52012DC0190

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Rapport Annwali dwar il-progress miksub mill-Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti Impriżi Konġunti fl-2010 /* COM/2012/0190 final */


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Rapport Annwali dwar il-progress miksub mill-Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti Impriżi Konġunti fl-2010

1.           Introduzzjoni

L-Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti huma mezz ġdid kif jimmaterjalizzaw sħubijiet pubbliċi privati fir-riċerka industrijali f'livell Ewropew. L-inizjattivi ġew stabbiliti bħala proġetti pilota fl-2007-2008 taħt is-Seba' Programm Kwadru[1] f'ħames oqsma strateġiċi – l-aeronawtika u t-trasport bl-ajru (l-Inizjattiva Clean Sky), is-saħħa pubblika (l-Inizjattiva dwar Mediċini Innovattivi), it-teknoloġiji dwar iċ-ċelloli tal-fjuwil u l-idroġenu (l-Inizjattiva taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu), is-sistemi ta’ kompjuters inkorporati (l-Inizjattiva ARTEMIS) u n-nanoelettronika (l-Inizjattiva ENIAC)[2]. Billi jqarrbu lejn xulxin lill-industrija, lill-komunità tar-riċerka u lill-UE biex jiddefinixxu aġendi komuni għar-riċerka u jinvestu f'attivitajiet ta' riċeka multinazzjonali fuq skala kbira, speċjalment fi żminijiet ta' tnaqqis fir-ritmu ekonomiku globali, l-ITK jirrappreżentaw opportunità interessanti biex l-Ewropa ssaħħaħ il-kompetittività tagħha bbażata fuq il-prinċipji ta' eċċellenza xjentifika, ftuħ u innovazzjoni .

Ir-rapport annwali dwar il-progress miksub mill-Impriżi Konġunti għall-Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti (minn hawn 'il quddiem imsejħa l-"IK ITK") huwa ppreparat skont l-Artikolu 11(1) ta' kull Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-ITK individwali, li jiddikjara li "l-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill b'rapport annwali dwar il-progress miksub mill-Impriża Konġunta [isem l-ITK]. Dan ir-rapport għandu jinkludi d-dettalji ta’ implimentazzjoni inkluż l-għadd ta' proposti ppreżentati, l-għadd ta' proposti magħżula għall-finanzjament, it-tip ta' parteċipanti, inklużi l-SMEs, u l-istatistika tal-pajjiż".

Il-bażi legali tistabbilxxi wkoll rekwiżit biex, jekk ikun rilevanti, tiġi inkluża informazzjoni dwar ir-riżultati tal-valutazzjoni tal-Evalwatur tat-Tekonoloġija li għandha tiddefinixxi l-impatt ambjentali u l-benefiċċji tar-riżultat ġenerali tal-Impriża Konġunta Clean Sky[3]. Peress li l-ewwel valutazzjoni kienet mistennija fi tmiem l-2011, dan ir-rapport jagħti ħarsa ġenerali tal-istadji preparatorji fit-tfassil u l-iżvilupp tas-sistema tal-Evalwatur tat-Tekonoloġija li saret fl-2010.

Dan ir-rapport huwa t-tieni dokument awtonomu li jipprovdi informazzjoni lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar il-progress miksub mill-IK ITK sa mit-twaqqif tagħhom. L-attivitajiet tal-Impriżi Konġunti fl-2008 ġew inklużi fir-Rapport Annwali ġenerali dwar l-attivitajiet ta' riċerka u żvilupp teknoloġiku tal-Unjoni Ewropea fl-2008[4], u b'mod partikolari, annessi mad-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni[5] li jakkumpanja r-rapport. Aktar tard ġie deċiż li jinbidel il-kamp ta' applikazzjoni tar-rapport u li d-deskrizzjoni tal-attivitajiet tal-IK ITK jiġu separati mill-attivitajiet ġenerali tar-riċerka u l-iżvilupp tal-Kummissjoni.

