52012DC0102

GREEN PAPER L-IBBANKJAR PARALLEL /* COM/2012/0102 final */


1.           Introduzzjoni

Il-kriżi tal-2008 kienet waħda globali u s-servizzi finanzjarji kienu fil-qalba tagħha, hekk kif inkixfu inadegwatezzi bħal lakuni regolatorji, superviżjoni ineffettiva, swieq opaki u prodotti kumplessi żżejjed. Ir-reazzjoni kienet internazzjonali u kkoordinata permezz tal-G20 u l-Bord tal-Istabbiltà Finanzjarja (Financial Stability Board - FSB).

L-Unjoni Ewropea wriet tmexxija globali fl-implimentazzjoni tal-impenji tal-G20 tagħha. B'konformità mal-Pjan Direzzjonali tal-UE għal Riforma Finanzjarja, l-Unjoni avvanzat ħafna fl-implimentazzjoni tar-riformi marbuta mal-impenji tal-G20. Il-biċċa l-kbira tar-riformi bħalissa huma għaddejjin mill-proċess leġiżlattiv. B'mod partikolari, kisba ewlenija kienet l-adozzjoni reċenti mill-Kunsill u l-Parlament ta' leġiżlazzjoni kruċjali dwar derivati barra l-Borża. In-negozjati huma wkoll żviluppati sew fir-rigward ta' miżuri biex jiġu aġġornati r-rekwiżiti kapitali tas-settur bankarju. Kumplessivament, ir-riformi se jipprovdu lill-UE għodda mfassla biex jiżguraw superviżjoni xierqa tas-sistema finanzjarja, l-istituzzjonijiet tagħha u s-swieq. Swieq finanzjarji aktar stabbli u responsabbli huma prerekwiżit għat-tkabbir u għall-ħolqien ta' ambjent kummerċjali li jippermetti lill-kumpaniji jiffjorixxu, jinnovaw u jwessgħu l-attivitajiet tagħhom. Dan imbagħad isaħħaħ il-fiduċja taċ-ċittadini.

Madankollu, hemm qasam dejjem ikbar ta' attività mhux bankarja ta' kreditu, jew bankjar parallel, li ma kienx il-fokus ewlieni tar-regolamentazzjoni u s-superviżjoni prudenzjali. Bankjar parallel iwettaq funzjonijiet importanti fis-sistema finanzjarja. Pereżempju, joħloq sorsi addizzjonali ta' finanzjament u joffri lill-investituri alternattivi għad-depożiti bankarji. Iżda jista' wkoll joħloq theddid potenzjali għall-istabbiltà finanzjarja fit-tul.

Għaldaqstant, b'reazzjoni għas-sejħiet tal-G20 f'Seoul fl-2010 u f'Cannes fl-2011, l-FSB huwa fil-proċess li jiżviluppa rakkomandazzjonijiet dwar is-sorveljanza u r-regolamentazzjoni ta' din l-attività.

Il-ħidma tal-FSB enfasizzat li falliment diżordinat ta' entitajiet bankarji paralleli jistgħu jġorru riskju sistemiku, kemm direttament kif ukoll permezz tal-interkonnettività tagħhom mas-sistema bankarja regolari. L-FSB issuġġerixxa wkoll li, sakemm tali attivitajiet u entitajiet jibqgħu soġġetti għal livell aktar baxx ta' regolamentazzjoni u superviżjoni mill-bqija tas-settur finanzjarju, regolamentazzjoni bankarja msaħħa tista' tixpruna lil parti sostanzjali mill-attivitajiet bankarji lil hinn mill-fruntieri bankarji tradizzjonali u l-ibbankjar parallel.

F'dan l-isfond, il-Kummissjoni tqis li hija prijorità li teżamina fid-dettal il-kwistjonijiet li jitqajmu minn attivitajiet u entitajiet bankarji paralleli. L-għan huwa li nwieġbu u nikkontribwixxu ulterjurment lid-dibattitu globali; inkomplu nżidu r-reżiljenza tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni; u, niżguraw li l-attivitajiet finanzjarji kollha qed jikkontribwixxu lit-tkabbir ekonomiku. Għaldaqstant, l-iskop ta' din il-Green Paper huwa li jiġi evalwat l-iżvilupp attwali, u jiġu ppreżentati r-riflessjonijiet li għaddejjin bħalissa dwar is-suġġett sabiex jippermettu konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet interessati.

2.           Il-kuntest internazzjonali

Fis-Summit ta' Seoul ta' Novembru 2010, il-Mexxejja tal-G20 identifikaw xi kwistjonijiet pendenti tar-regolamentazzjoni tas-settur finanzjarji li kienu jesiġu attenzjoni. Huma saħqu fuq "it-tisħiħ tar-regolamentazzjoni u s-superviżjoni tal-ibbankjar parallel" bħala waħda minn dawn il-kwistjonijiet u talbu lill-FSB biex, flimkien ma' korpi oħra ta' stipular tal-istandards, jiżviluppa rakkomandazzjonijiet li jsaħħu s-sorveljanza u r-regolamentazzjoni tas-"sistema ta' bankjar parallel".

Bħala tweġiba għal dan, l-FSB ippubblika rapport fis-27 ta' Ottubru 2011[1] dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza u r-regolamentazzjoni tal-ibbankjar parallel.

Abbażi ta' dan ir-rapport u tal-istedina tas-Summit ta' Cannes tal-G20 ta' Novembru 2011 biex jaħdem iktar, l-FSB ta bidu wkoll għal ħames linji ta' ħidma bil-kompitu li janalizzaw il-kwistjonijiet aktar fid-dettall u jiżviluppaw rakkomandazzjonijiet effettivi ta' politika. Dawn il-linji ta' ħidma jinkludu: (i) ħidma mill-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja (Basel Committee on Banking Supervision - BCBS) fuq kif tista' tiġi rregolata aktar l-interazzjoni bejn il-banek u l-entitajiet bankarji paralleli u jirrapporta f’Lulju 2012; (ii) ħidma mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli (International Organization of Securities Commissions - IOSCO) fuq ir-regolamentazzjoni li timmitiga r-riskji sistemiċi (inklużi riskji bħal assalti bankarji) tal-Fondi tas-Suq tal-Flus (MMFs) u tirrapporta f’Lulju 2012; (iii) evalwazzjoni mill-IOSCO, bl-għajnuna tal-BCBS, tar-rekwiżiti eżistenti tat-titolizzazzjoni u rakkomandazzjonijiet ulterjuri ta’ politika f’Lulju 2012; (iv) grupp sekondarju tal-FSB li se jeżamina r-regolamentazzjoni ta' entitajiet bankarji paralleli oħrajn[2] u jirrapporta f'Settembru 2012; u, (v) grupp sekondarju ieħor tal-FSB li se jaħdem fuq is-self ta' titoli u r-repos u jirrapporta f’Diċembru 2012. Dawn il-linji ta' ħidma jiġbru flimkien l-UE u ġurisdizzjonijiet ewlenin oħra, fosthom l-Istati Uniti, iċ-Ċina u l-Ġappun, li qed iqisu wkoll miżuri regolatorji xierqa.

