANDHOMX SIGURTà TAL-IKEL U LI HUMA ESPOSTI GĦAD-DIŻASTRI

1.           Ir-reżiljenza tista' tinbena biss mill-qiegħ. Il-punt tat-tluq għall-approċċ tal-UE għar-reżiljenza għalhekk huwa rikonoxximent sod tar-rwol ewlieni tal-pajjiżi sħab. L-UE se tallinja l-appoġġ tagħha mal-politiki u l-prijoritajiet tas-sħab tagħha, f'konformità mal-prinċipji tal-Effikaċja tal-Għajnuna.

2.           Azzjoni għat-tisħiħ tar-reżiljenza jenħtieġ li tittieħed abbażi ta' metodoloġiji sodi għall-valutazzjonijiet tar-riskju u l-vulnerabilità. Dawn il-valutazzjonijiet għandhom iservu bħala l-bażi għall-elaborazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali tar-reżiljenza, kif ukoll għat-tfassil ta' proġetti u programmi speċifiċi. L-UE se tappoġġja l-iżvilupp ta' strateġiji nazzjonali tar-reżiljenza bħala parti mill-istrateġiji aktar wiesgħa tal-iżvilupp. L-UE se tikkoopera mal-pajjiżi msieħba u l-atturi internazzjonali ewlenin sabiex ittejjeb il-metodoloġiji għall-iżvilupp tal-valutazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawn l-istrateġiji. Sabiex tiżgura l-effikaċja, l-UE sejra madankollu tistabbilixxi qafas għall-kejl tal-impatt u r-riżultati tal-appoġġ tagħha għar-reżiljenza.

3.           F'pajjiżi li qed jiffaċċjaw kriżijiet rikorrenti, li tiġi miżjuda r-reżiljenza se jkun għan ċentrali tal-għajnuna esterna tal-UE. Il-programmi bbażati mill-UE se jkunu bbażati fuq valutazzjoni operattiva komuni mħejjija mill-atturi umanitarji u tal-iżvilupp, li tkopri l-interventi fuq perjodu ta' tul medju sa dawk fit-tul. Huma se jiffukaw fuq l-indirizzar tal-kawżi ta' bażi tal-kriżijiet, partikolarment permezz tal-appoġġ għall-attivitajiet tal-prevenzjoni u l-preparatezza. Hija se taħdem aktar mill-qrib mal-pajjiżi sħab sabiex tistabbilixxi l-kapaċitajiet sabiex telabora u timplimenta strateġiji u pjanijiet ta' Ġestjoni tat-Tnaqqis tad-Diżastri fuq il-livell nazzjonali u reġjonali.

4.           Il-Kummissjoni sejra sistematikament tinkludi r-reżiljenza bħala element fil-Pjanijiet ta' Implimentazzjoni Umanitarja tagħha. Minbarra dan, il-Kummissjoni se tagħmel ħilitha favur l-ipprogrammar konġunt tal-azzjonijiet relatati mar-reżiljenza fl-għajnuna umanitarja u tal-iżvilupp tagħha sabiex tiżgura l-kumplimentarjetà massima, u tiżgura li l-azzjonijiet għal parjodu qasir jistabbilixxu l-bażi għall-interventi fuq perjodu ta' żmien medju jew fit-tul.

5.           Il-flessibilità se tkun ta' importanza ewlenija għall-ħtiġijiet tal-pajjiżi affettwati mid-diżastri. Il-Kummissjoni se tkompli tiżgura l-flessibilità massima fl-implimentazzjoni tal-programmi umanitarji tagħha. Għall-finanzjament tal-iżvilupp, fi żminijiet ta' kriżijiet mhux previsti u diżastri maġġuri, l-UE se tfittex flessibilità massima fil-mobilizzazzjoni ta' fondi mhux programmati. Minbarra dan, il-Kummissjoni se tintroduċi flessibilità fid-disinn tal-programmi sabiex tippermetti azzjoni malajr u f'waqtha. L-UE se tikkunsidra l-użu ta' Fondi Fiduċjarji sabiex tintervjenti f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza u ta' wara l-emerġenzi.

