RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Rapport annwali dwar il-Politiki dwar l-Għajnuna Umanitarja u l-Protezzjoni Ċivili tal-Unjoni Ewropea u l-implimentazzjoni tagħhom fl-2011 /* COM/2012/0489 final */
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT
EWROPEW U LILL-KUNSILL Rapport annwali dwar il-Politiki dwar
l-Għajnuna Umanitarja u l-Protezzjoni Ċivili tal-Unjoni Ewropea u
l-implimentazzjoni tagħhom fl-2011 1. Introduzzjoni Meta
jseħħ diżastru, ikun hemm bżonn ta’ għajnuna, u b’mod
veloċi. Li tgħin l-iktar
popolazzjonijiet vulnerabbli tad-dinja f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi hija
kwistjoni morali imperattiva għall-komunità internazzjonali u tista’
tagħmel differenza bejn ħajja jew mewt. B'rispons
għal din l-imperattiva, l-Unjoni Ewropea u s-27 Stat Membru tagħha
hija l-ikbar donatriċi umanitarja fid-dinja li tipprovdi madwar nofs
il-finanzjament globali ta’ sokkors ta' emerġenza għall-vittmi ta’
diżastri kkawżati mill-bniedem u dawk naturali. L-UE tippromwovi wkoll rispett għal, u
aderenza lejn, id-dritt umanitarju internazzjonali. Dan ir-rapport
annwali jiffoka fuq l-għajnuna umanitarja u l-protezzjoni ċivili
tal-Kummissjoni Ewropea fl-2011. L-għan
ta' dawn l-azzjonijiet huwa li jiġu salvati u mħarsa l-ħajja ta’
kwalunkwe persuna li tkun fil-bżonn ta' għajnuna u li tittaffa
s-sofferenza umana, filwaqt li jiġu ppreservati l-integrità u d-dinjità
tal-popolazzjonijiet milquta minn diżastri naturali jew dawk
ikkawżati mill-bniedem. L-Uffiċċju
għall-Għajnuna Umanitarja tal-Komunità Ewropea (ECHO) nħoloq
fl-1992 bħala espressjoni ta’ solidarjetà Ewropea mal-persuni
fil-bżonn madwar id-dinja kollha. Fl-2004,
sar id-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Għajnuna
Umanitarja qabel l-integrazzjoni tal-Protezzjoni Ċivili fl-2010 biex
jipprovdi koordinazzjoni u rispons aħjar għal diżastri
ġewwa u barra l-UE. Sa mill-ħolqien
tiegħu, il-Kummissjoni, permezz ta’ ECHO allokat madwar EUR 14-il
biljun mill-Baġit tal-UE għal vittmi ta’ kunflitti u diżastri
f'aktar minn 140 pajjiż madwar id-dinja. Għal dawn l-aħħar
ħames snin, medja ta’ EUR biljun ġew provduti annwalment, li
jgħinu kważi 150 miljun tal-popolazzjonijiet l-aktar vulnerabbli
tad-dinja milquta minn diżastri naturali u kriżijiet ikkawżati
mill-bniedem. L-għajnuna
umanitarja hija waħda minn żewġ strumenti ewlenin
għad-dispożizzjoni tal-Unjoni Ewropea (UE) li tipprovdi għajnuna
ta’ sokkors lil persuni barra mill-UE ffaċċjati bil-konsegwenzi
immedjati tad-diżastri. L-assistenza
umanitarja tal-UE hija bbażata fuq il-prinċipji tal-umanità,
in-newtralità, l-imparzjalità u l-indipendenza. Kull deċiżjoni meħuda
mill-Kummissjoni għandha tkun skont dawn l-erba’ prinċipji li huma
fil-qalba tal-Konsensus Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja.
L-għajnuna umanitarja tal-UE hija mqassma mingħajr rigward għal
kwalunkwe aġendi politiċi, u tfittex mingħajr
eċċezzjoni biex tgħin dawk l-aktar fil-bżonn,
irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom, ir-reliġjon, is-sess,
l-oriġini etnika jew l-affiljazzjoni politika tagħhom. Dan l-impenn għal għajnuna umanitarja bi
prinċipji huwa issa wkoll msejjes fit-Trattat ta' Lisbona
(l-Artikolu 214 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea). L-għodda
prinċipali l-oħra hija l-Protezzjoni ċivili. Tnejn u
tletin pajjiż, li jinkludu l-Istati Membri kollha tal-UE, se
jipparteċipaw f'mekkaniżmu tal-protezzjoni ċivili li jipprovdi
assi bħall-iskwadri tat-tiftix u s-salvataġġ u tagħmir wara
talba minn pajjiż milqut minn diżastru. Dan il-mekkaniżmu huwa
mħaddem miċ-Ċentru ta’ Monitoraġġ u Informazzjoni
(MIC) f’ECHO. Il-ħatra ta’
Kristalina Georgieva, fl-2010, bħala l-ewwel Kummissarju Ewropew
għall-Kooperazzjoni Internazzjonali, l-Għajnuna Umanitarja u
r-Rispons għall-Kriżijiet ġabet dawn l-għodod flimkien, u
saħħet il-koerenza tal-operazzjonijiet tal-UE ta' rispons għal
diżastri. Il-politiki
tal-Unjoni Ewropea dwar l-għajnuna umanitarja u l-protezzjoni ċivili
juru impenn sabiex jiġu appoġġġjati dawk li huma fl-Unjoni
u barra minnha li għandhom bżonn l-għajnuna meta huma fil-mument
