52012DC0348

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-Implimentazzjoni mir-Repubblika tal-Moldova tal-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Liberalizzazzjoni mill-Viża /* COM/2012/0348 final */


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-Implimentazzjoni mir-Repubblika tal-Moldova tal-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Liberalizzazzjoni mill-Viża

I. Introduzzjoni

Id-Djalogu dwar il-Viża bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova li jeżamina l-kundizzjonijiet ta' vjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini tar-Repubblika tal-Moldova fl-UE nfetaħ fil-15 ta' Ġunju 2010. Il-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Liberalizzazzjoni mill-Viża (PALV)[1] ġie ppreżentat lill-awtoritajiet Moldovani mill-Kummissjoni fl-24 ta' Jannar 2011. Il-PALV jistabbilixxi sensiela ta' punti ta' riferiment għar-Repubblika tal-Moldova dwar erba' "blokok" ta' kwistjonijiet rilevanti, bil-ħsieb tal-adozzjoni ta' qafas leġiżlattiv u politiku (l-ewwel fażi) u l-implimentazzjoni effettiva tiegħu (it-tieni fażi).

Il-Kummissjoni għandha tirrapporta b’mod regolari lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-PALV. L-Ewwel Rapport ta' Progress dwar l-implimentazzjoni mir-Repubblika tal-Moldova tal-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Liberalizzazzjoni mill-Viża ġie ppreżentat fis-16 ta' Settembru 2011[2]. Fis-7 ta' Ottubru 2011 saret Laqgħa tal-Uffiċjali Għolja li matulha ġie ppreżentat l-Ewwel Rapport ta' Progress u ġew diskussi l-passi li jmiss fil-proċess.

Fit-tieni nofs ta' Ottubru u fil-bidu ta' Novembru 2011 ġew organizzati missjonijiet ta' valutazzjoni dwar il-Blokok 2, 3 u 4 tal-PALV u dawn kienu jinvolvu esperti mill-Istati Membri tal-UE akkumpanjati minn uffiċjali tas-servizzi tal-Kummissjoni u tas-SEAE. Il-fini ta' dawn il-missjonijiet esperti kien li jiġi vvalutat il-qafas leġiżlattiv, politiku u istituzzjonali skont il-punti ta' riferiment tal-ewwel fażi tal-PALV u l-konformità tiegħu mal-istandards Ewropej u internazzjonali. Ir-rapporti esperti ġew iffinalizzati f'Diċembru 2011.

It-Tieni Rapport ta' Progress dwar l-implimentazzjoni mir-Repubblika tal-Moldova tal-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Liberalizzazzjoni mill-Viża ġie ppreżentat fid-9 ta' Frar 2012[3]. Fis-27 ta' Frar 2012 saret Laqgħa tal-Uffiċjali Għolja li matulha ġie ppreżentat it-Tieni Rapport ta' Progress u ġew diskussi l-passi li jmiss fil-proċess.

Dan ir-Rapport tal-Kummissjoni huwa t-tielet u l-aħħar rapport ta' progress dwar l-ewwel fażi tal-PALV. Huwa jagħti valutazzjoni kkonsolidata mill-Kummissjoni tal-progress li sar mir-Repubblika tal-Moldova fis-sodisfazzjon tal-punti ta' riferiment tal-ewwel fażi tal-PALV relatati mat-twaqqif tal-qafas leġiżlattiv, politiku u istituzzjonali.

II. Valutazzjoni tal-miżuri skont l-erba' blokok tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Liberalizzazzjoni mill-Viża

Blokk 1: Sigurtà tad-dokumenti, inkluża l-bijometrika

Valutazzjoni Ġenerali

Il-qafas leġiżlattiv qiegħed fis-seħħ. Ġiet ipprovduta skeda ċara għall-ħruġ komplet ta' passaporti bijometriċi konformi mal-Awtorità tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO), inkluż fil-konsulati Moldovani barra l-pajjiż, kif ukoll għat-tneħħija gradwali tal-passaporti li mhumiex konformi mal-ICAO.

Il-Kummissjoni tqis li r-Repubblika tal-Moldova tissodisfa l-punti ta' riferiment stabbiliti mill-Blokk 1.

Kummenti dettaljati

· Konsolidazzjoni tal-qafas ġuridiku għall-ħruġ ta' passaporti bijometriċi li jinqraw mill-magni f'konformità sħiħa mal-ogħla standards tal-ICAO fuq il-bażi ta' ġestjoni tal-identità sikura (reġistru ċivili u dokumenti oriġinarji) u meta jitqies il-ħarsien adegwat tad-dejta personali

Il-qafas ġuridiku għall-ħruġ ta' passaporti bijometriċi li jinqraw mill-magni, b'konformità sħiħa mal-ogħla standards tal-ICAO, ġew issupplimentati b'żewġ liġijiet adottati fid-9 ta' Ġunju 2011 u deċiżjoni tal-Gvern adottata fl-10 ta' Mejju 2011. Dawn id-dispożizzjonijiet addizzjonali jiżguraw qafas ikkonsolidat għall-ġestjoni ta' identità sikura. Barra minn hekk, ġiet adottata liġi addizzjonali fis-27 ta' Diċembru 2011 li tiżgura li l-prinċipju "persuna waħda, dokument wieħed" issa huwa previst ukoll għar-rigward tal-passaporti diplomatiċi u tas-servizz.

· Adozzjoni ta' Pjan ta' Azzjoni li fih skeda għall-ħruġ komplet ta' passaporti bijometriċi konformi mal-ICAO, inkluż fil-konsulati Moldovani barra l-pajjiż, kif ukoll għat-tneħħija gradwali tal-passaporti li mhumiex konformi mal-ICAO.

Ġie adottat Pjan ta' Azzjoni bi skeda ċara.

· Twaqqif ta' programmi ta' taħriġ u adozzjoni ta' kodiċijiet etiċi kontra l-korruzzjoni, li għandhom fil-mira uffiċjali ta' kwalunkwe awtorità pubblika li tittratta l-passaporti, kif ukoll il-karti tal-identità u dokumenti oriġinarji oħrajn.

Fl-1 ta' April 2011 ġie adottat il-"Kodiċi tal-Etika għall-persunal li jaħdem fir-reġistrazzjoni ċivili u l-ħruġ tad-dokumenti". Dan jirreferi għall-Kodiċi tax-Xogħol għas-sanzjonijiet fil-każ ta' vjolazzjoni tad-dispożizzjonijiet tiegħu. Dan initroduċa dispożizzjonijiet dwar il-kunflitti ta' interess, l-inkompatabilitajiet u l-obbligu għar-rappurtar tal-irregolaritajiet.

L-Ordni "dwar xi miżuri ta' prevenzjoni kontra l-korruzzjoni u l-protezzjoniżmu" kien approvat fil-31 ta' Mejju 2011 mid-Direttur Ġenerali tar-"Registru" tas-CSIR u kien segwit mill-"Pjan ta' Azzjoni tal-Ġestjoni tar-Riskju dwar ir-riskji ta' korruzzjoni fil-qasam tad-dokumentazzjoni tal-popolazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-istatus ċivili" fil-11 ta' Awwissu 2011. Il-"Pjan ta' ġestjoni tar-riskji ta' korruzzjoni fil-qasam tad-dokumentazzjoni tal-popolazzjoni" kienet approvata fil-5 ta' April 2012 mid-Direttorat Ġenerali tar-"Registru" tas-CSIR. Matul l-2011 u l-ewwel trimestru tal-2012 ingħataw korsijiet ta' taħriġ għall-impjegati tas-sottodiviżjonijiet territorjali għad-dokumentazzjoni tal-popolazzjoni.

Blokk 2: Immigrazzjoni irregolari, inkluża r-riammissjoni

Valutazzjoni ġenerali

Fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntiera, ġiet adottata l-leġiżlazzjoni rilevanti. Il-qafas istituzzjonali jinsab fis-seħħ, inklużi d-dispożizzjonijiet dwar it-taħriġ u l-kodiċijiet etiċi għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

Fir-rigward tal-ġestjoni tal-migrazzjoni, ir-Repubblika tal-Moldova stabbiliet bażi komprensiva għal sistema ta' ġestjoni tal-migrazzjoni effiċjenti u l-qafas leġiżlattiv rilevanti huwa fis-seħħ. Għalkemm hemm bżonn ta' xi titjib, l-istrumenti adottati huma fil-biċċa l-kbira konformi mal-istandards Ewropej u internazzjonali. Il-parti l-kbira tal-qafas istituzzjonali jinsab fis-seħħ, għalkemm għandhom jiġu allokati iktar riżorsi għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti.

Fil-qasam tal-ażil, hemm bażi leġiżlattiva solida li hija fil-biċċa l-kbira konformi mal-istandards Ewropej u internazzjonali.

Il-Kummissjoni tqis li r-Repubblika tal-Moldova b'mod ġenerali tissodisfa l-punti ta' riferiment stabbiliti mill-Blokk 2.

Kummenti dettaljati skont il-qasam politiku

Blokk 2 / suġġett 1 - Ġestjoni tal-fruntieri

· Konsolidazzjoni tal-qafas ġuridiku għall-ġesjoni tal-fruntieri inkluża l-adozzjoni ta' Liġi ġdida dwar il-Fruntiera tal-Istat, li tippermetti lis-Servizz tal-Gwardja tal-Fruntieri Moldovana jipparteċipa fil-qbid u l-investigazzjoni tal-kriminalità transkonfinali b'kooperazzjoni mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi kompetenti kollha u l-qasam tar-responsabilità għat-territorju kollu, kif ukoll qafas ġuridiku għall-kooperazzjoni effiċjenti bejn l-aġenziji bejn is-Servizz tal-Gwardja tal-Fruntieri, l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi u aġenziji oħra involuti fil-ġestjoni tal-fruntieri

Il-Liġi dwar il-Fruntiera tal-Istat kienet adottata fl-4 ta' Novembru 2011, ippubblikata fl-20 ta' April 2012 u se tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2012. Dan isegwi d-definizzjonijiet u l-qafas tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen (ir-Regolament (KE) 562/2006) u jqis ukoll il-qafas ġuridiku tal-Unjoni Ewropea għar-responsabilità tat-trasportaturi. Dan jipprovdi qafas tajjeb għal leġiżlazzjoni u dokumenti ta' politika oħrajn. L-adozzjoni tal-liġijiet sekondarji rilevanti qabel id-dħul fis-seħħ tal-liġi.

Il-Liġi dwar il-Fruntiera tal-Istat kienet adottata fit-28 ta' Diċembru 2011, ippubblikata fl-20 ta' April 2012 u se tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2012. Il-liġi tipprovdi bażi tajba għad-demilitarizzazzjoni u l-prefessjonalizzazzjoni tas-Servizz tal-Gwardja tal-Fruntieri, li se jkunu ttrasformati f'Pulizija tal-Fruntieri. Il-liġi tipprovdi sisien sodi għal ġestjoni moderna tal-fruntieri. Hija tikkonferixxi wkoll il-kompetenzi u s-setgħat eżekuttivi neċessarji għal xogħol polizjesk effiċjenti għall-fruntieri lill-Pulizija tal-Fruntieri. B'mod partikolari, il-leġiżlazzjoni se tippermetti lill-Pulizija tal-Fruntieri jipparteċipaw fid-detezzjoni u l-investigazzjoni tal-kriminalità transkonfinali b'kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti kollha għall-infurzar tal-liġi. Dan se jestendi wkoll iż-żona ta' responsabilità tal-Pulizija tal-Fruntieri għat-territorju kollu. Barra minn hekk, il-liġi tipprovdi qafas ġuridiku għal kooperazzjoni effiċjenti bejn l-aġenziji bejn il-Pulizija tal-Fruntieri, aġenziji ta' infurzar tal-liġi oħrajn u aġenziji oħrajn involuti fil-ġestjoni tal-fruntieri. Madankollu, il-ftehimiet ta' kooperazzjoni, il-proċeduri operattivi u l-qsim tal-kompiti għandhom jiġu ċċarati ulterjorment. B'mod partikolari, għandu jinstab qbil dwar il-proċeduri għas-sorveljanza tal-barranin u għat-trattamenti tal-immigranti illegali u dawk li qed ifittxu ażil tal-inqas permezz tal-protokolli ta' kooperazzjoni.

Il-Liġi dwar l-emenda tal-Kodiċi tal-Kontravenzjonijiet kienet adottata fil-21 ta' Ottubru 2011, ippubblikata fis-16 ta' Diċembru 2011 u se tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2012. Huwa jagħti lill-Pulizija tal-Fruntieri l-kompetenza tal-eżami tar-reati amministrattivi bħall-ksur tar-reġim u r-regoli tal-fruntieri statali dwar il-qsim tal-fruntieri statali, il-ħsara u l-qerda ta' sinjali tal-fruntiera u ksur ieħor tar-regoli dwar id-drittijiet ta' residenza tal-barranin fir-Repubblika tal-Moldova.

Il-Liġi dwar l-emenda tal-Kodiċi tal-Kontravenzjonijiet rigward ir-responsabilità tat-trasportaturi ġiet adottata fit-23 ta' Frar 2012. Hija timponi sanzjonijiet għall-ksur tar-regoli dwar it-trasportar tal-barranin lejn pajjiż u hija konformi mal-istandards internazzjonali u Ewropej.

Is-Servizz ta' Gwardja tal-Frunitieri Moldovani għandu ftehimiet ta' kooperazzjoni u protokolli mal-pajjiżi ġirien, jiġifieri r-Rumanija u l-Ukraina, li jipprovdu bażi għal kooperazzjoni mal-gwardji tal-fruntiera f'dawk il-pajjiżi ġirien. Ġew iffirmati ftehimiet ta' kooperazzjoni ma' bosta Stati Membri tal-UE (il-Latvja, il-Litwanja, l-Estonja, l-Ungerija u l-Polonja), kif ukoll mar-Russja u l-Ġeorġja. Is-Servizz tal-Gwardja tal-Fruntieri biħsiebu jiffinalizza ftehimiet ta' kooperazzjoni mas-servizzi tal-gwardja tal-fruntieri mill-Bjelorussja u Kazakistan fl-2012. F'Awwissu 2008 ġie ffirmat arranġament ta' ħidma mal-FRONTEX u r-Repubblika tal-Moldova hija impenjata u attiva fil-kooperazzjoni tagħha mal-Missjoni tal-UE ta' Assistenza fil-Fruntieri (EUBAM). Pjan ta' Kooperazzjoni ġdid għall-2012-2014 ġie ffirmat f'Diċembru 2011 mill-FRONTEX u r-Repubblika tal-Moldova.

