RAPPORT MILL-KUMMISSJONI dwar l-operazzjoni kumplessiva ta' kontrolli uffiċjali fl-Istati Membri dwar is-sikurezza tal-ikel, is-saħħa tal-annimali u l-benessri tal-annimali, u s-saħħa tal-pjanti /* COM/2012/0122 final - 2012/ () */
WERREJ 1........... Sfond. 1 2........... Il-Katina Alimentari tal-UE. 1 3........... Ħarsa ġenerali lejn il-kontrolli tal-UE fuq is-sigurtà tal-ikel 1 3.1. Reviżjoni tar-rapporti annwali tal-Istati Membri. 1 3.2. Riżultati tal-attivitajiet ta’ kontroll tal-Kummissjoni fl-Istati
Membri 1 3.3. Għejun oħrajn ta’ informazzjoni dwar il-kontrolli fl-Istati Membri 1 3.4. Segwitu u infurzar mill-Kummissjoni 1 4........... Konklużjonijiet 1 1. Sfond L-Artikolu 44(1)
tar-Regolament (KE) Nru 882/2004[1]
(Regolament dwar il-Kontroll tal-Għalf u l-Ikel) jeħtieġ li l-Istati Membri
kull sena jippreżentaw rapport lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni
tal-pjanijiet ta' kontroll nazzjonali multiannwali tagħhom stabbiliti
f'konformità mal-Artikolu 41 tar-Regolament. Ir-rapporti
għandu jkun fihom: (a)
id-dettalji tal-emendi fil-pjanijiet ta' kontroll
nazzjonali multiannwali, biex jitqiesu fost fatturi oħrajn il-bidliet
fil-leġiżlazzjoni, il-mard il-ġdid jew il-fatturi ta' riskju, xjenza ġdida,
ir-riżultati ta' kontrolli li saru fil-passat u bdil sinifikattiv
fl-organizzazzjoni; (b)
ir-riżultati ta’ kontrolli u verifiki mwettqa fis-sena ta’
qabel skont il-pjan nazzjonali ta’ kontroll; (c)
it-tip u l-għadd ta’ każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità
identifikati permezz tal-kontrolli; (d)
l-azzjonijiet mittieħda biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni
tal-pjan nazzjonali ta’ kontroll, inklużi l-azzjonijiet ta’ infurzar u
r-riżultati tagħhom. L-Artikolu 44(4) u
(6) tar-Regolament jitlob li l-Kummissjoni tistabbilixxi u tippreżenta
lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport annwali dwar l-operat globali
tal-kontrolli fl-Istati Membri fid-dawl ta’: (a)
ir-rapporti annwali ppreżentati mill-awtoritajiet
nazzjonali; (b)
il-verifiki[2]
u l-ispezzjonijiet imwettqa mill-UE fl-Istati Membri; (c)
u kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra. Il-Kummissjoni
ppreżentat l-ewwel rapport tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill
f'Awwissu 2010.[3]
L-iskop prinċipali ta’ dak ir-rapport kien li jingħata l-ewwel eżami analitiku
tad-dejta u tal-informazzjoni dwar il-kontrolli uffiċjali fl-ewwel rapporti
annwali mill-Istati Membri. Huwa ta wkoll sommarju tar-riżultati tal-verifiki u
spezzjonijiet tal-UE. F’Settembru 2010 r-rapport ġie diskuss mill-Istati
Membri fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa
tal-Annimali. Il-Kumitati għall-Ambjent u għall-Agrikoltura u l-Affarijiet
Rurali tal-Parlament Ewropew iddiskutewh f’Ottubru 2010. Il-Kummissjoni nediet
diskussjonijiet mal-Istati Membri dwar il-kwistjonijiet imqajjma fl-ewwel
rapport, u b’mod speċifiku dwar kif il-ġbir u l-ġestjoni tad-dejta dwar
il-kontrolli uffiċjali jistgħu jiġu ssimplifikati u standardizzati. Dan it-tieni rapport
jadotta metodu ftit li xejn differenti minn dak tal-ewwel.
Għandu l-għan li jagħti ħarsa ġenerali lejn il-kontrolli
tas-sigurtà tal-ikel tal-UE li ma tkunx limitata biss għall-aħħar sena li
għaliha hemm disponibbli r-rapport tal-Istati Membri, iżda tuża l-aħħar
informazzjoni mit-tliet għejun prinċipali ta’ informazzjoni dwar il-kontrolli
biex tagħti rendikont aġġornat kemm jista’ jkun dwar kif qed taħdem is-sistema
ta’ kontroll tal-UE. L-għejun prinċipali użati
minn dan ir-rapport huma: (a)
ir-rapporti annwali tal-Istati Membri għas-snin 2008 u 2009, (b)
ir-riżultati tal-attivitajiet ta' kontroll tal-Kummissjoni fil-perjodu 2008-2010
u, (c) informazzjoni oħra rilevanti dwar il-kontrolli li tinkludi: ·
rapporti riċenti mill-Istati
Membri dwar kontrolli f’setturi speċifiċi; ·
ir-riżultati tas-sistemi ta’
twissija rapida (Sistema ta’ Twissija Rapida għall-Għalf u l-Ikel - RASFF,
is-Sistema ta’ Notifika tal-Mard tal-Annimali - ADNS u s-sistema ta’ twissija
dwar theddid għas-saħħa tal-pjanti - Europhyt); ·
diskussjonijiet u
deċiżjonijiet dwar il-kontrolli fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina
Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u l-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa
tal-Pjanti; · reviżjoni ta’ każijiet ta' ksur marbuta
mad-dgħjufijiet fis-sistemi ta’ kontroll fl-Istati Membri; 2. Il-Katina
Alimentari tal-UE Sabiex wieħed jifhem kif
taħdem is-sistema tal-UE ta' kontrolli uffiċjali tul il-katina alimentari
kollha (inklużi dawk meħtieġa biex tkun żgurata s-saħħa tal-pjanti u s-saħħa u
l-benessri tal-annimali), huwa utli li dak li jkun ikollu idea tad-daqs u
l-kumplessità tal-katina alimentari tal-UE. Skont l-aħħar
dejta disponibbli mill-Eurostat, il-valur tal-produzzjoni totali tal-katina
alimentari tal-UE huwa ta’ madwar EUR 750. L-impjiegi totali fis-settur, mill-produzzjoni primarja sal-bejgħ
bl-imnut u l-forniment tal-ikel, huma iktar minn 48 miljun. Hemm madwar
14-il miljun produttur agrikolu primarju u 3 miljun operatur ta'
negozji tal-ikel li jaħdmu tul il-katina alimentari tal-UE mill-manifattura
tal-ikel sal-bejgħ bl-imnut u l-forniment tal-ikel. Dawn il-figuri globali
jagħtu idea tad-daqs tal-industrija tal-ikel. Hija vasta ħafna, iżda hija wkoll
varjata u kumplessa ħafna. Pereżempju,
fil-produzzjoni primarja d-daqs medju tal-irziezet ivarja bejn madwar 90 ettaru
f’pajjiżi bħar-Repubblika Ċeka, sa madwar 50 ettaru f'pajjiżi bħar-Renju
Unit, Franza u l-Ġermanja, u sa inqas minn tmien (8) ettari f'pajjiżi oħrajn bħall-Polonja,
il-Bulgarija u r-Rumanija. Hemm ukoll varjetà kbira bejn
it-tipi ta’ biedja pprattikati madwar l-UE kollha; li fil-biċċa l-kbira jiġu
spjegati mill-kundizzjonijiet agroklimatiċi, iżda anki mit-tradizzjonijiet
agrikoli li ilhom jeżistu. Fl-UE
hemm madwar 300.000 negozju tal-manifattura tal-ikel. Madankollu, fil-każ
ta’ ħafna prodotti – bħall-inbid, iż-żejt taż-żebbuġa, il-bajd u l-ġobon –
jista’ jkun li l-ipproċessar isir mill-impriżi agrikoli iktar milli
mill-impriżi tal-manifattura. Jekk wieħed jiffoka biss fuq is-settur
tal-manifattura ikun qed jissottovaluta d-daqs totali u l-kumplessità
tas-sistema tal-ikel tal-UE. B’mod speċifiku fis-settur tal-manifattura, għadd
żgħir ta' impriżi li joperaw fuq skala globali jirrappreżentaw sehem kbir ħafna
tal-produzzjoni. Pereżempju, fis-settur tal-prodotti tal-ħalib, 1 %
tal-impriżi jipproduċu madwar 60 % tal-produzzjoni totali tal-UE. Barra
l-produzzjoni primarja, l-ikbar għadd ta’ operaturi ta' negozji tal-ikel jinsab
f'tarf il-katina alimentari, fl-oqsma tal-bejgħ bl-imnut u tal-forniment
tal-ikel. Fl-UE hemm iktar minn miljun bejjiegħ tal-ikel bl-imut, u ħafna
minnhom huma negozji żgħar tal-familja, għalkemm f’termini ta’ bejgħ totali
s-settur huwa ddominat minn għadd żgħir ta’ katini kbar ta’ supermarkets. Hemm
kważi 1.4 miljuni ristoranti u stabbilimenti tal-ikel. 3. Ħarsa
ġenerali lejn il-kontrolli tal-UE fuq is-sigurtà tal-ikel 3.1. Reviżjoni
tar-rapporti annwali tal-Istati Membri. L-UE żviluppat
leġiżlazzjoni estensiva u dettaljata mfassla biex ikun żgurat li l-ikel mgħoddi
lill-konsumaturi permezz ta’ din is-sistema kbira u kumplessa ta’ produzzjoni
tal-ikel, ikun sigur u tajjeb għas-saħħa. Il-priċipji bażiċi tal-UE dwar l-għalf u l-ikel huma stipulati
fir-Regolament (KE) Nru 178/2002[4]. Skont dan ir-Regolament, huma n-negozji tal-ikel
tul il-katina alimentari kollha li għandhom ir-responsabbiltà primarja biex
jiżguraw li l-ikel ikun ħieles mill-periklu, mill-bidu tal-produzzjoni sal-punt
finali meta jinbiegħ lill-konsumatur. L-Istati Membri għandhom l-obbligu li jivverifikaw li l-operaturi
tan-negozji jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-liġi tal-UE dwar is-sigurtà tal-ikel u
tal-għalf (inklużi s-saħħa tal-annimali, il-benessri tal-annimali u s-saħħa
tal-pjanti). Għal dan il-għan huwa
meħtieġ li joperaw sistema ta' kontrolli. Ir-Regolament (KE)
Nru 882/2004 jistipula l-mod ta’ kif dawn il-kontrolli għandhom ikunu
organizzati u mħaddma. Sostanzjalment,
jistipula r-regoli ġenerali għat-twettiq ta' kontrolli uffiċjali biex ikun
ivverifikat li jkun hemm konformità mar-regoli tal-UE dwar is-sigurtà
tal-katina alimentari. B’mod
partikolari r-Regolament jimponi rekwiżiti fuq l-Istati Membri meta jivverifikaw: ·
il-konformità tal-operaturi mar-rekwiżiti legali
fis-settur, jew ·
li l-prodotti mqiegħda fis-suq tal-UE (dawk
prodotti fl-UE jew impurtati minn pajjiżi terzi) jkunu konformi mal-istandards
u r-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni fis-settur. Barra minn hekk,
l-awtoritajiet tal-Istati Membri jwettqu kompiti uffiċjali oħrajn skont
ir-Regolament (KE) 882/2004, bħal dawk imwettqa fil-ġlieda kontra l-aġenti
tal-mard tal-annimali, jew il-qerda tagħhom (pereżempju, l-ittestjar
tal-annimali għal xi mard fil-kuntest ta’ programm, investigazzjoni
epidemjoloġika wara li titfaċċa marda, it-tilqim kontra l-mard tal-annimali jew
il-qtil ta’ annimali infettati bil-patoġeni.) Ir-Regolament (KE)
Nru 882/2004 jistipula wkoll regoli dettaljati dwar il-kontrolli li
jagħmlu s-servizzi tal-Kummissjoni fl-Istati Membri, biex jiġi vverfikat li
jkunu konformi mal-obbligi stipulati fil-leġiżlazzjoni tas-settur u
fir-Regolament (KE) Nru 882/2004. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu
u jimplimentaw pjanijiet nazzjonali multiannwali ta’ kontroll biex ipoġġu
fis-seħħ ir-rekwiżiti tar-Regolament. Dawn il-pjanijiet ikopru, tipikament,
perjodu minn tlieta sa ħames snin u ġew applikati l-ewwel darba fil-bidu
tal-2007. L-Istati Membri huma mitluba jippreżentaw rapport annwali
lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali multiannwali
tagħhom ta’ kontroll. Waslu rapporti annwali għas-snin 2007, 2008 u 2009. Ingħata sommarju
tar-riżultati tal-ewwel analiżi tar-rapporti nazzjonali min-naħa
tal-Kummissjoni fir-rapport ġenerali tagħha tas-sena l-oħra, COM(2010) 441.
F’dak ir-rapport kien diffiċli li jintlaħqu konklużjonijiet dwar l-UE kollha
kemm hi minħabba l-varjazzjoni kbira bejn ir-rapporti nazzjonali, kemm
f’termini ta’ struttura kif ukoll ta’ kontenut, u minħabba n-nuqqas ta’ dejta
armonizzata dwar il-kontrolli. Dan għadu l-każ għar-rapporti tas-snin 2008
u 2009 li tirrifletti, parzjalment, id-differenzi sinifikattivi bejn l-Istati
Membri f’termini ta’ strutturi agrikoli, kulturi amministrativi u daqs.
