52012DC0408

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea – Il-ġlieda kontra l-frodi Ir-Rapport Annwali tal-2011 /* COM/2012/0408 final */


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea – Il-ġlieda kontra l-frodi Ir-Rapport Annwali tal-2011

Sommarju eżekuttiv

B’kooperazzjoni mal-Istati Membri, il-Kummissjoni tippreżenta dan ir-Rapport Annwali dwar il-Protezzjoni tal-Interessi Finanzjarji tal-UE fl-2011 skont l-Artikolu 325 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

L-għan ta’ dan ir-rapport hu li jevalwa safejn il-fondi tal-UE jew id-dħul tal-baġit tal-UE huma f’riskju li jintużaw ħażin minħabba irregolaritajiet frodulenti jew irregolaritajiet mhux frodulenti filwaqt li jispjega x’qiegħed isir sabiex tiġi indirizzata din il-kwistjoni.

Miżuri riċenti għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE

Matul l-2011, il-Kummissjoni ħadet għadd ta’ miżuri sabiex ittejjeb il-qafas legali u amministrattiv għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE:

– Proposta emendata għal riforma tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF);

– L-Istrateġija tal-Kummissjoni Kontra l-Frodi (CAFS), li kienet tinkludi wkoll il-Pjan ta’ Azzjoni għall-ġlieda kontra l-kuntrabandu tul il-fruntiera tal-lvant tal-UE;

– Il-Komunikazzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea permezz tal-liġi kriminali u l-investigazzjonijiet amministrattivi;

– Il-Komunikazzjoni dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-UE;

– Proposti għall-imodernizzar tar-regoli dwar l-akkwist pubbliku; u

– Il-Komunikazzjoni dwar il-futur tal-VAT.

Tnaqqis tal-irregolaritajiet frodulenti u tal-irregolaritajiet l-oħrajn li jaffettwaw il-Baġit tal-UE

Fl-2011, fis-setturi kollha flimkien, 1 230 irregolarità ġew irrappurtati bħala frodulenti, li meta mqabbla mal-2010 jirriżultaw fi tnaqqis ta’ madwar 35 %. L-impatt finanzjarju stmat ta’ tali irregolaritajiet irrappurtati bħala frodulenti naqas ukoll, b’madwar 37 % meta mqabbel mal-2010 għal EUR 404 miljun. Barra minn hekk, in-numru tal-irregolaritajiet l-oħrajn u l-impatt finanzjarju stmat naqsu wkoll b’madwar 17 % u 6 % rispettivament.

It-tnaqqis fin-numru ta’ każijiet ta’ frodi rrappurtati u l-ammonti relatati kien mistenni wara ż-żieda qawwija fl-2010, li kienet ikkawżata mill-effett “ċikliku” tal-għeluq tal-perjodu tal-ipprogrammar 2000-2006 tal-politika ta’ koeżjoni u mill-aċċellerazzjoni fir-rappurtar wara l-introduzzjoni tas-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Irregolaritajiet (IMS - Irregularity Management System). L-impatt ta’ dawn iż-żewġ fatturi issa għadda.

Filwaqt li l-istampa globali hi rassikuranti u turi, fost oħrajn, l-effetti tal-proċeduri li l-Kummissjoni daħħlet fis-seħħ biex tittratta l-irregolaritajiet u t-titjib ġenerali fis-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll mill-Istati Membri, għad hemm differenzi sinifikanti fl-approċċi adottati mill-Istati Membri għar-rappurtar tal-irregolaritajiet frodulenti u l-irregolaritajiet mhux frodulenti. Ċerti Stati Membri għadhom qed jirrapportaw rati ta’ frodi baxxi ħafna. Dan iqajjem domandi dwar l-adegwatezza tas-sistemi tagħhom ta’ rappurtar nazzjonali. Għalhekk l-Istati Membri kkonċernati għandhom jirrappurtaw dwar kif is-sistemi ta’ kontroll tagħhom qed jiġu adattati għall-oqsma partikolari fejn hemm riskju għoli ta’ frodi u irregolaritajiet.

Mill-analiżi dwar it-theddid jidher ukoll ċar li l-ħtieġa li jiġu miġġielda l-frodi kriminali għadha reali ħafna, partikolarment f’riċessjoni, u tibqa’ minn ta’ fuq fl-aġenda tal-Kummissjoni.

Titjib tas-sistemi kontra l-frodi fil-qasam tal-politika ta’ koeżjoni

L-analiżi tat-tema speċjali ta’ din is-sena - il-miżuri meħuda u l-irregolaritajiet irrappurtati fil-qasam ta’ riskju għoli tal-politika ta’ koeżjoni - turi titjib fil-kontroll finanzjarju u s-sistema ta’ ġestjoni tar-riskju. Dan jinkludi dispożizzjonijiet legali u linji gwida, strateġiji nazzjonali jew reġjonali, l-użu ta’ indikaturi tar-riskju, proċeduri amministrattivi u kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali.

Min-naħa l-oħra, hemm bżonn aktar progress fil-monitoraġġ tar-riżultati tal-investigazzjonijiet kontra l-frodi amministrattivi u kriminali mill-Istati Membri, inkluż dwar l-irkupru tal-ammonti mill-benefiċjarji finali fil-qasam tal-politika ta’ koeżjoni.

Barra minn hekk, jeħtieġ ukoll li jkun hemm statistika aħjar dwar il-frodi sabiex tippermetti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffokaw l-isforzi tagħhom fuq l-oqsma b’riskju għoli.

Titjib fil-proċeduri tal-irkupru

Il-proċess ta’ rkupru tjieb, partikolarment dak marbut mal-fondi ta’ qabel l-adeżjoni u n-nefqa diretta. Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri u l-pajjiżi ta’ qabel l-adeżjoni b’rati baxxi ta’ rkupru sabiex iħaffu l-proċeduri tagħhom, jagħmlu użu mill-garanziji u l-istrumenti legali disponibbli meta jinstabu xi irregolaritajiet u biex jaħtfu l-assi f’każijiet fejn ma jitħallsux id-djun.

1.           Introduzzjoni

Skont l-Artikolu 325(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni, b’kooperazzjoni mal-Istati Membri, kull sena tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar il-miżuri meħuda biex timplimenta dan l-Artikolu, jiġifieri biex jikkumbattu l-frodi u kwalunkwe attivitajiet illegali oħrajn li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

It-Trattat jiddikjara li l-Unjoni u l-Istati Membri jaqsmu r-responsabbiltà għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u l-ġlieda kontra l-frodi. L-awtoritajiet nazzjonali jiġġestixxu erbgħa mill-ħames oqsma tan-nefqa tal-UE u jiġbru r-riżorsi proprji tradizzjonali[1]. F’dawn iż-żewġ oqsma, il-Kummissjoni teżerċita sorveljanza ġenerali, tistabbilixxi l-istandards u tivverifika l-konformità. Kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri hi essenzjali biex l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jkunu protetti b’mod effettiv. Għalhekk, wieħed mill-għanijiet ewlenin ta’ dan ir-rapport hu li jivvaluta safejn din il-kooperazzjoni ħadmet, skont kif ikun jista’ jingħad mid-dejta disponibbli, u kif din tista’ titjieb aktar.

Dan ir-rapport jiddeskrivi l-miżuri li ttieħdu fil-livell tal-Unjoni fil-ġlieda kontra l-frodi. Dan jinkludi wkoll sommarju u valutazzjoni tal-azzjoni li saret mill-Istati Membri f’qasam speċifiku wieħed, skont it-tweġibiet għal kwestjonarju li din is-sena ffoka fuq il-kontrolli fil-qasam tal-politika ta’ koeżjoni. Ir-rapport imbagħad jippreżenta l-aħħar informazzjoni dwar l-irregolaritajiet frodulenti u l-irregolaritajiet mhux frodulenti rrappurtati mill-Istati Membri kif ukoll is-sitwazzjoni dwar l-irkupru tal-ammonti.

Ir-rapport hu akkumpanjat minn erba’ Dokumenti ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni[2].

2.           L-irregolaritajiet frodulenti u l-irregolaritajiet l-oħrajn irrappurtati

Il-leġiżlazzjoni tal-UE teħtieġ li l-Istati Membri jirrappurtaw lill-Kummissjoni, fuq bażi trimestrali, kwalunkwe irregolaritajiet li jkunu sabu fl-oqsma li jaqgħu taħt il-ġestjoni konġunta, l-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni u r-riżorsi proprji tradizzjonali.

L-Istati Membri jridu jinfurmaw lill-Kummissjoni jekk l-irregolaritajiet irrappurtati jqajmu suspetti ta’ frodi (jekk iwasslux għall-bidu ta’ proċedimenti amministrattivi u/jew ġudizzjarji fil-livell nazzjonali biex tiġi stabbilita l-preżenza ta’ mġiba intenzjonata, bħal frodi[3]) u jridu jaġġornaw l-informazzjoni hekk kif il-proċedimenti rilevanti għall-impożizzjoni tas-sanzjonijiet jitlestew.

F’dan ir-rapport, l-irregolaritajiet huma maqsuma f’żewġ kategoriji wesgħin:

L-“irregolaritajiet irrappurtati bħala frodulenti” huma irregolaritajiet li jkunu suspettati bħala frodulenti jew li jkunu ġew stabbiliti li huma frodulenti, inklużi l-irregolaritajiet li l-Istati Membri ma jkunux irrappurtaw bħala frodulenti, iżda fejn, mill-analiżi tal-informazzjoni, kien possibbli li jiġu identifikati elementi ta’ mġieba frodulenti potenzjali[4].

L-“irregolaritajiet li ma ġewx irrappurtati bħala frodulenti” huma kwalunkwe tip ieħor ta’ irregolaritajiet irrappurtati, iżda li mhux aċċertat li huma frodulenti.

B’mod ġenerali, il-kwalità (jiġifieri l-kompletezza u l-puntwalità) tar-rappurtar tal-irregolaritajiet tjiebet. Għad fadal xi nuqqasijiet u inkonsistenzi, iżda dawn huma numru limitat ta’ każijiet u għalhekk ma għandhomx xi effett sinifikanti fuq l-eżattezza ta’ din l-analiżi. Id-distinzjoni bejn l-irregolaritajiet irrappurtati bħala frodulenti u dawk mhux irrappurtati bħala frodulenti tista’ ma tkunx kompletament paragunabbli bejn l-Istati Membri differenti, billi tista’ tiddependi fuq il-prattiki u r-regoli nazzjonali.

B’risposta għal rikjesti tal-Parlament Ewropew, kif ukoll diskussjonijiet li saru miegħu, il-Kummissjoni għalhekk qed tagħmel aktar enfażi fuq l-analiżi tagħha tal-irregolaritajiet irrappurtati bħala frodulenti.

2.1.        L-analiżi tal-irregolaritajiet irrappurtati bħala frodulenti mill-Istati Membri fl-2011

Fil-perjodu 2007-2011, in-numru ta’ irregolaritajiet irrappurtati bħala frodulenti fis-setturi kollha flimkien baqa’ pjuttost stabbli sal-2010 (ara l-Grafika 1). Fl-2011, 1 230 irregolarità kienu rrappurtati bħala frodulenti (frodi suspettati u stabbiliti), li meta mqabbla mal-2010 jirriżultaw fi tnaqqis ta’ madwar 35 %, kif muri fit-Tabella 1. L-impatt finanzjarju stmat ta’ tali irregolaritajiet irrappurtati bħala frodulenti naqas ukoll, b’madwar 37 % meta mqabbel mal-2010 għal EUR 404 miljun.

Grafika 1: IS-SETTURI KOLLHA: L-irregolaritajiet irrappurtati bħala frodulenti u l-ammonti relatati – 2007-2011

It-tnaqqis fil-għadd ta’ irregolaritajiet irrappurtati bħala frodulenti u l-ammonti relatati kien parzjalment mistenni, wara ż-żidiet fl-2009 u l-2010. Ir-raġunijiet ewlenin għal dan it-tnaqqis huma: it-tmiem tal-aċċellerazzjoni temporanja fir-rappurtar wara l-introduzzjoni tas-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Irregolaritajiet (IMS - Irregularity Management System) fl-2008; titjib ġenerali fis-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll; b’mod speċifiku għall-Politika ta’ Koeżjoni, in-natura “ċiklika” ta’ dawn il-programmi, fejn l-irregolaritajiet irrappurtati żdiedu viċin l-għeluq tal-perjodu tal-ipprogrammar 2000-2006[5] – jiġifieri s-snin ta’ rappurtar 2009 u 2010; u kontrazzjoni konsegwenti sussegwentement, billi ċ-ċiklu tal-ipprogrammar tal-2007-2013 hu implimentat b’mod progressiv[6].