3.           X'inhu bankjar parallel?

Ir-rapport tal-FSB ta' Ottubru 2011 jirrappreżenta l-ewwel sforz internazzjonali komprensiv biex jiġi ttrattat l-ibbankjar parallel Dan jiffoka fuq (i) id-definizzjoni ta' prinċipji għall-monitoraġġ u r-regolamentazzjoni tas-sistema bankarja parallela; (ii) il-bidu ta' proċess ta' mmappjar biex jiġu identifikati u vvalutati riskji sistemiċi involuti fl-ibbankjar parallel; u, (iii) l-identifikazzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni ta' miżuri regolatorji possibbli.

F'dan ir-rapport, l-FSB iddefinixxa s-sistema bankarja parallela bħala "is-sistema ta' intermedjazzjoni ta' kreditu li tinvolvi entitajiet u attivitajiet barra s-sistema bankarja regolari". Din id-definizzjoni timplika li s-sistema bankarja parallela hija bbażata fuq żewġ pilastri marbuta bejniethom.

L-ewwel, entitajiet li joperaw barra s-sistema bankarja regolari involuti f'waħda mill-attivitajiet li ġejjin:

· l-aċċettazzjoni ta' finanzjament b’karatteristiċi simili għal depożitu;

· it-twettiq ta' trasformazzjoni ta' maturità u/jew likwidità ;

· trasferiment tar-riskju tal-kreditu; kif ukoll,

· użu ta' ingranaġġ finanzjarju dirett jew indirett.

It-tieni, attivitajiet li jistgħu jaġixxu bħala sorsi importanti ta’ finanzjament ta’ enititajiet mhux bankarji. Dawn l-attivitajiet jinkludu t-titolizzazzjoni, is-self tat-titoli u tranżazzjonijiet ta’ riakkwist ("repo").

F'dan l-isfond il-Kummissjoni, f'dan l-istadju qed tiffoka l-analiżi tagħha fuq l-entitajiet u attivitajiet possibbli ta' bankjar parallel. Din ma għandhiex titqies bħala eżawrjenti peress li l-entitajiet u l-attivitajiet bankarji paralleli jistgħu jevolvu malajr ħafna.

Entitajiet u attivitajiet possibbli ta' bankjar paralleli li qed tiffoka attwalment fuqhom il-Kummissjoni fl-analiżi tagħha

Entitajiet:

-   Entitajiet bi skop speċjali li jwettqu t-trasformazzjoni ta' likwidità u/jew maturità; pereżempju, vetturi tat-titolizzazzjoni, bħal vetturi ABCP, Strumenti Speċjali ta ' Investiment (Special Investment Vehicles - SIV) u Strumenti bi Skop Speċjali (Special Purpose Vehicles -SPV) oħrajn;

-   Fondi tas-Suq tal-Flus (Money Market Funds - MMFs) u tipi oħrajn ta’ fondi jew prodotti ta’ investiment b’karatteristiċi simili għal depożitu, li jagħmluhom vulnerabbli għal tifdija massiva ("assalti bankarji");

-   Fondi tal-investiment, inklużi Fondi Negozjati fil-Borża (Exchange Traded Funds - ETFs), li jipprovdu l-kreditu jew huma ingranati;

-   Kumpaniji finanzjarji u entitajiet ta' titoli li jipprovdu kreditu jew garanziji ta' kreditu, jew li jwettqu t-trasformazzjoni ta' likwidità u/jew maturità mingħajr ma jiġu regolati bħala bank; kif ukoll

-   Impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li joħorġu jew jiggarantixxu prodotti ta' kreditu.

Attivitajiet:

-   Titolizzazzjoni; kif ukoll

-   Self ta' titoli u repo.

Skont l-FSB ġie stmat li, bejn wieħed u ieħor, id-daqs tas-sistema bankarja parallela globali kien ta' madwar EUR 46 triljun fl-2010, hekk kif kiber minn EUR 21 triljun fl-2002. Dan jirrappreżenta bejn 25 u 30 % tat-total tas-sistema finanzjarja u nofs id-daqs tal-assi tal-banek. Fl-Istati Uniti, dan il-proporzjon huwa saħansitra aktar sinifikanti, b'ċifra stmata ta’ bejn 35 % u 40 %. Madankollu, skont estimi tal-FSB, is-sehem tal-assi ta' intermedjarji finanzjarji, għajr il-banek, li jinsabu fl-Ewropa bħala perċentwal tad-daqs globali tas-sistema bankarja parallela żdied b'mod qawwi bejn l-2005 u l-2010, filwaqt li naqas is-sehem tal-assi li jinsabu l-Istati Uniti. Fuq skala globali, is-sehem tal-assi miżmuma mill-ġurisdizzjonijiet Ewropej żdied minn 10 % għal 13 % għall-intermedjarji tar-Renju Unit, minn 6 % għal 8 % għall-intermedjarji tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn 4 % għal 5 % għall-intermedjarji tal-Germanja u minn 2 % għal 3 % għall-intermedjarji ta' Spanja. L-intermedjarji ta' Franza u l-Italja żammew l-ishma preċedenti tagħhom, ta' 6 % u 2 % rispettivament, fl-assi globali tal-ibbankjar parallel.

Mistoqsijiet:

a)       Taqbel mad-definizzjoni proposta għall-ibbankjar parallel?

b)         Taqbel mal-lista preliminari ta' entitajiet u attivitajiet bankarji paralleli? Għandhom jiġu analizzati aktar entitajiet u/jew attivitajiet? Jekk iva, liema huma?

4.           X 'inhuma r-riskji u l-benefiċċji relatati mal-ibbankjar parallel?

Attivitajiet bankarji paralleli jistgħu jikkostitwixxu parti siewja tas-sistema finanzjarja, peress li jwettqu waħda mill-funzjonijiet li ġejjin: (i) jipprovdu alternattivi għad-depożiti bankarji lill-investituri; (ii) jidderiġu r-riżorsi lejn ħtiġijiet speċifiċi b'mod aktar effiċjenti minħabba speċjalizzazzjoni akbar; (iii) jikkostitwixxu finanzjament alternattiv għall-ekonomija reali, li huwa partikolarment utli meta kanali tradizzjonali bankarji jew tas-suq jinsabu temporanjament f'diffikultà; u, (iv) jikkostitwixxu sors possibbli ta' diversifikazzjoni tar-riskju lil hinn mis-sistema bankarja.

