RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-attivitajiet tal-Unità Ċentrali tal-EURODAC fl-2011 /* COM/2012/0533 final */
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT
EWROPEW U LILL-KUNSILL Rapport annwali lill-Parlament Ewropew u
lill-Kunsill dwar l-attivitajiet tal-Unità Ċentrali tal-EURODAC fl-2011 1. Introduzzjoni 1.1. Ambitu Ir-Regolament tal-Kunsill KE/2725/2000 tal-11 ta'
Diċembru 2000 dwar l-istabbiliment tal-'EURODAC' għat-tqabbil
ta' marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni ta'
Dublin (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ ir-'Regolament tal-EURODAC')[1], jistipula li l-Kummissjoni
tippreżenta rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Unità Ċentrali
lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill[2].
Ir-rapport annwali attwali, li huwa d-disa’ wieħed, jinkludi informazzjoni
dwar il-ġestjoni u l-prestazzjoni tas-sistema fl-2011. Dan jivvaluta
r-riżultat u l-kosteffettività tal-EURODAC, kif ukoll il-kwalità
tas-servizz tal-Unità Ċentrali tagħha. 1.2. Żviluppi legali u
tal-politika Il-Kummissjoni adottat Riformulazzjonijiet
tar-Regolament EURODAC fl-2008[3]
u fl-2009[4].
Dawn ġew segwiti bi proposta emendata tal-11 ta' Ottubru 2010 għal
Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment
tal-'EURODAC' għat-tqabbil ta' marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni
effettiva tar-Regolament (KE) Nru […/…] [li jistabbilixxi l-kriterji u
l-mekkaniżmi biex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex
jeżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali
ddepożitata f'wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta'
pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat][5],
li kien diskuss mill-koleġiżlaturi kmieni fl-2011. Fit-03.02.2011
ittieħed vot ta' orjentament fil-kumitat LIBE tal-Parlament Ewropew li
permezz tiegħu ġie adottat l-abbozz tar-rapport tar-Rapporteur[6]. Saru żewġ
laqgħat tal-korp preparatorju tal-Kunsill biex tiġi diskussa
l-proposta. Fil-21 ta' Ottubru 2011, il-Presidenza Pollakka
avżat lill-Kunsill li x-"Xogħol fuq ir-Regolament EURODAC jinsab
wieqaf. Il-maġġoranza vasta tad-delegazzjonijiet sostniet
l-appoġġ tagħha biex tiddaħħal klawsola fir-Regolament
EURODAC li tagħmilha possibbli għall-Istati Membri li jippermettu
lill-awtoritajiet tagħhom tal-infurzar tal-liġi aċċess
għall-bażi ċentrali tad-dejta tal-EURODAC taħt
kundizzjonijiet stretti għall-finijiet tal-ġlieda kontra
t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata."[7] Il-Kummissjoni qabel kienet
ippreżentat proposta li tippermetti l-possibbiltà tal-aċċess
tal-EURODAC mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi[8], imma bid-dħul
fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, din skadiet. Bħala
konsegwenza, in-negozjati dwar il-proposta tal-2010 (li ma kenitx tinkludi
aċċess għall-infurzar tal-liġi) ma reġgħux bdew
fl-2011. Madankollu, peress li l-maġġoranza vasta tal-Istati Membri
qed jitolbuha, issa jidher ċar li l-inklużjoni tal-infurzar
tal-liġi fl-aċċess għall-EURODAC hi meħtieġa
bħala parti minn ftehim ibbilanċjat fuq in-negozjati tal-pakkett dwar
is-Sistema Ewropea Komuni dwar l-Asil, bil-ħsieb li l-pakkett jitlesta sa
tmiem l-2012. Skont dan, il-Kummissjoni ddeċidied li terġa' tressaq
proposta li tippermetti l-aċċess għall-infurzar fil-liġi
għall-EURODAC, ippreżentata fit-30 ta' Mejju 2012. L-UNITÀ ĊENTALI TAL-EURODAC[9] 1.3. Il-ġestjoni tas-sistema Minħabba l-ammont dejjem jikber ta' dejta li
għandha tiġi ġestita (ċerti kategoriji ta'
tranżazzjonijiet iridu jinħażnu għal 10 snin), l-iskadenza
naturali tal-pjattaforma teknika (imwaqqfa fl-2001) u x-xejriet mhux
prevedibbli tal-volum tat-tranżazzjonijiet tal-EURODAC, il-Kummissjoni
aġġornat is-sistema tal-EURODAC. Il-proġett tal-IT,
imsejjaħ EURODAC PLUS, kien immirat biex a) jissostitwixxi
l-infrastruttura tal-IT li għadda żmienha, b) iżid il-kapaċità
u l-prestazzjoni ġenerali tas-sistema, c) jiżgura sinkronizzazzjoni
tad-dejta aktar veloċi, sikura u affaidabbli bejn is-Sistema
