KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Id-Dimensjoni Esterna tal-Koordinazzjoni tas-Sigurtà Soċjali tal-UE /* COM/2012/0153 final */
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI
EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Id-Dimensjoni Esterna tal-Koordinazzjoni
tas-Sigurtà Soċjali tal-UE
Daħla F'ambjent ta' ekonomija globalizzata, il-mobilità
tax-xogħol kemm fi ħdan l-UE kif ukoll bejn l-UE u l-bqija tad-dinja
hija realtà u ħtieġa li kulma jmur qed issir aktar tanġibbli.
Il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali hija sistema ta' regoli maħsuba
biex jiffaċilitaw tali mobilità. Is-sistema tal-UE ta' regoli
għall-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali għall-mobilità fi
ħdan l-UE ilha 'l fuq minn 50 sena[1].
Aktar riċentement, dawn ir-regoli ġew estiżi biex ikopru
l-Islanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Isvizzera[2]. Il-kordinazzjoni tas-sigurtà soċjali bejn
l-UE u l-bqija tad-dinja hija ttrattata b'żewġ modi. Minn naħa,
hemm l-approċċ nazzjonali, li permezz tiegħu l-Istati Membri
jagħmlu ftehimiet bilaterali ma' pajjiżi terzi magħżula.
Dan l-approċċ huwa inkonsistenti: hemm netwerk inkomplut ta' ftehimiet,
u l-ftehimiet spiss ikollhom kontenut differenti minn pajjiż
għall-ieħor. Min-naħa l-oħra, bħalissa qed
jiżviluppa approċċ tal-UE komuni fir-rigward tal-kordinazzjoni
tas-sigurtà soċjali ma' pajjiżi terzi. F'dan l-isfond, il-Kummissjoni għandha erba'
għanijiet: –
li tenfasizza li l-emigranti u n-negozji minn
pajjiżi terzi, li ġeneralment jaraw lill-UE bħala entità
waħda, isibu sistemi frammentati ta' sigurtà soċjali li joħolqu
ostakli f''dak li għandu x'jaqsam mad-dħul fl-Unjoni,
iċ-ċaqliq fi ħdanha u l-ħruġ minnha; –
li tiġġustifika l-promozzjoni u
t-tisħiħ tal-koperazzjoni bejn l-Istati Membri sabiex ikun jista;
jiġi żviluppat approċċ inqas frammentat
għall-kordinazzjoni tas-sigurtà soċjali; –
li tistabbilixxi d-diversi modi li bihom ir-regoli
tal-UE diġà jolqtu d-dimensjoni esterna u li toffri gwida ċara dwar
ir-relazzjoni legali bejn il-liġi tal-UE u l-ftehimiet bilaterali
nazzjonali; –
li tiddeskrivi l-komponenti eżistenti ta'
approċċ komuni tal-UE u li tagħmel proposti biex dawn jiġu
żviluppati aktar. 1. il-ftehimiet bilaterali tal-istati
membri ma' pajjiżi terzi 1.1. Il-ftehimiet bilaterali
nazzjonali xi jkopru? Id-drittijiet tas-sigurtà soċjali ta'
persuni li jidħlu ġewwa l-UE u joħorġu minnha għadhom,
fil-biċċa l-kbira jiġu ttrattati skont ir-regoli nazzjonali.
L-Istati Membri jikkonkludu ftehimiet bilaterali dwar il-kordinazzjoni
tas-sigurtà soċjali ma' pajjiżi terzi, u dawn l-arranġamenti
jistabbilixxu sistema ta' regoli ta' kordinazzjoni għall-persuni li
jiċċaqalqu bejn iż-żewġ pajjiżi. Ir-raġunijiet
wara tali arranġamenti huma diversi: tradizzjonalment huma maħsuba
biex jipproteġu liċ-ċittadini li jaħdmu fi stati oħra;
madankollu, kulma jmur, qegħdin jitqiesu bħala mezz kif jiġi
attirat in-negozju u x-xogħol minn pajjiżi terzi. Li jsir ftiehem tista'
wkoll tkun espressjoni ta' ħbiberija politika bejn żewġ
pajjiżi. L-Istati Membri tal-UE huma wkoll parti mill-ftehimiet
multilaterali tas-sigurtà soċjali, pereżempju l-Konvenzjoni
Ibero-Amerikana dwar il-Konvenzjoni tas-Sigurtà Soċjali, fejn Spanja u l-Portugall
it-tnejn li huma jagħmlu parti minnha. Il-biċċa l-kbira tal-ftehimiet ma'
pajjiżi terzi tipikament fihom regoli dwar il-leġiżlazzjoni
applikabbbli, it-trattament indaqs u l-pensjonijiet. Id-dispożizzjonijiet
tal-pensjoni jipproteġu d-drittijiet miksuba tal-emigranti meta dawn
jitilqu t-territorju nazzjonali u jippermettu l-ħlas tal-pensjoni
fit-territorju l-ieħor. F'xi każijiet, issir dispożizzjoni
għall-aggregazzjoni tal-perjodi tal-assigurazzjoni, l-impjieg u r-residenza.
