KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW, LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI U U LILL-BANK EWROPEW TAL-INVESTIMENT Tkabbir għall-Greċja /* COM/2012/0183 final */
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI
LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,
LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW, LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI U
U LILL-BANK EWROPEW TAL-INVESTIMENT
Tkabbir għall-Greċja
1. Introduzzjoni Il-Greċja għaddejja minn kriżi
ekonomika u soċjali li fiż-żminijiet moderni ma kienx hemm
bħalha fl-Ewropa. Il-passaġġ minnha u l-bini mill-ġdid ta'
ekonomija b'saħħitha se jirrikjedu għaqda fl-impenn nazzjonali
bejn il-popolazzjoni u l-mexxejja politiċi tagħhom – il-Greċja
biss tista’ tpoġġi lilha nfisha f'direzzjoni differenti
għall-futur. Il-kawżi sottostanti tal-kriżi kienu ilhom jinbnew
għal diversi snin u t-treġġigħ lura ta' dawn ix-xejriet
negattivi se jieħu ż-żmien. Kriżi ta' daqshekk kobor titlob
għal tibdil kbir fil-Greċja hekk li tkun tista' temerġi
ekonomija Griega ġdida, dinamika u kompetittiva, ekonomija li tkun
kapaċi tiġġenera tkabbir sostenibbli, toħloq l-impjiegi,
issostni l-koeżjoni soċjali u tagħti riżultati skont l-aspettattivi
taċ-ċittadini Griegi. Il-Greċja m'għandhiex għalfejn
tiffaċċja din l-isfida enormi waħedha. Tista’ tieħu
saħħa u appoġġ konkret mis-sħubija tagħha
fl-Unjoni Ewropea u fiż-żona tal-Euro. L-appoġġ
lill-Greċja fl-isforz li għandha quddiemha jitlob solidarjetà fit-tul
mill-bqija tal-UE. Stati Membri oħra u l-istituzzjonijiet tal-UE
għamlu ċar ix-xewqa tagħhom li jgħinu lill-Greċja u li
jżommu lill-Greċja fl-Euro – billi jipprovdu għajnuna fuq skala
li sa ftit snin ilu ħadd ma kien joħlomha. Il--pakkett totali ta'
assistenza lill-Greċja, inkluż self mill-UE u mill-istituzzjonijiet
finanzjarji, tnaqqis fil-valur fuq holdings ta' dejn privat, u għotjiet
minn fondi strutturali tal-UE u oħrajn, jammonta għal madwar
EUR 380 biljun. Dan huwa ekwivalenti għal 177% tal-PDG Grieg. Dan
il-livell ta' assistenza huwa mingħajr preċedent (il-Pjan Marshall
tal-Istati Uniti tal-Amerika għar-rikostruzzjoni ta’ wara l-gwerra kien
jinvolvi trasferimenti daqs madwar 2.1% tal-PDG tal-pajjiżi riċevituri).
Tabella 1
L-appoġġ tal-UE u appoġġ internazzjonal lill-Greċja
fis-snin riċenti Forom varji ta' appoġġ tal-UE u internazzjonali ≈ EUR 380 bn || Ekwivalenti għal: (dejta tal-2011) || Bi tqabbil: Assistenza finanzjarja (self): EUR 240 bn || · 3% tal-PDG tal-UE · 177% tal-PDG Grieg · EUR 33 600 għal kull abitant Grieg || · Pjan Marshall totali tal-Istati Uniti 1948-1951: – ≈ USD 13 biljun (85% għotjiet, 15% self) – ≈ 5% tal-PDG Amerikan – ≈ 2.1% tal-PDG ta' pajjiżi riċevituri L-involviment tas-settur privat (tnaqqis ta' dejn): EUR 100 bn Finanzjament mill-UE għall-perjodu 2007-2013 (għotjiet): > EUR 40 bn (inkluż EUR 20 bn mill-fondi strutturali u ta' koeżjoni tal-UE u EUR 20 bn taħt il-Politika Agrikola Komuni) Il-kriżi enfasizzat l-interdipendenza
tal-Istati Membri kollha tal-UE, u b'mod partikolari fost dawk li jaqsmu
l-istess munita. Tali grad avanzat ta' integrazzjoni ekonomika, soċjali u
politika jista' jaħdem biss meta kull membru jkun kapaċi jissodisfa
għal kollox l-obbligi tiegħu. Il-Greċja għandha bżonn
lill-UE biex tegħleb din il-kriżi – u l-UE teħtieġ
Greċja li tiffunzjona tajjeb u dinamika biex taqdi r-rwol sħiħ
tagħha bħala Stat Membru, biex b'hekk il-politika tal-UE taħdem
madwar it-territorju kollu tagħha. Il-Kummissjoni ilha attiva matul il-kriżi
biex tassisti lill-Greċja, billi twassal appoġġ dirett u
tikkoordina mal-Istati Membri l-oħra, l-istituzzjonijiet tal-UE u
tal-komunità internazzjonali biex jinstabu soluzzjonijiet mingħajr
preċedent u jitwasslu riżultati dejjiema fil-post. Madwar il-Kummissjoni,
timijiet ġew mobilizzati bis-sħiħ u qed jaħdmu attivament
mal-amministrazzjoni Griega fi Brussell u f'Ateni. Biex tipprovdi l-assistenza
teknika meħtieġa, f’Lulju 2011 il-Kummissjoni stabbiliet ukoll
Taskforce apposta għall-Greċja. Barra minn hekk, il-Kummissjoni
għandha l-kompitu tat-tisħiħ tal-monitoraġġ
tal-impenji u l-progress. Kif juri l-Anness għal din il-Komunikazzjoni,
bdew joħorġu riżultati tanġibbli u ġew identifikati
toroq promettenti permezz ta' din il-ħidma. Il-Kummissjoni ddeċidiet li
toħroġ din il-Komunikazzjoni issa għaliex wara bosta xhur
fl-inċertezza l-qafas ewlieni għall-irkupru fil-Greċja jinsab
fis-seħħ. Il-Greċja ħadet passi importanti biex tnaqqas
id-dejn tas-settur pubbliku u adottat politiki fiskali u ekonomiċi
ġodda. Il-Ftehim dwar it-Tieni Programm ta' Aġġustament
Ekonomiku u s-suċċess tal-operazzjoni reċenti ta' tnaqqis
tad-dejn tas-settur privat tipprovdi opportunità biex tinħoloq dinamika
ġdida biex tħaffef ir-riformi strutturali li tant huma meħtieġa.
Din il-Komunikazzjoni se tkun ta' interess lil
firxa wiesgħa ta' qarrejja: ·
Lill-poplu Grieg, għaliex turi li
mill-kriżi attwali tista' tirriżulta sistema aktar ġusta,
soċjalment unifikata, affidabbli u effiċjenti. Il-Greċja
għandha l-kapaċità li tinbidel u tagħmel użu minn diversi
assi prezzjużi – iżda l-appoġġ kollu mingħajr
preċedent li l-Greċja qed tirċievi issa jista' jipproduċi
riżultati biss jekk iċ-ċittadini Griegi jagħtu
l-appoġġ tagħhom lill-programm u jaħdmu biex jinbena
ġejjieni differenti. ·
Lill-istituzzjonijiet demokratiċi
tal-Greċja, li qablu mat-Tieni Programm ta' Aġġustament
Ekonomiku u jinsabu impenjati għall-implimentazzjoni tiegħu. Din
il-Komunikazzjoni tenfasizza l-ħtieġa li tinħoloq atmosfera
aktar pożittiva billi tenfasizza l-benefiċċji rapidi li
jistgħu jinkisbu bl-implimentazzjoni sħiħa tal-miżuri
bikrija tal-programm. ·
Lill-Istati Membri l-oħra tal-UE,
l-istituzzjonijiet tal-UE u s-sħab internazzjonali tagħna, li qed
jipprovdu appoġġ bla preċedent lill-Greċja u li se jkunu
jridu l-assigurazzjoni li l-kontribuzzjoni tagħhom qed titħaddem
tajjeb, u f'modi li jevitaw li l-problemi jirrepetu ruħhom. L-għan tal-Komunikazzjoni huwa li
tenfasizza l-impatt pożittiv li jista' jkollha l-implimentazzjoni
sħiħa u effettiva tat-Tieni Programm ta' Aġġustament
Ekonomiku[1]
billi tqiegħed il-pedamenti għat-tkabbir, l-investiment u
t-tiġdid soċjali. Din il-komunikazzjoni tidentifika modi li
jimmassimizzaw l-impatt ta’ azzjonijiet bikrin permezz ta' azzjonijiet rapidi u
l-appoġġ tal-UE[2].
Filwaqt li l-Greċja qed
tiffaċċja proċess twil ta’ trasformazzjoni u
aġġustament, l-implimentazzjoni ta’ dawn l-azzjonijiet se tibda
l-proċess ta' rkupru. Se jkun meħtieġ għarfien pubbliku
wiesa' tal-programm u tar-riżultati mistennija mit-tibdil kbir li se jsir
fix-xhur li ġejjin biex il-poplu jkun konvint li s-sagrifiċċji u
l-isforzi li qed isiru bħalissa se jagħtu riżultati
tanġibbli fil-futur. 2. Opportunità storika sabiex
jinbena futur aħjar L-implimentazzjoni sħiħa u f'waqtha
tat-Tieni Programm ta' Aġġustament Ekonomiku għandhom ikunu
l-ogħla prijorità għall-Greċja. Il-miżuri ta' riforma li
jikkontjeni huma maħsuba biex jerġa jinkiseb it-tkabbir u l-potenzjal
tal-ħolqien tal-impjiegi tal-ekonomija Griega u biex jelimina r-regoli li
jeqridu l-valuri u l-opportunitajiet għall-korruzzjoni u l-burokrazija li
ma jippermettux liċ-ċittadini u n-negozji Griegi jipparteċipaw
f'attivitajiet produttivi. Bħalissa, ir-regolamentazzjoni żejda u
amministrazzjoni pubblika bi prestazzjoni fqira qed joħolqu
ineffiċjenza u wisq każijiet ta' komportament ta' tiftix ta' renta. It-tneħħija tal-iktar ostakoli
sfaċċati għat-tkabbir tista’ ttejjeb b’mod sinifikanti
s-sitwazzjoni taċ-ċittadini u tal-kumpaniji fi żmien
relattivament qasir . Fit-terminu l-medju, aktar riformi profondi tal-amministrazzjoni
pubblika u tas-sistema ġudizzjarja Griegi huma meħtieġa biex
ikunu żgurati proċeduri aktar mgħaġġla, aktar
effiċjenti, sistema tal-ġbir tat-taxxi sostanzjalment aktar effettiva
u ekwitabbli, inqas burokrazija u aktar ċertezza legali għall-investiment
u għall-attivitajiet ġodda tan-negozju. Ir-riformi miftiehma taħt it-Tieni
Programm ta' Aġġustament Ekonomiku jfittxu li joħolqu
soċjetà aktar ekwa – fejn is-segmenti kollha tal-popolazzjoni jġorru
sehem ġust mill-piż tal-aġġustament u kollha jgawdu
l-benefiċċji tar-riforma. L-impatt tal-iżbilanċi serji li
akkumulaw fl-ekonomija Griega laqat b'mod partikolarment sever lil dawk
finanzjarjament inqas komdi, biex b'hekk il-ħtieġa għal riforma
saret aktar urġenti. Interessi personali, kemm ġewwa u kif ukoll
barra l-amministrazzjoni pubblika, li sfruttaw il-pożizzjoni tagħhom
f’sistema mhux trasparenti u burokratika li tippresta ruħha
għall-korruzzjoni, m'għandhomx jibqgħu jiġu tollerati.
Madankollu, il-popolazzjoni kollha se tibbenefika minn dawn il-bidliet u jkun
jixirqilha governanza aħjar. 2.1. Dan jista' jsir Il-Greċja diġà għamlet progress
importanti billi naqqset sostanzjalment id-defiċit pubbliku tagħha
permezz ta' miżuri tal-infiq u fiskali. L-iżbilanċ tal-gvern
tnaqqas minn kważi 16 fil-mija tal-PDG fl-2009 għal 9.25
fil-mija tal-PDG is-sena l-oħra. Il-parlament ippromulga volum kbir ta'
leġiżlazzjoni ġdida u l-azzjonijiet kollha ta’ qabel li kienu
meħtieġa qabel id-dħul fis-seħħ tat-Tieni Programm ta'
Aġġustament Ekonomiku tlestew. Kif juri l-passat reċenti, meta
s-sistema kollha tal-gvern hija kkonċentrata fuq il-kisba ta'
għanijiet ċari, din tista’ tagħti riżultati. It-triq lejn tiġdid ekonomiku hija
mmarkata b'mod ċar fit-Tieni Programm ta' Aġġustament Ekonomiku.
Dan il-programm se jwassal għal trasformazzjoni storika, li tattrezza,
lill-Greċja b'ekonomija moderna u strutturi ta' governanza biex
jgħinuha taffaċċja l-ġejjieni b' kunfidenza. Il-Greċja
tista' tibni fuq id-diversi saħħiet tagħha – bħas-settur
tat-tbaħħir, il-potenzjali tagħha fit-turiżmu,
l-universitajiet tagħha u forza tax-xogħol ġeneralment
b'edukazzjoni tajba kif ukoll il-pożizzjoni tagħha bħala fus
loġistika u ta' enerġija potenzjali u l-enerġija fix-Xlokk
tal-Ewropa. Implimentazzjoni bikrija ta' numru ta'
azzjonijiet ewlenin ser tagħti kontribut deċiżiv biex
jinħoloq it-tkabbir u l-impjiegi, tissaħħaħ
il-kompetittività u jiġi stimulat l-investiment. Ir-riżultati se
jkunu tanġibbli u viżibbli għaċ-ċittadini u
għan-negozji f'perjodu ta' żmien relattivament qasir. L-implimentazzjoni
ta' dawn l-azzjonijiet se toħloq momentum fil-proċess ta' riforma u
se tagħti sinjal qawwi li l-Greċja hija impenjata favur riforma. Dan
se jgħin biex il-Greċja timxi minn ċiklu vizzjuż għal
ċiklu virtuż – fejn l-impenn għal riforma huwa ppremjat
b'tiġdid ta' kunfidenza u tkabbir, b'hekk jinħolqu l-inċentivi
għal aktar progress. Filwaqt li l-Programm ta'
Aġġustament Ekonomiku jrid jitwettaq kollu, f’din il-Komunikazzjoni
l-Kummissjoni tenfasizza tliet oqsma wiesgħa, fejn diġà jista' jkun
mistenni li l-azzjoni li ħadu l-awtoritajiet Griegi matul l-2012 turi
riżultati promettenti sa tmiem l-2012.
Dawn huma: ·
Jinkiseb kontroll fuq il-finanzi pubbliċi u
d-dħul biex b'hekk il-finanzi pubbliċi jkunu sostenibbli tul
iż-żmien; ·
Ikun hemm fluss tas-self lejn l-ekonomija reali
billi l-banek jiġu rikapitaizzati u tingħata għajnuna lill-SMEs
biex jiksbu self affordabbli; ·
Hemm ħtieġa urġenti li n-negozju
jiġi liberat biex isir mutur għat-tkabbir - riforma maġġuri
fl-ambjent tan-negozju u fis-suq tax-xogħol sabiex il-Greċja
terġa' ssir post fejn l-investituri domestiċi u barranin ikollhom
fiduċja biex jinvestu u joħolqu l-impjiegi. 2.1.1. Jinkiseb kontroll fuq
il-finanzi pubbliċi - prekundizzjoni għat-tkabbir u l-impjiegi L-għan tal-programm huwa li jħejji
lill-ekonomija biex tkun aktar dinamika u aktar ġusta fit-terminu medju.
L-esperjenza internazzjonali turi li tentattivi biex jiġu
ġġenerati t-tkabbir u l-impjiegi se jisfrattaw sakemm id-dejn
pubbliku ma jitqegħedx lura fuq triq sostenibbli u tiġi restawrata
l-kompetittività. Biex ikunu sostenibbli, ser ikunu meħtieġa sforzi
ulterjuri fl-2013 u l-2014 biex il-Greċja tkun tista' tnaqqas
il-proporzjon ta' dejn tagħha għal madwar 117% tal-PDG sal-2020.
Enfasi fuq it-tnaqqis tan-nefqa fuq żmien qasir se jtaffu l-impatt fuq
l-ekonomija reali. Barra minn hekk, it-tnaqqis fl-iżbilanċ se jtejjeb
il-likwidità tal-kumpaniji Griegi minħabba li inqas tfaddil domestiku u
barrani se jkun assorbit mill-gvern. Dan se jżid il-kredibilità
tal-Greċja fis-swieq u jippermettilha tiffinanzja lilha nfisha bi spiża
aċċessibbli fi tmiem il-perjodu ta' finanzjament uffiċjali, li
se jtaffi l-kondizzjonijiet ta’ finanzjament għan-negozji. Ir-riforma
tas-sistema fiskali u l-amministrazzjoni tat-taxxa, kif spjegat hawn taħt
fit-taqsima 2.3.2, hija wkoll kruċjali biex ikun hemm kontroll fuq
il-finanzi pubbliċi. Azzjonijiet fl-2012 (ara § 1 tal-MtQ): L-awtoritajiet Griegi ser jkollhom jidentifikaw miżuri biex
jingħalqu l-lakuni fiskali eżistenti għall-2013 u l-2014. Dawn
il-miżuri għandhom jiffokaw fuq l-infiq tat-tfaddil. 2.1.2. Ikun hemm fluss tas-self lejn
l-ekonomija reali permezz tar-rikapitalizzazzjoni tal-banek u tingħata
għajnuna lill-SMEs. Is-sistema Griega tal-banek sofriet minn esodu
ta' depożiti enormi, li rriżulta f'aċċess limitat
għal-likwidità u kkawża deterorjament fil-valur tal-assi tagħha.
Dan irriżulta fi tnaqqis ta' self lill-ekonomija reali. L-indirizzar ta' din il-problema u r-restawr
tal-likwidità lin-negozji Griegi hija prerekwiżit għal irkupru
ekonomiku. It-Tieni Pakkett ta' Aġġustament Finanzjarju jipprovdi
riżorsi finanzjarji biex tiġi rikapitalizzata s-sistema bankarja
Griega b’għan doppju: tkun żgurata l-istabbiltà finanzjarja u biex
tippermetti lill-banek jiffinanzjaw l-ekonomija reali. L-SMEs Griegi bħalissa qed
jaffaċċjaw kondizzjonijiet operattivi li qed joffru sfida kbira:
Sitta minn għaxar ditti raw id-dħul tagħhom jiddeterjora fl-2011
meta mqabbel mal-2010 u ntilfu 150 000 impjieg. Dawn iċ-ċifri
qawwija jenfasizzaw il-bżonn għal azzjoni rapida u mmirata sabiex
issostni lill-SMEs - sostenn tal-UE għall-manteniment u l-iżvilupp
tagħhom huwa deskritt aktar tard f'din il-Komunikazzjoni. Biex tingħeleb din it-tħeddida se
jkun essenzjali li jiġu mobilizzati ir-riżorsi kollha disponibbli,
l-aktar mill-fondi strutturali tal-UE[3],
biex jinjettaw likwidità f’attivitajiet ġodda li jappoġġjaw
l-impjiegi u t-tkabbir sostenibbli. Aktar minn EUR 4 biljuni diġà
huma disponibbli f'assistenza ta' likwidità għall-SMEs mill-fondi
strutturali tal-UE, fil-forma ta' strumenti ta' inġinerija finanzjarja u
għotjiet. Barra minn hekk, twaqqaf Fond ta' Garanzija ġdid
għall-SMEs b'EUR 500 miljun mill-fondi strutturali tal-UE, li
jistgħu jiġu mmultiplikati biex jirrilaxxaw ammont ieħor ta'
EUR 1 biljun f'self mill-BEI lill-banek Griegi, biex jisilfuhom lil SMEs
Griegi. Madankollu, fil-preżent, dawn il-flus
mhux qed jilħqu lill-SMEs Griegi minħabba domanda mnaqqsa
gћall-investiment, ir-riskju għoli assoċjat ma’ self
għall-SMEs fiċ-ċirkostanzi preżenti u b'konsegwenza
d-diffikultà li l-SMEs għandhom biex jakkwistaw il-kofinanzjament
meħtieġ mill-banek. It-tibdil fil-leġiżlazzjoni tal-UE biex
ikun permess il-kofinanzjament ta’ kapital operatorju għall-SMEs għad
irid jiġi implimentat mill-awtoritajiet Griegi. Prijorità immedjata hija li
jitneħħew dawn l-ostakoli. Barra minn hekk, hemm diversi
proġetti u skemi kofinanzjati mill-fondi strutturali tal-UE li huma
mfassla biex jagħtu spinta lill-ħiliet intraprenditorjali u jipprovdu
appoġġ għal bidu ta' negozji, kif ukoll aċċess
għal skemi ta' mikro-finanzjament. Azzjonijiet fl-2012: Ir-rikapitalizzazzjoni tal-banek għandha titlesta sa Settembru
2012, biex b'hekk tissalvagwardja l-awtonomija tan-negozju tal-banek. Fit-8 xhur li ġejjin is-settur bankarju Grieg u l-amministrazzjoni
għandhom jgħaġġlu l-iżbors ta' EUR 4 biljuni li
huma diġà disponibbli għall-finanzjament tal-SMEs. Il-bidla
fir-regoli tal-UE biex jippermettu l-kofinanzjament tal-kapital operatorju
għandhom jiġu implimentati fil-leġislazzjoni Griega. Il-BEI għandu jiżborża self lill-SMEs sostnut mill-fond
ta' Garanzija tal-SMEs bil-mira ta' EUR 160 miljun fl-2012, EUR 400
miljun oħra sa tmiem l-2013 u EUR 440 miljun qabel l-2015. Barra minn
hekk, matul l-2012, il-BEI se jipprovdi somma addizzjonali ta' EUR 440
miljun lill-SMEs, ggarantit mill-awtoritajiet Griegi. Żieda fis-sostenn finanzjarju għandu jingħata wkoll
għat-taħriġ fl-intraprenditorija (b'enfasi fuq prodotti u
servizzi innovattivi ġodda), inkluż il-mentoring, it-taħriġ
u l-konsulenza. 2.1.3. In-negozju jiġi liberat
biex isir mutur għat-tkabbir Ħruġ permanenti mill-kriżi se
jeħtieġ tkabbir fis-settur produttiv tal-Greċja. Huwa stmat li
r-riforma fis-swieq tal-prodotti u tas-servizzi tista' żżid il-PGD
Grieg b'sa 13.5% fit-terminu t-twil[4].
L-illiberar tan-negozju mill-burokrazija u l-korruzzjoni jista' jillibera
potenzjal tat-tkabbir miżmum lura f’setturi bħat-turiżmu,
servizzi tal-port u l-ipproċessar tal-ikel fost ħafna oħrajn.
