52012DC0027

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL dwar l-approvazzjoni ta' Ftehim għall-kooperazzjoni fl-użi paċifiċi tal-enerġija nukleari bejn il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) u l-Gvern tal-Afrika t'Isfel /* COM/2012/027 final */


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

dwar l-approvazzjoni ta' Ftehim għall-kooperazzjoni fl-użi paċifiċi tal-enerġija nukleari bejn il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) u l-Gvern tal-Afrika t'Isfel

1.           Introduzzjoni

Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika ("il-Komunità) u l-Gvern tal-Afrika t'Isfel ("l-Afrika t'Isfel") għall-kooperazzjoni fl-użi paċifiċi tal-enerġija nukleari jkopri bosta oqsma ta' interess reċiproku.

Fil-Ftehim hija prevista kooperazzjoni wiesgħa fil-qasam tal-użi paċifiċi tal-enerġija nukleari hekk kif jistabbilixxi qafas ġenerali għal kooperazzjoni politika, teknika u industrijali. Dan se joħloq qafas legali kemm għall-gvernijiet kif ukoll għall-operaturi industrijali tal-Partijiet li se jiffaċilita l-kooperazzjoni f'dan il-qasam bejn il-Partijiet.

2.           L-importanza tal-Ftehim

Bil-għan li tissaħħaħ ir-relazzjoni kooperattiva ġenerali bejn il-Komunità u l-Afrika t'Isfel, l-importanza tal-konklużjoni ta' dan il-Ftehim hija msejsa l-aktar fuq interess reċiproku li jiġi stabbilit qafas legali stabbli sabiex jiffaċilita kooperazzjoni ugwali u reċiproka fl-użi paċifiċi tal-enerġija nukleari, inklużi l-iskambji kummerċjali, filwaqt li jitqies il-fatt li l-Afrika t' Isfel għandha riżervi kbar ta' uranju u se jkollha rwol dejjem akbar fil-qasam nukleari ċivili.

Minbarra dan, il-Ftehim ikun qed irawwem il-kooperazzjoni xjentifika bejn il-Komunità u l-Afrika t'Isfel, partikolarment biex jiffaċilita l-parteċipazzjoni ta' entitajiet tar-riċerka tal-Afrika t'Isfel fi proġetti ta' riċerka mwettqa fil-qafas tal-programmi rilevanti ta' riċerka tal-Komunità u biex jiżgura parteċipazzjoni reċiproka ta' entitajiet ta' riċerka tal-Komunità u l-Istati Membri tagħha fi proġetti tal-Afrika t'Isfel f'oqsma simili ta' riċerka.

Għalhekk, bħala eżempju konkret, l-Afrika t'Isfel żviluppa l-"Pebble Bed Modular Reactor (PBMR)", li jista’ jsir alternattiva vijabbli għal tipi oħra ta' reatturi. L-organizzazzjonijiet Ewropej ta' R&Ż huma diġà involuti f'dan il-programm.

L-Afrika t’Isfel hija attiva wkoll fl-applikazzjonijiet mediċi tal-enerġija nukleari u hija produttur ewlieni ta' radjuiżotopi mediċi.

Għall-Euratom, l-interess fl-iffirmar ta' dan il-Ftehim joħroġ mill-fatt li dan jiżgura livell korrispondenti ta' protezzjoni fiżika, salvagwardji, u standards tal-kontroll tal-esportazzjoni u jiffaċilita l-kummerċ nukleari bejn il-Partijiet. Il-Ftehim jiżgura wkoll il-moviment liberu ta' materjal nukleari u mhux nukleari, tagħmir u teknoloġija fil-Komunità, kif ukoll jesiġi li t-trasferimenti ta' materjal nukleari u l-forniment ta' servizzi rilevanti jitwettqu taħt kundizzjonijiet kummerċjali ġusti.

Il-konklużjoni ta' ftehim ġdid bejn il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika ("Euratom") u l-Afrika t'Isfel għall-Kooperazzjoni fl-użi paċifiċi tal-enerġija nukleari se toħloq qafas fit-tul u stabbli għaż-żewġ partijiet u l-gvernijiet u l-operaturi industrijali tagħhom, li fih tista' sseħħ tali kooperazzjoni, kif ukoll iħeġġeġ u jiffaċilita l-kooperazzjoni fir-riċerka xjentifika u l-iżvilupp fil-qasam tal-enerġija nukleari abbażi ta' benefiċċju reċiproku, ugwaljanza u reċiproċità.

3.           Skema ġenerali tal-Ftehim

L-għan tal-Ftehim huwa l-kooperazzjoni fl-użi paċifiċi tal-enerġija nukleari bejn il-Euratom u l-Afrika t'Isfel. Il-kamp ta' applikazzjoni u l-forom ta' kooperazzjoni (Artikolu III), fil-biċċa l-kbira, jinkludu riċerka u żvilupp fil-qasam tal-enerġija nukleari, l-użu ta' materjali nukleari u teknoloġiji, trasferimenti ta' materjal nukleari u tagħmir u salvagwardji nukleari.

Il-Ftehim jiddefinixxi ulterjorment l-Oġġetti soġġetti għal dan il-Ftehim (Artikolu IV) - il-forom differenti ta' materjali nukleari u mhux nukleari - u jiddeskrivi fid-dettall il-modalitajiet għall-Kummerċ ta' materjal nukleari, materjal mhux nukleari jew tagħmir (Artikolu VI). Huwa enfasizzat li l-materjal nukleari għandu jintuża għal finijiet paċifiċi u f'konformità mal-ftehimiet ta' salvagwardja (għall-Komunità: is-salvagwardji Euratom skont it-Trattat Euratom u s-salvagwardji IAEA u l-Protokolli Addizzjonali tagħha[1]).

Dispożizzjonijiet speċifiċi dwar Skambju ta' Informazzjoni u Proprjetà Intellettwali (Artikolu VII) u dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni (Artikolu VIII) isegwu. Sabiex tiġi ggarantita l-implimentazzjoni bla xkiel tal-Ftehim, qed jiġi inkluż artikolu speċifiku dwar il-Konsultazzjoni u soluzzjoni tat-tilwim (Artikolu XII) biex jiġu indirizzati kwistjonijiet dwar l-applikazzjoni korretta tal-Ftehim. It-tul ta' żmien tal-Ftehim huwa stabbilit b'perjodu inizjali ta' 10 snin, li mbagħad jiġġedded awtomatikament għal perjodi addizzjonali ta' ħames snin (Artikolu XV).

4.           Konklużjoni

Il-Kummissjoni tqis li l-Ftehim għall-kooperazzjoni fl-użi paċifiċi tal-enerġija nukleari bejn il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Gvern tal-Afrika t'Isfel, li qed jiġi propost l-adozzjoni tiegħu:

– huwa f'konformità mad-direttivi ta' negozjar maħruġa mill-Kunsill fit-8 ta' Ottubru 2010;

– jikkonferma l-impenn ċar taż-żewġ Partijiet favur in-nonproliferazzjoni u livell għoli ta' sikurezza nukleari sabiex jiġi ggarantit l-użu paċifiku u sikur tal-enerġija nukleari;

– huwa f'konformità mal-politika tal-Komunità dwar is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija;

– se jsaħħaħ ulterjorment ir-relazzjonijiet tajbin ħafna bejn l-UE u l-Afrika t'Isfel fil-qasam tal-kooperazzjoni fil-politika dwar l-enerġija.

