7.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 68/87


It-Tlieta 23 ta’ Ottubru 2012
Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: applikazzjoni EGF/2012/001 IE/Talk Talk

P7_TA(2012)0375

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ottubru 2012 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (l-applikazzjoni EGF/2012/001 IE/Talk Talk mill-Irlanda) (COM(2012)0423 – C7-0204/2012 – 2012/2157(BUD))

2014/C 68 E/17

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2012)0423 – C7-0204/2012),

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (1) (FII tas-17 ta' Mejju 2006), u b'mod partikulari l-punt 28 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2) (ir-Regolament FEG),

wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu stipulata fil-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006,

wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0322/2012),

A.

billi l-Unjoni Ewropea stabbiliet l-istrumenti leġiżlattivi u baġitarji adegwati biex jiġi pprovdut appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali dinjija u biex jiġu megħjuna jerġgħu jintegraw fis-suq tax-xogħol,

B.

billi l-kamp ta' applikazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) twessa’ għall-applikazzjonijiet imressqa mill-1 ta’ Mejju 2009 ’l quddiem biex jinkludi appoġġ għall-ħaddiema li jingħataw is-sensja b'riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali,

C.

billi l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u disponibbli malajr u b’mod effiċjenti kemm jista’ jkun, skont id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni fis-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-Ftehim Interistituzzjonali (FII) tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mmobilizzat il-FEG,

D.

billi l-Irlanda talbet għajnuna għal 592 sensja, li 432 minnhom huma fil-mira tal-għajnuna, f'Talk Talk Broadband Services (Ireland) Limited (minn hawn 'il quddiem "Talk Talk") u tlieta mill-fornituri tagħha fl-Irlanda,

E.

billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eliġibilità stabbiliti mir-Regolament FEG

1.

Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament FEG huma ssodisfati u li, għalhekk, l-Irlanda hija intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dan ir-Regolament;

2.

Jinnota li l-awtoritajiet Irlandiżi ressqu l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fid-29 ta' Frar 2012, akkumpanjata minn informazzjoni addizzjonali sal-15 ta' Mejju 2012, u li l-valutazzjoni tagħha saret disponibbli mill-Kummissjoni fis-27 ta' Lulju 2012; jilqa' l-fatt li l-proċess ta' evalwazzjoni u t-tressiq ta' informazzjoni addizzjonali min-naħa tal-Irlanda kienu rapidi u preċiżi;

3.

Jinnota li l-faċilità Talk Talk kienet tinsab fil-periferija tal-belt ta' Waterford fir-reġjun NUTS III fix-Xlokk tal-Irlanda, u li dan ir-reġjun b'mod persistenti kellu livelli ta' qgħad ogħla mill-medja meta mqabbel mal-bqija tal-pajjiż; barra minn hekk dan mar sproporzjonalment ħażin b'riżultat tal-kriżi finanzjarja u ekonomika, pereżempju mill-2007, ir-rata ta' qgħad tar-reġjun għoliet minn 4.9 % għal 18.2 % fl-2011 meta mqabbla mal-medja nazzjonali ta' 14.3 %;

4.

Jinnota li t-tkeċċijiet seħħew fir-reġjun tax-Xlokk fejn ir-rati ta' impjieg tiegħu naqsu minn 62.7 % għal 58.1 % tul il-perjodu 2007-2011 u għandu rata ta’ qgħad ogħla mill-medja tal-pajjiż;

5.

Jiddispjaċih dwar id-deċiżjoni ta’ Talk Talk li tifforma alleanzi ma’ tliet fornituri ewlenin mhux tal-UE fejn qed jiġi ttrasferit parti sinifikanti mix-xogħol, fatt li qed jirrifletti strateġija li hija ta’ detriment għall-impjiegi industrijali tal-UE u għall-istrateġija Ewropa 2020;

6.

