52012DC0339

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW dwar l-implimentazzjoni ta’ assistenza makrofinanzjarja lil pajjiżi terzi fl-2011 /* COM/2012/0339 final */


WERREJ

1........... Introduzzjoni................................................................................................................... 3

2........... Sfond............................................................................................................................. 4

2.1........ Żviluppi fl-2011.............................................................................................................. 4

2.2........ Ir-Regolament ta’ Qafas dwar l-AMF............................................................................. 5

3........... L-operazzjonijiet ta’ assistenza makrofinanzjarja fl-2011.................................................. 6

3.1........ Ħarsa ġenerali................................................................................................................. 6

3.2........ Operazzjonijiet individwali fil-pajjiżi benefiċjarji fl-2011................................................... 6

3.2.1..... Il-Balkani tal-Punent....................................................................................................... 6

3.2.1.1.. Il-Bosnja-Ħerzegovina.................................................................................................... 6

3.2.1.2.. Is-Serbja........................................................................................................................ 7

3.2.2..... Il-Pajjiżi tal-Viċinat tal-Lvant........................................................................................... 7

3.2.2.1.. L-Armenja..................................................................................................................... 7

3.2.2.2.. Il-Ġeorġja...................................................................................................................... 8

3.2.2.3.. Ir-Repubblika tal-Moldova............................................................................................. 9

3.2.2.4.. L-Ukraina...................................................................................................................... 9

3.2.3..... L-Asja Ċentrali............................................................................................................. 10

3.2.3.1.. Ir-Repubblika Kirgiża................................................................................................... 10

4........... L-iżgurar tal-użu xieraq tal-fondi tal-AMF: Valutazzjonijiet Operattivi, in-Nefqa Pubblika u r-Responsabbiltà Finanzjarja u Evalwazzjonijiet Expost............................................................................ 11

4.1........ Valutazzjonijiet operattivi.............................................................................................. 11

4.2........ Valutazzjonijiet tan-Nefqa Pubblika u tar-Responsabbiltà Finanzjarja............................. 11

4.3........ Evalwazzjonijiet ex-post................................................................................................ 12

5........... Talbiet għal assistenza u proposti futuri tal-Kummissjoni Is-sitwazzjoni baġitarja............. 12

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-implimentazzjoni ta’ assistenza makrofinanzjarja lil pajjiżi terzi fl-2011

1.           Introduzzjoni

Ir-rapport jipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-implimentazzjoni tal-istrument tal-assistenza makrofinanzjarja (AMF) tal-UE lil pajjiżi terzi fl-2011. Dan jiddeskrivi l-kuntest globali skont liema l-operazzjonijiet tal-AMF ġew approvati u implimentati, jinkludi informazzjoni dwar l-operazzjonijiet l-iktar reċenti fil-pajjiżi ġirien tal-UE, jipprovdi l-prospettiva f’qasir żmien dwar operazzjonijiet futuri possibbli u l-impatt baġitarju tagħhom u jippreżenta statistika ġenerali dwar id-diversi operazzjonijiet tal-AMF li twettqu matul l-aħħar għaxar snin.

L-AMF, bħala parti mill-qafas tal-UE għall-assistenza esterna, hija strument imfassal għall-pajjiżi fil-viċinat tal-UE, li jindirizza l-ħtiġijiet finanzjarji esterni eċċezzjonali fil-forma ta’ appoġġ għall-bilanċ tal-pagamenti. L-għan ta’ dan l-istrument huwa li jsaħħaħ l-istabbilità makroekonomika u finanzjarja fil-pajjiżi kandidati u dawk potenzjali u fil-pajjiżi fil-viċinat Ewropew, filwaqt li jinkoraġġixxi l-implimentazzjoni ta’ riformi strutturali xierqa. L-AMF tikkomplementa u hija soġġetta għall-eżistenza ta’ programm ta’ aġġustament u ta’ riforma mal-FMI. L-AMF tieħu l-forma jew ta’ self, li għalihom il-Kummissjoni tissellef il-fondi meħtieġa fis-swieq kapitali u mbagħad terġa ssellifhom lill-pajjiż benefiċjarju, u/jew, f'ċirkostanzi speċifiċi, għotjiet, iffinanzjati mill-baġit tal-UE.

Is-sena 2011 kienet ikkaratterizzata mill-implimentazzjoni kontinwa tal-operazzjonijiet AMF eżistenti, filwaqt li l-ebda operazzjoni ġdida tal-AMF ma kienet approvata mill-Kunsill u mill-Parlament. B’mod kruċjali, f’Lulju 2011 il-Kummissjoni pproponiet Regolament ta’ Qafas ġdid dwar l-AMF u ġew imnedija diskussjonijiet fil-Kunsill u fil-Parlament. L-eżitu ta’ dawn id-diskussjonijiet se jkun importanti għall-ġejjieni tal-AMF bħala strument strateġiku ta’ emerġenza li jgħin biex jistabbilizza l-ekonomiji tal-pajjiżi qrib l-UE. Deċiżjoni dwar ir-Regolament ta’ Qafas hija mistennija mill-koleġiżlaturi għat-tieni nofs tal-2012 jew l-2013.

Ir-rapport fih ukoll taqsima dwar il-valutazzjonijiet operattivi, studji dwar in-Nefqa Pubblika u r-Responsabbiltà Finanzjarja (Public Expenditure and Financial Accountability - PEFA) u evalwazzjonijiet ex-post imwettqa f’pajjiżi li jirċievu l-AMF. Fl-2011, il-Kummissjoni ffinalizzat, bl-appoġġ ta’ konsulenti, żewġ valutazzjonijiet operattivi u wettqet żewġ studji tan-Nefqa Pubblika u r-Responsabbiltà Finanzjarja f'pajjiżi li jipparteċipaw f’programmi tal-AMF. Il-Kummissjoni nediet ukoll tliet evalwazzjonijiet ex-post ta’ operazzjonijiet tal-AMF li tlestew.

Fl-aħħar nett, ir-rapport jipprovdi tagħrif dwar talbiet ġodda għall-AMF u proposti ġodda possibbli tal-Kummissjoni għall-AMF li qegħdin jitħejjew, flimkien mal-implikazzjonijiet baġitarji tagħhom.