Tabella 1: L-irregolaritajiet irrappurtati bħala frodulenti – 2011

Il-qasam || In-numru ta’ irregolaritajiet irrappurtati bħala frodulenti || L-impatt finanzjarju stmat tal-irregolaritajiet irrappurtati bħala frodulenti

2010 || 2011 || 2010 || 2011

(EUR miljuni) || Il-% tal-allokazzjonijiet || (EUR miljuni) || Il-% tal-allokazzjonijiet

L-Agrikoltura || 414 || 139 || 69 || madwar 0,12 % || 77 || madwar 0,14 %

Is-sajd || 0 || 2 || 0 || 0 % || 0,03 || madwar 0,005 %

Politika tal-koeżjoni || 464 || 276 || 364 || madwar 0,74 % || 204 || madwar 0,40 %

Il-fondi ta’ qabel l-adeżjoni || 101 || 56 || 41 || madwar 2,53 % || 12 || madwar 0,67 %

In-nefqa diretta || 21 || 34 || 3,6 || madwar 0,02 % || 1,5 || madwar 0,002 %

In-nefqa totali || 1000 || 507 || 478 || madwar 0,34 % || 295 || madwar 0,21 %

Id-dħul totali[7] (riżorsi proprji tradizzjonali) || 883 || 723 || 165 || (madwar 0,79 % tal-ammont gross tar-RPT miġbura għall-2010) || 109 || (madwar 0,49 % tal-ammont gross tar-RPT miġbura għall-2011)

Fir-rigward tan-nefqa, il-politika ta’ koeżjoni għadha s-settur bl-ogħla numru ta’ irregolaritajiet irrappurtati bħala frodulenti (54 % tat-total) u l-akbar impatt finanzjarju (69 % tat-total).

2.1.1.     Id-Dħul (ir-riżorsi proprji tradizzjonali)

Fl-2011, fil-qasam tar-riżorsi proprji tradizzjonali (RPT), kemm in-numru ta’ każijiet ta’ irregolaritajiet irrappurtati bħala frodulenti f’OWNRES u kemm l-ammonti involuti kienu aktar baxxi meta mqabbla mal-2010.

Grafika 2: Ir-RPT: L-irregolaritajiet irrappurtati bħala frodulenti u l-ammonti relatati – 2007-2011

Iċ-ċifri tal-frodi rrappurtati fir-rigward tar-RPT ivarjaw b’mod sinifikanti minn Stat Membru għall-ieħor. Kif imsemmi hawn fuq, dan hu r-riżultat tal-interpretazzjonijiet differenti tad-dispożizzjonijiet u l-prattiċi differenti bejn l-Istati Membri.

Mill-perspettiva finanzjarja, il-varjazzjonijiet minn sena għall-oħra huma attribwibbli għal rapporti ta’ każijiet kbar ta’ frodi individwali, li jagħmlu impatt konsiderevoli fuq iċ-ċifri annwali, b’mod speċjali fl-Istati Membri fejn jinġabru ammonti ta’ RPT aktar baxxi. Diversi fatturi jistgħu jinfluwenzaw ukoll iċ-ċifri dwar il-każijiet misjuba bħala frodulenti u mhux frodulenti, pereżempju t-tip ta’ traffiku u kummerċ, il-livell ta’ konformità tal-operaturi ekonomiċi u l-pożizzjoni ġeografika ta’ Stat Membru. Iċ-ċifri jistgħu jiġu affettwati wkoll mill-mod li bih tkun ġiet stabbilita l-istrateġija ta’ kontroll doganali tal-Istat Membru sabiex tindirizza l-importazzjonijiet riskjużi u biex taqbad il-frodi u l-irregolaritajiet relatati mar-RPT.

Il-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib l-azzjoni tal-Istati Membri meħuda b’reazzjoni għall-osservazzjonijiet li jsiru matul l-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni[8].

2.1.2.     In-nefqa – Il-ġestjoni konġunta u l-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni

2.1.2.1.  Ir-riżorsi naturali (l-agrikoltura u l-fond Ewropew tas-sajd)

Fil-qasam tal-agrikoltura, l-għadd ta’ irregolaritajiet irrappurtati bħala frodulenti u l-ammonti relatati, relattivi għall-ammonti totali minfuqa, ivarjaw b’mod sostanzjali kemm bejn kif ukoll fl-Istati Membri.

Fl-2011 l-Istati Membri rrappurtaw 139 irregolarità bħala frodulenti minn total ta’ 2 395. In-numru ta’ irregolaritajiet li ġew irrappurtati bħala frodulenti naqas meta mqabbel mas-sena ta’ rappurtar 2010 filwaqt li l-impatt finanzjarju żdied bejn l-2010 u l-2011 minn EUR 69 miljun għal EUR 77 miljun (ara l-Grafika 2). Din iż-żieda tista’ tiġi spjegata minn żewġ każijiet kbar li kienu rrappurtati, fejn wieħed jammonta għal EUR 39 miljun u l-ieħor għal EUR 26 miljun.

Grafika 3: L-agrikoltura: L-irregolaritajiet irrappurtati bħala frodulenti u l-ammonti relatati – 2007-2011

Fl-2011, il-Bulgarija rrappurtat l-ogħla numru ta’ irregolaritajiet frodulenti f’dan il-qasam, b’37 każ u warajha kien hemm ir-Rumanija b’25 każ. Ċerti Stati Membri b’nefqa kbira bħal Franza, il-Ġermanja, Spanja u r-Renju Unit għadhom qed jirrappurtaw numru baxx ħafna ta’ irregolaritajiet bħala frodulenti. Dan iwassal għal mistoqsija dwar jekk in-numru baxx iddikjarat bħala frodulenti huwiex dovut għan-nuqqas ta’ konformità mal-prinċipji ta’ rappurtar, inkluż l-interpretazzjoni tat-termini “frodi suspettati” u “frodi stabbiliti”, jew għall-kapaċità tas-sistemi ta’ kontroll li jinsabu fis-seħħ f’dawn l-Istati Membri biex isibu l-frodi.

Fir-rapport dwar l-2010, il-Kummissjoni talbet lil Franza, il-Ġermanja, Spanja u lir-Renju Unit biex jispjegaw in-numru baxx ta’ irregolaritajiet irrappurtati bħala frodulenti u biex jirrappurtaw dwar kif is-sistemi ta’ kontroll tagħhom qed jiġu adattati biex jindirizzaw l-oqsma b’riskju ogħla. Sal-lum, il-Kummissjoni għadha ma rċevitx spjegazzjoni.

Il-Finlandja, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Polonja kienu mistiedna jirrappurtaw b’mod aktar konsistenti, b’mod partikolari fir-rigward tad-dejta personali dwar individwi li kkommettew irregolaritajiet (frodulenti jew mhux). Il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Polonja tejbu r-rata ta’ konformità tagħhom għal madwar 83 % u l-Finlandja għal kważi 75 %. Dan hu pass kbir ’il quddiem iżda għad hemm lok għal titjib. Ir-rata ta’ konformità globali għall-UE-27 hi ta’ madwar 93 %, li hi żieda meta mqabbla mal-2010 (90 %).

Il-Kummissjoni tassisti lill-Istati Membri, twettaq kontrolli tal-kwalità fis-sistema ta’ rappurtar tal-IMS b’mod kostanti u tipprovdi rispons lill-Istati Membri dwar il-kwalità tar-rappurtar u d-dejta li tkun nieqsa.

Fir-rigward tal-Fond Ewropew għas-Sajd, żewġ irregolaritajiet kienu rrappurtati bħala frodulenti, għal ammont totali ta’ madwar EUR 30 000.

2.1.2.2.  Il-politika ta’ koeżjoni

Fl-2011, kemm l-għadd tal-irregolaritajiet irrappurtati bħala frodulenti fil-qasam tal-politika ta’ koeżjoni u kemm l-ammonti relatati naqsu b’mod sinifikanti meta mqabbla mas-sena ta’ qabel, b’46% u 63% rispettivament (ara l-Grafika 3).

Bħal fil-każ tal-irregolaritajiet l-oħrajn, dan it-tnaqqis sinifikanti kien mistenni b’riżultat tan-newtralizzazzjoni tal-kawżi għaż-żieda qawwija osservata fl-2010[9].

Grafika 4: Il-politika tal-koeżjoni: L-irregolaritajiet irrappurtati bħala frodulenti u l-ammonti relatati – 2007-2011

Ix-xejriet li kienu enfażizzati fis-snin ta’ qabel ġew ikkonfermati: il-Polonja, il-Ġermanja u l-Italja rrappurtaw il-biċċa l-kbira tal-każijiet (149 minn 276) u l-Ġermanja tibqa’ l-aktar Stat Membru b’suċċess fit-tlestija tal-proċedimenti kriminali biex jiġi stabbilit hemmx frodi u jkunu imposti l-penali.

Fl-2011 sitt Stati Membri ma rrappurtaw l-ebda irregolarità bħala frodulenti fil-qasam tal-politika ta’ koeżjoni: il-Belġju, Ċipru, id-Danimarka, Franza, Malta u l-Pajjiżi l-Baxxi. Għadu mhux ċar għalfejn dan kien il-każ fi Stati Membri kbar, bħal Franza.

Ta’ spiss, l-irregolaritajiet irrappurtati bħala frodulenti jikkonċernaw l-użu ta’ dokumentazzjoni falza jew iffalsifikata (dokumenti ta’ prova, dikjarazzjonijiet jew ċertifikati), li l-biċċa l-kbira jkunu jirrigwardaw l-inklużjoni ta’ nefqa mhux eliġibbli (li tirriżulta fl-inflazzjoni tal-kost tal-proġett) jew il-fatt li l-benefiċjarju ma jkunx eliġibbli biex jirċievi l-appoġġ finanzjarju. Tliet każijiet kienu jikkonċernaw korruzzjoni b’impatt finanzjarju stmat ta’ EUR 750 000.

Fl-oqsma tal-agrikoltura u l-politika ta’ koeżjoni, l-Istati Membri huma mistiedna jispjegaw in-numru baxx ta’ każijiet ta’ “frodi suspettati” rrappurtati u jirrappurtaw dwar kif is-sistemi ta’ kontroll tagħhom jindirizzaw l-oqsma b’riskju għoli biex itejbu l-prevenzjoni u s-sejbien tal-frodi.

2.1.2.3.  L-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni

Fl-2011, fil-qasam tal-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni, in-numru ta’ irregolaritajiet irrappurtati bħala frodulenti u l-ammonti relatati komplew jonqsu b’mod sinifikanti, b’hekk jikkonfermaw ix-xejra enfażizzata fl-2010.

Din hi l-konsegwenza ovvja tat-tneħħija gradwali tal-pajjiżi tal-UE-10 u l-UE-2 mill-azzjonijiet iffinanzjati mill-programmi tal-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni għall-perjodu 2000-2006.

Grafika 5: L-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni: L-irregolaritajiet irrappurtati bħala frodulenti u l-ammonti relatati – 2007-2011

Bħal fis-snin ta’ qabel, il-maġġoranza tal-każijiet li jirrelataw mal-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni (il-perjodu tal-ipprogrammar 2000-2006) kienu jikkonċernaw il-Programm Speċjali tal-Adeżjoni għall-Agrikultura u għall-Iżvilupp Rurali (SAPARD). Il-Polonja rrappurtat l-għola numru ta’ każijiet, segwita mir-Rumanija.

Fil-każ tal-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (il-perjodu tal-ipprogrammar 2007-2013), id-disa’ irregolaritajiet irrappurtati bħala frodulenti kienu maqsuma bejn il-ħames komponenti differenti[10]. It-Turkija rrappurtat irregolaritajiet fil-ħamsa kollha, filwaqt li każ wieħed li jikkonċerna l-komponent transkonfinali nstab fl-Italja, bħala parti mill-Programm ta’ Kooperazzjoni Transkonfinali fl-Adrijatiku. F’dan il-qasam, it-Turkija biss qiegħda tuża l-IMS għar-rappurtar tal-irregolaritajiet, filwaqt li l-Kroazja, minkejja t-taħriġ u l-appoġġ ipprovdut, għadha mhux qed tużaha.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Kroazja biex tlesti l-implimentazzjoni tal-IMS u biex ittejjeb il-kwalità tar-rappurtar; il-Kummissjoni tistieden lill FYROM biex timplimenta s-sistema.

2.2.        L-analiżi tal-irregolaritajiet li ma ġewx irrappurtati bħala frodulenti mill-Istati Membri fl-2011

Fl-2011, in-numru tal-irregolaritajiet li ma ġewx irrappurtati bħala frodulenti rreġistra tnaqqis globali (ara l-Grafika 6), li kien qawwi b’mod partikolari fl-oqsma tal-Politika ta’ Koeżjoni u tal-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni.