Ir-regoli tal-leġiżlazzjoni applikabbli ġeneralment jinkludu
dispożizzjonijiet ta' 'kollokament'. Dawn jippermettu lill-ħaddiema
li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet li jibqgħu suġġetti
għal-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali tal-pajjiżi li
jibgħathom u li jeżentahom milli jħallsu l-kontribuzzjonijiet
tas-sigurtà soċjali fil-pajjiż fejn ikunu qed jaħdmu.
Il-prinċipju ta' trattament indaqs jiggarantixxi l-istess trattament
lill-ħaddiema emigranti bħalma jingħata lin-nies tal-pajjiż
tax-xogħol. L-Istati Membri tal-UE ġeneralment jinnegozjaw
ftehimiet bilaterali mingħajr referenza għal dak li l-pajjiżi
msieħba tal-UE tagħhom ikunu qegħdin jagħmlu.
Il-proċess huwa ferm frammentat. Fil-prattika, ċerti pajjiżi
tal-UE jistgħu jintagħżlu mill-imsieħba kummerċjali
ewlenin tal-UE għat-tmiem ta' ftehimiet, filwaqt li pajjiżi
oħrajn jibqgħu barra. M’hemm l-ebda mekkaniżmu
għall-armonizzazzjoni tal-approċċi, u bl-istess mod l-ebda
mekkaniżmu li permezz tiegħu l-pajjiżi tal-UE jistgħu jingħaqdu
biex isolvu problemi komuni li jiltaqgħu magħhom fir-rigward ta’
pajjiż partikolari. Barra minn hekk, in-natura speċifika
għall-pajjiż ta' dawn il-ftehimiet bilaterali nazzjonali tfisser li
l-emigranti u n-negozji bbażati f'pajjiżi terzi mhux talli
jħabbtu wiċċhom ma' sistemi tas-sigurtà soċjali frammentati
meta jkunu qegħdin jiċċaqalqu bejn pajjiżi fl-UE, iżda
jsibu wkoll ftehimiet nazzjonali bilaterali distinti meta jidħlu fl-UE u
joħorġu minnha. In-netwerk ta' ftehimiet bilaterali mhuwa bl-ebda mod
komplut: skont il-pajjiż terz inkwistjoni, jista' ma jkunx hemm ftehim
bilaterali fis-seħħ mal-pajjiż tal-UE rilevanti. Dan jista'
jwassal għal telf ta' drittijiet miksuba tas-sigurtà soċjali
għal persuni li joħorġu mill-UE jew jerġgħu lura fiha.
Dan jista' jaffettwa liċ-ċittadini emigranti tal-UE daqs kemm jista'
jaffettwa lill-emigranti minn pajjiżi terzi. Ġeneralment hemm nuqqas
ta' trasparenza f'dak li huma drittijiet taċ-ċittadini. 1.2. L-impatt tal-liġi tal-UE
fuq ftehimiet bilaterali nazzjonali Is-Sentenza Gottardo Il-ftehimiet bilaterali nazzjonali, bħal
kwalunkwe tip ieħor ta' liġi ta' Stat Membru, huma soġġetti
għas-supremazija tal-liġi tal-UE. Dan kien ċar fil-qasam
tas-sigurtà soċjali fl-2002 meta l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni
Ewropea, tenniet, li skont l-Artikolu 39 KE (issa l-Artikolu 45
TFEU), li l-Istati Membri jistgħu ma jillimitawx l-applikazzjoni
tal-ftehimiet tas-sigurtà soċjali li ntlaħqu ma' pajjiżi terzi
għaċ-ċittadini tagħhom stess u għandhom jittrattaw
liċ-ċittadini l-oħrajn tal-UE bl-istess mod skont it-termini
tal-ftehim[3].
Ir-riżultat ta' din is-sentenza, magħruf bħala s-sentenza Gottardo,
ifisser li l-Istati Membri tal-UE li joperaw ftehimiet skont in-nazzjonalità,
għandhom bżonn jaġġustaw l-applikazzjoni tal-ftehimiet
tagħhom ma' pajjiżi terzi sabiex jiżguraw li
ċ-ċittadini ta' Stati Membri oħra jkunu jistgħu
jibbenefikaw fl-istess mod[4]. Regolament Nru 1231/2010 Ir-regoli tal-kordinazzjoni tas-sigurtà
soċjali tal-UE jolqtu wkoll l-abilità tal-Istati Membri li japplikaw
regoli li jkunu stabbilixxew fi ftehimiet bilaterali. Ir-regoli tal-UE, li
jinsabu fir-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 u (KE) Nru 987/2009 dwar
il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali, fihom sistema ta'
kordinazzjoni għall-persuni li jiċċaqalqu fi ħdan l-UE.
Ir-regoli ġew estiżi fl-2003 sabiex ikunu jkopru ċ-ċittadini
ta' pajjiżi terzi kollha li huma legalment residenti fl-UE u
"f’sitwazzjoni li mhix konfinata fl-aspetti kollha ġewwa Stat Membru
wieħed". Ir-regolament fis-seħħ huwa r-Regolament (UE)
Nru 1231/2010[5].
