7.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 68/63


It-Tlieta 23 ta’ Ottubru 2012
Baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013 - it-taqsimiet kollha

P7_TA(2012)0359

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ottubru 2012 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013 - it-taqsimiet kollha (12749/2012 – C7-0233/2012 – 2012/2092(BUD))

2014/C 68 E/09

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom tas-7 ta' Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (1),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2),

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2012 dwar il-linji gwida ġenerali għat-tħejjija tal-baġit - Taqsima III - il-Kummissjoni (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Marzu 2012 dwar l-estimi tad-dħul u tal-infiq tal-Parlament Ewropew għas-sena finanzjarja 2013 (5),

wara li kkunsidra l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013 adottat mill-Kummissjoni fil-25 ta' April 2012 (COM(2012)0300),

wara li kkunsidra ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2012 dwar il-mandat għat-trilogu dwar l-abbozz tal-baġit 2013 (6),

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tat-28 ta’ Ġunju 2012 li jinħoloq "Patt għal Tkabbir u Impjiegi",

wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, adottat mill-Kunsill fl-24 ta' Lulju 2012 u li ntbagħat lill-Parlament Ewropew fl-14 ta' Settembru 2012 (12749/2012 – C7-0233/2012),

wara li kkunsidra l-ittra emendatorja Nru 1/2013 għall-abbozz ta' baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013 ippreżentata mill-Kummissjoni fid-19 ta' Ottobru 2012,

wara li kkunsidra l-Artikolu 75b tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits u l-opinjonijiet tal-kumitati interessati l-oħra (A7-0311/2012),

A.

billi l-prijoritajiet espressi fl-opinjonijiet mogħtija mill-kumitati speċjalizzati tiegħu, kif ukoll dawk li ħarġu matul il-laqgħat mar-Rapporteurs speċjalizzati fil-kwistjonijiet baġitarji, kemm jista' jkun tqiesu f'din ir-riżoluzzjoni u fil-votazzjoni tal-Parlament dwar l-emendi għall-baġit,

Taqsima III

1.

Ifakkar li l-prijoritajiet tiegħu għall-baġit 2013, kif dettaljati fir-riżoluzzjoni tiegħu msemmija hawn fuq tal-4 ta' Lulju 2012, dwar il-mandat għat-trilogu, jikkonsistu minn appoġġ għat-tkabbir sostenibbli, kompetittività u impjieg, b'mod partikolari għall-SMEs u ż-żgħażagħ; jinnota għal darb'oħra li l-abbozz tal-baġit tal-Kummissjoni (AB) jirrifletti l-prijoritajiet tal-Parlament fir-rigward tal-programmi u l-inizjattivi li jridu jissaħħu favur dawn l-objettivi;

2.

Huwa konxju sew tad-diffikultajiet kbar li joħorġu mill-qagħda tal-ekonomiji nazzjonali u tal-bżonn ta' qari responsabbli u realistiku; madankollu ma jistax jaċċetta l-approċċ skont liema l-baġit tal-UE jsir is-sors għal tfaddil possibbli bl-istess proporzjon u loġika applikati għall-baġits nazzjonali minħabba d-differenza sostanzjali tagħhom f'sens ta' natura, objettivi u struttura; jenfasizza li t-tnaqqis ta' riżorsi tal-UE ċertament jirriżulta f'nuqqas ta' investiment u likwidità fl-Istati Membri, b'hekk jiġu aggravati l-problemi li jaffaċċaw;

3.

Jenfasizza li l-baġit tal-UE għandu jitqies bħala strument kumplimentari ta' appoġġ għall-ekonomiji tal-Istati Membri, li kapaċi jikkonċentra inizjattivi u investiment f'oqsma li jkunu strateġiċi għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi u li jipprovdi effett ta' lieva fis-setturi li mhumiex marbutin ma' fruntieri nazzjonali; jenfasizza li tali rwol isir leġittimu mill-istess Stati Membri li, flimkien mal-Parlament, huma responsabbli għad-deċiżjonijiet li minnhom toħroġ il-maġġoranza tal-liġijiet tal-UE;

4.

Jenfasizza l-effetti sinerġetiċi qawwija tal-baġit tal-UE u b'hekk il-kontribut kontinwu tiegħu għat-tnaqqis fl-ispejjeż; jemmen li permezz ta' rieda politika qawwija biżżejjed min-naħa tal-Istati Membri jista' jsir saħansitra iktar tifdil;

5.

Ifakkar li l-2013 hija l-aħħar sena tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali attwali (QFP), li tagħmilha tal-akbar importanza li jintlaħaq bilanċ bejn l-impenji li ttieħdu s'issa u l-pagamenti li jirriżultaw minnhom u li għandhom bżonn isiru, il-kredibilità istituzzjonali tal-UE li hija kkonċernata kif ukoll il-konsegwenzi legali possibbli għall-Kummissjoni jekk ikun hemm rimborżi neqsin għal talbiet ta' pagamenti leġittimi;

6.

Għalhekk jiddeplora d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li din is-sena terġa' tipproċedi bl-approċċ tas-soltu ta' tnaqqis orizzontali fl-Abbozz ta’ Baġit, li timmira li, b'kollox, tnaqqas b'mod artifiċjali l-livell tar-riżorsi tal-UE għall-2013 b'EUR 1 155 miljun (- 0,8 %) f'approprjazzjonijiet ta' impenn (AI) u b'EUR 5 228 miljun (- 3,8 %) f'approprjazzjonijiet ta' pagament (PA) meta mqabbel mal-Abbozz ta’ Baġit, li jwassal għalhekk għal żieda modesta ħafna meta mqabbel mal-baġit tal-2012 kemm f'impenji (+ 1,27 % meta mqabbla mat-2 % of the DB) kif ukoll f'pagamenti (+ 2,79 % meta mqabbla mas-6,8 % tal-Abbozz ta’ Baġit);

7.

Jinsab sorpriż li, f'dan l-eżerċizzju, il-Kunsill ma qiesx l-aħħar previżjonijiet tal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-programm, ibbażati fuq stimi tal-istess Stati Membri, li fuq naħa jenfasizzaw b'mod ċar oqsma ta' prestazzjoni żejda fejn fl-2012 diġà kien hemm bżonn ta' rinforzi u fuq in-naħa l-oħra jwissu dwar ir-riskju kbir ta' nuqqas ta' pagamenti, b'mod partikolari taħt l-Intestaturi 1a, 1b u 2; f'dan il-kuntest ifakkar fl-ittra tal-President Barroso, indirizzata lis-27 Stat Membru f'Lulju 2012, fejn esprima t-tħassib tiegħu dwar it-tnaqqis li sar fl-Abbozz ta’ Baġit permezz tal-qari tal-Kunsill, li b'riżultat ta' dan hemm riskju li ma jkunx hemm disponibbli biżżejjed fondi biex jippermettu lill-UE li tħallas id-djun tagħha;

8.

Jenfasizza li l-proċeduri attwali għall-valutazzjoni tal-bżonnijiet reali ta' approprjazzjonijiet ta' ħlas bejn l-amministrazzjonijiet rilevanti fl-Istati Membri u s-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni jsiru mingħajr l-ebda trasparenza; jemmen bis-saħħa li dawn il-proċeduri għandhom impatt negattiv fuq il-kwalità tar-riżultat finali, fuq il-livell tal-informazzjoni li tilħaq mhux biss lill-gvernijiet innifishom iżda wkoll lill-parlamenti nazzjonali u lill-Parlament Ewropew, u fuq in-negozjati bejn iż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja;

9.

Jinnota li t-tnaqqis tal-Kunsill huwa mifrux fuq l-intestaturi kollha, imma li l-Intestaturi 1a u 1b kienu affettwati b'mod partikolari fir-rigward ta' pagamenti (-EUR 1.9 biljun u -EUR 1.6 biljun rispettivament meta mqabbla mal-Abbozz ta’ Baġit), jiġifieri l-intestaturi fejn jinsabu l-maġġoranza tal-programmi u l-inizjattivi responsabbli għat-twettiq tal-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020; iwissi li tali approċċ iqiegħed il-kisba tal-impenji meħuda preċedentement f'riskju u b'konsegwenza it-twettiq tal-prijoritajiet tal-UE deċiżi b'mod konġunt;

10.

Jenfasizza li dan it-tnaqqis imur għal kollox kontra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Ġunju, li identifika l-baġit tal-UE bħala "katalist għat-tkabbir u impjiegi mal-Ewropa kollha" u ddeċieda li r-riżorsi, inklużi EUR 55 biljun li ġejjin mill-Fondi Strutturali, iridu jikkonċentraw fuq miżuri li jżidu t-tkabbir; iqis li tali deċiżjoni, meħuda fl-ogħla livell politiku tal-UE, għandha bżonn tissarraf f'livell suffiċjenti ta' pagamenti għall-2013 favur programmi u azzjonijiet li jkunu l-bażi ta' din il-prijorità;

11.