Grafika 6: IS-SETTURI KOLLHA: L-irregolaritajiet li ma ġewx irrappurtati bħala frodulenti u l-ammonti relatati – 2007-2011

Fir-rigward tad-dħul, l-impatt finanzjarju tal-irregolaritajiet li ma ġewx irrappurtati bħala frodulenti juri żieda żgħira meta mqabbel mal-2010 (ara t-Tabella 2).

Tabella 2: L-irregolaritajiet li ma ġewx irrappurtati bħala frodulenti – 2011

Il-qasam || In-numru ta’ irregolaritajiet li ma ġewx irrappurtati bħala frodulenti || L-impatt finanzjarju stmat tal-irregolaritajiet li ma ġewx irrappurtati bħala frodulenti

2010 || 2011 || 2010 || 2011

(EUR miljuni) || Il-% tal-allokazzjonijiet || (EUR miljuni) || Il-% tal-allokazzjonijiet

L-Agrikoltura || 1427 || 2256 || 62 || madwar 0,11 % || 101 || madwar 0,18 %

Is-sajd || 1 || 46 || 0,01 || 0 % || 1,6 || madwar 0,24 %

Il-politika ta’ koeżjoni || 6598 || 3604 || 1186 || madwar 2,41 % || 1015 || madwar 2,00 %

Il-fondi ta’ qabel l-adeżjoni || 323 || 207 || 42 || madwar 2,59 % || 48 || madwar 2,63 %

In-nefqa diretta || 1000 || 888 || 39,5 || madwar 0,27 % || 49,9 || madwar 0,78 %

In-nefqa totali || 9349 || 7001 || 1325,51 || madwar 0,94 % || 1215,5 || madwar 0,86 %

Id-dħul totali[11] (riżorsi proprji tradizzjonali) || 3861 || 3973 || 253 || (madwar 1,21 % tal-ammont gross tar-RPT miġbura għall-2010) || 278 || (madwar 1,24 % tal-ammont gross tar-RPT miġbura għall-2011)

Fl-2011, fil-qasam tar-riżorsi proprji tradizzjonali, l-irregolaritajiet li ma ġewx irrappurtati bħala frodulenti kienu 3 973, li juru żieda mill-2010, kemm fil-għadd u kemm fl-ammonti involuti.

Il-mira tal-istrateġiji ta’ kontroll doganali tal-Istati Membri għandha tkun intensifikata fuq l-importazzjonijiet b’riskju għoli, biex b’hekk titjieb ir-rata ta’ sejbien ta’ każijiet ta’ irregolaritajiet u ta’ frodi fir-RPT.

Fl-2011, fil-qasam tal-agrikoltura, l-irregolaritajiet kienu 2 256, li juru żieda mill-2010, kemm fin-numru u kemm fl-ammonti involuti. Iż-żieda fin-numru ta’ każijiet tirrifletti ż-żieda fin-nefqa u b’mod speċjali l-isforzi ulterjuri li saru mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni biex jitjieb il-proċess għar-rappurtar tal-irregolaritajiet[12].

L-impatt finanzjarju tal-irregolaritajiet li ma ġewx irrappurtati bħala frodulenti fl-agrikoltura żdied ukoll bejn l-2010 u l-2011, minn EUR 62 miljun għal EUR 101 miljun. Qed tingħata attenzjoni speċjali lis-snin finanzjarji 2004-2006, li huma meqjusa bħala “finalizzati”, billi l-pjanijiet ta’ kontroll u awditjar tlestew, il-proċeduri ta’ rkupru nbdew u l-irregolaritajiet ġew irrappurtati.

Fl-oqsma tal-politika ta’ koeżjoni u l-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni, l-istess konklużjonijiet li ġew enfasizzati fir-rigward tal-irregolaritajiet irrappurtati bħala frodulenti huma validi wkoll biex jispjegaw it-tnaqqis fin-numru ta’ irregolaritajiet li ma ġewx irrappurtati bħala frodulenti (in-natura ċiklika tal-programmi, it-tmiem tal-aċċellerazzjoni tar-rappurtar wara l-introduzzjoni tal-IMS u t-titjib fis-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll għall-politika ta’ koeżjoni u t-tneħħijja gradwali ta’ numru ta’ pajjiżi benefiċjarji għall-politika ta’ qabel l-adeżjoni).

L-irregolaritajiet li ma ġewx irrappurtati bħala frodulenti fil-politika ta’ koeżjoni għadhom jirrappreżentaw l-akbar sehem ta’ dawk li jolqtu d-diversi oqsma tan-nefqa taħt il-baġit tal-UE, għalkemm il-prevalenza ta’ dan is-settur qed tonqos b’rabta mas-sena preċedenti (madwar 50 % tal-każijiet irrappurtati kollha fl-2011, b’paragun għal 70 % fl-2010).

Il-maġġoranza ta’ dawn l-irregolaritajiet huma ksur tar-regoli applikabbli għall-akkwist pubbliku u l-eliġibbiltà tan-nefqa. Dan juri li f’dan il-qasam għad jista’ jsir aktar titjib tas-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll.

L-Istati Membri huma mħeġġa jkomplu l-isforzi tagħhom biex itejbu l-effiċjenza u l-effikaċja tas-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll tagħhom fil-qasam tal-politika ta’ koeżjoni.

Il-kwalità globali tar-rappurtar kienet qed titjieb kontinwament bis-saħħa tal-introduzzjoni u l-implimentazzjoni b’suċċess tal-IMS f’kull Stat Membru. Franza kienet l-aħħar pajjiż li bdiet tuża s-sistema (fl-aħħar kwart tal-2011). Għalhekk, għad jista’ jsir titjib, partikolarment meta r-rabta bejn is-sistema tal-IT nazzjonali PRESAGE u l-IMS titlesta fl-2012.

Fil-qasam tal-politika ta’ koeżjoni, il-Kummissjoni tistieden lil Franza biex tiffinalizza l-implimentazzjoni tas-sistema tal-IMS sa tmiem l-2012.

2.3.        L-analiżi tal-irregolaritajiet frodulenti u l-irregolaritajiet l-oħrajn relatati man-nefqa ġestita b’mod dirett mill-Kummissjoni fl-2011

Din it-taqsima tikkonċerna d-dejta tal-irkupru[13] maħruġa mid-dipartimenti tal-Kummissjoni fir-rigward tan-nefqa taħt il-“ġestjoni ċentralizzata diretta”[14].

Skont is-sistema tal-Kummissjoni tal-kontabbiltà bbażata fuq id-dovuti (ABAC - accrual-based accounting of the Commission), fis-sena finanzjarja 2011, total ta’ 3 389 ordni ta’ rkupru nħarġu għal ammont totali ta’ EUR 225 miljun. Fost dawn l-ordnijiet ta’ rkupru, 922 irregolarità kienu mmarkati bħala mhux frodulenti u 24 bħala frodulenti; l-analiżi turi li 10 irkupri oħra jistgħu jitqiesu bħala frodulenti. L-impatt finanzjarju ta’ dawn l-34 irregolarità frodulenti jammonta għal EUR 1,5 miljun. Meta mqabbla mal-baġit globali impenjat taħt il-ġestjoni ċentralizzata diretta fl-istess sena finanzjarja, din ir-rata ta’ frodi u irregolaritajiet hi baxxa ħafna.

3.           L-irkupru

Id-dejta tal-irkupru ppreżentata f’din it-taqsima hi bbażata, għas-setturi tal-baġit tan-nefqa, fuq dawk ippubblikati fil-kontijiet annwali tal-Unjoni Ewropea[15]. Għalhekk, huma jvarjaw fl-ambitu u fil-kontenut minn dawk ippreżentati fi snin preċedenti[16].

Tabella 3: Ir-rati ta’ rkupru skont is-settur – 2010 – 2011

IS-SETTUR TAL-BAĠIT || IL-KUNTEST || IR-RATA TA’ RKUPRU

2010 || 2011

Ir-RPT || Ir-rata tal-irkupru globali għas-snin kollha (1989-2011) hi 50 %. || 46 % || 52 %

L-agrikoltura u l-iżvilupp rurali[17] || Iċ-ċifri indikati f’din il-linja jirreferu għar-rata ta’ implimentazzjoni tal-korrezzjonijiet finanzjarji deċiżi mill-Kummissjoni[18]. || 85% || 77 %

Il-politika tal-koeżjoni || Iċ-ċifri indikati f’din il-linja jirreferu għall-implimentazzjoni tal-korrezzjonijiet finanzjarji magħmula mill-Kummissjoni sabiex teskludi mill-finanzjament tal-UE n-nefqa li mhix konformi mar-regoli u regolamenti applikabbli. Korrezzjonijiet finanzjarji jistgħu jiġu applikati wkoll wara l-iskoperta ta’ nuqqasijiet serji fis-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll tal-Istati Membri. Il-ħruġ ta’ ordnijiet biex tirkupra ammonti mħallsa indebitament hu biss wieħed mill-mezzi disponibbli għall-Kummissjoni biex timplimenta l-korrezzjonijiet finanzjarji. || 69 % || 93 %

Tipi oħra ta’ ġestjoni[19] || Jikkonċernaw l-irkupru ta’ ammonti mħallsa indebitament minħabba żbalji jew irregolaritajiet misjuba mill-Kummissjoni jew l-OLAF, l-Istati Membri jew il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, għall-parti tal-baġit li ma ssirx permezz tal-ġestjoni konġunta. || 92% || 92%

3.1.        Id-Dħul (ir-riżorsi proprji tradizzjonali)

Fir-rigward tar-riżorsi proprji tradizzjonali, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jirkupraw id-dazji indebitament mhux miġbura u biex jirreġistrawhom fil-bażi tad-dejta OWNRES. L-ammont li jrid jiġi rkuprat wara l-irregolaritajiet misjuba fl-2011 hu ta’ EUR 321 miljun (bejn wieħed u ieħor 1,43 % tal-ammont totali tar-RPT miġbura għall-2011). EUR 166 miljun diġà ġew irkuprati mill-Istati Membri għal każijiet misjuba fl-2011, li jirriżulta f’rata ta’ rkupru għall-2011 ta’ 52 %. Barra minn hekk, l-Istati Membri komplew bl-attivitajiet tagħhom ta’ rkupru relatati ma’ każijiet mis-snin preċedenti. Fl-2011, is-27 Stat Membru kollha flimkien irkupraw total ta’ madwar EUR 305 miljun li kienu relatati ma’ każijiet misjuba bejn l-1989 u l-2011.

L-attivitajiet tal-Istati Membri biex jirkupraw ir-RPT huma mmonitorjati permezz ta’ spezzjonijiet tar-RPT u permezz tal-proċedura li tirrikjedi li l-ammonti kollha li jaqbżu l-EUR 50 000, li finalment ikunu ddikjarati bħala li ma jistgħux jiġu miġbura lura mill-Istati Membri, jridu jiġu rrappurtati lill-Kummissjoni. F’każijiet fejn jiġu osservati dgħufijiet fl-attivitajiet ta’ rkupru tal-Istati Membri, huma jinżammu finanzjarjament responsabbli għan-nuqqas tal-irkupru tar-RPT.

Aktar minn 98 % tal-ammonti kollha tar-RPT stabbiliti jinġabru mingħajr ebda problema partikolari.

3.2.        In-nefqa ġestita mill-Istati Membri

3.2.1.     Ir-riżorsi naturali (l-agrikoltura u l-Fond Ewropew tas-Sajd)

Fil-qasam tal-agrikoltura, twettqu missjonijiet ta’ awditjar, skont il-qafas tal-proċeduri ta’ approvazzjoni tal-konformità, li rriżultaw f’korrezzjonijiet finanzjarji implimentati mill-Kummissjoni li jammontaw għal total ta’ EUR 822 miljun minn total ta’ EUR 1 068 miljun li kienu deċiżi (77 %).

Barra minn hekk, matul is-sena finanzjarja tal-2011, l-Istati Membri rkupraw EUR 173 miljun mill-benefiċjarji, li kienu relatati mal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG). B’riżultat ta’ dan, sal-aħħar tas-sena finanzjarja 2011, 44 %[20] tad-dejn mill-FAEG li jmur lura għall-2007 kien diġà ġie rkuprat mill-Istati Membri. Il-mekkaniżmu ta’ approvazzjoni finanzjarja (ir-regola ta’ “50/50”) introdott permezz tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005[21], jipprovdi inċentiv qawwi għall-Istati Membri biex jirkupraw ħlasijiet mhux dovuti mingħand il-benefiċjarji mill-aktar fis possibbli.

