52012DC0128

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwarl-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku /* COM/2012/0128 final */


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku

1. Introduzzjoni

Il-Baħar Baltiku għadu wieħed miż-żoni l-aktar vulnerabbli tal-Ewropa. L-alki jiffjorixxu kull sajf, u aktar vapuri u vapuri akbar jgħaddu mill-istretti l-aktar dojoq u baxxi tiegħu. Il-firdiet tal-passat għadhom qed jintgħelbu. Ir-riċerka, l-innovazzjoni u r-rabtiet kummerċjali jeħtieġ jissaħħu, filwaqt li l-konnessjonijiet tat-trasport u tal-enerġija għandhom lakuni kbar – il-partijiet tal-lvant u tat-tramuntana tar-Reġjun għadhom ikunu spiss wisq iżolati mill-kumplament tal-UE.

Kien għalhekk li, f'Ġunju 2009, fuq talba tal-Kunsill Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea adottat l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku (EUSBSR). Din tindirizza l-isfidi ewlenin ta' ambjent sostenibbli, il-prosperità, l-aċċessibbiltà, u s-sigurtà u s-sikurezza, kif ukoll l-opportunitajiet biex dan ir-reġjun isir integrat, li jħares 'il quddiem u ta' klassi dinjija, "l-aqwa fl-Ewropa". Huwa għandu l-għan li jikkoordina l-azzjoni tal-Istati Membri, ir-reġjuni u l-muniċipalitajiet, l-UE, l-organizzazzjonijiet pan-Ewropej, l-istituzzjonijiet tal-iffinanzjar u korpi mhux governattivi favur żvilupp iktar effettiv tar-Reġjun. L-Istrateġija tipprevedi wkoll l-implimentazzjoni reġjonali tal-Politika Marittima Integrata.

F'Ġunju 2011 il-Kummissjoni ppubblikat rapport ta' progress[1]. Il-Kunsill Affarijiet Ġenerali mbagħad adotta Konklużjonijiet fil-15 ta' Novembru 2011, li jappellaw lill-"Kummissjoni Ewropea biex tirrevedi l-EUSBSR sa kmieni fl-2012". Din il-Komunikazzjoni tweġeb għal din it-talba, billi tipproponi:

· Titjib fil-mira strateġika,

· L-allinjament tal-politiki u tal-finanzjament

· Jiġu kkjarifikati r-responsabbilitajiet ta' atturi differenti,

· Komunikazzjoni aħjar.

L-Istrateġija teħtieġ tirrifletti l-objettivi tal-Ewropa 2020 ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, u l-evoluzzjoni tal-iżviluppi fil-politiki tal-UE, inkluża l-importanza li tingħata l-kooperazzjoni fil-qafas finanzjarju multiannwali propost u r-riformi proposti għall-politika ta' koeżjoni, l-aktar konċentrazzjoni tematika akbar, u l-post li jingħata lil strateġji makroreġjonali u tal-baċiri tal-baħar fil-qafas strateġiku komuni, kuntratti ta' sħubija u programmi operazzjonali.

Il-kooperazzjoni fir-reġjun tal-Baħar Baltiku ssaħħaħ u tiffaċilita politiki oħra tal-UE, bħall-politiki dwar it-tibdil fil-klima, Orizzont 2020 fir-riċerka u l-innovazzjoni, u "Erasmus għal Kulħadd" għat-tagħlim, u tgħin biex jiġu implimentati l-Politika Marittima Integrata u l-Politika dwar in-Netwerk trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T). Il-ħidma attwali turi li dan l-approċċ makroreġjonali jżid element kooperattiv u prattiku ġdid lill-progress.

2. Lejn qafas strateġiku ġdid

Bir-restrizzjonijiet fil-baġits pubbliċi tal-lum, huwa kruċjali li jinstabu approċċi li jistgħu jagħmlu l-aħjar użu mill-politiki u l-fondi disponibbli. L-approċċ makroreġjonali joffri qafas integrat għal sfidi li huma vasti wisq għal-livell nazzjonali u speċifiċi wisq għall-UE-27.

Biex l-Istrateġija tkun iktar iffukata u b'direzzjoni, huwa meħtieġ li ssir definizzjoni iktar ċara tal-objettivi ewlenin u jiġi stabbilit kif dawn jistgħu jinkisbu. Għaldaqstant, din il-komunikazzjoni tispeċifika tliet objettivi ġenerali għall-Istrateġija, kull wieħed akkumpanjat minn indikaturi u miri:

· Insalvaw il-Baħar;

· Nikkolegaw ir-Reġjun; kif ukoll

· Inżidu l-Prosperità.

Dan jipprovdi qafas ġdid, li fi ħdanu jistgħu jitwettqu r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill. 2.1. L-Impenn Politiku

Biex jinżamm livell għoli ta' impenn politiku, jeħtieġ li r-riżultati tal-Istrateġija jkunu iktar ċari kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-UE. Kif mitlub mill-Kunsill, l-Istrateġija għandha tiġi inkluża fl-aġenda tal-Kunsill tal-Ministri fil-formazzjonijiet varji tiegħu kif xieraq. Il-konsiderazzjonijiet tal-Istrateġija għandhom ikunu riflessi fid-diskussjonijiet dwar il-baġit u materji oħra.

Jeħtieġ li jiġu involuti iktar atturi reġjonali u muniċipali. Ir-Regolamenti l-ġodda dwar il-politika ta' koeżjoni jindirizzaw dan, billi jipproponu li għandu jittieħed kont tal-istrateġiji makroreġjonali meta jkunu qed jiġu żviluppati u implimentati programmi ġodda.

