RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1435/2003 tat-22 ta' Lulju 2003 dwar l-Istatut ta' Soċjetà Kooperattiva Ewropea (SCE) /* COM/2012/072 final */
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT
EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U
LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill
(KE) Nru 1435/2003 tat-22 ta' Lulju 2003 dwar l-Istatut ta'
Soċjetà Kooperattiva Ewropea (SCE) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) WERREJ 1........... Introduzzjoni................................................................................................................... 4 2........... L-għan tal-Istatut............................................................................................................ 4 3........... Applikazzjoni tal-Istatut SCE:
L-inventarju tal-SCEs....................................................... 5 4........... fatturi pożittivi u negattivi
li jolqtu t-twaqqif ta’ SCE, skont il-konsultazzjoni pubblika........ 6 4.1........ Xejra ġenerali................................................................................................................. 6 4.2........ Stimuli pożittivi u
speċifiċi għall-kooperattivi għat-twaqqif ta' SCE.................................... 6 4.3........ Evalwazzjoni ta’ vantaġġi
oħra allegati............................................................................. 6 4.4........ Fatturi negattivi............................................................................................................... 7 5........... Raġunijiet għaliex
l-istatut ta’ SCE, relattivament, ma kellux suċċess................................. 7 6........... Il-kwistjoni tas-simplifikazzjoni........................................................................................ 8 7........... Xejriet fid-distribuzzjoni tal-SCEs................................................................................... 8 8........... Rappurtaġġ dwar
kwistjonijiet speċifiċi u emendi possibbli għar-regolament...................... 9 8.1........ Rappurtaġġ dwar
kwistjonijiet speċifiċi b'referenza għall-Artikolu 79
tar-Regolament........ 9 8.2........ Is-simplifikazzjoni tar-referenzi
għal-liġijiet nazzjonali...................................................... 10 9........... KONKLUŻJONI........................................................................................................ 11
1.
Introduzzjoni
Ir-Regolament dwar is-Soċjetà
Kooperattiva Ewropea (SCE mill-isem Latin tagħha Societas Cooperativa
Europaea) ġie adottat nhar it-22 ta’ Lulju 2003[1], sentejn
wara l-adozzjoni tal-Istatut ta' Kumpanija Ewropea (SE mill-isem Latin
tagħha Societas Europaea)[2].
Ir-Regolament tal-SCE huwa kkumplimentat bid-Direttiva tal-Kunsill 2003/72/KE
dwar l-involviment tal-ħaddiema fis-SCE (id-‘Direttiva SCE’)[3].
L-iskadenza għall-adattament tal-leġiżlazzjoni nazzjonali
għar-Regolament u d-Direttiva dwar l-SCE ġiet iffissata
għat-18 ta' Awwissu 2006.
2.
L-għan tal-Istatut
L-għan ewlieni tal-Istatut huwa li
jiffaċilita l-attivitajiet transkonfinali u transnazzjonali
tal-kooperattivi[4].
Bħall-Istatut ta’ SE, l-Istatut ta’ Soċjetà Kooperattiva Ewropea
(SCE) huwa strument legali fakultattiv. Għall-attivitajiet/operat
transkonfinali tagħhom, l-azjendi jistgħu jagħżlu li
jieħdu l-għamla ta' SCE jew ta’ kooperattiva nazzjonali. SCE tista’ tinħoloq fi kwalunkwe minn
dawn il-modi li ġejjin: ·
billi ssir il-konverżjoni ta’ kooperattiva
nazzjonali li għandha stabbilimenti fi Stat Membru ieħor; ·
permezz tal-fużjoni ta’ żewġ
kooperattivi jew aktar minn Stati Membri differenti; ·
minn ħames persuni fiżiċi u
kumpaniji ta' kull għamla legali ta' negozju jew akar li joperaw
f'pajjiżi differenti; ·
minn żewġ kumpaniji jew ħames
persuni fiżiċi residenti f'mill-inqas żewġ Stati Membri. F’dawn il-każijiet kollha hemm bilfors
element transnazzjonali, billi l-fundaturi jridu jkunu ġejjin minn
tal-anqas żewġ pajjiżi. L-għan tal-istatut ta’ SCE huwa li
jneħħi x-xkiel legali għall-ħolqien u
l-immaniġġjar ta’ gruppi kooperattivi minn Stati Membri differenti.
L-attivitajiet ta’ negozju transkonfinali tagħhom jixxekklu minn nuqqas ta'
qbil bejn il-liġijiet dwar il-kooperattivi li japplikaw fil-pajjiżi
differenti. Ir-Regolament dwar l-SCE jara li jrażżan dawn il-problemi
billi jippermetti lill-kooperattivi jirristrutturaw irwieħhom permezz ta'
fużjonijiet transkonfinali. Dan jippermetti li SCE tittrasferixxi
l-uffiċċju rreġistrat tagħha lejn Stat Membru ieħor
għajr dak fejn tkun ġiet stabbilita l-ewwel darba. Ir-Regolament
jagħti s-setgħa lil SCE li tagħżel is-sistema ta’
governanza korporattiva li hija l-aktar adatta għaliha. Tista’ tkun sistema
fuq binarju wieħed jew fuq tnejn; il-Bord tad-Diretturi jista’ jkollu jew
ma jkollux kumitat superviżorju. L-Artikolu 79
tar-Regolament dwar l-SCE jirrikjedi li l-Kummissjoni tippreżenta rapport
dwar l-applikazzjoni tiegħu ħames snin mindu jkun daħal
fis-seħħ. Dan ir-rapport għandu jinkludi, fejn jixraq, proposti
għall-emendar tar-Regolament. L-applikazzjoni tad-Direttiva, li tipprevedi
arranġamenti għall-involviment tal-impjegati fl-SCE, ġiet
reveduta fl-2010[5].