Il-Kummissjoni għalhekk tirrakkomanda lill-Kunsill japprova, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 101 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, il-Ftehim għall-kooperazzjoni fl-użi paċifiċi tal-enerġija nukleari bejn il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Gvern tal-Afrika t'Isfel, fl-Anness.

ANNESS

FTEHIM BEJN IL-GVERN TAL-AFRIKA T'ISFEL U L-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-ENERĠIJA ATOMIKA (EURATOM) GĦALL-KOOPERAZZJONI FL-UŻI PAĊIFIĊI TAL-ENERĠIJA NUKLEARI

PREAMBOLU

Il-Gvern tar-Repubblika tal-Afrika t'Isfel, minn issa 'l quddiem imsejħa l-Afrika t'Isfel, u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom), minn hawn 'il quddiem imsejħa "il-Komunità", u minn hawn 'il quddiem flimkien imsejħa "il-Partijiet",

FILWAQT LI JQISU r-relazzjonijiet tajbin u l-kooperazzjoni eżistenti bejn iż-żewġ Partijiet;

FILWAQT LI JINNOTAW b'sodisfazzjon l-eżitu fejjiedi tal-kooperazzjoni ekonomika, teknika u xjentifika bejn il-Partijiet;

FILWAQT LI JQISU l-Ftehim dwar il-Kummerċ, l-Iżvilupp u l-Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa, u r-Repubblika tal-Afrika t’Isfel, fuq in-naħa l-oħra ('TDCA'), magħmul fil-11 ta' Ottubru 1999;

FILWAQT LI JQISU l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-Membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku fuq naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq in-naħa l-oħra, magħmul fit-23 ta 'Ġunju 2000;

FILWAQT LI JIXTIEQU jippromwovu l-kooperazzjoni bejniethom fl-użu ta' enerġija għal skopijiet paċifiċi;

FILWAQT LI JAFFERMAW MILL-ĠDID l-impenn qawwi tal-Gvern tal-Afrika t'Isfel, il-Komunità u l-Gvernijiet tal-Istati Membri tagħha lejn in-nonproliferazzjoni nukleari inkluż it-tisħiħ u l-applikazzjoni effiċjenti tas-salvagwardji relatati u s-sistemi ta' kontroll tal-esportazzjoni li bis-saħħa tagħhom għandha sseħħ il-kooperazzjoni fl-użi paċifiċi tal-enerġija nukleari bejn l-Afrika t'Isfel u l-Komunità;

FILWAQT LI JAFFERMAW MILL-ĠDID l-appoġġ tal-Gvern tal-Afrika t'Isfel, tal-Komunità u l-Gvernijiet tal-Istati Membri tagħha lill-għanijiet tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (minn hawn 'il quddiem l-“IAEA”) u s-sistema ta' salvagwardji tagħha;

FILWAQT LI JAFFERMAW MILL-ĠDID l-impenn kbir tar-Repubblika tal-Afrika t'Isfel, il-Komunità u l-Istati Membri tagħha lejn il-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni Fiżika ta' Materjal Nukleari magħmul fit-3 ta’ Marzu 1980;

BILLI r-Repubblika tal-Afrika t'Isfel u l-Istati Membri kollha tal-Komunità huma Partijiet għat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari magħmul fl-1 ta' Lulju 1968, minn hawn 'il quddiem l-"NPT",

FILWAQT LI JINNUTAW li s-salvagwardji nukleari huma applikati fl-Istati Membri kollha tal-Komunità f'konformità kemm mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (minn hawn 'il quddiem "it-Trattat Euratom") kif ukoll mal-ftehimiet tas-salwagwardji konklużi bejn il-Komunità, l-Istati Membri tagħha u l-IAEA;

FILWAQT LI JQISU t-Trattat ta' Żona Afrikana Ħielsa mill-Armi Nukleari (it-Trattat ta' Pelindaba), magħmul fil-11 ta' April 1996 u li daħal fis-seħħ fil-15 ta’ Lulju 2009;

FILWAQT LI JINNUTAW li r-Repubblika tal-Afrika t'Isfel u l-Gvernijiet tal-Istati Membri kollha tal-Komunità jipparteċipaw fil-Grupp ta' Fornituri Nukleari;

FILWAQT LI JINNUTAW li għandhom jitqiesu l-impenji li ħadu r-Repubblika tal-Afrika t'Isfel u l-Gvernijiet ta' kull Stat Membru tal-Komunità fil-qafas tal-Grupp ta' Fornituri Nukleari;

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-prinċipju tal-moviment liberu tal-materjal nukleari, tagħmir, materjal mhux nukleari, u teknoloġija fi ħdan il-Komunità;

FILWAQT LI JAQBLU li l-Ftehim għandu jkun f'konformità mal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Afrika t'Isfel fl-ambitu tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ;

FILWAQT LI JTENNU l-impenji tar-Repubblika tal-Afrika t'Isfel u l-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-Komunità lejn il-ftehimiet bilaterali tagħhom fl-użi paċifiċi tal-enerġija nukleari;

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu I

Definizzjonijiet

Għall-fini ta’ dan il-Ftehim, sakemm mhux speċifikat mod ieħor fih,

1. "awtorità kompetenti" tfisser:

(a) għar-Repubblika tal-Afrika t'Isfel, id-Dipartiment tal-Enerġija;

(b) għall-Komunità, il-Kummissjoni Ewropea

jew awtorità oħra tali li l-Parti kkonċernata tista’ f’kull ħin tinnotifika bil-miktub lill-Parti l-oħra dwarha;

2. "tagħmir" tfisser dawk l-oġġetti elenkati fit-Taqsimiet 1, 3, 4, 5, 6 u 7 tal-Anness B tad-dokument IAEA INFCIRC/254/Rev.10/Parti 1 (Linji Gwida għat-Trasferimenti Nukleari), kif emendat minn żmien għal żmien;

3. "informazzjoni" tfisser dejta xjentifika jew teknika, riżultati jew metodi ta' riċerka u żvilupp li jirriżultaw mir-riċerka konġunta u kwalunke informazzjoni oħra li hi meqjusa neċessarja mill-Partijiet u/jew parteċipanti mqabbda biex jaħdmu fil-proġetti ta' riċerka konġunta li trid tkun pprovduta jew skambjata taħt dan il-Ftehim jew riċerka skont dan;

4. "proprjetà intellettwali" għandu jkollha t-tifsira msemmija fl-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni li tistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija dwar il-Proprjetà Intellettwali, magħmula fl-14 ta' Lulju 1967, kif emendata fit-28 ta' Settembru 1979, u tista' tinkludi suġġetti oħra kif iddeterminati bejn il-Partijiet.

