52012DC0209

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Il-Modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat tal-UE (SAM) /* COM/2012/0209 final */


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Il-Modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat tal-UE (SAM)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

1.           Introduzzjoni: Il-kontroll tal-għajnuna mill-istat fl-ambjent attwali

1.           Ewropa 2020 hija l-istrateġija tal-Ewropa għat-tkabbir għal dan il-perjodu ta' għaxar snin li qegħdin fih. F’dinja li qed tinbidel, il-Kummissjoni Ewropea qed timmira l-politika tagħha biex l-ekonomija tal-Ewropa tkun intelliġenti, sostenibbli u inklużiva. Dawk it-tliet għanijiet li jagħtu s-saħħa lil xulxin għandhom jgħinu lill-UE u lill-Istati Membri biex jiksbu livelli għoljin ta’ impjiegi, produttività u koeżjoni soċjali.

2.           F’dak id-dawl, is-suq uniku huwa l-aħjar assi tal-Ewropa biex jinħoloq tkabbir sostenibbli. Suq intern effettiv jeħtieġ li jiġu attivati żewġ strumenti: l-ewwel, regolamentazzjoni biex jinħoloq suq wieħed integrat mingħajr fruntieri nazzjonali, u t-tieni, politika dwar il-kompetizzjoni li tinkludi kontroll fuq l-għajnuna mill-Istat biex ikun żgurat li t-tħaddim ta’ dak is-suq intern ma jkunx imxekkel b’imġiba mhux kompetittiva min-naħa ta' kumpaniji jew mill-Istat Membri li jiffavorixxu xi partijiet b’dannu għal partijiet oħrajn. Il-kompetizzjoni hija spinta ewlenija wara t-tkabbir: tagħti inċentiv lill-intrapriżi, inklużi dawk ġodda, u ttejjeb il-produttività u l-kompetittività f’kuntest globali. Il-kompetizzjoni hija wkoll politika kosteffettiva peress li tista’ ssir mingħajr infiq pubbliku jew privat. Għaldaqstant, bħala wieħed mill-istrumenti tal-politika dwar il-kompetizzjoni, l-għajnuna mill-Istat għandha rwol fundamentali fid-difiża u t-tisħiħ tas-suq uniku.

3.           Il-kriżi ekonomika u finanzjarja heddet l-integrità tas-suq uniku u żiedet il-potenzjal li jkun hemm reazzjonijiet antikompetittivi. Fl-istess ħin, minħabba l-kriżi żdiedet id-domanda biex l-Istat ikollu rwol ikbar fil-protezzjoni tal-membri l-iktar vulnerabbli tas-soċjetà u fil-promozzjoni tal-irkupru ekonomiku. Iżda dan poġġa taħt pressjoni l-baġits tal-Istati Membri, u huwa meħtieġ li jkun hemm konsolidazzjoni fiskali u użu aħjar tar-riżorsi skarsi. Fl-aħħar, iżda mhux b’inqas, dan żied id-differenza bejn il-marġini ta' manuvra tal-Istati Membri biex jiffinanzjaw il-politiki tagħhom.

4.           Il-potenzjal ta’ tkabbir tal-Ewropa jista’ jiżdied billi l-infiq pubbliku jkun iktar iffukat u billi jinħolqu l-kundizzjonijiet xierqa biex jibda l-irkupru u jkun wieħed dejjiemi. B’mod partikolari, l-infiq pubbliku għandu jsir iktar effiċjenti[1], effikaċi u mmirat lejn politiki li jippromwovu t-tkabbir li jissodisfa l-għanijiet Ewropej komuni.

5.           Parti minn dak l-infiq pubbliku jkun fil-forma ta' għajnuna mill-Istat[2], kemm jekk ikun f'għamla ta' nfiq dirett, inċentivi tat-taxxa, garanziji mill-Istat jew f'għamla oħra. Għajnuna mill-Istat li tkun iktar b’saħħitha u mmirata aħjar tista’ tħeġġeġ biex jitfasslu politiki iktar effikaċi li jtejbu t-tkabbir u tista’ tiżgura li t-tfixkil fil-kompetizzjoni jkun limitat sabiex is-suq intern jibqa’ miftuħ u kontestabbli. Tista’ tikkontribwixxi wkoll biex tittejjeb il-kwalità tal-finanzi pubbliċi. Qafas iktar iffukat se jippermetti lill-Istati Membri biex jikkontribwixxu aħjar kemm fl-implimentazzjoni tal-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir sostenibbli, kif ukoll fil-konsolidazzjoni baġitarja.