Biex tinġabar
id-dejta meħtieġa għal dan ir-rapport, id-Direttorat
Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea inkarigat mill-Intrapriżi u
l-Industrija (DĠ ENTR) ikkummissjona studju[6] estern, li nħareġ
f’Settembru 2010. F’April 2011, id-DĠ ENTR nieda konsultazzjoni
pubblika dwar ir-riżultati u r-rakkomandazzjonijeit ta’ dan l-istudju.
Fl-istess waqt, fl-Att dwar is-Suq Uniku[7], il-Kummissjoni stqarret li għandha
l-ħsieb tistħarreġ jekk ir-Regolament dwar l-SCE
jeħtieġx li jiġi revedut jew issimplifikat biex jaqdi aħjar
l-interessi tal-kooperattivi. Fil-Komunikazzjoni
tagħha dwar l-Inizjattiva tan-Negozju Soċjali – adottata nhar
il-25 ta’ Ottubru 2011[8]
– il-Kummissjoni qalet li, skont ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika,
taf tipproponi s-simplifikazzjoni tar-Regolament dwar l-SCE, biex dan ikompli
jinqata’ mil-liġijiet nazzjonali u jsir faċli li jiġu stabbiliti
l-kooperattivi soċjali. Is-sejbiet
tal-konsultazzjoni pubblika nħarġu ftit wara, f'Novembru 2011[9]. Dan
ir-rapport issejjes fuq dawk is-sejbiet.
3.
Applikazzjoni tal-Istatut SCE: L-inventarju tal-SCEs
F'Novembru 2011,
24 SCE ġew irreġistrati fit-30 Stat Membru tal-UE/ŻEE, kif
ġej: ħamsa fl-Italja; seba’ fis-Slovakkja; waħda f’kull
wieħed minn dawn il-pajjiżi: Franza, il-Liechtenstein,
il-Pajjiżi l-Baxxi, Spanja u l-Isvezja; tlieta fl-Ungerija, tnejn fil-Ġermanja
u tnejn oħra fil-Belġju. Ir-Regolament dwar l-SCEs kellu jidħol
fis-seħħ fl-2006. Madankollu, maġġoranza kbira tal-Istati
Membri naqset milli tlaħħaq ma' din l-iskadenza. Sa Diċembru 2011,
tliet Stati Membri ma kinux għadhom ħadu l-passi neċessarji biex
jiżguraw l-applikazzjoni effettiva tar-Regolament. L-Anness ta’ dan ir-rapport fih aktar
informazzjoni dettaljata dwar l-inventarju tal-SCEs u l-karatteristiċi
tagħhom.
4.
fatturi pożittivi u negattivi li jolqtu
t-twaqqif ta’ SCE, skont il-konsultazzjoni pubblika
4.1.
Xejra ġenerali
Skont l-organizzazzjonijiet professjonali,
m’hemm l-ebda xejra ġenerali li tapplika għall-kooperattivi kollha.
Meta jiddeċiedu jekk iwaqqfux kooperattiva nazzjonali jew inkella SCE, jew
meta jistħarrġu dwar l-aħjar pajjiż fejn tiġi
rreġistrata SCE, waħda mill-aktar kwistjonijiet importanti li
jitqiesu hija t-tassazzjoni. L-Istatut tal-SCEs, madankollu, ma jirregolax
it-tassazzjoni, peress li din titmexxa permezz tal-liġijiet
tal-pajjiż fejn tkun ibbażata l-SCE. Għaldaqstant, it-tassazzjoni
fuq l-introjtu tal-kooperattivi u t-taxxa korporattiva, it-taxxa fuq
il-qligħ jew l-eċċessi f'idejn il-kooperaturi u t-tassazzjoni
tar-riżervi indiviżibbli għadhom ivarjaw bejn pajjiż u
ieħor. Wara t-tassazzjoni, il-kwistjonijiet
l-oħra li jitqiesu - b'tal-ewwel l-aktar importanti u tal-aħħar
l-anqas - huma r-rekwiżiti tal-liġi nazzjonali tax-xogħol, u
kemm tkun kumplessa u relattivament stretta l-leġiżlazzjoni
nazzjonali dwar il-kooperattivi. Meta jiddeċiedu fejn se jirreġistraw
kooperattiva, in-negozjanti jippreferu wkoll pajjiż li jkollu netwerks
tal-komunikazzjoni tajbin u ambjent amministrattiv mhux intimidanti
għan-negozju.
4.2.
Stimuli pożittivi u speċifiċi
għall-kooperattivi għat-twaqqif ta' SCE
Il-kooperattivi u l-organizzazzjonijiet
professjonali jgħidu li l-aktar benefiċċju importanti li
wieħed iwaqqaf SCE hu li jkollu immaġni Ewropea. Din l-immaġni taf tgħin lill-fundaturi
ta’ kooperattiva jippenetraw swieq fejn marka Ewropea tkun aktar faċli li
titqiegħed fis-suq b’suċċess minn waħda nazzjonali. Dan japplika l-aktar għal oqsma
bħall-provvediment ta' servizzi soċjali. Għadd ta’ organizzazzjonijiet jgħidu
wkoll li l-jedd li joħolqu SCE huwa ta’ vantaġġ
għall-operaturi ta' kooperattiva peress li dan jippermettilhom jisħqu
l-affiljazzjoni tagħhom mal-moviment tal-kooperattivi b’mod
ġenerali meta jiġu biex iwaqqfu xi sussidjarja f’pajjiż
ieħor, jew impriża konġunta transkonfinali. Xi partijiet interessati jaħsbu li l-Istatut
tal-SCEs għandu karattru simboliku, peress li jgħolli l-profil
tan-negozji tal-ekonomija soċjali. Il-kooperattivi
jsemmu li l-mudell tan-negozju tagħhom huwa differenti minn dak
tal-kumpaniji tradizzjonali msejsa fuq il-kapital. Kooperattiva sserraħ
fuq is-solidarjetà, il-governanza demokratika, il-parteċipazzjoni
tal-membri u l-prossimità mal-membri u l-konsumaturi – billi tfittex li sservi
l-interessi tagħhom aktar milli l-interessi tal-maniġers.