L-ewwel rapport awtonomu tal-attivitajiet tal-IK ITK fl-2009[6] ġie adottat f'Settembru 2011. Is-servizzi tal-Kummissjoni għamlu sforzi sostanzjali biex jippreżentaw fil-ħin ir-riżultati tas-sena d-dieħa tal-attivitajiet tal-IK ITK, li huma s-suġġett ta’ dan ir-rapport, lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

Dan ir-rapport annwali dwar il-progress miksub mill-Impriżi Konġunti għall-Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti fl-2010 huwa ppreparat wara l-ewwel evalwazzjonijiet interim tal-Impriżi Konġunti previsti fl-Artikolu 11(2) tar-Regolamenti tagħhom tal-Kunsill. Ir-rapport iqis ir-rakkomandazzjonijiet tal-esperti fir-rapporti tal-evalwazzjonijiet interim u r-rispons tal-Kummissjoni[7], kif ukoll l-azzjonijiet speċifiċi ppjanati mill-ITK f'konformità ma' dawn ir-rakkomandazzjonijiet. Iqis ukoll l-opinjoni tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri espressa fir-rapporti dwar il-kontijiet annwali tal-IK ITK għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2010[8].

Ir-rapport jibda b'introduzzjoni qasira tal-IK ITK, jagħti sommarju tal-kisbiet ewlenin tagħhom fl-2010 u jsemmi l-oqsma li għandhom jittejbu fil-ġejjieni. Ir-rapport huwa akkumpanjat minn Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li essenzjalment fih informazzjoni statistika dwar l-attivitajiet tar-riċerka tal-IK ITK matul is-sena li għaddiet f'konformità mal-Artikolu 11(1) tar-Regolamenti tagħhom tal-Kunsill.

2.           Ħarsa ħafifa lejn l-IK ITK

L-Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti ġew stabbiliti fil-forma ta' Impriżi Konġunti abbażi tal-Artikolu 187 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE (li qabel kien l-Artikolu 171 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea) li jistipula li "l-Unjoni tista’ toħloq impriżi komuni jew kull struttura oħra neċessarja għall-esekuzzjoni effiċjenti tal-programmi tar-riċerka ta' żvilupp teknoloġiku u ta' dimonstrazzjoni tal-Unjoni". Dawn ġew stabbiliti bħala "Entitajiet Komunitarji" kif iddefinit fl-Artikolu 185 tar-Regolament Finanzjarju tal-UE[9]. Bl-għan ewlieni li jappoġġaw oqsma prinċipali fejn ir-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku jistgħu jikkontribwixxu għall-kompetittività u l-kwalità tal-ħajja Ewropej, iżda fejn l-istrumenti tradizzjonali tal-Programm Kwadru mhumiex adegwati[10], ġew introdotti l-IK ITK bħala novità ewlenija taħt is-Seba' Programm Kwadru (FP7).

F'konformità mal-Programm Speċifiku "Kooperazzjoni" tal-FP7, fl-2007-2008 ġew stabbiliti ħames IK ITK għal perjodu limitat sal-31 ta' Diċembru 2017:

(1) L-IK tal-Aeronawtika u t-Trasport bl-Ajru (Clean Sky) li żżid il-kompetittività tal-industrija aeronawtika Ewropea filwaqt li tnaqqas l-emissjonijiet u l-istorbju, stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 71/2008 tal-20 ta' Diċembru 2007;

(2) L-IK tal-Inizjattiva dwar il-Mediċini Innovattivi li trawwem l-iżvilupp ta' mediċini aħjar u aktar sikuri għall-pazjenti, stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (KE) 73/2008 tal-20 ta' Diċembru 2007;

(3) L-IK taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu (FCH) li tħaffef l-iżvilupp u l-mobilizzazzjoni tal-forniment tal-idroġenu u t-teknoloġiji taċ-ċelloli tal-fjuwil, stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (KE) 521/2008 tat-30 ta' Mejju 2008;

(4) L-IK ta’ Sistemi ta’ Kompjuters Inkorporati (ARTEMIS) li tgħin lill-industrija Ewropea biex tikkonsolida u tirrinforza l-pożizzjoni dinjija tagħha fl-ewwel post fis-sistemi ta’ kompjuters inkorporati, stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (KE) 74/2008 tal-20 ta' Diċembru 2007;

(5) L-IK tat-Teknoloġija tan-Nanoelettronika 2020 (ENIAC) li għandha l-għan li tikseb livell għoli ħafna tal-minjaturizzazzjoni meħtieġa għal ġenerazzjoni li jmiss tal-komponenti tan-nanoelettronika, stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (KE) 72/2008 tal-20 ta' Diċembru 2007.

