52012DC0056

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL RAPPORT INTERIM Dwar il-progress fir-Rumanija taħt il-Mekkaniżmu ta' Koperazzjoni u Verifika /* COM/2012/056 final */


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

RAPPORT INTERIM Dwar il-progress fir-Rumanija taħt il-Mekkaniżmu ta' Koperazzjoni u Verifika

1.           Introduzzjoni

Dan ir-rapport huwa rapport interim taħt il-Mekkaniżmu ta' Koperazzjoni u Verifika ("MKV")[1] li jipprovdi aġġornament tekniku dwar żviluppi sinifikanti li seħħew matul l-aħħar sitt xhur fir-Rumanija mill-aħħar rapport tal-Kummissjoni f'Lulju 2011. L-aġġornament jiffoka fuq miżuri li jew tlestew jew li dalwaqt jitlestew, filwaqt li jidentifika wkoll xi azzjonijiet li għad iridu jittieħdu.

Ir-rakkomandazzjonijiet tal-aħħar rapport ta' progress adottat mill-Kummissjoni fl-20 ta' Lulju 2011 huma l-punt ta' referenza għall-valutazzjoni tal-progress miksub meta mqabbel mal-parametri ta' riferiment u għall-identifikazzjoni tal-isfidi li baqa'. Fis-sajf tal-2012 il-Kummissjoni se tipprovdi valutazzjoni ġenerali tal-progress fir-Rumanija taħt l-MKV sa mill-adeżjoni.

2.           Ir-Riforma Ġudizzjarja u l-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni: Sommarju tal-Iżviluppi fid-dawl tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni

Ir-rispons tar-Rumanija għar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni juri diversi żviluppi. Il-kodiċi ċivili l-ġdid daħal fis-seħħ mingħajr intoppi f'Ottubru 2011 u l-kodiċi ta' proċedura ċivili huwa previst għal Ġunju 2012. L-aċċellerazzjoni ta' ġurijiet rigward korruzzjoni f'livell għoli mill-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni u l-Ġustizzja għinet biex ikun hemm rispons għar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni rigward ir-riskju li ċerti kawżi ta' korruzzjoni f'livell għoli jilħqu l-limitu tal-perjodu tal-preskrizzjoni. Dan jista' jkollu impatt fil-tul f'dak li hu ssimplifikar tal-proċess ġudizzjarju u biex ikun hemm garanzija ta' deċiżjonijiet finali mill-qrati f'waqthom. L-abbozz ta' liġi dwar il-konfiska estiża għamel progress fil-Parlament. Id-Direttorat Nazzjonali ta' Kontra l-Korruzzjoni (DNA) u l-Aġenzija Nazzjonali għall-Integrità (ANI) komplew imexxu 'l quddiem sensiela ta' kawżi importanti inkluż rigward għadd sinifikanti ta' politiċi u uffiċjali anzjani. Il-liġijiet il-ġodda dwar ir-riforma fil-ħatriet fil-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni u l-Ġustizzja u dwar ir-responsabbiltà dixxiplinarja tal-maġistrati stipulaw oqfsa li bil-għan ta' aktar ċarezza u severità. Sar abbozz ta' Strateġija Nazzjonali komprensiva kontra l-Korruzzjoni

L-iżviluppi fir-Rumanija matul dawn l-aħħar xhur jindikaw għadd ta' oqsma fejn hija meħtieġa azzjoni ulterjuri b'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni. It-tħejjijiet biex jiġu implimentati l-kodiċi kriminali u l-kodiċi ta' proċedura kriminali għandhom ikomplu f'ċerti oqsma bħall-ingaġġ immirat u l-ibbilanċjar mill-ġdid tar-riżorsi bejn il-qrati, u jitqiegħdu fil-qafas ta' pjan ta' implimentazzjoni ċar u komprensiv. Il-kapaċità ta' tmexxija tal-ġudikatura biex twieġeb b'mod adegwat għall-problemi li jirrigwardaw l-integrità u r-responsabbiltà fi ħdan il-ġudikatura għadha kwistjoni ta' tħassib fost il-pubbliku. Deċiżjonijiet f'kawżi importanti fil-qrati jeħtieġ li jagħtu iżjed kontribut biex effettivament jiskoraġġixxu l-korruzzjoni f'livell għoli. Biex jiġi massimizzat l-ingranaġġ tal-abbozz tal-Istrateġija Nazzjonali ta' kontra l-Korruzzjoni, il-merħba li biha ntlaqa' għandha tiġi appoġġata minn approvazzjoni ċara tal-istituzzjonijiet kollha. Hemm bżonn ta' iżjed sforzi biex jiggarantixxu riżultati iktar konvinċenti fl-irkupru ta' rikavat mill-attività kriminali.