Minkejja dan, l-ammont akkumulat pendenti tal-FAEG li kien għad irid jiġi rkuprat mingħand il-benefiċjarji mill-awtoritajiet nazzjonali fi tmiem is-sena finanzjarja 2011 kien EUR 1,2 biljun. Madankollu, l-ammont pendenti għall-baġit tal-UE hu aktar baxx billi mill-2006, l-Istati Membri diġà ħallsu sommom mhux irkuprati kbar (EUR 0,45 biljun) għall-baġit tal-UE billi applikaw ir-regola 50/50.

Matul is-snin 2008-2011, il-Kummissjoni awditjat il-mekkaniżmu ta’ approvazzjoni ġdid permezz ta’ kontrolli fuq il-post fuq l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għal 18-il aġenzija tal-pagamenti fi 13-il Stat Membru, li jkopri 90 % tad-dejn pendenti totali fl-aħħar tas-sena finanzjarja 2011.

3.2.2.     Il-politika ta’ koeżjoni

Fl-2011, fil-qasam tal-politika ta’ koeżjoni, il-Kummissjoni kienet diġà lestiet il-korrezzjonijiet finanzjarji rigward EUR 624 miljun minn EUR 673 miljun li kienu deċiżi (93 %).

Ir-rata kumulattiva tal-implimentazzjoni tal-korrezzjonijiet finanzjarji (inkluż s-snin kollha sal-2011) telgħat għal 72 % u jifdal EUR 2,5 biljun pendenti.

L-Istati Membri huma responsabbli primarjament għall-irkupru mingħand il-benefiċjarji tal-ammonti mħallsa mhux kif dovut, flimkien ma’, fejn japplika, kwalunkwe interessi fuq il-pagamenti li jaslu tard. L-ammonti rkuprati mill-Istati Membri mhumiex inklużi f’dan ir-rapport, li jippreżenta biss il-korrezzjonijiet finanzjarji stabbiliti mill-Kummissjoni.

Għall-perjodu 2007-2013, l-Istati Membri huma obbligati li jipprovdu lill-Kummissjoni dejta dwar l-ammonti meħuda lura mill-kofinanzjament qabel ma l-proċess ta’ rkupru nazzjonali jiġi ffinalizzat u l-ammonti jiġu rkuprati b’mod effettiv mingħand il-benefiċjarji fil-livell nazzjonali. Din id-dejta (parzjali b’rabta mal-ammonti totali involuti fl-irkupri u l-korrezzjonijiet finanzjarji) hi ppreżentat fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni bl-isem “Valutazzjoni Statistika tal-Irregolaritajiet irrappurtati fl-2011”.

3.2.3.     Tipi oħra ta’ ġestjoni

Rigward il-parti tal-baġit tal-UE li hi ġestita skont il-ġestjoni diretta, in-nefqa li ma tkunx konformi mar-regoli u r-regolamenti applikabbli jew tkun soġġetta għal ordni ta’ rkupru stabbilit mill-Kummissjoni jew tkun imnaqqsa mid-dikjarazzjoni tan-nefqa sussegwenti[22].

L-ordnijiet ta’ rkupru kkonfermati li jirrigwardaw il-parti tal-baġit li ma ssirx skont il-ġestjoni konġunta jikkonċernaw EUR 377 miljun. Minnhom ġew irkuprati EUR 346 miljun (92 %).

3.2.3.1.  L-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni

Fil-każ tal-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni, il-pajjiżi benefiċjarji huma responsabbli primarjament għall-irkupru mingħand il-benefiċjarji tal-ammonti mħallsa mhux kif dovut flimkien ma’, fejn japplika, kwalunkwe interessi għall-pagamenti li jaslu tard. L-informazzjoni pprovduta f’dan ir-rapport hi bbażata fuq il-każijiet ta’ frodi suspettati u l-irregolaritajiet irrappurtati mill-pajjiżi benefiċjarji.

Fir-rigward tal-każijiet irrappurtati fl-2011, ir-rata ta’ rkupru tjiebet b’mod sinifikanti meta mqabbla mas-snin ta’ qabel, b’total ta’ kważi EUR 26 miljun irkuprati (46 %).

L-irkupru kumulattiv globali (tal-ammonti rrappurtati kollha, inklużi s-snin ta’ qabel) tjieb ukoll, b’aktar minn EUR 100 miljun irkuprati u rata ta’ rkupru ta’ aktar minn 60 %.

Dawn ir-riżultati pożittivi huma marbuta direttament mal-għeluq tal-programmi tal-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni.

3.2.3.2.  In-nefqa ġestita mill-Kummissjoni

Rigward l-ordnijiet ta’ rkupru li nħarġu fl-2011 u li ġew immarkati kemm bħala irregolaritajiet frodulenti u kemm bħala irregolaritajiet mhux frodulenti, kważi f’kull każ mid-922 każ ta’ irregolarità ġie rreġistrat irkupru totali jew parzjali. Ir-rata ta’ rkupru għall-irkupri kkwalifikati bħala “irregolaritajiet irrappurtati bħala frodulenti” hi 50 %; ir-rata għall-irregolaritajiet l-oħrajn hi 64 %.

4.           Il-politiki kontra l-frodi fil-livell tal-UE

4.1.        Il-miżuri tal-politika għall-ġlieda kontra l-frodi mnedija mill-Kummissjoni fl-2011

4.1.1.     Il-proposta ta’ riforma tal-OLAF

Ir-Regolament ta’ bażi li jiddefinixxi r-rwol prinċipali u l-mandat tal-OLAF biex iwettaq l-investigazzjonijiet amministrattivi tiegħu[23] attwalment jinsab taħt reviżjoni. Wara proċess ta’ riflessjoni li sar matul l-2010, f’Marzu 2011, abbażi ta’ dak il-proċess, il-Kummissjoni ppreżentat proposta emendata bil-għan li ttejjeb il-qafas leġiżlattiv li jirregola x-xogħol tal-OLAF, lill-koleġiżlaturi, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Il-proposta emendata timmira li tagħmel l-investigazzjonijiet tal-OLAF aktar effiċjenti, u fl-istess waqt tiċċara d-drittijiet proċedurali tal-persuni kkonċernati.

Il-proposta ġiet analizzata mill-Kunsill fil-livell tal-grupp ta’ ħidma, u f’Ġunju 2012 ġiet eżaminata waqt trilogu informali bejn il-Parlament Ewropea, il-Kunsill u l-Kummissjoni.

4.1.2.     L-Istrateġija tal-Kummissjoni Kontra l-Frodi

F’Ġunju 2011, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar l-Istrateġija tal-Kummissjoni Kontra l-Frodi[24] sabiex ittejjeb il-prevenzjoni u l-iskoperta tal-frodi fil-livell tal-UE. L-istrateġija hi diretta primarjament lid-dipartimenti tal-Kummissjoni li jamministraw il-fondi tal-UE u tistabbilixxi l-prijoritajiet li ġejjin:

· l-inklużjoni ta’ dispożizzjonijiet adegwati kontra l-frodi fil-proposti tal-Kummissjoni dwar il-programmi ta’ nefqa skont il-qafas finanzjarju multiannwali l-ġdid;

· l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ strateġiji kontra l-frodi fuq il-livell tad-dipartimenti tal-Kummissjoni permezz tal-assistenza tal-OLAF;

· ir-reviżjoni tad-direttivi dwar l-akkwist pubbliku sabiex jiġu ssimplifikati r-rekwiżiti u jonqsu r-riskji ta’ frodi relatati mal-akkwist pubbliku fl-Istati Membri.

Fl-2011 u fil-bidu tal-2012, sar progress permezz tal-inklużjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet kontra l-frodi fil-programmi ta’ finanzjament, permezz tat-twaqqif ta’ netwerk għall-prevenzjoni tal-frodi u permezz tal-ħolqien ta’ sit iddedikat għall-prevenzjoni tal-frodi li hu aċċessibbli għad-dipartimenti kollha tal-Kummissjoni. L-implimentazzjoni tal-istrateġija għandha tkun iffinalizzata sal-2014.

4.1.3.     Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni għall-ġlieda kontra l-kuntrabandu tas-sigarretti u l-alkoħol tul il-fruntiera tal-lvant tal-UE

Il-kuntrabandu ta’ oġġetti ntaxxati ħafna, l-aktar is-sigaretti u l-alkoħol, jikkawża telf sinifikanti tad-dħul tal-baġits tal-UE u tal-Istati Membri tagħha. It-telf dirett ta’ dħul doganali b’riżultat tal-kuntrabandu tas-sigaretti fl-UE hu stmat li jammonta għal aktar minn EUR 10 biljun fis-sena. Sabiex tindirizza din il-problema, f’Ġunju 2011, il-Kummissjoni nediet Pjan ta’ Azzjoni biex iżżid l-isforzi tagħha fil-ġlieda kontra l-kuntrabandu tas-sigaretti u l-alkoħol tul il-fruntiera tal-lvant tal-UE[25].

Il-Pjan ta’ Azzjoni janalizza l-inizjattivi u l-problemi eżistenti u jipproponi azzjonijiet immirati li għandhom jitwettqu sal-2014, bl-għajnuna tal-Istati Membri, tar-Russja u l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant (l-Armenja, l-Azerbajġan, il-Bjelorussja, il-Ġeorġja, il-Moldova u l-Ukraina). Din l-azzjoni tinkludi: l-appoġġ għall-iżvilupp tal-kapaċità tal-infurzar u l-għoti tal-assistenza teknika u t-taħriġ; it-tisħiħ tad-deterrenti u s-sensibilizzazzjoni; u t-titjib tal-kooperazzjoni operattiva bejn is-servizzi kompetenti fir-reġjun, inkluż l-iskambju tal-informazzjoni u kooperazzjoni internazzjonali aktar mill-qrib.

Uħud minn dawn il-miżuri diġà twettqu. Dawn jinkludu: konferenza operattiva reġjonali mmirata dwar il-kuntrabandu tat-tabakk li saret fir-Rumanija fl-aħħar ta’ Ġunju 2011; l-istazzjonar ta’ uffiċjal ta’ kollegament tal-OLAF għad-Delegazzjoni tal-UE fi Kiev sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni mas-servizzi kompetenti tal-infurzar tal-Liġi tal-Ukraina; u twettqet operazzjoni doganali konġunta mmirata, għall-ewwel darba, għall-kuntrabandu ta’ prodotti tat-tabakk u l-prekursuri tad-droga sintetika trasportati bil-ferrovija matul il-fruntiera tal-lvant tal-UE (ara t-Taqsima 4.2.5.3 ta’ dan ir-rapport).

Il-kisba tal-objettivi tal-Pjan ta’ Azzjoni kienet wieħed mill-prijoritajiet ewlenin fl-2011 u tibqa’ objettiv ewlieni fl-2012.

4.1.4.     Il-miżuri tal-Kummissjoni għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE permezz tal-liġi kriminali u permezz tal-investigazzjonijiet amministrattivi

Biex jipproteġu l-finanzi tal-UE, l-Istati Membri japplikaw ir-regoli nazzjonali. B’konsegwenza, ir-rata ta’ kundanna f’każijiet li jinvolvu reati kontra l-baġit tal-UE tvarja konsiderevolment madwar l-UE minn Stat Membru għal ieħor, li tvarja minn 14 % sa 80 %. Fl-istess ħin, is-sitemi tal-liġi kriminali tal-Istati Membri ġew armonizzati sa ċertu punt biss[26], il-kooperazzjoni ġudizzjarja mhix effettiva biżżejjed u hemm tendenza ta’ restrizzjoni tal-prosekuzzjonijiet għall-każijiet domestiċi, filwaqt li tiġi injorata d-dimensjoni Ewropea.

B’mod ġenerali, hemm nuqqas ta’ deterrenti kontra l-abbuż kriminali mill-baġit tal-UE. Konsegwentement, il-Kummissjoni ħabbret li għandha l-intenzjoni li ssaħħaħ il-qafas legali sabiex jiġu mħarsa l-interessi finanzjarji tal-UE f’għadd ta’ oqsma[27], inkluż:

· id-definizzjoni tar-reati kbar li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE (bħal frodi) u tar-reati kriminali rilevanti l-oħra (bħal serq);

· il-qafas proċedurali, fejn hi meħtieġa azzjoni biex jitjiebu l-kooperazzjoni u l-iskambji tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti kollha;

· il-qafas istituzzjonali għall-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u t-tressiq quddiem il-qorti ta’ dawk li jwettqu reati kontra l-interessi finanzjarji tal-UE. Dan jinkludi t-tisħiħ tal-korpi eżistenti – il-Eurojust u l-Olaf – u t-twaqqif ta’ Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew speċjalizzat.