Dan ir-rapport huwa mħejji skont id-deċiżjonijiet tal-Kunsill u d-deċiżjonijiet konġunti tal-Kunsill u l-Parlament rigward l-operazzjonijiet tal-AMF. Huwa jsegwi r-rapporti ppreżentati fis-snin preċedenti. Huwa akkumpanjat minn Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni (SWD(2012) 181 finali) li jipprovdi informazzjoni aktar dettaljata u analiżi makroekonomika dwar il-kuntest u l-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet AMF individwali.

2.           Sfond

2.1.        Żviluppi fl-2011

Il-kriżi globali ekonomika u finanzjarja tal-2008-2009, li affettwat l-ekonomiji emerġenti tal-Viċinat tal-Unjoni Ewropea profondament, irriżultat f'żieda ta’ talbiet għal appoġġ finanzjarju mill-UE, inkluż fil-forma tal-AMF. Erba’ minn dawn il-programmi favur il-Bosnja-Ħerzegovina, is-Serbja, l-Armenja u l-Ġeorġja ġew deċiżi mill-Kunsill tal-Ministri tal-UE fi tmiem l-2009 u l-programm MFA li kien approvati qabel għall-Kosovo* ġie estiż b’sena fl-2009. Fl-2010, żewġ programmi oħra favur l-Ukraina u r-Repubblika tal-Moldova, ġew deċiżi mil-leġiżlaturi tal-UE – din id-darba, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, b'mod konġunt mill-Kunsill u mill-Parlament. L-operazzjonijiet għall-Ġeorġja u għall-Kosovo ġew finalizzati fl-2010. Fl-2011 u kmieni fl-2012, il-Kummissjoni temmet l-implimentazzjoni tal-programmi għas-Serbja, għall-Armenja u għall-Moldova u kompliet bit-tħejjijiet għall-implimentazzjoni tal-programmi għall-Bosnja-Ħerzegovina u għall-Ukraina.

Is-sitwazzjoni ekonomika globali fl-2010 u, sa ċertu punt, fl-ewwel nofs tal-2011, tjiebet konsiderevolment u naqqset kemmxejn il-pressjoni fuq il-pożizzjoni tal-bilanċ tal-pagamenti għall-pajjiżi eliġibbli tal-AMF. Għalhekk, fl-2011 żewġ proposti ġodda biss kienu adottati mill-Kummissjoni, jiġifieri għall-Ġeorġja f’Jannar 2011 u għar-Repubblika Kirgiża f’Diċembru 2011. Dawn il-proposti ilhom taħt kunsiderazzjoni mill-Parlament u l-Kunsill minn dak iż-żmien. Madankollu, il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet ġie pospost minħabba differenza fil-fehmiet bejn il-koleġiżlaturi dwar il-proċedura legalment xierqa skont liema il-kumitat tal-Istati Membri għandu jiġi kkonsultat dwar il-Memorandum ta’ Ftehim tal-programm tal-AMF.

Fit-tieni nofs tal-2011, il-kondizzjonijiet fis-swieq finanzjarji globali saru ħafna aktar diffiċli minħabba l-kriżi tad-dejn sovran. Barra minn hekk, ir-Rebbiegħa Għarbija u t-taqlib politiku u ekonomiku li rriżulta fil-pajjiżi Għarab Mediterranji msieħba[1] qiegħed pressjoni akbar fuq il-baġits u l-pożizzjonijiet esterni ta’ dawn l-ekonomiji. Dawn l-iżviluppi huma mistennija li jwasslu għal żieda fit-talba għal AMF fl-2012. L-ewwel każ kien it-talba mġedda mill-Gvern Eġizzjan fi Frar 2012 biex jibda operazzjoni tal-AMF ta’ EUR 500 miljun. Il-Kummissjoni tinsab fil-proċess li tistma, flimkien mal-FMI, il-ħtiġijiet esterni finanzjarji residwi tal-Eġittu bil-ħsieb tal-adozzjoni possibbli ta' proposta għal AMF għal dan il-pajjiż.

2.2.        Ir-Regolament ta’ Qafas dwar l-AMF

Sa minn kmieni fl-2003, il-Parlament Ewropew identifika bħala wieħed min-nuqqasijiet ewlenin tal-AMF il-proċess twil tat-teħid tad-deċiżjonijiet – id-deċiżjonijiet dwar l-operazzjonijiet individwali tal-AMF kienu jittieħdu fuq bażi ta’ każ b’każ mill-Kunsill, wara konsultazzjoni mal-Parlament. Barra minn hekk, il-Parlament enfasizza l-ħtieġa għal bażi legali trasparenti għall-istrument tal-AMF b’mod ġenerali. Mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona fl-1 ta' Diċembru 2009, id-deċiżjonijiet leġiżlattivi dwar l-operazzjonijiet AMF individwali ttieħdu mill-Parlament u mill-Kunsill skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (il-kodeċiżjoni), li jirriżulta f’proċess pjuttost twil għat-teħid tad-deċiżjonijiet. Dan żied is-sejħiet għas-simplifikazzjoni fil-proċedura għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet AMF. Kif ġie enfasizzat bil-kriżi finanzjarja u tad-dejn, sabiex is-sitwazzjonijiet makroekonomiċi u finanzjarji ta' emerġenza jiġu ttrattati effettivament jenħtieġ strument ta' reazzjoni għall-kriżi li jista’ jiġi implimentat malajr u b'mod effiċjenti.

B’reazzjoni għal dawn l-iżviluppi, il-Kummissjoni adottat proposta għal Regolament ta’ Qafas fl-4 ta’ Lulju 2011[2]. L-għanijiet ewlenin tal-proposta huma: (i) biex l-assistenza makrofinanzjarja ssir aktar effettiva permezz ta’ proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet aktar malajr u aktar effiċjenti; (ii) biex il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet ikun allinjat ma’ dak ta' strumenti oħrajn, relatati l-aktar ma’ relazzjonijiet esterni; (iii) biex ir-regoli li jirregolaw l-istrument ikunu formalizzati u biex il-Parlament Ewropew jkollu l-koproprjetà tagħhom; u (iv) biex uħud mir-regoli jkunu aġġornati u simplifikati.