5. "proġetti ta' riċerka konġunta" tfisser riċerka jew żvilupp teknoloġiku li huma implimentati bl-appoġġ finanzjarju jew mingħajru minn Parti waħda jew it-tnejn u li jinvolvu kollaborazzjoni mill-parteċipanti kemm mill-Komunità kif ukoll mill-Afrika t'Isfel u huma iddeżinjati bħala riċerka konġunta, bil-miktub, mill-Partijiet jew l-organizzazzjonijiet xjentifiċi jew teknoloġiċi tagħhom jew aġenziji li qegħdin jimplimentaw il-programmi ta' riċerka xjentifika. F'każ fejn hemm finanzjament minn Parti waħda biss, id-deżinjazzjoni hija magħmula minn dik il-Parti u l-parteċipant f'dak il-proġett;

6. "materjal nukleari" tfisser kwalunkwe materjal ta' sors jew materjal fissjonabbli kif inhuma ddefiniti dawk it-termini fl-Artikolu XX tal-Istatut tal-IAEA; Kull deċiżjoni tal-Bord tal-Gvernaturi tal-IAEA fl-ambitu tal-Artikolu XX tal-Istatut tal-IAEA li jemenda l-lista tal-materjali meqjusa bħala "materjal ta' sors" jew "materjal fissjonabbli speċjali" għandu jkollha effett biss skont dan il-Ftehim meta l-Partijiet ikunu infurmaw lil xulxin bil-miktub li jaċċettaw dik l-emenda.

7. "materjal mhux nukleari" tfisser:

(a) "Dewterju u ilma tqil (ossidu tad-dewterju) u kwalunkwe kompost tad-dewterju ieħor li fih il-proporzjon tad-dewterju għall-idroġenu jissupera 1:5000, għall-użu f’reattur nukleari, kif iddefinit fil-paragrafu (1.1) tal-Anness B tal-INFCIRC/254/Rev.10/Parti 1 tal-IAEA,

(b) Grafit bi grad nukleari: grafit, għall-użu f'reattur nukleari, kif iddefinit fil-paragrafu (1.1) tal-Anness B taċ-Ċirkolari ta' Informazzjoni INFCIRC/254/Rev.10/Parti 1 tal-IAEA, li jkollu livell ta' purità aħjar minn 5 partijiet għal kull miljun ta' ekwivalent tal-boron u b'densità ogħla minn 1.50 gramma għal kull ċentimetru kubiku.

8. "parteċipant" tfisser kwalunkwe persuna, kwalunkwe istitut tar-riċerka, kwalunkwe entità jew ditta legali jew kwalunkwe korp ieħor b'mod ieħor permess minn kull Parti biex jipparteċipaw f'attivitajiet ta' kooperazzjoni u/jew proġetti konġunti ta' riċerka taħt dan il-Ftehim, inklużi l-Partijiet infushom;

9. “persuni” tfisser kwalunkwe persuna naturali, impriża jew entità oħra rregolata mil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli fil-ġurisdizzjoni territorjali rispettiva tal-Partijiet iżda ma tinkludix il-Partijiet.

10. "riżultati ta' attività intellettwali" (results of intellectual activity - RIA) tfisser informazzjoni u/jew proprjetà intellettwali;

11. "Partijiet" tfisser ir-Repubblika tal-Afrika t'Isfel fuq naħa u l-Komunità fuq naħa oħra;

"il-Komunità" tfisser kemm:

(a) il-persuna ġuridika maħluqa skont it-Trattat Euratom; kif ukoll

(b) it-territorji li għalihom japplika t-Trattat Euratom;

12. "teknoloġija" għandha t-tifsira ddefinita fl-Anness A taċ-Ċirkolari ta' Informazzjoni tal-IAEA INFCIRC/254/Rev.10/Parti 1.

Artikolu II

Għan

1. L-għan ta' dan il-Ftehim huwa li jinkoraġġixxi u jiffaċilita, abbażi ta' benefiċċju reċiproku, ugwaljanza u reċiproċità, il-kooperazzjoni fl-użi paċifiċi tal-enerġija nukleari bil-għan li tissaħħaħ ir-relazzjoni kooperativa kumplessiva bejn il-Komunità u l-Afrika t'Isfel, skont il-ħtiġijiet u l-prijoritajiet tal-programmi nukleari rispettivi tagħhom.

2. Il-Ftehim għandu l-għan li jrawwem il-kooperazzjoni xjentifika bejn il-Komunità u l-Afrika t'Isfel, partikolarment biex tiffaċilita l-parteċipazzjoni ta' entitajiet tar-riċerka tal-Afrika t'Isfel fi proġetti ta' riċerka mwettqa fil-qafas tal-programmi ta' riċerka rilevanti tal-Komunità u biex tiżgura parteċipazzjoni reċiproka ta' entitajiet ta' riċerka tal-Komunità u l-Istati Membri tagħha fi proġetti tal-Afrika t'Isfel f'oqsma simili ta' riċerka.

3. Xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jiġi interpretat bħala vinkolanti fuq il-partijiet għal kwalunkwe forma ta’ esklussività u kull parti għandha tkun intitolata li twettaq attivitajiet kummerċjali b'mod indipendenti mill-oħra fejn ir-rekwiżiti tas-suq hekk jiddettaw.

Artikolu III

Kamp ta' applikazzjoni u forom ta’ kooperazzjoni

1. Materjal nukleari, tagħmir jew materjal mhux nukleari jew materjal nukleari prodott bħala prodott sekondarju għandu jintuża biss għal skopijiet paċifiċi; u ma għandhomx jintużaw għal kwalunkwe strument splużiv nukleari, għal riċerka jew l-iżvilupp ta’ strument bħal dan, u lanqas għal xi skop militari.

2. Il-kooperazzjoni maħsuba b'dan il-Ftehim hija relatata mal-użi paċifiċi tal-enerġija nukleari u tista' tinkludi, inter alia:

(a) riċerka u żvilupp fil-qasam tal-enerġija nukleari (inklużi t-teknoloġiji tal-fużjoni);

(b) użu ta' materjali nukleari u teknoloġiji bħala applikazzjonijiet fis-saħħa, fl-agrikoltura;

(c) trasferimenti ta' materjali nukleari u tagħmir;

(d) sikurezza nukleari, skart radjuattiv u ġestjoni tal-fjuwil użat, id-dekummissjonar, protezzjoni mir-radjazzjoni inkluża tħejjija u r-reazzjoni għall-emerġenza;

(e) salvagwardji nukleari;

(f) oqsma oħra li għandhom jiġu miftiehma mill-Partijiet, safejn dawn huma koperti mill-programmi rispettivi tal-Partijiet.

3. Il-kooperazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu tista' titwettaq fil-forom li ġejjin:

(a) provvista ta' materjali nukleari u mhux nukleari, tagħmir u teknoloġiji relatati;

(b) forniment ta' servizzi taċ-ċiklu tal-fjuwil nukleari;

(c) twaqqif ta' Gruppi ta' Ħidma, jekk meħtieġ, biex jimplimentaw studji u proġetti speċifiċi fil-qasam tar-riċerka xjentifika u l-iżvilupp teknoloġiku;

(d) skambju ta' esperti, informazzjoni xjentifika u teknoloġika, l-organizzazzjoni ta' seminars u konferenzi xjentifiċi, taħriġ ta' persunal amministrattiv, xjentifiku u tekniku;

(e) konsultazzjonijiet fuq kwistjonijiet ta' riċerka u teknoloġiċi u li jwettqu riċerka konġunta taħt programmi miftiehma;

(f) attivitajiet ta’ kooperazzjoni fil-promozzjoni tas-sikurezza nukleari; kif ukoll

(g) forom oħra ta' kooperazzjoni kif tistà tiġi determinata mill-Partijiet bil-miktub.

4. Il-kooperazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu tista' sseħħ ukoll bejn persuni u impriżi stabbiliti fit-territorji rispettivi tal-Partijiet.