Dan se jiffaċilita l-bilanċjament mill-ġdid tal-ekonomija lejn
investiment u prestazzjoni ta' esportazzjoni aktar b'saħħthom u
jista’ jiġi attivat ċaqliq deċiżiv lejn attivitajiet ta’
valur miżjud ogħla. F’din it-taqsima tmien oqsma ta’ azzjoni huma
enfasizzati fejn il-progress għandu jsir qabel tmiem l-2012[5]. ·
Tiġi restawrata l-kost kompetittività Bħala parti mill-isforzi ta'
modernizzazzjoni tas-suq tax-xogħol Grieg, huma meħtieġa
miżuri biex jitrawwem aġġustament rapidu tal-kost ta' unità
lavorattiva għall-ġlieda kontra l-qgħad u r-restawrar tal-kost
kompetittività tal-ekonomija Griega. Kif miftiehem fit-Tieni Programm ta' Aġġustament
Ekonomiku, miżuri biex jitrawwem aġġustament rapidu tal-kost ta'
unità lavorattiva għall-ġlieda kontra l-qgħad u r-restawrar
tal-kost kompetittività għandhom jimmiraw, flimkien ma' miżuri li
ttieħdu diġà, li jnaqqsu l-kost unitarju nominali tax-xogħol
fl-ekonomija tan-negozju bi 15 fil-mija fl-2012-2014. Tali miżuri
għandhom iqisu r-riżultati tad-djalogu soċjali u jimxu id f’id
mal-isforzi usa' għat-tisħiħ tal-istituzzjonijiet tas-suq
tax-xogħol, it-twittija tan-negozjar tal-pagi fil-livelli kollha u l-ġlieda
kontra xogħol mhux dikjarat. Azzjonijiet fl-2012 (ara § 4.1 tal-MtQ): Skeda għal riforma maġġuri tal-ftehim kollettiv
nazzjonali tas-sistema tal-iffissar tal-pagi għandha tkunu lesta sa tmiem
Lulju 2012, f'konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali. L-awtoritajiet
Griegi għandhom jieħdu miżuri wkoll biex inaqqsu
l-kontribuzzjonijiet soċjali li huma ta' piż fuq l-ispiża
tax-xogħol f'mod li hu newtrali għall-baġit. ·
Jiġu ffaċilitati l-esportazzjonijiet Hemm bżonn medja ta’ 20 jum biex jitlesta
l-proċess ta' rilaxx għall-esportazzjoni u l-formalitajiet doganali
fil-Greċja – meta mqabbla mal-medja tal-UE ta’ għaxart ijiem. Huwa
stmat li dan jirriżulta f'valur totali tal-esportazzjoni li huwa madwar
10% inqas milli kieku mod ieħor[6].
Rekwiżiti dokumentarji jew proċedurali sproporzjonati u spiss bla
bżonn għandhom jiġu eliminati. Azzjonijiet fl-2012 (ara § 4.2 tal-MtQ): Għandha titlesta reviżjoni sistematika tal-iżdoganar
għall-esportazzjoni u l-formalitajiet doganali, li tneħħi
l-kontrolli eċċessivi u tallinja s-sistemi ta' kontroll ma' prassi
fil-bqija tas-suq uniku. Ladarba s-simplifikazzjoni tkun għaddejja,
il-benefiċċji tagħha jistgħu jiġu massimizzati billi
jiġu żviluppati proċeduri ta' migrazzjoni lejn soluzzjonijiet
tal-ICT. L-isforzi għandhom jiffukaw fuq l-esportaturi biex dawn ikunu
attrezzati biżżejjed li jidentifikaw opportunitajiet ta' swieq
promettenti. ·
Jiġi stimulat investiment ġdid L-investiment f'faċilitajiet jew
proġetti ġodda huwa soġġett għal dewmien u
spejjeż li jirriżultaw minn barrieri regolatorji u amministrattivi li
jinvolvu ħafna awtoritajiet. L-ippjanar tal-użu tal-art u r-regoli
tal-liċenzi ambjentali huma spiss ikkwotati bħala ostakli
għall-investiment. Kumpaniji li joperaw fis-settur tal-enerġija,
id-distribuzzjoni u fis-setturi tal-loġistika u t-trasport huma l-aktar
milquta. Il-problemi huma aggravati fil-każ ta' tilwim minħabba li
bosta azzjonijiet amministrattivi u legali għandhom effett ta’
suspensjoni, u minħabba n-nuqqas ta' persunal jew kompetenza f’servizzi
importanti tal-amministrazzjoni. It-tkomplija tar-reġistru tal-artijiet se
tiffaċilita wkoll l-investiment billi tħares lill-investituri
mil-litigazzjoni fuq is-sjieda tal-art. L-aċċess
għall-ħiliet huwa wkoll problema għal investituri barranin li
huma intensivi fir-riċerka u l-innovazzjoni, minħabba
żbilanċ bejn is-sistema tal-edukazzjoni pubblika u
l-ħtiġijiet ta' ekonomija bbażata fuq l-għarfien. Azzjonijiet fl-2012 (ara § 4.2 tal-MtQ): Liġijiet adottati reċentement biex jitħaffu ċerti
proċeduri ta' liċenzar għal ċerti professjonijiet u
attivitajiet ta’ manifattura, u għal liċenzjar ambjentali
tal-proġetti u l-attivitajiet għandhom issa jkunu kompletament
attivati. Għandhom jittieħdu aktar passi biex jagħmluha eħfef
li wieħed iwaqqaf kumpanija ġdida – il-mira tal-UE stipulata fl-Att
dwar in-Negozji ż-Żgħar hija ta' 3 ijiem bi spiża ta' mhux
aktar minn EUR 100. Il-Greċja għandha tlesti wkoll tal-punt ta’
kuntatt uniku kif mitlub mid-Direttiva dwar is-Servizzi. ·
L-immodernizzar tal-akkwist pubbliku L-akkwist pubbliku jammonta għal 12%
tal-PDG Grieg. L-offerenti għal kuntratti pubbliċi Griegi jistennew
għal perjodu twil id-doppju tal-medja tal-UE għal kuntratti li jridu
jingħataw (kważi sena). Il-proċeduri huma ineffiċjenti u
jikkunsmaw ħafna riżorsi: is-settur pubbliku jinvesti d-doppju
tal-ġranet ta' xogħol fit-tħaddim tal-proċeduri. Fuq medja,
kull proċedura tikkawża żewġ appelli. Din is-sitwazzjoni
tippenalizza lill-fornituri tas-settur pubbliku u żżid
l-ispejjeż. Hija timpedixxi l-akkwist tal-provvisti u tas-servizzi
meħtieġa għat-twettiq tas-servizzi pubbliċi, u tipprevjeni
t-tlestija tax-xogħlijiet iffinanzjati mill-Fondi tal-UE. Azzjonijiet fl-2012 (ara § 2.6 tal-MtQ): Il-leġiżlazzjoni dwar l-akkwist pubbliku għandha
bżonn tiġi radikalment riformata sa tmiem is-sena, u l-awtorità li
għadha kif inħolqot tal-akkwist uniku għandha ssir totalment
operazzjonali. Għandu jiġi żviluppat pjan għal
amministrazzjoni tal-akkwisti aktar professjonali u trasparenti u implimentat
f’numru ta’ Ministeri li għandhom nefqa qawwija qabel ma l-proċeduri
ta' prattiki tal-infiq b’suċċess jiġu applikati f'partijiet
oħra tal-gvern. Barra minn hekk, l-iżvilupp ta' akkwist pubbliku
elettroniku (e-procurement), il-passi biex jaggregaw l-akkwist pubbliku permezz
ta' korpi ċentrali għall-akkwisti u l-użu usa’ ta’ kuntratti
qafas għal fornimenti u servizzi standard jista' jkun li jrendu ffrankar
importanti. ·
Jitneħħa t-trażżin
mill-kompetizzjoni u jiġu liberati l-prezzijiet Il-prezzijiet baqgħu għoljin
f'ħafna setturi tal-ekonomija Griega matul il-kontrazzjoni ekonomika – li
jżidu mal-weġgħa ekonomika li jħossu l-konsumaturi u
n-negozji mit-tnaqqis fid-dħul tagħhom. Hemm il-ħtieġa
għal azzjoni determinata biex jitneħħew ħafna ostakoli
regolatorji li jxekklu l-kompetizzjoni u d-dħul ġdid. Din tinkludi
sforzi kontinwi biex jinbidlu r-regolamenti eżistenti li joħolqu
fluss ta' dħul protetti jew professjonijiet regolati protetti
mill-kompetizzjoni. Aktar kompetizzjoni u flessibilità fil-prezzijiet huma
wkoll meħtieġ biex jiġi żgurat li t-tnaqqis
fl-ispejjeż tax-xogħol jiġu tradotti fi tnaqqis fil-prezzijiet,
biex b'hekk jittaffa l-impatt fuq id-dħul disponibbli u jiġi
żgurat li t-tnaqqis fl-ispejjeż tal-produzzjoni jkun ta'
benefiċċju għas-soċjetà Griega inġenerali. Azzjonijiet fl-2012 (ara § 4.2 tal-MtQ): L-implimentazzjoni sħiħa tal-liġi tal-2011 dwar il-professjonijiet
regolati għandha tiġi finalizzata qabel tmiem is-sena, flimkien ma'
miżuri addizzjonali ta' liberalizzazzjoni inklużi fl-MtQ.
L-implimentazzjoni effettiva tar-regoli tal-UE dwar ir-rikonoxximent
tal-kwalifiki professjonali hija wkoll meħtieġa. Kontroll
tal-kundizzjoni tal-ambjent regolatorju f'setturi ekonomiċi
magħżula se jkun lest sal-ħarifa u se jkun il-bażi
għar-revoka ta’ leġislazzjoni anti-kompetittiva u impenjattiva bla
bżonn. ·
Settur tal-enerġija kompetittiv Il-Greċja hija dipendenti ħafna fuq
il-fjuwils fossili (il-linjite huwa l-bażi għall-biċċa
l-kbira tal-ġenerazzjoni tal-elettriku tagħha).
Il-maġġoranza tal-gżejjer għadhom iżolati u
jiddependendu fuq ġeneraturi tad-diżil u impjanti mħaddma
miż-żejt. L-effiċjenza ġenerali tal-produzzjoni
tal-elettriku hija fost l-aktar baxxa fl-Ewropa. Is-settur tal-enerġija
huwa ddominat minn ftit impriżi statali bi produttività baxxa u li
għad għandhom pożizzjoni ta’ kważi monopolju fis-suq.
L-operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni għad iridu jiġu
kompletament separati minn xulxin. Klijenti industrijali jilmentaw li
l-kompetittività tagħhom hija fil-periklu minħabba li jridu
jħallsu wħud mill-ogħla prezzijiet tal-enerġija fl-Ewropa. Il-grids tal-elettriku u tal-gass
jeħtieġ jiġu modernizzati. Permezz ta' titjib
fil-ħażna tal-gass u l-pipeline networks, kif ukoll investimenti fi
proġetti ġodda ta' pipelines li jiddiversifikaw is-sorsi tal-gass,
il-Greċja se tkun tista' tisfrutta l-qagħda ġeografika
strateġika tagħha u b'hekk tipprovdi portal Ewropew għas-suq
tal-gass. L-interkonnessjoni tal-grid tal-elettriku tal-gżejjer il-kbar
mal-kontinent u bejn il-gżejjer iżgħar hija prerekwiżit
għal skjerament fuq skala kbira ta' stallazzjonijiet li jaħdmu
bir-riħ u fotovoltajċi. It-tisħiħ tal-grid ta' trażmissjoni
kontinentali huwa essenzjali wkoll għall-integrazzjoni ta'
stallazzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli għas-suq domestiku u biex
jippermetti esportazzjonijiet importanti tal-elettriku lejn il-bqija
tal-Ewropa. Il-Greċja hija passaġġ naturali għal ħafna
mill-gass li joriġina fil-baċini tal-Kaspju u tal-Mediterran
tal-Lvant. Il-programm rigward in-Netwerk Trans-Ewropew tal-Enerġija
(TEN-E) u Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa li hija proposta jistgħu
jaqdu rwol prinċipali fl-iffukar tal-isforzi u l-finanzjament f'dan
il-qasam. Il-garanzija ta' settur tal-enerġija miftuħ u li
jiffunzjona u l-garanzija ta’ aċċess mhux diskriminatorju
għall-infrastruttura u n-netwerks tiegħu, huma prerekwiżiti biex
jiġi attirat finanzjament privat lejn tali investiment. Proġetti bħal
Helios jistgħu jkunu xprun għal suq Ewropew tal-enerġija minn
sorsi rinnovabbli li hu verament integrat, filwaqt li fl-istess ħin
jgħinu biex l-ekonomija Griega tirkupra. Azzjonijiet fl-2012 (ara § 4.2 tal-MtQ): Il-privatizzazzjoni ta' kumpaniji pubbliċi tal-gass u l-elettriku
din is-sena se tipprovdi lill-investituri fis-settur privat l-opportunità li
jidħlu fi suq ġdid enormi, u jkabbru l-ambitu għal iffrankar
kbir mill-infiq minn titjib fl-effiċjenza ta' kumpaniji li qabel kienu
pubbliċi. Is-separazzjoni tal-operazzjoni tas-sistema tat-trasmissjoni tal-gass u
l-elettriku mill-attivitajiet ta' produzzjoni u forniment se żżid
it-trasparenza tas-settur, u tiffaċilita l-kompetizzjoni permezz
tad-dħul ta' atturi ġodda fis-suq. Assistenza teknika se tgħin fir-riforma ta' skemi Griegi ta’
sostenn għall-enerġija rinnovabbli, fit-titjib tal-klima
tal-investimenti għall-iżvilupp tar-riżorsi abbundanti
tal-enerġija li għandha l-Greċja mix-xemx u mir-riħ. ·
Servizzi tat-trasport effiċjenti Is-settur tat-trasport Grieg għadda minn
bidliet importanti, bil-ħolqien ta' regolatur tal-linji tal-ferrovija,
il-ftuħ tat-trasport bit-triq tal-merkanzija u l-liberalizzazzjoni
tat-trasport okkażjonali tal-passiġġieri bil-kowċis. Ħafna, madankollu,
għad irid isir. Ostakoli amministrattivi u ġestjoni fqira jipprevjenu
l-isfruttament effiċjenti tal-portijiet u tal-ajruporti, u għandhom
impatt negattiv fuq tnejn mill-aktar setturi importanti tal-ekonomija:
l-industrija tal-loġistika u s-settur tat-turiżmu. Fil-każ
tal-ajruporti u tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, il-kapaċità
addizzjonali sinifikanti u tnaqqis fl-ispejjeż tal-operaturi jistgħu
jkunu disponibbli fi żmien qasir, bir-riżultat li dan jiffavorixxi
l-influss ta’ turisti. Operazzjonijiet ferrovjarji jistgħu jitjiebu billi
jinħoloq il-qafas għal operaturi tal-passiġġieri tal-UE
biex jidħol fis-suq Grieg u billi jiġu ffaċilitati
l-proċeduri għal traffiku internazzjonali tal-merkanzija. Azzjonijiet fl-2012 (ara § 4.2 tal-MtQ): Id-Dokument dwar il-Politika tat-Trasport (id-data dovuta Ġunju
2012) li se jistabbilixxi l-qafas strateġiku u regolatorju
għas-settur tat-trasport kollu għandu jiġi ffinalizzat.
Il-funzjonijiet regolatorji u operazzjonali tal-Awtorità tal-Avjazzjoni
Ċivili Ellenika għandhom ikunu separati u jiġi pprovvdut
finanzjament għal tagħmir modern għall-kontroll tat-traffiku
tal-ajru, għar-reklutaġġ ta' kontrolluri kkwalifikati u
jiġi kkuntrattat softwer modern għall-allokazzjoni tas-slots.
Il-proċess ta' twaqqif ta' awtoritajiet ta' assenjazzjoni indipendenti
għal servizzi tal-passiġġieri bil-ferrovija għandu
jitlesta. Il-proċeduri ta’ qsim bejn il-fruntieri u ftehimiet li
jiffaċilitaw il-flussi tal-merkanzija fil-kuritur X għandhom
jiġu riveduti u jiġi abbandunat l-għeluq l-fruntieri. ·
Il-programm ta’ privatizzazzjoni jkunu
suċċess Il-pjan ta' privatizzazzjoni ta' EUR 50
biljun stabbilit fit-Tieni Programm ta' Aġġustament Ekonomiku
għandu jipprovdi pjattaforma biex jattira l-investiment dirett barrani,
idaħħal atturi ġodda fis-suq u jżid il-kompetizzjoni, kif
ukoll jgħin fil-ħlas lura tad-dejn pubbliku. Għandu wkoll iwitti
t-triq għal ġestjoni iktar effiċjenti ta’ intrapriżi
prinċipali fl-ekonomija li bħalissa huma proprjetà tal-Istat jekk
jiġi implimentat b'viżjoni strateġika fit-tul. Il-ferroviji, il-portijiet u l-ajruporti
jeħtieġu qafas regolatorju aktar koerenti waqt li jkunu qed
jitħejjew għall-privatizzazzjoni. Il-qafas għandu
jiċċara r-rwoli rispettivi tal-awtoritajiet pubbliċi u
l-amministraturi tal-infrastruttura, jiggarantixxi aċċess
għall-faċilitajiet mingħajr diskriminazzjoni, jiffaċilita
l-iżvilupp tal-infrastruttura bħala parti minn sistema ta' trasport
koerenti, u jiżgura l-użu effiċjenti tal-fondi strutturali u ta'
koeżjoni u l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet tat-TEN-T. Azzjonijiet fl-2012 (ara § 2.1 tal-MtQ): Għandu jiġi stabbilit qafas regolatorju u istituzzjonali sod
għal assi relatati mal-infrastruttura li l-bejgħ tagħhom
iddewwem minħabba ostakoli tekniċi u inċertezza rigward
il-kondizzjonijiet li taħthom jistgħu jiġu sfruttati. Inventarju
sħiħ ta' assi immobiljari Statali għandu jitlesta.
Ir-reġistrazzjoni tal-art statali għandha wkoll tiġi
mħaffa. Hemm bżonn li jkun żgurat li d-dħul ippjanat
iseħħ sabiex jiġu evitati lakuni ta' finanzjament fil-kontijiet
fiskali u tissaħħaħ il-kredibbiltà tal-privatizzazzjoni
bħala għodda għas-sostenibbiltà tad-dejn. 2.2. L-indirizzar tal-impatt
soċjali tal-kriżi Minbarra t-tliet oqsma ta’ azzjoni deskritti
hawn fuq, id-deterjorament mgħaġġel tal-qagħda soċjali
fil-Greċja teħtieġ rispons urġenti. Il-qgħad, partikolarment
fost iż-żgħażagħ, żdied b'mod drammatiku
mill-bidu nett tal-kriżi u l-faqar laħaq livelli
inaċċettabbli. Il-Programmi ta' Aġġustament Ekonomiku
ġew imfassla biex jaqilbu din is-sitwazzjoni permezz ta' riforma
fl-ekonomija sabiex il-benefiċċji futuri ta' tkabbir u impjieg
jitgawdew minn kulħadd. Huwa eesenzjali li jsir aktar progress biex
jitnaqqsu l-ispejjeż tax-xogħol u tittejjeb il-produttività biex
jgħinu terġa' tinkiseb il-kompetittività tal-ekonomija Griega. Dawn
il-passi meħtieġ għandhom ikunu akkumpanjati minn miżuri
sodi biex jiżguraw il-ġustizzja soċjali u jgħinu lil min hu
l-iktar vulnerabbli. Dawn il-konsiderazzjonijiet ġew riflessi
fit-tfassil tal-programm, pereżempju bir-reviżjoni tal-programmi
soċjali biex ikun żgurat li jimmiraw aħjar
lill-benefiċjarji u jipproteġu b'mod effettiv li min hu vulnerabbli;
billi jiżguraw li t-tnaqqis fil-pensjonijiet ikunu mmirati u
jipproteġu lill-pensjonijiet l-aktar baxxi; billi jiġġieldu
l-frodi fil-benefiċċji soċjali; billi jnaqqsu l-ispejjeż
tal-kura tas-saħħa mingħajr ma jipperikolaw il-kwalità tal-kura;
billi jżidu l-ġustizzja tas-sistema fiskali; u billi
jiġġliedu kontra l-evażjoni tat-taxxa. 2.2.1. Il-promozzjoni tax-xogħol
u t-taħriġ għaż-żgħażagħ Il-Kummissjoni qed taħdem attivament
mal-awtoritajiet Griegi dwar modi kif jistgħu jiġu ttrattati
l-livelli estremament għolja ta’ qgħad fost
iż-żgħażagħ. Dan jinkludi li tittieħed ħarsa
mill-ġdid lejn l-użu tal-fondi strutturali tal-UE fil-Greċja u
kif tista' tingħata għajnuna lill-awtoritajiet Griegi biex
jallokawhom mill-ġdid għal proġetti li jagħmlu l-akbar
differenza għat-tkabbir u għall-impjiegi fl-iqsar żmien. Pjan ta' azzjoni qed jiġi definit sabiex
jiffoka fuq gruppi fil-mira ta’ prijorità ċara u għanijiet
politiċi. Orjentament mill-ġdid ta' finanzjament tal-UE ta’ madwar
EUR 200-250 miljun mill-Fond Soċjali Ewropew jista’ jiġi allokat
taħt il-programmi eżistenti tal-Fondi Strutturali tal-UE biex
jappoġġjaw miżuri li jistgħu jagħtu riżultati
immedjati għal żgħażagħ li mhux qed jirnexxilhom isibu
xogħol. Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu
appoġġ għall-akkwist tal-ewwel esperjenza ta' xogħol jew
kollokament ta' xogħol fuq terminu qasir fis-settur privat jew
fil-komunitajiet lokali; twessigħ ta' opportunitajiet ta' apprendistat jew
taħriġ għal studenti u gradwati; il-promozzjoni
tal-iżvilupp mill-ġdid tal-ħiliet jew il-bini tal-ħiliet
bħala parti minn perkors ta' tkabbir u żvilupp; Tingħata spinta
lill-intraprenditorija, inkluża l-intraprenditorija soċjali; u
perjodi ta' studju jew taħriġ barra l-pajjiż, pereżempju
permezz tal-programmi Leonardo u Erasmus. Azzjonijiet fl-2012: Pjan ta' azzjoni għall-promozzjoni tax-xogħol fost
iż-żgħażagħ, inkluż permezz ta' taħriġ
u l-intraprenditorija, għandu jiġi finalizzat u implimentat qabel
tmiem l-2012. 2.2.2. Politika attiva tas-suq
tax-xogħol Is-servizzi tal-impjiegi pubbliċi
għandhom jissaħħu biex joffru servizzi aħjar u iktar
personalizzati lill-ammont dejjem jiżdied ta' nies qiegħda. Hemm
bżonn ta' investiment aktar effettiv u immirat fil-politiki attivi tas-suq
tax-xogħol biex jappoġġa rkupru għani fl-impjiegi u
għandha ssir evalwazzjoni iktar sistematika ta' miżuri attivi tas-suq
tax-xogħol. Għandha tingħata prijorità lill-aktar gruppi
vulnerabbli (dawk qiegħda mingħajr sengħa, dawk li jħallu
l-iskola kmieni, ħaddiema anzjani, nies li ilhom qiegħda, immigranti
u minoranzi, eċċ). L-isforzi għall-iżvilupp tal-ħiliet
għandhom ikunu mmirati biex jidentifikaw u jirrispondu
għall-ħtiġijiet tas-setturi u r-raggruppamenti li jistgħu
jsiru l-muturi prinċipali tat-tkabbir futur. Il-fondi strutturali tal-UE jistgħu
jappoġġjaw diversi skemi għal żmien qasir ta'
reklutaġġ iffukat b'mod partikolari fuq il-bżonnijiet ta' gruppi
żvantaġġati. Dawn jistgħu jipprovdu solliev ekonomiku
temporanju u opportunità lil dawk l-aktar milquta mill-kriżi biex
jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom u jibqgħu fis-suq
tax-xogħol. Barra minn hekk, il-Greċja tista'
tuża l-potenzjal attwalment mhux sfruttat tal-ekonomija soċjali,
permezz tas-sostenn tal-Fond Soċjali Europew, li jipprovdi
appoġġ importanti għall-ħolqien ta’ impjiegi ġodda u
jista' jindirizza l-ħtieġa dejjem tikber għal servizzi
soċjali Azzjonijiet fl-2012: Aktar użu effettiv tar-riżorsi disponibbli tal-Fond
Soċjali Ewropew biex tistabbilixxi qafas li jiffunzjona għal kollox
biex jagħti appoġġ lill-ekonomija soċjali u
lill-intrapriżi soċjali, kif ukoll lill-muturi ewlenin għal
irkupru għani fl-impjiegi u biex jindirizza l-integrazzjoni
multidimensjonali tal-ħtiġijiet ta’ gruppi vulnerabbli. 2.2.3. Investiment fis-sistema
edukattiva u t-taħriġ. Sabiex it-tkabbir ikun jista' jerġa jibda
u biex il-vantaġġi kompetittivi tal-Greċja ikunu jistgħu
jiġu sfruttati, għandhom jiġu mtejba r-rilevanza, il-kwalità u
l-attrazzjoni tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali inizjali.