Imur kontra l-argument tal-Kunsill li dan it-tnaqqis jikkorrispondi għal programmi sottoimplimentati jew bi prestazzjoni baxxa għax jaffettwa wkoll programmi li juru rati ta' implimentazzjoni eċċellenti (eż. il-Programm tat-Tagħlim tul il-Ħajja u l-Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP) taħt l-Intestatura 1a u l-objettiv tal-Kompetittività u l-Impjieg taħt l-Intestatura 1b), filwaqt li ma jmissx ma' oqsma li qed jesperjenzaw sottoimplimentazzjoni; jenfasizza li tali kriterji jinjoraw kompletament il-karattru pluriennali tal-politiki tal-UE, u b'mod partikolari tal-politika ta' koeżjoni, karatterizzati minn profil ta' pagamenti li dejjem jogħla lejn tmiem il-QFP;

12.

Jinnota li t-tnaqqis sostanzjali fil-livell ta' pagamenti meta mqabbel ma' dak stabbilit mill-Kunsill loġikament jirriżulta f'żieda akbar fl-impenji pendenti fit-tmiem tas-sena permezz ta’ żieda fil-qabża bejn l-AI u l-AP b’EUR 4.1 biljun, speċjalment meta wieħed iqis li l-akbar ishma tal-impenji pendenti għandhom x’jaqsmu mal-politika ta' koeżjoni (65,6 %) u mas-setturi tar-riċerka u l-iżvilupp (10,5 %), li huma ż-żewġ oqsma li qed isofru mit-tnaqqis;

13.

Fuq il-bażi tad-data ppreżentata mill-Kummissjoni fil-laqgħa interistituzzjonali dwar il-pagamenti tas-26 ta' Settembru 2012, jiddubita kemm iż-żieda ta' 6,8 % fil-pagamenti proposta mill-Abbozz ta’ Baġit tista' tkun biżżejjed biex tkopri r-rimborżi tat-talbiet għal pagament mistennija mill-Istati Membri taħt l-intestaturi varji – u b'mod partikolari għall-Intestaturi 1a u 1b – fin-nuqqas ta' baġit emendatorju li jkopri l-bżonnijiet tal-pagamenti għall-2012; għalhekk se jirrifjuta kwalunkwe sforz biex jitnaqqas il-livell ta' approprjazzjonijiet ta' pagament meta mqabbel mal-proposta tal-Abbozz ta’ Baġit;

14.

Minħabba l-esperjenza tas-snin riċenti, ma jqisx id-dikjarazzjoni ta' pagamenti proposta mill-Kunsill fil-qari tiegħu bħala garanzija biżżejjed li eventwalment se jsir disponibbli livell adegwat ta' pagamenti għall-intestaturi kollha; jieħu l-approċċ ġenerali, għalhekk, li jerġa' jġib kif kienu, fil-livell tal-Abbozz ta' Baġit, il-pagamenti mnaqqsa mill-Kunsill fl-intestaturi kollha u li jżid l-approprjazzjonijiet ta' pagament iktar minn dawk fl-Abbozz ta' Baġit fuq numru ta' linji magħżula karatterizzati minn livelli għolja ta' implimentazzjoni f'kull intestatura, b'mod partikolari l-Intestaturi 1a u 4, biex jiġu koperti l-ħtiġijiet reali tal-programmi korrispondenti, kif identifikati mill-Kummissjoni;

15.

Jagħti l-mandat lid-delegazzjoni tiegħu biex il-konċiljazzjoni dwar il-Baġit 2013 ma taċċetta l-ebda livell ta' pagament, kemm għall-Baġit emendatorju Nru 6/2012 kif ukoll għall-Baġit 2013, li ma jkoprix bis-sħiħ il-pagamenti meħtieġa għall-2012 u l-2013, bħal dawk stmati mill-Kummissjoni;

16.

Jitlob lill-Istati Membri jiżguraw li l-istimi li qed jibagħtu lill-Kummissjoni - u li fuqhom il-Kummissjoni qed tistabbilixxi l-proposti tagħha dwar il-pagamenti - jiġu verifikati u ċertifikati fil-livell politiku adegwat f'kull Stat Membru;

17.

Jiddispjaċih li l-Kunsill, fir-rigward tal-impenji, tbiegħed b'mod sostanzjali (b'kollox b'EUR 2.15 biljun) miċ-ċifri tal-programmazzjoni finanzjarja, li rriżultaw minn deċiżjoni konġunta mal-Parlament fil-bidu tal-perjodu ta' programmazzjoni, kif ukoll li l-Kunsill injora kompletament il-prijoritajiet tal-Parlament, kif espressi fil-mandat tal-Parlament għat-trilogu; ifakkar li l-qari tal-Parlament minflok huwa bbażat fuq il-punti ta' riferiment li joħorġu mil-mandat, u huwa koerenti magħhom;

18.

Jenfasizza li t-tweġiba għall-kriżi għandha tkun iktar Ewropa u mhux inqas Ewropa, sabiex jerġgħu jibdew l-investiment, jiżdied il-ħolqien tal-impjiegi u jgħin biex tinbena mill-ġdid il-fiduċja fl-ekonomija; diġà kien kritiku fir-rigward tal-iffriżar tal-approprjazzjonijiet ta' impenn fl-Abbozz ta' Baġit adottat mill-Kummissjoni kif enfasizzat fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-4 ta' Lulju 2012 imsemmija hawn fuq dwar il-mandat tat-trilogu, u għalhekk ma jistax jaċċetta d-deċiżjoni tal-Kunsill li jnaqqashom ulterjorment għal 1,27 % meta mqabbla mal-baġit għall-2012; ifakkar li l-impenji jirriflettu l-prijoritajiet politiċi tal-UE u għandhom jiġu stabbiliti b'kunsiderazzjoni ta' prospettiva għaż-żmien twil meta d-diffikultajiet ekonomiċi jistgħu jkunu għaddew; għandu l-intenzjoni li jżid l-approprjazzjonijiet ta' impenn iktar minn dawk fl-Abbozz ta' Baġit fuq numru ta' linji baġitarji magħżula li huma direttament relatati mal-prestazzjoni tal-prijoritajiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 u f'konformità mal-prijoritajiet tradizzjonali tal-Parlament;

19.

Jistabbilixxi, għalhekk, il-livell globali ta’ approprjazzjonijiet għall-2013 għal EUR 151 151,84 u EUR 137 898,15 miljun f’approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament rispettivament;

Intestatura 1a

20.

Jiddispjaċih li, għalkemm din hija l-intestatura prinċipali għall-prestazzjoni tal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020, l-Intestatura 1a qed iġġarrab prattikament it-tnaqqis kollu tal-Kunsill fl-impenji (- 2,9 % f'paragun mal-Abbozz ta' Baġit) fl-Intestatura 1 u hija l-iktar waħda milquta fir-rigward tat-tnaqqis fil-pagamenti (-EUR 1.9 biljun jew - 14 % f'paragun mal-Abbozz ta' Baġit); jiddeċiedi li jneħħi t-tnaqqis kważi kollu mill-Kunsill u li jsaħħaħ iktar minn fl-Abbozz ta' Baġit l-approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament f'numru ta' linji magħżula li huma direttament marbuta mal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 u kkaratterizzati minn livelli għolja ta' implimentazzjoni u kapaċità qawwija ta' assorbiment;

21.

Jiddispjaċih ħafna li, minflok żdiedu l-approprjazzjonaijiet għas-Seba' Programm Kwadru u lill-Programm Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni, il-Kunsill iddeċieda li jnaqqas il-proposta tal-Kummissjoni dwar linji baġitarji korrispondenti, li jikkontradixxi b'mod ċar id-deċiżjoni riċenti tal-Kunsill Ewropew li jinħoloq "Patt għal Tkabbir u Impjiegi" li jappoġġja, fost affarijiet oħra, ir-riċerka u l-iżvilupp, l-innovazzjoni u l-impjiegi; jenfasizza l-prestazzjonijiet tajbin ħafna ta' dawn il-programmi, li dwarhom il-Kummissjoni rrapurtat implimentazzjoni aċċellerata fl-2012 f'paragun mas-sena preċedenti;

22.

Iqis li l-Programm Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni hu wieħed mill-prestaturi prinċipali tal-Istrateġija Ewropea 2020 u huwa għodda essenzjali biex ikun iffaċilitat l-aċċess għall-finanzi, b'mod partikolari għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju li jkunu innovattivi; jiddeċiedi, għalhekk, li jżid l-approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament favur il-Programm għall-Intrapreditorjat u l-Innovazzjoni u l-Programm Enerġija Intelliġenti – Ewropa, żewġ programmi tal-Programm Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni, kif ukoll, f'konformità mad-domandi li qed jiżdiedu min-naħa tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju li jiżdiedu kemm l-approprjazzjonijiet ta' impenn kif ukoll dawk ta' pagament għall-istrumenti finanzjarji taħt dan il-programm;

23.