Artikolu IV

Oġġetti soġġetti għall-Ftehim

1. Dan il-Ftehim għandu japplika għal materjal nukleari, materjal mhux nukleari jew tagħmir, trasferit bejn il-Partijiet jew il-persuni rispettivi tagħhom, kemm direttament jew permezz ta' pajjiż terz. Tali materjal nukleari, materjal mhux nukleari jew tagħmir għandhom isiru soġġetti għal dan il-Ftehim mad-dħul tiegħu fil-ġurisdizzjoni territorjali tal-Parti li qed tirċievi, sakemm il-Parti li qed tforni nnotifikat lill-Parti li qed tirċievi bil-miktub bit-trasferiment intenzjonat, skont il-proċeduri ddefiniti f'Arranġament Amministrattiv, u r-riċevitur propost, jekk dan mhuwiex il-Parti li qed tirċievi, huwa persuna awtorizzata taħt il-ġurisdizzjoni territorjali tal-Parti li qed tirċievi.

2. Il-materjal nukleari, materjal mhux nukleari, jew tagħmir imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandhom jibqgħu soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim sakemm jiġi stabbilit, skont il-proċeduri stabbiliti fl-Arranġament Amministrattiv li:

(a) tali oġġett ikun ġie ttrasferit mill-ġdid lil hinn mill-ġurisdizzjoni territorjali tal-Parti li tirċievi skont id-dispożizzjonijiet rilevanti ta' dan il-Ftehim; jew

(b) dak il-materjal nukleari ma jistax jintuża iżjed għal kwalunkwe attività nukleari rilevanti mil-lat tas-salvagwardji msemmija fil-paragrafu 1 tal-Artikolu VI jew li prattikament ma jistax jiġi rkuprat; jew

(c) dak it-tagħmir jew materjal mhux nukleari ma jkunux jibqgħu jistgħu jintużaw iżjed għal skopijiet nukleari; jew

(d) il-Partijiet jistabbilixxu flimkien li ma għandux jibqa’ iżjed soġġett għal dan il-Ftehim.

3. It-trasferiment tat-teknoloġija għandu jkun soġġett għal dan il-Ftehim għall-Istati Membri tal-Komunità li esprimew ix-xewqa tagħhom li jqiegħdu tali trasferimenti fil-qafas ta' dan il-Ftehim permezz ta' notifika bil-miktub mill-Istat Membru konċernat lill-Kummissjoni Ewropea. Notifika minn qabel bejn l-Istat Membru konċernat/Stati Membri konċernati u l-Kummissjoni Ewropea, minn naħa, u l-Afrika t'Isfel, minn naħa oħra, għandu jingħata qabel kull trasferiment.

Artikolu V

Kummerċ tal-materjal nukleari, materjal mhux nukleari jew tagħmir

1. Kwalunkwe trasferiment ta' materjal nukleari, materjal mhux nukleari jew tagħmir imwettaq skont l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni għandu jsir skont l-impenji internazzjonali rilevanti tal-Komunità, l-Istati Membri tal-Komunità u r-Repubblika tal-Afrika t'Isfel fir-rigward ta' użi paċifiċi tal-enerġija nukleari kif elenkati fl-Artikolu VI.

2. Safejn hu prattikabbli, il-Partijiet għandhom jassistu lil xulxin fl-akkwist pubbliku, minn Parti jew l-oħra jew minn persuni fi ħdan il-Komunità jew taħt il-ġurisdizzjoni tar-Repubblika tal-Afrika t'Isfel, ta' materjal nukleari, materjal mhux nukleari jew tagħmir.

3. It-tkomplija tal-kooperazzjoni prevista fil-Ftehim attwali għandha tkun kontinġenti fuq l-applikazzjoni sodisfaċenti b'mod reċiproku tas-sistema għas-salvagwardji u l-kontroll stabbilita mill-Komunità skont it-Trattat Euratom u tas-sistema għas-salvagwardji u l-kontroll ta' materjal nukleari, materjal mhux nukleari jew tagħmir stabbilita mir-Repubblika tal-Afrika t'Isfel.

4. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim ma għandhomx jintużaw biex ifixklu l-moviment liberu tal-materjal nukleari, materjal mhux nukleari, tagħmir, u teknoloġija fi ħdan it-territorju tal-Komunità.

5. Trasferimenti ta’ materjal nukleari soġġett għal dan il-Ftehim u l-forniment ta’ servizzi rilevanti għandhom jitwettqu taħt kundizzjonijiet kummerċjali ġusti u ma għandhomx jipperikolaw l-obbligi internazzjonali tal-Partijiet fl-ambitu tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ. L-implimentazzjoni ta' dan il-paragrafu għandha tkun mingħajr ħsara għat-Trattat Euratom u l-leġiżlazzjoni dderivata minnu, u għal-liġijiet u regolamenti tal-Afrika t'Isfel.

6. Kwalunkwe trasferiment mill-gdid ta' kwalunkwe materjal nukleari, materjal mhux nukleari, tagħmir jew teknoloġija soġġetti għal dan il-Ftehim barra l-ġurisdizzjoni tal-Partijiet għandhom jitwettqu biss skont il-qafas tal-impenji meħuda mill-Gvernijiet tal-Istati Membri individwali tal-Komunità u r-Repubblika tal-Afrika t'Isfel fi ħdan il-grupp ta’pajjiżi fornituri nukleari magħruf bħala l-Grupp ta' Fornituri Nukleari. B'mod partikolari, il-Linji Gwida għat-Trasferimenti Nukleari, kif stabbiliti fir-Ċirkolari ta' Informazzjoni INFCIRC/254/Rev. 9/Parti 1 tal-IAEA, għandhom japplikaw għat-trasferimenti mill-ġdid ta' kwalunkwe materjal nukleari, materjal mhux nukleari, tagħmir jew teknoloġija soġġetti għal dan il-Ftehim.

7. Mad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, il-Partijiet għandhom jiskambjaw il-listi ta' pajjiżi terzi li lejhom it-trasferimenti mill-ġdid, skont il-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu, huma awtorizzati mingħajr il-ħtieġa li jiksbu awtorizzazzjoni minn qabel mill-Parti fornitriċi. Kull Parti għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra dwar it-tibdiliet fil-lista tagħha ta' pajjiżi terzi.

8. Il-kunsens bil-miktub minn qabel tal-Parti fornitriċi għandha tkun meħtieġa għal trasferimenti mill-ġdid skont il-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu lil pajjiżi li mhumiex parti mil-lista ta' pajjiżi terzi tal-Parti fornitriċi.