6.           Il-modernizzazzjoni tal-kontroll fuq l-għajnuna mill-Istat hija meħtieġa sabiex tissaħħaħ il-kwalità tal-iskrutinju min-naħa tal-Kummissjoni u biex l-istrument jissawwar f’għodda li tippromwovi l-użu tajjeb tar-riżorsi pubbliċi biex ikun hemm politiki orjentati lejn it-tkabbir u jitnaqqas it-tfixkil fil-kompetizzjoni li jdgħajjef l-ugwaljanza fis-suq intern. Il-kumplessità attwali tar-regoli sostantivi, kif ukoll tal-qafas proċedurali, li japplikaw għall-każijiet iż-żgħar kif ukoll għall-kbar, huma sfidi għall-kontroll tal-għajnuna mill-Istat.

7.           Hemm elementi oħrajn li jsaħħu l-bżonn li jkun hemm pakkett wiesa’ ta’ modernizzazzjoni għall-politika tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat b’mod ġenerali: l-iskadenza ta' għadd ta' strumenti ewlenin ta' għajnuna mill-Istat qabel tmiem l-2013; it-tħejjija tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali tal-UE u tar-Regoli tal-Fondi Strutturali għall-2014-2020; u fl-aħħar, iżda mhux b’inqas, it-tisħiħ tas-sistema ta’ sorveljanza ekonomika u baġitarja fis-semestru tal-UE.

8.           Għaldaqstant, l-għanijiet tal-modernizzazzjoni tal-kontroll fuq l-għajnuna mill-Istat huma tlieta: (i) it-trawwim tat-tkabbir sostenibbli, intelliġenti u inklużiv f'suq intern kompetittiv; (ii) l-iffukar tal-iskrutinju li l-Kummissjoni tagħmel minn qabel fuq każijiet li jkollhom l-ikbar impatt fuq is-suq intern filwaqt li tissaħħaħ il-kooperazzjoni tal-Istati Membri fl-infurzar tal-għajnuna mill-Istat; (iii) is-simplifikazzjoni tar-regoli u l-għoti ta’ deċiżjonijiet b’iktar ħeffa.

9.           Din il-Komunikazzjoni tagħti l-punti ġenerali ta' strateġija integrata għal riforma li twassal għall-ksib ta’ dawk l-għanijiet, li huma marbuta mill-qrib bejniethom u li għandhom jitqiesu bħala partijiet individwali li permezz tagħhom se jinbena pakkett uniku għar-riforma.

2.           L-għanijiet tal-modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat u l-istrumenti biex jinkisbu

2.1.        It-trawwim tat-tkabbir f’suq intern imsaħħaħ, dinamiku u kompetittiv

10.         L-Istrateġija Ewropa 2020 għat-tkabbir tirrikonoxxi r-rwol tal-għajnuna mill-Istat fit-tkabbir u l-kapaċità tagħha li "tikkontribwixxi b'mod attiv u pożittiv għall-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020 billi tinċita u tappoġġa inizjattivi għal teknoloġiji innovattivi, effiċjenti u aktar ekoloġiċi, filwaqt li tiffaċilita l-aċċess għal appoġġ pubbliku għall-investiment, kapital tar-riskju u ffinanzjar tar-riċerka u l-iżvilupp”[3].

11.         Il-politiki biex jinkisbu l-għanijiet tal-Ewropa 2020 jistgħu jagħtu kontribut importanti biex tintemm il-kriżi u jitqanqal mill-ġdid it-tkabbir sostenibbli. L-Istati Membri u l-Unjoni se jipprijoritizzaw in-nefqa mill-baġit għal dak l-iskop; u parti minnha se tinkludi l-għajnuna mill-Istat.