· Adozzjoni ta' Pjan ta' Azzjoni għall-implimentazzjoni effettiva tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri, li fiha skeda u għanijiet speċifiċi għall-iżvilupp ulterjuri tal-leġiżlazzjoni, l-organizzazzjoni, l-infrastruttura, it-tagħmir, kif ukoll biżżejjed riżorsi finanzjarji u umani fil-qasam tal-ġesjoni tal-fruntieri

Fis-27 ta' Diċembru 2010 ġiet adottata l-Istrateġija Nazzjonali għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri (ĠIF) għall-2011-2013. Hija tindirizza s-suġġetti kollha rilevanti għal ġestjoni tal-fruntieri effiċjenti u b'konformità mal-istandands u l-aqwa prassi Ewropej.

Il-Pjan ta' Azzjoni ĠIF għall-2011-2013 ġie approvat fis-16 ta' Mejju 2011. Dan fih iktar pjani dettaljati dwar kif l-Istrateġija nazzjonali tal-ĠIF se tiġi implimentata, inklużi għanijiet konkreti u azzjonijiet. Bħall-Istrateġija tal-ĠIF, il-Pjan ta' Azzjoni tal-ĠIF hija abbozzata sew u tinkludi s-suġġetti kollha rilevanti għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-ĠIF. L-għanijiet ewlenin ikopru oqsma marbuta mat-titjib tal-qafas leġiżlattiv u politiku, il-kontroll tal-fruntieri u l-kooperazzjoni internazzjonali u bejn l-aġenziji u mal-iżvilupp tal-istruttura organizzattiva, il-ġestjoni tar-riżorsi umani, il-loġistika u sistema ta' analiżi tar-riskji. Fil-fażi ta' implimentazzjoni, il-Pjan ta' Azzjoni tal-ĠIF għandu jkun issupplimentat b'iktar pjanijiet dettaljati li jinkludu fost l-oħrajn in-numri u l-postijiet tat-tagħmir u l-aġġeġġi, kif ukoll pjanijiet għat-twaqqif ta' ċentri ta' koordinament, Servizz ta' Sorveljanza tal-Ajru u Ċentru ta' Eżami tad-Dokumenti.

Il-qafas leġiżlattiv jistipula biżżejjed riżorsi finanzjarji u umani fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri.

· It-twaqqif ta' programmi ta' taħriġ, u adozzjoni tal-kodiċi tal-etika kontra l-korruzzjoni bil-gwardji tal-fruntieri, l-uffiċjali tad-dwana u kwalunkwe uffiċjali oħra involuti fil-ġestjoni tal-fruntieri speċifikatament fil-mira

Ġew stabbiliti għadd ta' programmi ta' taħriġ, kemm teoretiċi u kemm prattiċi, kemm fil-livell bażiku kif ukoll f'dak universitarju. Huwa pprovdut ukoll taħriġ kontinwu għall-persunal (intern u estern) bl-għan li jittella' l-livell ta' professjonaliżmu. Il-programmi ta' taħriġ eżistenti joffru qafas tajjeb biex ikun hemm ġestjoni tal-fruntieri professjonali.

Qafas politiku xieraq għall-prevenzjoni tal-korruzzjoni u għall-imġiba etika tal-uffiċjali qiegħed fis-seħħ. Il-Kodiċi Deontoliġiku għall-gwardji tal-fruntieri, li jinkludi regoli dwar l-imġiba f'każ ta' kunflitt tal-interessi u l-prinċipji għall-użu tal-forza ġie approvat fit-13 ta' Ġunju 2008. Is-Servizz tad-Dwana għandu kodiċi etiku simili. Barra minn hekk, il-Liġi dwar il-Pulizija tal-Fruntieri tistipula d-drittijiet u d-dmirijiet tal-uffiċjali tal-pulizija tal-frutnieri u, f'dan il-kuntest, tinkludi wkoll in-normi etiċi. L-Istrateġija tal-ĠIF u l-Pjan ta' Azzjoni tal-ĠIF jinkludu miżuri dwar il-prevenzjoni tal-korruzzjoni. Dawn iqisu r-rakkomandazzjonijiet u l-aqwa prassi tal-Katalogu ta' Schengen. Barra minn hekk, tnedew bosta attivitajiet kontra l-korruzzjoni taħt l-awspiċi tal-EUBAM.

Blokk 2 / suġġett 2 - Ġestjoni tal-migrazzjoni

· Konsolidazzjoni tal-qafas ġuridiku għall-politika tal-migrazzjoni, inklużi l-miżuri għar-riintegrazzjoni taċ-ċittadini Moldovani (li jirritornaw volontarjament jew skont il-ftehim ta' riammissjoni bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova) u l-ġlieda kontra l-migrazzjoni irregolari (inklużi sforzi biex jiġu konklużi ftehimiet ta' riammissjoni ma' pajjiżi ewlenin ta' oriġini u detezzjoni fil-pajjiż ta' migranti irregolari)

Fis-16 ta' Lulju 2011 ġiet adottata Liġi ġdida dwar il-barranin fir-Repubblika tal-Moldova. Hija liġi qafas dwar il-proċeduri legali għall-għoti ta' drittijiet ta' residenza lill-barranin fir-Repubblika tal-Moldova. Id-dispożizzjonijiet estensivi tagħha jkopru l-oqsma kollha tal-kwistjonijiet tal-immigrazzjoni. Proċeduri operattivi addizzjonali ilhom fis-seħħ minn Lulju 2011, li jagħmlu l-liġi ġdida iktar ċara. Madankollu, xi liġijiet nazzjonali eqdem għadhom japplikaw għall-permanenzi legali ta' barranin fir-Repubblika tal-Moldova. Sabiex tiżdied iċ-ċertezza legali, dawn għandhom jitneħħew u jiġu integrati fil-liġi l-ġdida (ara wkoll iktar 'l isfel taħt il-Blokk 4).

F'Jannar 2011, bis-saħħa tal-"Liġi dwar il-barranin" il-ġdida, twaqqaf "punt uniku ta' servizz" fi ħdan l-Uffiċċju għall-Migrazzjoni u l-Ażil (UMA). Il-liġi l-ġdida tagħmel il-proċedura ta' applikazzjoni għall-viżi, għar-residenza u għax-xogħol fir-Repubblika tal-Moldova eħfef u iktar ċari. Dan huwa pass importanti fl-iżvilupp ta' sistema ta' ġestjoni tal-migrazzjoni.

Il-Liġi dwar l-Integrazzjoni tal-Barranin kienet adottata fis-27 ta' Diċembru 2011, ġiet ippubblikata fit-13 ta' Marzu 2012 u se tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2012. Hija tagħti ċertezza legali ikbar fir-rigward tad-drittijiet tal-integrazzjoni u l-faċilitajiet li hemm bżonn li jiġu fornuti għall-barranin eliġibbli residenti fir-Repubblika tal-Moldova.

Rigward ir-riintegrazzjoni tal-migranti Moldovani lura f'pajjiżhom, ir-Repubblika tal-Moldova qiegħda tiżviluppa Pjan ta' Azzjoni ġdid biex jieħu post il-Pjan dwar it-trawwim tar-ritorn tal-ħaddiema migranti Moldovani minn barra. Ġew implimentati għadd ta' attivitajiet, bħall-Programm PARE 1+1, li jipprevedi taħriġ dwar il-ħiliet intraprenditorjali kif ukoll għajnuna finanzjarja għan-negozji li ħa jibdew. Barra minn hekk, ġew implimentati attivitajiet bl-għan li jtejbu s-sistema għar-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki, kif ukoll li jsaħħu s-suq lokali tax-xogħol, inkluż fil-kuntest tas-Sħubija tal-Mobilità bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova.

Il-Liġi dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Moldova għall-Konvenzjoni Konvenzjoni dwar l-Istatus ta' Persuni Apolidi ġiet adottata fis-27 ta' Diċembru 2011. Il-Liġi dwar l-adeżjoni għall-Konvenzjoni dwar it-tnaqqis tal-Istatus tal-Apolidija ġiet adottata fit-8 ta' Diċembru 2011. Dawn il-liġijiet jimlew il-vojt leġiżlattiv f'dan il-qasam.

Ir-Repubblika tal-Moldova ħarġet Rakkomandazzjonijiet Metodoloġiċi dwar il-ġlieda kontra il-permanenza illegali tal-barranin, li jipprovdu linji gwida operattivi għall-uffiċjali tal-immigrazzjoni fil-livell lokali.

Fir-rigward tal-kapaċità istituzzjonali, l-UMA għandu setgħat bi prerogattivi kumplessi, bħala l-entità ewlenija responsabbli għall-ġestjoni tal-flussi ta' migrazzjoni fit-territorju tar-Repubblika tal-Moldova. Hemm bżonn li tkompli tikber il-kapaċità tal-UMA, speċjalment fil-livell lokali, kif ukoll it-twaqqif tal-protokolli ta' kooperazzjoni bejn l-entitajiet rilevanti tal-Ministeru tal-Intern, li jiċċara l-qsim tal-kompetenzi waqt il-proċeduri tal-immigrazzjoni.

Ir-Repubblika tal-Moldova hija parti fil-ftehimiet ta' riammissjoni mal-Unjoni Ewropea (fis-seħħ mill-1 ta' Jannar 2008), mal-Ukraina (1997), l-Isvizzera (2004 u 2010), in-Norveġja (2006), Dik li Kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (2008), is-Serbja (2011) u d-Danimarka (2011). Bejn l-2009 u l-2011, ir-Repubblika tal-Moldova ffirmat protokolli ta' implimentazzjoni addizzjonali għall-Ftehim ta' Riammissjoni bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova ma' 11-il Stat Membru tal-UE. Bħalissa għaddejjin negozjati ma’ 11-il Stat Membru ieħor tal-UE.

Sadanittant, għadhom għaddejjin in-negozjati għal ftehimiet ta' riammissjoni bejn ir-Repubblika tal-Moldova u l-pajjiżi ta' oriġini ewlenin tal-migranti irregolari. Fl-2007, abbozz ta' ftehim intergovernattiv dwar ir-riammissjoni tal-persuni residenti mingħajr awtorizzazzjoni kien approvat u mibgħut lir-Russja, l-Uzbekistan, it-Taġikistan, il-Ġeorġja, l-Azerbajġan, l-Armenja, il-Kazakistan, il-Bjelorussja, il-Kirgiżistan, it-Turgmenistan, it-Turkija, is-Sirja, il-Bangladexx, l-Indja, il-Libanu, il-Pakistan, il-Ġordan, l-Afganistan, l-Iran, l-Iraq, iċ-Ċina, il-Bosnja-Ħerzegovina u l-Montenegro. In-negozjati mar-Russja, il-Montenegro u l-Bosnja-Ħerzegovina effettivament mexjin. In-negozjati dwar l-iffirmar ta' ftehim ta' riammissjoni ġdid mal-Ukraina nbdew. Ġew irrappurtati xi żviluppi fin-negozjati mat-Turkija. L-awtoritajiet Torok staqsew lill-awtoritajiet Moldovani jikkunsidraw reġim bla viża. Skont ir-Repubblika tal-Moldova, waħda mill-prekundizzjonijiet hija l-konklużjoni ta' ftehim ta' riammissjoni mat-Turkija.

· L-adozzjoni ta' Strateġija ta' Ġestjoni Nazzjonali għall-implimentazzjoni effettiva tal-qafas ġuridiku għall-politika tal-migrazzjoni u Pjan ta' Azzjoni li jkun fih skeda, għanijiet speċifiċi, attivitajiet, riżultati, indikaturi tal-prestazzjoni u biżżejjed riżorsi umani u finanzjarji

L-Istrateġija dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil kienet adottata fis-6 ta' Lulju 2011. Din hija għodda politika importanti għall-ġestjoni tal-flussi migratorji. L-Istrateġija tidentifika l-għanijiet għal perjodu taż-żmien suffiċjentement twil (2011-2020) u jiddefinixxi l-prinċipji li se jiżguraw l-implimentazzjoni komprensiva u konsistenti tal-politiki. Hija tassenja wkoll ir-rwol ta' koordinament tal-attivitajiet rigward il-proċess ta' migrazzjoni fir-Repubblika tal-Moldova lil Kummissjoni Governattiva. L-Istrateġija se tkun implimentata permezz tal-Pjan ta' Azzjoni (2011-2015) li kienet adottata fit-8 ta' Novembru 2011. Il-Pjan ta' Azzjoni fiha attivitajiet dettaljati għall-ksib tal-għanijiet fit-tul tal-Istrateġija, l-allokazzjoni tal-fondi, l-istituzzjonijiet responsabbli, l-iskadenzi u l-indikaturi tal-progress.

Għandu jkun hemm ir-riżorsi umani xierqa disponibbli għall-awtoritajiet rilevanti (speċjalment l-UMA) biex iwettqu xogħolhom għall-implimentazzjoni kumplessiva tal-Istrateġija.

· It-twaqqif ta' mekkaniżmu għall-monitoraġġ tal-volum u l-flussi tal-migrazzjoni, id-definizzjoni ta' profil migratorju aġġornat regolarment għar-Repubblika tal-Moldova, b'dejta kemm dwar il-migrazzjoni irregolari u kemm dwar dik legali, u t-twaqqif ta' entitajiet responsabbli għall-ġbir u l-analiżi tad-dejta dwar il-volum u l-flussi tal-migrazzjoni

L-eżerċizzju kumpless tal-Profil Migratorju Estiż, li jsir mill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (OIM) dwar ir-Repubblika tal-Moldova b'appoġġ finanzjarju mill-Kummissjoni Ewropea, jinsab f'fażi avvanzata. Din l-għodda se tgħin lill-awtoritajiet Moldovani biex iġestixxu l-migrazzjoni aħjar u biex jinkludu l-kwistjonijiet tal-migrazzjoni f'politiki oħrajn, bħall-politika tal-impjiegi u dik soċjali, għall-iżvilupp kumplessiv tal-pajjiż. Il-Profil Migratorju tqies bħala l-aqwa prassi fil-Forum Dinji dwar il-Migrazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp (GFMD) li sar f'Diċembru 2011 u l-awtoritajiet Moldovani kienu attivi fil-qsim tal-għarfien espert tagħhom f'dak ir-rigward. L-UMA ngħata l-kompitu li jaġġorna regolarment il-Profil Migratorju.

Is-Sistema Awtomatika Integrata u tal-Informazzjoni dwar il-"Migrazzjoni u l-Ażil" qiegħda fil-proċess li tiġi stabilizzata. Is-sottosistemi differenti qegħdin jiġi żviluppati. Il-kooperazzjoni bejn l-aġenziji fir-rigward tal-ġbir u l-analiżi tad-dejta dwar il-migranti, inkluż kemm hemm interkonnessjoni bejn is-sistemi ta' informazzjoni li fihom dejta dwar il-migranti hemm bżonn li tiġi ċċarata iktar.