Jieħu nota tal-proposta tal-Kummissjoni li l-ispejjeż addizzjonali għall-ITER jiġu koperti permezz ta' ffrankar mill-prestazzjoni li jirriżulta prinċipalment minn impriżi konġunti u mill-infiq amministrattiv tal-Seba' Programm Kwadru; ifakkar fil-valur miżjud tar-riċerka ffinanzjata mill-UE u fir-rwol kruċjali tagħha biex jintlaħqu l-miri ta' tkabbir, kompetittività u impjiegi minquxa fl-Istrateġija Ewropa 2020; jiddeċiedi għalhekk, f'konformità mad-Dikjarazzjoni Interistituzzjonali ta' Diċembru 2011, li jikkumpensa parzjalment għal dan it-tnaqqis billi jistabbilixxi impenji iktar minn dawk fl-Abbozz ta' Baġit fuq numru ta' linji operattivi magħżula tas-Seba' Programm Kwadru li fuqhom hija bbażata b'mod dirett l-Istrateġija Ewropa 2020 u li huma kkaratterizzati minn livelli eċċellenti ta' implimentazzjoni u kapaċità qawwija ta' assorbiment; jipproponi li dan il-kumpens parzjali 'l fuq mill-marġni disponibbli jiġi ffinanzjat permezz tal-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta' Flessibilità għal ammont ta' EUR 50 miljun;

24.

Jenfasizza l-valur miżjud sostanzjali tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja u l-Programm Erasmus Mundus, li, għal allokazzjoni finanzjarja modesta, jipprovdu profitti kbar f'termini ta' implimentazzjoni effettiva u xbiha pożittiva tal-Unjoni fir-rigward taċ-ċittadini tagħha; jiddeċiedi, f'konformità mal-pożizzjoni stabbilita fl-aħħar proċeduri baġitarji, li jżid l-approprjazzjonijiet kemm ta' impenn kif ukoll ta' pagament għal dawn il-programmi iktar minn dawk fl-Abbozz ta' Baġit, b'kunsiderazzjoni tal-kapaċità għolja tagħhom ta' assorbiment;

25.

Jiddeplora l-qtugħ fil-pagamenti (-EUR 23 miljun meta mqabbel mal-Abbozz ta' Baġit) min-naħa tal-Kunsill li jaffettwa l-appoġġ finanzjarju għal proġetti ta' interess komuni fin-Netwerk trans-Ewropew tat-trasport; jenfasizza li dan il-programm, permezz ta' investiment f'infrastrutturi Ewropej ta' valur miżjud, huwa essenzjali sabiex tiżdied il-kompetittività tal-UE kollha kemm hi u jikkontribwixxi direttament għat-tkabbir u l-impjieg; jenfasizza li l-programm għandu prestazzjoni tajba f'termini ta' implimentazzjoni, u li s-sena 2013 se tkun kruċjali peress li għandha ssir it-tħejjija għad-dħul fis-seħħ tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa; jiddeċiedi għalhekk li jżomm il-livell ta' impenji u ta' pagamenti propost fl-AB;

26.

Jagħżel li jerġa’ jġib kif kienu l-ħlasijiet tal-AB għall-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG); jenfasizza l-fatt li jekk jinġiebu kif kienu l-approprjazzjonijiet ta' pagament, dan jevita trasferimenti minn linji baġitarji oħra, u l-ammont approprjat jirrappreżenta l-ammont minimu kkunsmat mill-FEG fl-ewwel ftit xhur tas-sena;

Intestatura 1b

27.

Jiddispjaċih bis-saħħa dwar it-tnaqqis sostanzjali fil-pagamenti (-EUR 1.6 biljun jew - 3,3 % f'paragun mal-Abbozz ta' Baġit) li sar mill-Kunsill u li jolqot l-objettiv tal-Kompetittività Reġjonali u l-Impjiegi (- 12,9 %), l-objettiv tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (- 18,7 %) u l-Fond ta' Koeżjoni (- 4,7 %), li, jekk adottat żgur li jfixkel it-twettiq korrett ta’ proġetti matul l-aħħar sena tal-perjodu ta’ programmar, b’konsegwenzi drammatiċi speċjalment għall-Istati Membri li diġà jinsabu fi problemi soċjali, ekonomiċi u finanzjarji; billi jiżdied b'mod sostanzjali l-livell ta' impenji pendenti; jinnota minflok li l-objettiv ta' konverġenza ma saritlu prattikament ebda bidla;

28.

Ifakkar li l-livell għoli ta' pagamenti fl-Abbozz ta’ Baġit għal din l-intestatura (+ 8,1 %) ġej mill-impenji li ttieħdu fil-passat, li jeħtieġ li jiġu onorati fi tmiem il-perjodu ta' programmazzjoni f'konformità maċ-ċiklu ta' ħajja normali tal-Fondi Strutturali; jenfasizza li approċċ aktar realistiku mill-Kunsill fir-rigward tal-ħtiġijiet reali ta' pagamenti f'din l-intestatura fil-proċeduri baġitarji riċenti tal-UE kien jippermetti perċentwal ħafna iktar baxx ta' żieda fil-pagamenti;

29.

Ifakkar fid-dubji espressi fil-mandat tiegħu għat-trilogu fir-rigward ta' jekk il-livell propost fl-Abbozz ta’ Baġit hux se jkun biżżejjed biex jingħata rimborż għat-totalità tat-talbiet mistennija għal pagament fin-nuqqas ta' baġit emendatorju din is-sena; jenfasizza li l-istess proposta tal-Kummissjoni hija bbażata fuq is-suppożizzjoni li l-ħtiġijiet kollha ta' pagamenti mis-snin preċedenti sal-2012 huma koperti;

30.

Jirrifjuta t-tnaqqis introdott mill-Kunsill fl-Intestatura 1b, liema tnaqqis iwassal għal nuqqas ħafna iktar serju fil-pagamenti milli diġà huwa mistenni u jkun ta' tfixkil għar-rimborż ta' riżorsi minfuqa diġà lill-Istati Membri u reġjuni benefiċjarji, b'konsegwenzi serji speċjalment għal dawk l-Istati Membri li diġà jinsabu fi problemi soċjali, ekonomiċi u finanzjarji; jindika għal darba oħra li din l-intestatura hija responsabbli għal żewġ terzi tal-impenji pendenti attwali u li t-tnaqqis fil-livell ta' pagamenti għall-2013 iwassal ukoll għal żieda qawwija fl-impenji pendenti sal-aħħar tas-sena d-dieħla; jitlob għalhekk lill-Kummissjoni tippreżenta analiżi dwar is-sitwazzjoni tal-impenji pendenti u strateġija soda dwar kif għandu jitnaqqas il-livell tal-impenji pendenti; jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi lill-Parlament b'informazzjoni ta' kull xahar dwar is-sitwazzjoni b'rabta mar-rimborżi mitluba, skont l-Istat Membru u l-Fond;

31.

Ma jikkunsidrax id-dikjarazzjoni tal-Kunsill li titlob lill-Kummissjoni tippreżenta abbozz ta' baġit emendatorju f'każ ta' pagamenti insuffiċjenti fl-Intestatura 1b bħala garanzija suffiċjenti li se jkun hemm disponibbli livell adegwat ta' pagamenti fl-2013, peress li impenji simili kienu diġà ttieħdu u ġew skartati mill-Kunsill fl-aħħar sentejn; jitlob lill-Presidenza tal-Kunsill tagħmel dikjarazzjoni pubblika u tispjega d-diskrepanza bejn l-istima tal-Kunsill b'rabta mal-pagamenti u l-bżonnijiet reali tal-Istati Membri, kif espressi fl-istimi tagħhom;

32.

Jiddeċiedi, għalhekk, li jerġa' jġib kif kien l-Abbozz ta’ Baġit kemm fir-rigward tal-impenji kif ukoll tal-pagamenti fil-linji baġitarji kollha mnaqqsa mill-Kunisll f'din l-intestatura, u li jżid l-approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament għal livell ogħla mill-Abbozz ta’ Baġit għall-assistenza teknika għall-Istrateġija tal-Baħar Baltiku;

33.

Iħeġġeġ lill-Kunsill jaqbel dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 6/2012 ippreżentat mill-Kummissjoni bl-għan li jingħata kumpens għan-nuqqas ta' approprjazzjonijiet ta' pagament din is-sena u biex jiġi evitat l-imblukkar tal-eżekuzzjoni ta' proġetti operattivi fi tmiem il-perjodu ta' programmazzjoni; jagħti l-mandat lid-delegazzjoni tiegħu fil-qafas tan-negozjati mal-Kunsill, jekk il-Kunsill ma jkunx lest japprova l-ABE b'mod sħiħ, biex possibilment iżid l-approprjazzjonijiet ta' pagament bl-ammont irrifjutat mill-Kunsill, billi jqassmu pro rata fost il-linji operattivi kollha tal-Intestatura 1b;

Intestatura 2

34.

Iqis li l-estimi tal-Kummissjoni rigward il-ħtiġijiet baġitarji huma aktar realistiċi miċ-ċifri previsti mill-Kunsill, partikolarment fid-dawl tal-pagamenti imminenti; għalhekk ireġġa' lura t-tnaqqis li għamel il-Kunsill f'din l-Intestatura għal livell ta' EUR 60 307,51 miljun, li huwa 0,6 % ogħla mill-baġit 2012;

35.