Biex l-Impriżi Konġunti jiksbu l-għanijiet tagħhom, dawn jagħżlu proġetti permezz ta' sejħiet għal proposti annwali miftuħa u kompetittivi billi jsegwu proċess ta' sottomissjoni u evalwazzjoni fi stadju wieħed jew f'żewġ stadji. Dawn jipprovdu l-finanzjament għal proġetti kollaborattivi u għal azzjonijiet ta' koordinazzjoni u sostenn. Is-sejħiet għal proposti mnedija mill-IK Clean Sky huma aktar speċifiċi minħabba l-kamp ta' applikazzjoni tagħhom, it-tul ta' żmien iqsar u r-riżultati mistennija li għandhom ikunu f'livelli ta' tlestija teknoloġika akbar. Għaldaqstant, l-inizjattiva Clean Sky tippublika diversi sejħiet kull sena.

Sakemm dawn saru awtonomi, il-Kummissjoni Ewropea bħala membru kofundatur, kienet responsabbli għat-twaqqif u l-operazzjoni inizjali tal-IK ITK. Meta l-Impriżi Konġunti żviluppaw il-qafas legali u finanzjarju tagħhom, u b’hekk urew il-kapaċità li jimplimentaw il-baġit tagħhom stess, dawn ingħataw l-awtonomija mill-Kummissjoni. ARTEMIS, IMI u Clean Sky kisbu b'mod uffiċjali l-awtonomija tagħhom f'Ottubru-Novembru 2009, u kienu segwiti mill-ENIAC f'Mejju u mill-FCH f'Novembru 2010. B'hekk, l-2010 kienet l-ewwel sena sħiħa tal-funzjonament awtonomu tal-parti l-kbira tal-IK ITK

3.           Kisbiet prinċipali fl-2010

Wara l-bidu operattiv pjuttost bil-mod tal-IK ITK, sa ċertu punt minħabba l-limitazzjonijiet tal-qafas legali u regolatorju eżistenti għal "entità Komunitarja"[11], fl-2010 l-ħames Impriżi Konġunti żvelaw li l-mudell il-ġdid ta' ħidma fir-riċerka bejn is-setturi pubbliċi u dawk privati jindikaw li ser ikunu ta' suċċess. L-attivitajiet tal-ITK li ġew mnedija u diġà qed jiffunzjonaw ġew rikonoxxuti li huma effiċjenti b'mod ġenerali u li huma ta' kwalità għolja skont il-konklużjoniet tal-ewwel evalwazzjonijiet interim tal-Impriżi Konġunti li saru fl-2010 (April 2011 għall-IK taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu).

3.1.        Attivitajiet operattivi

Fl-2010, il-ħames IK ITK ikkonċentraw l-isforzi fuq il-ġestjoni tas-sejħiet għal proposti tagħhom – l-iffinalizzar tan-negozjati, l-iffirmar tal-ftehimiet ta’ għotja u l-bidu tal-proġetti li jirriżultaw mis-sejħiet tal-2008 u l-2009, kif ukoll it-tnedija tas-sejħiet tal-2010, l-evalwazzjoni u l-għażla tal-proposti rebbieħa u għal uħud mill-ITK, il-bidu tal-proċess tan-negozjati. L-Impriżi Konġunti ħadmu wkoll fuq il-preparazzjoni tas-sejħiet għal proposti tal-2011: Abbażi tal-esperjenza miksuba mis-sejħiet u l-konsultazzjonijiet preċedenti mad-diversi partijiet interessati, l-IK ħarġu b'definizzjoni tas-suġġetti tas-sejħiet li jmiss.

L-IK ITK kollha rnexxielhom jattiraw firxa wiesgħa ta' parteċipanti mill-Ewropa u mill-pajjiżi assoċjati mal-FP7 fis-sejħiet tagħhom. B'mod ġenerali, għadd kbir ta' SMEs ħadu sehem fil-proposti. Madankollu, kien hemm ċerti ostakli li l-ITK kellhom jittrattaw sabiex isaħħu aktar l-involviment tal-SME fl-attivitajiet tar-riċerka tagħhom.

