KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-għeruq ta’ demokrazija u żvilupp sostenibbli: il-kooperazzjoni tal-Ewropa mas-Soċjetà Ċivili fir-relazzjonijiet esterni /* COM/2012/0492 final */
WERREJ 1........... SFOND......................................................................................................................... 3 1.1........ L-importanza tas-soċjetà ċivili......................................................................................... 3 1.2........ Dak li tifhem l-UE b’CSOs............................................................................................. 3 1.3........ Xenarju li qed jinbidel..................................................................................................... 4 2........... RISPONS IMĠEDDED MIN-NAĦA TAL-UE............................................................ 4 3........... PROMOZZJONI TA’ AMBJENT FAVOREVOLI....................................................... 5 4........... ENFASI QAWWIJA FUQ IL-LIVELL
TAL-PAJJIŻI.................................................. 7 4.1........ Politika inklussiva għal governanza
aħjar.......................................................................... 7 4.2........ Trasparenza u responsabbiltà
domestiċi........................................................................... 8 4.3........ Servizzi soċjali: Sħubijiet għal
kwalità aħjar...................................................................... 9 4.4........ Il-ħidma tas-CSOs għal tkabbir
inklussiv u sostenibbli.................................................... 10 4.5........ Il-pjanijiet direzzjonali tal-UE
għall-kooperazzjoni mas-CSOs........................................ 10 5........... CSOs F’KUNTESTI REĠJONALI U GLOBALI....................................................... 11 6........... INFASSLU L-APPOĠĠ TAL-UE.............................................................................. 11 6.1........ Enfasi fuq l-iżvilupp tal-kapaċità.................................................................................... 11 6.2........ Finanzjament adattat għall-ħtiġijiet
lokali........................................................................ 12 7........... KONKLUŻJONIJIET................................................................................................. 12 KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW
U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-għeruq ta’
demokrazija u żvilupp sostenibbli: il-kooperazzjoni tal-Ewropa mas-Soċjetà
Ċivili fir-relazzjonijiet esterni 1. SFOND 1.1. L-importanza
tas-soċjetà ċivili Soċjetà ċivili mogħtija s-setgħa hija element
essenzjali ta’ kwalunkwe sistema demokratika u huwa ta' vantaġġ fih innifisu. Hija tirrappreżenta u trawwem il-pluraliżmu u
tista’ tikkontribwixxi għal politika aktar effettiva, u żvilupp ekwu u
sostenibbli u tkabbir inklussiv. Hija għandha
rwol importanti fit-trawwim tal-paċi u fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti. Billi jartikolaw it-tħassib taċ-ċittadini,
l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (CSOs) huma attivi fl-arena pubblika,
u jwettqu inizjattivi sabiex isaħħu d-demokrazija parteċipattiva. Huma jirrappreżentaw domanda dejjem tikber għal
governanza trasparenti u responsabbli. Filwaqt li l-istati jġorru r-responsabbiltà
primarja għall-iżvilupp u l-governanza demokratika, is-sinerġiji bejn l-istati
u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jistgħu jgħinu jegħlbu l-isfidi
tal-faqar, iż-żieda fl-inugwaljanza, l-esklużjoni soċjali u żvilupp mhux
sostenibbli. Il-parteċipazzjoni tas-CSOs
fil-proċessi ta’ politika hija ta’ importanza ewlenija biex jiġu żgurati politiki
inklussivi u effettivi. Is-CSOs għalhekk
jikkontribwixxu biex jibnu stati aktar responsabbli u leġittimi, li jwasslu
għal aktar koeżjoni soċjali u demokraziji aktar miftuħa u aktar profondi. 1.2. Dak
li tifhem l-UE b’CSOs Il-kunċett ta’ 'CSOs' iħaddan firxa wiesgħa
ta’ atturi li għandhom rwoli u mandati differenti. Id-definizzjonijiet ivarjaw
maż-żmien u skont l-istituzzjonijiet u l-pajjiżi. L-UE tqis li s-CSOs jinkludu
l-istrutturi kollha mhux Statali u mhux għall-profitt[1], mhux partiġġjani u mhux vjolenti,
li permezz tagħhom in-nies jorganizzaw ruħhom biex isegwu għanijiet u ideali
komuni, kemm politiċi, kif ukoll kulturali, soċjali jew ekonomiċi. Huma joperaw
mil-livell lokali, għal dawk nazzjonali, reġjonali u internazzjonali, u
