KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW L-aġġornament tal-immaniġġjar tar-relazzjonijiet mal-kwerelant rigward l-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni /* COM/2012/0154 final */
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW L-aġġornament tal-immaniġġjar
tar-relazzjonijiet mal-kwerelant rigward l-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni INTRODUZZJONI L-Unjoni Ewropea hija bbażatata fuq ir-rispett
għall-istat tad-dritt. Is-suċċess tagħha fil-kisba ta’ bosta mill-għanijiet
tagħha kif stabbiliti fit-Trattati u fil-leġiżlazzjoni jiddependi
mill-applikazzjoni effettiva tal-liġi tal-Unjoni fl-Istati Membri. Bħala
l-garanti tat-Trattati, il-Kummissjoni tagħraf ir-rwol vitali tal-kwerelant
biex jgħin lill-Kummissjoni tidentifika ksur tal-liġi tal-Unjoni. Fl-2002
il-Kummissjoni stabbiliet il-proċeduri li jirregolaw ir-relazzjonijiet tagħha
ma’ kwerelanti fir-rigward ta’ ksur tal-liġi tal-Unjoni[1]. Minn dakinhar, il-Kummissjoni
tejbet u espandiet il-metodi ta’ reġistrar u pproċessar ta’ korrispondenza
mingħand kwerelanti dwar l-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni mill-Istati
Membri. Sabiex tirrifletti dawn il-bidliet, il-Kummissjoni ddeċidiet li
tirrevedi u taġġorna l-Komunikazzjoni tagħha tal-2002. Iċ-CHAP (Complaint handling/Accueil des
plaignants (Servizz għall-kwerelanti)), għodda tal-IT li ġiet introdotta
f’Settembru 2009, tippermetti lill-Kummissjoni tirreaġixxi aktar direttament
għall-interessi taċ-ċittadini, tan-negozju u tas-soċjetà ċivili. L-ilmenti
kollha huma rreġistrati f’din l-applikazzjoni. Tintbagħat konferma
tar-riċevuta, li tindika li korrispondenza ġiet irreġistrata bħala lment, fi
żmien ħmistax-il jum tax-xogħol mill-wasla tal-ilment. Qabel, il-korrispondenza
kienet irreġistrata biss wara valutazzjoni tal-kontenut tagħha. Is-segwitu
għall-ilment jibqa’ ggwidat min-natura tal-kwistjoni mqajma, ir-raġunijiet li
fuqhom huwa bbażat, l-impatt prevedibbli tiegħu u l-prijoritajiet stabbiliti
mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha “Ewropa li tikseb ir-riżultati –
l-Applikazzjoni tal-Liġi Komunitarja” [COM(2007)502 finali]. Minħabba d-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) huwa neċessarju li jiġu aġġornati
ċerti termini tal-Komunikazzjoni preċedenti li ġew modifikati mit-Trattat. Hemm
ukoll il-ħtieġa li jiġu ċċarati d-diverġenzi fost il-verżjonijiet lingwistiċi
differenti fil-Komunikazzjoni preċedenti[2]. Il-Kummissjoni tistipula f’din
il-Komunikazzjoni l-miżuri amministrattivi għall-benefiċċju tal-kwerelant li
hija timpenja ruħha li tirrispetta meta tittratta l-ilment tiegħu u tevalwa
l-ksur allegat ikkonċernat. Dawn il-miżuri għall-benefiċċju tal-kwerelant
li huma s-suġġett ta’ din il-Komunikazzjoni ma jbiddlux in-natura bilaterali
tal-proċedura ta’ ksur stabbilita mill-Artikoli 258 u 260
tat-TFUE u l-Artikolu 106a tat-Trattat EURATOM. F’dan ir-rigward,
il-Kummissjoni tinnota li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti
tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, hija tgawdi minn setgħa diskrezzjonali biex
tiddeċiedi jekk[3]
u meta għandha[4]
tibda proċedimenti ta’ ksur u jekk u meta[5]
għandha tirreferi każ lill-qorti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha
d-diskrezzjoni li teskludi d-dritt għal individwi li jeħtiġuha biex jadottaw
pożizzjoni speċifika[6].
Kif il-Qorti kellha l-okkażjoni li tispjega,
"id-danni kkawżati minn istituzzjonijiet nazzjonali (…) jistgħu biss
jagħtu lok għal responsabbiltà min-naħa ta’ dawk l-istituzzjonijiet, u l-qrati
nazzjonali jibqgħu l-uniċi kompetenti sabiex jordnaw kumpens għal tali
danni"[7].
