KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI IL-MATERJA PRIMA SSIR DISPONIBBLI GĦALL-BENESSERI TAL-EWROPA FIL-ĠEJJIENIPROPOSTA GĦAL SĦUBIJA EWROPEA TAL-INNOVAZZJONI DWAR IL-MATERJA PRIMA /* COM/2012/082 final */
IL-MATERJA
PRIMA SSIR DISPONIBBLI GĦALL-BENESSERI TAL-EWROPA FIL-ĠEJJIENI PROPOSTA GĦAL SĦUBIJA
EWROPEA TAL-INNOVAZZJONI DWAR IL-MATERJA PRIMA
1.
Introduzzjoni
L-importanza
strateġika ta' provvista sostenibbli tal-materja prima lill-UE –
għall-industriji tagħha u s-soċjetà kollha kemm hi – kienet
rikonoxxuta tajjeb minn dokumenti differenti ta' politika strateġika
bħall-Inizjattiva tas-Swieq tal-Materja Prima[1] propost mill-Kummissjoni
Ewropea, Konklużjonijiet tal-Kunsill relatati [2] u Rapport mill-PE[3]. L-Istrateġija Ewropea
2020 enfasizzat l-importanza ta' din il-kwistjoni kemm fl-inizjattivi Ewlenin
tal-"Politika Industrijali"[4]
u anke f'dawk tal-"Effiċjenza tar-Riżorsi"[5]. Barra minn hekk, l-importanza
tal-użu effiċjenti tar-riżosti kien enfasizzat fil-"Pjan
Direzzjonali dwar l-Użu Effiċjenti tar-Riżorsi"
assoċjat[6].
Dawn id-dokumenti jsemmu b'mod ċar l-isfidi u r-riskji l-ġodda
relatati mal-iskarsezzi fil-provvista u ta' użu ineffiċjenti
tar-riżorsi li l-UE taffaċċja fid-dawl tal-kompetizzjoni globali
li qed tiżdied għall-materja prima. B'mod paradossali, għal xi
deċennji, l-Ewropa rat li r-rwol tagħha bħala fornitur
tal-materja prima kien qed kulma jmur jitnaqqas. Il-kumplessità u
l-urġenza tal-materji in kwistjoni jagħmluha ċara ħafna li
kontinwazzjoni ta' "noperaw bħas-soltu" m'għadhiex
alternattiva għall-Ewropa. Hawn
hu fejn tibda taħdem l-innovazzjoni. Fis-Seklu 21 qed
toħroġ paradigma ġdida li tixħet l-attenzjoni fuq
l-innovazzjoni bħala forza li tmexxi 'l quddiem u li, s'issa, baqgħet
fil-biċċa l-kbira tagħha mhux mittiefsa fl-Ewropa fil-qasam
tal-materja prima. Fl-2010, il-Kummissjoni stabbilixxiet, bħala parti
mill-Inizjattiva Ewlenija Unjoni tal-Innovazzjoni[7], il-qafas xieraq
tas-Sħubijiet Ewropej għall-Innovazzjoni (EIPs). Sħubijiet
bħal dawn jitniedu f'każijiet meta s-saħħa magħquda
ta' sforzi pubbliċi u privati fuq livelli reġjonali, nazzjonali u ta'
UE fl-innovazzjoni u l-R&D, u l-miżuri min-naħa tad-domanda, huma
meħtieġa biex jintlaħqu l-miri soċjetali iżjed malajr
u b'mod ikbar effiċjenti. Dan hu l-każ għall-materja prima hekk
kif ippreżentat f'din il-Komunikazzjoni. Din
is-Sħubija se timmira lejn materja prima li mhix agrikola jew li mhix
tal-enerġija, inkluża, iżda mhux biss, il-lista tal-UE
tal-materja prima kritika[8].
Għalhekk din tkopri wkoll oħrajn metalliċi, tal-minerali
industrijali, materjali tal-kostruzzjoni u kif ukoll materja prima industrijali
oħra bħall-gomma naturali u l-injam. Ħafna minn dawn
il-materjali huma inputs vitali għal teknoloġiji innovattivi li
joffru applikazzjonijiet ta' teknoloġija nadifa u li jħarsu
l-ambjent. Huma essenzjali wkoll għall-manifattura ta' ligi kruċjali,
prodotti ġodda u innovattivi li s-soċjetà moderna tal-lum
teħtieġ, bħal ngħidu aħna l-batteriji
għall-karozzi elettriċi, is-sistemi fotovoltajiċi u tagħmir
ieħor għat-turbini tar-riħ, li jgħinu biex jintlaħqu
l-għanijiet tal-enerġija li tiġġedded. L-għan komuni
ta' din is-Sħubija jkun li sal-2020, l-Ewropa tkun imxiet ħafna 'l
quddiem fit-tnaqqis tad-dipendenza tal-importazzjonijiet tagħha fuq
il-materja prima. Dan se jinkiseb billi jiżdiedu l-innovazzjonijiet li
jiżguraw provvisti sikuri u sostenibbli kemm tal-materja prima primarja u
anke sekondarja jew jipprevenu l-ħela tal-materja prima ewlenija matul
iċ-ċiklu ta' ħajjitha. Din
il-proposta tikkonsidra wkoll it-tagħlimiet li nkisbu mill-kuntest tal-EIP
bi prova "Xjuħija Attiva u b'Saħħitha". Din tibni
wkoll fuq bosta inputs mill-Istati Membri, komunitajiet ta' riċerka u
partijiet interessati oħrajn miġbura fil-kuntest ta' laqgħat
differenti, workshops, u avvenimenti u kif ukoll f'konsultazzjoni pubblika li
ġiet organizzata matul l-2010 u l-2011.