jinkludu organizzazzjonijiet urbani u rurali, formali u informali. L-UE
tapprezza d-diversità u l-ispeċifiċitajiet tas-CSOs; hija tikkoopera ma' CSOs
responsabbli u trasparenti li jikkondividu l-impenn tagħha għall-progress
soċjali u l-valuri fundamentali tal-paċi, il-libertà, l-ugwaljanza
tad-drittijiet u d-dinjità umana. 1.3. Xenarju
li qed jinbidel L-aħħar għaxar snin raw żviluppi kontrastanti. Is-CSOs issa huma ġeneralment rikonoxxuti bħala
atturi reali fl-iżvilupp. Huma żdiedu fl-għadd
u għandhom bażijiet soċjali ġodda, li jibnu koalizzjonijiet fil-livelli kollha. Is-CSOs jispikkaw bis-saħħa tal-kapaċità
tagħhom li jikkomunikaw ma’, jinvolvu, jirrappreżentaw u jiddefendu gruppi
vulnerabbli u soċjalment esklużi, u jistimolaw l-innovazzjoni soċjali. F’dan l-isfond, il-gvernijiet f'diversi pajjiżi
saħħew il-kooperazzjoni tagħhom mas-CSOs. Madankollu, ir-relazzjoni bejn l-Istati u
s-CSOs spiss hija delikata. Tradizzjoni
limitata ta’ djalogu għadha teżisti f’ħafna pajjiżi u wisq ta’ spiss l-ispazju
għas-soċjetà ċivili għadu dejjaq jew qed jiċkien, u restrizzjonijiet ħorox huma
applikati. F'bosta kuntesti, is-CSOs iffukati fuq id-drittijiet tal-bniedem u
l-promozzjoni, inklużi l-organizzazzjonijiet tan-nisa, jiffaċċjaw
limitazzjonijiet fl-opportunitajiet tagħhom biex jaħdmu u biex jiksbu
l-finanzjament. Min-naħa tagħhom, is-CSOs jistgħu jħabbtu
wiċċhom ma' sfidi ta’ rappreżentattività, trasparenza, governanza u kapaċità
interni, dipendenza fuq donaturi internazzjonali kif ukoll kompetizzjoni
għar-riżorsi, aggravata mill-kriżi ekonomika. Barra
minn hekk, forom ġodda u aktar fluwidi ta’ azzjoni taċ-ċittadini u ż-żgħażagħ
qed jiżdiedu: il-movimenti tar-'Rebbiegħa
Għarbija' u 'Occupy' jiġbdu l-attenzjoni għall-potenzjal ta’ movimenti
soċjali u kulturali bħala aġenti għal bidla. L-ispazju
u l-opportunitajiet miftuħa permezz tal-Internet u l-midja soċjali wkoll qed
ikollhom rwol sostanzjali fl-ixprunar ta’ din il-bidla. 2. RISPONS IMĠEDDED
MIN-NAĦA TAL-UE Fid-dawl ta’ dan il-kuntest, il-Kummissjoni
tipproponi approċċ imtejjeb u aktar strateġiku għall-kooperazzoni tagħha
mas-CSOs lokali li jkopru r-reġjuni kollha, inklużi pajjiżi li qed jiżviluppaw,
dawk tal-viċinat u dawk tat-tkabbir. Se
tingħata kunsiderazzjoni xierqa għall-ispeċifiċitajiet tal-pajjiżi,
partikolarment f’kuntesti politiċi fluwidi ħafna. L-UE tagħti importanza lil soċjetà ċivili
dinamika, pluralistika u kompetenti u tirrikonoxxi l-importanza ta’
relazzjonijiet kostruttivi bejn l-istati u s-CSOs. Għalhekk
l-enfasi tal-politika tal-UE se tkun fuq l-isforzi tas-CSOs biex jibnu proċessi
demokratiċi u sistemi ta’ responsabbiltà aktar b’saħħithom u biex jiksbu
riżultati aħjar tal-iżvilupp[2]. Din il-Komunikazzjoni tressaq tliet
prijoritajiet għall-appoġġ tal-UE: ·
Li jiżdiedu l-isforzi biex jiġi promoss ambjent
favorevoli għas-CSOs f'pajjiżi sħab. ·
Li tkun promossa parteċipazzjoni sinifikanti u
strutturata tas-CSOs fil-politiki domestiċi tal-pajjiżi sħab, fiċ-ċiklu
tal-ipprogrammar tal-UE u fil-proċessi internazzjonali. ·
Li tiżdied il-kapaċità tas-CSOs lokali sabiex
iwettqu b’mod aktar effettiv ir-rwoli tagħhom bħala atturi indipendenti
fl-iżvilupp. Fil-livell operattiv, filwaqt li se jingħataw
kunsiderazzjoni l-prinċipji tal-konċentrazzjoni u d-differenzjazzjoni[3], kooperazzjoni aktar strateġika
mas-CSOs se tiġi integrata fl-istrumenti u l-programmi u fis-setturi kollha
tal-kooperazzjoni. L-UE se tappoġġja l-implimentazzjoni
tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-Komunikazzjoni wkoll permezz tad-djalogi
politiċi u tal-politika tagħha ma' pajjiżi sħab. L-elaborazzjoni ta’ pjanijiet direzzjonali
tal-UE ta’ kooperazzjoni ma’ CSOs[4]
fil-livell tal-pajjiż għandhom jattivaw u jiżguraw djalogu strutturat u
kooperazzjoni strateġika, li jżid il-konsistenza u l-impatt tal-azzjonijiet
tal-UE. Il-politika l-ġdida hija bbażata fuq
ir-riżultati tad-'Djalogu Strutturat dwar l-involviment tas-CSOs u
l-Awtoritajiet Lokali fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE'[5] (2010 – 2011) dinji. L-inizjattiva
ppermettiet reviżjoni fil-fond tas-sħubija multidimensjonali mas-CSOs b – li
testendi minn aspetti ta’ politika u strateġiċi sa kwistjonijiet operattivi u
ta’ finanzjament. Dan irriżulta f’viżjoni
komuni dwar kooperazzjoni aktar ambizzjuża u koerenti tal-UE mas-CSOs. Minbarra dan, din il-Komunikazzjoni tkompli