Artikolu VI

Kundizzjonijiet li japplikaw għall-Materjal Nukleari soġġett għall-Ftehim

1. Materjal nukleari soġġett għal dan il-ftehim għandu jkun soġġett għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) Fil-Komunità, għas-salvagwardji tal-Euratom skont it-Trattat tal-Euratom u għas-salvagwardji tal-IAEA skont il-ftehimiet ta’ salvagwardja li ġejjin, kif rilevanti, u kif jistgħu jiġu riveduti u mibdula, sakemm tkun ipprovduta kopertura kif meħtieġa mit-Trattat ta’ Nonproliferazzjoni għal:

i)        Il-Ftehim bejn l-Istati Membri tal-Komunità mingħajr armi nukleari, il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Atomika, li daħal fis-seħħ fil-21 ta’ Frar 1977 (ippubblikat bħala INFCIRC/193);

ii)       Il-Ftehim bejn Franza, il-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika u l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika li daħal fis-seħħ fit-12 ta' Settembru 1981 (ippubblikat bħala INFCIRC/290);

iii)      Il-Ftehim bejn ir-Renju Unit, il-Komunità Ewropea għall-Eneriġija Atomika u l-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Atomika, li daħal fis-seħħ fl-14 ta' Awwissu 1978 (ippubblikat bħala INFCIRC/263);

iv)      Il-Protokolli Addizzjonali ffirmati fit-22 ta' Settembru 1998 li daħlu fis-seħħ fit-30 ta' April 2004 abbażi tad-dokument ippubblikat bħala INFCIRC/540 tal-IAEA (Sistema Msaħħa tas-Salvagwardji, il-Parti II);

(b) Fl-Afrika t'Isfel, għas-salvagwardji tal-IAEA skont il-Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Afrika t'Isfel u l-IAEA għall-Applikazzjoni ta’ Salvagwardji b’konnessjoni mat-Trattat dwar in-Non-Proliferazzjoni tal-Armi Nukleari, li kien iffirmat u li daħal fis-seħħ fis-16 ta' Settembru 1991 u li ġie ippubblikat bħala INFCIRC/394, supplimentat mill-Protokoll Addizzjonali, li kien iffirmat u daħal fis-seħħ fit-13 ta' Settembru 2002, u Trattat ta' Żona Afrikana Ħielsa mill-Armi Nukleari li kienet iffirmat fil-11 ta’ April 1996 u daħal fis-seħħ fil-15 ta’ Lulju 2009.

2. F'każ li tiġi sospiża jew imwaqqfa l-applikazzjoni ta’ kwalunkwe Ftehim mal-IAEA msemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, għal kwalunkwe raġuni, fi ħdan il-Komunità jew l-Afrika t'Isfel, il-Parti rilevanti għandha tidħol fi ftehim mal-IAEA li jipprovdi għal effikaċja u kopertura ekwivalenti għal dawk previsti fil-ftehimiet ta’ salvagwardji msemmija fid-dispożizzjonijiet a) jew b) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, jew, jekk dak ma jkunx possibbli,

(a) il-Komunità, safejn tkun ikkonċernata, għandha tapplika salvagwardji bbażati fuq is-sistema ta’ salvagwardji tal-Euratom, li tipprevedi effikaċja u kopertura ekwivalenti għal dawk previsti fil-ftehimiet ta’ salvagwardji msemmija fid-dispożizzjoni a) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu jew, jekk dak ma jkunx possibbli;

(b) il-Partijiet għandhom jidħlu f’arranġamenti għall-applikazzjoni ta’ salvagwardji li jipprovdu għal effikaċja u kopertura ekwivalenti għal dawk previsti fil-ftehimiet ta’ salvagwardji msemmija fid-dispożizzjonijiet a) jew b) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

3. L-applikazzjoni ta' miżuri ta' protezzjoni fiżika għandha tkun, f'kull ħin, f'livelli li jissodisfaw tal-anqas il-kriterji stipulati fl-Anness C taċ-Ċirkolari ta' Informazzjoni INFCIRC/254/Rev.10/Parti 1 tal-IAEA hekk kif tista' tiġi riveduta; supplimentari għal dan id-dokument, l-Istati Membri tal-Komunità, il-Kummissjoni Ewropea, kif xieraq, u l-Afrika t'Isfel se jirreferu meta japplikaw il-miżuri għall-protezzjoni fiżika għall-obbligi tiegħu taħt il-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni Fiżika ta' Materjal Nukleari magħmul fit-3 ta' Marzu 1980, inklużi kwalunkwe emendi li huma fis-seħħ għal kull Parti u r-rakkomandazzjonijiet fir-Rakkomandazzjonijiet ta' Sigurtà Nukleari dwar il-Protezzjoni Fiżika tal-Materjal Nukleari u ta' Faċilitajiet Nukleari (INFCIRC/225/Reviżjoni 5), Serje dwar is-Sikurezza Nukleari tal-IAEA Serje Nru. 13. It-trasport internazzjonali se jkun soġġett għad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni Fiżika tal-Materjal Nukleari magħmula fit-3 ta' Marzu 1980, inkluża kwalunkwe emenda li hija fis-seħħ għal kull Parti, u għar-Regolamenti tal-IAEA għat-Trasport Sikur tal-Materjali Radjuattivi (Serje ta' Standards tas-Sikurezza tal-IAEA Nru TS-R-1).

4. Is-sikurezza nukleari u l-ġestjoni tal-iskart nukleari għandhom ikunu soġġetti għall-Konvenzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari (Ċirkolari ta' Informazzjoni tal-IAEA INFCIRC 449), il-Konvenzjoni Konġunta dwar is-Sikurezza tal-Ġestjoni tal-Fjuwil Nukleari Użat u dwar is-Sikurezza tal-Ġestjoni tal-Iskart Radjuattiv (Ċirkolari tal-Informazzjoni tal-IAEA INFCIRC/546), il-Konvenzjoni dwar l-Assistenza fil-każ ta' Inċident Nukleari jew Emerġenza Radjoloġika (Ċirkolari ta' Informazzjoni tal-IAEA INFCIRC/336), il-Konvenzjoni dwar in-Notifikazzjoni Bikrija ta' Inċident Nukleari (Ċirkolari ta' Informazzjoni tal-IAEA INFCIRC/335).

Artikolu VII

Skambju ta' Informazzjoni u Proprjetà Intellettwali

L-użu u d-diffużjoni ta' informazzjoni u drittijiet tal-proprjetà intellettwali, li jinkludu l-proprjetà industrijali, privattivi u drittijiet tal-awtur, u teknoloġija trasferita skont l-attivitajiet ta' kooperazzjoni taħt dan il-Ftehim għandhom ikunu skont id-dispożizzjonijiet fl-Anness A.

Artikolu VIII

Implimentazzjoni tal-Ftehim

1. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim għandhom jiġu implimentati bona fede b’tali mod li jevita t-tfixkil, dewmien jew interferenzi żejda fl-attivitajiet nukleari fl-Afrika t'Isfel u fil-Komunità u sabiex ikunu konsistenti mal-prattiki ta’ ġestjoni prudenti meħtieġa għall-kondotta ekonomika u sikura ta' attivitajiet nukleari.

2. Id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim ma għandhomx jintużaw bil-għan li jfittxu vantaġġi kummerċjali jew industrijali, u lanqas biex jindaħlu fl-interessi industrijali u kummerċjali, kemm domestiċi kif ukoll internazzjonali, ta' kull waħda mill-Partijiet jew persuni awtorizzati, jew għal xi ndħil fil-politika nukleari ta' kwalunkwe Parti jew tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-Komunità, lanqas biex ifixklu l-promozzjoni tal-użi paċifiċi u mhux splużivi tal-enerġija nukleari, lanqas biex ifixklu l-moviment ta’ oġġetti soġġetti jew notifikati li għandhom isiru soġġetti għal dan il-Ftehim kemm jekk fi ħdan il-ġurisdizzjoni territorjali rispettiva tal-Partijiet u kif ukoll jekk bejn l-Afrika t'Isfel u l-Komunità.

