KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW Il-Ġlieda kontra l-Kriminalità f'din l-Era Diġitali: Il-Ħolqien ta' Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità /* COM/2012/0140 final */
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW Il-Ġlieda kontra l-Kriminalità f'din
l-Era Diġitali: Il-Ħolqien ta' Ċentru Ewropew
taċ-Ċiberkriminalità 1. INTRODUZZJONI:
IT-TWEĠIBA EWROPEA GĦALL-KRIMINALITÀ MINGĦAJR FRUNTIERI L-Internet sar parti integrali u
indispensabbli mis-soċjetà u l-ekonomija tagħna. Tmenin fil-mija
taż-żgħażagħ Ewropej jikkonnettjaw ma' xulxin u
mad-dinja permezz ta' netwerks soċjali onlajn[1], u kull sena madwar
USD 8 triljuni jgħaddu minn id għal oħra f'kummerċ
elettroniku globali[2].
Iżda hekk kif kemm il-ħajja tagħna ta' kuljum, u kif ukoll
it-tranżazzjonijiet kummerċjali tagħna aktar u aktar
qegħdin iseħħu onlajn, l-attività kriminali wkoll qiegħda
tixxeblek mal-internet – fil-fatt, aktar minn miljun ruħ madwar id-dinja
qegħdin jisfaw vittmi taċ-ċiberkriminalità kuljum[3]. L-attività kriminali onlajn
tvarja mill-bejgħ tal-karti tal-kreditu misruqa għal prezzijiet li
jistgħu jkunu mhux aktar minn euro, serq ta' identità u abbuż
sesswali fuq it-tfal, għal attakki ċibernetiċi serji fuq
istituzzjonijiet u infrastruttura. Il-kost totali taċ-ċiberkriminalità
għas-soċjetà huwa wieħed sinifikanti. Rapport reċenti
iġib l-argument li, fuq bażi globali, l-vittmi jitilfu madwar
USD 388 biljun kull sena b'riżultat taċ-ċiberkriminalità.
Dan ifisser li din it-tip ta' kriminalità trendi aktar mill-kummerċ
globali tal-mariħwana, kokaina u l-eroina flimkien[4]. Għalkemm informazzjoni
bħal din għandha tiġi trattata b'attenzjoni, għaliex
definizzjonijiet differenti ta' x'jikkostitwixxi ċiberkriminalità
jistgħu jwasslu għal stimi differenti tal-kosti. Madanakollu jidher
li hemm ftehim li ċ-ċiberkiriminalità hija sura ta' attività
kriminali b'riskju baxx, li qiegħda ssir aktar komuni u akar dannuża.
Fi żmien meta l-indukrar tat-tkabbir ekonomiku huwa fundamentali,
it-tisħiħ tal-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità ser
ikun essenzjali sabiex iċ-ċittadini u n-negozji ma jitilfux
il-fiduċja tagħhom fil-possibbiltà ta' komunikazzjoni u kummerċ
sikuri onlajn. Dan ser jgħin ukoll fl-ilħuq tal-miri tat-tkabbir li
ġew stabbiliti fl-istrateġija Ewropa 2020[5] u fl-Aġenda Diġitali
għall-Ewropa[6]. Il-libertà tal-Internet hija fattur
wieħed li jispjega r-rivoluzzjoni diġitali ta' dawn l-aħħar
snin. L-Internet miftuħ li nużaw ma jaf la bi fruntieri nazzjonali u
lanqas bi struttura ta' governanza globali waħda. Iżda filwaqt li
nippromwovu u nipproteġu din il-libertà onlajn f'konformità mal-Karta
tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, aħna għandna wkoll inħabirku
biex inħarsu liċ-ċittadini tagħna minn gruppi ta' kriminalità
organizzata li jippruvaw jisfruttaw dan il-ftuħ. L-ebda reat ma
għandu natura daqstant transkonfinali daqs iċ-ċiberkriminalità,
u dan jirrekjedi li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jadottaw
approċċ koordinat u kollaborattiv lil hinn mill-fruntieri nazzjonali,
flimkien ma' partijiet interessati kemm pubbliċi u kif ukoll privati
bl-istess mod. Huwa hawnhekk li l-UE tista' tkun, u fil-fatt hija, ta' valur
miżjud. L-Unjoni Ewropea żviluppat diversi
inizjattivi għall-indirizzar taċ-ċiberkriminalità. Dawn jinkludu
d-Direttiva tal-2011 dwar il-ġlieda kontra l-isfruttar sesswali onljan
tat-tfal u l-pedopornografija,, u Direttiva dwar l-attakki kontra sistemi ta'
informazzjoni, b'enfasi fuq il-penalizzazzjoni tal-isfruttar ta' għodod taċ-ċiberkriminalità,
speċjalment il-botnets[7],
li għandhom jiġu adottati fl-2012. Il-Europol żied
l-attivitajiet tiegħu kontra ċ-ċiberkriminalità u kellu rwol
ewlieni fl-"Operation Rescue" ta' ftit taż-żmien ilu. F'din