tiżviluppa d-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw is-CSOs li jinsabu fl-Aġenda
għall-Bidla l-ġdida[6]
u tqis il-Politika Ewropea tal-Viċinat[7]
imġedda, l-Istrateġiji tat-tkabbir riċenti[8]
u d-dikjarazzjonijiet dwar l-appoġġ tal-Baġit tal-UE għall-Pajjiżi Terzi[9], flimkien mal-impenji
internazzjonali taħt is-Sħubija Busan tal-2011 dwar il-Kooperazzjoni
Effettiva għall-Iżvilupp[10]. Hija tintegra wkoll ir-riżultati tal-konsultazzjoni
onlajn dwar 'l-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili fil-kooperazzjoni
għall-iżvilupp'[11]. 3. PROMOZZJONI TA’
AMBJENT FAVOREVOLI Il-kapaċità tal-organizzazzjonijiet
tas-soċjetà ċivili li jipparteċipaw f'oqsma differenti tal-ħajja pubblika
tiddependi fuq għadd ta’ prekundizzjonijiet komunement imsejħa 'ambjent
favorevoli għas-CSOs', li għalihom iġorru r-responsabbiltà atturi differenti. Biex joperaw, is-CSOs jeħtieġu sistema legali
u ġudizzjarja demokratika li tiffunzjona - li tagħtihom de jure u de
facto d-dritt li jassoċjaw u finanzjament sikur, flimkien mal-libertà
tal-espressjoni, l-aċċess għall-informazzjoni u l-parteċipazzjoni fil-ħajja
pubblika. L-istat għandu r-responsabbiltà
primarja li jiżgura dawn il-kundizzjonijiet bażiċi. Madankollu ħafna pajjiżi ma għandhomx
strutturi legali u regolatorji favorevoli biex jiggarantixxu lis-CSOs id-dritt
li joperaw b'mod indipendenti u ħieles minn interferenza mhux xierqa. F'xi pajjiżi l-gvernijiet jonqsu milli jirrikonoxxu
r-rwol tas-CSOs. Bħala riżultat, is-CSOs spiss
jiffaċċjaw restrizzjonijiet dwar l-oqfsa legali u ta’ politika li fihom jaħdmu,
tentattivi sabiex jiskreditawhom jew jikkriminalizzawhom, limitazzjonijiet fuq
l-aċċess għall-fondi, intimidazzjoni u saħansitra persekuzzjoni fiżika,
detenzjoni u attakki vjolenti. F'dan il-kuntest, il-komunità internazzjonali,
inkluża l-UE, għandha dmir li tippromwovi, kemm għas-CSOs kif ukoll
għall-individwi, l-ispazju biex joperaw. L-UE
għandha tmexxi bl-eżempju, toħloq pressjoni permezz tad-diplomazija u d-djalogu
politiku mal-gvernijiet u billi pubblikament tqajjem kwistjonijiet li
jirrigwardaw id-drittijiet tal-bniedem. L-UE ilha fuq quddiem nett tal-iżvilupp ta’
standards aktar b'saħħithom u mekkaniżmi għall-promozzjoni u l-ħarsien
tad-drittijiet tal-bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Kunsill tal-Ewropa u
l-OSCE. L-UE se ssaħħaħ l-isforzi tagħha biex
timmonitorja l-leġiżlazzjoni, regolamenti u kwistjonijiet operazzjonali li
jistgħu jaffettwaw lis-CSOs, f'konformità mal-impenji internazzjonali. B'mod parallel, l-UE se tippromwovi inizjattivi
mmexxija mis-CSOs u tappoġġja arranġamenti internazzjonali li jippromwovu u
jissorveljaw ambjent favorevoli għas-CSOs[12]. L-UE se tkompli tieħu azzjoni u miżuri
f'pajjiżi fejn il-gvern jonqos milli jirrikonoxxi s-soċjetà ċivili
b'konsegwenzi ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem. Meta
pajjiżi jnaqqsu l-impenn tagħhom favur id-drittijiet tal-bniedem u l-valuri
fundamentali, l-UE tista’ tissospendi l-kooperazzjoni mal-awtoritajiet
nazzjonali u ssaħħaħ l-appoġġ tagħha għall-popolazzjonijiet lokali permezz
tas-CSOs. Wara r-Rivoluzzjoni tal-Ġiżimin fit-Tuneżija, programm ta’ appoġġ għall-irkupru ekonomiku kien disponibbli għall-Gvern bil-kundizzjoni li tiġi adottata liġi ġdida dwar il-libertà tal-assoċjazzjoni. Din il-liġi emendat il-kundizzjonijiet użati mir-reġim preċedenti sabiex jikkontrolla din il-libertà. Fil-kooperazzjoni tagħha ma' gvernijiet sħab,
l-UE se tfittex li żżid il-kapaċità tal-awtoritajiet pubbliċi biex jaħdmu b’mod
kostruttiv mas-soċjetà ċivili, iżżid il-fiduċja u l-kompetenzi biex jinbnew
djalogu u opportunitajiet ta’ sħubiji. L-UE se
tkompli toffri pariri u appoġġ fit-tisħiħ tal-istituzzjonijiet demokratiċi u
r-riformi, ukoll billi ttejjeb il-kapaċità ta’ dawk li jfasslu l-politika u
l-ħaddiema taċ-ċivil sabiex jaħdmu mas-CSOs. L-UE tara rwol essenzjali għal mezzi
tax-xandir indipendenti, inkluża l-midja soċjali. Dawn
jikkontribwixxu għal soċjetà miftuħa bbażata fuq id-djalogu, id-diversità
kulturali u r-riflessjoni kritika, u jżidu r-responsabbilizzazzjoni kemm
tal-gvernijiet kif ukoll tas-CSOs. Indirettament, is-CSOs ukoll għandhom rwol xi
jwettqu, partikolarment biex jiżguraw l-indipendenza tagħhom mill-Istat, ir-rappreżentattività
u l-governanza interna, it-trasparenza u r-responsabbiltà tagħhom. Bħala atturi fl-iżvilupp, is-CSOs għandhom huma
wkoll ir-responsabbiltà li juru r-riżultati tal-azzjonijiet tagħhom,