l-aktar vulnerabbli tagħhom. Għajnuna
bħal din tikkontribwixxi għat-twettiq ta’ wieħed mill-objettivi
strateġiċi tal-azzjoni esterna tal-UE, kif spjegat fl-Artikolu 21
tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea. Fl-istess
ħin, hija tirċievi appoġġ wiesgħa fost il-pubbliku
Ewropew: stħarriġ riċenti tal-Eurobarometer
juri li appoġġ pubbliku għal għajnuna umanitarja u ta'
protezzjoni ċivili tal-UE kompla jiżdied fis-snin riċenti
minkejja l-kriżi ekonomika. · Disgħa minn kull 10 ċittadini (88%) jemmnu li huwa importanti għall-Unjoni Ewropea li tkompli tiffinanzja l-għajnuna umanitarja; dan jirrappreżenta żieda ta’ disa’ punti perċentwali mill-aħħar stħarriġ fl-2010. Kważi l-istess numru, 84%, huma favur li tinżamm l-għajnuna umanitarja. · Hemm ukoll approvazzjoni b’saħħitha (71%) tar-rwol tal-Kummissjoni fil-koordinament tal-għajnuna umanitarja tal-UE, li hija żieda ta’ 13-il punt perċentwali mill-2010. Il-maġġoranza kbira ta’ min wieġeb (88%) tappoġġja wkoll inizjattiva biex iż-żgħażagħ jiġu involuti fl-operazzjonijiet umanitarji tal-UE bħala parti minn korp tal-għajnuna volontarja tal-UE . · Safejn hi kkonċernata l-protezzjoni ċivili, 82% jaqblu li azzjoni kkoordinata tal-UE f'każijiet ta' diżastri hija aktar effettiva minn azzjonijiet meħuda minn pajjiżi individwali. · L-istħarriġ dwar il-Protezzjoni Ċivili juri tħassib dwar il-possibbiltà ta’ diżastri fl-UE. 75% ta’ dawk mistoqsija qalu li kienu mħassbin dwar diżastri kkawżati mill-bniedem, bħat-tixrid taż-żejt u inċidenti nukleari. Għargħar u terremoti ġew wara dawn b'67%, filwaqt li 64% qalu li kienu l-aktar imħassba dwar attakki terroristiċi u 59% kienu mħassba dwar kunflitti armati. · 68% tal-Ewropej huma konxji li l-UE tagħti fondi f'għajnuna umanitarja. Erbgħa minn kull għaxra (38%) jafu dwar il-koordinazzjoni tal-protezzjoni ċivili tal-UE. · Madwar terz iqisu li huma infurmati tajjeb dwar l-attivitajiet ta’ għajnuna umanitarja tal-UE, livell li huwa żieda ta' 12% meta mqabbel mal-istħarriġ ta' qabel. Fl-istħarriġ tal-protezzjoni ċivili, 19% jħossu li huma infurmati tajjeb dwar l-attivitajiet tal-UE. Fiż-żewġ stħarriġ, dawk li wieġbu għażlu t-televiżjoni u l-internet bħala s-sorsi ppreferuti tagħhom ta’ informazzjoni, segwiti mill-istampa u r-radju. 2. Il-kuntest globali li fih l-assistenza
qed tkun provduta Fl-2011,
kien hemm żieda fil-livell globali ta’ kriżijiet umanitarji,
fid-diżastri u fil-vulnerabbiltà. Ix-xejra
tal-ħtiġijiet li kull ma’ jmur qed jiżdiedu li tmur lil hinn
mir-riżorsi disponibbli tkompli. It-twassil
tal-għajnuna umanitarja u tal-protezzjoni ċivili għalhekk qed
isir aktar kumpless u diffiċli. Minħabba
l-frekwenza u l-intensità tad-diżastri naturali, hemm iktar kriżijiet
umanitarji li qed jitfaċċaw u, b'mod partikolari, aktar diżastri
maġġuri, bħal dawk li seħħew fil-Qarn tal-Afrika u
fil-Ġappun. Matul
l-2011, skont l-istatistika ppubblikata miċ-Ċentru
għar-Riċerka dwar l-Epidemoloġija tad-Diżastri (CRED)[1] u l-Uffiċċju tan-NU
għat-Tnaqqis tad-Diżastri, UNISDR[2],
kien hemm 302 diżastri naturali ta’ magnitudini differenti, li qatlu
kważi 30 000 ruħ u affettwaw 206 miljun oħra madwar
id-dinja. Xi 106 miljun ruħ kienu milquta
minn għargħar u 60 miljun minn nixfa, filwaqt li 1.6 miljun
kienu affettwati minn terremoti. L-Asja kienet
l-iktar reġjun milqut, b’iktar minn 45% tad-diżastri u 89% tan-numru
totali tal-vittmi f'dak ir-reġjun. Il-konsegwenzi
tad-diżastri huma devastanti u varjati: Telf
ta’ ħajjiet, u djar, l-uċuħ u għelejjel u l-għajxien
tan-nies jintilfu. Għalkemm
semmejna biss ftit minnhom bl-isem, l-impatt ta’ dawn id-diżastri
poġġa tant piż kbir fuq il-komunità umanitarja internazzjonali
li kemm kemm tifilħu. Fl-2011,
in-Nazzjonijiet Uniti kienet obbligata li tniedi l-akbar appell ta’
finanzjament konsolidat fl-istorja tagħha (EUR 5.7 biljun) għal
ħtiġijiet umanitarji. Hemm
differenza dejjem tikber bejn il-ħtiġijiet umanitarji globali fuq
naħa, u r-riżorsi finanzjarji dejjem aktar skarsi disponibbli
għar-rispons għal dawn il-ħtiġijiet, fuq in-naħa
l-oħra, speċjalment fid-dawl tal-kriżi ekonomika u finanzjarja
li laqtet ħafna pajjiżi donaturi tal-Punent.