l-operazzjoni, li kienet waħda mill-akbar investigazzjonijiet ta' dan
it-tip li qatt saret minn aġenziji tal-infurzar tal-liġi madwar
id-dinja, il-pulizija arrestaw 184 persuna suspettati bi ksur marbuta
mal-abbuż tat-tfal u identifikat aktar minn 200 tifel u tifla vittmi ta'
abbuż. Grazzi għall-ħidma tal-analisti tal-Europol biex isibu
mod kif jegħlbu l-karatteristiċi ta' sigurtà ta' server ewlieni
tan-netwerk, inkixfu l-identità u l-attivitajiet ta' persuni suspettati bi
ksur. Il-ġlieda kontra
ċ-ċiberkriminalità, li fil-parti l-kbira tagħha ssir fuq
il-bażi tal-Konvenzjoni dwar iċ-Ċiberkriminalità[8] tal-Kunsill tal-Ewropa,
għadha waħda mill-prijoritajiet ewlenin. Din ġiet identifikata
fiċ-ċiklu tal-politika tal-UE fir-rigward tal-kriminalità organizzata
u serja[9],
u ssawwar parti integrali mill-isforzi li tiġi żviluppata
strateġija globali għat-tisħiħ taċ-ċibersigurtà.
Barra minn hekk, l-UE impenjat ruħha mill-qrib ma' sħab
internazzjonali, pereżempju, permezz tal-grupp ta' ħidma attwali bejn
l-UE u l-Istati Uniti dwar iċ-ċibersigurtà u
ċ-ċiberkriminalità. Minbarra dan il-progress, għad fadal
għadd ta' ostakli sabiex tkun tista' ssir investigazzjoni effikaċji
taċ-ċiberkriminalità u l-prosekuzzjoni ta' awturi ta' reati
fil-livell Ewropew. Dawn jinkludu: fruntieri ġuriżdizzjonali,
kapaċitajiet insuffiċjenti ta' kondiviżjoni ta' intelligence,
diffikultajiet tekniċi fit-traċċar tal-oriġini ta' awturi
ta' ċiberkriminalità, kapaċitajiet investigattivi u forseniċi
inkompatibbli, nuqqas ta' persunal imħarreġ, u kooperazzjoni
inkonsistenti ma' partijiet interessati oħra responsabbli
miċ-ċiberkriminalità. Permezz tal-Istrument għall-Istabbiltà
l-UE qiegħda tindirizza wkoll it-theddid transnazzjonali li qiegħed
jevolvi b'mod rapidu u li huwa marbut maċ-ċiberkriminalità. Dan
qiegħed isir f'pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw jew li jinsabu
fi tranżizzjoni u fejn il-kapaċitajiet għall-ġlieda kontra
din il-forma ta' kriminalità organizzata ta' sikwit ikunu nieqsa. Fi tweġiba għal dawn l-isfidi,
il-Kummissjoni indikat il-ħsieb tagħha li toħloq Ċentru
Ewropew taċ-Ċiberkriminalità bħala prijorità
tal-Istrateġija ta' Sigurtà Interna[10].
Wara li l-Kummissjoni wettqet studju dwar il-fattibbiltà tal-ħolqien ta'
ċentru bħal dan[11],
fuq talba tal-Kunsill[12],
hija qiegħda tipproponi Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità
(EC3) li ser ikun jifforma parti mill-Europol u jaġixxi bħala punt
fokali fil-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità fl-UE. Din
il-Komunikazzjoni, li tiġbed mill-istudju dwar il-fattibbiltà, tagħti
ħarsa ġenerali lejn il-funzjonijiet ewlenin li qed jiġi propost
li jitwettqu miċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità,
tispjega għaliex dan għandu jitqiegħed fi ħdan il-Europol,
u kif jista' jinħoloq. Madanakollu, l-implikazzjoni fuq ir-riżorsi
iridu jiġu vvalutati aktar filwaqt li għandhom jiġu previsti
qabel ma l-EC3 jibda jopera bis-sħiħ. Il-ħolqien ta' dan
iċ-Ċentru ser ikun rifless, kif inhu xieraq, fir-reviżjoni li
dalwaqt ser issir tal-bażi legali tal-Europol. 2. PROPOSTA
GĦALL-ĦOLQIEN TA' ĊENTRU EWROPEW TAĊ-ĊIBERKRIMINALITÀ Sabiex iċ-Ċentru Ewropew
taċ-Ċiberkriminalità (EC3) jkun ta' valur miżjud, filwaqt li
jirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà, qiegħed jiġi propost
li l-EC3 jiffoka fuq l-oqsma ewlenin li ġejjin: (i) Ir-reati ċibernetiċi
mwettqa minn gruppi ta' kriminalità organizzata, partikolarment dawk li
jiġġeneraw profitti kriminali kbar bħall-frodi onlajn; (ii) Ir-reati ċibernetiċi li
jikkaġunaw dannu serju għall-vittmi, bħall-isfruttar sesswali
ta' tfal onlajn; kif ukoll (iii) Ir-reati ċibernetiċi
(fosthom iċ-ċiberattakki) li jolqtu lill-infrastruttura kritika u
s-sistemi ta' informazzjoni tal-Unjoni[13].