partikolarment lill-kostitwenzi tagħhom. Diversi
inizjattivi awtoregolatorji qed jiksbu rikonoxximent internazzjonali,
bħall-Prinċipji ta’ Istanbul tal-Iżvilupp u l-Effikaċja tas-CSOs u impenji oħra
tar-responsabbiltà speċifiċi għall-atturi jew kodiċijiet ta’ kondotta
nazzjonali. L-UE tinkoraġġixxi iktar sforzi
f’dan il-qasam. 4. ENFASI QAWWIJA FUQ
IL-LIVELL TAL-PAJJIŻI Il-kontribuzzjoni tas-CSOs lokali bħala
msieħba fid-djalogu u fis-sorveljanza se tkun fil-qalba tal-impenn tal-UE
fil-ġejjieni. L-UE temmen fl-importanza
tal-parteċipazzjoni fil-politiki domestiċi min-naħa tas-CSOs, u hija impenjata
biex tippromwoviha. L-appoġġ għas-CSOs bħala fornituri ta’
servizzi, li fl-imgħoddi kien partikolarment sostnut mill-UE, se jiġi rfinut. Kull fejn possibbli, għandu jkun imfassal bħala
sħubijiet kollaborattivi b’bosta atturi kkoordinati mal-awtoritajiet
nazzjonali, b’għan fit-tul li jiġu promossi sistemi iktar responsabbli,
effettivi u sostenibbli għas-servizz tal-popolazzjonijiet. Barra minn hekk, l-inizjattivi tas-CSOs jistgħu
jiġu appoġġjati meta jiġu indirizzati kwistjonijiet li ma jirċevux
konsiderazzjoni adegwata fi ħdan il-politiki nazzjonali iżda huma essenzjali
għall-progress soċjali u jirriflettu l-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem,
kif ukoll dawk tal-iżvilupp sostenibbli. Barra minn hekk, se jiġu wkoll appoġġjati
l-inizjattivi u l-innovazzjonijiet għall-promozzjoni tat-tkabbir ekwu u
sostenibbli mressqa mis-CSOs. Il-pajjiżi f'kuntest ta’ fraġilità, fi kriżi
jew f'sitwazzjoni ta’ wara kunflitt jixirqilhom approċċ speċifiku. L-UE tirrikonoxxi rwol essenzjali għas-CSOs
fl-aġenda dwar il-paċi u s-sigurtà, partikolarment fil-prevenzjoni
tal-kunflitti, il-bini tal-paċi u l-bini tal-istat. L-UE ilha fuq quddiem biex tippromwovi
l-parteċipazzjoni tas-CSOs fil-fażijiet tal-ipprogrammar tal-UE. Dan l-approċċ ġie progressivament imħaddan,
partikolarment fil-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, wara
d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Cotonou f'dan ir-rigward. Għandhom isiru aktar sforzi biex tiġi kkonsolidata
l-prattika fir-reġjuni kollha. 4.1. Politika
inklussiva għal governanza aħjar Il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili
fil-proċessi ta’ politika pubblika u fid-djalogi tal-politika twassal għal
politiki inklussivi u effettivi, jekk akkumpanjata minn allokazzjoni adegwata
ta’ riżorsi u ġestjoni soda. Il-parteċipazzjoni
tas-CSOs hija fattur ewlieni biex jitfasslu politiki li jissodisfaw
il-ħtiġijiet tan-nies. Il-gvernijiet jistgħu
jibbenefikaw mill-parteċipazzjoni kostruttiva tas-CSOs fl-iżvilupp,
l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta’ strateġiji nazzjonali, fil-livelli
kollha. Ir-rieda politika tal-awtoritajiet
pubbliċi sabiex jikkooperaw hija kruċjali u l-UE se tinkoraġġixxi azzjonijiet
biex isir progress f'din id-direzzjoni. L-UE se tinvesti aktar fil-promozzjoni,
l-appoġġ u l-monitoraġġ ta’ mekkaniżmi effettivi għal djalogi orjentati lejn
ir-riżultati, b’enfasi fuq id-dimensjoni b’diversi partijiet interessati
tagħhom. Djalogi ta’ politika nazzjonali jew
settorjali għandhom jinkludu l-atturi kollha kkonċernati, bħas-CSOs u s-settur
privat fejn rilevanti, u lill-gvernijiet imsieħba, l-awtoritajiet lokali,
il-parlamenti u istituzzjonijiet nazzjonali oħra. Sabiex ikun sinifikanti, id-djalogu għandu
jkun fil-ħin, prevedibbli u trasparenti. Fl-istess
waqt, sabiex proċess ta’ politika jkun kredibbli, is-CSOs għandhom ikunu
indipendenti, rappreżentattivi u kompetenti. Appoġġjati minn mekkaniżmu ta’ finanzjament imħallat b’diversi donaturi kofinanzjat mill-UE, is-CSOs fil-Gana jikkontribwixxu attivament għall-Kumitat tal-Interess Pubbliku u tar-Responsabbiltà li jimmonitorja u jirrapporta fuq id-dħul miż-żejt u l-gass, li huma ta’ importanza dejjem akbar. Permezz ta’ konsultazzjonijiet, proposti u preżentazzjonijiet lill-Kumitat Parlamentari rilevanti, is-CSOs irnexxielhom jinfluwenzaw it-tfassil ta’ leġiżlazzjoni importanti tal-enerġija. Bħalissa dawn qed jissorveljaw l-implimentazzjoni, iqajmu l-kuxjenza u jsejħu lill-gvern sabiex jirrispondi għal ksur possibbli. L-iskemi ta’ djalogu huma speċifiċi għal kull
pajjiż, għas-settur, u għall-atturi involuti. Pereżempju,
il-ħidma tat-trejdjunjins u l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem hija
intrinsikament marbuta ma' djalogu soċjali indipendenti, inkluż
