52012DC0314

Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-programm nazzjonali ta’ riforma tal-Belġju għall-2012 u li twassal l-Opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta’ stabilità tal-Belġju għall-perjodu 2012-2015 /* COM/2012/0314 final - 2012/ () */


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-programm nazzjonali ta’ riforma tal-Belġju għall-2012 u li twassal l-Opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta’ stabilità tal-Belġju għall-perjodu 2012-2015

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika[1], u partikolarment l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni taid-defiċiti makroekonomiċi[2], u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea[3],

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew[4],

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi,

Wara li kkonsulta mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Billi:

(1)       Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li tvara strateġija ġdida għall-impjiegi u t-tkabbir, Ewropa 2020, imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi, li tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn jeħtieġ azzjoni biex tingħata spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività.

(2)       Fit-13 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u fil-21 ta’ Ottubru 2010, huwa adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi [5], li flimkien jagħmlu l-‘linji gwida integrati’. L-Istati Membri ġew mistiedna jqisu l-linji gwida integrati fil-politiki ekonomiċi u okkupazzjonali nazzjonali tagħhom.

(3)       Fit-12 ta’ Lulju 2011, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-programm nazzjonali ta’ riforma tal-Belġju għall-2011 u ta l-opinjoni tiegħu dwar il-programm ta’ stabilità aġġornat tal-Belġju għall-perjodu 2011-2014.

(4)       Fit-23 ta' Novembru 2011, il-Kummissjoni adottat it-tieni Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li kien il-bidu tat-tieni Semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni integrata u ex ante ta’ politika, imsejjes fuq l-istrateġija Ewropa 2020. Fl-14 ta’ Frar 2012, abbażi tar-Regolament (UE) 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija[6], fejn identifikat il-Belġju bħala wieħed mill-Istati Membri li fil-konfront tagħhom kienet ser issir analiżi fil-fond.

(5)       Fit-2 ta’ Marzu 2012, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet għall-iżgurar ta’ stabilità finanzjarja, konsolidazzjoni fiskali u azzjoni biex jitrawwem t-tkabbir. Huwa enfasizza l-ħtieġa li tingħata prijorità lill-konsolidazzjoni fiskali li tkun favorevoli għat-tkabbir, biex jitreġġgħu lura l-kundizzjonijiet normali ta' self lill-ekonomija, għall-promozzjoni tat-tkabbir u l-kompetittività, għall-indirizzar tal-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi, u għall-immodernizzar tal-amministrazzjoni pubblika.

(6)       Fit-2 ta’ Marzu 2012, il-Kunsill Ewropew stieden ukoll lill-Istati Membri parteċipi fil-Patt Euro Plus biex jippreżentaw l-impenji tagħhom fil-ħin għall-inklużjoni fil-programmi ta’ stabilità jew ta’ konverġenza tagħhom u fil-programmi nazzjonali ta’ riforma tagħhom.

(7)       Fit-30 ta’ April 2012, il-Belġju ressaq il-programm ta’ stabilità għall-2012 li jkopri l-perjodu 2012-2015 u l-programm nazzjonali ta’ riforma tiegħu għall-2012. Sabiex jitqiesu l-konnessjonijiet bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess waqt. Il-Kummissjoni vvalutat ukoll jekk il-Belġju hux milqut minn żbilanċi makroekonomiċi. Dan sar permezz ta' analiżi fid-dettall f'konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011. Il-Kummissjoni kkonkludiet fl-analiżi fil-fond tagħha[7] li l-Belġju qed jesperjenza żbilanċ estern, għalkemm mhux eċċessiv.