Huwa xieraq f’dan il-kuntest li tiġi enfasizzata l-importanza u possibbilment
jissaħħu l-mezzi ta’ rimedju disponibbli fil-livell nazzjonali, li jippermettu
lill-kwerelanti biex jasserixxu d-drittijiet tagħhom b’mod aktar dirett u personali[8]. Fl-aħħarnett, fil-qasam tal-proċedimenti ta’
ksur, il-Kummissjoni tapplika r-regoli dwar l-aċċess għad-dokumenti stipulati
mir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti
tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni[9], kif implimentat
mid-diżpożizzjonijiet stabbiliti fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni
2001/937/KE, KEFA, Euratom tal-5 ta’ Diċembru 2001 li temenda
r-regoli ta’ proċedura tagħha[10]
u kif interpretat mill-Qorti[11]. 1.
Definizzjonijiet u kamp ta’ applikazzjoni “Ilment” ifisser kwalunkwe approċċ bil-miktub
lill-Kummissjoni li jindika miżuri, nuqqas ta’ miżura jew prattiċi ta’ Stat
Membru li jmorru kontra l-liġi tal-Unjoni. "Kwerelant" ifisser kull persuna jew
korp li jressaq ilment mal-Kummissjoni. “Proċedimenti ta’ ksur” jfisser il-fażi
prekontenzjuża tal-proċeduri għal nonkonformità li tinbeda mill-Kummissjoni fuq
il-bażi tal-Artikolu 258 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni
Ewropea (TFUE) jew l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità
Ewropea tal-Enerġija Atomika (it-Trattat Euratom). L-approċċ deskritt hawnhekk għandu japplika
għar-relazzjonijiet bejn il-kwerelanti u l-Kummissjoni f’konnessjoni mal-miżuri
jew prattiċi li jistgħu jaqgħu fl-ambitu tal-Artikolu 258 tat-TFUE.
M’għandux japplika għal ilmenti relatati ma’ dispożizzjonijiet oħra
tat-Trattat, partikolarment l-ilmenti li jirrigwardaw l-għajnuna mill-Istat
koperta bl-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE jew mir-Regolament tal-Kunsill
(KE) Nru 659/1999[12]. 2.
Prinċipji Ġenerali Kulħadd jista’ jressaq ilment mal-Kummissjoni
mingħajr ħlas kontra xi Stat Membru dwar kwalunkwe miżura (liġi, regolament jew
azzjoni amministrattiva), nuqqas ta’ miżura jew prattika minn Stat Membru li jqisu
inkompatibbli mal-liġi tal-Unjoni. Il-kwerelanti m’għandhomx għalfejn juru
interess formali biex iressqu il-proċedimenti; lanqas ma jridu jagħtu prova li
huma prinċipalment u direttament ikkonċernati mill-miżura, in-nuqqas ta’ miżura
jew il-prattika li dwarha jkun sar l-ilment. Bla ħsara għall-eċċezzjonijiet elenkati taħt
il-punt 3, il-Kummissjoni se tirreġistra korrispondenza bħala lment skont
l-indikazzjonijiet tal-awtur tagħha kif jirriżultaw mill-korrispondenza. Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi jekk
għandhiex tieħu azzjoni ulterjuri dwar l-ilment. 3.
Reġistrazzjoni tal-ilmenti Kwalunkwe lment dwar l-applikazzjoni tal-liġi
tal-Unjoni minn Stat Membru għandu jiġi rreġistrat fl-applikazzjoni ċentrali
għar-reġistrazzjoni tal-ilmenti dwar l-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni minn
Stat Membru (minn hawn 'il quddiem imsejħa "l-applikazzjoni"). Il-korrispondenza m’għandhiex tkun
investigabbli bħala lment mill-Kummissjoni, u għalhekk m’għandhiex tkun
irreġistrata fl-applikazzjoni, jekk: – tkun anonima, ma jkunx fiha
l-indirizz ta’ min ikun bagħtha jew ikun fiha indirizz inkomplet; – ma tkunx tirreferi, b’mod espliċitu
jew impliċitu, għal Stat Membru li għalih il-miżuri jew il-prattika kontra
l-liġi tal-Unjoni jistgħu jiġu attribwiti; – tiddenunzja l-atti jew l-omissjonijiet
ta’ persuna privata jew korp privat, sakemm il-miżura jew l-ilment ma jkunux
jiżvelaw l-involviment tal-awtoritajiet pubbliċi jew jallegaw in-nuqqas tagħhom
li jaġixxu b’reazzjoni għal dawk l-atti jew l-omissjonijiet. Fil-każijiet
kollha, il-Kummissjoni għandha tivverifika il-korrispondenza tiżvelax imġiba li
tmur kontra r-regoli tal-kompetizzjoni (l-Artikoli 101 u 102
tat-TFUE); – ma tkunx tispeċifika lment; – tistipula lment li fir-rigward
tiegħu il-Kummissjoni tkun adottat pożizzjoni ċara, pubblika u konsistenti, li
għandha tiġi kkomunikata lill-kwerelant; – tistipula lment li jaqa b’mod ċar
barra l-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni. 4.