mal-awtoritajiet nazzjonali dwar politiki li jaffettwaw is-suq tax-xogħol. Fil-livell lokali, il-mekkaniżmi għad-djalogu
bejn is-CSOs u l-awtoritajiet lokali għandhom jiġu promossi, billi
jiggarantixxu punti ta’ dħul utli għal input ta’ politika f’kuntesti
deċentralizzati. Dan itejjeb is-sensittività
tal-politiki nazzjonali għar-realtajiet lokali. Is-CSOs
jistgħu jgħinu wkoll biex jimmobilizzaw riżorsi lokali u kapital soċjali,
jaqsmu l-informazzjoni u jinvolvu gruppi marġinalizzati u b'hekk jgħinu
fit-titjib tal-governanza lokali u l-koeżjoni territorjali. Il-ftehimiet ta’ sħubija volontarja FLEGT (Forest Law Enforcement, Governance and Trade - Infurzar tal-Liġi, Governanza u Kummerċ Forestali) huma ftehimiet kummerċjali bilaterali li għandhom l-għan li jiggarantixxu l-legalità tal-injam esportat lejn l-UE u jappoġġjaw lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex itejbu l-governanza tal-foresti. FLEGT trawwem djalogu fost il-partijiet interessati f'pajjiżi msieħba, li jippermetti lis-CSOs sabiex attivament jgħinu fl-identifikazzjoni tal-isfidi ta’ governanza, jgħinu fl-iżvilupp tal-miżuri regolatorji u tekniċi meħtieġa, u jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-VPA. Fl-Indoneżja, is-CSOs sabu li l-FLEGT tathom is-setgħa “li jkunu involuti bis-sħiħ minflok iħossu li l-affarijiet qed jiġu ddettati lilhom mill-gvern u l-impriżi l-kbar.” 4.2. Trasparenza
u responsabbiltà domestiċi Governanza fqira trażżan l-iżvilupp. Il-ħila li żżomm lil dawk li jiggvernaw
responsabbli hija kruċjali għal governanza aħjar. F'sistemi
demokratiċi hija r-responsabbiltà ewlenija tal-parlamenti li jżomm il-gvernijiet
responsabbli; is-CSOs jistgħu wkoll ikollhom
rwol biex isaħħu r-responsabbiltà domestika fuq il-livelli lokali u nazzjonali
permezz ta’ fluss tal-informazzjoni ħieles, ċar, u aċċessibbli. Huma jistgħu jikkontribwixxu għat-trawwim
tar-rispett għall-istat tad-dritt billi jissorveljaw l-implimentazzjoni
effettiva tal-liġijiet u l-politiki u jistgħu jniedu u jappoġġjaw l-isforzi
kontra l-korruzzjoni. Billi janalizzaw u jikkontribwixxu
għall-proposti tal-baġit, għall-monitoraġġ u l-intraċċar tad-dħul u l-infiq
pubbliku, u jappoġġjaw il-litteriżmu baġitarju taċ-ċittadini, is-CSOs għandhom
rwol importanti fil-proċessi tal-baġit, u dan jgħin biex jiżgura li r-riżorsi
pubbliċi jintużaw b'mod effettiv u effiċjenti. Ir-rabta
bejn il-baġit u l-prijoritajiet, il-bżonnijiet u d-drittijiet tal-bniedem
tal-popolazzjoni tista’ żżid l-impatt fuq it-tnaqqis tal-faqar u t-tkabbir
inklussiv. L-UE għandha ssaħħaħ l-appoġġ tagħha
għall-isforzi mmexxija mill-pajjiżi biex jissaħħu s-sistemi tar-responsabbiltà
domestika, filwaqt li jiġi promoss ir-rwol tas-CSOs fis-sorveljanza, flimkien
mal-parlamenti, l-istituzzjonijiet supremi tal-awditjar, l-aġenziji
tal-monitoraġġ tal-akkwisti pubbliċi u l-midja. L-UE
se tappoġġja l-kapaċitajiet tas-CSOs sabiex jimpenjaw irwieħhom b’mod effettiv
f’dawn is-sistemi b’perspettiva fit-tul, inkluż fil-livell lokali fejn minjiera
ta’ approċċi diversi u innovattivi qed jitfaċċaw fil-qasam tar-'responsabilità
soċjali', inkluż permezz tal-użu ta’ teknoloġiji ġodda.
Skont il-Komunikazzjoni riċenti dwar l-approċċ
futur tal-Appoġġ Baġitarju tal-UE lil Pajjiżi Terzi (2011), meta tuża l-appoġġ
baġitarju l-UE għandha tagħti attenzjoni partikulari biex sistematikament
tiffaċilita r-rwol ta' sorveljanza tas-CSOs. Il-kriterju
l-ġdid tal-eliġibbiltà dwar it-'trasparenza u s-sorveljanza tal-baġit' se
jiffoka fuq id-disponibbiltà fil-ħin ta’ informazzjoni baġitarja komprensiva u
tajba li biha s-CSOs jistgħu jirresponsibilizzaw aħjar lil dawk li jieħdu
d-deċiżjonijiet. Fil-Marokk, l-UE pprovdiet appoġġ għal żewġ CSOs, fondazzjoni u ċentru tar-riċerka, biex jittejjeb l-involviment ta’ parlamentari ta’ gruppi politiċi differenti fil-proċessi u r-riformi baġitarji. Permezz ta’ riċerka u taħriġ, is-CSOs appoġġjaw b'suċċess lill-parlamentari sabiex jifhmu aħjar il-kwistjonijiet baġitarji, u b'hekk saħħu l-involviment tagħhom fir-riforma tal-liġi tal-finanzi. 4.3. Servizzi
soċjali: Sħubijiet għal kwalità aħjar L-iżgurar tal-forniment effettiv tas-servizzi
soċjali - inklużi s-saħħa, l-edukazzjoni u l-protezzjoni soċjali - huwa
r-responsabbiltà tal-gvernijiet, kemm fuq il-livell ċentrali kif ukoll fuq dak
lokali, skont il-qafas istituzzjonali tal-pajjiż. Lil
hinn mill-forniment tas-servizzi, l-istati jassumu r-responsabbiltà