3. Materjal nukleari soġġett għal dan il-Ftehim għandu jiġi ttrattat skont il-prinċipji tal-proporzjonalità, funġibilità u l-ekwivalenza ta' materjali nukleari.

4. Kwalunkwe emenda għad-dokumenti ppubblikati mill-IAEA msemmija fl-Artikoli I, V jew VI ta' dan il-Ftehim għandha jkollha effett skont dan il-Ftehim biss meta l-Partijiet ikunu infurmaw lil xulxin bil-miktub permezz ta’ kanali diplomatiċi li huma jaċċettaw tali emenda.

Artikolu IX

Arranġamenti Amministrattivi

1. L-awtoritajiet kompetenti taż-żewġ Partijiet għandhom jistabbilixxu Arranġamenti Amministrattivi sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim.

2. Tali Arranġamenti amministrattivi jistgħu, inter alia, ikopru dispożizzjonijiet finanzjarji, l-assenjazzjoni ta' responsabbiltajiet ta’ ġestjoni u dispożizzjonijiet ddettaljati dwar id-disseminazzjoni tal-informazzjoni u d-drittijiet tal-proprjetà intelletwali.

3. Arranġament amministrattiv stabbilit skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jista' jiġi emendat kif determinat flimkien, bil-miktub, mill-awtoritajiet kompetenti.

Artikolu X

Liġi applikabbli

Il-kooperazzjoni prevista f'dan il-Ftehim għandha tkun skont il-liġijiet u r-regolamenti fis-seħħ fl-Afrika t'Isfel u fi ħdan l-Unjoni Ewropea kif ukoll skont il-ftehimiet internazzjonali li l-Partijiet daħlu fihom. Fil-każ tal-Komunità, il-liġi applikabbli tinkludi t-Trattat Euratom u l-leġiżlazzjoni dderivata minnu.

Artikolu XI

Nuqqas ta' Konformità

1. Jekk kwalunkwe Parti jew Stat Membru tal-Komunità tikser/jikser kwalunkwe dispożizzjoni materjali tal-Ftehim, il-Parti l-oħra tista’ tissospendi jew ittemm, bis-sħiħ jew parzjalment, il-kooperazzjoni skont dan il-Ftehim permezz ta’ notifika bil-miktub għal dak il-għan.

2. Qabel ma waħda mill-Partijiet tieħu azzjoni f'dak is-sens, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin bil-għan li jieħdu deċiżjoni dwar jekk humiex meħtieġa miżuri korrettivi, u jekk ikun hekk, il-miżuri korrettivi li għandhom jittieħdu u ż-żmien li fih għandhom jittieħdu tali miżuri. Tali azzjoni għandha tittieħed biss f'każ li ma jittieħdux miżuri deċiżi fiż-żmien deċiż mill-Partijiet jew, f'każ li ma tinstabx soluzzjoni wara l-iskadenza ta' perjodu ta' żmien iddefinit mill-Partijiet.

3. It-tmiem ta' dan il-Ftehim ma għandux jaffettwa l-implimentazzjoni ta' kwalunkwe arranġament u/jew kuntratt, magħmula matul il-perjodu tal-validità tiegħu iżda li għadhom ma ġewx ikkompletati sad-data tat-tmiem tiegħu, sakemm ma jiġix miftiehem mod ieħor mill-Partijiet.

Artikolu XII

Konsultazzjoni u soluzzjoni ta' tilwim

1. Fuq talba ta' waħda mill-Partijiet, rappreżentanti tal-Partijiet għandhom jiltaqgħu, meta jkun meħtieġ, sabiex jikkonsultaw lil xulxin dwar kwistjonijiet li jirriżultaw mill-interpretazzjoni jew l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim, sabiex jissorveljaw it-tħaddim tiegħu u biex jiddiskutu arranġamenti għal kooperazzjoni addizzjonali għal dawk previsti f'dan il-Ftehim. Tali konsultazzjonijiet jistgħu jieħdu l-għamla wkoll ta' skambju ta' korrispondenza.

2. Kull tilwim li jinqala’ mill-interpretazzjoni, l-applikazzjoni jew l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim li ma jiġix solvut permezz ta’ negozjati jew kif miftiehem b’mod ieħor bejn il-Partijiet għandu, fuq it-talba ta’ waħda mill-Partijiet, jiġi ppreżentat quddiem tribunal tal-arbitraġġ li għandu jkun magħmul minn tliet arbitri. Kull Parti għandha taħtar arbitru wieħed u ż-żewġ arbitri hekk maħtura għandhom jeleġġu t-tielet wieħed, li ma jkunx ċittadin ta' waħda mill-Partijiet u li għandu jkun il-President. Jekk fi żmien tletin jum mit-talba għall-arbitraġġ, kwalunkwe Parti tkun għadha ma ħatritx arbitru, il-Parti l-oħra tista' titlob lill-President tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja jinnomina arbitru lill-Parti li ma tkunx ħatret wieħed. Jekk fi żmien tletin jum mill-ħatra jew nomina tal-arbitri għaż-żewġ Partijiet, it-tielet arbitru ma jkunx ġie elett, waħda mill-Partijiet tista' titlob lill-President tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja biex jinnomina t-tielet arbitru. Maġġoranza tal-membri tat-tribunal tal-arbitraġġ għandhom jikkostitwixxu kworum, u d-deċiżjonijiet kollha għandhom isiru b’maġġoranza ta’ voti tal-membri kollha tat-tribunal tal-arbitraġġ. Il-proċedura tal-arbitraġġ għandha tkun stabbilita mit-tribunal. Id-deċiżjonijiet tat-tribunal għandhom ikunu vinkolanti fuq iż-żewġ Partijiet u għandhom ikunu implimentati minnhom. Ir-rimunerazzjoni tal-arbitri għandha tkunu stabbilita fuq l-istess bażi ta' dik ta’ mħallfin ad hoc tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja.

3. Għall-fini ta' soluzzjoni tat-tilwim, għandha tintuża l-verżjoni bl-Ingliż ta' dan il-Ftehim.

Artikolu XIII

Dispożizzjonijiet Kumplimentari

1. Dan il-Ftehim huwa mingħajr ħsara għad-dritt tal-Istati Membri li jikkonkludu ftehimiet bilaterali mal-Afrika t’Isfel, filwaqt li jirrispetta l-kompetenzi tal-Istati Membri fuq naħa waħda u tal-Komunità fuq l-oħra, u safejn tali ftehimiet bilaterali huma kompletament konformi mal-għanijiet u t-termini tal-Ftehim preżenti. Ftehimiet bilaterali konklużi minn ċerti Stati Membri qabel id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim bejn il-Komunità u l-Afrika t'Isfel jistgħu jibqgħu japplikaw.

2. Dispożizzjonijiet biex jiġu artikolati dawn il-ftehimiet u l-Ftehim għandhom jiġu pproġettati fejn xieraq, skont il-kompetenzi rispettivi tal-Partijiet, u soġġetti għall-ftehim tal-partijiet ikkonċernati.

Artikolu XIV

Emendi u Status tal-Anness

1. Fuq it-talba ta' waħda mill-Partijiet, il-Partijiet jistgħu jikkonsultaw lil xulxin dwar emendi possibbli għal dan il-Ftehim, b'mod partikolari biex iqisu l-iżviluppi internazzjonali fil-qasam tas-salvagwardji nukleari.