Flimkien ma' vulnerabbiltà kronika f'ħafna partijiet tad-dinja, dan
ikompli jkollu effett dirett fuq il-ħajja ta’ miljuni ta' nies li
jeħtieġu għajnuna. Dan ifisser ukoll
li donaturi għandhom jirduppjaw l-isforzi tagħhom biex
jirreaġixxu għad-diżastri b’mod iktar effiċjenti u
effettiv, billi jagħmlu użu aħjar mir-riżorsi limitati
tagħhom. Għall-ECHO, dan jissarraf
f'li jidentifika kisbiet fl-effiċjenza meta jaħdem mal-imsieħba
tiegħu u f'aktar investiment fit-tħejjija u r-reżiljenza ta'
komunitajiet vulnerabbli. Fl-istess waqt,
is-sinerġiji bejn l-għajnuna umanitarja u l-protezzjoni ċivili
jeħtieġu li jiġu sfruttati bis-sħiħ. Barra minn hekk, l-UE, bħala parti mis-sistema
umanitarja internazzjonali totali għandha rwol ewlieni
fl-inkoraġġiment ta’ pajjiżi u reġjuni oħra biex
iżidu s-sehem tagħhom fit-tħejjija u r-rispons umanitarju,
bil-ħsieb li timmobilizza r-riżorsi dejjem jikbru tal-ekonomiji
emerġenti għal azzjoni umanitarja u r-rispons għad-diżastri
b'mod aktar effettiv. Id-diżastri umanitarji kkawżati
mill-bniedem għadhom l-iktar ikkawżati minn kunflitti interni, fejn
il-popolazzjonijiet ċivili li qed ikunu dejjem iktar esposti għal
vjolenza u sofferenza. Dan it-tip ta’ kunflitt huwa ħafna drabi
kkaratterizzat minn nuqqas ta’ rispett min-naħa tal-partijiet involuti
għad-dritt u għall-prinċipji umanitarji internazzjonali, u
b'hekk jonqos l-ispazju umanitarju, jiġifieri l-oqsma li fihom
l-għajnuna umanitarja tista’ tiġi pprovduta b’mod newtrali u
imparzjali mingħajr xkiel. F'dan il-kuntest, l-aċċess umanitarju
lin-nies fil-bżonn u s-sigurtà u l-protezzjoni tal-popolazzjonijiet
ċivili u tal-ħaddiema umanitarji saru iktar u iktar
problematiċi. Is-sitwazzjoni ġenerali u l-ambjent tax-xogħol
marru għall-agħar f'dawn l-aspetti kollha, partikolarment
fis-Somalja, fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK), l-Afganistan u l-Korea
ta’ Fuq. B’reazzjoni għal dawn l-isfidi, qed
jikber l-għarfien fi ħdan il-komunità umanitarja internazzjonali
tal-ħtieġa li tagħmel iktar sforz u enfasi fuq it-tħejjija
u r-reżiljenza ta’ komunitajiet vulnerabbli sabiex ikunu jistgħu
jadattaw aħjar għal diżastri, u b'hekk jitnaqqas l-impatt
devastanti fuq il-popolazzjonijiet milquta u l-għajxien tagħhom. Ukoll, l-impatt
fit-tul fuq il-ħajjiet u l-għajxien bħala konsegwenza ta’
kriżijiet kbar, bħat-terremot f'Ħaiti fl-2010 u l-għargħar
fil-Pakistan, jipprovdu deskrizzjoni ta’ kemm huwa kruċjali li jiġu
indirizzati b’mod xieraq il-ħtiġijiet tar-riabilitazzjoni u
l-iżvilupp aktar fit-tul, fl-istadji l-aktar bikrin tar-rispons
umanitarju. Huwa biss jekk l-umanitarji u
l-atturi tal-iżvilupp jaħdmu flimkien id f'id li se jkun hemm
ċans li jitnaqqas l-impatt devastanti ta’ diżastri rikorrenti fuq
il-prospetti għall-iżvilupp sostenibbli. F’dan
ir-rigward, ix-xogħol tkompla fl-2011 fuq il-Kollegament bejn
l-Għajnuna ta' Emerġenza, ir-Riabilitazzjoni u l-Iżvilupp (LRRD),
pereżempju bl-ipprogrammar min-naħa tas-servizzi tal-Kummissjoni tal-baġits
tas-sigurtà tal-ikel f'ċerti reġjuni u kooperazzjoni mill-qrib
mal-Istrument għall-Istabbiltà (miżuri fuq perjodu qasir) dwar
irkupru bikri. L-isforzi magħmula
jinkludu l-elaborazzjoni ta’ metodoloġija komuni u l-ittestjar
tagħha, l-intensifikazzjoni ta' atturi umanitarji u ta’ żvilupp ta'
ħidma konġunta u għadd ta’ approċċi innovattivi
f’termini ta’ implimentazzjoni prattika fuq il-post. 3. L-attivitajiet umanitarji u ta’
protezzjoni ċivili tal-UE fl-2011 Permezz
tal-Kummissjoni (DĠ ECHO), l-UE pprovdiet għajnuna umanitarja tal-UE
bbażata fuq il-ħtiġijiet sostanzjali u ffaċilitat
il-provvediment tal-għajnuna in natura ta’ protezzjoni ċivili fl-2011
għal total ta’ EUR 1 154 miljun, magħmulin minn: ·
Għajnuna umanitarja għal madwar 117-il
miljun ruħ[3]
f'91 pajjiż mhux fl-UE, li tirrappreżenta spiża medja ta'
EUR 10 għal kull benefiċjarju; ·