L-impenn politiku jrid jinbidel f'impenn amministrattiv, b'ammont suffiċjenti u kontinwità fil-persunal.

2.2. Allinjament tal-politika

Ir-risponsi ta' politika għandhom jirriflettu n-natura territorjali tal-isfidi u l-opportunitajiet tar-Reġjun. L-inizjattivi ta' politika għandhom ikunu koerenti u jippromwovu sinerġiji; eżempju tajjeb hija l-proposta li l-konsiderazzjonijiet dwar it-tibdil fil-klima jingħataw importanza fil-politika ta' koeżjoni. Il-Kummissjoni se timmonitorja b'mod regolari l-iżviluppi fil-politiki, sabiex tiżgura li jkun hemm koerenza mal-objettivi tal-makroreġjun.

Billi jikkunsidraw il-perspettiva makroreġjonali fil-gruppi tal-ħidma relevanti tal-Kunsill u fil-kumitati Parlamentari, dawn il-korpi jistgħu jgħinu biex ikun żgurat li l-politiki jkunu pożittivi f'dawk li huma impatt u koeżjoni territorjali. Minħabba n-natura trans-settorjali tal-Istrateġija, huwa rrakkomandat li jsir segwitu regolari fil-formazzjonijiet tal-Kunsill.

Approċċ simili huwa meħtieġ ukoll fil-livelli lokali, reġjonali, sub-reġjonali u nazzjonali, filwaqt li x-xogħol rigward il-politiki jkun akkumpanjat minn eżerċizzji ta' analiżi f'kull livell.

2.3. Allinjament tal-finanzjament

Fil-klima ekonomika attwali l-Kummissjoni qed tisħaq il-ħtieġa li r-riżorsi baġitarji tal-UE u dawk nazzjonali jintużaw b'mod effettiv. Biex jimmassimizzaw l-impatt tal-finanzjament makroreġjonali, l-Istati Membri u sorsi oħrajn ta' fondi għandhom jiżguraw li jkun hemm (ri-)prijoritizzazzjoni b'konfomità mal-objettivi tal-Istrateġija.

Ir-rapport ta' progress tal-Kummissjoni tal-Ġunju 2011 sab li sar progress sinifikanti f'dan ir-rigward, iżda jeħtieġ isir aktar xogħol. L-Istrateġija se ġġib ir-riżultati mistennija biss jekk tkun marbuta għal kollox mar-riżorsi disponibbli, li jinkludu, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, il-Fond Ewropew għas-Sajd[2], il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, il-programm-LIFE, u programmi għar-riċerka u l-innovazzjoni, kif ukoll għall-edukazzjoni, il-kultura u s-saħħa.

Huwa importanti li f'dan l-allinjament tingħata attenzjoni lit-tibdil finanzjarju kif ukoll dak strutturali. L-Awtoritajiet Amministrattivi tal-programmi operazzjonali fir-Reġjun għandhom jadottaw approċċ iktar flessibbli, ngħidu aħna billi jippermettu l-finanzjament ta' proġetti fit-tul, u jipprovdu kapital inizjali. Jeħtieġ li tissaħħaħ id-dimensjoni transnazzjonali fil-programmi nazzjonali u reġjonali, minħabba li mhux biżżejjed li wieħed jistrieħ biss fuq il-programmi ta' kooperazzjoni territorjali. Trid tkompli l-ħidma fuq Qafas tal-Faċilità ta' Implimentazzjoni, sabiex jiġu inklużi istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, finanzjaturi oħra u s-settur privat, biex jiżdied l-ingranaġġ tar-riżorsi disponibbli.

Ittieħdu passi importanti biex jiżdied l-appoġġ għall-approċċ mikroreġjonali fil-qafas finanzjarju tal-2014-2020. Filwaqt li l-Istrateġija bdiet f'nofs perjodu ta' programmazzjoni fl-2009, u għalhekk bi ftit opportunitajiet biex tinfluwenza l-kontenut tal-programmi, fil-proposti dwar il-politiki ta' koeżjoni għall-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss hemm inklużi rabtiet strateġiċi ċari u prattiċi. Meta jkunu qed jiġu żviluppati kuntratti ta' sħubija u programmi operazzjonali, fil-livelli reġjonali, nazzjonali transkonfinali u transnazzjonali, l-objettivi u l-prijoritajiet makroreġjonali jridu jkunu preżenti. Il-ħtieġa li l-finanzjament ikun iffukat fuq numru limiktat ta' oqsma tematiċi, relevanti għall-Istrateġija, tgħin ukoll li jkun hemm riżultati tanġibbli.

Huwa essenzjali li mingħajr dewmien l-atturi f'kull livell jibdew jikkunsidraw kif u fuq liema prijoritajiet jipu allinjati l-fondi għall-perjodu finanzjarju lijmiss, filwaqt li jikkunsidraw il-Pjan ta' Azzjoni u l-miri stabbiliti mill-Istrateġija u fil-livell ta' Qasam ta' Prijorità.

2.4. Governanza

In-natura esperimentali tal-Istrateġija, u s-sjieda tagħha minn komunità wiesgħa ta' partijiet terzi, inklużi awtoritajiet lokali u reġjonali, ministeri nazzjonali, servizzi tal-Kummissjoni, istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, rappreżentattivi tas-settur privat u NGOs, teħtieġ struttura miftuħa iżda effettiva ta' governanza.

Abbażi tal-esperjenza li akkumulata s'issa, il-Kunsill jitlob għal kooperazzjoni l-Kummissjoni u l-Istati Membri kkonċernati għall-"kjarifika […] tar-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-partijiet interessati ewlenin[3] għall-implimentazzjoni tal-EUSBSR sabiex tiġi pprovvduta gwida trasparenti dwar il-funzjonijiet tagħhom u tiġi ffaċilitata l-ħidma tagħhom dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija".