Jinnota li kien hemm żewġ fażijiet ta' sensji preċedenti (April 2010 u April 2011) f'Talk Talk bi stima ta' 50 persuna kull darba; madankollu, dawn kienu meqjusa li jirrappreżentaw ristrutturar amministrattiv li jippermetti l-ġestjoni diretta tal-operat ta' Waterford mill-kwartieri ġenerali tar-Renju Unit; barra minn hekk kien hemm tnaqqis bi stima ta' 40 % fil-volum ta' sejħiet liċ-ċentru Talk Talk f'Waterford;

7.

Ifakkar fl-importanza li titjieb l-impjegabbiltà tal-ħaddiema kollha permezz ta' taħriġ adatt u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba tul il-karriera professjonali; jistenna li t-taħriġ offrut fil-pakkett koordinat ikun imfassal għal-livell u l-ħtiġijiet tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja, speċjalment billi l-maġġoranza ta' dawn il-ħaddiema kienu impjegati fil-qasam tas-servizzi għall-klijenti u l-appoġġ tekniku;

8.

Jiddispjaċih li Talk Talk iddeċidiet li tagħlaq is-sit ta' Waterford f’daqqa u ħalliet lill-ħaddiema 30 jum biss ta’ notifika mingħajr ma seta' jkun hemm lok għal diskussjoni adegwata dwar il-pjan tal-għoti tas-sensji u l-involviment tas-sħab soċjali; jiddispjaċih li ma kienu involuti l-ebda sħab soċjali fl-ippjanar u t-tfassil tal-applikazzjoni tal-FEG peress li ma kienet teżisti l-ebda trejdjunjin fil-livell ta’ Talk Talk; jinnota madankollu li l-ħaddiema kkonċernati ġew ikkonsultati b’mod dirett;

9.

Jilqa’ l-fatt li l-awtoritajiet Irlandiżi kienu diġà ddeċidew li jibdew l-implimentazzjoni tal-pakkett koordinat fis-7 ta’ Settembru 2011, ħafna qabel id-deċiżjoni tal-awtorità baġitarja dwar l-għoti tal-appoġġ;

10.

Jinnota li l-awtoritajiet Irlandiżi jilmentaw dwar ir-restrizzjonijiet taż-żmien għall-implimentazzjoni tal-FEG li jżommuhom milli jipprovdu korsijiet ta’ taħriġ li jaqbżu l-perjodu ta’ implimentazzjoni ta’ 24 xahar; jilqa’ l-fatt li tfassal kors ta’ baċċillier aċċelerat għall-ħaddiema speċifikati li jindirizza l-iskarsezzi ta’ ħiliet identifikati u li jista’ jiġi konkluż fi ħdan il-perjodu ta’ implimentazzjoni tal-FEG;

11.

Jenfasizza l-fatt li għandhom jinsiltu tagħlimiet mit-tħejjija u l-implimentazzjoni ta' din l-applikazzjoni u oħrajn li jindirizzaw sensji tal-massa;

12.

Jiddispjaċih li r-regolament FEG jippermetti li l-appoġġ mill-FEG jieħu post il-ħlasijiet tal-assistenza soċjali previsti skont il-liġi nazzjonali; jenfasizza li l-FEG għandu jiġi allokat primarjament għat-taħriġ u t-tiftix ta' impjieg kif ukoll għal programmi ta' orjentament professjonali u l-promozzjoni tal-intraprenditorija, filwaqt li jaġixxi b'mod komplementari għall-istituzzjonijiet nazzjonali u ma jiħux post benefiċċji għall-qgħad jew kwalunkwe ħlasijiet oħra ta' assistenza soċjali li huma r-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet nazzjonali skont il-liġijiet nazzjonali;

13.