2. Dan il-Ftehim jista' jkun emendat jekk il-Partijiet jiftiehmu hekk.

3. Kwalunkwe emenda għandha tidħol fis-seħħ fid-data li l-Partijiet jispeċifikaw, bi skambju bejniethom ta' noti diplomatiċi, għad-dħul tagħha fis-seħħ.

4. L-Anness għal dan il-Ftehim jifforma parti integrali minn dan il-Ftehim u jista' jiġi emendat skont il-paragrafi 1 sa 3 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu XV

Dħul fis-seħħ u perjodu ta' validità

1. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-aħħar notifika bil-miktub li l-proċeduri interni meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu tlestew mill-Partijiet.

2. Dan il-Ftehim għandu jibqa’ fis-seħħ għal perjodu ta’ għaxar snin. Sussegwentement, dan il-Ftehim għandu jiġġedded awtomatikament għal perjodi addizzjonali ta' ħames snin, sakemm, mill-inqas sitt xhur qabel l-iskadenza ta' tali perjodu addizzjonali, Parti ma tinnotifikax lill-Parti l-oħra dwar l-intenzjoni tagħha li ttemm il-Ftehim.

3. Minkejja s-sospensjoni, it-tmiem jew l-iskadenza ta' dan il-Ftehim jew ta' kwalunkwe kooperazzjoni hawn taħt għal kwalunkwe raġuni, l-obbligi fl-Artikoli III, IV, V, VI, VII, VIII, IX u X għandhom jibqgħu validi sakemm kwalunkwe materjal nukleari, materjal mhux nukleari jew tagħmir soġġett għal dawn l-Artikoli jibqa' fit-territorju tal-Parti l-oħra jew taħt il-ġurisdizzjoni jew kontroll tagħha fi kwalunkwe post jew sakemm jiġi stabbilit skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu IV li tali materjal nukleari ma jistax jintuża aktar, jew ma jistax jiġi rkuprat għall-ipproċessar f'forma li tista' tintuża, għal kwalunkwe attività nukleari rilevanti mil-lat tas-salvagwardji.

Magħmul fi       f’żewġ kopji bil-Bulgaru, biċ-Ċek, bid-Daniż, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ingliż, bl-Ispanjol, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bl-Olandiż, bit-Taljan, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven, bl-Isvediż, u bl-Ungeriż, fejn kull test huwa ugwalment awtentiku.

B’XHIEDA TA’ DAN, is-sottoskritti, awtorizzati kif xieraq għal dan, iffirmaw il-Ftehim preżenti.

Għall-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika F'isem ir-Repubblika tal-Afrika t'isfel

ANNESS A

Prinċipji ta' gwida dwar l-allokazzjoni ta' drittijiet ta' proprjetà intellettwali li jirriżultaw minn attivitajiet konġunti ta' riċerka fi ħdan il-Ftehim għall-Kooperazzjoni fil-użi paċifċi tal-enerġija nukleari

I. SJIEDA, ALLOKAZZJONI U EŻERĊITAR TAD-DRITTIJIET

1. Dan l-Anness għandu japplika għal attivitajiet ta' kooperazzjoni skont dan il-Ftehim sakemm mhux miftiehem mod ieħor mill-Partijiet. Il-parteċipanti għandhom jiżviluppaw b'mod konġunt pjanijiet ta’ ġestjoni tat-teknoloġija (technology management plans - TMPs) dwar is-sjieda u użu, inkluża l-pubblikazzjoni, ta’ informazzjoni u proprjetà intellettwali li jkollha tinħoloq waqt attivitajiet ta' kooperazzjoni. Dawk it-TMPs se jiġu approvati mill-Partijiet qabel il-konklużjoni ta' kwalunkwe kuntratt speċifiku ta' kooperazzjoni f'Riċerka u Żvilupp li jirreferu għalihom.

It-TMPs għandhom ikunu żviluppati billi jitqiesu l-għanijiet tal-attivitajiet ta' kooperazzjoni , il-kontribuzzjonijiet relattivi tal-parteċipanti, il-pekuljaretajiet tal-ħruġ tal-liċenzji skont it-territorju jew għal qasam speċifiku ta' użu, ir-rekwiżiti imposti bil-liġijiet applikabbli u fatturi oħra li l-parteċipanti jqisu bħala xierqa. Id-drittijiet u l-obbligi li jikkonċernaw ir-riċerka ġġenerata mir-riċerkaturi li jagħmlu ż-żjarat taħt dan il-Ftehim fir-rigward tal-RIA se jkunu indirizzati ukoll fit-TMPs konġunti.

2. L-RIA maħluqa matul l-attivitajiet ta' kooperazzjoni u mhux indirizzati fit-TMP għandhom jiġu allokati, bl-approvazzjoni tal-Partijiet, skont il-prinċipji stipulati fit-TMP. F'kaz ta' nuqqas ta' qbil, ikun hemm sjieda konġunta ta' dawn l-RIA mill-parteċipanti kollha involuti fir-riċerka konġunta minn fejn jirriżultaw l-RIA. Kull parteċipant li tapplika għalih din id-disposizzjoni jkollu d-dritt li juża dawn l-RIA għall-isfruttament kummerċjali tagħhom mingħajr limitazzjoni ġeografika.

3. Kull Parti trid tiżgura li l-Parti l-oħra u l-parteċipanti tagħha jkollhom id-drittijiet għall-RIA allokati lilhom skont dawn il-prinċipji.

4. Filwaqt li jinżammu l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fiż-żoni affettwati minn dan il-Ftehim, kull Parti għandha tiżgura li id-drittijiet miksuba skont dan il-Ftehim u l-arranġamenti li saru skont dan huma eżerċitati b'tali mod li jinkoraġġixxu b'mod partikolari:

(i) id-disseminazzjoni u l-użu tal-informazzjoni maħluqa, żvelata legalment, jew li saret disponibbli legalment b'xi mod ieħor, skont dan il-Ftehim;

(ii) l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ livelli tekniċi internazzjonali.

II. XOGĦLIJIET B'DRITTIJIET TAL-AWDITUR

Skont dan il-Ftehim, id-dritt tal-awtur tal-Partijiet jew tal-parteċipanti tagħhom jingħata trattament konsistenti mal-Konvenzjoni ta' Berne għall-protezzjoni ta' xogħol letterarju u artistiku (Att ta' Pariġi 1971).

