KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Ir-Rapport Biannwali dwar il-funzjonament taż-żona Schengen L-1 ta’ Novembru 2011 sat-30 ta’ April 2012 /* COM/2012/0230 final */
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Ir-Rapport Biannwali dwar il-funzjonament
taż-żona Schengen
L-1 ta’ Novembru 2011 sat-30 ta’ April 2012 1. Introduzzjoni Id-dritt
għall-moviment ħieles tal-persuni huwa wieħed mis-sisien tal-Unjoni Ewropea u
ż-żona ta’ Schengen mingħajr verifiki tal-fruntieri interni hija waħda
mill-aktar kisbiet siewja tal-integrazzjoni tal-UE. Il-kooperazzjoni ta’
Schengen ġiet stabbilita fuq l-inizjattiva ta’ ħames pajjiżi tal-UE –
il-Belġju, Franza, il-Ġermanja, il-Lussemburgu u l-Pajjiżi l-Baxxi – permezz
ta’ ftehim tal-1985 u ta’ konvenzjoni ta’ implimentazzjoni tal-1990, it-tnejn
iffirmati fil-belt ta’ Schengen fil-Lussemburgu. Fl-1995, il-verifika fuq
il-fruntiera interni tneħħa u fl-1997, dawn il-ftehimiet ġew integrati
fil-qafas tal-Unjoni Ewropea permezz tat-Trattat ta’ Amsterdam. Iż-żona
Schengen kibret malajr. Illum tkopri żona ta’ 42 673 km ta’ baħar u 7 721 km
ta’ fruntieri esterni fuq l-art, fejn iktar minn 400 miljun Ewropew minn 26 pajjiż
Ewropew jistgħu jgawdu minn ivvjaġġjar bla passaport. Id-dritt li wieħed jivvjaġġa fi ħdan iż-żona
Schengen mingħajr ma jkollu jgħaddi minn verifika fuq il-fruntiera hija bbażata
fuq il-kundizzjoni li kull stat parteċipanti jkun qed iwettaq l-obbligi tiegħu
skont l-acquis ta' Schengen. Għaldaqstant, huwa essenzjali li
l-istituzzjonijiet Ewropej jżommu viġilanza fuq il-funzjonament taż-żona
Schengen u jkunu lesti li jirreaġixxu għal kull sfida li jkun hemm quddiemha.
F'dan l-isfond, il-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha ‘Il-ġestjoni ta’
Schengen – it-tisħiħ taż-żona mingħajr kontroll fuq il-fruntieri interni’
tas-16 ta’ Settembru 2011 ħabbret l-intenzjoni tagħha li tippreżenta ħarsa
ġenerali biannwali lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea dwar il-funzjonament
ta’ Schengen. Fit-8 ta’ Marzu 2012 il-Kunsill laqa’ pożittivament l-intenzjoni
tal-Kummissjoni li tippreżenta rapporti regolari lill-Parlament Ewropew u
lill-Kunsill dwar il-funzjonament tal-kooperazzjoni ta’ Schengen. L-iskop ta’ dawn ir-rapporti huwa li tingħata
l-bażi għal dibattitu regolari fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill u biex
b’hekk jingħata kontribut għat-tisħiħ tal-gwida politika u tal-kooperazzjoni
fiż-żona Schengen. Dan l-ewwel rapport ikopri l-perjodu mill-1 ta’ Novembru
2011 sat-30 ta’ April 2012 u jikkumplimenta l-miżuri proposti fil-propossti
leġiżlattivi tal-Kummissjoni dwar il-governanza ta’ Schengen[1], li bħalissa qed jiġu diskussi
mal-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Ir-rapport jiffoka fuq il-funzjonament
taż-żona Schengen, u jħalli barra kwistjonijiet oħra li jistgħu jkunu marbuta
mal-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja, iżda li ma jikkonċernawx
il-kwistjoni ċentrali u kwistjonijiet li huma indirizzati b’mod parallel
f’dokumenti oħra. Dawn il-kwistjonijiet jinkludu, fost oħrajn, il-proposta
tal-Kummissjoni dwar Eurosur[2]
kif ukoll il-proposta tal-Kummissjoni li tintroduċi klawżola ta’ salvagwardja
tal-viża[3],
kif ukoll kwistjonijiet indirizzati fil-Komunikazzjoni dwar l-Approċċ Globali
għall-Migrazzjoni u l-Mobilità[4]
u r-Rapport Annwali dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil. Ir-rapport biannwali dwar
it-tħaddim tal-koperazzjoni ta’ Schengen għandu jitqies bħala parti minn dan
il-kuntest usa’. 2. Is-Sitwazzjoni 2.1. Is-sitwazzjoni fuq
il-fruntieri esterni ta’ Schengen Il-pressjoni fuq il-fruntieri esterni ta’
Schengen hija ffukata fuq numru limitat ta’ żoni problematiċi. Matul il-perjodu Ottubru-Diċembru 2011,
in-numru ta’ qsim irregolari tal-fruntieri żdied meta mqabbel mas-sena
preċedenti, għal kważi 30,000 każ ta’ qsim. Madwar 75 fil-mija minn dawn kienu
rrapportati mir-rotta tal-Lvant tal-Mediterran, fejn l-aktar nazzjonalitajiet
frekwenti kienu l-Afgani u l-Pakistani. Il-Kummissjoni għadha qed tagħti
l-appoġġ tagħha lill-Istati Membri għall-immaniġġjar ta’ dawn il-flussi migratorji
mħallta, fost affarijieti oħra permezz ta’ fondi mill-UE (notevolment il-Fond
għall-Fruntieri Esterni), il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi rilevanti u
permezz tal-Aġenziji tal-UE (eż. il-Frontex)[5].
Il-pressjoni fuq il-fruntieri esterni ta’ Schengen hija marbuta ma’
żviluppi f’pajjiżi terzi rilevanti, ħaġa li kienet evidenti matul ir-Rebbiegħa
Għarbija fl-2011. Il-Kummissjoni tinnota li fil-futur is-sitwazzjoni fis-Sirja
tista’ tikkawża fluss migratorju lejn pajjiżi ġirien, u anki lejn l-Unjoni Ewropea.
Fil-perjodu Ottubru-Diċembru 2011, 578 Sirjan ġew skoperti waqt li kienu qed
jippruvaw jaqsmu l-fruntiera esterna ta’ Schengen fuq l-art bejn il-punti
uffiċjali fejn tista’ tinqasam il-fruntiera, meta mqabbel ma’ 210 persuni
fl-istess kwart tal-2010. 82% minn dawn inqabdu fil-fruntiera esterna fuq l-art
tal-Greċja. Stampa aktar dettaljata tas-sitwazzjoni
tinstab fl-analiżi tar-riskju annwali tal-Frontex għall-2012 (http://frontex.europa.eu/assets/Attachment_Featured/Annual_Risk_Analysis_2012.pdf). Il-Kummissjoni se teżamina l-ħin kollu
jekk l-ibbilanċjar preżenti ta’ miżuri ta’ appoġġ (fost oħrajn il-finanzjament
tal-UE u l-operazzjonijiet tal-Frontex) bejn iż-żoni problematiċi ta’ bħalissa
u l-bqija tal-fruntiera esterna huwiex xieraq jew jekk għandhiex tiġi prevista
prijoritizzazzjoni oħra, filwaqt li jitqiesu fuq naħa l-pressjoni fiż-żoni
problematiċi ta’ bħalissa u min-naħa l-oħra l-effetti possibbli ta’ spustamenti
minħaba verifiki msaħħa fil-fruntieri f’dawn iż-żoni kif ukoll flussi
migratorji ġodda wara żviluppi li jseħħu f’pajjiżi terzi. 2.2. Is-sitwazzjoni fi ħdan
iż-żona Schengen L-acquis ta’ Schengen jippermetti ċittadini
ta’ pajjiżi terzi[6]
li jippossjedu permess ta’ residenza jew viża għal permanenza fit-tul maħruġa
minn Stat Membru wieħed li jivvjaġġaw lejn Stati Membri oħra għal perjodu ta’
mhux aktar minn tliet xhur fi kwalunkew perjodu ta’ sitt xhur. Madankollu,
l-applikanti għal ażil li jkunu qed jistennew deċiżjoni dwar l-istatus tagħhom
huma eżenti minn dan id-dritt sakemm issir il-valutazzjoni finali
tal-applikazzjoni tagħhom għall-protezzjoni. Barra minn hekk, maġġoranza kbira
ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu illegalment fi ħdan iż-żona
Schengen ikunu daħlu legalment fit-territorju, imma mbagħad ikunu baqgħu hemm
lil hinn mill-perjodu permess (dawk li jaqbżu t-tul tal-perjodu intitolati
għalih), filwaqt li oħrajn ikunu daħlu illegalment. Għal dawn il-persuni, jew
il-permanenza tagħhom tiġi regolarizzata mill-Istati Membri skont
il-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom jew inkella għandhom ikunu soġġetti għal