Entitajiet u attivitajiet bankarji paralleli jistgħu madankollu joħolqu wkoll għadd ta' riskji. Uħud minn dawn ir-riskji jistgħu jkunu ta’ natura sistemika, partikolarment minħabba l-kumplessità ta' entitajiet u attivitajiet bankarji paralleli; il-kopertura transġurisdizzjonali tagħhom u l-mobilità inerenti ta' titoli u swieq tal-fondi; u, l-interkonnettività ta' entitajiet u attivitajiet bankarji paralleli mas-sistema bankarja regolari.

Dawn ir-riskji jistgħu jinġabru flimkien kif ġej:

(i) Strutturi ta' finanzjament simili għal depożiti jistgħu jwasslu għal "assalti bankarji":

Attivitajiet bankarji paralleli huma esposti għal riskji finanzjarji simili għal dawk tal-banek, mingħajr ma jkunu soġġetti għal limitazzjonijiet komparabbli imposti permezz tar-regolamentazzjoni u s-superviżjoni bankarja. Pereżempju, ċerti attivitajiet bankarji paralleli huma ffinanzjati minn finanzjament fuq medda ta' żmien qasir, li huwa suxxettibbli għal riskji ta' rtirar f'daqqa u massiv ta’ fondi mill-klijenti.

(ii) Akkumulazzjoni ta' ingranaġġ għoli, moħbi:

Ingranaġġ għoli jista' jżid il-fraġilità tas-settur finanzjarju u jkun sors ta’ riskju sistemiku. Attivitajiet bankarji paralleli jistgħu jiġu ingranati ħafna permezz ta' finanzjament kollaterali li jgħaddi minn bosta operazzjonijiet, mingħajr ma jkun soġġett għal-limiti imposti bir-regolamentazzjoni u s-superviżjoni.

(iii) Evitar tar-regoli u l-arbitraġġ regolatorju:

Operazzjonijiet bankarji paralleli jistgħu jintużaw biex jevitaw ir-regolamentazzjoni jew is-superviżjoni applikati lil banek regolari billi jiksru l-proċess tradizzjonali ta' intermedjazzjoni tal-kreditu fi strutturi legalment indipendenti li jittrattaw ma' xulxin. Din il-"frammentazzjoni regolatorja" toħloq ir-riskju ta' laxkar regolatorju ġenerali għas-sistema finanzjarja kollha kemm hi, hekk kif banek u intermedjarji finanzjarji oħrajn jippruvaw jimitaw entitajiet bankarji paralleli jew jimbuttaw ċerti operazzjonijiet lejn entitajiet barra l-ambitu tal-konsolidament tagħhom. Pereżempju, operazzjonijiet li jevitaw ir-regoli dwar il-kapital u l-kontabbiltà u jittrasferixxu r-riskji barra l-ambitu tas-superviżjoni bankarja kellhom rwol importanti fl-iżvilupp tal-kriżi tal-2007/2008.

(iv) Fallimenti diżordinati li jaffettwaw is-sistema bankarja:

Attivitajiet bankarji paralleli ta' spiss huma marbuta mill-qrib mas-settur bankarju regolari. Kwalunkwe falliment jista' jwassal għal effetti importanti ta' kontaġju u riperkussjonijiet sussegwenti. F'kundizzjonijiet ta' diffikultà jew inċertezza severa, ir-riskji meħuda mill-banek paralleli jistgħu faċilment jiġu trasmessi lis-settur bankarju permezz ta' diversi kanali: (a) self dirett mis-sistema bankarja u passivi kontinġenti bankarji (titjib tal-kreditu u linji ta' likwidità); u, (b) bejgħ massiv ta 'assi b' riperkussjonijiet fuq il-prezzijiet ta' assi finanzjarji u reali.

Mistoqsijiet:

c)       Taqbel li l-ibbankjar parallel jista' jikkontribwixxi pożittivament lis-sistema finanzjarja? Hemm aspetti oħrajn ta' benefiċċju ta' dawn l-attivitajiet li għandhom jinżammu u jiġu promossi fil-futur?

d)      Taqbel mad-deskrizzjoni tal-kanali li, permezz tagħhom, l-attivitajiet bankarji paralleli qed joħolqu riskji ġodda jew jittrasferuhom lil partijiet oħra tas-sistema finanzjarja?

e)         Għandhom jitqiesu kanali oħra li, permezz tagħhom, l-attivitajiet bankarji paralleli qed joħolqu riskji ġodda jew jittrasferuhom lejn partijiet oħra tas-sistema finanzjarja?

5.           Liema huma l-isfidi għall-awtoritajiet superviżorji u regolatorji

Fid-dawl tar-riskji potenzjali stipulati hawn fuq, huwa essenzjali li l-awtoritajiet superviżorji u regolatorji iqisu kif jistgħu jindirizzaw bl-aħjar mod entitajiet u attivitajiet bankarji paralleli. Madankollu, dan il-kompitu jippreżenta sfidi varji.

L-ewwel, l-awtoritajiet ikkonċernati jridu jidentifikaw u jimmonitorjaw l-entitajiet rilevanti u l-attivitajiet tagħhom. Fl-UE, il-biċċa l-kbira tal-awtoritajiet nazzjonali għandhom esperjenza rilevanti u l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), l-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE), l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (AETS), l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (AEPX) u l-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) bdew jibnu għarfien espert dwar l-ibbankjar parallel. Madankollu, għad hemm ħtieġa urġenti li jiġu indirizzati l-lakuni attwali fid-dejta dwar l-interkonnettività bejn l-istituzzjonijiet finanzjarji bankarji u dawk mhux bankarji fuq bażi globali. Għaldaqstant, l-UE tista’ tinħtieġ li tiżgura proċessi permanenti għall-ġbir u l-iskambju tal-informazzjoni dwar l-identifikazzjoni u tal-prattika superviżorja bejn is-superviżuri kollha tal-UE, il-Kummissjoni, l-BĊE u banek ċentrali oħra. Dan se jesiġi koordinazzjoni mill-qrib bejniethom biex jaqsmu l-informazzjoni u jidentifikaw fil-pront il-problemi. Dan jista' wkoll jesiġi setgħat speċifiċi ġodda għall-awtoritajiet superviżorji nazzjonali.