Konferma tar-riċevuta Il-Kummissjoni għandha tibgħat konferma
tar-riċevuta tal-ilmenti kollha fi żmien ħmistax-il jum tax-xogħol minn meta
jaslulha. Din il-konferma tar-riċevuta għandha tinkludi n-numru
tar-reġistrazzjoni, li għandu jiġi kkwotat f’kull korrispondenza. Fejn jiġu introdotti għadd ta’ lmenti
fir-rigward tal-istess ksur, il-konfermi tar-riċevuta individwali jistgħu jiġu
ssostitwiti b’pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u
fuq is-server Europa tal-Unjoni. Fejn il-Kummissjoni tiddeċiedi li ma
tirreġistrax il-korrispondenza fl-applikazzjoni, hija għandha tinnotifika
lill-awtur b’dan b’ittra ordinarja li tistipula raġuni waħda jew diversi
raġunijiet minn fost dawk elenkati fit-tieni paragrafu tal-punt 3. F’każ bħal dan, il-Kummissjoni tinforma
lill-kwerelant bi kwalunkwe forma alternattiva possibbli ta’ rimedju, bħal
rikors lill-qrati nazzjonali, lill-Ombudsman Ewropew, l-Ombudsman nazzjonali
jew kwalunkwe proċedura oħra għall-ilmenti nazzjonali jew internazzjonali. 5.
Metodi ta’ kif jiġi ppreżentat ilment Sabiex jiġu reġistrati fl-applikazzjoni,
l-ilmenti għandhom jintbagħtu bil-miktub, permezz ta’ ittra, faks jew email. Għandhom jiġu miktubin f’waħda mill-lingwi
uffiċjali tal-Unjoni. Sabiex jiħaffef l-ipproċessar tal-ilmenti, huwa rrakkomandat li tintuża
formola standard għall-ilmenti, kif ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea[13] u disponibbli mill-Kummissjoni fuq talba jew fuq is-sit
tal-Kummissjoni, fuq is-server tal-Unjoni Ewropea (EUROPA) fl-indirizz li ġej: http://ec.europa.eu/eu_law/your_rights/your_rights_forms_mt.htm Hemm anness mal-formola li jistipula
l-prinċipji ġenerali tal-proċedimenti ta’ ksur u jenfasizza li kwalunkwe sejba
ta’ infrazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha l-ebda effett fuq id-drittijiet
tal-kwerelant. Il-kwerelanti huma mistiedna wkoll, fl-anness, biex jużaw
il-mezzi ta’ rimedju disponibbli fil-livell nazzjonali. L-ilmenti bil-miktub dwar l-applikazzjoni
tal-liġi tal-Unjoni minn Stat Membru jistgħu jintbagħtu lis-Segretarjat
Ġenerali tal-Kummissjoni bil-posta fl-indirizz "1049 Brussell,
il-Belġju" jew bl-email lil SG-PLAINTES@ec.europa.eu, jew jiġu ppreżentati
f’wieħed mill-uffiċċji tal-Kummissjoni fl-Istati Membri. 6.
Protezzjoni tal-kwerelant u d-dejta personali L-iżvelar tal-identitajiet tal-kwerelanti u
l-informazzjoni mressqa minnhom lill-Istat Membru kkonċernat huwa suġġett
għall-awtorizzazzjoni tagħhom minn qabel u jrid jikkonforma, fost affarijiet
oħra, mar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 45/2001 tat-18 ta’ Diċembru 2000
dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta
personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment
liberu ta’ dik id-dejta[14]. 7.
Komunikazzjoni mal-kwerelanti Wara li jiġi rreġistrat, ilment jista’ jiġi
eżaminat ulterjorment b’kooperazzjoni mal-Istat Membru kkonċernat.
