52012DC0472

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL It-Tielet Rapport dwar il-Monitoraġġ ta' wara l-Liberalizzazzjoni tal-Viża għall-Pajjiżi tal-Balkani tal-Punent skont il-Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Novembru 2010 /* COM/2012/0472 final */


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

It-Tielet Rapport dwar il-Monitoraġġ ta' wara l-Liberalizzazzjoni tal-Viża għall-Pajjiżi tal-Balkani tal-Punent skont il-Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Novembru 2010

I.          Introduzzjoni

Iċ-ċittadini ta' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, tal-Montenegro u tas-Serbja ilhom sa mid-19 ta' Diċembru 2009 jużaw passaporti bijometriċi, jibbenefikaw minn vjaġġar mingħajr viża lejn l-Istati Membri tal-UE, skont ir-Regolament 539/2001[1]. Iċ-ċittadini tal-Albanija u l-Bosnja-Ħerzegovina ilhom jibbenefikaw mill-istess kundizzjonijeit ta' vjaġġar mingħajr viża sa mill-15 ta' Diċembru 2010.

Id-deċiżjonijiet li ċ-ċittadini tal-Balkani tal-Punent jingħataw id-dritt ta' vjaġġar mingħajr viża ġew imsejsa fuq valutazzjoni bir-reqqa tal-progress li sar fl-oqsma identifikati fil-pjani direzzjonali għad-djalogi dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża (is-sigurtà tad-dokumenti, il-ġestjoni tal-fruntieri, l-ażil, il-migrazzjoni, il-ġlieda kontra l-kriminalità u l-korruzzjoni, u l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali). Is-sistema ta' vvjaġġar mingħajr viża hija l-aktar benefiċċju tanġibbli għaċ-ċittadini tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent li jinsabu fil-proċess li jintegraw ruħhom fl-UE, u hija inċentiv qawwi ferm sabiex jiġu aċċellerati r-riformi fil-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet interni.

Fid-dikjarazzjoni li ppreżentat fit-8 ta' Novembru 2010 fil-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni, il-Kummissjoni enfasizzat b'mod espliċitu l-importanza tal-issuktar tal-implimentazzjoni effettiva tal-miżuri u r-riformi kollha li daħlu għalihom il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent bħala parti mill-obbligi għad-djalogu dwar il-viża. Sabiex tivvaluta l-konsistenza u s-sostenibbiltà tar-riformi relevanti, il-Kummissjoni stabbilixxiet mekkaniżmu ta' monitoraġġ ta' wara l-liberalizzazzjoni tal-viża, li jkopri l-oqsma kollha tal-pjani direzzjonali tal-liberalizzazzjoni tal-viża u jippermetti lill-Kummissjoni tagħmel skrutinju tal-progress li sar.

L-iskopijiet ta' dan ir-rapport huma (1) il-preżentazzjoni tal-azzjonijiet imwettqa skont il-mekkaniżmu ta' monitoraġġ ta' wara l-liberalizzazzjoni tal-viża, wara l-ewwel u t-tieni Dokumenti ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar il-monitoraġġ wara l-liberalizzazzjoni tal-viża f'Mejju u Diċembru tal-2011[2], (2) il-valutazzjoni tal-progress li sar fil-pajjiżi relevanti tal-Balkani tal-Punent wara l-aħħar valutazzjoni (ta' Diċembru 2011), u (3) l-identifikazzjoni tal-passi li jmiss u tal-azzjonijiet konkreti li jeħtieġ li jittieħdu.

II.        Azzjonijiet meħuda skont il-mekkaniżmu ta' monitoraġġ ta' wara l-liberalizzazzjoni tal-viża wara d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li nħareġ fis-7 ta' Diċembru 2011.

It-tieni Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni (DĦPK) dwar il-mekkaniżmu ta' monitoraġġ ta' wara l-liberalizzazzjoni tal-viża nħareġ fis-7 ta' Diċembru 2011 u ġie ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill f'Diċembru tal-2011. Dan ta analiżi ddettaljata tal-progress li nkiseb mill-pajjiżi kkonċernati tal-Balkani tal-Punent fl-oqsma identifikati fil-pjani direzzjonali tad-djalogu dwar il-viża, ir-riżultati tal-mekkaniżmu ta' monitoraġġ, kif ukoll tal-miżuri li ttieħdu mill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent bil-għan tal-iżvilupp tal-ġestjoni tal-flussi migratorji.

Fl-2012 il-Kummissjoni organizzat missjonijiet ta' esperti għall-valutazzjoni tal-Istat tad-Dritt fil-Montenegro (Marzu 2012), f'dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (April 2012) u fl-Albanija (Majju 2012). Dawn il-missjonijiet ippermettew lill-Kummissjoni sabiex, bl-għajnuna ta' esperti mill-Istati Membri tal-UE, tivverifika l-progress fuq il-post u s-sostenibbiltà tar-riformi.

Barra minn hekk, fl-1 u t-2 ta' Marzu r-rappreżentanti tal-Kummissjoni, fosthom dawk mid-Delegazzjonijiet tal-UE fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, iltaqgħu f'Tirana fil-qafas tal-forum tal-Jainet ta' kull sentejn tal-Balkani tal-Punent, li jirrapreżenta mekkaniżmu importanti għat-tisħiħ tal-għarfien espert immirat fil-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet interni fid-Delegazzjonijiet tal-UE. Il-laqgħa tal-JAINET kienet tikkostitwixxi pjattaforma ta' ħidma operazzjonali li tippermetti skambju ta' informazzjoni siewi, relevanti għall-mekkaniżmu ta' monitoraġġ ta' wara l-liberalizzazzjoni tal-viża.

Id-djalogu bejn il-Kummissjoni u l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent għadu għaddej ukoll fil-qafas tal-Proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Fl-24 u l-25 ta' April ġie organizzat is-sottokumitat annwali tal-Ġustizzja, il-Libertà u s-Sigurtà f'Tirana. Fit-3 ta' Mejju ġiet organizzata Laqgħa ta' Livell Għoli mal-awtoritajiet tal-Bosnja-Ħerzegovina fil-qasam tal-affarijiet interni fi Brussell, li kienet tkopri wkoll kwistjonijeit ta' drittijiet tal-bniedem li qabel kienu previsti taħt il-Blokk IV tal-pjan direzzjonali dwar il-viża. Dawn il-laqgħat ippermettew skambju ta' informazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u stimulaw diskussjonijiet produttivi dwar ir-riformi meħtieġa.

L-aktar Stati Membri tal-UE milquta mill-influssi ta' applikanti għal ażil issuktaw bi żjajjar bilaterali fil-pajjiżi relevanti tal-Balkani tal-Punent sabiex jiskambjaw informazzjoni dwar dan il-fenomenu u jiddiskutu miżuri speċifiċi biex jindirizzawh, filwaqt li żammew lill-Kummissjoni informata bl-iżviluppi possibbli. Ir-rappreżentanti tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent ġew mistiedna wkoll iżuru l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tal-UE.

Barra minn hekk, fil-qafas tal-mekkaniżmu ta' twissija ġestit mill-FRONTEX permezz tan-Netwerk ta' Analiżi tar-Riskju tal-Balkani tal-Punent (WEBRAN), minn Diċembru tal-2011 inħarġu seba' rapporti ta' twissija addizzjonali. Ir-rapporti ta' twissija tal-FRONTEX komplew jipprovdu analiżi ddettaljata tax-xejriet dinamiċi tal-influssi migratorji mir-reġjun. Ir-rapporti huma strumentali għal fehim aħjar tal-fenomenu tal-abbuż mil-liberalizzazzjoni tal-viża, il-valutazzjoni tal-iżvilupp tiegħu u l-identifikazzjoni ta' miżuri konkreti li jindirizzaw dawn l-isfidi. Abbażi ta' dawn ir-rapporti, il-Kummissjoni pprovdiet aġġornamenti u analiżijiet regolari tal-flussi migratorji lejn l-Istati Membri fil-gruppi ta' ħidma relevanti tal-Kunsill, kif ukoll f'għadd ta' laqgħat bilaterali mal-Istati Membri tal-UE kkonċernati.

III.       Valutazzjoni tal-issuktar tal-implimentazzjoni tal-punt ta' riferiment li twiegħed matul id-djalogi dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent

IL-valutazzjoni ta' bħalissa hija msejsa fuq (1) ir-rapporti ddettaljati mitluba mill-Kummissjoni u pprovduta mill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, (2) l-informazzjoni skambjata matul il-laqgħat fil-qafas tal-Kumitati dwar il-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u l-laqgħat l-oħrajn ta' djalogu, kif ukoll (3) ir-riżultati ta' tliet missjonijiet ta' valutazzjoni mwettqa f'Marzu, April u Mejju tal-2012 mis-servizzi tal-Kummissjoni, akkumpanjati minn esperti tal-Istati Membri fil-Montenegro, f'dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u fl-Albanija rispettivament.

Għal kull pajjiż, il-valutazzjoni ssegwi l-istruttura ta' blokka tal-pjani direzzjonali tal-liberalizzazzjoni tal-viża.

L-Albanija

Fil-qasam tas-sigurtà tad-dokumenti, il-proċess tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta' passporti u karti tal-identità bijometriċi għadu għaddej bla xkiel. Sat-30 ta' Ġunju 2012 kienu nħarġu 2.4 miljun passaport bijometriku u 3.1 miljun karta tal-identità bijometrika.

