|
30.7.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 218/12 |
Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-“Eliminazzjoni tad-Distakk fl-Innovazzjoni”
2013/C 218/03
IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI jirrimarka li:
|
— |
Bħalma diġà wrew ħafna mill-fenomeni tas-soċjetà diġitali, it-trasformazzjoni sinifikanti titwettaq minn isfel għal fuq, u mentalità pervażiva ta’ “skoperta intraprenditorjali” hija kritika. |
|
— |
Il-komunitajiet tal-innovazzjoni joperaw bħala ekosistemi permezz ta’ netwerks ta’ valur sistemiku f’dinja mingħajr fruntieri. |
|
— |
Ir-reġjuni għandhom bżonn ambiti ġodda li jkunu “hot spots” għall-ħolqien konġunt ta’ innovazzjoni. Dawn jistgħu jiġu deskritti bħala “ġonna ta’ innovazzjoni” u “pjattaformi ta’ sfida” li flimkien jiffurmaw spazji tax-xogħol prototipiċi għall-invenzjoni tal-futur. |
|
— |
Il-KtR jaqbel ma’ investimenti ġodda fl-innovazzjoni miftuħa u l-crowdsourcing. Dawn huma l-ideat ewlenin assoċjati mal-Bliet Intelliġenti u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadin. |
|
— |
Il-kunċett ta’ Bliet Intelliġenti konnessi għandu jiġi żviluppat aktar u estiż madwar l-Ewropa kollha. |
|
— |
Il-KtR iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi programmi ta’ “skoperti intraprenditorjali” biex jaħdmu f’diversi livelli u jiskopru x’inhu l-aktar effettiv għall-ħtiġijiet lokali u l-iskalar Ewropew. |
|
— |
Ekonomija ċirkolari tal-għarfien: ir-riżultati tal-programmi u l-proġetti tal-Kummissjoni Ewropea u ta’ dawk li jiffinanzjaw ir-riċerka u l-innovazzjoni nazzjonali għandhom ikunu riutilizzati. |
|
— |
L-aqwa xpruni għall-iżvilupp u t-tmexxija ta’ proġetti madwar l-Ewropa kollha għandhom jiġu finanzjati mill-Orizzont 2020 u l-Fond ta’ Koeżjoni – l-għan ta’ dan huwa wkoll li jiġu ttestjati metodoloġiji u għodda effettivi ta’ kollaborazzjoni reali u tagħlim transkonfinali. |
|
Relatur |
Markku MARKKULA (FI/PPE), Membru tal-Kunsill tal-Belt ta' Espoo |
I. IL-ĦOLQIEN TA’ KONDIZZJONIJIET FAVOREVOLI GĦALL-INNOVAZZJONI
|
1. |
Fuq talba tal-Presidenza Irlandiża, il-Kumitat tar-Reġjuni qed ifassal proposti infurmati u b’argumenti sodi dwar kif tista’ tiżdied l-innovazzjoni u jiġu eliminati d-distakki fl-innovazzjoni. L-għan ta’ dan il-mandat huwa li jitressqu proposti dwar (1) il-miżuri rekwiżiti mir-reġjuni u l-atturi diversi kollha tagħhom, u (2) il-miżuri rekwiżiti skont il-programmi tal-Kummissjoni tal-UE, il-finanzjament u attivitajiet oħra. |
|
2. |
L-isfida stabbilita mill-Presidenza Irlandiża tista’ tiġi milqugħa biss billi jiġu nnumerati u deskritti medda ta’ miżuri li għandhom jiġu implimentati b’mod parallel, u li huma konnessi minħabba l-bżonn ta’ bidla fil-kultura tax-xogħol, f’sens wiesgħa. L-azzjoni fl-UE u fil-parti l-kbira tal-Istati Membri tagħha, kif ukoll tar-reġjuni, ġiet karatterizzata fis-snin reċenti mill-produzzjoni ta’ numru enormi ta’ rapporti u pjani ta’ kwalità għolja. Il-programmi u l-pjani ewlenin tal-UE minn Direttorati Ġenerali diversi huma bla dubju tajbin fihom infushom, iżda m’humiex ħlief pjani, u ma jirnexxilhomx jiggarantixxu l-bidla fl-approċċ intellettwali meħtieġa fil-livell prattiku fir-reġjuni madwar l-Ewropa. Bħalma diġà wrew ħafna mill-fenomeni tas-soċjetà diġitali, it-trasformazzjoni sinifikanti titwettaq minn isfel għal fuq, u mentalità pervażiva ta’ “skoperta intraprenditorjali” hija kritika. F’dan il-kuntest il-kelma “imprenditur” mhix adegwata, għax hija spiss interpretata b’mod pjuttost ristrett. L-iskoperta tfisser ukoll aktar minn innovazzjoni biss. Hija pjuttost attività ġdida li tesplora, tesperimenta u titgħallem dwar x’għandu jsir fl-industrija jew sottosistema rilevanti fir-rigward ta’ riċerka, żvilupp u innovazzjoni sabiex ittejjeb is-sitwazzjoni tagħha. L-iskoperta intraprenditorjali tfisser l-esperimentazzjoni, it-teħid tar-riskji, kif ukoll il-falliment. Tfisser li l-individwu sikwit jaħdem mal-oħrajn permezz ta’ netwerking, l-evalwazzjoni tal-alternattivi, l-istabbiliment ta’ miri, u l-ħolqien ta’ innovazzjonijiet b’approċċ ta’ moħħ miftuħ. Dan l-iżvilupp jitlob ukoll li ċ-ċittadini, il-komunitajiet u n-negozji jingħataw l-opportunità jsemmgħu leħinhom għax tradizzjonalment iħossu li ma jistgħux jagħmlu dan. |
|
3. |
Minħabba li din l-Opinjoni tittratta t-tkabbir fl-innovazzjoni u t-tnaqqis tad-distakki fl-innovazzjoni, bl-għajnuna ta’ programmi tal-UE b’mod partikolari, il-linji gwida u l-proposti ta’ politika li ġejjin juru li l-bidliet meħtieġa huma fattibbli. Fl-Ewropa neħtieġu li:
Minkejja dan, dawn l-approċċi mhumiex biżżejjed: l-essenza tal-innovazzjoni għandha tiġi eżaminata aktar fil-fond. |
II. OSSERVAZZJONIJIET ĠENERALI U RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA
|
4. |
Il-miżuri li ttieħdu biex tiġi implimentata l-istrateġija Ewropa 2020 ma pproduċewx biżżejjed riżultati fl-isfera tal-attività innovattiva. Fil-livell tal-UE kienu ġġenerati ħafna materjal u proposti utli. Huwa essenzjali li l-fondi u l-programmi Ewropej idawru l-enfasi fuq l-azzjoni prattika fil-livell lokali u reġjonali. |
|
5. |