proċedura ta’ ritorn. Ħafna minn dawn il-persuni ma jibqgħux fil-pajjiż minn
fejn ikunu daħlu, iżda jmorru lejn Stati Membri oħra. Fl-2011, inqabdu 350,944 ċittadin ta’ pajjiżi
terzi li ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet biex joqgħod fi ħdan iż-Żona
Schengen[7],
li jikkostitwixxi tnaqqis ta’ 9.1% meta mqabbel mas-sena preċedenti. L-aktar li
nstabu kienu ċittadini Afgani, Tuneżini u Marokkini. Skont il-Frontex[8], movimenti sekondarji, li
joriġinaw mill-fruntieri fuq l-art bejn il-Greċja u t-Turkija nqabdu fuq
il-fruntieri fuq l-art bejn il-Balkani tal-Punent u s-Slovenja kif ukoll
l-Ungerija, fil-fruntiera fuq il-baħar fin-Nofsinhar tal-Italja kif ukoll
f’firxa ta’ ajruporti Ewropej, b’mod partikolari fl-Olanda, il-Belġju u
l-Ġermanja. L-informazzjoni dwar l-għadd ta’ persuni
mingħajr id-dritt li ta' permanenza fiż-żona Schengen li qed ifittxu li
jiċċaqalqu lejn Stat Membru ieħor hija limitata. Madankollu għadd ta’
operazzjoni ta’ darba ta’ ġbir ta’ dejta pprovdew mill-anqas xi statistika
bażika. L-aktar waħda reċenti, l-operazzjoni DEMETER[9], twettqet bejn l-24 u t-30 ta’
Ottubru 2011, f’21 Stat Membru (fost oħrajn Franza, l-Italja u l-Greċja ma
pparteċipawx). Matul dik il-ġimgħa, l-Istati Membri
parteċipanti, bħala parti mix-xogħol tagħhom ta’ kuljum, imlew formola ta’
rapportaġġ dwar kull inċident ta’ suspett ta' residenza illegali fit-territorju
tagħhom. Ir-rapporti mbagħad intbagħtu lill-Gwardja tal-Fruntiera Pollakka, li
ġabret u analizzat id-dejta. L-għan tal-operazzjoni kien li tinġabar
informazzjoni dwar il-flussi migratorji fl-Istati Membri tal-UE, b’mod
partikolari fejn jidħu: –
il-pressjonijiet migratorji fil-pajjiżi varji, –
ir-rotot prinċipali minn fejn jgħaddu l-immigranti
irregolari, –
il-pajjiżi ta’ destinazzjoni prinċipali
tal-migrazzjoni, –
il-pajjiżi ta’ oriġini tal-migranti irregolari u –
il-postijiet ta’ fejn jiżammu l-immigranti
irregolari u l-mezzi ta’ trasport użati. Matul l-operazzjoni,
inqabdu 1936 ċittadin ta’ pajjiżi terzi minn 104 pajjiż differenti. L-akbar
numru ta’ immigranti irregolari nstab fil-Ġermanja (360 persuna), fi Spanja
(290 persuna) u fl-Ungerija (260 persuna). Kien hemm maġġoranza li daħlu
fiż-żona Schengen fi Spanja (207 persuna), fil-Greċja (180 persuna), f’Ċipru
(161 persuna) u fil-Polonja (121 persuna). Il-pajjiżi ta’ destinazzjoni
prinċipali kienu Spanja (288 persuna), il-Ġermanja (264 persuna) u l-Awstrija
(140 persuna). Il-konklużjonijiet
minn dawn l-operazzjonijiet juru li hemm il-ħtieġa biex kontinwament isir
l-isforz li jittejjeb il-monitoraġġ u l-analiżi tal-flussi tal-migrazzjoni fi
ħdan iż-Żona Schengen. Dan jista’ jsir, fost affarijiet oħra, billi darbtejn
fis-sena jitwettqu operazzjonijiet tat-tip DEMETER u billi tiġi regolarment
skambjata informazzjoni fil-livell tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni tilqa’
b’mod pożittiv il-koordinazzjoni tal-Operazzjoni Balder mill-Presidenza Daniża
bejn is-16 u t-22 ta’ April 2012. Biswit
informazzjoni affidabbli dwar ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti illegalment
fi ħdan iż-Żona Schengen, l-implimentazzjoni tad-direttiva dwar sanzjonijiet u
miżuri kontra min iħaddem[10]
tibqa’ għodda importanti fil-ġlieda kontra s-permanenza illegali
fit-territorju. Apparti inizjattivi preżenti u ppjanati
(fost oħrajn l-Operazzjoni Balder), il-Kummissjoni ser tiddelibera dwar jekk
jistgħux jittieħdu miżuri oħra sabiex tipprovdi aktar informazzjoni dwar
il-flussi migratorji fi ħdan iż-żona Schengen. 3. L-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen 3.1. Każijiet fejn reġgħu ddaħħlu
temporanjament il-verifiki fil-fruntieri interni L-Artikolu 23
tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen[11]
jistipula li, f’każijiet eċċezzjonali, fejn ikun hemm theddida serja
għall-politika pubblika jew għas-sigurtà interna, Stat Membru jista’ jerġa’
jdaħħal il-verifiki fuq il-fruntiera fil-fruntieri interni tiegħu. L-Istat
Membru għandu mill-aktar fis jinnotifika dan lill-Istati Membri l-oħra u
lill-Kummissjoni. Barra minn hekk, għandu jiġi ppreżentat rapport
lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, li jispjega, b’mod
partikolari, l-operazzjoni tal-verifiki u l-effettività tad-dħul mill-ġdid
tal-kontroll tal-fruntiera. Mindu daħal fis-seħħ tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’
Schengen fl-2006, il-każijiet kollha ta’ dħul mill-ġdid tal-verifiki kienu
marbuta mal-prevenzjoni ta’, u l-ġlieda kontra, tipi differenti ta’ atti
kriminali konnessi ma’ laqgħat ta' livell għoli jew ta’ avvenimenti sportivi
prinċipali. Matul il-perjodu bejn l-1 ta' Novembru 2011 u
t-30 ta’ April 2012, il-verifiki fil-fruntieri interni ddaħħlu mill-ġdid
darbtejn biss. Franza nnotifikat lill-Kummissjoni fl-4 ta’ Ottubru 2011 li,
minħabba s-Summit tal-G-20 tal-Kapijiet ta’ Stat u tal-Gvern, miżmuma f’Cannes
fit-3 u l-4 ta’ Novembru 2011, hija ppjanat li ddaħħal mill-ġdid il-verifika
fuq il-fruntiera tagħha mal-Italja bejn l-24 ta’ Ottubru u l-5 ta’ Novembru
2011. Sussegwentement, Franza rrappurtat lill-Kummissjoni li, matul dan
il-perjodu, ġew ivverifikati 38 620 persuna mad-dħul tagħhom (minn fost
563 158 persuna li qasmu l-fruntiera) u ġew ivverifikati 15 303
persuni mal-ħruġ (minn fost 605 062 qasma). 443 persuna ma tħallewx jidħlu
fil-biċċa l-kbira tal-każijiet peress li ma kellhomx dokumenti tal-ivvjaġġar
validi. Fl-20 ta’ April 2012, Spanja nnotifikat
lill-Kummissjoni li minħabba l-laqgħa tal-Bank Ċentrali Ewropew f’Barċellona
bejn it-2 u l-4 ta’ Mejju 2012, kellha ddaħħal mill-ġdid il-verifiki fuq
il-fruntiera interna ma’ Franza kif ukoll fl-ajruport ta’ Barċellona u ta’ Gerona
matul il-perjodu bejn it-28 ta’ April u l-4 ta’ Mejju 2012. 3.2. Jinżomm in-nuqqas ta’
verifika fuq il-fruntieri interni Taħt l-Artikolu 22 tal-Kodiċi tal-Fruntieri
ta’ Schengen, l-Istati Membri għandhom ineħħu kull ostakolu għaċ-ċirkolazzjoni
fluwida tat-traffiku fuq it-toroq fil-fruntieri interni, b’mod partikolari
kwalunkwe limitu ta’ veloċità li ma jkunx ibbażat b’mod esklussiv fuq
konsiderazzjonijiet ta’ sigurtà stradali. Wara azzjoni mill-Kummissjoni, Franza
neħħiet ftit ftit l-ostakli li jxekklu l-fluss fluwidu tat-traffiku f’diversi
punti tal-qsim fit-toroq mal-fruntieri interni tagħha ma’ Spanja, il-Belġju u
l-Lussemburgu. Dawn il-miżuri ppermettew lill-Kummissjoni biex, f’Jannar 2012,
tagħlaq il-każ ta’ ksur relevanti kontra Franza. Il-Pajjiżi l-Baxxi għandhom il-ħsieb li
jistallaw kamera ta’ sorveljanza (@migo-boras) qrib il-fruntieri interni, bħala
appoġġ tekniku għal spezzjonijiet tal-pulizija mobbli. F’Novembru 2011
il-Kummissjoni indirizzata ruħha lejn il-Pajjiżi l-Baxxi dwar vjolazzjoni potenzjali
tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, tal-liġi tal-UE dwar il-moviment ħieles