Madankollu, sar titjib kbir fil-paragunabbiltà tar-rapporti bħala riżultat ta'
a) ksib ta' esperjenza min-naħa tal-Istati Membri fir-rigward tal-produzzjoni
tagħhom u b) djalogu kontinwu u attiv min-naħa tal-Kummissjoni mal-Istati
Membri sabiex jibqa' jitjieb il-kontenut u, b'mod partikolari,
il-paragunabbiltà tagħhom. Peress li issa l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri
pprovdew informazzjoni għal dawn l-aħħar tliet snin, biż-żmien qed jiġu
identifikati tendenzi u żviluppi interessanti. Qed jingħata sommarju tagħhom
hawn taħt. Ġbir
u analiżi ta’ dejta Fattur wieħed komuni
fir-rapporti kollha huwa l-isforz li qed isir biex dejjem iktar jittejjeb il-ġbir
tad-dejta dwar l-għadd u t-tip ta’ kontrolli li jitwettqu u r-riżultati
tagħhom. Fit-tfittxija għall-effiċjenza u l-effettività, huwa essenzjali li
jkun hemm dejta aġġornata biex tiġi vvalutata l-prestazzjoni u biex jiġu
identifikati l-prijoritajiet għall-attivitajiet ta' kontroll fil-futur. Filwaqt
li fir-rapporti annwali hemm imsemmija ħafna inizjattivi ġodda u kontinwi li
qed jieħdu din id-direzzjoni, jidher li l-kondiviżjoni tal-għarfien u
l-esperjenza hija limitata fost l-awtoritajiet differenti ta’ kontroll
fl-Istati Membri jew bejniethom. Fir-rapport annwali tagħha tas-sena l-oħra,
il-Kummissjoni ddikjarat l-intenzjoni tagħha li teżamina, b'kooperazzjoni
mal-Istati Membri, kif jista' jiġi sfruttat il-potenzjal tal-mezzi elettroniċi biex
tintbagħat u tiġi analizzata d-dejta biex b’hekk ikun hemm simplifikazjoni u
standardizzazzjoni fil-livell tal-UE. Il-ħidma fuq dan kollu issa bdiet u dan
jista' jgħin ukoll lill-Istati Membri fl-iżvilupp ta' sistemi tagħhom stess għall-ġestjoni
tal-informazzjoni. Dikjarazzjonijiet
globali tal-prestazzjoni. Il-linji gwida
tal-Kummissjoni dwar l-istruttura u l-kontenut tar-rapporti jeħtieġu li kull
awtorità nazzjonali tagħmel dikjarazzjoni ġenerali kull sena dwar
il-prestazzjoni tas-sistema tagħha ta' kontroll. Il-kwalità ta’ dawn
id-dikjarazzjonijiet tvarja. F'ħafna mir-rapporti huma limitati għal
dikjarazzjoni ġenerali li l-kontrolli twettqu skont l-arranġamenti ppjanati, li
l-istandards ġenerali tas-sigurtà tal-ikel, tas-saħħa u tal-benessri tal-annimali
u tas-saħħa tal-pjanti huma sodisfaċenti, u fejn kien hemm xi nuqqas ta'
konformità, dan normalment kien nuqqas żgħir. Madankollu, xi rapporti jipprovdu
valutazzjoni iktar komprensiva u sostanzjata msejsa fuq sett ta' indikaturi
tal-prestazzjoni. F’xi każijiet dawn l-indikaturi huma limitati għall-għadd u
t-tip tal-kontrolli mwettqa u jekk kienux konformi mal-pjanijiet inizjali. F’oħrajn
(Franza, il-Finlandja, l-Isvezja u r-Repubblika Slovakka) l-indikaturi jmorru
lil hinn u jimmiraw li jkejlu l-prestazzjoni billi jqabbluha mal-inċidenza ta’
mard speċifiku tal-annimali jew mard li jiġi trażmess fl-ikel. Fi Franza qed
jippruvaw ukoll jidentifikaw l-ispejjeż marbuta mal-kontrolli f’għadd ta’ oqsma
speċifiċi. Il-progress
fl-implimentazzjoni ta' pjanijiet multiannwali nazzjonali ta' kontroll Waħda mill-ikbar sfidi
kien ir-rekwiżit li l-Istati Membri għandhom jintroduċu pjanijiet ta’ kontroll multiannwali
nazzjonali integrati li jkopru l-attivitajiet kollha ta’ kontroll tul il-katina
alimentari kollha, mill-irziezet sal-imwejjed. Is-sistemi nazzjonali ta’
kontroll f’ħafna mill-pajjiżi huma kumplessi ħafna, u ta' spiss jinvolvu ħafna
organizzazzjonijiet differenti f’aspetti varji tal-attività ta’ kontroll
tal-ikel u tal-għalf, tas-saħħa tal-annimali, tal-benessri tal-annimali u
tas-saħħa tal-pjanti. F'ħafna mill-Istati Membri, dawn l-organizzazzjonijiet
differenti jkun kellhom ftit esperjenza fil-passat ta’ ħidma flimkien biex
jitfasslu pjanijiet ta’ kontroll integrati. Barra minn hekk, f’ħafna Stati
Membri, ir-responsabbiltà operattiva għat-twettiq tal-kontrolli tingħadda
lill-awtoritajiet reġjonali u lokali. Kien jeħtieġ li l-Istati Membri jsaħħu
l-mekkaniżmi tagħhom ta' konsultazzjoni u komunikazzjoni mal-awtoritajiet
reġjonali u lokali, u dan peress li kien meħtieġ li jiżguraw li l-attivitajiet
tagħhom ikunu integrati kompletament fil-pjanijiet nazzjonali b’mod konsistenti
u koerenti. Ir-rapporti annwali dwar l-implimentzzjoni tal-pjanijiet jindikaw
li sar progress konsiderevoli fit-twaqqif ta' strutturi u proċeduri
għall-integrazzjoni tal-pjanijiet ta’ kontroll tal-atturi kollha fil-livell
nazzjonali, reġjonali u lokali. L-ikbar sfida għal ħafna mill-awtoritajiet
kienet l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ informazzjoni u komunikazzjoni li jkunu
jistgħu jipprovdu dejta preċiża dwar il-kontrolli mwettqa u dwar ir-riżultati
tagħhom, sabiex mal-mogħdija ta' żmien tkun tista' tiġi vvalutata bi preċiżjoni
l-prestazzjoni tal-pjanijiet ta’ kontroll multiannwali nazzjonali, u
l-objettivi u l-miri tal-kontroll jiġu aġġustati skont il-prijoritajiet imsejsa
fuq ir-riskju. Ir-reġistrazzjoni
tal-operaturi tan-negozji alimentari Iż-żamma tat-traċċi
effettiva tal-ikel, mill-għajn oriġinali sad-destinazzjoni finali, huwa
prinċipju ċentrali tas-sistema tal-UE għall-kontroll tas-sigurtà tal-ikel.
L-elementi prinċipali li bihom tinbena s-sistema huma r-reġistrazzjoni
komprensiva tal-operaturi kollha, sistema effettiva ta' identifikazzjoni
tal-annimali u ż-żamma tat-traċċi tal-għalf u tal-ikel. Sar progress
sinifikanti fir-reġistrazzjoni tan-negozji alimentari. Madankollu, fil-qasam
tal-għalf, ir-reġistrazzjoni ta’ stabbilimenti iżgħar tal-għalf għadha ma
tlestietx. F’dak li jirrigwarda ż-żamma tat-traċċi tal-annimali, jidher li hemm
xi nuqqasijiet fl-identifikazzjoni tal-baqar u l-majjali u b’mod partikolari,
fis-sistemi għan-nagħaġ, il-mogħoż u ż-żwiemel. Valutazzjoni
tar-riskju u prijoritizzazzjoni Ir-Regolament (KE)
Nru 882/2004 jeħtieġ b'mod speċifiku li l-awtoritajiet nazzjonali jkollhom
sistema ta’ valutazzjoni espliċita tar-riskju u ta’ prijoritizzazzjoni
tal-kontroll. Hekk kif fis-snin li ġejjin takkumula l-pressjoni fuq ir-riżorsi,
jeħtieġ li tingħata iktar prijorità lil dan l-aspett tal-pjanijiet ta’ kontroll
multiannwali nazzjonali u tar-rapporti annwali marbuta magħhom. Xi rapporti
tal-Istati Membri jagħtu deskrizzjoni tajba tas-sistemi ta’ kategorizzazzjoni
tar-riskju tan-negozji alimentari u ta’ kif jorganizzaw il-kontrolli tagħhom
skont din il-kategorizzazzjoni tar-riskju. Il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Finlandja u
s-Slovenja huma partikolarment avvanzati f’dan il-qasam. Madankollu, f’għadd
ta’ Stati Membri l-awtoritajiet nazzjonali jidentifikaw li l-kategorizzazzjoni
aħjar tar-riskji fir-rigward tal-operaturi tan-negozji tal-ikel u tal-għalf
huwa qasam importanti li jeħtieġ li jsir titjib fih. Fis-snin riċenti,
l-Uffiċċju Alimentari u Veterinarju (FVO) tad-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u
l-Konsumaturi enfasizza dejjem iktar, permezz tal-verifiki tiegħu, il-ħtieġa li
l-Istati Membri jiżguraw li l-kontrolli uffiċjali fis-setturi kollha jitwettqu
b’mod regolari skont ir-riskju u ta’ spiss skont kemm ikun xieraq. L-intensità u l-kamp
ta’ applikazzjoni tal-kontrolli Globalment, ir-rapporti
jindikaw li fl-UE kollha hemm livell għoli ta’ intensità fil-kontrolli. Madankollu,
hemm varjazzjonijiet kbar fil-frekwenza tal-ispezzjonijiet, u dan skont
in-natura tan-negozju. Pereżempju, fis-setturi meqjusa bħala riskju kbir, bħall-produzzjoni
tal-laħam u tal-ħalib, il-kontrolli jsiru iktar ta' spiss. Fl-oqsma
tal-għalf u tal-prodotti sekondarji mill-annimali, il-kontrolli huma inqas
intensivi minn dawk fil-qasam tal-ikel. Minħabba l-bdil kbir fil-liġi tal-UE f’dawn l-aħħar għaxar snin f’dak
li jirrigwarda l-għalf u l-prodotti sekondarji mill-annimali, b’mod partikolari
l-ħtieġa li n-negożji tal-għalf u tal-prodotti sekondarji mill-annimali jkunu
reġistrati, tpoġġa piż kbir fuq in-negozji u fuq l-awtoritajiet li jwettqu
l-kontrolli. F’ħafna mir-rapporti
huwa rikonoxxut li hemm lok għal titjib u għal intensifikazzjoni ulterjuri
fil-kontrolli msejsa fuq il-prijoritizzazzjoni tar-riskji f'dawn is-setturi. Il-kontrolli
fil-qasam tas-saħħa tal-annimali jiffukaw fuq il-verifikazzjoni tal-konformità
mar-rekwiżiti li jirrigwardaw l-identifikazzjoni tal-annimali u l-ittestjar
għal mard tal-annimali, bħall-bruċellożi, it-tuberkolożi, id-deni tal-ħnieżer u
l-BSE. Barra minn hekk, l-Istati
Membri huma meħtieġa li jpoġġu fis-seħħ pjanijiet ta’ kontinġenza biex jittrattaw
kriżijiet kbar tas-sigurtà tal-ikel u tal-għalf u tas-saħħa tal-annimali. Koordinazzjoni
bejn l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali F’ħafna Stati Membri,
ir-responsabilità operattiva għat-twettiq ta' kontrolli uffiċjali prinċipalment
hija tal-awtoritajiet reġjonali u lokali. Dan huwa notevoli fi Stati Membri b'kompetenzi żviluppati, bħall-Ġermanja,
Spanja, l-Italja, il-Greċja, ir-Renju Unit, l-Isvezja u l-Finlandja fejn
l-awtoritajiet reġjonali u lokali jistgħa jkollhom grad għoli ta’ awtonomija. Dawn l-Istati Membri jiffaċċjaw l-isfida ta' kif
jiżguraw li jkun hemm sistema b’saħħitha biżżejjed ta’ responsabbiltà li
permezz tagħha l-awtoritajiet reġjonali u lokali jipprovdu rendikont xieraq u
konsistenti tal-attivitajiet tagħhom ta’ kontroll lill-awtoritajiet nazzjonali
tagħhom, u permezz ta’ dawn tal-aħħar, fil-livell tal-UE. Hemm ukoll il-kwistjoni relatata
ta’ responsabbiltajiet u ta’ attivitajiet ta’ kontroll li jikkoinċidu bejn
l-awtoritajiet differenti. Din il-kwistjoni
ilha teżisti f’għadd ta’ Stati Membri. Pereżempju, l-awtoritajiet ta’ verifika interna fil-Ġreċja,
fil-Portugall u fir-Rumanija jiddikjaraw li r-responsabbiltajiet u
l-attivitajiet operattivi li jikkoinċidu huma problema sinifikanti. Dawn l-Istati Membri huma wkoll fost dawk li
jqisu li r-riżorsi inadegwati huma waħda mir-raġunijiet li minħabba fihom ma
jintlaħqux il-miri f’għadd ta’ kontrolli. B’mod ġenerali, jidher li l-Istati
Membri li għandhom responsabbiltajiet u strutturi ta’ ġestjoni definiti b’mod
ċar, li juru responsabbiltà fil-livelli kollha, huma dawk li joperaw bl-iktar
mod effikaċi. Sistemi
nazzjonali ta’ verifika Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004
jeħtieġ li l-Istati Membri jwettqu verifiki interni, jew iqabbdu lil min
iwettaq verifiki esterni, biex jiżguraw li s-sistemi ta’ kontroll tagħhom ikunu
qed jiksbu l-objettivi tar-Regolament. Jispeċifika wkoll li dawn il-verifiki
għandhom ikunu soġġetti għal eżami bir-reqqa indipendenti mwettaq b’mod
trasparenti. Kważi l-Istati Membri
kollha għandhom fis-seħħ sistema ta’ verifiki, minkejja li f’ħafna
mill-każijiet dawn ikopru biss medda limitata ta' oqsma speċifiċi ta' kontroll
fi ħdan is-sistema globali. Ir-riżultati ta’ dawn il-verifiki jiġu ppreżentati
fir-rapporti annwali, iżda spiss f’forma ta’ sommarju qasir ħafna. Il-punti
dgħajfa prinċipali identifikati f’dawn il-verifiki interni u fl-azzjonjiet li
jittieħdu bħala rimedju, ġeneralment ma jiġux irrappurtati fid-dettall.
Madankollu hemm xi eċċezzjonijiet notevoli. Pereżempju, il-Finlandja u
r-Repubblika Ċeka jirrappurtaw dwar ir-riżultati tal-verifiki tagħhom u dwar
l-oqsma fejn ġew identifikati xi punti dgħajfa. Barra minn hekk,
fir-rapporti annwali jkun hemm informazzjoni limitata dwar id-dispożizzjonijiet
fis-seħħ biex jiġu attwati r-rekwiżiti li r-rapporti ta’ verifika għandhom
ikunu soġġetti għal eżami bir-reqqa indipendenti. L-affidabilità, jew
in-nuqqas tagħha, tas-sistemi ta’ verifika tal-Istati Membri stess biex
jipproduċu t-titjib meħtieġ fil-kontrolli, se tibda tkun dejjem iktar wieħed
mill-kriterji ta' riskju li jitqies fil-pjanifikazzjoni fil-futur ta' verifiki
tal-FVO. Riżorsi Skont id-dejta pprovduta
mill-awtoritajiet nazzjonali, huwa stmat li iktar minn 100.000 ruħ huma
impjegati direttament jew indirettament, fil-livell nazzjonali, reġjonali u
lokali, fit-twettiq ta’ kontrolli fis-sigurtà tal-ikel u tal-għalf, fis-saħħa
tal-annimali, fil-benessri tal-annimali u fis-saħħa tal-pjanti. Din hija
riżorsa sostanzjali iżda, meta jitqabblu l-miri tal-kontrolli mar-riżultati li
jinkisbu fil-fatt, xi awtoritajiet nazzjonali qed jiddikjaraw li n-nuqqas ta’
impjegati huwa wieħed mir-raġunijiet sottostanti li minħabba fih mhux qed
jintlaħqu l-miri. Xi Stati Membri bħall-Pajjiżi l-Baxxi, jiddikjaraw b'mod
espliċitu li s-sistemi u l-operazzjonijiet ta' kontroll tagħhom qed jiġu
aġġustati biex titqies ir-realtà tat-tnaqqis fl-impjegati u
tar-razzjonalizzazzjoni li kien hemm fis-snin reċenti. Il-valutazzjoni
tar-riskju u l-prijoritizzazzjoni tal-kontrolli huma elementi importanti biex
isir dan l-aġġustament. Taħriġ Ir-rapporti nazzjonali jagħtu spjegazzjoni dettaljata dwar
il-programmi ta’ taħriġ organizzati kull sena għall-impjegati fil-qasam
tal-kontroll u għall-operaturi tan-negozji alimentari. Globalment, l-isforz li
qed isir fit-taħriġ huwa wieħed sostanzjali. Huwa jiffoka fuq tliet
prijoritajiet prinċipali. L-ewwel, il-pakkett ta’ Regolamenti dwar l-iġjene
introdott fl-2006 kien jirrikjedi li jkun hemm iktar iffukar fuq prattiki tajba
ta' iġjene u l-applikazzjoni tal-prinċipji HACCP[5]
mill-operaturi kollha tan-negozji alimentari. Fis-snin riċenti twettqet ħidma
konsiderevoli biex l-operaturi tan-negozji alimentari u l-impjegati fil-qasam
tal-kontroll jiffamiljarizzaw ruħhom mar-rekwiżiti tar-Regolamenti l-ġodda.