Meta titqies in-natura dejjem tevolvi
taċ-ċiberkriminalità, għandu jkun hemm ukoll skop li
tittieħed azzjoni kemm bħala tweġiba għar-rekwiżiti
tal-Istati Membri, u kif ukoll għall-indirizzar tal-emerġenza ta'
theddidiet ta' reati ċibernetiċi ġodda li l-Unjoni tħabbat
wiċċha magħhom. 2.1. Il-funzjonijiet ewlenin li
għandhom jitwettqu miċ-Ċentru Ewropew
taċ-Ċiberkriminalità L-EC3 għandu jkollu erba' funzjonijiet
ewlenin: (a)
Iservi ta' punt fokali għal
informazzjoni dwar iċ-ċiberkriminalità fl-Ewropa Funzjoni li tippermetti l-fużjoni ta'
informazzjoni tiżgura li l-informazzjoni dwar
iċ-ċiberkriminalità tinġabar mill-aktar firxa wiesgħa ta'
għejun pubbliċi, privati u miftuħa, u tarrikkixxi d-dejta li
hija disponibbli għall-pulizija. Gradwalment dan għandu jimla
l-lakuni li jeżistu bħalissa fl-informazzjoni li hija disponibbli
mill-komunitajiet responsbbli mis-sigurtà ċibernetika u
għall-indirizzar taċ-ċiberkriminalità. L-informazzjoni li
tinġabar tkun tikkonċerna attivitajiet, metodi u persuni suspettati
fiċ-ċiberkriminalità. Iċ-ċentru għandu jtejjeb
l-għarfien dwar iċ-ċiberkriminalità u l-prevenzjoni,
l-iżvelar u l-prosekuzzjoni tagħha, u jinkoraġġixxi l-bini
ta' rabtiet bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, il-komunità
tal-Iskwadra ta' Rispons f'Emerġenza relatata mal-Kompjuters (CERT) u
speċjalisti tas-sigurtà tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u
l-Komunikazzjoni (ICT) tas-settur privat. Il-kondiviżjoni ta'
informazzjoni għandha tirrispeta l-ftehimiet ta' kunfidenzjalità u
r-regoli bejn il-partijiet differenti. Il-funzjoni tal-fużjoni tal-informazzjoni
tkun utli għat-titjib tar-rappurtar u l-kondiviżjoni ta'
informazzjoni dwar iċ-ċiberkriminalità. Il-Kummissjoni tixtieq li
l-Istati Membri jintroduċu r-rekwiżit li r-reati serji ta' ċiberkriminalità
jiġu rrappurtati lill-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi[14]. Dan iwassal biex is-servizzi
tal-pulizija nazzjonali jkunu jistgħu jipprovdu informazzjoni dwar reati
ċibernetiċi serji b'aktar konsistenza lill-EC3 li, min-naħa
tiegħu, ikun jista' jxerred din l-informazzjoni sabiex il-kollegi fi Stati
Membri oħrajn jkunu jafu jekk ikunux qed jiġbdu l-istess ħabel u
jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-informazzjoni ta' xulxin
fl-investigazzjonijiet tagħhom. L-għan huwa li, maż-żmien,
titwessa' l-istampa tal-informazzjoni dwar iċ-ċiberkriminalità
fl-Ewropa. B'hekk ikunu jistgħu jitfasslu rapporti strateġiċi
ta' kwalità għolja dwar ix-xejriet u theddidiet, jinkiseb għarfien
abbażi ta' ċifri komprensivi dwar ir-reati u tittejjeb l-intelligence
operazjonali minn bażi ta' informazzjoni li tiġbed minn għadd
differenti ta' għejun. (b)
Jiġbor l-għarfien espert dwar
iċ-ċiberkriminalità fl-Ewropa biex l-Istati Membri jiġu
megħjuna fil-bini ta' kapaċitajiet L-EC3 għandu jassisti lill-Istati Membri
b'għarfien espert u taħriġ li jwassal
għat-trażżin taċ-ċiberkriminalità. L-enfasi ewlenija
hija fuq l-infurzar tal-liġi, iżda għandu jiġi pprovdut
ukoll taħriġ għall-ġudikatura. L-inizjattivi eżistenti
tal-Europol, tas-CEPOL u tal-Istati Membri għandhom jiġu ssimplifikati
permezz ta' analiżi bir-reqqa tal-ħtiġijiet sabiex jiġu
żgurati livelli aħjar ta' koordinazzjoni u kumplimentarjetà. Dan
it-taħriġ għandu jvarja minn għarfien espert fid-dettal