għas-sorveljanza, ir-regolamentazzjoni u l-kwalità tagħhom. Huma jistgħu jagħżlu li jaħdmu permezz ta’ firxa
wiesgħa ta' arranġamenti organizzattivi, minn skemi parteċipattivi sa sħubijiet
pubbliċi-privati. Is-CSOs għandhom rwol importanti fil-forniment
tas-servizzi, jikkumplimentaw il-forniment tal-gvern lokali u nazzjonali u
l-ittestjar ta’ proġetti innovattivi. Il-kapaċità
tagħhom li jidentifikaw il-ħtiġijiet, jindirizzaw kwistjonijiet traskurati u
tħassib dwar id-drittijiet tal-bniedem, u servizzi normali għal
popolazzjonijiet li huma soċjalment esklużi jew diffiċli biex jintlaħqu hija
partikolarment importanti. L-għan globali tal-UE fil-qasam tas-servizzi
soċjali huwa li tappoġġja l-ħila tal-awtoritajiet pubbliċi biex jibnu sistemi
sostenibbli u ta’ kwalità għall-benefiċċju tal-popolazzjoni. L-UE tara valur fil-parteċipazzjoni tas-CSOs fi
sħubijiet ta’ bosta atturi, b’mod partikolari fis-setturi li jibbenefikaw minn
kooperazzjoni bilaterali tal-UE, bħala mezz għall-promozzjoni ta’ approċċ
koordinat fl-ippjanar u l-forniment tas-servizzi. Dan
huwa rilevanti wkoll f’relazzjoni mar-rwol emerġenti tas-settur privat f’dan
il-qasam. Fuq terminu ta’ żmien twil, l-UE
tinkoraġġixxi l-finanzjament tal-mekkaniżmi li jappoġġjaw is-CSOs lokali
fl-għoti tas-servizzi biex jiġu progressivament integrati fis-sistemi nazzjonali,
mirfuda minn oqfsa regolatorji b’saħħithom u trasparenti li jiggarantixxu
aċċess ekwu. Biex tiġi limitata l-frammentazzjoni u d-duplikazzjoni, għandu
jsir sforz biex ikun hemm koordinazzjoni fil-livelli kollha. Appoġġ dirett għas-CSOs fil-forniment
tas-servizzi jista’ jingħata biex jiġi żgurat li gruppi żvantaġġati jkunu
jistgħu jaċċessaw is-servizzi bażiċi, jew biex jikkumplimenta l-azzjonijiet ta’
awtoritajiet pubbliċi li ma jwettqux il-funzjonijiet tagħhom jew li jkunu
assenti, partikolarment fil-pajjiżi l-inqas żviluppati. Dan huwa partikolarment
meħtieġ f'kuntesti fraġli, f'sitwazzjonijiet ta’ kunflitt u ta’ kriżi. Fis-Somaliland[13], l-UE u donaturi oħrajn appoġġjaw żewġ CSOs Ewropej sabiex jistabbilixxu istituzzjoni reġjonali ta’ taħriġ veterinarju. Permezz ta’ approċċ minn isfel għal fuq u bl-użu ta’ approċċ ta’ tagħlim innovattiv, hija edukat ġenerazzjoni ġdida ta’ professjonisti veterinarji biex tindirizza l-ħtiġijiet speċifiċi tal-industrija tal-annimali fis-Somalja. Minkejja l-kuntest fraġli, din issa hija istituzzjoni tal-edukazzjoni terzjarja stabbilita sew b’affiljazzjonijiet ma’ istituzzjonijiet Ewropej u Afrikani. 4.4. Il-ħidma
tas-CSOs għal tkabbir inklussiv u sostenibbli Is-CSOs qegħdin dejjem aktar isiru atturi
attivi fl-isfera ekonomika, b'inizjattivi li għandhom impatt fuq l-ekonomija
lokali jew billi jissorveljaw ir-riperkussjonijiet tal-politiki ekonomiċi
nazzjonali u internazzjonali. L-UE ilha
tappoġġja l-'ekonomija soċjali'[14],
li tiffoka fuq il-kisba ta’ impatt soċjali minflok qligħ biss. Assoċjazzjonijiet tal-kooperattivi, fondazzjonijiet
u NGOs huma partikolarment attivi fil-promozzjoni tal-intraprenditorija u
l-ħolqien tal-impjiegi permezz tal-mobilizzazzjoni ta’ komunitajiet lokali,
l-għoti ta’ servizzi u l-istimolu ta’ attivitajiet li jiġġeneraw id-dħul għal
dawk li huma foqra u emarġinati. Fl-istess vena, f'Rio+20, l-UE appoġġjat
referenzi għas-CSOs bħala atturi attivi f'ekonomija ekoloġika inklussiva,
b'enfasi fuq l-importanza li jiġu inklużi fatturi kemm soċjali kif ukoll ambjentali
meta jiġi stimulat it-tkabbir ekonomiku. L-UE se tappoġġja inizjattivi u sħubiji
tas-CSOs li jikkombinaw l-ambizzjonijiet ekonomiċi u soċjali, f'setturi
bħall-iżvilupp rurali, is-sigurtà tal-ikel, it-turiżmu u l-kultura, l-ambjent u
l-enerġija, fost oħrajn. Għandha tingħata
attenzjoni partikolari għall-ħolqien tax-xogħol u l-intraprenditorija li tkun
sensittiva għall-bżonnijiet tal-komunità, li jistimulaw it-tkabbir ekonomiku
lokali b’mod inklussiv u sostenibbli. Fil-Brażil, l-UE appoġġjat CSO lokali biex tippromwovi l-inklużjoni soċjali u ekonomika ta’ dawk li jiġbru l-iskart permezz ta’ Netwerk, li jipprovdi l-litteriżmu, it-taħriġ f’ħiliet vokazzjonali u maniġerjali, l-edukazzjoni ambjentali dwar ir-riċiklaġġ, u għajnuna teknika (fl-amministrazzjoni, il-kontabilità, il-kummerċjalizzazzjoni, eċċ.) għall-kooperattivi tagħhom. Dan iżid l-introjti individwali, inaqqas l-illitteriżmu, u jiftaħ l-aċċess għall-protezzjoni soċjali. Fl-2012, dan il-proġett rebaħ il-Premju Nazzjonali Brażiljan għall-Għan tal-Iżvilupp tal-Millenju 1. L-UE se tappoġġja wkoll skemi innovattivi li