(8)       Abbażi tal-valutazzjoni tal-programm ta’ stabilità tal-2012, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li x-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji fil-programm huwa plawżibbli għas-snin 2012 u 2013 u ottimist għas-snin 2014 u 2015 peress li jipprevedi tkabbir tal-PDG li jkun sostanzjalment ogħla minn l-aħħar stimi ta’ tkabbir potenzjali kif jidher mit-tbassir tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni tal-2012. L-għan tal-istrateġija tal-baġit deskritta fil-programm hija biex id-defiċit jitniżżel taħt it-3% tal-PDG fl-2012 (sa 2.8% tal-PDG, minn 3.7% tal-PDG fl-2011) u għal żero fl-2015. Il-programm jikkonferma l-għan baġitarju għall-medda taż-żmien medja (MTO) ta’ bilanċ favorevoli ta’ 0.5% tal-PDG f’termini strutturali, li jirrifletti adegwatament ir-rekwiżiti tal-Patt tal-Istabilità u t-Tkabbir. Id-defiċit nominali ppjanat tal-2012 jikkonformi mal-iskadenza stabbilita mill-Kunsill għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv u l-isforz fiskali huwa konformi mar-rakkomandazzjoni tal-PEŻ ta’ sforz annwali minimu ta’ ¾% tal-PDG f’termini strutturali. Ir-rata tat-tkabbir ippjanata tal-infiq tal-gvern, b’kunsiderazzjoni ta’ miżuri tad-dħul diskrezzjonali, hija konformi mal-punt ta’ riferiment tal-Patt ta’ Stabilità u Tkabbir fl-2013 sal-2015, iżda mhux fl-2012. Abbażi tal-bilanċ strutturali tal-baġit (rikalkulat), il-programm jipprojetta li l-bilanċ strutturali[8] jitjieb b’1.1 punti perċentwali tal-PDG fl-2012 u b’madwar 0.8% tal-PDG bħala medja matul il-perjodu 2013-2015. Madankollu, hemm riskji li joħorġu mill-fatt li l-miżuri addizzjonali li għandhom jittieħdu mill-2013 ‘l quddiem għadhom ma ġewx speċifikati u li x-xenarju makroekonomiku mill-2014 ’il quddiem huwa wisq ottimist. Id-dejn tal-gvern, li fil-livell ta’ 98.0% tal-PDG fl-2011 huwa ferm ogħla mil-limitu ta’ 60%, huwa ppjanat mill-programm li jistabbilizza u mbagħad li jonqos għal 92.3% fl-2015, li jimplika li jkun sar progress suffiċjenti biex jintlaħaq il-punt ta’ riferiment għat-tnaqqis tad-dejn kif stabbilit fill-Patt ta’ Stabilità u Tkabbir. Barra minn hekk, ir-responsabbiltajiet impliċiti li jirriżultaw mill-garanziji mogħtija lis-settur finanzjarju huma partikolarment kbar. Il-qafas multiannwali għall-amministrazzjoni pubblika, ibbażat fuq regoli, partikolarment fir-rigward tal-infieq, jibbenefika minn mekkaniżmi ta’ infurzar u/jew ta’ impenji minn reġjuni u komunitajiet, kif ukoll mil-livell lokali, sabiex dawn jilħqu l-miri tad-defiċit allokat tagħhom.

(9)       Il-kosti assoċjati max-xjuħija għandhom jiġu indirizzati u għandu jinkiseb tnaqqis strutturat fid-defiċit biex jitnaqqas id-dejn pubbliku għoli. F’Diċembru 2011 il-gvern federali l-ġdid qabel dwar riforma tas-sistema tas-sigurtà soċjali Belġjana għall-anżjani. Issa meħtieġa l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ b’mod effettiv tar-riformi staturorji inizjali, bil-għan li tiżdied l-età effettiva tal-irtirar. Huwa kruċjali li r-riforma tas-sigurtà soċjali għax-xjuħija tintrifed b’miżuri li jistimulaw xjuħija attiva u ħajja tax-xogħol itwal, filwaqt li aktar riformi, bħal pereżempju r-rabta bejn l-età statutorja tal-irtirar mal-istennija tal-għomor, jgħinu wkoll biex jinkiseb dan il-għan.

(10)     Is-sistema finanzjarja Belġjana għadha qed tħabbatha ma’ sfidi konsiderevoli. Ir-ristrutturar tal-banek Belġjani għadu għaddej, u l-għajnuna mill-Istat mogħtija fl-2008/2009 bħala reazzjoni għall-kriżi finanzjarja għadha ma ġietx rimborżata kompletament. Barra minn hekk, minħabba l-livell għoli ta’ garanziji, ir-riskji tas-settur bankarju u ta’ dak pubbliku huma relatati bejniethom.