għal bini aktar mifrux ta' kapaċitajiet mill-uffiċjali
tal-pulizija, il-prosekuturi u l-imħallfin biex jindirizzaw in-netwerk
taċ-ċiberkriminalità. Għandu jinħoloq uffiċċju
taċ-ċiberkriminalità fejn ikunu jistgħu jiġu skambjati
l-aħjar prattiki u għarfien, u li jkun jista' jimpenja ruħu u
jwieġeb għall-mistoqsijiet tal-Istati Membri u tal-awtoritajiet
internazzjonali tal-infurzar tal-liġi, tas-settur privat u
tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, pereżempju,
fil-każ ta' ċiberattakki jew suriet ġodda ta' qerq onlajn. Dan għandu jappoġġja
l-attivitajiet ta' gruppi esperti dwar iċ-ċiberkriminalità filwaqt li
jkun attrezzat biex jagħtihom pariri siewja, fosthom lit-Task Force
tal-Unjoni Ewropea dwar iċ-Ċiberkriminalità u lil esperti dwar
il-ġlieda tal-isfruttar sesswali tat-tfal onlajn. Għandu wkoll
jistabbilixxi kooperazzjoni man-netwerk ta' ċentri ta'
eċċellenza taċ-ċiberkriminalità li qegħdin
jiżviluppaw, bħat-2Centre, u l-komunità tar-riċerka. L-EC3 għandu jgħin lill-Istati
Membri fl-isforzi tagħhom li jiżviluppaw u jintroduċi
applikazzjoni ta' rappurtar ta' ċiberkriminalità onlajn, imsejsa fuq
standards miftiehma, biex issir konnessjoni bejn il-flussi ta' rappurtar minn
diversi atturi (kumpaniji, CERTs nazzjonali/governattivi, ċittadini
eċċ) u dawk minn korpi nazzjonali tal-infrurzar tal-liġi u bejn
il-korpi nazzjonali tal-infrurzar tal-liġi u l-EC3. L-EC3 għandu jagħmel użu
mill-aħjar prattiki filwaqt li jiffaċilità l-użu tagħhom
fil-komunità tal-ġustizzja kriminali u fil-qasam tal-infurzar
tal-liġi. L-involviment effettiv tal-ġudikatura fl-indirizzar
taċ-ċiberkriminalità huwa importanti ferm biex tittejjeb
il-prosekuzzjoni ta' ċiberkriminali serji fl-Istati Membri. (c)
Jipprovdi appoġġ
għall-invetigazzjonijiet taċ-ċiberkriminalità fl-Istati Membri L-EC3 għandu jipprovdi appoġġ
operazzjonali għal investigazzjonijiet taċ-ċiberkriminalità,
pereżempju, permezz tal-inkoraġġiment tal-ħolqien ta'
Skawdri tal-Investigazzjonijiet Konġunti u l-iskambju ta' informazzjoni
operazzjonali f'ivestigazzjonijiet miftuħa. Huwa għandu jipprovdi wkoll assistenza
forsenika ta' livell għoli (faċilitajiet, ħżin,
għodod) u għarfien dwar il-kriptaġġ għal
investigazzjonijiet ta' ċiberkriminalità. (d)
Isir il-leħen kollettiv
tal-investigaturi taċ-ċiberkriminalità Ewropej fl-oqsma kollha
tal-infurzar tal-liġi u tal-ġudikatura Maż-żmien, l-EC3 jista' jaġixxi
bħala punt fejn jitlaqqgħu l-investigaturi
taċ-ċiberkriminalità Ewropej, u jipprovdihom b'leħen kollettiv
f'diskussjonijiet mal-industriji tal-ICT u ma' kumpaniji settorjali privati
oħra u kif ukoll mal-komunità tar-riċerka, ma' assoċjazzjonijiet
tal-utenti u ma' organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili dwar l-aħjar
mod biex tingħeleb iċ-ċiberkriminalità u
għall-koordinazzjoni ta' attivitajiet ta' riċerka mmirati. L-EC3 jkun il-punt ta' interkonnessjoni
naturali għall-attivitajiet dwar iċ-ċiberkriminalità tal-Interpol
u ta' unitajiet tal-pulizija internazzjonali oħrajn li jkunu responsabbli
miċ-ċiberkriminalità. Dan jista' jikkoordina wkoll il-kontribut
f'inizjattivi kurrenti dwar il-governenza tal-Internet u tal-grupp ta' esperti
intergovernattiv u miftuħ tan-NU dwar iċ-ċiberkriminalità. L-EC3 għandu wkoll jikkolabora ma'
organizzazzjonijiet bħal INSAFE[15]