Jirrimarka li l-ittra emendatorja tradizzjonali li tirrigwarda l-agrikoltura u li għandha tiġi ppreżentata f'Ottubru 2012 se taġġusta l-estimi attwali għal valutazzjoni aktar preċiża tal-bżonnijiet reali; jiġbed l-attenzjoni għal-livell finali tad-dħul assenjat li għandu jkun disponibbli fl-2013 (il-korrezzjoni tal-approvazzjoni tal-konformità, l-irregolaritajiet u l-imposta speċjali tal-ħalib) li fl-aħħar mill-aħħar se jistabbilixxi l-livell ta' approprjazzjonijiet ġodda li għandhom jiġu adottati fil-Baġit 2013; jistma li l-marġni attwali ta' EUR 981,5 miljun għandu jkun biżżejjed biex ikopri l-bżonnijiet f'din l-intestatura fin-nuqqas ta' ċirkostanzi mhux previsti;

36.

Jistieden lill-Kummissjoni żżid l-isforzi tagħha biex tiddefinixxi prijoritajiet ċari taħt din l-Intestatura li jiffavorixxu s-sistemi agrikoli sostenibbli li jippreservaw il-bijodiversità, jipproteġu r-riżorsi tal-ilma u l-fertilità tal-ħamrija, jirrispettaw il-benessri tal-annimali u jappoġġaw l-impjieg;

37.

Jiċħad iż-żieda fil-linja tan-nefqa hekk imsejħa negattiva (approvazzjoni tal-kontijiet) peress li din tidher li ġiet stabbilita f'livell artifiċjalment għoli meta mqabbla mal-approprjazzjonijiet fl-Intestatura 2, u jerġa' jġib kif kienet parzjalment il-proposta tal-Kummissjoni, ħaġa li tagħmel possibbli approċċ aktar realistiku;

38.

Jikkonferma l-impenn tiegħu li jieħu azzjoni rigward il-prevenzjoni tal-kriżijiet fis-settur tal-frott u l-ħaxix u rigward ir-rispons għalihom, u għalhekk jappoġġa livell adegwat għall-gruppi ta' produtturi għal rikonoxximent preliminari; jargumenta favur żieda suffiċjenti tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-fond għall-kriżijiet fil-fondi operattivi għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi;

39.

Jipprevedi appoġġ akbar għall-programm tal-ħalib għall-iskejjel u t-tkomplija tal-appoġġ għall-programm rigward il-frott għall-iskejjel;

40.

Iżomm l-allokazzjoni baġitarja ddedikata lill-Programm għat-Tqassim ta' Ikel lill-Persuni l-Aktar Żvantaġġati fl-UE li jagħti sostenn lil 18-il miljun ruħ bi problemi ta' nutrizzjoni ħażina fl-Unjoni; jilqa' l-isforz li għamlet il-Kummissjoni biex issib soluzzjoni politika u legali biex tkompli bil-programm fl-2013; jittama li tinstab is-soluzzjoni li tippermetti t-tkomplija tal-programm matul il-perjodu tal-QFP li jmiss;

41.

Jappoġġa t-tnaqqis drastiku ta' xi linji baġitarji għar-rifużjonijiet, f'xi każijiet saħansitra saż-żero, peress li dan l-istrument hu politikament kontroversjali u, għal xi prodotti, ma ntużax bl-istess livell bħal dak tas-sena baġitarja 2012; jinnota li xi linji għar-rifużjonijiet ġew identifikati bħala prijoritajiet negattivi; jiżen b'attenzjoni sa liema punt għandhom jitnaqqsu dawn il-linji, sabiex dan l-istrument ikun jista' jintuża jekk ikun meħtieġ taħt ir-regolament attwali dwar ir-rifużjonijiet;

42.

Jipprevedi t-tkomplija tal-appoġġ f'livell proporzjonat għall-programm LIFE+, li jagħti prijorità biss lill-proġetti għal azzjoni ambjentali u klimatika, billi jappoġġa l-iżvilupp ta' ekonomija sostenibbli u b’użu aktar effiċjenti tar-riżorsi u l-protezzjoni, il-konservazzjoni u r-restawr ta' ekosistemi; ifakkar għal darba oħra li l-problemi ambjentali u s-soluzzjonijiet tagħhom ma jirrikonoxxux fruntieri nazzjonali, u għalhekk il-fatt li għandhom jiġu ttrattati fil-livell tal-UE huwa evidenti minnu nnifsu; jistieden f'dan ir-rigward lill-Istati Membri jtejbu b'mod sinfikanti l-implimentazzjoni tagħhom tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE;

43.

Jisħaq fuq il-fatt li l-Politika Komuni tas-Sajd tibqa' prijorità politika kruċjali għall-UE u jżomm il-finanzjament tagħha fil-livelli proposti fl-Abbozz ta’ Baġit, fil-prospettiva tar-riforma imminenti tagħha; jemmen li l-finanzjament tal-politika marittima integrata ma għandux isir għad-detriment ta’ azzjonijiet jew programmi oħrajn tas-sajd taħt l-Intestatura 2; jikkunsidra li ġestjoni effikaċi tas-sajd hija ta' importanza kruċjali għall-preżervazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut u għall-prevenzjoni tas-sajd eċċessiv;

Intestatura 3a

44.

Jinnota li t-tnaqqis globali fil-finanzjament propost mill-Kunsill meta mqabbel mal-Abbozz ta’ Baġit tal-2013 hu ta' -EUR 15-il miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' -EUR 51 miljun f'approprjazzjonijiet ta' pagament; jinnota li dan it-tnaqqis jikkorrispondi għal - 1,07 % meta mqabbel mal-Abbozz ta’ Baġit u għal - 15,5 % meta mqabbel mal-programmazzjoni finanzjarja inizjali tal-Kummissjoni;

45.

Jirrifjuta t-tnaqqis imwettaq mill-Kunsill fl-approprjazzjonijiet ta' pagament fl-oqsma li ġejjin: il-Fond Ewropew għar-Ritorn (-EUR 18-il miljun), il-Fond Ewropew għar-Rifuġjati (-EUR 1.8 miljun), il-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni ta' Ċittadini ta' Pajjiżi Terzi (-EUR 3.2 miljun) u d-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza (-EUR 1 miljun); jiddeċiedi għalhekk li l-livell tal-Abbozz ta’ Baġit fil-linji korrispondenti għandu jitreġġa' lura għal li kien;

46.

Jirrifjuta d-deċiżjoni unilaterali tal-Kunsill li jbiddel il-bażi legali tal-proposta dwar "il-mekkaniżmu ta' evalwazzjoni ta' Schengen" mill-proċedura leġiżlattiva ordinarja għall-Artikolu 70 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; jappoġġa d-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti li timblokka l-kooperazzjoni mal-Kunsill rigward il-baġit tal-2013 f'dak li għandu x'jaqsam mal-aspetti tas-sigurtà interna; japprova għalhekk il-pożizzjoni li ħa l-Kumitat tiegħu għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern li xi linji baġitarja fit-Titolu 18 li għandhom x'jaqsmu mas-sigurtà interna (f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament) jitqiegħdu fir-riżerva sakemm jinkiseb eżitu sodisfaċenti rigward il-pakkett ta' governanza ta' Schengen; hu tal-opinjoni li din ir-riżerva m'għandhiex tiġi applikata għall-aġenziji li jaħdmu taħt l-Intestatura 3a sabiex ma tiġix ipperikolata ħidmithom;

47.

Jenfasizza r-rwol importanti li żvolġa l-programm tal-prevenzjoni u l-ġlieda tal-forom kollha ta' vjolenza (DAPHNE) fl-eliminazzjoni tal-vjolenza fuq in-nisa, iż-żgħażagħ u t-tfal fl-UE, speċjalment fil-kuntest attwali ta' kriżi; jinnota r-riżultati li jistgħu jitkejlu tal-programm DAPHNE, kif ukoll l-impatt tiegħu fuq il-bidla fil-politiki fi ħdan l-Istati Membri; iżid għalhekk l-approprjazzjonijiet ta' pagament tiegħu għal livell ogħla minn dak tal-AB;

Intestatura 3b

48.

Jiddispjaċih li, minkejja t-tnaqqis diġà propost fl-Abbozz ta’ Baġit, il-Kunsill kompla jqaċċat l-approprjazzjonijiet taħt l-Intestatura 3b, kemm dawk ta' impenn u kemm dawk ta' pagament, b'madwar EUR 9.5 miljun; jieħu l-approċċ ġenerali li jħassar it-tnaqqis kollu tal-Kunsill biex jiżgura implimentazzjoni xierqa tal-programmi u l-azzjonijiet operattivi ta' din l-intestatura;

49.

Itenni li t-trawwim ta' sens ta' ċittadinanza attiva, solidarjetà u tolleranza fost iż-żgħażagħ Ewropej hu essenzjali biex l-Ewropa tkun tista' tisfrutta t-talenti tal-ġenerazzjoni bl-aħjar edukazzjoni fl-istorja; jenfasizza l-bżonn li titħeġġeġ komunikazzjoni bejn il-kulturi u ċ-ċittadinanza tal-UE fil-ġenerazzjoni li jmiss; iddeċieda għalhekk li jżid il-finanzjament għall-programm 'Żgħażagħ fl-Azzjoni' meta mqabbel mal-Abbozz ta’ Baġit, speċjalment wara li kkunsidra l-implimentazzjoni għaqlija tal-programm għal ħafna snin issa;

50.