12.         Il-modernizzazzjoni tal-kontroll fuq l-għajnuna mill-Istat għandha tiffaċilita t-trattament ta' għajnuna tajba li tkun imfassla tajjeb, immirata lejn nuqqasijiet identifikati tas-suq u għanijiet ta’ interess komuni u twassal għall-inqas tfixkil possibbli fis-suq (“għajnuna tajba”). Dan se jiżgura li l-appoġġ pubbliku jistimula l-innovazzjoni, it-teknoloġiji ekoloġiċi, l-iżvilupp tal-kapital uman, jevita l-ħsara ambjentali u fl-aħħar mill-aħħar jippromwovi t-tkabbir, ix-xogħol u l-kompetittività tal-UE. Għajnuna bħal din tikkontribwixxi bl-aħjar mod għat-tkabbir meta tkun immirata lejn in-nuqqasijiet tas-suq u għalhekk tkun qed tikkumplimenta, mhux tissostitwixxi, l-infiq privat. L-għajnuna mill-Istat tkun effikaċi biex jinkiseb l-għan ta’ politika pubblika mixtieq biss meta jkollha l-effett li tkun inċentiv, jiġifieri tkun tinkludi li l-benefiċjarju tal-għajnuna jwettaq attivitajiet li kieku ma kienx iwettaq mingħajr l-għajnuna. L-għajnuna mill-Istat se ikollha l-ikbar impatt pożittiv fuq it-tkabbir biss meta tkun imfassla b’mod li jillimita t-tfixkil fil-kompetizzjoni u jżomm is-suq intern kompetittiv u miftuħ. Għaldaqstant il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat huwa kruċjali biex tittejjeb l-effiċjenza u l-effikaċja tal-infiq pubbliku fl-għamla ta' għajnuna mill-Istat, bl-għan ġenerali li jiġi stimulat iktar tkabbir fis-suq intern, li neċessarjament jeħtieġ li jkun hemm kompetizzjoni li qed tiżviluppa. L-għajnuna mill-Istat li ma timmirax lejn in-nuqqasijiet tas-suq u li ma jkollha l-ebda effett li jservi ta’ inċentiv, mhux biss hija ħela ta' riżorsi pubbliċi iżda sservi biex trażżan it-tkabbir peress li l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern imorru għall-agħar.

13.         Il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat diġà huwa element sottostanti tal-inizjattivi prinċipali tal-Ewropa 2020. Pereżempju, il-linji gwida wiesa’ jipprovdu kundizzjonijiet għal appoġġ effiċjenti mill-Istat biex jinfirex il-broadband, jingħata appoġġ lill-ksib tal-għanijiet tal-"Aġenda Diġitali għall-Ewropa”. L-appoġġ pubbliku biex tiġi żviluppata l-infrastruttura huwa strumentali wkoll għall-kisba ta’ netwerks tat-trasport u tal-enerġija intelliġenti, modernizzati u interkonnessi bis-sħiħ kif previst mill-“Ewropa li tuża r-riżorsi b'effiċjenza”. Il-qafas tal-għajnuna mill-Istat għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni jiffaċilita l-kisba tal-għanijiet tal-“Unjoni tal-Innovazzjoni” kif ukoll ta’ “Politika industrijali għall-era tal-globalizzazzjoni”. L-infurzar tal-prinċipju “min iniġġes iħallas” kif ukoll il-possibilità li tingħata għajnuna lill-kumpaniji biex jitħeġġu jmorru lil hinn mill-istandards ambjentali obbligatorji tal-UE jew biex jippromwovu l-effiċjenza tal-enerġija stipulata fil-linji gwida dwar l-Għajnuna ambjentali, huma wieħed mill-għodod biex tiġi implimentata l-inizjattiva prinċipali “Ewropa li tuża r-Riżorsi b’Effiċjenza”. Il-possibilità li jingħata appoġġ lit-taħriġ permezz tal-fondi tal-Istat tagħti kontribut lill-objettivi tal-"Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi”. Il-linji gwida dwar is-salvataġġ u r-ristrutturar jippermettu li tingħata għajnuna mill-Istat lil kumpaniji fi kriżi b'kundizzjonijiet stretti u jekk ir-riżultat ikun li l-kumpanija terġa' ssir vijabbli fuq tul ta' żmien twil, billi l-impriżi ineffiċjenti jitħeġġu joħorġu u dawk f'kompetizzjoni globali jittieħdu fi ħdanha, b’kontribut lejn “Politika industrijali għall–era tal-globalizzazzjoni”. Ir-rabta bejn l-għanijiet tal-Ewropa 2020 u l-inizjattivi prinċipali fuq naħa waħda, u r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fuq in-naħa l-oħra, għandhom jiġi żviluppati iktar biex l-istrumenti tal-Kummissjoni jiġu ssimplifikati u l-Istati Membri jitħeġġu biex jiddirezzjonaw ir-riżorsi pubbliċi lejn il-prijoritajiet komuni.