fit-twettiq ta' kampanji pubbliċi ta' sensibilizzazzjoni,
l-aġġornament tagħhom fir-rispons għal tibdil
fil-ċiberkriminalità li jiġu identifikati mill-analiżi
taċ-Ċentru bil-għan li tiġi inkoraġġita
mġiba onlajn li tkun prudenti u sikura. 2.2. Lok Kif ħareġ fid-dieher mill-istudju
dwar il-fattibbiltà, iċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità
għandu jkun parti mill-Europol, fi ħdan l-istrutturi eżistenti
tiegħu. Dan iġib miegħu vantaġġi
ċari. Il-Europol għandu rwol rikonoxxut fost l-Istati Membri u
partijiet interessati oħra, fosthom l-Interpol u awtoritajiet
internazzjonali tal-infurzar tal-liġi, u diġà għandu mandat li
jittratta każi ta' kriminalità marbuta mal-kompjuters[16]. Id-dmir ewlieni tal-Europol
huwa li jgħin għall-kisba ta' Ewropa aktar sikura
għall-benefiċċju taċ-ċittadini kollha, billi
jingħata appoġġ lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi
permezz tal-iskambju u l-analiżi ta' intelligence kriminali. 2.3. L-implikazzjonijiet tal-EC3
fuq ir-riżorsi L-istudju dwar il-fattibbiltà eżamina
implikazzjonijiet differenti fuq ir-riżorsi. Dawn ser ikollhom jiġu
vvalutati ulterjorment[17],
prinċipalment fid-dawl ta' kompiti oħra li jistgħu jitwettqu
mill-Europol fil-ġejjieni u fil-kuntest aktar ġenerali tal-persunal
tal-Aġenziji tal-UE. B'mod partikolari, din il-valutazzjoni ser titwettaq
fil-kuntest tar-reviżjoni tal-bażi legali tal-Europol u
tad-diskussjoni li tinsab għaddejja dwar il-proposta tal-Kummissjoni
għal Fond għas-Sigurtà Interna. Madanakollu, diġà jidher
ċar li ser ikun hemm bżonn ta' ssekondar mill-Istati Membri. Fil-valutazzjoni tal-estimu tar-riżorsi
meħtieġa, il-Kummissjoni ser tkun iggwidata minn tliet
kunsiderazzjonijiet: l-ewwel nett, qiegħda ssir is-suppożizzjoni li
ser ikun hemm żieda moderata fil-każistika totali ta' reati
ċibernetiċi u mhux żieda enormi fil-kriminalità
ċibernetika; it-tieni nett, l-Istati Membri ser isaħħu
l-kapaċità tagħhom fil-ġlieda kontra l-kriminalità
ċibernetika; u, t-tielet nett, l-EC3 ser ikun responsabbli minn sett
partikolari ta' reati ċibernetiċi. 2.4. Governanza Il-fatt li l-EC3 jitpoġġa fi
ħdan il-Europol jagħmilha importanti li tiġi żgurata
l-parteċipazzjoni ta' partijiet interessati ewlenin oħrajn
fid-direzzjoni strateġika taċ-Ċentru. Għaldaqstant,
il-Kummissjoni qiegħda tissuġġerixxi l-ħolqien ta' Bord
tal-Programm tal-EC3 fi ħdan l-istruttura ta' governanza tal-Eurpol, li
jkun ippresedut mill-Kap tal-EC3. Dan l-istrument jagħti l-possibbiltà lil
partijiet interessati oħrajn, bħall-Eurojust, is-CEPOL, l-Istati
Membri, irrapreżentati mit-Task Force tal-UE dwar
iċ-Ċiberkriminalità, l-ENISA u lill-Kummissjoni, li jaqsmu
l-għarfien rispettiv tagħhom mingħajr ma jinħoloq piż
amministrattiv żejjed. Il-Bord jista' jaġixxi bħala xprun
tar-responsabbiltà għat-twettiq tal-attivitajiet kontra
ċ-ċiberkriminalità tal-EC3 u għaldaqstant ikun jiżgura li
dawn jitwettqu fi sħubija, filwaqt li jirrikonoxxi l-għarfien espert
miżjud u jirrispetta l-mandati tal-partijiet interessati kollha. 2.5. Kooperazzjoni ma' atturi
ewlenin L-EC3 għandu jiżgura rispons aktar
koordinat fir-rigward taċ-ċiberkriminalità, mhux biss billi
jippermetti li ssir ħidma konġunta bejn l-aġenziji tal-UE,
iżda wkoll billi jservi ta' punt ta' kuntatt Ewropew wieħed fil-qasam.