Rispons rapidu għal 18-il talba
għall-għajnuna mill-mekkaniżmu tal-protezzjoni ċivili, fi
ħdan u barra mill-UE. Il-baġit
umanitarju inizjali ta’ EUR 853 miljun kien miżjud bosta drabi sabiex
jirrifletti l-kriżijiet u d-diżastri naturali l-ġodda li
seħħew matul is-sena, jiġifieri fil-kunflitt intern fil-Libja,
il-kriżi wara l-elezzjoni fil-Côte d'Ivoire, il-ġuħ
ikkawżat min-nixfa u kumplikat minħabba l-kunflitt fil-Qarn
tal-Afrika, il-kunflitt fis-Sudan madwar l-indipendenza tas-Sudan t'Isfel u
l-għargħar fil-Pakistan. Sabiex
jiġu ssodisfati dawn il-ħtiġijiet addizzjonali, aktar
finanzjament kien immobilizzat permezz ta’ trasferimenti ta’ fondi
mir-Riżerva ta' Għajnuna f'Emerġenza tal-UE, permezz
tal-użu tal-10 Fond Ewropew għall-Iżvilupp riżervat
għal għajnuna umanitarja fil-pajjiżi tal-Afrika, il-Karibew u
tal-Paċifiku, permezz ta’ kontribuzzjonijiet tal-EFTA[4] u ta’ trasferimenti minn linji
oħra tal-baġit fi ħdan l-intestatura ta’ għajnuna esterna
tal-baġit tal-UE (l-Intestatura 4). Mill-finanzjament
totali tal-UE pprovdut fl-2011, madwar 42% kien allokat għal
kriżijiet imtawla, 38% kien meħtieġ biex jingħata rispons
għad-diżastri naturali, u 20% kienu użati għal
kriżijiet u interventi ad hoc. Diżastri
naturali komplew jikkawżaw tbatija umana u
ħsara serja mad-dinja kollha fl-2011. Fl-ittrattar
ta’ dan it-tip ta’ diżastru, il-Kummissjoni adottat strateġija fuq
żewġ binarji: ·
rispons rapidu, billi
tipprovdi għajnuna umanitarja u billi tiffaċilita u tikkoordina
l-assistenza tal-protezzjoni ċivili pprovduta mill-Istati Membri tal-UE u
Stati oħrajn (tal-UE jew pajjiżi terzi) li qed jieħdu sehem
fil-Mekkaniżmu ta’ Protezzjoni Ċivili fuq bażi volontarja
mal-attivazzjoni tal-Mekkaniżmu; ·
tħejjija għad-diżastri, billi tidentifika dawk iż-żoni ġeografiċi u
popolazzjonijiet l-iktar vulnerabbli għad-diżastri naturali u li
għalihom programmi speċifiċi dwar it-tħejjija
għad-diżastri huma stabbiliti. Fl-2011, il-Kummissjoni tat għajnuna
umanitarja biex ikunu ffaċċati l-konsegwenzi tad-diżastri li
ġejjin: ·
Id-diżastru triplu tat-terremot u t-tsunami u
l-isplużjoni nukleari fil-Ġappun; ·
Nixfiet fl-Afrika
tal-Punent (Burkina Faso, il-Mawritanja, il-Mali, in-Niġer,
iċ-Ċad), fil-Qarn tal-Afrika (Ġibuti, l-Etjopja, il-Kenja,
is-Somalja) u fl-Amerika Ċentrali u l-Amerika t’Isfel (il-Paragwaj,
il-Bolivja, il-Ħonduras, El Salvador u l-Gwatemala); ·
Għargħar fil-Pakistan,
il-Bangladexx, l-Indja, is-Sri Lanka u l-Perù; ·
Ċikluni/Uragani/Maltempati tropikali fl-Asja tax-Xlokk (il-Kambodja, il-Laos PDR, il-Filippini,
it-Tajlandja, il-Vjetnam), fl-Amerika Ċentrali (El Salvador, il-Gwatemala,
il-Ħonduras, in-Nikaragwa) u fil-Karibew (St Luċija); ·
Epidemiji fil-Kamerun. 3.1. Interventi ta’ għajnuna
umanitarja Fl-2011,
kriżi umanitarja serja żviluppat fil-Qarn tal-Afrika. Taħlita ta’ prezzijiet għoljin
tal-ikel, staġuni tax-xita li ma seħħewx, żieda
fl-ispostamenti ta’ popolazzjonijiet (prinċipalment minħabba kunflitt
vjolenti fis-Somalja), u aċċess umanitarju ristrett, wasslu għal
deterjorament rapidu fl-istatus tas-sigurtà tal-ikel u tan-nutrizzjoni ta’
popolazzjonijiet vulnerabbli. Is-sitwazzjoni
kompliet tmur għall-agħar minħabba l-faqar sottostanti u
l-abbiltà mnaqqsa sabiex ilaħħqu. Fit-tieni
nofs tal-2011, aktar minn 13-il miljun persuna ġiet affettwata
mill-kriżi. Il-Kummissjoni wieġbet
billi mmobilizzat aktar minn EUR 181 miljun biex tgħin lill-gruppi
tal-popolazzjoni l-aktar vulnerabbli fir-reġjun. Lil hinn mir-rispons
għad-diżastri, il-Kummissjoni qed tirsisti wkoll biex ittejjeb
il-prevenzjoni u t-tħejjija għal diżastri, kemm fi ħdan
l-UE kif ukoll lil hinn minnha, speċjalment f'reġjuni li huma
suxxettibbli għal diżastri naturali. It-tnaqqis
tar-riskju ta’ diżastri u l-adattament għat-tibdil fil-klima
kienu fokus ċar għall-finanzjament fl-2011.
