RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL It-tminn Rapport dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 866/2004 tad-29 ta' April 2004 u s-sitwazzjoni li tirriżulta mill-applikazzjoni tiegħu li jkopri l-perjodu mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru 2011 /* COM/2012/0251 final */
RAPPORT
MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL It-tminn
Rapport dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 866/2004 tad-29 ta' April 2004
u s-sitwazzjoni li tirriżulta mill-applikazzjoni tiegħu li jkopri
l-perjodu mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru 2011 INTRODUZZJONI Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) 866/2004 dwar
reġim skont l-Artikolu 2 tal-Protokoll 10 mal-Att
tal-Adeżjoni[1]
(minn hawn ’il quddiem: ir-Regolament tal-Linja l-Ħadra, GLR) daħal
fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2004. Huwa jiddefinixxi
t-termini li fuqhom id-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-UE japplikaw
fir-rigward tal-moviment tal-persuni, tal-merkanzija u tas-servizzi
min-naħa għall-oħra tal-Linja bejn iż-żoni
tar-Repubblika ta’ Ċipru li fihom il-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru
ma għandux kontroll effettiv u ż-żoni li fihom għandu
kontroll effettiv. Sabiex tiġi żgurata l-effikaċja ta' dawn
ir-regoli, l-applikazzjoni tagħhom ġiet estiża
għall-fruntiera bejn dawn iż-żoni u ż-Żona
tal-Bażi Sovrana tar-Renju Unit fil-Lvant (ESBA)[2]. Dan ir-rapport ikopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar
sal-31 ta’ Diċembru 2011. Matul il-perjodu tar-rappurtar, il-Kummissjoni
ma proponiet l-ebda bidla għall-GLR iżda emendat r-regoli
implimentattivi. Il-Kummissjoni żammet djalogu kostruttiv
mal-awtoritajiet rilevanti tar-Repubblika ta’ Ċipru u mal-Amministrazzjoni
taż-Żona ta’ Bażi Sovrana (SBA), fuq il-livell ta’ ħidma,
fir-rigward tal-implimentazzjoni tar-Regolament. 1. MIŻURI TA’
IMPLIMENTAZZJONI Fil-31 ta’ Mejju 2011
il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Nru 531/2011 li jemenda r-Regoli ta'
implimentazzjoni tal-GLR[3]. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni
neħħiet l-obbligu li patata kkummerċjata min-naħa
għall-oħra tal-Linja l-Ħadra (minn issa 'l quddiem
"il-Linja") għandha tkun ikkultivata direttament minn patata ta'
żerriegħa ċertifikata. Dan jippermetti l-kummerċ f'patata
prodotta minn żerriegħa li tinżamm mir-razzett innifsu mkabbra
bħala l-ewwel żerriegħa li toħroġ minn patata
taż-żerriegħa ċċertifikata taħt il-kontroll ta'
esperti fitosanitarji indipendenti appuntati mill-Kummissjoni sabiex tiġi
pprovduta l-assigurazzjoni meħtieġa fir-rigward tal-identità u
l-istat ta' saħħa. 2. PERSUNI LI JAQSMU L-LINJA 2.1. Il-qsim fil-punti ta’ qsim
awtorizzati Ir-Regolament jipprovdi qafas legali stabbli
għall-moviment ħieles taċ-ċittadini Ċiprijotti, ta'
ċittadini oħrajn tal-UE u ta' ċittadini ta’ pajjiżi terzi
li jaqsmu l-Linja fil-postijiet tal-qsim awtorizzati. Kien hemm żieda
żgħira fl-għadd ta’ Ċiprijotti Griegi u tnaqqis fin-numru
ta’ Ċiprijotti Torok li jaqsmu l-Linja. Skont id-dejta mir-Repubblika ta' Ċipru,
kien hemm 621,406 (qabel: 596,578) qsim minn Ċiprijotti Griegi f'210,877
vettura (qabel: 170,315) qasmu miż-żoni kkontrollati mill-gvern
għall-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru u 937,789 (is-sena
preċedenti: 1,097,676) qsim minn Ċiprijotti Torok f'348,225 vettura
(qabel: 378,475) mill-parti tat-tramuntana ta' Ċipru lejn
iż-żoni kkontrollati mill-gvern matul il-perjodu ta' rappurtar[4]. L-għadd ta’ ċittadini tal-UE
minbarra Ċiprijotti u ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqsmu
l-linja naqas ftit. Skont id-dejta mill-Pulizija tar-Repubblika ta' Ċipru
(minn hawn 'il quddiem: CYPOL), matul il-perjodu ta' rappurtar, kien hemm 634,218
qsim minn ċittadini tal-UE li mhumiex Ċiprijotti u ċittadini ta'
pajjiżi terzi (qabel dawn kienu: 664,566). 67% minn dan il-qsim (424,992)
seħħ fil-punt tal-qsim pedonali ta' Ledra Street li fetaħ
f'April 2008. Il-punt ta' qsim ta' Ledra Street kompla jirrappreżenta
l-maġġoranza l-kbira tal-qsim minn persuni mhux Ċiprjotti
(l-aktar turisti). Iċ-ċifri huma ġeneralment konformi
ma’ dawk miġbura mill-komunità Ċiprijotta Torka jiġifieri 694,633
Ċiprijotti Griegi li qasmu f’248,962 vejikolu miż-żoni
kkontrollati mill-gvern lejn il-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru u 1,450,566
Ċiprijott Tork li qasmu f'553,913-il vejikolu fid-direzzjoni l-oħra.