Rigward l-ewwel punt, il-Kummissjoni fasslet proposta leġiżlattiva fil-11 ta’ Lulju 2012[28]. Filwaqt li fir-rigward tal-oqsma l-oħrajn, attwalment il-Kummissjoni qed tikkunsidra l-għażliet differenti għall-proposti.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li hemm bżonn ta’ protezzjoni aktar b’saħħitha tal-karti tal-flus u l-muniti tal-euro permezz ta’ pieni kriminali konformi mal-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni. Din tista’ titwettaq permezz tal-possibbiltà li l-Istati Membri jkunu jistgħu jużaw l-istess tekniki ta’ investigazzjoni u jiġu stabbiliti pieni minimi. Il-Kummissjoni qiegħda tipprepara proposta leġiżlattiva rigward dan is-suġġett.

4.1.5.     Il-Qafas Finanzjarju Multiannwali għall-2014-2020 – Il-Programmi Hercule III u Pericles 2020

F’Diċembru 2011, il-Kummissjoni adottat proposti għall-finanzjament ta’ żewġ programmi bil-għan li ssaħħaħ il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-frodi: Hercule III[29] u Pericles 2020[30]. Iż-żewġ proposti saru fil-kuntest tal-qafas finanzjarju multiannwali l-ġdid għall-2014-2020 u huma suċċessuri ta’ programmi li qed jitwettqu li se jiskadu fl-aħħar tal-2013.

Hercule III hu programm ta’ finanzjament iddedikat b’mod speċifiku biex jiġġieled il-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attivitajiet illegali oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE. Hu jipprovdi għall-akkwist ta’ tagħmir speċjalizzat u bażijiet tad-dejta li għandhom jintużaw minn aġenziji nazzjonali tal-infurzar tal-liġijiet u t-taħriġ għall-ispeċjalisti ta’ kontra l-frodi. Il-baġit totali propost għall-perjodu ta’ seba’ snin hu EUR 110 miljun.

Iż-żidiet il-ġodda proposti f’Hercule III jimmiraw għar-razzjonalizzazzjoni tal-objettivi u għas-simplifikazzjoni tal-implimentazzjoni, b’paragun mal-programm attwali. Fir-rigward tal-appoġġ ta’ assistenza teknika lill-Istati Membri, il-proposta tinkludi żieda fir-rata ta’ kofinanzjament minn 50 % għal 80 %, wara talba minn għadd sostanzjali ta' partijiet interessati, biex b’hekk l-Istati Membri b’kapaċità aktar limitati biex jikkofinanzjaw ikunu jistgħu jibbenefikaw ukoll minn dawn il-programmi.

Il-Programm Pericles jipprovdi taħriġ u assistenza dwar il-protezzjoni tal-karti tal-flus u l-muniti tal-euro kontra l-frodi u l-falsifikazzjoni. Hu jappoġġa workshops, laqgħat u seminars multidixxiplinari u transnazzjonali, postazzjonijiet immirati u skambji tal-persunal minn awtoritajiet nazzjonali fl-UE u madwar id-dinja, kif ukoll jipprovdi appoġġ tekniku, xjentifiku u operattiv.

Il-proposta Pericles 2020 tinkludi wkoll elementi ġodda, bħall-possibbiltà biex jinxtara tagħmir rilevanti u ż-żieda fir-rata tal-kofinanzjament (sa 90 % f’każijiet eċċezzjonali). Il-baġit totali propost għall-perjodu ta’ seba’ snin hu EUR 7,7 miljun.

Iż-żewġ proposti għandhom jiġu diskussi mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill fl-2012.

4.1.6.     Ir-riorganizzazzjoni tal-OLAF u tal-proċeduri ta’ investigazzjoni tagħha

F’Marzu 2011, l-OLAF nediet reviżjoni interna li tiffoka notevolment fuq titjib tal-istruttura tal-organizzazzjoni tal-OLAF u tal-proċeduri ta’ investigazzjoni tagħha.

Skont din ir-reviżjoni, fl-1 ta’ Frar 2012 daħlet fis-seħħ organigramma tal-OLAF ġdida. L-istruttura l-ġdida naqqset il-piż ġenerali u amministrattiv, żiedet in-numru tal-persunal assenjat għall-investigazzjonijiet bi 30 % u kkonsolidat ir-rwol tal-OLAF bħala d-dipartiment tal-Kummissjoni inkarigat mill-politika globali ta’ kontra l-frodi. Il-proċeduri ta’ investigazzjoni kienu ssimplifikati u ġie stabbilit sett ġdid ta’ prijoritajiet għall-politika ta’ investigazzjoni.

4.2.        Il-miżuri ta’ politika l-oħrajn meħuda mill-Kummissjoni fl-2011 b’rilevanza għall-ġlieda kontra l-frodi

4.2.1.     Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni fl-UE

L-implimentazzjoni tal-qafas legali kontra l-korruzzjoni għadu mhux uniformi fost l-Istati Membri tal-UE u b’mod globali għadu mhux sodisfaċenti. Konsegwentement, il-Kummissjoni ppreżentat politika ġenerali kontra l-korruzzjoni fl-UE għal dawn is-snin li ġejjin[31]. Il-Kummissjoni sejħet għal enfażi aktar iffukata fuq il-korruzzjoni f’firxa wiesgħa ta’ oqsma politiċi u indikat numru ta’ miżuri, inkluż kooperazzjoni aktar mill-qrib, regoli tal-UE mmodernizzati dwar il-konfiska tal-assi kriminali, reviżjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-akkwist pubbliku, statistika aħjar dwar il-kriminalità u użu akbar tal-kundizzjonijiet fil-politiki ta’ kooperazzjoni u żvilupp.

Mill-2013, il-Kummissjoni se tħejji Rapport tal-UE Kontra l-Korruzzjoni kull sentejn. Ir-rapport se jimmira biex jintensifika l-miżuri ta’ kontra l-korruzzjoni u jsaħħaħ il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri, filwaqt li jidentifika wkoll ix-xejriet tal-UE, jiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki u jħejji l-bażi għall-miżuri ta’ politika tal-UE l-ġodda.

4.2.2.     Il-modernizzazzjoni tar-regoli dwar l-akkwist pubbliku

Skont ir-riżultati ta’ konsultazzjoni pubblika, fl-20 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni adottat proposti[32] biex timmodernizza d-Direttivi dwar l-Akkwist Pubbliku. Dawn jimmiraw biex jiżguraw li l-Istati Membri jdaħħlu fis-seħħ mekkaniżmi effettivi biex jipprevjenu prattiki tan-negozju mhux tajba u jtejbu t-trasparenza. Il-Kummissjoni tqis li tali miżuri mhux biss jimmiraw biex ikun hemm kompetizzjoni ġusta bejn dawk li japplikaw għat-tenders, iżda wkoll biex jiġi żgurat li l-użu tal-flus ta’ dawk li jħallsu t-taxxi mill-awtoritajiet pubbliċi, ikun wieħed effiċjenti.

B’mod parallel, il-Kummissjoni pproponiet miżuri ta’ trasparenza bażika u rekwiżiti proċedurali applikabbli għall-għoti ta’ dispożizzjonijiet ta’ konċessjonijiet[33] għall-esklużjoni tal-kandidati ħatja ta’ korruzzjoni, ħasil ta’ flus u frodi, kif ukoll miżuri għall-prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interess.

4.2.3.     Il-politika ta’ koeżjoni

Fir-rigward tal-politika ta’ koeżjoni għall-perjodu ta’ wara l-2013, il-Kummissjoni temmen li hemm ħtieġa biex issaħħaħ l-aspetti kontra l-frodi permezz ta’: introduzzjoni ta’ sistema ta’ akkreditazzjoni nazzjonali; dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tal-ġestjoni; u approvazzjoni tal-kontijiet annwali biex tiżdied l-assigurazzjoni. B’mod partikolari, fir-rigward tal-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-programmi, il-Kummissjoni pproponiet li l-awtorità tat-tmexxija tistabbilixxi miżuri effettivi u proporzjonati kontra l-frodi li jqisu r-riskji identifikati[34].

4.2.4.     In-nefqa diretta

Fir-rigward tal-prevenzjoni, l-iskoperta u l-investigazzjoni ta’ frodi relatati man-nefqa diretta u l-għajnuna esterna, il-Kummissjoni pproponiet li tintroduċi klawżola standard[35] dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni fil-proposti tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali l-ġodda kollha għall-perjodu 2014-2020, bil-ħsieb li ttejjeb il-konsistenza fost il-programmi tan-nefqa.

4.2.5.     Id-dwana

4.2.5.1.  Is-Sistema tal-Informazzjoni dwar it-Tranżitu ta’ Kontra l-Frodi

Sabiex titjieb il-ġlieda kontra l-frodi relatati mad-dwana, hu importanti li kull awtorità involuta tkun infurmata dwar il-movimenti, fl-UE, tal-oġġetti fi tranżitu. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni (l-OLAF) fasslet u daħħlet fis-seħħ repożitorju ċentrali li jinkludi tali informazzjoni, imsejjaħ is-Sistema tal-Informazzjoni dwar it-Tranżitu ta’ Kontra l-Frodi (ATIS - Anti-Fraud Transit Information System). Mill-1 ta’ Settembru 2011, il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-pajjiżi tal-EFTA[36] kellhom aċċess f’ħin reali għall-ATIS.

4.2.5.2.            L-assistenza amministrattiva reċiproka u d-dispożizzjonijiet kontra l-frodi relatati mal-pajjiżi terzi

Sabiex jiżguraw l-applikazzjoni xierqa tal-leġiżlazzjoni doganali, diversi ftehimiet, bħal ftehimiet dwar il-kummerċ preferenzjali u/jew dwar il-kooperazzjoni, ftehimiet mhux preferenzjali u ftehimiet doganali, jinkludu dispożizzjonijiet dwar l-assistenza amministrattiva reċiproka (MAA - mutual administrative assistance) u dwar il-prevenzjoni, l-investigazzjoni u l-ġlieda kontra l-ksur tal-leġiżlazzjoni doganali.

Sa tmiem l-2011, kien hemm fis-seħħ 43 ftehim li jikkonċernaw total ta’ 58 pajjiż; kienu għaddejjin negozjati dwar kummerċ preferenzjali mal-Indja, il-Kanada, Singapor, il-Malasja, ir-reġjun tal-Mercosur, il-Ġeorġja, il-Moldova u sitt reġjuni tal-FSE (Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika).

4.2.5.3.  L-operazzjonijiet doganali konġunti

L-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri tal-UE, kif ukoll ta’ xi pajjiżi terzi, f’kooperazzjoni mal-OLAF, iwettqu operazzjonijiet konġunti regolari ta’ perjodu limitat immirati għall-ġlieda kontra l-kuntrabandu ta’ oġġetti sensittivi u l-frodi f’ċerti oqsma riskjużi u/jew fuq rotot kummerċjali identifikati. Il-Kummissjoni (l-OLAF) tagħti bidu għal dawn l-operazzjonijiet doganali konġunti (JCO – Joint Customs Operations) u/jew tipprovdi l-appoġġ neċessarju.

F’April 2011, operazzjoni doganali konġunta bl-isem kodiċi “Fireblade” kienet organizzata mill-Ungerija u l-Kummissjoni (l-OLAF), b’kooperazzjoni mal-Europol. L-Istati Membri tal-UE kienu kollha mistiedna biex jipparteċipaw, flimkien mal-Kroazja, l-Ukraina u l-Moldova. Din wasslet għad-detenzjoni ta’ aktar minn 28 000 biċċa/par ta’ prodotti tat-tessuti u aċċessorji ffalsifikati li kienu qed jippruvaw jiddaħħlu fl-UE bit-triq tul il-fruntiera tal-lvant tagħha. L-impatt finanzjarju ta’ dawn il-qabdiet jammonta għal mill-anqas EUR 1 miljun fir-rigward tal-valur fis-suq tal-oġġetti ffalsifikati detenuti, flimkien ma’ mill-anqas EUR 1,5 miljun relatati mad-dazji u t-taxxi evażi fuq is-sigaretti tal-kuntrabandu misjuba waqt l-operazzjoni.

F’Ottubru 2011, is-Servizz Doganali Pollakk, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-OLAF, nieda operazzjoni doganali konġunta bl-isem kodiċi “Barrel”. Erbgħa u għoxrin Stat Membru tal-UE ħadu sehem flimkien mal-Kroazja, it-Turkija, in-Norveġja u l-Isvizzera. Din kienet l-ewwel operazzjoni doganali konġunta dwar it-trasport bil-ferrovija, immirata għall-kuntrabandu ta’ prodotti tat-tabakk u l-prekursuri tad-droga sintetika tul il-fruntiera tal-lvant tal-UE. B’riżultat, madwar 1,2 miljun sigarett kienu misjuba fuq ferroviji tal-merkanzija li kienu qed iġorru l-injam u l-ħadid u ġew ikkonfiskati. Kieku dawn kienu jwasslu għal telf ta’ mill-anqas EUR 205 000 f’dazji u taxxi doganali evażi.