Għandu jkun hemm kooperazzjoni mill-qrib bejn il-proġetti tar-riċerka u l-iżvilupp u l-programmi li jirrigwardaw il-ħolqien, il-prestazzjoni u l-effettività tal-ekosistemi lokali tal-innovazzjoni. Għal dan għandna bżonn tipi ġodda ta’ sħubiji Ewropej tar-riċerka. It-tiġdid u t-trasformazzjoni huma spiss ibbażati fuq kunċetti ta’ kollaborazzjoni koordinata u l-użu innovattiv u effettiv ta’ teknoloġiji abilitanti ewlenin. Jekk dawn isiru aktar aċċessibbli għall-proġetti Ewropej, il-kapaċità tagħhom biex iwettqu riżultati fattibbli u impatt reali ser tirfina u tiżviluppa aktar. Permezz ta’ finanzjament mill-UE għas-sħubiji reġjonali u kollaborazzjoni bbażata fuq speċjalizzazzjoni intelliġenti, dawn jistgħu jsiru elementi importanti għall-innovazzjoni transkonfinali Ewropea u mogħdijiet reġjonali għall-innovazzjoni soċjetali. |
|
6. |
Bidla fundamentali: id-diġitalizzazzjoni diġà ġabet bidla li daħlet u nfirxet ma’ kullimkien. Dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet għandhom jaħtfu l-opportunitajiet għad-dispożizzjoni tagħhom, bir-riforma tal-proċessi tas-servizzi bħala prijorità. Fl-istess waqt, għandhom jiġu promossi d-disseminazzjoni wiesgħa tas-servizzi diġitali fis-settur pubbliku, l-iżvilupp tal-ħiliet elettroniċi taċ-ċittadini, u l-intraprenditorija ta’ kumpaniji li għadhom kemm twaqqfu u l-intraprenditorija ta’ tkabbir qawwi li jiġġeneraw applikazzjonijiet mobbli. |
|
7. |
Id-diġitalizzazzjoni tixpruna l-bidla, u l-konverġenza lejn is-servizzi diġitali qiegħda tiġi aċċellerata. Ekosistemi ġodda ta’ negozju u kuntesti fejn jinħolqu l-valuri huma spiss xprunati mill-modi ġodda ta’mġiba tal-konsumatur – bħala riżultat ta’ disinji ffukati fuq l-utent u l-ftuħ. Dawn jisfidaw l-approċċi ta’ kostruzzjoni minn fuq għal isfel li ntirtu mid-dinja antika analoga. Filwaqt li d-diġitizzazzjoni qed trendi l-iżvilupp fis-servizzi aktar globali minn qatt qabel, il-pożizzjoni tal-Ewropa mhix waħda mill-aqwa: mhux aħna li qegħdin f’ta’ quddiem f’din it-tellieqa globali. |
|
8. |
It-teknoloġiji cloud jipprovdu aċċess għall-aħjar servizz disponibbli, indipendentement mill-ħin u l-post. Fil-ftit snin li ġejjin, dan il-mod ta’ żvilupp u produzzjoni tas-servizzi diġà ser ikun ħa post numru konsiderevoli ta’ servizzi tradizzjonali fejn li “tkun fuq il-post” huwa fattur determinanti għas-servizz. Mhux ser jibqa’ neċessarju li jkun hemm il-hardware kullimkien. Dan ser jinvolvi wkoll il-ġestjoni u l-iżvilupp ta’ servizzi tal-ICT u kooperazzjoni globali fuq nertwerks tan-negozji, l-amministrazzjoni pubblika u komunitajiet oħra. Il-Kummissjoni għandha tinkoraġġixxi dan l-iżvilupp, magħruf bħala tmexxija elettronika, permezz ta’ programmi ta’ sħubija attiva. |
|
9. |
Ma nistgħux nindirizzaw l-isfidi tas-soċjetà permezz ta’ aġġustamenti żgħar u metodi konvenzjonali ta’ ġestjoni. Huwa kruċjali għas-suċċess li tingħata spinta lill-kapital tat-tiġdid: il-kreattività, l-innovazzjoni u l-kunfidenza fl-innovazzjoni u r-riforma huma wkoll essenzjali għas-suċċess għal dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fuq livell lokali u reġjonali. Fl-istess ħin, jeħtieġ li l-funzjonament riġidu tal-amministrazzjonijiet pubbliċi jsir aktar flessibbli sabiex dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet jkollhom skop akbar biex jippromovu l-kreattività. |
|
10. |
Il-persuni motivati huma fiċ-ċentru tal-politika ta’ innovazzjoni reġjonali. In-nies joħolqu l-innovazzjonijiet u għalhekk l-innovazzjoni hija fuq kollox proċess uman u soċjali. Il-fatturi li jaffettwaw l-innovazzjoni mhumiex limitati għall-organizzazzjonijiet: l-aktar xpruni sinifikanti tal-proċess tal-innovazzjoni fi stadji diversi spiss joħorġu permezz ta’ interazzjoni umana f’punti diversi ta’ kuntatt. |
|
11. |
Ir-riċerka għandha tilħaq il-bżonnijiet fuq perjodu qasir kif ukoll fuq perjodu twil ta’ żmien. Proporzjon żgħir biss ta’ bliet, negozji u komunitajiet oħra jagħmlu l-aħjar użu tar-riżultati tar-riċerka. Għandu jiġi nnotat ukoll li numru żgħir biss ta’ riċerkaturi jafu jrendu l-għarfien u r-riżultati tar-riċerka tagħhom interessanti u utli għall-awtoritajiet pubbliċi, l-industrija u oħrajn sabiex jindirizzaw l-isfidi tagħhom. Għalhekk, l-Ewropa trid tagħmel bidliet kulturali kbar u tiffoka l-finanzjament mill-ġdid biex tiżgura l-applikazzjoni attiva tal-għarfien mir-riċerka l-aktar reċenti fil-livell lokali u reġjonali. Il-KtR jemmen li l-SMEs huma katalist importanti biex il-kontribut mir-riċerka jkun jista’ jissarraf f’applikazzjonijiet konkreti meta jitqiegħed fis-suq. Il-KtR jemmen li hemm bżonn ikun aktar faċli biex l-SMEs ikollhom aċċess aħjar għall-fondi permezz ta’ investimenti fl-impriżi li għadhom jibdew, fil-kapital ta’ riskju u f’regolamenti anqas kumplessi. |
|
12. |
Biex ir-riċerka tissarraf fil-prattika hemm bżonn fehim tajjeb miż-żewġ naħat dwar x’riċerka hemm, x’inhuma l-kwistjonijiet li qed jiġu diskussi, u kif ir-riċerka rilevanti tista’ tħalli impatt fuq kwistjonijiet lokali u reġjonali. Għal dan jinħtieġ tip ġdid ta’ trijangolu tal-għarfien, li jgħaqqad id-dinja tar-riċerka u x-xjenza ma’ dik tan-negozju u l-governanza permezz ta’ tip ta’ servizz ta’ medjazzjoni reċiproka. Dan jitlob implimentazzjoni ħajja u aktar żvilupp tal-kunċett tat-Trijangolu tal-Għarfien tal-UE biex jissaħħaħ ir-rwol soċjetali tal-universitajiet. |
|
13. |