Barra minn hekk, kien hemm 1,101,942 ċittadin barrani li qasmu
miż-żoni kkontrollati mill-gvern lejn il-parti tat-Tramuntana ta’
Ċipru. Iċ-ċifri tas-CYPOL imsemmija aktar
'il fuq, madankollu, ma jinkludux dejta dwar persuni u vetturi li qasmu
fil-punti tal-qsim ta' Pergamos u Strovilia, min-naħa tat-Tramuntana ta'
Ċipru lejn l-ESBA[5].
L-ebda statistika dettaljata mhija miżmuma mill-Amministrazzjoni tal-ESBA
għal dawn iż-żewġ punti ta’ qsim. Madankollu, abbażi
ta' informazzjoni mill-komunità Ċiprijotta Torka ESBA tistima, li 84,407
Ċiprijotti Grieki qasmu għall-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru u 450,408
Ċiprijotti Torok qasmu għaż-żoni kkontrollati mill-gvern
mill-punti ta' qsim li jinsabu fi-SBA. Fl-2011, l-għadd ta' persunal tas-CYPOL
li jaħdmu direttament fil-postijiet tal-qsim kien miżjud minn 73 fl-2010
għal 77. Il-valutazzjoni kumplessiva tal-qsim ta'
persuni hija pożittiva. Madankollu, ġew irrapportati xi
inċidenti matul il-perjodu tar-rapportaġġ. Fid-9 ta' Ottubru 2011,
xarabank Torka-Ċiprijotta li kient qed iġġorr turisti Latvjana
ma tħallietx taqsam il-linja fuq il-punt ta' qsim ta' Agios Dhometios fejn
preċedentement kienet qasmet bosta drabi. Skont ix-xuffier tax-xarabank,
lilu qalulu li Ċiprijotti Torok biss setgħu jaqsmu fuq xarabank
irreġstrata Ċiprijotta Torka. It-turisti ġew meħuda lejn
il-punt tal-qsim Palace Ledra fejn dawn qasmu bil-mixi u fejn xarabank
miż-żoni kkontrollati mill-gvern kienet mikrijja għalihom biex
ikunu jistgħu jkomplu bid-dawra turistika tagħhom. Filwaqt li l-awtoritajiet
tar-Repubblika ta’ Ċipru infurmaw lill-Kummissjoni li d-dokumenti
meħtieġa ma kinux kif suppost, is-sewwieq tax-xarabank għarraf
lill-Kummissjoni li tħalla jaqsam ħafna drabi minn dakinhar waqt li
kien qed iġorr Ċiprijotti Torok u ippreżenta lment uffiċjal
lill-Kummissjoni. Il-komunikazzjoni żbaljata, li
ċ-Ċiprijotti Torok mhux ser ikunu jistgħu aktar jaqsmu jekk dawn
ma jkollhomx karta tal-identità tar-Repubblika ta' Ċipru, li affettwata
biss ftit Ċiprijotti Torok fi ġranet speċifiċi, kienet
risolta malajr. L-inċidenti msemmija hawn fuq kienu
għajn ta' tħassib għall-komunità Ċiprijotta Torka u kienu
mqajma mill-Kummissjoni mal-awtoritajiet tar-Repubblika ta’ Ċipru biex
tivvaluta jekk hemmx bidla tal-politika, li tkun teħtieġ notifika
lill-Kummissjoni kif stabbilit fil-GLR[6].
L-awtoritajiet tar-Repubblika ta’ Ċipru infurmaw lill-Kummissjoni li
m’hemm l-ebda bidla tal-politika dwar il-qsim ta' persuni, u ġibdu
l-attenzjoni li l-proporzjon ta' inċidenti huwa insinifikanti meta mqabbel
mal-għadd globali ta’ qsim. 2.2. Migrazzjoni irregolari fuq
il-Linja l-Ħadra u l-ażil Iċ-ċifri tas-CYPOL għall-2011
jindikaw tnaqqis ulterjuri ta' migrazzjoni irregolari fuq il-Linja mill-parti
tat-Tramuntana ta' Ċipru lejn iż-żoni kkontrollati mill-gvern.
Fl-2011, 1,311 migranti irregolari (preċdentament : 1,855) nqabdu
fiż-żoni kkontrollati mill-gvern (bl-esklużjoni ta' dawk li ma
tħallewx jaqsmu mill-punti ta' qsim tal-Linja l-Ħadra[7]). Immigrant irregolari
daħal direttament fiż-żoni kkontrollati mill-gvern u 18-il persuna
daħlu permezz tal-SBA tal-Lvant, u dan tella' n-numru ta' migranti
irregolari maqbuda għal 1,330. CYPOL indikat it-tnaqqis fil-prospetti ta'
impjieg minħabba l-kriżi ekonomika f'Ċipru kif ukoll
ix-xogħol tal-awtoritajiet tar-Repubblika ta’ Ċipru biex
jiġġieldu l-migrazzjoni irregolari bħala raġuni probabbli.