Sar progress ukoll fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri. Ġie ffirmat protokoll ta' pattulji konġunti mal-Kosovo* kif ukoll ftehim għall-iskambju ta' informazzjoni bejn il-pulizija tal-migrazzjoni fil-fruntiera ma' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja. Il-pulizija tal-ġestjoni tal-fruntiera għadha qed testendi l-aċċess għas-sistema ta' informazzjoni tal-intelligence kriminali (MEMEX) lid-direttorati u l-kummissarjati reġjonali, filwaqt li ċ-Ċentru Marittimu Operazzjonali Inter-Istituzzjonali għadu mhux konness magħha. Minn Lulju tal-2012, is-Sistema Totali ta' Ġestjoni tal-Informazzjoni (TIMS) ġiet konnessa mal-bażi tad-dejta tar-reġistru ċivili fil-Postijiet fejn tinqasam il-Fruntiera. Il-kapaċitajiet ta' analiżi tar-riskju u tal-valutazzjoni tat-theddid jeħtieġ li jissaħħu.

Inkiseb ċertu progress fir-rigward tal-migrazzjoni. Il-ftehim ta' riammissjoni għadu qiegħed jiġi implimentat sewwa. Bejn Novembru tal-2011 u Marzu 2012, ġew irrappurtati 2 407 każijiet ta' ritorn. L-istituzzjonijiet relevanti responsabbli mill-implimentazzjoni tal-istrateġija u l-pjan ta' azzjoni għal migranti li jirritornaw għandu jissaħħu. L-adozzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali tal-Migrazzjoni għandha ma saritx.

Fil-qasam tal-ażil, l-oqfsa istituzzjonali u legali jinsabu fis-seħħ. Minn Mejju tal-2012, ġew rikonoxxuti 82 refuġjat u 24 applikant għal ażil. Madanakollu, it-tħejjija f'dan il-qasam għandha tingħata spinta. Ir-refuġjati u l-persuni li jingħataw protezzjoni kumplimentari għadhom mhumiex jingħataw dokumenti ta' identifikazzjoni. Is-sistema tal-viża tal-Albanija għadha mhijiex konformi bis-sħiħ mar-rekwiżiti tal-UE.

Ġie rrappurtat ċertu progress fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata. Bħalissa l-Pulizija Statali Albaniza qiegħda tanalizza l-istruttura tagħha sabiex ittejjeb il-kapaċitajiet ta' rappurtar ta' uffiċjali ta' esperjenza u ta' investigazzjonijiet proattivi. Teżisti ħtieġa urġenti sabiex ċerti istituzzjonijiet ewlenin jagħtu spinta lill-koordinazzjoni u b'hekk jagħmlu l-aħjar użu mill-kapaċità ta' investigazzjoni ta' kriminalità serja u organizzata.

Sar xi progress fil-qasam tal-ġlieda kontra d-drogi. Il-kooperazzjoni internazzjonali għadha fis-seħħ, filwaqt li l-approċċ ibbażat fuq l-intelligence għandu jingħata spinta 'l quddiem. Huma meħtieġa aktar sforzi sabiex tiżdied il-kapaċità ta' detezzjoni u investigazzjoni tat-traffikar tad-droga.

Inkiseb element ta' progress fir-rigward tal-indirizzar tat-traffikar tal-bnedmin, għalkemm it-traffikar intern għadu kwistjoni li tqanqal tħassib. Il-proċeduri ta' ħidma standard għall-identifikazzjoni u l-konsultazzjoni ta' vittmi u vittmi potenzjali jinsabu fis-seħħ, filwaqt li għandha tissaħaħ il-kapaċità tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni internazzjonali.

Jista' jiġi rrappurtat progress fil-qasam tal-ħasil tal-flus. Il-pulizija żviluppat valutazzjonijiet tar-riskju u qasmithom ma' aġenziji oħrajn. Abbażi tar-rakkomandazzjoni MONEYVAL, ġew adottati l-emendi għall-Kodiċi Kriminali li jistabbilixxu l-awtonomija ta' reati marbuta mal-ħasil tal-flus mir-reat presuppost u r-reat ta' ħasil tal-flus. Żdied l-għadd ta' investigazzjonijiet ta' assi, kif ukoll ir-rappurtar ta' tranżazzjonijiet suspettużi. Madanakollu, l-għadd ta' kundanni għal reati ta' ħasil ta' flus għadu baxx ferm.

Ftit li xejn sar progress b'rabta mal-ġlieda kontra l-korruzzjoni. B'mod ġenerali, il-qafas legali u istituzzjonali jinsab fis-seħħ, filwaqt li jeħtieġ li jitneħħa kull tfixkil li hemm fuq l-investigazzjoni adattata relatata mas-sistema ta' immunità ta' uffiċjali pubbliċi ta' livell għoli u tal-ġudikatura. L-implimentazzjoni ta' miżuri kontra l-korruzzjoni hija insuffiċjenti. Jeħtieġ li jinkiseb rekord ta' kisbiet b'rabta ma' investigazzjonijiet, prosekuzzjonijiet u kundanni fil-livelli kollha.

Inkiseb ċertu progress fil-qasam tad-drittijiet fundamentali, ċertu progress fir-rigward tad-drittijiet tan-nisa u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni filwaqt li nkiseb progress limitat b'rabta mal-inklużjoni tar-Roma. L-isforzi għall-implimentazzjoni tal-istrumenti ta' politika mmirati lejn gruppi vulnerabbli jeħtieġ li jittejbu. L-implimentazzjoni tal-Istrateġija dwar it-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien tar-Roma għadha għaddejja bil-mod. Ittieħdu miżuri biex tiġi indirizzata l-kwistjoni ta' tfal Roma mhux irreġistrati. L-isforzi għall-implimentazzjoni tal-istrumenti ta' politika mmirati lejn gruppi vulnerabbli jeħtieġ li jittejbu. B'mod ġenerali, ir-Roma għadhom qegħdin iħabbtu wiċċhom ma' kundizzjonijiet ta' għajxien diffiċli u diskriminazzjoni frekwenti, l-aktar fir-rigward tal-aċċess għall-edukazzjoni, l-impjiegi, il-ħarsien soċjali u tas-saħħa, kif ukoll id-djar.

Il-Bosnja-Ħerzegovina

Sar progress tajjeb fil-qasam tas-sigurtà tad-dokumenti. Sa Mejju 2012 kienu nħarġu 1 187 007 passaporti bijometriċi, li jammontaw għal 72% tal-passaporti li jinsabu fl-idejn. Ġiet adottata l-liġi l-ġdida dwar il-karti tal-identità. Iż-żewġ entitajiet adottaw emendi għal-Liġi dwar il-kotba tar-reġistru. Madanakollu, għad trid issir l-implimentazzjoni sħiħa tagħha. Għadu jrid jiġi adottat abbozz ta' liġi dwar ir-residenza li jsaħħaħ il-qafas legali.

Sar progress fil-ġestjonit tal-fruntieri. Il-parti l-kbira tal-leġiżlazzjoni relatata mal-ġestjoni integrata tal-fruntieri (IBM), fosthom il-Liġi dwar il-konroll tal-fruntieri, hija bbażata fuq l-acquis tal-UE relevanti. L-istrateġija u l-pjan ta' azzjoni tal-IBM riveduta qegħdin jiġu implimentati. L-infrastruttura fil-postijiet fejn tinqasam il-fruntiera kompliet tittejjeb. Minn 55 post fejn tinqasam il-fruntiera, 29 minnhom huma koperti minn sorvejlanza bil-vidjow. Il-postijiet fejn tinaqasam il-fruntiera internazzjonali huma mgħammra b'qarrejja ta' passaporti bijometriċi u huma konnessi mas-sistema integrata ta' Kontroll tal-Postijiet fejn il-Fruntiera Statali. L-adozzjoni tal-ġabra ta' regoli dwar l-organizzazzjoni interna tal-Pulizija tal-Fruntiera ddewmet aktar. Jeħtieġ li jiġu allokati riżorsi finanzjarji sabiex jiġu garantiti l-interventi infrastrutturali meħtieġa għall-għeluq tal-Postijiet fejn Tinqasam il-Fruntiera mhux awtorizzati li diġà ġew identifikati mal-fruntiera tal-Bosnja-Ħerzegovina mal-Montenegro u s-Serbja. Hija mistennija li tittieħed azzjoni parallela minn dawn iż-żewġ pajjiżi kkonċernati.

Inkiseb progress fil-qasam tal-migrazzjoni. Iċ-ċentru ta' detenzjoni temporanja ta' immigranti irregolari huwa miftuħ. L-implimentazzjoni tal-ftehim ta' riammissjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Bosnja-Ħerzegovina baqa' għaddej mingħajr intoppi. L-istrateġija għar-riintegrazzjoni tal-persuni li jirritornaw għad trid tiġi implimentata.

Kien hemm xi progress fil-qasam tal-ażil. Il-Bosnja-Ħerzegovina għadha għaddejja bl-implimentazzjoni mingħajr intoppi tal-qafas legali u strateġiku. Il-kapaċità tas-sistema tal-ażil hija biżżejjed biex tindirizza l-għadd ta' applikazzjonijiet għal ażil ta' bħalissa.