4.3.
Evalwazzjoni ta’ vantaġġi
oħra allegati
Il-biċċa l-kbira tal-partijiet
interessati ma jqisux il-karattru supranazzjonali ta’ SCE bħala xi
vantaġġ potenzjali meta jwettqu bidliet strutturali transkonfinali fi
grupp. Huma biss l-istabbilimenti finanzjarji kooperattivi kbar u
soċjetajiet tal-assikurazzjoni mutwa li jidhru interessati f’dik
il-karatteristika tal-SCEs, billi jqisuha bħala ta' għajnuna fir-riorganizzazzjoni
u s-simplifikazzjoni tal-istruttura tal-grupp tagħhom. Sa
Diċembru 2011, madankollu, l-ebda SCEs ta’ dan it-tip ma kienu
għadhom inħolqu. Il-possibbiltà li l-uffiċċju
reġistrat jiġi ttrasferit fi Stat Membru ieħor la titqies
bħala motivatur essenzjali u u lanqas ta’ vantaġġ komparattiv
reali għall-SCEs meta mqabbla ma' kumpaniji nazzjonali. Din il-kwistjoni
tqajment fil-konsultazzjoni pubblika, iżda ma kien hemm l-ebda risposti
għaliha. Fil-prattika, l-ebda SCE ma ttrasferiet l-uffiċju
reġistrat tagħha sa Diċembru 2011. Il-konsultazzjoni pubblika staqsiet ukoll
lill-partijiet interessati jekk dawn jagħtux valur lill-opportunità li
joħolqu SCE biex iwettqu fużjoni transkonfinali. Ħadd
fosthom ma qies dan bħala motivatur importanti. Sa Diċembru 2011,
il-Kummissjoni ma kellha l-ebda informazzjoni dwar xi operazzjoni ta’ dan
it-tip. Lanqas ma ħareġ fid-deher li xi
azjendi huma interessati li jikkonvertu kooperattiva nazzjonali f’SCE:
il-partijiet interessati ma kkummentawx dwar din l-għażla.
4.4.
Fatturi negattivi
Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati
żvelat diversi problemi fl-applikazzjoni tar-Regolament tal-SCE. Dawn
japplikaw kemm għat-twaqqif kif ukoll għall-operat ta’ SCE. L-aktar problema sinifikanti għat-twaqqif
ta’ SCEs hija n-nuqqas ta’ għarfien dwar l-SCE fil-komunità
tan-negozju. L-aktar motivaturi negattivi importanti huma l-ispejjeż tat-twaqqif,
il-proċeduri kumplessi li jridu jiġu segwiti (minħabba
l-għadd ta’ referenzi għal-liġi nazzjonali) u l-inċertezza
legali fir-rigward ta’ liema liġi tapplika f’kull każ. Għadd ta’ partijiet interessati jqisu
wkoll li r-rekwiżit ta’ kapital minimu ta’ €30,000 huwa ostaklu,
talanqas għall-persuni fiżiċi li jixtiequ li jwaqqfu SCEs
żgħar biex jikooperaw transkonfinalment. Madankollu, l-idea
alternattiva hija li kapital suffiċjenti jixhed li negozju jkun serju. Uħud iqisu r-regoli dwar l-involviment
tal-impjegati bħala motivatur negattiv billi, fl-opinjoni
tagħhom, dawn huma goffi u kumplessi. Dawn ir-regoli jitqiesu wkoll
bħala sproporzjonati meta jkunu kkonċernati biss ftit impjegati.
Madankollu, l-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema u xi oħrajn ma semmewx
problemi f'dan il-qasam.
5.
Raġunijiet għaliex l-istatut ta’ SCE,
relattivament, ma kellux suċċess
Dawk
li rrispondew għall-konsultazzjoni argumentaw li l-istatut ta' SCE
relattivament ma rnexxiex mhux biss minħabba li huwa kkumplikat iżda
wkoll u aktar minħabba li l-azjendi li jagħżlu li jaħdmu
fl-għamla ta’ kooperattiva għandhom it-tendenza li jkunu ankrati sew
fit-territorju lokali tagħhom. Wara
kollox, l-għan ta’ kooperattiva huwa li sservi l-membri li
jipparteċipaw direttament fl-immaniġġjar demoktratiku
tal-azjenda. Il-maġġoranza
l-kbira tal-kooperattivi huma negozji żgħar li joperaw fil-limiti
tal-fruntieri nazzjonali. Għadd ta’
organizzazzjonijiet tal-partijiet interessati, għalhekk, jiddubitaw jekk
l-istatut ta’ SCE joffrix xi vantaġġ. Barra
minn hekk, dawk li jwaqqfu l-kooperattivi għandhom it-tendenza li
jiddependu fuq il-liġijiet nazzjonali tagħhom stess, peress li jkunu
familjari aktar magħhom. Xi wħud semmew ukoll li r-Regolament dwar
l-SCEs ġie implimentat tard wisq (tabilħaqq, wisq snin tard)
f’ħafna Stati Membri, anki f’pajjiżi bħal Franza, l-Italja u
Spanja fejn il-moviment tal-kooperattivi huwa b’saħħtu ħafna.
6.