Il-karatteristiċi prinċipali tas-sistema huma: (i) deċiżjonijiet għall-għotjiet tal-għajnuna makrofinanzjarja se jittieħdu mill-Kummissjoni permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni taħt il-kontroll ta’ kumitat tal-Istati Membri; (ii) il-kriterji Genval, li kienu stabbiliti f'diversi konklużjonijiet tal-Kunsill u kienu appoġġjati wkoll mir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-2002, jiġu affermati mill-ġdid f’Regolament u għalhekk isiru vinkolanti; (iii) uħud mill-kriterji jiġu aġġornati jew iċċarati, b'mod partikolari dawk dwar il-limitu għal operazzjonijiet tal-AMF fir-rigward tad-diskrepanza ta’ finanzjament residwu, l-eliġibbiltà ġeografika (sabiex ikun hemm rikonoxximent formali tal-eżistenza tal-politika tal-Viċinat tal-UE fil-kuntest tal-AMF) u tal-għażla bejn l-għotjiet u s-self f’operazzjonijiet AMF.

Saru diskussjonijiet kemm fil-Kunsill kif ukoll fil-Parlament. Il-Kunsill iffinalizza l-ewwel konklużjonijiet f'Diċembru 2011 ('l hekk imsejjaħ "approċċ ġenerali"). Il-Parlament kkommissjona studju dwar l-effettività tal-AMF u, fil-bidu tal-2012, iddiskuta rapport dwar il-proposta tal-Kummissjoni fil-Kumitat tal-Kummerċ Internazzjonali. Huwa mistenni li se tittieħed deċiżjoni fuq il-proposta fit-tieni nofs tal-2012 jew l-2013.

3.           L-operazzjonijiet ta’ assistenza makrofinanzjarja fl-2011

3.1.        Ħarsa ġenerali

Fl-2011, tlestiet l-operazzjoni tal-AMF għas-Serbja li kienet adottata fl-2009. F’Lulju 2011, l-ewwel porzjon tal-għajnuna, self ta’ EUR 100 miljun, ġie żborżat lill-awtoritajiet Serbi, u b’hekk din l-operazzjoni AMF inġiebet fi tmiemha, għaliex it-tieni porzjon tal-istess ammont kien ikkanċellat minħabba ħtiġijiet finanzjarji esterni aktar baxxi tas-Serbja u d-deċiżjoni tagħha li ma tużax l-iżborżamenti pprogrammati kollha tal-FMI. Fir-rigward tal-AMF lill-Armenja, il-Memorandum ta' Ftehim ġie ffirmat fi Frar 2011 u l-ewwel porzjon – għotja ta’ EUR 14 miljun u self ta’ EUR 26 miljun – ġie żborżat f'Lulju 2011. L-iżborżament tat-tieni porzjon – għotja ta’ EUR 21 miljun u self ta’ EUR 39 miljun – ġie miftiehem f’Diċembru. Il-parti tal-għotja ġiet effettivament żborżata fis-27 ta’Diċembru 2011, filwaqt li l-parti tas-self tħallset fid-9 ta’Frar 2012.

Fir-rigward tal-AMF lill-Moldova, il-Kummissjoni ħarġet it-tieni porzjon (għotja ta’ EUR 20 miljun) f’Settembru 2011. Il-ħruġ tat-tielet porzjon ma setax iseħħ qabel tmiem l-2011, kif kien previst oriġinarjament, minħabba li bosta kondizzjonijiet ma kinux issodisfati. Fl-aħħar, il-porzjon ġie żborżat fil-bidu ta’ April 2012. L-implimentazzjoni tal-AMF lill-Ukraina, li kienet approvata fl-2010, u li, flimkien mal-fondi disponibbli minn operazzjoni preċedenti approvata fl-2002, tammonta għal EUR 610 miljun f’self, ittardjat aktar minħabba n-nuqqas ta’ ftehim mal-awtoritajiet Ukraini fuq ċerti kondizzjonijiet tal-Memorandum ta' Ftehim. L-ewwel porzjon tal-operazzjoni AMF lill-Bosnja-Ħerzegovina, approvata fl-2009 (li tammonta sa EUR 100 miljun f’self), ma ġie żborżat fl-2011 minħabba nuqqas ta’ konformità ma’ waħda mill-kondizzjonijiet tal-ewwel porzjon.

Fl-2011, il-Kummissjoni ressqet żewġ proposti formali għal operazzjonijiet tal-AMF ġodda lill-koleġiżlaturi: il-proposta li AMF ta’ EUR 23 miljun f’għotjiet u ta’ EUR 23 miljun f’self tkun estiża lill-Ġeorġja, adottata fit-13 ta’ Jannar 2011; u l-proposta biex AMF eċċezzjonali ta’ EUR 15 miljun f’għotjiet u ta’ EUR 15 miljun f’self tkun estiża lir-Repubblika Kirgiża, adottata fl-20 ta’Diċembru 2011. Dawn il-proposti ilhom taħt konsiderazzjoni mill-Parlament u mill-Kunsill minn dak iż-żmien. Madankollu, id-deċiżjoni mill-koleġiżlaturi dwar l-AMF lill-Ġeorġja ġiet ittardjata minħabba l-kwistjoni legali kontenzjuża msemmija hawn fuq.

3.2.        Operazzjonijiet individwali fil-pajjiżi benefiċjarji fl-2011

3.2.1.     Il-Balkani tal-Punent

3.2.1.1.  Il-Bosnja-Ħerzegovina

AMF lill-Bosnja-Ħerzegovina sa EUR 100 miljun, fil-forma ta’ self, kienet approvata fl-2009 mill-Kunsill tal-UE (id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/891/KE tat-30 ta’ Novembru 2009). Il-Memorandum ta’ Ftehim relevanti (MoU) u l-Ftehim tas-Self ġew iffirmati f'Novembru 2010, filwaqt li – parzjalment minħabba l-formazzjoni tal-gvern li damet fit-tul wara l-elezzjonijiet ġenerali ta’ Ottubru 2010 – il-Ftehim ta’ Self ġie rratifikat mill-Presidenza Bosnjaka biss f'Awwissu 2011. L-ebda fond tal-AMF ma ġie żborżat matul l-2011, għaliex mhux il-kondizzjonijiet kollha marbuta mal-ewwel porzjon u miftiehma fil-MoU ġew issodisfati. Barra minn hekk, l-Arranġament Stand-by tal-FMI effettivament ilu ma jiffunzjona minn Ottubru 2010. Xorta waħda, inkiseb ċertu progress fis-sodisfar ta’ kondizzjonijiet tal-politika tal-AMF fil-qasam tal-immaniġġjar tal-finanzi pubbliċi. L-iżborżamenti tal-AMF jistgħu jsiru malli l-programm tal-FMI jsir funzjonali mill-ġdid u l-kondizzjonijiet tal-politika kollha kif stabbilit fl-MoU jkunu ssodisfati.