2.
Opportunitajiet għal innovazzjoni matul
il-katina tal-valur tal-materja prima
Għal
bosta snin fl-UE, l-esplorazzjoni u l-immeppjar ġeoloġiċi
bażiċi kienu qed isiru minn stħarriġiet
ġeoloġiċi nazzjonali li jkollhom joperaw fir-restrizzjonijiet
tal-oqfsa u r-regolamenti nazzjonali. Sal-lum, il-benefiċċji
sħaħ ta' koordinazzjoni xierqa jew anke ta' integrazzjoni ta' wħud
mill-attivitajiet tas-27 stħarriġ ġeoloġiku differenti
tal-UE għadhom ma nkisbux. Madanakollu, ħsieb innovattiv imsejjes fuq
iżjed netwerking u koperazzjoni jista' jwassal biex l-affarijiet jimxu 'l
quddiem. Jekk jinħolqu standards Ewropej, ikun faċilitat
il-ħolqien ta' bażi ġeoloġika uniformi tal-UE tal-konoxxenza,
u jistgħu jwasslu għal iżjed żvilupp u użu
kost-effikaċja, ta' teknoloġiji moderni meħtieġa,
bħalma huma sistemi ta' informazzjoni dwar riżorsi bis-satellita u
sistemi avvanzati tal-kompjuter għal immudellar 4D. Matul
l-aħħar 50 sena, is-sehem tal-UE fit-tħaffir globali
tal-minjieri naqas sostanzjalment. Dan wassal għal tnaqqis
fl-ispeċjalizzazzjonijiet u l-ħiliet essenzjali. Madanakollu t-tali
ħiliet huma meħtieġa biex tkun żgurata s-sigurtà waqt
l-attivitajiet tat-tħaffir tal-minjieri u biex tintlaħaq
il-ħtieġa potenzjali li qed tikber biex isir tħaffir iżjed
fil-fond, f'żoni iżjed remoti u taħt kundizzjonijiet iżjed
diffiċli (eż: taħt qiegħ il-baħar, fir-reġjun Artiku).
Filwaqt li standards għoljin għal tekniki ta' estrazzjoni iktar sikuri
u li jħarsu iżjed l-ambjent joħolqu sfidi ġodda, dawn
joħolqu wkoll opportunitajiet ġodda tas-suq. Dan jgħin wkoll
biex jonqos ir-riskju ta' inċidenti maġġuri fis-settur
tat-tħaffir tal-minjieri. Madanakollu, dawn l-ispeċjalizzazzjonijiet
u l-ħiliet mhumiex meħtieġa biss għall-estrazzjoni,
iżda matul il-katina tal-valur kollha (l-esplorazzjoni,
l-ipproċessar, ir-riċiklaġġ, is-sostituzzjoni). Anke
jekk l-Ewropa, b'mod sħiħ, għamlet progress sinifikanti, b'mod
partikolari fejn jidħol ir-riċiklaġġ tal-iskart, hemm
iżjed x'jista' jsir biex ikun evitat il-ħela ta' materja prima ta'
valur f'kull stadju taċ-ċiklu ta' ħajjitha. Applikazzjoni
sħiħa tal-ewwel passi tal-Ġerarkija Ewropea tal-Iskart
(il-prevenzjoni, segwita mill-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid
u r-riċiklaġġ) tista' tevita telf irrimedjabbli ta' riżorsi
ta' valur u toħloq opportunitajiet ġodda ta' xogħol u negozju
fl-UE. L-innovazzjoni
tista' tkun mezz b'saħħtu biex jirnexxu dawn l-isfidi.
Speċjalizzazzjonijiet fl-inġinerija u l-ipproċessar
żviluppaw f'oqsma oħra li qed joħorġu bħalma huma
r-robotika u teknoloġiji ewlenin ta' appoġġ (KETs) oħrajn.