Huwa infatti "pont" li jippermetti lill-persuni kollha li huma
legalment residenti f'pajjiż wieħed tal-UE, iżda li jkollhom xi
tip ta' element transkonfinali, jibbenefikaw minn regoli ta' kordinazzjoni
tal-UE. Dan ikopri kwistjonijiet prattiċi bħal pereżempju li
wieħed igawdi mill-istess drittijiet bħal dawk
taċ-ċittadini tal-UE sabiex jirċievi l-kura medika kollha li
tkun meħtieġa matul waqfa temporanja fi Stat Membru ieħor (liema
intitolament huwa evidenzjat bil-Karta tal-Assikurazzjoni tas-Saħħa
tal-Unjoni Ewropea)[6]. L-eżistenza tar-Regolament (UE) Nru 1231/2010
tagħti lill-UE l-kompetenza esklussiva fir-rigward tad-drittijiet
tal-kordinazzjoni tas-sigurtà soċjali ta' ċittadini minn pajjiżi
terzi li jinsabu f'sitwazzjoni transkonfinali fi ħdan l-UE.
F'każijiet ta' kunflitt, ir-Regolamenti UE jkollhom prijorità fuq regoli
nazzjonali fil-ftehimiet bilaterali ma' pajjiżi terzi. Fejn,
pereżempju, ċittadin ta' pajjiż terz jintbagħat fi Stat
tal-UE skont it-termini tal-ftehim bilaterali ma' pajjiż terz u
mbagħad imur f'pajjiż jaħdem fi Stat Membru ieħor, jibda japplika
r-Regolament (UE) Nru 1231/2010. Barra minn hekk, meta ċittadin ta'
pajjiż terz ikun jaħdem f'żewġ Stati Membri jew aktar
għal impjegatur stabbilit barra mill-UE, ikunu japplikaw ir-regoli tal-UE
dwar il-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali applikabbli[7]. 1.3. Sfidi u kwistjonijiet
prattiċi komuni. L-Istati Membri għandhom, skont
"l-obbligu ta' koperazzjoni leali" fl-Artikolu 4(3) TUE u skont
l-Artikolu 351 TFUE jieħdu l-passi xierqa sabiex jeliminaw
l-inkompatibilitajiet bejn il-ftehimiet li jkollhom ma' pajjiżi terzi u
l-obbligi tagħhom skont il-liġi tal-UE. Fir-rigward tal-impatt
tas-sentenza Gottardo u r-Regolament (UE) Nru 1231/2010 dwar
il-ftehimiet bilaterali, jeħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw
koperazzjoni min-naħa tal-pajjiż terz ikkonċernat sabiex
jiżguraw li l-obbligi tal-UE jiġu ssodisfati. Dan iwassal għal
numru ta' sfidi komuni. Sabiex ikun konformi mas-sentenza Gottardo,
il-ftehim bilaterali jeħtieġ li jkun applikat skont il-prinċipju
tal-UE tan-nondiskriminazzjoni. Dan jista' jinvolvi n-negozjazzjoni
mill-ġdid tal-ftehim, jew sempliċiment li jinkiseb kunsens
għall-inklużjoni ta' klawżola ta' nondiskriminazzjoni
fil-ftehim. F'termini prattiċi, l-Istati Membri jista' jkollhom bżonn
jiksbu dokumentazzjoni tas-sigurtà soċjali minn pajjiżi terzi
għaċ-ċittadini tal-Istati Membri għajr dak tagħhom
stess. Dan spiss joħloq diffikultajiet amministrattivi u legali. Tibqa'
l-problema fundamentali li, filwaqt li l-Istat Membru tal-UE huwa obbligat
jikkonforma mal-liġi tal-UE, il-pajjiż terz ġeneralemtn ma jkunx
marbut li jikkopera fuq dawn il-kwistjonijiet. Li jiġi żgurat li l-mod kif
il-ftehimiet bilaterali jiġu applikati jkun kompatibbli mar-Regolament
(UE) Nru 1231/2010 iqajjem kwistjonijiet simili. Huwa bżonn li
jiġi spjegat lill-pajjiżi terzi li, f'ċerti ċirkostanzi,
il-ftehimiet bilaterali ma jistgħux jiġu applikati għaliex
il-liġi tal-UE tiġi qabel. Din hija problema għall-Istati Membri
kollha, iżda bħalissa mhemm l-ebda mekkaniżmu komuni għall-Istati
Membri biex jittrattawha. Soluzzjoni sempliċi waħda li hija possibbli
hi dik li tiġi inkluża klawżola fil-ftehimiet kollha sabiex,
f'każijiet ta' kunflitt, il-liġi tal-UE jkollha l-preċedenza fuq
it-termini tal-ftehim. F'termini ta' tħassib sostantiv komuni
għall-Istati Membri, wieħed minn dawn it-tħassib huwa dwar kif
tirreżisti l-pressjoni biex jintlaħaq ftehim dwar perjodi twal ta'
stazzjonament, li għandhom l-effett li lill-ħaddiema mill-pajjiż
terzi jeżentawhom milli jikkontribwixxu fis-sistema tas-sigurtà soċjali
tal-Istat Membru. Fl-UE, il-perjodu massimu li għalih ħaddiem jista'
jibqa' assigurat fl-Istat Membru tal-oriġini huwa ta' sentejn[8]. Madankollu, ħaddiema
stazzjonati ġewwa l-UE minn pajjiżi terzi jistgħu jibqgħu
assigurati fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom għal perjodi
ħafna itwal, u din l-eżenzjoni mill-affiljazzjoni fi ħdan l-UE
hija spiss punt sensittiv fil-konklużjoni ta' ftehimiet bilaterali. Fl-aħħar nett, il-kisba ta' dejta
minn pajjiż terz hija tħassib ewlieni għall-maġġoranza
tal-Istati Membri biex jieħdu azzjoni fil-ġlieda kontra l-frodi.