Il-Kummissjoni tinforma lill-kwerelant b’dan bil-miktub. Jekk sussegwentement jitniedu l-proċedimenti
ta’ ksur abbażi ta’ lment, il-Kummissjoni tikkuntattja lill-kwerelanti u tinfurmahom
bil-miktub, dwar kull pass proċedurali (avviż formali, opinjoni motivata,
referenza lill-Qorti jew l-għeluq tal-każ). Fejn jiġu introdotti għadd ta’ lmenti
fir-rigward tal-istess ksur, l-ittri individwali jistgħu jiġu ssostitwiti
b’pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fuq is-server
Europa tal-Unjoni Ewropea. Fi kwalunkwe punt matul il-proċedura
l-kwerelanti jistgħu jitolbu biex jispjegaw jew jiċċaraw lill-Kummissjoni,
immedjatament u bi spejjeż tagħhom, ir-raġunijiet għall-ilment tagħhom. 8.
Limitu taż-żmien għall-investigazzjoni tal-ilmenti Bħala regola ġenerali, il-Kummissjoni
tinvestiga l-ilmenti bil-ħsieb li tieħu deċiżjoni biex jew toħroġ avviż formali
jew inkella tagħlaq il-każ, fi żmien mhux aktar minn sena mid-data ta’ reġistrazzjoni
tal-ilment. Fejn dan il-limitu ta’ żmien jinqabeż,
il-Kummissjoni tinforma lill-kwerelant bil-miktub fuq talba tiegħu. 9.
Eżitu tal-investigazzjoni ta’ lmenti Wara l-investigazzjoni tal-ilment,
il-Kummissjoni tista’ jew toħroġ avviż formali li jtiftaħ il-proċeduri kontra
l-Istat Membru inkwistjoni, jew tagħlaq il-każ definittivament. Il-Kummissjoni se tiddeċiedi fi
ħdan il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha fuq il-ftuħ jew it-tmiem ta’ proċedura
ta’ ksur. Il-kwerelanti se jiġu mgħarrfa bil-miktub bid-deċiżjoni
meħuda mill-Kummissjoni b’konnessjoni mal-ilment tagħhom u kwalunkwe
deċiżjonijiet sussegwenti tal-Kummissjoni dwar il-kwistjoni. Fejn jiġu introdotti għadd ta’ lmenti
fir-rigward tal-istess ksur, l-ittri individwali jistgħu jiġu ssostitwiti b’pubblikazzjoni
fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fuq is-server Europa
tal-Unjoni Ewropea. 10.
L-għeluq tal-każ Sakemm ma jkunx hemm ċirkostanzi eċċezzjonali
li jirrikjedu miżuri urgenti, fejn huwa previst li ma għandha tittieħed l-ebda
azzjoni oħra fuq ilment, il-Kummissjoni tagħti lill-kwerelant avviż bil-quddiem
dwar dan f’ittra li tistabbilixxi r-raġunijiet li fuqhom qed tipproponi li
l-każ jingħalaq u tistieden lill-kwerelant biex iressaq il-kummenti tiegħu fi
żmien erba’ ġimgħat. Fejn jiġu introdotti għadd ta’ lmenti
fir-rigward tal-istess ksur, l-ittri individwali jistgħu jiġu ssostitwiti
b’pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fuq is-server
Europa tal-Unjoni Ewropea. Fejn il-kwerelant ma jweġibx, jew fejn
il-kwerelant ma jistax jiġi kkuntattjat għal raġunijiet li għalihom huwa
responsabbli, jew fejn il-kummenti tal-kwerelant ma jikkonvinċux
lill-Kummissjoni biex terġa’ tikkunsidra l-pożizzjoni tagħha, il-każ jingħalaq. Fejn il-kummenti tal-kwerelant jikkonvinċu
lill-Kummissjoni biex terġa’ tikkunsidra l-pożizzjoni tagħha, l-investigazzjoni
tal-ilment titkompla. Il-kwerelant jiġi infurmat bil-miktub dwar
id-deċiżjoni tal-għeluq meħuda mill-Kummissjoni. 11.
Pubbliċizzazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ ksur Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-każijiet ta’ ksur huma
ppublikati fi żmien ġimgħa mill-adozzjoni tagħhom fuq is-sit tal-internet
tas-Segretarjat Ġenerali, f'dan l-indirizz: http://ec.europa.eu/eu_law/infringements/infringements_decisions_mt.htm
Id-deċiżjonijiet li tingħata opinjoni motivata
lil Stat Membru jew li każ jiġi riferut lill-Qorti tal-Ġustizzja għandhom jiġu
ppublikati wkoll permezz ta’ stqarrija għall-istampa, sakemm il-Kummissjoni ma
tiħux deċiżjoni mod ieħor. 12.