It-tieni, l-iżviluppi tax-xjenza u tat-teknoloġija, speċjalment dawk f’oqsma
relattivament ġodda tal-produzzjoni tal-ikel u tal-għalf (pereżempju, ikel
ġdid, OĠM, materjali li jiġu f’kuntatt mal-ikel, addittivi alimentari u
tal-għalf), jeħtieġu li l-għarfien tal-impjegati jiġi aġġorant kontinwament.
It-tielet, minħabba ż-żieda fl-iffukar fuq l-għalf tal-annimali u fuq
il-prodotti sekondarji mill-annimali kien meħtieġ li jsir sforz speċjali biex in-negozji
u l-uffiċjali tal-kontroll jiffamiljarizzaw ruħhom mar-rekwiżiti l-ġodda
tal-liġi tal-UE f'dawn is-setturi. Fil-livell nazzjonali t-taħriġ huwa appoġġjat u
kkumplimentat minn taħriġ organizzat mill-Kummissjoni fil-programm ta’ Taħriġ
Aħjar għal Aktar Sikurezza fl-Ikel li nbeda fl-2006 u huwa stipulat fl-Artikolu 51
tar-Regolament (KE) Nru 882/2004. Dan il-programm, li jkopri medda
wiesgħa ta’ suġġetti, għandu l-għan li l-kontrolli uffiċjali jsiru iktar
effettivi biex jiġi żgurat li l-operaturi fil-livelli kollha jirrispettaw
il-liġi tal-UE li tħares is-saħħa tal-pubbliku, tal-annimali u tal-pjanti kif
ukoll il-benessri tal-annimali. Sussegwentement dan jikkontribwixxi biex ikun
hemm iktar sigurtà fil-provvista tal-ikel u tal-għalf, l-avvanzament
tal-istandards tas-saħħa tal-annimali u tal-pjanti u biex jogħlew il-livelli
ta’ protezzjoni tal-konsumatur u tal-annimali. Ir-riżultati tal-attivitajiet ta’ kontroll tal-Kummissjoni,
bħal fil-qasam tal-Iġjene Ġenerali deskritta fit-Taqsima 3.2 ta’ dan
ir-rapport, jikkonfermaw li jeħtieġ li jkun hemm iktar taħriġ f'ċerti oqsma. Laboratorji L-Istati Membri
kollha għandhom jinnominaw laboratorji li jwettqu l-analiżi ta’ kampjuni meħuda
waqt il-kontrolli uffiċjali. Dawn il-laboratorji għandhom l-obbligu li jaħdmu,
u li jiġu vvalutati u akkreditati, skont standards definiti tal-UE jew skont
standards internazzjonali biex ikun żgurat li jkun hemm standards uniformi u
għolja. Fl-UE kollha teżisti network kbira ta’ laboratorji uffiċjali. Ħafna
minn dawn joperaw fil-livell nazzjonali, iżda l-awtoritajiet reġjonali u lokali
jistgħu jinnominaw il-laboratorji uffiċjali tagħhom stess, b’mod partikolari fi
Stati Membri li għandhom reġjuni jew awtoritajiet awtonomi. Dan jista’ jwassal
biex l-għadd tal-laboratorji uffiċjali jitkattar b’mod konsiderevoli. Il-proċess
ta’ akkreditazzjoni huwa kumpless u spiss jiswa’ ħafna flus, speċjalment
għal-laboratorji reġjonali jew lokali iżgħar. Bħala riżultat, xi Stati Membri
jkomplu jirreġistraw dewmien fl-ilħuq tal-akkredizzjoni kompleta
tal-laboratorji uffiċjali tagħhom involuti fl-ittestjar fil-kuntest
tal-kontrolli uffiċjali. Fl-2010, il-Kummissjoni bdiet diskussjonijiet
mal-Istati Membri dwar ir-rekwiżiti għall-akkreditazzjoni. Il-verifiki min-naħa tal-FVO jikkonfermaw li l-livell ta’ konformità
tal-laboratorji mal-liġi tal-UE jvarja minn settur għal ieħor. Pereżempju, fir-rigward tal-prodotti tal-ħut u
tas-sajd, jidher li ġeneralment il-laboratorji li jwettqu l-analiżi fil-kuntest
tal-kontrolli uffiċjali huma mgħammra tajjeb u għandhom il-kapaċità li jwettqu
l-analiżi meħtieġa; ħafna huma
akkreditati. Is-sitwazzjoni hija
differenti, pereżempju, fir-rigward ta’ laboratorji li joperaw skont
il-pjanijiet nazzjonali ta' kontroll tas-Salmonella. Il-verifiki tal-FVO jirrappurtaw ukoll li f'xi
Stati Membri hemm nuqqasijiet fir-rigward tal-kontrolli tal-pestiċidji. Ir-riżultati tal-kontrolli uffiċjali u tal-monitoraġġ a) Oqsma prinċipali
fejn hemm nuqqas ta’ konformità Fil-produzzjoni tal-ikel,
hemm żewġ temi rikorrenti fir-rapporti tal-Istati Membri dwar in-nuqqas ta’
konformità fil-produzzjoni tal-ikel: il-kontrolli
tal-iġjene fl-istabbilimenti; u t-tikkettar. Ir-rekwiżiti tal-pakkett ta’ Regolamenti dwar
l-iġjene daħlu fis-seħħ fl-2006. Ir-rapporti
nazzjonali dwar il-kontrolli fl-2007 rreġistraw firxa wiesgħa ta’ nuqqasijiet
fl-applikazzjoni ta’ dawn ir-Regolament, probabbilment parzjalment minħabba li
kienu għadhom kif daħlu fis-seħħ fis-sena ta’ qabel. Fl-2008 u fl-2009 f’dan il-qasam ġie rreġistrat progress konsistenti
iżda ħafna mir-rapporti baqgħu jindikaw li l-operaturi ż-żgħar fil-punt
tal-katina alimentari fejn isir il-bejgħ u l-forniment tal-ikel kien għad għandhom
problemi kontinwi. Il-punti dgħajfa
prinċipali jinkludu: binjiet u
tagħmir antiki; in-nuqqas ta’ sistemi
ta’ awtoverifika min-negozji jew sistemi ta’ dan it-tip li jkunu dgħajfa; applikazzjoni insuffiċjenti tal-HACCP; u reġistri mhux miżmuma kif xieraq. Xi awtoritajiet jindikaw problemi fis-setturi
tal-bejgħ bl-imnut u tal-forniment tal-ikel ikkawżati minn bdil ta’ spiss ta’
ħafna impjegati, speċjalment il-ħaddiema staġjonali, biex b’hekk huwa diffiċli
li l-impjegati jkunu mħarrġa tajjeb biżżejjed dwar il-prattika tajba fl-iġjene. Dwar it-tikkettar, jidher li d-diffikultà
prinċipali tirriżulta mir-rekwiżiti kumplessi li ġejjin minn oqsma differenti
tal-leġiżlazzjoni (pereżempju l-addittivi, in-nutrizzjoni, il-post tal-oriġini,
eċċ). Dwar l-għalf,
in-nuqqasijiet ta' konformità prinċipali huma marbuta ma':
dewmien fil-proċess ta’ reġistrazzjoni tal-operaturi; applikazzjoni insuffiċjenti tal-prinċipji HACCP; l-iġjene fost il-manifatturi tal-għalf; u kontravenzjonijiet tar-regoli dwar l-addittivi
tal-ikel. Fir-rigward tas-saħħa
tal-annimali, il-punti dgħajfa rrappurtati għandhom x’jaqsmu mal-identifikazzjoni
tal-annimali u l-kontroll tal-movimenti. Fir-rigward
tal-benessri tal-annimali fl-irziezet, ħafna mill-punti dgħajfa li nstabu huma
kkawżati min-nuqqas ta’ għafien min-naħa tal-bdiewa, b’mod partikolari tal-iżgħar
bdiewa. Xi Stati Membri rreġistraw
tnaqqis fil-livell ta’ nuqqas ta’ konformità fl-irziezet, wara li ngħataw
taħriġ u informazzjoni lill-bdiewa. Ir-riżultati tal-kontrolli uffiċjali u tal-monitoraġġ b) Tendenzi ġenerali
fil-mard li jiġi trażmess mill-ikel Is-Salmonella u l-Campylobacter huma ż-żewġ
kawżi prinċipali fl-UE tal-mard li jiġi trażmess mill-ikel. L-analiżi min-naħa tal-EFSA tar-rapporti dwar
iż-żoonożi ta’ kull Stat Membru tikkonferma li fl-Unjoni Ewropea qed tonqos
it-tendenza li jkun hemm każijiet ta’ salmonellosi fil-bniedem. Fl-2009 ġew irrappurtati total ta’
108.614-il każ (dejta ppubblikata fl-2011) u b’mod partikolari, naqsu sew
il-każijiet fil-bniedem ikkawżati minn S. Enteritidis. Ir-rapport tal-EFSA jindika li l-applikazzjoni
tal-programmi ta’ kontroll tas-Salmonella fl-Istati Membri hija raġuni
għal dan it-tnaqqis. Ir-rapporti annwali
tal-Istati Membri dwar il-kontrolli jindikaw li t-teħid ta' kampjuni u
l-ittestjar tagħhom għal dawn iż-żewġ perikli mikrobijoloġiċi jirrappreżentaw
sehem kbir tat-teħid ta’ kampjuni u tal-ittestjar marbut mal-produzzjoni
tal-ikel fl-Istati Membri. Miżuri
nazzjonali ta’ infurzar Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004
jistipula li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-operaturi
tan-negozji jieħdu miżuri biex jirrimedjaw meta jidentifikaw xi nuqqas ta'
konformità. Jeħtieġ ukoll li l-Istati Membri jkollhom regoli definiti sew dwar
is-sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta' ksur ta' liġi tal-UE. Is-sanzjonijiet
għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Kważi r-rapporti kollha
jagħtu sommarju tal-azzjonijiet li ttieħdu biex jiġu trattati l-każijiet ta’
nuqqas ta’ konformità L-iktar azzjonijiet komuni huma l-avviżi ta’ twissija, il-multi,
l-għeluq temporanju tan-negozji, u f'każijiet serji anki b’mod permanenti, u
f’każijiet rari jittieħdu anki proċeduri kriminali f’każ ta’ frodi jew ksur
serju tar-rekwiżiti legali. B’mod ġenerali, l-informazzjoni dwar is-sistemi ta'
sanzjonijiet u dwar il-mod ta' kif jitħaddmu hija limitata u l-livell ta'
dettall ivarja minn Stat Membru għall-ieħor. Fin-nuqqas ta’ dejta iktar
speċifika u armonizzata fir-rapporti annwali, mhux possibli li jingħata
ġudizzju dwar il-konsistenza tas-sistema globali ta’ infurzar fl-Istati Membri
kollha. F’ċerti Stati Membri, bħar-Repubblika Ċeka, hemm tendenza favur
il-bidla minn proċeduri fil-qorti għal proċeduri amministrattivi inqas onerużi
u iktar effettivi fil-każ ta' nuqqasijiet ta' konformità inqas serji. Kontrolli
uffiċjali wara l-emerġenza ta’ theddidiet speċifiċi għas-saħħa – ikel, annimali
u pjanti Fis-snin riċenti,
l-emerġenzi prinċipali tas-saħħa fl-UE fil-qasam tas-sigurtà tal-ikel u
tal-għalf oriġinaw mill-manifattura tal-għalf. Fl-2008 fl-Irlanda, instabu
livelli għolja ta’ kontaminazzjoni mid-diossina fil-laħam tal-majjal. L-oriġini
tal-problema ġiet traċċata fil-proċess ta’ manifattura tal-għalf minħabba l-użu
ta’ żjut tal-iskart b’kontaminazzjoni għolja waqt il-proċess ta’ tnixxif.