L-introduzzjoni ta' operazzjonijiet u awtomazzjoni avvanzati kkontrollati
bir-remote fil-minjieri ta' taħt l-art u l-użu innovattiv
tal-bijolessija biex ikunu estratti n-nikil u metalli oħra b'mod
kost-effikaċi u li jħares l-ambjent, jagħmlu t-tħaffir
tal-minjieri fl-UE iżjed kompetittiv u sostenibbli. Tekniki ġodda ta'
monitoraġġ inkluż l-użu ta' teknoloġiji bis-satellita
jistgħu jipprevenu milli jseħħu inċidenti
maġġuri. L-innovazzjoni hi importanti ħafna wkoll fl-istadju
tal-ipproċessar, għax fih huma meħtieġa
soluzzjonijiet teknoloġiċi avvanzati għal immaniġġjar
effiċjenti tal-ilma, il-konsum tal-enerġija u
r-riċiklaġġ (bħal pereżempju fil-każ ta' materja
prima kritika bħall-indju u l-gallju li huma dderivati minn metalli
bażiċi). Iżjed
ma l-UE tavvanza fl-iżviluppar ta' dan l-approċċ innovattiv,
iżjed tkun tista' t-tieħu r-rwol ta' tmexxija biex tintroduċi
fl-Ewropa u f'pajjiżi terzi, teknoloġiji ġodda li jħarsu
l-ambjent u li huma effiċjenti fl-użu tar-riżorsi. Dan jista'
jkollu effett sekondarju pożittiv ieħor permezz tat-tixrid tal-aqwa
prattiċi, li mbagħad jikkontribwixxi fil-priżervazzjoni
aħjar tal-ambjent tad-dinja kollha. Immaniġġar sostenibbli tal-materja
prima u li hu effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, żieda
fil-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid u
r-riċiklaġġ, u l-ġbir u ċ-ċaqliq ta' materjali li
ġejjin mill-injam, jistgħu jikkontribwixxu mhux biss biex ma jkunx
hemm aktar telfien tal-bijodiversità u biex jonqsu mad-dinja kollha
l-emissjonijiet tal-Gass tal-Effett Serra iżda anke biex tkun assigurata
provvista ta' materja prima u biex tiġi indirizzata l-iskarsezza fl-Ewropa
ta', pereżempju, fajber ibbażat fuq l-injam, għar-riċiklaġġ. Iż-żieda
kbira ħafna fil-bejgħ ta' tagħmir modern tal-komunikazzjoni –
bħalma huma l-mowbajls u l-laptops – li għandu tendenza ta' rata
għolja ta' sostituzzjoni, ħolqot potenzjal kbir ħafna ta' skart
ta' valur ("il-minjieri Urbani tagħna"). Daż-żmien,
mowbajl ikun fih iżjed minn 40 materja prima differenti, bħalma
huma l-kobalt, il-gallju, il-platinu, u elementi rari tad-dinja.
Daż-żmien, kull ċittadin fl-UE jiġġenera madwar 17-il kg
ta' skart ta' tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) kull sena, ċifra
li hi mbassra li tiżdied għal 24 kg sal-2020[9]. Madanakollu, ir-riċiklaġġ
ta' elementi rari tad-dinja minn tagħmir elettroniku pereżempju, hu
bħalissa sfida mil-lat teknoloġiku iżda anke mil-lat ekonomiku.
Ġbir separat tal-iskart għandu jiġi mħeġġeġ
iżjed u s-swieq għandhom bżonn is-sapport biex jimxu 'l quddiem.
Barra minn hekk, il-prevenzjoni ta' esportazzjonijiet illegali u ta' trattament
mhux xieraq tal-iskart, tista' twassal għal bosta benefiċċji
ambjentali u għal rkupru ta' materjali ta' valur (eż: skart
tal-metall, karta rkuprata għar-riċiklaġġ). Tekniki
ġodda ta' riċiklaġġ li huma kost-effikaċja u li
jħarsu l-ambjent, u l-aqwa prattiċi għall-ġbir u
t-trattament tal-iskart, joffru l-possibbiltà ta' titjib
fir-riċiklaġġ ta' materja prima ewlenija. Bħala
illustrazzjoni, l-iżvilupp riċenti ta' adeżivi speċjali li
fihom informazzjoni kkodifikata abbażi tal-identifikaturi kimiċi
uniċi jista' jikkontribwixxi fil-ġlieda kontra t-traffiku illegali u
s-serq ta' prodotti u skart tal-metall. Apparti dan, xi Stati Membri żiedu
sostanzjalment ir-rati tagħhom tal-ġbir u r-riċiklaġġ
billi introduċew strumenti ekonomiċi xierqa li jinkludu anke skemi
ta' responsabbiltà tal-produttur biex jagħtu sapport lill-ġbir
separat, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ. Barra
minn hekk, bosta applikazzjonijiet jistrieħu fuq materja prima ewlenija li
bħalissa hi ferm diffiċli, jew saħansitra impossibbli, biex
tiġi sostituta minħabba l-proprjetajiet fiżiċi u
kimiċi speċifiċi tagħha. Is-sostituzzjoni tista'
tintuża kemm biex jiġu żviluppati materjali alternattivi
f'ċerti applikazzjonijiet, jew biex tieħu post dawn
l-applikazzjonijiet b'teknoloġija ekwivalenti li ma tistrieħx fuq
materja prima ewlenija. Pereżempju, l-iżvilupp ta'
supertrażmettituri ta' temperatura għolja taċ-ċeramika
jista' jieħu post il-kalamiti permanenti fit-turbini tar-riħ li
bħalissa jużaw elementi rari tad-dinja bħalma huma n-neodimju u
d-disprożju. Fi ftit kliem, l-eżempji ta' hawn fuq
juru li: ·
l-innovazzjoni hi kundizzjoni neċessarja biex
l-Ewropa terġa' tikseb rwol u preżenza fl-użu effiċjenti
tar-riżorsi u fil-provvista sostenibbli tal-materja prima, li
mingħajrhom is-sostenibbiltà tal-ekonomija kollha tagħha tiddgħajjef. ·
l-innovazzjoni hi meħtieġa biex
iżżomm u ttejjeb il-kompetittività tal-industrija tal-UE u biex
tiżgura użu effiċjenti tar-riżorsi fl-Unjoni Ewropea ·
l-innovazzjoni hi meħtieġa matul
il-katina tal-valur kollha tal-materja prima, u allura teħtieġ
approċċ komprensiv biex tindirizza l-isfidi differenti li l-UE se
taffaċċja fis-snin li ġejjin. Is-sitwazzjoni
ssejjaħ għal sforzi mmirati ta' innovazzjoni u riċerka,
teknoloġiji ta' skoperti ġodda u approċċi multidixxiplinari
biex jimtlew id-diskrepanzi fl-għarfien tagħna.