Blokk 2 / suġġett 3 - Ġestjoni tal-ażil

· Konsolidament tal-qafas ġuridiku għall-politika tal-ażil permezz tal-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-integrazzjoni tar-refuġjati jew il-benefiċjarji ta' forom oħra ta' protezzjoni

Ir-Repubblika tal-Moldova adottat qafas leġiżlattiv sod għall-ażil f'perjodu ta' żmien qasir ħafna. L-iktar liġi importanti hija l-"Liġi tal-Ażil", li kienet adottata fit-18 ta' Diċembru 2008 u daħlet fis-seħħ fit-13 ta' Marzu 2009. Din tipprovdi l-qafas istituzzjonali, il-proċeduri u l-prinċipji legali neċessarji u huwa fil-parti l-kbira konformi mal-istandards Ewropej u internazzjonali. Madankollu, xi wħud mill-elementi tagħha jeħtieġu xi titjib. Il-liġi tipprevedi l-possibilità għar-refuġjati biex japplikaw għal dokument tal-ivvjaġġar imma dan ma jobbligax lill-awtoritajiet biex joħorġuha (klawżola bil-kelma "tista'"). Matul il-fażi ta' implimentazzjoni, l-isforzi jridu jsiru sabiex jiġi żgurat li d-dokumenti tal-ivvjaġġar jaslu għand il-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali. Il-pjan tal-awtoritajiet biex ikunu jistgħu joħorġu d-dokumenti sa Lulju 2012. Barra minn hekk, il-liġi tipprevedi raġunijiet usa' għall-esklużjoni minn status ta' refuġjat u refoulement minn dak previst fil-Konvenzjoni tal-1951. Din għandha tiġi emendata kif xieraq. Hemm xi titjib ieħor li jrid isir fil-liġi biex min ifittex ażil titħallielu l-possibilità biex jiċċara kwalunkwe inkonsistenzi u partijiet vojta fir-rapport tiegħu u jkollu aċċess għall-kontenut tar-rapport tal-intervista.

Il-Liġi dwar l-Integrazzjoni tal-Barranin ġiet adottata fis-27 ta' Diċembru 2011, ġiet ippubblikata fit-13 ta' Marzu 2012 u se tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2012 (ara hawn fuq fis-suġġett 2). Din fiha dispożizzjonijiet dwar kif jistgħu jitħaddmu fil-prattika d-drittijiet tar-refuġjati u tal-benefiċjarji mill-protezzjoni umanitarja deskritta fil-"Liġi dwar l-Ażil". Għal dak il-għan, l-abbozz tal-liġi jipprovdi l-qafas istituzzjonali u l-proċeduri, il-mekkaniżmi u l-prinċipji legali neċessarji. Dan joħloq ukoll mekkaniżmi ta' koordinament mal-awtoritajiet pubbliċi ċentrali u lokali. Sabiex jiġi ffaċilitat il-proċess ta' integrazzjoni, ir-Repubblika tal-Moldova għandha tikkunsidra wkoll li tbaxxi r-rekwiżit tar-residenza biex ir-refuġjati jew il-benefiċjarji mill-protezzjoni umanitarja u l-persuni apolidi jkunu jistgħu jiksbu ċ-ċittadinanza mir-rekwiżit ta' tmien snin residenza legali u abitwali kif qiegħda bħalissa għal ħames snin jew inqas.

Ir-Regolament dwar l-Attività taċ-Ċentru għall-akkomodazzjoni ta' min ifittex ażil huwa fil-biċċa l-kbira konformi mal-istandards Ewropej u internazzjonali. L-iktar drittijiet, dmirijiet u proċeduri importanti huma koperti. Jista' jsir xi titjib, madankollu, inkluż fir-rigward tad-dispożizzjonijiet speċjali għall-gruppi vulnerabbli jew biex id-dritt ta' għajnuna soċjali jew psikoloġika tkun bla kundizzjonijiet.

Blokk 3: Ordni u sigurtà pubblika

Valutazzjoni ġenerali

Il-qafas politiku u leġiżlattiv dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata ġie stabbilit. Il-Liġi dwar il-kriminalità organizzata kienet adottata flimkien mal-Istrateġija u l-Pjan ta' Azzjoni akkumpanjanti u huma fil-biċċa l-kbira konformi mal-istandards Ewropej u internazzjonali.

Il-qafas leġiżlattiv u politiku dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bniedem huwa kkonsolidat, b'konformità mal-istandards Ewropej u internazzjonali. Il-Pjan ta' Azzjoni għall-2012-2013 jipprovdi approċċ olistiku fl-indirizzar tat-TTB.

Rigward il-politiki ta' kontra l-korruzzjoni, qafas politiku u leġiżlattiv komprensiv jinsab fis-seħħ u fi stadju avvanzat ta' konsolidazzjoni. Ir-Repubblika tal-Moldova għaddiet u se tgħaddi għadd konsiderevoli ta' emendi leġiżlattivi bl-għan li jiġi allinjat il-qafas leġiżlattiv mal-istrumenti Ewropej u internazzjonali ewlenin. L-Istrateġija u l-Pjan ta' Azzjoni Kontra l-Korruzzjoni 2012-2013 ġew adottati. Ġiet adottata Liġi ġdida dwar iċ-Ċentru għall-Ġlieda Kontra r-Reati Ekonomiċi u l-Korruzzjoni (imsemmi Ċentru Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni). L-ippjanar strateġiku u l-valutazzjonijiet tal-bżonnijiet għandu jittejjeb ulterjorment sabiex tkun żgurata implimentazzjoni effettiva. Il-kapaċità, id-distribuzzjoni tas-setgħat u l-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet b'kompiti fil-qasam ta' kontra l-korruzzjoni għandu jissaħħaħ ulterjorment.

Rigward il-kooperazzjoni fuq l-infurzar tal-liġi, il-koordinament għandu jittejjeb ulterjorment sabiex ikun jista' jsir skambju ta' informazzjoni effettiv. Il-qafas leġiżlattiv u politiku dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus huwa kkonsolidat, b'konformità mal-istandards Ewropej u internazzjonali.

Ir-Repubblika tal-Moldova aderiet għall-konvenzjonijiet kollha tan-NU u tal-Kunsill tal-Ewropa fil-qasam tas-sigurtà u l-ordni pubblika u għall-biċċa l-kbira tal-Konvenzjonijiet tan-NU u l-Kunsill tal-Ewropa dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu. Għandhom jittieħdu passi ulterjuri, speċjalment min-naħa tal-UE, lejn in-negozjar tal-ftehimiet mal-Europol u l-Eurojust.

Il-qafas istituzzjonali u leġiżlattiv adottat dwar il-protezzjoni tad-dejta huwa fil-biċċa l-kbira konformi mal-istandards Ewropej. Ir-Repubblika tal-Moldova daħħlet fis-seħħ il-qafas istituzzjonali, politiku u leġiżlattiv meħtieġ fil-politika ta' kontra d-drogi, li hija konformi mal-istandards Ewropej u internazzjonali. Il-qafas leġiżlattiv li jirrigwarda l-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwisjonijiet kriminali ġiet ikkonsolidata ulterjorment. Ir-Repubblika tal-Moldova ffirmat it-tieni Protokoll Addizzjonali tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar Għajnuna Legali Reċiproka f'Materji Kriminali li bħalissa qed jistenna r-ratifika.

Riformi istituzzjonali importanti, rilevanti għall-qasam kollu tas-sigurtà u l-ordni pubblika, bħar-Riforma tal-Ministeru tal-Intern u l-istrutturi subordnati u deċentralizzati tagħha, u r-Riforma fil-Ġustizzja ġew adottati, u ġew sussegwentement żviluppati iktar: f'Marzu 2012 inħoloq Ċentru ta' Riforma; il-Pjan ta' Żvilupp Strateġiku tal-Ministeru tal-Intern 2012 - 2014 qiegħed jiġi implimentat; leġiżlazzjoni addizzjonali rilevanti għall-proċess ta' riforma tinsab fi stadju ta' adozzjoni. Ir-Riforma fil-Ġustizzja qiegħda fi triqitha u l-Pjan ta' Azzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija kienet approvata mill-Parlament.

Rigward il-Pjanijiet ta' Azzjoni fl-ambitu tal-Blokk 3, se tingħata iktar attenzjoni lir-riżultati mistennija tagħhom, l-iskedi/l-iskadenzi, l-indikaturi tal-prestazzjoni u r-riżorsi finanzjarji u umani meħtieġa għall-implimentazzjoni tagħhom.

Il-Kummissjoni tqis li r-Repubblika tal-Moldova b'mod ġenerali tissodisfa l-punti ta' riferiment stabbiliti mill-Blokk 3.

Kummenti dettaljati

Blokk 3 / suġġett 1 - Il-prevenzjoni mill-kriminalità organizzata, it-terroriżmu u l-korruzzjoni u l-ġlieda kontrihom.

· L-adozzjoni ta' liġi u strateġija komprensiva għall-prevenzjoni mill-kriminalità organizzata u l-ġlieda kontriha flimkien ma' pjan ta' azzjoni li jkun fih skeda, għanijiet speċifiċi, attivitajiet, riżultati, indikaturi tal-prestazzjoni u biżżejjed riżorsi umani u finanzjarji

Fit-22 ta' Marzu 2012 il-Parlament adotta verżjoni riveduta tal-Liġi dwar il-Prevenzjoni mill-Kriminalità Organizzata u l-Ġlieda Kontriha. Il-Liġi tintroduċi distinzjoni bejn il-miżuri preventivi u dawk proċedurali u tindika l-proċeduri applikabbli fil-qasam tal-kriminalità organizzata. Hija fiha, fost l-oħrajn, miżuri għall-prevenzjoni mill-ħolqien ta' gruppi jew għaqdiet kriminali ġodda u l-ġlieda kontrihom, miżuri għall-prevenzjoni mill-attivitajiet kriminali u l-ġlieda kontrihom, kampanji ta' informazzjoni għall-prevenzjoni tal-kriminalità organizzata u għall-ġlieda kontriha, monitoraġġ operattiv tan-nies vulnerabbli li jinġibdu lejn attività ta' kriminalità organizzata. Il-liġi tindika wkoll l-awtoritajiet li għandhom kompetenzi f'dan il-qasam: l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali, il-Ministeru tal-Intern, il-Ministeru tal-Ġustizzja, is-Servizz tal-Intelliġenza u s-Sigurtà, iċ-Ċentru Kontra l-Korruzzjoni u l-pulizija tal-fruntieri.

Il-liġi tipprovdi bażi għat-taħriġ vokazzjonali għall-esperti, flimkien mal-għaqdiet internazzjonali u l-NGOs. Il-liġi tista' madankollu tibbenefika minn allinjament ulterjuri mal-istrumenti Ewropej u internazzjonali bħall-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali. Jistgħu jiġu inklużi iktar definizzjonijiet speċifiċi dwar il-gruppi organizzati u r-reati kriminali li l-Liġi tapplika għalihom. Jista' jsir allinjament ulterjuri fir-rigward tal-kriminalizzazzjoni tal-parteċipazzjoni fi grupp kriminali organizzat, konfiska u qbid, ġurisdizzjoni, trasferiment ta' persuni sentenzjati, kriminalizzazzjoni tal-ostruzzjoni tal-ġustizzja, ħarsien tax-xhieda, għajnuna u ħarsien lill-vittmi kif ukoll il-ġbir u l-analiżi tal-informazzjoni dwar in-natura u l-ammont ta' kriminalità organizzata.

Rigward il-qafas politiku, l-Istrateġija għall-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra l-kriminalità għall-2011-2016 ġiet approvata mill-Gvern fit-22 ta' Ġunju 2011 u l-Pjan ta' Azzjoni fil-11 ta' Novembru 2011. L-Istrateġija tipprevedi l-valutazzjoni permanenti tat-theddid u r-riskji tal-kriminalità organizzata. Hija tistabbilixxi l-prinċipji bażiċi għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, l-għanijiet ġenerali kif ukoll il-kompetenzi tal-awtoritajiet lineari. L-għanijiet ewlenin tal-Istrateġija huma li tippromwovi l-iżvilupp istituzzjonali u funzjonali, ittejjeb il-kapaċità ta' ġestjoni, tarmonizza l-leġiżlazzjoni, ittejjeb l-attività operattiva, tikkonsolida l-kooperazzjoni internazzjonali u ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali. Hija tipprovdi bażi tajba għall-ittrattar tal-kriminalità organizzata sakemm il-metodi u l-miżuri magħżula jkunu effettivi. Il-Pjan ta' Azzjoni jkopri l-oqsma li ġejjin: l-iżvilupp operattiv u istituzzjonali, it-tisħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali u bejn l-aġenziji, it-tisħiħ u l-immodernizzar tal-kapaċità ta' ġestjoni, it-tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali u l-aġġustar tal-qafas ġuridiku għall-istandards tal-UE. Il-Pjan ta' Azzjoni jinkludi għadd ta' għanijiet ġenerali, li huma adegwati imma ma jfasslux skadenzi għal kull miżura filwaqt li xi wħud mill-indikaturi tal-progress ma jistgħux jitkejlu, jew mhumiex preċiżi biżżejjed.

Rigward il-qafas istituzzjonali, bosta entitajiet għandhom kompetenzi fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata. L-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali jikkoordina l-attivitajiet operattivi ta' dawn l-entitajiet. Ir-rwol tal-Prosekutur Ġenerali għandu jissaħħaħ iktar b'mod konsistenti mar-riformi istituzzjonali li għaddejjin, b'mod partikolari r-riformi fil-Liġi Kriminali u tal-Ġustizzja.

· Konsolidazzjoni tal-qafas ġuridiku għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bniedem u aġġornament regolari tal-Pjan Nazzjonali rispettiv, inklużi skeda, għanijiet speċifiċi, attivitajiet, riżultati, indikaturi tal-prestazzjoni u biżżejjed riżorsi umani u finanzjarji

Il-qafas leġiżlattiv u politiku dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bniedem (TTB) ġie kkonsolidat sa minn xi snin ilu. Il-Liġi qafas dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bniedem ġiet adottata fl-2005 u ġiet issupplimentata b'għadd ta' atti ġuridiċi oħra, inklużi d-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Kriminali u l-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali kif ukoll il-konvenzjonijiet internazzjonali.