(11)     Is-sitwazzjoni tal-kont kurrenti qiegħda ftit ftit tiddeterjora maż-żmien. It-titjib tal-bilanċ tas-servizzi ma jikkumpensax għad-deterjorazzjoni fil-bilanċ kummerċjali għall-oġġetti. L-esportazzjoni mill-Belġju tal-prodotti ddgħajfet mhux biss f’relazzjoni mal-espansjoni fil-kummerċ dinji, iżda wkoll fir-rigward ta’ pajjiżi oħra taż-żona tal-euro u mal-medja taż-żona euro, ħaġa li tagħti ħjiel ta’ żviluppi negattivi fejn jidħlu l-kosti domestiċi għal kull unità lavorattiva meta mqabbla mal-imsieħba kummerċjali ewlenin tal-Belġju (NL, FR, DE) u maż-żona euro fit-totalita tagħha. Minħabba l-eżistenza ta’ sistema awtomatika ta’ indiċjar tal-pagi, l-isforzi tal-gvern biex jillimita ż-żidiet reali fil-pagi għal mhux aktar minn 0.3% fil-perjodu 2011-2012 setgħu ma waqqfux it-tkabbir nominali fil-pagi li jkun ogħla minn dak fil-pajjiżi ġirien. Għalkemm il-livelli tal-produttività huma għoljin, it-tkabbir tagħha huwa dgħajjef u anki l-ispejjeż ta’ fatturi intermedjarji, l-aktar fosthom l-enerġija, huma għolja. Il-prezzijiet għall-bejgħ bl-imnut tal-gass u l-elettriku ġew iffriżati sabiex titrażżan l-inflazzjoni, iżda ma ttieħdu l-ebda miżuri konkreti rigward ir-riforma tas-sistema nfisha ta’ negozjar tal-pagi u tal-indiċjar tal-pagi. L-intensità ta’ R u Ż tas-settur privat staġnat fis-snin riċenti u n-nuqqas ta’ professjonisti kwalifikati, partikolarment fix-xjenzi u fl-inġinerija, jista’ jsir ostakolu ewlieni fejn jidħlu l-kundizzjonijiet għal aktar titjibi tal-prestazzjoni tal-ekonomija Belġjana fejn tidħol l-innovazzjoni.

(12)     Ittieħdu xi miżuri strutturali biex tingħata spinta fl-impjiegi ta’ ħaddiema iżgħar u dawk aktar mdaħħla fiż-żmien u biex jiddaħħlu aktar qiegħda fid-dinja tax-xogħol. Il-Belġju kien involut f’riforma wiesgħa tas-sistema tagħha ta’ benefiċċju għall-qgħad. Madankollu għad hemm problemi strutturali fis-suq tax-xogħol u jista’ jsir iktar sabiex dawn jingħelbu. Iż-żieda fir-rata ta’ parteċipazzjoni fit-tagħlim tul il-ħajja, u t-tkomplija tar-riformi fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) huma kruċjali biex tittejjeb l-effettività tal-politiki attivi tas-suq tax-xogħol (ALMP), b’mod partikolari għal ħaddiema akbar fl-età u għal gruppi żvantaġġati, bħal ma huma persuni bi sfond ta’ migrazzjoni. Ma sar l-ebda progress sinifikanti dwar it-tnaqqis tal-piż tat-taxxa fuq ix-xogħol. F’Ġunju 2011 iddaħħal kreditu ġdid tat-taxxa għall-pagi l-aktar baxxi iżda ma kienx biżżejjed biex itaffi s-sitwazzjoni ta’ gruppi sinifikanti maqbuda fil-qgħad fil-parti ta’ isfel tal-iskala tal-pagi. Ma sar l-ebda sforz biex il-piż tat-taxxi jitħaffef minn fuq ix-xogħol u jinxteħet aktar għal fuq il-konsum u t-taxxi ambjentali.

(13)     Il-prezzijiet għal ħafna oġġetti u servizzi huma ġeneralment ogħla minn Stati Membri oħra, u jirriflettu pressjonijiet kompetittivi dgħajfa — speċjalment fis-settur tal-konsumaturi u l-industriji li jużaw netwerk — u qafas superviżorju dgħajjef. Fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, ix-xkiel għad-dħul u r-restrizzjonijiet operazzjonali għadhom għoljin. Partikolarment, ir-regolamenti dwar ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni għadhom jirrestrinġu l-ħinijiet tal-ftuħ, jipproteġu lil dawk stabbiliti minn dħul ġdid u jipprojbixxu t-tixrid ta' mudelli ta’ negozju u ta’ teknoloġiji ġodda. Problema komuni tal-kompetizzjoni fis-setturi li jużaw netwerk fil-Belġju hija l-pożizzjoni qawwija tal-kumpaniji stabbiliti u x-xkiel kbir għad-dħul meta mqabbla ma’ Stati Membri oħrajn, li jfisser li min qabel kellu monopolju f’dawn is-setturi għadu jista’ jitlob prezzijiet ogħla milli ikun possibbli f’suq kompetittiv. L-awtorità tal-kompetizzjoni Belġjana qed tiġi riformata iżda għadu mhux ċar jekk l-awtorità l-ġdida hix se tkun indipendenti biżżejjed u jekk hux se jkollha riżorsi adegwati.