Il-Bosnja-Ħerzegovina għadha fi stadju bikri fl-indirizzar tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata. Is-sistema ta' skambju ta' dejta elettronika mir-reġistri miżmuma mill-pulizija u mill-uffiċċji tal-prosekuzzjoni għadha fi stadju ta' prova filwaqt li d-diġitalizzazzjoni tal-arkivji tal-pulizija għadha għaddejja. In-nuqqas ta' skambju sistematiku ta' intelligence adegwata u l-mekkaniżmi ta' koordinazzjoni u kooperazzjoni effettivi u sostenibbli fost l-aġenziji differenti tal-infurzar tal-liġi qegħdin iżommu lura l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata. Tħejjiet liġi ġdid dwar il-Programm ta' Ħarsien tax-Xhieda li tindirizza n-nuqqasijiet tal-leġiżlazzjoni kurrenti, u li issa tinsab fil-proċedura ta' adozzjoni.

Il-Bosnja-Ħerzegovina kisbet progress fil-qasam tal-ġlieda kontra t-traffikar tad-drogi. Il-kapaċitajiet istituzzjonali għall-koordinazzjoni u l-implimentazzjoni sistematika tal-qafas tal-politika għadhom dgħajfa. L-attivitajiet tal-infurzar tal-liġi jeħtieġ li jittejbu. Il-Kunsill tal-Ministru adotta l-Ġabra ta' Regoli dwar iż-żamma u l-qerda tad-drogi narkotiċi li jinqabdu. L-abbozz ta' emendi għal-Liġi dwar il-prevenzjoni u t-twaqqif tal-abbuż ta' drogi narkotiċi, li jipprevedi l-ħolqien ta' Uffiċċju għad-Drogi għadu ma ġiex adottat.

Il-Bosnja-Ħerzegovina għamlet progress fir-rigward tal-indirizzar tat-traffikar ta' bnedmin (THB). L-għadd ta' vittmi ta' THB li ġew identifikati żdied. Huma meħtieġa aktar sforzi sabiex tittejjeb il-koordinazzjoni u tinżamm il-kooperazzjoni effettiva, kemm bejn l-awtoritajiet kompetenti kif ukoll ma' NGOs li jittrattaw it-traffikar ta' bnedmin. L-identifikazzjoni proattiva tal-vittmi, kif ukoll il-mekkaniżmu nazzjonali ta' rinviju effettiv u li jaħdem tajjeb huma ta' importanza kbira. Huwa meħtieġ tisħiħ ulterjuri tal-prosekuzzjoni kriminali.

Il-Bosnja-Ħerzegovina kisbet progress fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. Ġiet irreġistrata żieda fir-reati kriminali, u l-għadd ta' kapi ta' akkuża kkonfermati għal ħasil ta' flus żdied ukoll. Ir-rakkomandazzjonijiet MONEYVAL, partikolarment dawk relatati mal-indipendenza operazzjonali u baġitarja tad-Dipartiment tal-Intelligence Finanzjarja, jeħtieġ li jiġu indirizzati minnufih. L-emendi għal-Liġi dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament ta' attivitajiet terroristiċi, li jindirizzaw ir-rakkamondazzjonijiet MONEYVAL, għadhom ma ġewx adottati. Il-makkaniżmu ta' qbid ta' assi jeħtieġ li jibda jopera fil-pajjiż kollu.

Sar progress limitat fil-qasam tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Il-Ġabra ta' Regoli tal-Aġenzija kontra l-Korruzzjoni ġew adottati f'Lulju. Huma meħtieġa aktar sforzi sabiex issir l-implimentazzjoni xierqa tal-Pjan ta' Azzjoni ta' Kontra l-Korruzzjoni. L-investigazzjonijiet, il-prosekuzzjonijiet u l-kundanni effettivi f'każijiet ta' korruzzjoni għadhom rari, filwaqt li l-għadd ta' liberazzjonijiet u sentenzi sospiżi għadu għoli.

Fil-qasam tad-drittijiet fundamentali relatati mal-libertà tal-moviment, ftit li xejn sar progress b'rabta mal-minoranza tar-Roma. Filwaqt li nkiseb xi progress fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni dwar id-djar, il-progress dwar l-impjiegi, il-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni għadu limitat. Tnieda l-proċess ta' reviżjoni tal-Pjani ta' Azzjoni dwar id-djar, l-impjiegi u s-saħħa sabiex jibdew jirreflettu aħjar il-ħtiġijiet tal-popolazzjoni tar-Roma, f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tas-Seminar dwar l-Inklużjoni tar-Roma ta' Lulju tal-2011. Id-diskriminazzjoni fl-aċċess għall-impjiegi, il-kura tas-saħħa, id-drittijiet tal-pensjoni u r-ritmu baxxa tat-tneħħija ta' mini, għadhom ta' tfixkil għar-ritorn sostenibbli u l-integrazzjoni lokali ta' persuni spustati internament u ta' gruppi vulnerabbli oħrajn. Id-diffikultajiet fir-rigward tar-riżorsi finanzjarji u umani disponibbli għall-Ombudsman għadhom ma ġewx indirizzati. Iċ-ċittadini ftit li xejn iressqu każijiet ta' diskriminazzjoni.

Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja

B'rabta mad-dokument ta' sigurtà, sa Marzu tal-2012 inħarġu total ta' 1 398 280 dokument tal-ivvjaġġar u 1 517 873 karta tal-identità. Il-proċess tal-ħruġ għaddej mingħajr xkiel. Meta tiskadi d-data tas-sostituzzjoni tal-passaporti l-qodma (fis-27 ta' Frar 2012) jibqgħu validi biss il-passaporti bijometriċi.

Fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri, fi Frar tal-2012 ġie stabbilit Kunsill Nazzjonali għall-istrateġija ta' ġestjoni tal-fruntieri integrata. Il-Kunsill Nazzjonali huwa responsabbli mill-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-istrateġija u mill-pjan ta' azzjoni tagħha. Huwa jikkonsisti minn rappreżentati tal-ministeri u l-istituzzjonijiet relevanti li huma involuti fil-proċess tal-implimentazzjoni. Ir-rikostruzzjoni ta' disa' għases tal-pulizija għas-sorveljanza tal-fruntieri tlestiet filwaqt li għadhom mhumiex konnessi mal-bażi tad-dejta ċentrali tal-Ministeru tal-Intern. Iċ-ċentri ta' kuntatt konġunti għall-kooperazzjoni tal-pulizija ġew stabbiliti mal-Albanija, is-Serbja u l-Kosovo. Il-protokolli għal pattulji konġunit tal-fruntieri qegħdin isiru permezz ta' pattulji mħallta mal-Albanija, il-Bulgarija u l-Kosovo.

Fil-qasam tal-ażil, fl-2012 ġie adottat programm nazzjonali għall-integrazzjoni li jiżgura finanzjament mill-istat għall-appoġġ għad-djar lil persuni li jingħataw l-ażil. Żdiedu l-kapaċitajiet ta' akkoljenza u r-riżorsi umani għaċ-ċentru tal-ażil f'Vizbegovo. Il-kapaċità amministrattiva u l-effiċjenza tal-amministrazzjoni tal-ażil għadhom mhumiex biżżejjed u jeħtieġ li jissaħħu. Il-proċedura tal-ażil timxi bil-mod; ma sar l-ebda progress biex jitgħaġġel il-proċess tal-għoti ta' dokumenti tal-identità lil applikanti għal ażil filwaqt li l-għoti ta' servizzi ta' interpretazzjoni għadu ta' ostaklu.

Fir-rigward tal-migrazzjoni, ġiet abbozzata l-leġiżlazzjoni sekondarja meħtieġa għall-operabbiltà sħiħa tal-bażi ta' dejta tal-barranin (li tkopri l-ażil, il-migrazzjoni u l-viża). Fl-2011 ġie adottat il-profil nazzjonali dwar il-migrazzjoni. Bħalissa qegħdin joperaw erba' ċentri li jipprovdu informazzjoni dwar il-migrazzjoni legali liċ-ċittadini. Il-ftehim ta' riammissjoni mal-UE ġie implimentat mingħajr xkiel. Il-ftehim ta' riammissjoni mas-Serbja daħal fis-seħħ filwaqt li ġie ffirmat ftehim ta' riammissjoni mal-Montenegro.

Fil-qasam tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, iċ-ċentri ta' investigazzjoni u tal-pulizija ġudizzjarja previsiti mis-CPC għadhom ma nħolqux. Huma meħtieġa aktar sforzi sabiex jiġi implimentat il-pjan ta' azzjoni għall-infurzar tas-CPC ġdid, partikolarment fir-rigward tat-taħriġ ta' aġenti u prosekuturi tal-infurzar tal-liġi. Ma sar l-ebda progress fir-rigward tan-nuqqas ta' persunal fiċ-Ċentru tal-Ġlieda kontra l-Kriminalità Organizzata u Serja fil-Ministeru tal-Intern. Il-Bazi tad-Dejta Nazzjonali dwar l-Intelligence Kriminali responsabbli mill-ġbir ta' intelligence għadha fil-fażi tas-sejħa għall-offerti u ċ-Ċentru Nazzjonali tal-Koordinazzjoni għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata għadu ma nħoloqx. L-isforzi tal-entitajiet relevanti tal-infurzar tal-liġi (il-Ministeru tal-Intern, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku, l-Amministrazzjoni Doganali u l-Pulizija Finanzjarja) fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata għandhom jissaħħu. L-effikaċja tal-prosekutur hija mfixkla min-nuqqas ta' aċċess dirett għall-bażi tad-dejta. Ftit li xejn jista' jiġi rrappurtat progress fil-qasam tal-ġlieda kontra d-drogi. L-ammont ta' drogi maqbuda fit-territorju tal-pajjiżi għadu baxx. Il-kapaċità tar-riżorsi umani tad-Dipartiment tad-Drogi Illegali fil-Ministeru tal-Intern għandha tissaħħaħ. L-isforzi tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi fid-detezzjoni u l-qbid tad-drogi jeħtieġ li jittejbu.