tal-Produzzjoni u s-Sistema tal-Kontinwità tan-Negozju. Fl-2011, it-Test Finali
tal-Aċċettazzjoni (FAT) tlesta b'suċċess. Is-sistema EURODAC PLUS kienet aċċettata
formalment f'April 2011, wara li tlesta t-test finali
tal-aċċettazzjoni li kien jikkonsisti fi 3 xhur konsekuttivi ta'
operazzjonijiet mingħajr intoppi. L-infrastruttura l-qadima tal-EURODAC IT ġiet
żarmata f'Novembru tal-2011. 1.4. Il-kwalità tas-servizz u
l-kosteffettività Il-Kummissjoni ħadet ħsieb
mill-aħjar biex twassal servizz ta' kwalità għolja lill-Istati
Membri, li huma l-utenti aħħarija tal-Unità Ċentrali
tal-EURODAC. L-Istati Membri kienu infurmati bis-sħiħ dwar meta
s-servizz ma kienx disponibbli, li esklużivament f'kull okkażjoni
kien minħabba attivitajiet marbuta mal-aġġornament tal-EURODAC
(EURODAC PLUS). Minkejja li l-Unità Ċentrali tal-EURODAC fiha nnifisha ma
rreġistratx xi perjodu fejn ma kenitx qed taħdem fl-2011,
il-migrazzjoni skedata mill-EURODAC għal EURODAC PLUS u
s-sinkronizzazzjoni relatata tad-dejta bejn is-sistemi kienet tirrikjedi
l-interruzzjoni tal-fluss li kien dieħel u bħala konsegwenza
l-ipproċessar tat-tranżazzjonijiet li kienu deħlin għal
perjodu ta' 16-il siegħa. B'mod ġenerali, fl-2011 l-Unità
Ċentrali tal-EURODAC kienet disponibbli għal 99.82% tal-ħin. In-nefqa għall-manutenzjoni u t-tħaddim
tal-Unità Ċentrali fl-2011 kienet ta' EUR 1,040,703.82 u dan kien
jimmarka tnaqqis fin-nefqa meta mqabbel mas-snin preċedenti (EUR 2,115,056.51
fl-2010, EUR 1,221,183.83 fl-2009), fil-biċċa l-kbira din kienet
dovuta għall-aġġornar tas-sistema EURODAC (EURODAC PLUS).
Il-prezz fiss għall-implimentazzjoni tal-EURODAC PLUS hu ta' EUR 3,055,695.49:
Fl-2009 tħallsu 20% (EUR 611,139.10) u 60% (EUR 1,833,417.29)
tħallsu fl-2010. L-20% li kien fadal (EUR 611,139.10) tħallsu
fl-2011 u kienu jirrappreżentaw 58.72% tan-nefqa tas-sena kollha. Ċertu tfaddil kien possibbli permezz
tal-użu effiċjenti tar-riżorsi u l-infrastrutturi eżistenti
amministrati mill-Kummissjoni, bħall-użu tan-netwerk s-TESTA[10]. Il-Kummissjoni tipprovdi
wkoll (permezz tal-Programm ISA[11])
is-servizzi ta' komunikazzjoni u ta' sigurtà għall-iskambju tad-dejta bejn
l-Unitajiet Ċentrali u Nazzjonali. Dawn l-ispejjeż, li fil-bidu kienu
maħsuba biex jintrefgħu minn kull Stat Membru skont l-Artikolu 21 (2) u (3)
tar-Regolament, f'dal-każ ġew koperti mill-Kummissjoni bl-użu
ta' infrastruttura komuni disponibbli. 1.5. Il-protezzjoni tad-dejta u s-sigurtà
tad-dejta L-Artikolu 18 paragrafu 2
tar-Regolament EURODAC jistabbilixxi kategorija ta’ tranżazzjonijiet li
tipprovdi l-possibbiltà li jsiru l’hekk imsejħa 'tfittxijiet
speċjali' ("Kategorija 9") fuq it-talba tal-persuna li d-dejta
tagħha tkun merfugħa fil-bażi tad-dejta ċentrali biex
jiġu salvagwardjati d-drittijiet tagħha, bħala persuna li dwarha
jkun hemm id-dejta, biex tiġi aċċessata d-dejta tagħha
stess. Kif ġie enfasizzat fir-rapporti annwali
preċedenti, matul l-ewwel snin tal-operat tal-EURODAC, volumi kbar ta'
'tfittxijiet speċjali' wasslu għal tħassib dwar l-użu mhux
xieraq li jista jsir mill-għan ta' din il-funzjonalità min-naħa
tal-amministrazzjonijiet nazzjonali. Fl-2011, saru total ta' 226 tfittxija bħal
dawn, li jirrappreżentaw żieda kbira meta mqabbla mal-2010 (66) u l-2009
(42). Madankollu, il-maġġoranza vasta ta' dawn il-każijiet saru
minn Spanja f'Mejju, Ġunju u Awwissu tal-2011 (10, 22 u 132 każ
rispettivament), li jfisser li Spanja kienet responsabbli għal 79%
tat-tfittxijiet speċjali kollha. Biex dan il-fenomenu jiġi mmonitorjat
aħjar, il-Kummissjoni inkludiet, fil-proposta tagħha
għall-emendar tar-Regolament tal-EURODAC, il-ħtieġa li l-Istati Membri
jibagħtu kopja tat-talba għal aċċess tal-persuna li dwarha
jkun hemm id-dejta lill-awtorità superviżorja nazzjonali kompetenti. 2. Ċifri u sejbiet L-anness mehmuż ma' dan ir-rapport annwali
attwali jinkludi tabelli b'dejta fattwali prodotta mill-Unità Ċentrali
għall-perjodu 01.01.2011 – 31.12.2011. L-istatistiki tal-EURODAC huma
bbażati fuq rekords ta' (1) marki tas-swaba' mill-individwi kollha ta' 14-il