Għaldaqstant hemm bżonn ta' sforzi kontinwi fix-xhur li ġejjin sabiex, fid-dawl tal-evalwazzjoni ġenerali li se tagħmel il-Kummissjoni fis-sajf tal-2012 dwar il-progress li għamlet ir-Rumanija taħt l-MKV sa mill-adeżjoni mal-UE, jintwerew riżultati konvinċenti. Il-Kummissjoni se tkompli tagħti appoġġ lir-Rumanija f'dan l-isforz.

3.           Aġġornament Dwar is-Sitwazzjoni Attwali

Ir-Riforma tal-Ġudikatura

Sabiex ikun hemm segwitu tar-riforma ġudizzjarja, il-Kummissjoni b'mod partikolari rrakkomandat lir-Rumanija biex tadotta pjan ta' implimentazzjoni għall-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili, għall-Kodiċi Kriminali u għall-kodiċi ta' Proċedura Kriminali, biex tipprovdi biżżejjed riżorsi għar-riorganizzazzjoni meħtieġa tal-ġudikatura, biex ittejjeb it-taħriġ u l-ingaġġ, issaħħaħ il-kapaċità tal-Istitut Nazzjonali tal-Maġistratura u toħloq qafas ta' koperazzjoni mal-ġudikatura u mas-soċjetà ċivili għas-sorveljanza tal-progress fir-riforma ġudizzjarja.

Il-kodiċi ċivili l-ġdid daħal fis-seħħ mingħajr intoppi fl-1 ta' Ottubru u kien akkumpanjat minn diversi inizjattivi ta' taħriġ u ta' sensibilizzazzjoni. Fuq il-bażi tal-istudji tal-impatt iffinalizzati f'Novembru 2011, dan l-aħħar tħabbret id-data tad-dħul fis-seħħ tal-kodiċi ta' proċedura ċivili għal Ġunju 2012. Il-kodiċi l-oħra ser jidħlu fis-seħħ f'Marzu 2013, b'hekk jingħata żmien li jiġi ngaġġat għadd kbir ta' maġistrati u skrivani u li tiġi ristrutturata s-sistema ta' qrati. Matul dawn l-aħħar xhur ittieħdu passi dwar il-liġi ta' implimentazzjoni għall-kodiċi ta' proċedura ċivili, il-kodiċi kriminali u l-kodiċi ta' proċedura kriminali, filwaqt li l-istudji ta' impatt għall-kodiċijiet kollha ġew finalizzati f'Novembru. Id-dikjarazzjonijiet ta' dan l-aħħar dwar l-implimentazzjoni għandhom issa jiġu segwiti mill-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni ta' implimentazzjoni u mill-finalizzazzjoni ta' pjan komprensiv ta' implimentazzjoni, li jkun jinvolvi lill-partijiet interessati kollha fil-Parlament, fil-Gvern, fil-ġudikatura u fis-soċjetà ċivili, li jkun jinkludi l-miżuri preparatorji neċessarji, bħall-prijoritizzazzjoni tal-ingaġġi, ir-riorganizzazzjoni tas-sistema tal-qrati, u t-taħriġ.

Mill-aħħar rapport tal-Kummissjoni, ir-Rumanija varat proġett biex tiżviluppa standards ta' piż ta' xogħol ottimi għall-qrati, u l-ewwel riżultati huma mistennija fis-sajf ta' din is-sena. Fi ftit żmien se tiġi varata reviżjoni funzjonali tas-sistema ġudizzjarja u se titlesta sal-aħħar tal-2012. Il-Kunsill Suprem tal-Maġistratura alloka mill-ġdid xi postijiet battala; madankollu għad hemm żbilanċi importanti fit-tqassim tal-piż tax-xogħol bejn il-qrati differenti u l-uffiċċji tal-prosekuturi.