Fl-2010, instabet il-kontaminazzjoni tad-diossina fi prodotti li kienu
joriġinaw mill-Ġermanja. Dan ġie traċċat għal xi xaħmijiet, b'mod speċifiku
dawk għall-użu industrijali biss, li kienu qed jiġu miżjuda mal-għalf
tal-annimali. Il-Kummissjoni qiegħda fil-proċess li tadotta miżuri speċifiċi
biex tittratta dan ir-riskju partikolari. Fil-qasam tas-saħħa
tal-annimali, l-Istati Membri kellhom jiffukaw l-isforzi addizjonali ta’
kontroll fuq il-Bluetongue u l-influwenza avjarja. It-tifqigħa riċenti tal-Marda
tal-Ilsien u d-Dwiefer fil-Bulgarija tenfasizza l-importanza ta’ viġilanza
kontinwa, iżda turi wkoll li, meta applikati tajjeb, il-miżuri ta' kontroll
tal-UE huma effettivi fil-prevenzjoni tat-tixrid tal-marda. Fil-qasam tas-saħħa
tal-pjanti, ingħatat prijorità kbira lit-trażżin tat-theddida tan-nematodu
tal-injam tal-arżnu fil-Portugall u lill-miżuri ta' implimentazzjoni li
għandhom l-għan li jeliminaw it-tixrid tat-theddida fi Spanja. B'mod simili,
it-tixrid rapidu tal-bumunqar aħmar tal-palm fil-pajjiżi tal-Mediterran u
t-tixrid ripetut tal-ħanfusa tal-qrun twil Asjatika u l-ħanfusa tal-qrun twil
taċ-ċitru, kien jeħtieġ kontroll imsaħħaħ u azzjoni ta' trażżin min-naħa
tal-Istati Membri. Il-miżuri fil-livell tal-UE u l-isforzi ta’ kontroll li
saru in-naħa tal-Istati Membri huma deskritti fit-Taqsima 3.2 ta’ dan
ir-rapport. Żviluppi interessanti
li possibilment iservu ta’ eżempju ta’ prattika tajba Il-klassifikazzjoni tal-istabbilimenti u l-pubblikazzjoni tar-riżultati
(id-Danimarka, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju Unit u l-Belġju): Permezz tar-rekwiżit li l-operaturi tan-negozji
kollha għandhom ikunu rreġistrati flimkien mal-pubblikazzjoni tar-riżultati tal-ispezzjonijiet
ta’ dawn in-negozji mill-awtoritajiet uffiċjali, irendu iktar faċli li tingħata
indikazzjoni utli lill-konsumaturi dwar il-konformità mal-istandards fir-ristoranti
u fil-ħwienet. Diġà hemm disponibbli
għadd ta' eżempji, fejn l-iktar wieħed antik huwa l-iskema Daniża 'smiley' (http://www.findsmiley.dk/en-US/Forside.htm). Fir-Renju Unit u
fil-Belġju qed jitmexxew pjanijiet b’ideat simili. Awtorappurtar
min-naħa tal-operaturi tan-negozji dwar azzjonijiet li jieħdu għal skop ta’
rimedju (il-Pajjiżi l-Baxxi): Bħala
parti mill-isforz biex tittejjeb l-effiċjenza tas-servizzi ta’ kontroll u biex
jitnaqqas il-piż tal-attivitajiet ta' kontroll fuq l-operaturi tan-negozji
alimentari, il-Pajjiżi l-Baxxi introduċew sistema elettronika li permezz tagħha
r-rappurtar isir mill-operaturi tan-negozji alimentari stess. Bl-użu ta’ din is-sistema, operatur ta’ negozju
alimentari jista’ jirrapporta lill-awtorità ta’ kontroll permezz ta’ għodda ta’
rappurtar fuq l-internet, dwar azzjonijiet li jkun ħa b’reazzjoni għal
rakkomandazzjonijiet li jkunu saru waqt żjara preċendenti ta’ kontroll. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità ta’ rutina,
ġeneralment dawn ir-rapporti jiġu aċċettati mingħajr il-ħtieġa li jsiru żjarat
ulterjuri mill-awtoritajiet biex isegwu l-każ, minkejja li darba kultant isiru
żjarat mhux imħabbra fuq bażi aleatorja. Sistemi ta’ ġestjoni
tal-kwalità (il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, il-Litwanja u s-Slovenja): Għadd ta’ Stati Membri introduċew sistemi ta’
ġestjoni ta’ kwalità (QMS) fis-servizzi ta' kontroll tagħhom, u fir-rigward
tagħhom kisbu akkreditazzjonijiet li jlaħħqu ma' standards internazzjonali. Pereżempju, fir-Repubblika Ċeka, is-sistemi tal-ġestjoni
tal-kwalità ta’ ħafna mill-entitajiet ta’ kontroll jiġu vverfikati minn
entitajiet esterni skont l-istandard ISO 9001. Dawn is-sistemi huma meqjusa strumenti importanti għat-titjib
tal-effikaċja u tal-effiċjenza globali tal-kontrolli, u r-reviżjonijiet
indipendenti u kontinwi tal-prestazzjoni jħeġġu biex ikun hemm titjib
kontinwu. Fil-Ġermanja, il-Grupp ta’ Ħidma speċjali tal-Länder dwar
il-Ġestjoni tal-Kwalità żviluppa qafas armonizzat għat-tħejjija ta' QMS f'kull
wieħed mis-16-il Länder. 3.2. Riżultati
tal-attivitajiet ta’ kontroll tal-Kummissjoni fl-Istati Membri Ir-Regolament
(KE) Nru 882/2004 jirrikjedi li l-Kummissjoni twettaq kontrolli fl-Istati
Membri biex tivverifika li, globalment, il-kontrolli uffiċjali jkunu qed isiru
skont il-pjanijiet ta’ kontroll multiannwali nazzjonali rispettivi u skont
il-liġi tal-UE. Biex
jissodisfa l-obbligi tal-Kummissjoni, kull sena, l-FVO jwettaq programm ta’
verifiki u spezzjonijiet sabiex jikkonferma li jkun hemm konformità mal-liġi
dwar l-għalf u l-ikel, mal-leġiżlazzjoni dwar is-saħħa u l-benessri
tal-annimali u dwar is-saħħa tal-pjanti, u biex jikkonferma li l-kontrolli
uffiċjali nazzjonali f’dawn l-oqsma jitwettqu f’konformità mal-leġiżlazzjoni
tal-UE. Dan il-programm jiġi ppubblikat fuq il-websajt tal-Kummissjoni fil-bidu
ta’ kull sena. Is-sejbiet
li joħorġu minn kull verifika u spezzjoni jiġu ppreżentati f’rapport
lill-awtorità nazzjonali rilevanti, flimkien mal-konklużjonijiet u
r-rakkomandazzjonijiet biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet identifikati. Fit-taqsima 3.4
ta’ dan ir-rapport hemm spjegazzjoni ta’ kif jiġu trattati
r-rakkomandazzjonijiet. L-informazzjoni
mill-verifiki tal-FVO tista’ tagħti lok għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’
emerġenza jew ta’ salvagwardja min-naħa tal-Kummissjoni (f’forma ta’
Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni) f’każ ta’ theddida serja għas-sigurtà tal-ikel,
għas-saħħa tal-annimali jew tal-pjanti jew meta r-riskju ma jkunx jista'
jitrażżan permezz ta' azzjoni meħuda biss mill-Istati Membru milqut. Dawn
l-istrumenti legali jistgħu jimponu iktar kontrolli, iżda anki miżuri biex jiġi
evitat il-kummerċ jew l-importazzjoni ta’ għalf, ikel, annimali u pjanti jew
kwalunkwe prodott li joriġina minnhom, u dan skont is-sitwazzjoni. F'każ
ta' rilevanza, l-informazzjoni mill-verifiki tal-FVO tista’ tintuża bħala prova
ta’ ksur tal-liġi tal-UE, fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ ksur (ara t-Taqsima 3.4). Permezz
tal-pubblikazzjoni tar-rapporti ta’ verifika u tal-pjanijiet ta’ azzjoni
tal-Istati Membri, kif ukoll tal-profili tal-pajjiżi li jiġu aġġornati
regolarment, il-Kummissjoni tipprovdi lill-partijiet interessati u
liċ-ċittadini b’rendikont fattwali dwar kif l-awtoritajiet ta’ kontroll f’kull
Stat Membru jaqdu dmirijiethom biex jiżguraw li jkun hemm implimentazzjoni
korretta tal-liġi tal-UE. Fis-snin
reċenti, l-FVO wettqet madwar 250 verifika kull sena, li koprew il-katina
alimentari kollha kif ukoll is-saħħa u l-benessri tal-annimali u s-saħħa
tal-pjanti. Il-verifiki
fil-qasam tas-sigurtà tal-ikel huma l-parti prinċipali tal-programm. Fil-perjodu
li qed jiġi eżaminat, mill-inqas 70 % tal-verifiki kienu jikkonċernaw
is-sigurtà tal-ikel u xi wħud koprew ukoll aspetti relatati mas-saħħa
tal-annimali. Madwar 12 % tal-verifiki kienu relatati b’mod speċifiku
mas-saħħa tal-annimali biss. Il-bilanċ inkiseb permezz tal-qasam tal-benessri
tal-annimali u s-saħħa tal-pjanti fejn, kull sena, madwar 8 % tal-verifiki
kienu jiffukaw fuq kull wieħed minn dawn l-oqsma. Ir-rapporti tal-FVO
jipprovdu informazzjoni siewja dwar kif kienu qed jaħdmu s-sistemi ta' kontroll
tal-Istati Membri fl-oqsma koperti mill-verifiki, fil-perjodu ta’ rappurtar. It-taqsima
li ġejja tippreżenta l-kwistjonijiet ta' interess koperti mill-programm f'dawn
l-aħħar tliet snin fl-Istati Membri, dwar is-sigurtà tal-ikel, is-saħħa u l-benessri
tal-annimali u s-saħħa tal-pjanti. Tipprovdi wkoll sommarju tar-riżultati u
l-konklużjonijiet prinċipali tas-sensiela differenti ta’ verifiki. Ir-rapporti
dwar il-verifiki tal-FVO, kif ukoll it-tweġibiet tal-awtoritajiet kompetenti
għar-rakkomandazzjonijiet tar-rapport tal-FVO, jinsabu fuq: http://ec.europa.eu/food/fvo/index_en.cfm Is-Sigurtà alimentari Kontrolli
uffiċjali fuq il-produzzjoni tal-ħalib u l-laħam Fil-perjodu li qed jiġi
eżaminat, kważi fl-Istati Membri kollha, l-FVO wettaq sensiela ta' verifiki
tal-kontrolli tal-iġjene relatati mal-produzzjoni tal-laħam aħmar u l-ħalib. Dawn
ikkonfermaw li l-Istati Membri introduċew sistemi ta’ kontroll b’saħħithom li
ġeneralment huma konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) 882/2004 u
li t-titjib meħtieġ fl-istabbilimenti li jipproduċu u jipproċessaw il-laħam u
l-ħalib biex jilħqu l-istandards tal-UE fil-kuntest tal-adeżjoni, b’mod
ġenerali twettaq b’suċċess fl-għaxar Stati Membri li ssieħbu fl-UE fl-2004.
L-operaturi tan-negozji alimentari wettqu tranżitu lejn ir-rekwiżiti
tal-pakkett ta’ Regolamenti dwar l-iġjene. Fejn deher li kien hemm xi
nuqqasijiet, dawn ġeneralment setgħu jiġu attribwiti għal fallimenti
individwali tal-impjegati fil-qasam tal-kontrolli, li ġeneralment huma sintomu
ta' sistema ta' superviżjoni dgħajfa. Ir-raġjuni prinċipali l-oħra
għan-nuqqasijiet li jippersistu hija relatata ma’ infurzar ħażin
tal-leġiżlazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet li jwettqu l-kontrolli. Barra minn hekk, din
is-sensiela identifikat tendenza, primarjament fl-Istati Membri l-‘antiki’, ta’
nuqqas ta’ konformità ma’ rekwiżiti attwali ta’ spezzjonijiet tal-laħam,
pereżempju fir-rigward ta’: (a) l-użu ta’ impjegati tekniċi minflok veterinarji
uffiċjali biex iwettqu spezzjonijiet antemortem, u (b) in-nuqqas ta'
veterinarji uffiċjali fil-biċċeriji, speċjalment fil-biċċeriji ż-żgħar, fejn
l-ispezzjoni postmortem issir fi stadju aktar tard. Kontrolli
uffiċjali fuq l-ikel tat-trabi Twettqu verifiki fi 11-il
Stat Membru u fl-Isvizzera biex jiġu evalwati l-kontrolli fuq il-produzzjoni
tal-ikel tat-trabi. Ma nstabu l-ebda
nuqqasijiet kbar fir-rigward tas-sistemi ta’ kontroll tal-iġjene u taż-żamma tat-traċċi
fin-negozji alimentari li joperaw fis-settur. Madankollu, il-programmi HACCP f’dawn in-negozji ġeneralment ma kienux
imfassla biex iqisu r-riskji speċifiċi assoċjati mal-ikel tat-trabi. Ġie nnutat ukoll li hemm nuqqasijiet relatati
mar-rekwiżiti tal-kompożizzjoni u t-tikkettar, kif ukoll fl-awtoverifiki
tar-residwi tal-pestiċidi u tal-kontaminanti. Il-kontrolli fuq
il-formuli tal-ikel tat-tfal u tal-ikel tat-trabi mhux dejjem kienu sodisfaċenti
f'dak li jirrigwarda l-ingredjenti, il-kriterji tal-kompożizzjoni u s-sustanzi
nutrizzjonali, it-tikkettar kif ukoll ir-residwi tal-pestiċidi. Spiss, dawn in-nuqqasijiet fil-kontrolli
uffiċjali kienu marbuta ma' taħriġ limitat tal-impjegati uffiċjali f'dak li
jirrigwarda r-rekwiżiti speċifiċi tal-leġiżlazzjoni, teħid ta' kampjuni mfassal
mhux kif xieraq u programmi ta’ ttestjar u kapaċitajiet limitati għall-analiżi
tar-residwi tal-pestiċidi. L-istess bħal fil-każ ta’ setturi oħrajn,
in-nuqqasijiet identifikati qed jiġu indirizzati sistematikament permezz ta’
attivitajiet ta’ segwitu. Arranġamenti
tranżitorji għal konformità mal-Pakkett ta’ Regolamenti dwar l-Iġjene Skont il-pakkett ta'
Regolamenti dwar l-iġjene, li ilhom japplikaw mill-2006, in-negozji alimentari
li kienu awtorizzati strettament biex ifornu s-swieq domestiċi, ingħataw
perjodu tranżitorju sal-aħħar tas-sena 2009 biex jissodisfaw ir-rekwiżiti
kollha tar-Regolamenti. In-negozji tipikament kienu stabbilimenti ta’ kapaċità
żgħira li jipproċessaw ammonti limitati ta’ ikel li ġej mill-annimali. Sa tmiem
il-perjodu tranżitorju, dawn l-istabbilimenti kellhom jirranġaw il-kamp ta’
applikazzjoni tal-attivitajiet tagħhom jew jikkonformaw mar-rekwiżiti
tal-iġjene, għalkemm ir-Regolamenti jippermettu li jkun hemm flessibilità
fir-rigward ta' ċerti dispożizzjonijiet. Riċentement saru żjarat
f’sitt Stati Membri biex issir reviżjoni tal-progress f’dan il-qasam. Fejn
l-awtoritajiet nazzjonali kienu introduċew arranġamenti biex ikun hemm
flessibilità skont ir-Regolamenti tal-UE, instab li permezz tagħhom instabu
soluzzjonijiet għal ħafna mill-operaturi żgħar fin-negozji alimentari, b’mod
partikolari fis-setturi tal-laħam aħmar u tal-ħalib. Fl-Istati Membri
b’arranġamenti inqas flessibbli, kien hemm grad ogħla ta’ nuqqas ta’
konformità. Madankollu, minħabba li l-Istati Membri ma jirrispettawx bis-sħiħ
ir-rekwiżit li l-Kummissjoni għandha tiġi nnotifikata bl-arranġamenti
nazzjonali dwar il-flessibilità, mhux possibbli li ssir verifika kompleta,
fil-livell tal-UE, tal-konformità ma' dawn l-arranġamenti. Iż-żamma
tat-traċċi tal-laħam taċ-ċanga u tal-prodotti tal-laħam taċ-ċanga Sal-aħħar tal-2011 għandha
tintemm sensiela ta' verifiki dwar iż-żamma tat-traċċi tal-laħam taċ-ċanġa u
tal-prodotti tal-laħam taċ-ċanġa. Meta mqabbla mas-sitwazzjoni fl-2002, l-aħħar
darba li saret reviżjoni, il-kontrolli taż-żamma tat-traċċi tal-laħam taċ-ċanġa
u tal-prodotti tal-laħam taċ-ċanga u t-tikkettar obbligatorju ttejbu fl-Istati
Membri fejn saru ż-żjarat. Kien hemm xi nuqqasijiet fir-rigward taż-żamma tat-traċċi
tal-annimali ħajjin, li prinċipalment kienu marbuta mal-ġestjoni ta’ bażijiet
ta’ dejta, mal-kontrolli fuq l-impriżi u man-notifikazzjoni tal-movimenti
fis-swieq jew mill-kummerċjanti tal-bhejjem. Kontrolli
uffiċjali tal-ħut u tal-prodotti tas-sajd Twettqu verifiki f'disa’
Stati Membri biex tiġi vvalutata l-konformità mar-rekwiżiti tal-UE fil-qasam
tal-ħut. Globalment deher li fil-pajjiżi fejn saru ż-żjarat hemm sistemi ta'
kontrolli uffiċjali komprensivi għall-prodotti tas-sajd, inklużi
r-reġistrazzjoni u l-approvazzjoni ta' stabbilimenti u ta' bastimenti tas-sajd.