ECHO nieda l-programmi ġodda DIPECHO fin-Nofsinhar tal-Ażja,
l-Amerika t'Isfel, il-Paċifiku u l-Karibew. Huwa
integra wkoll it-tnaqqis tar-riskju f’operazzjonijiet ta’ għajnuna
globali. Safejn huma
kkonċernati ‘kriżijiet ikkawżati mill-bniedem’, protesti
politiċi fil-Libja wasslu għal gwerra ċivili, li
fl-aħħar mill-aħħar irrikjediet kampanja militari tal-ajru
mmexxija min-NATO biex tiġi protetta l-popolazzjoni ċivili. Il-kunflitt fil-Libja wassal għal kriżi
kbira ta’ rifuġjati fil-fruntieri mat-Tuneżija u l-Eġittu, li
kienu jeħtieġu l-għajnuna tal-UE għal rispons umanitarju u
r-ripatrijazzjoni ta’ persuni li kienu qed jaħdmu fil-Libja li ħarbu
mill-kunflitt. Il-kriżi post-elettorali
tal-Côte d'Ivoire kompliet, u dan affettwa wkoll pajjiżi
ġirien. Fl-Iraq, is-sitwazzjoni
tas-sigurtà ilha sejra lura mill-elezzjoni parlamentari fis-7 ta’ Marzu 2010; ir-ribelli komplew jattakkaw pulizija u suldati,
kif ukoll persuni ċivili, bi splużjonijiet tal-massa, fi sforz biex
jimminaw il-fiduċja fil-forzi tas-sigurtà tal-Iraq, hekk kif truppi
tal-Istati Uniti kienu qed iħejju biex jitilqu mill-Iraq sa tmiem l-2011. Addizzjonalment
ma' dawn il-kriżijiet, il-Kummissjoni kompliet tintervjeni f’bosta emerġenzi
mtawla u kumplessi. Eżempji jinkludu
dawn li ġejjin: Is-Sudan u s-Sudan t'Isfel is-separazzjoni formali tas-Sudan f'żewġ pajjiżi kienet
inizjalment paċifika, fejn is-Sudan t’Isfel sar il-196 pajjiż
fid-dinja fid-9 ta’ Lulju 2011. Madankollu, kunflitt armat tul
il-fruntiera l-ġdida qed ikompli jmur għall-agħar u negozjati
diffiċli għadhom pendenti biex jiġu riżolti numru ta’
nuqqasijiet ta’ qbil pendenti (eż. tqassim tad-dħul
miż-żejt, id-demarkazzjoni tal-fruntiera). Sadanittant, kien hemm
aktar emerġenzi ġodda li wasslu għal żieda f’daqqa
tal-ħtiġijiet umanitarji kemm fis-Sudan u kif ukoll fis-Sudan t’Isfel. It-territorju okkupat tal-Palestina,
fejn il-popolazzjoni tkompli tgħix taħt l-okkupazzjoni
Iżraeljana fi tbatija severa u miżerja soċjali. Kriżi
soċjoekonomika fit-tul, ikkaratterizzata minn restrizzjonijiet ħorox
fuq il-moviment u l-issoktar tal-qerda tal-assi fiżiċi, wasslet
għal żidiet kbar fil-faqar u l-qgħad. Fix-Xatt tal-Punent,
it-tkabbir fl-attvitajiet ta' insedjament Iżraeljan, il-vjolenza
mill-insjedaturi kontra l-Palestinjani, u l-ostaklu tas-sigurtà ikomplu
jaffettwaw il-ħajja ta’ kuljum. Kontrolli stretti fuq id-dħul ta’
Palestinjani lejn l-Iżrael u Ġerusalemm tal-Lvant jibqgħu
fis-seħħ, u l-bdiewa qed ikollhom diffikultà biex jaċċessaw
l-art tagħhom ħdejn il-barriera tas-sigurtà u l-abitazzjonijiet. Eluf
mis-sidien tad-djar jibqgħu jkunu mhedda minn ordnijiet pendenti
tat-twaqqigħ u żieda fin-numru ta’ tkeċċijiet. Fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,
fejn hemm 1.9 miljun persuna mċaqalqa minn popolazzjoni totali ta’ madwar
71 miljun, is-sitwazzjoni umanitarja għadha prekarja f'ħafna
reġjuni. Hemm telf sinifikanti ta’ ħsad minħabba problemi ta'
aċċess u kunflitt. Għad hemm ħafna persuni spustati
internament fit-Tramuntana u fin-Nofsinhar ta’ Kivu li huma milquta, fil-Lvant
tal-pajjiż. Għalkemm kien hemm stabilizzazzjoni gradwali f’xi
partijiet tat-Tramuntana ta’ Kivu, is-sitwazzjoni f’partijiet oħra marret
serjament għall-agħar, li tagħmel is-sitwazzjoni ġenerali
instabbli ħafna. Fil-Provinċja tal-Equateur, il-kunflitt bejn
il-gruppi etniċi fi tmiem l-2009, segwit minn intervent mill-armata,