Fl-2011, wara tkabbir marġinali (0,7 %) fl-2010, l-espansjoni tal-ekonomija aċċellerat xi ftit għal madwar 1,6 %, xprunata miż-żieda fl-esportazzjonijiet u minn żieda żgħira fid-domanda domestika. Xi konsolidazzjoni fiskali seħħet fl-2011, minkejja l-kwalità dgħajfa persistenti fil-finanzi pubbliċi. L-iżbilanċi esterni qed jerġgħu jiżdiedu, filwaqt li d-defiċit tal-kont kurrenti laħaq it-8,7 % tal-PDG.

3.2.1.2.  Is-Serbja

Saret disponibbli faċilità ta’ self tal-AMF lis-Serbja sa EUR 200 miljun skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/892/KE, fid-dawl tal-effetti negattivi tal-kriżi globali. L-għan ta’ din l-assistenza kien biex jikkomplementa r-riżorsi mill-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali biex jgħin lill-gvern jindirizza d-differenza fil-finanzjament estern. Fid-dawl tal-irkupru ekonomiku gradwali tas-Serbja, il-ħtiġijiet ta’ finanzjament barrani aktar baxx u t-tnaqqis bin-nofs tal-assistenza FMI, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiżborża biss nofs l-ammont tal-AMF disponibbli, jiġifieri EUR 100 miljun. It-trasferiment tal-fondi seħħ fit-12 ta’Lulju 2011, u ġab fi tmiemha din l-operazzjoni tal-MFA. Il-kondizzjonalità tal-AMF appoġġjat reviżjoni tal-immaniġġjar tal-finanzi pubbliċi, notevolment permezz tat-twaqqif ta’ regoli fiskali kwantitattivi u ta’ dispożizzjonijiet ġodda rigward il-Kontroll Intern tal-Finanzi Pubbliċi.

Fl-2011, l-irkupru ekonomiku ssokta, bi tkabbir tal-PDG ta’ 1,6 %, xprunat minn żieda fl-investimenti. Madankollu, lejn tmiem is-sena, it-tkabbir safa taħt pressjoni minħabba l-ambjent ekonomiku globali diffiċli. Minħabba rata li qed tonqos ta’ tkabbir fl-esportazzjoni, id-defiċit tal-kont kurrenti kiber għal madwar 9,5 % tal-PDG. Barra minn hekk, id-defiċit baġitarju avviċina l-5 % tal-PDG, li kien ogħla milli kien immirat inizjalment, l-aktar minħabba dħul inqas milli previst.

3.2.2.     Il-Pajjiżi tal-Viċinat tal-Lvant

3.2.2.1.  L-Armenja

Lejn tmiem l-2010, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Armeni ftehmu dwar il-kondizzjonijiet għall-programm tal-AMF ta’ EUR 100 miljun (EUR 35 miljun f’għotjiet u EUR 65 miljun f’self) li kien deċiż f'Novembru 2009. Il-Memorandum ta’ Ftehim u l-Ftehimiet ta’ Self u ta' Għoti ġew iffirmati fi Frar 2011 u rratifikati mill-awtoritajiet Armeni f’Mejju 2011. L-ewwel pagament, li jammonta għal EUR 40 miljun, inħareġ f'Ġunju 2011, filwaqt li r-rilaxx tat-tieni pagament, li jammonta għal EUR 60 miljun sar f'Diċembru 2011 għall-parti tal-għotja u fi Frar 2012 għall-parti tas-self.

Fl-2011, l-ekonomija Armena kompliet tirkupra; il-PDG reali kiber b'4,6 %, xprunat miż-żieda fir-rimessi u fl-esportazzjonijiet. Madankollu, l-influss ta’ investimenti ddgħajjef. Minkejja tnaqqis fid-defiċit tal-kont kurrenti minn 14,7 % tal-PDG fl-2010 għal 10,9 % tal-PDG fl-2011, parti kbira mill-ħtiġijiet ta’ finanzjament estern kellha tiġi ffinanzjata permezz tas-sħab esterni. Fl-2011, l-Armenja bdiet timplimenta l-programm ta’ stabbilizzazzjoni ekonomika ġdida tagħha fuq tliet snin (2011-2013), bl-appoġġ, inter alia, mill-FMI taħt il-Faċilità ta' Fond Estiża (Extended Fund Facility - EFF) u l-Faċilità ta’ Kreditu Estiż konċessjonali (Extended Credit Facility - ECF) għal ammont totali ta' EUR 278 miljun. F’Diċembru 2011, il-Bord Eżekuttiv tal-FMI lesta t-tielet reviżjoni tiegħu tal-prestazzjoni ekonomika tal-Armenja skont il-programm, li ppermetta lill-awtoritajiet biex jiġbdu ammont addizzjonali ta’ SDR 36,2 miljun (madwar EUR 42 miljun). Il-kondizzjonalità tal-AMF kienet utli għall-avvanzar tar-riformi fl-oqsma tad-dejn pubbliku, tal-pensjonijiet, tal-amministrazzjoni doganali u tat-taxxa, tal-immaniġġjar finanzjarju pubbliku u tal-politika ta’ tassazzjoni.

3.2.2.2.  Il-Ġeorġja

Il-pakkett komprensiv tal-UE sa massimu ta' EUR 500 miljun b’appoġġ għall-irkupru ekonomiku tal-Ġeorġja, mirhun f'Ottubru tal-2008 fil-Konferenza Internazzjonali tad-Donaturi fi Brussell, wara l-kriżi tal-kunflitt mar-Russja f’Awwissu tal-2008, kien jinkludi żewġ operazzjonijiet potenzjali ta' Assistenza Makrofinanzjarja, li kull waħda tammonta għal EUR 46 miljun. L-ewwel parti kienet implimentata b'suċċess matul l-2009-2010. Għat-tieni parti, il-Kummissjoni adottat proposta għal aktar AMF għall-Ġeorġja fit-13 ta' Jannar 2011.