Il-maġġoranza ta’ immigranti irregolari maqbuda kienu ċittadini
tas-Sirja, l-Iran u l-Ġeorġja (l-Anness VIII). L-immigranti
irregolari normalment jinqabdu waqt kontrolli fuq il-Linja u fl-ajruporti meta
jkunu qed jippruvaw iħallu Ċipru. Persuni bin-nazzjonalità ta'
pajjiżi terzi li jkunu qed ifittxu protezzjoni internazzjonali normalment
jiġu identifikati fl-istazzjonijiet tal-pulizija meta japplikaw
għall-ażil. Il-valutazzjoni ta’ CYPOL tar-rotta ta’
dħul ta’ migranti irrogolari fiż-żoni kkontrollati mill-gvern
hija bbażata fuq l-istess kriterji bħas-snin ta’ qabel,
prinċipalment permezz ta’ dokumenti (viżas, timbri ta’
dħul/eżitu fuq il-passaport mit-Turkija jew “viża” jew “permess
ta’ residenza” tat-“TRNC”), dikjarazzjonijiet li saru minn immigranti iżda
wkoll evidenza oħra bħall-ebda dokument ta' Identità, gazzetti
Ċiprijotti Torok u karti tal-flus Torok. Minn 1,311 migranti irregolari, 417 (31.8%)
persuni applikaw għal ażil fir-Repubblika ta’ Ċipru. Il-biċċa l-kbira tal-migranti
irregolari jaslu fiż-żoni kkontrollati mill-gvern mit-Turkija u
l-parti tat-tramuntana ta' Ċipru. Skont informazzjoni mill-komunità
Ċiprijotta Torka, 16-il migrant irregolari nqabdu fil-parti tat-Tramuntana
ta’ Ċipru, ilkoll Sirjani. 2,267 ċittadin Sirjan ma ngħatalhomx
permess li jaqsmu l-Linja għal ġol-parti tat-Tramuntana ta'
Ċipru f’punti ta’ qsim uffiċjali[8].
Matul il-perjodu ta’ referenza, 860 persuna ġew “deportati” mill-parti
tat-Tramuntana ta’ Ċipru[9]. Is-servizz tal-vapur bejn Latakia (is-Sirja) u
Famagusta ntemm f’Settembru 2010. S'issa il-kriżi fis-Sirja m'affettwax
lil Ċipru u n-numru ta' migranti irregolari mis-Sirja naqas. Dejta preċiża mhijiex disponibbli
għal persuni li ma tħallewx jaqsmu l-linja fil-postijiet tal-qsim. Ma teżisti l-ebda koperazzjoni diretta
dwar kwistjonijiet ta' pulizija u immigrazzjoni bejn ir-Repubblika ta'
Ċipru u l-komunità Ċiprijotta Torka. Madankollu, rappreżentanti
miż-żewġ Komunitajiet jiltaqgħu fil-qafas ta' kumitat
tekniku bikomunali dwar il-kriminalità u l-affarijiet kriminali taħt
l-awspiċji tan-NU. Il-Kumitat Tekniku dwar il-Kriminalità u l-Materji
Kriminali huwa wieħed minn seba' kumitati speċjalizzati li twaqqfu
bħala miżuri ta' bini ta' kunfidenza bejn iż-żewġ
Komunitajiet bl-appoġġ tan-NU u huwa riżultat dirett tal-ftehim
li ntlaħaq bejn iż-żewġ mexxejja Ċiprijotti fil-21 ta' Mejju 2008.
Bħala estensjoni li dan il-kumitat, iż-żewġ komunitajiet
stabilixxew ukoll mekkaniżmu għall-kondiviżjoni ta'
informazzjoni u inizjattivi konġunti, jiġifieri 'Kamra Konġunta
għall-Komunikazzjoni', il-pulizija tal-UNFICYP għandha
il-preżenza kontinwa, u li topera fuq sitt ijiem fil-ġimgħa.