wassal għal żieda sinifikanti ta’ spostament u ċaqliq ta’
refuġjati fir-Repubblika tal-Kongo u r-Repubblika Ċentrali Afrikana
(CAR). L-attakki persistenti mill-Lord's Resistance Army (LRA) wasslu għal
spustar massiv fi ħdan il-Provinċja Orientale u ċaqliq
sinifikanti ta' refuġjati lejn is-CAR. Minkejja impatt ogħla tal-effetti
meħuda minn emerġenżi kumplessi matul l-aħħar ftit
snin, u n-nuqqas ta’ rispett lejn il-prinċipji umanitarji u s-sikurezza u
s-sigurtà tal-ħaddiema umanitarji, hemm ukoll każijiet fejn is-sitwazzjoni
umanitarja tjiebet. Pereżempju, hemm indikazzjonijiet li l-kundizzjonijiet
tjiebu meta azzjonijiet umanitarji huma segwiti mill-qrib minn azzjonijiet
għall-iżvilupp immirati xierqa[5]. 3.2. Operazzjonijiet ta’
protezzjoni ċivili Fir-rigward
tal-protezzjoni ċivili, il-Mekkaniżmu tal-Protezzjoni
Ċivili tal-UE kien attivat 18-il darba matul is-sena[6] (4 darbiet fi ħdan l-UE u
14-il darba ‘l barra mill-UE), biex joffri rispons għal avvenimenti
bħal l-isplużjoni f’bażi navali f'Ċipru, nirien
fil-foresti fil-Greċja u l-Albanija, għargħar
fil-Pakistan, terremot fit-Turkija, it-terremot u t-tsunami
fil-Ġappun. Barra minn hekk,
iċ-ċittadini tal-UE u ċittadini ta’ pajjiżi terzi ġew
evakwati matul il-kriżi fil-Libja. Espert
ntbagħtu fl-UE u lil hinn minnha bħala parti minn tnax-il missjoni
ta' valutazzjoni u koordinazzjoni. Il-proposta
għal Deċiżjoni dwar il-Mekkaniżmu tal-Unjoni
għall-Protezzjoni Ċivili ġiet adottata[7] mill-Kummissjoni fi tmiem
l-2011. Din għadha qed tiġi diskussa mill-Kunsill u l-Parlament.
Aktar dettalji jinsabu fit-taqsima 4 hawn taħt. L-għan ta’
din il-proposta leġiżlattiva huwa li ssaħħaħ
l-istrumenti tal-Mekkaniżmu. Fil-preżent,
l-użu tal-assi tal-protezzjoni ċivili tal-UE huwa bbażat
fil-biċċa l-kbira fuq offerti volontarji ad hoc minn 32 Stat
parteċipant. Il-Kummissjoni
biħsiebha timxi lejn sistema li hija ppjanata minn qabel u tippermetti li
tittieħed azzjoni immedjata. 3.3. Rizorsi umani u finanzjarji ECHO
għandu aktar minn 300 ruħ jaħdmu fil-kwartieri ġenerali
tiegħu fi Brussell u aktar minn 400 f'44 uffiċċji lokali li
jinsabu fi 38 pajjiż madwar id-dinja. Immedjatament
wara diżastru, l-esperti umanitarji jkunu fuq il-post biex jagħmlu
valutazzjoni tal-ħtiġijiet, u wkoll biex jimmonitorjaw
l-implimentazzjoni ta’ proġetti umanitarji ffinanzjati mill-UE. Dan l-approċċ ibbażat fuq il-ħtiġijiet
huwa karatteristika ewlenija tal-għajnuna umanitarja tal-UE u kif inhi
mqassma għal madwar 200 imsieħeb magħmula minn
organizzazzjonijiet mhux governattivi, aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti,
organizzazzjonijiet internazzjonali oħra (bħalma huma l-Kumitat
Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u l-Federazzjoni Internazzjonali
tas-Salib l-Aħmar u l-Għaqdiet tas-Salib l-Aħmar (Red Crescent
Societies) u xi aġenziji speċjalizzati minn Stati Membri tal-UE. Huwa importanti
għal ECHO li jkollu firxa wiesgħa ta' msieħba, peress li dan
jippermettilu jkopri lista li dejjem qed tikber ta' ħtiġijiet
f'partijiet differenti fid-dinja, ħafna drabi f'sitwazzjonijiet li qed
ikunu dejjem aktar kumplessi. L-għotja u
l-kontribuzzjonijiet ġestiti minn ECHO jsiru bl-għażla tal-aħjar
proposti rċevuti. Fl-2011,
il-finanzjament tqassam fost l-imsieħba tal-ECHO kif ġej: NGOs 50%, aġenziji tan-NU 36% u
Organizzazzjonijiet Internazzjonali 14%. L-organizzazzjonijiet
umanitarji qed jaffaċċaw problemi li dejjem qed jiżdiedu ta’