F'dak li għandu x'jaqsam mal-proġetti li jinsabu għaddejjin, skont l-osservazzjonijiet inizjali, dawn jirnexxilhom jindirizzaw il-prijoritajiet identifikati tal-aġendi għar-riċerka tal-IK ITK u huma komplimentari għal attivitajiet oħrajn tal-FP7 fl-istess qasam mingħajr ma jsir xogħol doppju jew li jikkoinċidi. Dan kien żgurat permezz ta' kontrolli regolari. Fl-istess waqt, il-proġetti li jinsabu għaddejjin urew progress tekniku sodisfaċenti f'konformità mal-istrateġiji differenti ta' implimentazzjoni industrijali.

Id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja dan ir-rapport jippreżenta informazzjoni dettaljata dwar l-attivitajiet ta' riċerka tal-IK ITK fl-2010, it-tipi ta' applikanti, il-parteċipazzjoni tal-SMEs, l-istatistika ta' kull pajjiż, u l-ammonti ta' finanzjament għas-sejħiet.

Matul l-2010, il-parti l-kbira tal-Impriżi Konġunti bdew ir-reviżjoni tad-dokumenti strateġiċi u l-aġġornament tal-prijoritajiet tar-riċerka li jsejsu s-suġġetti tas-sejħiet sabiex jirriflettu l-avvanzi xjentifiċi u l-evoluzzjoni tal-ħtiġijiet tal-industriji differenti. L-IK Clean Sky wettqet valutazzjoni tal-għanijiet ambjentali tagħha, kif definit oriġinarjament fil-proposta teknika tagħha[12]. Ir-riżultat ta' din l-evalwazzjoni mill-ġdid jikkonferma b'mod wiesa' r-rilevanza tal-miri inizjali ta' Clean Sky. Il-programmi ta' ħidma tal-ITD u s-suġġetti tas-sejħiet relatati ġew riveduti wkoll abbażi ta' dawn l-elementi aġġornati. L-IMI kkonsidrat ir-rakkomandazzjonijiet tal-partijiet interessati tal-industrija tagħha, espressi wkoll fl-ewwel rapport ta' evalwazzjoni interim u approvati mill-Kummissjoni Ewropea, għat-tnedija ta' għadd ta' proġetti kbar ta' inizjattiva u fit-tfassil tas-suġġetti tas-sejħiet tagħha tapplika l-istrateġija “Aħseb bil-Kbir”. L-FCH ħadet azzjonijiet speċifiċi biex tegħleb il-limitazzjonijiet tal-prinċipju ta' tqabbil u tar-rati ta' finanzjament identifikati bħal fattur ewlieni ta' riskju għall-attivitajiet operattivi tagħha. ARTEMIS bdiet tiffunzjona u ENIAC elaborat ħarġa ġdida tal-aġendi tagħha għar-riċerka biex iżżomm il-pass max-xejriet il-ġodda u l-evoluzzjoni mgħaġġla fl-oqsma tagħha.

3.2.        Impriża Konġunta Clean Sky: l-Evalwatur tat-Teknoloġija

L-Evalwatur tat-Teknoloġija jinsab fil-qofol tal-IK Clean Sky bl-iskop li jivvaluta l-prestazzjoni ambjentali tat-teknoloġiji żviluppati bl-appoġġ tagħha. L-Evalwatur tat-Teknoloġija rkupra d-dewmien iffaċċjat fl-2009 u l-pakketti kollha ta' ħidma kienu attivi fl-2010. L-ewwel valutazzjoni tal-Evalwatur tat-Teknoloġija kienet ippjanata li ssir permezz tal-immudellar tas-sistema tat-trasport bl-ajru billi jitqabblu żewġ xenarji – bil-parteċipazzjoni tal-IK Clean Sky u mingħajr il-parteċipazzjoni tagħha . Din kienet skedata għall-aħħar tal-2011. Ir-riżultati tal-valutazzjoni ser jiġu ppreżentati fir-rapporti li jmiss tal-Kummissjoni.