sena jew aktar li applikaw għall-asil fi Stati Membri ('kategorija 1'),
(2) marki tas-swaba' ta' persuni li nqabdu meta kienu qed jaqsmu fruntiera
esterna ta' Stat Membru b'mod irregolari ('kategorija 2'), jew (3) ta'
persuni li nstabu preżenti illegalment fit-territorju ta' Stat Membru
(fil-każ li l-awtoritajiet kompetenti jikkonsidrawh neċessarju li
jivverifikaw applikazzjoni potenzjali preċedenti għall-asil)
('kategorija 3'). Id-dejta tal-EURODAC dwar l-applikazzjonijiet
għall-asil ma tistax titqabbel ma' dik prodotta mill-Eurostat, li hi
bbażata fuq dejta statistika ta' kull xahar ipprovduta mill-Ministeri
tal-Ġustizzja u l-Intern. Hemm numru ta' raġunijiet metodoloġiċi
għal dawn id-differenzi. L-ewwel, id-dejta tal-Eurostat tinkludi
l-applikanti kollha għall-asil, jiġifieri ta’ kull età. It-tieni,
id-dejta tagħhom hi miġbura b’distinzjoni bejn persuni li japplikaw
għall-asil matul ix-xahar ta’ referenza (li jista’ jinkludi applikazzjonijiet
repetuti) u persuni li japplikaw għall-asil għall-ewwel darba. 2.1. It-tranżazzjonijiet li
jirnexxu 'Tranżazzjoni li tirnexxi' hija
tranżazzjoni li ġiet ipproċessata sew mill-Unità Ċentrali,
mingħajr rifjut minħabba kwistjoni ta' validità tad-dejta,
żbalji fil-marki tas-swaba' jew kwalità mhix suffiċjenti[12]. Fl-2011, l-Unità Ċentrali rċeviet total
ta' 412,303 tranżazzjoni li rnexxew, li jirrappreżenta
żieda ta' 37.7% meta mqabbla mal-2010 (299,459). Dan hu b'kuntrast
max-xejra tas-sena preċedenti, li kienet rat tnaqqis fin-numru
tat-tranżazzjonijiet li rnexxew. L-akbar żidiet kienu f'Malta (582.4%)
u fl-Italja (559.1%) u jistgħu jiġu attribwiti lir-Rebbiegħa
Għarbija. Ix-xejra fin-numru tat-tranżazzjonijiet
tad-dejta ta' dawk li jfittxu asil ('kategorija 1') fl-2011 żdiedet
għal 275,857 (28%) talba meta mqabbla mal-2010 (215,463) u l-2009 (236,936).
Kien hemm bidla fix-xejra rigward in-numru ta'
persuni li nqabdu b'konnessjoni mal-qsim irregolari ta' fruntiera esterna ('kategorija
2'). Wara li waqa’ għal 31,071 tranżazzjoni fl-2009, u wara li
reġa’ waqa’ għal 11,156 fl-2010, in-numru ta' tranżazzjonijiet
żdied b'mod notevoli fl-2011 għal 57,693 (417.1%). L-Italja
introduċiet il-maġġoranza l-kbira ta' dawn
it-tranżazzjonijiet (50,555 jew 88%) u fit-tieni post, b'distakk qawwi,
kien hemm Spanja (4,204 jew 7%). Bil-kontra ta’ dan, filwaqt li l-Greċja
introduċiet l-ogħla numru ta' tranżazzjonijiet f'din
il-kategorija fl-2009 (18,714), kif ġara għal darb'oħra fl-2010
(4,486), fl-2011 introduċiet biss 530 tranżazzjoni (-88%). Fl-2011, 8 Stati (l-Isvizzera, ir-Repubblika
Ċeka, l-Estonja, l-Irlanda, il-Lussemburgu, il-Latvja, in-Norveġja,
il-Portugall) ma bagħtu l-ebda tranżazzjoni ta' 'kategorija 2' (5
minn dawn l-Istati ma kienu bagħtu l-ebda waħda lanqas fl-2010). Kif
spjegat fir-rapport tal-2009, il-kwistjoni ta’ diverġenza bejn n-numru
tad-dejta tal-kategorija 2 mibgħuta lill-EURODAC u sorsi oħrajn
ta’ statistiki dwar il-volum ta’ qsim irregolari ta' fruntieri fl-Istati
Membri, enfasizzati mill-istatistiki tal-EURODAC, hi minħabba
d-definizzjoni vaga fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament tal-EURODAC[13]. Din il-kwistjoni se tiġi
kkjarifikata fil-qafas tar-reviżjoni attwali tar-Regolament EURODAC. In-numru totali ta' tranżazzjonijiet ta 'kategorija 3'
(id-dejta ta’ persuni maqbuda waqt li jkunu preżenti illegalment
fit-territorju ta’ Stat Membru) tela' ftit fl-2011 b'8.1% (għal 78,753)
meta mqabbel mal-2010 (72,840). L-Irlanda hi l-uniku Stat Membru li ma
bagħat l-ebda tranżazzjoni tal-'kategorija 3'. Minkejja li tiftixiet tal-'kategorija 3' mhumiex
obbligatorji skont ir-Regolament tal-EURODAC, il-Kummissjoni
tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jużaw din il-possibbiltà qabel
ma' jibdew il-proċeduri ta' ripatrijazzjoni skont id-Direttiva 2008/115/KE
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar
standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’
ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu preżenti fil-pajjiż
illegalment[14].