kisba tal-aċċess għan-nies li jeħtieġu
l-għajnuna. Dan huwa minħabba
n-nuqqas ta’ spazju umanitarju mill-gvernijiet u l-gruppi armati li ma
jagħtux każ lanqas tal-aktar protezzjoni bażika mogħtija
mid-dritt internazzjonali umanitarju fuq naħa, u minħabba nuqqas ta'
sigurtà fuq in-naħa l-oħra. B’mod li
qed jiżdied, gvernijiet qed jimponu restrizzjonijiet fuq l-għoti ta'
għajnuna umanitarja (eż. Sri Lanka). F'bosta
żoni ta' kunflitti (eż. id-DRC, is-Somalja, is-Sudan)
il-ħaddiema umanitarji huma xhieda ta' metodi partikolarment brutali ta'
kif issir il-gwerra, inkluż, attakki fuq persuni ċivili u
frekwentement l-użu ta' vjolenza sesswali bħala arma tal-gwerra. L-inċidenza
ta' attakki fuq ħaddiema għall-għajnuna umanitarja, inklużi
ħtif, espulsjonijiet u qtil, jidhru li qed jiżdiedu. Id-donaturi jridu jaffaċċjaw il-fatt li
mhux biss is-sigurtà tal-persunal umanitarju tkun f'riskju, iżda wkoll
il-finanzjament u l-infrastruttura li dawn jipprovdu.
Xi gvernijiet huma disposti li jmorru sal-estrem li jesproprjaw jew
‘jissellfu’ fondi u proprjetà ffinanzjati mid-donaturi u/jew ikeċċu
lill-organizzazzjonijiet għall-għajnuna umanitarja ladarba dawn tkun
itteħditilhom kull proprjetà. 4. Politika ta' għajnuna umanitarja u
ta' protezzjoni ċivili Fil-livell ta’
politika, fl-2011 il-Kummissjoni ffukat fuq l-inizjattivi
strateġiċi li ġejjin: ·
Il-preżentazzjoni ta’ proposti
leġiżlattivi dwar il-protezzjoni ċivili tal-UE bil-għan
li jissaħħu b’mod sostanzjali l-istrumenti eżistenti.
Fil-preżent, l-iskjerament ta’ timijiet tal-protezzjoni ċivili tal-UE
hija bbażata fil-biċċa l-kbira tagħha fuq l-assi u offerti
volontarji ad hoc minn Stati parteċipanti. Għalkemm
il-mekkaniżmu tal-protezzjoni ċivili tal-UE diġà għandu
rwol importanti fis-sostenn, il-koordinament u l-ikkumplimentar tal-proċess
ta' għajnuna reċiproka, il-Kummissjoni qed tipproponi li dawn
jiċċaqalqu għal sistema li hija ppjanata minn qabel u immedjata.
F'dan il-kuntest, il-preparamenti bdew sabiex jinħoloq Ċentru ta'
Rispons għall-Emerġenzi aktar effiċjenti fl-2013, li ser ikun
is-suċċessur taċ-ċentru ta' Monitoraġġ u
Informazzjoni (MIC). Ser ikun Ċentru ġenwin miftuħ 24/7 kompletament
żviluppat li jippermetti lill-UE biex tieħu rwol aktar proattiv
fl-ippjanar, it-tħejjija, il-koordinazzjoni operazzjonali u
l-appoġġ loġistiku. ·
Passi biex jinħolqu Korpi Volontarji
Ewropej ta’ Għajnuna Umanitarja, kif meħtieġ mit-Trattat ta'
Lisbona (l-Artikolu 214 (5) TFUE). Fl-2011, l-ECHO nieda
konsultazzjoni pubblika u valutazzjoni tal-impatt, kif ukoll it-tnedija ta’
proġetti pilota. Ir-riżultati ta’ dawn l-attivitajiet se
jikkontribwixxu lejn proposta għal qafas leġiżlattiv li
jistabbilixxi l-Korpi mistennija li tiġi adottata fl-2012. L-ECHO poġġa wkoll enfasi
partikolari fuq il-prijoritajiet tal-politika orizzontali
magħżula, skont l-impenji tal-Konsensus Ewropew dwar
l-Għajnuna Umanitarja[8]
u l-Pjan ta’ Azzjoni tiegħu. Dawn il-prijoritajiet ta’ politika jinkludu,
pereżempju, applikazzjoni ulterjuri tal-politika ta' għajnuna
umanitarja tal-ikel tal-UE. In-negozjati għall-modernizzazzjoni tal-Konvenzjoni
tal-Għajnuna Alimentari saru f’dan l-isfond. Sabiex
tissaħħaħ l-effiċjenza u l-effettività tal-isforzi
konġunti biex jilħqu l-ħtiġijiet tas-sigurtà tal-ikel u
n-nutrizzjoni, il-Kummissjoni ffirmat Dikjarazzjoni ta’ Intenzjoni dwar
"Kooperazzjoni Programmatika fuq is-sigurtà tal-Ikel u n-Nutriment"