Il-kooperazzjoni internazzjonali u reġjonali fil-qasam tal-kriminalità organizzata transkonfinali ssuktat. Il-ftehim operazzjonali mal-Europol ġie ffirmat.

Fir-rigward tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, f'Diċembru tal-2011 il-Kummissjoni Statali għall-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni (SCPC) adottat programmi nazzjonali: għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, kif ukoll għall-prevenzjoni tal-kunflitt ta' interess, flimkien mal-Pjan ta' Azzjoni 2011-2015. Fil-qasam tal-prevenzjoni tal-korruzzjoni twettqu għadd ta' attivitajiet ta' taħriġ (għall-imħallfin, il-prosekuturi, l-aġenti tal-infurzar tal-liġi u l-ħaddiema taċ-ċivil). L-SCPC nediet dikjarazzjonijiet sistematiċi ta' verifiki tal-assi. Il-verifika ta' dikjarazzjonijiet ta' kunflitt ta' interess bdiet wara l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni sekondarja, iżda s-sistema mhijiex lesta għalkollox. Is-sistema ta' kontroll tal-finanzjament tal-partiti politiċi u tal-finanzjament ta' kampanji elettorali jeħtieġ li tissaħħaħ sabiex jiġu żgurati t-trasparenza u r-responsabbiltà. Għadu ma ġie stabbilit l-ebda rekord ta' twettiq fir-rigward ta' każijiet ta' korruzzjoni f'livell għoli. L-indipendenza tal-ġudikatura għadha kwistjoni li tqajjem tħassib li jaffettwa d-determinazzjoni tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

Fil-qasam tad-drittijiet fundamentali, il-Pjan ta' Azzjoni dwar l-inklużjoni tar-Roma u tar-refuġjati Roma ġie adottat f'Diċembru tal-2011. Dan jinkludi miżuri għat-titjib ulterjuri tal-aċċess tal-popolazzjoni Roma għall-impjiegi, l-edukazzjoni, id-djar u d-dokumenti personali. Il-Pjan ta' Azzjoni jipprevedi laqgħat mal-partijiet interessati kull sitt xhur bl-ewwel laqgħa ssir fi Frar tal-2012. Il-kapaċitajiet taċ-Ċentri ta' Informazzjoni tar-Roma (RIC) issaħħew permezz tax-xiri ta' tagħmir tekniku ġdid. Fi Frar tal-2012 fetaħ l-għaxar RIC fil-pol ta’ Topansko. Fir-rigward tal-edukazzjoni, ġiet adottata deċiżjoni li jinbnew żewġ skejjel fil-muniċipalità ta' Shuto Orizari. Issuktaw il-miżuri għall-għoti ta' boroż ta' stujdu lil studenti Roma, kif ukoll proġetti dwar l-inklużjoni tat-tfal Roma fl-istituzzjonijiet preprimarji. Sar taħriġ għal medjaturi tas-saħħa tar-Roma u 16 minnhom ser jibdew ħidmiethom fi 8 muniċipalitajiet.

Il-Montenegro

Fil-qasam tas-sigurtà tad-dokumenti, sal-31 ta' Marzu 2012 kienu nħarġu 313 109 passaport bijometriku u 444 023 karta tal-identità. Il-proċess għaddej mingħajr xkiel.

Fir-rigward tal-ġestjoni tal-fruntieri, il-modernizzazzjoni taż-żewġ postijiet fejn tinqasam il-fruntiera (BCP) mal-fruntiera mas-Serbja (Dobrakovo, Dracenovac) tlestiet għalkollox It-tagħmir tal-IT u l-vetturi għall-pulizija tal-fruntiera fil-BCPs maġġuri ġew mixtrija, ġew installati u qegħdin jaħdmu. Fir-rigward tal-bqija tal-BCPs, saret analiżi dettaljata tal-ħtiġijiet filwaqt li ġew identifikati n-nuqqasijiet fit-tagħmir. Il-kapaċità tal-pulizija tal-fruntiera ġiet imsaħħa wkoll permezz ta' attivitajiet ta' taħriġ.

Fil-qasam tal-migrazzjoni, inħoloq korp ta' koordinazzjoni sabiex iwettaq monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija għar-riintegrazzjoni ta' persuni li jirritornaw għall-perjodu bejn l-2011 u l-2016 f'konformità mal-ftehimiet ta' riammissjoni. Il-ftehim ta' riammissjoni bejn l-UE u l-Montenegro għadu qiegħed jiġi implimentat mingħajr xkiel. Tlesta l-bini taċ-ċentru ta' akkoljenza għal migranti irregolari.

Fil-qasam tal-ażil, ġew adottati l-Liġi dwar l-ażil u l-Liġi dwar il-barranin, iżda l-implimentazzjoni tagħhom tippreżenta għadd ta' sfidi. Il-kompetenzi tal-korpi nazzjonali relevanti għandhom jiġu ċċarati aktar. L-aġġudikament ta' applikazzjonijiet għall-ażil ma ra ebda titjib. Il-bini taċ-ċentru ta' akkoljenza għall-applikanti għal ażil tlesta għalkollox.

Fil-qasam tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, f'Jannar tal-2012 ġie adottat Pjan ta' Azzjoni għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata li jintroduċi miżuri operazzjonali u indikaturi f'konformità mal-prijoritajiet identifikati fil-Valutazzjoni tat-Theddida tal-Kriminalità Organizzata (OCTA) tal-2011. F'Novembru tal-2011 ġew adottati l-emendi għall-Ġabra ta' Regoli dwar l-organizzazzjoni interna u d-deskrizzjoni tax-xogħol tal-Amministrazzjoni tal-Pulizija. Dawn jintroduċu unitajiet organizzazzjonali speċjalizzati fi ħdan il-Pulizija. Ir-relazzjonijiet bejn is-servizzi tal-prosekuzzjoni u dawk tal-pulizija jeħtieġ li jitjiebu sabiex il-prosekutur jiġi żgurat rwol prinċipali fl-investigazzjonijiet. In-nuqqas ta' aċċess dirett tal-prosekuturi għall-bażijiet tad-dejta relevanti u n-nuqqas ta' kapaċità biżżejjed jfixkel l-implimentazzjoni effettiva tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali. Il-kapaċitajiet tal-korpi tal-infurzar tal-liġi fit-tmexxija tal-investigazzjonijiet finanzjarji jeħtieġ li jissaħħu. Il-kapaċità li jsir użu minn mezzi investigattivi speċjali tjiebet (f'dawk li huma persunal u tagħmir). Madanakollu, il-limitazzjonijiet fuq iż-żmien ta' bħalissa jfixklu l-użu effettiv. Il-proġett Pulizija Mmexxija mill-Intelligence jeħtieġ li jiġi introdott mal-pajjiż kollu u fl-istess ħin il-persunal tal-pulizija għandu jiġi mħarreġ. Il-kooperazzjoni internazzjonali u reġjonali dwar il-kriminalità organizzata transkonfinali baqgħet għaddejja b'mod effettiv. Il-kompetenzi relati mal-ġlieda kontra d-drogi ġew ċentralizzata fid-dipartiment tal-pulizija kriminali; il-kapaċitajiet tiegħu ġew imsaħħa permezz ta' taħriġ speċjalizzata u permezz tax-xiri ta' tagħmir li ser jintuża f'operazzjonijiet tal-ġlieda kontra d-droga. Fl-iskejjel u fil-livell lokali ġew organizzati attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni dwar il-problemi tad-droga. Il-kooperazzjoni mill-qrib mal-Europol, l-Interpol, il-forzi tal-pulizija tal-Istati Membri tal-EU u l-pajjiżi ġirien fil-qasam tad-drogi ssuktat.