F’xi pajjiżi nstabu varjazzjonijiet sinifikattivi bejn ir-reġjuni differenti,
fl-implimentazzjoni ta’ kontrolli uffiċjali. Ġeneralment, il-laboratorji li
jwettqu l-analiżi uffiċjali kienu mgħammra tajjeb u kellhom il-kapaċità li
jwettqu l-analiżi meħtieġa. Ħafna mil-laboratorji kienu akkreditati. Filwaqt li s-sistemi
globali kienu mfassla u ġestiti tajjeb, ġew identifikati tliet oqsma speċifiċi
b’punti dgħajfa marbuta mal-kontrolli ta': (a) postijiet primarji
tal-produzzjoni, bħall-bastimenti tas-sajd u l-istabbilimenti tal-akkwakultura;
(b) xi bastimenti tal-fabbriki jew b’kompartamenti għall-iffriżar; u (c)
parametri speċifiċi marbuta mal-prodotti tas-sajd, bħall-verifiki
organolettiċi, l-indikaturi tal-freskezza, l-istamina, il-parassiti u
l-verifiki mikrobijoloġici. Kontrolli
uffiċjali tat-tjur Saru 12-il verifika
tas-sistemi ta' kontroll tal-Istati Membri fir-rigward tal-laħam tat-tjur u
tal-prodotti tiegħu. B’mod ġenerali,
il-livell globali ta’ konformità kien tajjeb. Ġiet koperta l-katina kollha tal-produzzjoni, minkejja li f’xi każijiet
l-għadd ta’ kontrolli fl-irziezet kien limitati. L-oqsma prinċipali identifikati biex isir titjib kienu jirigwardaw: l-applikazzjoni ta’ rekwiżiti speċifiċi ta’
iġjene, bħall-frekwenza tat-teħid ta’ kampjuni minn annimali mejta u l-implimentazzjoni
tal-pjanijiet HACCP fl-istabbilimenti; u n-nuqqas ta’ komunikazzjoni lill-Kummissjoni dwar leġiżlazzjoni
nazzjonali li tippermetti li jkun hemm flessibilità f’biċċeriji żgħar. Dan l-aħħar punt jirrifletti l-istess sitwazzjoni
tal-arranġamenti ta’ flessibilità fis-setturi tal-laħam aħmar u tal-ħalib li
ġew deskritti iktar ‘il fuq f’dan ir-rapport. Pjanijiet
għall-kontroll tas-salmonella Twettqu seba’ verifiki
tal-pjanijiet nazzjonali ta’ kontroll tas-Salmonella fis-settur tat-tjur. Fl-Istati Membri kollha li nżaru, ġew introdotti
pjanijiet ta’ kontroll iżda f’xi każijiet l-implimentazzjoni tagħhom ġie posposta
għal ċerti kategoriji. Fl-Istati
Membri kollha, il-pjanijiet għall-monitoraġġ u t-teħid ta' kampjuni uffiċjali
għas-Salmonella fil-kategoriji differenti ta' tjur ma kienux kompletament
konformi mal-leġiżlazzjoni tal-UE, fil-biċċa l-kbira minħabba nuqqasijiet
fit-teħid ta' kampjuni, fl-azzjonijiet meħuda wara riżultati pożittivi
tat-testijiet, u fil-laboratorji. Kontrolli fuq l-importazzjoni tal-ikel li ma jiġix mill-annimali Dwar
l-implimentazzjoni ta' Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni relatati mat-tnaqqis
fil-kwalità minħabba l-adulterazzjoni tal-mikotossina u taż-żebgħa tas-Sudan,
kien hemm titjib sinifikanti fil-kontrolli uffiċjali, b’mod partikolari
fit-teħid ta’ kampjuni, fit-tħejjija tal-kampjuni u fit-trattament tal-konsenji
li ma jikkonformawx. Madankollu,
instabu punti dgħajfa: fil-prodotti
tal-konsum fejn ir-rikorrenza tal-kontrolli li jsiru tiddependi
mill-valutazzjoni tar-riskju mill-Istati Membri; fin-notifiki ta’ Twissija Rapida; fil-laboratorji; u fir-rappurtaġġ
tar-riżultati analitiċi. Iktar
riċenement il-verifiki tal-FVO fl-Istati Membri kienu qed jagħtu attenzioni
partikolari lill-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 669/2009 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa fuq l-importazzjoni ta’ ċertu għalf
u ikel ta’ oriġini mhux mill-annimali[6]. Mill-ewwel riżultati jidher li, globalment,
l-Istati Membri implimentaw l-obbligi prinċipali tar-Regolament, b'mod
partikolari billi ħolqu Punti ta' Dħul Magħżula (DPEs) għat-twettiq
tal-verifiki tad-dokumenti, tal-identità u tal-verifiki fiżiċi. L-oqsma fejn jeħtieġ li jsir iktar żvilupp
jinkludu: netwerks imtejba bejn
l-awtoritajiet kompetenti u
l-faċilitazzjoni tat-tkomplija tat-trasportazzjoni ta’ konsenji bejn Stati
Membri differenti waqt li jkunu għadhom qed isiru l-verifiki fiżiċi. Residwi tal-pestiċidi L-FVO
wettaq 10 verifiki tal-kontrolli tar-residwi tal-pestiċidi fl-Istati
Membri. Ir-riżultati indikaw li
r-responsabilitajiet tal-awtoritajiet kompetenti huma identifikati b’mod ċar u
globalment, il-programmi ta' kontroll tar-residwi tal-pestiċidi kienu qed jiġu
implementati b’mod sodisfaċenti u kienu msejsa fuq l-ammont ta' riskju. Madankollu,
il-kontrolli uffiċjali f’bosta Stati Membri ibatu minn nuqqas ta' tagħmir
fil-laboratorji biex isiru analiżi effettivi fil-kamp ta’ applikazzjoni
analitiku wiesa’ meħtieġ mil-leġiżlazzjoni tal-UE. Saru rakkomandazzjonijiet lil dawn l-Istati Membri dwar l-azzjoni
korrettiva, li qed jiġu segwiti b'mod attiv minnhom. Mill-verifiki
tal-FVO ġie nnutat li filwaqt li l-kontrolli proprji huma rekwiżit ġenerali
skont il-liġi alimentari tal-UE, l-operaturi tan-negozji alimentari
(notevolment il-katini l-kbar ta' stabbilimenti) implimentaw sistemi ta' kontrolli
proprji komprensivi u mmirati lejn ir-residwi tal-pestiċidi. Ġie nnutat ukoll
li dawn is-sistemi, li joperaw b’mod parallel mal-kontrolli uffiċjali, ma
kienux ġew soġġetti għal valutazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti. Għaldaqsant,
u skont ir-Regolament (KE) Nru 882/2004, l-FVO irrakkomanda li l-Istati
Membri jagħmlu valutazzjoni tal-affidabilità ta’ dawn is-sistemi ta' kontrolli
proprji, u jqisu r-riżultati meta jistabbilixxu l-frekwenza tal-kontrolli
uffiċjali (ir-Regolament jeħtieġ speċifikament li l-kontrolli uffiċjali
tal-Istati Membri jqisu l-affidabilità tal-kontrolli proprji li jitwettqu
mill-FVO). Kontrolli uffiċjali
tal-applikazzjoni tar-Regolament (KE) 852/2004 (“Iġjene Ġenerali”) Twettqu tnejn u għoxrin
verifika fl-Istati Membri biex issir valutazzjoni tas-sistemi ta' kontrolli uffiċjali
fis-seħħ biex tiġi vverifikata l-konformità ma': ir-regoli dwar l-iġjene
alimentari stabbiliti mir-Regolament (KE) Nru 852/2004; id-dispożizzjonijiet
dwar iż-żamma tat-traċċi u t-tikkettar; u r-regoli applikabbli għat-tpoġġija
fis-suq tal-ilma fil-fliexken. Kien hemm kontrolli fis-seħħ fl-Istati Membri
kollha li nżaru u mill-ispezzjonijiet li ġew osservati mit-timijiet ta’
verifika tal-FVO, ġie kkonfermat li l-ispetturi nazzjonali kienu konfidenti
fit-twettiq tal-valutazzjoni tar-rekwiżiti ta' iġjene. Madankollu, f’ħafna
Stati Membri nstabu punti dgħajfa relatati mal-valutazzjoni tal-HACCP
mill-awtoritajiet kompetenti, b’livell ekwivalenti baxx ta’ implimentazzjoni
tal-prinċipji HACCP mill-operaturi tan-negozji alimentari stess. Ġie osservat
ukoll li hemm nuqqas ta’ taħriġ. Kontrolli uffiċjali
tal-addittivi tal-ikel Twettqu
sittax-il verifika biex jiġu vvalutati s-sistemi uffiċjali tal-kontrolli
fis-seħħ għall-addittivi tal-ikel f’ċerti Stati Membri. Mir-riżultati deher li hemm fis-seħħ oqfsa legali u strutturi
organizzattivi stabbiliti għall-kontrolli uffiċjali fl-Istati Membri kollha li
nżaru, inklużi netwerks tajbin ta’ laboratorji. Ġeneralment l-għadd ta’ impjegati fil-qasam tal-kontroll huwa biżżejjed,
għalkemm il-livelli ta' kwalifiki u ta' taħriġ jistgħu jittejbu. Ġeneralment, il-proċeduri ta’ kontroll jiġu ddokumentati
tajjeb, b’mod ġenerali jissegwa metodu ta’ kontroll imsejjes fuq ir-riskju u
jittieħdu miżuri f’każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità. Madankollu, ġew identifikati xi punti dgħajfa fil-kontrolli tal-purità
u fit-tikkettar tal-ikel. Ġeneralment,
ma jsirux kontrolli fil-punt tal-importazzjoni, ħlief fil-każ ta’ kuluri mhux
awtorizzati msemmija espliċitament fil-leġiżlazzjoni tal-UE. Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-monitoraġġ
tal-konsum u l-użu tal-addittivi tal-ikel ma ġietx implimentata f’għadd ta’
Stati Membri. Dan qed jiġi
indirizzat b’mod attiv permezz ta' proċess ta' segwitu. Kontrolli uffiċjali ta’
materjali maħsuba biex jiġu f'kuntatt mal-ikel Saru sensiela ta’
sittax-il verifika biex jiġu vvalutati l-kontrolli uffiċjali tal-materjali li
jiġu f'kuntatt mal-ikel (FCM). Filwaqt
li hemm stabbiliti oqfsa legali għall-kontrolli uffiċjali tal-FCM, f’għadd ta’
Stati Membri l-implimentazzjoni bdiet biss riċentement u jeħtieġ li jsiru iktar
sforzi biex jiġu żviluppati sistemi ta’ kontroll, inklużi linji gwida speċifiċi
dwar il-kontrolli, ikun hemm titjib fil-kwalità tal-laboratorji u jitwettaq taħriġ
speċifiku għas-settur. Spiss il-ħatra ta’ awtoritajiet kompetenti
għall-kontrolli uffiċjali ma tkunx ċara, u dan jirriżulta f'nuqqas, jew koinċidenza,
ta’ kontrolli. Peress li skont il-liġi tal-UE r-reġistrazzjoni tal-operaturi
FCM mhix obbligatorja, m’hemmx garanzija li jiġu koperti minn kontrolli
uffiċjali. Fil-livell tal-manifattura ġeneralment kien hemm kontrolli msejsa
fuq ir-riskju stabbiliti tajjeb, iżda jeħtieġ li jsiru iktar sforzi
fil-kontrolli fil-livell tal-utent tal-FCM, bħal fuq magni żgħar
għall-ipproċessar tal-ikel. L-impjegati tal-awtoritajiet kompetenti spiss ma
jkunux imħarrġa biżżejjed dwar kwistjonijiet speċifiċi marbuta mal-FCM,
bħas-sistemi taż-żamma tat-traċċi, il-prattiki tajba fil-manifattura u
l-valutazzjoni tad-dikjarazzjoni ta' konformità. Kontrolli uffiċjali fuq organiżmi ġenetikament modifikati (OĠM) Il-verifiki
tal-FVO ffukaw fuq il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi vverfikata
l-konformità mar-rekwiżti taż-żamma tat-traċċi u t-tikkettar fir-rigward
tat-tqegħid fis-suq ta’ ikel, għalf u żrieragħ OĠM, u l-prestazzjoni ta’
kontrolli speċifiċi meħtieġa meta jittieħdu deċiżjonjiet f’emerġenzi li
jkollhom l-għan li jwaqqfu l-importazzjoni ta’ OĠM mhux awtorizzati. Filwaqt li
l-kontrolli ġeneralment jitwettqu skont ir-rekwiżiti tal-UE, ġie nnutat li hemm
xi nuqqasijiet fir-rigward ta’: kontrolli fl-importazzjoni ta’ ross Ċiniż;
l-akkreditazzjoni tal-laboratorji; u teħid insuffiċjenti ta' kampjuni
għall-analiżi fil-laboratorju. Is-Saħħa
tal-Annimali Il-programmi
ta’ eliminazzjoni tal-mard tal-annimali: attivitajiet tat-task force Barra mill-attivitajiet tal-FVO għall-eliminazzjoni tal-mard
tal-annimali, kif deskritti hawn taħt, fl-2000 inħolqot task force biex tissorvelja
l-programmi kofinanzjati mill-UE għall-eliminazzjoni tal-mard, bil-għan li
tiżdied l-effikaċja ta' dawn il-programmi. Fil-każ ta’ xi mard,
bħat-tuberkolożi bovina, il-bruċellożi, ir-rabja u d-deni klassiku tal-ħnieżer,
inħolqu sottogruppi speċifiċi biex jipprovdu appoġġ tekniku lill-Istati Membri
u jissorveljaw l-implimentazzjoni. L-eliminazzjoni
tat-tuberkolożi bovina u tal-bruċellożi L-eliminazzjoni
tat-tuberkolożi bovina u tal-bruċellożi fil-baqar, fin-nagħaġ u fil-mogħoż
tingħata prijorità għolja fl-Istati Membri li mhumiex uffiċjalment ħielsa minn
dan il-mard. L-FVO wettqet 10 verifiki tal-programmi għall-eliminazzjoni tat-tuberkolożi
u/jew tal-bruċellożi. Ġeneralment il-programmi, li huma approvati u
kofinanzjati mill-UE, kienu implimentati tajjeb. Madankollu, f’xi Stati Membri
li nżaru, instabu xi nuqqasijiet (f'xi każijiet serji) fir-rigward tar-restrizzjonijiet
fuq il-moviment, l-ittestjar u r-ritmu li bih jittieħdu l-kampjuni u/jew
fil-prestazzjoni tal-investigazzjonijiet epidemjoloġiċi. B’riżultat
tal-attivitajiet tal-FVO u tat-task force, il-Kummissjoni qed tagħti attenzjoni
partikolari biex tiżugra li n-nuqqasjiet f'dawn l-Istati Membri jiġu
indirizzati permezz ta' programmi ta’ eliminazzjoni li huma mfassla,
implimentati u sorveljati aħjar. Ir-rabja B’riżultat
tal-implimentazzjoni ta’ programmi għall-eliminazzjoni tar-rabja ffinanzjati
mill-UE, waqt il-verifki tal-FVO fl-Istati Membri Baltiċi ġie rrapurtat li sar
progress biex tiġi eliminata r-rabja. Madankollu, f’uħud mill-Istati Membri,
deher li hemm xi nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tal-programmi ta’ tilqim. Ir-riżultati
tal-verifiki tal-FVO jindikaw li l-każijiet tar-rabja f’annimali domestiċi u
selvaġġi għadhom preokkupanti. Deni
klassiku tal-ħnieżer Permezz ta' żieda fl-applikazzjoni
tal-miżuri tal-bijosigurtà u ta' kampanji ta' tilqim imtejba fir-rigward
tal-ħnieżer selvaġġi fil-kuntest ta' programm ta' eliminazzjoni ffinanzjat