It-tieninett, l-awtoritajiet jridu jistabbilixxu l-approċċ lejn is-superviżjoni tal-entitajiet bankarji paralleli. Il-Kummissjoni tqis li din għandha (i) titwettaq fil-livell xieraq, jiġifieri dak nazzjonali u/jew Ewropew; (ii) tkun proporzjonata; (iii) tqis il-kapaċità u l-għarfien superviżjorji eżistenti; u, (iv) tiġi integrata fil-qafas makroprudenzjali. Rigward dan tal-aħħar, l-awtoritajiet għandhom ikollhom il-ħila li jifhmu l-ktajjen moħbija ta' intermedjazzjoni ta' kreditu; jivvalutaw kif suppost l-importanza sistematika tagħhom; iqisu l-implikazzjonijiet makroprudenzjali ta' prodotti jew attivitajiet ġodda; u, jimmappjaw l-interkonnettività tas-sistema bankarja parallela mal-bqija tas-settur finanzjarju.

It-tieletnett, peress li kwistjonijiet ta' bankjar parallel jistgħu jesiġu estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni u n-natura tar-regolamentazzjoni prudenzjali, huma meħtieġa reazzjonijiet regolatorji xierqa. Ir-rapport tal-FSB imsemmi qabel issuġġerixxa xi prinċipji ġenerali li r-regolaturi għandhom japplikaw fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta' miżuri regolatorji għall-ibbankjar parallel. L-FSB issuġġerixxa li l-miżuri regolatorji għandhom ikunu mmirati, proporzjonati, li jħarsu 'l quddiem u li jistgħu jiġu adattati, effettivi, u għandhom ikunu soġġetti għall-valutazzjoni u r-reviżjoni. Il-Kummissjoni hija tal-fehma wkoll li l-awtoritajiet għandhom iqisu dawn il-prinċipji ta' livell għoli. Il-Kummissjoni tqis ukoll li għandu jiġi adottat approċċ speċifiku għal kull tip ta' entità u/jew attività. Dan se jeħtieġ li jinkiseb il-bilanċ it-tajjeb bejn tliet mezzi possibbli u kumplimentari: (i) regolamentazzjoni indiretta (regolamentazzjoni tar-rabiet bejn is-sistema bankarja u l-entitajiet bankarji paralleli); (ii) estensjoni jew reviżjoni xierqa tar-regolamentazzjoni eżistenti; u, (iii) regolamentazzjoni ġdida speċifikament diretta lejn l-entitajiet u l-attivitajiet bankarji paralleli. F'dan il-kuntest, għandhom jitqiesu wkoll miżuri mhux regolatorji alternattivi jew kumplimentari.

Mistoqsijiet:

f)          Taqbel mal-ħtieġa ta' monitoraġġ u regolamentazzjoni aktar stretti ta' attivitajiet u entitajiet bankarji paralleli?

g)         Taqbel mas-suġġerimenti li jikkonċernaw l-identifikazzjoni u l-monitoraġġ tal-entitajiet rilevanti u l-attivitajiet tagħhom? Taħseb li l-UE teħtieġ proċessi permanenti għall-ġbir u l-iskambju tal-informazzjoni dwar l-identifikazzjoni u l-prattika superviżorja bejn is-superviżuri kollha tal-UE, il-Kummissjoni, l-BĊE u banek ċentrali oħra?

h)         Taqbel mal-prinċipji ġenerali għas-superviżjoni tal-ibbankjar parallel stipulati hawn fuq?

i)          Taqbel mal-prinċipji ġenerali għat-tweġibiet regolatorji stipulati hawn fuq?

j)          X'miżuri jistgħu jkunu previsti sabiex tiġi żgurata konsistenza internazzjonali fit-trattament tal-ibbankjar parallel u jiġi evitat arbitraġġ regolatorju globali?

6.           Liema miżuri regolatorji japplikaw għall-ibbankjar parallel fl-UE?

Fl-UE, kull wieħed mit-tliet approċċi regolatorji possibbli deskritti fit-taqsima preċedenti ta’ din il-Green Paper huwa attwalment segwit u ppreżentat fil-qosor hawn isfel. Għadd ta' proposti leġiżlattivi b’implikazzjonijiet għall-entitajiet u attivitajiet ta' bankjar parallel huma diġà fis-seħħ jew qegħdin jiġu negozjati bħalissa mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill. Xi Stati Membri għandhom ukoll regoli nazzjonali addizzjonali għas-sorveljanza ta’ entitajiet u attivitajiet finanzjarji li mhumiex regolati fil-livell tal-UE.

6.1.        Ir-regolamentazzjoni indiretta ta' attivitajiet bankarji paralleli permezz ta' regolamentazzjoni bankarja u dik dwar l-assigurazzjoni

L-UE ħadet passi importanti biex tindirizza indirettament kwistjonijiet ta' bankjar parallel li tqajmu minn strutturi ta' titolizzazzjoni billi tiskoraġġixxi l-banek milli jevitaw rekwiżiti kapitali eżistenti u leġiżlazzjoni oħra:

· ir-reviżjoni tad-direttiva tal-UE dwar ir-rekwiżiti tal-kapital bankarju fl-2009, (l-hekk imsejħa Direttiva dwar ir-Rekwiżiti Kapitali, jew "CRD II")[3], li l-Istati Membri kellhom jittrasponu fil-liġi nazzjonali sa Ottubru 2010, tesiġi li kemm l-oriġinaturi kif ukoll il-finanzjaturi ta' assi titolizzati iżommu sehem sostanzjali tar-riskji sottoskritti tagħhom. Id-direttiva ssaħħaħ ukoll it-trattament ta' linji ta' likwidità u l-iskopertura tal-kreditu għal vetturi tat-titolizzazzjoni. Ir-regoli preċedenti ppermettew lill-banek li jevitaw li jqiegħdu kapital għar-riskji korrispondenti;

· l-emendi fir-reviżjoni sussegwenti tad-direttiva fl-2010 (l-hekk imsejħa "CRD III")[4] saħħew aktar ir-rekwiżiti kapitali skont ir-rakkomandazzjonijiet ppubblikati mill-BCBS f'Lulju 2009. Minn Diċembru 2011, il-banek kienu meħtieġa li jikkonformaw ma' regoli addizzjonali dwar l-iżvelar u jżommu ħafna iktar kapital biex ikopru r-riskji meta jinvestu f’rititolizzazzjonijiet kumplessi. Din id-Direttiva kienet tesiġi wkoll li l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri kollha jqisu r-riskji għar-reputazzjoni li jirriżultaw minn strutturi jew prodotti ta’ titolizzazzjoni kumplessi meta jwettqu l-valutazzjoni tar-riskju tagħhom tal-banek individwali taħt il-Pilastru 2 tal-qafas ta' Basel/CRD[5],

· fil-proposta tagħha għall-aħħar reviżjoni tad-Direttiva (l-hekk imsejħa "CRD IV")[6], il-Kummissjoni pproponiet l-introduzzjoni ta' rekwiżiti espliċiti dwar il-likwidità sa mill-2015, inklużi il-faċilitajiet tal-likwidità għall-SPVs u għal kwalunkwe prodott jew servizz ieħor marbut mar-riskju għar-reputazzjoni tal-bank; kif ukoll