F'dak li jikkonċerna l-qasam tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, ittieħdu passi ulterjuri sabiex jissaħħaħ il-qafas legali. Madanakollu, il-mekkaniżmi għall-kontroll fuq il-finanzjament tal-partiti politiċi u kampanji elettorali, kif ukoll l-infurzar ta' sanzjonijiet, jeħtieġ li jissaħħu u jiġu speċifikati aktar fil-qafas legali. Il-mekkaniżmi ta' kontroll fl-akkwist pubbliku jeħtieġ li jissaħħu. Wara d-dħul fis-seħħ ta' emendi għal-Liġi dwar il-prevenzjoni tal-kunflitt ta' interess, is-36 Membru tal-Parlament li kienu wkoll membri ta' bordijiet amministrattivi ta' kumpaniji tal-istat irriżenjaw minn dawn il-pożizzjonijiet u s-16-il Membru tal-Parlament li kellhom ukoll karigi eżekuttivi (fosthom 2 sindki) irriżenjaw minn waħda mill-karigi tagħhom. Il-Kummissjoni għall-Prevenzjoni tal-Kunflitt ta' Interess għad ma għandhiex il-kapaċità li tikkontrolla r-reqqa d-dikjarazzjonijiet tal-assi u d-dikjarazzjonijiet ta' interessi tal-ħaddiema taċ-ċivli, kif ukoll li taqbad ġid miksub b’mod illeċitu, għaliex ma għandhiex setgħat eżekuttivi u lanqas ma għandha aċċess għall-bażijiet tad-dejta relevanti. L-għadd ta' każijiet ta' korruzzjoni fejn ġie ordnat qbid ta' assi għadu baxx ferm. Sa issa għadhom ma ntużawx id-dispożizzjonijiet legali dwar il-qbid estiż. Saru għadd ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni dwar ir-rappurtar ta' korruzzjoni. Id-Direttorat għal Inizjattivi kontra l-Korruzzjoni ġie ttrasferit taħt l-awtorità tal-Ministeru tal-Ġustizzja. Madanakollu, l-kompetenzi tiegħu jeħtieġ li jittejbu, u l-kapaċitajiet tiegħu jissaħħu, sabiex tiġi żgurata kooperazzjoni aħjar tal-attivitajiet ta' prevenzjoni tal-korruzzjoni.

Fil-qasam tad-drittijiet fundamentali, il-membri tal-Kunsill għall-ħarsien mid-diskriminazzjoni nħatru fi Frar tal-2012. Matul il-perjodu ta' rappurtar tnedew attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni. Madanakollu, il-kapaċitajet tal-Uffiċċju tal-Ombudsman jeħtieġ li jissaħħu b'mezzi finanzjarji u permezz tal-ħatra ta' persunal ġdid. Il-leġiżlazzjoni dwar l-istatus ta' persuni spustati avvanzat u għandha timxi 'l quddiem. F'April tal-2012 ġiet adottata strateġija għat-titjib tas-sitwazzjoni tal-popolazzjoni tar-RAE, flimkien mal-pjan ta' azzjoni tagħha. Il-proġetti dwar l-inklużjoni soċjali tal-popolazzjoni tar-RAE baqgħu għaddejjin. Madanakollu, huma meħtieġa sforzi sostenibbli għat-titjib tal-aċċess għal drittijiet ekonomiċi u soċjali għal persuni spustati u għal persuni RAE. Huma meħtieġa sforzi ulterjuri sabiex il-Konik jingħataw kundizzjonijiet ta' għajxien sostenibbli.

Is-Serbja

Fil-qasam tas-sigurtà tad-dokumenti, il-proċess tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta' passporti u karti tal-identità sikuri għadu għaddej. Bejn Lulju tal-2008 u Marzu tal-2012, l-awtoritajiet Serbi ħarġu aktar minn 3.8 miljun passaport bijometriku u kważi 3.5 miljun karta tal-identità. Direttorat speċjali tal-koordinazzjoni huwa responsabbli mill-ħruġ ta' passaporti bijometriċi u karti tal-identità lil persuni li jirrisjedu fil-Kosovo. Bejn Novembru tal-2011 u Marzu tal-2012, dan ħareġ 17,000 passaport bijoemtriku lil persuni li jirrisjedu fil-Kosovo.

Fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri, is-Serbja baqgħet għaddejja bl-implimentazzjoni tal-istrateġija u l-pjan ta' azzjoni tal-IBM. Hija stabbilixxiet punti ta' kuntatt għall-kooperazzjoni transkonfinali mal-Bosnja-Ħerzegovina u l-Montenegro. Baqgħet għaddejja bit-titjib tal-faċilitajiet ta' sorveljanza bil-vidjow u wettqet operazzjonijiet konġunti fil-postjiet fejn tinqasam il-fruntiera ma' pajjiżi ġirien. It-tħaddim tas-sistema ta' twissija bikrija sabiex jinqabdu d-dokumenti tal-ivvjaġġar foloz għaddej tajjeb. Madanakollu, l-istrateġija tal-IBM jeħtieġ li tiġi aġġornata. Jeħtieġ li tibqa' tiġi żgurata l-konnessjoni sħiħa bejn il-postijiet fejn tinqasam il-fruntiera u l-bażi ta' dejta ċentrali tal-Ministeru tal-Intern. Il-ħolqien ta' diversi BCPs ġodda tefgħet pressjoni fuq ir-riżorsi; u l-kondiviżjoni domestika ta' dejta u profili ta' riskju, partikolarment fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, għadha dgħajfa. Il-kontroll tal-fruntiera amministrattiva mal-Kosovo għadha toffri sfida konsiderevoli, u l-iskambju ta' informazzjoni mal-EULEX għandu jitjieb. Is-Serbja għandha tiffirma u timplimenta l-Protokoll Tekniku għall-implimnetazzjoni tal-Konklużjonijiet Miftiehma tal-IBM tad-Djalodu bejn Belgrad u Pristina tat-2 ta' Diċembru tal-2011.

Is-Serbja ma għamlet l-ebda progress fil-qasam tal-migrazzjoni. Fil-parti l-kbira tiegħu l-qafas leġiżlattiv jissodisfa l-istandards tal-UE iżda għad irid jiġi implimentat b'mod effettiv. L-applikazzjonijiet għadhom qegħdin jiġu pproċessati fuq bażi temporanjza mill-Unità tal-Ażil tal-Pulizija tal-Fruntiera għaliex l-Uffiċċju tal-Ażil, li huwa meqjus bħala l-korp ta' prima istanza, għadu ma nħoloqx formalment. Il-mandat tal-Kummissjoni tal-Ażil, li huwa l-korp tat-tieni istanza, għalaq f'April tal-2012 u l-membri l-ġodda għadhom iridu jiġu eletti. Is-Serbja għandha żewġ ċentri ta' akkoljenza tal-ażil, pero' ma għandhiex biżżejjed kapaċità li tipprovdi servizzi għall-applikanti kollha għal ażil. Is-Serbja għandha ttejjeb is-sistema tal-ażil billi toħloq ċentru ieħor mill-aktar fis possibbli, tiżviluppa sistema li tipproċessa d-dejta bijometrika tal-applikanti għal ażil u ttejjeb il-kundizzjonijiet tal-integrazzjoni tal-applikanti għal ażil. Hija għandha tieħu passi ulterjuri sabiex tikkonforma l-leġiżlazzjoni tagħha mal-acquis tal-UE dwar il-migrazzjoni legali, prinċipalment dwar id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja, ir-residenza fit-tul u l-kundizzjonijiet tal-ammissjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għal raġunijiet ta' studji. Il-bażi tad-dejta nazzjonali għall-verifika ta' dejta personali u marki tas-swaba' ta' applikanti għal ażil għadha mhijiex fis-seħħ. Ir-riammissjoni bejn l-UE u s-Serbja tiffunzjona tajjeb.

Is-Serbja għamlet progress fil-qasam tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata. Ġew ippjanati għadd ta' proposti leġiżlattivi li jippruvaw isaħħu l-kapaċità tal-infurzar tal-liġi u li jtejbu l-irkupru ta' assi. Fil-perjodu ta' rappurtar il-prosekutur speċjali responsabbli mill-kriminalità organizzata beda għadd ta' kawżi ta' profil għoli, iżda l-qbid ta' assi qiegħed isir biss b'moderazzjoni. Il-kooperazzjoni mal-Europol u l-Eurojust qiegħda titjieb,u s-Serbja qorbot biex tiffirma ftehim operazzjonali mal-Europol. Is-Serbja għadha pajjiż ta' oriġini, tranżitu u destinazzjoni ta' traffikar ta' bnedmin. Il-qafas leġiżlattiv u istituzzjonali fil-ġlieda kontra t-traffikar tad-drogi jinsab fis-seħħ, iżda s-Serbja għadha parti integrali mir-rotta ta' traffikar tad-droga fil-Balkani tal-Punent. L-inidirzzar ta' dawn l-isfidi ser jitlob sforzi bla hedu.

Ftit li xejn sar progress fil-qasam tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Is-Serbja daħħlet fis-seħħ qafas legali u istituzzjonali fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, fosthom l-Aġenzija ta' Kontra l-Korruzzjoni u liġi ġdida dwar il-finanzjament ta' partit politiċi f'konformità mal-istandards Ewropej. Il-Ministru tal-Ġustizzja nħatar bħala koordinatur tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Madanakollu, l-introduzzjoni ta' approċċ proattiv u msejjes fuq l-intelligence fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata tibqa' waħda eċċellenti. L-awtoritajiet għadhom ma ffinalizzawx l-Istrateġija Nazzjonali ta' Kontra l-Korruzzjoni għall-2012-2017 u l-Pjan ta' Azzjoni tagħha. L-Aġenzija ta' Kontra l-Korruzzjoni għadha trid tistabbilixxi rekord ta' kisbiet fil-qasam tal-kontroll effettiv tal-finanzjament tal-partiti u biex ittejjeb il-kooperazzjoni mal-partijiet interessati relevanti għall-investigazzjoni ta' dikjarazzjonijiet ta' assi b'mod effettiv. Il-ħarsien tal-persuni li jiġbdu l-attenzjoni għal irregolaritajiet (whistle-blowers) ftit li xejn huwa implimentat. Il-kapaċità li jitwettqu investigazzjonijiet finanzjarji kumplessi għadha limitata; għad ma hemm l-ebda sistema ta' intelligence kriminali ċentralizzata; l-irkupru ta' assi għadu wieħed moderat.