jestendu l-aċċess għas-servizzi finanzjarji għal dawk li huma esklużi
mis-sistemi bankarji tradizzjonali, speċjalment in-nisa. Ser tingħata attenzjoni wkoll għall-ħidma
tas-CSOs biex jippromwovu u jissorveljaw ir-responsabbiltà soċjali
korporattiva, mudelli tan-negozju etiċi u sostenibbli u l-aġenda ta’ xogħol
deċenti, sħubijiet pubbliċi-privati, il-kummerċ ġust, u azzjonijiet immirati
lejn aċċess ekwu għar-riżorsi naturali u l-art. 4.5. Il-pjanijiet
direzzjonali tal-UE għall-kooperazzjoni mas-CSOs L-UE u l-Istati Membri għandhom jiżviluppaw
pjanijiet direzzjonali għal kull pajjiż għall-kooperazzjoni mas-CSOs, sabiex
jittejbu l-impatt, il-prevedibbiltà u l-viżibilità tal-azzjonijiet tal-UE, u
jiġu żgurati l-konsistenza u s-sinerġija madwar is-setturi varji koperti
mir-relazzjonijiet esterni tal-UE. Dawn il-pjanijiet huma wkoll maħsuba biex
iwasslu għall-koordinazzjoni u l-qsim tal-aħjar prattiki mal-Istati Membri u
atturi internazzjonali oħrajn, inkluż għas-simplifikazzjoni u l-armonizzazzjoni
ta’ rekwiżiti dwar il-finanzjament. Pjanijiet direzzjonali għandhom ikunu bbażati
fuq fehim sod tal-arena tas-CSOs u l-kuntest soċjoekonomiku usa’ li fih joperaw[15]. Dan huwa prerekwiżit għal impenn
aktar strateġiku tal-UE fuq il-livell tal-pajjiżi, partikolarment jekk
il-partijiet interessati rilevanti jridu jiġu identifikati sabiex jiġu
stabbiliti jew iffaċilitati skemi effettivi u sinifikanti ta’ djalogu. Il-pjanijiet għandhom jidentifikaw l-objettivi
fit-tul tal-kooperazzjoni tal-UE ma' CSOs u jinkludu d-djalogu kif ukoll appoġġ
operattiv, filwaqt li jidentifikaw il-modalitajiet għal ħidma xierqa. Dan
l-eżerċizzju għandu jkun marbut mal-ipprogrammar tal-għajnuna esterna tal-UE,
jiġifieri l-kooperazzjoni bilaterali, reġjonali u tematika. L-istrateġiji
tal-pajjiżi dwar id-drittijiet tal-bniedem li attwalment qed jiġu żviluppati
mill-UE se jkunu referenza importanti. Il-pjanijiet għandhom jiġu żviluppati billi
jitqiesu l-fehmiet tas-soċjetà ċivili, jiġu aġġornati regolarment u fejn
xieraq, ikunu disponibbli pubblikament u maqsuma mal-awtoritajiet nazzjonali. 5. CSOs F’KUNTESTI
REĠJONALI U GLOBALI L-aħħar deċenni raw il-qawmien ta’ gruppi
attivisti internazzjonali li jippromwovu normi u standards multilaterali u
joperaw f’netwerks globali u kampanji madwar id-dinja.
Dawn ikopru kwistjonijiet bħall-kummerċ, il-ġustizzja globali,
id-drittijiet tal-bniedem, l-ambjent, it-tibdil fil-klima, it-trasparenza,
is-saħħa globali u l-kooperazzjoni effettiva għall-iżvilupp. L-evoluzzjoni tat-teknoloġija tal-informazzjoni u
tat-telekomunikazzjoni kellha rwol ewlieni fit-tkabbir u l-bidla fir-rwol ta’
netwerks tranżnazzjonali. Organizzazzjonijiet, netwerks u alleanzi li
joperaw fuq livelli reġjonali u globali se jkunu megħjuna fl-indirizzar ta’
sfidi globali u tranżnazzjonali. L-UE se tappoġġja wkoll CSOs attivi fuq
livelli Ewropej u globali li, f’kooperazzjoni u sħubija ma' CSOs lokali,
jaġixxu biex jimmonitorjaw il-koerenza tal-politika għall-iżvilupp, iżommu lill-komunità
internazzjonali responsabbli għat-twettiq tal-impenji ta’ għajnuna u
jikkontribwixxu għall-promozzjoni ta’ kuxjenza fost iċ-ċittadini globali[16]. Fil-livell tal-UE, qed tingħata attenzjoni
partikolari għad-djalogu tas-CSOs mal-istituzzjonijiet Ewropej. Minbarra mekkaniżmi eżistenti
għall-konsultazzjonijiet fuq politiki u programmi, il-Kummissjoni se twaqqaf
grupp konsultattiv magħmul minn diversi partijiet interessati li jippermetti
lis-CSOs u l-atturi rilevanti tal-iżvilupp sabiex jiddjalogaw mal-istituzzjonijiet
tal-UE dwar il-politiki tal-Iżvilupp tal-UE, kif ukoll dwar
id-dispożizzjonijiet proposti f'din il-Komunikazzjoni. 6. INFASSLU L-APPOĠĠ
TAL-UE 6.1. Enfasi
fuq l-iżvilupp tal-kapaċità Sabiex jiżdied l-impatt tagħhom, is-CSOs
lokali għandhom jegħlbu r-restrizzjonijiet ta’ kapaċità li jvarjaw minn
limitazzjonijiet fil-ġestjoni teknika u l-ħiliet ta’ tmexxija, ġbir ta’ fondi,
ġestjoni tar-riżultati u kwistjonijiet ta’ governanza interna. L-UE se ssaħħaħ l-appoġġ tagħha għall-kapaċità
tal-iżvilupp tas-CSOs, partikolarment l-atturi lokali, bħala parti minn approċċ
fit-tul, immexxi mid-domanda u flessibbli, filwaqt li tagħti attenzjoni
partikolari għall-bini tal-kostitwenzi u r-rappreżentattività. L-UE se tappoġġja wkoll sħubiji fit-tul u ekwi
għall-iżvilupp tal-kapaċità bejn CSOs lokali u Ewropej.