Għandha tiġi nkoraġġita l-kooperazzjoni bejn in-negozji u
l-istituzzjonijiet edukattivi biex ikun żgurat li meta
ż-żgħażagħ iħallu l-edukazzjoni u
t-taħriġ ikollhom il-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa
mill-ekonomija – f’termini kemm ta' impjegabbiltà u intraprenditorija . Dan għandu
wkoll jinvolvi l-ħolqien ta' perkorsi flessibbli bejn toroq ġenerali
u vokazzjonali, u minn edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali inizjali
lejn tagħlim ulterjuri u edukazzjoni ogħla. 2.3. Tinbena amministrazzjoni
pubblika moderna Ir-riforma tal-Greċja trid tibda
bil-modernizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika Griega. Bħalissa
l-Greċja qed tbati minn nuqqas ta' kapaċità biex timplimenta
l-politika, tamministra il-finanzi pubbliċi, tiġbor it-taxxi,
tiftaħ is-swieq għall-kompetizzjoni, tħaddem l-akkwist pubbliku
b'mod effiċjenti u innovattiv, tħallas lill-fornituri, jew toffri
reviżjoni ġudizzjarja f'waqtha liċ-ċittadini tagħha.
Komplessità u nuqqas ta' trasparenza fil-livelli kollha joħolqu
opportunitajiet għall-korruzzjoni li jimminaw il-fiduċja
taċ-ċittadini fis-sistema u jherri l-effettività tagħha.
Ir-rimedju ta' dawn l-elementi se joħloq bażi biex jiġi
stabbilit mill-ġdid kuntratt soċjali bejn iċ-ċittadini
Griegi u l-Istat, ibbażat fuq it-trasparenza, il-fiduċja u
s-solidarjetà. L-istabbilliment mill-ġdid ta' fiduċja fl-istatistika
uffiċjali hija parti integrali minn dan il-kuntratt soċjali. 2.3.1. Ir-riforma
tal-amministrazzjoni pubblika L-istrutturi u l-metodi ta' ħidma
tas-servizz pubbliku Grieg jeħtieġu riforma kemm fl-għeruq kif
ukoll fil-fergħat. Hemm ħtieġa għal assenjazzjoni ċara
tar-responsabbiltajiet politiċi prinċipali, sabiex tkun żgurata
r-responsabbilizzazzjoni u tingħeleb l-inerzja u tintemm dispersjoni
attwali ta’ responsabbiltà għal aspetti differenti ta’ politika madwar
il-Ministeri u l-aġenziji differenti. Hemm bżonn ta' kapaċità
ta’ koordinazzjoni inter-Ministerjali qawwija għall-implimentazzjoni ta'
proċess kumpless ta' riforma. Ir-riformi huma wkoll meħtieġa
sabiex itejbu t-tħaddim u l-organizzazzjoni ta' Ministeri u servizzi pubbliċi
Griegi individwali. Il-prinċipji kollha ta’ koerenza u effiċjenza
stabbiliti bir-riforma tal-amministrazzjoni fil-livell ċentrali
għandhom jiġu tradotti fil-livelli reġjonali u lokali. L-UE qed tagħti
appoġġ tanġibbli lill-aġenda ta’ riforma amministrattiva
fil-Greċja, b'mod partikolari permezz tal-Fond Soċjali Ewropew
b'baġit ta' EUR 505 miljun. Ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika
hija wkoll aspett ċentrali tat-Tieni Programm ta' Aġġustament
Ekonomiku[7]. Azzjonijiet fl-2012 (ara § 2.6 tal-MtQ): Il-grupp ta’ tmexxija ta’ livell għoli, stabbilit fil-bidu
tal-2012 biex jissorvelja u jimmonitorja l-implimentazzjoni tar-riformi
amministrattivi, għandu jibda jopera mill-aktar fis possibbli taħt
l-awtorità tal-Prim Ministru. Struttura stabbli għandha tiġi
stabbilita għal koordinazzjoni inter-ministerjali. Għandhom
jinħolqu strutturi orizzontali f'kull Ministeru, li jimplimentaw
il-proċeduri rilevanti bil-Baġit/Verifika tal-Finanzi, il-Kontroll
Intern jew il-Ġestjoni tar-Riżorsi Umani, li jaġixxu skont regoli
komuni. Pjan direzzjonali u azzjonijiet għar-riforma amministrattiva
fil-livelli reġjonali u lokali għandhom jiġu deċiżi u
implimentati bi grad għoli ta' urġenza. L-aċċelerazzjoni
tal-implimentazzjoni tal-programm "Riforma Amministrattiva"
ffinanzjat mill-FSE hija kruċjali sabiex jintlaħqu riżultati
f'waqthom. 2.3.2. Ir-riforma fiskali,
l-amministrazzjoni tat-taxxa u ġestjoni tal-finanzi pubbliċi Is-sistema fiskali Griega għandha
bżonn bidla radikali urġenti. It-tfassil tat-taxxi kemm diretti kif
ukoll indiretti - inkluża l-proprjetà – jistgħu jitjiebu biex
jappoġġjaw l-istabbiltà u t-tkabbir. Eżenzjonijiet estensivi,
regoli speċjali u reġimi preferenzjali minbarra li jnaqqsu d-daqs
tal-bażi tat-taxxa għamlu s-sistema kumplessa u diffiċli biex
tiġi amministrata u biex wieħed jikkonforma magħha. Billi
żiedu l-komplessità, dawn l-eżenzjonijiet u eċċezzjonijiet
ħolqu wkoll potenzjal għal evitar u abbuż estensiv u jwasslu
wkoll għal evażjoni fiskali u l-korruzzjoni li jirriżultaw
f'telf enormi fid-dħul lill-Istat u jheddu l-vijabbiltà tan-negozji.
Ir-riforma tat-taxxa għandha għalhekk ittejjeb ukoll il-kwalità
tal-leġislazzjoni tat-taxxa, l-amministrazzjoni tat-taxxa u l-grad ta’
konformità fiskali. L-amministrazzjoni tat-taxxa Griega
għandha tkun il-mira ffukata ta' sforzi ma jaqtgħux biex
isaħħu l-kapaċità tagħha li tiġbor it-taxxi dovuti
mit-taqsimiet kollha tas-soċjetà. Miżuri effettivi għandhom
jittieħdu biex jittejjeb il-qafas tal-governanza u l-indipendenza
tal-amministrazzjoni tat-taxxa. Għandu jkun hemm progress sostnut
fit-titjib tal-kontabilità baġitarja nazzjonali. Dgħufijiet fuq dawn
il-fronti kienu fatturi kritiċi fid-deterjorament tas-sitwazzjoni fiskali
Griega. It-titjib fl-amministrazzjoni fiskali u t-trażżin tal-evażjoni
fiskali huma importanti wkoll sabiex ikun żgurat li l-piż
tal-aġġustament ikun imqassam b'mod ġust. Min-naħa l-oħra, l-amministrazzjoni
fiskali Griega trid b'mod urġenti tagħti rifużjoni sa
EUR 700 miljun għal pagamenti mħallsa bil-quddiem ta' taxxa
tal-VAT minn kumpaniji tal-esportazzjoni. Hija ta' dannu kbir għal
intrapriżi li jinsabu f'diffikultà li dawn il-pagamenti jiddewmu
suġġett għat-twettiq ta’ verifiki diskrezzjonali minn
uffiċjali tat-taxxa individwali. Il-kapaċità fir-rigward tal-ġestjoni
trasparenti tal-fondi pubbliċi, u fil-ġlieda kontra l-frodi u
l-korruzzjoni għandha wkoll tiżdied. Azzjonijiet fl-2012 (ara § 2.3 u §2.4 tal-MtQ): Riforma komprensiva tas-sistema fiskali għandha titħejja
bl-ikbar attenzjoni fix-xhur li ġejjin sabiex titjieb l-effiċjenza
tagħha u l-faċilità tat-tkabbir. Għandhom ikunu intensifikati l-isfozi għall-ġbir
tad-dejn tat-taxxa kif ukoll fuq il-verifika ta’ individwi għonja
ħafna, filwaqt li fl-istess ħin isiru sforzi biex jiġi
ssimplifikat mill-qiegħ il-qafas legali u proċedurali tat-tassazzjoni,
permezz tal-assistenza teknika li qed tiġi pprovduta. Strateġija kontra l-frodi, li tkopri d-dħul u l-infiq
pubbliku, għandha tiġi adottata. 2.3.3. Ir-Riforma tas-sistema
tal-kura tas-saħħa u tal-pensjonijiet Biex jinżamm aċċess universali
u tittejjeb il-kwalità tas-servizzi tas-saħħa fi ħdan qafas ta'
aktar dixxiplina baġitarja, il-Greċja għandha ssib modi biex
tinkludi l-ispejjeż tal-inputs u żżid l-effiċjenza
ġenerali tas-sistema. Dan għandu jsir bil-għan li titjieb
il-kwalità ġenerali tas-servizzi tas-saħħa pubblika, inkluż
billi jiġu indirizzati l-inugwaljanzi fil-kopertura u tonqos
il-frammentazzjoni fil-governanza u l-amministrazzjoni tas-sistema. Konsum aktar responsabbli tas-servizzi
tal-kura tas-saħħa u prodotti ser jgħin, partikolarment billi
jnaqqas il-ħruġ u l-ħela tat-tagħmir mediku u
l-farmaċewtiċi. Dan jista’ jsir permezz ta’ sistemi ta'
preskrizzjonijiet b'appalti għas-saħħa aktar trasparenti u
professjonali (il-Greċja qed timplimenta e-preskrizzjoni u
reċentement għamlet l-ewwel e-irkant
għall-farmaċewtiċi). L-ibbilanċjar tal-ħtiġijiet
tar-riżorsi umani fit-tul b'fokus b'mod partikolari fuq
it-taħriġ u r-retenzjoni ta' professjonisti u infermiera fil-kura
primarja tal-kura tas-saħħa se jkun importanti
għas-sostenibbiltà tas-sistema tal-kura tas-saħħa. Fl-2010 il-Greċja adottat waħda
mill-aktar riformi tal-pensjonijiet ambizzjużi fl-UE. Dawn ir-riformi ser
jirfdu s-sostenibbiltà fit-tul tas-sistema tal-pensjoni Griega. Hekk kif l-istennija tal-ħajja fit-twelid
tjiebet b'mod sinifikanti matul l-aħħar għaxar snin – fl-2010
laħqet it-78.4 snin għall-irġiel u t-82.8 sena għan-nisa
(rati rispettivi tal-UE-27 għall-2008: 76.4 u 82.4 sena) - l-impatt
tax-xjuħija fuq is-sistema tas-saħħa u s-sistema
tal-pensjonijiet għandu jkollha rwol prominenti fil-proċess
tar-riforma. Azzjonijiet fl-2012 (ara § 2.7 u §2.8 tal-MtQ): Il-Greċja għandha taħdem lejn sett komprensiv ta'
miżuri biex: i) issaħħaħ il-ġovernanza tas-sistema
tas-saħħa filwaqt li tnaqqas l-frammentazzjoni u l-ispejjeż
amministrattivi; ii) tnaqqas l-infiq fil-farmaċewtiċi permezz ta'
tibdil fl-ipprezzar, il-preskrizzjoni u r-rimborż tal-mediċini, kif
ukoll permezz tal-promozzjoni ta' mediċini ġeneriċi; iii)
tiċċentralizza l-akkwist; iv) tiżviluppa sistema komprensiva u
uniformi ta' e-saħħa biex ittejjeb is-sorveljanza, it-trasparenza u
l-effiċjenza tas-sistema tal-kura tas-saħħa; u v)
tippreżenta strument għall-ippjanar tar-riżorsi umani biex
tidentifika l-bżonnijiet fit-tul tal-ħaddiema fis-servizzi
tas-saħħa. Dawn huma passi meħtieġa lejn servizz
tas-saħħa verament nazzjonali li jiggarantixxi l-ġustizzja,
l-ekwità, l-effiċjenza u l-kwalità tas-servizzi u l-infiq. Ir-riforma tas-sistema tal-pensjonijiet għandha tiġi
ffinalizzata permezz ta' riforma fl-iskemi sekondarji u supplimentari tal-pensjoni
u ġlieda kontra l-frodi fl-skemi tal-pensjonijiet tad-diżabiltà. 2.3.4. Riforma ġudizzjarja L-amministrazzjoni ġudizzjarja Griega
għandha wkoll bżonn ta’ riforma minħabba li hija
ineffiċjenti ħafna meta mqabbla ma' standards internazzjonali. Il-poplu
u n-negozji jeħtieġ li jkollhom fiduċja li s-sistema
ġudizzjarja se tipprovdi soluzzjonijiet effettivi u tiddefendi
d-drittijiet tagħhom. Hija kkaratterizzata minn proċeduri kumplessi
li jirriżultaw f'dewmien eċċessiv fir-riżoluzzjoni ta'
każi (ferm ogħla mill-medja tal-OECD) b'ammont sinifikanti ta'
każijiet pendenti minkejja għadd relattivament kbir ta' qrati u
mħallfin ikkomparat mad-daqs tal-popolazzjoni Griega. Il-miżuri ta'
riforma ġudizzjarja stabbiliti fit-Tieni Programm ta'
Aġġustament Ekonomiku jista' jagħti kontribut importanti
għall-irkupru ekonomiku billi jistimula l-konsum privat, l-investiment
barrani u l-intraprenditorija domestika. Azzjonijiet fl-2012 (ara § 4.5 tal-MtQ): Il-Greċja għandha taħdem biex i) tipproċessa
l-każijiet pendenti attwali fil-qrati (għal każijiet fiskali,
ċivili u kummerċjali); ii) tinkoraġġixxi li individwi u
negozji privati jużaw modi alternattivi għar-riżoluzzjoni ta'
disputi, bħall-medjazzjoni, sabiex jitnaqqas il-volum tax-xogħol
tal-uffiċjali tal-qorti; iii) tintroduċi l-applikazzjonijiet
il-ġodda tal-e-ġustizzja; iv) tirrevedi l-Kodiċi ta’
Proċedura Ċivili Griega; U v) tadotta u timplimenta strateġija
kontra l-korruzzjoni. 2.3.5. Titjib fil-koordinament intern It-Tieni Programm ta' Aġġustament
Ekonomiku jitabbilixxi aġenda sħiħa biex tiġi implimentata
mill-awtoritajiet Griegi. Huwa jikkostitwixxi wkoll il-"massa
kritika" meħtieġa biex ir-riforma strutturali fil-Greċja
titqiegħed fuq perkors awtoperpetwu. Madankollu, bħalissa ma hemm l-ebda
ċentru ewlieni għall-koordinazzjoni u l-monitoraġġ
tal-proċess ta' riforma fi ħdan il-gvern Grieg. Tali mekkaniżmu
se jkun meħtieġ biex iżomm il-proċess tar-riforma fit-triq
it-tajba, u jiffaċilita l-kontroll effettiv u trasparenti tal-gvern
fil-proċess globali. Dan għandu jipprovdi l-bażi għal
skrutinju governattiv u Parlamentari tal-proċess u jgħin biex
jikkoreġi xi żbalji. Għandu jgħin ukoll biex tinħoloq
kapaċità awtonoma biex tinkwadra u timplimenta r-riformi strutturali. Qiegħda wkoll tiġi pprovduta
assistenza teknika biex tissaħħaħ il-kwalità
tal-istatistiċi uffiċjali, li għalihom twaqqaf il-Pjan ta'
Azzjoni Konġunt Grieg ta' Statistika Ġenerali (JOSGAP). Azzjonijiet fl-2012 (ara § 5 tal-MtQ): Mekkaniżmu għall-monitoraġġ u l-koordinazzjoni
tar-riformi strutturali għandu jinħoloq u jkunu għal kollox
operazzjonali sa nofs l-2012. 3. L-Unjoni Ewropea tista'
tgħin 3.1.1. Jitħaddmu l-fondi tal-UE Ir-riżorsi disponibbli permezz tal-fondi
tal-UE jirrappreżentaw saħħa kbira ekonomika[8]. Aktar minn
EUR 20 biljun ġew allokati għall-perjodu 2007-2013
taħt il-finanzjament strutturali u ta’ koeżjoni u EUR 21 biljun
permezz tal-Politika Agrikola Komuni. Madankollu, inqas minn nofs
l-allokazzjoni tal-Fond Strutturali u ta' Koeżjoni ġie minfuq u hemm
lok għal titjib fl-assorbiment ta' fondi għall-iżvilupp rurali.
Dan jimplika kapaċità sinifikanti mhux użata biex tiżdied
id-domanda u l-investiment u joħolqu l-impjiegi fit-terminu l-qasir,
filwaqt li jitqegħdu l-pedamenti għal tkabbir sostenibbli fil-ġejjieni.
Flimkien mal-awtoritajiet Griegi,
il-Kummissjoni identifikat għadd ta' proġetti prijoritarji li
jistgħu jagħtu spinta immedjata għat-tkabbir u l-impjiegi.
Il-Kummissjoni pproponiet ukoll Strument għall-Qsim tar-Riskju biex
tingħata spinta lill-investiment privat fi proġetti kbar tal-infrastruttura.
Dan l-istrument se jipprovdi katalizzatur vitali għal proġetti
ewlenin bħall-konċessjonijiet tal-awtostrada u investimenti kbar
għall-ġestjoni tal-iskart. Azzjonijiet fl-2012 (ara § 4.3 tal-MtQ): Il-Greċja għandha tkompli taħdem biex tikseb il-miri
għall-assorbiment tal-fondi strutturali u ta' koeżjoni,
għas-sottomissjoni ta' applikazzjonijiet għal proġetti
maġġuri u għal tnaqqis gradwali fl-użu ta' għajnuna
mill-Istat de minimis mhux immirata. L-isforzi għas-simplifikazzjoni
fil-ġestjoni tal-fondi tal-UE għandhom jiġu segwiti
bit-tneħħija tal-piż amministrattiv żejjed, filwaqt li
tiġi żgurata stabbiltà fil-qafas għall-implimentazzjoni. It-tħejjijiet tekniċi għall-Istrument tal-Qsim
tar-Riskju għandhom jipproċedu malajr sabiex l-istrument ikun jista'
jiġi attivat mill-aktar fis possibbli wara jintlaħaq ftehim politiku
mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill. Il-Greċja għandha tiffinalizza ftehim dwar ir-ristrutturar
neċessarju għall-konċessjonijiet awtostradali biex tkun
żgurata l-vijabbiltà ekonomika tagħhom. L-għadd ta' proġetti kkuntrattati - u partikolarment il-181
proġett prijoritarji - għandu jiżdied sostanzjalment u aktar
malajr sabiex tkun żgurata t-tlestija tagħhom qabel tmiem l-2015. 3.1.2. Assistenza teknika /
it-Taskforce għall-Greċja Il-Kummissjoni Ewropea, permezz tat-Taskforce
għall-Greċja li nħolqot apposta u li tirrapporta lill-President
Barroso, se tkompli tappoġġja lill-Greċja biex tiġi
nkwadrata u mmobilizzata l-assistenza teknika meħtieġa biex jiġu
implimentati dawn ir-riformi ta' sfida. It-Taskforce diġà qed taħdem
mill-qrib mal-awtoritajiet Griegi biex tidentifika l-ħtiġijiet, u
timmobilizza l-kompetenzi minn Stati Membri u organizzazzjonijiet
internazzjonali oħra fl-oqsma ta' assorbiment tal-fondi strutturali,
l-amministrazzjoni tat-taxxa / il-ġestjoni finanzjarja pubblika,
inkluża l-ġlieda kontra l-frodi, il-kuntrabandu u l-korruzzjoni,
ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika, l-ambjent tan-negozju, ir-riforma
ġudizzjarja u r-riforma tal-kura tas-saħħa. Ħafna Stati
Membri qegħdin jagħtu l-kontribut tagħhom billi jagħmlu
speċjalisti ewlenin disponibbli biex jagħtu konsulenza
lill-awtoritajiet Griegi. Il-Kummissjoni ser tagħmel rapporti
regolari dwar l-implimentazzjoni tat-Tieni Programm ta' Aġġustament
Ekonomiku u dwar l-ħidma speċifika tat-Taskforce
għall-Greċja. 4. Konklużjoni It-trasformazzjoni ekonomika tal-Greċja
mhux se titlesta malajr, iżda passi sinifikanti jistgħu jkunu
mistennija diġà fl-2012. Ir-riforma strutturali profonda u l-korrezzjoni
tal-iżbilanċi li akkumulaw matul ħafna snin se jieħdu
ż-żmien iżda l-azzjonijiet spjegati f'din il-Komunikazzjoni
għandhom iwittu t-triq lejn l-irkupru u jwasslu għal aktar
Greċja iktar dinamika, moderna, innovattiva, sostenibbli u ġusta. L-isfidi huma ħafna. Il-Greċja trid
timmudella mill-ġdid partijiet kbar tal-amministrazzjoni pubblika
tagħha u tagħmel il-pajjiż post attraenti fejn wieħed
jinvesti u jagħmel in-negozju. Hija teħtieġ timplimenta
bbilanċjar mill-ġdid profond tal-ekonomija tagħha – lejn aktar
attivitajiet produttivi bbażati fuq il-kompetizzjoni u prodotti u servizzi
innovattivi b'valur miżjud għoli. Is-suq tax-xogħol Grieg
għandu jiġi riformat biex jimmobilizza u jtejjeb il-kapital uman,
jipprovdi aktar opportunitajiet u opportunitajiet aħjar ta' impjieg u
jirrestawra l-kompetittività. L-ippriservar tal-kondizzjonijiet għal
djalogu soċjali effettiv u bis-sens għandu jikkontribwixxu wkoll
għas-suċċess tal-proċess ta’ riforma. Il-Greċja diġà għamlet progress
importanti meta naqqset sostanzjalment l-iżbilanċi fiskali u rażżnet
l-infiq u żiedet id-dħul mit-taxxi. It-Tieni Programm ta'
Aġġustament Ekonomiku jipprovdi l-qafas it-tajjeb biex din
it-trasformazzjoni tkompli. Huwa se jippermetti lill-Greċja biex idawwar
paġna minn snin ta’ politiki insostenibbli u tnaqqis fil-kompetittività
permezz ta’ passi deċiżivi biex id-defiċit u d-dejn pubbliku
jirritornaw għal perkors sostenibbli u jinħeles il-potenzjal
tal-ekonomija Griega. L-implimentazzjoni sħiħa tal-programm,
inkluż permezz tal-mobilizzazzjoni ta' strumenti eżistenti ta'
appoġġ tal-UE, se tqiegħed is-sisien għal tkabbir futur,
l-impjiegi u l-koeżjoni soċjali, terġa' tibni l-fiduċja
fil-Greċja kemm domestikament kif ukoll barra l-pajjiż u twitti
t-triq għal soċjetà aktar ġusta għal dawk li sofrew l-aktar
mill-kriżi. Is-suċċess ta' dan il-proċess,
fl-aħħar mill-aħħar, jiddependi mill-Greċja.