F'kooperazzjoni ma' dawn il-partijiet terzi, il-Kummissjoni stipulat ir-rwol u l-kompiti ewlenin għal kull wieħed mill-gruppi prinċipali[4]. Trid tiġi pprovduta kapaċità amministrattiva suffiċjenti, mhux bħala vantaġġ għall-Istrateġija u akkost ta' prijoritajiet oħra, iżda biex jingħata appoġġ lil sforz iktar koerenti.

– Il-Kummissjoni tiggarantixxi l-koordinazzjoni ġenerali tal-Istrateġija. Hija tiffaċilita l-involviment ta' partijiet terzi relevanti, u tissorvelja, tirrapporta u tevalwa l-progress f'kooperazzjoni mal-Istati Membri.

– Il-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali, maħtura mill-Istati Membri li qed jipparteċipaw, jieħdu ħsieb il-koordinazzjoni ġenerali tal-implimentazzjoni u tal-appoġġ tal-Istrateġija, kemm f'pajjiżhom kif ukoll fil-livell ġenerali.

– Il-Pjan ta' Azzjoni tal-Istrateġija jinkludi oqsma ta' Prijorità u Azzjonijiet Orizzontali, li hemm qbil dwarhom wara konsultazzjoni estensiva. Biex jikkoordinaw dawn il-prijoritajiet u jiżguraw li jkun hemm riżultati f'waqthom, il-Koordinaturi tal-Oqsma ta' Prijorità u l-Mexxejja ta' Azzjoni Orizzontali jissorveljaw l-implimentazzjoni tal-proġetti fil-qasam tagħhom, filwaqt li jippromwovu l-impatt makroreġjonali, u jaqsmu r-riżultati.

– Mexxejja ta’ Proġett Ewlieni, li jittraduċu l-objettivi ġenerali ta' Qasam ta' Prijorità f'attivitajiet konkreti flimkien ma' mexxej maħtur u perspettiva ta' żmien, huwa direttament responsabbli biex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni prattika fil-post.

Barra minn hekk, Grupp ta' Livell Għoli ta' rappreżentanti mill-Istati Membri kollha tal-UE jiltaqa' regolarment biex jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar il-proċess ta' implimentazzjoni, filwaqt li jipprovdi dibattiti ewlenin ta' direzzjoni u biex l-Istrateġija tiġi ankrata madwar l-UE. Il-Kummissjoni se tippromwovi li jsiru laqgħat konġunti mal-Grupp ta' Livell Għoli għall-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju biex tiżgura li jkun hemm skambju ta' prattika tajba. Tabilħaqq, rabtiet mar-Reġjun tad-Danubju, u ma' inizjattivi reġjonali oħra fl-Atlantiku, fl-Artiku u bnadi oħra jeħtieġ jissaħħu. Jistgħu jiġu organizzati wkoll laqgħat ma' oħrajn, bħall-Grupp ta' Livell Għoli tas-Sħubija tad-Dimensjoni tat-Tramuntana għat-Trasport u l-Loġistika (NDPTL).

Biex tissaħħaħ is-sostenibbiltà amministrattiva, għandu jiġi esplorat il-potenzjal tar-Raggruppamenti Ewropej għall-Kooperazzjoni Territorjali (EGTCs) bħala għodda fil-livell Strateġiku jew għal Oqsma ta' Prijorità individwali.

2.5. L-involviment tal-partijiet interessati, inkluż is-settur privat

Biex tirnexxi, l-Istrateġija teħtieġ il-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati relevanti kollha kemm pubbliċi kif ukoll privati. Dan għandu jkun fuq il-livell kemm kunċettwali, li jinfluwenza l-iżvilupp ġenerali tal-Istrateġija (ngħidu aħna bil-parteċipazzjoni fi djalogi relevanti dwar is-suq intern), kif ukoll prattiku, billi jsir kontribut għall-implimentazzjoni (pereżempju premezz ta' proġetti fis-suq diġitali).

Tali parteċipazzjoni trid tiġi żviluppata. Djalogu aktar fil-fond bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri kkonċernati, l-assoċjazzjonijiet tal-Kmamar tal-Kummerċ, il-Konfederazzjoni tal-Industriji, il-gruppi reġjonali ta' Riċerka u Innovazzjoni, u l-NGOs (eż. il-Forum dwar l-Iżvilupp tal-Baltiku) għandhom, ngħidu aħna, ifittxu li jilħqu aħjar lill-komunità kummerċjali. Avvenimenti mmirati, il-ġemellaġġ ta' interessi tal-Istrateġija mal-interessi tas-settur privat, kif ukoll konsultazzjonijiet iffukati dwar temi strateġiċi għandhom ikunu promossi.

2.6. Pajjiżi ġirien, organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali

Minkejja li l-Istrateġija hija ffukata fuq l-UE, is-suċċess jiddependi wkoll fuq kooperazzjoni mill-qrib u ma' pajjiżi ġirien u li tagħti l-frott. Billi jintużaw pjattaformi li diġà jeżistu[5], il-kooperazzjoni għandha tiġi intensifikata, b'mod partikolari mal-Federazzjoni Russa. Permezz ta' dawn il-pattaformi, u bil-għan li jiġi evitat ix-xogħol doppju, il-prijoritajiet konġunti għandhom jipu żviluppati f'azzjonijiet konkreti.

