52012DC0315

Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tal-Lussemburgu għall-2012 u li twassal l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' stabbiltà tal-Lussemburgu għall-perjodu 2012-2015 /* COM/2012/0315 final - 2012/ () */


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tal-Lussemburgu għall-2012 u li twassal l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' stabbiltà tal-Lussemburgu għall-perjodu 2012-2015

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika[1], u partikolarment l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea[2],

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew[3],

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkonsulta mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Billi:

(1)(1)   Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li tiġi mnedija strateġija ġdida għall-impjiegi u t-tkabbir, bl-isem ta' Ewropa 2020, li tkun imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi u li tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn tenħtieġ azzjoni li tagħti spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir u l-kompetittività sostenibbli.

(2)(2)   Fit-13 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u fil-21 ta’ Ottubru 2010, huwa adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi [4], li flimkien jagħmlu l-"linji gwida integrati". L-Istati Membri ġew mistiedna jqisu l-linji gwida integrati fil-politiki ekonomiċi u okkupazzjonali nazzjonali tagħhom.

(3)(3)   Fit-12 ta' Lulju 2011, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tal-Lussemburgu għall-2011 u ta l-opinjoni tiegħu dwar il-programm ta' stabbiltà aġġornat tal-Lussemburgu għall-perjodu 2011-2014.

(4)(4)   Fit-23 ta' Novembru 2011, il-Kummissjoni adottat it-tieni Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li kien il-bidu tat-tieni Semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni integrata u ex ante ta’ politika, imsejjes fuq l-istrateġija Ewropa 2020. Fl-14 ta’ Frar 2012, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija[5], li fih hija ma identifikatx il-Lussemburgu bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond.

(5)(5)   Fit-2 ta' Marzu 2012, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet li jiżguraw l-istabbiltà finanzjarja, il-konsolidazzjoni fiskali u l-azzjoni li trawwem it-tkabbir. Huwa enfasizza l-ħtieġa li titkompla konsolidazzjoni fiskali differenzjata u li tiffavorixxi t-tkabbir, biex l-ekonomija jerġa' jkollha kundizzjonijiet normali għas-self, biex jiġu promossi t-tkabbir u l-kompetittività, biex jiġu indirizzati l-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi, u biex tiġi mmodernizzata l-amministrazzjoni pubblika.

(6)(6)   Fit-2 ta' Marzu 2012, il-Kunsill Ewropew stieden ukoll lill-Istati Membri parteċipi fil-Patt Euro Plus biex jippreżentaw l-impenji tagħhom fil-ħin għall-inklużjoni fil-programmi ta’ stabbiltà jew ta’ konverġenza tagħhom u fil-programmi nazzjonali ta’ riforma tagħhom.

(7)(7)   Fis-27 ta’ April 2012, il-Lussemburgu ressaq il-programm ta’ stabbiltà tiegħu għall-2012 li jkopri l-perjodu 2012-2015 u l-programm nazzjonali ta’ riforma tiegħu għall-2012. Sabiex jitqiesu l-konnessjonijiet bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess waqt.

(8)(8)   Abbażi tal-valutazzjoni tal-Programm ta’ Stabbilità għall-2012 f'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97, il-Kunsill hu tal-opinjoni li x-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji fil-programm huwa plawsibbli. B'mod partikolari, ix-xenarju għall-2012 u l-2013 li hemm fil-programm iqarreb ħafna il-previżjoni tar-rebbiegħa tal-2012 tal-Kummissjoni. Il-projezzjonijiet tad-defiċit fit-terminu medju ġew ibbażati fuq xenarju ta' tkabbir li huwa kemxejn ottimist u li jeċċedi t-tkabbir potenzjali, minkejja li xorta waħda għadu ferm inqas mir-rati medji storiċi. L-objettiv tal-istrateġija baġitarja deskritta b'mod ġenerali fil-programm huwa li d-defiċit ta' 1.5 % fl-2012 jitnaqqas għal 0.9 % fl-2014 permezz ta' pakkett ta' miżuri ta' konsolidazzjoni ta' madwar 1.2 % tal-PDG u li jipprovdi aktar possibbiltà għal manuvri f'każ ta' xokkijiet negattivi. Il-programm jikkonferma l-objettiv ta' terminu medju (OTM) preċedenti ta' surplus strutturali ta' 0.5 %. Madankollu, skont id-dispożizzjonijiet tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, dan l-OTM ma jistax jitqies bħala adegwat minħabba li, abbażi tal-politiki u tal-projezzjonijiet kurrenti, ma jidhirx li dan l-OTM jikkunsidra biżżejjed l-obligazzjonijiet impliċiti relatati mat-tixjiħ, minkejja li d-dejn qiegħed taħt il-valur ta' referenza tat-Trattat. Barra minn hekk, abbażi tal-previżjoni tar-rebbiegħa tal-2012 tal-Kummissjoni kif ukoll abbażi tal-bilanċ tal-baġit strutturali (ikkalkulat mill-ġdid) fil-programm, il-Lussemburgu se jitbiegħed b'mod sinifikanti mill-OTM tiegħu stess mill-2012 'l hemm. Ir-rata tat-tkabbir tan-nefqa tal-Gvern, netta mill-miżuri diskrezzjonali f'dak li jirrigwarda d-dħul, hija mistennija li taqbeż b'mod sinifikanti l-valur referenzjarju tan-nefqa kif definit fil-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Id-dejn gross tal-gvern, li jammonta għal 20 % tal-PDG, huwa inqas mill-valur ta' referenza tat-Trattat.