Fil-qasam tad-drittijiet fundamentali relatat mal-libertà ta' moviment, is-Serbja ftit li xejn għamlet progress. Il-Minisru tal-Intern nieda kampanja ta' reklutaġġ ta' persunal minn komunitajiet ta' minoranzi. L-istatus tar-Roma fis-Serbja qed jipprova jiġi mtejjeb permezz ta' strateġija u pjan ta' azzjoni. Il-Kundizzjonijiet għall-edukazzjoni bażika, ir-reġistrazzjoni ta' studenti fl-iskejjel, ir-reġistrazzjoni ċivili u l-aċċess għall-kura tas-saħħa kollha ttejbu kemxejn. Huma meħtieġa aktar sforzi serji, fosthom riżorsi finanzjarji, sabiex jittejjeb l-istatus u l-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi tar-Roma, li għadhom fost l-aktar minoranza vulernabbli u marġinalizzata. L-aċċess għas-suq tax-xogħol għadu partiklarment ta' sfida.

IV.       Il-mekkaniżmu ta' prevenzjoni kontra l-abbuż tal-liberalizzazzjoni tal-viża miċ-ċittadini mill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent: evalwazzjoni tal-implimentazzjoni

Din l-evalwazzjoni hija msejsa fuq it-12 u t-18-il rapport ta' twissija tal-FRONTEX kif ukoll fuq ir-rapporti mogħtija minn pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Kif ġie enfasizzat fl-ewwel u t-tieni CSWP tal-2011, imsemmija hawn fuq, xi Stati Membri tal-UE epserjenzaw flussi staġunali ta' numri dejjem jikbru ta' applikanti għall-ażil wara li fi tmiem l-2009 u fl-2010 kienu ttieħdu d-deċiżjonijiet li l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jingħataw id-dritt ta' vvjaġġar mingħajr viża[3].

Matul il-perjodu ta' rappurtar, il-Belġju, il-Ġermanja, il-Lussemburgu u l-Isvezja għadhom l-aktar pajjiżi ta' destinazzjoni favoriti. Barra minn hekk, mill-bidu tal-2012 l-Isvizzera qiegħda tesperjenza pressjoni aktar qawwija fuq is-sistema tal-ażil tagħha minħabba ż-żieda sinifikanti ta' applikanti għal ażil, l-aktar mis-Serbja. Bħala wieħed mill-Pajjiżi Assoċjati ma' Schengen, l-Isvizzera ġiet mistiedna, u sussegwentement ingħaqdet mat-Task Force dwar il-Monitoraġġ ta' wara l-Liberalizzazzjoni tal-Viża fi Frar tal-2012.

Il-karattru staġunali tal-wasliet tal-applikanti għal ażil mill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent seta' jiġi osservat anke matul l-ewwel nofs tal-2012, filwaqt li ġew identifikati wkoll xi dinamiki ġodda. Ir-rapporti ta' twissija tal-Frontex juru li l-għadd totali ta' applikanti għal ażil mir-reġjun naqas meta mqabbel mal-perjodu ta' rappurtar ta' qabel (Jannar -31%, Frar -20%, Marzu -20%, April -15%) fiwaqt li ġiet osservata żieda ċkejkna f'Mejju (+20%). Dan it-tnaqqis irriżulta l-aktar minħabba tnaqqis konsiderevoli fl-għadd ta' applikanti għal ażil mis-Serbja u minn dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, li għadhom l-aktar żewġ nazzjonalitajiet minn fejn toriġina l-parti kbira tal-applikanti. Iż-żieda għal għarrieda f'Mejju hija kkaġunata minn żieda sinifikanti segwita minn tnaqqis konsiderevoli ta' applikazzjoni għal ażil min-naħa ta' ċittadini Albaniżi li ġiet ikkawżata minn xnigħat u miżinformazzjoni.

Madanakollu, l-effett pożittiv tat-tnaqqis staġunali li ħareġ fid-dieher fl-ewwel erba' xhur inġieb fix-xejn minn diversi fenomeni. L-ewwel nett, ix-xejra ta' tnaqqis mhijiex mifruxa b'mod ugwali għall-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent li ma għandhomx rekwiżiti ta' viża. Filwaqt li l-għadd ta' applikanti għal ażil minn dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u s-Serbja naqas jew żamm stabbli, dawk mill-Albanija, il-Bosnja-Ħerzegovina u l-Montenegro żdied meta mqabbel mal-istess perjodu tal-2011[4].

It-tieni nett, xi Stati Membri tal-UE esperjenzaw żieda fl-applikanti għal ażil mir-reġjun minkejja x-xejra staġunali inizjali ta' tnaqqis. L-akbar għadd ġew irreġistrati fil-Belġju (+20% f'April), fil-Lussemburgu (+31% f'Mejju) u fl-Isvezja (+133% f'Mejju). Barra minn hekk, ġew osservati fluttwazzjonijiet qawwija li ma jikkonformawx max-xejriet f'ċerti pajjiżi ta' oriġini u f'pajjiżi ta' destinazzjoni[5].

Aktar minn hekk, it-tqabbil annwali fl-għadd ta' applikanti għal ażil mir-reġjun jimplika staġunalità mdewma b'xejriet anqas aċċentwati ta' żieda u tnaqqis. Iż-żieda li seħħet f'kull ġimgħa matul l-aħħar ġimagħtejn ta' April (+31%) timplika li l-fluss il-ġdid ta' applikazzjonijiet għal ażil beda xhar u nofs aktar tard meta mqabbel mal-2011. Barra minn hekk, kif ġie enfasizzat fl-aħħar CSWP (Diċembru tal-2011) l-influssi mdewma fix-xitwa tal-2011 naqsu bi 30% meta mqabbel mal-2010. Dan il-fenomenu jista' jkollu impatt fuq il-livell tal-influssi li qegħdin jiġu osservati issa mal-mewġa tar-rebbiegħa/sajf.

L-aħtar raġunijiet frewkenti għall-applikazzjonijiet għal ażil li jintefgħu għadhom in-nuqqas ta' kura tas-saħħa, qgħad u nuqqas ta' skejjel. Barra minn hekk, għadd dejjem jikber ta' applikanti għal ażil ġew motivati jitilqu mill-pajjiż ta' oriġini tagħhom abbażi ta' xnigħat u ngħataw informazzjoni żbaljata dwar il-protezzjoni tal-ażil li tingħata fuq bażijiet ekonomiċi. Fir-rigward ta' dan tal-aħħar, l-ambaxxati tal-Istati Membri tal-UE fil-Balkani tal-Punent intensifikaw l-isforzi tagħhom biex jiċċaraw l-iskop u l-kundizzjonijiet tal-protezzjoni tal-ażil. Ir-rapporti ta' twissija tal-FRONTEX ikkonfermaw li l-maġġoranza tal-persuni għadhom jagħżlu l-istess pajjiżi tal-UE bħala destinazzjoni minħabba f'informazzjoni li jingħataw mingħand ħbieb jew qraba li jkunu diġà vvjaġġaw lejn dawn il-pajjiżi. Bosta minnhom huma wkoll konxji mill-fatt li ftit li xejn għandhom ċans li t-talba għal ażil tagħhom tiġi aċċettata, iżda jippruvaw iressquha xorta waħda.

Fir-rigward tar-raġunijiet sottostanti għall-għadd għoli ta' applikazzjonijiet għal ażil li sussegwentement jiġi deċiż li jkunu infondati, id-dewmien tal-proċeduri tal-ażil u d-dewmien assoċjat mal-permanenza awtorizzata fi Stat Membru għadhom fatturi relevanti li jitqiesu mill-applikanti għal ażil prospettivi.

Kif issemma fis-CSWP preċedenti, l-Istati Membri tal-UE kkonċernati jdaħħlu kontromiżuri fis-seħħ, eż. kampanji informattivi, l-ottimizzazzjoni tar-riżorsi umani li jintużaw għat-trattament ta' applikazzjonijiet għal ażil, it-tnaqqis taż-żmien ta' pproċessar medju għal applikazzjoni għal ażil li jkun infondati b'mod ċar u proċeduri aktar effettivi għal appelli. Jidher li l-informazzjoni tal-miżuri kellha impatt fuq l-għażla tal-pajjiżi ta' destinazzjoni ta' xi gruppi nazzjonali.

Il-profil komuni tal-applikanti tal-ażil ġie kkonfermat ukoll matul l-ewwel nofs tal-2012. Il-parti l-kbira tal-applikazzjonijiet għadhom jitressqu minn persuni mill-minoranza Roma, li ta' sikwit jaslu mal-familji tagħhom. Il-livell ta' edukazzjoni fost il-popolazzjoni tar-Roma fir-reġjun għadu baxx, u r-rati tal-qgħad huma għoljin ferm. Dan kollu jikkontribwixxi għal esklużjoni soċjali u d-deterjorament tal-kundizzjonijiet tal-għajxien.

It-tentattivi li jinqabżu l-proċeduri tal-ażil u r-ritorn, kif spjegat fis-CSWP preċedenti, għadhom isiru. Xi applikanti għal ażil ma jippreżentawx il-passaporti bijometriċi tagħhom meta japplikaw għall-ażil, u dan jimpedixxi l-identifikazzjoni tagħhom.