taċ-ċittadini tal-UE u tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-UE fejn tidħol
il-protezzjoni tad-dejta. Intalbu spjegazzjonijiet speċjalment rigward
in-neċessità u l-proporzjonalità tas-sistema u bħalissa l-Kummissjoni qiegħda
ssegwi t-tweġibiet tal-Pajjiżi l-Baxxi. Barra minn hekk, fil-perjodu ta’ bejn l-1 ta’
Novembru 2011 u t-30 ta’ April 2012, il-Kummissjoni talbet informazzjoni
rigward l-implimentazzjoni korretta tal-liġi tal-UE u b’mod speċifiku l-acquis
ta’ Schengen fi tliet każijiet ġodda u baqgħet taħdem fuq tmien każijiet
eżistenti, li jindirizzaw b’kollox għaxar Stati Membri differenti (l-Awstrija,
il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Ġermanja, l-Italja, il-Latvja,
l-Olanda, is-Slovakkja u l-Isvezja). Dawn il-fajls li l-aktar huma dwar jekk
it-twettiq ta’ spezzjonijiet tal-pulizija qrib il-fruntiera interna għandhomx
effett li hu ekwivalenti għal verifiki fuq il-fruntiera (l-Artikolu 21
tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) u l-obbligu li jitneħħew ostakoli
għaċ-ċirkolazzjoni fluwida tat-traffiku, bħal ma huma limitazzjonijiet ta’
veloċità fit-toroq li minnhom jinqasmu l-fruntieri interni (l-Artikolu 22
tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen). Fil-każijiet kollha, l-iskambju ta’
informazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali rispettivi għadu għaddej. 3.3. Każijiet pendenti ta’ ksur
relatati mal-acquis Schengen It-Traspożizzjoni tad-Direttiva tar-Ritorn
(2008/115/KE) fil-leġiżlazzjoni nazzjonali L-iskadenza għall-implimentazzjoni
tad-Direttiva tar-Ritorn (2008/115/KE) skadiet fl-24 ta’ Diċembru 2010. Sitta u
għoxrin Stat Membru diġà adottaw liġijiet ġodda li jittrasponu d-direttiva
fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom u adottaw l-istandards komuni. Sa April
2012 huma biss il-Litwanja, il-Polonja u l-Islanda li kienu għadhom ma nfurmawx
li saret traspożizzjoni sħiħa. Il-Kummissjoni nediet proċeduri ta’ ksur kontra
l-Istati Membri li ma rrispettawx l-obbligu tagħhom ta’ traspożizzjoni u ta’
notifika. Studju mniedi fl-2011 sabiex jevalwa
t-traspożizzjoni korretta tad-Direttiva f’leġiżlazzjoni nazzjonali pproduċa
l-ewwel riżultati tiegħu bi tmintax-il rapport li issa huma disponibbli, u
l-bqija għandhom jaslu matul l-2012. Il-Kummissjoni se teżamina bir-reqqa
r-rapport ta’ traspożizzjoni u ssegwi l-applikazzjoni sħiħa u korretta
mill-Istati Membri tad-dispożizzjonijiet stabbiliti f’din id-Direttiva. L-applikazzjoni tal-Kodiċi tal-Fruntieri
ta’ Schengen F’Ottubru 2009, allegazzjonijiet ta’
diffikultajiet serji li jiltaqgħu magħhom l-immigranti meta japplikaw
għall-ażil, kif ukoll ta’ trattament ħażin mill-Greċja ta’ persuni li jkunu qed
ifittxu ażil, u oħrajn li potenzjalment ikunu qed ifitxxu ażil, inkluż
it-treġġiegħ lura ta’ persuni li jistgħu jiffaċċjaw ħsara serja jew
persekuzzjoni, wassal il-Kummissjoni biex toħoroġ ittra ta’ tqegħid fil-mora
kontra l-Greċja. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li kwalunkwe vjolazzjoni
tal-acquis tal-ażil fl-UE u tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, flimkien
mad-drittijiet fundamentali mnaqqxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u
tal-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-UE u l-Konvenzjoni Ewropea dwar
id-Drittijiet tal-Bniedem, jeħtieġ li jiġu indirizzati b’urġenza. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-pressjoni
konsiderevoli li għandha quddiemha l-Greċja bħala riżultat ta’ għadd kbir ta’
persuni minn pajjiżi terzi li jidħlu fit-territorju tagħha. Fl-istess ħin,
il-Kummissjoni għandha t-tħassib tagħha dwar in-nuqqasijiet serji tas-sistema
tal-Ażil Griega u l-ksur tad-drittijiet fundamentali. Filwaqt li tagħraf
l-isforzi Griegi biex jirrimedjaw is-sitwazzjoni, il-Kummissjoni se tkompli
tissorvelja mill-qrib din il-materja u tieħdu l-passi meħtieġa biex tiżgura li
l-Greċja tosserva l-obbligi legali tagħha u tgawdi mill-appoġġ neċessarju. 3.4. Dgħjufijiet identifikati
fil-qafas tal-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen Iż-żona Schengen hi bbażata fuq fiduċja
reċiproka bejn l-Istati Membri fil-kapaċità tagħhom li jimplimentaw il-miżuri
li jippermettu t-tneħħija tal-verifiki fil-fruntieri interni, b’mod partikolari
l-kontroll tal-fruntiera esterna. Sabiex tiġi akkwistata u miżmuma din
il-fiduċja reċiproka, fl-1998 l-Istati Membri ta’ Schengen stabbilixxew
mekkaniżmu[12],
għall-verifika ta’ jekk il-prekundizzjonijiet kollha għall-applikazzjoni
tal-acquis ta’ Schengen (jiġifieri t-tneħħija tal-verifiki mal-fruntieri)
ikunux ġew sodisfatti mill-Istati Membri li jkunu jridu jissieħbu
mal-kooperazzjoni Schengen kif ukoll li jivverifika jekk l-acquis ta’ Schengen
ikunx qed jiġi applikat b’mod korrett mill-Istati Membri li diġà jimplimentaw
l-acquis. L-Istati Membri huma evalwati fuq bażi regolari, minn esperti
mill-Istati Membri, mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u mill-Kummissjoni.
L-evalwazzjonijiet huma bbażati fuq tweġibiet għall-kwestjonarji miftiehem mill-Kunsill
kif ukoll fuq żjarat fuq il-post u r-riżultati jitniżżlu f’rapporti, inklużi
l-kummenti u r-rakkomandazzjonijiet għal segwitu. Fil-perjodu bejn l-1 ta’ Novembru 2011 u t-30
ta’ April 2012 saru evalwazzjonijiet dwar il-fruntieri tal-ajru fl-Ungerija,
Malta u s-Slovenja, dwar il-viża fir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, Malta u
s-Slovenja, dwar l-SIS/Sirene fil-Finlandja u fl-Iżvezja, dwar il-kooperazzjoni
tal-pulizija f’Malta, is-Slovenja, l-Isvezja, l-Islanda u n-Norveġja u
l-protezzjoni tad-dejta fir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, il-Polonja,
is-Slovakkja u l-Islanda. Ir-rapporti għadhom qed jiġu abbozzati, iżda huma
mistennija li jinkludu xi kummenti u rakkomandazzjonijiet pożittivi kif ukoll
negattivi fuq kwistjonijiet bħalma huma t-taħriġ, l-użu tal-analiżi tar-riskju,
l-iskambju tal-informazzjoni, il-koperazzjoni internazzjonali u
l-infrastruttura fil-punti ta’ qsim tal-fruntiera u ambaxxati/konsulati.
Għalkemm ġeneralment hemm lok għal titjib, l-ebda waħda minn dawn
l-evalwazzjonijiet ma urew it-tip ta’ nuqqas li jkun jirrekjedi azzjoni
immedjata mill-Kummissjoni. Matul il-valutazzjoni ta’ Schengen tal-Greċja
fl-2010-2011, instabu diversi nuqqasijiet serji, speċjalment fejn jidħol
il-kontroll tal-fruntieri fuq l-art u fuq il-baħar. Minħabba l-firxa estensiva
tar-rakkomandazzjonijiet, il-Greċja fasslet pjan nazzjonali ta’ azzjoni dwar
kif se tirranġa dawn in-nuqqasijiet. Dan jinkludi, fost affarijiet oħra,
il-koordinazzjoni mtejba dwar kwistjonijiet ta’ amministrazzjoni tal-fruntieri,
iż-żieda fl-għadd ta’ persunal u ta’ tagħmir, it-titjib tal-infrastruttura,
programm ġdid għat-taħriġ kif ukoll reviżjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti.