Fir-regoli tal-kordinazzjoni tas-sigurtà soċjali tal-UE hemm
dispożizzjonijiet legali li jippermettu li Stat Membru jitlob verifika
tal-informazzjoni mill-Istat Membru fejn il-benefiċjarju jkun qed
joqgħod[9].
Dan jippermetti lill-istuzzjonijiet tal-ħlas jiżguraw,
pereżempju, li l-benefiċjarju ta' pensjoni għadu ħaj jew li
persuna għadha tissodisfa l-kundizzjonijiet biex tirċievi pensjoni
ta' invalidità. Mhumiex ħafna dawk il-ftehimiet bilaterali li għandhom
dan it-tip ta' mekkaniżmu ta' verifika. Bosta Stati Membri jilqgħu
sew l-introduzzjoni ta' approċċ effiċjenti fil-ġlieda
kontra l-frodi. 1.4. Insaħħu
l-koperazzjoni fil-kordinazzjoni tas-sigurtà soċjali ma' pajjiżi
terzi. –
Fid-dawl tal-isfidi u l-kwistjonijiet prattiċi
msemmija hawn fuq, huwa ċar li koperazzjoni aħjar bejn l-Istati
Membri fuq il-kordinazzjoni tas-sigurtà soċjali ma' pajjiżi terzi
hija ta' vantaġġ minn ħafna lati. Jekk l-Istati Membri
jikkoperaw u, fejn xieraq, jaħdmu flimkien, dawn se jgawdu minn pożizzjoni
aktar soda fin-negozjar vis-à-vis il-pajjiżi terzi, se jkunu
f'pożizzjoni aħjar biex isolvu problemi komuni u jiżguraw
flimkien li l-mod kif japplikaw il-ftehimiet bilaterali jkun konformi
mal-liġi tal-UE. F'termini ġenerali, aktar koperazzjoni għandha
twassal għal approċċ ġenerali aktar koerenti min-naħa
tal-pajjiżi tal-UE. –
F'dan is-sens, jinħtieġ mekkaniżmu
fil-livell tal-UE biex tissaħħaħ il-koperazzjoni bejn l-Istati
Membri. B'kunsiderazzjoni ta' dan, il-Kummissjoni se tagħti
l-appoġġ tagħha għal grupp ta' ħidma magħmul minn
esperti u orjentat lejn ir-riżultat mill-Istati Membri —laqgħa
annwali — sabiex tiffaċilita t-tali koperazzjoni. Il-grupp ta' ħidma
se jagħti l-opportunità għall-Kummissjoni li taqsam l-informazzjoni
dwar l-istat tan-negozjati tal-ftehimiet tal-UE ma' pajjiżi terzi.
Il-mekkaniżmu l-ġdid se jiżgura wkoll l-kumplimentarjetà bejn
l-approċċ bilaterali nazzjonali u l-iżvilupp ta'
approċċ tal-UE għall-kordinazzjoni tas-sigurtà soċjali ma'
pajjiżi terzi. 2. l-iżvilupp ta' approċċ
komuni tal-UE 2.1. Ir-Regolament(UE) Nru 1231/10 Ir-Regolament (UE) 1231/10 japplika
r-regolamenti tal-kordinazzjoni tas-sigurtà soċjali tal-UE għal
ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu residenti b'mod legali li
jinsabu "f’sitwazzjoni li fl-aspetti kollha tagħha ma tkunx limitata
għal Stat Membru wieħed". Effett wieħed tar-Regolament hu
li ċ-ċittadini fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tiegħu
jistgħu jgawdu mill-prinċipju ta' trattament indaqs li jinsab
fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004. Dan ifisser li
kwalunkwe ċittadin ta' pajjiż terz f'sitwazzjoni transkonfinali li
jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1231/2010, li
huwa intitolat għall-pensjoni tal-età avvanzata minn stat tal-UE, se
jgawdu minn trattament indaqs maċ-ċittadini tal-istat li jħallas
fir-rigward tal-ħlas tal-pensjoni barra l-UE[10]. Il-Kummissjoni temmen li hemm bżonn li
l-prinċipju ta' trattament indaqs jiġu infurzat effettivament f'dak
li għandu x'jaqsam mal-ħlas tal-pensjonijiet f'pajjiż terz. Dan
huwa aktar u aktar importanti fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea
tad-Drittijiet tal-Bniedem, sal-punt li d-dritt għal pensjoni bbażata
fuq l-impjieg jista' f'ċerti ċirkostanzi jiġi assimilat
għal dritt tal-proprjetà mħares mill-Konvenzjoni Ewropea dwar
id-Drittijiet tal-Bniedem[11].