Proposta biex jiġu armonizzati l-eżamijiet tad-dħul u jissaħħaħ it-taħriġ inizjali li jingħataw il-maġistrati qed tistenna l-approvazzjoni tal-Kunsill Suprem tal-Maġistratura. Saru wkoll proposti biex jiġu allokati pożizzjonijiet addizzjonali mal-Istitut Nazzjonali tal-Maġistratura u biex jitjiebu l-faċilitajiet tat-taħriġ. Ġie pprovdut finanzjament għal 15-il istruttur fl-Istitut.

Sabiex titjieb ir-responsabbiltà fis-sistema ġudizzjarja, il-Kummissjoni rrakkomandat b'mod partikolari li r-Rumanija turi rekord tajjeb ta' deċiżjonijiet ta' ġestjoni trasparenti u oġġettivi, tkompli tirriforma l-ispezzjoni ġudizzjarja u twettaq il-pubblikazzjoni elettronika tal-ġurisprudenza kollha u l-pubblikazzjoni f'waqtha tal-motivazzjonijiet tal-qrati.

Mill-aħħar rapport tal-Kummissjoni, ir-Rumanija adottat leġiżlazzjoni li tfittex li ssaħħaħ ir-responsabbiltà dixxiplinarja tal-ġudikatura. Din il-liġi temenda l-iskema tal-kontravvenzjonijiet dixxiplinarji, iżżid is-sanzjonijiet, u ssaħħaħ l-indipendenza tal-Ispezzjoni Ġudizzjarja. Kif ukoll telimina l-possibbiltà li l-maġistrati jevadu s-sanzjonijiet dixxiplinarji meta jirtiraw waqt li jkun għadu għaddej proċess ta' dixxiplina. F'Novembru l-Kunsill Suprem tal-Maġistratura adotta strateġija u pjan ta' azzjoni biex itejjeb l-integrità fi ħdan il-ġudikatura. Madankollu, xi investigazzjonijiet kriminali reċenti li kienu jinvolvu maġistrati anzjani qanqlu tħassib pubbliku rigward ir-rieda u l-kapaċità tal-Kunsill li jissalvagwardja l-integrità u r-responsabbiltà fi ħdan il-ġudikatura. F'każ wieħed importanti ta' allegata korruzzjoni f'livell għoli, l-awtoritajiet ġudizzjarji ma neħħewx lill-imħallef in kwistjoni minn kariga maniġerjali. Investigazzjonijiet dixxiplinarji f'dan il-każ inbdew, iżda wara ġew sospiżi minħabba investigazzjoni kriminali li kienet pendenti. Dan il-każ kixef nuqqasijiet ċari fl-abbiltà ta' tmexxija tal-ġudikatura li tieħu azzjoni meta tiġi wiċċ imb'wiċċ ma' riskji serji għar-reputazzjoni tal-ġudikatura. Kien hemm ftit żviluppi sinifikanti biex jiġu indirizzati r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni rigward l-effettività tal-Ispezzjoni Ġudizzjarja.

Il-ħatriet għall-pożizzjonijiet fil-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni u l-Ġustizzja f'Awwissu ġew ikkritikati għan-nuqqas ta' trasparenza u oġġettività. Madankollu, f'Diċembru r-Rumanija adottat liġi ġdida li kienet ġiet introdotta mill-ġdid mill-gvern għar-riforma ta' kif isiru l-ħatriet fil-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni u l-Ġustizzja. Il-liġi tintroduċi titjib sostanzjali fil-proċeduri tal-ħatriet u tista' tagħti kontribut importanti fir-riforma tal-Qorti Suprema. L-impatt ta' din il-liġi se jiddependi mill-impenn min-naħa tal-istituzzjonijiet kompetenti li jiżguraw l-implimentazzjoni tagħha. Din għandha tiġi segwita billi mingħajr dewmien jimtlew il-postijiet battala, b'mod partikolari fis-sezzjoni kriminali, permezz ta' proċess trasparenti u bbażat fuq il-meritu. Riorganizzazzjoni ulterjuri tal-Qorti Suprema għandha tgħin biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-Qorti li tittratta b'mod effettiv mal-proċedura tad-digriet preliminari, li se tiġi introdotta bħala strument ewlieni għall-unifikazzjoni legali mill-kodiċijiet il-ġodda.