F'dawn il-każi msemmija mir-Regolament EURODAC[15], tali tiftix jista' jgħin
biex jistabbilixxi jekk iċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikunx
applika għal asil fi Stat Membru ieħor fejn din il-persuna
għandha tiġi ripatrijata skont ir-Regolament ta' Dublin. L-akbar
numru ta' tranżazzjonijiet ta' 'kategorija 3' fl-2011 kien
mill-Ġermanja (22,851 jew 29%), ir-Renju Unit (12,859 jew 16%) u
l-Pajjiżi l-Baxxi (11,154 jew 14%). Dan hu konsistenti max-xejra fl-2010. 2.2. 'Hits' 2.2.1. Applikazzjonijiet multipli
għall-asil (Hits ta' 'kategorija 1' imqabbla ma' 'kategorija 1') Minn total ta' 275,857 applikazzjoni
għall-asil reġistrati fil-EURODAC fl-2011, 22.4% ġew
irreġistrati bħala 'applikazzjonijiet multipli għall-asil'
(jiġifieri t-tieni darba jew iżjed), li jfisser li f'61,819 każ,
il-marki tas-swaba' tal-istess persuna kienu diġà reġistrati bħala
tranżazzjoni ta' 'kategorija 1' fl-istess Stat Membru jew f’ieħor.
Fl-2010, l-istess ċifra kienet 52,064 (24.2%). Madankollu, il-prattika ta'
wħud mill-Istati Membri li jieħdu l-marki tas-swaba' meta
jittieħdu lura skont ir-Regolament ta' Dublin tirriżulta
f'distorsjoni tal-istatistika dwar l-applikazzjonijiet multipli: it-teħid
u t-trażmissjoni mill-ġdid tal-marki tas-swaba' tal-applikant meta
jasal, wara trasferiment skont ir-Regolament ta' Dublin, jindika li l-applikant
ikun applika għall-asil mill-ġdid meta fil-fatt dan ma jkunx
il-każ. Il-Kummissjoni biħsiebha ssolvi din il-problema u,
fil-proposta tagħha tal-emendar tar-Regolament tal-EURODAC,
introduċiet il-ħtieġa li t-trasferimenti m'għandhomx
jiġu reġistrati bħala applikazzjonijiet ġodda għall-asil.
It-tabella 3 tal-Anness turi, għal kull
Stat Membru, in-numru ta' applikazzjonijiet għall-asil li jikkorrispondu
għall-applikazzjonijiet għall-asil reġistrati
preċedentament fi Stat Membru ieħor ('hits barranin') jew fl-istess
Stat Membru ('hits lokali')[16].
Fl-2011, total ta' 38.6%
tal-applikazzjonijiet multipli kollha kienu hits lokali. F'numru ta' Stati
Membri (il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka,
Spanja, l-Irlanda, l-Italja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja u r-Renju
Unit) din iċ-ċifra saħansitra tisboq il-50%.
Il-persentaġġ ta' hits lokali fl-2010 kien ta' 35%. Minħabba li
jindikaw il-każi fejn persuna li tkun applikat għall-asil fi Stat
Membru tagħmel applikazzjoni oħra fl-Istess Stat Membru, il-hits
lokali fil-fatt jirriflettu l-prinċipju ta' applikazzjoni sussegwenti
taħt l-Artikolu 32 tad-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE tal-1 ta' Diċembru 2005
dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri
għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta' rifuġjat[17]. Il-hits barranin jagħtu indikazzjoni
tal-movimenti sekondarji tal-persuni li jfittxu l-asil fl-UE. Bħal
fis-snin preċedenti, l-istatistika tikkonferma li l-movimenti sekondarji
li rajna mhux neċessarjament isegwu r-rotot 'loġiċi' bejn
l-Istati Membri ġirien. Pereżempju, Franza baqgħet tirċievi
l-ogħla numru ta' hits barranin minn persuni li jfittxu l-asil li qabel
kienu ppreżentaw applikazzjoni fil-Polonja (1,746). L-istess mudell jista'
jiġi osservat fil-Ġermanja, fejn l-ogħla numru ta' hits barranin
sar meta mqabbel mad-dejta mill-Isvezja (1,314). L-istatistika turi li l-hits
barranin ma jimxux f'direzzjoni waħda biss minn pajjiżi bi fruntiera
esterna ta' art jew dawk li jmissu mal-Mediterran lejn l-Istati Membri li