· f’Novembru 2011, il-Kummissjoni approvat emenda għall-Istandards Internazzjonali għall-Irrappurtar Finanzjarju (Financial Reporting Standards – IFRS) biex jittejbu r-rekwiżiti ta' żvelar relatati mat-trasferiment ta' assi finanzjarji (relatati mal-IFRS 7)[7]. Il-Kummissjoni qiegħda wkoll tanalizza standards ġodda dwar il-konsolidament (relatati mal-IFRS 10,11 u 12) L-għan ta’ dawn l-istandards huwa li jitjieb il-konsolidament ta' vetturi ta' titolizzazzjoni u r-rekwiżiti tal-iżvelar relatati ma' parteċipazzjonijiet mhux konsolidati f’"entitajiet strutturati" bħal vetturi ta' titolizzazzjoni jew finanzjament sostnuti minn assi.

Fir-rigward tas-settur tal-assigurazzjoni, taħt ir-regoli li jimplimentaw d-Direttiva Qafas dwar is-Solvenza II[8] (Solvenza II) għall-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li jinvestu fi prodotti ta' titolizzazzjoni, il-Kummissjoni biħsiebha tesiġi li l-oriġinaturi u l-finanzjaturi ta' tali prodotti jissodisfaw ir-rekwiżiti tar-retenzjoni tar-riskju simili għal dawk stabbiliti f'leġiżlazzjoni bankarja.

6.2.      Jitwessa' l-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolamentazzjoni prudenzjali attwali biex tinkludi attivitajiet bankarji paralleli

Il-kamp ta' applikazzjoni tar-regolamenti eżistenti ġie wkoll estiż għal entitajiet u attivitajiet ġodda sabiex ikollhom kopertura wiesgħa, jindirizzaw tħassib ta' riskju sistemiku u jagħmlu iktar diffiċli l-arbitraġġ regolatorju futur.

Dan huwa l-approċċ meħud fir-rigward tad-ditti ta' investiment. Huma soġġetti għas-sistema stabbilita fid-Direttiva dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji (Markets in Financial Instruments Directive-MiFID)[9]. Fir-reviżjoni ta' dan il-qafas, fl-20 ta’ Ottubru 2011 il-Kummissjoni pproponiet direttiva riformulata u regolament sabiex iwessgħu l-kamp ta' applikazzjoni tal-qafas (eż. sabiex ikopru n-negozjanti ta' frekwenza għolja kollha u biex aktar ditti ta' investiment fil-komoditajiet jinġiebu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-MiFID); tiżdied it-trasparenza ta’ strumenti mhux ta' ekwità – li se ttejjeb il-ħila li jiġu identifikati riskji minn bankjar parallel; u, jiġu fdati b'setgħat imsaħħa u ta' intervent proattiv l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-AETS sabiex ikunu jistgħu jikkontrollaw u jtaffu r-riskji mill-ibbankjar parallel. L-MiFID ma timponix direttament rekwiżiti kapitali għal dawk l-impriżi li jinġiebu fil-kamp ta' applikazzjoni tagħha. Madankollu, din tagħmel kontroreferenza lid-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti Kapitali, u b'hekk timponi regolamentazzjoni prudenzjali simili għal dik bankarja fuq entitajiet li jwettqu attivitajiet bankarji paralleli.

6.3.        Regolamentazzjoni diretta ta’ xi attivitajiet bankarji paralleli

Fl-aħħarnett, l-UE diġà adottat ukoll miżuri biex tirregola direttament l-entitajiet u l-attivitajiet bankarji paralleli.

Fir-rigward tal-fondi ta' investiment, id-Direttiva dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattiv (Alternative Investment Fund Managers Directive - AIFMD)[10] diġà tindirizza għadd ta' kwistjonijiet dwar l-ibbankjar parallel, sakemm l-entitajiet konċernati jinqabdu bħala fondi ta' investiment alternattiv taħt dik id-direttiva. L-amministraturi tal-assi issa huma meħtieġa li jimmonitorjaw ir-riskji tal-likwidità u joperaw sistema tal-ġestjoni tal-likwidità. Fid-dawl tal-metodi għall-ikkalkular tal-ingranaġġ u r-rekwiżiti ta' rappurtar ġodda, attivitajiet bħal ftehimiet ta' riakkwist jew self ta' titoli se jkunu eħfef biex jiġu mmonitorjati mill-awtoritajiet kompetenti.

Fir-rigward tal-MMFs u ETFs, dawn il-fondi jistgħu jiġu koperti minn leġiżlazzjoni eżistenti dwar l-impriżi għall-investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (Collective Investment in Transferable Securities - UCITS)[11]. Flimkien ma' dan, l-AETS żviluppat linji gwida li daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2011[12]. Dawn il-linji gwida jinkludu rakkomandazzjonijiet għal dawn il-fondi biex jirrestrinġu l-investimenti eliġibbli, jillimitaw il-maturità medja ppeżata u jwettqu kuljum il-kalkoli tal-valur nett tal-assi.

L-Aġenżi ta' Klassifikazzjoni tal-Kreditu (Credit Rating Agencies – CRAs) mhumiex ingranati u ma jinvolvux ruħhom direttament fi trasformazzjoni tal-maturità. Madankollu, għandhom rwol importanti fil-katina ta' intermedjazzjoni tal-kreditu peress li jassenjaw il-klassifikazzjoni lil prodotti u entitajiet. Fl-UE, is-CRAs huma soġġetti għal regolamentazzjoni u superviżjoni stretta mill-AETS[13]. Minbarra dan, il-Kummissjoni pproponiet miżuri leġiżlattivi addizzjonali biex jissaħħaħ il-proċess ta' klassifikazzjoni tal-kreditu[14].

Fl-aħħarnett, fir-rigward tar-regolamentazzjoni tal-assigurazzjoni, is-Solvenza II tindirizza wkoll għadd ta' kwistjonijiet tal-ibbankjar parallel billi tipprovdi regolamentazzjoni komprensiva iċċentrata fuq approċċ ibbażat fuq ir-riskju u ekonomiku, flimkien ma' rekwiżiti b'saħħithom tal-ġestjoni tar-riskju inkluż il-prinċipju ta' "persuna prudenti" għall-investimenti. B'mod partikolari, tkopri b'mod espliċitu r-riskji ta' kreditu fir-rekwiżiti kapitali; tipprevedi approċċ imsejjes fuq il-karta tal-bilanċ fejn l-entitajiet u l-iskoperturi kollha huma suġġetti għal superviżjoni tal-grupp; u, li hija stretta daqs is-CRD IV fir-rigward tar-riskju ta' kreditu . Is-Solvenza II tesiġi wkoll lill-Istati Membri li jawtorizzaw it-twaqqif ta' SPV tal-assigurazzjoni. Regoli dettaljati li jimplementaw is-Solvenza II u li qegħdin jiġu attwalment ikkunsidrati se jinkludu l-awtorizzazzjoni u rekwiżiti regolatorji kontinwi dwar is-solvenza, il-governanza u rrappurtar safejn jikkonċernaw l-SPVs.