Il-kwistjoni tas-simplifikazzjoni
Il-partijiet interessati kollha għandhom
it-tendenza li jemmnu li l-komplessità tal-istrument hija ostaklu
maġġuri għas-suċċess tal-SCEs. L-organizzazzjoni
Ewropea li tirrappreżenta l-federazzjonijiet nazzjonali u settorjali kollha
tal-kooperattivi fl-UE tgħid li l-liġijiet nazzjonali dwar
il-kooperattivi jidhru li huma aktar sempliċi u flessibbli. Skont
għadd ta’ partijiet interessati, il-komplessità tar-Regolament (bil-bosta
referenzi tagħha għal-leġiżlazzjoni nazzjonali) tgerrex
mhux biss lill-kooperattivi iżda wkoll tipi oħra ta’ azjendi li jafu
kieku jkunu interessati li jorganizzaw l-attivitajiet tagħhom permezz ta’
SCE. Il-partijiet interessati lkoll jaqblu li
r-Regolament dwar l-SCEs għandu bżonn ħafna li jiġi
ssimplifikat jekk irridu li jintuża aktar kemm mill-azjendi l-kbar kif
ukoll miż-żgħar. Minħabba l-bosta referenzi tiegħu
għal-liġi nazzjonali, dan it-tip ta’ Regolament ma joffri l-ebda
benefiċċju reali għall-kooperattivi. Fil-fatt, sa Diċembru 2011, l-ebda
wieħed mill-gruppi l-kbar tal-kooperattivi, li jopera, jew qed jippjana li
jopera, fil-livell Ewropew ma uża l-istrument tal-SCE. Grupp kbir
ħafna fis-settur tad-distribuzzjoni bl-imnut, li jiġbor fi ħdanu
kooperattivi nazzjonali li huma minn ta’ quddiem nett fis-swieq ta’
pajjiżhom, għażel li joħloq kooperattiva skont il-liġi
Belġjana minflok SCE. Bl-istess mod, fużjoni importanti
tal-kooperattivi tas-settur tal-biedja u l-prodotti mill-ħalib
fil-Belġju, il-Ġermanja u l-Pajjiżi l-Baxxi ma seħħitx
permezz ta’ SCE[10].
7.
Xejriet fid-distribuzzjoni tal-SCEs
M’hemm l-ebda korrelazzjoni pożittiva
bejn is-saħħa u l-importanza tal-moviment tal-kooperattivi f’xi
pajjiż partikolari u l-għadd ta’ SCEs f’dak il-pajjiż. Franza,
il-Ġermanja, l-Italja u Spanja huma eżempji ta' pajjiżi fejn
l-azjendi wrew interess baxx fit-twaqqif tal-SCEs, avolja l-awtoritajiet
nazzjonali jħeġġu b'mod attiv il-moviment tal-kooperattivi, u
l-organizzazzjonijiet nazzjonali jagħtu lill-kooperattivi appoġġ
tekniku u legali b'saħħtu. Barra minn hekk, għadd żgħir
ta’ Stati Membri jidhru li għandhom għadd ta’ SCEs inattivi jew 'fuq
l-ixkaffa', wara l-prattika simili ta’ SCEs ‘fuq l-ixkaffa’. Dawn huma
kumpaniji bla attivitajiet, maħluqa minn fornituri professjonali f’dawn
il-pajjiżi u mpoġġija għall-bejgħ. Jidher li
l-operaturi minn barra l-pajjiż jixtru SCEs minn fuq l-ixkaffa li jkunu
diġà ġew iffurmati, biex jiffrankaw il-ħin u l-ispejjeż, u
jevitaw il-proċeduri kumplessi tat-twaqqif u n-negozjati dwar
l-involviment tal-impjegati. Il-Kummissjoni ftit għandha informazzjoni
dwar xi jsir minn SCEs fuq l-ixkaffa hekk kif dawn jiġu attivati.
8.
Rappurtaġġ dwar kwistjonijiet
speċifiċi u emendi possibbli għar-regolament
8.1.
Rappurtaġġ dwar kwistjonijiet
speċifiċi b'referenza għall-Artikolu 79 tar-Regolament
Skont l-Artikolu 79 tar-Regolament dwar
l-SCEs, dan ir-rapport għandu jistħarreġ jekk jixraqx li
jiġi permess li uffiċċju ċentrali u uffiċċju
reġistrat ta' SCE jkunux jinsabu fi Stati Membri differenti. Għandu jqisu
ukoll jekk id-dispożizzjonijiet fl-istatuti ta' SCE għandhomx ikunu
permessi li jiddevjaw mil-liġijiet nazzjonali dwar il-kooperattivi jew
jikkumplimentawhom, anki meta t-tali eċċezzonijiet ma jingħatawx
lill-kooperattivi lokali. Dawn iż-żewġ kwistjonijiet
jitqajmu b’mod identiku permezz tar-Regolament dwar is-SE, billi għandhom
x’jaqsmu mal-funzjonament u l-operat kemm tal-Kumpaniji Ewropej u
tal-Kooperattivi Ewropej. Skont l-Artikolu 79, dan ir-rapport
għandu jikkunsidra wkoll jekk jixraqx li jiġu permessi
dispożizzjonijiet li jippermettu li SCE tinqasam f’żewġ
kooperattivi nazzjonali jew aktar, u jekk jiġux permessi rimedji legali
fil-każ ta' frodi jew żball meta tiġi rreġistrata SCE
permezz ta' fużjoni. Dawn iż-żewġ kwistjonijiet jirrelataw
speċifikament mal-SCEs, billi m'hemm l-ebda leġiżlazzjoni f'dan
il-qasam simili għat-3, is-6 u l-10 direttiva tal-liġi
tal-kumpaniji[11]
applikabbli għall-kumpaniji limitati pubbliċi. Il-Kummissjoni m'għandha evidenza
suffiċjenti fuq l-ebda waħda minn dawn il-kwistjonijiet biex tkun
f'pożizzjoni li tasal għal konklużjonijiet ċari. Dan
għax inħolqu daqstant ftit SCEs u għax ir-Regolament daħal
fis-seħħ tard ħafna fl-Istati Membri. Jispikkaw, madankollu,
il-punti li ġejjin: ·
Il-kwistjoni jekk għandux jiġi permess li
l-uffiċċju ċentrali jew l-amministrazzjoni ewlenija ta’ SCE tkun
tinsab f'pajjiż differenti mill-uffiċċju reġistrat
tagħha ma tidhirx li hija ta' tħassib għall-moviment
kooperattiv. Ma kien hemm ebda kummenti dwar dan il-punt mill-partijiet
interessati li rrispondew għall-konsultazzjoni. Il-kooperattivi huma
intrapriżi b’rabtiet qawwija mal-komunitajiet lokali u jeħtieġu
li jżommu relazzjoni b’saħħitha mat-territorji li joperaw fihom,
hekk kif jagħmlu l-kumpaniji kapitali tradizzjonali. ·
Il-kwistjoni jekk jiġix permess li l-artikoli
tal-assoċjazzjoni ta' SCE jvarjawx mil-liġijiet lokali dwar
il-kooperattivi hija waħda li tħasseb lill-partijiet interessati.