Permezz ta' dawn il-mekkaniżmi ż-żewġ naħat urew rieda
li jtejbu l-komunikazzjoni bejn il-forzi tal-pulizija rispettivi tagħhom,
u li jikkoperaw u jassistu lil xulxin permezz ta' skambju ta' informazzjon dwar
każijiet li jinvolvu sekwestru, persuni maħtufa, drogi illegali, u
propjetà misruqa[10]. CYPOL iddeskriviet il-koperazzjoni ma'
dipartimenti tal-gvern oħra relevanti u l-amministrazzjoni tal-ESBA
bħala tajba ħafna. Iż-Żona tal-Bażi Sovrana
tal-Lvant (ESBA) B'mod ġenerali, l-immigrazzjoni
irregolari li tgħaddi mill-ESBA naqset matul il-perjodu. L-uffiċjali
tal-SBA għadhom jiddeskrivu l-koperazzjoni bejn ir-Repubblika ta'
Ċipru u d-Dwana u l-Immigrazzjoni tal-SBA f'din iż-żona
bħala eċċellenti. Matul il-perjodu tar-rapurtar, 1,163 persuna
ma tħallewx jaqsmu, il-maġġoranza ċittadini Torok li qed
jgħixu fil-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru. Persuni barranin oħra
kienu turisti mill-Awstralja, l-Istati Uniti, il-Brażil, l-Iran u r-Russja
li qasmu mill-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru. Dawn il-persuni ġew
diretti lejn il-punt tal-qsim ta' Nicosia Agios Dometios
għall-ipproċessar tal-kundizzjonijiet għad-dħul fir-Repubblika
ta' Ċipru[11]. Total ta' 18-il migrant irregolari nqabdu
fl-ESBA[12],
li minnhom 9 kienu qasmu għaż-żoni kkontrollati mill-gvern
legalment iżda baqgħu hemm wara li l-viżi tagħhom kienu
skadew. Tliet faċilitaturi ġew ukoll arrestati mill-SBA. Is-sitta
l-oħra daħlu fil-gżira mill-parti tat-tramuntana ta' Ċipru
u qasmu l-Linja b'mod irregolari. F'postijiet oħra għajr il-punti ta'
qsim, il-Pulizija tal-SBA twettaq rondi irregolari, ibbażati fuq ir-riskju
u ggwidati mill-intelligence kontra l-immigrazzjoni irregolari. Dawn ir-rondi
huma ssupplimentati minn rondi mid-Dwana u assi militari tal-SBA. Bosta “punti ta’ qsim mhux awtorizzati”
fil-villaġġ ta’ Pergamos (li jinsab parzjalment fl-SBA u parzjalment
fil-parti tat-tramuntana ta’ Ċipru) jew qrib tiegħu, li għadhom
qed jintużaw minn residenti lokali u bdiewa, huma partikolarment
diffiċli li jiġu kkontrollati. L-SBA qed twettaq iktar rondi
b'funzjoni doppja f'dawn iż-żoni, biex jikkontrollaw l-insib
għall-għasafar u biex jiskoraġġixxu lin-nies milli jaqsmu
b’mod illegali. Kif imsemmi fir-rapport preċedenti tal-Linja l-Ħadra,
dawn il-"punti ta' qsim mhux awtorizzati" għadhom kawża
għal tħassib. Bħal fis-snin preċedenti, il-Kummissjoni
semmiet il-kwistjoni tal-"punti ta 'qsim mhux awtorizzat"
mal-uffiċjali tal-SBA, waqt li sejħet lill-SBA biex issib soluzzjoni
xierqa konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 5(2) tal-Protokoll
Nru 3 mal-Att ta' Adeżjoni tal-2003[13].
3. QSIM TAL-MERKANZIJA 3.1. Il-valur tal-kummerċ Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament
tal-Kummissjoni (KE) 1480/2004[14],
il-Kamra tal-Kummerċ Ċiprijotta Torka (minn hawn ’il quddiem: TCCoC)
u wkoll l-awtoritajiet tar-Repubblika ta' Ċipru rrappurtaw fuq bażi
mensili dwar it-tip, il-volum u l-valur tal-oġġetti li għalihom
inħarġu d-dokumenti anċillari. Iż-żewġ rapporti jinkludu
oġġetti li qasmu minn fuq iż-żoni kkontrollati mill-gvern
minn fuq il-punti ta’ qsim ta’ Pergamos u Strovilia taħt l-awtorità
tal-Amministrazzjoni tal-SBA. Skont ir-rapporti mit-TCCoC, il-valur totali
tal-oġġetti li għalihom inħarġu dokumenti anċillari
fl-2011, jammonta għal €29,954,867 filwaqt li l-valur tal-prodotti li
fil-verità ġew negozjati kien €29,402,577[15].