Pereżempju, id-djaliogu kontinwat mal-Kunsill Nordiku tal-Ministri se jiżgura użu iktar koordinat tar-riżorsi umani kif ukoll finanzjarji. Bl-istess mod, il-kooperazzjoni kontinwata mal-Kummissjoni ta' Ħelsinki (HELCOM) se ssaħħaħ l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Istrateġija u tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Baħar Baltiku HELCOM.

2.7. Il-promozzjoni tas-sensibilizzazzjoni

Hemm ħtieġa ta' sensibilizzazzjoni rigward l-approċċ tal-Istrateġija, u r-riżultati li din twassal għalihom. Kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-Kunsill jenfasizzaw dan, u dan għandu jiġi żviluppat mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri kkonċernati permezz ta' kemm jista' jkun atturi u ta' kanali ta' komunikazzjoni. Il-kondiviżjoni ta' esperjenzi u prattiki tajba permezz tal-internet, pereżempju permezz tal-iżvilupp ta' portal tal-internet li jgħaqqad is-siti relevanti, hija meħtieġa biex tagħti aċċess aħjar għal informazzjoni dwar il-fondi, l-opportunitatjiet ta' ġemellaġġ u r-raggruppament tal-proġetti. Enfasi ġdida dwar l-objettivi ġenerali, marbutin ma' indikaturi u miri deskritti hawn taħt li jiġu ppubbliċizzati tajjeb, jagħtu deskrizzjoni ċara ta' f'xiex tikkonsisti l-Istrateġija.

2.8. Sistema ta' monitoraġġ

Il-Kunsill talab għal "sistema ta' miri u indikaturi realistiċi u fattibbli". Il-Kummissjoni qed tipproponi t-tliet objettivi ġenerali msemmija: Insalvaw il-Baħar; Nikkolegaw ir-Reġjun; Inżidu il-Prosperità.

Dawn l-objettivi huma kkumplimentati minn għadd ta' indikaturi u miri. Wara konsultazzjonijiet mifruxa, dawn huma ġodda, iżda li jieħdu minn politiki attwali u pjani fit-tul, filwaqt li jipprovdu bażi għal monitoraġġ u evalwazzjoni iktar effettivi. Il-Kummissjoni tipproponi li dawn għandhom jiġu introdotti fi Pjan ta' Azzjoni rivedut flimkien ma' xi modifiki meħtieġa, inklużi linji bażi dettaljati għall-miri, li se jiġu mmonitorjati mill-qrib fir-rappurtar tal-Kummissjoni.

L-Istati Membri huma mistiedna wkoll jippreżentaw indikaturi u miri għall-Oqsma ta' Prijorità individwali, inklużi l-miri u punti ta' riferiment intermedji biex jinkisbu l-objettivi ġenerali. Dan se jiffaċilita l-komunikazzjoni mal-pubbliku inġenerali, u se jipprovdi mira strateġika għar-reviżjoni tal-Pjan ta' Azzjoni, għall-prijoritizzazzjoni ta' proġetti tajba u għall-evalwazzjoni, kif ukoll biex jiġu kkomunikati b'mod iktar ċar il-kisbiet tal-Istrateġija.

3. Il-qafas il-ġdid isir operazzjonali

Insalvaw il-Baħar, ir-Reġjun ikun Ikkollegat u Tiżdied il-Prosperità joffru qafas ċar għall-kwistjonijiet prinċipali tal-Baltiku u tal-UE, inklużi l-aspetti varji tal-Ewropa 2020.

3.1. Insalvaw il-Baħar

L-objettiv ġenerali ambjentali għall-Baġar Baltiku huwa li sal-2020 jintlaħaq livell ambjentali tajjeb, kif titlob id-Direttiva ta' Qafas dwar l-Istrateġija Marittima, u livell favorevoli ta' konservazzjoni taħt id-Direttiva dwar il-Ħabitats skont l-Istrateġija tal-UE dwar il-Biodiversità u miri relatati sal-2021 kif meħtieġ mill-Pjan ta' Azzjoni tal-Baħar Baltiku HELCOM.

Għal "Insalvaw il-Baħar" hemm ħtieġa ta' implimentazzjoni iktar b'saħħitha tal-leġiżlazzjoni relevanti tal-UE pereżempju dwar il-biodiversità, il-ħabitats, is-sajd u l-ewtrofikazzjoni, fejn l-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi, id-Direttiva dwar in-nitrati u d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma qed jaqgħu lura.

Fl-2011, it-Tabella ta' Valutazzjoni tad-WWF dwar il-Baħar Baltiku wriet li minkejja li l-Baħar għadu wieħed mill-aktar imniġġża fid-dinja, u li l-istat fqir tiegħu qed jhedded il-kwalità tal-ħajja għat-80 miljun abitant li jgħixu madwaru, sforzi intensifikati qed jagħtu r-riżultati, anke jekk għad baqa' ħafna xi jsir.

Dawn l-isforzi issa jistgħu jibbenefikaw mill-approċċ iktar miftiehem li tippermetti l-Istrateġija.

· Hemm bżonn li jinżamm impenn politiku f'livell għoli biex ikun żgurat li l-prijoritajiet ambjentali maqbula jinbidlu f'azzjoni, u li l-liġi attwali tiġi nfurzata aħjar. Pereżempju, ir-rakkomandazzjonijiet li għamel il-Proġett Ewlieni dwar it-tneħħija tal-fosfati mid-deterġenti issa jeħtieġ jiġu kkunsidrati fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri.