Is-solidarjetà li wrew il-bqija tal-UE u l-istituzzjonijiet Ewropej matul
il-kriżi hija espressa f’termini konkreti ħafna permezz tad-disponibbiltà
ta' appoġġ finanzjarju konsiderevoli u ta' kompetenzi li qed
jappoġġaw dan il-proċess ta’ trasformazzjoni. Din
il-Komunikazzjoni tenfasizza l-azzjonijiet prinċipali li għandhom
jittieħdu fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin biex juru li
sitwazzjoni negattiva tista’ tinqaleb u li tibdil reali jista' jsegwi
għall-benefiċċju taċ-ċittadini Griegi kollha. ANNESS F'dan
l-Anness il-Kummissjoni tistipula f’aktar dettall il-kobor tal-appoġġ
disponibbli fuq il-livell tal-UE: –
Taqsima 1 tiddeskrivi l-impatt tal-kriżi fuq
il-Greċja. –
Taqsima 2 tagħti d-dettalji tal-appoġġ
finanzjarju mill-baġit tal-UE u tispjega kif ir-regoli ġenerali
ġew imfassla għas-sitwazzjoni speċifika tal-Greċja. –
Taqsima 3 tispjega kif politiki ewlenin tal-UE
jistgħu jgħinu biex jappoġġaw it-tkabbir u l-impjiegi
fil-Greċja u tiddeskrivi x'hemm bżonn tagħmel il-Greċja
biex tutilizza l-potenzjal tagħhom. Ir-riżultati f'dawn l-oqsma
kollha se jitjiebu hekk kif ir-riformi strutturali tat-Tieni Programm ta'
Aġġustament Ekonomiku jiġu implimentati u jibdew iġibu
bidla fl-ekonomija. 1. L-impatt tal-kriżi fuq
il-Greċja Meta wieħed iħares lura, issa huwa
ċar li t-tkabbir qawwi tal-PDG tal-Greċja b'medja ta’ 4% fis-sena
fl-għaxar snin ta' qabel il-kriżi kien insostenibbli. Dan it-tkabbir
kien mibni fuq żidiet reali fil-pagi konformi mal-produttività, tkabbir
ta' kreditu eċċessivi, rati baxxi ta' interess reali u politika
fiskali laxka. Il-prestazzjoni fit-terminu qasir ħbiet il-ħafna
nuqqasijiet serji fl-ekonomija Griega, partikolarment kompetittività u
produttività baxxi, ambjent tan-negozju mhux-favorevoli, investiment
dgħajjef mis-setturi privati u pubbliċi, sistema fiskali kumplessa u
antikwata u sistema ġudizzjarja ineffiċjenti. Matul dan il-perjodu akkumulaw
żbilanċi perikolużi.. L-'isplużjoni' fid-domanda flimkien
ma' kompetittività esterna dgħajfa wasslet għal żieda
mgħaġġla fl-iżbilanċi esterni. Mis-sena 2000 sal-2009
il-kompetittività ddeterjorat b'10-20%. Sal-2008 d-defiċit tal-kont
kurrenti kien tela' għal 14% tal-PDG. L-iżbilanċi fiskali kibru
u baqgħu persistentament għolja, peress li l-infiq eċċessiv
ma ġiex ikkumpensat minn dħul ogħla. Id-defiċit tal-gvern
konsistentement qabeż it-3% tal-PDG mill-adozzjoni tal-euro u fl-2009
d-defiċit kiber għal kważi 16% tal-PDG. Dawn l-iżbilanċi ħallew
il-pajjiż ferm espost għar-riċessjoni ekonomika globali u wasslu
għal żieda sinifikanti fid-dejn tal-gvern, b'hekk ġiet mhedda
l-kapaċità ta' finanzjament tal-ekonomija Griega. Id-dejn tal-gvern
żdied għal 129 fil-mija tal-PDG fl-2009 minn madwar 100 fil-mija
fl-2000. Il-firxa tal-Bonds kibret għal livelli rekord hekk kif is-swieq
tilfu l-fiduċja fil-kapaċità tal-ekonomija u tal-gvern Grieg biex
iħallas lura d-djun tiegħu, b'hekk ikkawżat il-kriżi
tad-dejn sovran. Il-problemi ġew aggravati u rispons
korrettiv iddewwem mill-fatt li t-tbassir baġitarju tal-gvern u
l-istatistika uffiċjali Griega ma żvelawx il-firxa vera tal-problema.
Fl-2009, meta l-iskala tal-problema ġiet uffiċjalment rikonoxxuta
mill-gvern li daħal fil-kariga f’Ottubru, il-previżjonijiet
tal-iżbilanċ tal-gvern ġet riveduti b'6 punti perċentwali
tal-PDG. Iffaċċjata bil-konsegwenzi ta'
aġġustament ekonomiku rapidu, il-Greċja issa tinsab f'nofs
reċessjoni profonda ħafna. Il-PDG naqas b’aktar minn 11 fil-mija
mill-bidu tal-kriżi 'l hawn u huwa mistenni li jkompli jonqos fl-2012.
Parti minn dan it-tnaqqis fl-attività ekonomika kien inevitabbli minħabba
tkabbir mhux sostenibbli qabel il-kriżi. Madankollu, id-domanda esterna
kienet iktar dgħajfa milli mistenni u l-implimentazzjoni
insuffiċjenti tar-riformi strutturali u l-instabbilità politika u
soċjali, flimkien ma' skarsezza fil-likwidità relatata mal-ħarba
tal-kapital komplew ikabbru l-kriżi ekonomika. Ritorn possibbli lejn
it-tkabbir pożittiv sal-2014 jiddependi b’mod kruċjali fuq
il-miżuri meħuda fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin. L-impatt soċjali ta' din il-kriżi
kien sever. Il-qgħad żdied drastikament matul l-aħħar
sentejn, u attwalment huwa 17.7% (medja annwali għal 2011).
Il-previżjonijiet reċenti jindikaw li l-qgħad jista' jogħla
għal aktar minn 20% fl-2012 u l-2013 qabel ma jibda jonqos. Il-qgħad
fit-tul żdied għal 9.1% tal-forza tax-xogħol u huwa improbabbli
li laħaq l-ogħla livell tiegħu. Il-Greċja esperjenzat
waħda mill-akbar żidiet riċenti fl-għadd ta' familji
mingħajr impjeg fl-Ewropa. Iż-żgħażagħ intlaqtu
partikolarment ħażin. Il-qgħad taż-żgħażagħ
kien madwar 48% f'Novembru 2011, id-doppju tas-sentejn preċedenti.
Fit-tielet kwart tal-2011, xi 45% ta’ dawk qiegħda bejn il-15 u l-24 kienu
persuni qiegħda għat-tul, b'kuntrast ma' 30% sentejn qabel. Qabel il-kriżi, il-Greċja kienet
diġà tbati minn waħda mill-ogħla rati ta’ faqar fl-UE u
t-tnaqqis qawwi fir-ritmu ekonomiku żied il-livelli tal-faqar u
l-esklużjoni soċjali u għall-akkomodazzjoni u laqat l-introjtu
disponibbli. Il-kundizzjoni ta' persuni mingħajr dar qed tiżdied fost
il-familji bit-tfal u ż-żgħażagħ, kif ukoll fost’
għadd dejjem jiżdied ta’ migranti irregolari, b'hekk kompliet
taggrava aktar il-pressjoni. 2. X'appoġġ qed
tagħti l-UE liil-Greċja? 2.1. L-Ewwel u t-Tieni Programmi
ta' Aġġustament Ekonomiku – programmi għal riforma ekonomika L-UE u l-komunità internazzjonali intervjenew
malajr biex jgħinu lill-Greċja fl-2010 ladarba l-iskala vera
tal-kriżi saret evidenti. L-appoġġ wasal fil-forma ta’
żewġ programmi ambizzjużi ta' aġġustament ekonomiku,
li pprovdew għajnuna finanzjarja massiva bil-kundizzjoni li tittieħed
azzjoni komprensiva u dejjiema biex jiġu stabbilzzati l-finanzi
pubbliċi, l-istabbiltà finanzjarja titrawwem mill-ġdid u jiġu
implimentati riformi strutturali li jsaħħu t-tkabbir. L-Ewwel Programm ta' Aġġustament
Ekonomiku tnieda f'Mejju 2010 u impenja pakkett ta' self ta' EUR 110
biljuni, li minnhom EUR 73 biljun tħallsu. It-Tieni Programm ta'
Aġġustament Ekonomiku ġie maqbul f’Marzu 2012 ma’ pakkett ta'
self ta’ EUR 130 biljun minbarra l-ammonti mhux mħallsa mill-ewwel programm. L-Ewwel Programm ta' Aġġustament
Ekonomiku diġà ġab konsolidazzjoni fiskali sinifikanti ħafna.
Il-miżuri implimentati mill-bidu tal-kriżi jammontaw għal aktar
minn 20 fil-mija tal-PDG, wieħed mill-akbar aġġustamenti fiskali
li qatt esperjenza pajjiż tal-UE. Dan kien jeħtieġ miżuri
iebsa iżda meħtieġa li kienu jinvolvu l-iskalar lura
tal-paġi u l-pensjonijiet tas-settur pubbliku, żieda fit-taxxi kif
ukoll riformi fis-suq tax-xogħol, inkluż l-introduzzjoni ta' pagi
sub-minima għaż-żgħażagħ u dawk qiegħda
fit-tul. Il-progress lejn il-miri ambizzjużi
tal-Ewwel Programm ta' Aġġustament Ekonomiku kien imħallat
għalkemm saru sforzi importanti. Id-defiċit tal-gvern tnaqqas minn
kważi 16 fil-mija tal-PDG fl-2009 sa 9.25 fil-mija tal-PDG is-sena
l-oħra, filwaqt li d-defiċit fil-kont kurrenti naqas b'4 punti
perċentwali bejn l-2009 u l-2011 għal ftit aktar minn 10% tal-PDG. F'dan il-kuntest, l-għajnuna mill-Istat
lis-settur bankarju fil-Greċja - flimkien mal-interventi tal-Bank
Ċentrali Ewropew u l-Bank Ċentrali nazzjonali - ikkontribwiet
għall-istabbilizzazzjoni tal-ekonomija Griega, u b'hekk żgurat li
s-sistema tkompli tiffunzjona u jiġi evitat kollass finanzjarju li
jipperikolaw aktar l-ekonomija usa', inklużi d-depożitanti. Fi Frar 2012 intlaħaq ftehim dwar it-Tieni
Programm ta' Aġġustament Ekonomiku ġdid u ambizzjuż
għall-Greċja. Matul l-2013-2014, aġġustamenti fiskali
ulterjuri ta' madwar 5.5 fil-mija tal-PDG se jkunu meħtieġ sabiex
id-dejn pubbliku jinġieb fuq perkors aktar sostenibbli. L-aġġustament
fiskali se jinvolv l-aktar tnaqqis fuq in-naħa tal-infiq tal-baġit
biex jillimita l-impatt negattiv fuq it-tkabbir potenzjali tal-ekonomija
Griega. It-tfaddil se jiġi primarjament minn razzjonalizzazzjoni u immirar
aħjar tal-benefiċċji soċjali, filwaqt li titħares
il-protezzjoni soċjali bażika ta' dawk l-aktar vulnerabbli. It-Tieni Programm ta' Aġġustament
Ekonomiku jagħti prominenza akbar lir-riformi strutturali li
jsaħħu t-tkabbir. Riforma tat-taxxa li tiffavorixxi t-tkabbir – li se
titħejja fix-xhur li ġejjin - se tissimplifika s-sistema fiskali u
tagħmilha aktar effiċjenti, billi tnaqqas l-ispejjeż
tal-konformità għan-negozji u għall-individwi u telimina
l-eżenzjonijiet u r-reġimi preferenzjali. Ir-riforma se tikkonċerna
ż-żoni kollha ta' tassazzjoni diretta u indiretta (id-dħul
personali, it-taxxi tal-kumpaniji, il-VAT u taxxi fuq proprjetà, kif ukoll
il-kontribuzzjonijiet soċjali ta' min iħaddem). Permezz
tat-twessigħ tal-bażijiet fiskali, ir-riforma se tippermetti
għal tnaqqis ta' rati għolja ta' taxxa marġinali fuq
ix-xogħol. Dan huwa wieħed mill-oqsma ewlenin fejn il-Kummissjoni,
f'ħidma mal-FMI u bosta Stati Membri, qed tipprovdi assistenza teknika
biex tgħin lill-awtoritajiet Griegi jagħmlu bida radikali ta' sistema
antikwata u jissostitwuha b’sistema fiskali moderna bi prestazzjoni
għolja. Ladarba l-ġlieda kontra l-evażjoni
tat-taxxa u sistema fiskali aktar ġusta jibdew jipproduċu
r-riżultati, dawn se jgħinu biex tinbena aċċettazzjoni
soċjali usa' tal-programm ta' aġġustament. L-ekwità soċjali
dejjem kellha preżenza prominenti fid-disinn tal-programmi. Dan huwa
rifless fir-riformi tal-pensjonijiet, programmi soċjali oħra, is-suq
tax-xogħol, u l-kura tas-saħħa u fil-ġlieda kontra
l-evażjoni fiskali, fejn saru sforzi partikolari biex jipproteġu
l-partijiet l-aktar vulnerabbli tal-popolazzjoni. Il-programm huwa mfassal biex jiżgura
s-sostenibbiltà tad-dejn u biex jibni ekonomija ġdida għall-Griega.
L-għan huwa li l-Greċja tingħata għajnuna biex fis-snin li
ġejjin terġa’ tikseb il-kompetittività u twieġeb malajr
għal livelli għolja u inaċċettabbli ta' qgħad billi
taqta' l-ispejjeż tax-xogħol mil-livelli insostenibbli attwali u
toħloq suq tax-xogħol aktar modern u flessibbli. Is-swieq
tal-prodotti u s-servizzi wkoll se jkollhom bidla radikali sabiex tiżdied
il-kompetizzjoni u l-flessibilità tal-prezzijiet u jkun żgurat li l-kosti
aktar baxxi iwasslu għal tkabbir ekonomiku ogħla
għall-benefiċċju ta' kulħadd. Il-programm se jittrasforma
wkoll l-ambjent tan-negozju, billi jtejjeb il-kundizzjonijiet qafas għall-intraprenditorija
u proġetti innovattivi, li huma prerekwiżit għad-dinamiżmu
futur tal-ekonomija Griega. 2.2. Appoġġ
mill-baġit tal-UE Matul il-perjodu mil-2007 sal-2013,
il-Greċja rċeviet u se tkompli tirċievi appoġġ
finanzjarju estensiv mill-baġit tal-UE. Il-fondi tal-UE qed jgħinu
biex isuqu t-tiġdid ekonomiku f'bosta setturi tal-ekonomija u biex
jinħoloq ix-xogħol għaċ-ċittadini. B’kollox, aktar
minn EUR 20 biljun huma disponibbli mill-fondi strutturali tal-UE: dan
jirrappreżenta fond ta' investiment maġġuri għat-tkabbir u
l-impjiegi fil-Greċja. Tabella: Kif il-finanzjament tal-UE qed
jgħin lill-ekonomija u s-soċjetà Griega Sors ta’ finanzjament mill-baġit tal-UE || Ammonti disponibbli u mħallsa Fondi strutturali u ta’ koeżjoni || EUR 20.2 biljuni allokati; EUR 8.4 biljun diġà mħallsa L-Agrikultura: Ħlasijiet diretti u interventi fis-suq Żvilupp rurali || Madwar EUR 2.4 biljuni fis-sena; EUR 17-il biljun matul il-perjodu EUR 3.9 biljuni allokati; EUR 1.7 biljun diġà mħallsa Fond Ewropew għas-Sajd || EUR 210 biljuni allokati; EUR 70 biljun diġà mħallsa Il-Programm ta' Qafas tar-Riċerka || Sa EUR 1 biljun jistgħu jingħataw lil organizzazzjonijiet Griegi wara sejħiet għall-proposti matul il-perjodu Programm ghall-Kompetittività u l-Innovazzjoni || EUR 14-il miljun imħallsa s'issa lil benefiċjarji Griegi Tagħlim Tul il-Ħajja u Żgħażagħ fl-Azzjoni || EUR 188 miljun allokati, ≈ EUR 108 miljuni mħallsa Solidarjetà u Ġestjoni tal-Flussi ta’ Emigrazzjoni (SOLID) || EUR 228 miljun allokati, ≈ EUR 70 miljun imħallsa Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament għall-Progress (Mikrofinanzjament għall-Progress) || EUR 8.75 miljuni allokati għal kreditu preferenzjali u EUR 0.8 miljun allokati għal garanzija lil fornitur Grieg tal-mikrokreditu. L-azzjoni s'issa Filwaqt li m’hemmx nuqqas ta’ finanzjament
tal-UE disponibbli biex jappoġġa proġetti li jsaħħu
t-tkabbir fil-Greċja, il-benefiċċji sħaħ tal-fondi
strutturali għadhom ma bdewx jiġu realizzati għal kollox. Dan
minħabba varjetà ta' konġestjonijiet amministrattivi li jipprevjenu
l-appoġġ finanzjarju milli jilħaq l-ekonomija reali fejn huwa
meħtieġ. Biex tindirizza din il-problema,
il-Kummissjoni pproponiet għadd ta' passi konkreti biex jissimplifikaw u
jirrazzjonalizzaw il-ġestjoni tal-fondi strutturali u biex
jaċċelleraw l-assorbiment tagħhom sabiex tingħata spinta
lill-investiment. Ħafna minn dawn il-miżuri diġà daħlu
fis-seħħ u qed jagħtu tar-riżultati fil-Greċja. Kaxxa:
il-Kummissjoni kif għenet lill-Greċja biex timmassimizza
l-finanzjament strutturali mill-UE? Il-Kummissjoni
għamlet sensiela ta' proposti li jissimplifikaw l-implimentazzjoni
tal-politika ta' koeżjoni u jagħmluha aktar flessibbli. Dawn
il-bidliet neħħew l-ostakoli amministrattivi għall-investiment u
għamluha eħfef biex il-fondi jiġu pprogrammati mill-ġdid
biex isostnu l-prijoritajiet ta' tkabbir l-aħtar importanti. Proposti
fl-2008, daħlu fis-seħħ fl-2009. Il-Kummissjoni
pproponiet ukoll li żżid il-prefinanzjament billi żżid
il-ħlasijiet bil-quddiem għal programmi appoġġati
mill-fondi strutturali tal-UE. Dan ippermetta biex il-flus imorru lejn
proġetti prijoritarji ħafna aktar malajr – il-ħlasijiet totali
bil-quddiem lill-Greċja jammontaw għal madwar EUR 1.5 biljun. Implimentat
fl-2009. Il-limitu
għall-proġetti li jeħtieġu approvazzjoni minn qabel
mill-Kummissjoni tgħolliet minn EUR 25 miljun għal EUR 50
miljun, li jagħmluha aktar faċli biex proġetti jibdew
jitħaddmu filwaqt li xorta jkun żgurat li l-fondi jintefqu tajjeb. Implimentat
f'Ġunju 2010. Wara
żieda preċedenti ta' 85%, il-Kummissjoni pproponiet li żżid
ir-rata ta’ kofinanzjament tal-UE tal-finanzjament
strutturali fil-Greċja b'10% oħra. Din il-bidla tfisser li
proġetti ewlenin jirċievu iktar appoġġ mill-baġit
tal-UE u mhux se jkun hemm dewmien minħabba konsolidazzjoni fiskali
kontinwa fil-Greċja. L-impatt konġunt tal-kofinanzjament miżjud
u l-ħlas supplimentari huwa sinifikanti ħafna: madwar EUR 958
miljun għall-fondi strutturali kollha. Propost f'Awwissu 2011,
dħul fis-seħħ Diċembru 2011. Il-Kummissjoni
mmodifikat ir-regoli tal-UE biex tippermetti l-kofinanzjament tal-kapital
operatorju għan-negozji, biex b’hekk tipprovdi spinta vitali
lill-SMEs. Implimentat f’Novembru 2011: din il-leġiżlazzjoni
issa trid tiġi implimentata bis-sħiħ mill-amministrazzjoni
Griega. Il-Kummissjoni
qed taħdem fil-qrib mal-Bank Ewropew għall-Investiment biex
tiżblokka numru ta' strumenti finanzjarji appoġġjati mill-fondi
strutturali li jimmiraw li jipprovdu l-kreditu tant meħtieġ lill-SMEs
Griegi, inklużi JEREMIE, il-Fond għall-Intraprenditorija ETEAN u
l-Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament għall-Progress. Reċentement
inħoloq Fond ta’ Garanzija għall-SMEs b'sostenn
tal-Kummissjoni, appoġġjat minn EUR 500 miljun mill-fondi
strutturali. Ladarba jsir operattiv, dan se jipprovdi lill-banek sa EUR 1
biljun f'likwidità addizzjonali sabiex isellfu lill-SMEs. Hija prijorità
urġenti li dan il-Fond ta' Garanzija isir operazzjoniali u jaħdem
mal-BEI biex il-likwidità tibda tiċċirkola fl-ekonomija reali. Propost
fl-2011, iffirmat f’Marzu 2012. Il-Kummissjoni pproponiet li jinħoloq Strument
ta' Riskju Kondiviż biex jappoġġa proġetti ta'
infrastruttura fuq skala kbira fis-setturi tat-trasport, l-enerġija u
l-ambjent. Is-self appoġġjat mill-Istrument tar-Riskju Kondiviż
se jippermetti biex proġetti ta’ investiment eżistenti jitlestew u se
jgħinu biex jiġu varati u jibdew jaħdmu proġetti
ġodda. Proġetti kritiċi bħalma huma konċessjonijiet
ewlenin tal-awtostrada – li jkopru 1400 km ta' Netwerk Trans-Ewropew – u
proġetti essenzjali ta' ġestjoni tal-iskart jistgħu jiġu
appoġġjati b’dan il-mod. Propost f'Ottubru 2011; ftehim politiku
mistenni f'Mejju 2012. Il-passi li jmiss F'ħidma mal-awtoritajiet Griegi,
il-Kummissjoni ħejjiet lista ta’ 181 proġett prijoritarju
kkofinanzjati ta’ valur għoli ta’ investiment f’setturi importanti.
Dawn il-proġetti jammontaw għal madwar EUR 11.5 biljun
mill-fondi strutturali tal-UE. L-għan huwa li jkun hemm riżultati
viżibbli u tingħata spinta lill-ekonomija, il-kompetittività u
l-impjiegi. Grupp ta' Azzjoni ddedikat qed jaħdem
mal-gvern Grieg biex jiġu identifikati opportunitajiet għar-riallokazzjoni
ta' fondi biex jappoġġaw proġetti prijoritarji,
pereżempju għall-ġlieda kontra l-qgħad fost
iż-żgħażagħ u b'appoġġ għall-SMEs. Bosta mijiet ta' proġetti importanti
mill-perjodu tal-programmazzjoni 2000-2006 għadhom ma tlestewx, bir-riskju
li l-fondi allokati għal dawn il-proġetti jkollhom jiġu
mħallsa lura lill-baġit tal-UE. Hija meħtieġa azzjoni
urġenti mill-awtoritajiet Griegi biex ikun żgurat li dawn
il-proġetti jitlestew sal-iskadenza maqbula. Hija prijorità urġenti li l-Fond ta' Garanzija
għall-SMEs jsir kompletament operattiv sabiex il-likwidità tibda
tiċċirkola fl-ekonomija reali. Hemm bzonn isir aktar biex jiġu
żblukkati l-fondi li diġà ngħataw lis-sistema bankarja
iżda li għadhom ma ġewx mgħoddija f'self lill-SMEs.
It-tlestija tar-rikapitalizzazzjoni tal-banek li tinsab għaddejja se
jgħin f'dan ir-rigward. It-tħejjijiet għall-użu tal-Istrument
tar-Riskju Kondiviż għandhom jibdew mill-aktar fis possibbli wara
l-ftehim formali previst għal Mejju. Il-finanzjament se jeħtieġ
jiġi pprovdut fi ħdan l-allokazzjonijiet eżistenti tal-fond
strutturali, li għandhom jkunu msaħħa b’mod sinifikanti.