(a)
L-Istati Membri L-għan ewlieni huwa li l-Istati Membri
jiġu megħjuna fil-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità.
Il-helpdesk u r-riżultati miksuba mill-EC3 fil-qasam
taċ-ċiberkriminalità, bħal analiżi tat-theddid aktar iffokata
u appoġġ operazzjonali aktar informat ser ikunu ta'
benefiċċju għall-investigaturi madwar l-Ewropa. It-Taskforce
tal-UE taċ-Ċiberkriminalità tkun tiżgura rappreżentanza
aħjar tat-tħassib tal-Istati Membri fuq il-Bord tal-Programm tal-EC3.
Barra minn hekk, l-Istati ser jeħtiġilhom ikomplu jagħmlu
l-investimenti neċessarji fl-istrutturi nazzjonali tagħhom
għall-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità, biex ikun hemm
punti ta' interkonnessjoni għal interazzjoni mal-EC3. (b)
L-aġenziji Ewropej u atturi oħrajn L-aġenziji relevanti, prinċipalment
il-Eurojust, is-CEPOL, l-ENISA u s-CERT-EU, jkunu involuti direttament
fl-attivitajiet tal-EC3 mhux biss permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom
fil-Bord tal-Programm, iżda wkoll permezz ta' kooperazzjoni operazzjonali
kulfejn tkun relevanti u b'kunsiderazzjoni tal-mandati rispettivi tagħhom. (c)
Is-sħab internazzjonali Fl-għan tiegħu li jiżviluppa
bħala punt fokali ta' informazzjoni dwar iċ-ċiberkriminalità,
l-EC3 għandu jsir interlokutur siewi għal sħab internazzjonali
fir-rigward ta' kwistjonijiet ta' ċiberkriminalità. Fi sħab
mal-Interpol u s-sħab strateġiċi tagħna madwar id-dinja,
l-EC3 għandu jfittex li jtejjeb ir-risponsi koordinati fil-ġlieda
kontra ċ-ċiberkriminalità u jiżgura li t-tħassib relatat
mal-infurzar tal-liġi jitqies fl-iżvilupp ulterjuri
taċ-ċiberspazju. (d)
Is-settur privat, il-komunitajiet ta'
riċerka u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili It-trawwim tal-fiduċja u l-kunfidenza
fis-settur privat u fl-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi huwa ta'
importanza kbira fil-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità. Fit-tisħiħ
tal-ħidma tal-Europol ma' sħab eżistenti u dawk ġodda,
l-EC3 għandu jrawwem netwerks u pjattaformi ta' skambju ta' informazzjoni
fdati mal-industrija u ma' atturi oħrajn bħall-komunità tar-riċerka
u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Dawn għandhom
jiffaċilitaw il-kondiviżjoni ta' informazzjoni bejn komunitajiet
differenti dwar firxa sħiħa ta' kwistjonijiet, fosthom it-twissija
bikrija dwar ċiberattakki, u risponsi fi stil kollaborattiv ta' "task
force" għaċ-ċiberattakki u għal suriet oħra ta'
ċiberkriminalità. L-EC3 għandu jikkontribwixxi wkoll
għal sforzi usa' ta' kumpaniji tas-settur privat b'assi diġitali
sostanzjali, bħall-banek u bejjiegħa onlajn, fil-ġlieda kontra
ċ-ċiberkriminalità u għall-ħarsien kontra dan il-fenomenu,
u biex jitnaqqsu l-vulnerabbiltajiet fit-teknoloġiji li qegħdin
jiġu żviluppati. Huwa fl-interess reċiproku
tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u tas-settur privat li jiġi
żviluppat kejl aktar tajjeb tal-istampa taċ-ċiberkriminalità
fil-ħin li sseħħ u kif ukoll biex issir ħidma
għall-iżmantellar ta' netwerks ta' ċiberkriminalità permezz ta’
detezzjoni aħjar ta' modi operandi ġodda u l-arrest rapidu
taċ-ċiberkriminali. 3. PJAN DIREZZJONALI
GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI TAĊ-ĊENTRU EWROPEW
TAĊ-ĊIBERKRIMINALITÀ 3.1. Attivitajiet