Il-kummerċ tal-Linja l-Ħadra fl-2011 kien ħames darbiet
ogħla minn fl-2010. Din iż-żieda sostanzjali hi spjegata
mill-bejgħ tal-elettriku mill-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru
għaż-żoni kkontrollati mill-gvern, li kienet ir-riżultat
ta’ċirkostanzi eċċezzjonali. Il-bejgħ tal-elettriku, li
kien jammonta għal €24,085,775 (82% tal-kummerċ), kien maqbul bejn
il-President tal-Kamra tal-Kummerċ u l-Industrija Ċiprijotta (minn
issa 'l quddiem: CCCI) u TCCoC wara l-isplużjoni fil-bażi navali ta'
Mari f'Lulju 2011, li ddistruġġiet partijiet kbar mill-impjant
tal-enerġija ta' Vasiliko. L-bejgħ tal-elettriku kellu impatt kbir
fuq il-kummerċ tal-Linja l-Ħadra fl-2011. Sabiex jagħti stampa
korretta tal-kummerċ tal-Linja l-Ħadra, dan ir-rapport ser jinkludi
l-kummerċ bl-elettriku u mingħajru. Mingħajr ma jitqies il-bejgħ
tal-elettriku, skont il-TCCoC, il-valur totali tal-prodotti li
nħarġulhom dokumenti anċillari ammontaw għal €5,869,092
waqt li l-valur tal-prodotti attwalment fil-kummerċ kien ta’ €5,316,803. Skont ir-rapporti mogħtija mill-awtoritajiet
tar-Repubblika ta’ Ċipru, il-valur kummerċjali totali tal-prodotti li
attwalment qasmu l-Linja żdied b'560% għal €28,923,500. Il-valur
kummerċjali totali tal-prodotti (mingħajr ma jkun meqjus
il-bejgħ tal-elettriku) li qasmu l-Linja naqas b'6.5% minn €5,173,233 fl-2010
għal €4,827,454 primarjament minħabba tnaqqis fl-oġġetti
tal-ġebel bħal irħam, briksijiet u materjali għall-bini li
jista' jiġi spjegat mill-kriżi ekonomika u tnaqqis fir-ritmu
tas-settur tal-kostruzzjoni. Il-kummerċ ta' ħaxix wkoll naqas,
b’aktar tnaqqis fil-kummerċ tal-patata. Sal-2010, il-patata kienet l-ikbar
komponent waħdieni tal-kummerċ tal-Linja l-Ħadra (sa 30%
tal-kummerċ globali). Fl-2011, il-kummerċ tal-patata
rrappreżenta inqas minn 1% tal-kummerċ globali tal-Linja l-Ħadra.
Dan kien prinċipalment minħabba l-produzzjoni żejda ta' patata
f'żoni kkontrollati mill-gvern li xejnet il-ħtieġa li tinxtara
patata mill-parti tat-Tramuntana ta' Ċipru. Għalkemm ma kienx jaqa' fl-ambitu
tal-GLR, il-kummerċ miż-żoni kkontrollati mill-gvern
għall-parti tat-tramuntana ta' Ċipru iktar minn irdoppja, biex
laħaq €2,272,493 fl-2011 (preċedentament: €1,090,086) skont
iċ-ċifri mis-CCCI. Ir-raġuni prinċipali għal din
iż-żieda sinifikanti hija l-provvista ta' oġġetti
manifatturati fiż-żoni kkontrollati mill-gvern għal proġett
iffinanzjat mill-fondi tal-UE fin-naħa tat-Tramuntana ta 'Ċipru.
Il-kummerċ miż-żoni kkontrollati mill-gvern lejn il-parti
tat-Tramuntana ta’ Ċipru għalhekk jirrappreżenta 7.85%
tal-kummerċ fid-direzzjoni opposta (21% fl-2010). Madankollu, meta jkun
ikkunsidrat il-kummerċ tal-Linja l-Ħadra mingħajr l-bejgħ
tal-elettriku, il-kummerċ miż-żoni kkontrollati mill-gvern lejn
il-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru jirrappreżenta 46% tal-kummerċ
fid-direzzjoni opposta. Il-komunità Ċiprijotta Torka tkompli
tapplika sistema ta’ kummerċ, li fil-prinċipju, “tirrifletti”
r-restrizzjonijiet tar-Regolament dwar il-Linja l-Ħadra. Madankollu, din
is-sistema mhix dejjem applikata b’mod konsistenti, u dan iwassal għal
diffikultà fit-twaqqif ta' relazzjonijiet kummerċjali sostenibbli.
Il-protezzjoni ta’ negozji lokali hija ddikkjarata apertament mill-komunità
Ċiprijotta Torka, bħala r-raġuni ewlenija. 3.2. Tipi ta' prodotti Fl-2011, wara l-elettriku, metall mhux
maħdum skrepjat kien l-aktar oġġett ikkumerċjat, segwit
minn ħut frisk u plastik[16]. Prodotti ġodda, għajr l-elettriku,
bħal rummien u ċagħaq dekorattiv, ġew introdotti matul
il-perjodu tar-rapportaġġ iżda b’impatt limitat ħafna fuq
il-kummerċ[17]. 99.66% tal-volum tal-kummerċ li jaqsam
il-Linja kien kummerċ limitat għall-gżira nnifisha. Iz-0.34% li
jibqa' kien mibjugħ lill-Indja bħala skrep tal-ħadid u l-azzar
għal valur kummerċjali ta' €93,850 (fl-2010: €123,788). Dawn
it-tranżazzjonijiet kienu jitolbu l-involviment ta' kumpanija
rreġistrata fiż-żoni kkontrollati mill-gvern
għall-formalitajiet tat-tranżazzjonijiet intra-UE u l-esportazzjoni
lejn pajjiżi terzi. Matul il-perjodu ta’ rapurtar, l-ebda oġġett
ma kien kummerċjat lil Stati Membri oħra tal-UE (fl-2010: €17,693). 3.3. Irregolaritajiet Matul il-perjodu tar-rapurtar, erba'
każijiet ta’ irregolaritajiet li jinvolvu valur kummerċjali totali
ta' €2,590 (0.008% tal-kummerċ globali tal-Linja l-Ħadra) ġew
irrapurtati mill-awtoritajiet tar-Repubblika ta’Ċipru. L-oġġetti
kkonċernati ma tħallewx jaqsmu l-Linja għal diversi
raġunijiet amministrattivi (dokumenti nieqsa, materjali mhux ittikkettjati
skont ir-rekwiżiti tal-ittikettjar CE). 3.4 Ostakoli u diffikultajiet li
għadhom jeżistu fir-rigward tal-moviment ta’ oġġetti L-ostakli għall-kummerċ li jaqsam il-Linja
għadhom hemm. Kif imsemmi f'rapporti preċedenti, il-kwistjoni
tal-qsim tat-trakkijiet Ċiprijotti Torok għaż-żoni
kkontrollati mill-gvern għadha mhix solvuta b'mod sodisfaċenti.