· L-allinjament tal-politiki mal-Istrateġija – perezempju tiġi żgurata l-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ambjentali u klimatiċi (inklużi riżultati ta' riċerka relevanti) matul l-oqsma ta' politika relevanti kollha, inklużi l-politiku dwar it-trasport, l-agrikoltura u l-industrija – jiffaċilita wkoll li jinkiseb baħar nadif, u protezzjoni adegwata tal-kosta. L-ippjanar ta' politiki trans-settorjali jfisser li s-setturi kollha jirriflettu l-prijoritajiet maqbul dwar ir-Reġjun tal-Baħar Baltiku f'konformità mal-ħtiġiet territorjali. Eżempji ta' dan huma miżuri speċifiċi agri-ambjentali fi ħdan il-Politika Agrikola Komuni, bħal strixxi marġinali ta' protezzjoni matul ix-xmajjar u l-art mistgħadra jew ġestjoni aħjar tal-iskart tal-annimali. Il-Kunsill Ewropew, meta kkonferma l-Istrateġija fl-2009, sejjaħ għal allinjament mill-qrib mal-Politika Marittima Integrata.

· Allinjament aħjar tal-finanzjament mal-għanijiet tal-Istrateġija huwa partikolarment importanti biex jintlaħqu l-miri ambjentali u klimatiċi tagħha. Il-problemi li qed jiffaċċa l-Baħar huma kbar wisq biex pajjiż wieħed jindirizzhom waħdu. Pereżempju, biex jonqos in-numru ta' żoni mejta fil-Baħar, li llum ilaħħqu mal-wieħed minn sitta tal-firxa tal-qiegħ tiegħu minħabba n-nutrijetni eċċessivi, hemm bżonn ta' iktar investiment kooridinat fil-pjanti ta' trattament tal-ilma mormi, inkluża t-tneħħija tal-fosfru u n-nitroġenu.

· Sħubiji iktar mill-qrib, pereżempju bejn amministrazzjonijiet nazzjonali, reġjonali u lokali u istituzzjonijiet ta' riċerka u partijiet interessati oħra bħal sidien tal-vapuri, portijiet, kumpaniji tal-loġistika u NGOs, huma meħtieġa għall-miri tal-Istrateġija bħal tbaħħir nadif u sikur. Bħalissa, it-traffikar qawwi tat-tbaħħir qed jaggrava l-problemi kkaġunati minn nutrijenti u minn sustanzi perikolużi ġejjin minn sorsi fuq l-art permezz tat-tniġġiż tal-arja, emissjonijiet tal-gass b'effett serra, skariki taż-żejt u skart ieħor, u l-introduzzjoni ta' organiżmi eżotiċi. Sforzi konġunti jistgħu jippermettu li partijiet interessati privati jkollhom għarfien aħjar tar-regolamenti u l-istandards, filwaqt li jagħtu lis-settur pubbliku aċċess għal informazzjoni diretta dwar il-kundizzjonijiet u l-ħtiġiet tas-suq.

· Hemm bżonn ta' kooperazzjoni iktar mill-qrib ma' pajjiżi ġirien, b'mod partikolari mar-Russja, pereżempju għall-objettivi tal-Istrateġija għal sorveljanza marittima iktar effiċjenti u kompatibbli, kif ukoll għall-prevenzjoni, it-tħejjija u r-reazzjoni għad-diżastri kemm fil-baħar kif ukoll fl-art. L-eżempju tajjeb ta' sorveljanza konġunta fil-Golf tal-Finlandja għandu jiġi estiż biex ikopri l-Baħar Baltiku kollu kemm hu.

· L-identifikazzjoni ta' prijoritajiet konġunti ma' organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali, bħal HELCOM, pereżempju se jagħtu appoġġ lill-isforzi tal-Istrateġija biex tindirizza l-effetti ta' sustanzi perikolużi u metodi ta' sajd distruttivi, inkluż is-sajd illegali, mhux regolat u mhux rappurtat, fuq il-biodiversità, bil-konsegwenzi negattivi tiegħu fuq il-ħut u s-saħħa tal-bniedem. Sustanzi perikolużi huma partikolarment ta' ħsara għall-ekosistema fil-Baħar Baltiku minħabba l-ambjent salmastru tiegħu u rata kajmana tal-iskambju tal-ilma (iktar minn 30 sena). L-influwenza tat-tibdil fil-klima għandha tiġi kkunsidrata wkoll fil-promozzjoni ta' organiżmi selvaġġi diversi u b'saħħithom.

B'hekk, il-qafas il-ġdid għall-Istrateġija jsaħħaħ l-isforżi biex jipġi salvat il-baħar. Issa jeħtieġ li fir-Reġjun isir użu sħiħ mill-opportunitajiet u l-għodod li qed jiġu offerti f'dan ir-rispett.

Sabiex ikun żgurat li l-qafas imsaħħaħ ta' hawn fuq jiġi segwit b'mod rigoruż, il-Kummissjoni għaldaqstant tipproponi l-użu tal-indikaturi u miri li ġejjin bħala miżuri ewlenin biex jitkejjel il-progress biex jissalva l-baħar:

1. Ilma ċar imkejjel billi jinkiseb livell ambjentali tajjeb sal-2020 u inkluż it-tnaqqis tal-volum ta' nutrijenti, skont il-miri u l-indikaturi li jridu jiġu stabbiliti f'reviżjoni futura tad-Direttiva ta' Qafas dwar l-Istrateġija Marittima (MFSD) u fil-Pjan ta' Azzjoni tal-Baħar Baltiku HELCOM (BSAP) fl-2013;

2. Organiżmi selvaġġi rikki u b'saħħithom, sal-2020, imkejla mit-titjib fil-livell tal-biodiversità u s-saħħa tal-ekosistema, inkluż rigward stokkijiet tal-ħut, f'konformità mal-miri aġġornati li se jiġu stabbiliti mill-HELCOM fl-2013 u mir-reviżjoni tal-MSFD;

3. L-adozzjoni fil-ħin fl-2013 u l-implimentazzjoni sħiħa sal-2021 tal-BSAP HELCOM aġġornat;

4. Tbaħħir nadif, imkejjel bl-eliminazzjoni tal-iskariki illegali sal-2020, u Tbaħħir sikur, inkejjel bit-tnaqqis tqa' 20% sal-2020 tal-għadd ta' inċidenti meta mqabbel mal-livell tal-2010;

5. Jitfasslu Pjani tal-Ispazji Marittimi transkonfinali u bbażati fuq l-ekosistemi madwar ir-Reġjun sal-2015;

6. L-adattamednt għat-Tibdil fil-Klima, billi jiġu adottati pjan u programm integrati għall-protezzjoni tal-kosta sal-2020.