(9)(9)   Fl-20 ta' Jannar 2012, il-gvern tal-Lussemburgu adotta abbozz ta' liġi li tirriforma s-sistema tal-pensjonijiet kemm għas-settur pubbliku kif ukoll għal dak privat. Ir-riforma se tkun tinkludi xi mekkaniżmi korrettivi f’każ ta' evoluzzjoni negattiva tal-qagħda finanzjarja tal-iskema u fiha addattamenti għall-metodu ġeneruż ħafna tal-kalkolu tal-benefiċċji. Madankollu, il-metodu l-ġdid tal-kalkolu se jiġi introdott gradwalment fuq medda ta' żmien twil ħafna ta' 40 sena. Barra minn hekk, il-possibbiltajiet għal irtirar bikri baqgħu fil-biċċa l-kbira tagħhom l-istess u ma ġew proposti l-ebda miżuri li jorbtu l-età statutorja tal-irtirar mal-istennija tal-għomor. B'mod ġenerali, il-Lussemburgu miexi fid-direzzjoni t-tajba, iżda jidher li r-riforma proposta ma tikkostitwix garanzija suffiċjenti għas-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi.

(10)(10)           F'Jannar 2012, il-Parlament nazzjonali adotta liġi biex jillimita l-applikazzjoni tal-indiċjar awtomatiku tal-pagi bejn l-2012 u l-2015 bil-għan li tiżdied il-kompetittività tal-ekonomija tal-Lussemburgu. Madankollu, apparti l-possibbiltà li l-indiċi ta' referenza jiġi mmodifikat, il-Gvern ma ħabbar l-ebda pjanijiet ulterjuri għal reviżjoni permanenti tas-sistema tal-iffissar tal-pagi. Filwaqt illi r-rata tal-produttività fil-Lussemburgu bħalissa hija għolja ħafna, l-opportunità li jinbidlu l-pjanijiet f'termini ta' żieda fil-produttività qed tonqos dejjem aktar. Jeħtieġ li ssir reviżjoni permanenti tas-sistema tal-iffissar tal-pagi, f'konsultazzjoni mas-sħab soċjali u f'konformità mal-prassi nazzjonali, sabiex tiġi ppreservata l-kompetittività tal-ekonomija tal-Lussemburgu fuq perjodu ta' żmien itwal.

(11)(11)           Il-Lussemburgu ħa xi passi rilevanti u kredibbli 'l quddiem biex jindirizza r-rata relattivament għolja ta' qgħad fost iż-żgħażagħ. Madankollu, sabiex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol, tenħtieġ strateġija koerenti li, inter alia, issaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn il-muniċipalitajiet u ttejjeb l-effikaċja tas-servizzi tal-impjiegi. Iż-żgħażagħ li qegħdin ifittxu x-xogħol, u partikolarment dawk b’livell iktar baxx ta' edukazzjoni, jibbenefikaw ukoll minn investiment ulterjuri fit-taħriġ u fl-edukazzjoni.

(12)(12)           Hu mistenni li l-Lussemburgu se jiffaċċja xi diffikultajiet biex jilħaq il-mira tiegħu għall-2020 li jnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra (GHG). Skont l-aħħar previżjonijiet għall-2020, ibbażati fuq il-miżuri eżistenti, huwa mistenni li l-Lussemburgu se jżid l-emissjonijiet tiegħu b'9 % f’setturi li mhumiex koperti mill-ETS bejn l-2005 u l-2020, u dan f'paragun mal-mira ta' tnaqqis ta' 20 %. Is-settur stradali jirrappreżenta l-aktar sors sinifikanti tal-emissjonijiet u għandu potenzjal kbir ta' tnaqqis tal-emissjonijiet. Il-prezz tal-fjuwils għat-trasport jibqa' wieħed mill-iktar baxxi fl-UE, u dan il-fattur jinkoraġġixxi “t-turiżmu tal-fjuwil” u jwassal għal konsegwenzi negattivi f’termini ta' tniġġis u konġestjoni. Sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet GHG, jeħtieġ li jkun hemm politiki addizzjonali, inkella se jkollhom jintużaw mekkaniżmi ta' flessibbiltà li jqumu ħafna flus.