Sabiex tevalwa l-progress li sar sa issa u sabiex tidentifika suġġetti fejn
l-Istati Membri jistgħu joffru assistenza, għandha ssir żjara minn missjoni ta’
reviżjoni bejn it-28 ta’ Mejju u t-2 ta’ Ġunju 2012. Din il-missjoni se żżur
l-Ajruport Internazzjonali ta’ Ateni ‘Eleftherios Venizelos’, il-Port ta’
Piraeus u r-reġjun ta’ Evros. Filwaqt li ttenni l-impenn tagħha biex tappoġġja
l-isforzi Griegi għall-amministrazzjoni tal-fruntieri esterni tagħha,
il-Kummissjoni tistieden lill-Greċja tissokta l-implimentazzjoni tal-pjan ta’
azzjoni ta’ Schengen tagħha u biex tistabbilixxi identifikazzjoni tal-ħtiġijiet
u tar-riżorsi disponibbli, komprensiva u sistematika. Għal kalendarju indikattiv ta’
evalwazzjonijiet dwar Schengen bejn Mejju u Ottubru 2012, ara l-Anness I. 3.5. It-tneħħija tal-kontroll
fil-fruntieri interni mal-Bulgarija u r-Rumanija Għalkemm il-Kunsill f’Ġunju 2011 kkonkluda li
kemm ir-Rumanija kif ukoll il-Bulgarija formalment jissodisfaw il-kriterji biex
japplikaw b’mod sħiħ l-acquis ta’ Schengen, ma kienx kapaċi jiddeċiedu dwar
it-tneħħija tal-kontroll fil-fruntieri interni ma’ dawn il-pajjiżi. Fit-2 ta’
Marzu 2012, il-Kunsill Ewropew talab lill-Kunsill biex jidentifika u
jimplimenta miżuri li jistgħu jikkontribwixxu sabiex isir tkabbir b’suċċess
taż-żona Schengen li jkun jinkludi r-Rumanija u l-Bulgarija u talab
lill-Kunsill biex jerġa’ jħares lejn din il-kwistjoni sabiex jadotta
d-deċiżjoni tiegħu fil-laqgħa tal-Kunsill tal-ĠAI f’Settembru 2012.
Il-Kummissjoni tinsab lesta biex tappoġġa kull miżura li tista’ tkun meħtieġa
biex tiżgura li l-Kunsill jieħu deċiżjoni pożittiva f’Settembru. 4. Miżuri ta' akkumpanjament 4.1. L-użu tas-Sistema ta’
Informazzjoni ta’ Schengen Is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen
(SIS) hija sistema komuni ta’ informazzjoni, li tippermetti l-awtoritajiet
kompetenti tal-Istati Membri li jiksbu informazzjoni relatata ma’ allerti dwar
persuni u oġġetti. Din l-informazzjoni tista’ tintuża għall-kooperazzjoni
ġudizzjarja u tal-pulizija f’kwistjonijiet kriminali kif ukoll għal verifiki
fuq persuni fuq il-fruntieri esterni ta’ Schengen jew fit-territorji nazzjonali
tagħhom u għall-ħruġ ta’ viżi u ta’ permessi ta’ residenza. Filwaqt li s-SIS
hija ta’ suċċess kbir u tiġġenera għexieren ta’ eluf ta’ hits kull sena,
il-Kummissjoni qiegħda taħdem flimkien mal-Kunsill biex tidentifika prattiki
ta’ xogħol u regoli li saru superfluwi. Għalkemm l-Istati Membri jużaw bażi legali
komuni għall-koperazzjoni, l-implimentazzjoni tista’ tvarja minħabba liġijiet u
proċeduri nazzjonali differenti. Dan ifisser, fost affarijiet oħra, li
xi Stati Membri, bl-użu tas-SIS, ikollhom suċċess konsiderevoli fl-intraċċar
tal-movimenti tal-kriminali serji tagħhom fi ħdan Stati Membri oħra, filwaqt li
Stati Membri oħra ftit jagħmlu użu minn din il-possibilità. Barra minn hekk, filwaqt li l-kooperazzjoni
bejn l-awtoritajiet responsabbli għall-iskambju ta’ informazzjoni supplimentari
(il-bureaux SIRENE) jista’ jkun li hija eżemplari, spiss ikun hemm dewmien fi
ħdan l-Istati Membri. Meta persuna tkun inżammet fi fruntiera u uffiċċju SIRENE
jkollu bżonn b’mod urġenti informazzjoni dwar l-isfond tal-persuna, mhuwiex
aċċettabbli li dawn ikollhom jistennew għal sigħat jew anke ġranet għal din
il-biċċa informazzjoni kruċjali. Tali detenzjoni ma tistax tiġi ġġustifikata u
persuna li tkun inżammet għal xi raġuni leġittima jista’ jkun li jkollha
tinħeles minħabba nuqqas ta’ informazzjoni. Mhux l-Istati Membri kollha joħolqu, bħala
regola, allerti biex jissottolineajaw li dokument tal-ivvjaġġar ikun ġie
invalidata mill-awtorità tal-ħruġ. Dan jippermetti liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz
li jkollu fil-pussess tiegħu d-dokument biex jużah illegalment biex jipprova
jidħol fiż-żona Schengen, anke jekk seta’ ikun ġie esklużi wara kundanna
kriminali. Il-Kummissjoni se tevalwa jekk għandhomx
jittieħdu xi miżuri sabiex is-SIS u l-uffiċċji SIRENE jkunux jistgħu jintużaw
sal-potenzjal sħiħ tagħhom u jekk iva, jekk jistax jiġi kkunsidrat l-użu ta’
miżuri oħra, b’żieda mal-kwistjonijiet ta’ hawn fuq. 4.2. L-użu tas-Sistema ta’
Informazzjoni dwar il-Viża Is-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża
(VIS) hija sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni dwar viżi għal żjarat qosra,
li tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati ta’ Schengen li
jipproċessaw dejta dwar l-applikazzjonijiet għall-viża u dwar il-viżi kollha li
jinħarġu, jinċaħdu, jiġu annullati, revokati jew estiżi. Il-VIS
tnediet b’suċċess fil-11 ta’ Ottubru 2011 fl-ambaxxati u l-konsulati tal-Istati
Membri fl-ewwel reġjun ta’ attwazzjoni (l-Alġerija, l-Eġittu, il-Libja,
il-Mawritanja, il-Marokk u t-Tuneżija). Skont l-ippjanar kurrenti, il-VIS se
tibda’ topera fl-10 ta’ Mejju 2012 fit-tieni reġjun (l-Iżrael, il-Ġordan,
il-Libanu u s-Sirja) u fit-2 ta’ Ottubru 2012 fit-tielet reġjun (l-Afganistan,
il-Baħrejn, l-Iran, l-Iraq, il-Kuwajt, l-Oman, il-Qatar, l-Arabja Sawdija,
l-Emirati Għarab Magħquda u l-Jemen). Il-VIS qed taħdem tajjeb u sat-30 ta’
April 2012 is-sistema kienet ipproċessat 775 489 applikazzjoni,
611 419 inħarġitilhom viża u u 99 242 inċaħditilhom. 4.3. Il-politika dwar il-viża u
l-ftehimiet ta’ riammissjoni Mekkaniżmu ta’ monitoraġġ wara
l-liberalizzazzjoni tal-viża għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent Wara ż-żieda
mgħaġġla ta’ applikazzjonijiet għall-ażil f’xi Stati Membri wara l-għoti ta’
liberalizzazzjoni tal-viża lill-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja,
il-Montenegro u s-Serbja f’Diċembru 2009 kif ukoll l-Albanija u
l-Bosnja-Ħerzegovina f’Diċembru 2010, il-Kummissjoni stabbiliet mekkaniżmu ta’
monitoraġġ wara l-liberalizzazzjoni tal-viża għall-pajjiżi kollha tal-Balkani
tal-Punent li kisbu l-liberalizzazzjoni tal-viża. F’Diċembru 2011,
il-Kummissjoni ppreżentat it-tieni rapport tagħha dwar dan il-monitoraġġ[13], li ppreżenta stampa
tal-azzjonijiet reċenti meħuda, tas-sitwazzjoni attwali u tal-proposti dwar
passi li jmiss. Għalkemm l-għadd totali tal-applikanti għall-ażil mir-reġjun
naqas fit-tieni nofs tal-2011, meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2010, wara li
kien hemm anqas applikanti għall-ażil mis-Serbja u mill-ex Repubblika Jugoslava
tal-Maċedonja, dan kien kontrobbilanċjat minn żieda ta’ applikanti għall-ażil
mill-Albanija u mill-Bosnja-Ħerzegovina. Il-biċċa l-kbira tat-talbiet għall-ażil
(ibbażati fuq nuqqas ta’ kura tas-saħħa, il-qgħad u n-nuqqas ta’ edukazzjoni)
tqiesu bħala bla bażi, b’mod li r-rata tal-għoti tal-għarfien għall-ażil hija
baxxa ħafna. Il-Belġju, il-Ġermanja, il-Lussemburgu u l-Isvezja għadhom
il-pajjiżi ta' destinazzjoni ewlenin, parzjalment minħabba t-tul tal-proċeduri
tal-ażil u t-tul assoċjat tal-permanenza awtorizzata. Dawn l-Istati Membri ħadu
miżuri biex inaqqsu ż-żmien tal-ipproċessar, iżda għad hemm lok għal titjib
fir-rigward ta' fost affarijiet oħra, l-iskambju ta’ informazzjoni,
l-investigazzjoni tal-faċilitaturi, it-tisħiħ tal-kontroll tal-fruntieri,