L-Istrument se jiġi ġestit mill-BEI u l-Kummissjoni tinsab impenjata
biex tiffinalizza l-arranġamenti operattivi mill-aktar fis possibbli
fil-forma ta' ftehim ta' kooperazzjoni mal-BEI. Barra minn hekk,
il-Greċja tibbenefika wkoll minn Faċilità Ewropea ta'
Mikrofinanzjament għall-Progress. Dan l-aħħar intlaħaq
ftehim għal dispożizzjoni ta' garanzija taħt Mikrofinanzjament
għall-Progress lill-fornitur Grieg ta' mikrokreditu, il-Pancretan
Cooperative Bank Ltd (PCB) li se jippermetti lill-PCB joffri sa EUR 6 miljuni
f'mikrokrediti lil mikro-imprendituri Griegi (b'enfasi fuq il-finanzjament
ta' start-ups u mutwatarji ġodda). Kreditu preferenzjali ulterjuri sa EUR
8.75 miljun huwa mistenni li jippermett lill-PCB sabiex jilħaq mad-domanda
ta’ ħafna mikrointrapriżi li qed jiffaċċjaw diffikultajiet
fl-aċċess għal finanzjament minħabba l-kriżi
tal-kreditu u r-rekwiżiti ta’ eliġibilità iktar stretti applikati
mis-settur bankarju Grieg. B’ingranaġġ għoli ta’ darba u nofs,
dan il-kreditu preferenzjali mistenni jiġġenera sa
EUR 13-il miljun f'mikrokrediti lil mikrointrapriżi. Ittieħdu passi biex jiġu ssimplifikati
l-proċeduri fl-amministrazzjoni Griega u biex titħaffef
l-implimentazzjoni tal-għażla tal-proġetti. Pereżempju,
proċeduri għall-ħruġ tal-permessi arkeoloġiċi u
liċenzji ambjentali ġew issimplifikati u mqassra skont il-FtQ. Madankollu, għad jista’ jsir ħafna
aktar biex jiġi aċċellerat l-assorbiment tal-fondi
strutturali u jiġi mmassimizzat l-impatt tagħhom billi
jitneħħew l-ostakli amministrattivi u tiġi ssimplifikata
l-ġestjoni, waqt li jiġu segwiti koordinazzjoni u sinerġija
mtejba bejn l-interventi kofinanzjati kollha relatati mal-UE. L-adozzjoni
tal-leġiżlazzjoni meħtieġa biex jitqassru u jiġu
ssimplifikati l-proċeduri dwar l-għoti tal-kuntratti u
l-esproprijazzjoni tal-art se tħaffef l-implimentazzjoni ta’ proġetti
kofinanzjati tal-UE. Għadd ta' simplifikazzjonijiet proċedurali
ulterjuri, inkluż li titħaffef l-implimentazzjoni ta' proġetti
ġodda u t-tħaffif tal-proċess ta' pagamenti, diġà ġew
miftiehma. Il-proċeduri riveduti se jiġu introdotti minn April. 2.3. Appoġġ ieħor
għall-Greċja mill-baġit tal-UE Appoġġ għat-tkabbir u
l-impjiegi fil-Greċja mill-baġit tal-UE mhuwiex limitat
għall-fondi strutturali. Firxa wiesgħa ta' programmi oħra tal-UE
qed jagħtu sehemhom fil-modernizzazzjoni tal-ekonomija Griega, il-ħolqien
ta’ opportunitajiet tax-xogħol u t-titjib fil-kompetittività. L-agrikoltura, l-iżvilupp rurali u
s-sajd Il-Greċja tirċievi madwar
EUR 2.4 biljuni fis-sena f’pagamenti diretti lill-bdiewa, flimkien
ma' madwar EUR 70 miljun f 'infiq relatat mas-suq. Barra minn hekk, EUR 3.9 biljuni huma
disponibbli biex jappoġġjaw l-iżvilupp f’żoni
rurali. Rigward il-fondi strutturali, ir-rata ta' kofinanzjament
mill-FAEŻR żdiedet b’10% abbażi ta' proposta tal-Kummissjoni.
Dan se jirriżulta f'iffrankar baġitarju nazzjonali ta' madwar
EUR 567 miljun. Sa Diċembru 2011, EUR 1.7 biljun
f'fondi għall-iżvilupp rurali kienu diġà tħallsu, biex
b'hekk għenu aktar minn 8 000 żagħżugh u
żagħżugħa jistabbilixxu rwieħhom bħala bdiewa
f’żoni rurali tal-Greċja. Dawn il-fondi ntużaw biex isostnu t-tkabbir
ekonomiku fiż-żoni rurali permezz ta’ investimenti diretti fis-settur
agrikolu kif ukoll fl-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni
tal-prodotti agrikoli. Il-fondi jappoġġaw ukoll id-diversifikazzjoni
meħtieġ tal-ekonomija rurali, pereżempju bil-promozzjoni
tat-turiżmu, tan-negozji żgħar u tal-protezzjoni ambjentali. Il-Fond Ewropew għas-Sajd
jikkontribwixxi għall-ħolqien ta' impjiegi ġodda, l-aktar
fl-akkwakultura u l-ipproċessar. Huwa jappoġġja
l-implimentazzjoni tal-istrateġiji tal-iżvilupp lokali kemm
fil-gżejjer kif ukoll fiż-żoni kostali tal-Greċja
kontinentali, b'mod partikolari f'żoni remoti fejn il-qgħad huwa
għoli. Il-fondi tal-UE jgħinu biex jinżammu u jiġu
żviluppati l-impjiegi billi jappoġġaw id-diversifikazzjoni
tal-attivitajiet ekonomiċi u jippromwovu l-kwalità tal-ambjent tal-kosta,
pereżempju permezz ta' appoġġ għall-ekoturiżmu u
l-preservazzjoni tal-patrimonju naturali u arkitettoniku. Ir-riċerka, l-innovazzjoni u
l-intraprenditorija L-appoġġ tal-UE
għall-Greċja fil-qasam tar-riċerka u tal-iżvilupp
teknoloġiku jieħu l-forma ta' kontribuzzjonijiet
għall-ispejjeż minfuqa minn organizzazzjonijiet Griegi li
jipparteċipaw fis-Seba' Programm Kwadru għar-Riċerka u
l-Iżvilupp Teknoloġiku. Total ta’ EUR 622 miljun ingħata
lil organizzazzjonijiet Griegi matul il-perjodu minn 2007 sa 2011, u bosta
mijiet ta' miljuni aktar jistgħu jingħataw fis-sejħiet
għall-proposti li jmiss sal-2013. L-organizzazzjonijiet Griegi kellhom
suċċess partikolari fil-qasam tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni
u l-Komunikazzjoni, li jirrappreżenta madwar EUR 211-il miljun
tal-fondi mogħtija lil organizzazzjonijiet Griegi. Dan il-finanzjament ser
jappoġġa l-aktar riċerka moderna li se tgħin biex tinbena
l-kompetittività tal-ekonomija Griega f'setturi teknoloġikament avvanzati.
Riċerkaturi Griegi rċevew ukoll madwar EUR 50 miljun
mill-programm "Marie Curie". Dan ippermetta biex riċerkaturi
Griegi jikkollaboraw mal-kontropartijiet tagħhom fi bnadi oħra
tal-Unjoni u attira l-aqwa riċerkaturi lejn il-Greċja. Bejn l-2007 u l-2011 benefiċjarji Grieg
rċevew ukoll aktar minn EUR 14-il miljun f’għotjiet mill-Programm
għall-Intraprenditorija u l-Innovazzjoni. Dawn il-fondi ntużaw
biex joħolqu ċentri għan-Netwerk Ewropew
għall-Intraprenditorija fil-Greċja, li joffru servizzi mingħajr
ħlas għal negozji fil-Greċja, u biex jiġu
appoġġati varjetà ta' proġetti biex jiġi liberat
il-potenzjal għat-tkabbir tal-eko-innovazzjonijiet. II-Programm Ewropew għal Enerġija
Intelliġenti II ipprovda lill-benefiċjarji Griegi b'EUR 10
miljuni f'għotja ta' finanzjament għal proġetti biex
jitneħħew l-ostakoli biex is-suq jidħol aktar fl-enerġija
rinnovabbli u l-effiċjenza fl-enerġija. Barra minn hekk, il-promoturi
ta' proġetti Griegi għandhom aċċess għall-prodotti ta'
finanzjament offruti mill-Fond Ewropew għall-Effiċjenza
fl-Enerġija, għal proġetti ta' investiment
fl-effiċjenza fl-enerġija u l-enerġija rinovabbli fl-ibliet u
r-reġjuni. Edukazzjoni Ir-riforma tas-sistema edukattiva Griega u
l-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ
ġew imsaħħa minn sostenn fuq skala kbira permezz tal-Fond
Soċjali Ewropew kif ukoll minn għajnuna estensiva
għall-organizzazzjonijiet u ċ-ċittadini Griegi permezz tal-Programm
Ewropew ta' Tagħlim Tul il-Ħajja. Organizzazzjonijiet Griegi ser
jirċievu madwar EUR 165 miljun tul il-perjodu u diġà saru
għotjiet ta' aktar minn EUR 94 miljun sabiex jgħinu lil
studenti, għalliema u persuni ta' taħriġ jistudjaw u
jiżviluppaw il-ħiliet f'pajjiżi oħra. Fl-2009-10 biss,
kważi 8 000 student u għalliem ipparteċipaw fil-programm.
Il-programm iffaċilita ukoll il-kooperazzjoni bejn istituzzjonijiet
tal-edukazzjoni u t-taħriġ Griegi u dawk fi Stati Membri oħra,
ħaġa li se tgħin għall-iżvilupp tas-sistema edukattiva
Griega. Ħafna eluf ta' żgħażagħ ħadu sehem fi
proġetti ffinanzjati mill-programm Żgħażagħ fl-Azzjoni,
li jgħinu biex jiżdiedu l-impjegabilità u l-mobilità tagħhom.
Madwar EUR 23 miljun se jkunu għad-dispożizzjoni tal-Greċja
permezz ta' dan il-programm li matulu diġà tħallsu EUR 13.6
miljun. Affarijiet interni Il-Kummissjoni pprovdiet appoġġ
finanzjarju konsiderevoli għall-asil, il-migrazzjoni u sistemi ta’
ġestjoni tal-fruntieri u biex jindirizza l-konsegwenzi umanitarji
tal-pressjoni ġġenerata minn numri kbar ta' migranti irregolari u
dawk li jfittxu l-asil. Il-Greċja adottat żewġ pjanijiet f’dan il-qasam,
Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Ġestjoni tal-Migrazzjoni u l-Asil, li jidentifika
azzjonijiet konkreti biex jindirizzaw nuqqasijiet fl-asil u r-ritorn; a
"Pjan ta’ Azzjoni Schengen-Greċja" li jidentifika azzjonijiet
konkreti biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fil-ġestjoni
tal-fruntieri. Sar progress, għalkemm irregolari, fl-oqsma kollha
kkonċernati. Issa huwa importanti li jsir aktar progress, li jibni fuq dak
li nkiseb. Politiki ta' migrazzjoni u asil sodi u effiċjenti fil-Greċja
huma fl-interess tal-pajjiżi kollha tal-UE. Il-Greċja hija wieħed
mill-benefiċjarji ewlenin tal-programm għas-Solidarjetà u
l-Ġestjoni tal-Flussi ta’ Migrazzjoni (SOLID). Total ta’
EUR 228 miljun ġew allokati għall-perjodu 2010-2012 biex
jgħinu lill-Greċja fl-implimentazzjoni ta' kontroll effettiv fuq
il-fruntieri esterni, ir-ritorni ta' migranti irregolari u l-istabbiliment ta'
politika kredibbli tal-asil. Qed jiġu kknsidrati passi biex jgħinu
jitjieb l-assorbiment ta’ dan il-finanzjament inter alia permezz ta' żieda
fir-rata tal-kofinanzjament. 2.4. Assistenza Teknika /
it-Taskforce għall-Greċja (TFGR) Apparti l-appoġġ finanzjarju
mill-baġit tal-UE, l-UE tipprovdi wkoll assistenza teknika estensiva
lill-awtoritajiet Griegi. F’Lulju 2011, fuq talba tal-gvern Grieg,
il-Kummissjoni ħatret Taskforce iddedikata sabiex tipprovdi assistenza
teknika lill-awtoritajiet Griegi biex tgħinhom jimplimentaw il-Programmi
ta' Aġġustament Ekonomiku u biex tagħti appoġġ
lill-immodernizzar tal-amministrazzjoni Griega, kif ukoll l-assorbiment tal-fondi
tal-UE[9]. It-Taskforce tappoġġa
lill-Greċja billi timmobilizza l-kompetenzi rilevanti minn Stati Membri u
organizzazzjonijiet Ewropej jew internazzjonali. Minn meta nħatret,
it-Taskforce kienet involuta fit-twaqqif u t-tnedija ta' flussi ta' ħidma
ta' assistenza teknika. Fil-preżent qed taħdem mal-awtoritajiet
Griegi fuq aktar minn 20 proġett ta' assistenza teknika f'disa' oqsma
politiċi differenti. Xi wħud minn dawn il-flussi ta' ħidma huma
diġà attivi; Għadd minnhom huma lesti biex jitniedu. Barra minn hekk,
għaddejjin diskussjonijiet esploratorji dwar għadd ta' proġetti
oħra. Matul l-ewwel xhur tal-operazzjoni
tagħha, it-TFGR kkoordinat inter alia total ta’ 200 persuna/jum ta'
esperti għal terminu qasir mill-amministrazzjonijiet fiskali nazzjonali
f'Ateni għall-għoti ta’ assistenza teknika, taħriġ u
seminars, inklużi madwar 20 laqgħa f'oqsma differenti
tal-amministrazzjoni tat-taxxa. Il-Kummissjoni kkonkludiet ukoll ftehim mal-FMI
għal AT rinfurzata fil-qasam tal-ġestjoni tal-Ġestjoni
tal-Finanzi Pubbliċi u l-Amministrazzjoni tad-Dħul, li
tikkontribwixxi għall-finanzjament ta' tliet konsulenti residenti (2
fil-qasam tal-amministrazzjoni tad-dħul/1 fil-qasam tal-ġestjoni
tal-finanzi pubbliċi) sa Diċembru 2013 u madwar 900 jum ta'
missjonijiet ta' terminu qasir. Din l-assistenza teknika ser tiffoka fuq
diversi oqsma kruċjali għas-suċċess tal-programm. Se
tippromwovi ambjent regolatorju sod u sostenibbli li jappoġġja
tkabbir immexxi mill-intrapriżi u tindirizza l-fallimenti tas-suq
f'manjiera proporzjonata u konsistenti. Dan il-programm ta' assistenza teknika
għandu l-għan ukoll li jtejjeb il-kapaċità li jiġu
implimentati l-ħtiġiet leġislattivi jew amministrattivi b' mod
effettiv u ekwu u biex jagħti appoġġ lir-riforma
tal-amministrazzjoni tat-taxxa u tal-ġlieda kontra l-evażjoni
tat-taxxa u l-frodi, il-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, u r-riforma
tal-amministrazzjoni pubblika. L-UE qiegħda wkoll tgħin
lill-Greċja biex tinħoloq Awtorità Nazzjonali tal-Istatistika
indipendenti u msaħħa, bi prijorità fuq statistika tal-finanzi
pubbliċi ta’ kwalità għolja permezz ta’ pjan ta’azzjoni ddedikat (josgap). Il-pjan jikkonsisti wkoll
f'appoġġ f’varjetà ta’ oqsma oħra tal-istatistika kif ukoll
fit-twaqqif mill-ġdid tal-organizzazzjoni tal-Awtorità Nazzjonali
tal-Istatistika. Inħatar konsulent residenti ta' livell għoli kif
ukoll assistenza teknika kontinwa organizzata minn esperti, fuq bażi
permanenti tal-finanzi pubbliċi, u kif xieraq fil-kontijiet nazzjonali u
oqsma statistiċi oħrajn. Dan it-titjib, iffaċilitat mill-governanza
l-ġdida tal-Awtorità Nazzjonali tal-Istatistika, diġà ħalla
riżultati pożittivi, bi tliet notifiki suċċessivi ta'
defiċit u dejn ivvalidata mill-Eurostat. Dan il-progress jeħtieġ
li jitkompla u l-kapaċità tal-istatistiċi Griegi msaħħa. 3. L-użu ta' politiki
ewlenin sabiex jitwasslu t-tkabbir u l-impjiegi 3.1. Riformi strutturali biex
jappoġġaw l-intrapriżi u l-investiment It-twettiq tal-potenzjal tas-swieq
tal-prodotti u s-servizzi Griegi se jeħtieġ sforzi kontinwi u impenn
politiku qawwi biex titneħħa x-xibka mħabbla ta'
leġiżlazzjoni kumplessa u strutturi amministrattivi ineffettivi.
Ir-regoli preskrittivi żżejjed u sproporzjonati u l-kontrolli
intrussivi jikkontribwixxu għal swieq magħluqa u riġidità
fil-kompetizzjoni. Dawn il-fatturi jgħinu biex jispjegaw għaliex
il-Greċja konsistentement iġġib riżultati hekk
ħżiena fil-klassifiki internazzjonali dwar il-faċilità
fin-negozju u l-korruzzjoni. Biex jirnexxi, il-gvern Grieg għandu
jippromwovi l-kawża tan-negozju u jara n-negozju bħala sieħeb
aktar minn għajn ta’ riskju. In-negozju min-naħa l-oħra
għandu jirrikambja din il-fiduċja permezz tal-konformità
mar-rekwiżiti regolatorji u fiskali. Hemm ħafna passi ovvji - għalkemm
mhux faċli - li l-awtoritajiet Griegi jistgħu jieħdu biex itejbu
l-kundizzjonijiet diffiċli li qed jopera fihom in-negozju tal-Greċja
bħalissa. Uħud minn dawn ir-riformi se jieħdu ż-żmien
biex jitwettqu. Madankollu, azzjoni bikrija u deċiżiva se
tibgħat sinjal ċar li l-Greċja hija impenjata li tipprovdi
ambjent aktar ospitabbli għan-negozju. L-impenji li jinsabu fil-verżjoni
riveduta tal-FtQ jikkostitwixxu mudell tajjeb għal din ir-riforma li se
teħtieġ tibdil radikali fl-amministrazzjoni pubblika sabiex dan
jgħin aktar milli jfixkel in-negozju Grieg. Il-proċess ta' riforma
jista' jkompli f'oqsma li jeħtieġu riforma urġenti –
bħall-esportazzjonijiet, id-dwana u l-akkwist pubbliku. L-iffaċilitar u l-promozzjoni
tal-esportazzjoni L-ekonomija Griega tradizzjonalmnent kienet
inqas miftuħa minn dik ta’ ħafna ekonomiji oħra ta' daqs simili,
bl-importazzjoni (33% tal-PDG) ogħla mill-esportazzjonijiet (22% tal-PDG)
u d-distakk iffinanzjat permezz ta’ self. Il-Greċja issa trid tieħu
passi biex tibbilanċja mill-ġdid l-ekonomija tagħha, u
tagħti appoġġ lil settur tal-esportazzjoni li jkun sejjer tajjeb.
Proċeduri amministrattivi u ostakli li
jagħmluha inutilment diffiċli għat-tbaħħir ta'
merkanzija lejn pajjiżi oħra jistgħu jintgħelbu malajr.
L-organizzazzjoni attwali tal-iżdoganar tal-esportazzjonijiet u
formalitajiet doganali tirrappreżenta ostaklu sinifikanti
għall-intrapriżi – u kważi ċertament iżżomm lil
ħafna esportaturi potenzjali iżgħar milli jesploraw swieq
barranin. L-iżdoganar tal-esportazzjonijiet
jinvolvi ġirja wara l-karti għal ċertifikati u dokumenti bla
bżonn, meħtieġa minn għadd kbir ta' diversi Ministeri u
aġenziji. Il-proċess biex jitlesta l-iżdoganar ta' konsenji ta'
prodotti bil-baħar fil-Greċja jieħu medja ta' 20 jum meta
mqabbel mal-medja tal-UE ta’ 10 ijiem. 90% tal-vjeġġi ta’ esportazzjoni
Griegi huma suġġetti għal kontroll fiżiku jew tad-dokumenti
meta mqabbla mal-medja tal-UE ta' 5 %. It-tneħħija mingħajr dewmien
tar-rekwiżiti dokumentarji mhux produttivi u l-organizzazzjoni
mill-ġdid ta' proċeduri doganali jistgħu jeliminaw ħafna
minn dawk li huma "purament spejjeż". Bħalissa qed isiru
sforzi, appoġġati minn għajnuna teknika, biex jiġi
ssimplifikat u awtomatizzat l-iżdoganar tal-esportazzjonijiet u
l-formalitajiet doganali. Dan ix-xogħol għandu jitlesta
b’urġenza. Dawn l-isforzi għandhom ikunu
appoġġjati minn strateġija tal-gvern, u riforma/koordinazzjoni
bejn il-Ministeri/aġenziji kollha relevanti, biex jgħinu
lill-esportaturi li jixtiequ jespandu l-istrateġija tal-bejgħ
tagħhom lejn swieq barranin. L-isforzi għandhom jiffukaw
partikolarment biex jattrezzaw lill-esportaturi ġodda biex isibu
opportunitajiet fi swieq promettenti. Filwaqt li l-esportazzjoni tal-merkanzija jew
ta' prodotti tal-manifattura hija prijorità fiż-żmien qasir, marbuta
mal-fatt li, tradizzjonalment, il-Greċja hija ekonomija bbażata fuq
l-SMEs u bbażata fuq attivitajiet ta’ trasformazzjoni minn produzzjonijiet
agrikoli; inizjattivi ulterjuri ta' żmien medju għandhom jimmiraw
għat-tisħiħ tal-esportazzjoni ta' servizzi u biex jittejjeb
il-potenzjal tal-pajjiż fl-industrija tat-turiżmu. Kompetizzjoni u aċċess
għas-suq Aktar swieq kompetittivi u inqas
appoġġ pubbliku diskrezzjonarju se jkunu ta' benefiċċju
għall-Greċja. Pereżempju, aktar kompetizzjoni fis-swieq
tal-enerġija se tgħin lill-konsumaturi, ittejjeb is-sigurtà tal-provvista
u se tgħin biex jintlaħqu l-miri ambjentali. Bl-istess mod,
fis-settur farmaċewtiku, aktar kompetizzjoni hija meħtieġa
tas-suq tal-mediċini mhux protetti mill-privattiva sabiex jinkisbu
prodotti ġeneriċi irħas li jistgħu jgħinu jżommu
l-baġit tas-saħħa taħt kontroll. Politika immirata dwar l-għajnuna
mill-istat tista' tappoġġa l-irkupru tal-ekonomija Griega filwaqt li
fl-istess ħin timminimizza l-piż tal-għajnuna fuq
ir-riżorsi pubbliċi, sakemm l-infiq pubbliku jkun diretti lejn oqsma
li jtejbu t-tkabbir fit-tul u jinkoraġġixxu l-ħolqien
tal-impjiegi. Il-gvern Grieg qabel li jwaqqaf unità ċentrali
għall-kontroll u l-ivverifikar tal-għajnuna mill-Istat qabel
in-notifikazzjoni ta' miżuri ta' għajnuna potenzjali
lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tista' tipprovdi l-assistenza teknika meħtieġa
lill-awtoritajiet Griegi sabiex tgħinhom jimplimentaw dan l-objettiv. Inizjattivi importanti jinsabu għaddejjin
bħalissa sabiex jittejjeb l-aċċess għas-swieq, jixprunaw
il-kompetizzjoni u jinkoraġġixxu ipprezzar aktar kompetittiv.
L-applikazzjoni sħiħa tal-liġi tal-2011 dwar professjonijiet
regolati (liġi 3919/2011) tista' twaqqa ħafna dispożizzjonijiet
restrittivi fuq id-dritt jew il-mod li fih professjoni tista' tiġi
pprattikata. Din il-liġi issa qed tiġi implimentata, u proposti
għall-introduzzjoni ta' restrizzjonijiet rigward l-"interess
pubbliku" huma soġġetti għal skrutinju bir-reqqa.
It-Taskforce qed tikkoordina assistenza teknika, billi tipprovdi
lill-awtoritajiet Griegi b'kompetenzi legali biex tiġi tadattata l-leġiżlazzjoni
sekondarja li tappoġġa l-liberalizzazzjoni ta' professjonijiet
regolati, jiġu analizzati l-impatti ta' dawn il-miżuri u ssir
reviżjoni tal-organizzazzjoni ta' ċerti professjonijiet legali,
l-aktar l-avukati. Test rigoruża tal-qagħda tal-qafas
tal-politika f’għadd ta’ setturi ewlenin għandu jitlesta
fil-ħarifa. Dan għandu jwitti t-triq għal azzjoni
leġiżlattiva biex jitneħħew id-dispożizzjonijiet
regolatorji li jxekklu l-kompetizzjoni u flessibilità fil-prezzijiet fil-bidu
tal-2013. Swieq tal-akkwist pubbliku li huma trasparenti
u effiċjenti Is-swieq tal-akkwist Griegi huma tassew
ineffiċjenti għad-detriment kemm għax-xerrejja pubbliċi, li
ma jistgħux jixtru l-inputs meħtieġa biex iwasslu servizzi
pubbliċi, u l-fornituri. L-għoti tal-kuntratti huwa bil-mod, nieqes
mit-trasparenza u jwassal għal riżultati fqar tal-akkwist.
Il-proċeduri spiss jiġu sospiżi minħabba litigazzjoni.