Ir-riċerka xjentifika u teknoloġika, u l-applikazzjoni attiva ta’ ideat ibbażati fuq riċerka bħal din, joħolqu l-possibbiltà ta’ xprunar ġdid. Fl-istess waqt, il-viżjoni tal-innovazzjoni għandha titwessa’ sabiex tinkludi mhux biss l-innovazzjoni teknoloġika, iżda wkoll l-innovazzjoni fil-proċess, in-negozju, is-servizz u d-disinn, kif ukoll l-innovazzjoni fis-settur pubbliku u fis-soċjetà biex jiġġeddu l-kulturi tal-komunità, u l-innovazzjoni soċjetali għall-immodernizzar ta’ aktar attivitajiet u strutturi. Huwa essenzjali li tiġi internalizzata viżjoni aktar wiesgħa tal-innovazzjoni, mhux biss fin-negozju iżda wkoll fis-settur pubbliku. |
|
14. |
Peress li f’ċerti reġjuni u b’mod partikolari fir-reġjuni rurali, is-settur pubbliku huwa l-mutur tal-bidla u attur ewlieni fir-rigward tas-sensibilizzazzjoni tal-popolazzjoni lokali, għandha tingħata attenzjoni lill-innovazzjoni f’dan is-settur kif ukoll ir-riforma tal-proċessi ta’ ġestjoni tal-istituzzjonijiet pubbliċi. Dan ser jippermetti lil dawn ir-reġjuni biex jirkupraw id-distakk. |
|
15. |
Ekonomija ċirkolari tal-għarfien: ir-riżultati tal-programmi u l-proġetti tal-Kummissjoni Ewropea u ta’ dawk li jiffinanzjaw ir-riċerka u l-innovazzjoni nazzjonali għandhom ikunu riutilizzati. |
|
16. |
Ekonomija ċirkolari hija ekonomija li fiha l-affarijiet ma jintremewx jew jintilfu, iżda jitħallew jiċċirkolaw u jerġgħu jintużaw sabiex il-valur tagħhom ma jintilifx, imma pjuttost jiżdied. It-terminu huwa derivat minn ħsieb ġdid dwar kunċetti tal-ġenerazzjoni li jmiss għall-iżvilupp sostenibbli. F’ekonomija ċirkolari tal-għarfien, ir-riżultati ta’ programmi ta’ riċerka u proġetti li tlestew – ideat, intwizzjonijiet, rakkomandazzjonijiet, materjal, metodoloġiji, proposti prattiċi, prototipi u invenzjonijiet – jistgħu jiġu riskoperti, aċċessati u applikati fi programmi u proġetti attwali fl-oqsma relatati u rilevanti. Il-Kumitat jirrimarka għal darb’oħra dwar l-opportunitajiet ekonomiċi u ta’ innovazzjoni għar-reġjuni u l-bliet fil-bijoekonomija u l-ICT, li huma elementi ewlenin tat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u ekoloġiku (1). |
|
17. |
Jekk nersqu lejn ekonomija ċirkolari tal-għarfien, korpi nazzjonali ta’ finanzjament jistgħu jerġgħu jeżaminaw u jesploraw ir-riżultati tal-proġetti li tlestew bejn l-aħħar 5 u 10 snin, u b’hekk it-teżori tagħhom jistgħu jerġgħu jintużaw f’kuntesti reġjonali u nazzjonali ġodda. Id-Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni jistgħu jagħmlu l-istess ħaġa, u b’hekk irendu r-riżultati aktar aċċessibbli madwar is-setturi diversi sabiex jiġu indirizzati l-isfidi tas-soċjetà. Ir-riċerka universitarja tista’ ssir aktar rilevanti b’mod dirett għal dawk li jfasslu l-politiki u għat-timijiet ta’ proġetti. Ir-riżultati minn dawn is-setturi kollha jistgħu jiġu riveduti sabiex jirrispondu għall-bżonnijiet fil-livelli reġjonali u lokali, u jħejju ideat, materjal u metodi ġodda li jkunu lesti għall-applikazzjoni fl-iżvilupp ta’ ekosistemi ta’ innovazzjoni reġjonali madwar l-Ewropa. |
|
18. |
Ambjent attiv u stimolanti huwa maħluq permezz tal-effett kombinat ta’ fatturi differenti. Inġenerali, persuni innovattivi huma ħerqana li jkunu involuti f’avvenimenti, proġetti u operazzjonijiet meta dawn ikunu appoġġjati minn kunċetti u metodi tajbin, u applikazzjonijiet effettivi u ġodda tar-riċerka, żvilupp u innovazzjoni (RŻI). |
|
19. |
Il-fatturi ta’ inċertezza, id-dubji u t-tensjonijiet huma preżenti fl-attivitajiet interpersonali kollha. Il-punt huwa li jiġu modifikati t-tensjonijiet b’mod partikolari, sabiex iservu bħala sors ta’ kreattività u innovazzjoni u sabiex jintlaħqu l-prinċipji tal-organizzazzjoni tat-tagħlim. B’hekk, il-proċess kreattiv isir tensjoni kreattiva ċara li tista’ tintuża biex tbiddel l-attività fis-sistemi u tbiddel is-sistemi inġenerali. Huwa importanti li jkun hemm metodi u kunċetti li jżidu l-ammont ta’ tagħlim, jgħollu l-kwalità tiegħu u jtejbu l-iżvilupp soċjali sostenibbli. L-isfruttar tal-għarfien u l-proċessi għall-bini ta’ kapaċità, u l-isfruttar tal-għarfien fit-tagħlim organizzattiv, huma kunċetti li qed isiru importanti, kif ukoll l-esplorazzjoni u l-ħolqien konġunt tal-għarfien. |
|
20. |
Ir-reġjuni għandhom bżonn ambiti ġodda li jkunu “hot spots” għall-ħolqien konġunt ta’ innovazzjoni. Dawn jistgħu jiġu deskritti bħala “ġonna ta’ innovazzjoni” u “pjattaformi ta’ sfida” li flimkien jiffurmaw spazji tax-xogħol prototipiċi għall-invenzjoni tal-futur. Dawn huma meħtieġa sabiex jiġu indirizzati l-isfidi – minn sfidi lokali żgħar sa sfidi kbar tas-soċjetà fil-livell globali. L-attività fir-RŻI għalhekk hija meħtieġa sabiex tixpruna u toħloq prototipi ta’ (1) konfigurazzjonijiet spazjali b’dimensjonijiet fiżiċi, intellettwali u virtwali, u (2) l-għodda għall-koordinazzjoni u l-ġestjoni tal-għarfien meħtieġa sabiex jiġu indirizzati l-isfidi. |
|
21. |
L-approċċ li tant kien imfaħħar tat-tliet spirali (Triple Helix) mhuwiex dinamiku biżżejjed sabiex ilaħħaq ma’ sfidi ġodda; talinqas huma meħtieġa erba’ spirali (Quadruple Helix) fejn il-komunità tkun ir-raba’ faxxa. L-approċċ irid jiġi modernizzat u huwa meħtieġ l-involviment intensiv mal-attivitajiet tal-ekosistemi ta’ innovazzjoni reġjonali sabiex jiġu aġġornati dan il-kunċett operattiv u din il-kultura. |