Dawn għandhom ikunu bbażati fuq id-domanda lokali, inkluż il-mentoring u
l-ikkowċjar, it-tagħlim bejn il-pari, in-netwerking, u l-bini ta’ rabtiet
mil-livell lokali sa dak globali. 6.2. Finanzjament
adattat għall-ħtiġijiet lokali Finanzjament imfassal apposta jikkostitwixxi
komponent importanti tal-kooperazzjoni tal-UE mas-CSOs u għandu jippermetti
aċċess aħjar għal organizzazzjonijiet lokali. Il-Kummissjoni
se tuża taħlita xierqa ta’ modalitajiet tal-finanzjament[17] sabiex tirreaġixxi bl-aħjar
mod għall-firxa l-aktar wiesgħa possibbli ta’ atturi, ħtiġijiet u kuntesti
tal-pajjiżi b'mod flessibbli, trasparenti, kosteffikaċi u ffukat fuq
ir-riżultati. Fil-Balkani tal-Punent u t-Turkija l-UE qed tappoġġja netwerks reġjonali ta’ CSOs permezz ta’ Ftehimiet Qafas ta’ Sħubija. Dan jippermetti li jkun hemm approċċ programmatiku fit-tul u aktar flessibbli, li jappoġġja lis-CSOs sabiex jaħdmu bi sħab sabiex jiżviluppaw u jimplimentaw strateġiji għal setturi partikolari filwaqt li jaqsmu l-esperjenzi u l-għarfien miksuba minn kuntesti ta’ pajjiżi differenti. B’enfasi fuq il-bini tal-kapaċità għall-analiżi, il-monitoraġġ u l-promozzjoni sabiex jinfluwenzaw ir-riforma tal-politika, is-CSOs imsieħba jistabbilixxu kuntatt mil-livell reġjonali għal dak nazzjonali u jkollhom ukoll l-opportunità li jittestjaw proġetti lokali fuq skala żgħira permezz ta’ għoti mill-ġdid lil organizzazzjonijiet ta’ bażi jew oħrajn ibbażati fil-Komunità. 7. KONKLUŻJONIJIET F’kuntest internazzjonali li qed jevolvi u
f’konsiderazzjoni tal-politiki esterni tal-UE, il-proposti mressqa f'din
il-Komunikazzjoni għandhom l-għan li jagħtu spinta lir-relazzjonijiet tal-UE
mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u jadattawhom għall-isfidi attwali u
tal-ġejjieni. Huwa propost rispons imġedded
tal-UE bil-ħsieb li jingħataw setgħa primarjament CSOs lokali fl-azzjonijiet
tagħhom għall-governanza demokratika u l-iżvilupp ekwu.
Flimkien, l-UE u l-Istati Membri huma f’pożizzjoni unika biex
jikkooperaw b'mod aktar strateġiku biex jinkisbu aktar koerenza, konsistenza u
impatt mill-azzjonijiet tal-UE. [1] Dawn jinkludu CSOs ibbażati fuq is-sħubija, ibbażati fuq
kawżi u orjentati li joffru servizzi. Fosthom, organizzazzjonijiet ibbażati
fil-komunità, organizzazzjonijiet mhux governattivi, organizzazzjonijiet
reliġjużi, fondazzjonijiet, istituzzjonijiet ta' riċerka, organizzazzjonijiet
għall-ugwaljanza bejn is-sessi u tal-LGBT, kooperattivi, assoċjazzjonijiet
professjonali u tan-negozju, u l-midja mhux għall-qligħ. It-trejdjunjins u
l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem, l-hekk imsejħa msieħba soċjali,
jikkostitwixxu kategorija speċifika ta' CSOs. [2] Sa mis-sebgħinijiet l-UE ikkooperat progressivament
mas-CSOs permezz ta’ oqfsa tal-politika u skemi ta’ appoġġ li jiffukaw fuq
il-parteċipazzjoni tagħhom fl-ipprogrammar tal-UE. Din l-istrateġija kienet
riflessa fl-aħħar Komunikazzjoni (COM
(2002) 598 final) dwar il-parteċipazzjoni ta' Atturi mhux
Statali fil-Politika tal-Iżvilupp tal-KE [3] Kif propost fil-politika l-ġdida tal-UE għall-iżvilupp
(l-"Aġenda għall-Bidla"), il-kooperazzjoni bilaterali għall-iżvilupp
tal-UE se tkun ikkonċentrata fuq massimu ta’ tliet setturi f’kull pajjiż
imsieħeb u r-riżorsi se jkunu mmirati lejn dawk li huma l-aktar fil-bżonn,
inklużi dawk f’sitwazzjonijiet ta’ fraġilità, u fejn jista’ jkollhom l-ikbar
impatt ta’ żvilupp f'termini tat-tnaqqis tal-faqar. [4] Ara t-taqsima 4.5 [5] Djalogu Strutturat: http://ec.europa.eu/europeaid/who/partners/civil-society/structured-dialogue_en.htm
[6] COM (2011) 637, Konklużjonijiet
tal-Kunsill 9316/12 [7] COM (2011) 303 [8] COM (2010) 660 [9] COM (2011) 638, Konklużjonijiet tal-Kunsill 9323/12 [10] http://www.aideffectiveness.org/busanhlf4/images/stories/hlf4/OUTCOME_DOCUMENT_-_FINAL_EN.pdf [11] “Semma leħnek” DEVCO (2012): http://ec.europa.eu/europeaid/how/public-consultations/6405_en.htm [12] Ara
wkoll id-dokument ta' Sħubija ta’ Busan imsemmi fin-nota tal-qiegħ nru 10. [13] Din in-nomina għandha tkun mingħajr preġudizzju
għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus. [14] Ara Sabiex jinħoloq ambjent favorevoli għall-intrapriżi
soċjali, partijiet interessati ewlenin fl-ekonomija soċjali u l-innovazzjoni
(2012): http://ec.europa.eu/internal_market/social_business/docs/COM2011_682_en.pdf [15] Immappjar
regolari u parteċipatorju huwa rrakkomandat, li jkopri d-diversità ta' atturi u
jkopri n-netwerks u l-pjattaformi fuq livelli nazzjonali/settorjali. [16] Fl-Ewropa, dan huwa appoġġat b'mod qawwi mill-Kummissjoni
bi programm speċifiku bbażat fuq l-atturi dwar l-Edukazzjoni u t-Tqajjim
tal-Kuxjenza dwar l-Iżvilupp (DEAR). [17] L-UE
tista' tikkunsidra l-approċċi u l-modalitajiet tal-finanzjament kollha permessi
mir-regolamenti finanzjarji. Dawn jinkludu proġetti, finanzjament għal
programmi, għotjiet diretti, finanzjament maqsum, segwitu ta’ għotjiet,
finanzjament ta’ bażi, kofinanzjament, iżolament, sejħiet simplifikati u għoti
mill-ġdid.