Għal dan il-għan, il-Kummissjoni se tuża n-netwerk tagħha
ta' esperti nazzjonali tas-sigurtà soċjali biex tiġbor informazzjoni
dwar il-leġiżlazzjoni u miżuri oħra fil-livell nazzjonali
dwar il-ħlas tal-pensjonijiet f'pajjiżi terzi. Din l-informazzjoni se
tiddaħħal fil-profili tas-sigurtà soċjali speċifiċi
għall-pajjiżi fis-sit tal-Kummissjoni, u se tiġi supplimentata
b'informazzjoni dwar il-ftehimiet bilaterali tal-Istati Membri ma' pajjiżi
terzi, għal darb'oħra bl-użu tal-informazzjoni pprovduta
mill-esperti nazzjonali tas-sigurtà soċjali. 2.2. Id-drittijiet mogħtija
bl-istrumenti tal-emigrazzjoni tal-UE Ir-regoli tal-emigrazzjoni tal-UE imponew
standards li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tas-sigurtà soċjali
għandha tissodisfa fil-każ ta' ċittadini ta' pajjiż terz li
joqogħdu fi Stat Membru. Pereżempju, wara residenza legali ta'
ħames snin fi Stat Membru tal-UE, u bil-preżunzjoni li ċerti
kundizzjonijiet ġew sodisfatti, iċ-ċittadini ta' pajjiżi
terzi jiksbu l-istess drittijiet taċ-ċittadini fir-rigward
tas-sigurtà soċjali, l-assistenza soċjali u l-ħarsien
soċjali kif definit bil-liġi nazzjonali[12]. Barra minn hekk, hemm tliet
direttivi tal-UE dwar l-emigrazzjoni, l-hekk imsejħa Direttiva
tal-"Permess Waħdieni"[13],
l-hekk imsejħa Direttiva tal-"Karta l-Blu"[14] u Direttiva li tittratta r-riċerkaturi
ta' pajjiż terz[15],
li jiggarantixxu liċ-ċittadini ta' pajjiż terz li jidħlu
fl-Istati Membri – soġġetti għal ċerti
eċċezzjonijiet limitati – trattament indaqs fis-sigurtà soċjali
ma' ċittadini tal-istat fejn dawn ikunu joqogħdu. Din il-garanzija
tinkludi trattament indaqs fir-rigward tat-trasferiment tal-pensjonijiet
tal-istat tagħhom għal pajjiż terz u mhix dipendenti fuq
l-eżistenza ta' ftehimiet bilaterali[16].
Il-proposti tal-Kummissjoni għal direttivi tal-emigrazzjoni tal-UE fihom
klawsoli simili dwar it-trattament indaqs[17]. 2.3. Ftehimiet ta'
Assoċjazzjoni u Ftehimiet ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni Ġeneralment,
il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni (inklużi l-Ftehimiet ta'
Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni li ġew konklużi
mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent) fihom numru ta' prinċipji li
għandhom jirregolaw il-kordinazzjoni tar-regoli tas-sigurtà soċjali
għall-ħaddiema u l-familji tagħhom, li jiċċaqalqu minn
pajjiż tal-UE u l-pajjiż assoċjat. Barra minn hekk, il-Kunsilli
ta' Assoċjazzjoni li twaqqfu b'dawn il-Ftehimiet jingħataw il-kompitu
li jadottaw dispożizzjonijiet biex jimplimentaw dawn il-prinċipji. Fl-Ottubru
tal-2010, il-Kunsill għamel l-ewwel pass f'dan il-proċess billi
ddeċieda dwar il-pożizzjoni li l-UE għandha tieħu fi
ħdan il-Kunsilli ta' Assoċjazzjoni li twaqqfu permezz tal-Ftehimiet
mal-Alġerija, il-Marokk, it-Tuneżija, Iżrael, il-Kroazja u Dik
li Kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja dwar l-adozzjoni
min-naħa ta' dawk il-Kunsilli tad-deċiżjonijiet rigward
il-kordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali[18]. Il-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta'
Assoċjazzjoni għandhom ikopru dawn id-drittijiet li ġejjin
għall-ħaddiema impjegati legalment: trattament indaqs
mal-ħaddiema fl-istat ospitanti; esportazzjoni tal-ammont sħiħ
tal-pensjonijiet tal-età avvanzata, tas-sopravissuti u tal-invalidità
fir-rigward ta' aċċidenti fuq ix-xogħol u mard okkupazzjonali 'l
barra mit-territorju tal-pajjiż li jħallas; u trattament indaqs
għall-membri tal-familja residenti legalment. Id-drittijiet għandhom
ikunu reċiproċi — il-ħaddiema tal-UE jgawdu mill-istess
drittijiet fil-pajjiżi assoċjati u meta jerġgħu lura fl-UE.