Ir-rata ta' rikonoxximent tal-ażil għadha baxxa ħafna[6]. Dan jindika, bħal f'rapporti ta' qabel, in-natura infondata tal-parti l-kbira tal-applikazzjonijiet għal ażil. Madanakollu, bil-maqlub ta' li seħħ f'perjodu preċedenti, meta l-għadd ta' applikazzjonijiet għal ażil ġodda qabeż l-għadd ta' ritorni, minn nofs Jannar 2012, bħalissa l-proporzjon bejn l-għadd ta' applikazzjonijiet għal ażil ġodda u l-għadd ta' ritorni huwa bbilanċjat.

L-awtoritajiet tal-ħames pajjiżi tal-Balkani tal-Punent komplew jieħdu miżuri kif mitluba mill-Kummissjoni biex jiġġieldu l-fenomenu, kif inhu spjegat hawn fuq taħt it-taqsima II. Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja adottat pjan ġdid (April – Settembru 2012) enfasizzat b'mod partikolari fuq miżuri soċjali u ekonomiċi li jtejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien ta' gruppi vulnerabbli, fosthom il-minoranza tar-Roma.

Ir-rapporti aġġornati kollha dwar l-implimentazzjoni tal-pjani ta' azzjoni maħsuba biex jiġġieldu l-abbuż mis-sistema ta' vvjaġġar mingħajr viża mill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent għadhom jagħtu importanza partikolari għal kampanji ta' informazzjoni. Posters u fuljetti jiċċaraw l-obbligi u d-drittijiet li joħorġu mill-ivvjaġġar mingħajr viża fiż-żona ta' Schengen, u tqassmet ukoll informazzjoni dwar ir-regoli għal aċċess għas-suq tax-xogħol tal-UE f'dawn il-pajjiżi. Il-Balkani tal-Punent jirrappurtaw iż-żieda fl-involviment ta' NGOs lokali f'dan il-proċess. Id-Delegazzjonijiet tal-UE fir-reġjun għad għandhom rwol importanti f'dan ir-rigward.

Għadhom qed jiġu applikati miżuri li jsaħħu l-kontroll tal-fruntieri. Ingħatat attenzjoni partikolari għall-postijiet fejn tinqasam il-fruntiera b'intensità kbira ta' traffiku fuq toroq prinċipali. Il-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent li huma eżentati mill-viża jirrapportaw għadd kbir ta' persuni identifikati li ppruvaw jitilqu mill-pajjiżi ta' oriġini tagħhom mingħajr ma jissodisfaw ir-rekwiżiti legali. Il-miżuri għat-titjib tal-kooperazzjoni transkonfinali bejn il-pajjiżi ġirien ġew intensifikati wkoll.

Il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent irrappurtaw ukoll dwar l-issuktar ta' miżuri dwar il-kontroll tal-aġenziji tal-ivvjaġġar u l-kumpaniji tat-trasport potenzjalment involuti f'miżinformazzjoni liċ-ċittadini dwar il-benefiċċji tal-ażil. Il-Bosnja-Ħerzegovina, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u s-Serbja baqgħu jikkoordinaw l-azzjonijiet tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi tagħhom filwaqt li l-Ministeri tat-trasport qegħdin jinvestigaw l-irregolaritajiet li setgħu seħħu. L-awtoritajiet tal-Bosnja-Ħerzegovina rrappurtaw dwar l-irtirar ta' liċenzji tat-trasport fuq il-bażi ta' irregolaritajiet fir-rigward tar-regoli ta' trasport internazjonali ta' persuni filwaqt li diversi każijiet jinsabu fil-fażi ta' prosekuzzjoni.

L-emendi tal-qafas legali f'dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja introduċew reat kriminali ġdid li huwa l-iffaċilitar tal-użu ħażin tas-sistema ta' vvjaġġar mingħajr viża, kif inhu rrappurtat fis-CSWP preċedenti (f'Diċembru tal-2011), ġew implimentati.

Intlaħaq ftehim dwar il-miżuri fil-tul għall-integrazzjoni aħjar tal-minoranza tar-Roma ma' kull pajjiż f'seminars li ġew organizzati mill-Kummissjoni, partikolarment dwar id-djar u l-aċċess għas-saħħa, l-edukazzjoni u t-taħriġ. L-implimentazzjoni ta' suċċess u kontinwa tagħhom hija tal-akbar importanza sabiex jiġi indirizzat il-fenomenu ta' applikazzjonijiet għal ażil infondati (ara l-analiżi tal-pajjiż fit-taqsima III). Flimkien mal-awtoritajiet rispettivi, matul l-2011 il-Kummissjoni Ewropea organizzat sensiela ta' "seminars tar-Roma" fir-reġjun sabiex issir analiżi u jinstabu soluzzjonijiet għall-isfidi li qed tħabbat wiċċha magħha l-komunità tar-Roma. Is-sejbiet orizzontali globali identifikaw lakuna importanti bejn il-leġiżlazzjoni xierqa u l-politiki li hemm fis-seħħ bħalissa, u l-implimentazzjoni adegwata tagħhom fuq il-post. Is-seminars wasslu għal għadd ta' konklużjonijiet operazzjonali f'oqsma prinċipali bħall: ir-reġistrazzjoni ċivili, l-edukazzjoni, l-impjiegi, il-kura soċjali u tas-saħħa, id-djar u l-libertà tal-moviment. Għal matul l-2012 ġew skedati sessjonijiet ta' segwitu dwar l-implimentazzjoni tal-konklużjonijiet li ġew miftiehma b'mod konġunt mal-awtoritajiet. Barra minn hekk, il-konklużjoni ta' suċċess tal-'proċess ta' Sarajevo' għar-ritorn jew l-integrazzjoni lokali tal-aktar refuġjati u IDPs vulnerabbli ser tagħti kontribut importanti sabiex dawn il-komunitajiet ikunu jistgħu jissetiljaw.

Saru sforzi addizzjonali fir-rigward tal-integrazzjoni tal-persuni li jirritornaw[7]. Is-Serbja ssuktat bl-implimentazzjoni tal-istrateġija ta' riintegrazzjoni tagħha u rrappurtat dwar proġett li tiġi żviluppata bażi tad-dejta li titraċċa l-aċċess tal-persuni li jirritornaw għas-servizzi pubbliċi. Tliet ċentri ta' akkoljenza jilqgħu lill-persuni li jirritornaw lejn is-Serbja. Saret it-traduzzjoni f'diversi lingwi ta' fuljett ta' informazzjoni. Madanakollu, il-mezzi finanzjarji għar-riintegrazzjoni għall-ħames pajjiżi tal-Balkani tal-Punent li huma eżentati mill-viża u l-aċċess tal-persuni li jirritornaw għall-impjiegi, l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-kwalifiki rikoxxuti għadhom limitati.

Bħalissa l-Parlament Ewropew u l-Kunsill qegħdin jiddiskutu proposti leġiżlattivi bil-mira li, fost l-oħrajn, jillimitaw l-abbuż tas-sistema tal-ażil fl-Istati Membri tal-UE u jipprevjenu x-xiri tal-ażil. Barra minn hekk, il-proposta tad-Direttiva dwar il-Kwalifika ġiet adottata f'Diċembru tal-2011. Għadha għaddejja ħidma fuq strumenti oħrajn.

Fl-aħħar nett, il-koleġiżlaturi jinsabu fl-aħħar stadju li jiddiskutu l-proposta tal-Kummissjoni għal emenda tar-Regolament 539/2001 (li telenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dan ir-rekwiżit)[8]. Din il-proposta, fost l-oħrajn tipprevedi klawsola ta' salvagwardja tal-viżi li tippermetti s-sospensjoni temporanja tal-eżenzjoni mill-viża għal pajjiż terz li ċ-ċittadini tiegħu huma eżentati mill-obbligu ta' viża f'każ ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza, fejn ikun hemm bżonn li jingħata rispons b'mod urġenti sabiex jiġu solvuti d-diffikultajiet li jkun qed jiffaċċja xi Stat Membru jew aktar. Mekkaniżmu bħal dan ikun miżura tal-aħħar istanza u jista' jiġi applikat għal kwalunkwe pajjiż terz li huwa eżentat mill-obbligu ta' viża.

V.        Il-passi li jmiss u azzjonijiet konkreti

Il-Kummissjoni tqis li l-mekkaniżmu ta' monitoraġġ ta' wara l-liberalizzazzjoni tal-viża li jinsab fis-seħħ bħalissa għadu jiffunzjona b'mod effettiv u jipprovdi l-għodod meħtieġa għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni kontinwa tal-kriterji tal-liberalizzazzjoni tal-viża mill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u l-flussi ta' migrazzjoni bejn dawn il-pajjiżi u l-Unjoni. Il-mekkaniżmu ta' twissija għandu l-kapaċità li jgħin lill-fassala tad-deċiżjonijiet fl-UE, fosthom il-Kummissjoni, sabiex jifhmu n-natura ta' dan il-fenomenu kurrenti, jivvalutaw l-iżviluppi tiegħu u jħejju għall-miżuri u d-deċiżjonijiet possibbli tal-ġejjieni.