6.           Meta tkun qed taħdem sabiex ittejjeb ir-reżiljenza fi stati fraġli jew affettwati mill-kunflitti, l-UE se ssegwi approċċ li jindirizza wkoll l-aspetti tas-sigurtà u l-impatti tagħhom fuq il-vulnerabilità tal-popolazzjonijiet. Dan se jinkludi wkoll djalogu politiku attiv mal-pajjiżi u l-organizzazzjonijiet sħab fir-reġjun ikkonċernat.

7.           L-UE se tipprova tirreplika l-inizjattivi eżistenti bħal SHARE u AGIR, kif ukoll proġetti ta' suċċess fuq it-Tnaqqis tar-Riskju tad-Diżastri (DRR). Hija se taqsam u tiskambja lezzjonijiet mas-sħab tagħha sabiex timmultiplika u tkabbar l-iskala tal-approċċi li jirnexxu – bil-għan li tinkorporahom fl-istrateġiji nazzjonali tar-reżiljenza. Il-Kummissjoni se tirrevedi regolarment il-progress li jsir fl-aġenda tar-reżiljenza, u se tħares partikolarment lejn l-ipprogrammar, il-metodoloġiji u r-riżultati.

8.           L-UE se tippromwovi approċċi innovattivi għall-ġestjoni tar-riskju. Ħidma flimkien mal-industriji tal-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni huwa approċċ partikolarment promettenti. Il-Kummissjoni se tippreżenta Green Paper fil-bidu tal-2013 dwar ir-rwol tal-assigurazzjoni fil-ġestjoni tad-diżastri.

9.           Għal pajjiżi li qed jiffaċċjaw kriżijiet severi, l-UE se taħdem mal-gvernijiet ospitanti, donaturi oħra, organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali u partijiet interessati oħra sabiex toħloq pjattaformi fil-livell tal-pajjiżi sabiex tiżgura skambju f'waqtu tal-informazzjoni u l-koordinazzjoni ta' azzjonijiet umanitarji u tal-iżvilupp fuq perjodu qasir, medju u fit-tul għat-tisħiħ tar-reżiljenza.

10.         L-UE se tippromwovi r-reżiljenza fil-fora internazzjonali, inklużi l-G8, il-G20, il-Kumitat dwar is-Sigurtà Alimentari Dinjija (CFS), il-Konvenzjonijiet ta' Rio, il-proċess għar-reviżjoni tal-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp, l-iżvilupp ta' Għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli u d-diskussjonijiet dwar is-segwitu tal-Qafas Hyogo għall-Azzjoni tal-2005-2015. Ir-reżiljenza se tkun tema ewlenija fis-sħubijiet tagħha ma' organizzazzjonijiet bħall-FAO, l-IFAD u l-WFP, kif ukoll il-UNISDR, il-Bank Dinji, u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

Fl-ewwel kwart tal-2013, il-Kummissjoni se tħejji Pjan ta' Azzjoni sabiex tistabbilixxi t-triq 'il quddiem għall-implimentazzjoni ta' dawn il-prinċipji.

[1]               COM(2011)637, kif approvat mill-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2012.

[2]               COM(2010)127 finali

[3]               COM(2009) 147 finali. White paper – 'Nadattaw ruħna għat-tibdil fil-klima: Lejn qafas Ewropew għall-azzjoni

[4]               L-istrateġija tal-UE ta' sostenn għat-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri fil-pajjiżi fil-fażi ta' żvilupp (COM (2009) 84 tat-23.02.2009. Lejn reazzjoni tal-UE għal sitwazzjonijiet ta’ fraġilità: L-involviment f’ambjenti diffiċli għall-iżvilupp sostenibbli, l-istabilità u l-paċi COM (2007) 643 tal-25.10.2007.

[5]               Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SEC(2012) 102 tal-11 ta’ April 2012.

[6]               Alliance globale pour l'Initiative Résilience (Sahel) –    http://europa.eu/rapid/pressReleasesAction.do?reference=IP/12/613&format=HTML&aged=0&language=EN&

[7]               Il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Diversità Bijoloġika u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra d-Deżertifikazzjoni

[8]               L-ambitu tal-Alleanza jkopri l-Qarn estiż: l-Etjopja, il-Kenja, l-Uganda, il-Ġibuti kif ukoll is-Sudan u s-Sudan ta’ Isfel. Is-Segretarjat huwa pprovdut minn USAID.