4.2.6.     Il-VAT

F’Diċembru 2011, abbażi tar-riżultati ta’ konsultazzjoni pubblika[37], kif ukoll skont id-diskussjonijiet mal-Istati Membri u l-opinjonijiet espressi mill-Istituzzjonijiet Ewropej, il-Kummissjoni adottat il-Komunikazzjoni bl-isem “Il-futur tal-VAT – Lejn sistema tal-VAT aktar sempliċi, robusta u effiċjenti mfassla għas-suq uniku”[38].

Metodi ġodda għat-titjib tal-ġlieda kontra l-frodi se jiġu esplorati, bħat-titjib tal-kooperazzjoni amministrattiva ma’ pajjiżi terzi, mekkaniżmu ta’ reazzjoni rapida biex jiġi indirizzat frodi ġdid u studji dwar sistemi ġodda ta’ ġbir tat-taxxa.

Il-Kummissjoni se tipprovdi wkoll l-assistenza kemm teknika u kemm għall-bini tal-kapaċità biex tgħin lill-Istati Membri jagħmlu l-amministrazzjonijiet tat-taxxa tagħhom aktar effettivi, effiċjenti u reżistenti għall-frodi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qed toħloq forum tal-UE permanenti fejn l-awtoritajiet tat-taxxa, ir-rappreżentanti tan-negozju u l-Kummissjoni se jiddiskutu l-kwistjonijiet ta’ kontra l-frodi relatati mal-ġestjoni tas-sistema tal-VAT.

4.2.7.     Il-konvenzjonijiet internazzjonali, l-istrumenti u l-arranġamenti ta’ kooperazzjoni amministrattiva

F’dinja globalizzata, il-frodi qiegħed iseħħ dejjem aktar bejn il-fruntieri internazzjonali. Għalehkk, hu importanti li tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-pajjiżi u l-organizzazzjonijiet internazzjonali madwar id-dinja kollha li jibbenefikaw mill-fondi tal-UE u/jew li huma donaturi flimkien mal-Unjoni Ewropea.

Qafas legali b’saħħtu u b’impenji ċari mill-pajjiżi sħab hu meħtieġ sabiex tiġi żgurata ġestjoni finanzjarja tajba tal-fondi li jirċievu mill-UE u biex jikkooperaw mal-UE sabiex jiġġieldu kontra l-frodi u l-korruzzjoni. Sabiex tistabbilixxi dan il-qafas, il-Kummissjoni Ewropea kienet qed tipproponi sett ta’ dispożizzjonijiet, dwar il-kontroll u l-ġlieda kontra l-frodi, fi ftehimiet bilaterali ġodda jew innegozjati mill-ġdid.

Fl-2011, dawn id-dispożizzjonijiet[39] kienu proposti fl-abbozzi ta’ ftehimiet ma’ pajjiżi benefiċjarji bħall-Afganistan u l-Kazakistan u fl-abbozzi ta’ Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni ma’ tliet pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant: l-Armenja, l-Azerbajġan u l-Ġeorġja. Dispożizzjonijiet aktar issimplifikati li jiffukaw fuq l-iskambju tal-informazzjoni ġew proposti wkoll ma’ pajjiżi donaturi importanti bħall-Awstralja. Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u l-Kummissjoni Ewropea se jinsistu biex dawn id-dispożizzjonijiet jiġu integrati fil-ftehimiet il-ġodda ma’ dawn il-pajjiżi waqt in-negozjati fl-2012.

Matul l-2011, il-Kummissjoni (l-OLAF) bdiet kampanja importanti biex issaħħaħ il-kooperazzjoni u speċjalment l-iskambji tal-informazzjoni dwar il-ġlieda kontra l-frodi ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-Viċi-Presidenza ta’ Integrità tal-Bank Dinji.

4.2.8.     Il-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu tal-prodotti tat-tabakk fil-livell internazzjonali

Il-Kummissjoni kkoordinat il-pożizzjoni tal-UE u, flimkien mal-Presidenza tal-Kunsill, irrappreżentat lill-UE matul in-negozjati tal-Protokoll dwar l-Eliminazzjoni tal-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk skont il-Konvenzjoni ta’ Qafas dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk (FCTC) tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO).

Saru ħames laqgħat tal-Korp tan-Negozzjati Intergovernattivi (INB) fejn l-aħħar waħda (INB5) saret f’Geneva bejn it-28 ta’ Marzu u l-4 ta’ April 2012. Wara negozjati intensivi waqt l-INB5, kien miftiehem Abbozz ta’ Protokoll dwar l-Eliminazzjoni tal-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk.

L-Abbozz ta’ Protokoll se jkun imressaq għall-konsiderazzjoni u l-adozzjoni waqt il-Konferenza tal-Partijiet għall-FCTC tad-WHO f’Seoul, fil-Korea t’Isfel, f’Novembru 2012.

4.3.        L-implimentazzjoni tal-programmi ta’ kontra l-frodi

4.3.1.     Il-Programm Hercule II

Fl-2011, il-Programm Hercule II kompla jiffoka fuq it-titjib tal-kooperazzjoni transnazzjonali u multidixxiplinari bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fil-ġlieda u l-prevenzjoni tal-frodi kontra l-interessi finanzjarji tal-UE.

Saret enfażi dwar: l-iskoperta u l-prevenzjoni ta’ importazzjonijiet mhux skont il-liġi ta’ prodotti illegali jew iffalsifikati, inkluż sigaretti u tabakk (EUR 5,1 miljun); konferenzi, seminars u taħriġ (EUR 4,8 miljun); pagamenti għal użu ta’ bażijiet tad-dejta esterni għall-għanijiet ta’ investigazzjoni (madwar EUR 2,9 miljun); u riċerka akkademika (EUR 0,7 miljun).

4.3.2.     Il-Programm Pericles

Il-Programm Pericles jipprovdi taħriġ u assistenza teknika lill-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-protezzjoni tal-karti tal-flus u l-muniti tal-euro kontra l-frodi u l-falsifikazzjoni. Fl-2011, il-Kummissjoni (l-OLAF) ħadet sehem fi 15-il attività tal-Pericles, inkluż konferenzi, seminars u skambji tal-persunal organizzati mill-Istati Membri u/jew mill-Kummissjoni (l-OLAF). L-istrateġija Pericles tiffoka fuq l-Istati Membri tal-UE u timmira li ssaħħaħ il-kooperazzjoni reġjonali f’oqsma kritiċi. Fl-2011, il-baġit allokat taħt il-Programm Pericles kien ta’ EUR 1 miljun filwaqt li l-impenn kien ta’ 100 %

4.3.3.     Is-Sistema ta’ Informazzjoni għal Kontra l-Frodi (AFIS)

Is-Sistema ta’ Informazzjoni għal Kontra l-Frodi (AFIS) hi sett ta’ applikazzjonijiet għal kontra l-frodi mmirati għall-iskambji f’waqthom u sikuri tal-informazzjoni relatata mal-frodi, bejn l-amministrazzjonijiet kompetenti nazzjonali u tal-UE. L-AFIS hi mħaddma mill-Kummissjoni (l-OLAF) u tiġbor żewġ oqsma prinċipali: l-assistenza reċiproka fi kwistjonijiet doganali (operazzjonijiet doganali konġunti, email sikur, is-Sistema tal-Informazzjoni dwar it-Tranżitu ta’ Kontra l-Frodi, eċċ.) u l-ġestjoni tar-rapport dwar l-irregolaritajiet mill-Istati Membri u l-pajjiżi benefiċjarji.

In-numru ta’ utenti tal-AFIS żdied b’mod konsistenti għal kważi 10 000 f’aktar minn 1 200 awtorità kompetenti mill-Istati Membri, pajjiżi terzi sħab, organizzazzjonijiet internazzjonali, dipartimenti tal-Kummissjoni u istituzzjonijiet tal-UE oħrajn.

Fl-2011, l-AFIS ġiet iffinanzjata minn baġit operattiv ta’ EUR 6 miljun, użati prinċipalment għall-manutenzjoni, l-iżvilupp u s-servizzi ta’ produzzjoni (EUR 4,8 miljun) filwaqt li l-kumplament mar għall-assistenza teknika, it-taħriġ u l-ħardwer (EUR 1,2 miljun). Il-baġit tal-2011 għall-AFIS kien implimentat kompletament, b’impenn ta’ 99 %.

4.4.        Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta’ April 2011 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet - Il-ġlieda kontra l-frodi – Ir-rapport annwali tal-2009

Il-Parlament Ewropew adotta r-riżoluzzjoni tiegħu dwar ir-rapport tal-2009 tal-Kummissjoni, fis-6 ta’ April 2011[40]. Ir-riżoluzzjoni tinkludi talbiet, kummenti u proposti speċifiċi li jkopru s-setturi kollha tal-baġit. Hija indirizzata lill-Kummissjoni u l-Istati Membri u tkopri firxa wiesgħa ta’ suġġetti, bħall-pubblikazzjoni tal-benefiċjarji tal-fondi tal-UE, id-dikjarazzjonijiet ta’ ġestjoni nazzjonali u l-akkwist pubbliku. Hija tikkritika s-sitwazzjoni rigward l-irkupru tal-fondi tal-UE fl-oqsma kollha u n-numru baxx ta’ irregolaritajiet irrappurtati minn ċerti Stati Membri f’setturi partikolari.

Il-Parlament Ewropew laqa’ l-introduzzjoni tas-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Irregolaritajiet u rrikonoxxa l-progress li sar f’ċerti oqsma, bħat-titjib fid-dixxiplina globali murija mill-Istati Membri fir-rappurtar tal-irregolaritajiet fis-settur tal-agrikoltura. Hu nnota wkoll ir-riżultat ta’ suċċess tal-operazzjoni doganali konġunta bl-isem kodiċi “Diabolo II” li kienet ikkoordinata mill-Kummissjoni Ewropea permezz tal-OLAF.

Il-Kummissjoni ttrasmettiet rapport ta’ segwitu lill-Parlament Ewropea li jindika l-azzjonijiet konkreti li biħsiebha tieħu b’rispons għar-riżoluzzjoni. B’mod partikolari, il-Kummissjoni rrimarkat li kienet adottat numru ta’ simplifikazzjonijiet fl-oqsma kollha tal-ġestjoni konġunta, bil-għan li ttaffi l-piż tax-xogħol fuq l-Istati Membri. Dawn imbagħad huma mistennija li jtejbu l-kwalità, il-puntwalità u l-kompletezza tar-rapporti tagħhom dwar l-irregolaritajiet.

4.5.        Il-Kumitat Konsultattiv għall-Koordinazzjoni tal-Prevenzjoni mill-Frodi (COCOLAF)

Skont l-Artikolu 325 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri jorganizzaw, flimkien mal-Kummissjoni, kooperazzjoni mill-qrib u regolari bejn l-awtoritajiet kompetenti tagħhom. Din issir fil-Kumitat Konsultattiv għall-Koordinazzjoni tal-Prevenzjoni mill-Frodi[41].

Il-Kumitat iltaqa’ darbtejn fl-2011[42]. Hu kien inżamm infurmat bil-progress fit-twettiq tal-programm tal-Kummissjoni kontra l-frodi u ressaq is-suġġerimenti tiegħu stess. Fost kwistjonijiet oħra, hu ddiskuta: l-implimentazzjoni effettiva tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-prevenzjoni tal-frodi u l-applikazzjoni tagħha fil-livell nazzjonali; ir-rappurtar annwali u l-iskambji tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, b’mod partikolari fir-rigward każijiet ta’ frodi u irregolaritajiet suspettati u stabbilit; u l-analiżi tar-riskju.

B’mod partikolari, il-Kumitat esplora l-mezzi kif jistgħu jissaħħu l-miżuri kontra l-frodi fl-Istati Membri, notevolment permezz tat-twaqqif ta’ sottogrupp tal-COCOLAF iddedikat għall-azzjoni strutturali. L-Istati Membri enfażizzaw il-valur miżjud ta’ laqgħat bħal dawn, notevolment għall-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki.

5.           Il-miżuri meħuda mill-Istati Membri sabiex jikkumbattu l-frodi u attivitajiet illegali oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE

5.1.        Ir-riżultati tal-kwestjonarju dwar il-kontrolli biex jiġġieldu l-irregolaritajiet u l-frodi kontra l-interessi finanzjarji tal-UE fil-qasam tal-politika ta’ koeżjoni

Kull sena, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jagħżlu suġġett partikolari b’tema speċjali (pereżempju f’oqsma ta’ riskju), li jkun indirizzat fir-rapport ta’ kontra l-frodi tas-sena ta’ wara, li jkun ibbażat fuq it-tweġibiet għal kwestjonarju mibgħut mill-Kummissjoni lill-Istati Membri. Din l-enfażi tiffaċilità l-iskambji tal-informazzjoni u l-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri u l-monitoraġġ tal-miżuri kontra l-frodi.