Il-Liġi dwar ir-Ratifika tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa (il-Konvenzjoni ta' Lanzarote) dwar il-ħarsien tat-tfal mill-isfruttament sesswali u l-abbuż sesswali, ġiet adottata mill-Parlament fid-19 ta' Diċembru 2011. L-istrumenti tar-ratifika ġew iddepożitati mal-Kunsill tal-Ewropa fit-12 ta' Marzu 2012 u l-Konvenzjoni se tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2012. Liġi dwar il-modifika u l-emenda tal-Kodiċi Kriminali u l-Kodidċi tal-Proċedura Kriminali sabiex il-leġiżlazzjoni nazzjonali tiġi aġġustata għad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Lanzarote ġiet adottata mill-Parlament fit-12 ta' April 2012.

Il-Pjan għall-Prevenzjoni u l-Ġlieda kotra t-TTB għall-2010-2011 ġie approvat fit-13 ta' Settembru 2010 u jinkludi miżuri biex jittrattaw dan il-fenomenu. Fil-21 ta' Diċembru 2010 ġie approvat Pjan Addizzjonali li jipprovdi iktar miżuri konkreti. Wieħed mill-għanijiet kien li jittejjeb il-mekkaniżmu għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-involviment tal-ħaddiema taċ-ċivil f'każijiet ta' TTB. Huwa kellu l-mira wkoll li jżid il-ħarsien tat-tfal li kienu vittmi ta' traffikar, li għadha kwistjoni ta' tħassib. Huwa indirizza l-kooperazzjoni nazzjonali u internazzjonali, is-sensibilizzazzjoni u l-informazzjoni. Iż-Żewġ Pjanijiet ta' Azzjoni inkludew ħafna mill-elementi meħtieġa: skeda, għanijiet speċifiċi, attivitajiet u riżultati mistennija imma mingħajr indikaturi tal-prestazzjoni, mingħajr ċifri speċifiċi dwar ir-riżorsi baġitarji u riżorsi oħrajn.

Il-Pjan ta' Azzjoni l-ġdid għall-2012-2013 ġie abbozzat u huwa mistenni li jiġi approvat f'Ġunju 2012. Dan jinkludi elementi li kienu nieqsa mill-Pjanijiet ta' Azzjoni preċedenti. Eżempju ta' dan huwa l-prevenzjoni/ħarsien ta' gruppi vulnerabbli mir-riskju li jsiru vittmi tat-traffikar, speċjalment it-tfal abbundanati li huma magħrufa bħala orfni soċjali. Il-Pjan ta' Azzjoni l-ġdid jipprovdi indikaturi tal-progress imma ma jiddeskrivix miżuri ta' prestazzjoni fid-dettall. Dan jinkludi taqsima mmirata lejn it-tisħiħ tal-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni. Dan jiffoka l-iktar fuq iktar koordinament (kemm fil-livell nazzjonali u kemm f'dak internazzjonali) fl-attivitajiet ta' kontra t-traffikar, dwar il-prevenzjoni tat-traffikar permezz ta' attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni u li jibnu l-kapaċità, dwar l-għajnuna soċjali u l-ħarsien tal-vittmi u dwar it-tisħiħ tas-sistemi proċedurali u investigattivi. Dan huwa konformi b'mod ġenerali mal-istrumenti Ewropej u internazzjonali dwar it-TTB.

Il-qafas istituzzjonali qiegħed fis-seħħ u huwa kkonsolidat. Iċ-Ċentru għall-Ġlieda Kontra t-Traffikar tal-Bniedem ġie stabbilit fl-2006 u huwa kompletament operattiv. L-istrutturi rilevanti f'dawn l-oqsma qegħdin kemm fil-livell amministrattiv, jiġifieri l-Kumitat Nazzjonali għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bniedem, li huwa korp konsultattiv fi ħdan il-Gvern u fil-livell tal-prosekuzzjoni li huwa monitorizzat minn Kunsill tal-Koordinament, presedut mill-Prosekutur Ġenerali, li jidher li hu involut kompletament fil-ġlieda kontra t-TTB. Barra minn hekk, is-Sistema Nazzjonali ta' Riferiment għall-Għajnuna u l-Ħarsien tal-Vittmi tal-Ittraffikar, qafas jew kooperazzjoni bejn korpi governattivi u nongovernattivi, tinkludi wkoll timijiet multidixxiplinarji stabbiliti fil-livell reġjonali.

· Adozzjoni ta' leġiżlazzjoni dwar il-prevenzjoni u mill-korruzzjoni u l-ġlieda kontriha u l-konsolidament tal-funzjoni ta' kontra l-korruzzjoni taċ-Ċentru għall-Ġlieda Kontra l-Kriminalità Ekonomika u l-Korruzzjoni; it-tisħiħ tal-koordinament u l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet responsabbli għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni

Il-Liġi qafas dwar il-Prevenzjoni mill-Korruzzjoni u l-Ġlieda Kontriha kienet adottata fl-2008 u ġiet sussegwentement emendata. Din ġiet issupplimentata minn għadd sinifikanti ta' atti ġuridiċi rilevanti (eż. il-Liġi dwar il-Kunflitt ta' Interess, il-Liġi dwar il-Kodiċi ta' Mġiba għall-Ħaddiema taċ-Ċivil, il-Liġi dwar is-Servizz taċ-Ċivil u l-Istatus tal-Ħaddiema taċ-Ċivil, il-Liġi dwar id-Dikjarazzjoni u l-Monitoraġġ tad-Dħul u l-Assi tad-Dinjitarji tal-Istat, il-Liġi dwar l-Akkwist Pubbliku, eċċ), inklużi d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kodiċi Kriminali, il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali u l-Kodiċi tar-Reati Amministrattivi.

Ittieħdu bosta passi addizzjonali biex jittejjeb il-qafas ġuridiku bil-ħsieb li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tiġi allinjata mar-rekwiżiti Ewropej u internazzjonali. Fl-2011 u fl-2012 tħejja u ġie adottat għadd konsiderevoli ta' biċċiet ta' leġiżlazzjoni. L-emendi leġiżlattivi jirreferu fost l-oħrajn: għat-twessigħ tal-kamp ta' applikazzjoni tar-reati tal-korruzzjoni għal ħaddiema taċ-ċivil barranin u internazzjonali; għat-twessigħ tal-kamp ta' applikazzjoni tar-reati tat-tixħim billi jiġu estiżi l-elementi tad-delitt inklużi f'dan ir-reat (eż. "offerta", u "għotja"); għall-introduzzjoni ta' responsabilità kriminali għall-korruzzjoni tal-votanti; għat-tfassil ta' miżuri speċjali ta' konfiska u ta' prekawzjoni biex ikun hemm kumpens għad-danni u miżuri dwar il-konfiska lil partijiet terzi f'każijiet fejn il-partijiet terzi jkunu konxji tal-oriġini illegali tal-assi; għall-emendi għas-sistema li jissanzjonaw il-protezzjoniżmu u l-kunflitti ta' interess stabbiliti fil-Kodiċi tar-Reati Amministrattivi; għall-introduzzjoni tar-responsabilità għall-persuni ġuridiċi għal reati ta' korruzzjoni attiva.

Emendi leġiżlattivi addizzjonali ġew adottati bl-għan li jikkonformaw mar-rakkomandazzjonijeit tal-GRECO jew mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni (KNUKK) bħal: il-kriminalizzazzjoni tal-falsifikazzjoni tal-kontijiet, it-tisħiħ tas-sistema għall-ksur tas-sanzjonijiet tal-kodiċi ta' mġiba għall-ħaddiema taċ-ċivil, it-tisħiħ tar-rekwiżiti għar-rappurtar tar-reati tal-korruzzjoni. Is-salvagwardji għall-ħarsien ta' min jikxef minn ritaljazzjoni kemm fis-settur privat kif ukoll f'dak pubbliku fil-prattika hemm bżonn li jissaħħu iktar.

Ir-rakkomandazzjoni mit-tieni rawnd tal-valutazzjoni tal-GRECO rigward il-qafas ġuridiku għall-użu tal-miżuri investigattivi speċjali fil-każijiet ta' korruzzjoni kollha ġiet ittrattata parzjalment minħabba li miżuri investigattivi speċjali jistgħu jintużaw biss għal "delitti serji" u mhux għal reati ta' korruzzjoni ordinarji oħrajn. Il-qafas ġuridiku nbidel, sabiex jiżdied il-livell tas-sanzjonijiet għal tixħim attiv u passiv li jikkwalifika awtomatikament dan it-tip ta' reati bħala delitti "serji" li jistgħu jintużaw miżuri investigattivi spejali għalihom. Madankollu, il-kamp ta' applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-użu ta' miżuri investigattivi speċjali ma ġiex estiż għal reati ta' korruzzjoni ordinarji oħrajn li jaqgħu taħt il-limitu ta' "delitti serji", bħar-reat ta' meta persuna tuża l-influwenza li jkollha.

Ittieħdu passi addizzjonali biex jiġu indirizzati xi wħud mir-rakkomandazzjonijiet tal-GRECO tat-tielet rawnd ta' valutazzjoni, notevolment fir-rigward tal-inkriminazzjonijiet (eż. il-kamp ta' applikazzjoni tar-reati tal-korruzzjoni, ir-responsabilità tal-persuni ġuridiċi, il-kamp ta' applikazzjoni tar-reati tal-korruzzjoni fis-settur privat, il-kriminalizzazzjoni ta' min juża attivament l-influwenza li jkollu, eċċ.).

Il-finanzjament tal-partiti politiċi u l-kampanji elettorali għadu qasam fejn il-GRECO enfasizza għadd ta' nuqqasijiet sinifikanti li hemm bżonn li jiġu indirizzati bħala kwisjoni ta' prijorità sabiex tiġi żgurata t-trasparenza sħiħa, l-effiċjenza ta' sorveljanza u sistema ta' sanzjonament effettiva, proporzjonata u dissważiva kemm għall-finanzjament regolari tal-partiti u kemm għall-finanzjament tal-kampanji elettorali. Bħalissa l-kontrolli fuq il-finanzjamenti tal-kampanji elettorali u tal-partiti jsiru mill-Kummissjoni Elettorali Ċentrali li hija magħmula minn disa' membri (li minnhom tlieta biss huma permanenti). Il-qafas li hemm issa jista' jissaħħaħ ulterjorment biex joffri l-garanziji neċessarji għad-detezzjoni u s-sanzjonament effettiv tal-każijiet kollha ta' finanzjament illegali tal-partiti. Qed jitħejja abbozz ta' leġiżlazzjoni dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi u l-kampanji elettorali bil-ħsieb li jiġu segwiti r-rakkomandazzjonijiet tal-GRECO.

Rappurtar mill-awtoritajiet Moldovani dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-GRECO se jkomplu matul l-2012. Ir-Repubblika tal-Moldova għandha tkompli timplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-GRECO u għandha tiġi pprovduta iktar informazzjoni dwar kif se jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet tal-GRECO li fadal.

L-akkwist pubbliku jibqa' wieħed mill-oqsma l-iktar vulnerabbli għall-korruzzjoni, b'defiċjenti sinifikanti fil-prattika. Għadd ta' liġijiet għandhom impatt f'dan il-qasam u kien hemm diskussjonijiet intensi dwar kif id-definizzjonijiet f'dawk il-liġijiet huma biżżejjed minħabba r-riskji kbar involuti. Is-sistema li hemm issa tinkludi rekwiżit obbligatorju biex tiġi ppubblikata tħabbira ta' intenzjoni ta' akkwist qabel ma jitfassal pjan ta' proċess għall-akkwist. Madankollu, spiss ma tiġi ppubblikata l-ebda tħabbira u ma jitfassa l-ebda pjan. Is-sistema ta' sanzjonament hija ineffiċjenti. Hemm bżonn li jsiru aktar sforzi biex jiġi żgurat proċess ta' akkwist pubbliku kompletament trasparenti u jkun hemm sanzjonijiet dissważivi f'każ ta' ksur tar-rekwiżiti ġuridiċi.

Fir-rigward tal-kunflitti ta' interess, l-inkompatibilitajiet u d-dikjarazzjonijiet tal-assi, il-qafas leġiżlattiv jinsab fis-seħħ. L-iktar nuqqas sinifikanti jikkonċerna l-effiċjenza tal-mekkaniżmi ta' verifika u sanzjonament. Il-Liġi dwar il-Kummissjoni għall-Integrità Nazzjonali, (KIN), ġiet adottata mill-Parlament f'Diċembru 2011. Il-KIN hija inkarigata fl-ikkontrollar tal-kunflitti ta' interess, l-inkompatibilitajiet u d-dikjarazzjonijiet tal-assi imma għadha mhix operattiva. Il-liġi tistabbilixxi l-kompiti u s-setgħat tal-KIN, l-organizzazzjoni tagħha u l-proċeduri li trid issegwi. Filwaqt li huwa tajjeb li istituzzjoni waħda tingħata r-responsabilità li tagħmel kontrolli stretti fuq il-kunflitti ta' interess, id-dikjarazjonijiet tal-assi u l-inkompatabilitajiet, hemm bżonn ta' iktar garanziji dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tat-teħid tad-deċiżjonijiet, minħabba li l-kompożizzjoni tagħha tħalli spazju għal kontroll politiku. Il-President tal-KIN jinħatar mill-Parlament. Mill-ħames membri, tlieta huma proposti mill-maġġoranza parlamentari, wieħed mill-oppożizzjoni u wieħed biss jiġi mis-soċjetà ċivili permezz ta' kompetizzjoni miftuħa. Il-kompożizzjoni ta' issa toħloq il-possibilità ta' kontroll mill-maġġoranza politika fuq id-deċiżjonijiet tal-KIN. Id-deċiżjonijiet ta' kunflitt ta' interess, id-dikjarazzjonijiet tal-assi u l-inkompatabilitajiet għandhom ikunu imparzjali u ħielsa minn kull interferenza politika. Il-liġi tiddeskrivi f'dettall ċar il-kompiti tal-KIN u l-proċeduri relatati mal-verifika tal-kunflitti ta' interess, id-dikjarazzjonijiet tal-assi u l-inkompatabilitajiet. L-effettività tal-kontrolli għad trid tiġi ttestjata fil-prattika. L-għażla tal-membri u l-persunal tal-KIN iridu jsegwu kriterji oġġettivi u bbażati fuq il-mertu u l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet f'każijiet individwali għandu jkun imħares minn influwenzi politiċi jew deliberazzjonijiet politiċi.