14.         Billi ssir enfasi fuq il-kwalità u l-effiċjenza tal-appoġġ pubbliku, il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat jista’ wkoll jgħin lill-Istati Membri biex isaħħu d-dixxiplina baġitarja u jtejbu l-kwalità tal-finanzi pubbliċi – li jirriżulta f'użu aħjar tal-flus tal-kontribwenti. Dan għandu importanza partikolari sabiex tintlaħaq konsolidazzjoni fiskali intelliġenti, b'rikonċiljazzjoni tar-rwol, fil-ħolqien tat-tkabbir, tal-infiq pubbliku mmirat mal-ħtieġa li jiġu kkontrollati l-baġits. Għaldaqstant jeħtieġ ukoll li l-proċedura tas-Simestru tal-UE jkun fiha kontroll tal-għajnuna mill-Istat u iktar preokkupazzjonijiet dwar il-kompetizzjoni ġenerali.

15.         Jeħtieġ ukoll li jkun hemm kontroll qawwi tal-għajnuna mill-Istat biex ikun żgurat li s-suq uniku jiffunzjona sew. Dan il-kontroll qawwi jimxi id f’id mal-implemetazzjoni effettiva tar-regoli tas-suq intern tal-UE u huwa ta' rilevanza partikolari fi swieq li għadhom kif infetħu u fejn atturi kbar li jkunu diġà preżenti u jkunu megħjuna mill-Istat ikun għad għandhom rwol ewlieni x’jaqdu, bħat-trasport, is-servizzi postali jew, f’każijiet iktar limitati, l-enerġija. Il-modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat tista’ ttejjeb il-funzjonament tas-suq intern permezz ta’ politika aktar effikaċi mmirata lejn l-illimitar tat-tfixkil fil-kompetizzjoni, iż-żamma ta’ kundizzjonijiet ugwali u l-ġlieda kontra l-protezzjoniżmu. Dan ir-rwol tal-għajnuna mill-Istat issa huwa iktar importanti peress li jeħtieġ li l-potenzjal kollu tas-suq intern jiġi mmobilizzat għat-tkabbir.

16.         L-ambjent globali joħloq sfidi u opportunitajiet għall-kumpaniji Ewropej. Fid-dinja kollha jeżistu sistemi differenti ta' regoli dwar il-kompetizzjoni. Meta tqabbel, ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat joffru qafas iktar trasparenti, koerenti u orjentat lejn it-tkabbir, filwaqt li jippermettu livelli kumparabli ta’ għajnuna[4]. Qafas tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat li jiffoka dejjem iktar fuq it-titjib tal-għanijiet tat-tkabbir filwaqt li jiżgura li s-suq intern jiffunzjona sew, għandu jtejjeb il-kompetittività tal-kumpaniji tal-UE anki barra mill-UE.

17.         Fiċ-ċirkostanzi speċifiċi li s-sussidji mogħtija minn pajjiż terz ikunu se jwasslu għal tfixkil fil-kompetizzjoni, ir-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) jipprovdu qafas bażiku li joffri rimedju għall-konsegwenzi speċifiċi ta’ sussidji barranin illegali li jġarrbu l-operaturi tal-UE. Barra minn hekk, il-Ftehimiet bilaterali tal-Kummerċ Ħieles iffirmati mill-UE ma’ pajjiżi terzi jistgħu jinkludu wkoll regoli dwar is-sussidji li jittrattaw kwistjonijiet speċifiċi li mhumiex koperti mill-qafas tad-WTO (pereżempju l-Ftehim dwar il-Kummerċ Ħieles mal-Korea). L-istrumenti tal-politika kummerċjali jistgħu jintużaw biex jiġu implimentati dawk id-dixxiplini.