L-akkwist pubbliku huwa mxerred madwar għadd kbir ta' kuntratti
żgħar organizzati minn bosta entitajiet li jixtru li m'għandhomx
il-kapaċità biex jiddefinixxu l-bżonnijiet tagħhom u jorganizzaw
il-proċeduri b'mod effettiv. Il-gvern Grieg intrabat li jimplimenta
aġenda koerenti u ambizzjuża biex ssir reviżjoni sfiqa
tal-leġiżlazzjoni, strutturi u prattiki Griegi dwar l-akkwist. Dan se
jinvolvi simplifikazzjoni tar-regoli, il-ħolqien ta' korp ta' sorveljanza
speċjalizzat għall-akkwist, użu akbar ta' korpi ta' xiri u
kuntratti qafas speċjalizzati, użu usa’ ta' tekniki ġodda ta’
akkwist pubbliku, kif ukoll il-ħolqien ta' portal għall-offerti
kollha tal-akkwist pubbliku kollha, jiġu ġġenerati
soluzzjonijiet elettroniċi għall-akkwist pubbliku u tingħata
aktar attenzjoni lill-kunflitti ta’ interess. Il-gvern Grieg intrabat li
jippubblika pjan direzzjonali għal riforma komprensiva
tal-leġiżlazzjoni u l-amministrazzjoni tal-akkwisti sa nofs l-2012.
Il-Kummissjoni Ewropea se tappoġġa dan il-proġett importanti
permezz ta' assistenza teknika. Jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi u
jiġu implimentati prattiki ta' regolamentazzjoni aħjar Il-leġislazzjoni Griega hija spiss żviluppata
fuq bażi settorjali, mingħajr ma tikkunsidra biżżejjed
l-impatt ġenerali fuq il-partijiet interessati u n-negozji. In-negozju
Grieg jikkwotaw diversi eżempji ta' regolamenti jew prattiki
amministrattivi li jagħtu lok għal spejjeż sproporzjonati jew
restrizzjonijiet. Il-liġi li dalwaqt se tiġi adottata ta’
regolamentazzjoni aħjar se tiżgura li tinġieb aktar dixxiplina
meta tkun qed issir regolamentazzjoni ġdida billi tittratta
l-piżijiet amministrattivi li jfixklu t-tranżazzjonijiet
kummerċjali, u tapplika metodi ta' 'regolamentazzjoni aħjar'
għal inizjattivi leġiżlattivi ġodda. L-impenn li jinħoloq Direttorat
fil-Ministeru tal-Finanzi b'responsabbiltà ġenerali għall-ippjanar,
il-ġestjoni u l-monitoraġġ tar-riformi strutturali jipprovdi
opportunità biex in-negozju u l-intrapriża jitpoġġew fil-qalba
ta' strateġija ġdida ta’ tkabbir. Dan jista’ jservi bħala
ċentru ewlieni għall-proċess kollu tar-riforma. Din
il-kapaċità maniġerjali riformata teħtieġ b'mod urġenti
li tinħoloq u tkun ikkurata. Iffaċilitat investiment ġdid L-investiment f'faċilitajiet jew
proġetti ġodda huwa soġġett għal dewmien u
spejjeż li jirriżultaw minn barrieri regolatorji u amministrattivi li
jinvolvu ħafna awtoritajiet. L-ippjanar tal-użu tal-art u r-regoli
tal-liċenzi ambjentali huma spiss ikkwotati bħala ostakli
għall-investiment. Kumpaniji li joperaw fis-setturi tal-enerġija (u
b'mod partikolari fl-enerġija rinnovabbli), id-distribuzzjoni u
fis-setturi tal-loġistika u t-trasport huma l-aktar milquta. Il-problemi
huma aggravati fil-każ ta' tilwim kemm fil-fazi amministrattiva kif ukoll
fil-fażi ġudizzjarja minħabba l-effett ta’ suspensjoni li
għandhom ħafna azzjonijiet legali, nuqqas ta’ persunal jew kompetenzi
f’servizzi prinċipali tal-amministrazzjoni eċċ. Il-gvern Grieg intrabat li jimplimenta
għadd ta' liġijiet riċenti biex iħaffef il-proċess ta'
ċerti proċeduri ta' liċenzjar għal ċerti
professjonijiet u attivitajiet ta’ manifattura, u għal liċenzjar
ambjentali ta' proġetti u attivitajiet. Il-proċessi ta'
esproprjazzjoni, li kienu soġġetti għal proċedimenti
ġudizzjarji u amministrattivi kumplessi wkoll dalwaqt se jiġu
riveduti. Żviluppi relatati mar-riforma ġudizzjarja se jħaffu
l-proċeduri ġudizzjarji eżistenti u jnaqqsu / jeliminaw
il-każi pendenti li hemm bħalissa. Il-gvern Grieg ħa woll passi biex
jagħmilha eħfef li wieħed iwaqqaf kumpanija ġdida.
Madankollu, għad hemm skop biex dawn il-proċeduri jiġu
razzjonalizzati aktar. It-tlestija tar-reġistru tal-art se
tgħin ukoll biex jiġi stimulat l-investiment. Diġà ġew
ipprovduti EUR 83 miljun permezz tal-fondi strutturali tal-UE biex
tinħoloq infrastruttura tal-IT għar-reġistrazzjoni diġitali
tad-drittijiet attivi tal-proprjetà u l-validazzjoni tal-pretensjonijiet
rigward is-sjieda tal-istat, inkluża d-delimitazzjoni tal-foresti u
d-diġitalizzazzjoni tad-drittijiet attivi tal-proprjetà miżmuma fuq
karta mill-uffiċċji tal-ipoteka f’żoni urbani. Il-MtQ rigward
ir-reġistru tal-Artijiet jistipula għanijiet speċifiċi u
jipprovdi għall-istabbiliment ta’ reġistru katastali komplet u
uffiċċji katastali li joperaw b'mod esklussiv madwar il-pajjiż
sal-2020. Il-Kummissjoni se tappoġġja l-isforzi tal-awtoritajiet
Griegi biex jirrispettaw l-iskeda ta' hawn fuq sabiex jitlesta ir-reġistru
tal-Artijiet li jipprovdi sigurtà u jista' jgħin biex jattira
l-investiment. Filwaqt li numru ta’ diversi azzjonijiet
jinsabu għaddejjin jew ippjanati biex jitneħħew l-ostakoli
amministrattivi għall-investiment, hemm skop għal proġett
sistematiku u miftiehem biex jindirizza dawn l-ostakli. Għajnuna lin-negozju permezz ta'
riforma tat-taxxa Progress fir-riforma tal-amministrazzjoni
tat-taxxa u r-riformi meħtieġa tal-leġislazzjoni tat-taxxa wkoll
se jtejbu bil-kbir l-ambjent tan-negozju fil-Greċja. Il-ġlieda kontra
l-evażjoni tat-taxxa hija essenzjali biex tinħoloq ekwità favur dawk
l-atturi ekonomiċi li josservaw ir-regolamenti tat-taxxa u li jsofru minn
kompetizzjoni inġusta minn evażuri tat-taxxa u l-kontribuzzjoni
tas-sigurtà soċjali. Il-Memorandum ta' Fehim għat-Tieni Programm ta'
Aġġustament Ekonomiku jinkludi għadd ta' disposizzjonijiet
immirati biex tinħoloq amministrazzjoni tat-taxxa li tkun moderna,
reattiva u effiċjenti. Dan l-isforz se jkun megħjun minn
assistenza teknika pprovduta fi ħdan il-qafas ta’ pjan ta' azzjoni bejn
il-FMI u l-UE, li jkopri disa’ oqsma identifikati flimkien mal-awtoritajiet
Griegi (il-verifika, il-ġbir tad-dejn, ir-riżoluzzjoni tad-disputi,
kontribwenti fiskali kbar, individwi li għandhom ħafna ġid u
dawk li jaħdmu għal radhom bi dħul għoli, analiżi
tar-riskju u d-dħul, servizzi għall-kontribwenti fiskali,
ir-reġistrazzjoni, l-iffajljar u l-infurzar tal-ħlas,
l-organizzazzjoni u l-amministrazzjoni). Is-simplifikazzjoni
tal-leġiżlazzjoni tat-taxxa se jkollha parti kruċjali
għas-suċċess tal-isforz ġenerali. F'dan il-qasam, sforzi
jistgħu jissejsu fuq id-deċiżjoni meħuda taħt il-MtQ
tal-Ewwel Programm ta' Aġġustament Ekonomiku li jiġu revokati
l-Kodiċi ta' Kotba u Reġistri u tiġi sostitwita
b’leġiżlazzjoni sostanzjalment iktar sempliċi minħabba li
regoli attwali jagħmlu l-konformità diffiċli, itellfu
l-intraprenditorija u jaġixxu bħala deterrent qawwi kontra
l-investiment barrani fil-Greċja. Is-simplifikazzjoni tal-amministrazzjoni
tat-taxxa għandha wkoll tħaffef il-proċess
tar-rifużjonijiet dovuti tal-VAT u għalhekk tgħin partikolarment
lill-SMEs u l-esportaturi Griegi billi jitneħħew il-piżijiet
amministrattivi fuq il-likwidità tagħhom. Fl-aħħar nett, fil-kuntest
tal-isforzi kontinwi fil-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa,
il-Kummissjoni hija lesta li tassisti lill-Greċja fin-negozjar ftehim
fiskali mal-Isvizzera li jista' jgħinha tirkupra t-taxxi dovuti
miċ-ċittadini tagħha. Tali ftehim għandu jkun kompletament
konsistenti mar-rekwiżiti rilevanti tal-liġi tal-UE. 3.2. Tiżdied il-likwidità
għall-SMEs L-SMEs huma l-muturi ewlenin għat-tkabbir
ekonomiku u l-impjiegi fil-Greċja. Huma jirrappreżentaw 99.9%
tal-kumpaniji kollha fil-Greċja, filwaqt li l-mikroimpriżi
jirrappreżentaw 96.5%. L-SMEs jiffaċċjaw problemi serji
tas-sopravivenza: sitta minn kull għaxar ditti raw deterjorament
fil-qligħ tagħhom fl-2011 meta mqabbel mal-2010. Intilfu 150 000
impjieg mill-SMEs fl-2011. Stħarriġ reċenti kkummissjonat
mill-assoċjazzjoni Griega għall-SMEs ikkalkula li fl-2012,
60 000 kumpanija ta' daqs żgħar u medji se jagħlqu u se
jintilfu 240 000 impjieg ieħor. Kif deskritt fit-Taqsima 2 ta' dan l-Anness,
il-fondi strutturali tal-UE jipprovdu appoġġ estensiv
għall-SMEs. Aktar minn EUR 4 biljuni huma disponibbli biex jipprovdu
likwidità, kapital operatorju u garanziji għas-self lill-SMEs u hemm
EUR 1 biljun ieħor li se jkun disponibbli permezz tal-Fond ta'
Garanzija għall-SMEs maħluq dan l-aħħar. Madankollu dan
il-finanzjament mhux dejjem isib triqtu lejn l-ekonomija reali. L-awtoritajiet
Griegi u l-banek Griegi għandhom jagħmlu sforzi ikbar biex
jissorveljaw l-iżburżar ta’ skemi eżistenti u flimkien
jegħlbu l-ostakli għall-implimentazzjoni effettiva tagħhom. B’mod partikolari, aktar sforzi huma
meħtieġa biex jiġu aċċellerati l-proċessi u
jitneħħew il-konġestjonijiet amministrattivi fl-approvazzjoni
tal-għotjiet (l-aktar il-monitoraġġ intensiv
tal-iżburżar, is-simplifikazzjoni tal-kuntratti u l-proċessi ta’
approvazzjoni, it-tnaqqis tal-iskadenzi għall-approvazzjoni u l-għadd
ta' atturi li jintervjenu fil-proċess eċċ). Barra minn dan
il-leġislazzjoni rilevanti u l-kuntratti għal għotjiet
jeħtieġu aġġustament urġenti biex jipprovdu
għas-self ta’ kapital operatorju. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni
bikrija tad-Direttiva dwar Ħlasijiet Tardivi tkun ta' benefiċċju
kbir għall-SMEs Griegi. 3.3. L-użu tal-privatizzazzjoni
biex jittejjeb il-funzjonament ta’ setturi importanti tal-ekonomija Il-privatizzazzjoni hija parti kruċjali
tal-proċess ta’ riforma. L-aktar raġuni konvinċenti
għall-privatizzazzjoni fil-Greċja hija li l-assi jistgħu
jiġu utilizzati aħjar fis-settur privat, u b'hekk
tissaħħaħ il-kompetittività tal-ekonomija reali. Barra minn
hekk, kumpanjiji privatizzat b'suċċess u ġestiti aħjar se
jaġixxu bħala "mudelli", li jiġġeneraw
esternalitajiet pożittivi addizzjonali. Il-Fond għall-Iżvilupp tal-Assi
tar-Repubblika Ellenika (hradf)
twaqqaf sabiex jiddisponi minn assi statali. Huwa jistieden sottomissjonijiet
ta’ interess għal assi statali fuq bażi regolari inklużi offerti
reċenti għal assi immobiljari u l-bejgħ tal-utilità tal-gass.
Dan l-iżvilupp jindika d-direzzjoni t-tajba f’termini ta’ sostenibilità u
l-ankraġġ tal-proċess ta' privatizzazzjoni fuq varjetà li qed
tikber ta' klassijiet ta’assi. Madankollu, għal ħafna assi,
il-kundizzjonijiet attwali tas-suq u l-ostakli tekniċi li jeistu
fil-Greċja għad ma jwasslux għall-avvanz tal-privatizzazzjoni
fuq skala kbira. Din l-inċertezza tirriżulta, inter alia, minn
d-diffikultajiet attwali biex wieħed jasal għal valutazzjonijiet
raġonevoli tal-assi statali. Barra minn hekk, hemm numru ta'
sfidi li jridu jiġu indirizzati mill-awtoritajiet Griegi, l-hradf u l-Kummissjoni Ewropea. Dawn
jinkludu, inter alia l-eżistenza ta' regolamenti tal-"golden
share" f'ambjent ta' post privatizzazzjoni u l-bżonn għal
approvazzjoni ex ante ta’ miżuri tal-għajnuna mill-Istat għal impriżi
statali. Kwistjonijiet oħra li jridu jiġu solvuti huma
l-aċċelerazzjoni tar-reġistrazzjoni tas-sjieda tal-art statali,
l-istatus legali ta' titoli fuq l-artijiet, id-dispożizzjoni ta’
informazzjoni ekonomika fuq titoli ta' proprjetà individwali jew il-kapaċità
ta' ppjanar/tqassim permezz tar-reġistru tal-Artijiet. Hemm bżonn li l-assi jkunu adegwatament
'ippreparati' qabel il-bejgħ. Il-proċess ta’ qabel
il-privatizzazzjoni jinkludi l-istabbiliment ta' kontijiet awditjati kif
suppost, ir-ristrutturazzjoni tal-pjani direzzjonali, tibdil fil-persunal,
inġinerija finanzjarja eċċ. Meta wieħed iqis dawn
il-fatturi jara li t-titjib fil-valur tal-assi għandu normalment
iseħħ qabel l-privatizzazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, biex
it-trasferiment tas-sjieda tal-assi pubbliċi jirnexxi hemm bżonn
jiġu żviluppati qafas regolatorju adegwat u strateġija ċara
fit-tul. Dawn l-oqfsa jiddefinixxu l-prijoritajiet tal-politika pubblika sabiex
jiġi evitat il-ħolqien ta’ monopolji privati mhux regolati. Il-Kummissjoni hi f’kuntatt mill-qrib ma' kemm
l-HRADF u l-Ministeru tal-Finanzi, biex tagħmel suċċess
mill-programm ta' privatizzazzjoni u biex tgħinu fit-tfassil ta’
miżuri f’konformità mar-regoli tal-għajnuna mill-Istat. F’dan
ir-rigward, il-Kummissjoni pprovdiet dokument ta’ gwida dwar l-applikazzjoni
tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u/jew il-privatizzazzjoni
tal-impriżi Statali. F’xi każijiet definiti sew, u
mingħajr ma jitnaqqas xejn mill-proġetti prioritarji msemmijin
fit-taqsima 3.4, il-fondi strutturali tal-UE jista' jkollhom rwol
fl-appoġġ tal-programm ta’ privatizzazzjoni, permezz ta' assistenza
teknika jew billi jagħtu appoġġ lill-investiment fiżiku
f'oqsma bħall-enerġija jew it-trasport biex l-assi statali
jitħejjew tajjeb għall-bejgħ billi l-ewwel jitjieb l-operat
tagħhom, b'hekk jitwasslu riżultati tajba lill-utenti u jitjieb
il-potenzjal ta' ħolqien ta' valur ta' dawn l-assi. 3.4. Tkabbir u impjiegi permezz
ta' spinta lill-investiment fl-infrastruttura In-nuqqas ta’ infrastruttura adattata
fil-Greċja hija xkiel maġġuri għat-tkabbir. Investiment
fl-infrastruttura mmirat sew jista' jagħti kontribut importanti
għat-tkabbir u l-impjiegi. Il-fondi strutturali tal-UE jistgħu
jagħtu kontribut importanti f’dan il-qasam. L-Istrument tar-Riskju
Kondiviż, ladarba jkun maqbul, se jikkontribwixxi sabiex jattira
investiment privat essenzjali. Fost il-181 proġett prijoritarju
għat-tkabbir u l-impjiegi identifikati mill-awtoritajiet Griegi u
l-Kummissjoni f'Novembru 2011 kien hemm diversi proġetti infrastrutturali
fil-qasam tat-trasport, il-ġestjoni tal-iskart jew l-enerġija. Xi
wħud huma fil-fażi ta’ implimentazzjoni filwaqt li oħrajn huma
fi tħejjija li jiġu implimentati. Numru ta' proġetti qed
jesperjenzaw xkiel serju li jeħtieġ li jiġi indirizzat
immedjatament. L-implimentazzjoni sħiħa
tagħhom sa mhux iktar tard mill-2015 għandha ttejjeb
il-kompetittività tal-ekonomija Griega, ikollha impatt pożittiv fuq
setturi oħra bħat-turiżmu u ttejjeb il-kwalità tal-ħajja.
Ir-riżorsi mobilizzati permezz tal-fondi strutturali għandhom jiġu
kkomplementati minn riżorsi pubbliċi addizzjonali u investimenti
privati. L-ostakli għall-implimentazzjoni sħiħa ta' dawn
il-proġetti għandhom jitneħħew. F'termini ta' daqs u impatt, l-aktar
proġetti importanti huma ħames konċessjonijiet tal-awtostrada (1 400 km
tan-Netwerk Trans-Ewropew) li bħalissa jammontaw għal EUR 3.2
biljuni ta' nefqa nazzjonali u tal-UE. Jekk jitlestew, dawn jistgħu
jirrappreżentaw sa madwar 30 000 impjieg dirett u indirett u
jinjettaw spinta tant meħtieġa fl-investimenti u l-impjiegi.
Erbgħa minn dawn il-proġetti huma attwalment imblukkati u
jeħtieġ li jerġgħu jibdew mingħajr aktar dewmien.
L-implimentazzjoni ta' dawn in-netwerks tista' tikkontribwixxi
għall-immodernizzar tal-infrastrutturi li għadu fattur kruċjali
biex tingħata spinta lill-iżvilupp tal-pajjiż. Din se
ssaħħaħ ukoll il-pożizzjoni tal-Greċja fl-Ewropa
tax-Xlokk billi jitlestew il-passaġġi ewlenin li jgħaqqdu
l-pajjiż ma’ Stati Membri oħra u pajjiżi kandidati u
pajjiżi kandidati potenzjali. Se tikkontribwixxi wkoll lejn is-sigurtà
aħjar fit-toroq. Netwerks tat-trasport Aktar milli fi Stati Membri oħra,
l-ekonomija u l-istandards ta' għixien fil-Greċja jiddependu fuq
il-kwalità u l-effiċjenza tas-servizzi tal-portijiet u l-konnessjonijiet
marittimi. Il-portijiet jittrattaw aktar minn 85% tal-kummerċ estern
tal-merkanzija tal-Greċja u jiżguraw is-sigurtà tal-provvista
tal-gżejjer. It-traffiku tal-passiġġieri fil-portijiet Griegi
jammonta għal 22% tan-numru totali ta’ passiġġieri
bil-baħar fl-UE kollha. Il-portijiet Griegi għandhom ukoll
il-potenzjal li jiġbdu parti kbira tal-flussi kummerċjali
interkontinentali lejn l-Ewropa tal-Lvant. Il-portijiet Griegi għandhom tliet
problemi ewlenin: tagħmir fqir u nefqa kapitali baxxa fuq
l-infrastruttura; konnessjonijiet fqar ħafna mal-intern (il-ferroviji,
it-toroq) u nuqqasijiet amministrattivi u operazzjonali. Spiss,
l-iżviluppi tal-port saru fuq bażi lokali jew reġjonali,
mingħajr ma kkunsidraw il-prijoritajiet strateġiċi fil-livell
nazzjonali. Is-settur tat-turiżmu jirrappreżenta
15% tal-ekonomija Griega – meta l-impatt indirett fuq setturi ekonomiċi
oħra hija kkunsidrata - u jiddependi fundamentalment fuq konnessjonijiet
affordabbli u effiċjent tal-ivvjaġġar. Konnessjonijiet bl-ajru
lejn il-Greċja, partikolarment għall-ajruporti reġjonali, ibatu
minn nuqqas ta' Gestjoni tat-Traffiku tal-Ajru moderna, operazzjonijiet
ineffiċjenti tal-ajruporti (ħin ta' tħaddim limitat,
eċċ) u miżati għalja tal-ajruport. In-nuqqas ta’
infrastruttura adegwata – pereżempju xtut u punti ta' imbarkazzjoni
għall-kruċieri – wkoll jaffettwa negattivament il-kwalità
tat-turiżmu. L-istrateġija l-ġdida TEN-T tinkludi
l-portijiet ta' Igoumenitsa, Patras, Piraeus u Thessaloniki fil-qalba
tan-netwek tat-trasport Ewropew. Il-konnessjoni kruċjali bil-ferrovija bejn
Piraeus u Thessaloniki u t-triq tal-ibħra bejn Ateni/Piraeus u Limassol
huma parti minn wieħed mill-kurituri ta' trasport inkluża
l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa li hi proposta. Is-sistema tat-trasport fil-Greċja tista’
tiġi modernizzata bi: –
Ftuħ ta' servizzi tat-trasport
tal-passiġġieri bil-kowċ u bit-taxis billi jitneħħew
ir-restrizzjonijiet li baqa’. –
It-twaqqif ta' servizzi amministrattivi
ċċentrati f'post wieħed għal rappurtaġġ relatat
mal-bastimenti. Il-vapuri issa huma suġġetti għal numru
obbligatorju ta' formalitajiet li jikkawżaw dewmien għall-merkanzija
u l-passiġġieri. Dawn il-formalitajiet ukoll jassorbu r-riżorsi
mill-industrija tat-tbaħħir u l-Istat. –
Jiġi pprovdut mudell ta’ governanza xieraq u
qafas għall-privatizzazzjoni tal-portijiet u l-ajruporti li jevita
il-ħolqien ta’ monopolji privati u ma jiddiskriminax bejn l-utenti u
jimponi trasparenza sħiħa tal-kontijiet u supervizjoni adekwata
mill-awtoritajiet pubbliċi. Sidien ġodda jew konċessjonarji
għandhom ikunu meħtieġa li jirrispettaw l-impenji meħuda
f'relazzjoni ma' proġetti li ngħataw appoġġ mill-UE. L-operazzjonijiet ferrovjarji jistgħu
jittejbu billi: –
Jingħataw b'kuntratt ta' kera vetturi
ferrovjarji tal-passiġġieri li mhumiex meħtieġa
mill-operatur stabbilit; –
Jinħoloq qafas għal operaturi
tal-passiġġieri tal-UE biex jibdew negozju ġdid f'kompetizzjoni
ġusta mal-operatur stabbilit; –
Issir reviżjoni tal-proċeduri u
l-ftehimiet ta’ qsim bejn il-fruntieri biex jiġu ffaċilitati l-flussi
tal-merkanzija fil-Kuritur X u jiġi abbandunat l-għeluq
tal-fruntieri. Il-Kummissjoni tista' torganizza assistenza
teknika biex tgħin lill-awtoritajiet Griegi jadattaw għall-aħjar
prattika f'koperazzjoni mal-kontrapartijiet tagħhom fi Stati Membri
oħra. Hija tista' tipprovdi wkoll assistenza teknika għall-Ġestjoni
tat-Traffiku tal-Ajru u possibbilment il-finanzjament għal tagħmir
modern. Tbaħħir It-tbaħħir kien tradizzjonalmnent
pilastru prinċipali tal-ekonomija Griega. Kombinazzjoni ta’ fatturi (rati
baxxi tal-merkanzija, l-abolizzjoni ta' Ministeru ddedikat) influwenzaw
id-deċiżjonijiet tas-sidien tal-bastimenti biex jirreġistraw
il-bastimenti tagħhom f'pajjiż ieħor. Jekk din it-tendenza
tkompli, apparti mill-impjieg abbord u dħul tat-taxxa, dan jista' wkoll
ikollu impatt fuq l-impjiegi f’kumpaniji tat-tbaħħir ibbażati
fuq l-art. Il-kriżi ekonomika kellha impatt fuq l-industrija Griega
tat-tbaħħir mal-kosta. Il-kumpaniji qegħdin joperaw bi profitt
marġinali jew ebda profitt, anki fejn għandhom kuntratti ta' servizz
pubbliku. F'xi każijiet dan affettwa l-kopertura tan-netwerk u l-kwalità
tas-servizzi speċjalment (iżda mhux esklussivament) lejn gżejjer
iżgħar li qed jaraw l-opportunitajiet tat-tkabbir tagħhom
jiddgħajfu. Sabiex tagħmel użu sħiħ mill-potenzjal
marittimu tagħha u tisfrutta l-opportunitajiet għal tkabbir
marittimu, il-Greċja teħtieġ tiżviluppa struttura
amministrattiva aktar xierqa fl-industrija tat-tbaħħir ġenerali. L-infrastruttura tal-ICT u tal-broadband Il-Greċja għadha lura meta mqabbla
mal-medja fl-UE fil-penetrazzjoni tal-broadband, l-aktar minħabba n-nuqqas
ta’ żvilupp fis-servizzi elettroniċi. L-isforzi għandhom ikunu
kkonċentrati fuq it-tlestija ta’ proġetti ta’ importanza nazzjonali
sabiex jiġi estiż in-network tal-broadband lejn aktar bliet u biex tiġi
pprovduta konnessjoni tal-broadband b'veloċità qawwija (optical fibre) lil
binjiet pubbliċi addizzjonali sabiex isir iffrankar fuq l-infiq
tat-telekomunikazzjoni pubblika, u liċ-ċittadini. Żieda fil-penetrazzjoni tal-broadband
tiddependi fuq it-twessiegħ tal-offerta tas-servizzi elettroniċi. Għandha
tingħata enfasi lil setturi enfasizzati fil-MtQ. L-użu tal-ICT huwa
mistenni li jġib benefiċċji konsiderevoli kemm
għaċ-ċittadini kif ukoll għall-finanzi pubbliċi
f’oqsma bħal kura tas-saħħa (eż. il-preskrizzjoni
elettronika, l-interoperabilità bejn il-Ministeru tas-Saħħa u
l-isptarijiet pubbliċi), ir-reġistru tal-artijiet (eż.