3.3.        Attivitajiet amministrattivi

Wara twaqqif u tnedija diffiċli iżda ta' suċċess tal-ħames Impriżi Konġunti, ARTEMIS, IMI u Clean Sky żviluppaw b'mod progressiv il-qafas legali u finanzjarju tagħhom u sal-aħħar tal-2009, ingħataw l-awtonomija mill-Kummissjoni. B'hekk, l-2010 kienet l-ewwel sena ta' funzjonament awtonomu tal-entitajiet.

Fl-istess direzzjoni, fl-2010, l-ENIAC u l-FCH iffokaw fuq it-tlestija u l-istabbiliment tal-governanza u s-sistemi ta' kontroll intern tagħhom u l-elaborazzjoni tal-proċessi tal-ġestjoni tar-riskji tagħhom. Wara li dawn l-Impriżi Konġunti ssodisfaw il-kriterji ta' awtonomija, huma wkoll ingħataw awtonomija amministrattiva u operattiva mill-Kummissjoni.

Wieħed mill-kompiti ewlenin tal-Impriżi Konġunti fl-2010 kien li jiżviluppaw is-sistemi u l-proċessi interni taghom, bis-sostenn tal-implimentazzjoni b'suċċess tal-attivitajiet tar-riċerka tagħhom. Il-proċessi ta' Clean Sky ġew analizzati u kklassifikati, u dan irriżulta fil-produzzjoni ta' manwal ta' kwalità u manwal għal proċeduri finanzjarji. Twettqet analiżi tal-istruttura organizattiva tal-IK ITK biex tirrispondi aħjar għall-aspettattivi tal-partijiet interessati. Attivitajiet simili ta' reviżjoni u aġġornament saru wkoll fl-ITK l-oħrajn.

Kwistjoni importanti f'dan il-kuntest kienet l-iżvilupp tal-indikaturi ewlenin ta' presatazzjoni. Fost il-ħames IK ITK, sal-aħħar tal-2010 l-FCH u l-ENIAC biss kienu implimentaw l-indikaturi kwantitattivi. Clean Sky, IMI u ARTEMIS iddisinjaw l-indikaturi tagħhom, iżda kienu mistennija li jitlestew matul is-sena ta’ wara. Barra minn hekk, bħala entitajiet awtonomi, l-Impriżi Konġunti kellhom jiddeċiedu dwar il-proċessi ta' awditjar intern tagħhom. Clean Sky, IMI u FCH stabbilixxew il-kapaċità ta' awditjar intern tagħhom stess u ħatru awdituri interni. ARTEMIS u ENIAC għażlu li din l-attività tiġi mwettqa mis-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) tal-Kummissjoni Ewropea.

Għall-biċċa l-kbira tal-ITK, il-membri prinċipali tal-persunal kienu diġà bdew jaħdmu fil-karigi tagħhom qabel l-2010 u l-proċess ta’ ingaġġ għall-karigi li kien għad fadal kien jinsab fl-aħħar stadji tiegħu. Fl-2010, l-entitajiet ingaġġaw il-persunal f'konformità mal-Pjanijiet tagħhom ta' Politika għall-Persunal. Huwa importanti li wieħed jinnota li fl-aħħar tas-sena, l-IK ITK, b'kollaborazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni Ewropea, ikkonkludew il-proċeduri tal-akkwist konġunt għas-sit tal-uffiċċju l-ġdid tagħhom. F'Jannar 2011 dawn iċċaqilqu fil-bini l-ġdid tagħhom fil-White Atrium building fi Brussell.

Fir-rigward tal-attivitajiet ta' komunikazzjoni tagħhom, Clean Sky u ENIAC adottaw Strateġija ta' Komunikazzjoni u Tixrid, li kienet inkluża fl-aġenda tal-Impriżi Konġunti l-oħrajn bħala prijorità għall-2011. Globalment, matul is-sena, l-IK ITK kienu ffokati fuq il-promozzjoni tal-attivitajiet tagħhom fost il-partijiet interessati u ż-żamma tar-relazzjonijiet mal-partijiet interessati permezz ta' diversi avvenimenti – ġranet ta' informazzjoni, gruppi ta’ ħidma, laqgħat u konferenzi. Ir-relazzjonijiet mal-midja nżammu; ġew ippubblikati diversi stqarrijiet għall-istampa dwar suġġetti ewlenin ta' riċerka. L-ITK ħadmu wkoll biex tittejjeb l-identità viżwali tagħhom u d-disinn mill-ġdid tas-siti elettroniċi, li ntużaw bħala għodda biex jitħabbru s-sejħiet għal proposti, l-iskambju tal-informazzjoni u l-provvediment ta’ informazzjoni dwar l-aħħar żviluppi fl-industrija rispettiva.