18.         Il-proposti tal-modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat li jikkontribwixxu għall-għan tat-tkabbir huma:

(a) L-identifikazzjoni u d-definizzjoni ta' prinċipji komuni applikabbli għall-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżuri ta’ għajnuna kollha mwettqa mill-Kummissjoni; prinċipji orizzontali bħal dawn jiċċaraw il-mod ta’ kif il-Kummissjoni tivvaluta l-karatteristiċi komuni li bħalissa mhumiex trattati bl-istess mod fil-linji gwida u l-oqfsa differenti kollha; dawk il-prinċipji għandhom ikunu kemm jista’ jkun operattivi u kapaċi jittrattaw id-definizzjoni u l-valutazzjoni ta' nuqqasijiet ġenwini tas-suq, l-effett ta' inċentiv u l-effetti negattivi tal-interventi pubbliċi, inklużi, potenzjalment, il-kunsiderazzjonijiet dwar l-impatt globali tal-għajnuna.

(b) Ir-reviżjoni u s-simplifikazzjoni tal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat, biex isiru konsistenti ma’ dawk il-prinċipji komuni. Ir-reviżjoni se ssegwi metodu ġenerali msejjes fuq it-tisħiħ tas-suq intern, li jippromwovi iktar effikaċja fl-infiq pubbliku (l-użu tal-għajnuna mill-Istat biss meta tirrappreżenta valur miżjud reali); definizzjoni iktar ċara tan-nuqqasijiet tas-suq li jeħtieġ li jiġu indirizzati u iktar skrutinju tal-effett ta’ inċentivi għandu jkollhom rwol importanti f’dak il-kuntest, sabiex ikun żgurat li jkun hemm valur għall-flus u jiġi evitat it-tfixkil. Valutazzjoni iktar sistematika tal-effetti negattivi potenzjali tal-għajnuna mill-Istat – notevolment f’termini ta’ tfixkil fl-effiċjenza allokattiva u dinamika, jeħtieġ li jissegwew ukoll il-kompetizzjoni għas-sussidji u l-poter fis-suq. Għaldaqstant, pereżempju, il-Linji Gwida riveduti dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturar ta’ impriżi mhux finanzjarji se jsiru strument importanti ħafna biex tiġi kkontrollata dik it-tip ta’ għajnuna li toħloq tfixkil kbir, sabiex ikun żgurat li l-Istat iwaqqaf il-proċess ta’ ħruġ mis-suq biss meta jkun verament ġustifikat. Bl-istess mod, meta l-kundizzjonijiet tas-suq jippermettu, se jiġu stipulati sensiela ġdida ta' regoli dwar is-salvataġġ u r-ristrutturar tal-istituzzjonijiet finanzjarji għas-sitwazzjoni ta’ wara l-kriżi, li jkunu konsistenti mal-proposti tal-UE fil-futur dwar il-ġestjoni u r-riżoluzzjoni tal-kriżijiet. Fl-aħħar nett, l-identifikazzjoni tal-aħjar prattiki fir-rigward tal-prijoritajiet ta’ nfiq ta' Ewropa 2020 għandha tippermetti li l-għajnuna li tkun kosteffettiva u ttejjeb it-tkabbir tiġi approvata malajr. Fir-rigward tas-simplifikazzjoni, fi stadju primarju, diversi linji gwida, fosthom linji gwida għall-Għajnuna Reġjonali, ir-Riċerka u l-Iżvilupp u l-Innovazzjoni, l-Għajnuna ambjentali, il-Kapital tar-Riskju u l-Broadband (tipi ta’ għajnuna li jirrappreżentaw iktar minn żewġ terzi tal-għajnuna mogħtija fl-UE), jistgħu jiġu allinjati u possibilment konsolidati mal-prinċipji komuni sal-aħħar tal-2013. Dan jista’ anki jippermetti t-tiftix ta’ sinerġiji bejn reġimi differenti ta’ għajnuna u l-issodisfar ta’ għanijiet multipli. L-adozzjoni individwali ta’ kull linja gwida se sseħħ progressivament u bla dewmien matul dan il-perjodu. Niffukaw l-infurzar fuq il-każijiet li għandhom l-ikbar impatt fuq is-suq intern