Li wieħed igawdi minn dawn id-drittijiet ma għandux jiddependi
mill-moviment intern fi ħdan l-UE. Dawn id-deċiżjonijiet
għandhom jipprovdu wkoll qafas reċiproku ta' koperazzjoni u
mekkaniżmi ta' verifika biex jiġġieldu kontra l-frodi.
Id-dispożizzjonijiet ta' ftehimiet bilaterali li ġew konklużi
bejn pajjiżi assoċjati u Stati Membri individwali, li jipprevedu
t-trattament aktar favorevoli taċ-ċittadini ta' pajjiżi
assoċjati jew Stati Membri, se jibqgħu japplikaw (b'kunsiderazzjoni,
skont il-każ, tal-ġurisprudenza Gottardo tal-Qorti msemmija
hawn fuq). Ladarba d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill
ta' Assoċjazzjoni jiġu adottati, l-approċċ komuni tal-UE
għall-kordinazzjoni tas-sigurtà soċjali se jiġi implimentat
effettivament, b'effett dirett fil-liġi nazzjonali. Bħala
kontinwazzjoni ta' dan, il-Kummissjoni se tipproponi ċerti
arranġamenti amministrattivi prattiċi mhux ta' natura
leġiżlattiva biex tiffaċilita l-applikazzjoni ta' dawn
id-Deċiżjonijiet ta' Assoċjazzjoni. Il-Kummissjoni se tgħin
lill-Istati Membri japplikaw dawn id-Deċiżjonijiet: hija se
torganizza laqgħat annwali biex tiddiskuti l-arranġamenti ta'
kordinazzjoni mal-pajjiżi assoċjati u biex tiffaċilita
l-koperazzjoni b'mod ġenerali; se timmonitorja mill-qrib il-mod kif
l-Istati Membri jkunu qed japplikaw id-Deċiżjonijiet. Fl-aħħar nett, l-ebda diskussjoni
ta' ftehimiet ta' assoċjazzjoni tal-UE u ta' kordinazzjoni tas-sigurtà
soċjali ma jkunu kompluti mingħajr aċċenn għall-Ftehim
ta' Assoċjazzjoni mat-Turkija, u b'mod partikolari l-Protokoll
Addizzjonali tal-1970[19]
ta' ma dak il-Ftehim, li bħala għan li għandu jintlaħaq fi
stadji progressivi, il-moviment ħieles tal-ħaddiema bejn it-Turkija u
l-UE. F'dan il-kuntest, l-Artikolu 39 tal-Protokoll Addizzjonali
jirrikjedi li l-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jadotta miżuri ta' sigurtà
soċjali għall-ħaddiema Torok li jiċċaqalqu ġewwa
l-UE. Din id-dispożizzjoni twettqet bid-Deċiżjoni tal-Kunsill
ta' Assoċjazzjoni Nru 3/80[20].
Għalkemm il-miżuri ta' implimentazzjoni meħtieġa għal
din id-deċiżjoni qatt ma ġew adottati, il-Qorti
tal-Ġustizzja sostniet li l-prinċipju ta' trattament indaqs u
l-klawżola tal-esportazzjoni tal-pensjoni fid-Deċiżjoni
Nru 3/80 huma direttament applikabbli[21].