Il-kooperazzjoni mal-partijiet terzi kienu ta' importanza kbira għar-rikonoxximent tal-IK ITK bħala parteċipanti fix-xena dinjija. Pereżempju, l-IK FCH żviluppat kooperazzjoni internazzjonali tajba mal-Istati Uniti tal-Amerika, il-Ġappun u r-Repubblika tal-Korea. Clean Sky żammet ir-rabtiet mill-qrib mal-Impriża Konġunta SESAR li tinvestiga l-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru f'konformità mal-inizjattiva Ajru Uniku tal-Kummissjoni Ewropea. ARTEMIS żiedet il-kollaborazzjoni tagħha mal-Grupp ta' Ħidma ARTEMIS-IA u mal-programm ta' raggruppament EUREKA ITEA-2.

4.           Perspettivi u sfidi għall-ġejjieni

L-ewwel evalwazzjonijiet interim tal-Impriżi Konġunti twettqu kif ippjanat sal-aħħar tal-2010 (f'April 2011 għall-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu) u koprew il-kwalità u l-effiċjenza tal-ħidma tagħhom u vvalutaw il-progress biex jiġu stabbiliti l-għanijiet. Ir-riżultat globali tal-evalwazzjonijiet huwa pożittiv, u dan jafferma l-prospetti tajbin biex jintlaħqu l-miri tal-IK ITK.

Peress li l-Impriżi Konġunti issa biss kisbu l-awtonomija sħiħa, jenħtieġ perjodu ta' ftit snin ta' konsolidazzjoni qabel ma jkunu jistgħu jiġu vvalutati l-benefiċċji reali. Minkejja dan, l-importanza ta' kooperazzjoni transsettorjali fl-istabbiliment ta' strateġija ewlenija hija kkonsidrata ferm importanti. Pereżempju, fil-każ tal-IK taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu fejn jeżistu ostakli ferm speċifiċi għad-dħul fis-suq, is-sħab industrijali kienu effettivi ħafna fl-organizzazzjoni ta’ valutazzjoni oġġettiva tal-potenzjal tas-suq b'rabta mat-teknoloġiji l-oħrajn li qed jikkompetu magħhom. L-allokazzjoni stabbli tal-fondi saħqet ukoll fuq l-impenn tal-industrija, speċjalment l-SMEs, f'mument meta l-fondi tal-Programm Kwadru setgħu faċilment jiġu ddevjati għal teknoloġiji li kienu qed jikkompetu magħhom.

Fl-2011, il-ħames Impriżi Konġunti kellhom isegwu l-implimentazzjoni tal-attivitajiet li kienu jinsabu għaddejjin u jagħtu bidu għas-sensiela l-ġdida li jmiss ta' proġetti, kif ukoll isegwu l-preparazzjoni u t-tnedija tas-sejħiet tal-ġejjieni. Kien jeħtieġ li jiġu ddefiniti s-suġġetti tas-sejħiet abbażi tal-aġendi tar-riċerka riveduti, li jqisu l-qawwiet tas-suq u l-pass mgħaġġel tal-iżviluppi tat-teknoloġija fl-industriji tagħhom.

Kif irrakkomandat mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri u l-esperti fl-ewwel rapport ta' evalwazzjoni interim, l-entitajiet li esperjenzaw dewmien inizjali biex jibdew l-operazzjonijiet tagħhom, bħal pereżmpju l-Clean Sky, kien messhom irkupraw minnufih sabiex jilħqu l-għanijiet tagħhom skont l-iskeda stabbilita. Dan kien jikkontribwixxi wkoll sabiex jiqsar iż-żmien għall-pagamenti lill-benefiċjarji u tittejjeb l-implimentazzjoni tal-baġit, li b'mod ġenerali kien ikkonsidrat li kien baxx fost l-IK ITK fl-2010.