(14)     Filwaqt li l-Belġju jinsab miexi fit-triq it-tajba sabiex jilħaq il-mira li jiżdied is-sehem tal-enerġija rinnovabbli fl-ekonomija, il-progress lejn il-kisba tal-mira ta’ tnaqqis ta’ 15% għall-gassijiet b’effett ta’ serra (GHG) fis-setturi li mhumiex fi ħdan l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet (ETS)[9] huwa mbassar li jibqa’ prattikament noneżistenti. Il-Belġju għadu ma adottax miżuri jew inizjattivi ta’ politika biżżejjed fl-2011 biex jindirizza din is-sitwazzjoni.

(15)     Il-Belġju daħal għal għadd ta’ impenji skont il-Patt Euro Plus. Dawn l-impenji, u l-implimentazzjoni tal-impenji ppreżentati fl-2011, jikkonċernaw titjib fil-kompetittività, titjib fir-rata tal-impjiegi, tisħiħ tas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi, u tisħiħ tal-istabilità finanzjarja. Il-Kummissjoni evalwat l-implimentazzjoni tal-impenji tal-Patt Euro Plus. Ir-riżultati ta’ din il-valutazzjoni ġew ikkunsidrati fir-rakkomandazzjonijiet.

(16)     Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Belġju. Hija vvalutat kemm il-programm ta’ stabilità kif ukoll il-programm nazzjonali ta’ riforma, u ppreżentat analiżi fid-dettall. Hija mhux biss qieset ir-relevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fil-Belġju, iżda wkoll il-konformità tagħhom mar-regoli u l-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa tat-tisħiħ tal-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni Ewropea billi jiġi pprovdut kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali tal-ġejjieni. Ir-rakkomandazzjoni tagħha skont is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1) sa (7) aktar 'l isfel.

(17)     Fid-dawl ta’ din l-evalwazzjoni, il-Kunsill eżamina l-programm ta’ stabilità tal-Belġju għall-2012, u l-opinjoni tiegħu[10] hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt,

(18)     Fid-dawl tar-riżultati tal-analiżi fid-dettall tal-Kummissjoni u ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-programm ta’ riforma nazzjonali tal-Belġju tal-2012 u l-programm ta’ stabilità tal-Belġju. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħha skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessa fir-rakkomandazzjonijiet (1), (4), (5) u (6) aktar 'l isfel.

JIRRAKKOMANDA li l-Belġju għandu jieħu azzjoni matul il-perjodu 2012-2013 sabiex:

1.           Jimplimenta l-baġit għas-sena 2012 biex jiġi żgurat li d-defiċit eċċessiv jissewwa sal-2012. Barra minn hekk, jispeċifika l-miżuri meħtieġa biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-istrateġija baġitarja għas-sena 2013 u lil hinn, u b’hekk jiżgura li d-defiċit eċċessiv jiġi korrett b’mod dewwiemi u li jsir progress suffiċjenti lejn l-għan baġitarju għall-medda taż-żmien medja (MTO), inkluż li jilħaq il-punt ta’ riferiment fejn tidħol in-nefqa, u jiżgura li jsir progress lejn konformita mal-punt ta’ riferiment tat-tnaqqis tad-dejn. Jaġġusta l-qafas fiskali biex jiġi żgurat li l-miri baġitarji jkunu vinkolanti fuq livelli federali u sottofederali, u jżid it-trasparenza tal-qsim tal-piżijiet u tal-kontabilità madwar is-saffi ta’ amministrazzjoni tal-gvern.

2.           Ikompli jtejjeb is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi billi jrażżan l-infiq relatat mal-età, inkluż l-ispiża għas-saħħa. B’mod partikolari, jimplimenta r-riforma ta’ qabel l-irtirar u tal-iskemi tal-pensjoni u jintroduċi miżuri li jorbtu l-età statutorja tal-irtirar ma’ żidiet fl-istennija tal-għomor.