Għad m'hemmx pubblikazzjoni komprensiva u aġġornata tad-deċiżjonijiet motivati tal-qrati. Hemm bżonn tiġi infurzata l-pubblikazzjoni tal-motivazzjonijiet wara d-deċiżjonijiet tal-qrati fi żmien l-iskadenzi legali, l-aktar minħabba li hemm ir-riskju li f'ċerti kawżi ta' korruzzjoni f'livell għoli, l-ittardjar tal-motivazzjonijiet jista' jattiva l-perjodu ta' preskrizzjoni jekk ikun hemm dewmien fl-appelli.

Il-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni

Sabiex titjieb l-effettività tal-azzjoni ġudizzjarja rigward il-korruzzjoni f'livell għoli, il-Kummissjoni rrakkomandat b'mod partikolari li r-Rumanija ttejjeb il-ġestjoni tal-kawżi u tal-prattika ġudizzjarja fil-ġurijiet ta' kawżi ta' korruzzjoni f'livell għoli u li ttejjeb id-dissważività u l-konsistenza tas-sanzjonijiet tal-qrati f'dan il-qasam. Il-Kummissjoni rrakkomandat ukoll li titkompla r-riforma tal-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni u l-Ġustizzja, biex ikun hemm riżultati aħjar rigward il-frodi fl-appalt pubbliku u biex jipu adottati regoli ta' proċedura biex titneħħa l-immunità Parlamentari.

Mill-aħħar rapport tal-kummissjoni 'l hawn, il-Qorti suprema tal-Kassazzjoni u l-Ġustizzja ħadet għadd ta' miżuri maniġerjali u amministrattivi biex tħaffef il-pass ta' ġurijiet ta' korruzzjoni f'livell għoli, l-aktar dawk fejn kien hemm ir-riskju tal-preskrizzjoni. Dawn il-miżuri kienu jinkludu l-prijoritizzazzjoni ta' kawżi li huma qrib il-preskrizzjoni u tal-użu temporanju ta' awli żejda tal-qrati, li jippermetti smigħ tal-kawżi iktar frekwenti. F'Novembru 2011 ġiet allokata binja addizzjonali lill-Qorti Suprema. Dawn il-miżuri wasslu għat-tħaffif ta' għadd ta' kawżi li kienu pendenti fil-Qorti Suprema u li rriżultaw ukoll f'żieda fin-numru ta' verdetti. Matul l-2011, inqatgħu 15-il kawża fl-ewwel istanza tal-Awla Kriminali tal-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni u l-Ġustizzja, meta mqabbla ma' żewġ kawżi fl-2010. Il-Qorti Suprema ħadet deċiżjonijiet finali f'disa' kawżi ta' korruzzjoni f'livell għoli.

Il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni u l-Ġustizzja ppubblikat linji gwida dwar l-issentenzjar rigward ċerti reati ta' korruzzjoni fuq il-bażi ta' analiżi tad-deċiżjonijiet finali tal-qrati. Dawn il-linji gwida huma kkunsidrati utili mill-prattikanti u jistgħu jitwessgħu, jixterdu aktar u jiġu integrati fl-iskemi ta' taħriġ, filwaqt li ssir sorveljanza tal-applikazzjoni tagħhom. L-analiżijiet tas-sentenzi tal-qrati għal korruzzjoni f'livell għoli jindikaw li l-verdetti ħafna drabi jibqgħu qrib il-minimu legali, u iktar minn 60% jirċievu sentenza sospiża.