qegħdin aktar 'il fuq. Madankollu, l-istatistika li tindika flussi
sekondarji lejn pajjiżi bi fruntiera esterna ta' art jew dawk li jmissu
mal-Mediterran tista' fil-biċċa l-kbira tiġi attribwita
għall-prattika ta' xi Stati Membri għat-teħid tal-marki
tas-swaba' meta l-persuni jittieħdu lura skont ir-Regolament ta' Dublin. 2.2.2. Hits ta' 'kategorija 1'
imqabbla ma' dawk ta' 'kategorija 2' Dawn il-hits jagħtu indikazzjoni tar-rotot li
jkunu użaw persuni li jkunu daħlu irregolarment fit-territorju
tal-Istati Membri, qabel ma applikaw għall-asil. Fl-2011
il-biċċa l-kbira tal-hits ġraw fil-każ tad-dejta li
ntbagħtet mill-Italja; (4,268), il-Greċja (1,805), Spanja (555),
l-Ungerija (446) u l-Bulgarija (76). Madankollu, hu sorprendenti li fir-rigward
tal-Italja (85.9%) l-biċċa l-kbira ta' dawn il-hits, fil-fatt, kienu
hits lokali. Meta wieħed iqabbel l-2011 mal-2010
wieħed jista' josserva tnaqqis drammatiku minn 73,4% għal 21%
fil-każijiet ta' persuni li nqabdu b'konnessjoni mal-qsim irregolari
tal-fruntieri, li aktar tard jiddeċiedu li jippreżentaw talba
għall-asil. Madankollu, meta wieħed iqabbel in-numru assolut
tal-hits, hemm tnaqqis drammatiku minn 11,939 fl-2010 għal 7,384 fl-2011. Il-biċċa l-kbira ta' dawk li daħlu
fl-UE illegalment mill-Italja u baqgħu għaddejjin,
ivvjaġġaw lejn l-Isvizzera (2,288), il-Ġermanja (688), jew
l-Isvezja (363). Il-biċċa l-kbira ta’ dawk li baqgħu
għaddejjin wara li daħlu illegalment mill-Greċja marru
l-Ġermanja (323), ir-Renju Unit (195) jew Franza (193). Minn fost dawk li
daħlu minn Spanja (555), il-biċċa l-kbira marru lejn l-Isvizzera
(161), Franza (139) jew il-Belġju (130), filwaqt li l-biċċa
l-kbira ta’ dawk li baqgħu għaddejjin wara li tteħdulhom
il-marki tas-swaba' fl-Ungerija marru ljen il-pajjiżi ġirien
tal-Awstrija (163) jew il-Ġermanja (66). 2.2.3. Hits tal-‘kategorija 3
mqabbla ma' kategorija 1’ Dawn il-hits jagħtu indikazzjoni fejn
l-immigranti illegali jkunu applikaw għall-asil għall-ewwel darba
qabel ma vvjaġġaw lejn Stat Membru ieħor. Madankollu,
wieħed għandu jżomm f'moħħu li s-sottomissjoni
tat-tranżazzjonijiet tal-'kategorija 3' m'humiex obbligatorji u li
mhux l-Istati Membri kollha jużaw il-possibbiltà ta' dan il-kontroll
sistematikament. Id-dejta disponibbli tindika li
l-maġġoranza tal-flussi ta' persuni li nqabdu meta kienu
preżenti illegalment fi Stat Membru differenti minn dak li fih talbu
l-asil spiċċaw fi ftit Stati Membri, b'mod partikolari
l-Ġermanja (7,749), l-Isvizzera (2,225), il-Pajjiżi l-Baxxi (3,418),
Franza (2,255), l-Awstrija (1,739) u n-Norveġja (1,612). 2.3. Id-dewmien
tat-tranżazzjoni Ir-Regolament EURODAC bħalissa jipprovdi biss
skadenza vaga għat-trażmissjoni tal-marki tas-swaba’, li tista'
twassal għal dewmien sinifikanti fil-prattika. Din hi kwistjoni
kruċjali minħabba li dewmien fit-trażmizzjoni jista' jwassal
għal riżultati li jmorru kontra l-prinċipji tar-responsabbiltà
stabbiliti fir-Regolament ta' Dublin. Il-kwistjoni ta' dewmien esaġerat
bejn it-teħid tal-marki tas-swaba' u li dawn jintbagħtu lill-Unità
Ċentrali EURODAC kienet imsemmija fir-rapport annwali preċedenti u
enfasizzata bħala problema ta' implimentazzjoni fir-Rapport ta'
Evalwazzjoni. Kuntrarju għas-snin preċedenti, l-2011
rat tnaqqis globali fil-medja tad-dewmien tat-trażmissjonijiet,
jiġifieri l-perjodu li jkun għadda bejn meta jittieħdu l-marki
tas-swaba' u meta jintbagħtu lill-Unità Ċentrali tal-EURODAC.