Il-plenarja tal-Parlament Ewropew ivvotat fuq il-proposta fl-10 ta’ Mejju 2011 u adottat riżoluzzjoni leġiżlattiva flimkien ma' xi emendi li primarjament kienu mmirati biex jirriflettu d-dħul fis-seħħ tal-regolament il-ġdid dwar il-"komitoloġija" f’Marzu 2011[3]. Minn mindu l-Parlament Ewropew adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari, id-diskussjonijiet interistituzzjonali bejn il-Kunsill u l-Parlament ma kinux ta' suċċess. Filwaqt li l-Parlament jiffavorixxi l-użu tal-proċedura konsultattiva għall-Kumitat tal-Istati Membri fir-rigward tal-Memorandum ta' Ftehim, kif propost oriġinarjament mill-Kummissjoni, il-Kunsill isostni li, bħala kwistjoni ta’ prinċipju, għandha tapplika l-proċedura ta’ eżami.

Il-PDG reali kiber b'6,3 % fl-2010 u b’7 % fl-2011, iżda huwa mistenni li jonqos ftit fl-2012 minħabba l-ambjent ekonomiku globali diffiċli. L-Arranġament Stand-by tal-FMI dam minn Settembru 2008 sa Ġunju 2011. Huwa kkontribwixxa għal konsolidazzjoni fiskali, għall-progress fir-riformi strutturali u għar-ritorn għat-tkabbir. B’bidu minn Lulju 2010, l-awtoritajiet ittrattaw l-arranġament bħala prekawzjoni u ma għamlux talba għall-aħħar pagamenti. Minkejja t-titjib esperjenzat mill-2009 ’l hawn, il-pożizzjoni tal-bilanċ tal-pagamenti tal-Ġeorġja għadha waħda vulnerabbli, billi d-defiċit fil-kont kurrenti baqa’ sostanzjali (l-ekwivalenti għal 11,7 % tal-PDG fl-2011), l-influssi tal-IBD baqgħu konsiderevolment taħt il-livelli ta’ qabel il-konflitt tal-2008 u billi huma previsti obbligi sostanzjali tas-servizz tad-dejn estern għall-2013-2014). L-awtoritajiet qablu f’Marzu 2012 dwar programm ġdid ta’ sentejn mal-FMI, li se jkun ta’ natura ta' prekawzjoni. Filwaqt li l-eżistenza ta’ programm ta’ żborz tal-FMI hija prekundizzjoni għall-attivazzjoni tal-operazzjoni AMF tal-UE, hemm probabbiltà li l-fondi tal-FMI jistgħu jibqgħu jintużaw għat-tul ta’ żmien tal-programm, minħabba l-ambjent finanzjarju internazzjonali diffiċli.

3.2.2.3.  Ir-Repubblika tal-Moldova

Fl-20 ta’Ottubru 2010, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw deċiżjoni dwar l-għoti lir-Repubblika tal-Moldova ta’ AMF li tammonta għal EUR 90 miljun, f’għotjiet, li jitqassmu fi tliet porzjonijiet fl-2010 u fl-2011 (id-Deċiżjoni Nru 938/2010/UE). L-assistenza ġiet estiża fil-kuntest ta’ programm ekonomiku appoġġjat minn arranġament ta’ finanzjament tal-Faċilità ta' Fond Estiża/il-Faċilità ta’ Kreditu Estiża ta’ tliet snin approvat mill-Bord Esekuttiv tal-FMI f'Jannar 2010. Wara l-qbil fuq il-Memorandum ta’ Ftehim, il-Kummissjoni f’Diċembru 2010 kienet diġà żborżzat l-ewwel porzjon ta’ EUR 40 miljun. It-tieni porzjon ta’ EUR 20 miljun ġie żborżat f’Settembru 2011, wara li l-Kummissjoni f'Ġunju kienet eżaminat il-konformità mal-kondizzjonalità. Il-ħlas tat-tielet porzjon tal-AFM ma setax isir qabel tmiem l-2011, kif kien ippjanat oriġinarjament, għaliex il-progress fil-konformità mal-kondizzjonijiet tat-tielet porzjon kien meqjus bħala insuffiċjenti. Madankollu, wara progress ultejuri fl-implimentazzjoni tar-riformi mill-awtoritajiet tal-Moldova, valutazzjoni ġdida magħmula mill-Kummissjoni fi Frar 2012 sabet illi l-konformità mal-kundizzjonalità laħqet livell sodisfaċenti, u dan ippermetta sabiex f'April 2012 il-Kummissjoni setgħet tħallas it-tielet u l-aħħar porzjon tal-AFM ta’ EUR 30 miljun.

L-ekonomija rkuprat wara r-riċessjoni ekonomika severa tal-2009 u għamlet qabża ferm ’il quddiem kemm fl-2010 kif ukoll fl-2011. Madankollu, id-deterjorament fl-ambjent ekonomiku estern wassal għal tnaqqis fl-attività ekonomika fir-raba' kwart tal-2011; huwa probabbli li t-tnaqqis ikompli fl-2012. Il-programm tal-FMI baqa’ miexi tajjeb u l-appoġġ tad-donaturi internazzjonali, inkluża l-AMF tal-UE, kien fattur importanti sabiex tinżamm l-istabbiltà makroekonomika u tkun appoġġata l-aġenda tar-riforma tal-Gvern. Il-Moldova adottat programm ambizzjuż ta’ konsolidazzjoni fiskali billi naqqset id-defiċit tal-baġit minn 6,3 % tal-PDG fl-2009 għal 2,4 % tal-PDG fl-2011 u huwa ppjanat li dan ikompli jonqos għal 0,9 % tal-PDG fl-2012, prinċipalment permezz tat-tnaqqis fl-infiq pubbliku. Il-kondizzjonalità tal-AMF kienet utli għall-avvanz tar-riformi fl-oqsma tat-tħejjija u l-esekuzzjoni tal-baġit, l-ottimizzazzjoni tal-finanzi pubbliċi u l-immaniġġjar tad-dejn pubbliku, l-istabbiltà finanzjarja u r-riforma fis-settur finanzjarju, l-akkwist pubbliku u l-leġiżlazzjoni tal-bank ċentrali.