3.
Il-valur miżjud tas-Sħubija Ewropea
għall-Innovazzjoni fil-Materja Prima
Is-sapport
li diġà qed jingħata mill-Kunsill u l-Parlament Ewropew lill-materja
prima tal-UE u l-istrateġiji għal effiċjenza tar-riżorsi
mressqa mill-Kummissjoni, juru li qed jikber l-għarfien
tal-ħtieġa li jiġu indirizzati l-isfidi li jissemmew hawn fuq,
kemm fuq livell Ewropew u anke fuq livell nazzjonali. Koperazzjoni mill-qrib
fl-UE bejn il-korpi pubbliċi, iżda anke bejn l-atturi pubbliċi u
privati, tipprovdi l-impetu meħtieġ biex jingħelbu l-ostakoli
maġġuri. Dawn
l-ostakli jinkludu (ara anke t-taqsima 1.3 tal-Anness): ·
Massa kritika insuffiċjenti lejn għan
wieħed; ·
Koperazzjoni insuffiċjenti bejn l-Istati
Membri f'dominji differenti relatati mal-materja prima; ·
Nuqqas ta' approċċ integrat dwar
il-katini tal-valur mill-estrazzjoni u l-ipproċessar tal-materja prima,
id-disinn tal-prodott u l-użu sakemm tispiċċa; ·
Koperazzjoni limitata ħafna bejn
l-organizzazzjonijiet nazzjonali tar-riċerka u frammentazzjoni għolja
taż-Żona Ewropea tar-Riċerka f'dan il-qasam; ·
Rwol ġeopolitiku sottożviluppat tal-UE li
jiżgura aċċess lil kumpaniji Ewropej għal materja prima
fid-dinja filwaqt li jirrispetta sakemm possibbli l-istandards Ewropej dwar
l-ambjent. Il-valur miżjud reali tal-EIP (is-Sħubijiet
Ewropej għall-Innovazzjoni) ikun għalhekk biex tipprovdi pjattaforma
bil-għan li jingħaqdu l-politiki u l-atturi rilevanti fuq livell ta'
Komunità, iżda li ma tiħux post il-proċess legali tat-teħid
ta' deċiżjonijiet li jeżisti fuq livell ta' UE.
3.1.
Kamp ta’ applikazzjoni u għanijiet
Din
l-EIP tikkontribwixxi għas-sigurtà ta' nofs iż-żmien u
iżjed fit-tul ta' provvista sostenibbli tal-materja prima (inkluż
materja prima kritika, minerali industrijali u materjali li ġejjin
mill-injam) li hi meħtieġa biex tissodisfa l-bżonnijiet
fundamentali ta' soċjetà moderna effiċjenti fl-użu tar-riżorsi.
Hi kontribuzzjoni essenzjali għall-kompetittività tal-industriji Ewropej,
għall-effiċjenza li żdiedet tar-riżorsi fl-UE, u
għall-iżvilupp ta' attivitajiet ġodda ta'
riċiklaġġ ibbażati fl-Ewropa. L-EIP
għandha mira ġenerali li titnaqqas id-dipendenza tal-importazzjoni
Ewropea fuq il-materja prima li hija kritika għall-industriji tal-Ewropa.
Dan it-tnaqqis se jinkiseb billi l-Ewropa tingħata flessibbiltà u
alternattivi biżżejjed fil-provvista ta' materja prima importanti,
filwaqt li tkun ikkonsidrata l-importanza li jitnaqqsu l-impatti ambjentali
negattivi ta' ftit mill-materjali matul iċ-ċiklu ta' ħajjithom,
sabiex l-Ewropa tkun fuq quddiem nett fid-dinja fejn jidħlu
l-kapaċitajiet relatati mal-esplorazzjoni, l-estrazzjoni,
l-ipproċessar, ir-riċiklaġġ u s-sostituzzjoni sal-2020.