F'każ ta' "differenza ovvja" (mhux definit mil-liġi) bejn id-dħul u l-assi ta' uffiċjal, il-KIN tista' tinnotifika lis-servizzi tal-prosekuzzjoni u lill-awtoritajiet tat-taxxa, jekk ikun hemm xi suspetti li sar delitt. Ma hemm l-ebda setgħat speċifiċi mogħtija lill-KIN biex tipproponi l-konfiska ta' ġid mhux iġġustifikat. Meta jinstabu kunflitti ta' interess jew inkompatabilitajiet, il-KIN toħroġ "att ta' infrazzjoni" u tista' finalment titlob lill-awtoritajiet pubbliċi biex jieħdu azzjoni dixxiplinari jew itemmu l-mandat jew il-kuntratt tal-uffiċjal ikkonċernat. Hija tista' wkoll titlob lill-qrati biex jikkanċellaw l-att amministrattiv adottat mill-uffiċjal pubbliku li jinstab li huwa f'kunflitt ta' interess jew f'sitwazzjoni ta' inkompatibilità. Il-liġi introduċiet obbligu biex id-dikjarazzjonijiet tal-assi jittellgħu fil-websajt tal-KIN. Dan ikun pass pożittiv lejn l-għoti ta' aċċess wiesa' lill-pubbliku ġenerali għad-dikjarazzjonijiet tal-assi u potenzjalment iżid ir-rata ta' detezzjoni ta' każijiet ta' ġid mhux iġġustifikat.

Iridu jiġu żgurati biżżejjed riżorsi baġitarji u umani biex tiġi aċċertata l-effettività tal-verifiki mwettqa mill-KIN. L-aspetti kollha relatati mal-indipendenza tat-teħid tad-deċiżjonijiet u l-kapaċità biex isiru l-verifiki u jiġu proposti sanzjonijiet huma kruċjali għall-effettività tas-sistema li tista' tiġi ttestjata biss permezz tal-implimentazzjoni. Għandha tiġi pprovduta iktar informazzjoni dwar x'tagħmir tekniku u x'bażijiet ta' dejta elettroniċi huma disponibbli għall-KIN.

Għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-koerenza tal-proċess leġiżlattiv ġenerali sabiex tipi evitata l-inċertezza legali u biex tiġi żgurata implimentazzjoni sħiħa. Il-qafas ġuridiku għaddej minn bidliet suċċessivi meħtieġa minn għadd ta' miżuri ta' riforma kontra l-korruzzjoni. Filwaqt li wieħed jifhem li l-pass tar-riformi huwa aċċellerat u li dan huwa konsegwentement rifless fil-qafas leġiżlattiv, il-koerenza u l-istabilità tal-qafas kumplessiv ma jridx jiġi affettwat. L-istess biċċa leġiżlazzjoni spiss tiġi emendata permezz ta' atti leġiżlattivi differenti fi żmien ftit xhur. Hemm bżonn li inizjattivi leġiżlattivi jgħaddu minn stimi tal-impatt stretti, inkluż dwar il-bżonnijiet tar-riżorsi finanzjarji u umani, u hemm bżonn li jkunu koordinati.

L-Istrateġija Kontra l-Korruzzjoni għall-2011-2015 kienet adottata mill-Parlament f'Lulju 2011 u tistabbilixxi prijoritajiet u għanijiet ċari. L-Istrateġija fiha valutazzjoni qasira tal-qagħda attwali u tħares lejn għadd ta' stħarriġiet li jkejlu l-perċezzjoni tal-korruzzjoni, kif ukoll analiżi ġenerali ħafna tal-kawżi tal-korruzzjoni. Hija tiddefinixxi l-prinċipji ewlenin u direzzjonijiet tal-azzjoni u tistabbilixxi għadd ta' kriterji ta' prestazzjoni ġenerali u miri kumplessivi li jridu jintlaħqu fi tmiem il-perjodu ta' implimentazzjoni. L-Istrateġija tiddeskrivi f'dettall ċar il-proċess ta' monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħha u tħalli l-kompitu tal-koordinament taħt ir-responsabilità tal-Kummissjoni Parlamentari. Il-grupp ta' ħidma ta' monitoraġġ huwa magħmul minn bosta partijiet interessati, inklużi dawk mis-settur privat u mis-soċjetà ċivili.

Il-Pjan ta' Azzjoni Kontra l-Korruzzjoni għall-2012-2013 ġie approvat mill-Parlament fi Frar 2012. Filwaqt li l-Pjan ta' Azzjoni fih għadd ta' miżuri dettaljati, skadenzi, indikaturi u għanijiet mistennija, huwa ma fihx referenzi għal valutazzjonijiet tal-ispejjeż riżorsi baġitarji u umani. Il-Pjan ta' Azzjoni lanqas ma fih referenza għal valutazzjonijiet tar-riskju jew setturi vulnerabbli. Filwaqt li l-Pjan ta' Azzjoni huwa ffukat fuq is-soluzzjonijiet leġiżlattivi u istituzzjonali, għandha tingħata iktar attenzjoni għall-miżuri operattivi. Miżuri li jirrigwardaw mekkaniżmi ta' kontroll interni u l-interazzjoni tagħhom mal-korpi tal-infurzar tal-liġi għandhom jiġu żviluppati ulterjorment.

Rigward il-qafas istituzzjonali, iċ-Ċentru għall-Ġlieda kontra d-Delitti Ekonomiċi u l-Korruzzjoni (ĊĠDEK) ġie stabbilit fl-2002 u minn dak iż-żmien ġie ristrutturat bosta drabi. Fil-25 ta' Mejju 2012 il-Parlament adotta Liġi ġdida dwar għall-Ġlieda kontra d-Delitti Ekonomiċi u l-Korruzzjoni. Iċ-Ċentru nbidillu ismu għal Ċentru Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni. L-indipendenza tiegħu ssaħħet billi sar irid iwieġeb għall-Parlament u billi jiżgura proċess kompetittiv miftuħ għall-għażla tad-direttur tiegħu li jrid jinħatar mill-Parlament. Il-proċeduri ta' tkeċċija wkoll ġew deskritti raġonevolment sew fil-liġi l-ġdida. Ir-riforma taċ-Ċentru segwiet bosta konsultazzjonijiet pubbliċi, inkluża l-għajnuna għall-komunità internazzjonali, li mmaterjalizzat f'abbozz ta' ktiba dwar l-istrateġija ta' riforma, mibgħuta lill-Gvern f'Novembru 2011, fejn ġew proposti tliet kapitli ewlenin ta' riforma: l-indipendenza, iżjed kapaċità u l-appoġġ pubbliku. Minn dawn, il-Liġi l-ġdida ffukat l-iktar fuq il-kwistjoni tal-indipendenza, filwaqt li l-effiċjenza u l-kwistjoni ta' iżjed kapaċità għad iridu jiġu ċċarati iktar u ttestjati fil-prattika. Bħalissa qed tiġi ffinalizzata Strateġija ġdida għat-tisħiħ istituzzjonali taċ-Ċentru li tibni fuq l-għanijiet tal-ktiba preċedenti dwar l-istrateġija għar-riforma, bl-għand li jkun hemm fokus fuq l-implimentazzjoni tal-qafas ġuridiku l-ġdid. L-iżgurar ta' kapaċità xierqa għaċ-Ċentru biex iwettaq ħidmietu b'mod effiċjenti għandu jkun element kruċjali tar-riforma li jikkomplementa l-garanziji tal-indipendenza.

Fil-format il-ġdid iċ-Ċentru żamm kemm is-setgħat ta' prevenzjoni kif ukoll dawk investigattivi. F'termini ta' repressjoni, iċ-Ċentru jagħmel attivitajiet ta' investigazzjoni bil-kontroll tal-prosekuturi. Il-ġursdizzjoni fuq l-investigazzjonijiet issa tkopri biss ir-reati ta' korruzzjoni u r-reati relatati mal-korruzzjoni. Madankollu, ma hemm l-ebda differenzjar skont il-valur tal-preġudizzju jew skont il-pożissjoni tal-uffiċjal investigat. Ir-reati ta' korruzzjoni kollha, irrispettivament minn jekk humiex reati żgħar jew ta' livell għoli, jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni taċ-Ċentru. Id-delitti ekonomiċi u finanzjarji l-oħrajn kollha li mhumiex relatati mar-reati ta' korruzzjoni ġew trasferiti taħt il-kompetenza tal-Ministeru tal-Intern u l-awtorità Doganali. Il-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu jibqgħu taħt il-kompetenza taċ-Ċentru; l-UIF tibqa' unità awtonoma fi ħdan iċ-Ċentru (ara ukoll hawn taħt, taħt ħasil tal-flus).

Id-direttur taċ-Ċentru se jinħatar mill-Parlament wara kompetizzjoni miftuħa. It-tneħħija tad-direttur tiġi deċiża wkoll mill-Parlament, fuq il-bażi tar-raġunijiet stipulati b'mod eżawrjenti fil-liġi. Il-liġi l-ġdida dwar iċ-Ċentru Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni wkoll jinkludi għadd ta' garanziji relatati mal-integrità u kontrolli dwar l-integrità tal-impjegati taċ-Ċentru. Madankollu, l-effettività tas-sistema l-ġdida għad trid tiġi ttestjata u għad hemm kwistjonijiet dwar il-qsim tas-setgħat u l-koordinament ma' entitajiet oħrajn tal-infurzar tal-liġi. Il-Programm tal-Iżvilupp Strateġiku għaċ-Ċentru għas-sentejn li ġejjin ġie approvat mill-Bord taċ-Ċentru f'Jannar 2012. Il-Programm huwa relattivament vag meta jittratta miżuri konkreti futuri. Huwa jsemmi r-riżorsi baġitarji u l-livelli tal-ingaġġar tal-persunal tas-snin preċedenti, imma ma fih l-ebda valutazzjoni tal-bżonnijiet ta' riżorsi umani jew ta' spejjeż għas-sentejn li ġejjin. Lanqas ma hemm kalendarju dettaljat tal-azzjonijiet. Il-programmazzjoni strateġika għall-attivitajiet taċ-Ċentru ma toffrix stampa ċara ta' kif l-effiċjenza ta' l-attivitajiet tagħha u l-koordinament ma' istituzzjonijiet oħra ta' kontra l-korruzzjoni u entitajiet tal-infurzar tal-liġi se tiġi żgurata.

Rigward il-kooperazzjoni interistituzzjonali, hemm bżonn li jsir iktar biex jiġi żgurat tqassim ċar tal-ħidmiet u kooperazzjoni effiċjenti bejn l-istituzzjonijiet kollha li qed jaġixxu fil-qasam tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, inkluża l-Kummissjoni dwar l-Integrità Nazzjonali, iċ-Ċentru Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni, il-mekaniżmi ta' kontroll intern, l-UIF, is-servizzi tal-prosekuzzjoni u l-entitajiet tal-infurzar tal-liġi. Hemm bżonn li jittieħdu iktar passi biex tiġi promossa attività ta' pulizija bbażata fuq intelliġenza effettiva u t-titjieb tas-sistemi ta' skambju ta' informazzjoni fost dawn l-istituzzjonijiet għandha tkun prijorità.

· Konsolidazzjoni tal-qafas ġuridiku għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu b'konformità mal-istandards internazzjonali stabbiliti mit-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja dwar il-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu (FATF); aġġornament regolari tal-istrateġija nazzjonali rispettiva; it-twaqqif ta' Unita ta' Intelliġenza Finanzjarja indipendenti

Fis-7 ta' April 2011 ġiet adottata liġi li temenda l-Liġi tal-2007 dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu.

L-Istrateġija tal-2010-2012 għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u l-Pjan ta' Azzjoni ġew approvati mill-Gvern fit-3 ta' Settembru 2010. L-Istrateġija tirrappreżenta bażi tajba ta' ħidma. Ħaġa partikolarment pożittiva kienet ir-realizzazzjoni li l-istrateġiji preċedenti ma kinux kompletament effettivi minħabba li l-miżuri tneħħew mill-Istrateġija fi tmiem is-sena irrispettivament minn jekk ġewx implimentati b'mod effettiv jew le. It-tagħlimiet meħuda minn dan rriżultaw f'approċċ ġdid ta' strateġija ta' ħames snin ibbażata fuq pjanijiet ta' azzjoni annwali imma li jgħaddu l-miżuri li jkun għad fadal mis-sena ta' qabel għall-azzjonijiet tas-sena ta' wara. L-Istrateġija tidher li qed tindirizza n-nuqqas ta' proċeduri dwar l-iffriżar u l-konfiska tal-assi mingħajr il-bżonn li jiġi ddefinit reat predikat.

Rigward it-twaqqif ta' Unità ta' Intelliġenza Finanzjarja (UIF), il-Liġi tas-7 ta' April 2011 tistabbilixxi l-Uffiċċju għall-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra l-Ħasil tal-Flus bħala taqsima indipendenti speċjalizzata fi ħdan iċ-ĊĠDEK (ara wkoll hawn fuq taħt il-politika kontra l-korruzzjoni) li ngħata spefikatament ir-responsabilitajiet ta' UIF. Bosta Ordnijiet addizzjonali dwar it-tħaddim tiegħu ġew approvati.

L-Uffiċċju għall-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra l-Ħasil tal-Flus huwa kompletament indipendenti miċ-ĊĠDEK. L-UIF irid jibqa' indipendenti minn aġenziji oħra sabiex jikkonforma mal-istandards internazzjonali u jkompli l-funzjonijiet tiegħu. L-UIF huwa membru rikonoxxut tal-Grupp Egmont u tan-Netwerk ta' Bejn l-Aġenziji Camden għall-Irkupru tal-Assi (Carin).

L-Uffiċċju għall-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra l-Ħasil tal-Flus jipproduċi valutazzjoni tar-riskju nazzjonali dwar il-miżuri ta' kontra l-ħasil tal-flus u l-miżuri kontra l-finanzjament tat-terroriżmu. Huwa għandu kemm rwol operattiv u kemm rwol investigattiv filwaqt li jmexxi prosekuzzjonijiet kriminali u jimmedja bejn id-dejta li tasal, ir-riċerka u l-entitajiet tal-infurzar tal-liġi.

Il-konklużjonijiet tar-rapport tal-progress tal-14 ta' April 2011 mill-Kumitat tal-Esperi tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Valutazzjoni tal-Miżuri Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu (Moneyval)[4] jagħrfu l-progress kontinwu li sar fl-oqsma tal-għaqal mistħoqq tal-klijent u r-rappurtar. Skont il-konklużjonijiet ta' Moneyval, hemm bżonn ta' iktar indikazzjonijiet dwar l-effettività tar-reġim, b'mod partikolari rigward il-kundanni ta' ħasil tal-flus u l-ammonti ta' assi rċevuti. Ir-raba' rawnd ta' valutazzjoni minn Moneyval għandu jipprovdi iktar indikazzjonijiet tal-progress f'dan ir-rigward. F'Novembru 2011 saret żjara fuq il-post minn Moneyval taħt ir-raba' rawnd ta' valutazzjoni u l-abbozz tar-rapport tiegħu se jitħejja għar-reviżjoni u l-adozzjoni f'Diċembru 2012. Dan għandu jipprovdi iktar indikazzjonijiet dwar il-progress f'dan ir-rigward.