L-IK ITK kellhom jinkoraġġixxu wkoll il-parteċipazzjoni wiesgħa tas-sħab industrijali u akkademiċi u b'mod partikolari tal-SMEs fl-attivitajiet tagħhom tar-riċerka. Kellhom ineħħu l-ostakli għall-SMEs, fejn dawn kienu jeżistu. L-IMI kienet inkludiet fl-aġenda tagħha l-iżvilupp ta' metodoloġija għall-kontribuzzjoni in natura u l-kalkolu ta' spejjeż indiretti, u l-FCH diġà bdiet il-proċess li tadotta żieda fir-rati ta' finanzjament, li kienu konsiderevolment anqas minn dawk tal-FP7. Clean Sky, ARTEMIS u ENIAC kellhom l-isfida li jżommu għoli l-interess tal-SMEs fis-sejħiet għal proposti li kienu qed iniedu.

Minn perspettiva amministrattiva, wara l-fażi inizjali tal-bidu u ta’ preparazzjoni qabel l-awtonomija, imbagħad l-IK ITK kellhom jaħdmu fuq il-konsolidazzjoni tagħhom bħala prerekwiżit għas-sostenibbiltà u fattur għas-suċċess. Għalkemm it-twaqqif innifsu tal-ħames sħubiji pubbliċi privati kien kisba konsidervoli, l-Impriżi Konġunti kienu meħtieġa jiżviluppaw aktar l-oqfsa ta' kontroll intern tagħhom u jekk meħtieġ, jintroduċu mekkaniżmi addizzjonali ta' kontroll. Dan kien indikat fir-rapporti tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri li sabet li sal-aħħar tal-2010, l-ebda entità ma kienet implimentat għalkollox il-kontrolli interni u s-sistemi ta' informazzjoni finanzjarji tagħhom u/jew ma kienet għadha vvalidat il-proċessi tal-ħidma tagħha kif meħtieġ mir-regoli finanzjarji tal-Impriżi Konġunti.

Barra minn hekk, l-implimentazzjoni tal-Indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni fl-2011 mill-IK ITK kollha kellhom jevitaw li r-riżultat tal-inizjattivi jkun wieħed mifrux u mxerred. Il-kompitu tagħhom ma kellux ikun biss li jivvalutaw u jissorveljaw perjodikament il-kwalità sabiex jimmassimizzaw l-impatt fuq programmi ta' riċerka differenti, iżda wkoll li jiġu ssorveljati minn sistema soda ta' monitoraġġ u evalwazzjoni. Fl-2011, pass importanti li jwassal għal dan kellu jkun l-implimentazzjoni jew l-adozzjoni, fejn dan ma jkunx għadu sar, ta' pjanijiet ta' awditjar intern u l-prestazzjoni tal-verifiki ex-ante u tal-awditi ex-post. Barra minn hekk, kif esprimiet il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, l-IK ITK kellhom jiddefinixxu b'mod ċar ir-rwol tal-IAS tal-Kummissjoni fir-regoli finanzjarji tagħom.

Rigward il-kwistjonijiet tal-IT u tal-loġistika, l-Impriżi Konġunti kollha kienu meħtieġa li jikkonsidraw aktar it-twaqqif tal-proċeduri u l-politiki formali tal-IT sabiex jiżguraw il-funzjonament kif suppost tal-ippjanar tal-IT u ċ-ċiklu ta' monitoraġġ u jipprovdu għal għodod affidabbli ta’ ġestjoni tar-riskji. Kif ukoll, kellu jiġu konkluż ftehim rigward is-sede mal-awtoritajiet Belġjani dwar l-uffiċċji, il-privileġġi u l-immunitajiet u appoġġ ieħor pprovdut mill-Istat. Iż-żewġ kummenti ġew ikkonsidrati mill-IK ITK u diġà qed tittieħed azzjoni f’dan ir-rigward.