|
22. |
Huwa partikolarment importanti mill-perspettiva tal-Ewropa li jiġu esplorati l-ekosistemi ta’ innovazzjoni reġjonali, kif ukoll ir-rwol, l-importanza, l-attività, is-soluzzjonijiet spazjali u dak kollu li jippermetti s-suċċess tal-komunitajiet u istituzzjonijiet li jixprunaw attività ġdida u dinamika fl-innovazzjoni ta’ dawn l-ekosistemi. L-istituti l-ġodda tal-innovazzjoni jiffukaw fuq il-mentalità ġdida u l-ambjent ġdid li hemm bżonn għal disinn li jiffoka fuq l-utent, il-ħolqien konġunt u l-ixprunar rapidu. |
|
23. |
Dawn l-istituti ġodda, li ħafna minnhom ġew stabbiliti fis-snin reċenti biss, huma entitajiet flessibbli b’approċċ kollaborattiv. Xi eżempji jinkludu: Inkubaturi u Aċċeleraturi, Laboratorji Ħajjin, Punti Ċentrali tal-Intraprenditorija, Laboratorji tal-Iżvilupp, “Fab Labs”, Kampijiet ta’ Tagħlim dwar l-Innovazzjoni Soċjetali u Ċentri tal-Futur. Dawn normalment joperaw bħala entitajiet assoċjati ma’ universitajiet, muniċipalitajiet u negozji. Jikkombinaw prattiki operattivi ġodda u miftuħa, l-użu tal-midja soċjali, drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u prattiki ta’ finanzjament ġodda, netwerk wiesgħa ta’ partijiet interessati u l-intraprenditorija. |
|
24. |
Huwa essenzjali li jiġu ssemplifikati l-proċeduri għal akkwist pubbliku innovattiv sabiex jittejjeb l-użu attiv tiegħu. Madwar l-Ewropa u f’partijiet oħra tad-dinja hemm eżempji rilevanti ta’ semplifikazzjoni b’suċċess. Dawn għandhom jiġu eżaminati, adattati, isiru prototipi tagħhom u jiġu applikati. |
III. NINDIRIZZAW L-ISFIDI L-KBAR TAS-SOĊJETÀ FIL-LIVELL REĠJONALI
|
25. |
Diskussjonijiet dwar “l-isfidi l-kbar tas-soċjetà” spiss jidhru astratti u mbegħdin wisq mill-ħsibijiet prattiċi ta’ partijiet interessati ewlenin madwar l-Ewropa: l-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-SMEs u ċittadini ordinarji. Iżda hawnhekk hija s-setgħa innovattiva tal-Ewropa. Sfidi kbar għandhom ikunu espliċitament marbutin ma’ kwistjonijiet li jippreżentaw sfida fil-livell lokali u reġjonali, u jiġu trattati hemm. B’hekk titjieb l-innovazzjoni lokali u jkunu involuti ammonti kbar ta’ potenzjal mhux użat u intelliġenza kollettiva. Iċ-ċittadini mhumiex sempliċiment il-benefiċjarji tal-innovazzjoni, iżda atturi fiċ-ċentru tal-proċess tal-innovazzjoni. Għandna bżonn niffokaw aktar fuq ir-raġuni għalfejn dan il-bżonn għal bidla huwa minnu u kif ser timmotiva u tinċentiva lil dawk li jaqbdu din il-mixja tal-innovazzjoni. Hemm bżonn li fir-reġjuni jinħolqu programm soċjali li jisfruttaw id-djalogu u l-kooperazzjoni li saru possibbli bid-diġitalizzazzjoni u li huma mmirati sabiex jiksbu l-bidliet soċjali meħtieġa. Kulħadd għandu jitħeġġeġ jindirizza n-nuqqasijiet soċjali importanti u jaħdem biex joħloq il-bidla. |
|
26. |
Il-KtR iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi programmi sabiex “l-isfidi l-kbar tas-soċjetà” jiġu implimentati fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali. Kif tista’ Sfida Kbira tas-Soċjetà tiġi trasposta għall-bżonnijiet nazzjonali? Għall-prijoritajiet reġjonali? Għall-kwistjonijiet lokali? Dawn il-programmi, fil-qafas tal-Orizzont 2020 u programmi oħra tal-UE, għandhom jippermettu liċ-ċittadini u lin-negozji ż-żgħar jgħarrfu lill-Kummissjoni bl-isfidi li qed jiffaċċjaw, u jipprovdu l-faċilitajiet (metodoloġiji, ambjenti li jtejbu l-innovazzjoni, il-faċilitaturi) sabiex dawn l-isfidi lokali jsiru programmi innovattivi fil-livell adatt. Metodoloġija essenzjali għal dan hija l-ħolqien rapidu tal-prototipi. |
|
27. |
Il-KtR jirrakkomanda esperimenti u azzjonijiet speċjali dwar il-ħolqien rapidu tal-prototipi għal kull wieħed mill-Isfidi l-Kbar tas-Soċjetà, biex jitwettqu f’għadd ta’ reġjuni Ewropej fil-qafas ta’ programm interkonness ta’ tagħlim konġunt. In-netwerking tal-bliet intelliġenti konnessi għandu wkoll jiżdied sabiex jitħeġġu l-innovazzjoni sperimentali u t-tagħlim. L-Ewropa għandha bżonn bliet pijunieri kif ukoll programmi effettivi ta’ sħubija biex jippromovu l-innovazzjoni, li tiggarantixxi l-iżvilupp tar-reġjuni kollha irrispettivament mis-sitwazzjoni attwali tagħhom. Dan ifisser li l-kwistjonijiet iridu jsiru rilevanti fil-livell reġjonali u lokali, sabiex ikunu jistgħu jiġu indirizzati bħala proċessi ta’ tibdil innovattiv fil-livell lokali. Għandhom isiru skambji ta’ tagħlim u esperjenza bejn ir-reġjuni diversi li qed jieħdu sehem, u dawn jiġu kodifikati permezz ta’ rappurtar rapidu b’elementi viżwali ċari u lingwaġġ li jinftiehem, li jkun ukoll għall-użu attiv ta’ oħrajn. Is-soluzzjonijiet li jasal għalihom reġjun wieħed jistgħu mbagħad jiġu ttestjati u verifikati fir-reġjuni l-oħra li qed jieħdu sehem u soluzzjonijiet effettivi jistgħu jiġu adatti għal reġjuni oħrajn fl-Ewropa. Dawn il-miżuri jkunu karatterizzati mill-flessibilità u jkunu applikati b’mod tajjeb fil-livell lokali f’tali mod li jnaqqas kemm jista’ jkun il-piż amministrattiv fuq in-negozji, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni, l-awtoritajiet pubbliċi u partijiet interessati oħra. |
|
28. |