mill-UE, fis-snin reċenti fl-UE l-każijiet ta’ deni klassiku tal-ħnieżer (CSF)
li tfaċċaw kienu sporadiċi. Dawn kienu mrażżna tajjeb mill-Istati Membri
permezz ta’ infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-UE rilevanti u ta' pjanijiet ta'
kontinġenza (ara iktar 'l isfel). Minkejja dan it-titjib, id-deni klassiku
tal-ħnieżer jippersisti fost il-popolazzjoni tal-ħnieżer selvaġġi f’xi reġjuni
fi ftit Stati Membri fiċ-ċentru u fix-Xlokk tal-Ewropa, u għalhekk qed idaħħlu
r-riskju li l-vajrus jerġa’ jiddaħħal fost il-popolazzjoni tal-ħnieżer
domestiċi. L-FVO jissorvelja s-sitwazzjoni tal-mard u l-awtoritajiet jiġu
assistiti, inter alia, permezz tal-attivitajiet tat-task force, b’mod
partikolari fil-Bulgarija u fir-Rumanija, biex jindirizzaw il-mard
fiċ-ċirkostanzi speċjali li jkun hemm f’kull wieħed minn dawk l-Istati Membri. Pjanijiet
ta' kontinġenza Huwa
rekwiżit legali li l-Istati Membri jiżviluppaw pjanijiet ta’ kontingenza sabiex
jitħejjew għall-possibbiltà li jitfaċċa xi mard serju epiżootiku fit-territorju
tagħhom, bħall-Marda tal-Ilsien u d-Dwiefer u d-Deni Klassiku tal-Ħnieżer. L-FVO
wettaq verifiki ta’ dawn il-pjanijiet ta’ kontingenza fi tmien Stati Membri. Minn
dawn il-verifiki ġie konkluż li ġeneralment l-awtoritajiet kompetenti wrew
il-kapaċità tagħhom li jirrispondu malajr għan-notifiki dwar suspett ta’ mard
epiżootiku u li jieħdu l-miżuri meħtieġa. Saru rakkomandazzjonijiet biex jittejbu
iktar xi aspetti, bħall-grad ta’ tħejjija tal-laboratorji, l-arranġamenti
lokali u r-reviżjonijiet u l-aġġornamenti regolari tal-pjanijiet. Kontrolli
uffiċjali tal-laboratorji tal-Marda tal-Ilsien u d-Dwiefer (MID) Huwa
rekwiżit legali li l-Kummissjoni tispezzjona l-laboratorji tal-UE li jittrattaw
il-vajrus tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer, minħabba r-riskji għas-saħħa
tal-annimali f’każ li l-vajrus joħroġ minn ambjent ikkontrollat. Hemm 16-il
laboratorju djanjostiku nazzjonali u tliet laboratorji awtorizzati biex
jittrattaw il-vajrus għall-produzzjoni tat-tilqim. Fis-snin reċenti, ġew spezzjonati
tmien laboratorji u r-riżultati kienu mħallta. Instabu problemi serji fi tliet
laboratorji li setgħu kienu ta’ riskju biex il-virus joħroġ. Tnejn minn dawn
il-problemi, li kienu jinvolvu s-sistemi ta’ rimi tal-iskart, ġew solvuti
malajr, iżda fit-tielet waħda l-livell tal-bijosigurtà ma kienx xieraq u ġiet
irtirata l-awtorizzazzjoni biex jimmaniġġaw l-vajrus ħaj tal-MID. Minħabba
r-riskji involuti u r-riżorsi sinifikanti meħtieġa biex jiġi sorveljat l-operat
ta' dawn il-laboratorji fil-livell tal-Istati Membri kif ukoll fil-livell
tal-UE, dawn is-sejbiet jikkonfermaw li l-laboratorji tal-MID għandhom ikunu
approvati biss f’dawk l-Istati Membri li jkunu f’pożizzjoni li jiggarantixxu
konformità mal-Artikolu 65 tad-Direttiva 2003/85/KE, u b’mod partikolari
biex jiġi żgurat li jkun hemm ir-riżorsi meħtieġa għal dak il-għan. BSE Fil-każ tal-BSE kien hemm
tnaqqis qawwi fil-każijiet tal-marda, u dan ippermetta li tiżdied b’mod
sostanzjali l-età għall-ittestjar. Għalhekk, il-frekwenza tal-verifiki tal-FVO
f’dan il-qasam ġew imnaqqsa b’mod korrispondenti. Bluetongue Wara
li sar disponibbli t-tilqim kontra l-bluetongue serotip 8, twettqu verifiki
tal-FVO f’erba’ Stati Membri biex tiġi vvalutata l-implimentazzjoni tat-tilqim
ta’ emerġenza kontra l-bluetongue kofinanzjat. Minkejja li ġew identifikati xi
nuqqasijiet, prinċipalment minħabba l-esklużjoni ta' ċerti sottopopolazzjonjiet
speċifiċi mit-tilqim, bħall-baqar għat-tismin u ħrief sostitutivi, ġeneralment
il-kampanji favur it-tilqim saru kif meħtieġ mill-programmi approvati. Il-Benessri
tal-Annimali L-FVO wettaq 39 verifika
tal-kontrolli tal-benessri tal-annimali li jkopru l-benessri fir-razzett, waqt
it-trasport u fil-biċċerija. Mill-programm intensiv, li kien ikopri l-Istati
Membri kollha, instabu punti importanti fi tliet oqsma prinċipali. Il-verifiki tal-FVO kienu
qed jissorveljaw il-progress magħmul mill-Istati Membri fit-tneħħija gradwali
ta’ gaġeġ mhux mgħammra għat-tiġieġ li jbidu l-bajd, sad-data ta’ skadenza
tal-1 ta’ Jannar 2012. Hemm preokkupazzjoni li għadd sostanzjali
ta’ produtturi f’bosta Stati Membri mhux se jikkonformaw mad-data ta’ skadenza.
Il-Kummissjoni qed taħdem ma’ esperti fl-Istati Membri bil-għan li tħaffef
il-proċess ta’ tneħħija gradwali u tikseb il-konformità matul is-sena 2011. Dwar il-benessri
tal-majjali, l-Istati Membri qegħdin fi stadji differenti ta’ tħejjija għall-iskadenza
tal-1 ta’ Jannar 2013 li tirrigwarda l-akkomodazzjoni fi gruppi ta’
majjali nisa tqal. Is-sorveljanza min-naħa tal-FVO tal-progress li qed isir
f’din il-kwistjoni tindika li fil-parti l-kbira tal-Istati Membri jeħtieġ li
jsiru sforzi sinifikanti biex tiġi rispettata din l-iskadenza. Għadu ma sarx
biżżejjed progress fir-rigward ta’ rekwiżiti li ilhom jeżistu għal iktar żmien,
bħall-ħtieġa li jintużaw prattiki ambjentali jew ta’ ġestjoni oħrajn minflok
il-qtugħ tad-dnieb tal-majjali żgħar, minbarra l-Isvezja u l-Finlandja, fejn
il-qtugħ tad-denb diġà huwa pprojbit. Fir-rigward tat-trasport,
minkejja li fl-2007 kien hemm għadd żgħir biss ta’ Stati Membri organizzati
tajjeb biex jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ approvazzjoni tal-mezzi ta' trasport,
f’dawn l-aħħar snin sar progress konsistenti lejn livelli aħjar ta’ konformità.
Notevolment, ir-rekwiżit il-ġdid għall-istallazzjoni ta’ tagħmir ta' monitoraġġ
tat-temperatura u ta’ tagħmir ta’ twissija, kien ġeneralment implimentat
b’suċċess. Madankollu, fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, ċerti rekwiżiti
relatati mat-tagħmir li jintuża fit-tisqija u fis-sistemi ta’ navigazzjoni
satellitari għadhom ma ġewx indirizzati kif xieraq mill-proċess
tal-approvazzjoni tal-vetturi. Is-Saħħa
tal-Pjanti Kontroll fuq
l-importazzjoni ta’ prodotti regolati Twettqu ħdax-il verifika
tas-sistemi ta’ kontroll fuq l-importazzjoni tal-Istati Membri fir-rigward
tas-saħħa tal-pjanti, u dan bħala parti minn sensiela ta' verifiki ta' reġim
ta’ importazzjoni tal-UE rivedut dwar is-saħħa tal-pjanti li ilu jiġi applikat
mill-2005. Ġie nnutat li kien hemm
titjib konsiderevoli fis-sistemi ta’ kontroll. Madankollu, hemm punti li għad iridu jiġu indirizzati, speċjalment
f’dak li jirrigwarda l-kontrolli f'postijiet oħrajn differenti mill-punti ta'
dħul. Ġie nnutat li hemm problemi
fir-rigward ta' prodotti regolati li jkunu fi tranżitu, peress li ma kienx
possibbli li dawn il-prodotti kollha jiġu identifikati fl-ewwel punt ta’ dħul
tagħhom. B’riżultat ta’ dan, xi
prodotti ma kienux soġġetti għall-kontrolli meħtieġa relatati mas-saħħa
tal-pjanti. F'xi Stati Membri
l-għeruq ta’ dawn in-nuqqasijiet huma l-allokazzjonijiet tar-riżorsi u
n-nuqqasijiet fl-infrastruttura. Tixrid
ta’ organiżmi li jagħmlu ħsara Permezz ta’ tlieta u
għoxrin verifika ġew koperti medda ta’ organiżmi li jagħmlu l-ħsara. F’dak li jirrigwarda l-organiżmi li jeqirdu
l-pjanti l-iktar importanti, in-nematodu tal-injam tal-arżnu (Bursaphelenchus
xylophilus) jinstab l-iktar fil-Portugall u tfaċċa wkoll fi Spanja. Permezz ta’ sensiela ta’ adattamenti leġiżlattivi
u inizjattivi ta’ infurzar min-naħa tal-Kummissjoni bil-għan li jissaħħu
l-kontrolli, inklużi għadd kbir ta’ verifiki tal-FVO, ingħata kontribut favur
it-trażżin tat-tixrid ta’ dan l-organiżmu li jeqred il-pjanti fil-kumplament
tal-UE. Fil-każ tal-bumunqar aħmar
tal-palm, (Rhynchophorus ferrugineus), mill-verifiki tal-FVO deher li
l-Istati Membri kienu qed jagħmlu sforzi biex jikkontrollaw dan l-organiżmu ta'
ħsara għall-pjanti. Minħabba
l-bijoloġija tiegħu, huwa diffiċli li jinstab u li jiġi kkontrollat fi żmien
bikri, u kien hemm problemi sostanzjali fl-implimentazzjoni tal-miżiuri
meħtieġa biex jinqered mill-ġonna privati u mill-ibliet li fihom hemm il-pjanti
(palm) li jġorru dan l-organiżmu. Il-bumunqar
aħmar tal-palm issa infirex f’ħafna żoni tal-UE fejn jikbru l-palmi. Il-Ħanfusa tal-Qrun Twil Ċiniża
u l-Ħanfusa tal-Qrun Twil Asjatika (Anoplophora spp.) huma organiżmi li
jagħmlu ħsara lill-pjanti f’medda kbira ta’ pjanti għall-injam Mill-verifiki tal-FVO jidher li fil-prattika
l-miżuri meħtieġa biex dawn l-organiżmi jinqerdu fil-ħin ma jiġux applikati
sistematikament mill-Istati Membri. Madankollu, bl-eċċezzjoni ta’ tixrid kbir
fin-naħa ta' fuq tal-Italja, meta tfaċċa dan it-tixrid ġeneralment kien
imrażżan u miżmum f'żoni żgħar u xi drabi anki nqered. Kontrolli
interni fuq is-saħħa tal-pjanti Twettqu sittax-il verifika
fuq il-kontrolli interni fuq is-saħħa tal-pjanti, inkluż il-manutenzjoni ta’
żoni protetti, l-implimentazzjoni tas-sistema ta’ passaporti għall-pjanti u
l-kontrolli fis-settur tal-patata. Ħafna
mill-verifiki kkonfermaw li fiż-żoni protetti jsiru kontrolli xierqa, iżda kien
hemm każijiet fejn l-Istati Membri ntalbu jtejbu l-kontrolli b’mod sostanzjali
sabiex jevitaw li jiġi irtirat l-istatus ta’ żona protetta. Mill-verifiki tal-passaporti tal-pjanti ħarġu
riżultati differenti. Indikaw li
kienu għadhom ma ġewx indirizzati għadd ta’ nuqqasijiet ta’ konformità li kienu
ġew identifikati f’sensiela preċedenti ta’ verifiki. Ir-riżultati wrew ukoll li permezz ta’ prijoritizzazzjoni xierqa
tal-kompiti u l-allokazzjoni tar-riżorsi, tista' tiġi stabbilita sistema ta’
kontrolli xierqa. Ġie rreġistrat
progress f’ħafna mill-verifiki fis-settur tal-patata. Għalf
tal-annimali u prodotti sekondarji tal-annimali (ABP) L-FVO wettaq disgħa u
tletin verifika f’dan il-qasam. Il-konklużjonijiet
prinċipali li ħarġu minn dawn il-verifiki huma spjegati hawn taħt. Filwaqt li l-proċess ta’
approvazzjoni tlesta fl-Istati Membri kollha fir-rigward tal-ikbar
stabbilimenti tal-għalf li jeħtieġu awtorizzazzjoni, ir-reġistrazzjoni ta’
stabbilimenti iżgħar għad baqa’ ħafna biex titlesta. Il-leġiżlazzjoni tal-UE teħtieġ li jiġu rreġistrati l-operaturi kollha
attivi fi kwalunkwe stadju tal-produzzjoni, tal-ipproċessar, tal-ħżin,
tat-trasport jew tad-distribuzzjoni tal-għalf. Spiss kien hemm difetti
fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proċeduri msejsa fuq l-HACCP, flimkien ma’
nuqqas ta’ għarfien espert fi ħdan l-awtoritajiet kompetenti dwar kif għandhom
jevalwawhom. Fir-rigward tal-kontrolli
fuq l-importazzjoni, f’ħafna każijiet kien hemm in-nuqqas ta' metodu msejjes
fuq ir-riskju, u fil-każ ta’ xi prodotti l-verifiki fiżiċi ma jsirux spiss. Hemm ir-riskju potenzjali
li l-proteini pproċessati tal-annimali, li jinsabu fil-fertilizzanti u fuq
is-sustanzi ta' arrikkiment tal-ħamrija, jgħaddu b’xi mod fl-għalf. Il-verifiki tal-FVO
identifikaw il-ħtieġa li jissaħħu l-kontrolli uffiċjali fuq il-fertilizzanti
organiċi u fuq is-sustanzi tal-arrikkiment tal-ħamrija, li fuq il-post fejn
jiġu prodotti deheru sodisfaċenti iżda wrew punti dgħajfa fil-kumplament
tal-katina tal-kummerċjalizzazzjoni u tal-użu. Il-verifiki tal-FVO li jmiss se jenfasizzaw b'mod partikolari fuq
il-kontrolli f'din il-parti tal-katina tal-għalf. Kien hemm titjib
sinifikattiv fl-użu ta’ dokumenti kummerċjali dwar l-ABP, kif ukoll
fil-preċiżjoni u l-affidabilità tagħhom. L-istess japplika fil-każ tal-ġbir, tat-trasport, tal-identifikazzjoni u
tar-rimi tal-ABP, li apparti mis-settur tal-bejgħ bl-imnut, huma ġeneralment
konformi mar-rekwiżiti rilevanti. Kontrolli
fuq l-importazzjoni tal-ikel li ġej mill-annimali u tal-annimali Twettqu 30-il verifika
tal-FVO fir-rigward tal-kontrolli fuq l-importazzjoni u t-tranżitu. L-Istati Membri kollha għandhom fis-seħħ
sistemi uffiċjali komprensivi għall-kontrolli fuq l-importazzjoni u ġeneralment
jaħdmu kif suppost. B’mod
partikolari, permezz tal-iżvilupp u tal-implimentazzjoni ta’ sistema komuni
kompjuterizzata għall-importazzjoni fi TRACES, ġew issimplifikati ħafna
proċeduri li jsiru fil-postijiet ta' spezzjoni fuq il-fruntieri u ttejbet