il-kampanji mmirati għall-għarfien u l-assistenza lil popolazzjonijiet ta’
minoranza (partikolarment il-komunitajiet tar-Roma). Abbażi ta’
dan, il-Kummissjoni se tanalizza jekk il-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ ta’ wara
l-liberalizzazzjoni tal-viża (inkluż il-mekkaniżmu ta’ allert tal-Frontex)
jipprovdix l-għodda meħtieġa sabiex jiġu ssorveljati l-flussi migratorji wara
l-liberalizzazzjoni tal-viża għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jew jekk
hemmx titjib meħtieġ ta’ dan il-monitoraġġ. Ftehimiet ta’
riammissjoni Il-konklużjoni ta’ ftehimiet ta' riammissjoni
tifforma parti ċentrali mill-kooperazzjoni tal-Unjoni Ewropea mal-pajjiżi terzi
fil-ġestjoni tal-immigrazzjoni u l-ażil. Il-Kummissjoni f’Novembru 2011
ffinalizzat in-negozjati dwar ftehim ta’ rijammissjoni mal-Kap Verde, li issa
jwitti t-triq biex jibdew il-proċedura għal ratifika formali. Ġew iffinalizzati
negozjati tekniċi mat-Turkija u huwa mistenni li jiġi ffirmat il-ftehim ta’
riammissjoni u li jitnieda djalogu dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża. Barra minn
hekk, tnedew negozjati mal-Armenja u mal-Ażerbajġan dwar l-iffaċilitar tal-viża
u l-ftehimiet ta’ riammissjoni. 5. Linji Gwida dwar il-funzjonament
taż-żona Schengen Miżuri li jitwettqu fil-qafas
tal-kooperazzjoni ta’ Schengen hija kompetenza mħallta, b’responsabbiltajiet
għall-Unjoni Ewropea kif ukoll għall-Istati Membri. Il-funzjonament tajjeb
taż-żona Schengen tiddependi mhux biss fuq l-applikazzjoni uniformi tal-acquis
tal-UE, iżda wkoll fuq l-użu tal-kompetenzi nazzjonali f’konformità mal-ispirtu
ta’ Schengen. Dan il-fatt jista’ jiġi illustrat b’żewġ eżempji: L-Istati Membri
jistgħu jwettqu spezzjonijiet tal-pulizija fit-territorji tagħhom, sabiex
jivverifikaw id-dritt ta’ persuna li jkollha permanenza fit-territorju, iżda
dawn il-verifiki ma għandhomx ikollhom effett ekwivalenti għal kontroll
tal-fruntiera. Barra minn hekk, filwaqt li
hija kompetenza ta’ kull Stat Membru li joħroġ dokumenti tal-ivvjaġġar u
permessi ta’ residenza lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi, id-deċiżjonijiet tiegħu
huma marbuta direttament mad-dritt tal-ivvjaġġar fi ħdan iż-żona Schengen u
għaldaqstant dawn jolqtu wkoll lill-Istati Membri l-oħra. Fil-Komunikazzjonijiet tagħha dwar
il-migrazzjoni[14]
u dwar il-governanza ta’ Schengen[15],
il-Kummissjoni impenjat ruħha li toħroġ linji gwida sabiex tiżgura
implimentazzjoni u interpretazzjoni koerenti tal-acquis ta’ Schengen. Il-linji
gwida dwar il-ħruġ ta’ permessi ta’ residenza u dokumenti tal-ivvjaġġar kif
ukoll il-miżuri tal-pulizija fil-fruntieri interni, li ġew żviluppati
mill-Kummissjoni f’konsultazzjoni mal-Istati Membri, jinsabu fl-Anness II. ANNESS I: Kalendarju indikattiv
tal-evalwazzjonijiet ta’ Schengen Mejju – Ottubru 2012[16] Perjodu bejn || L-Istati Membri || Tema is-6 u t-12 ta’ Mejju 2012 || l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja. || Fruntieri marittimi it-28 ta’ Mejju – it-2 ta’ Ġunju 2012 || il-Greċja || “Peer to peer” is-17 u t-22 ta’ Ġunju 2012 || l-Ungerija, is-Slovakkja || Kooperazzjoni tal-pulizija l-1 u s-7 ta’ Lulju 2012 || l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja. || Fruntieri tal-ajru it-23 u s-27 ta’ Lulju 2012 || Malta, is-Slovenja || Il-protezzjoni tad-dejta id-9 u l-20 ta’ Settembru 2012 || Malta, il-Polonja, is-Slovenja || Fruntieri marittimi it-23 u d-29 ta’ Settembru 2012 || ir-Repubblika Ċeka, il-Polonja || Kooperazzjoni tal-pulizija is-7 u t-12 ta’ Ottubru 2012 || id-Danimarka, l-Islanda, in-Norveġja || SIS/Sirene is-7 u t-13 ta’ Ottubru 2012 || il-Latvja, il-Litwanja || Viża l-14 u l-20 ta’ Ottubru 2012 || l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja. || Il-protezzjoni tad-dejta ANNESS II: Linji Gwida biex jiżguraw
implimentazzjoni u interpretazzjoni koerenti tal-acquis ta’ Schengen Fis-16 ta’
Settembru 2011, il-Kummissjoni ppreżentat proposti leġiżlattivi li jikkonsistu
minn proposti dwar mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen u emenda tal-Kodiċi
tal-Fruntieri ta’ Schengen sabiex tkompli tissaħħaħ il-governanza ta’ Schengen[17]. Barra minn hekk,
il-Kummissjoni ħabbret[18]
li se tesplora oqsma fejn l-iżvilupp ta’ linji gwida jkun jista’ jiżgura
implimentazzjoni aktar koerenti tar-regoli ta’ Schengen. Il-Kummissjoni
identifikat il-ħruġ ta’ permessi ta’ residenza u ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar,
kif ukoll miżuri tal-pulizija fil-fruntieri interni, bħala suġġetti xierqa għal
tali linji gwida u organizzat żewġ laqgħat mal-esperti tal-Istati Membri, fl-20
ta’ Lulju 2011 u fit-28 ta’ Novembru 2011, biex jiġu diskussi l-ambitu u
l-kontenut ta’ tali linji gwida. Il-ħruġ ta’ permessi ta’ residenza u ta’
dokumenti tal-ivvjaġġar kien ukoll diskuss mal-Istati Membri waqt laqgħa
tal-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali tal-mekkaniżmu għall-informazzjoni reċiproka,
miżmuma fl-1 ta’ Diċembru 2011. Il-linji gwida
ppreżentati hawn taħt iqisu l-osservazzjonijiet siewja u s-suġġerimenti mressqa
mill-Istati Membri matul din il-konsultazzjoni. A. Il-ħruġ ta’ permessi
temporanji ta’ residenza u ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar lil ċittadini li mhumiex
tal-UE[19] I. Introduzzjoni L-acquis ta’ Schengen jipprovdi
armonizzazzjoni tar-regoli fejn jidħlu permanenzi qosra (il-politika komuni
dwar il-viżi, inkluż ir-rikonoxximent reċiproku ta’ viżi għal permanenzi qosra
abbażi tal-proċeduri u l-kundizzjonijiet armonizzati għall-ħruġ ta’ viżi
stabbiliti fil-Kodiċi dwar il-Viżi). L-acquis ta’ Schengen ma jipprovdix għal
armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-ħruġ ta’ viżi għal permanenzi twal,
għal permessi ta’ residenza u għal dokumenti tal-ivvjaġġar lil ċittadini li
mhumiex tal-UE. Dawn il-kwistjonijiet huma rregolati mil-liġi nazzjonali
tal-Istati Membri. L-acquis tal-UE fil-qasam tal-migrazzjoni u
l-ażil fih dispożizzjonijiet dwar il-kundizzjonijiet u l-proċeduri għall-ħruġ
ta’ permessi ta’ residenza lil ċerti kategoriji ta’ persuni. Għalhekk, per eż.
fir-rigward ta’ applikanti għall-ażil[20],
ma għandhom jinħarġu l-ebda permessi ta’ residenza skont il-liġi tal-UE, iżda
biss awtorizzazzjoni biex wieħed ikun jista’ jibqa’ fit-territorju tal-Istat
Membru. Fir-rigward tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni
internazzjonali[21],
ir-refuġjati għandhom jinħarġulhom permessi ta’ residenza validi għal
mill-inqas tliet (3) snin, li jistgħu jiġġeddu, filwaqt li l-benefiċjarji ta’
protezzjoni sussidjarja għandhom jinħarġulhom permessi ta’ residenza validi
għal mill-inqas sena waħda (1), li jistgħu jiġġeddu. Il-membri tal-familja
tal-benefiċjarji tal-protezzjoni għandhom jinħarġulhom ukoll permessi ta’
residenza, iżda l-validità tagħhom tista’ tkun iqsar. Jekk tiġi ddikjarata protezzjoni temporanja
skont id-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja, l-Istati Membri għandhom
jagħtu lill-benefiċjarji tagħha permessi ta’ residenza għat-tul kollu
tal-perjodu ta’ protezzjoni[22].