Madankollu, is-servizzi tal-Kummissjoni bħalissa jinsabu f'taħditiet
tekniċi mal-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika ta’ Ċipru sabiex
tkun indirizzata l-kwistjoni u jesploraw modi biex jinstabu arranġamenti
vijabbli li jindirizzaw inter alia l-problemi tas-sikurezza fit-toroq. Tqajmu xi problemi dwar il-prodotti alimentari.
L-awtoritajiet tar-Repubblika ta’ Ċipru ma jippermettux li ċerti
prodotti (eż. ħobż) jaqsmu, minħabba t-tħassib
imqajjem dwar il-proċess tal-produzzjoni fil-parti tat-Tramuntana ta’
Ċipru. Wara kjarifiki mill-Kummissjoni, l-oġġetti inkwistjoni
qed jaqsmu mingħajr problemi. Bħal fis-snin preċedenti,
in-negozjanti Ċiprijotti Torok baqgħu jirrappurtaw diffikultajiet
biex il-prodotti tagħhom ikunu stokkjati fil-ħwienet u biex
jirreklamaw il-prodotti u s-servizzi tagħhom fl-oqsma kkontrollati mill-gvern
li jfixklu l-kummerċ. Dawn id-diffikultajiet possibbilment jirriflettu
n-nuqqas kbir ta' ħeġġa fost iċ-Ċiprijotti Griegi biex
jixtru prodotti tad-ditti Ċiprijotti Torok u attitudni bħal din
tikkostitwixxi ostaklu għall-kummerċ. Madankollu, il-kummerċ
bejn iż-żewġ komunitajiet għajr il-kummerċ tal-Linja
l-Ħadra huwa bosta drabi ogħla. Skont estimi tat-TCCoC,
Ċiprijotti Torok xtraw oġġetti b'valur ta' €120 miljun
fiż-żoni kkontrollati mill-gvern bħala parti
mill-valiġġja personali tagħhom. Il-kuntrabandu tal-oġġetti
min-naħa għall-oħra tal-Linja naqas fl-2011 u ;l-awtoritajiet
tar-Repubblika ta’ Ċipru implimentaw 1,538 konfiska (preċedentament: 545).
L-SBA wettqet 281 konfiska fuq il-postijiet uffiċjali ta' qsim ta'
Pergamos u Strovilia. Madankollu, il-kuntrabandu ta’ merkanziji għadu
mifrux, li jirrifletti n-natura ġeografika tal-Linja li tippermetti
attività klandestina matul it-tul tagħha kollu. L-operazzjonijiet ta'
kontroll iseħħu fiż-żoni qrib il-Linja l-aktar sabiex jiġu
trattati kwistjonijiet staġjonali bħat-trasport ta' għasafar
tal-kaċċa/slavaġ jew trikkitrakki (ukoll permezz tal-ESBA) lejn
żoni kkontrollati mill-gvern. Oġġetti oħra konfiskati
jinkludu sigaretti u tabakk, prodotti tal-annimali kif ukoll basktijiet foloz
tan-nisa u tessuti. Madankollu, skont l-awtoritajiet tar-Repubblika ta'
Ċipru, il-volum tal-kuntrabandu qed jonqos minħabba tnaqqis
fid-differenzi bejn il-prezzijiet. Rondi tas-CYPOL u tal-ESBA fuq il-Linja
għandhom funzjoni doppja: il-ġlieda kontra l-kuntrabandu u l-kontroll
tal-immigrazzjoni irregolari. L-għadd ta’ każijiet kriminali
preżentati f’qorti distrettwali minħabba kuntrabandu kien 11 fl-2009,
disa' fl-2010 u xejn fl-2011. Il-biċċa l-kbira
tal-oġġetti nstabu f'punti ta' qsim awtorizzati: Pyla, SBA,
iż-żona ta' separazzjoni qrib Zodia u Potamia. Fir-rigward tal-forniment tradizzjonali
tal-popolazzjoni Ċiprijotta Torka fir-raħal ta' Pyla, li jinsab
fiż-Żona ta' Separazzjoni (l-Artikolu 4(10) tal-GLR),
il-kwantitajiet ta' materjali ta' kostruzzjoni, ħut, sigarretti,
eċċ huma mmonitorjati u rreġistrati mill-amministrazzjoni
tal-SBA. 3.4. Il-faċilitar
tal-kummerċ Il-Kummissjoni qed tkompli tfittex modi sabiex
jiżdied il-kummerċ li jaqsam il-Linja. Deċiżjoni
tal-Kummissjoni li tneħħi l-projbizzjoni tar-regolament tal-GLR
sabiex tippermetti l-kummerċ fi prodotti agrikoli addizzjonali, bl-enfasi