Aċċess għal dokumenti dwar każijiet ta’ ksur L-aċċess għal dokumenti dwar każijiet ta’ ksur
huwa rregolat bir-Regolament (KE) Nru 1049/2001, kif implimentat
mid-diżpożizzjonijiet stabbiliti fl-Anness għad-Deċiżjoni
tal-Kummissjoni 2001/937/KE, KEFA, Euratom[15]. 13.
Ilment lill-Ombudsman Ewropew Fejn kwerelant iqis li, fit-trattament
tal-ilment tiegħu jew tagħha, il-Kummissjoni kienet ħatja ta’ amministrazzjoni
ħażina għaliex naqset milli ssegwi kwalunkwe waħda mill-miżuri msemmija hawn
fuq, huwa jista’ jirreferi l-kwistjoni lill-Ombudsman Ewropew skont
l-Artikoli 24 u 228 tat-TFUE. [1] COM (2002) 141 finali
tal-20.3.2002. [2] Fit-test emendat, il-kliem "le
cas échéant" fil-punt 4 li kienu skorrettement tradotti bil-kliem
"where necessary" fil-verżjoni EN, huma mibdula bil-kliem "in
such cases". Il-kliem "upon his request" fil-punt 8 li ma
ġewx tradotti fil-verżjonijiet EN u SE reġgħu ġew inseriti fit-test. [3] Ara b’mod partikulari: is-sentenza
tas-6 ta' Diċembru 1989 fil-Kawża C-329/88, il-Kummissjoni vs
il-Greċja [1989] Ġabra p. 4159; is-sentenza
tas-27 ta’ Novembru 1990 fil-Kawża C-200/88, il-Kummissjoni
vs il-Greċja [1990] Ġabra p. I 4299; is-sentenza
tal-21 ta’ Jannar 1999 fil-Kawża C-207/97, il-Kummissjoni vs
il-Belġju [1999] Ġabra p. I 275; is-sentenza
tal-25 ta’ Novembru 1999 fil-Kawża C 212/98 il-Kummissjoni
vs l-Irlanda [1999] Ġabra p. I 8571; is-sentenza
tas-6 ta’ Lulju 2000 fil-Kawża C-236/99, il-Kummissjoni vs
ir-Renju tal-Belġju, [2000] Ġabra p. I-05657. is-Sentenza
tal-14 ta’ Mejju 2002 fil-Kawża C-383/00, il-Kummissjoni
vs ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, [2002] Ġabra p. I-04219. [4] Ara s-sentenza tal-1 ta’ Ġunju 1994
fil-Kawża C-317/92, il-Kummissjoni vs il-Ġermanja [1994]
Ġabra I 2039; is-sentenza tal-10 ta’ Mejju 1995
fil-Kawża C-422/92, il-Kummissjoni vs il-Ġermanja [1995] Ġabra
I 1097. [5] Ara s-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2009
fil-Kawża c-562/07, il-Kummissjoni vs Spanja [2009]
Ġabra I-9553. [6] Ara s-sentenza tal-14 ta' Settembru
1995 fil-Kawża T-571/93; Lefebvre et vs il-Kummissjoni [1995]
Ġabra p. II 2379. [7] Ara s-sentenza tas-26 ta' Frar 1986
fil-Kawża 175/84, Krohn & Co. Import – Export Gmbh & Co. KG vs
il-Kummissjoni [1986] Ġabra p, 753. [8] Ara wkoll aktar proposti f’dan il-kuntest
fil-Komunikazzjoni “Nisfruttaw aħjar il-benefiċċji tal-miżuri ambjentali
tal-UE: nibnu l-fiduċja permezz ta’ għarfien u rispons aħjar,"[COM
(2012)95 finali] tas-7.3.2012. [9] ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43. [10] ĠU L 345, 29.12.2001, p. 94. [11] Ara f’dan ir-rigward: is-sentenza tal-5 ta’ Marzu
1997 fil-Kawża T-105/95, il-Kummissjoni vs WWF UK,[1997] Ġabra p. II–313;
is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2001 fil-Kawża T-191/99,
il-Kummissjoni vs Petrie et [2001] Ġabra p. II-3677; is-sentenza tal-21
ta’ Settembru 2010, L-Isvezja et / API u l-Kummissjoni (C-514/07 P,
C-528/07 P u C-532/07 P). [12] ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1. [13] ĠU C 119, 30.4.1999, p. 5. [14] ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1. [15] ĠU L 345, 29.12.2001, p. 94.