Huwa wkoll il-każ għall-membri tal-familja tagħhom li jingħaqdu mill-ġdid skont
ir-regoli tad-Direttiva[23]. Fir-rigward tal-kategoriji l-oħra,
partikolarment każijiet umanitarji jew regolarizzazzjonijiet, jiġu applikati
r-regoli nazzjonali. Tibqa’ kompetenza nazzjonali tal-Istati Membri
li jagħtu awtorizzazzjoni ta’ permanenza u/jew dokument tal-ivvjaġġar lil
ċittadini mhux tal-UE li s-sitwazzjoni tagħhom ma tkunx koperta mil-liġi
tal-UE. Deċiżjonijiet bħal dawn jittieħdu abbażi tar-regoli nazzjonali. Fir-rigward ta’ detenturi ta’ viżi għal permanenza
twila u ta’ permessi ta’ residenza, l-acquis ta’ Schengen jiddikjara biss
il-prinċipju tal-ekwivalenza bejn viża għal permanenza twila/permess ta’
residenza u viża għal permanenza qasira[24]:
skont dan il-prinċipju, id-detentur ta’ viża għal permanenza twila jew ta’
permess ta’ residenza maħruġ minn Stat ta’ Schengen huwa intitolat li jivvjaġġa
lejn Stati ta’ Schengen oħra għal permanenza qasira, jekk jissodisfa
l-kundizzjonijiet tad-dħul, jiġifieri jekk ikunu fil-pussess ta’ dokument
validu tal-ivvjaġġar; jiġġustifika l-għan u l-kondizzjonijiet tas-permanenza
intiż u jkollu mezzi biżżejjed għall-għejxien; ma tkunx persuna li dwarha jkun
inħareġ allert fis-SIS għall-fini ta’ ċaħda tad-dħul; ma tkunx meqjusa bħala
theddida għall-politika pubblika, is-sigurtà interna, is-saħħa pubblika jew
ir-relazzjonijiet internazzjonali ta’ kwalunkwe Stat Membru[25]. Hija r-responsabbiltà
tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li lejn jivvjaġġa d-detentur ta’
permess ta’ residenza maħruġ minn Stat Membru ieħor, li jikkontrolla jekk
il-persuna kkonċernata tissodisfax dawn il-kundizzjonijiet. Dan il-kontroll
jista’ jsir fit-territorju tal-Istati Membri. F’każ li jkunu reġgħu ddaħħlu
l-verifiki fuq il-fruntieri interni, f’konformità mal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’
Schengen[26]
(minn hawn ‘il quddiem “il-Kodiċi”), din il-verifika tista’ ssir fil-fruntieri
interni. Dan japplika wkoll għal ċittadin mhux tal-UE li jkollu permess ta’
residenza temporanju u dokument tal-ivvjaġġar maħruġ minn Stat ta’ Schengen[27]. L-Istati Membri għandhom l-obbligu li
jinnotifikaw lill-Kummissjoni bit-tipi tagħhom ta’ viża għal permanenza twila,
ta’ permessi ta’ residenza u ta’ permessi ta’ residenza temporanji li jkunu
ekwivalenti għal viża għal permanenza qasira u l-Kummissjoni tagħmel din
l-informazzjoni disponibbli għall-Istati Membri l-oħra[28]. L-Istati Membri l-oħrajn huma
obbligati li jaċċettaw li dawn il-viżi għal permanenza twila u l-permessi ta’
residenza jkunu ekwivalenti għal viża għal permanenza qasira għall-ivvjaġġar fi
ħdan iż-żona Schengen. Il-qafas legali tal-UE ma jiddefinixxix
il-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar għal ċittadini li
mhumiex tal-UE, ħlief għad-dispożizzjonijiet dwar il-ħruġ ta’ dokumenti
tal-ivvjaġġar lil persuni rikonoxxuti bħala li jeħtieġu l-protezzjoni internazzjonali.
Għalhekk, jridu jiġu pprovduti dokumenti tal-ivvjaġġar lil refuġjati (obbligu
taħt il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra) u lill-benefiċjarji ta’ protezzjoni
sussidjarja (mill-inqas meta jeħtieġu li jivvjaġġaw għal raġunijiet
umanitarji), sakemm ma jkunx meħtieġ mod ieħor minħabba raġunijiet gravi ta’
sigurtà nazzjonali jew ta’ ordni pubbliku[29].
B’mod eċċezzjonali, jistgħu jingħataw dokumenti tal-ivvjaġġar lil dawk li jkunu
applikaw għal ażil għal raġunijiet umanitarji serji[30]. Applikant għall-ażil jista’
jinħariġlu laissez-passer suġġett għal trasferiment ta’ Dublin, bil-għan
li l-persuna tiġi identifikata u tkun tista’ tidħol fit-territorju tal-Istat
Membru responsabbli[31].
Fl-aħħarnett, jekk tiġi ddikjarata protezzjoni temporanja, l-Istati Membri
għandhom jużaw tip speċifiku ta’ pass għal trasferimenti
tal-benefiċjarji bejn l-Istati Membri[32].
II. Linji gwida għall-Istati Membri Il-ġrajjiet tal-2011 urew li l-ħruġ ta’ viżi
għal permanenza twila, ta’ permessi ta’ residenza inklużi dawk temporanji u ta’
dokumenti tal-ivvjaġġar lil ċittadini mhux tal-UE, f’każijiet ta’ fluss kbir
għal għarrieda ta’ immigranti, jista’ jkollu impatt negattiv fuq
il-funzjonament tajjeb taż-żona Schengen mingħajr fruntieri interni. Jekk Stat Membru jkun iffaċċjat bi fluss kbir
għal għarrieda ta’ immigranti li ma jkunux ċittadini tal-UE, u fejn dan ma
jikkaġunax l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar Protezzjoni Temporanja: 1) Dan l-Istat Membru għandu
jgħarraf mingħajr dewmien lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni
bid-deċiżjonijiet li jkun besiebu jieħu fir-rigward tal-ħruġ ta’ permessi ta’
residenza u dokumenti tal-ivvjaġġar, inklużi dawk temporanji, liċ-ċittadini
mhux tal-UE kkonċernati fil-qafas tal-Mekkaniżmu għall-Informazzjoni Reċiproka
(MIM)[33].
Fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta, jistgħu jiġu inizjalati dibattiti ad
hoc mill-Kummissjoni li tkun qed taħdem flimkien mal-Presidenza tal-Kunsill u
f' konsultazzjoni mal-Istat Membru li jipprovdi l-informazzjoni, f’livell
xieraq fi ħdan il-Kunsill. 2) Jekk Stat Membru jiddeċiedi
li joħroġ permessi ta’ residenza u jkollu l-għażla fost tipi differenti ta’
permessi ta’ residenza skont il-leġislazzjoni nazzjonali tiegħu, għandu jagħżel
għall-ħruġ ta’ permessi ta’ residenza jew ta’ permessi ta’ residenza temporanji
li ma jkunux ekwivalenti għal viża għal permanenza qasira jekk il-migranti ma
jkunux jissodisfaw il-kundizzjonijiet biex jivvjaġġaw fi ħdan iż-żona Schengen. 3) Meta jinħarġu permessi ta’
residenza jew permessi ta’ residenza temporanji li jkunu ekwivalenti għal viża
għal permanenza qasira, għandu jinforma lid-detenturi ta’ dawn id-dokumenti
b’mod xieraq u effiċjenti, dwar il-kundizzjonijiet li bihom ikunu jistgħu (jew
ma jistgħux) jivvjaġġaw fi ħdan iż-żona ta’ Schengen. L-Istati Membri huma
mħeġġa jipprovdu din l-informazzjoni fuq il-websajts nazzjonali tagħhom li
jkunu llinkjati mal-Portal tal-UE tal-Immigrazzjoni. Barra minn hekk: 1) Abba¿i tal-informazzjoni diġà
pprovduta mill-istudju tan-Netwerk Ewropew tal-Migrazzjoni (NEM) dwar Statuses
ta’ Protezzjoni Armonizzata mhux tal-UE[34],
li identifika l-ħafna kundizzjonijiet għal permessi ta’ residenza/vi¿i għal
permanenza twila maħruġa għal skopijiet ta’ protezzjoni, u t-tipi tagħhom,
l-Istati Membri għandhom jiskambjaw informazzjoni dwar il-prattiċi nazzjonali
e¿istenti tagħhom f’dan il-qasam fil-qafas tal-Kumitat dwar l-Immigrazzjoni u
l-A¿il (KIA). 2) L-Istati Membri għandhom
ikunu lesti biex jikkontribwixxu għal mistoqsijiet ad hoc fi ħdan in-NEM dwar
dettalji tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fejn jidħlu l-kundizzjonijiet li taħthom
l-Istati Membri joħorġu dokumenti ta’ identità jew dokumenti tal-ivvjaġġar lil
ċittadini mhux tal-UE li ma jkollhomx dokument tal-ivvjaġġar maħruġ minn
pajjiżhom ta’ oriġini, u dwar il-prattiċi eżistenti f’dan il-qasam. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni se tkompli
tippromwovi l-iskambju ta’ informazzjoni permezz tal-MIM, il-KIA, in-NEM u ta’
kanali oħra. B. Miżuri tal-pulizija fiż-żoni
konfinali interni I. Introduzzjoni Tista’ tqum
is-sitwazzjoni fejn l-Istati Membri jqisu li, sabiex tiġi miġġielda b’mod aktar
aktar effettiv il-kriminalità trans-konfini, huma jeħtieġu jimplimentaw miżuri
addizzjonali fiż-żoni konfini interni tagħhom. Filwaqt li dawn il-miżuri ma
għandhomx ikollhom effett ekwivalenti għal verifiki fuq il-fruntiera, jistgħu
xorta jkollhom impatt negattiv fuq il-pajjiżi ġirien u fuq il-moviment ħieles
tal-persuni, inkluż ċittadini tal-UE u l-membri tal-familja tagħhom.