It-tema speċjali ta’ din is-sena tenfażizza l-kontrolli fil-ġlieda kontra l-irregolaritajiet u l-frodi kontra l-interessi finanzjarji tal-UE fil-qasam tal-politika ta’ koeżjoni[43]. Din tkopri l-informazzjoni dwar l-investigazzjonijiet kontra l-frodi, il-miżuri u l-istrateġiji leġiżlattivi u amministrattivi fis-seħħ, l-użu ta’ indikaturi tal-frodi, l-ammonti rkuprati f’konnessjoni mal-investigazzjonijiet kontra l-frodi kif ukoll dejta dwar il-persunal assenjat u involut fl-investigazzjonijiet kontra l-frodi.

L-Istati Membri kollha rrappurtaw miżuri leġiżlattivi jew amministrattivi li kienu ħadu fil-perjodu 2007-2011. Fil-perspettiva tal-Istati Membri, dawn ikkontribwixxew sostanzjalment għal prevenzjoni aħjar tal-frodi fil-qasam tal-politika ta’ koeżjoni u/jew għal titjib fis-sistema tal-ġestjoni tar-riskju.

Dawn il-miżuri jikkonċernaw, fost affarijiet oħrajn, ir-regoli dwar l-eliġibbiltà, l-investigazzjonijiet u l-kontrolli fuq il-post, ir-rappurtar u l-ipproċessar tal-frodi u l-irregolaritajiet ġenerali, il-proċeduri tal-irkupru, kontrolli fil-fond biex ikunu misjuba u eliminati finanzjamenti ta’ proġetti doppji, il-proċeduri tal-akkwist pubbliku, l-introduzzjoni tal-pieni, l-azzjoni kontra l-frodi u l-korruzzjoni, it-twaqqif ta’ korpi ta’ koordinazzjoni biex jiġġieldu l-frodi li jolqtu l-interessi finanzjarji tal-UE, il-parteċipazzjoni tal-persunal f’sessjonijiet ta’ taħriġ u seminars u l-prosekuzzjoni tal-benefiċjarji u kull min ikun involut f’każijiet ta’ frodi jew korruzzjoni suspettati.

F’termini tal-effikaċja u l-effiċjenza, kważi l-Istati Membri[44] kollha rrappurtaw approċċ qawwi u proattiv b’aktar irregolaritajiet misjuba qabel il-pagamenti b’riżultat tal-miżuri preventivi meħuda u, konsegwentement, numru aktar baxx ta’ irregolaritajiet eventwalment irrappurtati. Ċerti Stati Membri[45] indikaw tnaqqis qawwi fin-numru ta’ każijiet ta’ frodi suspettati misjuba, anqas żbalji fit-tenders u trasparenza akbar fil-proċess kollu. F’termini ta’ kredibbiltà tar-rappurtar finanzjarju, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri[46] rrappurtaw proporzjon ogħla ta’ ammonti eliġibbli aċċettati.

Fir-rigward il-konformità mar-regoli, xi Stati Membri[47] semmew l-impatt preventiv tal-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar l-akkwist pubbliku[48], in-Nota tal-Kummissjoni dwar l-indikaturi tal-frodi[49], id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-akkwist pubbliku, il-Manwal u l-Linji Gwida dwar in-Notifika tal-Irregolaritajiet u d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli minn 27 sa 36 (Irregolaritajiet) tar-Regolament (KE) Nru 1828/2006.

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri[50] rrappurtaw li kienu qed jużaw strateġiji jew “tipi ta’ operazzjonijiet” nazzjonali jew reġjonali[51] bħal miżuri jew pjanijiet fis-seħħ biex jipprevjenu b’mod aħjar il-frodi u jsibu każijiet ta’ frodi relatati man-nefqa relatata mal-fondi ta’ koeżjoni. Il-kumplament[52] kienu sodisfatti bis-sitwazzjoni eżistenti u ma kienu daħħlu fis-seħħ jew ippjanaw l-ebda strateġija matul il-perjodu mistħarreġ biex inaqqsu r-riskju ta’ frodi.

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri[53] wieġbu li kienu qed jużaw indikaturi ġenerali biex jirridirieġu l-kontrolli tagħhom u li dawn jikkontribwixxu għall-iskoperta tal-frodi u għat-titjib tar-riżultati tal-attivitajiet kontra l-frodi.

L-Istati Membri kollha rrappurtaw dwar l-investigazzjonijiet kontra l-frodi li saru u l-proċedimenti kriminali li tlestew b’rabta ma’ proġetti tal-politika ta’ koeżjoni ffinanzjati taħt il-perjodi tal-ipprogrammar 2000-2006 u 2007-2013. Xi Stati Membri inkludew “kontrolli għal għarrieda” li huma provduti fir-regolamenti tal-UE fl-investigazzjonijiet amministrattivi kontra l-frodi. Xi wħud ifittxu għal frodi possibbli billi jagħmlu kontrolli għal għarrieda, kontrolli fuq talbiet ta’ pagamenti, kontrolli fuq l-akkwist preliminari u kontrolli fuq kampjun tas-sistemi ta’ verifika u l-esperjenza. F’każ li jkun hemm żieda fis-suspetti, jitwettqu kontrolli addizzjonali u, fejn ikun hemm bżonn, isir rapport għand l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi.

L-Istati Membri kollha jqisu li l-kontroll finanzjarju tagħhom hu wieħed immirat b’mod suffiċjenti fuq l-iskoperta tal-frodi.

Xi Stati Membri kbar[54] irrappurtaw għadd limitat ħafna ta’ investigazzjonijiet kriminali li għadhom għaddejjin. Xi Stati Membri[55] pprovdew dejta importanti dwar investigazzjonijiet kontra l-frodi li saru u dwar il-proċedimenti kriminali li tlestew, iżda oħrajn[56] ma pprovdew l-ebda dejta rigward il-proċedimenti kriminali li tlestew flimkien mad-deċiżjonijiet tal-qrati. Fl-aħħar nett, l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri dwar l-ammonti rkuprati wara l-investigazzjonijiet kontra l-frodi li jkopru l-perjodi tal-ipprogrammar 2000-2006 u 2007-2013 tindika li, bħala minimu, ir-rappurtar tal-proċess ta’ rkupru jista’ ma jkunx kredibbli u jeħtieġ li jittejjeb. L-ebda rabta ma setgħet tiġi stabbilita bejn dak li ġie rrappurtat fis-Sistema tal-Ġestjoni tal-Irregolaritajiet u dak irrappurtat f’dan l-eżerċizzju. Żewġ Stati Membri[57] rrappurtaw ammonti kbar u terz[58] biss irrappurtaw li ġew irkuprati ammonti akbar minn EUR 1 miljun wara investigazzjoni kontra l-frodi. Għal terz ieħor[59], l-ammonti rrappurtati f’dan l-eżerċizzju għandhom valur baxx, filwaqt li ċerti Stati Membri[60] ma rrappurtaw l-ebda ammont jew indikaw “mhux applikabbli”.

It-tweġibiet tal-Istati Membri għall-kwestjonarju jindikaw titjib fil-kontroll finanzjarju u fis-sistema ta’ ġestjoni tar-riskju għall-prevenzjoni tal-frodi fil-qasam tal-politika ta’ koeżjoni. Dan jinkludi dispożizzjonijiet legali u linji gwida, strateġiji nazzjonali jew reġjonali, l-użu ta’ indikaturi tar-riskju, proċeduri amministrattivi u kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali.

Mill-banda l-oħra, jeħtieġ aktar progress fir-rigward il-monitoraġġ tar-riżultati tal-investigazzjonijiet amministrattivi u kriminali kontra l-frodi, inkluż l-irkupru tal-ammonti kkonċernati[61].

Huwa wkoll ċar li statistika aħjar dwar il-frodi hi neċessarja sabiex il-Kummissjoni u l-Istati Membri jkunu jistgħu jiffokaw l-isforzi tagħhom fuq l-oqsma b’riskju għoli. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni biħsieba tagħmel aktar enfażi fuq ir-rappurtar f’dan il-qasam.

L-Istati Membri huma mistiedna biex jimmonitorjaw ir-riżultati tal-investigazzjonijiet kriminali u jtejbu l-istatistika tagħhom dwar il-frodi.

5.2.        L-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-2010

Fir-rapport dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni fl-2010, il-Kummissjoni għamlet għadd ta’ rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri, b’mod partikolari dwar każijiet ta’ frodi u irregolaritajiet oħrajn li ġew irrappurtati, dwar l-irkupru tal-ammonti irregolari u dwar l-użu tal-Bażi tad-Dejta Ċentrali tal-Esklużjoni (CED) skont l-Artikolu 95 tar-Regolament Finanzjarju.

Il-Kummissjoni mmonitorjat l-implimentazzjoni ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet mill-Istati Membri bħala parti mill-eżerċizzju ta’ rappurtar tal-2011. Ċertu titjib żgħir kien osservat, b’mod speċjali fl-implimentazzjoni tal-IMS. Stat Membru[62] wieħed biss għad irid ilesti l-implimentazzjoni tal-IMS. Fir-rigward l-obbligi ta’ rappurtar[63] li jikkonċernaw l-agrikoltura, sar xi progress mill-Istati Membri kkonċernati, b’mod partikolari fir-rigward tad-dejta personali dwar l-individwi li wettqu irregolaritajiet (frodulenti jew mhux frodulenti) u dwar ir-rata ta’ konformità tagħhom, iżda għad hemm lok għal titjib minħabba r-rata baxxa ta’ rappurtar ta’ frodi suspettati mill-Istati Membri l-kbar.

Dwar id-dħul, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri kkonfermaw li l-istrateġiji nazzjonali tagħhom li jinsabu fis-seħħ jivvalutaw b’mod konsistenti r-riskji fil-firxa kollha tad-dazji doganali u li se jittieħdu l-miżuri proattivi u preventivi neċessarji biex jikkombattu l-frodi potenzjali.

Fir-rigward tar-rakkomandazzjoni dwar it-twaqqif tal-Bażi tad-Dejta Ċentrali tal-Esklużjoni (CED)[64], għadd żgħir ta’ Stati Membri[65] qegħdin jużawha u pprovdew rapporti ta’ progress; oħrajn jew ħadu miżuri preliminari billi appuntaw il-punt ta’ kuntatt jew qed jikkunsidraw li jużaw il-bażi tad-dejta għaċ-ċiklu tal-ipprogrammar li jmiss[66]. Sal-lum, l-ebda każ ma ġie rrappurtat lill-Kummissjoni f’dan ir-rigward.

6.           Konklużjonijiet

Dan ir-rapport juri li fl-2011 sar progress fl-adozzjoni, mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri, tal-miżuri ta’ politika li se jipprovdu protezzjoni aħjar tal-interessi finanzjarji tal-UE. L-implimentazzjoni sħiħa ta’ dawn il-miżuri teżiġi kooperazzjoni mill-qrib bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri, li l-Kummissjoni se tkompli timmonitorja.

L-analiżi tal-irregolaritajiet fl-2011 turi tnaqqis globali tal-irregolaritajiet irrappurtati u titjib fir-riżultati tal-irkupru tar-riżorsi tal-UE li kienu mħallsa indebitament. Dan it-tnaqqis kien mistenni wara l-aċċellerazzjoni fis-snin ta’ qabel li, hi stess, kienet ukoll ir-riżultat ta’ titjib fil-kontrolli u l-għodod.

L-analiżi turi wkoll li għad hemm bżonn ta’ sforzi f’kull settur kopert mill-baġit sabiex jinżamm il-progress u jiġu indirizzati l-effetti negattivi potenzjali li l-kriżi finanzjarja attwali jista’ jkollha fil-forma ta’ żieda fl-atti frodulenti kontra l-baġit tal-UE. Konsegwentement, il-Kummissjoni tirrakkomanda li kull Stat Membru, b’mod speċjali dawk li kellhom riżultati nieqsa jew li ma kinux biżżejjed, idaħħlu fis-seħħ miżuri adegwati kontra l-frodi mmirati kemm għall-prevenzjoni u kemm għall-iskoperta tal-frodi.

Mid-dejta rċevuta jidher ċar ukoll li għad irid isir aktar progress, b’mod speċjali fil-qasam tal-irkupru, fejn il-proċeduri għadhom relattivament twal.

[1]           Fil-biċċa l-kbira dazji doganali u agrikoli, iżda wkoll dazji antidumping u imposti fuq iz-zokkor.