Il-KtR jiġbed l-attenzjoni ta’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fuq livell reġjonali li dan l-approċċ, flimkien mal-użu ta’ finanzjament mill-Fond ta’ Koeżjoni u dak lokali b’sinerġija ma’ programmi tal-UE, jipproduċi innovazzjonijiet prattiċi li jintużaw madwar l-Ewropa kollha. Ser itejjeb ukoll l-innovazzjoni lokali u jgħin biex tinħoloq kultura ta’ innovazzjoni madwar l-Ewropa kollha. |
|
29. |
L-universitajiet għandhom rwol kruċjali f’dan l-iżvilupp. Sfortunatament, b’riżorsi li qed jonqsu, l-universitajiet qed “jissikkaw iċ-ċinturin” u jduru lura għall-metodi tradizzjonali ta’ tagħlim u riċerka. L-impenn estern jidher li qed jieħu t-tieni post. Il-Kumitat tar-Reġjuni jixtieq jara attivitajiet li jinkoraġġixxu lill-universitajiet biex jaqdu rwol ewlieni fis-soċjetà u biex iħejju metodi ta’ taħriġ u tagħlim għall-proċessi ta’ bidla soċjali u tas-soċjetà li huma meħtieġa. |
IV. SPEĊJALIZZAZZJONI INTELLIĠENTI
|
30. |
Ir-rwol tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti inkorporat fil-qafas tal-politika tal-Ewropa 2020 ġie enfasizzat mill-Kunsill tal-UE b’mod partikolari fil-konklużjonijiet tiegħu dwar l-Unjoni tal-Innovazzjoni. Il-Gwida tal-UE dwar l-istrateġiji ta’ riċerka u innovazzjoni għall-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti (RIS3) tiddefinixxi dawn l-istrateġiji bħala aġendi integrati u lokalizzati ta’ trasformazzjoni ekonomika. |
|
31. |
Il-KtR jenfasizza li l-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti hija qafas ta’ politika reġjonali għat-tkabbir xprunat mill-innovazzjoni. Dak li jiddistingwi l-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti minn politiki tradizzjonali industrijali u dawk dwar l-innovazzjoni huwa prinċipalment il-proċess definit bħala “proċess intraprenditorjali ta’ skoperta” – proċess interattiv fejn il-forzi tas-suq u s-settur privat qed jiskopru u jipproduċu informazzjoni dwar attivitajiet ġodda, u l-gvern jevalwa l-eżiti u jagħti s-setgħa lil dawk l-atturi li huma l-aktar kapaċi li jwettqu l-potenzjal. L-istrateġiji tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti huma ħafna aktar minn isfel għal fuq mill-politiki industrijali tradizzjonali. |
|
32. |
Il-pjattaforma ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti (S3 Platform) għandha bżonn tappoġġja aktar l-attivitajiet fil-livelli reġjonali u lokali b’enfasi partikolari fuq ir-reġjuni anqas żviluppati. Fuq kollox, dan ifisser li f’kull reġjun jiġu appoġġati l-proċessi li jgħinu biex jiġu identifikati l-attivitajiet b’valur miżjud għoli. Dan ifisser ukoll li jiġu pprovduti l-aħjar opportunitajiet biex jissaħħħu l-kompetittività tar-reġjun u l-portafoll ta’ politiki li għandu jiġi implimentat biex ifasslu l-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti tagħhom. |
|
33. |
Il-KtR jenfasizza li l-approċċ RIS3 huwa konsistenti mal-għanijiet u l-għodda tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE, u li jippromovi t-tkabbir u l-impjiegi madwar il-pajjiżi u r-reġjuni tal-UE. Jissuġġerixxi strateġija u rwol globali għal kull ekonomija nazzjonali u reġjonali, inklużi kemm it-territorji mexxejja kif ukoll dawk anqas avvanzati. Iħaddan kunċett aktar wiesa’ ta’ innovazzjoni, mhux biss l-investiment fir-riċerka jew fis-settur tal-manifattura, iżda wkoll jibni l-kompetittività permezz tad-disinn u l-industriji kreattivi, kapaċità akbar ta’ innovazzjoni fl-attivitajiet tas-settur pubbliku, l-innovazzjoni soċjali u fis-servizzi, mudelli ġodda ta’ negozju u innovazzjoni bbażata fuq il-prattika. |
|
34. |
Il-KtR jappoġġja bil-qawwa l-proposta li ġejja tal-Kumitat ITRE tal-Parlament Ewropew biex tiġi inkluża fir-regoli tal-Orizzont 2020: “L-istrumenti li jorbtu r-riċerka, l-innovazzjoni u l-istrateġiji tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti ser jiġu implimentati kemm f’Orizzont 2020 kif ukoll fil-Fondi Strutturali sabiex jinħolqu indikaturi oġġettivi għall-iskala tal-eċċellenza u l-bini taż-ŻER (Żona Ewropea tar-Riċerka u l-Innovazzjoni).” |
|
35. |
Ir-reġjuni u l-bliet għandu jkollhom ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni bħala parti mill-aġenda ta’ politika ewlenija tagħhom. L-Orizzont 2020 u l-Fondi ta’ Koeżjoni għandhom jintużaw biex joħolqu l-kunċetti, l-għodod u l-prerekwiżiti oħra li permezz tagħhom l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jippromovu b’mod attiv l-innovazzjoni, jieħdu r-riskji u jinvestu fl-applikazzjoni prattika tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, sabiex b’hekk ikun jista’ jsir adattament skont l-ispeċifiċitajiet reġjonali. |
|
36. |
Sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020, huwa importanti li l-politika ta’ koeżjoni tal-UE tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-bażi ta’ ħiliet lokali u l-kapaċità ta’ innovazzjoni fil-livell lokali, kif ukoll l-iżvilupp ta’ strumenti u kooperazzjoni li jippromovu l-kooperazzjoni bejn ir-reġjuni ġewwa l-Ewropa. Dawn l-istrumenti u l-kooperazzjoni huma meħtieġa għall-implimentazzjoni tar-riżultati tal-Orizzont 2020 fil-livell lokali u reġjonali. Sabiex jintlaħaq dan l-objettiv, il-KtR jirrakkomanda li l-potenzjal tal-Programm INTERREG tal-UE jiġi sfruttat bis-sħiħ u li jingħata biżżejjed riżorsi billi jitwaqqfu pjattaformi għat-tagħlim reċiproku u billi jitrawwem l-iskambju internazzjonali dwar strateġiji tal-innovazzjoni. |