Jikkunsidra li l-kampanja ta' informazzjoni dwar is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini 2013 flimkien mal-attivitajiet ta' komunikazzjoni jirrikjedu l-approprjazzjonijiet adegwati biex iċ-ċittadini jiġu involuti sew fil-proġett Ewropew u biex jippromwovu d-djalogu dwar il-kwistjonijiet relatati mal-UE; jiddeplora l-fatt li l-baġit propost mill-Kummissjoni hu l-iżgħar li qatt ġie allokat għal Sena Ewropea u jiddeċiedi li jsaħħaħ l-approprjazzjonijiet għal-linja baġitarja korrispondenti;

51.

Jappoġġa t-tkomplija tal-azzjoni preparatorja ta' suċċess "Sħubiji Ewropej rigward l-isport", meta jikkunsidra l-kompetenzi ġodda mogħtija lill-Unjoni mit-Trattat ta' Lisbona fil-qasam tal-isport, b'attenzjoni partikolari fuq l-isports ta' bażi u tal-massa, għall-promozzjoni tal-ġustizzja fil-kompetizzjonijiet sportivi permezz tal-ġlieda kontra t-tbagħbis tal-logħob u għall-protezzjoni tal-integrità fiżika u morali tal-isportivi rġiel u nisa;

Intestatura 4

52.

Jenfasizza l-fatt li t-tnaqqis fil-pagamenti li għamel il-Kunsill għall-Intestatura 4 (-EUR 1 biljun jew - 14,1 % meta mqabbel mal-Abbozz ta’ Baġit) jirrappreżenta madwar 20 % tat-tnaqqis globali fuq l-intestaturi kollha; jikkunsidra li tnaqqis massiv ta' dan it-tip ixekkel lill-Unjoni milli tirrispetta l-impenji li ħadet fix-xena dinjija; jinnota li l-proposta tal-Kummissjoni kienet biss ftit aktar mil-livell tal-baġit tal-2012 u kienet diġà mnaqqsa sew meta mqabbla mal-programmazzjoni finanzjarja; jiddeċiedi li jreġġa' lura l-livell kemm tal-approprjazzjonijiet ta' impenn, kif ukoll ta' dawk ta' pagament fil-biċċa l-kbira tal-linji baġitarji għal-livelli proposti fl-Abbozz ta’ Baġit;

53.

Jikkunsidra madankollu li jista' jiġi aċċettat xi tnaqqis f'xi linji baġitarji meta mqabbla mal-Abbozz ta’ Baġit, bħall-Assistenza Makrofinanzjarja, is-sħubija f'organizzazzjonijiet internazzjonali fil-qasam tad-dwana u t-taxxa u l-kooperazzjoni mal-Groenlandja;

54.

Jipproponi żieda żgħira fil-livell tal-approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament għal livell ogħla mil-linji baġitarji fl-AB għall-oqsma tal-kooperazzjoni ġeografika għall-iżvilupp, kif ukoll għall-Missjonijiet ta' Osservazzjoni Elettorali u l-Fond Globali għall-Ġlieda kontra l-AIDS, it-Tuberkolożi u l-Malarja; jenfasizza li dan għandu jipprevjeni lill-UE milli tibqa' tiżgarra fir-rigward tal-impenji qawwija tagħha dwar il-finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp;

55.

Jindika li, bi qbil mad-dikjarazzjoni ffirmata mill-Kummissjoni u l-UNRWA dwar l-appoġġ tal-UE għall-UNRWA (2011-2013), il-kontribuzzjoni annwali tal-UE hija bbażata fuq l-allokazzjoni Palestinjana għall-2011 (EUR 300 miljun), u tnaqqis f’dak l-ammont ta’ referenza jkollu riperkussjonijiet indiretti fuq l-allokazzjoni għall-UNRWA; jemmen li aktar fondi għall-Palestina u l-UNRWA huma kruċjali biex jiġi żgurat li l-UNRWA tingħata r-riżorsi neċessarji li teħtieġ biex tipprovdi s-servizzi essenzjali li għalihom ingħatat il-mandat mill-Assemblea Ġenerali tan-NU u biex tissalvagwardja s-sikurezza u l-għajxien tar-rifuġjati fid-dawl tal-instabilità fir-reġjun;

56.

Iqis ukoll li hemm bżonn jiżdiedu l-approprjazzjonijiet għall-appoġġ tal-iżvilupp ekonomiku tal-Komunità Turka-Ċiprijota sabiex tiġi żgurata t-tkomplija tal-appoġġ finanzjarju tal-UE għall-ħidma tal-Kumitat għall-Persuni li Għebu f'Ċipru u tal-Kumitat Tekniku dwar il-Patrimonju Kulturali;

57.

Jintroduċi linji baġitarji separati għall-missjonijiet kollha tal-PESK u r-Rappreżentanti Speċjali kollha tal-UE fi nħawi ġeografiċi differenti, kif ġie propost fir-riforma tar-Regolament Finanzjarju, b'mod li tkun tista' tingħata ħarsa ġenerali aktar trasparenti u kompluta lejn il-missjonijiet imwettqa taħt din il-politika;

Intestatura 5

58.

Jieħu nota tal-pożizzjoni tal-Kunsill, li naqqset il-proposta tal-Kummissjoni rigward l-Intestatura 5 - It-taqsimiet kollha b'EUR 146 miljun globalment, minkejja l-isforzi tal-istituzzjonijiet, kif rifless fl-istimi tagħhom u fl-Abbozz ta’ Baġit, biex ikun hemm konsolidament baġitarju tal-infiq amministrattiv, fi żmien ta' limitazzjonijiet ekonomiċi u baġitarji;

59.

Jisħaq b'mod partikulari fuq il-fatt li l-biċċa l-kbira tal-istituzzjonijiet, inklużi l-Parlament u l-Kummissjoni, ikkonformaw ma' u saħansitra qabżu l-impenn tagħhom li jrażżnu l-baġits amministrattivi tagħhom għal żieda anqas mir-rata ta' inflazzjoni mistennija; jilqa' dawn l-isforzi u jistabbilixxi l-approprjazzjonijiet tal-Intestatura 5 f'livell globali ta' EUR 8 506,87 miljun, li minnhom EUR 4 967,37 miljun huma għall-Kummissjoni;

60.

Jinnota tajjeb li t-tnaqqis li għamel il-Kunsill jirriżulta mill-fatt li l-aġġustament salarjali ta' 1,7 % fl-2011 ma ġiex ibbaġitjat, miż-żieda tar-rata standard ta' tnaqqis għal bosta istituzzjonijiet u servizzi u minn tnaqqis speċifiku ieħor għal xi punti tal-infiq amministrattiv, imma jikkunsidra li t-tali tnaqqis m'għandux bażijiet tajbin u hu sempliċiment immirat lejn l-iffriżar artifiċjali tal-infiq amministrattiv f'termini nominali, minkejja l-obbligi statutorji u kuntrattwali u l-kompetenzi u l-kompiti ġodda tal-UE;

61.

Jikkunsidra, b'mod partikulari, li ż-żidiet fir-rati standard ta' tnaqqis, intenzjonati biex jiżdied l-għadd ta' karigi mhux imħallsin fi ħdan l-istituzzjonijiet, jirriflettu approċċ konservattiv li se jolqot direttament il-possibilità li jittejbu r-rati ta' karigi okkupati fl-organigrammi li fl-istess waqt qed jiġu approvati mill-awtorità baġitarja; jenfasizza li approċċ ta' dan it-tip jagħmel saħansitra aktar ħsara f'kuntest ta' tiċkin tal-organigrammi, li mekkanikament itejjeb ir-rati tal-karigi okkupati, u li l-finanzjament ta' dawn il-karigi m'għandux jiġi kkunsidrat bħala element varjabbli ta' aġġustament biex jinkiseb iffriżar nominali tal-baġit amministrattiv jew kwalunkwe objettiv finanzjarju predefinit ieħor;

62.

Jiddeċiedi, fir-rigward tal-istituzzjonijiet kollha ħlief il-Kunsill, kif ukoll tal-Iskejjel Ewropej, li, għas-sena baġitarja 2013, ireġġa' lura (jew fil-każ tal-Qorti tal-Ġustizzja, iżid) fir-riżerva l-ammonti li jikkorrispondu għall-aġġustament salarjali ta' 1,7 % fl-2011, sakemm toħroġ is-sentenza tal-Qorti; jenfasizza li dan hu bbaġitjar għaqli, minħabba l-probabilità ta' sentenza favur il-Kummissjoni, u jwissi lill-Kunsill li, f'dak il-każ, l-awtorità baġitarja se jkollha bżonn takkomoda l-effett retroattiv tat-tali sentenza anke għas-snin 2011 u 2012, inkluż l-imgħax tard;

63.

Iħassar ukoll it-tnaqqis l-ieħor li l-Kunsill għamel rigward punti speċifiċi tal-infiq amministrattiv, speċifikament, fil-Kummissjoni, fir-rigward tat-tagħmir u s-servizzi tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni u ta' xi uffiċċji;

64.

Jieħu nota li l-Kunsill aċċetta t-tnaqqis propost ta' 1 % tal-persunal fl-organigramma tal-Kummissjoni, speċifikament fl-oqsma tal-appoġġ amministrattiv, il-ġestjoni baġitarja u l-ġlieda kontra l-frodi;

65.