2.2.        Niffukaw l-infurzar fuq il-każijiet li għandhom l-ikbar impatt fuq is-suq intern

19.         Il-mixja lejn infiq iktar effiċjenti ma għandhiex tirriżulta f’mikrokontroll tan-nefqa pubblika kollha, iżda pjuttost fi prijoritizzazzjoni u f’iktar skrutinju tal-għajnuna b’impatt sinifikanti fuq is-suq uniku, inkluż dawk il-miżuri li jkopru l-għajnuna kbira b’potenzjal ta’ tfixkil, inkluż l-għajnuna fiskali. Parallelament, l-analiżi tal-każijiet ta’ natura iktar lokali u b’effett żgħir fuq il-kummerċ għandhom jiġu ssimplifikati. Dak l-eżitu jista’ jinkiseb billi jiġu definiti regoli iktar proporzjonati u divrenzjati u billi l-proċeduri ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat jiġu modernizzati, b’iktar responsabilità fuq l-Istati Membri biex ifasslu u jimplimentaw miżuri ta’ appoġġ. Dan se jirrikjedi li r-regoli jiġu definiti aħjar u li l-Kummissjoni ttejjeb il-monitoraġġ li jsir minnha wara biex tiżgura li jkun hemm konformità xierqa. Dan se jnaqqas ukoll il-piż amministrattiv fuq l-awtoritajiet pubbliċi u fuq il-benefiċjarji meta jkunu involuti ammonti iżgħar ta’ għajnuna.

20.         Il-proposti tal-modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat li jikkontribwixxu għall-għan ta' prijoritizzazzjoni huma:

(a) il-possibilità ta’ reviżjoni tar-Regolament de minimis, fuq il-bażi ta’ studju tal-impatt dettaljat, b’kont meħud tas-sitwazzjoni fl-Istati Membri kollha u fis-suq uniku b'mod ġenerali, kif ukoll l-implikazzjonijiet baġitarji ta' reviżjoni bħal din, sabiex jiġi eżaminat jekk il-limitu attwali għadux jikkorrispondi għall-kundizzjonijiet tas-suq;

(b) il-possibilità ta’ tibdil fir-Regolament ta’ Awtorizzazzjoni tal-Kunsill biex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna jkunu kompatibbli mas-suq intern u għalhekk ikunu eżenti milli jiġu notifikati minn qabel. Sussegwentement dan għandu jippermetti li jkun hemm żieda fit-tipi ta’ għajnuna li, skont l-esperjenza tal-Kummissjoni, ikunu jistgħu jibbenefikaw minn kontroll issimplifikat bħal dan, mingħajr ma tiddgħajjef is-superviżjoni effiċjenti mill-Kummissjoni u l-monitoraġġ li jsir wara. Dawk it-tipi ġodda ta’ għajnuna li jistgħu jkunu koperti mir-Regolament ta’ Awtorizzazzjoni jistgħu jinkludu, pereżempju: għajnuna għall-kultura; għajnuna għall-ħsara kkawżata minn diżastri naturali; għajnuna (parzjali) għal proġetti ffinanzjati mill-UE bħal pereżempju JESSICA; u oħrajn.

(c) reviżjoni u l-possibilità ta’ estensjoni tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa fir-rigward tal-kategoriji ta’ għajnuna koperti mir-Regolament ta’ Awtorizzazzjoni rrivedut, sabiex jingħata kontribut biex ir-riżorsi pubbliċi jiġu direzzjonati aħjar lejn ċerti għanijiet stabbiliti sew filwaqt li jiġi ssimplifikat il-proċess amministrattiv ta’ miżuri mfassla sew b’ammont relattivament baxx ta’ għajnuna.