Mistoqsijiet:

k)         X'inhi l-fehma tiegħek dwar il-miżuri attwali li diġà ttieħdu fil-livell tal-UE biex jittrattaw kwistjonijiet tal-ibbankjar parallel?

7.           Kwistjonijiet pendenti

Minkejja li l-miżuri regolatorji indiretti, estiżi u diretti stipulati jagħmlu passi kbar sabiex jindirizzaw entitajiet u attivitajiet bankarji paralleli, għad hemm aktar progress xi jsir minħabba n-natura dejjem tevolvi tas-sistema bankarja paralleli u l-għarfien tagħna dwarha.

B'koordinazzjoni mal-FSB, il-korpi li jistabbilixxu l-istandards u l-awtoritajiet superviżorji u regolatorji relevanti tal-UE, l-għan tal-ħidma attwali tal-Kummissjoni huwa li teżamina bir-reqqa miżuri eżistenti u tipproponi strateġija xierqa biex tiżgura superviżjoni komprensiva tas-sistema bankarja parallela, flimkien ma' qafas regolatorju adegwat.

F'dan il-kuntest, hemm ħames oqsma ewlenin fejn il-Kummissjoni qed tkompli tinvestiga ulterjurment l-alternattivi u l-passi li jmiss.

7.1.        Regolamentazzjoni Bankarja

F’dan il-qasam, bosta kwistjonijiet qed jiġu eżaminati bl-għanijiet ġenerali jkunu:

· il-qbid għal finijiet prudenzjali ta' kwalunkwe trasferiment tar-riskju difettuż lejn entitajiet bankarji paralleli;

· li jiġu eżaminati modi biex jiġu identifikati il-kanali ta’ skoperturi, tiġi limitata l-iskopertura eċċessiva għal entitajiet bankarji paralleli u jitjiebu r-rekwiżiti tal-iżvelar tal-banek lejn skoperturi għal tali entitajiet; kif ukoll

· li jiġi żgurat li r-regolamentazzjoni bankarja tkopri l-attivitajiet rilevanti kollha.

B'mod partikolari, ir-regoli tal-konsolidament għal entitajiet bankarji paralleli qed jiġu eżaminati biex jiżguraw li l-entitajiet ffinanzjati mill-banek huma adegwatament kkonsolidati għal finijiet prudenzjali u għalhekk suġġetti bis-sħiħ għall-qafas komprensiv ta' Basel III. Huwa wkoll xieraq li jiġu studjati d-differenzi bejn il-konsolidament tal-kontijiet u l-konsolidament prudenzjali, kif ukoll id-differenzi bejn il-ġurisdizzjonijiet. F'dan ir-rigward, ikun siewi li jiġi vvalutat l-impatt tal-IFRS ġodda dwar il-konsolidament, partikolarment fir-rigward tal-entitajiet bankarji paralleli.

Fir-rigward tal-iskopertura tal-banek għal entitajiet bankarji paralleli, hemm bosta kwistjonijiet li jridu jiġu investigati iktar: (i) jekk is-sistema tal-iskoperturi l-kbar fil-leġiżlazzjoni bankarja attwali hijiex stretta biżżejjed biex jiġu indirizzati sew l-iskoperturi kollha għal banek paralleli, individwalment kif ukoll globalment; (ii) kif jista' jiġi effettivament ġustifikat ingranaġġ f'entitajiet bankarji paralleli bħal fondi ta' investiment, inkluża, b'mod partikolari, l-estensjoni jew le tal-hekk imsejjaħ approċċ tat-trasparenza li qed jiġi applikat bħalissa minn uħud mill-banek; (iii) jekk għandux jiġi applikat it-trattament tas-CRD II tal-linji ta' likwidità u skoperturi ta' kreditu għall-vetturi ta' titolizzazzjoni għall-entitajiet bankarji paralleli l-oħra kollha; u, (iv) reviżjoni tal-implimentazzjoni tat-trattament superviżorju nazzjonali għal appoġġ impliċitu

Leġiżlazzjoni bankarja eżistenti tal-UE hija limitata għal istituzzjonijiet li jieħdu d-depożiti li jipprovdu l-kreditu. Tista' titqies il-possibbiltà li jitwessa' l-kamp ta' applikazzjoni għal istituzzjonijiet u attivitajiet finanzjarji koperti mil-leġiżlazzjoni attwali. Il-Kummissjoni bħalissa qed tistudja il-merti tal-estensjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tas-CRD IV għal kumpaniji finanzjarji li ma jeħodux depożiti li mhumiex koperti bid-definizzjoni fir-Regolament dwar ir-Rekwiżiti Kapitali (Capital Requirements Regulation - CRR)[15]. Dan jillimita wkoll l-iskop għal arbitraġġ regolatorju futur għall-fornituri tal-krediti.

7.2.        Kwistjonijiet dwar ir-regolamentazzjoni tal-gestjoni tal-assi

Il-Kummissjoni qed tħares b'attenzjoni lejn l-evoluzzjoni tas-swieq tal-ETF kif ukoll tal-MMF fil-kuntest tal-ibbankjar parallel.

Fir-rigward tal-ETFs, l-FSB identifika diskrepanza possibbli bejn il-likwidità offruta lil investituri ETF u l-assi sottostanti inqas likwidi. Dan id-dibattitu regolatorju attwali jiffoka fuq problemi possibbli ta' likwidità; il-kwalità tal-kollateral ipprovdut f'każijiet tas-self ta' titoli u tranżazzjonijiet (swap) ta' derivati bejn il-fornituri tal-ETF u l-kontropartijiet tagħhom; u, il-kunflitti ta' interess fejn il-kontropartijiet f'dawn it-tranzazzjonijiet jappartjenu lill-istess grupp korporattiv. Uħud minn dawn il-kwistjonijiet mhumiex limitati għall-ETFs. Dawn jitfaċċaw f’kull istanza fejn it-titoli li huma l-proprjetà ta' fond ta’ investiment huma msellfa lil kontrapartijiet oħrajn jew fejn fond jidħol fi tranżazzjoni ta' derivat (eż. swaps totali tar-redditu) mal-kontroparti.