Bħala parti mill-Pjan Strateġiku ta' Implimentazzjoni (SIP), l-EIP
hija mistennija li tistabbilixxi miri ta' impatt sabiex jitkejjel
is-suċċess tagħha, pereżempju fejn jidħlu t-tnaqqisiet
maġġuri fid-dipendenza tal-importazzjoni ta' ċerta materja prima
mill-iżjed kritika. Barra
minn hekk, il-Kummissjoni tipproponi xi miri konkreti speċifiċi biex
din il-mira tintlaħaq sa mhux aktar tard mill-2020, fosthom: ·
strumenti Ewropej standardizzati tal-istatistika
għall-istħarriġ dwar riżorsi u riservi (fl-art u
fil-baħar) u mappa ġeoloġika 3D; ·
sistema dinamika tal-immudellar li tgħaqqad
xejriet fil-provvista u d-domanda ma' riservi ekonomiċi sfruttabbli u
analiżi sħiħa taċ-ċiklu tal-ħajja li tinkludi
assessjar tal-impatti ambjentali, ekonomiċi u soċjali ta' bosta
xenarji; ·
sa 10 azzjonijiet pilota innovattivi (eż:
impjanti ta' dimostrazzjoni) għall-esplorazzjoni, l-estrazzjoni u
l-ipproċessar, il-ġbir u r-riċiklaġġ; ·
sostituti għal mill-inqas tliet
applikazzjonijiet ewlenin ta' materja prima kritika jew skarsa; ·
Netwerk ta' Ċentri ta' Riċerka,
Edukazzjoni u Taħriġ dwar Tħaffir Sostenibbli tal-Minjieri u
Immaniġġjar tal-Materjali (M³), filwaqt li tkun żgurata
koordinazzjoni xierqa possibbilment mal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u
t-Teknoloġija (EIT) - il-Komunità ta' Għarfien u Innovazzjoni (KIC)
dwar esplorazzjoni, estrazzjoni, ipproċessar u riċiklaġġ
sostenibbli; ·
tiżdied l-effiċjenza fl-użu
tal-materjali u fil-prevenzjoni, l-użu mill-ġdid u
r-riċiklaġġ ta' materja prima ta' valur minn flussi ta' skart,
b'fokus speċifiku fuq il-materjali li jħallu impatt potenzjalment
negattiv fuq l-ambjent; ·
ikunu identifikati opportunitatjiet u jiġu
żviluppati ideat ġodda għal materja prima u prodotti innovattivi
b'potenzjal tas-suq; ·
strateġija proattiva tal-UE
f'organizzazzjonijiet multilaterali u f'relazzjonijiet bilaterali,
bħall-Istati Uniti, il-Ġappun, l-Awstralja fl-oqsma differenti li
l-EIP tkopri. Dawn
il-miri jħallu lok għal segwitu u moniteraġġ xierqa
tal-funzjonament tal-EIP; inklużi x-xogħol li jrid isir u
r-riżultati miksuba.
3.2.
Mekkaniżmi
Il-valur
miżjud tal-EIP hu li din tapplika mekkaniżmi innovattivi
maġġuri[10]
inklużi l-kategoriji wesgħin li ġejjin, biex jitwettqu
l-għanijiet komuni (kif jissemma hawn fuq fit-taqsima 3.1): ·
Jingħata sapport lill-iżvilupp ta'
innovazzjonijiet; kemm dawk ibbażati fuq it-teknoloġija kif ukoll
dawk li mhumiex, bħalma huma kombinazzjonijiet ġodda ta'
prodotti-servizzi, servizzi ġodda, disinn aħjar tal-prodotti sabiex
ikun żgurat ir-riċiklaġġ tagħhom fi tmiem
iċ-ċiklu ta' ħajjithom, disinn immexxi mill-utent, għodod
ġodda tal-politika għal riċerka u innovazzjoni; ·
Tkun stimulata l-eċċellenza fil-bażi
xjentifika u jsir investiment fil-persuni (il-ħiliet); ·
Jingħata sapport lill-azzjoni u/jew
il-koperazzjoni regulatorji innovattivi immirati, mal-Istati Membri biex
jittejbu l-kundizzjonijiet tal-qafas regolatorju li jħarsu l-innovazzjoni; ·
Issir promozzjoni tal-istandardizzazzjoni mmirata u
l-istrumenti tal-akkwist pubbliku; ·
Jingħaqdu l-għodod tal-politika u
l-organizzazzjonijiet (dawk li jfasslu l-politika, aġenziji, industrija,
riċerkaturi) li jaħdmu fuq in-naħa tal-provvista u fuq
in-naħa tad-domanda ħalli jitħaffef il-ħin biex
l-innovazzjonijiet jaslu fis-suq u biex jixterdu. L-istrumenti ta' hawn fuq jistgħu
jintużaw fuq in-naħa tal-provvista jew fuq in-naħa tad-domanda
tas-suq. Iżda, fuq kull naħa jrid ikun assigurat monitoraġġ
xieraq tar-riżultati. In-naħa tal-provvista: Nazzjonali Stati Membri u reġjuni jiffinanzjaw ir-riċerka u l-innovazzjoni (R&I) Ħiliet u taħriġ fi Stati Membri Internazzjonali (livell ta’ UE) l-Eureka, il-Eurostars, l-ERANet Programmi qafas tal-UE l-FP7 (Cooperation, PPPs, Cost, JTIs, ERANet, ESFRI...) l-EIT KICs is-CIP Għodod tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) Fondi Strutturali || Ix-xjenza, l-RTDI || In-naħa tad-domanda: Nazzjonali Regolament (inkl. implimentazzjoni regolatorja) Akkwist fi Stati Membri u reġjuni Internazzjonali (livell ta' UE) Standards/ Ittikkettjar Regulament (inkl. implimentazzjoni regolatorja) Akkwist pubbliku Trasferiment ta' proprjetà intellettwali (IP) u għarfien Moniteraġġ tas-suq Internazzjonali (id-dinja kollha) Politika kummerċjali Djalogu dwar il-politika || Is-suq, il-konsumaturi Fuq