Id-dewmien tal-biċċa l-kbira tal-Istati Membri u l-Pajjiżi
Asooċjati biex jittrażmettu l-marki tas-swaba' lill-Unità
Ċentrali tal-EURODAC hu bejn 0 u erbat (4) ijiem. Wieħed jista'
jinnota l-aktar dawn l-eċċezzjonijiet għal din il-medja
fit-trażmissjoni tal-marki tas-swaba' KAT2 għall-Istati Membri li
ġejjin: il-Ġermanja (4.67), il-Greċja (12.03), il-Pajjiżi
l-Baxxi (8.83), is-Slovakkja (6.4) u r-Renju Unit (5.75). Il-Kummissjoni trid
ittenni li trażmissjoni tard tista' tirriżulta fin-nominazzjoni
żbaljata ta' Stat Membru minħabba żewġ xenarji differenti
msemmija fir-rapport annwali preċedenti: 'hits żbaljati[18] u 'hits mitlufa'[19]. Minħabba dan it-titjib ġenerali
fil-medja tad-dewmien tat-trażmissjonijiet, in-numru totali ta' hits
mitlufa minħabba dewmien fit-trażmissjoni ta' marki tas-swaba'
niżel minn 362 fl-2010 għal 9 biss fl-2011. Bħas-sena preċedenti, hu notevoli l-fatt
li l-maġġoranza enormi tal-hits mitlufa, jiġifieri 6 (66.6%),
tista' tiġi attribwita għad-dewmien fit-trażmissjoni
min-naħa tal-Greċja. Il-mudell fir-rigward tad-distribuzzjoni
tal-hits żbaljati segwa wkoll l-istess mudell bħal tas-sena 2010
fis-sens li d-dewmien fit-trażmissjoni mid-Danimarka rriżulta fi 28
hit żbaljati u wara ġiet il-Finlandja bi 23 hit żbaljati minn
total ta' 89. Abbażi tar-riżultati ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni
mill-ġdid tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħmlu
l-isforzi kollha meħtieġa biex jibagħtu minnufih id-dejta skont
l-Artikoli 4 u 8 tar-Regolament EURODAC. 2.4. Il-kwalità tat-
tranżazzjonijiet Fl-2011, ir-rata medja ta' tranżazzjonijiet
irrifjutati[20]
għall-Istati Membri kollha u l-Pajjiżi Assoċjati naqset minn 5.87%,
'l isfel minn 8.92% fl-2010. L-Istati Membri li ġejjin kellhom rata ta'
rifjut ta' 10% jew aktar: l-Estonja (21.65%), Franza (13.41%), Malta (13.31%),
il-Portugall (15.42%), u r-Renju Unit (11.08%). B'kollox 10 Stati Membri
kellhom rata ta’ rifjut ogħla mill-medja. Ir-rata ta' rifjut ma kenitx tiddependi
mit-teknoloġija jew minn dgħufijiet fis-sistema. Il-kawżi ta'
din ir-rata ta' rifjut kienu prinċipalment marbuta mal-kwalità baxxa
tal-immaġini tal-marki tas-swaba' mibgħuta mill-Istati Membri,
żbalji umani jew il-konfigurazzjoni żbaljata tat-tagħmir li
l-Istat Membru juża biex jibgħat. Min-naħa l-oħra, f'xi
każi dawn iċ-ċifri inkludew numru ta' tentattivi biex
jintbagħtu l-istess marki tas-swaba' wara li dawn kienu ġew rifjutati
mis-sistema għal raġunijiet ta' kwalità. Filwaqt li tirrikonoxxi li
xi dewmien jista’ jiġi kkawżat minħabba li għal perjodu ma
jkunx possibbli li jittieħdu l-marki tas-swaba’ (il-ponot tas-swaba’ jkunu
danneġġati jew kondizzjonijiet tas-saħħa oħrajn
ifixklu t-teħid mill-ewwel tal-marki tas-swaba’), il-Kummissjoni ttenni
l-problema ta’ rati ta’ rifjut li ġeneralment hi għolja li diġà
hi enfasizzata minn rapporti annwali preċedenti, u l-Kummissjoni
tħeġġeġ lill-Istati Membri jipprovdu taħriġ
speċifiku għall-operaturi nazzjonali tal-EURODAC, kif ukoll biex
jikkonfiguraw it-tagħmir tagħhom biex inaqqsu r-rata ta’ rifjut. 3. Konklużjonijiet L-Unità Ċentrali tal-EURODAC ipprovdiet
riżultati sodisfaċenti matul l-2011 f'termini ta' veloċità,
output, sigurtà u kosteffettività. Fl-2011, il-volum ġenerali
tat-tranżazzjonijiet żdied bi 37.7% (għal 412,303),
b'żidiet fit-tliet (3) kategoriji ta' tranżazzjonijiet kollha kemm
huma. In-numru ta' tranżazzjonijiet ta' 'kategorija 1' żdied bi 28%
(għal 275,857), filwaqt li n-numru ta' tranżazzjonijiet ta'
'kategorija 2' żdied b'17.1% (għal 57,693) u n-numru ta'
tranżazzjonijiet ta' 'kategorija 3' żdied b'persentaġġ
aktar modest ta' 8.1% (għal 78,753). Ir-rata medja ta' tranżazzjonijiet