Id-DNA kompla jaġixxi bħala servizz effettiv ta' prosekuzzjoni f'kawżi ta' korruzzjoni f'livell għoli. Is-sena 2011 rat żieda fin-numru ta' akkużi, deċiżjonijiet tal-qrati u kundanni. Bl-aċċellerazzjoni ta' kawżi fil-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni u l-Ġustizzja, dan kien evidenti l-aktar fid-deċiżjonijiet finali tal-qrati: Fl-2011 ġew konklużi 158 deċiżjoni finali tal-qrati f'kawżi tad-DNA, imqabbla ma' 85 fl-2010. din l-attività kompliet tinkludi numri sinifikanti ta' politiċi u uffiċjali anzjani. Id-Direttorat Ġenerali ta' kontra l-Korruzzjoni tal-Ministeru tal-Amministrazzjoni u l-intern ħa passi biex jikkonsolida l-ħidma tiegħu biex jittratta l-korruzzjoni.

Minn Lulju li għadda 'l hawn, kien hemm ħames (5) kundanni fl-ewwel istanza kontra 13-il konvenut f'kawżi ta' appalt pubbliku. Rigward reati kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea, minn Lulju 'l hawn kien hemm ħames (5) kundanni finali u erba' (4) kundanni mhux finali. L-importanza tal-appalt pubbliku fl-ekonomija Rumena tissuġġerixxi li hemm bżonn ta’ sforz speċjali biex ikun żgurat li l-kawżi jitmexxew 'l quddiem u b'ħeffa. It-titjib tal-kompetenzi finanzjarji u ta' kontabbiltà fost il-maġistrati u żieda fid-dispożizzjoni ta' esperti barranin ikkwalifikati għadhom neċessarji biex tkun żurata l-effiċjenza tal-proċedimenti tal-qrati. Approċċ proattiv biex tiġi żviluppata ġurisprudenza konsistenti fil-ġurijiet tal-appalt pubbliku għandha tgħin li jkun hemm garanzija li l-kawżi jinġiebu quddiem qorti b'suċċess.

Sabiex jiġu indirizzati d-dgħufijiet fil-prattika ġudizzjarja f'ġurijiet ta' korruzzjoni f'livell għoli, l-Istitut Nazzjonali tal-Maġistratura u l-Qorti Suprema, bl-appoġġ tad-DNA, organizzaw diversi seminars u sessjonijiet ta' taħriġ. Dawn il-passi jistgħu jiġu utilment applikati b'manjiera iktar sistematika u kkonsolidati fi pjan ta' azzjoni komprensiv sabiex jinkiseb titjib ġenerali fil-prattika ġudizzjarja ta' ġurijiet ta' korruzzjoni f'livell għoli. Hemm bżonn tingħata attenzjoni partikolari biex jitjiebu l-istandards għall-awtorizzazzjoni u l-finanzjament ta' xhieda esperta fil-qrati u għall-ġustifikazzjonijiet użati sabiex jiġi postpost is-smigħ fil-qrati.

Ir-Rumanija ħejjiet analiżi komparattiva tal-prattika fi Stati Membri oħra rigward il-proċedura tat-tneħħija tal-immunità tal-Membri Parlamentari u inkludiet il-kwistjoni fl-abbozz tal-Istrateġija Nazzjonali l-ġdida ta' kontra l-Korruzzjoni. Il-Parlament, bħala l-awtorità kompetenti biex tadotta dawn ir-regoli l-ġodda issa jeħtieġ imexxi din il-kwistjoni 'l quddiem.

Sabiex titjieb l-effettività tal-implimentazzjoni tal-politiki ta' integrità, il-Kummissjoni rrakkomandat li r-Rumanija turi rekord tajjeb ta' sanzjonijiet fis-segwitu għad-deċiżjonijiet tal-Aġenzija Nazzjonali għall-Integrità (ANI), ittejjeb u tintegra l-prattika tal-Kummissjonijiet għall-Investigazzjoni tal-Ġid u ttejjeb il-kapaċità investigattiva tal-ANI u l-koperazzjoni tagħha ma' istituzzjonijiet oħra.