in-"naħa tal-provvista", l-investimenti f'riċerka dwar
it-tħaffir tal-minjieri, is-sostituzzjoni, l-effiċjenza
tar-riżorsi u r-riċiklaġġ iridu jkunu allinjati aħjar
mal-għanijiet komuni tas-Sħubija għall-Innovazzjoni sabiex
tinħoloq il-massa kritika meħtieġa, għax l-ebda programm
nazzjonali jew Ewropew ta' riċerka ma jista' jkopri l-aspetti kollha u
l-investimenti u r-riskji tar-riċerka huma kbar wisq għal ħafna
kumpaniji privati. Dan jitlob li jkun hemm involviment b'saħħtu
tan-netwerks eżistenti (eż: ERANET fil-materjali, il-Pjattaforma
tat-Teknoloġija Ewropea dwar ir-Riżorsi Minerali Sostenibbli,
il-Pjattaforma Teknoloġika tas-Settur ibbażat fuq il-Foresti u ETPs
oħrajn) u l-promozzjoni ta' netwerks ġodda ta' riċerkaturi u
organizzazzjonijiet li jiffinanzjaw, kemm dawk pubbliċi u kif ukoll dawk
privati, fl-Ewropa. Għall-programm futur tar-riċerka u l-innovazzjoni
tal-UE, Horizon 2020, il-Kummissjoni pproponiet għan speċifiku
sabiex tiġi indirizzata l-isfida soċjali ta' "azzjoni klimatika,
użu effiċjenti ta' riżorsi u materja prima". Filwaqt
li l-Ewropa kellha ftit tradizzjoni fil-finanzjament tar-riċerka u
l-innovazzjoni f'dan il-qasam, hemm iżjed potenzjal sinifikanti fuq
in-naħa tad-domanda[11]
biex jinġiebu prodotti u servizzi ġodda fis-suq. Li jitħaffef
il-ħin biex l-innovazzjonijiet jaslu fis-suq hu partikolarment importanti
għall-SMEs. Għaldaqstant, din l-EIP għandha tinċentiva
innovazzjoni kemm min-naħa tal-provvista u anke min-naħa tad-domanda,
fejn possibbli u suppost permezz ta' għodod bħal-leġiżlazzjoni,
l-akkwist pubbliku, l-analiżi taċ-ċiklu tal-ħajja, l-IPR, u
l-istandards. Innovazzjoni relatata mal-politiki ta' Produzzjoni u Konsum
Sostenibbli għandha tkun partikolarment rilevanti. Fl-Ewropa diġà
jeżistu inċentivi għal akkwist pubbliku sostenibbli u li
jħares l-innovazzjoni, u jistgħu jkunu stabbiliti netwerks
tax-xerrejja pubbliċi[12]
tat-tip tal-Inizjattiva tas-Suq Ewlieni, u l-użu usa' tal-kriterju tal-Akkwist
Pubbliku Ekoloġiku tal-UE[13]
jista' jkun applikat f'din l-EIP biex jippromwovi t-teħid u t-tixrid ta'
(eko)innovazzjonijiet.
3.3.
Pakketti ta' ħidma
Imsejsa
fuq inputs mingħand il-partijiet interessati u dawk li jfasslu l-politika,
l-azzjonijiet possibbli li jridu jittieħdu nġabru taħt
ħames titli jew "pakketti ta' ħidma" (WPs). Dawn id-WPs, li
se jinkludu azzjonijiet kemm fuq in-naħa tal-provvista u anke fuq
in-naħa tad-domanda, ma jaħdmux fuq bażi awtonoma u ta'
esklussività reċiproka. Minflok, id-WPs individwali
jinteraġġixxu ma' xulxin u anke b'xi trikkib intenzjonat bejniethom.
Barra minn hekk, dawn jistgħu jkunu adattati biex jindirizzaw
il-ħtiġijiet li jinbidlu u biex jaħtfu opportunitajiet
ġodda. L-istruttura
tal-governanza se tinkoraġġixxi koperazzjoni, sabiex
jitneħħew id-differenzi bejn il-politiki, is-setturi, id-distanza
ġeografika u l-kulturi organizzattivi. Pereżempju, uħud
mit-teknoloġiji għat-tħaffir tal-minjieri jistgħu jiġu
applikati wkoll fir-riċiklaġġ, jew viċeversa. Dan ikun mod
ukoll biex tiġi introdotta koperazzjoni aħjar bejn kumpaniji kbar u
SMEs, u kif ukoll bejn l-SMEs stess, pereżempju permezz ta' raggruppamenti
reġjonali. Dawn
li ġejjin huma l-pakketti ta' ħidma għall-EIP proposti
(deskrizzjoni dettaljata ta' kull WP hi mogħtija fit-taqsima 2
tal-Anness): Oqsma
ta' politika ffokati fuq it-teknoloġija WP 1
– Jiġu żviluppati teknoloġiji u soluzzjonijiet innovattivi
għal provvista sostenibbli u sikura tal-materja prima; l-estrazzjoni,
l-ipproċessar u r-riċiklaġġ. Biex jikkumplimenta
l-iżvilupp fit-teknoloġija, dan id-WP għandu għan li
joħloq pjanijiet ta' standardizzazzjoni għal dawn l-oqsma, filwaqt li