M’hemmx qbil dwar jekk l-SCEs għandhomx jingħataw aktar awtonomija
mil-liġijiet nazzjonali. Il-maġġoranza ta' dawk li ħadu
sehem fil-konsultazzjoni jemmnu li r-Regolament dwar l-SCEs għandu
jagħti lill-membri tal-kooperattivi l-flessibbiltà li jagħżlu
l-mudell u l-istruttura tal-governanza li taqdi bl-aħjar mod
l-għanijiet u l-ħtiġijiet tagħhom. Madankollu, għadd
ta' rispondenti esprimew riżervi serji, u stqarrew li din l-awtonomija taf
tippermetti li SCE tvarja mill-prinċipji u l-valuri tal-mudell tan-negozju
ta' kooperattiva. Ir-rispondenti qalu wkoll li l-SCEs m'għandhomx
jiġu eżentati mir-regoli obbligatorji dwar il-protezzjoni tal-membri
minoritarji jew l-jeddijiet tal-impjegati. ·
Il-kwistjonijiet dwar id-diviżjoni ta' SCE
f'żewġ kooperattivi jew aktar u dwar ir-rimedji jekk fużjoni
titħassar ma jidhirx li jħassbu lill-kooperattivi, almenu s'issa. Sa
Diċembru 2011, l-ebda SCE ma dehret li kienet inħolqot permezz
ta' fużjoni.
8.2.
Is-simplifikazzjoni tar-referenzi
għal-liġijiet nazzjonali
Ir-Regolament dwar l-SCEs issejjes parzjalment
fuq l-istatut ta’ SE li kien ġie adottat sentejn qabel. Għadd
kbir tar-regoli tal-SCE li huma ta' applikazzjoni ġenerali, u mhux
speċifiċi għall-kooperattivi, jirrepetu dispożizzjonijiet
simili għal dawk maqbula fil-Kunsill u l-PE meta ġiet adottata s-SE.
Dawn jinkludu r-regoli dwar il-fużjonijiet, dwar il-ġerarkija
tal-liġijiet applikabbli u dwar it-trasferiment tal-kwartieri
ġenerali ta’ kumpanija, kif ukoll ir-rekwiżit għal element
transkonfinali. It-test tar-Regolament dwar l-SCEs fih ukoll
bosta referenzi għal-leġiżlazzjoni nazzjonali sew dwar
il-kooperattivi jew dwar kumpaniji limitati pubbliċi b'kapital
konġunt. Pereżempju, SCE trid torganizza laqgħa ġenerali
tal-partijiet interessati tal-anqas darba fis-sena, sakemm il-liġi nazzjonali
dwar il-kooperattivi nazzjonali ma tistipulax laqgħat aktar spissi, jew
jekk ikun hemm fużjoni biex jitħarsu l-kredituri, din għandha
tiġi rregolata mil-liġi nazzjonali dwar il-fużjonijiet ta'
kumpaniji ta' responsabbiltà limitata pubbliċi. Barra minn hekk, ir-Regolament dwar l-SCEs fih
serje ta’ għażliet jew referenzi li jippermettu lill-Istati Membri
jiddettaw xi mġiba partikolari lill-SCE. Dawn spiss jibdew bil-kelmiet ‘Stat
Membru jista’ jipprevedi’. Pereżempju, f'każ ta' fużjoni,
Stat Membru jista' jadotta dispożizzjonijiet biex jiżgura protezzjoni
adatta għall-membri li jkunu opponew il-fużjoni. Xi oħrajn
jużaw kliem bħal ‘Meta l-liġijiet tal-Istat Membru tal-SCE
jippermettu hekk'. Biex jiġi ssimplifikat ir-Regolament,
l-Artikoli, li jgħoddu mat-30, li fihom għażliet u referenzi ta'
dan it-tip, jistgħu jinġabru fi tliet kategoriji ewlenin. L-ewwel,
hemm artikoli li jirregolaw kwistjonijiet li huma komuni għar-Regolamenti
tal-SCEs u l-SEs. It-tieni, hemm dispożizzjonijiet li jagħmlu
referenza diretta għal-liġi dwar il-kumpaniji limitati pubbliċi
(plc). It-tielet, hemm regoli li fihom referenzi u għażliet li
jirregolaw attivitajiet u kwistjonijiet speċifiċi
għall-kooperattivi. ·
Fil-każ tal-artikoli tal-ewwel kategorija,
il-Kummissjoni beħsiebha tipproponi emendi għal dawn
id-dispożizzjonijiet, jekk jixraq, b’mod konformi mar-riflessjoni li
tinsab għaddejja dwar emendi potenzjali għall-artikoli korrespondenti
fir-Regolament dwar l-SEs. Il-kwistjonijiet huma identiċi u s-soluzzjoni
għandha tkun l-istess għaż-żewġ Regolamenti. ·
Fil-każ tal-artikoli tat-tieni kategorija,
il-Kummissjoni temmen li għandha tikkonsulta bil-kbir mal-partijiet
interessati dwar jekk ir-referenzi għall-kumpaniji limitati pubbliċi
għadhomx neċessarji. Xi partijiet interessati stqarrew li dawn
ir-referenzi għandhom it-tendenza li jwarrbu l-leġiżlazzjoni
nazzjonali eżistenti dwar il-kooperattivi. Barra minn hekk, mhux l-Istati
Membri kollha għandhom leġiżlazzjoni speċifika
għall-kooperattivi. ·
Fil-każ tal-artikoli tat-tielet kategorija,
meta r-Regolament jistqarr li xi regola partikolari se tapplika biss
għall-SCEs jekk din tkun tippermettiha l-liġi nazzjonali,
il-Kummissjoni se tikkonsulta mal-partijiet interessati dwar metodi kif
ir-Regolament dwar l-SCEs isir aktar indipendenti mil-liġijiet nazzjonali.