21.         Jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li żżid id-daqs u l-firxa ta' miżuri ta' għajnuna li jkunu eżenti mill-obbligu ta' notifika, jiżdiedu r-responsabilitajiet tal-Istati Membri biex jiżguraw li l-infurzar tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat isir korrettement. B’iktar miżuri eżenti mir-rekwiżit ta’ notifika, l-Istati Membri se jkollhom jiżguraw li jkun hemm konformità minn qabel mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fil-każ ta’ miżuri de minimis u skemi u każijiet ta' eżenzjonijiet ġenerali, b'koordinazzjoni stretta mal-Kummissjoni li tkompli teżerċita kontroll ta’ wara fuq dawn il-miżuri. Il-Kummissjoni se tistenna li jkun hemm kooperazzjoni aħjar min-naħa tal-Istati Membri f’termini ta’ kwalità u puntwalità fis-sottomissjoni ta’ informazzjoni u fit-tħejjija tan-notifiki, kif ukoll li jkun hemm sistemi nazzjonali effettivi (inkluż infurzar privat) li jiżguraw li l-miżuri ta' għajnuna mill-Istat li jkunu eżenti minn notifika minn qabel ikunu jikkonformaw mal-liġi tal-Unjoni. Jista’ jkun hemm inqas piż amministrattiv minħabba inqas obbligi ta’ notifika biss jekk dan ikun akkumpanjat minn żieda fl-impenn u fir-riżultati min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali f’termini ta’ konformità. Konsegwentement, il-kontrolli li tagħmel il-Kummissjoni wara se jkollhom jiżdiedu, anki peress li r-riżultati attwali tal-monitoraġġ tal-implimentazzjoni mill-Istati Membri tal-miżuri suġġetti għal eżenzjoni ġenerali qed juri li spiss ikun hemm nuqqas ta’ konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. B’dan il-mod jista' jkun żgurat li l-infurzar ikun effikaċi.

2.3.        Simplifikazzjoni tar-regoli u teħid ta’ deċiżjonijiet iktar malajr

22.         Maż-żmien, ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat żviluppaw f'qafas legali kumpless. Hemm lok biex ir-regoli jiġu ċċarati u ssimplifikati, tiżdied il-konsistenza u jiġi ssimplifikat il-proċess ta’ valutazzjoni. Hemm bżonn li jiġu spjegati aħjar il-kunċetti tal-għajnuna mill-Istat u jiġu kkonsolidati r-regoli orizzontali u sostantivi tagħna.

23.         Il-Kummissjoni hija obbligata li teżamina l-allegazzjonijiet kollha dwar għajnuna potenzjali mingħajr ma tkun kapaċi tistabbilixxi fil-prattika prijoritajiet fl-indirizzar tal-ilmenti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni mhux dejjem tkun f'pożizzjoni li tikseb mingħand il-partijiet informazzjoni kompleta u korretta, u dan jista’ jtawwal il-proċeduri. Hemm bżonn li jiġu ssimplifikati u rriformati l-proċeduri sabiex id-deċiżjonijiet jittieħdu f’perjodi ta’ żmien rilevanti għan-negozju, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri. L-elementi tal-pakkett li jikkontribwixxu għal dak l-għan huma:

(a) kjarifika u spjegazzjoni aħjar tal-kunċett tal-għajnuna mill-Istat: il-kunċett ta’ għajnuna huwa kunċett oġġettiv iddefinit direttament mit-Trattat fl-Artikolu 107 bħala kwalunkwe miżura li tirriżulta f’intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li jkollu effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, li jagħti vantaġġ li min jirċevih u li jwassal għal distorsjoni jew jhedded li jwassal għal distorsjoni għall-kompetizzjoni. Ir-rwol tal-Kummissjoni f’dak ir-rigward huwa limitat għall-għoti ta' kjarifika dwar kif hi tifhem u tapplika d-dispożizzjonijiet tat-Trattat, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja. F’dawk il-limiti, il-Kummissjoni se tipprovdi kjarifika ulterjuri dwar il-kunċetti prinċipali relatati mal-kunċett ta' għajnuna bl-għan li tikkontribwixxi għal implimentazzjoni iktar sempliċi;

(b) Modernizzazzjoni tar-Regolament Proċedurali dwar l-għajnuna mill-Istat f’dak li jirrigwarda t-trattament tal-ilmenti u l-għodod ta’ informazzjoni tas-suq, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiffoka l-azzjoni tagħha aħjar fuq każijiet li huma l-iktar rilevanti għas-suq intern. Dan jirrikjedi li l-Kummissjoni tkun tista’ tistabbilixxi prijoritajiet għat-trattament tal-ilmenti, sabiex tipprijoritizza allegazzjonijiet ta' għajnuna potenzjali li jkollha impatt kbir fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ fis-suq intern. Parallelament, sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tinvestiga b'effiċjenza każijiet ta' għajnuna b’impatt sinifikati, għandu jkollha għodod iktar effiċjenti biex tikseb l-informazzjoni kollha meħtieġa mill-parteċipanti fis-suq minn kmieni sabiex tkun tista' tieħu deċiżjonijiet f'perjodu ta' żmien rilevanti għan-negozju. Dawn il-proċeduri ta’ modernizzazzjoni jippermettu wkoll li l-Kummissjoni twettaq investigazzjonijiet b’inizjattiva tagħha stess dwar tfixkil sinifikanti fil-kompetizzjoni li jxekkel is-suq intern. Għandhom jippermettu wkoll li ssir verifika malajr tal-effetti fuq is-suq ta' miżuri li jippermettu li d-deċiżjonjiet jittieħdu iktar malajr.