3.2.2.4.  L-Ukraina

F’dan l-isfond, f’Lulju 2010 il-koleġiżlaturi tal-UE adottaw Deċiżjoni sabiex jipprovdu EUR 500 miljun tal-AMF lill-Ukraina (id-Deċiżjoni 388/2010/UE tas-7 ta’ Lulju 2010). Flimkien mal-EUR 110 miljun li baqgħu disponibbli skont id-Deċiżjoni tal-AMF tal-2002 (id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/639/KE tat-12 ta’ Lulju 2002), dan għandu jippermetti potenzjal ta’ operazzjoni AMF sa EUR 610 miljun. Madankollu, in-negozjati dwar il-kondizzjonijiet ta’ politika relatati mal-iżborż ta’ din l-assitenza, li jinkludu miżuri fl-oqsma tal-immaniġġjar tal-finanzi pubbliċi, tal-amministrazzjoni tat-taxxa u tad-dwana, tar-riforma fis-settur tal-enerġija u tar-regolazzjoni tas-settur finanzjarju għadhom ma ġewx konklużi. Filwaqt li sar progress fil-konverġenza lejn Memorandum ta’ Fehim li se jkun aċċettabbli għaż-żewġ partijiet, ma setax jiġu ssuperat in-nuqqas ta’ qbil fir-rigward ta’ ċerti kwistjonijiet ewlenin, inkluż fir-rigward tal-mandat tal-Kamra tal-Kontabbiltà tal-Ukraina (l-istituzzjoni suprema tal-awditjar tal-pajjiż). Fin-nuqqas tal-iffirmar ta’ Memorandum ta’ Ftehim u ta’ Ftehim dwar is-Self, fl-2011 ma sar l-ebda ħlas.

Fl-2011 l-irkupru ekonomiku tal-Ukraina ssoktat, bi prestazzjoni tat-tkabbir relattivament b’saħħitha u bl-inflazzjoni fil-biċċa l-kbira taħt kontroll. Madankollu, minn nofs l-2011 ’il hawn, huwa ċar li l-bilanċ tal-pagamenti ddeterjora u dan il-fatt obbliga lill-Bank Nazzjonali tal-Ukraina biex joħroġ USD 6,2 biljun mir-riżervi tiegħu bejn Awwissu u Diċembru sabiex jiddefendi r-rata tal-kambju. Il-programm tal-FMI ta’ USD 15 biljun żvija fl-2011 minħabba n-nuqqas ta’ qbil dwar il-baġit u minħabba n-nuqqas ta' progress f’riformi strutturali importanti miftiehma skont l-Arranġament Stand-by, inkluż l-aġġustament fit-tariffi tal-gass u tat-tisħin. Dewmien fl-aġġustament tat-tariffi tal-enerġija jippreżenta riskji sinifikanti għall-prospettiva fiskali wkoll. Peress li ma sar l-ebda żbors ta’ appoġġ finanzjarju uffiċjali fl-2011 u l-banek naqqsu l-iskopertura tagħhom għar-riskju, l-aċċess għal swieq kapitali internazzjonali sar iktar diffiċli. Fl-istess waqt, il-progress fir-riformi strutturali kien wieħed kajman. Għalkemm fl-2010 għaddew il-liġijiet dwar l-akkwist pubbliku u tal-gass u fl-2011 ġiet adottata l-leġiżlazzjoni dwar ir-riforma tal-pensjonijiet, li kollha kienu passi fid-direzzjoni t-tajba, l-implimentazzjoni f'xi każijiet kienet waħda dgħajfa, jew, fil-każ tal-akkwist pubbliku, il-liġi sussegwentement ġiet ridotta b'emendi. Il-progress fir-riforma fl-immaniġġjar tal-finanzi pubbliċi kien ta’ diżappunt partikolari u l-ambjent tan-negozju tal-Ukraina baqa’ dgħajjef kif rifless fid-deklassifikazzjoni sinifikanti fl-2011 tal-pożizzjonijiet tal-pajjiż fil-klassifikazzjoni Doing Business tal-World Bank u tat-Transparency International Corruption Index [4].

3.2.3.     L-Asja Ċentrali

3.2.3.1.  Ir-Repubblika Kirgiża

Fl-20 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill proposta għal AMF lir-Repubblika Kirgiża fuq bażi eċċezzjonali. Fl-2010, ir-Repubblika Kirgiża esperjenzat tnaqqis qawwi fit-tkabbir ekonomiku u aggravazzjoni fil-pożizzjoni esterna, minħabba xokkijiet esterni u interni u minħabba konflitti etniċi u politiċi, li wasslu għal diskrepanza sostanzjali ta’ finanzjament estern. Waqt konferenza internazzjonali tad-donaturi f'Lulju 2010, l-UE impenjat ruħha li tappoġġja l-irkupru wara t-tmiem tal-kunflitt etniku. F'Ġunju 2011, il-FMI qabel mal-awtoritajiet Kirgiżi dwar programm ta' tliet snin, li għandu jkun appoġġjat b’arranġament tal-Faċilità ta’ Kreditu Estiża. Madankollu, il-pożizzjoni esterna baqgħet vulnerabbli u l-eżistenza ta’ diskrepanza finanzjarja esterna residwa konsiderevoli għall-2011-2013 kienet ikkonfermat mill-FMI u mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, l-operazzjoni tal-AMF eċċezzjonali, jiġifieri barra l-ambitu ġeografiku normali tal-AMF, kienet iġġustifikata mis-saħħa tal-momentum tar-riforma politika u ekonomika prodemokratika tal-pajjiż u minħabba l-pożizzjoni tiegħu f’reġjun ta’ importanza ekonomika u politika għall-UE. Il-proposta qiegħda tiġi diskussa mill-Parlament u mill-Kunsill fil-kuntest tal-proċedura leġiżlattiv tal-kodeċiżjoni.

Fl-2011, it-tkabbir ekonomiku rkupra mit-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku qawwi tal-2009 u tal-2010 għal 5,7 % u d-defiċit tal-bilanċ tal-paġamenti naqas għal madwar 3,1 % tal-PDG megħjun minn rimessi sostanzjali u mill-prezz għoli tal-esportazzjonijiet tad-deheb. Madankollu, l-ambjent ekonomiku globali diffiċli beda jkollu impatt negattiv fuq ir-rimessi u fuq l-esportazzjonijiet fl-aħħar xhur tal-2011. L-inflazzjoni tniżżlet minn ’il fuq minn 20 % (kull sena) f'nofs l-2011 għal 5,7% sa tmiem l-2011. Il-Gvern rnexxielu jilħaq il-miri fiskali tiegħu għall-2011. L-awtoritajiet Kirgiżi laħqu wkoll il-miri kollha tal-programm tal-Faċilità ta’ Kreditu Estiża tal-FMI li kien approvat għat-tmiem l-2011.