9.
KONKLUŻJONI
B’segwiment għal dan ir-rapport,
il-Kummissjoni beħsiebha tikkonsulta mal-partijiet interessati dwar jekk u
kif se tissimplifika r-Regolament dwar l-SCEs. Għal dan
il-għan, qed tikkoospita żewġ konferenzi kbar biex tfakkar
l-2012 bħala s-Sena Internazzjonali tan-NU ddedikata lill-Kooperattivi.
L-ewwel waħda, f’April 2012, se ssir fi Brussell u se jattenduha
l-organizzazzjonijiet tal-partijiet interessati. It-tieni waħda se ssir
f’Settembru 2012, matul il-Presidenza Ċiprijotta, u se tiġbor fi
ħdanha r-rappreżentanti tal-Istati Membri. F’dawn il-fora, il-Kummissjoni se tistaqsi
lill-partijiet interessati jekk l-artikoli individwali għandhomx jiġu
ssimplifikati billi jitħassru u jiġu sostitwiti r-referenzi
għal-liġi dwar il-kumpaniji pubbliċi, u jekk ir-Regolament dwar
l-SCEs jistax isir aktar indipendenti mil-liġijiet nazzjonali. F’kuntest aktar wiesa', il-kwistjoni
tal-għamliet legali Ewropej, bħall-SEs u l-SCEs, u l-ħtieġa
tar-reviżjoni tagħhom, tifforma wkoll parti mir-riflessjoni li tinsab
għaddejja dwar il-ġejjieni tal-Liġi tal-Kumpaniji tal-UE.
Ir-riżultati ta’ din ir-riflessjoni se jgħinu lill-Kummissjoni sabiex
tevalwa n-neċessità u, jekk jixraq, l-istrumenti li għandhom
jintużaw biex id-domanda tan-negozji fl-Ewropa tiġi ssodisfata
ħalli jkun hemm kuntest ta' azzjoni aktar ekwu, regolamentazzjoni
aħjar u simplifikazzjoni. ANNESS L-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1435/2003
tat-22 ta' Lulju 2003 dwar l-Istatut ta' Soċjetà
Kooperattiva Ewropea (SCE) 1. Introduzzjoni Dan l-Anness jakkumpanja r-Rapport tal-Kummissjoni dwar
l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar l-SCEs. Dan jipprovdi inventarju u
deskrizzjoni tal-SCEs eżistenti. 2. Inventarju
tal-SCEs Skont l-informazzjoni li waslet permezz
tal-istudju[12]
u d-dejta fil-lista dwar l-SCEs eżistenti tal-Istitut Libertas
fil-Ġermanja[13],
sat-22 ta’ Novembru 2011, fl-Istati Membri tal-UE/ŻEE kienu
rreġistrati 24 SCEs. L-informazzjoni dwar in-numru ta' SCEs eżistenti nkisbet l-aktar
mill-esperti nazzjonali ingaġġati fl-istudju dwar l-SCEs. Dan
in-numru tqabbel mal-informazzjoni mill-Ġurnal Uffiċjali tal-UE
(ĠUUE, ara hawn taħt) u TED (Tender Electronic Daily). Fil-ĠUUE,
xi SCEs (tnejn minn 24) m'hemmx ħjiel tagħhom; 13 jidhru taħt
it-tikketta “SE”; tlieta (3) oħrajn jidhru taħt it-tikketta “EEIG”;
seba’ biss jidhru taħt it-tikketta “SCE”. Il-fatt li l-ĠUUE jonqos
milli jsemmi bosta għamliet Ewropej ta’ entitajiet legali huwa punt li
riċerkaturi oħra diġà qajmuh meta kienu qed jinvestigaw
l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar l-SEs.[14] L-għadd ta' SCEs żdied mill-2006 sal-2009.
Fl-2010 u l-2011 inħolqu anqas SCEs milli fl-2009. L-għadd ta' SCEs
ġodda ffurmati kull sena mill-2006 sa Novembru 2011 kien waħda
(1) fl-2006, ħamsa (5) fl-2008, tmienja (8) fl-2009, sebgħa (7) fl-2010
u tlieta (3) fl-2011. 3. L-SCEs u l-karatteristiċi tagħhom 3.1. In-nazzjonalità tal-fundaturi Ftit ferm hemm informazzjoni dwar in-nazzjonalità tal-fundaturi
involuti fil-ħolqien tal-SCEs eżistenti. Ir-Regolament ma jirrikjedix
li din id-dejta tiġi ppubblikata meta tiġi rreġistrata l-SCE.
Skont l-Artikolu 13, l-avviż ta’ reġistrazzjoni tal-SCEs
għandu jiġi ppubblikat biss għal finijiet ta' informazzjoni
fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE, u dan ikun jikkonsisti fl-isem,
in-numru, id-data u l-post tar-reġistrazzjoni tal-SCE, id-data u l-post
tal-pubblikazzjoni fil-pajjiż rispettiv tagħha, l-uffiċċju
rreġistrat u s-settur tal-attività tagħha. Din id-dejta normalment
tingħadda lill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali
tal-UE mir-reġistru nazzjonali fi żmien xahar mir-reġistrazzjoni
tal-SCE f’pajjiżha. Skont l-istudju, fost il-ħames SCEs Taljani, waħda hija
maħluqa ma’ sieħeb Finlandiż u ieħor Spanjol, it-tieni
waħda ma’ mutwa Franċiża, u t-tielet ma’ kofundatur Malti.