7. Tiżdied is-Sigurtà, b'żieda fil-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ta' sorveljanza marittima permezz ta' kondiviżjoni aħjar ta' informazzjoni u azzjonijiet koordinati biex tissaħħaħ is-sensibilizzazzjoni marittima u l-effiċjenza fil-baħar sal-2015.

3.2. Ir-Reġjun ikun Kollegat

Id-distanzi twal, kundizzjonijiet ta' klima diffiċli u densità infrastrutturali baxxa qed ikomplu jħallu ħafna żoni tar-reġjun tal-lvant tal-Baltiku, l-Finlandja tat-Tramuntana u l-Isvezja bir-rati ta' aċċessibbiltà l-iktar baxxi fl-Ewropa kollha. Minbarra li huma kostużi u ineffiċjenti fl-enerġija, dawn il-lakuni huma ostakoli għas-Suq Intern u għall-mira ta' koeżjoni territorjali.

L-Oqsma ta' Prijorità li qed jagħtu kontribut lill-objettiv tal-Istrateġija "Ir-Reġjun ikun Kollegat" jistgħu jagħmlu użu mill-qafas ta' Strateġija mġedded biex jipprovdu soluzzjonijiet territorjali li huma intelliġenti, sostenibbli u inklużivi.

· Impenn politiku f'livell għoli huwa ta' importanza speċjali, pereżempju, biex jiġi ffaċilitat ix-xogħol tal-Pjan ta' Interkonnessjoni tas-Suq tal-Enerġija tal-Baltiku biex tkun żgurata l-infrastruttura reġjonali tal-enerġija għat-tħaddim tajjeb tas-suq intern u biex titjieb is-sigurtà tal-forniment. Dan jirrigwarda kemm investimenti f'waqthom kif ukoll riformi fis-suq.

· Allinjament aħjar tal-politiki se jiffaċilita netwerk tat-trasport makroreġjonali multi-modali ġenwin. Il-ministri relevanti jeħtieġ jiżguraw trasport, ambjent marittimu u politiki dwar it-tibdil fil-klima iktar koerenti, flimkien mal-Kummissjoni, l-NDPTL u korpi oħra reġjonali.

· Netwerk ta' infrastruttura sostenibbli u komprensiv, li jgħaqqad il-firdiet persistenti bejn lvant u punent u tramuntata u nofsinhar fir-Reġjun, jeħtieġ allinjament ta' finanzjament aħjar mal-Istrateġija kif ukoll rabtiet iktar mill-qrib mal-pajjiżi ġirien. Ippjanar u koordinazzjoni aħjar tal-iżvilupp u l-finanzjament tal-infrastruttura huma meħtieġa biex jiġi implimentati proġetti ta' prijorità. Dan għandu jsir fi ħdan il-Linji Gwida tat-TENT-T u billi jsir użu sħiħ, pereżempju, tal-pjattaforma u l-fondi NDPTL li huma disponibbli permezz tal-faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u l-qafas TEN-T.

L-obejttiv "Nikkollegaw ir-Reġjun," billi jiffoka l-isforzi makroreġjonali fuq l-iżvilupp tal-potenzjal tal-bniedem, u fuq il-ħolqien ta' sistema ta' trasport u enerġija iktar intelliġenti u iktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, huwa konformi mal-miri tal-Ewropa 2020 ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, u l-inizjattivi ewlenin relatati. Dan jeħtieġ jagħmel użu sħiħ mill-proposti ġodda dwar il-politiki ta' koeżjoni, l-aktar biex imexxi 'l quddiem l-infrastruttura transkonfinali. Fil-fruntieri esterni, għandu jagħti appoġġ lill-modernizzazzjoni tal-infrastruttural doganali, is-sistemi tal-apparat, kif ukoll il-bini tal-kapaċità amministrattiva. Barra minn hekk, teħtieġ tingħata attenzjoni għar-reżiljenza tal-infrastruttura għal diżastri naturali jew ikkaġunati mill-bniedem.

Sabiex jiġi żgurat segwitu tajjeb, il-Kummissjoni tipproponi li tuża l-indikaturi u miri li ġejjin bħala miżura importanti ta' progress:

1. Konnettività interna u esterna aħjar u sostenibbli tar-Reġjun, tnaqqis fiż-żmien li jittieħed fi vjaġġi u ħin ta' stennija fil-fruntieri, kif appoġġat mill-faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, imkejla permezz tat-tlestija tas-seba' proġetti TEN-T għall-art u għall-baħar li jinvolvu lir-Reġjun, pereżempju l-linja fissa Fehmarn Belt sal-2020 u Rail Baltica sal-2024;

2. Jiġu kkolegati flimkien is-swieq tal-enerġija tal-Istati Baltiċi mal kumplament tar-Reġjun skont il-Pjan ta' Interkonnessjoni tas-Suq tal-Enerġija tal-Baltiku, imkejjel mill-interkonnessjoni sħiħa u ambjentalment sostenibbli tas-swieq tal-gass u tal-elettriku sal-2015;

3. Tiżdied il-kooperazzjoni fil-ġestjoni, l-ippjanar u l-implimentazzjoni infrastrutturali transkonfinali konġunta, inkluż matul żoni marittimi.