irrifjutati għall-Istati Membri kollha naqset għal 5.87% fl-2011,
minn 8.92% fl-2010. Kien hemm titjib ġenerali rigward id-dewmien
fit-trażmissjoni tad-dejta lill-Unità Ċentrali tal-EURODAC,
għalkemm għad jista' jsir aktar titjib. ANNESS Tabella 1: L-Unità Ċentrali
tal-EURODAC, l-istatus tal-kontenut tal-Bażi tad-Dejta fil-31/12/2011 Tabella 2: Tranżazzjonijiet li
rnexxew lejn l-Unità Ċentrali tal-EURODAC, fl-2011 Tabella 3: Tqassim tal-hits – Kategorija 1
mqabbla ma' Kategorija 1, fl-2011 Tabella 4: Tqassim tal-hits –
Kategorija 1 imqabbla ma' Kategorija 2, fl-2011 Tabella 5: Tqassim tal-hits –
Kategorija 3 mqabbla ma' Kategorija 1, fl-2011 Tabella 6: Tranżazzjonijiet
rifjutati, perċentwal fl-2011 Tabella 7: Tul ta' żmien medju bejn
id-data meta ttieħdu l-marki tas-swaba' u meta ntbagħtu lill-Unità
Ċentrali tal-EURODAC, fl-2011 Tabella 8: Hit ta' Kategorija 1
imqabbla ma' Kategorija 1 fis-sens ħażin, fl-2011 Tabella 9: Distribuzzjoni tal-hits
ta' KAT1/KAT2 li ntilfu minħabba dewmien meta kienu qed
jintbagħtu l-KAT 2, fl-2011 Tabella 10: Distribuzzjoni ta' hits
imqabbla ma' każi bblokkati (l-Artikolu 12 tar-Regolament tal-KE 2725/2000),
fl-2011 Tabella 11: In-numru ta' "tiftixiet
speċali" ta' kategorija 9 għal kull Stat Membru, fl-2011 [1] ĠU L 316, 15.12.2000, p. 1. [2] L-Artikolu 24(1) tar-Regolament tal-EURODAC. [3] COM(2008) 825 finali. [4] COM(2009) 342 finali u COM(2009)344 finali. [5] COM(2010) 555 finali. [6] Ara d-dokument tal-Parlament Ewropew LIBE_PV(2011)0203_1 [7] "Politika Komuni Ewropea dwar l-Asil –
Is-sitwazzjoni Attwali". Ara d-Dokument tal-Kunsill 15843/11. [8] COM(2009) 344 finali. [9] Ir-Regolament EURODAC jipprovdi
għall-implimentazzjoni ta' Unità Ċentrali mmaniġġjata
mill-Kummissjoni Ewropea li tinkludi Sistema Awtomatizzata tal-Identifkazzjoni
tal-Marki tas-Swaba' (AFIS) li tirċievi d-dejta u titrażmetti
tweġibiet ta’ tiftix li 'jirriżulta jew ma jirriżultax'
lill-Unitajiet nazzjonali (Punti Nazzjonali ta' Aċċess) f'kull Stat
Membru. Ir-Regolament EURODAC u r-Regoli Implimentattivi tiegħu
jidentifikaw ir-responsabbiltajiet għall-ġbir, it-trażmissjoni u
t-tqabbil tad-dejta tal-marki tas-swaba', il-mezzi li permezz tagħhom
tista' ssir it-trażmissjoni, il-kompiti statistici tal-Unità Ċentrali
u l-istandards użati għat-trażmissjoni tad-dejta. [10] In-netwerk
S-TESTA (Servizzi Trans-Ewropej Siguri għal Telematika bejn
l-Amministrazzjonijiet) jipprovdi infrastruttura ġenerika biex iservi
l-ħtiġijiet tan-negozju u l-iskambju tal-informazzjoni bejn
l-amministrazzjonijiet Ewropej u dawk nazzjonali. [11] L-ISA (Soluzzjoni għall-Interoperabilità
għall-Amministrazzjonijiet Pubbliċi Ewropej) hu l-programm
il-ġdid biex tittejjeb il-kooperazzjoni elettronika fost
l-amministrazzjonijiet pubbliċi fl-Istati Membri tal-UE. Dan ikompli
mal-programm li kien hemm qabel, l-IDA II (Interskambju ta' Dejta bejn
l-Amministrazzjonijiet) u IDABC (it-Twassil Interoperabbli ta' Servizzi Ewropej
ta' eGovernment lill-Amministrazzjonijiet Pubbliċi, lin-Negozji u
liċ-Ċittadini). [12] It-Tabella 2 tal-Anness turi fid-dettall
it-tranżazzjonijiet li rnexxew fil-każ ta’ kull Stat Membru, imqassma
skont il-kategorija, bejn l-1 ta' Jannar 2011 u l-31 ta' Diċembru 2011. [13] 'Kull Stat Membru għandu, bi qbil mal-protezzjonjiet
preskritti fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u
fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal, jieħu
fil-pront il-marki ta' swaba tas-swaba kollha ta' kull barrani li jkollu
tal-inqas 14-il sena li jinqabad mill-awtoritajiet ta' kontroll kompetenti
b'konnessjoni mal-qsim irregolari bl-art, bil-baħar jew bl-ajru
tal-fruntjiera ta' dak l-Istat Membru wara li jkun ġie minn pajjiż terz