4.           L-iżgurar tal-użu xieraq tal-fondi tal-AMF: Valutazzjonijiet Operattivi, in-Nefqa Pubblika u r-Responsabbiltà Finanzjarja u Evalwazzjonijiet Expost

4.1.        Valutazzjonijiet operattivi

F’konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament Finanzjarju tal-UE sabiex jitwettqu spezzjonijiet qabel ma jitħallsu fondi lill-pajjiżi benifiċjarji, il-Kummissjoni, bl-għajnuna ta’ konsulenti esterni, twettaq valutazzjonijiet operattivi bil-għan li tikseb żgurar raġjonevoli dwar il-funzjonament tal-proċeduri amministrattivi u taċ-ċirkwiti finanzjarji tal-pajjiżi benefiċjarji.

Il-valutazzjonijiet operattivi jiffokaw fuq is-sistemi tal-immaniġġjar tal-finanzi pubbliiċi, b’mod partikolari fuq il-proċeduri u l-organizzazzjoni tal-ministeri tal-finanzi u l-banek ċentrali u, b’mod aktar speċifiku, fuq l-immaniġġjar tal-kontijiet li jirċievu l-fondi tal-UE. Barra minn hekk, tingħata attenzjoni speċjali lejn il-mod kif jaħdmu l-istituzzjonijiet tal-awditjar estern, l-indipendenza tagħhom, il-programmi ta' ħidma tagħhom u l-effettività tal-kontrolli tagħhom. Fil-valutazzjonijiet operattivi riċenti, saret ukoll analiżi tal-proċeduri eżistenti fl-aġenziji tal-akkwist.

Fl-2011, il-Kummissjoni ikkonkludiet valutazzjoni operattiva fil-Ġeorġja. Il-konklużjonijiet prinċipali ta’ dawn il-valutazzjonijiet operattivi huma rrapportati f'dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjawha (SWD(2012) 181 finali).

4.2.        Valutazzjonijiet tan-Nefqa Pubblika u tar-Responsabbiltà Finanzjarja

Il-Kummissjoni qiegħda tfittex il-komplementarjetà ma’ għodod dijanjostiċi oħrajn fil-qasam tal-immaniġġjar tal-finanzi pubbliċi fil-pajjiżi li jibbenifikaw minn appoġġ tad-donaturi. F’dan il-kuntest, il-programm tan-Nefqa Pubblika u tar-Responsabbiltà Finanzjarja (NPRF) imwaqqaf fl-2001 bħala sħubija b’bosta donaturi li tinvolvi, fost l-oħrajn, il-Kummissjoni Ewropea, il-Bank Dinji u l-FMI, huwa qafas partikolarment xieraq.

Fis-snin riċenti, tlestew studji tan-Nefqa Pubblika u r-Responsabbiltà Finanzjarja għal għadd ta’ pajjiżi li jirċievu jew li huma potenzjalment eliġibbli għall-AMF: l-Armenja (2008), il-Bjelorussja (2009), il-Ġeorġja (2008), il-Kosovo (2009), ir-Repubblika tal-Kirgiżistan (2009), ir-Repubblika tal-Moldova (2008), il-Marokk (2009) u s-Serbja (2010). Il-Kummissjoni, flimkien mal-Bank Dinji, hija koawtriċi tal-istudji NPRF tal-Ġeorġja u tal-Marokk u kkontribwixxiet b’mod dirett għal diversi studji oħrajn.

Fl-2011, il-Kummissjoni kkontribwixxiet għal valutazzjoni tan-Nefqa Pubblika u r-Responsabbiltà Finanzjarja dwar l-Ukraina, f'kooperazzjoni mal-Bank Dinji (il-Bank kien l-aġenzija mexxejja), u wkoll f'kooperazzjoni mal-Bank Dinji mexxiet (din id-darba iżda bħala l-aġenzija mexxejja), valutazzjoni NPRF tal-Moldova.

Is-sejbiet ta’ dawn l-istudji NPRF se jikkomplementaw l-aħħar valutazzjoni operattiva tal-proċeduri finanzjarji f’dawn iż-żewġ pajjiżi. Se jkunu utli wkoll fl-appoġġ tal-implimentazzjoni ta’ operazzjonijiet tal-AMF li għaddejjin, notevolment bil-ħsieb tal-monitoraġġ tal-kondizzjonijiet fir-rigward tal-immaniġġjar tal-finanzi pubbliċi.

4.3.        Evalwazzjonijiet ex-post

Sabiex tevalwa l-impatt tal-AMF u f’konformità mar-Regolament Finanzjarju, il-Kummissjoni twettaq evalwazzjonijiet expost tal-programmi tal-AMF. Il-konklużjonijiet ta’ dawn l-evalwazzjonijiet jiġu meqjusa sabiex jissaħħu l-prassi tal-immaniġġjar tal-AMF. L-għanijiet ewlenin tal-evalwazzjonijiet ex-post huma: l-analiżi tal-impatt ekonomiku tal-AMF fuq l-ekonomija tal-pajjiż riċevitur u, b’mod partikolari fuq is-sostenibilità tal-pożizzjoni esterna tagħha; u , il-valutazzjoni tal-valur miżjud tal-intervent tal-UE.

Fl-2011, żewġ evalwazzjonijiet ex-post ġodda ġew imnieda biex ikunu evalwati l-operazzjonijiet tal-AMF ikkompletati mal-Libanu u l-Ġeorġja dan l-aħħar. Fil-bidu tal-2012, inbdiet evalwazzjoni ex-post għall-AMF mal-Kosovo.

5.           Talbiet għal assistenza u proposti futuri tal-Kummissjoni Is-sitwazzjoni baġitarja

Il-maġġoranza ta’ operazzjonijiet tal-AMF implimentati fl-2011 tlestiet fl-2011 jew fil-bidu tal-2012 (is-Serbja, l-Armenja, ir-Repubblika tal-Moldova). Iż-żewġ programmi li fadal (l-operazzjonijiet mal-Ukraina u mal-Bosnja-Ħerzegovina) huma mistennija li jiġu implimentati fl-2012 u fl-2013, suġġett għal progress tajjeb fir-rigward tal-kundizzjonalitajiet tal-politika. Il-programm il-ġdid għall-Ġeorġja, li għadu taħt konsiderazzjoni mill-koleġiżlaturi, huwa mistenni li jkun approvat f'nofs l-2012. Bl-istess mod, l-AMF proposta għar-Repubblika Kirgiża tista’ tiġi approvata fit-tieni nofs tal-2012.