3.3. Tiżdied il-Prosperità

L-Unjoni Ewropea qed tkompli tikkonfronta diffikultajiet ekonomiċi. Ir-Rapport dwar il-Qagħda tar-Reġjun tal-2011, evalwazzjoni annwali tal-kompetittività u l-kooperazzjoni matul ir-Reġjun tal-Baħar Baltiku[6], jiddikjara li, wara sena ta' tkabbir f'ħafna mill-partijiet, il-prospettiva għar-Reġjun qed tiddeterjora. Ir-rapport jenfasizza l-interdipendenza tal-ekonomiji tal-UE, u l-importanza li jkun hemm ħidma flimkien għal tkabbir ekonomiku sostenibbli.

Peremezz tal-qafas ta' Strateġija mġedded, l-objettiv "Tiżdied il-Prosperità" isaħħaħ il-miżuri biex ikun hemm ritorn għat-tkabbir b'konformità mal-miri tal-Ewropa 2020. Dan isaħħaħ il-politika ta' żvilupp u applikazjoni, permezz ta' fokus iktar ċar dwar it-tkabbir u l-impjiegi, u billi jippermetti li dawk li joħolqu l-politiki jkollhom viżjoni ġenerali iktar ċara ta' xejriet lil huma marbuta jew f'kunflitt. Hemm bżonn li jiżdied l-impenn politiku għal traspożizzjoni iktar imħaffa tal-leġiżlazzjoni biex ikun żgurat it-tħaddim tajjeb tas-suq intern. Dan huwa kruċjali, minħabba li l-parti lkbira tal-kummerċ isir fi ħdan il-makroreġjun.

· L-allinjament tak-politiki se jiżgura li jkun hemm żvilupp koerenti tas-setturi ewlenin, bħall-agrikultura, l-iżvilupp rurali (inkluża l-forestrija) u s-sajd. Ir-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd hija eżempju tar-reviżjoni ta' politika b'segiwtu għar-rakkomandazzjoni tal-Istrateġija għal ġestjoni tas-sajd deċentralizzata u speċifika għat-territorju.

· Il-promozzjoni ta' Unjoni pan-Reġjun tal-Baħar Baltiku għall-Innovazzjoni tallinja l-finanzjament permezz ta' approċċ programmatiku. Hemm bżonn li jiżdiedu r-riżorsi allokati għar-riċerka u l-innovazzjoni, li jippromwovu speċjalizzazzjoni intelliġenti fir-Reġjun, sabiex jinkisbu l-miri tal-Ewropa 2020. Għandu jsir użu sħiħ mill-opportunitajiet li ħoloq l-Orizzont 2020.

· Id-Djalogu bejn il-partijiet interessati, inklużi l-Kummissjoni, l-Istati Membri, il-Kmamar tal-Kummerċ u l-Konfederazzjoni tal-Industriji għandu jipprmwovi l-fokus tal-Istrateġija fuq il-politika industrijali f'dan ir-Reġjun. F'konformità mal-inizjattiva ewlenija tal-Ewropa 2020 "Politika industrijali għall-era ta' globalizzazzjoni" u l-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar, l-Istrateġija qed tappoġġa lill-SMEs (rigward ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat), billi ttejjeb l-aċċess għall-fondi, permezz ta' regolamentazzjoni aħjar, u billi tgħinhom jadattaw għall-globalizzazzjoni. Hemm bżonn li ssir iktar emfasi fuq it-teknoloġiji ambjentali u ta' emissjoni baxxa ta' karbonju, fejn ir-Reġjun huwa b'saħħtu, iżda fejn hemm ħtieġa ta' rabtiet iktar mill-qrib bejn il-politika u l-iżvilupp tas-suq. Setturi importanti maittimi għandhom il-potenzjal li jikbru. Il-ħiliet, il-kwalifiki u l-programmi edukattivi jeħtieġ jipparagunaw ma' dawn il-ħtiġiet.

Barra minn hekk, b'konformità mal-inizjattiva ewlenija tal-Ewropa 2020 "Aġenda għal ħiliet u impjiegi ġodda", hemm bżonn ta' djalogu iktar fil-fond bejn l-imsieħba soċjali dwar l-isfidi tal-futur għas-suq tax-xogħol, bħat-tibdil demografiku. Dawn għandhom jinkludu żieda fil-produttività tal-ħaddiema u tnaqqis fid-differenzi strutturali fi ħdan ir-Reġjun, kif ukoll id-dimensjoni makroreġjonali tal-inklużjoni soċjali u s-saħħa pubblika.

Il-mobbiltà u l-iżvilupp tal-ħiliet għandhom jitmexxew 'il quddiem permezz ta' inizjattivi eżistenti, bħall-iskema ta' skambju Nordplus, kif ukoll permezz tal-istrumenti attwali u futuri, bħall-"Erasmus għal kulħadd" jew "Żgħażagħ Attivi". L-iskambji kulturali għandhom jiġu ffaċilitati. Għandu jsir użu sħiħ mill-opportunitajiet għall-mobbiltà tar-riċerkaturi u d-disseminazzjoni tal-innovazzjoni, bħal fi ħdan il-programm BONUS Riċerka u Żvilupp fil-Baħar Baltiku. Għal kull età u settur, għandha titħeġġeġ il-parteċipazzjoni fi programmi ta' skambju u kooperazzjoni edukattivi u xjentifiċi. Il-paradigma l-ġdida trid tkun "iċ-ċirkolazzjoni tal-imħuħ," filwaqt li wieħed joqgħod attent kontra l-eżodu tal-imħuħ". Kulħadd jeħtieġ ukoll jikkoopera fuq l-aspetti inqas mixtieqa tal-mobbiltà, billi jiġġieled kontra l-kriminalità orgnizzata, inkluż it-traffikar u l-kuntrabandu.