diġitizzazzjoni ulterjuri tad-drittijiet tal-proprjetà immobbli) u
l-akkwist pubbliku (eż. l-akkwist elettroniku). Fis-settur korporattiv,
l-opportunitajiet li joffru servizzi diġitali għandhom jiġu
sfruttati bis-sħiħ, pereżempju billi tingħata għajnuna
lill-SMEs biex jieħdu vantaġġ tal-Internet għal
aċċess għas-swieq internazzjonali. 3.5. Sorsi ta’ tkabbir futur 3.5.1. L-użu tal-potenzjal
tas-settur tal-enerġija għat-tkabbir u l-impjiegi Il-politika dwar l-enerġija
fil-Greċja għandha l-potenzjal li tagħti kontribut sinifikanti
għall-irkupru ekonomiku tal-pajjiż. Barra minn hekk, l-iżvilupp
tal-infrastrutturi tal-enerġija interkonnessi mal-bqija tar-reġjun se
jgħin sabiex jagħti spinta lill-kompetittività u l-produttività
tas-settur tal-enerġija fil-Greċja. Fil-qasam tal-enerġija l-Greċja
għandha quddiemha sfidi kbar. Hija dipendenti ħafna fuq il-fjuwils
fossili (il-linjite huwa l-bażi għall-biċċa l-kbira
tal-ġenerazzjoni tal-elettriku tagħha). Il-maġġoranza
tal-gżejjer għadhom iżolati u jiddependendu fuq ġeneraturi
tad-diżil jew impjanti mħaddma miż-żejt. L-effiċjenza
ġenerali tal-produzzjoni tal-elettriku hija fost l-aktar baxxa fl-Ewropa.
Is-settur tal-enerġija huwa ddominat minn ftit impriżi statali bi
produttività baxxa u li għad iridu jiġu separati minn xulxin.
Klijenti industrijali jilmentaw li l-kompetittività tagħhom hija
fil-periklu minħabba li jridu jħallsu wħud mill-ogħla prezzijiet
tal-enerġija fl-Ewropa. Speċjalment fis-settur tal-bini hemm ambitu
konsiderevoli biex titjieb l-effiċjenza tal-enerġija. Il-Greċja għandha l-opportunità li
tkun fuq quddiem nett tal-produzzjoni sostenibbli tal-enerġija. Ftit
pajjiżi Ewropej jibbenefikaw minn tali varjetà ta’ sorsi tal-enerġija
rinnovabbli: abbundanza ta' riħ u xemx iżda wkoll l-enerġija
mill-ilma, ġeotermali u l-bijomassa joffru l-potenzjal li timxi għal
quddiemnett fil-produzzjoni ekoloġika tal-elettriku. Il-qagħda
ġeografika strateġika tal-Greċja kif ukoll l-esplorazzjoni off
shore għar-riżervi tal-idrokarbur jipprovdu l-opportunità li
l-pajjiż jiżviluppa f'ċentru tal-gass. L-implimentazzjoni ta'
miżuri ta' liberalizzazzjoni u sforzi ta' privatizzazzjoni tal-UE
għandhom iwasslu għal industrija aktar kompetittiva. Sabiex jinkiseb dan il-potenzjal,
għall-benefiċċju tal-konsumaturi Griegi kif ukoll
b'appoġġ għall-miri tal-UE dwar is-sigurtà tal-provvista u
l-klima, hemm bżonn jiġu segwiti l-azzjonijiet li ġejjin. Il-privatizzazzjoni fis-settur tal-gass
u l-elettriku tipprovdi opportunità biex tittejjeb l-effiċjenza
tagħhom. Il-proċess tal-privatizzazzjoni għandu jiġi
finalizzat malajr filwaqt li fl-istess ħin jinħoloq qafas biex
jiżviluppaw swieq kompetittivi fil-futur qrib. B’qafas li jiffunzjona
tajjeb, inkluża s-separazzjoni xierqa u l-ftuħ sħiħ kemm
is-swieq tal-elettriku u tal-gass, jinħolqu opportunitajiet għal
investiment ġdid għal produtturi tal-enerġija kbar u
żgħar. Dan se jiżgura li s-settur Grieg tal-enerġija jsir
settur dinamiku u kompetittiv, li jipproduċi benefiċċji
ekonomiċi għas-setturi l-oħra kollha tal-ekonomija. Il-grids tal-elettriku u tal-gass
jeħtieġ jiġu modernizzati. Titjib fil-ħażna tal-gass u
l-pipeline networks se jippermetti lill-Greċja tisfrutta l-qagħda
ġeografika strateġika tagħha biex tipprovdi portal għas-suq
tal-gass Ewropew. L-interkonnessjoni tal-grid tal-elettriku tal-gżejjer
il-kbar mal-kontinent u bejn il-gżejjer iżgħar hija
prerekwiżit għal skjerament fuq skala kbira ta' stallazzjonijiet li
jaħdmu bir-riħ u fotovoltajċi. It-tisħiħ tal-grid ta'
trażmissjoni kontinentali huwa essenzjali wkoll għall-integrazzjoni
ta' stallazzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli għas-suq domestiku u
biex jippermetti esportazzjonijiet massiva tal-elettriku lejn il-bqija
tal-Ewropa. Il-Greċja hija passaġġ naturali għal ħafna
mill-gass li joriġina fil-baċini tal-Kaspju u tal-Mediterran
tal-Lvant. Il-programm rigward in-Netwerk Trans-Ewropew
tal-Enerġija (TEN-E) u Faċilità l-ġdida Nikkollegaw l-Ewropa
jistgħu jaqdu rwol prinċipali fl-iffukar tal-isforzi u l-finanzjament
f'dan il-qasam. Sinjali ċari li s-settur tal-enerġija huwa settur
tal-ekonomija Griega li huwa miftuħ u funzjonali, u l-aċċess
għall-infrastruttura tagħhas hija bbażata fuq aċċess
mhux diskriminatorju għan-netwerk, se jgħinu wkoll biex jattiraw
finanzi privati għal investiment bħal dan. L-użu mifrux ta' sorsi ta'
enerġija rinnovabbli jeħtieġ riforma komprensiva tal-iskema
ta' appoġġ. Biex jiġi attirat l-investiment meħtieġ
il-qafas se jkollu jaderixxi mal-prinċipji tal-effiċjenza fl-infiq u
l-istabbiltà finanzjarja. Biex tisfrutta l-vantaġġ komparattiv
tagħha il-Greċja qed tpoġġi enfasi speċjali fuq
l-iżvilupp tar-riżorsi mix-xemx u mir-riħ. Bil-fiduċja
tal-investituri restawrata, settur kompetittiv tal-enerġija rinnovabbli
jista' jiżviluppa matul il-katina tal-valur. Il-kontribut tas-settur
għat-tkabbir ekonomiku jista' jiżdied aktar bl-inizjattiva HELIOS.
Din għandha tibda billi tniedi ftit stallazzjonijiet fotovoltajċi fuq
skala kbira, fil-bidu għall-konsum domestiku, iżda hekk kif
il-proġett jikber u l-kapaċità ta' trasmissjoni ssir disponibbli
għandha tiġi segwita l-esportazzjoni lejn il-bqija tal-Ewropa, b'hekk
Stati Membri oħra jingħataw għajnuna biex jiksbu l-miri 2020
tagħhom b'mod kost-effiċjenti. Ir-rinnovazzjoni tal-bini pubbliku u privat hija kruċjali sabiex jintlaħqu
l-għanijiet tal-effiċjenza tal-enerġija kif ukoll biex
jinħolqu l-impjiegi. Il-finanzjament disponibbli għall-familji
taħt l-iskema “Exoikonomo” mhux qed jintuża sal-potenzjal sħiħ
tiegħu u għandu jkun disponibbli għall-SMEs. Strumenti
addizzjonali huma meħtieġa biex jappoġġaw l-isforzi
fil-binjiet pubbliċi, it-trasport urban u l-infrastruttura lokali
tal-enerġija. F'dan ir-rigward, l-istrument propost tal-qsim tar-riskju
jista' jgħin biex jitneħħa r-riskju milll-investimenti fis-settur
tal-istallazzjoni ta' tagħmir ġdid fil-binjiet eżistenti u
bħala tali tingħata spinta lill-impjiegi u t-tkabbir lokali. 3.5.2. Il-promozzjoni tat-tkabbir
sostenibbli - l-ambjent u l-ġestjoni tal-iskart Il-ġestjoni tal-iskart solidu jista'
jagħti kontribut sinifikattiv fil-kwalità tal-ħajja
taċ-ċittadini Griegi u fl-iżvilupp tal-attività ekonomika.
L-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni eżistenti
tista' toħloq eluf ta’ impjiegi fil-Greċja u żżid
il-fatturat annwali tas-settur tal-iskart sostanzjalment. Il-progress
fil-ġestjoni tal-iskart solidu wkoll se jiffaċilita l-konformità
mal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE, u jevita proċeduri
potenzjalment għaljin ta' ksur. Għalkemm il-Greċja diġà
bbenefikat ħafna mill-fondi strutturali tal-UE għall-infrastruttura
bażika tagħha f'dan is-settur, għadha lura, partikolarment
fir-rigward tal-ġestjoni tal-iskart solidu u tal-ilma. Forsi aktar milli
fi kwalunkwe settur ieħor, hemm ħtieġa urġenti ta'
ħidma biex ikun rispettat l-acquis tal-UE sabiex tinħoloq l-infrastruttura
meħtieġa skont l-istandards tal-UE. Sabiex tikkonforma mal-obbligi tagħha
skont il-liġi tal-UE u d-deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea
tal-Ġustizzja, il-Greċja trid b'urġenza: (a)
tibni faċilitajiet tal-iskart (jiġifieri
impjanti ta' trattament mekkaniku-bijoloġiku, miżbliet) u
tagħlaq u tirriabilita s-siti kollha ta' rimi li huma illegali jew mhux
kontrollat (fir-rigward tal-proċess ta’ riabilitazzjoni, hemm disponibbli
kofinanzjament); u (b)
tibni diversi impjanti tat-trattament tal-ilma
tad-drenaġġ urban (UWWT) (b'attenzjoni speċjali
għar-reġjun tal-Attica, kif ukoll għal agglomerazzjonijiet
urbani ewlenin oħra simili bħal Tessaloniki, Patras, eċċ). Barra minn hekk, għandha tkun
żgurata konformità sħiħa ma' żewġ sentenzi tal-Qorti
(waħda dwar il-kostruzzjoni ta' impjant għat-trattament tal-ilma
tad-drenaġġ urban f'Attika tal-Punent, fiż-żona ta'
Thriassio Pedio, proġett li huwa kofinanzjat mill-fondi strutturali tal-UE
u waħda dwar l-assenza ta' ġbir u trattament tal-Ilma
tad-Drenaġġ Urban f'ħames agglomerazzjonijiet f'Attica
tal-Lvant). Ċarezza legali dwar ir-responsabbiltà
tal-produttur (attwalment assenti mil-leġislazzjoni Griega) tista'
tipprovdi lill-Greċja bl-istrumenti għall-ġbir tar-riżorsi
meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' skemi dwar il-ġbir
separat u r-riċiklaġġ. Progress fl-istabbiliment ta' taxxi jew
ipprezzar għall-miżbliet jista' wkoll jikkontribwixxi biex titjieb
l-effiċjenza fir-riżorsi l-istess kif tagħmel l-applikazzjoni
ta' sistemi ta' inċentiva biex jiffavorixxu l-prevenzjoni u
l-parteċipazzjoni għal ġbir separat (skemi
"pay-as-you-throw"). Kif imsemmi hawn fuq,
il-leġiżlazzjoni l-ġdida rigward il-valutazzjoni tal-impatt
ambjentali (EIA) għall-Greċja għandha twassal għal
proċeduri sempliċi u aktar effettivi. Liġi ġdida dwar
il-permessi ambjentali kienet inkluża fil-MtQ u fil-Qafas
tal-Istrateġija Fiskali għall-Perjodu Medju. Din il-liġi
ġiet adottata f’Settembru 2011 u d-deċiżjonijiet ta'
implimentazzjoni se jiġu adottati fl-2012 (l-ewwel waħda kienet
adottata f'Jannar 2012 u hija marbuta mal-kategorizzazzjoni ta' proġetti
li jkunu suġġetti għal stima/permess ambjentali). Il-liġi
l-ġdida hija mistennija li tnaqqas iż-żmien meħtieġ
għall-ħruġ tal-permessi, prinċipalment għaliex
tintroduċi skadenzi speċifiċi għal kull wieħed
mill-passi amministrattivi u l-istadji tal-proċess ta' awtorizzazzjoni.
Din il-prattika hija bbażata fuq l-esperjenza miksuba fi Stati Membri
oħra. L-FAEŻR jappoġġja
l-iżvilupp sostenibbli taż-żoni rurali madwar it-territorju
Grieg kollu permezz ta' varjetà ta' miżuri agro-ambjentali. EUR 720 miljun
diġà ngħataw għal dan il-għan. 3.5.3. Tinbena ekonomija innovattiva
u bbażata fuq it-tagħrif Fl-aħħar għaxar snin,
l-intensità tar-Riċerka u Żvilupp fil-Greċja staġnat f’0.6%
tal-PDG (2007) u huwa kkaretterizzat minn intensità bxxa ħafna ta'
Riċerka u Żvilupp privat, li żdied ftit minn 0.15% fl-2000
għal 0.17% fl-2007, skont l-aħħar dejta uffiċjali
disponibbli. F’termini assoluti, madankollu, it-total tal-investiment
fir-Riċerka u Zvilupp kiber sew matul is-snin 2001-2007. Il-mutur ewlieni wara s-sistema Griega ta’
riċerka u innovazzjoni hija l-politika ta’ koeżjoni tal-UE.
Għall-perjodu ta’ programmar attwali 2007-2013 u minbarra l-programm
operazzjonali nazzjonali ewlieni, diversi programmi reġjonali jinkludu
miżuri ta’ appoġġ għar-riċerka, l-innovazzjoni u
l-kompetittività tan-negozju. Il-programm qalba "Il-Kompetittività u
l-Intraprenditorija" għandu baġit totali ta' EUR 1.5 miljun
li minnhom il-politika ta’ koeżjoni tal-UE tipprovdi EUR 1.3 miljun.
Il-Programm Operazzjonali għandu tliet għanijiet strateġiċi
għall-perjodu 2007-2013, bir-Riċerka u l-Innovazzjoni bħala
wieħed mill-oqsma maġġuri ta' intervent. Madankollu, l-użu
ta' fondi strutturali tal-UE għar-riċerka huwa baxx u l-inċentivi
għall-użu tal-fondi fis-settur privat, sabiex tkun
inkoraġġita t-trasformazzjoni tal-ekonomija, bħalissa huma
insuffiċjenti. Is-settur privat għandu proporzjon baxx
mill-infiq totali għar-Riċerka u Żvilupp, li jirrifletti
d-domanda dgħajfa għal għarfien ibbażat fuq ir-riċerka
mis-settur kummerċjali. Barra minn hekk, kapaċità baxxa ta'
assorbiment tas-settur kummerċjali hija kemm kawża kif ukoll effett
ta' domanda baxxa għall-għarfien. L-aċċess ristrett
għall-kapital, speċjalment għal ditti ġodda, minħabba
li s-sistema finanzjarja ma għandhiex ħeġġa biex
tiffinanzja l-innovazzjoni u l-investimenti riskjużi, huwa fost il-fatturi
li jxekklu l-mobilizzazzjoni tar-riżorsi għar-Riċerka u
Żvilupp.Skont it-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Unjoni tal-Innovazzjoni
2011, il-Greċja tikklassifika fost l-innovaturi moderati u l-prestazzjoni
tagħha hija taħt il-medja. Is-saħħiet relattivi tagħha
huma fir-riżorsi umani, ir-rabtiet u l-intraprenditorija u innovaturi u
d-dgħjufijiet relattivi huma fil-finanzi u l-appoġġ, l-investimenti
mid-ditti u l-assi intellettwali. Tkabbir qawwi huwa osservat fid-disinji
Komunitarji filwaqt li tnaqqis relattivament qawwi huwa osservat għal
infieq innovattiv li mhuwiex Riċerka u Żvilupp u esportazzjonijiet
ta' servizzi intensivi fl-għarfien. Il-kollaborazzjoni teknoloġika kif
espressa permezz applikazzjonijiet għal privattivi konġunti hija
modesta ħafna meta mqabbla mal-medja tal-UE. Aktar minn 65% tat-total
tal-applikazzjonijiet għall-privattivi isiru minn inventur wieħed u
għalhekk inqas minn 35% isiru f'kollaborazzjoni. Minn dawn, 7.4% huma
privattivi konġunti li jinvolvu pajjiż mhux fl-UE, figura baxxa li
tixhed l-ħtieġa għal grad ogħla ta' kollaborazzjoni u
l-internazzjonalizzazzjoni tal-attivitajiet ta' riċerka u innovazzjoni. Għall-ġejjieni, l-isfidi ewlenin
huma li: –
Jiġi żgurat investiment pubbliku adegwat
u effettiv għar-Riċerka u l-Investiment u tiżdied
l-effiċjenza tal-użu tal-fondi strutturali tal-UE, permezz ta’
iffukar fuq firxa ta' raggruppamenti u pjattaformi teknoloġiċi. –
Jiġi ffinalizzat l-iżvilupp ta' qafas
legali integrat għal dawk li jaħdmu fir-Riċerka u
l-Iżvilupp u jiġi implimentat. Dan għandu jinkludi l-iffissar
ta' mira prinċipali tal-Ewropa 2020 għal investiment fir-Riċerka
u Żvilupp, assoċjata mal-programmazzjoni multi-annwali
tal-baġit. –
Jiġi żgurat użu ħafna iktar
effettiv u li jsaħħaħ it-tkabbir tal-fondi strutturali billi
jkun inkoraġġit l-investiment privat fir-Riċerka u
l-Innovazzjoni b’appoġġ tal-istrateġija ta'
speċjalizzazzjoni intelliġenti. 3.5.4. Jiġi sfruttat
il-potenzjal tal-Greċja bħala destinazzjoni turistika u kulturali Il-Greċja għandha vantaġġ
komparattiv fil-kultura u t-turiżmu, li t-tnejn fihom potenzjal importanti
ta' tkabbir potenzjali u l-ħolqien ta' impjiegi. Monumenti u siti
arkeoloġiċi huma perni li madwarhom l-attivitajiet ekonomiċi
issa jistgħu jiġu żviluppati. Huwa importanti li titfassal
malajr strateġija biex jiġu esplorati u żviluppati aktar
sinerġiji fost il-kultura, it-turiżmu, l-intraprenditorija,
l-edukazzjoni, is-settur mediku u dak tal-gastronomija u biex isir investiment
fit-teknoloġija ġdida (l-użu tal-ICT għall-promozzjoni
tat-teżori kulturali tal-Greċja) bil-ħsieb li jsit titjib
fil-valur għall-flus u fl-ippożizzjonar tal-Greċja bħala
destinazzjoni turistika ta’ kwalità għolja filwaqt li tiffoka fuq
turiżmu ekoloġiku. It-turiżmu huwa wieħed mis-setturi
ewlenin tal-ekonomija Griega, kemm f'termini ta' tkabbir ekonomiku u
l-impjiegi. Il-kontribuzzjoni diretta tal-industrija tal-Ivvjaġġar u
t-Turiżmu għall-PDG tal-pajjiż kien ta' EUR 12.6 biljun fl-2011
(5.6% tal-PDG totali, iċ-ċifra għall-UE hija 2.9%).
L-Ivvjaġġar u t-Turiżmu appoġġjaw b'mod dirett
332 000 impjieg jew 8.0% tal-impjieg totali tal-pajjiż (3.2% fl-UE),
u 768 000 impjiegi jew 18.4% tal-impjieg totali jekk jingħaddu
magħhom l-impjiegi appoġġati indirettament (8.4% fl-UE).
Għaldaqstant il-Greċja kellha suċċess limitat biex tattira
viżitaturi minn swieq emerġenti. L-istaġun tat-turiżmu huwa
kkonċentrat fix-xhur tas-sajf u t-turisti jonfqu relattivament inqas flus
fil-Greċja minn turisti li jżuru destinazzjonijiet kompetituri. L-industrija turistika tal-Greċja tista'
tiġi żviluppata f’varjetà ta’ modi, inkluż: –
Tiżdied id-domanda għat-turiżmu: L-għanijiet primarji tal-azzjonijiet
meħuda f'dan il-qasam jiffokaw fuq l-estensjoni tal-istaġun
tat-turiżmu, li tingħata s-setgħa lin-nies sabiex imorru fuq
btajjel u kif ukoll jiżdied l-għadd ta’ turisti (l-aktar minn barra
l-UE). Bi klima diefja s-sena kollha, il-Greċja hija f’qagħda tajba
ħafna biex tibbenefika minn turiżmu barra mill-istaġun ewlieni.