ma’ tliet aġenziji tan-NU: L-FAO, il-WFP u l-IFAD. Il-Kummissjoni appoġġat azzjonijiet
ta’ tħejjija għad-diżastri f’reġjuni suxxettibbli
għal diżastri naturali, sabiex tgħin lill-komunitajiet lokali jirreaġixxu
rapidament u b’mod effċjenti meta jseħħu d-diżastri, biex
b’hekk setgħu ġew salvati l-ħajjiet ta’ bosta persuni. Dan
l-appoġġ huwa pprovdut permezz tal-programmi DIPECHO mnedija fl-2010
u l-programmi ġodda fin-Nofisnhar tal-Asja, il-Paċifiku, l-Amerika
t’Isfel u l-Karibew. Il-Kontribuzzjoni għat-tħejjija
għad-diżastri tmur ferm lil hinn mill-pjanijiet ta’ azzjoni DIPECHO
minħabba li bosta deċiżjonijiet ta’ ffinanzjar umanitarju
jinkludu t-tħejjija għad-diżastri jew il-mitigazzjoni
tal-impatti tad-diżastri bħala għanijiet. Il-mainstreaming huwa
bbażat fuq attivitajiet relatati mal-appoġġ tal-infrastruttura,
il-promozzjoni u l-kuxjenza pubblika, mitigazzjoni fuq skala żgħira,
l-elenkar u l-komputerizzazzjoni tad-dejta, sistemi ta’ twissija bikrija, edukazzjoni,
tisħiħ istituzzjonali u attivitajiet dwar it-tibdil fil-klima. Taħt il-mandat tiegħu tal-protezzjoni
ċivili, l-ECHO nkoraġġixxa u ffaċilita l-kooperazzjoni
bejn 32 Stat[9]
li jipparteċipaw fil-mekkaniżmu ta’ Protezzjoni Ċivili
(PĊ). Billi jagħmel dan, huwa jfittex li jtejjeb l-effettività
tas-sistemi għall-prevenzjoni u l-protezzjoni kontra diżastri
naturali, teknoloġiċi jew ikkawżati mill-bniedem fl-Ewropa. Il-Kummissjoni bdiet ukoll tiġbor
informazzjoni bħala parti minn programm ta’ prattika tajba ta’ 18-il xahar
għall-prevenzjoni tad-diżastri, li jiffoka fuq diżastri
speċifiċi (terremoti, tsunami, għargħar, maltempati, nixfa
u temperaturi għoljin) u miżuri orizzontali (bħal ma huma
l-ippjanar u d-disinn tal-infrastruttura). L-implimentazzjoni tal-Mekkaniżmu
tal-PĊ jiżgura li n-nies, l-ambjent, il-proprjetà u l-wirt kulturali
jkunu protetti aħjar fil-każ ta’ diżastri. Fil-qasam ta’
tħejjija, l-appoġġ tal-UE jiffoka fuq sistemi ta’ twissija
bikrija, moduli u l-programm ta’ taħriġ tal-Mekkaniżmu tal-Protezzjoni
Ċivili (iktar minn 890 espert kienu mħarrġa fl-2011 u kienu
appoġġati erba’ eżerċizzi fuq skala reali). Barra minn
hekk, il-Kummissjoni tat appoġġ finanzjarju lil numru ta’
proġetti ta’ kooperazzjoni għat-tħejjija (bit-twaqqaf ta’ tim
għall-evakwazzjoni taċ-ċittadini, l-evakwazzjoni f'każ ta'
inċident nukleari, is-sensibilizzazzjoni ta’ salvataġġ
f’għerien u t-tindif max-xtut imniġġsa miż-żejt). Għajnuna bbażata fuq riżorsi li
huma magħmula disponibbli mill-Istati Membri ġiet provduta fi
ħdan dawk il-pajjiżi tal-UE u dawk terzi milquta minn diżastri,
bħala rispons għal talba mill-gvern tal-pajjiż ikkonċernat. [1] www.cred.be. [2] www.unisdr.org. [3] Li minnhom 105 miljun permezz ta’ għajnuna
umanitarja u l-għajnuna alimentari u 12-il miljun permezz ta’ attivitajiet
ta’ tħejjija għal diżastri. [4] L-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ
Ħieles. [5] Kif spjegat aktar b’eżempji konkreti fid-dokument
ta’ akkumpanjament. Ara eżempji taċ-Ċad,
il-Burundi/it-Tanżanija jew, fil-Kapitolu 3.9, dwar
it-tranżizzjoni u r-reżiljenza. [6] 18-il attivazzjoni, 3 twissijiet minn qabel u 6 talbiet
ta’ monitoraġġ. [7] COM(2011)934 finali, adottata
fl-20.12.2011. [8] Adottat mill-Kunsill,
il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni fit-18 ta’ Diċembru 2007 –
ĠU 2008/C/25/01, tat-30.1.2008. [9] Is-27 Stat Membru tal-UE,
in-Norveġja, l-Islanda, il-Liechtenstein, il-Kroazja u l-fYRoM.