Minn Lulju 2011 ir-Repubblika tal-Moldova ma għadhiex immonitorizzata mill-FATF.

· Adozzjoni ta' Strateġija Nazzjonali Kontra d-Drogi u l-pjan ta' azzjoni relatat magħha; li tistabbilixxi kooperazzjoni mal-EMCDDA

Fis-27 ta' Diċembru 2010 r-Repubblika tal-Moldova approvat l-Istrateġija Nazzjonali Kontra d-Droga għall-2011-2018. L-Istrateġija tiddefinixxi l-għanijiet, l-azzjonijiet neċessarji u r-responsabilitajiet ċari tal-partijiet interessati kollha involuti fil-ġlieda kontra d-dipendenza mid-droga u t-traffikar tad-droga. Din ġiet żviluppata f'konformità mal-Istrateġija Ewropea għad-Drogi għall-2005-2012 u l-Konvenzjonijiet tan-NU rilevanti. L-Istrateġija tipproponi approċċ komprensiv għal kwistjonijiet relatati mal-użu tad-droga, ibbażata fuq kooperazzjoni kumplessa, interdipartimentali u interdixxiplinari fil-livelli kollha, bi tliet komponenti ewlenin. a) tnaqqis tal-provvista tad-droga (eżerċitar ta' kontroll legali fuq il-moviment tad-drogi u ġlieda kontra t-traffikar tad-droga u tqassim illeċitu tad-drogi); b) tnaqqis tad-domanda għad-drogi (prevenzjoni primarja, trattament u riabilitazzjoni ta' min juża d-drogi) u c) tnaqqis tar-riskju (tal-ħsara).

F'Ġunju 2011, il-Gvern approva deċiżjoni dwar it-twaqqif ta' Kumitat Nazzjonali Kontra d-Drogi, bħala entità permanenti fil-livell tal-Gvern li tissorvelja, tiżviluppa u tikkoordina l-politiki relatati mat-tnaqqis tad-domandau tal-provvista tad-droga. Is-Segretarjat tiegħu ġie stabbilit f'Lulju 2011 b'deċiżjoni tal-Gvern u beda jiġbor u janalizza l-informazzjoni u d-dejta pprovduta mill-awtoritajiet nazzjonali.

Rigward id-dimensjoni tal-infurzar tal-liġi, hemm Dipartiment Kontra d-Droga fil-Ministeru tal-Intern. Rigward il-koordinament politiku, hemm Kummissjoni Interdipartimentali. Barra minn hekk, fi ħdan il-Ministeru tas-Saħħa ġew stabbiliti strutturi rilevanti. L-Osservatorju Nazzjonali Kontra d-Droga ġie kkonsolidat.

Għaddejja kooperazzjoni maċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA). L-awtoritajiet Moldovani qed jipprovdu dejta nazzjonali u qed jaħdmu fuq ix-xejriet. F'ittra bid-data tat-28 ta' Ottubru 2011, ir-Repubblika tal-Moldova talbet il-formalizzazzjoni tal-kooperazzjoni mal-EMCDDA billi ffirmat Memorandum ta' Qbil (MtQ). Il-proċedura għall-iffirmar tal-MtQ bejn ir-Repubblika tal-Moldova u l-EMCDDA għadha għaddejja u huwa mistenni li jiġi ffirmat MtQ matul l-2012.

· Adozzjoni tal-Konvenzjonijiet rilevanti tan-NU u tal-Kunsill tal-Ewropa fl-oqsma elenkati hawn fuq u dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu

Ir-Repubblika tal-Moldova aderiet għall-Konvenzjonijiet kollha tan-NU u tal-Kunsill tal-Ewropa rilevanti għall-oqsma msemmija hawn fuq. Rigward il-ġlieda kontra t-terroriżmu, maġġoranza kbira tal-Konvenzjonijiet tan-NU u tal Kunsill tal-Ewropa ġew irratifikati u daħlu fis-seħħ.

Blokk 3 / suġġett 2 - Kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali

· Adozzjoni ta' qafas ġuridiku dwar l-għajnuna legali reċiproka

Il-qafas leġiżlattiv fil-qasam tal-għajnuna legali reċiproka qiegħda fil-biċċa l-kbira fis-seħħ.

Ir-Repubblika tal-Moldova qed twettaq proċess ta' riforma wiesa' ħafna tal-leġiżlazzjoni kriminali u ta' proċedura kriminali tagħha. Fuq il-bażi tad-Deċiżjoni tal-Gvern tad-9 ta' Frar 2011 twaqqaf Grupp ta' Ħidma interistituzzjonali dwar l-emenda tal-leġiżlazzjoni tal-proċedura kriminali fl-oqsma tal-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni operattivi. Il-Ktiba Kunċettwali dwar ir-riforma tas-sistema tal-prosekuzzjoni u l-proċedura kriminali ġiet abbozzata mill-Grupp ta' Ħidma. Għaldaqstant, abbozz ta' "Liġi dwar l-emenda ta' xi atti leġiżlattivi (il-Liġi nru 45-XII tat-12 ta' April 1994 dwar Investigazzjonijiet Operattivi, il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali)" tħejja biex jaġġustahom għad-dispożizzjonijiet il-ġodda dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità transkonfinali u t-timijiet ta' investigazzjoni konġunta internazzjonali, reviżjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-interċezzjoni tal-konverżazzjonijiet telefoniċi u reviżjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti fil-qafas tal-Konvenzjoni tal-Kooperazzjoni Polizjeska għax-Xlokk tal-Ewropa.

Il-"Liġi dwar Attività Investigattiva Speċjali" ġiet adottata mill-Parlament fid-29 ta' Marzu 2012. Fil-5 ta' April 2012 il-Parlament adotta l-Liġi dwar l-emenda ta' xi atti leġiżlattivi (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali). Ir-relazzjoni bejn iż-żewġ liġijiet se teħtieġ kjarifika ulterjuri.

· Adeżjoni għat-tieni Protokoll tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-għajnuna reċiproka

Fit-13 ta' Marzu 2012 ir-Repubblika tal-Moldova ffirmat it-tieni Protokoll Addizzjonali tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar Għajnuna Legali Reċiproka f'Materji Kriminali li bħalissa qed jistenna r-ratifika.

· Konklużjoni ta' ftehim mal-Eurojust

Il-Eurojust stabbilixxa punt ta' kuntatt fir-Repubblika tal-Moldova. Kuntatti bl-għan li jinbdew in-negozjati dwar ftehim ta' kooperazzjoni bejn ir-Repubblika tal-Moldova u l-Eurojust ilhom stabbiliti mill-2006. Saru tliet laqgħat bejn l-2008 u l-2010 f'dan il-kuntest. Biex isir progress f'dawn in-negozjati hemm bżonn tal-konsolidazzjoni sħiħa tal-qafas ġuridiku Moldovan il-ġdid dwar il-protezzjoni tad-dejta għall-finijiet tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali, peress li l-iżgurar ta' livell adegwat ta' protezzjoni tad-dejta huwa prekundizzjoni għall-konklużjoni ta' ftehim ta' kooperazzjoni mal-Eurojust (ara wkoll hawn taħt, taħt is-suġġett 4 protezzjoni tad-dejta). Fi Frar 2012, ir-Repubblika tal-Moldova ppreżentat informazzjoni addizzjonali lill-Eurojust dwar il-protezzjoni tad-dejta. Huwa mistenni li n-negozjati tal-ftehim se jibdew fit-tieni nofs tal-2012.

Blokk 3 / suġġett 3 - Kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi

· It-twaqqif ta' mekkaniżmu ta' koordinament adegwat bejn l-aġenziji nazzjonali rilevanti u bażi ta' dejta komuni li tiggarantixxi aċċess dirett għall-uffiċjali rilevanti

Il-koordinament bejn l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi nazzjonali rilevanti huwa żgurat permezz tal-attività taċ-Ċentru Virtwali Nazzjonali SELEC (Il-Konvenzjoni taċ-Ċentru tax-Xlokk tal-Ewropa għall-Infurzar tal-Liġi)/GUAM (L-Għaqda għad-Demokrazija u l-Iżvilupp Ekonomiku) li ġie stabbilit fl-2006. Dan huwa sottotaqsima tal-Ministeru tal-Intern li għandu l-mira li jiżviluppa l-kooperazzjoni bejn l-aġenziji nazzjonali u Ewropej rilevanti dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata transkonfinali u s-sigurtà tal-fruntieri. Iċ-Ċentru Virtwali Nazzjonali SELEC/GUAM jiżgura l-koordinament bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi li ġejjin: il-Ministeru tal-Intern, is-Servizz tal-Gwardji tal-Fruntieri, is-Servizz tad-Dwana, is-Servizz tas-Sigurtà u l-Informazzjoni u ċ-Ċentru għall-Ġlieda Kontra d-Delitti Eknomiċi u l-Korruzzjoni. Dawn l-awtoritajiet għandhom aċċess dirett għall-bażi tad-dejta taċ-Ċentru dwar l-investigazzjoni, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata transkonfinali. L-informazzjoni tiġi skambjata bl-użu tal-kanali SELEC/GUAM.

L-għanijiet ġenerali taċ-Ċentru Virtwali Nazzjonali huma: (1) li jiġi żgurat il-qafas organizzattiv neċessarju għall-kooperazzjoni u l-iżvilupp tal-azzjonijiet speċifiċi fil-livelli nazzjonali u internazzjonali għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità transkonfinali u tipi oħra ta' delitti serji fl-Istati Membri tas-SELEC u l-GUAM; (2) li jkun hemm skambju ta' informazzjoni bejn l-aġenziji li jinfurzaw il-liġi minn Stati Membri tas-SELEC u l-GUAM dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità transkonfinali u (3) li janalizza, jagħmel disponibbli u juża l-informazzjoni miġbura għar-riċerka u għall-ġlieda u l-prevenzjoni tad-delitti transkonfinali.

Iċ-Ċentru juża bażi ta' dejta msejħa "Registru". Din il-bażi ta' dejta toffri informazzjoni dwar il-persuni, il-vetturi, il-kumpaniji (is-sidien, it-tip ta' attività u l-mezzi tat-trasport irreġistrati f'isem il-kumpanija), il-liċenzji tas-sewqan, kontrolli fuq tipi differenti ta' dokumenti bħall-passaporti jew iċ-ċertifikati tat-twelid u l-qsim tal-fruntieri. Peress li hemm tipi differenti ta' bażijiet ta' dejta, b'operaturi differenti ("Registru" għall-Ministeru tal-Informazzjoni, it-Teknoloġija u l-Komunikazzjonijiet, informazzjoni dwar il-qsim tal-fruntiera stati mis-Servizz tal-Gwardja tal-Fruntieri, informazzjoni dwar il-proprjetà immobbli "Cadastru"), iċ-Ċentru għandu aċċess għal dawn il-bażijiet ta' dejta permezz tal-uffiċjali ta' kollegament delegati.

Liġi tal-2006 "dwar is-Sistema ta' Informazzjoni Elettronika dwar l-Irreġistrar tad-Delitti, il-Kawżi Kriminali u l-individwi li kkommettew delitti" stabbiliet mekkaniżmu ta' koordinament bejn l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti u bażi ta' dejta. Ġew approvati tliet Ordnijiet Komuni dwar il-mekkaniżmu ta' koordinament: (1) Ordni tal-2008 dwar reġistru uniku ta' reati, kawżi kriminali u individwi li kkommettew delitti; (2) Ordni tal-2006 dwar reġistru uniku ta' fajls operattivi (tfittxijiet u identifikazzjoni) dwar persuni imfittxija, persuni ta' identità mhux magħrufa u entitajiet mhux identifikati; u (3) Ordni tal-2004 dwar reġistru uniku ta' oġġetti mmarkati, antikitajiet u xogħlijiet artistiċi u proprjetà li ntilfet u nstabet.

It-twaqqif ta' mekkaniżmu ta' koordinament adegwat bejn l-aġenziji nazzjonali rilevanti għandu jkun imfittex iktar bit-twaqqif ta' kumitat ta' koordinament tal-aġenziji kollha involuti fl-intelliġenza u l-investigazzjoni. Il-kumitat ta' koordinament għandu jkun presedut mill-Prosekutur Ġenerali li għandu jkollu rwol ewlieni u għandu jkun konvenut regolarment.

Mhux ċar jekk hix prevista kwalunkwe struttura ta' bejn l-aġenziji biex issaħħaħ l-iskambju ta' informazzjoni dwar il-kriminalità organizzata jew jekk iċ-Ċentru Virtwali Nazzjonali msemmi fuq hux se jkollu dan ir-rwol. Bħalissa l-ebda struttura ċentrali ma tista' tipprovdi aċċess dirett għall-bażijiet ta' dejta li jistgħu jkunu ta' interess, jiġifieri: il-popolazzjoni (reġistru), il-vetturi, il-qsim tal-fruntieri, l-oġġetti misruqa, il-marki tas-swaba', id-DNA, l-amministrazzjoni tat-taxxa, il-bażi tad-dejta tad-dwana, il-bażijiet tad-dejta tas-Servizz tas-Sigurtà u l-Informazzjoni, ir-reġistri tal-kondotta kriminali, il-persuni fil-ħabs, il-kadastru, eċċ. S'issa, l-entitajiet eżistenti ma għandhom l-ebda aċċess dirett għall-bażijiet ta' dejta disponibbli kollha, u jridu jserrħu fuq uffiċjali ta' kollegament li jikkuntattjaw lill-amministrazzjoni sabiex tagħtihom aċċess għall-informazzjoni li jeħtieġu.

Peress li ma hemm l-ebda standard universali dwar it-twaqqif ta' "bażi ta' dejta komuni", xi pajjiżi għandhom, oħrajn għandhom bażijiet ta' dejta separati, huwa xorta waħda importanti li jkun hemm għodda disponibbli għal konsultazzjoni proattiva tal-bażijiet ta' dejta kollha disponibbli. L-awtoritajiet għandhom jipprevedu li jistabbilixxu għodda għal bejn l-aġenziji, bħall-Unità ppjanifikata tal-Informazzjoni u l-Analiżi, fejn ir-rappreżentanti tal-aġenziji kollha tal-infurzar tal-liġi u tal-intelliġenza jkun jista' jkollhom aċċess għall-bażijiet ta' dejta varji.