sal-aħħar tal-2013 Sabiex tinkiseb il-kapaċità operazzjonali
inizjali l-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Europol, ser tesplora
x'ser ikunu l-ħtiġijiet f'termini ta' riżorsi umani u
finanzjarji sabiex jiġi stabbilit tim ta' implimentazzjoni tal-EC3 sakemm
jintemm il-qafas finanzjarju kurrenti tal-UE. Il-kompiti tat-tim ta'
implimentazzjoni jkunu jinkludu, fost l-oħrajn, l-abbozzar tat-termini ta'
referenza tal-EC3 u l-istruttura organizzazzjonali tiegħu, kif ukoll
l-iżvilupp ta' indikaturi għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni
tiegħu. Ir-rwol u l-funzjonament tal-Bord tal-Programm ser jiġi
ddefinit aktar u ser jintlaħaq ftehim dwaru mal-partijiet interessati
assoċjati. Bil-għan li tiġi stabbilita funzjoni
sħiħa ta' fużjoni tal-informazzjoni, it-tim ta' implimentazzjoni
tal-EC3 għandu joħloq rabtiet mat-tim ta' prekonfigurazzjoni
tas-CERT-UE u wkoll, fejn ikun relevanti, mal-ENISA (b'kunsiderazzjoni
tar-riżorsi limitati tagħhom). Sabiex jittejjeb ir-rappurtar dwar
iċ-ċiberkriminalità, ser isir eżerċizzju ta' delinjament
sabiex tinħoloq mappa tal-interoperabbiltà ta' sistemi eżistenti ta'
rappurtar taċ-ċiberkriminalità onlajn fl-Istati Membri. Għandu jinħoloq uffiċċju
taċ-ċiberkriminalità. Dan l-uffiċċju għandu jiġi
megħjun billi jiġi pprovdut bi pjattaforma komunitarja onlajn sikura.
L-attivitajiet ta' taħriġ attwali tal-Europol, is-CEPOL u l-Grupp
Ewropew għat-Taħriġ u l-Edukazzjoni dwar
iċ-Ċiberkriminalità jistgħu jiġu vvalutati u ssimplifikati
taħt il-koordinazzjoni tal-EC3 u l-Bord tal-Programm tiegħu.
Għandha ssir analiżi tal-ħtiġijiet tat-taħriġ, li
tqis ukoll il-bżonnijiet tal-imħallfin u l-prosekuturi. Din
l-analiżi għandha twassal għall-organizzar ta' kors ta'
taħriġ bażiku dwar iċ-ċiberkriminalità. Dan
għandu jkun miftuħ għall-membri tas-sistema tal-ġustizzja
kriminali. Barra minn hekk, ser ikollha ssir valutazzjoni
aktar preċiża tar-riżorsi umani u finanzjarji li ser ikunu
meħtieġa. Din għandha tkun prevista fil-Qafas Finanzjarju
Multiannwali li jmiss. Din il-valutazzjoni ser tagħti kontribut
għall-iżvilupp ulterjuri tal-EC3. 4. KONKLUŻJONI Hekk kif id-dinja tal-kriminalità organizzata
qiegħda tifrex l-attivitajiet tagħha fiċ-ċiberspazju,
l-infurzar tal-liġi għandu jżomm il-kolp. L-UE tista' tipprovdi
lill-Istati Membri u lill-industrija bl-għodod biex jindirizzaw din
it-theddida, moderna u li għada qiegħda tevolvi,
taċ-ċiberkriminalità li, fil-fatt, ma taf bl-ebda fruntiera. Jekk
ir-riżorsi umani u finanzjarji jiġu garantiti, iċ-Ċentru
Ewropew taċ-Ċiberkriminalità ser jaġixxi bħala punt fokali
għall-ġlieda tal-Ewropa kontra ċ-ċiberkriminalità; u dan
billi jippulja l-għarfien minn bnadi differenti, jappoġġja
investigazzjonijiet kriminali u jippromwovi soluzzjonijiet madwar l-UE kollha,
filwaqt li jqajjem kuxjenza dwar il-kwistjonijiet ta' ċiberkriminalità
madwar l-Unjoni. F'dan il-kuntest, iċ-Ċentru jikkontribwixxi
għas-salvagwardja ta' Internet miftuħ u ekonomija diġitali
legali, u għall-ħarsien onlajn taċ-ċittadini u n-negozji
tal-Ewropa. Il-Kunsill huwa mistieden jappoġġja
din il-proposta, filwaqt li l-Parlament Ewropew u l-partijiet interessati
relevanti l-oħra huma mħeġġa jagħtu s-sehem
tagħhom fl-iżvilupp taċ-Ċentru. [1] Eurostat, l-Aċċess u l-Użu tal-Internet,