Għaldaqstant, permezz tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja,
diġà hemm fis-seħħ ċertu approċċ komuni tal-UE
għall-kordinazzjoni tas-sigurtà soċjali għall-ħaddiema
Torok tal-UE. 2.4. L-Użu tal-ftehimiet ta'
assoċjazzjoni biex jiġi żviluppat aktar approċċ komuni
tal-UE. L-UE u l-Istati Membri tagħha ma ntrabtux
biss b'obbligi tal-kordinazzjoni tas-sigurtà soċjali fir-rigward
tat-Turkija, iżda wkoll fi ftehimiet mal-Albanija, il-Montenegro u San
Marino. L-implimentazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet għadha
pendenti. Il-Kummissjoni temmen li l-obbligi legali stipulati f'dawn
il-ftehimiet għandhom jiġu osservati, u għalhekk se tkun qed
tipproponi t-tieni pakkett ta' deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar
il-pożizzjoni li l-UE għandha tieħu fi ħdan il-Kunsilli ta'
Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, Assoċjazzjoni u Koperazzjoni
fir-rigward tal-kordinazzjoni tas-sistema tas-sigurtà soċjali ma' dawn
il-pajjiżi. Għat-Turkija, b'mod partikolari,
il-Kummissjoni temmen li jridu jsir passi biex id-Deċiżjoni tal-Kunsill
ta' Assoċjazzjoni Nru 3/80[22]
tiġi sostitwita u aġġornata. Dan huwa aktar u aktar
meħtieġ fid-dawl tas-sentenza riċenti tal-Qorti
tal-Ġustizza fil-każ C-485/07, Akdas. Il-proposta l-ġdida
tal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-aspetti tas-sigurtà soċjali
tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni se, pereżempju, jikkunsidraw
il-prinċipju tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 li
"benefiċċji speċjali mhux kontributorji fi flus"
mhumiex esportabbli. Fir-rigward tan-negozjazzjoni ta' Ftehimiet
ta' Assoċjazzjoni ġodda ma' pajjiżi terzi, il-Kummissjoni se
tfittex li tinkludi klawsola standard ta' kordinazzjoni tas-sigurtà
soċjali, imsejsa fuq il-prinċipji ta' trattament indaqsx,
esportazzjoni tal-pensjonijiet u koperazzjoni amministrattiva. 2.5. Ftehimiet ġodda
tas-sigurtà soċjali tal-UE .Sabiex tikkunsidra l-ħtiġijiet ta'
suq tax-xogħol globalizzat, il-Kummissjoni se tiftaħ dibatittu
fil-Kummissjoni Amministrattiva għall-Kordinazzjoni tas-Sistemi
tas-Sigurtà Soċjali sabiex tikkunsidra jekk, f'ċerti ċirkostanzi,
l-Istati Membri jkollhomx bżonn jaħdmu flimkien fuq il-kordinazzjoni
tas-sigurtà soċjali fir-rigward tal-pajjiż terz li jkun Din
il-ħtieġa tista' tiġi indirizzata permezz ta' strument ġdid
— ftehim tas-sigurtà soċjali tal-UE. Dawn il-ftehimiet se jippermettu
approċċ għall-kordinazzjoni tas-sigurtà soċjali aktar
flessibbli minn dak li hu possibbli taħt ftehimiet ta' assoċjazzjoni
u jistgħu jiġu konklużi ma' pajjiżi terzi ma' liema ma jkun
hemm l-ebda ftehim ta' assoċjazzjoni jew koperazzjoni. Jista' jsir ftehim
tal-UE xħin u meta jkun hemm bżonn — pereżempju, biex jiġu
trattati d-diffikultajiet li jirriżultaw ma' pajjiż terz partikolari
mill-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1231/2010 jew jiġu
indirizzati kwistjonijiet marbuta mal-kontribuzzjonijiet doppji tas-sigurtà
soċjali. Ftehimiet bħal dawn se joffru l-possibilità li jiġu
integrati partikolaritajiet bilaterali possibbli bejn Stat Membru u
l-pajjiż terz ikkonċernat u l-applikazzjoni tagħhom tista' tkun
volontarja għall-Istati Membri. Il-Kummissjoni tbassar li jsiru tali ftehimiet
magħmulin apposta ma' wħud mill-imsieħba strateġiċi
tal-UE, b'mod partikolari ma' dawk li hemm movimenti sinifkanti ta'
ħaddiema. Jista' jiġi kkunsidrat ukoll ftehim mal-pajjiżi ta'
organizzazzjoni ta' integrazzjoni reġjonali. L-għan ġenerali ta'
dawn il-ftehimiet se jkun wieħed li jippromwovi approċċ koerenti
tal-UE vis-à-vis il-pajjiż terz ikkonċernat. 2.6. Insaħħu l-profil
estern tal-UE dwar is-sigurtà soċjali. Finalment, hekk kif enfasizzat sew
l-Istrateġija Ewropa 2020, huwa essenzjali għall-UE li
tħares 'il barra u tipparteċipa f'diskussjonijiet u azzjonijiet
ewlenin dwar il-kwistjonijiet regolatorji fuq livell globali. Hekk kif kulma
jmur l-istati jaħdmu aktar ma' xulxin fuq kwistjonijiet ta' sigurtà
soċjali transkonfinali, l-UE għandha tieħu rwol ewlieni,
minħabba l-esperjenza fit-tul li għandha fil-kordinazzjoni
tas-sigurtà soċjali. Din għandha tinkludi l-koperazzjoni ma
organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn, bħall-ILO. Il-Konferenza
Internazzjonali tax-Xogħol fl-2011 sejħet lill-istati Membri tal-ILO
biex jikkunsidraw il-konklużjoni tal-ftehimiet biex jipprovdu trattament
indaqs, kif ukoll l-aċċess għall-preservazzjoni u/jew
il-portabilità tal-intitolamenti tas-sigurtà soċjali
għall-ħaddiema emigranti. L-importanza tat-taħdit dwar
il-ħarsien soċjali u l-kordinazzjoni tas-sigurtà soċjali ma'
reġjuni oħra tad-dinja, qiegħda kulma jmur tiżdied.