M’hemm l-ebda informazzjoni dettaljata għajr dak mitlub mir-Regolament
fir-rigward ta’ disa' (9) SCEs (sitta Slovakki, waħda Franċiża,
waħda Ġermaniża u waħda Ungeriża). L-informazzjoni
nieqsa hija minħabba l-fatt li jew xi wħud mill-SCEs inkwistjoni huma
ġodda jew inkella xi SCEs irrifjutaw li jipprovdu l-informazzjoni rikjesta
lill-esperti nazzjonali meta sar l-istudju. 3.2. Mappa ġeografika Is-Slovakkja hija l-aktar pajjiż li
għandu SCEs rreġistrati miegħu - sebgħa (7), iżda
fl-istess waqt sitta (6) minnhom jistgħu jitqiesu bħala SCEs fuq l-ixkaffa,
peress li huma rreġistrati fl-istess indirizz u għall-istess
attività. L-Italja tiġi t-tieni, b'ħames (5) SCEs, li jreġi
l-fatt li l-Italja huwa pajjiż fejn il-kooperattivi huma żviluppati
sew u mħeġġa mill-Istat skont id-dispożizzjoni kostituzzjonali
tal-art. 45. L-assenza ta’ liġi ta' implimentazzjoni nazzjonali ma
żammitx lura lil dawk li riedu jwaqqfu SCE fl-Italja. Wara jiġu
l-Belġju u l-Ungerija. F’20 pajjiż (18 SM u żewġ (2)
pajjiżi taż-ŻEE), ma ġew stabbiliti l-ebda SCEs. 3.3. Metodi ta’ ħolqien Fir-rigward tal-14-il SCE li
dwarhom hemm dejta disponibbli dwar dan is-suġġett, ilkoll ġew
iffurmati ex novo (jew ex nihilo) skont l-ewwel, it-tieni u
t-tielet inċiżi tal-Art. 2, par. 1, SCE R., jiġifieri, (a) “minn
ħames jew iktar persuni fiżiċi residenti f'tal-anqas
żewġ Stati Membri”; (b) “minn
ħames jew aktar persuni fiżiċi u kumpaniji u azjendi
...residenti fi, jew immexxija mil-liġi ta' tal-anqas żewġ Stati
Membri differenti"; (c)
"minn kumpaniji u azjendi ...li huma mmexxija mil-liġi ta' tal-anqas
żewġ Stati Membri differenti. Biex inkunu aktar preċiżi,
sitt SCEs inħolqu skont (a) hawn fuq; Sitta oħra skont (b) hawn fuq;
u tnejn oħra skont (c) hawn fuq. Il-metodu tal-ħolqien tal-SCEs
l-oħrajn għadu mhux magħruf. Ma kienx hemm każijiet ta’ SCEs
maħluqa permezz ta' fużjoni jew konverżjoni. M'hemm l-ebda informazzjoni dwar
trasferiment ta' uffiċċju reġistrat. M’hemm l-ebda informazzjoni
dwar SCEs likwidati jew konvertiti għall-għamla legali nazzjonali
tal-SCEs. L-Artikolu 1, par. 2 tar-Regolament
jgħid li “l-ebda membru ma għandu jkun responsabbli għal aktar
mill-ammont li hu/hi jkun issottoskriva, sakemm ma jkunx stipulat mod
ieħor mill-istatuti tal-SCE meta tinħoloq dik l-SCE; Meta l-membri
tal-SCE jkollhom responsabbiltà limitata, l-isem tal-SCE għandu
jispiċċa b'’limited’”. Fir-rigward tal-għamla legali, 13
mill-24 SCEs huma rreġistrati bħala "limited":
sebgħa (7) fis-Slovakkja, tlieta (3) fl-Italja u tlieta (3) fl-Ungerija.
Madankollu, mhux fiċ-ċert xi grad ta' responsabbiltà għandhom
l-SCEs l-oħrajn. 3.4. Oqsma ta’ attivitajiet,
struttura tal-bord, kapital sottoskritt, għadd ta’ impjegati Skont l-informazzjoni disponibbli, il-biċċa l-kbira tal-SCEs
eżistenti jipprovdu servizzi. Seba' SCEs jistgħu jitqiesu bħala
"kooperattivi soċjali" jew intrapriżi soċjali fis-sens
tal-Iniżjattiva tan-Negozju Soċjali[15] u għandhom għanijiet
bħat-titjib tal-impjiegi għall-persuni żvantaġġati,
konsultazzjoni medika, u servizzi fil-qasam tas-saħħa. Seba’ SCEs
oħra huma involuti fl-attivitajiet tal-proprjetà, tnejn fis-settur
tal-bini u tlieta jipprovdu konsulenza għan-negozjanti. Fir-rigward tal-istruttura tal-bord, ħames (5) SCEs
għażlu struttura tal-bord fuq binarju wieħed[16] u
għaxra (10) għażlu struttura fuq żewġ binarji[17]. L-SCEs
Taljani kollha għażlu s-sistema fuq żewġ binarji. Ħmistax (15)-il SCE nħolqu b’kapital sottoskritt
ugwali jew qrib ir-rekwiżiti ta’ kapital minimu ta’ €30,000. SCE
waħda nħolqot b’kapital sottoskritt ta’ €110,000. Ma tistax tiġi
pprovduta karta tal-bilanċ medja għall-SCEs eżistenti minħabba
n-nuqqas ta’ informazzjoni. Il-fatturat nett huwa magħruf
fil-każ ta' żewġ SCEs: fl-2009 waħda minnhom kellha
fatturat nett ta' €1,000 u oħra ta' anqas minn €15,000. L-għadd ta’ impjegati fit-12-il SCE li dwarhom hemm dejta
disponibbli f'dan ir-rigward, jgħodd 32 b'kollox. Dawn il-persuni huma
impjegati fil-biċċa l-kbira minn żewġ SCEs (waħda
għandha 13-il impjegat u l-oħra 10). Sitt SCEs għandhom impjegat
wieħed jew tnejn biss. Erba’ SCEs iddikjaraw li ma jħaddmu l-ebda