u li ma jintbagħatx lura fih.' [14] ĠU L 348 tal-24.12.2008. [15] L-Artikolu 11 '(…)
Bħala regola ġenerali hemm bażi sabiex isiru kontrolli ta' jekk
il-barrani jkunx tefa' applikazzjoni għal asil fi Stat Membru ieħor
fejn: (a) il-barrani jiddikjara li hu/hi kien tefa' applikazzjoni għal
asil iżda mingħajr ma jkun indika l-Istat Membru li fih hu/hi kien
tefa' l-applikazzjoni; (b) il-barrani ma jitlobx għall-asil iżda
joġġezzjona li jiġi ripatrijat lejn il-pajjiż ta'
oriġini tiegħu/tagħha billi jiddikjara li hu/hi jkun
fil-periklu, jew (c) il-barrani, b'mod ieħor, jipprova jipprevjeni
l-espulsjoni tiegħu/tagħha billi jirrifjuta li jikkoopera
fl-istabbiliment tal-identità tiegħu/tagħha, b'mod partikolari billi
ma jurix dokumenti ta' identità, jew ikunu foloz.' [16] L-istatistika dwar il-hits lokali fit-tabelli mhux bilfors
taqbel mat-tweġibiet għall-hits trażmessi mill-Unità
Ċentrali u rreġistrati mill-Istati Membri. Ir-raġuni għal
dan hi li l-Istati Membri mhux dejjem jużaw il-possibbiltà, stipulata
fl-Art. 4(4), li titlob lill-Unità Ċentrali biex tfittex li tqabbel
mad-dejta tagħhom stess li diġà tkun qiegħda fil-bażi
tad-dejta Ċentrali. Madanakollu, anki meta l-Istati Membri ma jużawx
din il-possibbiltà, l-Unità Ċentrali trid, għal raġunijiet
tekniċi, tagħmel dejjem tqabbil mad-dejta kollha (nazzjonali u
barranija) merfugħa fl-Unità Ċentrali. F'dawn il-każi konkreti,
anki jekk ikun hemm qbil ma' dejta nazzjonali, l-Unità Ċentrali se
tirrispondi sempliċiment li ma jkun hemm 'l-ebda hit' billi l-Istat Membru
ma jkunx talab għat-tqabbil tad-dejta mressqa mad-dejta tiegħu stess. [17] ĠU L 326 tat-13.12.2005. [18] Fil-każ tal-hekk imsejħa 'hit żbaljata',
ċittadin ta' pajjiz terz jitfa' applikazzjoni għall-asil fi
Stat Membru (A), fejn l-awtoritajiet jeħdulu l-marki tas-swaba'. Filwaqt
li dawk il-marki tas-swaba' jkunu għadhom qed jistennew biex jiġu
trażmessi lill-Unità Ċentrali (tranżazzjoni tal-kategorija 1),
l-istess persuna tkun diġà tista' tippreżenta lilha nnifisha fi Stat
Membru (B) u tagħmel talba oħra għall-asil. Jekk il-marki
tas-swaba' jintbagħtu l-ewwel mill-Istat Membru B, il-marki tas-swaba'
mibgħuta mill-Istat Membru A jiġu rreġistrati fil-bażi
tad-dejta Ċentrali aktar tard mill-marki tas-swaba' mibgħuta
mill-Istat Membru B u b'hekk jirriżultaw bħala hit mid-dejta
mibgħuta mill-Istat Membru B meta mqabbla mad-dejta mibgħuta
mill-Istat Membru A. B'hekk, l-Istat Membru B jiġi magħżul biex
ikun responsabbli minflok l-Istat Membru A fejn l-applikazzjoni għall-asil
tkun ġiet iddepożitata għall-ewwel darba. [19] Fil-każ tal-hekk imsejħa 'hit mitlufa',
ċittadin ta' pajjiż terz maqbud b'konnessjoni ma' qsim irregolari
tal-fruntiera u l-marki tas-swaba' tiegħu jittieħdu
mill-awtoritajiet tal-Istat Membru (A) fejn hu jkun daħal. Filwaqt li dawk
il-marki tas-swaba' jkunu għadhom qed jistennew biex ikunu trażmessi
lill-Unità Ċentrali (tranżazzjoni tal-kategorija 2), l-istess
persuna tista' tippreżenta lilha nnifisha fi
Stat Membru ieħor (B) u u tressaq applikazzjoni
għall-ażil. F'dik l-okkażjoni, il-marki tas-swaba'
tiegħu jittieħdu mill-awtoritajiet tal-Istat Membru (B). Jekk dan
l-Istat Membru (B) jibgħat il-marki tas-swaba' (tranżazzjoni
tal-kategorija 1) qabel, l-Unità Ċentrali tirreġistra
t-tranżazzjoni tal-kategorija 1 l-ewwel, u l-Istat Membru (B) ikollu
jieħu ħsieb l-applikazzjoni minflok l-Istat Membru A. Fil-fatt, meta
tranżazzjoni tal-kategorija 2 tasal iktar tard, tintilef hit għaliex
id-dejta tal-kategorija 2 ma tkunx tista' titfittex. [20] Tranżazzjoni tista' tiġi rrifjutata
minħabba kwistjoni ta' validazzjoni tad-dejta, żbalji fil-marki
tas-swaba' kew kwalità insuffiċjenti (ara wkoll taqsima 2.1.ibid).