B'konformità mal-qafas imġedded, il-Kummissjoni tipproponi li tuża l-indikaturi u miri li ġejjin bħala miżura importanti ta' progress:

1. Żieda ta' 15% fil-volum ta' kummerċ intra-reġjonali u servizzi transkonfinali sal-2020;

2. Żieda ta' 20% fin-numru ta' persuni li jipparteċipaw fi programmi ta' skambju u kooperazzjoni kulturali, edukattiv u xjentifiku sal-2020;

3. Barra mill-indikaturi tal-politiki msemmija hawn fuq, l-indikaturi li ġejjin li jistabbilixxu l-Istrateġija fuq skond iktar wiesa' ta' żviluppi soċjoekonomiċi fir-Reġjun jistgħu jkunu utili:

(a) It-tnaqqis ta' disparitajiet, imkejla bl-Istati Membri inqas żviuppati jirkupraw f'dak li hu l-PDG tagħhom;

(b) Tnaqqis fir-rati tal-qgħad, billi tintlaħaq il-mira tal-Ewropa 2020 ta' rata ta' impjieg ta' 75% għal dawk li għandhom bejn l-20 u l-64 sena;

(c) L-ispiża ġenerali fir-Riċerka u Żvilupp, imkejla bir-rata ta' investimenti fir-Riċerka u Żvilupp u l-Innovazzjoni, li sal-2020 għandha tilħaq mill-inqas it-3% matul ir-Reġjun (mira tal-Ewropa 2020);

(d) Il-kisba ta' miri nazzjonali bbażati fuq il-miri tal-klima u l-enerġija tal-Ewropa 2020.

4. Nimxu 'l quddiem

Permezz ta' passi prattiċi biex tikkunsidra l-karatteristiċi ġeografiċi u d-dinamika makroreġjonali tar-Reġjun, l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku ssaħħaħ l-użu tar-riżorsi Ewropej u nazzjonali disponibbli. Hija tfittex li tittraduċi l-impenn politiku f'impenn għal azzjoni f'kull punt.

Fil-konkret, il-qafas ta' Istrateġija riveduta stabbilit hawn fuq isaħħaħ dan l-isforz. Huwa jiffaċilita l.-azzjoni u r-riżultati billi jiffoka fuq tliet objettivi ġenerali importanti: insalvaw il-Baħar Baltiku; jiġi kkollegat dan ir-reġjun kbir; u tiżdied il-prosperità. Dan tagħmlu billi tippromwovi l-impenn politiku, tiffaċilita allinjament iktar mill-qrib ta' politiki u finanzjament,u billi tiċċara r-responsabbiltajiet ta' dawk involuti. Hija tippromwovi inklużjoni aħjar tal-partijiet interessati, ħidma iktar mill-qrib ma' pajjiżi li mhumiex Stati Membri tal-UE u mas-settur privat, u titjib fil-komunikazzjoni. Hija tistabbilixxi dan kollu f'relazzjoni ma' indikaturi u miri, fi ħdan sistema ta' monitoraġġ u evalwazzjoni biex b'hekk tkejjel il-progress lejn il-futur.

Huwa importanti li l-gvernijiet u r-reġjuni li jipparteċipaw iwieġbu billi jiddedikaw riżorsi suffiċjenti għall-isfida tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija, u li f'kull livell tingħata kunsiderazzjoni bikrija għall-allinjament tal-fondi bi tħejjija għall-perjodu finanzjarju sussegwenti.

Il-Kummissjoni hija konvinta li dan il-qafas jipprovdi kontribut integrat u sostenibbli għal koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, u għall-objettivi ta' tkabbir intelliġenti,inklużiv u sostenibbli għall-istrateġija Ewropa 2020. Għaldaqstant hija tistieden lill-Kunsill biex jeżamina u japprova din il-Komunikazzjoni.

[1]               COM(2011) 381 finali.

[2]               Li se jsir il-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd , kif propost mill-Kummissjoni għall-perjodu finanzjarju l-ġdid.

[3]               Punti ta' Kuntatt Nazzjonali (NCPs), Koordinaturi tal-Oqsma ta' Prijorità (PACs), Mexxejja ta' Azzjoni Orizzontali (HALs), Mexxejja tal-Proġett Rappreżentattiv (FPLs).

[4]               Id-dettalji kollha se jkunu disponibbli fuq is-sit tal-Internet tal-EUSBSR.

[5]               Bħad-Dimensjoni tat-Tramuntana, il-Kunsill tal-Istati tal-Baltiku, il-Kunsill Nordiku tal-Ministri, il-kummissjoni ta' Ħelsinki, in-netwerk dwar il-Viżjoni u l-Istrateġiji madwar il-Baħar Baltiku (VASAB), il-kooperazzjoni Subreġjonali tal-Istati tal-Baħar Baltiku (BSSSC), l-Unjoni tal-Ibliet Baltiċi (UBC) u BONUS – Il-Programm ta’ Riċerka u Żvilupp tal-Baħar Baltiku (inizjattiva tal-Artikolu 185).

[6]               Ippubblikat mill-Forum għall-Iżvilupp tal-Baltiku (Baltic Development Forum), il-Kunsill tal-Ministri Nordiku u l-Bank Ewropew tal-Investiment.