il-komunikazzjoni bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-importazzjoni u
t-tranżitu. Sar ukoll iktar faċli li
tinkiseb stampa ġenerali tat-tendenza tal-importazzjonijiet fl-UE. Madankollu, l-fatt li wħud mill-Istati Membri
prinċipali fil-qasam tal-importazzjoni għadhom ma' jużawx TRACES, jibqa' punt
dgħajjef. Il-verifiki
identifikaw għadd ta’ kwistjonijiet li għandhom jiġu indirizzati: Ir-regoli
attwali rigward il-kontrolli fuq it-trasbord tal-konsenji, li joriġinaw minn
pajjiż terz fir-rotta tagħhom lejn pajjiż ieħor, huma kumplessi u diffiċili
biex jiġu infurzati, b'mod partikolari fir-rigward tan-notifika lill-postijiet
ta' kontroll rilevanti fuq il-fruntieri, u s-segwitu u l-verifika mal-ħruġ
fil-limiti ta' żmien rikjesti. Filwaqt li dawn id-diffikultajiet japplikaw fil-portijiet kollha, huma
iktar komuni fil-portijiet ikbar fejn isir il-biċċa l-kbira ta’ trasbord. Sakemm terġa ssir il-valutazzjoni tar-regoli
attwali, saru xi emendi fil-limiti applikabbli u nħarġu linji gwida biex dawn
ir-regoli jsiru iktar effettivi kif ukoll iktar faċli biex jiġu infurzati. Hemm
varjabilità kbira fil-pjanijiet ta’ monitoraġġ tal-konsenji impurtati fl-Istati
Membri. L-istrateġija ta’ monitoraġġ,
il-livell ta’ teħid ta’ kampjuni u l-medda ta’ prodotti u oriġini li ġew
ittestjati huma differenti ħafna. L-awtoritajiet
kompetenti ma jużawx b’mod sistematiku l-miżuri ta’ infurzar u s-sanzjonijiet
biex itejbu l-konformità f’oqsma bħan-notifika ta’ konsenji qabel ma jaslu
fiżikament, u l-mili korrett tad-dokumentazzjoni uffiċjali. Residwi
ta’ mediċini u kontaminanti veterinarji L-FVO
wettaq 20 verifika tar-residwi tal-mediċini u kontaminanti veterinarji
fl-Istati Membri. Il-konklużjonijiet
prinċipali qed jiġu spjegati hawn taħt. F’ħafna
Stati Membri l-laboratorji fejn isiru l-analiżi issa huma akkreditati
fil-livell tal-ISO 17025:2005 iżda hemm varjazzjoni kbira fir-rigward tal-għadd
ta' metodi li bihom jiġu dderminati r-residwi inklużi fil-kamp ta'
applikazzjoni tal-akkreditazzjoni. Il-kundizzjonijiet
u l-proċeduri għall-akkreditazzjoni ta’ metodu bħal dan jiddependu fuq
il-politika tal-korpi nazzjonali ta’ akkreditazzjoni. Jekk huma jaċċettaw “kamp ta' applikazzjoni flessibbli” wara li l-ewwel
kriterji ta’ akkreditazzjoni jkunu ġew sodisfatti, il-laboratorju jista’ jżid kombinazzjonijiet
ta’ sustanzi/matriċi/speċijiet mal-metodu diġà akkreditat mingħajr ma kull
darba jikseb l-approvazzjoni tal-korp ta’ akkreditazzjoni.
Jekk il-korpi nazzjonali ta’ akkreditazzjoni jirrikjedu li
kull metodu addizzjonali jiġi ppreżentat għall-approvazzjoni, li ġeneralment
issir b’rabta mal-verifiki annwali, il-proċedura iddum iktar u spiss tiswa
iktar għal-laboratorji. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/657/KE tipprovdi
lil-laboratorji li jwettqu l-kontrolli fuq ir-residwi uffiċjali
b’istruzzjonijiet vinkolanti dwar il-validazzjoni tal-metodi residwi. Minkejja li dan jieħu ħafna ħin u huwa kemxejn
kumplikat, serva biex ġie armonizzat il-metodu ta’ validazzjoni fl-Istati
Membri, żdiedet l-affidabilità tar-riżultati u biex il-laboratorji li jwettqu
l-kontrolli fuq ir-residwi f’pajjiżi terzi ngħataw gwida. Jeħtieġ
li ż-żwiemel li jiġu ttrattati b’ċerti mediċini jkunu esklużi mill-katina
alimentari għal sitt xhur (fil-każ ta' ċerti mediċini) jew għal ħajjithom
kollha. Dan isir fit-Taqsima IX
tal-passaport ekwin, li għandu jkollu kull żiemel fl-UE minn età ta' madwar
sitt xhur. Għalkemm l-iskadenza
għar-reġistrazzjoni taż-żwiemel kollha għaddiet, l-implimentazzjoni għadha
għaddejja f'bosta Stati Membri. F’ħafna
Stati Membri l-passaporti ekwini huma meħtieġa u kkontrollati fil-biċċeriji
iżda ftit Stati Membri, jekk hemm, wettqu kontrolli fuq ir-rabta bejn ċerti
trattamenti u l-entrati fit-Taqsima IX tal-passaport. F’ħafna
mill-Istati Membri fil-biċċeriji qed tingħata informazzjoni dwar il-katina
alimentari (FCI) fir-rigward tal-ispeċi kollha. Madankollu, l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni tvarja
konsiderevolment. Xi Stati Membri
jirrikjedu li s-sidien/min irrabbi jiddikjaraw it-trattamenti kollha mogħtija
lill-annimal tul ħajtu fl-informazzjoni dwar il-katina alimentari. Oħrajn jirrikjedu biss li ssir dikjarazzjoni li
l-annimali ma jmorrux għall-qatla qabel jintemm il-perjodu stabbilit wara li
titwaqqaf il-medikazzjoni. 3.3. Għejun oħrajn ta’ informazzjoni dwar il-kontrolli fl-Istati Membri Rappurtar skont is-settur Id-dispożizzjonijiet
tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar aspetti differenti tas-sigurtà tal-ikel,
tas-saħħa tal-annimali u tas-saħħa tal-pjanti jeħtieġu lill-Istati Membri
jippreżentaw rapport regolari dwar ċerti rekwiżiti speċifiċi . Fuq il-bażi ta’ dawn ir-rapporti nazzjonali,
il-Kummissjoni min-naħa tagħha tipproduċi għadd ta’ rapporti settorjali, li
jipprovdu rendikont tal-istat ta’ implimentazzjoni ta’ ċerti aspetti
tal-leġiżlazzjoni tal-UE applikabbli għall-katina alimentari, inkluż f’ċerti
każijiet dejta speċifika dwar kontrolli uffiċjali u dwar ir-riżultati tagħhom
fl-oqsma kkonċernati. Fost
l-iktar rapporti rilevanti ta’ dan it-tip, insibu r-rapporti dwar: il-monitoraġġ u l-ittestjar tal-annimali li
jixtarru għall-preżenza tal-Enċefalopatija Sponġiformi Trasmissibbli (TSE); it-tendenzi u l-għejun ta’ żoonożi; aġenti żoonotiċi u tixrid ta’mard li jinġarr
fl-ikel fl-Unjoni Ewropea (mandat mogħti lill-EFSA); mard li jista’ jiġi notifikat tal-annimali bovini u tal-majjali
(fil-kuntest tal-kummerċ intern tal-UE); rapport annwali ta’ monitoraġġ tar-residwi ta’ pestiċidi fl-UE kollha; u rapporti dwar il-laqgħat tat-task force
għall-eliminazzjoni tal-mard tal-annimali; Fl-Anness
ta’ dan ir-Rapport hemm tabella li telenka r-rapporti prinċipali
tal-Kummissjoni ppubblikati fis-sena ta' qabel u l-websajts tagħhom. Sistemi ta’
twissija rapida u għodod oħrajn għar-rappurtar Is-sistemi
ta’ twissija rapida eżistenti għas-sigurtà tal-ikel u tal-għalf (RASFF), għal tifqigħat
ta’ mard tal-annimali (ADNS) u tifqigħat ta’ mard tal-pjanti (Europhyt)
jirrappreżentaw għodod sinifikanti għall-ġestjoni ta’ reazzjoni rapida f’każ
ta’ emerġenzi u ta’ riskji emerġenti u huma għajn ta’ informazzjoni dwar
it-tendenzi tal-perikli u tal-mard hekk kif jiżviluppaw tul il-katina tal-ikel. Id-dejta li jipprovdu tista’ tkun indikatur
importanti ta’ nuqqasijiet ta’ konformità b’rabta ma’ standards ta’ sigurtà
stabbiliti. Ir-riżultati dettaljati
li ħarġu minn dawn is-sistemi ta’ twissija dwar is-sigurtà tal-ikel u l-mard
tal-annimali jinsabu mqassra fir-rapporti annwali dwar l-RASFF u l-ADNS li huma
ppubblikati fil-websajt tal-Kummissjoni: http://ec.europa.eu/food/food/rapidalert/index_en.htm http://ec.europa.eu/food/animal/diseases/adns/index_en.htm . Fil-każ
tal-Europhyt, l-għodda għan-notifika ta’ interċettazzjonijiet ta’ konsenji għal
raġunijiet ta’ saħħa tal-pjanti, il-Kummissjoni qiegħda fil-proċess li tniedi
websajt li fiha jkun hemm rapporti ta’ kull xahar dwar l-interċettazzjonijiet. TRACES, is-sistema li tippermetti l-iskambju ta’ informazzjoni bejn
il-Kummissjoni u l-Istati Membri dwar kontrolli mwettqa fuq l-annimali u
l-prodotti mill-annimali (fuq prodotti domestiċi u dawk importati minn pajjiżi
terzi) hija għajn importanti oħra ta’ dejta, mhux biss dwar il-volum ta’
movimenti ta’ prodotti tal-konsum koperti, iżda wkoll dwar il-kontrolli
veterinarji uffiċjali mwettqa: http://ec.europa.eu/food/animal/diseases/traces/index_en.htm. Ir-Rappurtar
fil-laqgħat tas-SCOFCAH Regolarment
l-Istati Membri jippreżentaw ukoll rapporti dwar l-operat tal-kontrolli, waqt
laqgħat tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali
(SCFCAH). Dawn jistgħu jkunu rapporti
ta’ rutina dwar l-inċidenza u l-kontroll ta’ mard li jinġarr fl-ikel, ta’ mard
tal-annimali jew ta’ mard tal-pjanti; jew inkella jistgħu jkunu relatati ma’ tifqigħat reċenti u azzjonijiet
f’każ ta’ emerġenza li jittieħdu bħala reazzjoni . Huma jirrappreżentaw għajn oħra importanti ta’ informazzjoni biex
il-Kummissjoni tkun tista’ tevalwa kif ikunu qed joperaw il-kontrolli fl-Istati
Membri. F’dawn l-aħħar snin,
il-Kummissjoni adottat il-prattika li tippubblika dawn il-preżentazzjonijiet
fuq il-websajt tal-Kummissjoni flimkien mal-minuti tal-laqgħat rispettivi. Barra minn hekk, f’xi oqsma, il-Kummissjoni tħejji ġabra
ta’ rapporti bħal dawn hekk kif jintbagħtu mill-Istati Membri u tpoġġihom
għad-dispożizzjoni permezz tal-proċeduri tal-Kumitat Permanenti (disponibbli
fuq din il-websajt: http://ec.europa.eu/food/committees/regulatory/index_en.htm). 3.4. Segwitu
u infurzar mill-Kummissjoni L-attenzjoni
għal u l-koordinazzjoni kontinwi tal-azzjonijiet ta’ infurzar jibgħu prijorità
fl-oqsma kollha koperti minn dan ir-rapport. Ir-rakkomandazzjonijiet fir-rapporti tal-verifiki tal-FVO huma
importanti għal dawn l-azzjonijiet. Huma
jiġu segwiti sistematikament permezz ta’ medda sħiħa ta’ attivitajiet. L-awtoritajiet
kompetenti tal-Istati Membri huma mitluba jippreżentaw “pjan ta’ azzjoni” li
fih jiddeskrivu kif indirizzaw jew kif għandhom il-ħsieb li jindirizzaw
ir-rakkomandazzjonijiet. Min-naħa
tagħha, il-Kummissjoni tevalwa l-pjan ta’ azzjoni u sistematikament tissorvelja
l-implimentazzjoni ta’ dawn l-azzjonijiet kollha permezz ta’ għadd ta’
attivitajiet ta’ segwitu, li jinkludu: (a) verifiki ġenerali ta’ segwitu li matulhom jiltaqgħu l-awtoritajiet
tal-FVO u tal-Istati Membri biex jirrevedu l-progress li jkun sar fir-rigward
tar-rakkomandazzjonijiet kollha li jkunu saru lil dak l-Istat Membru; (b) verifiki fuq il-post bħala segwitu għal
kwistjonijiet speċifiċi, jew talbiet għal rapporti bil-miktub dwar
kwistjonijiet speċifiċi; u (c)
laqgħat bilaterali ta’ livell għoli f’każ ta’ problemi ġenerali jew
persistenti. Għajn
oħra ta’ informazzjoni li tista’ turi li hemm nuqqas ta’ konformità jew
problemi ta’ infurzar hija l-ilmenti minn membri tal-pubbliku jew minn NGOs, u
l-Kummissjoni tkun dejjem attenta biex tiżgura li dawn l-ilmenti jissegwew anki
mal-Istati Membri konċernati, bil-għan li jinkiseb riżultat pożittiv. F’termini ta’ għodod oħrajn, u waqt is-snin 2009-2010,
il-Kummissjoni sabet li l-Proġett Pilota tal-UE, li ilu jopera fi 15-il Stat
Membru volontarju minn April 2008 bil-għan li jingħataw tweġibiet iktar
malajr u iktar komprensivi għall-kwistjonijiet li jirriżultaw
mill-applikazzjoni tal-liġijiet tal-UE, huwa għodda utli peress li tejjeb
il-komunikazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri u kkontribwixxa biex
ġew solvuti problemi marbuta mal-infurzar, mingħajr il-ħtieġa li jinbdew
proċeduri formali ta' ksur tar-regoli. . Madankollu, meta l-awtoritajiet kompetenti jonqsu milli
jieħdu azzjoni korrettiva sodisfaċenti biex jindirizzaw il-problemi
persistenti, u meta l-mekkaniżmi deskritti hawn fuq ma jwasslux għal soluzzjoni
sodisfaċenti jew ma jsirx biżżejjed progress, jista’ jkun li l-Kummissjoni
jkollha tibda proċeduri ta' ksur biex l-Istat Membru jikkonforma. Dan seħħ fi tliet każijiet kontra l-Greċja peress li naqset
b'mod persistenti milli tikkonforma ma’ medda sħiħa ta’ komponenti importanti
tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sigurtà tal-ikel. Il-Qorti tat tliet sentenzi fejn fihom ikkundannat lill-Greċja minħabba
n-nuqqasijiet tagħha fl-applikazzjoni tal-liġi tal-UE. B’mod speċifiku: - Mill-verifiki tal-FVO nstab li kien hemm nuqqasijiet li
kienu ilhom jeżistu, li kienu fundamentali u sistematiċi fil-kontrolli
uffiċjali mwettqa mill-Greċja u li sostanzjalment kienu minħabba nuqqas ta’
riżorsi umani fis-servizzi veterinarji tal-Greċja. B’riżultat ta’ dan, kemm l-amministrazzjoni ċentrali kif ukoll
l-awtoritajiet deċentralizzati naqsu milli jwettqu l-kontrolli uffiċjali b’mod
effettiv u sostanzjali. Il-Qorti kkonkludiet li
r-riżultati tal-isforzi magħmula mill-awtoritajiet Griegi biex jissolvew dawn
il-problemi ma kienux sodisfaċenti[7].