prinċipali tkun fuq il-prodotti tal-ħalib (il-ħalib u
l-ġobon, il-jogurt u x-xorrox), tista' tiġi kkontemplata ladarba
l-kundizzjonijiet neċessarji stabbiliti fir-rakkomandazzjonijiet
tal-missjonijiet ta' valutazzjoni mwettqa minn esperti indipendenti jkunu
ġew sodisfatti. Matul il-perjodu tar-rapurtar, il-Kummissjoni
neħħiet l-obbligu li patata kkummerċjata min-naħa
għall-oħra tal-Linja l-Ħadra trid titkabbar direttament minn
patata taż-żerriegħa ċertifikata. Madankollu, għadu
kmieni wisq biex jiġi valutat jekk id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni
kellhiex impatt pożittiv fuq il-kummerċ tal-Linja l-Ħadra. Prodotti oħra li għalihom it-TCCoC
indika interess huma ħut ikkultivat u bebbux. Barra minn hekk, hemm interess
ġenerali fit-tneħħija tal-projbizzjoni tal-kummerċ
f’annimali ħajjin u prodotti tal-annimali kollha sa fejn dawn il-prodotti
jkunu jikkonformaw mar-regoli u r-regolamenti tal-UE. Ir-Repubblika ta'
Ċipru ripetutament espremiet ir-rieda tagħha li teżamina
l-possibbiltà li tespandi l-lista tal-prodotti li jistgħu jaqsmu
għaż-żoni kkontrollati mill-gvern. Il-Kummissjoni ġiet infurmata
mill-awtoritajiet tar-Repubblika ta’ Ċipru bl-arranġamenti mwaqqfa
għall-moviment sui generis ta' oġġetti miż-żoni ikkontrollati
mill-gvern miż-żoni mhux ikkontrollati u lura lejn iż-żoni
kkontrollati mill-gvern mill-post ta' qsim ta' Limnitis (li nfetaħ
f'Ottubru 2010). Il-Kummissjoni infurmat lill-awtoritajiet tar-Repubblika ta’
Ċipru li din il-prattika jeħtieġ tinġieb f'konformità
mal-liġi tal-UE billi jkun emendat il-GLR, li huwa għodda legali
esklussiva li tirregola kwalunkwe moviment tal-oġġetti u tal-persuni
minn naħa għall-oħra tal-Linja. 4. KONKLUŻJONIJIET Kif intqal
f'rapporti preċedenti, il-kontroll tal-Linja fil-punti ta’ qsim
awtorizzati huwa sodisfaċenti. Matul il-perjodu ta' rappurtar, in-numru
ta' migranti irregolari maqbuda jidher li jikkonferma xejra ta' tnaqqis
iżda l-qsim irregolari minn persuni bin-nazzjonalità ta' pajjiżi
terzi għadu kwistjoni ta' tħassib. Il-Kummissjoni tevalwa li iktar
tisħiħ tas-sorveljanza tal-Linja bejn il-postijiet ta’ qsim immexxija
mir-Repubblika ta’ Ċipru u l-Amministrazzjoni tas-SBA ikun importanti biex
jgħin biex tkun indirizzata l-migrazzjoni irregolari. Il-Kummissjoni hija
mħassba dwar ftit inċidenti li seħħew fil-postijiet
tal-qsim f'Ottubru u Diċembru 2011 u se tkompli żżomm kuntatt
mal-awtoritajiet tar-Repubblika ta' Ċipru dwar kwalunkwe żviluppi li
jistgħu jikkonċernaw bidla tal-politika. Fl-2011, il-valur
tal-kummerċ min-naħa għall-oħra tal-Linja kien ħames
darbiet ogħla minn fl-2010. Din iż-żieda sostanzjali hi dovuta
għall-bejgħ tal-elettriku mill-parti tat-Tramuntana ta' Ċipru
lejn iż-żoni kkontrollati mill-gvern li ammonta għal €24,085,775.
Mingħajr ma jitqies il-bejgħ tal-elettriku, il-kummerċ regolari
tal-Linja l-Ħadra naqas għat-tielet darba konsekuttiva mid-dħul
fis-seħħ tal-GLR fl-2004 (b'6.5% għal €4,827,454 meta mqabbel
ma’ €5,173,233 fl-2010). Il-prodotti nnegozjati l-aktar, wara l-elettriku,
kienu metall mhux maħdum skrepjat, ħut frisk, plastik u
oġġetti tal-ġebel. Il-livell ġenerali tal-kummerċ
baqa’ pjuttost limitat, l-aktar minħabba l-ambitu ristrett tar-Regolament.