Il-vjaġġaturi jistgħu jipperċepixxu dawn il-miżuri bħala ksur ta’ wieħed
mill-kisbiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea. It-Titolu III
tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jistipula li l-fruntieri interni bejn
l-Istati ta’ Schengen jistgħu jinqasmu f’kull punt mingħajr ma jsir kontroll
tal-fruntiera fuq il-persuni, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom.
It-tneħħija tal-kontroll mal-fruntiera fil-fruntieri interni jimplika wkoll
it-tneħħija ta’ sorveljanza fil-fruntieri. Dan
ma għandux jipprekludi d-dritt tal-Istati Membri li jeżerċitaw is-setgħat
tal-pulizija mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti taħt il-liġi nazzjonali,
inklużi ż-żoni interni tal-fruntiera, sakemm dan l-eżerċizzju ma jkollux effett
ekwivalenti għal verifiki fuq il-fruntiera. Il-Kodiċi
tinkludi lista mhux eżawrjenti ta’ kriterji biex jivverifikaw jekk l-eżerċizzju
ta’ setgħat ta’ pulizija hux ekwivalenti għal verifiki fuq il-fruntiera jew le. Miżuri li jittieħdu mill-pulizija, pereżempju, ma
jitqisux bħala ekwivalenti għal verifiki fil-fruntiera jekk ma jkollhomx bħala
objettiv il-verifiki fuq il-fruntiera, ikunu bbażati fuq informazzjoni u
esperjenza ġenerali tal-pulizija dwar theddid possibbli għas-sigurtà pubblika u
li jkunu mmirati, b’mod partikolari, biex jiġġieldu l-kriminalità
trans-konfini, ikunu maħsuba u mwettqa b’mod li jkun differenti b’mod ċar minn
verifiki sistematiċi fuq il-persuni fil-fruntieri esterni u jkunu mwettqa bħala
verifiki każwali. F’Ottubru 2010,
il-Kummissjoni rrappurtat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar
l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet marbuta man-nuqqas ta’ verifiki
fil-fruntieri interni. Fir-rapport tagħha[35], il-Kummissjoni kkonkludiet li
t-twaqqif ta’ żona mingħajr fruntieri interni fejn il-moviment liberu
tal-persuni jkun żgurat jirrappreżenta wieħed mill-aktar suċċessi tanġibbli u
sostanzjali tal-Unjoni. Kwalunkwe
restrizzjonijiet, bħal ma huma spezzjonijiet tal-pulizija fil-viċinanza
tal-fruntieri interni, huma pperċeputi miċ-ċittadini bħala tfixkil d-dritt
tagħhom għall-moviment ħieles. Ma jistgħux
isiru verifiki fuq il-persuni biss għax huma jkunu qed jaqsmu fruntiera
interna, la fil-fruntiera u lanqas fiż-żoni tal-fruntieri. Il-Kummissjoni
esprimiet tħassib fir-rapport dwar diffikultajiet irrapportati minn vjaġġaturi
b’rabta ma’ allegazzjonijiet ta’ verifiki regolari u sistematiċi mwettqa
mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ xi Stati Membri f’żoni interni tal-fruntiera u
impenjat ruħha li ssegwi s-sitwazzjoni mill-qrib żoni interni tal-fruntiera
biex tiżgura l-applikazzjoni korretta tal-liġi tal-UE.
Fit-22 ta’ Ġunju
2010, f’sentenza li tistabbilixxi preċedent[36],
il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE ċċarat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li
tikkonferixxi fuq l-awtoritajiet tal-pulizija ta’ Stat Membru l-kompetenza li
dawn jivverifikaw l-identità tal-persuni preżenti, esklussivament fi ħdan żona
tal-fruntiera interna wiesgħa 20 kilometru, indipendentement mill-imġiba
tagħhom u minn kwalunkwe ċirkostanzi partikolari li jippreżentaw riskju
għall-ordni pubbliku, għall-iskop ta’ verifika ta’ konformità mal-obbligu li
wieħed ikollu jew iġġorr fuqu karti u dokumenti meħtieġa bil-liġi, mingħajr
provvediment għall-qafas neċessarju biex jiġi ggarantit li l-implimentazzjoni
prattika ta’ din il-kompetenza ma jkollhiex effett ekwivalenti għal verifiki
fuq il-fruntiera, tikser l-Artikolu 67(2) TFEU kif ukoll l-Artikoli 20 u 21
tal-Kodiċi. Wara s-sentenza,
il-Kummissjoni talbet lill-Istati Membri biex jadattaw kif meħtieġ kwalunkwe
leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkonferixxi kompetenzi speċifiċi fuq
l-awtoritajiet nazzjonali tal-pulizija fiż-żoni interni tal-fruntiera. Konsegwentement, xi
Stati Membri mmodifikaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom sabiex tillimita
l-eżerċizzju ta’ setgħat tal-pulizija f’żoni interni tal-fruntiera fejn jidħlu
post, mezzi speċifiċi ta’ trasport u ħin (eż. limitazzjoni taż-żona qrib
il-fruntiera interna fejn ikunu jistgġu jsiru l-verifiki fuq il-ferroviji jew
vetturi internazzjonali wara li tinqasam il-fruntiera, id-definizzjoni ta’
limitu massimu ta’ żmien għal kull ġurnata, ġimgħa jew xahar, limitazzjoni fuq
in-numru massimu ta’ vaguni tal-ferrovija li għandhom jiġu vverifikati għal
kull ferrovija). II. Linji gwida għall-Istati Membri 1) Skont il-Kodiċi tal-Fruntieri
ta’ Schengen, l-Istati Membri jistgħu jeżerċitaw is-setgħat tal-pulizija
fit-territorji tagħhom inkluż f’żoni interni tal-fruntiera, sabiex jivverifikaw
id-dritt tal-persuna li tibqa’ fit-territorju. Madankollu, dawn il-verifiki għandhom ikunu
ffokati u bbażati fuq informazzjoni u esperjenza aġġornata u konkreta
tal-pulizija fejn jidħol it-theddid għas-sigurtà pubblika. Konsegwentement, il-verifiki jistgħu jsiru biss
bħala verifiki każwali skont valutazzjoni tar-riskju.
Li l-verifiki sempliċiment jiċċaqalqu mil-linja
ta’ fejn tgħaddi l-fruntiera interna nnifisha għal żona eż. 800 metru wara din
il-linja ma jkunx biżżejjed biex jitqies li dawn il-verifiki ma kinux
ekwivalenti għal verifiki fuq il-fruntiera. 2) Fil-każ li jinqala’ l-bżonn
li jsiru verifiki regolari u sistematiċi bħala reazzjoni għas-sitwazzjoni ta’
sigurtà fit-territorji tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu
l-introduzzjoni mill-ġdid ta’ verifiki fuq il-fruntiera interni skont il-Kodiċi[37]. 3) Skont l-istqarrija tal-Qorti
fil-punti 73 u 74 tas-sentenza Melki, il-leġiżlazzjoni li tikkonċerna
l-verifiki biss f’żoni tal-fruntiera interna, jeħtieġ li jkun fiha
limitazzjonijiet b’mod partikolari fir-rigward tal-intensità u l-frekwenza tal-verifiki.