III. XOGĦLIJIET LETTERARJI XJENTIFIĊI

Mingħajr ħsara għat-Taqsima IV ta' dan l-Anness, sakemm mhux miftiehem mod ieħor fit-TMP il-pubblikazzjoni tar-riżultati tar-riċerka jsiru b'konġunt mill-Partijiet jew parteċipanti ta' dawk l-attivitajiet ta' kooperazzjoni . Soġġett għal din ir-regola ġenerali, għandhom japplikaw l-proċeduri li ġejjin:

(a) fil-każ ta' pubblikazzjoni minn Parti jew parteċipanti oħra tagħha, ta' ġurnali, artikli, rapporti, kotba xjentifiċi jew tekniċi inklużi vidjows u softwer, tar-riżultati li jirriżultaw mill-attivitajiet ta' kooperazzjoni skont dan il-Ftehim, il-Parti l-oħra jew il-parteċipanti l-oħra tagħha jkunu intitolati għal liċenzja dinjija, mhux esklussiva, irrevokabbli u bla ħlas għad-drittijiet biex jittraduċu, jipproduċu, jadattaw, jittrasmettu u jiddistribwixxu pubblikament xogħlijiet bħal dawn;

(b) il-Partijiet għandhom jiżguraw li xogħlijiet letterarji ta' natura xjentifika li jirriżultaw minn attivitajiet ta' kooperazzjoni skont dan il-Ftehim u ppubblikati minn pubblikaturi indipendenti għandhom jiġu ddisseminati bl-aktar mod mifrux possibbli;

(ċ) il-kopji kollha ta' xogħol b'dritt tal-awtur li se jkun distribwit pubblikament u mħejji skont id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim ikollu jindika l-ismijiet jew il-psewdonimi tal-awtur(i) tax-xogħol sakemm l-awtur jew l-awturi ma jaċċettax/jaċċettawx li jissemma/jissemmew. Il-kopji għandhom ikollhom rikonixximent ċar u viżibbli tas-sostenn kooperattiv tal-Partijiet u/jew ir-rappreżentanti u/jew l-organizzazzjonijiet tagħhom.

IV. INFORMAZZJONI MHUX ŻVELATA

1. Informazzjoni dokumentarja mhux żvelata

(a) Kull Parti jew il-parteċipanti tagħha, kif xieraq, għandhom jidentifikaw, mill-aktar fis possibli u preferibbilment fit-TMP, l-informazzjoni li hi tixtieq li tibqa' mhux żvelata fir-rigward ta' dan il-Ftehim, filwaqt li jitqiesu, inter alia, il-kriterji li ġejjin:

- is-segretezza tal-informazzjoni fis-sens li din ma tkunx, fl-intier tagħha jew fil-konfigurazzjoni preċiża jew kombinazzjoni tal-komponenti tagħha, ġeneralment magħrufa fost l-esperti f'dak il-qasam jew tkun aċċessibbli, fil-pront, għalihom b'mezzi leċiti,

- il-valur kummerċjali attwali jew potenzjali tal-informazzjoni bis-saħħa tas-segretezza tagħha,

- protezzjoni preċedenti tal-informazzjoni fis-sens li kienet soġġetta għal modi li kienu raġonevoli taħt iċ-ċirkostanzi mill-persuna li legalment għandha l-kontroll li żżomm s-segretezza tagħha.

Il-Partijiet u l-parteċipanti tagħhom jistgħu, f'ċerti każijiet, jiftiehmu, li sakemm mhux indikat mod ieħor, partijiet mill-informazzjoni jew l-informazzjoni kollha pprovduta, skambjata jew maħluqa matul l-attivitajiet ta' kooperazzjoni skont il-Ftehim ma għandhomx jiġu żvelati.

(b) kull Parti għandha tiżgura li l-informazzjoni mhux żvelata taħt dan il-Ftehim u n-natura privileġġata tagħha tingħaraf mal-ewwel, b'tali mod, mill-Parti l-oħra, pereżempju bl-għajnuna ta' sinjal xieraq jew tifsira ristrettiva. Dan japplika ukoll għal kwalunke riproduzzjoni tat-tali informazzjoni, kollha kemm hi jew parti minnha;

Parti li tirċievi informazzjoni mhux żvelata skont dan il-Ftehim għandha tirrispetta n-natura privileġġata tagħha. Dawn il-limitazzjonijiet jintemmu awtomatikament meta din l-informazzjoni tiġi żvelata mis-sid mingħajr restrizzjonijiet lill-esperti fil-qasam;

(c) Informazzjoni mhux żvelata kkomunikata taħt dan il-Ftehim tista' tiġi ddisseminata mill-Parti li qed tirċievi, lil persuni fi ħdan jew impjegati mill-Parti li qed tirċievi, u dipartimenti jew aġenziji oħra kkonċernati fil-Parti li qed tirċievi awtorizzati għall-finijiet speċifiċi tal-attivitajiet ta' kooperazzjoni li jkunu qed jitwettqu, bil-kundizzjoni li kwalunkwe informazzjoni mhux żvelata ddiseminata b'dan il-mod tkun skont ftehim ta' kunfidenzjalità u tkun rikonoxxibbli fil-pront bħala tali, kif stipulat hawn fuq.;

(d) bil-kunsens minn qabel bil-miktub tal-Parti li qed tipprovdi informazzjoni mhux żvelata skont dan il-Ftehim, il-Parti li qed tirċievi tista' xxerred tali informazzjoni mhux żvelata b'mod aktar wiesa' milli kieku permess fil-paragrafu (c). Il-Partijiet għandhom jikkooperaw fl-iżvilupp ta' proċeduri għat-talba jew kisba ta' kunsens minn qabel bil-miktub għal tali disseminazzjoni usa', u kull Parti għandha tagħti tali approvazzjoni sal-limitu permissibbli skont il-politiki, regolamenti u l-liġijiet domestiċi tagħha.

2. Informazzjoni mhux dokumentarja mhux żvelata

Informazzjoni mhux dokumentarja mhux żvelata jew informazzjoni oħra kunfidenzali jew privileġġjata pprovvduta f'seminars u laqgħat oħra arranġati taħt dan il-Ftehim, jew informazzjoni li rriżultat mis-sekondar tal-persunal, l-użu tal-faċilitajiet, jew proġetti konġunti, se tkun trattata mill-Partijiet jew il-parteċipanti tagħhom skont il-prinċipji speċifikati għall-informazzjoni dokumentarja f'dan l-Anness, bil-kundizzjoni, madankollu, li r-riċevitur ta' tali informazzjoni mhux żvelata jew kunfidenzjali jew privileġġjata ikun konxju tan-natura kunfidenzali tal-informazzjoni kkommunikata fil-mument li saret tali komunikazzjoni.

3. Kontroll

Kull Parti għandha tipprova tiżgura li informazzjoni mhux żvelata li tirċievi skont dan il-Ftehim għandha tiġi kkontrollata kif previst hawnhekk. Jekk waħda mill-Partijiet issir konxja li hija mistennija, jew hija raġonevolment mistennija, li ma tkunx tista' tissodisfa d-dispożizzjonijiet dwar il-projbizzjoni tad-disseminazzjoni fil-paragrafi 1 u 2, din għandha tinforma l-Parti l-oħra minnufih. Il-Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin biex jiddeterminaw kif għandhom jipproċedu.

V. Karatteristiċi indikattivi ta' pjan dwar il-ġestjoni tat-teknoloġija (technology management plan - TMP)

It-TMP huwa ftehim speċifiku li għandu jkun konkluż bejn il-parteċipanti dwar l-implimentazzjoni ta' attivitajiet ta' kooperazzjoni u d-drittijiet u l-obbligi rispettivi tal-parteċipanti. Fir-rigward tal-RIA, it-TMP għandu normalment jindirizza, inter alia: is-sjieda, il-protezzjoni, id-drittijiet tal-utenti għall-finijiet ta' R & Ż, l-isfruttar u d-disseminazzjoni, inklużi l-arranġamenti għal pubblikazzjoni konġunta, id-drittijiet u l-obbligi ta' riċerkaturi viżitanti u l-proċeduri tas-soluzzjoni tat-tilwim. It-TMP jista' wkoll tindirizza l-informazzjoni ġdida u dik fl-isfond, il-liċenzjar u r-riżultati tanġibbli.

[1]               INFCIRC/540.