3.           Ikompli jżid il-kapital tal-aktar banek dgħajfa biex tintrifed is-saħħa tas-settur bankarju sabiex ikun jista’ jaqdi r-rwol normali tiegħu li jislef lill-ekonomija.

4.           Biex jagħti spinta lill-ħolqien tal-impjiegi u lill-kompetittività, jieħu passi għar-riforma, f’konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali u bi qbil mal-prattika nazzjonali, is-sistema ta’ negozjar tal-pagi u dik tal-indiċjar u tal-pagi. Bħala l-ewwel pass, jiżgura li t-tkabbir fil-pagi jkun jirrifletti aħjar l-iżviluppi fil-produttività tax-xogħol u fil-kompetittività, billi (i) jiżgura l-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmi ta’ korrezzjoni ex-post previsti fin-‘norma tal-pagi’ u l-promozzjoni ta’ ftehimiet li jinkludu kollox biex itejjeb il-kost-kompetittività u (ii) jiffaċilita l-użu ta’ klawżoli opt-out minn ftehimiet kollettivi settorjali biex l-iżviluppi fit-tkabbir tal-pagi u fil-produttività tax-xogħol jiġu allineati aħjar fil-livell lokali.

5.           Jittrasferixxi b’mod sinifikanti t-taxxi minn fuq ix-xogħol lejn taxxi li jagħmlu anqas ħsara lit-tkabbir, pereżempju bl-inklużjoni ta’ taxxi ambjentali. Ikompli r-riforma li nbdiet tas-sistema tal-benefiċċju għall-qgħad biex jitnaqqsu d-diżinċentivi għax-xogħol u tissaħħaħ l-enfasi fuq appoġġ għall-impjieg u fuq politiki ta’ attivazzjoni fost gruppi vulnerabbli, b’mod partikolari persuni bi sfond ta’ migrazzjoni. Jieħu vantaġġ mir-reġjonalizzazzjoni ulterjuri li hemm ippjanata fil-kompetenzi dwar is-suq tax-xogħol biex tingħata spinta lill-mobilità interreġjonali tal-ħaddiema u sabiex tissaħħaħ il-koerenza bejn l-edukazzjoni, it-tagħlim tul il-ħajja, it-taħriġ vokazzjonali u l-politiki dwar l-impjieg. Jestendi l-isforzi eżistenti ta' attivazzjoni fost il-gruppi tal-etajiet kollha.

6.           Ikompli jsaħħaħ il-kompetizzjoni fis-settur tal-bejgħ bl-imnut billi jnaqqas l-ostakoli għad-dħul u jnaqqas ir-restrizzjonijiet operazzjonali; Jintroduċi miżuri biex issaħħaħ il-kompetizzjoni fl-industriji li jaħdmu b’netwerk (l-elettriku u l-gass, it-telekomunikazzjonijiet, is-servizzi postali u t-trasport) billi jirrevedu ostakoli regolatorji u jssaħħaħ l-arranġamenti istituzzjonali għal infurzar effettiv tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat.

7.           Jieħu miżuri biex jirranġa n-nuqqas ta’ progress biex jintlaħqu l-miri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra minn attivitajiet li mhumiex fl-ETS, partikolarment billi jiġi żgurat kontribut sinifikanti lejn dan il-għan mis-settur tat-trasport.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               ĠU L 209, 02.08.1997, p. 1.

[2]               ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25

[3]               COM(2012) 314 finali

[4]               P7_TA(2012)0048 u P7_TA(2012)0047

[5]               Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/238/KE tas-26 ta' April 2012

[6]               COM (2012) 68 finali.

[7]               SWD(2012) 150 finali

[8]               Bilanċ nett aġġustat ċiklikament ta’ miżuri ta’ darba u temporanji, ikkalkulati mill-ġdid mis-servizzi tal-Kummissjoni abbażi tat-tagħrif ipprovdut f’dan il-programm, permezz tal-użu tal-metodoloġija komunament maqbula.

[9]               Fil-Belġju 37.9% biss tal-emissjonijiet ġejjin minn setturi inklużi fl-iskema tal-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet tal-UE (ETS). Minn fost l-aktar setturi importanti mhux tal-ETS, it-trasport fuq it-triq (21.5%) u l-użu tal-enerġija (38.9%) huma l-aktar sorsi importanti ta’ emissjonijiet tal-GHG fil-pajjiż. .

[10]             Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.