Mill-aħħar rapport tal-Kummissjoni 'l hawn, kien hemm żieda sinifikanti fil-baġit tal-Aġenzija Nazzjonali għall-Integrità (ANI) kif ukoll ġew attirati fondi sostanzjali tal-UE biex ittejjeb is-sistema tagħha ta' informazzjoni u l-proċeduri. L-ANI kkonkludiet għadd ta' ftehimiet ta' koperazzjoni ma' istituzzjonijiet oħra u wettqet l-ewwel valutazzjoni tar-riskju mmirata u spezzjonijiet fuq skala kbira rigward il-kunflitt ta' interess fl-appalt pubbliku fil-livell lokali u reġjonali.

Ir-rekord tajjeb tal-ANI kompla jiżviluppa f'dawn l-aħħar xhur. Taħt il-bażi legali l-ġdida tagħha, mill-2010 'l hawn l-ANI identifikat 18-il każ li jammontaw għal EUR 5,7 miljuni ta' assi potenzjali mhux ġustifikati, 23 każ ta' kunflitt ta' interess amministrattiv u 118-il każ ta' inkompatibbiltajiet. Is-segiwtu ġudizzjarju u amministrattiv għal dawn il-każi kien imħallat. Fl-ewwel żewġ każi li qajmet l-ANI taħt il-liġi l-qadima tagħha, id-deċiżjonijiet finali tal-Qorti Suprema kkonfermaw l-eżistenza ta' assi mhux ġustifikati u ordnaw il-konfiska tagħhom. B'konsegwenza tal-inkompatibbiltajiet li rriżultaw taħt il-liġi l-ġdida, persuna f'kariga pubblika tkeċċiet, f'żewġ każi oħra ġew applikati sanzjonijiet u sitt persuni oħra f'karigi pubbliċi rriżenjaw.

Għadd kbir ta' każi oħra, l-aktar każi relatati mal-kunflitt ta' interess, għadhom pendenti quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji. Il-proċess ġie kkumplikat mill-Kummissjonijiet għall-Investigazzjoni tal-Ġid, li nħolqu f'Awwissu tal-2010 bħala bejn l-ANI u l-qrati. Bħalissa qed jiġu żviluppati linji gwida komuni u regoli ta' proċedura bil-għan li jtejbu l-effiċjenza tal-proċedimenti u li junifikaw il-prattika. F'dawn l-aħħar xhur saru għadd ta' seminars ta' taħriġ biex titħeġġeġ l-aħjar prattika. Għad jonqos li l-qrati jiddeċiedu dwar każ ta' prova biex jiġi stabbilit jekk l-ANI għandhiex is-saħħa li tniedi appell kontra l-ordinanzi ta' tkeċċija maħruġa mill-Kummissjonijiet.

L-effett dissważiv potenzjali tal-każi tal-ANI huwa mxekkel minn dewmien u nuqqas ta' konsistenza fis-segwitu ġudizzjarju u amministrattiv għall-każi tal-ANI. Tentattivi biex terġa tinfetaħ għad-diskussjoni l-indipendenza legali u istituzzjonali tal-ANI iddevjaw ukoll l-attenzjoni milli jiġi kkonsolidat ir-rekord tajjeb tal-ANI. Il-ħatra fi ftit żmien ta' President ġdid tal-ANI tipprovdi opportunità biex tiġi enfasizzata l-istabbiltà u l-integrità istituzzjonali tal-ANI.

Sabiex jinkisbu riżultati aħjar fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-Kummissjoni tirrakkomanda li r-Rumanija ttejjeb il-kordinazzjoni fl-ogħla livelli, tiżviluppa strateġija multiannwali ġdida kontra l-korruzzjoni u toħloq grupp ta' monitoraġġ għal dan il-għan. Il-Kummissjoni rrakkomandat ukoll li jintwerew riżultati konvinċenti fl-irkupru tar-rikavat minn attività kriminali u l-ħasil tal-flus, tiġi adottata liġi ġdida dwar il-konfiska estiża, jiġu żviluppati regoli għall-prevenzjoni tal-kunflitt ta' interess fil-ġestjoni tal-fondi pubbliċi u jissaħħu l-proċeduri u l-kapaċità tal-awtoritajiet kompetenti fil-qasam tal-appalt pubbliku.