l-14 ta' Diċembru 2010. [2] McKinsey
Global Institute, Internet Matters: the Net's sweeping impact on growth, jobs
and prosperity. Rapport ta' Mejju tal-2011 aċċessat
fit-8 ta' Frar 2012. [3] Norton Cybercrime Report 2011,
Symantec, is-7 ta' Settembru 2011, aċċessat
fis-6 ta' Jannar 2012 . [4] Ibid. [5] Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir
intelliġenti sostenibbli u inklussiv, COM(2010)2020,
it-3 ta' Marzu 2010. [6] Aġenda Diġitali għall-Ewropa
COM(2010) 245 finali, is-26 ta' Awwissu 2010. [7] Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u
tal-Kunsill dwar attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni, COM
(2010)517 final, it-30 ta' Settembru 2010. Il-botnets huma
netwerks ta' kompjuters kompromessi infettati b'softwer malizzjuż li
jista' jiġi attivat mill-bogħod (remote) biex iwettaq azzjonijiet
speċifiċi, fosthom ċiberattakki. [8] Il-Konvenzjoni
tal-Kunsill tal-Ewropa dwar iċ-Ċiberkriminalità, Budapest,
it-23 ta' Novembru 2001, magħrufa wkoll bħala
l-Konvenzjoni ta' Budapest. Il-Konvenzjoni hija akkumpanjata minn Protokoll
Addizzjonali għall-Konvenzjoni dwar iċ-Ċiberkriminalità dwar
il-kriminalizzazzjoni ta' atti ta' natura razzista u ksenofobika li jsiru
permezz ta' sistemi tal-kompjuter. [9] Iċ-ċiklu tal-politika tal-UE fir-rigward
tal-kriminalità organizzata u l-kriminalità internazzjonali serja, li jkopri
l-perjodu 2011/2013, għandu tmien prijoritajiet. Waħda minnhom hija
"It-tisħiħ tal-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità u
l-użu ħażin u kriminali tal-Internet minn gruppi ta' kriminalità
organizzata". [10] "Sal-2013, l-UE se tkun stabbiliet ... ċentru
taċ-ċiberkriminalità, li permezz tiegħu l-Istati Membri u
l-istituzzjonijiet tal-UE se jkunu f'pożizzjoni li jibnu kapaċità
operazzjonali u analitika għal investigazzjonijiet u kooperazzjoni ma'
msieħba internazzjonali" fi L-Istrateġija
tas-Sigurtà Interna tal-UE fl-azzjoni: ħames passi lejn Ewropa aktar
sikura. COM(2010) 673 finali, tat-22 ta’ Novembru 2010. [11] Feasibility study for a European Cybercrime Centre (Studju dwar
il-Fattibbiltà ta' Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità, Rapport
Finali, Frar 2012. [12] Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar Pjan ta' Azzjoni
għall-implimentazzjoni ta' strateġija koordinata
għall-ġlieda kontra l-kriminalità, it-3010 laqgħa tal-Kunsill
tal-Affarijiet Ġenerali, il-Lussemburgu, is-26 ta' April 2010.
[13] Kif definit fid-Direttiva tal-Kunsill 2008/114/KE
tat-8 ta' Diċembru 2008. Bħalissa din id-Direttiva
qiegħda tiġi riveduta. L-EC3 ser tqis kull żvilupp ulterjuri li
jsir. [14] Bħal dawk li huma elenkati fl-Artikoli 3 u 7
tal-abozz ta' Direttiva li tressaq dwar l-attakki fuq sistemi
tal-informazzjoni, COM(2010)517 finali,
it-30 ta' Settembru 2010. [15] Netwerk Ewropew ta' Ċentri ta' Sensibilizzazzjoni li
jippromwovu użu sikur u responsabbli tal-Internet u tal-apparat mobbli
maż-żgħażagħ. [16] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (2009/371/ĠAI)
tas-6 ta' April 2009 li tistabbilixxi l-Uffiċċju
Ewropew tal-Puluzija, l-Artikolu 4(1) flimkien mal-anness. [17] Il-valutazzjoni għandha tkun waħda koerenti
mar-rekwiżiti globali tal-aġenziji b'rabta mal-persunal u
l-baġit fil-Baġit tal-2013 u fil-Qafas Finanzjarju Multiannwali li
jmiss.