· Konklużjoni ta' ftehim ta' kooperazzjoni operattiv mal-Europol li jiżgura livell adegwat ta' protezzjoni tad-dejta

In-negozjati ta' ftehim operattiv mal-Europol huwa bil-kundizzjoni ta' valutazzjoni mill-Europol tal-istandards tal-protezzjoni tad-dejta rilevanti. Ix-xogħol fuq il-valutazzjoni tal-protezzjoni tad-dejta jinsab għaddej. L-Europol lestiet l-ewwel skrutinju tagħha tal-materjali li waslulha u bagħtet mistoqsijiet addizzjonali lir-Repubblika tal-Moldova f'Jannar 2011. Ir-Repubblika tal-Moldova wieġbet fit-23 ta' Marzu 2011 billi bagħtet tagħrif supplimentari dwar il-protezzjoni tad-dejta personali. F'April 2012 l-Europol ġiet ipprovduta b'leġiżlazzjoni addizzjonali (ara wkoll taħt 4. Protezzjoni tad-dejta). L-Europol bħalissa qiegħda tipproċedi fil-valutazzjoni tagħha tal-leġiżlazzjoni tal-protezzjoni tad-dejta fir-Repubblika tal-Moldoba, filwaqt li tistenna kull informazzjoni addizzjonali u kjarifiki li jista' jkun hemm bżonn. Iż-żjara ta' studju tal-protezzjoni tad-dejta tista' ssir wara d-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni u ladarba tinkiseb ftit esperjenza fir-rigward tal-applikazzjoni tagħha. In-negozjati għal ftehim operattiv mal-Europol jistgħu jibdew biss wara l-awtorizzazzjoni tal-Bord tat-Tmexxija tal-Europol wara l-opinjoni tal-Entità Sorveljatorja Konġunta, li hija bbażata fuq ir-rapport tal-protezzjoni tad-dejta tal-Europol.

L-Europol organizzat seminar ta' sensibilizzazzjoni għall-awtoritajiet Moldovani tal-infurzar tal-liġi f'April 2011. F'Lulju 2011 ir-Repubblika tal-Moldova ġiet mistiedna tissekonda uffiċjal ta' kollegament permanenti għall-Europol.

Blokk 3 / suġġett 4 - Protezzjoni tad-dejta

· Konsolidazzjoni tal-qafas ġuridiku għall-protezzjoni tad-dejta personali, inkluż l-adeżjoni għall-Protokoll Addizzjonali tal-2001 mal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni tal-Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ta' Data Personali, rigward l-awtoritajiet sorveljatorji u l-flussi transkonfinali ta' dejta

Il-Liġi l-ġdida tar-Repubblika tal-Moldova dwar il-Protezzjoni tad-Dejta, ġiet adottata fit-8 ta' Lulju 2011 u ddaħħlet fis-seħħ fl-14 ta' April 2012. Hija tħassar il-Liġi eżistenti dwar il-Protezzjoni tad-Dejta għall-2007 u tallinja l-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-dejta tar-Repubblika tal-Moldova mal-istrumenti tal-Kunsill tal-Ewropa u l-acquis tal-UE. Barra minn hekk, fil-21 ta' Ottubru 2011 ġiet adottata "Liġi li temenda u tissupplimenta xi atti leġiżlattivi" li fost affarijiet oħra ssaħħaħ l-indipendenza u s-setgħat tal-awtorità sorveljatorja u tintroduċi sanzjonijiet għall-ksur tal-protezzjoni tad-dejta. Dawn il-bidliet leġiżlattivi huma previsti li jidħlu fis-seħħ fis-16 ta' Ġunju 2012.

Qed isiru aktar sforzi sabiex jiġi kompletament ikkonsolidat il-qafas ġuridiku billi jiġu allinjati leġiżlazzjonijiet u digrieti tal-Gvern oħra mal-"Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Dejta" l-ġdida. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għar-regoli tal-protezzjoni tad-dejta fis-settur tal-pulizija (b'mod partikolari implimentazzjoni sħiħa tar-Rakkomandazzjoni rilevanti tal-Kunsill tal-Ewropa) inkluża r-reviżjoni tal-Kodiċi ta' Proċedura Kriminali u l-"Liġi dwar Attività Investigattiva Speċjali" (ara hawn fuq taħt Kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali). Konsolidazzjoni sħiħa u implimentazzjoni effettiva tal-qafas ġuridiku huma prekundizzjoni għall-konklużjoni ta' ftehimiet ta' kooperazzjoni operattiva mal-Eurojust u l-Europol (ara hawn fuq taħt is-suġġetti 2 u 3).

Ir-Repubblika tal-Moldova rratifikat il-Protokoll Addizzjonali tal-2001 mal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni tal-Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ta' Data Personali, fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku tad-Dejta, rigward l-awtoritajiet ta’ sorveljanza u l-flussi transkonfinali ta' dejta, Ir-ratifika daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2012.

Iċ-Ċentru Nazzjonali għall-Protezzjoni tad-Dejta Personali bdiet l-operati tagħha f'nofs l-2009 fuq il-bażi tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Dejta tal-2007. L-indipendenza u s-setgħat tiegħu ssaħħew mill-qafas ġuridiku l-ġdid. Iċ-Ċentru huwa istituzzjoni li taqa' taħt il-Parlament u huwa imparzjali u indipendenti minn kull entità governattiva jew amministrattiva oħra.

Blokk 4: Relazzjonijiet esterni u drittijiet fundamentali

Valutazzjoni ġenerali

Ir-Repubblika tal-Moldova adottat il-leġiżlazzjoni rilevanti u r-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali miexja 'il quddiem sew biex tilħaq il-punti ta' riferiment meħtieġa. Bl-adozzjoni ta' Liġi komprensiva dwar l-Iżgurar tal-Ugwaljanza r-Repubblika tal-Moldova lestiet il-qafas meqjus li jiżgura implimentazzjoni effettiva tal-punti ta' riferiment fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni u d-drittijiet fundamentali. Il-Gvern tar-Repubblika tal-Moldova emenda wkoll il-Pjan ta' Azzjoni li fih miżuri ta' appoġġ għar-Roma li jqisu rakkomandazzjonijiet relatati mal-istandards internazzjonali dwar il-politiki tal-inklużjoni. Huwa ċċara wkoll aspetti tal-leġiżlazzjoni msemmija fir-rapport preċedenti, l-iktar f'dak li hu relatat mad-determinazzjoni tal-istatus tal-persuni apolidi.

Il-Kummissjoni tqis li r-Repubblika tal-Moldova b'mod ġenerali tissodisfa l-punti ta' riferiment stabbiliti mill-Blokk 4.

Kummenti dettaljati

Blokk 4 / suġġett 1 - Il-libertà ta' moviment fi ħdan ir-Repubblika tal-Moldova

· Reviżjoni tal-qafas ġuridiku u regolatorju dwar il-proċeduri ta' reġistrazzjoni u dereġistrazzjoni għal barranin fil-pajjiż legalment jew persuni apolidi bil-ħsieb li jiġu evitati restrizzjonijiet mhux ġustifikati.

F'Mejju 2011 il-Gvern approva d-Deċiżjoni nru 337 li temenda d-Deċiżjoni tal-Gvern nru 376 tas-6 ta' Jannar 1995 dwar miżuri addizzjonali għall-konsolidazzjoni tas-sistema nazzjonali tal-passaporti. Id-Deċiżjoni kienet ippubblikata fil-Gazzetta Uffiċjali f'Ġunju 2011 u hija fis-seħħ. Hija għandha l-għan li tirrevedi d-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw ir-regoli tal-evidenza tal-popolazzjoni, b'mod partikolari hija tistabbilixxi l-mekkaniżmu għall-akkwist u l-ipproċessar tal-informazzjoni bijometrika u tistipula r-regolazzjoni tar-relazzjonijiet ġuridiċi bejn l-individwi, l-entitajiet ġuridiċi, l-entitajiet tal-infurzat tal-liġi u tal-gvern lokali biex jiġi żgurat il-moviment liberu fir-Repubblika tal-Moldova u d-dritt li wieħed jistabbilixxi d-domiċilju jew ir-residenza tiegħu fejn irid fil-pajjiż.

Sabiex jiġu prevenuti u esklużi każijiet ta' persuni fir-rigward tas-suċċessjoni tal-istati, f'Ġunju 2011 il-Parlament adotta emendi għal-"Liġi nru 1024-XIV tat-2 ta' Ġunju 2000 dwar iċ-Ċittadinanza" u dawn ġew ippubblikati fil-Gazzetta Uffiċjali fit-8 ta' Lulju 2011. Barra minn hekk, f'April 2012, ir-Repubblika tal-Moldova ddepożitat formalment l-istrumenti ta' adeżjoni tagħha għall-Konvenjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tnaqqis tal-Apolidija (adottata fit-30 ta' Awwissu 1961 fi New York) u dwar l-Istatus ta' Persuni Apolidi (adottata fit-28 ta' Settembru 1954 fi New York) (ara wkoll hawn fuq taħt Blokk 2 suġġett 2).

L-emendi għal-"Liġi nru 1024-XIV tat-2 ta' Ġunju 2002 dwar iċ-Ċittadinanza" għandhom l-għan li jaġġustaw il-leġiżlazzjoni biex tipprevjeni u ssolvi każijiet ta' apolidija li tirriżulta mid-diżintegrazzjoni tal-Unjoni Sovjetika u kwistjonijiet relatati mas-suċċessjoni tal-istat. L-adeżjoni tar-Repubblika tal-Moldova għall-Konvenzjonijiet dwar it-Tnaqqis tal-Apolidija u dwar l-Istatus ta' Persuni Apolidi se twassal għal żviluppi ulterjuri fil-mekkaniżmu u l-proċedura għad-determinazzjoni tal-istatus tal-persuni apolidi u se tistipula t-twaqqif ta' qafas istituzzjonali għad-determinazzjoni tal-apolidija. Fir-rigward tal-proċedura għad-determinazzjoni tal-istat ta' apolidija, ir-Repubblika tal-Moldova tista' tikkunsidra li tintitola lill-applikanti għal impjieg legali sakemm jitlestew il-proċeduri, bħal fil-każ ta' min ikun qed ifittex ażil.

F'Novembru 2011 il-Gvern approva Pjan ta' Azzjoni għal emendi leġiżlattivi orizzontali oħrajn bl-għan li jitneħħew ir-restrizzjonijiet bla bżonn kollha li jikkonċernaw testijiet obbligatorji għall-HIV/AIDS għar-reġistrazzjoni tal-barranin. Dan kien ibbażat fuq il-valutazzjoni li saret mill-Grupp ta' Ħidma stabbilit u li ngħata l-kompitu li jimmonitorizza l-atti ġuridiċi rilevanti kollha fis-seħħ li kienu jinkludu dispożizzjonijiet dwar din il-materja. Minħabba f'hekk, il-Parlament adotta l-emendi leġiżlattivi għal-Liġi nru 23/2007 "dwar il-profilassi tal-HIV/AIDS", u l-Gvern approva u bagħat lill-Parlament l-abbozz tal-liġi li temenda u tintegra l-Liġi nru 180/2008 dwar il-migrazzjoni għax-xogħol u l-Liġi nru 200/2010 dwar ir-reġim ta' barranin, bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat il-proċess ta' dokumentazzjoni tal-barranin fir-Repubblika tal-Moldova.

Blokk 4 / suġġett 2 - Id-drittijiet taċ-ċittadini inkluża l-protezzjoni tal-minoranzi

· Adozzjoni ta' leġiżlazzjoni komprensiva kontra d-diskriminazzjoni, kif rakkomandat mill-entitajiet ta' monitoraġġ tan-NU u tal-Kunsill tal-Ewropa, biex tiġi żgurata protezzjoni effettiva mid-diskriminazzjoni

Minbarra l-istipulazzjonijiet antidiskriminatorji kostituzzjonali u d-dispożizzjonijiet fil-liġijiet kriminali, ċivili u amministrattivi, f'Mejju 2012 il-Parlament adotta liġi komprensiva kontra d-diskriminazzjoni: "Il-Liġi dwar l-Iżgurar tal-Ugwaljanza". Il-liġi għandha l-għan li tipprevjeni u tiġġieled id-diskriminazzjoni u tiżgura l-ugwaljanza fid-drittijiet għall-individwi kollha ġot-territorju tar-Repubblika tal-Moldova fl-oqsma politiċi, ekonomiċi, soċjali, kulturali u oqsma oħra tal-ħajja fejn ma jkun l-ebda differenza bbażata fuq ir-razza, il-kulur, in-nazzjonalità, l-oriġini etnika, il-lingwa, ir-reliġjon, it-twemmin, is-sess, l-età, id-diżabilità, l-opinjoni, il-fehma politika, jew abbażi ta' kwalunkwe kriterju simili. Dawn il-kriterji ġew iċċarati fl-ogħla livell politiku[5].

B'riżultat ta' konsultazzjonijiet pubbliċi preċedenti l-liġi fiha dispożizzjonijiet li jillimitaw l-applikabilità tagħha għar-relazzjoni ta' żwieġ u adozzjoni rregolata mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ u għall-kulti reliġjużi u għall-partijiet komponenti tagħhom relatati mat-twemmin reliġjuż. Sar titjib għar-regoli rigward ix-xogħol tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni u l-ġlied kontra d-diskriminazzjoni u l-iżgurar tal-ugwaljanza: korp li jaġixxi f'termini ta' imparzjalità u indipendenza sħiħa mill-awtoritajiet pubbliċi bbażat fuq mandat komprensiv fil-qasam. Il-korp tal-ugwaljanza għandu setgħa ta' inġunzjoni u jista' jimponi sanzjonijiet wara deċiżjonijiet dwar l-eżistenza ta' każ ta' diskriminazzjoni. Skont l-Artikolu 12 paragrafu 1, punt k), u l-Artikolu 15 paragrafu 6, jekk fl-eżami ta' lment li jirrigwarda allegat trattament jew azzjoni ta' diskriminazzjoni, il-korp tal-ugwaljanza jsib li jkun jikkostitwixxi reat amministrattiv, huwa jista' jimponi sanzjonijiet skont id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Kontravenzjonijiet.

Projbizzjoni tad-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-orjentament sesswali fil-qasam tal-impjiegi toħloq il-qafas ġenerali konformi mad-Direttiva 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità u d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol.

Fid-Djalogu tad-Drittijiet tal-Bniedem mar-Repubblika tal-Moldova li sar fit-23 ta' Mejju 2012, l-UE rċeviet ir-riassikurazzjonijiet li l-liġi hija maħsuba li tkopri r-raġunijiet kollha għal diskriminazzjoni b'konformità mal-impenji internazzjonali tar-Repubblika tal-Moldova. Fl-istess waqt, il-parti Moldovana impenjat ruħha li toħroġ linji gwida dwar l-implimentazzjoni tal-liġi, li se tkun monitorizzata mill-UE fl-oqfsa ta' djalogu eżistenti.