(13)(13)            Il-Lussemburgu daħal għal għadd ta’ impenji bħala parti mill-Patt Euro Plus. L-impenji, u l-implimentazzjoni tal-impenji ppreżentati fl-2011, jikkonċernaw it-titjib fil-kompetittività, it-titjib fl-impjiegi u t-tisħiħ tal-istabbiltà finanzjarja. Il-Kummissjoni vvalutat l-implimentazzjoni tal-impenji tal-Patt Euro Plus. Fir-rakkomandazzjonijiet ġew ikkunsidrati r-riżultati ta' din il-valutazzjoni.

(14)(14)           Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Lussemburgu. Hija vvalutat il-programm ta' stabbiltà u l-programm nazzjonali ta' riforma. Mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fil-Lussemburgu imma qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni Ewropea billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħha skont is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-Rakkomandazzjonijiet (1) sa (5) hawn taħt.

(15)(15)           Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-programm ta' stabbiltà tal-Lussemburgu, u l-opinjoni tiegħu[6] hija riflessa b'mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) ta' hawn taħt,

B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Lussemburgu għandu jieħu azzjoni fil-perjodu 2012-2013 biex:

1.1.        Jippreserva pożizzjoni fiskali soda billi jikkoreġi kwalunkwe tbegħid mill-objettiv baġitarju ta' terminu medju (OTM) li jiggarantixxi s-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi, b'mod partikolari billi jikkunsidra l-obligazzjonijiet impliċiti relatati mat-tixjiħ. Għal din il-fini, isaħħaħ u jimplimenta b'mod rigoruż l-istrateġija baġitarja, appoġġjata minn miżuri suffiċjentement speċifikati, għas-sena 2013 u għas-snin ta' wara, inkluż billi jilħaq il-valur referenzjarju tan-nefqa.

2.2.        Iżid l-impatt tar-riforma proposta dwar il-pensjonijiet billi jħaffef l-implimentazzjoni ta' miżuri li jrażżnu n-nefqa relatata mal-età, jieħu miżuri addizzjonali bil-għan li jżid ir-rata tal-parteċipazzjoni tal-ħaddiema kbar fl-età, b’mod partikolari billi jnaqqas l-irtirar bikri, u jieħu passi biex jorbot l-età statutorja tal-irtirar mal-istennija tal-ħajja, sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà fit-tul tas-sistema tal-pensjonijiet.

3.3.        Jieħu miżuri ulterjuri biex jirriforma, f'konsultazzjoni mas-sħab soċjali u f'konformità mal-prassi nazzjonali, is-sistema tan-negozjar tal-pagi u tal-indiċjar tal-pagi, bil-ħsieb li jippreserva l-kompetittività tal-ekonomija tal-Lussemburgu fuq perjodu ta' żmien itwal, għall-ewwel billi jżomm l-intervall attwali ta' sena bejn kull indiċjar anke għal wara l-2014 u billi jnaqqas l-impatt tal-enerġija u ta' elementi volatili oħra fuq l-indiċi ta' referenza.

4.4.        Ikompli bl-isforzi tiegħu biex inaqqas il-qgħad fost iż-żgħażagħ billi jkattar l-involviment tal-partijiet interessati u jsaħħaħ il-miżuri tat-taħriġ u tal-edukazzjoni, b'mod partikolari għal dawk b'livell baxx ta' edukazzjoni, bil-għan li l-ħiliet u l-kwalifiki taż-żgħażagħ jiġu mqabbla aħjar mad-domanda tax-xogħol.

5.5.        Jiżgura li jintlaqħu l-miri tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra minn attivitajiet li mhumiex koperti mill-ETS (is-Sistema għan-Negozjar ta' Emissjonijiet), b'mod partikolari permezz tal-ekoloġizzazzjoni tas-sistema tat-tassazzjoni.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               ĠU L 209, 02.08.1997, p. 1.

[2]               COM(2012) 315 finali

[3]               P7_TA(2012)0048 u P7_TA(2012)0047

[4]               Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/238/UE tas-26 ta' April 2012

[5]               COM(2012) 68 finali

[6]               Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.