Inizjattivi ewlenin bil-għan li tissaħħaħ id-domanda
tat-turiżmu fl-UE jinkludu l-inizjattiva tat-turiżmu soċjali
Calypso, 50 000 turist jew inizjattiva għall-istaġun baxx
(immirati biex tiġi miġġielda l-istaġjonalità) u portal fuq
l-internet biex jattira viżitaturi minn barra l-UE. –
Titqajjem kuxjenza u jiġu promossi
id-destinazzjonijiet: L-azzjonijiet ewlenin
jinkludu Destinazzjonijiet Ewropej ta’ Eċċellenza (EDEN), li
jippromwovi l-iżvilupp turistiku sostenibbli ta' destinazzjonijiet
emerġenti żgħar, l-iżvilupp ta' rotot kulturali tematiċi
(jiġifieri r-rotta tas-siġar taż-żebbuġ) u titqajjem
kuxjenza għat-turiżmu taċ-ċikliżmu fl-UE. –
Tiġi pprovduta pjattaforma
għall-iskambju tal-aħjar prattiki: Il-Kumitat
Konsultattiv tat-Turiżmu (TAC) jikkostitwixxi forum ta' diskussjoni
għal rappreżentanti tal-politika tat-turiżmu mill-Istati Membri
tal-UE. Il-Greċja tista' tibbenefika mill-aħjar prattiki ta' Stati
Membri oħra. –
L-estensjoni tal-istaġun tat-turiżmu,
id-diversifikazzjoni ta’ prodotti turistiċi u t-titjib tal-kwalità
tas-servizzi offruti, biex jattiraw turisti bi dħul ogħla, għandhom ikunu l-fatturi ewlenin tal-iżvilupp
tal-industrija tat-turiżmu Griega. 3.6. It-tisħiħ
tal-amministrazzjoni pubblika u s-sistema ġudizzjarja 3.6.1. Amministrazzjoni pubblika
moderna għal ekonomija ġdida L-amministrazzjoni pubblika Griega
bħalissa hija nieqsa minn strutturi stabbli, koordinati u awtoritzzati li
jipprovdu r-responsabbiltà u l-kontabbiltà meħtieġa għar-riformi
stabbiliti fit-Tieni Programm ta' Aġġustament Ekonomiku u deskritti
f'din il-Komunikazzjoni. Hija maqbuda f'qafas legali kumpless ħafna, li
għandu impatti detrimentali fuq l-aspetti kollha tas-servizz pubbliku u
l-ekonomija. L-approċċ tal-amministrazzjoni hija ffukata wisq fuq
il-produzzjoni ta' liġijiet pjuttost milli fuq l-implimentazzjoni
tagħhom. L-UE qed tagħti
appoġġ lill-aġenda ta’ riforma amministrattiva fil-Greċja
fost oħrajn permezz tal-programm tal-Fond Soċjali Ewropew
b'baġit ta' EUR 505 miljun. L-għan ewlieni ta’ dan il-programm
huwa li jtejjeb il-kwalità tal-politika pubblika permezz tal-modernizzazzjoni
tal-qafas regolatorju u r-riforma ta' strutturi u proċeduri.
L-operazzjonijiet ippjanati jinkludu fost oħrajn proġetti ewlenin
għall-istabbiliment, l-organizzazzjoni u t-tħaddim ta'
"Unitajiet għall-Ippjanar u l-Ibbaġitjar" fil-ministeri
kompetenti, ir-riorganizzazzjoni tal-amministrazzjoni doganali u tat-taxxa,
ir-riorganizzazzjoni tal-Uffiċċju Ġenerali tal-Kontabilità
tal-Greċja u l-istandardizzazzjoni tal- proċeduri implimentattivi
tal-Kodiċi l-Ġdid tal-Impjegati taċ-Ċivil. Biex ikun żgurat li l-Greċja jkollha
amministrazzjoni moderna li kapaċi ssostni ekonomija revitalizzata u
dinamika hemm il-bżonn li jittejbu l-effettività, ir-responsabbiltà u
l-integrità tal-amministrazzjoni u jiġu ssimplifikati l-proċessi
tal-amministrazzjoni għat-teħid tad-deċiżjonijiet. Il-MtQ
jipprovdi għall-modernizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika sa
Diċembru 2012, bit-twaqqif, inter alia, ta’ Grupp ta' Tmexxija ta' livell
għoli għat-trasformazzjoni (maħluq fi Frar 2012), ippresedut
mill-Prim Ministru, li ser jissorvelja l-implimentazzjoni tar-riformi
amministrattivi. F'Jannar 2012, Franza u l-Greċja, f'kollaborazzjoni
mat-Taskforce, iffirmaw memorandum ta' ftehim li witta t-triq
għall-implimentazzjoni ta' riforma amministrattiva ċentrali. Il-gvern
Ġermaniż beda jipprovdi assistenza teknika għal riforma
amministrattiva fil-livelli lokali u reġjonali. Hemm ħtieġa ta' ċentru qawwi
ta' teħid tad-deċiżjonijiet b'koordinazzjoni inter-ministerjali
reali - skont il-MtF tat-Tieni Programm ta' Aġġustament Ekonomiku dan
għandu jseħħ sa Mejju 2012. Huwa se jipprovdi gwida aħjar u
viżjoni aktar strateġika matul il-gvern ċentrali u gvern billi
jtejjeb u jħaffef il-koordinazzjoni fost il-Ministeri, b'hekk ikissir
l-attitudini attwali ta' vertikalità u intra-Ministerjali, u billi jarbitra
kwistjonijiet inter-ministerjali li jinsabu għaddejjin. Din l-istruttura
se tkun kruċjali għall-implimentazzjoni tal-proċessi ta’ riforma
kollha lejn it-tkabbir u l-impjiegi u tad-deċiżjonijiet maħruġa
mill-Grupp ta' Tmexxija ta' livell għoli għat-trasformazzjoni. Il-Greċja teħtieġ ukoll
toħloq l-istrutturi neċessarji f'kull Ministeru kompetenti
għall-monitoraġġ effettiv tal-proċeduri amministrattivi
(inkluż l-infiq, il-kontroll intern u l-verifika, il-Ġestjoni
tar-Riżorsi Umani u l-ICT) bil-ħsieb li jiġu applikati regoli
komuni u proċeduri armonizzati qabel tmiem l-2012. Il-prinċipji kollha ta’ koerenza u
effiċjenza li jirfdu r-riforma tal-amministrazzjoni fil-livell
ċentrali se jkollhom jiġu mtennija fuq livell reġjonali/lokali bil-għan
li jkunu appoġġati t-tkabbir u l-impjiegi fil-livelli kollha
tal-ekonomija. F’April 2012, il-Ġermanja u l-Greċja,
f'kollaborazzjoni mat-Taskforce, iffirmaw memorandum ta’ fehim, inkluż
pjan direzzjonali biex tiġi implimentata riforma f'oqsma bħat-titjib
tas-superviżjoni u l-effettività tal-muniċipalitajiet u
r-reġjuni fl-ippjanar urban, l-iżvilupp rurali u t-tisħiħ
tal-kapaċità tal-gvern lokali biex effettivament jippjana, jfassal,
jimlimenta u jissorvelja l-programmi ta' investiment. Sabiex ikun hemm ċertezza li dawn
il-fondi jistgħu jintużaw bl-aktar mod effettiv possibbli, u sabiex
tiżdied it-trasparenza tal-ekonomija, il-ġlieda kontra l-frodi u
l-korruzzjoni hija essenzjali. Il-Greċja, bl-appoġġ tal-Kummissjoni
għandha tħejji strateġija kontra l-frodi li tkopri l-aspetti
kollha tad-dħul u l-infiq pubbliku, u inkluża l-protezzjoni
tal-interessi finanzjarji tal-UE. Dan se jgħin biex inġieb lura
l-kunfidenza u jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ġusti u ekwi.
Fl-istess ħin, ġlieda effettiva kontra l-frodi u l-korruzzjoni,
inkluża l-ġlieda kontra l-kuntrabandu fuq il-fruntieri, se
tikkontribwixxi biex tkompli tistabbilizza d-dħul tal-Greċja. L-użu li jagħmel il-gvern Grieg
mill-IT bħalissa huwa baxx ħafna. Titjib fis-sitwazzjoni għandu
jgħin biex jitħaffu l-proċeduri, jiġu ssimplifikati
l-proċessi u tiżdied it-trasparenza għall-amministrazzjoni u
għan-negozju. L-awtoritajiet Griegi bdew l-implimentazzjoni ta'
proġetti f'diversi oqsma maġġuri tal-government elettroniku,
jiġifieri l-Ippjanar tar-Riżorsi tal-Intrapriżi (ERP) (Finanzi u
HRM), il-Ġestjoni tar-Relazzjoni maċ-Ċittadini u l-akkwist
elettroniku. L-Awtoritajiet Griegi għandhom il-ħsieb li jużaw
dawn il-proġetti fis-setturi prijoritarji tal-finanzi, ir-riforma
amministrattiva u s-saħħa. L-iskjerament tal-gvern elettroniku se
jkollu jsir f'koordinazzjoni u bħala sistema li tikkumplimenta r-riforma
tal-proċeduri amministrattivi. Ir-ritorn tal-kredibilità fl-istatistika
uffiċjali huwa parti essenzjali tal-kuntratt soċjali li se
jippermetti l-istabilizzazzjoni tal-Greċja. Filwaqt li sar progress
sinifikanti mill-2009 'l hawn, l-istatistika għadha kwistjoni li tifred
lis-soċjetà Griega. L-istabbiliment mill-ġdid tal-fiduċja
fl-istatistika se teħtieġ l-implimentazzjoni sħiħa tal-pjan
ta' azzjoni inkluż l-Impenn reċenti dwar il-Fiduċja
fl-istatistika, iffirmat fid-29 ta' Frar mill-gvern Grieg, il-Kummissjoni u
approvati mill-Parlament. Dan jimplika r-reviżjoni tal-liġi
tal-Istatistika u l-provvediment tar-riżorsi finanzjarji u umani meħtieġa
lill-Awtorità Nazzjonali tal-Istatistika. 3.6.2. Ir-ritorn tal-fiduċja
fis-sistema ġudizzjarja Ġudikatura li ma tiffunzjonax tajjeb hija
ostaklu għall-iżvilupp ekonomiku u timmina l-fibra soċjali
tal-Greċja. Hija sistema li tippermetti lid-debituri – inklużi
kontribwenti li mhumiex lesti jħallsu t-taxxa - ta' kull tip jaħarbu
kif iridu, bl-għarfien li xejn ħlief l-aktar kredituri determinati se
jsegwihom permezz ta' azzjoni ġudizzjarja u ta' infurzar. Mijiet ta’ eluf
ta’ każi fil-qrati li jinsabu pendenti u dewmien twil biex tinkiseb data
għal seduta huma l-aktar sinjali viżibbli ta' funzjonament
ħażin tas-sistema ġudizzjarja Griega. Dan wassal għal
sensazzjoni ġenerali ta’ 'inġustizzja' fost il-poplu Grieg.
L-awtoritajiet Griegi wrew rieda ċara li jibdlu din is-sitwazzjoni u biex
jagħmlu sforzi importanti biex joħolqu ġudikatura
effiċjenti u li tqis liċ-ċittadini u lin-negozji. Reviżjoni
komprensiva u tant meħtieġ tas-sistema ġudizzjarja tinsab
għaddejja. Dawn ir-riformi huma maħsuba biex jistabbilixxu
mill-ġdid il-fiduċja fil-funzjonament tal-Istat Grieg u
l-istituzzjonijiet tiegħu u biex jappoġġjaw l-irkupru ekonomiku. Il-gvern Grieg għamel impenn li
jissodisfa sensiela ta’ miri għat-tneħħija ta’ każijiet
fiskali pendenti quddiem il-qrati amministrattivi u għal tnaqqis ta' kawżi
ċivili pendenti. Huwa ntrabat ukoll biex jippromwovi metodi alternattivi
għar-riżoluzzjoni tat-tilwim biex jillibera riżorsi fil-qrati u
jgħin biex jiżviluppa kultura li mhix litikuża u jsib aktar modi
ekonomiċi kif jiġu riżolti l-problemi u l-kunflitti.
Il-Kummissjoni qed taħdem mal-awtoritajiet Griegi u mal-partijiet
interessati f’dan il-qasam. Sakemm l-investituri potenzjali ma jemmnux li
l-ġudikatura Griega hija effiċjenti u ġusta u se tiddefendi
d-drittijiet tagħhom, huwa improbabbli li dawn jieħdu
deċiżjonijiet ta’ investiment importanti. Aktar miżuri sabiex
jinstabu modi effiċjenti għall-irkupru tad-dejn dovut lill-Istat u
s-simplifikazzjoni tal-qafas legali għal tranżazzjonijiet fi
proprjetà immobbli ser isaħħu l-konfidenza tal-investituri u fl-istess
ħin iżidu d-dħul lill-Istat. Il-bini ta' sistema moderna
tal-Ġustizzja elettronika se tagħmel il-ġustizzja aktar rapida u
trasparenti bi gwadann sostanzjali fil-ħin u fl-effiċjenza aktarx
jinħassu mill-utenti tas-sistema ġudizzjarja u prestazzjoni mtejba
tal-uffiċjali ġudizzjarji. Ir-razzjonalizzazzjoni u
r-riorganizzazzjoni tal-qrati tal-maġistrati mhux biss se jwasslu
għal tfaddil fl-infiq iżda se jġibu wkoll il-ġustizzja
eqreb lejn iċ-ċittadin billi jistabbilixxu dawn il-qrati bħala
portal uniku ta' servizz għall-ġustizzja għal ħafna
kwistjonijiet tal-ġustizzja komuni li ċ-ċittadini huma
kkonfrontati bihom (eż. l-awtentikazzjoni tad-dokumenti, il-liġi
tal-familja u kwistjonijiet dwar wirt eċċ.). Reġim modern ta’ insolvenza huwa l-qofol
biex jiffaċilita kemm il-ħruġ mis-suq ordnat ta' kumpaniji
ineffiċjenti kif ukoll ir-ristrutturar ta' kumpaniji vjabbli. Ir-riforma
tal-insolvenza hija waħda mill-oqsma għal attenzjoni mill-qrib u
l-Kummissjoni tinsab lesta li taħdem flimkien mal-gvern Grieg f'dan ir-rigward. 3.7. L-indirizzar tal-impatt
soċjali tal-kriżi Qabel il-kriżi, il-Greċja diġà
kienet tbati minn waħda mill-ogħla rati ta’ faqar fl-UE. Ir-rata
globali ta' dawk fir-riskju tal-faqar jew l-esklużjoni soċjali
għall-popolazzjoni totali kienet tammonta għal 27.7% fl-2010,
ogħla mill-medja fl-UE ta' 23.5%. Rata il-faqar għal dawk f'impjieg
fil-Greċja kien it-tieni l-ogħla fl-UE fl-2010. It-tnaqqis qawwi
fir-ritmu ekonomiku żdied il-livelli tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali
u għall-akkomodazzjoni u laqat l-introjtu disponibbli (tnaqqis ta' 9.3%
fl-2010). Il-kundizzjoni ta' persuni mingħajr dar qed tiżdied fost
il-familji bit-tfal u ż-żgħażagħ, kif ukoll fost’
għadd dejjem jiżdied ta’ migranti irregolari, b'hekk kompliet
taggravaw aktar il-pressjoni. Hija meħtieġa azzjoni urġenti biex
tindirizza dawn il-problemi. Il-Kummissjoni qed taħdem
mal-awtoritajiet Griegi biex ikunu ttrattati l-livelli għolja u
inaċċettabbli ta' qgħad fost
iż-żgħażagħ. Sabiex tiffoka l-appoġġ
finanzjarju fejn dan huwa meħtieġ l-aktar, il-finanzjament jista'
jiġi ridirezzjonat sabiex tingħata spinta lil miżuri li
jappoġġjaw l-impjieg taż-żgħażagħ. Dawn
il-miżuri bħalissa jinkludu azzjonijiet li jappoġġjaw
l-akkwist tal-ewwel esperjenza tax-xogħol; is-sussidju ta' kollokament ta'
xogħol fuq terminu qasir fis-settur privat jew fil-komunitajiet lokali;
it-twessigħ ta' opportunitajiet ta' apprendistat jew taħriġ
għal studenti u gradwati; il-propmozzjoni tal-iżvilupp mill-ġdid
tal-ħiliet jew il-bini fil-ħiliet; tingħata spinta
lill-intraprenditorija, inkluża l-intraprenditorija soċjali; u
perjodi ta' studju barra l-pajjiż. Somma addizzjonali ta' EUR 200-250 miljun
tista' tkun disponibbli għar-riallokazzjoni b’dan il-mod, li jista'
potenzjalment iwassal għall-ħolqien ta' eluf ta' impjiegi. Hemm għadd ta' prijoritajiet oħra
ta’ terminu qasir fejn azzjoni immedjata hja meħtieġa. Il-Fond
Soċjali Ewropew jista’ jgħin biex jittejjeb il-funzjonament tas-suq
tax-xogħol, jissaħħu r-rabtiet bejn l-edukazzjoni/it-taħriġ
u s-suq tax-xogħol, jisaħħaħ il-kapital uman u jiġi
ndirizzat ix-xogħol mhux dikjarat li hu mifrux. Is-servizzi tal-impjiegi
pubbliċi għandhom jissaħħu biex joffru servizzi aħjar
lill-ammont dejjem jiżdied ta' nies qgħeda. Hemm bżonn ta' investiment
aktar effettiv u immirat fil-politiki attivi tas-suq tax-xogħol u
għandha ssir evalwazzjoni iktar sistematika tal-effettività
tal-miżuri attivi tas-suq tax-xogħol. Għandha tingħata
prijorità lill-aktar gruppi vulnerabbli (dawk qiegħda mingħajr
sengħa, dawk li jħallu l-iskola kmieni, ħaddiema anzjani, nies
li ilhom qiegħda, immigranti u minoranzi, eċċ). Il-fondi strutturali tal-UE jistgħu wkoll
ikunu mobilizzati biex tiġi stabbilita u ffinanzjata strateġija ta'
riġenerazzjoni urbana integrata għall-ġlieda kontra l-faqar u
l-esklużjoni soċjali. Sabiex tiġi evitata l-emarġinazzjoni
soċjali u membri ta' gruppi vulnerabbli jingħataw il-ħiliet
meħtieġa għad-dħul jew għad-dħul mill-ġdid
fis-suq tax-xogħol, għandu jiġi implimentat il-programm
nazzjonali ta' tagħlim tul il-ħajja imħabbar fl-2011. Dan
għandu jinkludi t-twessiegħ tal-aċċess
għall-edukazzjoni u t-taħriġ biex jinkludi studenti mhux
tradizzjonali billi jinvolvi lill-komunitajiet lokali u reġjonali kif
ukoll l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla. Għandu jkun ikkunsidrat aċċess
imtejjeb għax-xogħol, l-aktar permezz ta’ appoġġ
finanzjarju akbar lill-intraprenditorija (b'iffukar fuq prodotti u servizzi
innovattivi ġodda) u użu usa’ ta’ sussidji tal-pagi għal
reklutaġġ għal żmien qasir partikjolarment iffukati fuq
gruppi żvantaġġati, li jipprovdi solliev ekonomiku temporanju u
opportunità lil dawk l-aktar milquta mill-kriżi biex jibqgħu fis-suq
tax-xogħol. L-iżvilupp tal-ekonomija soċjali wkoll se
joħoloq opportunitajiet ta' impjiegi ġodda mmexxija minn intraprendituri
soċjali u innovaturi f’setturi ewlenin, bħal servizzi ta’ kura
soċjali, servizzi għal dawk qiegħda, żvilupp lokali u
komunitarju, il-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-ikel u l-effiċjenza
fl-enerġija. 3.8. L-ġestjoni
tal-migrazzjoni u l-asil Is-sħubija tal-Greċja
fiż-żona Schengen tipprovdi libertà ta' moviment għal
ċittadini Griegi lejn pajjiżi oħra u għal
vjaġġaturi lejn il-Greċja. Dan jirfed l-ivvjaġġar,
it-turiżmu u r-relazzjonijiet kummerċjali, li huma ta’ benefiċċju
għall-ekonomija. Madankollu, pressjonijiet migratorji irregolari qawwija,
li ffaċċjat il-Greċja fis-snin riċenti, flimkien
mal-kriżi ekonomika attwali, qed ikollhom impatt soċjali u ekonomiku
negattiv, u qed jipperikolaw il-funzjonament tajjeb taż-żona
Schengen. Is-sitwazzjoni umanitarja ffaċċjata xi drabi mill-migranti
u dawk li jfittxu l-asil qed ittabba' l-immaġni tal-Greċja u mhijiex
skont it-tradizzjoni antika tagħha tad-drittijiet tal-bniedem u ta'
ospitalità. Sabiex tittratta din il-kwistjoni,
il-Greċja trid tkompli tirriforma l-politiki tagħha dwar l-asil u l-migrazzjoni
u tamministra b'mod effiċjenti l-fruntieri esterni tagħha. L-oqsfa
għal azzjoni, jiġifieri l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Ġestjoni
tal-Migrazzjoni u l-Asil u l-Pjan ta’ Azzjoni
"Schengen-il-Greċja" huma diġà fis-seħħ. Issa
jridu jiġu implimentati anki permezz tal-adozzjoni u l-implimentazzjoni
ta’ standards fil-qasam tal-migrazzjoni u l-asil li huma skont il-liġi
eżistenti tal-UE u l-obbligi internazzjonali tal-Greċja.
Il-Greċja għandha bżonn ittejjeb is-sitwazzjoni umanitarja
tal-migranti u ta' dawk li jfittxu l-asil fir-reġjun tal-fruntiera
Griega/Torka u f'Ateni u ssaħħaħ il-kapaċità tal-akkoljenza
kemm għall-migranti irregolari kif ukoll għal min ifittex l-asil,
b’attenzjoni partikolari fuq il-gruppi vulnerabbli. Hija għandha wkoll
tibni l-kapaċità fil-qasam tar-ritorn volontarju, b'rispett sħiħ
għad-drittijiet fundamentali. Hemm potenzjal konsiderevoli li għadu
mhux sfruttat, hekk kif ħafna immigranti jsibu lilhom infushom maqbudin
fil-Greċja, bl-ebda opportunità reali għall-integrazzjoni u jkunu interessata
jirritornaw fil-pajjiżi tal-oriġini tagħhom. L-UE pprovdiet appoġġ finanzjarju
sinifikanti għall-asil, il-migrazzjoni u sistemi ta’ ġestjoni
tal-fruntieri u biex jindirizza l-konsegwenzi umanitarji tal-pressjoni
iġġenerata minn numri kbar ta' migranti irregolari u dawk li jfittxu
l-asil. Il-Greċja hija wieħed mill-benefiċjarji ewlenin
tal-programm għas-Solidarjetà u l-Ġestjoni tal-Flussi ta’ Migrazzjoni
(SOLID). [1] It-test
sħiħ tal-Programm jinstab fuq: http://ec.europa.eu/economy_finance/publications/occasional_paper/2012/pdf/ocp94_en.pdf
[2] Din
il-Komunikazzjoni ma timmodifikax jew izzid mad-deċiżjonijiet formali
rigward il-Greċja adottati skont il-proċeduri applikabbli tat-Trattat
għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. [3] Għal aktar tagħrif dwar il-fondi tal-UE u
l-likwidità għall-SMEs, ara t-Taqsimiet 2.2 u 3.2 fl-Anness. [4] Foundation of Economic and Industrial Research,
Quarterly Bulletin 2/10, 2010 [5] Għal aktar informazzjoni dwar dawn l-oqsma, ara
Taqsima 3 fl-Anness. [6] Sors: Trading on Time: World Bank Policy Research
Working Paper 3909 [7] Għal aktar informazzjoni dwar ir-riforma
tal-amministrazzjoni pubblika, ara t-Taqsima 3.6 fl-Anness. [8] Għal aktar tagħrif dwar il-fondi tal-UE, ara
t-Taqsimiet 2.2 u 2.3 fl-Anness. [9] MEX/11/0720 'Il-Kummissjoni taħtar Task Force
għall-Greċja '