Żvilupp pożittiv li għandu jkun innutat huwa l-ftehim bejn
il-presidenti tas-CCCI u it-TCoCC għall-provvista tal-elettriku mill-parti
mhux ikkontrollata mill-gvern lejn iż-żoni kkontrollati mill-gvern,
wara l-isfortuna tal-isplużjoni fil-bażi navali f'Lulju 2011.
Il-Ftehim ta spinta lill-kummerċ tal-Linja l-Ħadra u fih innifsu
kkostitwixxa miżura li tibni fiduċja. Matul il-perjodu ta' rappurtar, kien għad
hemm ċerti ostakli għall-kummerċ. Vetturi kummerċjali
Ċiprijotti Torok, b'mod partikolari trakkijiet ta' aktar minn 7.5 tunellati
u xarabankijiet, jistgħu biss jivvjaġġaw liberament
fil-gżira kollha jekk liċenzji tas-sewqan u ċertifikati li
l-vetturi tajbin għal fuq it-triq jinkisbu fiż-żoni kkontrollati
mill-gvern. Inbdew taħditiet tekniċi bejn is-servizzi tal-Kummissjoni
u dipartimenti rilevanti tar-Repubblika ta’ Ċipru jsibu soluzzjoni
vijabbli għal din il-kwistjoni. Sa issa ma jista' jiġi rrappurtat
l-ebda progress ulterjuri fir-rigward ta' ostakli oħra mhux tarrifarji
għall-kummerċ. Jidher li
l-kuntrabandu tal-oġġetti min-naħa għall-oħra
tal-Linja naqas iżda għadu mifrux. Il-moviment ta'
oġġetti miż-żoni kkontrollati mill-gvern mill-punt ta' qsim
Limnitis mill-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru u lura lejn iż-żoni
kkontrollati mill-gvern jeħtieġ r-regolarizzazzjoni b'emenda
għar-Regolament dwar il-Linja l-Ħadra. Il-konklużjoni
ġenerali hi li r-Regolament dwar il-Linja l-Ħadra għadu
jipprovdi bażi legali li wieħed jista' jaħdem biha biex prodotti
u persuni jitħallew jaqsmu minn u lejn iż-żoni tar-Repubblika
ta' Ċipru kkontrollati mill-gvern. Il-Kummissjoni se tibqa’ tissorvelja
l-implimentazzjoni tar-Regolament. [1] ĠU L 161, 30.04.2004, p.128. Ir-Regolament kif
l-aħħar emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 587/2008
(ĠU L 163, 24.6.2008, p. 1) - magħruf
bħala r-Regolament "tal-Linja l-Ħadra". [2] Ara t-tielet inċiż tar-Regolament tal-Linja Ħadra [3] Ir-Regolament Nru 1480/2004 li jistipula regoli
speċifiċi dwar oġġetti li jaslu miż-żoni li
mhumiex taħt il-kontroll effettiv tal-Gvern ta’ Ċipru
fiż-żoni fejn il-Gvern jeżerċita kontroll effettiv [4] L-awtoritajiet tar-Repubblika ta' Ċipru ma jżommux rekords għar-ritorn
ta' Ċiprijotti Griegi lejn iż-żoni kkontrollati mill-gvern jew
ir-ritorn ta' Ċiprijotti Torok lejn il-parti tat-tramuntana ta' Ċipru
(ara l-Anness VII). [5] Il-GLR ma fihx obbligi ta' rappurtar għal dan it-traffiku. [6] L-Artikolu 10 tal-GLR [7] Ir-Repubblika ta ’Ċipru ma jżommx statistika uffiċjali
dwar l-għadd ta' persuni li ma tħallewx jaqsmu l-Linja l-Ħadra. Madankollu, CYPOL tagħmal estimu li fl-2011,
madwar 2220 persuni ma tħallewx jaqsmu lejn iż-żoni kkontrollati
mill-gvern. [8] It-Turkija: 979, Sirja: 204, Turkmenistan: 167,
il-Ġeorġja: 88, l-Iraq: 74 [9] It-Turkija: 543, is-Sirja: 44, l-Moldova: 64, l-Iran: 53,
in-Niġerja: 10 [10] Informazzjoni provduta minn UNFICYP [11] i.a.: It-Turkija: 900, l-Iran: 39, l-Awstralja: 33,
l-Istati Uniti: 30, il-Brażil: 19, ir-Russja: 19. [12] L-Eġittu: 6, in-Niġerja: 2, is-Sirja: 2,
il-Ġeorġja: 2, is-Sri Lanka: 3: 1, l-Indja, il-Bangladexx: 1,
min-Nepal: 1. [13] ĠU L 236, 23.09.2003, p. 940 [14] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1480/2004 tal-10
ta' Awwissu 2004, ĠU L 272, 20.8.2004, p. 3. [15] Ara l-Annessi I, II, u III ta' dan ir-rapport [16] Ara l-Anness IV ta' dan ir-rapport [17] Il-kummerċ taċ-ċagħaq dekorattiv u r-rummien
irrappreżenta biss 0.4% tal-kummerċ globali tal-Linja l-Ħadra.