Minbarra dan, l-AETS bħalissa qiegħda twettaq reviżjoni tal-qafas tal-UCITS b'mod ġenerali u partikolarment fir-rigward tal-applikazzjoni potenzjali għall-ETFs bil-ħsieb li jiġu adottati linji gwida ġodda din is-sena. Il-linjigwida se jinkludu rakkomandazzjonijiet li jikkonċernaw l-ittikkettar tal-ETFs, żvelar lill-investituri u l-użu ta' kollateral.

Fir-rigward tal-MMFs, it-tħassib ewlieni identifikat huwa relatat mar-riskji ta' assalti bankarji (jiġifieri tifdija massiva u simultanja mill-investituri). Tali assalti jistgħu jaffettwaw serjament l-istabbiltà finanzjarja. L-FSB identifika l-possibbiltà ta' assalti bankarji li jirriżultaw l-aktar mir-riskji ta' kreditu u likwidità inerenti għall-portafoll ta' MMF, kif ukoll mill-metodu ta’ valutazzjoni tal-assi tal-MMF. Ir-riskji ta' assalti bankarji jiżdiedu meta MMFs jivvalutaw l-assi tagħhom permezz ta' approċċ ta' kost amortizzat sabiex jinżamm stabbli il-valur nett tal-assi (Net Asset Value - NAV), anke jekk il-valuri tas-suq tal-investimenti sottostanti jiċċaqilqu, kif inhu l-każ tal-hekk imsejjaħ MMF tal-NAV kostanti. L-investituri għandhom inċentiv li jkunu l-ewwel li jirtiraw il-fondi minnhom f'mument ta' stress tas-suq qabel l-NAV huwa mġiegħel jaqa'.

7.3.        Self ta’ titoli u ftehimiet ta’ riakkwist

Kwistjoni ċentrali oħra tikkonċerna s-self ta' titoli u l-ftehimiet ta' riakkwist peress li dawn l-attivitajiet jistgħu jintużaw rapidament biex jiżdied l-ingranaġġ u huma sors ewlieni ta' fondi użati minn xi entitajiet bankarji paralleli. Il-ħidma li għaddejja bħalissa mill-Kummissjoni u mill-FSB qed teżamina prattiki attwali, tidentifika lakuni regulatorji fir-regolamentazzjoni eżistenti u thares lejn l-inkonsistenzi bejn il-ġurisdizzjonijiet.

 

Il-kwistjonijiet speċifiċi li jridu jiġu koperti jistgħu jinkludu: il-ġestjoni prudenti tal-kollateral; il-prattiki ta' investiment mill-ġdid ta' flus riċevuti għal titoli kollateralizzati; l-użu mill-ġdid ta’ kollateral (riipotekazzjoni); modi biex titjieb it-trasparenza kemm fis-swieq kif ukoll għall-awtoritajiet superviżorji u r-rwol tal-infrastruttura tas-suq. Il-Kummissjoni tqis li għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-ingranaġġ globali li jirriżulta mis-self ta' titoli, ġestjoni tal-kollateral u tranżazzjonijiet ta' repos sabiex jiġi żgurat li s-superviżuri jkollhom informazzjoni preċiża biex jivvalutaw dan l-ingranaġġ, l-għodod biex jikkontrollawh u biex jevitaw l-effetti procikliċi eċċessivi tiegħu. Fl-aħħarnett, liġijiet dwar fallimenti u l-impatt tagħhom fuq kollateral għandhom ukoll jiġu riveduti bil-għan li tiżdied il-konsistenza internazzjonali flimkien mal-prattiki tal-kontabbiltà ta’ dawn it-tranżazzjonijiet.

7.4.        Titolizzazzjoni

Se jkun importanti li jiġi inkluż eżami ta' jekk il-miżuri relatati mat-titolizzazzjoni stabbiliti aktar kmieni f'din il-Green Paper kienu effettivi fl-indirizzar tat-tħassib dwar l-ibbankjar parallel.

Minbarra dan, il-Kummissjoni bħalissa qed teżamina kif jistgħu jittieħdu miżuri simili f'setturi oħra. Il-kwistjonijiet ewlenin jinkludu t-trasparenza, l-istandardizzazzjoni, ir-retenzjoni u rekwiżiti tal-kontabbiltà. Għaldaqstant, is-servizzi tal-Kummissjoni u l-Kummissjonji tat-Titoli u l-Kambju tal-Istati Uniti bdew iqabblu r-regoli tat-titolizzazzjoni fl-UE u fl-Istati Uniti li jikkondividu l-għan ta’ prattiki ta' titolizzazzjoni aktar sikuri u sodi. Ġiet varata wkoll ħidma konġunta fi ħdan l-IOSCO, f'koordinazzjoni mal-BCBS, biex jgħinu l-FSB fl-iżvilupp ta’ rakkomandazzjonijiet ta' politika sa Lulju 2012 bl-għan li jitolbu l-ġurisdizzjonijiet kollha biex jadottaw oqfsa kumparabbli u kompatibbli.

7.5.        Entitajiet bankarji paralleli oħrajn[16]

Ħidma addizzjonali fuq entitajiet bankarji paralleli oħrajn hija wkoll għaddejja fi ħdan l-FSB u l-UE sabiex: (i) jiġu elenkati l-entitajiet li jistgħu jkunu koperti; (ii) jiġu mmappjati s-sistemi regolatorji u superviżorji eżistenti fis-seħħ; (iii) jiġu identifikati l-lakuni f'dawn is-sistemi; u, (iv) jiġu ssuġġeriti miżuri prudenzjali addizzjonali għal dawn l-entitajiet, fejn meħtieġ.

Il-ġbir tad-dejta huwa kwistjoni oħra li għandha titqies, hekk kif xi superviżuri nazzjonali jistgħu ma jkollhomx is-setgħat meħtieġa biex jiġbru dejta dwar l-entitajiet bankarji paralleli kollha. Il-Kummissjoni u l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej se jikkonsultaw mal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali sabiex jivvalutaw is-sitwazzjoni. Skont ir-riżultati, jista' jkun ġustifikat approċċ leġiżlattiv fuq il-livell tal-UE. B'konformità mal-ħidma tal-FSB dwar lakuni fid-dejta, jista’ jkun utli wkoll sabiex jiġi żgurat li s-superviżuri jkollhom is-setgħat biex jiġbru u jaqsmu d-dejta fuq bażi globali. F’dan il-kuntest, ikun milqugħ il-ħolqien ta’ Identifikatur globali tal-Entitajiet Legali (Legal Entity Identifier – LEI)[17].