Għaldaqstant, il-Kummissjoni se tippromwovi l-koperazzjoni
fil-kordinazzjoni tas-sigurtà soċjali ma' organizzazzjonijiet
internazzjonali oħrajn u ma' naħat oħra tad-dinja. [1] Attwalment ir-regoli jinsabu fir-Regolament (KE)
Nru 883/2004 dwar il-kordinazzjoni ta' sistemi ta' sigurtà soċjali u
r-Regolament ta' implimentazzjoni (KE) Nru 987/2009, ĠU L 166,
30.5.2004, p. 1 tiegħu; ĠU L284, 30.10.2009, p. 1. [2] Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea
daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1994 (iżda
għal-Liechtenstein beda japplika biss fl-1 ta' Mejju 1995),
ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3. Il-Ftehim UE-Svizzera daħal
fis-seħħ fl-1 ta' Ġunju 2002, ĠU L 114,
30.4.2002, p. 1. [3] Każ C-55/00. [4] Ir-rakkomandazzjoni Nru P1 tat-12 ta'
Ġunju 2009 tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Kordinament
tas-sistemi tas-Sigurtà Soċjali, ĠU C106, 24.4.2010, P. 47. [5] ĠU L 344, 29.12.2010, p. 1. Madankollu,
ir-Renju Unit jibqa' kemm marbut bl-applikazzjoni tar-Regolament
preċedenti (KE) Nru 859/2003, kif ukoll suġġett
għaliha. Id-Danimarka mhix marbuta bl-applikazzjoni tar-Regolament (UE)
Nru 1231/2010 u r-Regolament (KE) Nru 859/2003 u lanqas mhi soġġetta
għaliha. L-Istati taż-ŻEE u l-Isvizzera ma japplikaw l-ebda
Regolament minn dawk. [6] Artikolu 19 tar-Regolament (KE)
Nru 883/2004. [7] Ara, pereżempju,
l-Artikolu 14(11) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009. [8] Artikolu 12 tar-Regolament
(KE) Nru 883/2004. [9] Artikolu 5(3) tar-Regolament
(KE) Nru 987/2009. [10] Ara l-Premessa 13 tar-Regolament
(UE) Nru 1231/2010. [11] KEDB, Klein v Austria (Nru
tal-app 57028/00), it-3 ta' Marzu 2011. [12] Artikolu 11 tad-Direttiva
tal-Kunsill 2003/109/KE dwar l-istatus ta' ċittadini ta' pajjiżi
terzi li jkunu residenti għat-tul ĠU L 16, 23.1.2004,
p. 44. [13] Direttiva tal-Parlament Ewropew u
tal-Kunsill 2011/98/UE dwar proċedura ta’ applikazzjoni unika għal
permess uniku għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi sabiex jirrisjedu
u jaħdmu fit-territorju ta’ Stat Membru u dwar ġabra komuni ta’
drittijiet għal ħaddiema ta’ pajjiżi terzi residenti legalment
fi Stat Membru ĠU L 343, 23.12.2011, p. 1. [14] Direttiva tal-Kunsill 2009/50/KE dwar
il-kondizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini ta’
pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ impjieg bi kwalifiki għoljin,
ĠU L 155, 18.6.2009, p. 17. [15] Direttiva tal-Kunsill 2005/71/EC dwar
proċedura speċifika għall-ammissjoni ta' ċittadini ta'
pajjiżi terzi għall-finijiet ta' riċerka xjentifika, ĠU
L 289, 12.10.05, p. 15. [16] Dan id-dritt huwa mogħti espliċitament
permezz tal-Artikolu 14(1)(f) tad-Direttiva 2009/50/KE, iżda
għandu jiġi inferit mit-termini tal-Artikolu 12(c) tad-Direttiva
2005/71/KE. [17] Proposta għal Direttiva
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kondizzjonijiet ta' dħul u
residenza ta' ċittadini ta' pajjiż terz għal skopijiet ta'
impjieg staġonali, COM(2010) 379 finali; Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar
il-kondizzjonijiet ta' dħul u residenza ta' ċittadini ta' pajjiż
terz fil-qafas ta' impjegat rasferit bejn il-kumpaniji, COM(2010) 378 finali; [18] ĠU L 306, 23.11.2010. [19] Il-Protokoll Addizzjonali ta' 23.11.1970 għall-Ftehim
li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-KEE u t-Turkija, ĠU
L 293, 29.12.1972, p. 3. [20] Deċiżjoni 3/80 tal-Kunsill ta’
Assoċjazzjoni tad-19 ta’ Settembru 1980, dwar
l-applikazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali tal-Istati Membri
tal-Komunitajiet Ewropej għall-ħaddiema Torok u għall-membri
tal-familja tagħhom (ĠU C110, 25.4.1983, p. 60), [21] Każ C-262/96, Sürül; Każ C-485/07, Akdas;
ara wkoll is-sentenzi fil-Każ C-18/90, Kziber; C-103/94, Krid,
dwar il-klawżola ta' trattament ugwali fil-ftehimiet ta' koperazzjoni
mal-pajjiżi tal-Maghreb, li issa ġew sostitwiti mill-Ftehimiet ta'
Assoċjazzjoni. [22] Il-Kummissjoni se tirtira il-proposta preċedenti
tagħha li timplimenta d-Deċiżjoni tal-Kunsill ta'
Assoċjazzjoni Nru 3/80 (COM(83) 13).