Il-mekkaniżmu ta' twissijta tal-FRONTEX huwa kruċjali sabiex jippermetti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jissuktaw bil-monitoraġġ effettiv tas-sitwazzjoni u tal-flussi migratorji bejn ir-reġjun tal-Balkani tal-Punent u l-Unjoni. Għaldaqstant il-mekkaniżmu ta' twissija għandu jissokta. Fil-bidu tal-2013 ser issir valutazzjoni dwar l-estensjoni ulterjuri tiegħu.

Fuq il-bażi tal-monitoraġġ matul l-aħħar sitt xhur u f'paragun mas-CSWP ta' Diċembru tal-2011, jistgħu jinħarġu l-konklużjonijiet li ġejjin:

Il-parti l-kbira tal-vjaġġaturi mill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent huma vjaġġaturi bona fide u għaldaqstant l-iskop ġenwin tal-liberalizzazzjoni tal-viża - li jiġu ffaċilitati l-kuntatti bejn il-persuni, li jittejbu l-opportunitajiet kummerċjali u l-iskambji kulturali u li n-nies tar-reġjun jingħataw il-possibbiltà li jsiru jafu lill-UE aħjar - għadu wieħed sodisfaċenti.

L-implimentazzjoni tar-riformi mwettqa mill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fil-qasam kopert mill-pjani direzzjonali tal-liberalizzazzjoni tal-viża għadha għaddejja. Madanakollu, f'ċerti każijiet huma meħtieġa aktar sforzi sabiex jiġu żgurati s-sostenibbiltà u l-irriversibbiltà tar-riformi.

Il-livell ta' kooperazzjoni u implimentazzjoni bilaterali tal-Ftehimiet ta' Riammissjoni tal-UE mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent għadu wieħed pożittiv.

Il-feonomenu tal-abbuż mil-liberalizzazzjoni tal-viża żviluppa f'termini ta' staġunalità u firxa ġeografika. Fil-livell globali, l-għadd totali ta' applikanti għal ażil mill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent naqas meta mqabbel mal-perjodu ta' rappurtar tal-2011. Madanakollu, il-paragun ta' sena b'sena jixhed żieda ta' applikanti għal ażil matul l-istaġun li waqtu normalment l-influssi ma jkunux daqshekk kbar. Flimkien mat-tnaqqis matul l-istaġun b'aktar influssi, kif inhu rrappurtat fis-CSWP preċedenti, dan l-iżvilupp juri xejriet ta' staġunalità imdewma u anqas qawwija. Barra minn hekk, ix-xejriet li ġew osservati fir-rigward ta' pajjiżi ta' oriġini u ta' destinazzjoni individwali juru fluttwazzjonijiet li mhumiex kompatibbli max-xejriet globali. Għat-tieni sena konsekuttiva, il-fenomenu twessa' ġeografikament.

Il-livell baxx ta' integrazzjoni tal-komunitajiet lokali, partikolarment dawk ta' oriġini Roma, għadu fattur li jwassal għall-emigrazzjoni għall-parti l-kbira tal-applikazzjonijiet għal ażil infondati. Ir-raġunijiet ewlenin għat-tluq għadhom ekonomiċi, fuq il-bażi ta' vantaġġi finanzjarji mistennija assoċjati ma' applikazzjonijiet għal ażil f'uħud mill-Istati Membri tal-UE.

Il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent għandhom impenjati li jsibu soluzzjonijiet għall-problemi kurrenti u uħud mill-miżuri li ddaħħlu fis-seħħ wasslu għal riżultati pożittivi. Madanakollu, id-dimensjoni ġeografika mwessa' u l-frekwenza ta' gruppi ta' applikanti għal ażil organizzati tajjeb ta' oriġini Roma ssejjaħ għal azzjonijiet immirati orjentati lejn ir-riżultati.

Abbażi tal-konklużjonijiet ta' hawn fuq, kif ukoll tal-konsultazzjonijiet u l-iskambju tal-aħjar prattiki mwettqa f'dawn l-aħħar xhur bejn il-Kummissjoni, il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u l-Istati Membri tal-UE kkonċernati, l-azzjonijiet li ġejjin ġew identifikati bħala neċessarji:

(1) L-ewwel nett, il-kooperazzjoni mtejba mal-awtoritajiet tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent għandha tissokta sabiex ikunu jistgħu jintgħelbu diffikultajiet u, jekk possibbli, biex ikunu antiċipati sitwazzjonijiet diffiċli li qed jiġu ffaċċjati bihom xi Stati Membri tal-UE. Din il-kooperazzjoni hija ta' importanza partikolari fid-dawl tax-xejriet diverġenti ta' xi pajjiżi ta' oriġini u ta' destinazzjoni. Il-kooeprazzjoni għandha tissejjes fuq skambju ta' informazzjoni regolari bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri tal-UE kkonċernati u l-pajjiżi tar-reġjun, f'konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE u ma' dik nazzjonali.

(2) It-tieni nett, l-isforzi fir-rigward tal-investigazzjoni ta' faċilitaturi bħal aġenziji tal-ivvjaġġar, kumpaniji tat-trasport eċċ. għandhom jiġu intensifikati.

(3) It-tielet nett, l-isforzi għat-tisħiħ tal-kontrolli fuq il-ħruġ (fil-pajjiżi tal-Punent tal-Balkani) u l-kontrolli fuq id-dħul (fil-fruntieri tal-UE) għandhom jissaħħu aktar. F'dan il-kuntest, l-Istati Membri tal-UE li għandhom responsabbiltà diretta mill-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-UE għandhom ikomplu jagħtu attenzjoni partikolari lil dan il-fenomenu, f'konformità mal-acquis ta' Schengen u f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, l-Istati Membri tal-UE ta' destinazzjoni u l-FRONTEX.

(4) Barra minn hekk, il-kampanji ta' sensibilizzazzjoni u ta' informazzjoni mmirati u kontinwi għandhom jiġu intensifikati bil-għan li jiġu ċċarati d-drittijiet u l-obbligi tal-ivvjaġġar mingħajr viża, fosthom informazzjoni dwar ir-regoli ta' aċċess fis-swieq tax-xogħol tal-UE u r-responsabbiltà marbuta mal-abbuż minn drittijiet skont is-sistema ta' vvjaġġar mingħajr viża.

(5) L-assistenza lil popolazzjonijiet ta' minoranzi, b'mod partikolari l-komunitajiet tar-Roma, għandha tiżdied sostanzjalment u tkun aktar immirata fil-pajjiżi tal-oriġini. Għandha tingħata attenzjoni partikolari biex jiżdied il-livell ta' reġistrazzjoni ta' studenti fl-iskejjel min-naħa ta' tfal Roma, kif ukoll ir-rata tal-impjegar. Dan għandu jinkludi l-implimentazzjoni ta' strateġiji nazzjonali u assistenza mill-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati, b'appoġġ mill-għajnuna disponibbli min-naħa tal-UE u l-assistenza bilaterali tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni tinsab lesta li titfa' enfasi addizzjonali fuq it-tisħiħ ulterjuri tal-assistenza li tingħata mill-Istrument ta' Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA), fosthom it-TAIEX.

[1]               Ir-Regolament tal-Kunsilll (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta' Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħjom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa (ĠU L 81, 21.3.2001, p. 1).

[2]               SEC(2011) 695 finali u SEC(2011) 1570 finali.

*               This designation is without prejudice to positions on status, and is in line with UNSCR 1244/1999 and the ICJ Opinion on the Kosovo declaration of independence.

[3]               Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u Serbja lf-2009 u l-Albanija, il-Bosnja-Ħerzegovina fl-2010.

[4]               Dejta statistika komparattiva għal Mejju 2012 meta mqabbel ma' Mejju 2011: L-Albanija (+725%); Il-Bosnja-Ħerzegovina (+14%); Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (-48%); Il-Montenegro (+77%), is-Serbja (-13%).

[5]               Żiediet qawwija li ma jikkonformawx max-xejriet fl-applikazzjoni għal ażil ġew irreġistrati minn ċittadini albaniżi fil-Lussemburgu (+275% fi Frar u +233% f'Marzu), u fl-Isvezja (+268% f'April u f'Mejju +413%); ċittadini tal-Bosnja-Ħerzegovina fil-Lussemburgu (+1600% f'April); ċittadini ta' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja fil-Lussemburgu (+480% f'Mejju); ċittadini Montenegrini fil-Ġermanja (+750% f'Jannar) u fl-Isvizzera (+200 % f'Mejju).

[6]               'Ir-Rata ta' rikonoxximent' ġiet ikkalkulata bħala sehem mid-deċiżjonijiet pożittivi (dawk li jagħtu status ta' refuġjat jew protezzjoni sussidjarja (id-Direttiva 2004/83) jew status umanitarju (liġi nazzjonali)) fl-għadd totali ta' deċiżjonijiet fi proċeduri ta' prima istanza. L-għadd totali ta' deċiżjonijiet jikkonsisiti minn deċiżjonijiet pożittivi u negattivi.

[7]               Bejn Novembru 2011 u Marzu 2012, 2 400 persuna ta' nazzjonalità Serba rritornaw lejn is-Serbja. Bejn Novembru 2011 u Marzu 2012, 2 400 ċittadin Albaniż rritornaw lejn l-Albanija. Matul l-2011 983 ċittadin ta' dik li kienet ir-Repubblija Jugoslava tal-Maċedonja rritornaw lejn dan il-pajjiż. Bejn Jannar 2011 u April 2012 234 ċittadin Montegrin rritornaw lejn il-Montenegro.

[8]               COM (290) 2011.