V. IL-BLIET INTELLIĠENTI (SMART CITIES)
|
37. |
Il-kunċett tal-Bliet Intelliġenti huwa wieħed mill-oqsma li l-UE iffokat fuqu sabiex jistimola t-tkabbir sostenibbli u li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja. L-elementi li jippermettu dan huma l-investimenti fl-infrastruttura moderna tal-ICT u s-servizzi elettroniċi, kif ukoll fil-kapital uman u soċjali. L-ixpruni tal-bidla huma prinċipalment il-kapital għat-tiġdid reġjonali u l-effettività tal-ekosistemi tal-innovazzjoni – immirati speċjalment lejn l-immodernizzar tal-kultura tal-kollaborazzjoni tat-tliet spirali (Triple Helix) u ż-żieda fir-rispons reġjonali permezz tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini. Il-KtR jinnota l-importanza kruċjali li l-applikazzjonijiet intelliġenti joperaw permezz ta’ interfaċċi diġitali miftuħa u interoperabbli li jikkonnettjaw kemm in-nies fir-reġjun tagħhom u globalment, kif ukoll il-bliet għal sħubiji Ewropej. Il-kunċett ta’ Bliet Intelliġenti konnessi għandu jiġi żviluppat aktar u estiż madwar l-Ewropa kollha. |
|
38. |
L-iżvilupp u l-produzzjoni ta’ servizzi intelliġenti li huma adattati għall-kulturi lokali kif ukoll għan-negozji u s-servizzi pubbliċi lokali għandhom jitniedu fir-reġjuni tal-UE bħala aspett tal-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti. Il-Kumitat tar-Reġjuni jipproponi li l-attivitajiet ta’ żvilupp fil-livell lokali u reġjonali għandhom ikunu appoġġjati sew minn proġetti ta’ riċerka ffinanzjati mill-UE li huma ddisinjati sabiex jiksbu l-aħjar riżultati għall-użu reġjonali, jipproċessaw dawk ir-riżultati u jappoġġjaw l-applikazzjoni tagħhom f’reġjuni differenti. |
|
39. |
Għandhom jitniedu programmi fir-reġjuni sabiex jinħolqu punti ta’ innovazzjoni b’saħħa internazzjonali. Dawn il-programmi għandhom jintużaw biex iħeġġu ż-żoni urbani jagħmlu għażliet prijoritarji strateġiċi bbażati fuq l-identità, id-domanda u l-għarfien multidixxiplinarju tagħhom stess, u li jniedu attivitajiet ta’ negozju li jkunu bbażati fuq l-għarfien. Il-Kumitat tar-Reġjuni jirrakkommanda li l-programmi jkunu ffinanzjati kemm mir-riżorsi reġjonali kif ukoll mill-fondi strutturali tal-UE; l-attivitajiet tagħhom għandhom jiġu appoġġjati minn medda ta’ miżuri, programmi u strumenti finanzjarji tal-UE. |
|
40. |
Il-KtR jenfasizza li l-fattur ewlieni għas-suċċess fl-istrateġiji reġjonali tal-innovazzjoni huwa l-effettività biex jingħalaq id-distakk bejn l-għarfien ta’ riċerka globali u l-prattiki reġjonali attwali. L-istrutturi u l-proċessi fil-bliet u r-reġjuni jridu jiġu żviluppati, anke radikalment mibdula, skont ir-riżultati tar-riċerka l-aktar reċenti. Sabiex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet, il-KtR ifakkar illi:
|
|
41. |
Il-KtR huwa konxju li l-innovazzjoni fis-soċjetà tista’ tiżdied ħafna bit-tqanqil tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini. Dan ifisser b’mod partikolari l-użu tat-teknoloġija diġitali b’mod iċċentrat fuq il-bniedem: crowdsensing u crowdsourcing. Fil-Bliet Intelliġenti l-iżvilupp huwa bbażat b’mod qawwi fuq proċessi parteċipattivi minn isfel għal fuq, li huma sensittivi għad-dinamiċi tal-forom kollha ta’ attivitajiet soċjetali, kif ukoll għar-responsabbiltà individwali u kondiviża – ħafna aktar mis-servizzi tradizzjonali operati mill-bliet li jkunu minn fuq għal isfel. Il-bidla essenzjali hija li ċ-ċittadini huma involuti direttament fi proċessi soċjetali permezz tal-ġenerazzjoni tad-data u pjattaformi ta’ kondiviżjoni tal-kontenut. Ir-rwol taċ-ċittadini jista’ jiġi deskritt bħala aġenti tal-bidla billi jipperċepixxu, jirrappurtaw u wkoll jieħdu ħsieb attivitajiet diversi. |
|
42. |
Il-KtR jaqbel ma’ investimenti ġodda fl-innovazzjoni miftuħa u l-crowdsourcing. Dawn huma l-ideat ewlenin assoċjati mal-Bliet Intelliġenti u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadin. Il-crowdsourcing huwa l-metodu ta’ parteċipazzjoni fejn il-kumpaniji, il-bliet u organizzazzjonijiet oħra jfittxu l-kontribut ta’ komunitajiet ta’ nies, u hawnhekk dan huwa essenzjali. Fattur ieħor huwa n-nuqqas ta’ għarfien – u ta’ fehim – tal-prattiki tajbin ta’ xulxin, kif jaħdmu u għaliex. |
|
43. |
Il-KtR jagħraf il-ħtieġa ta’ kooperazzjoni mill-viċin bejn livelli differenti ta’ gvern u s-soċjetà ċivili, u jinnota li dan diġà qed joħroġ fi bliet u reġjuni diversi madwar l-Ewropa. Iżda l-bliet u r-reġjuni mhumiex qed jużaw il-prattiki tajbin b’mod tajjeb: il-proġetti pilota promettenti għandhom it-tendenza li jibqgħu lokali mingħajr ma jwasslu l-benefiċċji kollha lill-utenti, u mingħajr ma jipprovdu opportunitajiet ta’ negozju għall-kumpaniji fornituri. L-iskalar ’il fuq insuffiċjenti huwa minħabba n-natura kumplessa ta’ ħafna mill-innovazzjonijiet urbani u l-kuntest li fihom jiġu adottati. |
|
44. |