[2]               (i) L-implimentazzjoni tal-Artikolu 325 mill-Istati Membri fl-2011; (ii) Evalwazzjoni statistika tal-irregolaritajiet irrapportati fl-2011 għar-riżorsi proprji, ir-riżorsi naturali, il-politika ta’ koeżjoni u qabel l-adeżjoni; (iii) Rakkomandazzjonijiet biex ikun hemm segwitu għar-rapport tal-Kummissjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE – il-ġlieda kontra l-frodi, 2010; (iv) Il-Metodoloġija dwar l-evalwazzjoni statistika tal-irregolaritajiet irrappurtati għall-2011.

[3]               Pereżempju, skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1848/2006 tal-14 ta’ Diċembru 2006 dwar l-irregolaritajiet u l-irkupru ta’ somom ta’ flus imħallsa bi żball b’konnessjoni mal-finanzjament tal-politika agrikola komuni, ĠU L 355, 15.12.2006, pp. 56-62.

[4]               Pereżempju, meta jsir użu minn dokument falz jew iffalsifikat jew meta jkunu qed isiru investigazzjonijiet jew proċedimenti kriminali; irregolaritajiet bħal dawn għalhekk jinkludu dawk individwati mis-servizzi tal-Kummissjoni, inkluż l-OLAF. Il-kunċett ta’ frodi suspettati mhuwiex użat fir-rappurtar tar-riżorsi proprji tradizzjonali (RPT).

[5]               Minħabba żieda fl-attività ta’ kontroll fl-aħħar snin ta’ implimentazzjoni tiegħu.

[6]               Attwalment, ir-rata ta’ implimentazzjoni globali hi taħt l-40 % tar-riżorsi disponibbli. Dan jimplika li l-proġetti li se jiġu kkontrollati issa huma anqas mill-aħħar snin tal-perjodu tal-ipprogrammar ta’ qabel u għalhekk l-irregolaritajiet li jirriżultaw, b’mod ġenerali huma anqas u l-effett dissważiv tal-kontrolli hu ogħla.

[7]               Biex ikun possibbli li jsir paragun, iċ-ċifri tal-2010 huma bbażati fuq id-dejta użata għar-rapport f’dik is-sena. Id-dejta tinkludi ammonti stabbiliti u stmati involuti f’irregolaritajiet li ġew irrappurtati bħala frodulenti. Id-dejta tinkludi l-ammonti stabbiliti u stmati involuti fl-irregolaritajiet li ġew irrappurtati bħala frodulenti.

[8]               Rapport dwar l-istrateġija ta’ kontroll doganali tal-Istati Membri li jiġbor ir-riżultati tal-ispezzjonijiet imwettqa fl-2009 u fl-2010 fl-Istati Membri kollha kien ippreżentat lill-Kumitat Konsultattiv dwar ir-Riżorsi Proprji fis-7 ta’ Lulju 2011.

[9]               Jiġifieri l-għeluq tal-perjodu tal-ipprogrammar 2000-2006 u l-aċċellerazzjoni tar-rappurtar tal-irregolaritajiet wara l-introduzzjoni tal-IMS.

[10]             Il-Kooperazzjoni transkonfinali, ir-Riżorsi umani, l-Iżvilupp rurali, l-Iżvilupp reġjonali u l-Assistenza teknika.

[11]             Ara n-nota 7 f’qiegħ il-paġna.

[12]                    Sessjonijiet ta’ taħriġ u dokumenti bħal “Bullettini ta’ Informazzjoni” u “Mistoqsijiet u Tweġibiet” biex l-utenti tal-IMS module 1848 ikunu infurmati u jitgħallmu.

[13]             Skont l-Artikolu 72 tar-Regolament Finanzjarju, (ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002), l-awtorizzazzjoni ta’ rkupru hi l-att li bih l-uffiċjal awtorizzanti responsabbli b’delega jew b’subdelega jagħti struzzjonijiet lill-uffiċjal tal-kontijiet, permezz ta’ ħruġ ta’ ordni ta’ rkupru, biex jirkupra l-ammont riċevibbli li jkun stabbilixxa.

[14]             Ġestjoni ċentralizzata diretta tinkludi kull nefqa tal-UE minn fondi ġestiti mill-istituzzjonijiet tal-UE (pereżempju nefqa amministrattiva tal-istituzzjonijiet, programmi bħal Leonardo, Erasmus, is-Seba’ Programm Qafas għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku, eċċ.). Skont l-Artikolu 53 tar-Regolament Finanzjarju, din il-parti tal-baġit tista’ tiġi implimentata fuq bażi ċentralizzata, direttament mid-dipartimenti tal-Kummissjoni, jew billi jiġu ddelegati ħidmiet implimentattivi lil pajjiżi terzi (ġestjoni deċentralizzata) jew lil organizzazzjonijiet internazzjonali (ġestjoni konġunta).

[15]             B’mod speċifiku dawk li dehru fin-nota ta’ spjegazzjoni Nru 6 dwar il-korrezzjonijiet finanzjarji u l-irkupri. B’mod partikolari, ir-rata ta’ rkupru hi kkalkulata bħala l-proporzjon bejn il-korrezzjonijiet finanzjarji jew l-ordnijiet ta’ rkupru li ġew deċiżi f’dik is-sena finanzjarja u dawk li ġew implimentati b’mod effettiv.

[16]             Id-dejta ppreżentata fis-snin preċedenti kienet ibbażata l-aktar fuq ir-rapporti mill-Istati Membri. Din id-dejta hi ppreżentata fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni “Valutazzjoni Statistika tal-Irregolaritajiet irrappurtati fl-2011”. Biex ikun possibbli li jsir paragun mar-riżultati tas-snin preċedenti f’kull qasam politiku kkonċernat, ir-rata ta’ rkupru għall-2010 ġiet ikkalkulata mill-ġdid fit-Tabell 3 għal kull settur.

[17]             F’din il-kategorija ġew inklużi ċerti strumenti għall-iżvilupp rurali li jaqgħu taħt l-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni.

[18]             Fi kwalunkwe każ l-ammonti mhux miġbura lura fl-istess sena huma miġbura lura fis-sena ta’ wara.

[19]             Din il-kategorija (tipi oħra ta’ ġestjoni) tinkludi l-parti tal-baġit tal-UE li hu ġestit taħt il-ġestjoni diretta. F'din il-kategorija nsibu l-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni (ħlief l-iżvilupp rurali), fejn l-irregolaritajiet irrappurtati marbuta magħha ġew analizzati fil-paragrafi 2.1.2.3, u l-ordnijiet ta’ rkupru li jinħarġu mill-Kummissjoni huma analizzati fil-paragrafu 2.2.

[20]             Dan il-perċentwali jikkonċerna l-irkupru biss.

[21]             Jekk Stat Membru ma jirkuprax ammont imħallas b’mod mhux dovut mill-benefiċjarju f’perjodu ta’ erba’ snin wara d-data tal-iskoperta primarja amministrattiva jew ġudizzjarja (jew, ta’ tmien snin f’każ ta’ proċedimenti quddiem il-qrati nazzjonali), l-Istat Membru kkonċernat hu inkarigat li jħallas mill-baġit tiegħu 50 % tal-ammont mhux irkuprat bħala parti mill-approvazzjoni finanzjarja annwali tal-kontijiet tal-FAEG u l-FAEŻR.

[22]             Jekk it-tnaqqis isir b’mod dirett mill-benefiċjarju fid-dikjarazzjoni tan-nefqa, l-informazzjoni ma tistax tiġi rreġistrata fis-sistema tal-kontijiet tal-Kummissjoni.

[23]             Ir-Regolament 1073/1999.

[24]             COM(2011) 376 finali.

[25]             SEC(2011) 791.

[26]          It-tieni Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Interessi Finanzjarji tal-UE (COM(2008) 77).

[27]                    Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea permezz tal-liġi kriminali u l-investigazzjonijiet amministrattivi - Politika integrata għall-ħarsien tal-flus tal-kontribwenti, (COM(2011) 293, tas-26 ta’ Mejju 2011, u d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja l-Komunikazzjoni, SEC(2011) 621.

[28]             COM(2012) 363 finali.

[29]             COM(2011) 914 finali.

[30]             COM(2011) 913 finali.

[31]             Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-6 ta’ Ġunju 2011 dwar il-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni fl-UE - (COM(2011) 308 finali).

[32]             Il-Proposta għal Direttiva dwar l-akkwist pubbliku, COM(2011) 896 finali – 2011/438(COD), u l-Proposta għal Direttiva dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali, COM(2011) 895 finali – 2011/439(COD): http://ec.europa.eu/internal_market/publicprocurement/modernising_rules/reform_proposals_en.htm.

[33]             Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni COM(2011) 897 finali – 2011/0437(COD).

[34]             B’mod partikolari, l-Artikolu 114(c) tal-proposta, COM(2011) 615.

[35]             Ara, pereżempju, il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar programm tal-konsumaturi 2014-2020, COM(2011) 707 finali, tad-9.11.2011, u l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni – Orizzont 2020 (2014-2020), COM(2011) 809 finali, tat-30.11.2011.

[36]             Minbarra l-Isvizzera.

[37]             COM(2010)695 finali. Il-konsultazzjoni pubblika ntemmet fil-31 ta’ Mejju 2011.

[38]             COM(2011)851 finali.

[39]             Dawn id-dispożizzjonijiet ivarjaw minn dawk imsemmija fit-Taqsima 4.2.5.2, fis-sens li dawn tal-ewwel jikkonċernaw in-nefqa tal-UE u dawn tal-aħħar jikkonċernaw id-dwana (id-dħul).

[40]          http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+TA+P7-TA-2011-0142+0+DOC+XML+V0//MT.

[41]             COCOLAF kien stabbilit fl-1994 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/140 tat-23 ta’ Frar 1994, li kienet sussegwentement emendata permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Frar 2005, ĠU L 71, 17.3.2005, pp. 67-68.

[42]             Laqgħa waħda ad hoc addizzjonali sseħħ matul is-sena kif ukoll laqgħa tas-sottogrupp tal-ħidma dwar l-analiżi tar-riskju.

[43]             Analiżi aktar fil-fond tal-prattiki nazzjonali hi inkluża fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni rilevanti.

[44]             Ħlief il-Greċja u Franza.

[45]             BG, CZ, EL, EE u UK.

[46]             DE, ES, IE, IT, CY, LV, LT, LU, HU, NL, PL, PT, RO, FI u UK.

[47]             BG, DE, EE, EL, ES, LT, LU, HU, MT, NL, AT, RO, SI, SK, SE u UK.

[48]             Il-Linji Gwida għad-determinazzjoni tal-korrezzjonijiet finanzjarji li għandhom jitwettqu fir-rigward tan-nefqa kofinanzjata mill-fondi strutturali jew mill-fond ta’ koeżjoni għal nuqqas ta’ konformità mar-regoli dwar l-akkwist pubbliku: COCOF 07/0037/03-EN.

[49]             In-Nota ta’ tagħrif dwar l-indikaturi ta’ frodi għall-FEŻR, il-FSE u l-FK (COCOF 09/0003/00-EN).

[50]             BG, CZ, EE, ES, FR, IT, CY, LT, LU, HU, MT, NL, AT, PT, RO, SI, SK u FI.

[51]             DE, EL u LV.

[52]             NL u UK.

[53]             BG, CZ, DE, EE, EL, ES, IE, HU, MT, PL, RO, SI, SK u UK.

[54]             DE, FR u ES.

[55]             BG, CZ, EE, HU, PL, PT, SK u SE.

[56]             DE, EL, ES, FR, IT, LT, LU, HU, AT u RO.

[57]             IT u PT.

[58]             BG, EE, ES, IT, LV, LT, PT, SK, FI u UK.

[59]             BE, CZ, IE u RO.

[60]             DE, EL, FR, HU, MT, AT, SE u SI.

[61]             Ara t-Tabelli 1 u 2 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni rilevanti li jakkumpanja lil dan ir-rapport, pp. 9-11, li jqassru d-dejta rrappurtata mill-Istati Membri.

[62]             FR.

[63]             It-tweġibiet kompluti tal-Istati Membri għar-rakkomandazzjonijiet huma inklużi fit-tielet Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja lil dan ir-rapport.

[64]             Skont l-Artikolu 95 tar-Regolament Finanzjarju, dwar il-kandidati u t-tenders li jikkwalifikaw f’waħda mis-sitwazzjonijiet li jwasslu għall-esklużjoni msemmija fl-istess Regolament.

[65]             BG, CZ, MT, AT u PL.

[66]             Ara t-tabella tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni rilevanti li jakkumpanja lil dan ir-rapport, p. 6, li tqassar is-sitwazzjonijiet għall-Istati Membri kollha.