Filwaqt li l-Kummissjoni u l-Uffiċċju tan-NU fir-Repubblika tal-Moldova indikaw bosta nuqqasijiet fl-abbozzi varji tal-liġi kontra d-diskriminazzjoni u li xi wħud minnhom għadhom preżenti fil-verżjoni finali, il-liġi tirrappreżenta l-bażi leġiżlattiva neċessarja għall-implimentazzjoni tal-punti ta' riferiment fil-qasam ta' kontra d-diskriminazzjoni. Dan għandu jittejjeb ulterjorment iktar 'il quddiem fir-rigward tad-definizzjonijiet ta' diskriminazzjoni diretta u ta' fastidju sesswali, dispożizzjonijiet applikabbli għas-settur privat fir-rigward ta' oġġetti u servizzi, u iktar armonizzazzjoni mal-acquis tal-UE sabiex jiġu ċċarati b'mod espliċitu aspetti importanti bħal akkomodazzjoni raġjonevoli għal persuni diżabbli.

· Adozzjoni ta' Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali komprensiv għad-Drittijiet tal-Bniedem; prosegwiment attiv fil-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali rispettiv għad-Drittijiet tal-Bniedem tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi tal-entitajiet tan-NU, OSCE/ODIHR, il-Kunsill tal-Ewropa/ECRI u għaqdiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem l-iktar fl-implimentazzjoni tal-politiki kontra d-diskriminazzjoni, il-protezzjoni tal-minoranzi u l-ħajja privata u l-iżgurar tal-libertà tar-reliġjon

Fit-12 ta' Mejju 2011 il-Parlament approva Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali komprensiv għad-Drittijiet tal-Bniedem li jkompli jibni fuq ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi tal-entitajiet tan-NU, OSCE/ODIHR, il-Kunsill tal-Ewropa/ECRI u l-għaqdiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem. Huwa jistipula miżuri f'għadd kbir ta' oqsma, inkluża l-implimentazzjoni ta' politiki kontra d-diskriminazzjoni u l-protezzjoni tal-minoranzi u l-ħajja privata. Il-Gvern kellu l-kompitu li jippubblika Rapport ta' Progress ikkonsolidat dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni u li jibagħtu lill-Parlament sal-1 ta' April ta' kull sena. Ir-Rapport ta' Progress għandu jiġi diskuss f'konferenzi annwali. Il-Pjan ta' azzjoni tħejja b'konsultazzjoni mill-qrib mas-soċjetà ċivili u l-għaqdiet internazzjonali.

F'Lulju 2010 ġie adottat Pjan ta' Azzjoni għall-2011-2015 b'appoġġ għall-popolazzjoni tar-Roma wara konsultazzjonijiet mas-soċjetà ċivili u mar-rappreżentanti tal-komunità tar-Roma. Dan kien pass importanti li juri r-rieda tal-Gvern biex jagħtu attenzjoni speċjali biex titjieb is-sitwazzjoni tal-popolazzjoni tar-Roma. Diskussjonijiet li segwew mal-għaqdiet internazzjonali indikaw li kien hemm fejn issir konsolidazzjoni ulterjuri tal-Pjan ta' Azzjoni. L-awtoritajiet indikaw li se jiżdied kapitlu ġdid li jikkonċerna l-introduzzjoni ta' medjaturi tar-Roma miegħu. F'Jannar 2012, il-Gvern emenda l-Pjan ta' Azzjoni u qies ir-rakkomandazzjonijiet reltati mal-istandards internazzjonali l-iktar fil-politiki ta' inklużjoni. Hija nediet ukoll eżerċizzju mmirat biex jiżgura l-fondi baġitarji neċessarji għall-implimentazzjoni tiegħu fuq il-bażi li jiġi emendat il-Qafas ta' Nfiq tal-Gvern għat-Terminu Medju. L-implimentazzjoni bdiet diġà.

Il-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem jipprovdi informzaajoni dwar il-monitoraġġ u l-valutazzjoni kif ukoll ir-riżorsi li jridu jiġu allokati għall-implimentazzjoni tiegħu. Madankollu, ħafna mill-attivitajiet iridu jiġu ffinanzjati fil-limiti tal-allokazzjonijiet baġitarji ġenerali, u huma biss ftit dawk li għandhom allokazzjonijiet baġitarji speċifiċi. L-awtoritajiet se jirrevedu kemm se jiswew l-attivitajiet kull sena, fuq bażi tal-prijoritajiet, il-possibilitajiet finanzjarji u r-riżultati tal-valutazzjoni.

Il-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem ma jinkludix miżuri li għandhom fil-mira l-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon. Dawn l-aspetti għandhom ikunu koperti mil-"Liġi dwra il-libertà tal-kuxjenza, tal-ħsieb u tar-reliġjon" adottata fis-27 ta' Diċembru 2011, li hija verżjoni riveduta tal-"Liġi dwar il-Kulti Reliġjużi u l-Partijiet Komponenti tagħhom" bil-ħsieb li l-liġi u l-prassi domestiċi jinġiebu konformi mad-dritt internazzjonali. Il-liġi l-ġdida hija mistennija toħloq dinamika iktar pożittiva minn dik tas-snin preċedenti fir-relazzjonijiet mal-kulti reliġjużi tal-minoranzi.

· Ratifika tal-istrumenti tan-NU u tal-Kunsill tal-Ewropa fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni

Ir-Repubblika tal-Moldova impenjat ruħha li tqis li toħroġ dikjarazzjoni skont l-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni Razzjali (CERD) wara l-adozzjoni tal-"Liġi dwar l-Iżgurar tal-Ugwaljanza". Fl-2000, ir-Repubblika tal-Moldova ffirmat il-Protokoll Nru 12 tal-Konvenzjoni Ewropea tal-1950 dwar id-Drittijiet tal-Bniedem imma għadha ma rratifikatux. L-awtoritajiet Moldovani wkoll esprimew ir-rieda tagħhom li jikkunsidraw ir-ratifika tal-Protokoll Nru 12 wara l-adozzjoni tal-"Liġi dwar l-Iżgurar tal-Ugwaljanza". Diskussjonijiet fi ħdan il-Gvern dwar it-tneħħija ta' riżervi territorjali li daħħlet ir-Repubblika tal-Moldova għat-trattati tad-drittijiet tal-bniedem għadhom għaddejjin.

· Speċifikazzjoni tal-kundizzjonijiet u taċ-ċirkostanzi għall-ksib taċ-ċittadinanza tar-Repubblika tal-Moldova

B'referenza għall-kundizzjonijiet u ċ-ċirkostanzi għall-akkwiżizzjoni taċ-ċittadinanza tar-Repubblika tal-Moldova, fit-3 ta' Mejju 2011, il-Gvern approva l-emendi għal-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza nru 1024-XIV tat-2 ta' Ġunju 2000 u emenda d-Deċiżjoni tal-Gvern relatata mar-regoli dwar l-evidenza tal-popolazzjoni fir-Repubblika tal-Moldova. Il-Parlament adotta l-emendi fid-9 ta' Ġunju 2011. L-emendi kellhom l-għan li jneħħu l-ostakli tal-ksib taċ-ċittadinanza minn persuni apolidi, li, skont l-Artikolu 12(2) tal-Liġi, jissodisfaw ir-rekwiżiti biex jiksbuha, imma kienu sentenzjati għal priġunerija għal delitti premeditati u għandhom kondotta kriminali maħmuġa jew fil-waqt tal-eżami tal-applikazzjonijiet tagħhom kien hemm proċedimenti kriminali pendenti fuqhom.

Il-Gvern Moldovan kompla jindirizza attivament s-sitwazzjoni fi Transnistria. F'April 2012, flimkien mal-"awtoritajiet de facto" f'Tiraspol, il-Gvern Moldovan irriattiva l-grupp ta' ħidma bilaterali dwar il-kwistjonijiet tal-istatus ċivili. Fil-mument, l-awtorità ta' reġistrazzjoni nazzjonali qed tapplika miżuri speċjali biex tikkonforma ċ-ċittadinanza u tipprovdi aċċess għall-karti tal-identità nazzjonali bla ħlas għall-abitanti mir-reġjun tat-Transnistria, b'konformità mal-Liġi emendata dwar iċ-Ċittadinanza nru 1024-XIV tat-2 ta' Ġunju 2000 u d-Deċiżjoni tal-Gvern nru 959 tad-9 ta' Settembru 2005 dwar miżuri ta' sigurtà relatati mal-konferma taċ-ċittadinanza u d-dokumentazzjoni tal-popolazzjoni mid-distretti tar-reġjun ta' Transnistrian.

Skont l-aħħar informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Moldovani 229 489 ċittadin tar-Repubblika tal-Moldova residenti fi Transnistria nħarġilhom passaport Moldovan u minnhom 175 764 passaport għadhom validi (jiġifieri ma skadewx). Matul l-ewwel tliet xhur tal-2012 l-awtoritajiet f'Chisinau ħarġu 2 722 passaport bijometriku għar-residenti ta' Transnistria. Il-Ministeru tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni b'kooperazzjoni mal-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Ministeru tal-Intern, żviluppaw qafas ġuridiku għall-proċeduri ta' identifikazzjoni, mal-ewwel dokumentazzjoni, ta' persuni mir-reġjun ta' Transnistria, abbażi ta' informazzjoni addizzjonali dwar il-membri familjari u l-qrabat (dokumenti oriġinarji ta' ġenituri, ċertifikati taż-żwieġ u oħrajn).

Se tingħata attenzjoni partikolari biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-qafas leġiżlattiv imsemmi hawn fuq fit-tieni fażi tal-PALV.

III. Konklużjoni:

Sa mit-tnedija tad-Djalogu bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova f'Ġunju 2010 u l-preżentazzjoni tal-awtoritajiet Moldovani tal-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Liberalizzazzjoni mill-Viża (PALV) f'Jannar 2011, il-Kummissjoni kienet qed tirrapporta regolarment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress li għamlet ir-Repubblika tal-Moldova biex tieħu l-miżuri neċessarji biex tissodisfa l-punti ta' riferiment identifikat taħt l-erba' blokok tal-ewwel fażi tal-PALV.

B'mod partikolari, ġew ippreżentati żewġ Rapport ta' Progress dwar l-implimentazzjoni tal-PALV (f'Settembru 2011 u fi Frar 2012)[6]. It-Tieni Rapporti ta' Progress tħejjew billi bnew fuq l-analiżi tal-qafas leġiżlattiv, is-sejbiet tal-missjonijiet tal-valutazzjonijiet taħt il-Blokok 2, 3 u 4 organizzati f'Ottubru u Novembru 2011, bil-parteċipazzjoni tal-esperti tal-Istati Membri, u r-rapport ta' progress ippreżentati mir-Repubblika tal-Moldova dwar l-implimentazzjoni tal-PALV.

Minbarra dan il-proċess ta' rappurtar intens relatat mal-PALV, il-Kummissjoni kompliet ukoll timmonitorizza l-progress li sar mir-Repubblika tal-Moldova fl-oqsma rilevanti tal-PALV fil-qafas ta'

(1) il-Kumitat Konġunt tal-UE u r-Repubblika tal-Moldova għall-Faċilitazzjoni tal-Viża; (2) il-Kumitat Konġunt tal-UE u r-Repubblika tal-Moldova għar-Riammissjoni; (3) is-Sottokumitat Konġunt tal-UE u r-Repubblika tal-Moldova nru 3[7];            (4) is-Sħubija għall-Mobilità bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova.

F'kull wieħed minn dawn il-kumitati u oqfsa, l-istat tad-djalogu u l-kooperazzjoni bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova huwa avvanzat. Matul l-iktar Kumitati Konġunti għall-Faċilitazzjoni tal-Viża u għar-Riammissjoni reċenti li satu f'Chisinau fit-23 ta' Mejju 2012 (bil-parteċipazzjoni tal-Istati Membri tal-UE), il-Kummissjoni rreġistrat implimentazzjoni kumplessivament sodisfaċenti bejn iż-żewġ naħat.

Id-Djalogu dwar il-Viża bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova nstab li kien għodda importanti biex jiġu avvanzati r-rifromi, mhux biss fil-qasam tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni, imma wkoll lil hinn minnhom. Il-progress li sar mir-Repubblika tal-Moldova taħt l-oqsma varji mill-erba' blokok tal-PALV kien kostanti u effettiv fl-aħħar sentejn, li wera l-impenn importanti u l-isforzi li saru mill-awtoritajiet Moldovani biex l-implimentazzjoni tal-PALV issir prijorità fl-aġenda leġiżlattiva u amministrattiva tagħha.

Il-miżuri leġiżlattivi mitluba mill-PALV taħt l-ewwel fażi ġew eventwalment adottati. Il-valutazzjoni tagħhom, li saret mis-servizzi tal-Kummissjoni, mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), kif ukoll mill-esperti tal-Istati Membri, turi li huma konformi mal-punti ta' riferiment identifikati fl-erba' blokok tal-PALV.

Minkejja dan, il-Kummissjoni se tkompli tikkoordina l-monitoraġġ tal-qafas leġiżlattiv u politiku fil-passi sussegwenti tad-djalogu bil-ħsieb li tivvaluta jekk ir-regoli ta' implimentazzjoni neċessarji, taħt l-erba' blokok tal-Pjan ta' Azzjoni, jiġux effettivament adottati u implimentati. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tagħti attenzjoni partikolari lill-fatt li se jiġu allokati r-riżorsi finanzjarji u umani xierqa u neċessarji lir-Repubblika tal-Moldova għall-implimentazzjoni tal-atti leġiżlattivi msemmija u r-regolamenti ta' implimentazzjoni tagħhom.

Filwaqt li tibni fuq ir-riżultat tal-monitoraġġ u valutazzjonijiet kontinwi msemmija fuq, il-Kummissjoni tqis li r-Repubblika tal-Moldova eventwalment laħqet il-punti ta' riferiment tal-ewwel fażi tal-PALV u li għalhekk tista' tingħata bidu għall-valutazzjoni tal-punti ta' riferiment tat-tieni fażi tal-PALV.

[1]               Id-dokument tal-Kunsill 18078/10.

[2]               SEC (2011) 1075 finali.

[3]               SWD (2012) 12 finali.

[4]                http://www.coe.int/t/dghl/monitoring/moneyval/Evaluations/Progress%20reports%202y/MONEYVAL(2011)6_ProgRep2_MLD_en.pdf

[5]               Ara fost l-oħrajn l-istqarrija mis-Sur Vlad Filat, il-Prim Ministru tar-Repubblika tal-Moldova, maħruġa fit-8 ta' Ġunju 2012.

[6]               (SEC(2011) 1075 finali), (SWD(2012) 12 finali).

[7]               Sottokumitat Nru 3: Dwana, kooperazzjoni transkonfinali, ħasil tal-flus, drogi, migrazzjoni illegali.