Il-KtR jirrakkomanda li l-Kummissjoni tagħmel sejħiet għall-offerti għall-innovazzjonijiet tal-bliet. L-enfasi għandha tkun fuq il-ħolqien ta’ mudelli ġodda ta’ kollaborazzjoni għal soluzzjonijiet ġodda li jindirizzaw l-iżvilupp urban u l-ħtiġiet tas-servizzi, u biex dawn is-soluzzjonijiet innovattivi jiġu skalati ’il fuq u kondiviżi fi bliet u reġjuni oħra. Dawn għandhom jinkludi tipi ġodda ta’ kollaborazzjoni bejn iċ-ċittadini, in-negozji, l-istituti edukattivi u tar-riċerka, u l-gvernijiet. Dan jinvolvi kemm opportunitajiet kif ukoll sfidi. Iċ-ċittadini madwar l-Ewropa diġà qed jieħdu inizjattivi biex ibiddlu l-ambjent tagħhom stess u jesperimentaw b’modi ġodda ta’ kollaborazzjoni. L-opportunitajiet jinkludu l-appoġġ tal-ħajja rikka u l-attiva tal-komunità, il-mobilizzazzjoni ta’ għadd kbir ta’ voluntiera, u l-medda kbira ta’ inizjattivi li joħorġu b’riżultat ta’ dan. Dawn l-attivitajiet għandhom jimmiraw lejn l-iskoperta ta’ modi ġodda ta’ kollaborazzjoni u t-tisħiħ tar-rabtiet bejn is-sħubiji eżistenti, b’tali mod li jsiru aktar miftuħin għal skoperti innovattivi u li jkunu bbażati b’mod aktar ċar fuq l-użu tar-riżorsi globali tal-għarfien u li jitgħallmu mingħand xulxin. Hemm bżonn li tinġibed l-attenzjoni tar-reġjuni simili madwar l-Ewropa għall-eżempji li kellhom suċċess. |
VI. L-EKOSISTEMI TA’ INNOVAZZJONI REĠJONALI BĦALA LABORATORJI GĦALL-ISKOPERTI INTRAPRENDITORJALI
|
45. |
Sfida ewlenija għall-eliminazzjoni tad-distakk fl-innovazzjoni hija li jinkisru l-kumpartimenti strutturali li fil-qafas tagħhom jiġu indirizzati l-kwistjonijiet u l-isfidi. Il-problemi soċjetali mhumiex limitati għall-kumpartimenti amministrattivi, u lanqas ma jistgħu jiġu indirizzati permezz ta’ proġetti individwali jew ministeri nazzjonali u reġjonali. Il-proġetti tradizzjonali – anke dawk kbar – mhumiex soluzzjoni: l-Ewropa għandha bżonn tieqaf milli taħseb u topera b’mod kumpartimentalizzat. It-tkabbir ġdid u l-impjiegi ġodda jiġu mill-innovazzjoni miftuħa u n-netwerks ta’ valur. L-Ewropa għandha bżonn toħloq mentalità transdixxiplinarja mmirata lejn l-iskoperti intraprenditorjali, u l-indirizzar tal-isfidi b’mod sistemiku. Il-problemi interkonnessi għandhom bżonn soluzzjonijiet sistemiċi. |
|
46. |
Il-KtR jinnota li qed isiru żviluppi eċċitanti fil-laboratorji tal-universitajiet madwar l-Ewropa, u anke globalment, li jindirizzaw l-isfidi l-kbar soċjetali u industrijali. Iżda llum il-ġurnata l-aqwa laboratorji għall-innovazzjonijiet revoluzzjonarji m’għadhomx il-faċilitajiet tradizzjonali universitarji, imma saru l-ekosistemi ta’ innovazzjoni reġjonali li joperaw bħala bank tal-prova għall-ħolqien ta’ prototipi rapidi għal bosta tipi ta’ innovazzjonijiet xprunati mill-utenti, li huma bbażati fuq sistemi trasformattivi u skalabbli. Sabiex tkun tista’ tittrasforma r-riżultati tar-riċerka fix-xjenza u t-teknoloġija fi flussi b’saħħithom ta’ prodotti, servizzi u proċessi ġodda, l-Ewropa għandha bżonn tistimola l-innovazzjoni permezz ta’ sistemi ta’ produzzjoni differenti mill-istil antik ta’ manifattura. Dan jeħtieġ ukoll fehim reċiproku tar-rekwiżiti, il-mistoqsijiet, u l-opportunitajiet fl-oqsma differenti tan-negozju, ix-xjenza u l-gvern. |
|
47. |
Il-KtR jappella għal aktar attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp dwar il-modi kif jistgħu jiġu stimolati l-innovazzjoni u l-iżvilupp tan-negozji, lil hinn mill-istrutturi skaduti ta’ setturi u raggruppamenti, u li jaħseb f’termini ta’ ekosistemi, li jistgħu jiġu koordinati sabiex ikabbru l-potenzjal innovattiv tar-reġjuni u jrawmu l-ispirtu intraprenditorjali tagħhom. |
|
48. |
Il-KtR jenfasizza l-importanza tal-finanzjament fil-livell tal-UE u reġjonali għall-innovazzjoni u għal ekosistemi ta’ produzzjoni b’karatteristiċi lokali, reġjonali jew transreġjonali qawwijin. Politika ta’ innovazzjoni msejsa fuq bażi wiesgħa toħloq il-prekondizzjonijiet għal mudelli b’operat sistemiku li fi djalogu ta’ ħolqien konġunt jikkombinaw il-bżonnijiet tal-utenti, tal-konsumaturi u taċ-ċittadini, flimkien mal-għarfien, il-kreattività u l-kompetenza. |
|
49. |
Hemm bosta oqsma ta’ riċerka u innovazzjoni li jiffukaw fuq l-appoġġ tal-ixpruni tal-bidla meħtieġa b’urġenza għall-perjodu l-ġdid ta’ programmar 2014-2020. Il-KtR jixtieq jenfasizza dawn li ġejjin bħala l-fatturi ta’ suċċess fl-invenzjoni tal-futur:
|
|
50. |
L-esperjenza tal-UE ta’ programmazzjoni konġunta u sħubijiet bejn in-nazzjonijiet għandha bżonn tkompli tiżviluppa biex jissaħħu l-proċessi reġjonali li jgħaqqdu l-approċċ minn isfel għal fuq rigward il-prijoritajiet strateġiċi tal-UE 2020 mal-għarfien Ewropew ta’ riċerka ta’ livell għoli. Il-Kumitat tar-Reġjuni jisħaq dwar l-importanza li jiżdiedu l-fondi biex ikun hemm aktar sħubijiet Ewropej u tagħlim komparattiv reġjonali permezz tal-Progamm INTERREG u programmi simili oħrajn. |
|
51. |
Il-KtR iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi programmi ta’ “skoperti intraprenditorjali” biex jaħdmu f’diversi livelli u jiskopru x’inhu l-aktar effettiv għall-ħtiġijiet lokali u l-iskalar Ewropew. Il-finanzjament għal dawn għandu jiġi minn sorsi diversi: l-Orizzont 2020, il-Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-SMEs (COSME), il-fondi ta’ koeżjoni u oħrajn. Proġetti pilota fejn numru ta’ reġjuni jieħdu sehem fihom jistgħu jkabbru l-potenzjal għat-tagħlim transreġjonali. Ir-reġjuni bi qrubija kulturali – pereżempju r-reġjun tal-Baħar Baltiku, ir-reġjun tad-Danubju, jew reġjuni ultraperifiċi – għandhom jaħdmu flimkien sabiex jindirizzaw l-isfidi soċjetali speċifici komuni għalihom. L-innovazzjonijiet li jkollhom suċċess f’reġjun wieħed jistgħu jiġu ttestjati u verifikati f’reġjuni oħra, l-innovazzjonijiet tal-bliet jistgħu jiġu skalati u applikati għar-reġjun, u mbagħad skalati għal reġjuni oħra madwar l-Ewropa. Dawn il-proġetti għandhom jinvolvu l-partijiet interessati fil-livelli kollha, inklużi l-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-SMEs, l-NGOs u b’mod speċjali l-istituzzjonijiet kollha edukattivi. |