Kif iddikjarat fil-Green Paper tagħha tal-20 ta’ Ottubru 2010[18], il-Kummissjoni se twettaq ukoll ħidma ulterjuri dwar is-soluzzjoni ta' istituzzjonijiet finanzjarji oħra. Din se teżamina n-natura tar-riskji għall-istabbiltà finanzjarja li jinħolqu minn diversi entitajiet mhux bankarji u tesplora l-ħtieġa għal kull arranġament xieraq ta' soluzzjoni. F'dan il-kuntest, se jitiqesu għadd ta' entitajiet bankarji paralleli msemmija f'din il-Green Paper.

Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni tqis li analiżi ulterjuri għandha titwettaq biex timmonitorja jekk il-Qafas ġdid tas-Solvenza II se jkun kompletament effettiv fl-indirizzar ta' kwalunkwe kwistjoni li titqajjem mill-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li jwettqu attivitajiet simili għall-attivitajiet bankarji paralleli.

Mistoqsijiet:

l)          Taqbel mal-analiżi tal-kwistjonijiet attwalment koperti mill-ħames oqsma ewlenin fejn il-Kummssjoni qed tinvestiga ulterjurment l-alternattivi?

m)        Hemm kwistjonijiet addizzjonali li għandhom ikunu koperti? Jekk iva, liema huma?

n)         Liema modifiki tal-qafas regolatorju attwali tal-UE jkunu meħtieġa, jekk hemm, biex jiġu indirizzati kif suppost ir-riskji u l-kwistjonijiet ppreżentati hawn fuq?

o)         Liema miżuri oħra, bħal aktar monitoraġġ jew miżuri mhux vinkolanti għandhom jitqiesu?

8.           X’inhuma l-passi li jmiss previsti mill-UE?

Abbażi tal-eżitu ta’ din il-konsultazzjoni u l-ħidma imwettqa mill-BERS, l-ABE, l-AETS u l-AEAPX, il-Kummissjoni se tiddeċiedi dwar s-segwitu xieraq fir-rigward tal-kwistjonijiet tal-ibbankjar parallel deskritti f’din il-Green Paper, inklużi miżuri leġiżlattivi, kif xieraq. Il-Kummissjoni se tkompli timpenja ruħha f’hidma internazzjonali kontinwa, inkluż l-iżgurar li jiġi indirizzati kwalunkwe kwistjonijiet li jikkonċernaw il-kundizzjonijiet indaqs. Kwalunkwe segwitu regolatorju se jkun akkumpanjat minn valutazzjoni bir-reqqa tal-impatti potenzjali tiegħu u se jqis ukoll ir-riżultati tal-ħidma tal-grupp ta' esperti ta' livell għoli dwar riformi bankarji strutturali li nħatar reċentement mill-Kummissjoni[19]. Wara l-pubblikazzjoni tar-rapport tal-grupp, il-Kummissjoni se tivvaluta l-ħtieġa ta' konsultazzjonijiet addizzjonali u mmirati addizzjonali dwar kwistjonijiet magħżula, skont il-ħtieġa.

Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet interessati biex jikkummentaw dwar il-kwistjonijiet kollha stabbiliti f'din il-Green Paper u partikolarment biex jirrispondu għall-mistoqsijiet hawn fuq. Minbarra dan, il-Kummissjoni qed torganizza konferenza pubblika dwar l-ibbankjar parallel fi Brussell fis-27 ta' April 2012 fejn il-partijiet interessati kollha huma mistiedna[20].

It-tweġibiet li jaslu se jkunu disponibbli fuq is-sit tal-internet tal-Kummissjoni sakemm ma tintalabx speċifikament il-kunfidenzjalità, u l-Kummissjoni se tippubblika sommarju tar-riżultati tal-konsultazzjoni.

Il-partijiet interessati huma mistiedna jibagħtu l-kummenti tagħhom qabel l-1 ta' Ġunju 2012 fl-indirizz elettroniku li ġej: markt-consultation-shadow-banking@ec.europa.eu

[1] Disponibbli fuq is-sit http://www.financialstabilityboard.org/publications/r_111027a.pdf

[2] Entitajiet bankarji paralleli oħra jkopru l-entitajiet elenkati fil-kaxxa hawn taħt, esklużi l-MMFs.

[3] Direttiva 2009/111/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 li temenda d-Direttivi 2006/48/KE, 2006/49/KE u 2007/64/KE dwar banek affiljati ma’ istituzzjonijiet ċentrali, ċerti elementi ta’ fondi proprji, espożizzjonijiet kbar, arranġamenti superviżorji, u l-ġestjoni tal-kriżijiet, ĠU L 302, 17.11.2009, p. 97-119.

[4] Direttiva 2010/76/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li temenda d-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE dwar ir-rekwiżiti kapitali għall-kotba tal-kummerċ u għar-rititolizzazzjonijiet, u r-reviżjoni superviżorja tal-politika dwar ir-rimunerazzjoni, ĠU L 329, 14.12.2010, p. 3–35.

[5] Ara l-Anness V, il-punt 8 tad-Direttiva 2006/48/KE kif emendata mid-Direttiva 2009/111/KE.

[6] Ara http://ec.europa.eu/internal_market/bank/regcapital/index_en.htm .

[7] Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1205/2011 tat-22 ta’ Novembru 2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabbiltà skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-Istandard Internazzjonali ta' Rapportar Finanzjarju (IFRS) 7 Test b’relevanza għaż-ŻEE

[8] Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II), ĠU L335/1 tal-17.12.2009.

[9] Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fi strumenti finanzjarji, ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1-44

[10] Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010, ĠU L 174, 1.7.2011, p.1.

[11] Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli ,

[12] Disponibbli fuq is-sit http://www.esma.europa.eu/content/Guidelines-Common-definition-European-money-market-funds

[13] Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu, ĠU L 302, 17.11.2009, p. 1–31, u r-Regolament (UE) Nru 513/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu. ĠU OJ L 145, 31.5.2011, p. 30–56.

[14] Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu, COM(2011) 747 finali tal-15.11.2011.

[15] Proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti tal-investiment, COM (2011) 452 finali tal-20 ta’ Lulju 2011.

[16] Għal lista ta' entitajiet bankarji paralleli oħrajn, ara n-nota ta' qiegħ 2

[17] L-LEI huwa standard globali li jkun jista' jgħin fil-ġestjoni tar-riskju, il-kwalità tad-dejta u s-superviżjoni makroprudenzjali. L-FSB waqqaf Grupp Espert biex jikkoordina l-ħidma fost il-komunità regolatorja globali biex iħejji rakkomandazzjonijiet għall-qafas ta' governanza xieraq għal LEI globali.

[18] Disponibbli fuq is-sit: http://ec.europa.eu/internal_market/bank/docs/crisis-management/framework/com2010_579_en.pdf

[19] http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/barnier/headlines/news/2012/01/20120116_en.htm

[20] http://ec.europa.eu/internal_market/bank/shadow_banking/index_en.htm