Waqt li t-talbiet għal karigi mill-Kummissjoni u, parzjalment, minn istituzzjonijiet oħrajn jitreġġgħu lura jew jinżammu abbażi ta' approċċ li jqis kull każ għalih, jitlob li titwettaq valutazzjoni tal-impatt fil-fond tat-tnaqqis tal-persunal pjanat sal-2018, waqt li jitqiesu kompletament, inter alia, l-obbligi legali tal-Unjoni u l-kompetenzi ġodda u l-kompiti miżjuda tal-istituzzjonijiet li jirriżultaw mit-Trattati;

66.

Għalkemm jilqa' l-informazzjoni mogħtija fl-Abbozz ta’ Baġit dwar dawk l-oqsma fejn il-persunal issaħħaħ, bħal dawk tal-governanza ekonomika Ewropea, is-suq uniku u s-sigurtà u l-ġustizzja, jinnota bi tħassib li ċertu tnaqqis fil-persunal li sar fil-Kummissjoni jolqot xi Direttorati Ġenerali oħrajn bħall-Imprenditorjat u l-Industrija, il-Kompetizzjoni, il-Mobilità u t-Trasport, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u l-Eurostat li madankollu jikkontribwixxu b'mod sostanzjali għall-ksib tal-prijoritajiet tal-UE; jinsab ukoll imħasseb dwar l-impatt ħażin li t-tnaqqis fil-karigi fl-oqsma tal-appoġġ amministrattiv, il-ġestjoni baġitarja u l-ġlieda kontra l-frodi jista' jkollu fuq l-implimentazzjoni ta' malajr, regolari u effikaċi tal-azzjonijiet u l-programmi tal-UE, speċjalment fi żmien meta l-kompetenzi tal-UE qed ikomplu jiżdiedu u meta se jingħaqad Stat Membru ġdid mal-Unjoni;

67.

Jitlob għaldaqstant lill-Kummissjoni tinkludi fir-rapport annwali tagħha ta' monitoraġġ tal-persunal valutazzjoni kkombinata, imqassma skont id-Direttorati Ġenerali u s-servizzi, li tkun tqis speċifikament id-daqs u l-kwantità ta' xogħol tagħhom, u skont it-tipi tal-karigi, kif ippreżentat f'dan ir-rapport ta' monitoraġġ (tfassil ta' politiki, ġestjoni ta' programmi, appoġġ amministrattiv, ġestjoni baġitarja u attivitajiet kontra l-frodi, servizzi lingwistiċi, eċċ.);

68.

Jiddeplora t-tnaqqis li għamel il-Kunsill għal-linji għall-appoġġ amministrattiv u l-appoġġ għar-riċerka, inklużi l-aġenziji eżekuttivi, tnaqqis gloabli ta' 6,6 % f’approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament (-EUR 71.8 miljun) meta mqabbel mal-Abbozz ta’ Baġit, bl-akbar tnaqqis jaffettwa lill-Intestatura 1b (- 23,7 %) u l-Intestatura 4 (- 13,2 %). jenfasizza li dan ikun jirriżulta fi tnaqqis ta' 5,5 % meta mqabbel mal-approprjazzjonijiet simili tal-2012, minkejja l-iffrankar li diġà ġie propost fl-Abbozz ta’ Baġit, u għaldaqstant x'aktarx jaffettwa l-ħeffa u l-kwalità tal-implimentazzjoni baġitarja tal-programmi plurijennali li huma relati magħhom; jisħaq, barra minn hekk, fuq il-fatt li, jekk il-linji amministrattivi ta’ programm partikolari jitnaqqsu mingħajr ma jiżdied l-infiq operattiv tiegħu, dan jirriżulta f'modifika tal-pakkett kodeċiż kollu għal dak il-programm; għalhekk jiddeċiedi li jreġġa' lura l-Abbozz ta’ Baġit għal dawk il-linji;

69.

Jistabbilixxi wkoll għadd ta' riżervi dwar xi linji baġitarji bil-ħsieb li jikseb informazzjoni speċifika;

Aġenziji

70.

Japprova, bħala regola ġenerali, l-istimi tal-Kummissjoni rigward il-ħtiġijiet tal-aġenziji fl-oqsma tal-baġit u tal-persunal, u jinnota li l-Kummissjoni diġà naqqset b'mod konsiderevoli t-talbiet inizjali tal-aġenziji u applikatilhom ukoll it-tnaqqis ta' 1 % tal-persunal fl-Abbozz ta’ Baġit;

71.

Jikkunsidra, għaldaqstant, li kwalunkwe tnaqqis ulterjuri kif propost mill-Kunsill jipperikola l-funzjonament kif suppost tal-aġenziji u ma jippermettilhomx iwettqu l-kompiti assenjati lilhom mill-awtorità leġiżlattiva; jirrifjuta l-approċċ orizzontali tal-Kummissjoni fit-tnaqqis tal-approprjazzjonijiet għall-aġenziji, li l-ħtiġijiet tagħhom għandhom jiġu vvalutati każ b'każ; jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex, għall-perjodu tal-QFP li jmiss, tidentifika l-oqsma possibbli ta' duplikazzjoni tax-xogħol jew valur miżjud imnaqqas fir-rigward tal-aġenziji, bil-ħsieb li l-funzjonament tagħhom isir aktar effiċjenti;

72.

Jiddeċiedi li jżid l-approprjazzjonijiet tal-baġit 2013 għat-tliet aġenziji ta' superviżjoni finanzjarja; jemmen li dawk l-approprjazzjonijiet għandhom jirriflettu l-bżonn li jitwettqu l-kompiti rikjesti peress li qed jiġu adottati dejjem iktar regolamenti, deċiżjonijiet u direttivi biex tingħeleb il-kriżi ekonomika u finanzjarja attwali li għandha rabta qawwija mal-istabbiltà tas-settur finanzjarju;

73.

Ma jistax jaċċetta t-tnaqqis tal-Kunsill rigward l-aġenziji taħt l-Intestatura 3a, li jirrapreżenta tnaqqis ta' EUR 2.8 miljun kemm f'approprjazzjonijiet ta' impenn, kif ukoll f'approprjazzjonijiet ta' pagament, peress li l-aġenziji jirrappreżentaw 18 % tal-approprjazzjonijiet globali taħt l-Intestatura 3a u t-tnaqqis tal-Kunsill kieku jkollu impatt sproporzjonat fuq din l-intestatura; bi ħsiebu għalhekk ireġġa' lura l-livell propost fl-Abbozz ta’ Baġit, li jidher li ġie stabbilit b'mod ekwilibrat u bbilanċjat;

74.

Huwa konxju li ċerti aġenziji (bħall-Europol, l-EASA, l-ACER) iridu jimplimentaw kompiti addizzjonali fl-2013 li jistgħu ma jkunux riflessi fil-baġit allokat jew fl-organigramma għall-2013; jitlob li, f'każ ta' bżonn, il-Kummissjoni tipproponi Baġit emendatorju f'waqtu għall-aġenzija rispettiva; jistenna li l-Kummissjoni tippreżenta wkoll dikjarazzjoni finanzjarja ġdida meta tiġi finalizzata proċedura leġiżlattiva mill-Parlament u mill-Kunsill li testendi l-mandat ta' aġenzija; huwa konxju li estensjoni bħal din tista' tirrkjedi riżorsi addizzjonali li jkunu jeħtieġu ftehim mill-awtorità baġitarja;

Proġetti pilota u azzjonijiet preparatorji (PP-AP)

75.

Wara li wettaq analiżi bir-reqqa tal-proġetti pilota u tal-azzjonijiet preparatorji mressqa – rigward ir-rata ta' suċċess ta' dawk attwalment għaddejjin u bl-esklużjoni ta' inizjattivi diġà koperti b'bażijiet legali eżistenti u filwaqt li titqies għalkollox il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-implimentabilità tal-proġetti – jiddeċiedi li jadotta pakkett ta' kompromess magħmul minn għadd limitat ta' PP-AP, anke fid-dawl tal-marġnijiet limitati disponibbli, b'mod partikolari taħt l-Intestaturi 1a u 3b;

Taqsimiet oħra

76.

Jinsab imħasseb dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill ta' friża nominali fl-istituzzjonijiet kollha tal-UE; jemmen li kull istituzzjoni għandha tiġi ttrattata fuq bażi individwali, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet u s-sitwazzjoni speċifika ta' kull istituzzjoni;

77.

Jilqa' l-isforzi li l-istituzzjonijiet għamlu biex jidentifikaw oqsma addizzjonali fejn jistgħu jiffrankaw u biex jillimitaw il-baġits tagħhom; jenfasizza l-fatt li l-livell tal-baġits tagħhom għall-2013 se jinkludi l-ispejjeż tat-tkabbir bl-adeżjoni tal-Kroazja u l-aġġustament salarjali ta' 1,7 % għall-2013; jisħaq, madankollu, fuq il-fatt li l-ispejjeż tat-tkabbir bl-adeżjoni tal-Kroazja m'għandhomx jitqiesu bħala żieda fil-baġits tagħhom iżda bħala finanzjament ġustifikat tal-adeżjoni ta' Stat Membru ġdid mal-UE;

78.