jikkonsidra l-ispejjeż tan-negozji. WP 2
– Jiġu żviluppati soluzzjonijiet innovattivi u sostenibbli
għas-sostituzzjoni xierqa tal-materjali kritiċi u skarsi. L-ewwel
sett ta' azzjonijiet ta' prijorità jistgħu joħorġu mil-lista ta'
materja prima kritika u mill-applikazzjonijiet li huma l-iżjed
ekonomikament importanti u ekoloġikament sensittivi. Oqsma
ta' politika li mhumiex iffokati fuq it-teknoloġija WP 3
– Jittejbu l-qafas regolatorju Ewropew tal-materja prima, il-bażijiet
tal-għarfien u l-infrastruttura. Dan id-WP għandu l-għan li
jibni u jistandardizza dejta ġeoloġika, u li jidentifika u jpartat
l-aqwa prattiċi li jiddefinixxu politiki għall-minerali, l-ippjanar
tal-art u l-irregolar tagħha fl-Istati Membri. Dan jagħti wkoll
sapport lil azzjonijiet li jippromwovu l-eċċellenza u l-ħiliet
tekniċi meħtieġa fl-Ewropa. WP 4
– Jittejbu l-kundizzjonijiet tal-qafas regolatorju, b'mod partikolari
bil-promozzjoni ta' eċċellenza u prevenzjoni, preparazzjoni
għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ permezz ta'
inizjattivi pubbliċi (eż: tal-akkwist) u privati. Dan id-WP
għandu għan li jottima l-valur miżjud tal-materja prima, itejjeb
il-profitabbiltà u jnaqqas l-ispiża tar-riċiklaġġ billi
jżid l-effiċjenza fil-ġbir, l-issortjar u r-riċiklaġġ
ta' materja prima ta' valur minn flussi ta' skart. Dan japplika wkoll politiki
ta' standardizzazzjoni u ċertifikazzjoni tal-prodott u kif ukoll strumenti
ekonomiċi għal dan il-għan. Koperazzjoni
internazzjonali – approċċ orizzontali WP 5
- Jingħaraf il-lok fis-suq
globali li jagħti aċċess sikur għall-materja prima u li
jippromwovi l-użu ta' teknoloġiji tal-estrazzjoni u
l-ipproċessar li jħarsu l-ambjent, u jiġu trattati
r-riċerka u l-innovazzjoni biex jittejbu l-bażi ta' għarfien,
il-politika kummerċjali u d-djalogu dwar il-politika ma'
organizzazzjonijiet internazzjonali, bħalma huma l-Unjoni Afrikana,
l-OECD, il-Bank Dinji, il-G20, u f'relazzjonijiet bilaterali. Attenzjoni
partikolari se tingħata lill-possibbiltà ta' sinerġiji aħjar
bejn din l-inizjattiva u l-politiki differenti relatati mal-Pajjiżi u
Territorji Ekstra-Ewropej (OCTs).
3.4.
Struttura tal-governanza
L-istruttura
tal-governanza tal-EIP ssegwi l-prinċipji stipulati fl-Unjoni
tal-Innovazzjoni; hi għandha l-għan li żżomm bilanċ
bejn il-ħtieġa ta' impenn ta' livell għoli u ta' koordinazzjoni
funzjonali ta' livell għoli fuq naħa, u r-responsabbiltajiet
operattivi deċentralizzati b'saħħithom biex tiżgura pussess
effettiv mill-prattikanti u partijiet interessati ewlenin oħrajn fuq
in-naħa l-oħra. It-tagħlimiet tal-EIP bi prova "Xjuħija
Attiva u b'Saħħitha"[14]
biex jiġu definiti l-governanza, l-iskop, l-ippjanar, u l-involviment
tal-partijiet interessati, ġew applikati biex jissodisfaw
il-ħtiġijiet ta' din l-EIP. Din
l-EIP tgħaqqad flimkien rappreżentanti mis-settur pubbliku (minn
livell ta' UE sa livelli nazzjonali reġjonali u lokali), l-industrija
(inklużi l-SMEs), is-soċjetà ċivili u partijiet interessati
oħrajn, biex jingħata sapport lill-iżvilupp tal-innovazzjoni u
t-teħid u t-tixrid tagħha fis-suq. Madanakollu, il-prinċipju
fundamentali hu li l-EIP tipprovdi ambitu pragmatiku, flessibbli u mhux
burokratiku li jippermetti li jiġu rappreżentati interessi
differenti. Dan
l-approċċ hu rifless f'dawn il-metodi ta' ħidma li ġejjin
fuq livell operattiv (iżjed dettalji huma mogħtija fit-taqsima 3
tal-Anness): Il-Grupp
ta' Tmexxija ta' Livell Għoli (HLSG) jipprovdi konsulenza u gwida strateġiċi
għal din l-EIP abbażi ta' mandat definit sew. L-HLSG, iżda, ma
jaffettwax il-proċess formali tat-teħid ta' deċiżjonijiet
stabbilit taħt il-liġi tal-Komunità. Il-kompożizzjoni
tiegħu tirrifletti l-kostitwenzi ewlenin ta' din is-Sħubija,
inklużi r-rappreżentanti tal-Istati Membri appuntati
fil-kapaċità personali tagħhom, il-PE, kumpaniji, akkademiċi,
ċentri ta' riċerka, NGOs u istituzzjonijiet oħrajn. Fl-istess
waqt, il-grupp ikun limitat fin-numru sabiex jiżgura effikaċja. L-HLSG