impjegati. Tabella. L-SCEs eżistenti (sa 22.11.2011) Pajjiż || Għadd ta’ SCEs L-AWSTRIJA || 0 Il-BELĠJU || 2 IL-BULGARIJA || 0 ĊIPRU || 0 IR-REPUBBLIKA ĊEKA || 0 ID-DANIMARKA || 0 L-ESTONJA || 0 IL-FINLANDJA || 0 FRANZA || 1 IL-ĠERMANJA || 2 GREĊJA || 0 L-UNGERIJA || 3 L-ISLANDA || 0 L-IRLANDA || 0 L-ITALJA || 5 IL-LATVJA || 0 IL-LIECHTENSTEIN || 1 IL-LITWANJA || 0 IL-LUSSEMBURGU || 0 MALTA || 0 IL-PAJJIŻI L-BAXXI || 1 IN-NORVEĠJA || 0 Il-POLONJA || 0 IL-PORTUGALL || 0 IR-RUMANIJA || 0 IS-SLOVAKKJA || 7 IS-SLOVENJA || 0 SPANJA || 1 L-ISVEZJA || 1 IR-RENJU UNIT || 0 GĦADD TOTALI TA’ SCEs || 24 [1] ĠU tat-18 ta' Awwissu 2003 (L207): http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2003:207:0001:0024:EN:PDF [2] Ir-Regolament
tal-Kunsill (KE) Nru 2157/2001 tat-8 ta’ Ottubru 2001 dwar
l-Istatut ta’ Kumpanija Ewropea (SE), ĠU L 294, 10.11.2001,
p. 1–21, http://eur-lex.europa.eu/smartapi/cgi/sga_doc?smartapi!celexplus!prod!DocNumber&lg=en&type_doc=Regulation&an_doc=2001&nu_doc=2157
[3] Id-Direttiva
tal-Kunsill 2003/72/KE tat-22 ta’ Lulju 2003 li tissupplimenta
l-Istatut ta' Soċjetà Kooperattiva Ewropea fir-rigward tal-involviment ta’
impjegati, ĠU L 207, 18.8.2003, p. 25 http://eur-lex.europa.eu/smartapi/cgi/sga_doc?smartapi!celexapi!prod!CELEXnumdoc&numdoc=32003L0072&model=guichett&lg=en [4] It-test propost mill-Kummissjoni fl-1992, flimkien
ma’ żewġ abbozzi oħrajn, wieħed fir-rigward ta'
Assoċjazzjoni Ewropea u l-ieħor fir-rigward ta' Soċjetà Mutwa
Ewropea ġew irtirati mill-Kummissjon fl-2006, minħabba nuqqas ta'
progress fin-negozjati fi ħdan il-Kunsill. It-tliet proposti kollha kienu
parti minn pakkett dwar il-promozzjoni tal-intrapriżi tal-'Ekonomija
Soċjali'; l-abbozzi kkostitwixxew ir-risposta għat-talbiet
tal-'ekonomija soċjali' sabiex tingħata l-possibbiltà li toħloq
għamliet legali Ewropej proprju għaliha , biex b'hekk tiżgura kundizzjonijiet
ugwali ta' kompetizzjoni mal-kumpaniji tradizzjonali tal-kapital. . [5] Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament
Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat
tar-Reġjuni dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva
tal-Kunsill 2003/72/KE tat-22 ta' Lulju 2003 li
tissupplimenta l-Istatut ta' Soċjetà Kooperattiva Ewropea fir-rigward
tal-involviment ta’ impjegati (COM(2010)0481 ta’ 16.9.2010) [6] Studju dwar l-implimentazzjoni
tar-Regolament 1435/2003 dwar l-Istatut ta' Soċjetà Kooperattiva Ewropea
(SCE). Sommarju
eżekuttiv u l-Parti I: Sinteżi u rapport komparattiv: http://ec.europa.eu/enterprise/policies/sme/files/sce_final_study_part_i.pdf u
l-Parti II: Rapporti Nazzjonali: http://ec.europa.eu/enterprise/policies/sme/files/sce_final_study_part_ii_national_reports.pdf [7] COM(2011) 206: http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CELEX:52011DC0206:EN:NOT
. [8] COM(2011) 682: http://ec.europa.eu/internal_market/social_business/index_en.htm . [9] Sommajru tat-tweġibiet: http://ec.europa.eu/enterprise/policies/sme/files/public-consultation-files/summary_replies_en.pdf
[10] Coopernic (COOPérative Européenne de Référencement
et de Négoce des Indépendants Commerçants) Scrl hija
kooperattiva Ewropea tax-xiri ffurmata minn kummerċjanti u bejjiegħa
bl-imnut indipendenti (Centres E. Leclerc, Colruyt, Conad, Coop u Rewe).
L-għan tal-alleanza huwa li jippermettu
lill-bejjiegħa bl-imnut indipendenti jiskambjaw l-għarfien, u jnaqqsu
l-ispejjeż tal-katina tal-forniment. F’Diċembru 2007, Fiesland
Foods u Campina ħabbru li beħsiebhom jingħaqdu, Sena wara,
f'Diċembru 2008, irċevew l-approvazzjoni tal-awtoritajiet
tal-kompetizzjoni Ewropej biex saru Friesland Campina. [11] http://ec.europa.eu/internal_market/company/official/index_en.htm#directives
[12] It-Tabella fl-Appendiċi 4, il-Parti I
tal-Istudju, tippreżenta l-aktar dejta rilevanti li tikkonċerna
l-SCEs eżistenti: http://ec.europa.eu/enterprise/policies/sme/files/sce_final_study_part_i.pdf [13] Libertas – Europäisches Institut GmbH: http://www.libertas-institut.com/de/EWIV/List_SCE.pdf
[14] Eidenmüller, Engert, Hornuf, Incorporating under
European Law: The Societas Europaea as a Vehicle for Legal Arbitrage, 10th
European Business Organisation Law Review (2009) [15] COM(2011) 682: http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2011:0682:FIN:EN:PDF
[16] Struttura ta’ bord b’bord
amministrattiv wieħed biss. [17] Struttura ta’ bord b’bord maniġerjali u bord
superviżorju.