3.           il-passi li jmiss

24.         Il-modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat kif deskritta hawn fuq għandha tirriżulta f'arkitettura aktar ċara u koerenti tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat. Il-miżuri potenzjali varji deskritti hawn fuq jikkostitwixxu elementi integrati ta’ pakkett wieħed ta’ riforma.

25.         Għalhekk, il-miżuri potenzjali deskritti hawn fuq jaħdmu flimkien biex jiksbu l-għanijiet ta' livell għoli – huma jappoġġaw lil xulxin u huma interdipendenti. Pereżempju, il-miżuri proċedurali possibbli li qed jiġu suġġeriti hawn fuq għandhom jippermettu li d-deċiżjonijiet jittieħdu b’iktar ħeffa u jippermettu lill-Kummissjoni li tiffoka l-infurzar tagħha fuq l-affarijiet l-iktar importanti fuq il-livell tal-UE. L-istess loġika tapplika għat-twessigħ tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa permezz ta' modifika tar-Regolament ta’ Awtorizzazzjoni.

26.         Fid-dawl ta' dik l-interdipendenza bejn l-għanijiet u l-elementi tal-pakkett, u sabiex jinkiseb il-massimu possibbli mir-riżultati tal-modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat, huwa mixtieq ukoll li l-elementi prinċipali tar-riforma jidħlu fis-seħħ fl-istess ħin. Għaldaqstant il-proċessi differenti se jibdew mill-adozzjoni ta’ din il-Komunikazzjoni, u l-istrumenti prinċipali tal-pakkett, inklużi l-atti tal-Kunsill, għandhom jiġu adottati sal-aħħar tal-2013.

27.         Biex tintlaħaq din il-mira, il-proposti tal-Kummissjoni għar-Regoli ta’ Proċedura u ta’ Awtorizzazzjoni għandhom jiġu adottati fil-ħarifa tal-2012. Il-Kummissjoni se timmira li tiżviluppa l-bqija tal-pakkett matul ix-xhur li ġejjin bil-ħsieb li l-atti tal-Kummissjoni u l-linji gwida prinċipali jiġu riveduti u ssimplifikati progressivament sal-aħħar tal-2013. Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tikkonsulta lill-Istati Membri u tibda djalogu miftuħ mal-Parlament Ewropew u ma’ partijiet interessati oħrajn, bl-għan li tiġbor informazzjoni biex isir dibattitu dwar il-proposti għall-modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat.

[1]               Dan jimplika wkoll l-eliminazzjoni gradwali tas-sussidji li jwasslu għal użu ineffiċjenti ta’ riżorsi jew ħsara ambjentali f’konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Pjan Direzzjonali għal Ewropa b'Użu Effiċjenti tar-Riżorsi”, COM(2011) 571 finali, p. 10.

[2]               Ħarsa ġenerali lejn in-nefqa pubblika għall-għajnuna mill-Istat tinsab fit-“Tabella ta’ Valutazzjoni dwar l-Għajnuna mill-Istat - Rapport dwar l-għajnuna mill-Istat mogħtija mill-Istati Membri tal-UE”, COM(2011) 848 finali.

[3]               Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv”, COM(2010) 2020 finali, 3.3.2010, p. 20.

[4]               Studju komparattiv imwettaq mid-WTO fl-2006 jissuġġerixxi li l-livell ta’ għajnuna mogħti lill-Istati Membri tal-UE huwa paragunabbli mal-livelli mogħtija mill-imsieħba kummerċjali ewlenin tal-UE. Ara r-Rapport tal-World Trade Organization tal-2006 “Exploring the links between subsidies, trade and the WTO.” http://www.wto.org/english/res_e/booksp_e/anrep_e/world_trade_report06_e.pdf. Ara Taqsima II“Subsidies, Trade and the WTO”, Kapitolu E “The Incidence of Subsidies”.