L-iskeda attwali ta’ operazzjonijiet tal-AMF għall-2012-2013 tinkludi programm possibbli għall-Kosovo. Wara l-iskadenza tal-programm preċedenti fl-2010, operazzjoni ġdida tal-AMF għandha tikkorrispondi għar-rahan kondizzjonali magħmul mill-UE waqt il-konferenza tad-donaturi ta’ Ġunju 2008 dwar il-Kosovo, għal ammont sa EUR 100 miljun.

Barra minn hekk, operazzjoni ġdida tista’ tkun antiċipata għall-Armenja. Din għandha ssegwi l-programm li tlesta dan l-aħħar u għandha tkun immirata biex tgħin il-pajjiż ikopri d-diskrepanza fil-finanzjament estern residwa prevista għall-2013, billi tikkomplementa r-riżorsi disponibbli mill-FMI skont l-arranġament finanzjarju eżistenti tal-Faċilità ta’ Kreditu Estiża/il-Faċilità ta' Fond Estiża.

Minħabba l-ħtiġijiet fuq terminu qasir ta' żmien għall-iffinanzjar f'ċerti pajjiżi tal-Vċinat tan-Nofsinhar li għaddejjin minn tibdil politiku, mhix sorpriża li, fi Frar 2012, l-UE rċeviet talba għal AMF mill-Eġittu. L-ammont mitlub huwa EUR 500 miljun, li minnhom parti żgħira tista’ tiġi żborżata fil-forma ta’ għotja li tqis id-dħul per capita relattivament baxx tal-Eġittu. L-AMF għandha tikkomplementa l-fondi li jsiru disponibbli mill-FMI u minn donaturi oħra biex tgħin issaħħaħ il-bilanċ tal-pagamenti tal-Eġittu matul perjodu diffiċli ta’ tranżizzjoni politika. Il-Kummissjoni tinsab fil-proċess li testima, flimkien mal-FMI, il-ħtiġijiet ta’ finanzjament estern residwu tal-Eġittu bil-ħsieb tal-adozzjoni possibbli ta' proposta għal AFM għal dan il-pajjiż.

Il-prospett tal-attivazzjoni tal-istrument tal-AMF għal uħud mill-pajjiżi tal-Mediterran kien espliċitament ikkonfermat fil-Komunikazzjoni konġunta mill-Kummissjoni u mir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà intitolata "Sħubija għad-Demokrazija u l-Prosperità Kondiviża mal-Mediterran tan-Nofsinhar" li ġiet adottata fit-8 ta’ Marzu 2011.

It-tabella 1 hawn taħt tagħti deskrizzjoni ġenerali tal-impenji u l-pagamenti ta' għotjiet ta’ AMF għall-2011 u l-2012 (indikattiva). Il-previżjoni għall-2012 hija ta’ natura preliminari ħafna u se tiddependi fuq bosta fatturi li huma lil hinn mill-kontroll tal-Kummissjoni. L-iskeda attwali tal-operazzjonijiet ta’ għotja għall-2012 hija ġeneralment konsistenti mal-limiti baġitarji għas-sena 2012, meta jitqies li xi operazzjonijiet ippjanati se jkunu impenjati finanzjarjament biss fl-2013. Fir-rigward tas-self, l-ammont totali pendenti għal operazzjonijiet ta' self tal-AMF kien ugwali għal EUR 569,8 miljun fi tmiem l-2011. Din is-somma hija koperta mill-Fond ta' Garanzija għal azzjonijiet esterni[5], li hi tinżamm għal 9 % tal-ammont pendenti. Il-Fond ikopri mhux biss is-self tal-AMF, iżda wkoll is-self tal-Euratom u s-self mill-BEI lil pajjiżi terzi u huwa allokat mill-baġit tal-UE. Għall-operazzjonijiet ta’ self tal-AMF, dan għandu jikkorrispondi għal madwar EUR 51 miljun bħala parti mill-Fond ta’ Garanzija fi tmiem l-2011.

Tabella 1: L-impenji u l-pagamenti tal-AMF fl-2011 u fl-2012 f’EUR

Tabella 2: Ammonti ta’ AMF awtorizzati skont is-sena matul il-perjodu 2002-2011 f’miljuni ta' EUR

Ċart 2a: Ammonti ta’ AMF awtorizzati skont is-sena matul il-perjodu 2002-2011 f’miljuni ta' EUR

Ċart 2b: Ammonti ta’ AMF awtorizzati skont ir-reġjun matul il-perjodu 2002-2011

Tabella 3: Ammonti ta’ AMF żborżati skont is-sena matul il-perjodu 2002-2011 f’miljuni ta' EUR

Ċart 3a: Ammonti ta’ AMF żborżati skont is-sena matul il-perjodu 2002-2011 f’miljuni ta' EUR

Ċart 3b: Ammonti ta’ AMF imħallsa skont ir-reġjun matul il-perjodu 2002-2011

*               Din in-nominazzjoni hija bla ħsara għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u hija konformi ma’ UNSCR 1244 u l-Opinjoni tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja dwar id-dikjarazzjoni għall-indipendenza tal-Kosovo.

[1]               Għal tagħrif ta’ sfond dwar l-iżviluppi ekonomiċi reċenti mal-ġirien tan-Nofsinhar, ara wkoll "The EU's neighbouring economies: coping with new challenges", Occasional Papers no. 86 / November 2011, DG ECFIN, il-Kummissjoni Ewropea (http://ec.europa.eu/economy_finance/publications/occasional_paper/2011/index_en.htm)

[2]               Il-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistipula dispożizzjonijiet ġenerali għall-assistenza makrofinanzjarja lil pajjiżi terzi - COM (2011) 865 finali, 4.7.2011.

[3]               Ir-Regolament (KE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011.

[4]               Progress insuffiċjenti fl-immaniġġjar tal-finanzi pubbliċi, flimkien mal-inċertezzi dwar il-qafas makroekonomiku (inkluż l-istatus żvijat tal-programm tal-FMI), wasslu biex il-Kummissjoni Ewropea ttardjat l-iżborż tal-operazzjonijiet ta’ appoġġ baġitarju fi tmiem l-2011.

[5]               Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ara r-Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-garanziji koperti mill-baġit ġenerali (li joħroġ kull sitt xhur).