Jenfasizza li, b'konsegwenza tal-iffrankar addizzjonali li sar mill-istituzzjonijiet bejn ir-rebbiegħa u l-ħarifa tal-2012, attwalment l-approprjazzjonijiet huma f'livell baxx ħafna; jinsab imħasseb li m'hemm kważi ebda marġni għal spejjeż inevitabbli ġodda li jistgħu jinqalgħu fir-rigward tal-obbligi legali;

79.

Jemmen li l-awtorità baġitarja għandha tiżgura livell ta' approprjazzjonijiet li jiggarantixxi il-funzjonament bla intoppi tal-istituzzjonijiet u r-rispett tal-obbligi legali, u li jipprovdi amministrazzjoni ta' livell għoli biex taqdi liċ-ċittadini tal-UE;

Taqsima I – Il-Parlament Ewropew

Qafas ġenerali

80.

Ifakkar li insista, meta adotta l-estimi tiegħu għall-2013 (7), fuq il-ħtieġa ta' kontroll baġitarju strett u li jiġi identifikat iffrankar addizzjonali matul din il-proċedura baġitarja;

81.

Jilqa' l-ftehim milħuq fil-konċljazzjoni tas-26 ta' Settembru 2012 bejn il-Bureau u l-Kumitat għall-Baġits; jirrimarka li l-livell ġenerali tal-baġit tiegħu għall-2013 huwa ta' EUR 1 750 463 939, u għalhekk jirrappreżenta tnaqqis nett ta' EUR 18,3 miljun meta mqabbel mal-abbozz ta' estimi preliminari ta' Frar 2012;

82.

Jirrimarka li l-livell tal-baġit tiegħu għall-2013 huwa 1,9 % aktar mill-baġit għall-2012 inklużi l-kostijiet għall-adeżjoni tal-Kroazja; jenfasizza li, minħabba r-rata ta' inflazzjoni attwali ta' 1,9 %, hemm tnaqqis reali tal-baġit operattiv, minkejja l-kompetenzi, il-postijiet ta' xogħol u l-azzjonijiet, il-finanzjament tas-sħubija tal-Kroazja u l-kostijiet miżjuda reċentement għat-tħejjija għall-elezzjonijiet tal-2014;

83.

Japprova l-aġġustamenti li ġejjin għall-estimi:

it-tnaqqis tal-approprjazzjonijiet fir-riżerva ta' kontinġenza,

l-internalizzazzjoni tas-servizz ta' sigurtà b'mod li ma jaffettwawx il-baġit,

it-twettiq tal-internalizzazzjoni tal-ICT u, b'konsegwenza, il-ħolqien ta' 30 post tax-xogħol ġdid fl-organigramma b'mod li ma jaffettwax il-baġit (il-kostijiet jiġu kkumpensati bl-iffrankar li jsir),

l-aġġustament tal-approprjazzjonijiet għall-Assoċjazzjoni Parlamentari Ewropea;

84.

Inqaqqas ukoll l-approprjazzjonijiet għad-Dar tal-Istorja Ewropea b'EUR 5,3 miljun;

85.

Barra minn hekk, filwaqt li jirrikonoxxi s-sitwazzjoni ekonomika diffiċli madwar l-UE, meħuda biex l-allowances individwali tal-Membri ma jiġux aġġustati sa tmiem il-mandat u jfakkar li l-allowances għal missjonijiet tal-persunal ilhom iffriżati mill-2007, u jikkonferma mill-ġdid id-deċiżjoni fir-riżoluzzjoni dwar il-baġit tal-2012 (8) li jitnaqqsu l-linji baġitarji kollha marbuta mal-ivvjaġġar;

86.

Jilqa' l-informazzjoni u l-analiżijiet inklużi fir-rapport 2011 tal-Parlament dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjara u fir-rapporti dwar l-attivitajiet annwali tad-Direttorati Ġenerali, rigward linji baġitarji li kienu sottoimplimentati fl-2011, u jitlob li ssir analiżi oġġettiva addizzjonali ta' dan it-tip rigward il-baġit 2012 sabiex jiġi identifikat iktar malajr tifdil futur li, fejn ikun hemm bżonn, għandu jiġi bbilanċjat b'investiment u utli għall-funzjonament adegwat u mingħajr problemi tal-Parlament;;

Arranġamenti tax-xogħol tal-Parlament

87.

Jemmen li, bħal kull parlament elett direttament, il-Parlament Ewropew għandu jkollu d-dritt li jiddeċiedi dwar is-sede tiegħu stess u l-arranġamenti dwar il-post tax-xogħol;

88.

Jiddikjara għalhekk li s-sede tal-Parlament u l-postijiet tax-xogħol għall-Membri u l-uffiċjali għandhom jiġu deċiżi mill-Parlament innifsu;

89.

Iħeġġeġ liż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja (il-Kunsill u l-Parlament) biex jagħmlu tifdil finanzjarju u jippromwovu soluzzjoni iktar sostenibbli favur il-klima u l-ambjent billi jqajmu l-kwistjoni dwar sede unika u l-postijiet tax-xogħol tal-Parlament għall-Membri u l-uffiċjali fin-negozjati imminenti dwar il-QFP 2014-2020;

90.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jirrevedu l-kwistjoni tas-sede u l-postijiet tax-xogħol tal-Parlament fir-rieżami li jmiss tat-Trattat billi jemendaw il-Protokoll 6;

91.

Sadattant, jitlob lill-Kunsill biex jibda jfassal pjan direzzjonali mal-Parlament biex nimxu lejn sede unika u użu iktar effiċjenti tal-postijiet tax-xogħol tal-Parlament, billi jitqiesu ċifri speċifiċi li juru fid-dettall l-ispiża ta' kull post tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-persunal, kif ukoll il-fatturi ekonomiċi, soċjetali u ambjentali, li għandhom jiġu ppreżentati f'rapport sat-30 ta' Ġunju 2013;

92.

Jissuġġerixxi li l-ftehim bejn l-awtoritajiet Lussemburgiżi u l-Parlament dwar l-għadd ta' persunal li għandu jkun hemm fil-Lussemburgu għandu jiġi rivedut, billi titqies reviżjoni tal-bżonnijiet tal-Parlament;

Grupp ta' Ħidma Konġunt

93.

Jilqa' l-istabbiliment ta' Grupp ta' Ħidma Konġunt dwar il-baġit tal-Parlament bejn il-Kumitat għall-Baġits u l-Bureau; b'mod partikolari, jappoġġa bil-qawwa l-ħidma tiegħu fuq it-tnedija ta' studju komparattiv tal-baġit tal-Parlament mal-baġits tal-Kungress tal-Istati Uniti u kampjun tal-Parlamenti tal-Istati Membri; ifakkar li huwa skedat li dan l-istudju jitlesta sa tmiem l-2012; jistenna li dan l-istudju joħloq iffrankar fit-tul fil-baġit tal-Parlament u jippreżenta ideat għat-titjib tal-effiċjenza tiegħu fl-2013 u fis-snin ta' wara;

94.

Iqis li l-Grupp ta' Ħidma Konġunt għandu jirrefletti l-bilanċ demokratiku fi ħdan il-Parlament; jemmen li l-grupp ta' ħidma għandu jqis, inter alia, alternattivi addizzjonali b'rabta mal-inijiet tax-xogħol tar-Reġistru Ewropew u miżuri biex jitħeġġeġ l-użu ta' mezzi tat-trasport irħas u iktar favur l-ambjent; barra minn hekk, jitlob lill-grupp ta' ħidma biex jirrapporta lill-Kumitat għall-Baġits u lill-Bureau biex isir tifdil strutturali u organizzattiv fuq medda ta' żmien medja u twila fil-baġit tal-Parlament;

95.

Jilqa' l-proposta tal-Grupp ta' Ħidma Konġunt li r-Reġistru tal-Membri jingħalaq nhar ta' Ġimgħa fil-ġimgħat għall-kostitwenza (turquoise);

96.

Jistieden lill-Bureau jimplimenta bla dewmien il-proposti għall-iffrankar miftiehma mill-Grupp ta' Ħidma Konġunt;

Ivvjaġġar

97.

Jilqa' l-isforzi li saru favur iffrankar addizzjonali fuq l-ispejjeż tal-ivvjaġġar tal-Membri u tal-persunal; jinnota l-iffrankar li sar fuq spejjeż għal missjonijiet imġarrba mill-persunal; jinnota li l-linja baġitarja relatata naqset fl-2012 u li dan l-iffrankar kien possibbli bis-saħħa ta' ġestjoni aħjar, tal-użu tal-vidjokonferenzi u tat-tnaqqis fl-għadd ta' missjonijiet;

98.

Jistieden lill-amministrazzjoni tevalwa żviluppi fis-suq tal-ivvjaġġar "low-cost", tibqa' aġġornata ma' żviluppi ġodda fis-suq u tisfrutta kwalunkwe possibbiltà ta' ffrankar; barra minn hekk, jistieden lill-amministrazzjoni tippermetti u tħeġġeġ l-użu ta' biljetti tal-ajru "low-cost" u x-xiri ta' biljetti "flexible economy"; jemmen li għandhom jiġu eżaminati miżuri addizzjonali biex jitnaqqas l-għadd ta' biljetti "business class" mixtrija mill-Membri;

IT/ivvjaġġar

99.