Jitlob lill-istituzzjonijiet involuti jagħmlu l-isforzi neċessarji biex itejbu l-arranġamenti proċedurali u baġitarji sabiex jaċċeleraw il-mobilizzazzjoni tal-FEG; japprezza l-proċedura mtejba li ddaħħlet fis-seħħ mill-Kummissjoni, wara t-talba tal-Parlament biex jitħaffef ir-rilaxx tal-għotjiet, bl-għan li tiġi ppreżentata lill-awtorità baġitarja l-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eliġibilità ta' applikazzjoni għall-FEG flimkien mal-proposta biex jiġi mmobilizzat il-Fond; jittama li jiġi integrat aktar titjib fil-proċedura fir-Regolament dwar l-FEG (2014-2020) il-ġdid u li jinkisbu effiċjenza, trasparenza u viżibbiltà akbar tal-FEG;

14.

Ifakkar fl-impenn li għandhom l-istituzzjonijiet li jiżguraw proċedura rapida u bla xkiel għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG, biex jiġi pprovdut appoġġ individwali ta’ darba u limitat fiż-żmien, immirat biex jgħin lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja minħabba l-globalizzazzjoni u l-kriżi finanzjarja u ekonomika; jenfasizza r-rwol li jista' jkollu l-FEG fir-reintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja;

15.

Jenfasizza li, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament dwar il-FEG, għandu jkun żgurat li l-FEG jappoġġa r-reintegrazzjoni fix-xogħol fuq tul ta' żmien twil ta' ħaddiema individwali li jkunu ngħataw is-sensja; barra dan jenfasizza li l-assistenza mill-FEG tista' tikkofinanzja biss miżuri għas-suq tax-xogħol attivi li jwasslu għal impjiegi fit-tul; itenni li l-għajnuna mill-FEG m'għandhiex tieħu post azzjonijiet li huma r-responsabilità tal-kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi, u lanqas ma għandha tissostitwixxi miżuri għar-ristrutturar ta’ kumpaniji jew setturi; jiddeplora l-fatt li l-FEG jista’ jipprovdi inċentiv għall-kumpaniji sabiex jissostitwixxu l-forza tax-xogħol kuntrattwali tagħhom b’ħaddiema oħra aktar flessibbli u għal perjodu ta' żmien qasir;

16.

Jinnota li l-informazzjoni pprovduta dwar il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati li għandu jiġi ffinanzjat mill-FEG tinkludi informazzjoni dwar il-komplementarjetà ma' azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta evalwazzjoni komparattiva ta’ dik id-data fir-rapporti annwali tagħha sabiex ikun żgurat ir-rispett sħiħ tar-regolamenti eżistenti u li ma jkunx jista' jkun hemm duplikazzjoni tas-servizzi ffinanzjati mill-Unjoni;

17.

Jilqa' l-fatt li wara talbiet ripetuti mill-Parlament, il-baġit tal-2012 juri approprjazzjonijiet ta' pagament ta' EUR 50 000 000 fil-linja baġitarja 04 05 01 tal-FEG; ifakkar li l-FEG inħoloq bħala strument speċifiku separat bl-objettivi u bl-iskadenzi tiegħu stess, u li għalhekk jistħoqqlu allokazzjoni ddedikata, li tevita trasferimenti minn linji baġitarji oħra, kif ġara fil-passat, li jistgħu jkunu ta' ħsara għall-ilħuq tal-objettivi tal-politika tal-FEG;

18.

Jiddispjaċih dwar id-deċiżjoni tal-Kunsill li jibblokka l-estensjoni tad-"deroga marbuta mal-kriżi" li tippermetti l-għoti ta' assistenza finanzjarja lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali flimkien ma’ dawk li tilfu l-impjieg tagħhom minħabba bidliet fix-xejriet kummerċjali dinjija, u li tippermetti żieda fir-rata ta’ kofinanzjament tal-Unjoni għal 65 % tal-ispejjeż tal-programm, għall-applikazzjonijiet ippreżentati wara l-iskadenza tal-31 ta' Diċembru 2011, u jitlob lill-Kunsill jerġa’ jintroduċi din il-miżura mingħajr dewmien;

19.

Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

20.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

21.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(2)  ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.


It-Tlieta 23 ta’ Ottubru 2012
ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (applikazzjoni EGF/2012/001 IE/Talk Talk mill-Irlanda)

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni 2012/685/UE.)