- il-Qorti kkonkludiet ukoll li l-Greċja naqset milli
tapplika korrettement id-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi tal-UE dwar
il-prodotti sekondarji mill-annimali u li mhumiex maħsuba għall-konsum
mill-bniedem[8]
u dwar il-ħarsien tal-annimali waqt it-trasport u fil-biċċeriji[9]. Barra minn hekk, il-Kummissjoni fl-2010 tat opinjonijiet
motivati kontra l-Italja u Spanja. - Fil-każ tal-Italja, mill-verifiki tal-FVO deher li
l-kapaċità tal-awtoritajiet Taljani li jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont
il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-saħħa tal-pjanti kienet imxekkla minn nuqqas
ta' impjegati. B’riżultat ta’ dan,
l-Italja naqset ħafna drabi milli tikkonforma mar-rekwiżiti ta’ notifika. Barra minn hekk, mill-problema identifikata
mill-FVO rriżulta li l-awtoritajiet Taljani naqsu b’mod kroniku li jiżguraw li
jkun hemm kooperazzjoni mill-qrib, malajr, immedjata u effettiva
mal-Kummissjoni. - Fil-każ ta’ Spanja, mill-verifiki tal-FVO nstab li Spanja
ma kinitx qed tapplika tajjeb ir-rekwiżiti tal-UE dwar il-benessri
tal-annimali, fir-rigward ta’: awtorizzazzjoni
tat-trasportaturi; approvazzjoni
tal-mezzi tat-trasport; kontroll
tal-ġurnali ta’ abbord; verifiki dwar
jekk l-annimali kienux f’kondizzjoni li jiġu trasportati; spezzjonijiet; u penali. Hemm iktar tagħrif dwar il-ksur tar-regoli
disponibbli fir-rapporti annwali dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi
tal-UE ppubblikati fuq il-websajt tal-Kummissjoni: http://ec.europa.eu/eu_law/infringements/infringements_annual_report_mt.htm 4. Konklużjonijiet Ġeneralment, l-Istati Membri
jiggarantixxu livell tajjeb ta’ implimentazzjoni tal-kontrolli uffiċjali tul
il-katina alimentari kollha, u juru rispett lejn il-kwistjonijiet marbuta
mas-sigurtà tal-ikel, mas-saħħa tal-pjanti u tal-annimali u mal-benessri
tal-annimali. Filwaqt li għad hemm
lok għal titjib, sar progress kbir fl-użu effiċjenti tal-istrumenti u
tar-riżorsi tal-kontroll u fl-ippjanar, l-implimentazzjoni u l-koordinazzjoni
tal-kontrolli fis-setturi kollha. Il-kontrolli uffiċjali, flimkien
mal-istrumenti leġiżlattivi li jgħinuhom biex jilħqu l-aħjar livell ta'
effikaċja, huma fatturi ewlenin fil-katina alimentari tal-UE. Huma jippermettu li l-awtoritajiet kompetenti
jwettqu l-kontrolli skont ir-riskju li jkun hemm u li jidentifikaw
in-nuqqasijiet u jindirizzawhom f’waqthom. Jipprovdu wkoll lill-awtoritajiet kompetenti b'ħarsa ġenerali
sinifikattiva lejn is-sitwazzjonijiet tas-sigurtà tal-ikel u tas-saħħa. Ir-rapport tal-Istati Membri jipprovdu
serħan il-moħħ li l-awtoritajiet kompetenti jieħdu r-rwol tagħhom b'serjetà u
dejjem b'livelli ogħla ta' kompetenza, kif ġie kkonfermat mir-rapport dwar
verifiki mwettqa minn esperti tal-Kummissjoni. Il-verifiki li l-Kummissjoni tagħmel fuq
il-post, kif ukoll is-segwitu li jkopri s-setturi kollha li twettaq wara
l-verifiki, huma ta' importanza partikolari fl-identifikazzjoni tal-punti
dgħajfa li jkunu jeħtieġu jiġu indirizzati u biex jiġi żgurat li jittieħdu
l-azzjonijiet korrettivi. Dawn ir-rapporti tal-Kummissjoni dwar
il-verifiki, minbarra li jikkumplimentaw l-attivitajiet ta' kontroll tal-Istati
Membri, jipprovdu sistema b'saħħitha biex tiġi vvalutata l-effikaċja
tas-sistemi ta’ kontroll tal-Istati Membri. Sabiex tkun żgurata b’mod raġjonevoli l-konformità mal-leġiżlazzjoni
tal-UE, kull meta jkun meħtieġ il-Kummissjoni tieħu l-miżuri xierqa biex tikseb
titjib fis-sistemi ta’ kontrolli uffiċjali u ta’ verifiki fl-Istati Membri. _______________________ ANNESS LISTA TA’ RAPPORTI
SETTORJALI TAL-KUMMISSJONI PPUBBLIKATI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI
TAL-LEĠIŻLAZZJONI TAL-UE DWAR IS-SIGURTÀ TAL-IKEL, IS-SAĦĦA TAL-ANNIMALI, IL-BENESSRI
TAL-ANNIMALI U S-SAĦĦA TAL-PJANTI Rapport || Bażi Legali || Pubblikazzjoni Rapport annwali dwar il-monitoraġġ u l-ittestjar tal-annimali li jixtarru għall-preżenza tal-Enċifalopatija Sponġiformi Trasmissibbli (TSEs) fl-UE || L-Artikolu 6(4) tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 li jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta' ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered || http://ec.europa.eu/food/food/biosafety/tse_bse/monitoring_annual_reports_en.htm Ir-Rapport ta’ Sinteżi tal-UE dwar it-tendenzi u l-għejun taż-żoonożi, l-aġenti żoonotiċi u t-tifqigħ ta’ mard li jinġarr fl-ikel fl-Unjoni Ewropea || L-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2003/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Novembru 2003 rigward il-monitoraġġ taż-żoonożi u ta’ l-aġenti żoonotiċi, li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE u tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 92/117/KEE (Mandat mogħti lill-EFSA, elaborat mill-EFSA b’kooperazzjoni mal-ECDC) || http://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/doc/2090.pdf Ir-rapport annwali dwar is-Sistemi ta’ Twissija Rapida għas-Sigurtà tal-Ikel u tal-Għalf (RASFF) || L-Artikolu 50 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà ta' l-ikel || http://ec.europa.eu/food/food/rapidalert/rasff_publications_en.htm Rapport || Bażi Legali || Pubblikazzjoni Rapport Annwali ta’ Monitoraġġ tar-Residwi ta’ Pestiċidi madwar l-UE kollha || L-Artikolu 32 tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta’ residwu ta’ pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (Mandat mogħti lill-EFSA) || http://ec.europa.eu/food/fvo/specialreports/pesticides_index_en.htm http://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/pub/1646.htm Rapport annwali dwar l-irradjazzjoni tal-ikel || L-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 1999/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Frar 1999 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li jikkonċernaw ikel u ingredjenti ta’ l-ikel trattati b’radjazzjoni li tijonizza || http://ec.europa.eu/food/food/biosafety/irradiation/index_en.htm Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar l-Implimentazzjoni ta’ Pjanijiet Nazzjonali għall-Monitoraġġ tar-Residwi fl-Istati Membri || L-Artikolu 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 96/23/KE tad-29 ta’ April 1996 dwar miżuri għall-monitoraġġ ta’ ċerti sustanzi u residwi tagħhom f’annimali ħajjin u prodotti ta’ l-annimali u li tħassar id-Direttivi 85/358/KEE u 86/469/KEE u d-Deċiżjonijiet 89/187/KEE u 91/664/KEE || http://ec.europa.eu/food/food/chemicalsafety/residues/control_en.htm Rapport || Bażi Legali || Pubblikazzjoni Rapporti annwali tal-Kummissjoni dwar is-sorveljanza min-naħa tal-Istati Membri tal-influwenza avjarja fit-tjur u fl-għasafar selvaġġi || L-Artikolu 19.1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/875/KE u l-Artikolu 9.1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/876/KE li japprovaw programmi biex jinqered u jsir monitoraġġ tal-mard tal-annimali ta’ ċerti TSEs u għall-prevenzjoni taż-żoonożi, ippreżentati mill-Istati Membri u mill-Bulgarija u r-Rumanija għas-sena 2007. || http://ec.europa.eu/food/animal/diseases/controlmeasures/avian/eu_resp_surveillance_en.htm Rapporti tal-laqgħat tas-sottogruppi ta’ esperti (Bruċellożi bovina, bruċellożi fin-nagħaġ u l-mogħoż, tuberkulożi bovina u rabja) tat-Task Force (TF) għall-monitoraġġ tal-eliminazzjoni tal-mard fl-Istati Membri || It-Task Force nħolqot fis-sena 2000 bħala azzjoni prevista fil-White Paper tal-Kummissjoni dwar is-Sigurtà tal-Ikel. || http://ec.europa.eu/food/animal/diseases/eradication/taskforce_en.htm Rapport || Bażi Legali || Pubblikazzjoni Sommarju annwali tas-sottomissjonijiet mill-Istati Membri rigward l-importazzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali għall-konsum personali, li jispjega fil-qosor l-informazzjoni rilevanti dwar il-miżuri meħuda biex jiġu reklamati u infurzati r-regoli stipulati fir-Regolament, u dwar ir-riżultati tagħhom || L-Artikolu 7(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 206/2009/KE (li jirrevoka l-Artikolu 5(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 745/2004) dwar l-introduzzjoni fl-UE ta’ kunsinni personali ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali || http://ec.europa.eu/food/animal/animalproducts/personal_imports/sum_personal_imports_2005_2007_final.pdf Benessri tal-annimali: Regolament dwar it-trasport || Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 tat-22 ta' Diċembru 2004 dwar il-protezzjoni ta’ l-annimali waqt it-trasport u operazzjonijiet relatati u li jemenda d-Direttivi 64/432/KEE u 93/119/KE u r-Regolament (KE) Nru 1255/97 || http://ec.europa.eu/food/animal/welfare/transpor t/inspections_reports_reg_1_2005_en.htm [1]
Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament
Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kontrolli
uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi
ta’ l-għalf u l-ikel, mas-saħħa ta’ l-annimali u mar-regoli dwar il-welfare
ta’ l-annimali (ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1). [2]
Sa mill-2010 it-terminu “spezzjoni” ġie mibdul
b'“verifika” biex jiġi rifless il-kamp ta' applikazzjoni iktar wiesa'
tal-attivitjiet tal-FVO (Uffiċċju Alimentari u Veterinarju). “Verifika” qed tintuża b'mod ġenerali f’dan
ir-rapport għal referenza iktar faċli. [3]
COM(2010) 441 finali tal-25.8.2010. [4]
Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabilixxi
l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi
l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi
kwistjonijiet ta' sigurtà ta' l-ikel [5]
Analiżi tal-Periklu u tal-Punti Kritiċi
tal-Kontroll. [6]
Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 669/2009
tal-24 ta’ Lulju 2009 li jimplimenta r-Regolament (KE)
Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar iż-żieda fil-livell
tal-kontrolli uffiċjali mwettqa fuq l-importazzjoni ta’ ċertu għalf u ikel ta’
oriġini mhux mill-annimali u li jemenda d-Deċiżjoni 2006/504/KE. [7] Sentenza tal-Qorti tal-23.4.2009,
fil-Kawża C-331/07. [8] Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja
tas-17.12.2009, fil-Kawża C-248/07. [9] Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja
tal-10.9.2009, fil-Kawża C-416/07.