se jkun fdat bl-iżvilupp ta' SIP, li jirrakkomanda linji ta' azzjoni ta'
prijorità. Wara l-r-rispons għal dan il-pjan, l-HLSG se jgħin biex ikun
żgurat progress matul il-fażi tal-bidu tal-implimentazzjoni, se
jidderieġi u jirrapporta l-progress, u jaġġorna s-SIP. Ir-rabta
bejn il-livell strateġiku u l-livell operattiv tkun provduta mill-Grupp
Sherpa ffurmat minn rappreżentanti personali tal-HLSG. Ix-xogħol
ewlieni tiegħu jkun li jiżgura tmexxija sewwa tas-sħubija
inklużi l-ippjanar ta' azzjonijiet maġġuri, il-koordinazzjoni
ġenerali tal-pakketti ta' ħidma, u l-preparazzjoni tal-laqgħat u
s-segwitu tal-Grupp ta' Tmexxija ta' Livell Għoli. Jitwaqqfu
gruppi operattivi skont temi speċifiċi sabiex jagħtu
pariri lill-HLSG u biex ibiddlu l-pjan strateġiku ta' implimentazzjoni
f'xogħol u azzjonijiet. Huma joperaw abbażi ta' strutturi flessibbli,
fuq medda temporanja ta' żmien u f'interazzjoni mill-qrib bejniethom, fejn
meħtieġ. Sabiex ikun żgurat li l-EIP tibbenefika b'mod
sħiħ mill-eċċellenza li teżisti fl-UE, il-gruppi
operattivi għandu jkollhom għan li jkollhom l-iżjed kopertura
wiesgħa possibbli (kopertura ġeografika ta' 27 Stat Membru u
minn oqsma differenti tal-ispeċjalizzazzjonijiet meħtieġa), wara
proċedura trasparenti ta' nominazzjoni. Il-laqgħat jiġu
organizzati b'tali mod li jimmassimizzaw il-kontribuzzjonijiet tal-esperti.
3.5.
Involviment
Biex
ikun massimizzat fluss ċirkolari ta' informazzjoni u kontabilità
trasparenti matul iż-żmien tal-EIP, hi essenzjali interazzjoni kemm
fuq livell politiku u kif ukoll mas-soċjetà inġenerali (ara wkoll
l-Annessi 4 u 5). Din tinkiseb b'żewġ modi. Fuq livell
politiku, il-Kummissjoni biħsiebha tirrapporta kull sena lill-Kunsill u
l-PE. Fuq livell ta' soċjetà, l-EIP tfittex partiċipazzjoni ta'
udjenza wiesgħa permezz tal-organizzazzjoni ta' attività pubblika ta' kull
sena. Għalhekk jintlaħaq għan maġġuri tas-Sħubija
għall-Innovazzjoni, li jkun żgurat l-iżjed livell wiesgħa
ta' parteċipazzjoni tas-soċjetà.
3.6.
Skeda ta’ żmien
Il-Kummissjoni
tilqa' iżjed fehmiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, kif ukoll ta'
partijiet interessati usa' dwar dawn is-Sħubijiet Ewropej
għall-Innovazzjoni. Soġġetti għall-fehmiet li waslu, hemm maħsuba
dawn l-istadji li ġejjin (dettalji fit-taqsima 6 tal-Anness): ·
Minn nofs l-2012: Nominazzjoni tal-HLSG, il-grupp
tax-Sherpa u l-gruppi operattivi tal-KE; ·
Fil-bidu tal-2013: Pjan Strateġiku ta'
Implimentazzjoni ffinalizzat mill-HLSG, u li jkun preżentat mill-Kummissjoni
lill-PE u lill-Kunsill (l-ewwel semestru tal-2013); ·
Sa minn nofs l-2013: tibda l-implimentazzjoni u
ssir l-ewwel konferenza annwali; ·
Valutazzjoni tal-istat tal-progress (inkluża
l-istruttura tal-governanza): lejn l-aħħar tal-2014 (biex ikunu
kkunsidrati l-Qafas Finanzjarju Multiannwali l-ġdid tal-2014-2020 u
l-Kummissjoni l-ġdida li jkun hemm). Sabiex
tissaħħaħ il-ħidma ta' din l-EIP, numru ta' azzjonijiet u
studji preparatorji diġà bdew fl-2011. L-ewwel riżultati
tanġibbli jibdew jaslu matul l-2012 u l-2013, sabiex l-EIP tkun tista'
turi progress konkret fi stadju bikri. Il-Kummissjoni se torganizza
reviżjoni tal-EIP matul l-2013 sabiex tivvaluta l-progress. [1] COM(2008) 699 u
COM(2011) 25 [2] Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill
6909/11 tal-10 ta' Marzu 2011. [3] Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew
tat-13 ta’ Settembru 2011. [4] COM(2010) 614 [5] COM(2011) 21 [6] COM(2011) 571 finali. [7] COM(2010) 546 [8] Hekk kif definit f'COM(2011) 25. [9] Sors l-IPA (International Platinum Grupp Metals
Association): www.ipa-news.com [10] Kif definit fil-COM(2010) 546 [11] Ara 2006 Rapport tal-Aho "Creating an Innovative
Europe", 2007 Lead Market Initiative u 2010 OECD Innovation Strategy [12] http://ec.europa.eu/enterprise/policies/innovation/policy/public-procurement/pp-networks_en.htm
[13] http://ec.europa.eu/environment/gpp/gpp_criteria_en.htm
[14] SEC(2011) 1028 finali