Mill-aħħar rapport tal-Kummissjoni 'l hawn, ir-Rumanija żviluppat abbozz ta' strateġija ġdida kontra l-korruzzjoni li ntlaqa’ tajjeb mill-esperti u dawk li jaħdmu fil-qasam. L-implimentazzjoni effettiva u l-impatt tal-istrateġija se jiddependu minn appoġġ u approvazzjoni politika wiesgħa. L-adozzjoni tal-istrateġija mill-Parlament għandha tkun sinjal pożittiv importanti. Mekkaniżmu viżibbli ta' monitoraġġ jista' jkompli jsaħħaħ l-impatt tagħha, kif ukoll il-ħtieġa li l-partijiet kollha tal-gvern jimplimentaw l-istrateġija fl-oqsma tagħhom, u jirrappurtaw fuq ir-riżultati. Mis-sajf 'l hawn, inkiseb ukoll finanzjament minn fondi tal-UE għal għadd ta' proġetti kontra l-korruzzjoni, inklużi fil-Ministeri tal-Edukazzjoni, tas-Saħħa u tal-Amministrazzjoni u l-Intern. L-implimentazzjoni bdiet u issa wieħed jistenna r-riżultati. Għal dik li hi d-dissważività, it-tkeċċija ta' politiku mill-partit tiegħu hekk kif f'Novembru bdew investigazzjonijiet għal korruzzjoni f'livell għoli ġiet ikkunsidrata bħala eżempju qawwi ta' kontabbiltà pubblika effettiva. Madanakollu, sitt membri Parlamentari oħra b'kundanni ta' korruzzjoni għadhom iżommu s-siġġu fil-Parlament.

Jekk l-abbozz ta' liġi dwar il-konfiska estiża li qed jiġi diskuss bħalissa fil-Parlament tiġi adottata kif propost, din għandha żżid b'mod sinifikanti d-dissważività tal-penali. Din teħtieġ li tkun akkumpanjata minn miżuri li jiżguraw li penali finanzjarji imposti minn sentenzi tal-qrati fil-fatt jinġabru. Għad iridu jintwerew riżultati li jikkonvinċu fl-irkupru ta' rikavat mill-attività kriminali. Il-Prosekutur Ġenerali ħa passi li wasslu għal żieda sinifikanti fl-ammont ta' assi ffriżati fl-2011. Tqassmet nota ta' gwida mal-uffiċċji tal-prosekuturi biex tħeġġeġ is-segwitu tal-ħasil tal-flus bħala reat awtonomu fi ħdan il-leġiżlazzjoni attwali.

F'Diċembru, ir-Rumanija adottat kodiċi ta' kondotta rigward l-inkompatibbiltà u l-kunflitt ta' interess fil-ġestjoni tal-fondi tal-UE. Grupp ta' ħidma ingħata l-kompitu li jiżviluppa mekkaniżmi ta' monitoraġġ biex jinforzaw id-dispożizzjonijiet ta' dan il-kodiċi ta' kondotta.

Mill-aħħar rapport tal-Kummissjoni 'l hawn, saru emendi legali u ttieħdu miżuri amministrattivi li jsaħħu l-protezzjoni kontra l-irregolaritajiet u l-kunflitt ta' interess fil-ġestjoni tal-fondi pubbliċi. Il-miżuri jinkludu l-iżvilupp ta' dokumentazzjoni standardizzata għall-offerti u t-tisħiħ tal-kapaċità tal-Awtorità Nazzjonali għar-Regolamentazzjoni u l-Monitoraġġ tal-Appalti Pubbliċi (ANRMAP) biex twettaq il-verifika ex-ante. L-ANRMAP ikkonkludiet ftehimiet ta' koperazzjoni ma' istituzzjonijiet oħra. Bħalissa qed jiġu diskussi passi ulterjuri li jistgħu jgħinu biex tissaħħaħ l-applikazzjoni effettiva tar-regoli dwar l-appalt pubbliku.

[1]               Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/928/KE tat-13 ta' Diċembru 2006 li tistabbilixxi makkeniżmu għall-koperazzjoni u l-verifika tal-progress fir-Rumanija biex tindirizza punti ta' riferiment fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni (ĠU L 354, 14.12.2006, p. 56).