Jinnota li huwa stmat li l-iffrankar li sar fuq l-ispejjeż tal-ivvjaġġar fl-2011 bis-saħħa tal-użu li żdied (+ 56,6 %) tal-vidjokonferenzi huwa ta' EUR 1.4 miljuni; jemmen li jista' jiġi ffrankat iżjed mill-kostijiet tal-missjonijiet billi l-missjonijiet jiġu sostitwiti progressivament bil-vidjokonferenzi, u dan jillimita wkoll l-marka tal-karbonju tal-Parlament; għalhekk, jitlob li r-riżultati ta' analiżi mwettqa mill-amministrazzjoni tal-Parlament dwar il-ħtieġa għal aktar tagħmir għall-vidjokonferenzi jkunu disponibbli sa mhux aktar tard minn Frar 2013;

Bini

100.

Jemmen fi proċess trasparenti ta' teħid ta' deċiżjonijiet fil-qasam tal-politika tal-bini u jitlob li tali proċess jiġi implimentat permezz ta' koooperazzjoni miftuħa u mill-qrib mal-Kumitat għall-Baġits;

101.

Jitlob informazzjoni f'waqtha rigward ir-riżultati tas-Segretarju Ġenerali dwar ix-xogħlijiet ta' ristrutturar u ta' rilokazzjoni tal-uffiċċji fis-snin li ġejjin, kif ukoll dwar l-iskeda relatata magħhom; jissottolinja l-importanza ta' ppjanar xieraq u li l-approprjazzjonijiet jiddaħħlu fil-baġit fl-istadju xieraq;

Traduzzjoni

102.

Itenni li t-tifdil b'rabta mat-traduzzjoni m'għandux jipperikola l-multilingwiżmu; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-kwalità tat-traduzzjonijiet u tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tas-servizzi kkonċernati għandhom jiġu salvagwardjati;

Taqsima IV – Il-Qorti tal-Ġustizzja

103.

Jinnota li, minkejja bidliet strutturali kbar u l-ammont ta' xogħol dejjem jiżdied, il-Qorti llimitat iż-żieda tal-baġit operattiv tagħha għal 1,56 % (minbarra l- 1,49 % minħabba l-adeżjoni tal-Kroazja);

104.

Għalhekk, jerġa' jdaħħal l-approprjazzjonijiet għat-traduzzjoni sabiex ikun evitat dewmien fil-proċeduri u għar-riżorsi tal-IT skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-awdituri;

105.

Jerġa' jdaħħal parzjalment ir-remunerazzjonijiet u jiffissa r-rata standard ta' tnaqqis għal 4,5 % sabiex il-Qorti tkun tista' twettaq il-funzjonijiet tagħha korrettament; barra minn hekk, jerġa' jdaħħal parzjalment l-approprjazzjonijiet għall-manutenzjoni u l-enerġija;

106.

Jappoġġa r-reviżjoni li qed issir tal-Istatut tal-Qorti u jimpenja ruħu li jipproċessa kwalunkwe baġit emendatorju marbut ma' din il-kwistjoni bla dewmien;

Taqsima V – Il-Qorti tal-Awdituri

107.

Jinnota li l-Qorti tnaqqas l-organigramma tagħha b'9 postijiet ta' xogħol fl-2013; għalhekk, jerġa' jdaħħal ir-rata ta' tnaqqis standard ta' 1,8 % biex jillimita r-riskju fuq l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-Qorti u t-tlestija tar-Rapporti tal-Awditjar ippjanati; jerġa' jdaħħal ukoll l-approprjazzjonijiet għar-reklutaġġ marbuta mal-adeżjoni tal-Kroazja skont il-livell tal-Abbozz ta’ Baġit;

Taqsima VI – Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

108.

Jerġa' jdaħħal parzjalment ir-remunerazzjonijiet u l-allowances, biex tkun applikata rata standard ta' tnaqqis ta' 5,5 %, li jkun jibqa' jfisser tnaqqis tar-rata attwali tal-postijiet ta' xogħol meħuda; iħassar parzjalment tnaqqis arbitrarju ieħor li sar mill-Kunsill, bħan-nefqa marbuta mal-Ġurnal Uffiċali u n-nefqa operattiva bħall-interpretazzjoni, li diġà tnaqqsu fl-2012 għal-livell ta' implimentazzjoni tagħhom tal-2009;

109.

Jerġa' jdaħħal bis-sħiħ l-approprjazzjonijiet għal pagamenti ta' kera annwali li huma marbuta ma' obbligi legali skont kuntratti eżistenti u soġġetti għal indiċizzazzjoni annwali skont l-inflazzjoni Belġjana;

Taqsima VII – Il-Kumitat tar-Reġjuni

110.

Jerġa' jdaħħal parzjalment l-approprjazzjonijiet għall-Kumitat tar-Reġjuni biex jissodisfa l-obbligi statutorji u legali tiegħu fil-qasam tal-pagamenti ta' kera annwali u tas-salarji tal-persunal; jinnota li t-tnaqqis drastiku mill-Kunsill tar-remunerazzjonijiet u l-allowances ifisser l-applikazzjoni ta' darbtejn t-tnaqqis ta' 1 % tal-persunal (diġà inkluż fl-Abbozz ta’ Baġit) għal din l-istituzzjoni;

Taqsima VIII – L-Ombudsman Ewropew

111.

Jinnota ż-żieda ta' 3,49 % tal-baġit tal-Ombudsman Ewropew; jinnota li parti minn din iż-żieda hija marbuta ma' kostijiet ta' kiri inevitabbli; jerġa' jdaħħal l-approporjazzjonijiet għar-remunerazzjoni u l-allowances li huma meħtieġa minħabba li mtlew postijiet ta' xogħol li qabel kienu battala;

Taqsima IX – Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

112.

Jerġa' jġib kif kien bis-sħiħ il-baġit tal-KEPD; jinnota li din iż-żieda hija konformi mar-rata ta' inflazzjoni mbassra; b'mod partikolari, jerġa' jdaħħal żewġ postijiet ta' xogħol u l-approprjazzjonijiet korrispondenti li huma previsti biex ikunu jistgħu jitwettqu attivitajiet ewlenin tal-istituzzjoni;

Taqsima X – Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna

113.

Jinnota li s-SEAE huwa istituzzjoni relattivament ġdida f'fażi ta' tkabbir u li n-netwerk tiegħu għad irid jissaħħaħ sabiex jiġu ssodisfati l-prijoritajiet politiċi tal-UE u li, b'141 delegazzjoni, is-SEAE huwa unikament – fost l-istituzzjonijiet tal-UE – espost għall-inflazzjoni f'pajjiżi terzi u għal ċaqliq fir-rati tal-kambju;

114.

Jilqa' l-fatt li, għall-2013, is-SEAE ffriża approprjazzjonijiet f'termini nominali f'għadd ta' linji baġitarji u għamel tnaqqis immirat f'linji oħra, iffrankar li jista' jammonta għal 1,3 % tal-baġit tiegħu għall-2012;

115.

Jinnota li s-SEAE qed juri moderazzjoni billi ma joħloq ebda post ta' xogħol ġdid fl-organigramma tiegħu għall-2013;

116.

Jenfasizza li ż-żidiet proposti fil-baġit tas-SEAE huma meħtieġa biex jiġu ssodisfati l-kostijiet statutorji tal-persunal u obbligi legali oħra, kif ukoll biex ikun hemm reazzjoni għall-aspettattivi politiċi biex is-SEAE jkun preżenti f'pajjiżi prijoritarji;

117.

Għalhekk, jirrifjuta d-deċiżjoni tal-Kunsill li jiffriża l-baġit tas-SEAE f'termini nominali fil-livell tal-2012, u jipproponi żieda xierqa fid-dawl tal-kuntest finanzjarju ġenerali tiegħu;

118.

Jikkanċella t-tnaqqis li sar mill-Kunsill li jkun ifisser tnaqqis fl-għadd ta' uffiċjali u jmur kontra l-isforzi li saru mill-ħolqien tas-SEAE biex jiġi rreklutat u riallokat persunal biex jiġu ssodisfati ħtiġijiet operattivi akbar;

119.

Jerġa' jdaħħal l-approprjazzjonijiet meħtieġa għall-konformità mal-kuntratti tal-kiri fis-seħħ u mal-arranġamenti fil-livell tas-servizzi mal-Kummissjoni u l-Kunsill, u għas-sostituzzjoni u l-integrazzjoni gradwali ta' sistemi tal-IT antikwati u mrikkba li ntirtu;

*

* *

120.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-istituzzjonijiet u lill-entitajiet l-oħra kkonċernati kif ukoll lill-Parlamenti nazzjonali.


(1)  ĠU L 163, 23.6.2007, p. 17.

(2)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(3)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(4)  Testi adottati, P7_TA(2012)0077.

(5)  Testi Adottati, P7_TA(2012)0109.

(6)  Testi Adottati, P7_TA(2012)0289.

(7)  Testi adottati, P7_TA(2012)0109.

(8)  Testi adottati, P7_TA(2011)0461.