It-titjib tal-attivitajiet tagħhom ta' komunikazzjoni kellu jkun fost l-għanijiet tal-Impriżi konġunti fl-2011 billi jiġi użat approċċ aktar proattiv u orjentat lejn il-mira, speċjalment fl-SMEs u l-komunità tar-riċerka sabiex jiżdied il-livell ta' parteċipazzjoni tagħhom fil-proġetti ta' riċerka. Kif irrakkomandat fir-rapport ta' evalwazzjoni interim, l-IK ITK għandhom jiżviluppaw u jimplimentaw pjanijiet ċari ta' komunikazzjoni u ta' tixrid, jiksbu identità separata u jaħdmu aktar fuq is-sinerġija ma' programmi nazzjonali u kooperazzjoni internazzjonali ma' partijiet interessati li mhumiex fl-UE.

Meta jitqies li dan ir-rapport qed iħares lejn l-iżvilupp tal-IK ITK fl-ewwel sena tal-operat awtonomu tagħhom u f'mument fejn l-ebda proġett tagħhom mhu komplut, il-prospetti għall-ġejjieni għadhom iridu jkunu kkonsidrati. Ir-riżultati miksuba mill-ħames IK ITK sal-lum tistabbilixxihom bħala inizjattivi Ewropej ambizzjużi bil-potenzjal li jsiru mudell affermat ġdid ta' sħubija pubblika privata.

[1]               Id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar is-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta’ riċerka, żvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni (2007-2013), ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1.

[2]               Dan id-dokument ma jirrappurtax dwar l-Impriża Konġunta SESAR (Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew)), li hija sħubija pubblika privata ffinanzjata mis-Seba' Programm Kwadru u min-Netwerks Trans-Ewropej tat-Trasport u għandha l-governanza speċifika u l-mekkaniżmi ta' rappurtar tagħha.

[3]               Imsemmi fl-Arikolu 8(1) tal-Istatuti tal-Impriża Konġunta Clean Sky, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) 71/2008 tal-20 Diċembru 2007 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta Clean Sky, ĠU L 30, 04.02.2008, p. 1.

[4]               Rapport Annwali dwar l-attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp teknoloġiku tal-Unjoni Ewropea fl-2008, COM(2009) 558 finali, Brussell, 22.10.2009.            

[5]               Rapport Annwali dwar l-attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp teknoloġiku tal-Unjoni Ewropea fl-2008 SEC(2009), 1380 finali, Brussell, 22.10.2009.

[6]               Rapport Annwali dwar il-progress miksub mill-Impriżi Konġunti tal-Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti fl-2009, COM(2011) 557 finali, Brussell, 14.09.2011.

[7]               Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni "L-ewwel evalwazzjoni interim tal-Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti ARTEMIS u ENIAC”, COM(2010) 752 finali, Brussell, 16.12.2010.

                Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni "Report on the first interim evaluation of the [IMI, Clean Sky and FCH JUs]" li jakkumpanja l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni "Partnering in research and innovation", SEC(2011) 1072 finali, Brussell, 21.09.2011.

[8]               Rapporti dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta [isem l-ITK] għas-sena finanzjarja 2010, flimkien mat-tweġibiet tal-Impriżi Konġunta, ĠU C 368, 16.12.2011.

[9]               Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, ĠU L 248, 16.09.2002, p. 1

[10]             Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni – “Joint Technology Initiatives: Background, State-of-Play and Main Features", SEC(2007) 692, Brussell, 15.05.2007.

[11]             Designing together the "ideal house" for public-private partnerships in European research (Flimkien infasslu “residenza ideali” għal sħubiji pubbliċi privati fir-riċerka Ewropea), Rapport finali tal-Grupp Sherpa dwar l-ITK, Jannar 2010.

[12]             Din kienet tikkonsisti f'definizzjoni aktar preċiża tal-previżjonijiet ambjentali skont il-"concept aircraft" speċifikat għall-ewwel valutazzjoni tal-Evalwatur tat-Teknoloġija, li beda fl-2010 u li għandu jitlesta fl-2011. Dan l-eżerċizzju kien marbut mal-għażla riveduta tat-teknoloġiji applikabbli u d-definizzjoni tad-dimostranti li twettqu matul l-ewwel sentejn tal-Programm.