Barra minn hekk, jekk verifika ma tkunx tiddependi fuq l-imġiba tal-persuna
vverifikata jew fuq ċirkustanzi speċifiċi li jagħtu lok għal riskju ta’ ksur
tal-ordni pubbliku, din għandha tipprovdi qafas meħtieġ bħala gwida
għall-applikazzjoni prattika. Għalhekk, leġiżlazzjoni li jkun fiha objettivi
preċiżi sabiex jitwettqu dawn il-verifiki u l-limitazzjonijiet possibbli ta’
żmien tista’ tipprovdi l-garanziji neċessarji, b’mod partikolari jekk ikunu
bbażati fuq informazzjoni u esperjenza ġenerali tal-pulizija. 4) Meta tkun qed tiġi evalwata
l-kompatibbiltà ta’ spezzjonijiet tal-pulizija fiż-żoni tal-fruntiera interna
mal-acquis Schengen, huwa meħtieġ li jiġi eżaminat kif dawn il-verifiki jiġu
implimentati fil-prattika. Għalhekk, meta l-Kummissjoni tiġi kkonfrontata
b’allegazzjonijiet serji ta’ verfiki fuq il-fruntieri f’żoni tal-fruntiera
interna, kif intqal fir-rapport tal-2010, jeħtieġ li tfittex informazzjoni
statistika konkreta mill-Istati Membri; għalhekk hija tista titlob lill-Istat
Membru interessat sabiex jippreżenta informazzjoni dwar verifiki mwettqa
fil-fruntiera matul żmien partikolari (ħin, postijiet, raġunijiet u l-awtorità
nazzjonali responsabbli) kif ukoll dwar kif dawn ikkontribwew biex jilħqu
l-għanijiet stabbiliti fil-leġislazzjoni jew l-istrateġiji nazzjonali, fost
affarijiet oħra fil-ġlieda kontra l-kriminalità transkonfinali. F’dan il-kuntest, l-eżistenza ta’ valutazzjoni
tar-riskju u l-fatt li l-Istat Membru kkonċernat ikun qed jieħu miżuri mhux
biss fiż-żona tal-fruntiera interna iżda f’partijiet oħra tat-territorju tiegħu
ser jiġu kkunsidrati mill-Kummissjoni. L-Istati Membri huma mħeġġa għalhekk
mill-ġdid, kif diġà sar fir-rapport tal-Kummissjoni tal-2010, biex jieħdu,
sal-għola livell possibbli, l-miżuri neċessarji biex jiġbru din
l-informazzjoni, kemm fiż-żoni tal-fruntiera interna kif ukoll fuq il-bqija
mit-territorji tagħhom. Dan imbagħad se jagħmilha possibbli, meta meħtieġ, li
ssir valutazzjoni soda li l-verifiki li jkun twettqu f’żoni fuq il-fruntiera
interna ikunu proporzjonali għall-objettivi. Barra minn hekk, dawn
l-istatistiċi, flimkien ma’ valutazzjonijiet ex post tar-riżultati
tal-verifiki, jistgħu wkoll ikunu siewja għall-Istati Membri nfushom meta
jevalwaw l-istrateġiji nazzjonali u l-ippjanar tal-użu tar-riżorsi fil-futur. [1] COM (2011) 561 Komunikazzjoni mill-Kummissjoni
lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Il-ġestjoni ta’ Schengen – it-tisħiħ taż-żona
mingħajr kontroll fuq il-fruntieri interni, COM (2011) 559 Proposta emendata
għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-twaqqif ta’
mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ biex jivverifika l-applikazzjoni
tal-acquis ta’ Schengen u COM (2011) 560 Proposta għal Regolament tal-Parlament
Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 562/2006 sabiex
jipprovdi regoli komuni dwar l-introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli
tal-fruntieri fil-fruntieri interni f’ċirkostanzi eċċezzjonali. [2] COM (2011) 873 Proposta għal Regolament tal-Parlament
Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi s-Sistema Ewropea ta’ Sorveljanza
tal-Fruntieri (EUROSUR). [3] Il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u
tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka
l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess
tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati
minn dik il-ħtieġa. [4] COM (2011) 743 Komunikazzjoni mill-Kummissjoni
lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
u lill-Kumitat tar-Reġjuni – L-Approċċ Globali għall-migrazzjoni u l-Mobbiltà [5] Analiżi taar-riskju trimestrali tal-Frontex,
Ottubru-Diċembru 2011 [6] Għall-finijiet ta’ dan ir-rapport, membri tal-familja
ta’ ċittadini tal-UE, li ma jkunux ċittadini tal-UE, mhumiex koperti meta ssir
referenza għal ċittadini ta’ pajjiż terz, minħabba l-istatus privileġġjat li
huma jgawdu skont il-liġi tal-UE dwar il-moviment ħieles tal-persuni
(id-Direttiva 2011/38/KE) u l-acquis Schengen [7] Analiżi tar-riskju annwali tal-Frontex 2012 [8] Analiżi tar-riskju annwali tal-Frontex 2012 [9] Rapport fil-qosor tal-Kwartieri Ġenerali tal-Gwardja
tal-Fruntirera Polakka, Novembru 2011 [10] Id-Direttiva 2009/52/KE tal-Parlament Ewropew u
tal-Kunsill li tipprevedi standards minimi għal sanzjonijiet u miżuri kontra
min iħaddem lil ċittadini minn pajjiżi terzi b’residenza illegali. [11] Ir-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew
u tal-Kunsill li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw
il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri
ta' Schengen) [12] SCH/Com-ex (98) 26 def. [13] SEC (2011) 1570 Dokument ta’ ħidma tal-persunal
tal-Kummissjoni - It-Tieni Rapport dwar il-monitoraġġ ta’ wara
l-liberalizzazzjoni tal-viża għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, skont
id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Novembru 2010 [14] COM (2011) 248 Komunikazzjoni mill-Kummissjoni
lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Komunikazzjoni dwar il-Migrazzjoni [15] COM (2011) 561 Komunikazzjoni mill-Kummissjoni
lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Il-ġestjoni ta' Schengen – it-tisħiħ taż-żona
mingħajr kontroll fuq il-fruntieri interni [16] Dokument tal-Kunsill 5090/2/12 SCH-EVAL 1 COMIX 6 REV 2 [17] COM (559) 2011 u COM (560)2011 [18] COM (2011) 561 [19] Għall-finijiet ta’ dawn il-linji gwida, membri tal-familja
ta’ ċittadini tal-UE, li ma jkunux ċittadini tal-UE, mhumiex koperti meta ssir
referenza għal ċittadini ta’ pajjiż terz, minħabba l-istatus privileġġjat li
huma jgawdu taħt il-liġi tal-UE dwar il-moviment ħieles tal-persuni
(id-Direttiva 2004: 38) u l-acquis Schengen [20] L-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet ta’
Akkoljenza 2003/09/KE [21] L-Artikolu 24 tad-Direttiva ta’ Kwalifika 2004/83/KE [22] L-Artikolu 8 tad-Direttiva ta’ Protezzjoni Temporanja
2001/55/KE [23] L-Artikolu 15(6) tad-Direttiva ta’ Protezzjoni Temporanja
2001/55/KE [24] Art. 21 (1) u (3) tal-Konvenzjoni Schengen kif emendats
bir-Regolament (UE) Nru 265/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta
'Marzu 2010, ĠU n ° L 85, 31.3.2010, p. [25] L-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 li
jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’
persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntieri (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen),
ĠU L 105 13.4.2006, p.1 [26] L-Artikolu 23 et seq tar-Regolament (KE) Nru
562/2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment
ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntieri, ĠU L 105 13.4.2006, p.1 [27] L-Artikolu 21 (2) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen. [28] Ara l-Anness 22 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni
06/11/2006 li tistabbilixxi “Manwal Prattiku għall-Gwardjani tal-Fruntieri
(il-Manwal ta’ Schengen) sabiex jintużaw mill-awtoritajiet kompetenti
tal-Istati Membri meta jwettqu kontroll fuq il-persuni fil-fruntieri, C (2006)
5186 finali [29] L-Artikolu 25 tad-Direttiva ta’ Kwalifika 2004/83/KE [30] L-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-kondizzjonijiet ta’
akkoljenza 2003/09/KE [31] L-Artikolu 19(3) u l-Artikolu 20(1)(e) tar-Regolament ta’
Dublin 343/2003 u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni ta’
Dublin1560/2003 [32] L-Artikolu 26(5) tad-Direttiva ta’ Protezzjoni Temporanja
2001/55/KE [33] Stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/688/KE. [34] Disponibbli fuq http://www.emn.europa.eu taħt "EMN Studies" [35] Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u
lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tat-Titolu III (Fruntieri Interni) tal-Kodiċi
tal-Fruntieri ta’ Schengen, COM (2010) 554 finali [36] Il-Kawżi Konġunti C – 188/10 u C-189/10, Melki u oħrajn [37] L-Artikolu 23 et seq.