|
52. |
Id-disinn, fil-forom diversi tiegħu, ilu żmien twil assoċjat mal-intraprenditorija. Disinn strateġiku jfisser li jiġu applikati prinċipji familjari waqt l-iżvilupp ta’ reazzjonijiet għall-isfidi maġġuri soċjetali, bħat-tixjiħ tal-popolazzjoni u t-tibdil fil-klima. Id-disinn ifisser aktar milli tingħata forma lil xi ħaġa. Id-disinn jista’ jintuża sabiex jinstabu perspettivi ġodda fis-soluzzjoni tal-problemi, jidentifika miżuri possibbli u joħloq reazzjonijiet effettivi u komprensivi mingħajr il-kumpartimentalizzazzjoni tipika tas-settur pubbliku. |
|
53. |
Id-disinn innovattiv joffri opportunitajiet importanti għall-produzzjoni ta’ benefiċċji ekonomiċi u kulturali fis-soċjetà. Fir-reġjuni għandhom jiġu promossi ekosistemi li huma ffokati fuq id-disinn. Ir-riċerkaturi bl-esperjenza, ir-rappreżentanti tan-negozju u l-professjonisti varji fil-qasam tad-disinn, kif ukoll il-kumpaniji tagħhom, l-universitajiet u komunitajiet oħra jaħdmu flimkien b’mod effettiv f’dawn l-ekosistemi, u jipproduċu inizjattivi ġodda. B’dan il-mod kollha kemm huma jipparteċipaw sabiex ikunu involuti b’mod proattiv fiż-żieda tal-livell tal-attività u t-tmexxija ’l quddiem tal-politika ta’ innovazzjoni inġenerali. |
|
54. |
Il-KtR jisfida lir-reġjuni u lill-bliet biex jużaw l-akkwist pubbliku innovattiv biex joħolqu l-innovazzjonijiet. Il-kollaborazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat fl-esperimentazzjoni u l-prototipi għandha titħeġġeġ, u li tazzarda tieħu r-riskju u ma tirnexxix għandu jitqies bħala għażla intraprenditorjali u mhux bħala umiljazzjoni soċjali. Ir-rappreżentanti pubbliċi tal-bliet u r-reġjuni għandhom jiżviluppaw metodi għall-ġestjoni tar-riskji ta’ dan it-tip ta’ proġett u jaqsmu l-esperjenzi tagħhom. Bit-trawwim ta’ spirtu intraprenditorjali ta’ esperimentazzjoni, proġetti piloti u prototipi, dawn il-proġetti jżidu s-setgħa taċ-ċittadini Ewropej li jorganizzaw lilhom infushom. |
VII. KOOPERAZZJONI SINERĠETIKA WAQT IL-PERJODU L-ĠDID TA’ PROGRAMMAR
|
55. |
Ir-riformi ewlenin tal-perjodu ta’ programmar li jmiss jinkludu l-fokus tal-proġetti fuq il-prijoritajiet strateġiċi tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti, is-semplifikazzjoni tal-ġestjoni tal-proġetti u l-bidla għal inizjattivi ferm akbar fl-iskala permezz tal-koordinament mill-qrib ta’ għadd ta’ proġetti. Prinċipju ieħor importanti huwa l-koordinazzjoni mill-qrib bejn il-programm Orizzont 2020 u l-politika ta’ koeżjoni, u l-konsolidazzjoni sinerġetika tal-finanzjament skont dawn il-politiki u l-finanzjament lokali u reġjonali. |
|
56. |
Il-KtR jinnota li l-applikazzjoni konsistenti ta’ dawn il-prinċipji sabiex jiġu implimentati l-proposti li fiha din l-Opinjoni inevitabbilment ser tfisser li l-finanzjament tal-Orizzont 2020 ser jiġi mmirat lejn il-bżonnijiet ta’ riċerka kif stabbiliti fl-istrateġiji RIS3 tar-reġjuni tal-UE. B’hekk il-programm Orizzont 2020 jaħdem bħala katalizzatur, jipproduċi l-għarfien mir-riċerka u jiżviluppa kunċetti metodoloġiċi għar-RŻI reġjonali. L-oqsma ewlenin ta’ riċerka li ser jiġu finanzjati mill-Orizzont 2020 għalhekk għandhom jiġu identifikati mill-istrateġiji RIS3. |
|
57. |
Il-Kumitat tar-Reġjuni jenfasizza l-importanza li l-livell reġjonali jiġi mismugħ fl-ippjanar tal-koordinazzjoni tal-programmi diversi. Fattur kruċjali sabiex titwettaq azzjoni u titħeġġeġ l-attività innovattiva fil-livell reġjonali huwa li d-Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni għandhom jisimgħu lil dawk li jitkellmu f’isem ir-reġjuni, bħalma hu l-KtR, meta jiddeċiedu dwar l-oqsma ta’ riċerka. Barra minn hekk, l-appoġġ materjali u metodoloġiku tal-proġetti li jsiru fir-reġjuni permezz ta’ finanzjament mill-fondi ta’ koeżjoni, minbarra l-obbligazzjoni tas-soltu li jiġu kondiviżi r-riżultati, għandu jinfluwenza r-regoli ta’ implimentazzjoni tal-proġett Orizzont 2020 u l-mod kif jintuża l-finanzjament. Din il-kooperazzjoni ssir kif ġej:
|
|
58. |
Il-KtR jinnota li l-komunitajiet xjentifiċi u tan-negozju globali daħlu fl-era ta’ innovazzjoni miftuħa u ħolqien konġunt li fiha l-kollaborazzjoni transkonfinali hija l-vantaġġ kompetittiva l-ġdida. Sabiex kwistjonijiet diffiċli u kumplessi jiġu indirizzati b’suċċess, il-KtR jipproponi lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi pjattaformi ta’ sfida għat-tfittxija ta’ soluzzjonijiet Ewropej permezz ta’ netwerks transdixxiplinarji. Dawn il-pjattaformi jindirizzaw sfidi speċifiċi rilevanti madwar ir-reġjuni parteċipanti, u permezz ta’ metodoloġiji strutturati jwasslu l-ideat tajbin sabiex isiru prototipi li mbagħad jiġu mwettqa f’proġetti pilota. B’hekk tiġi mmobilizzata s-setgħa trasformattiva tar-reġjuni. |
|
59. |
Il-KtR jenfasizza li dawn il-pjattaformi għandhom ikunu bbażati kemm fuq it-tagħlim komparattiv – il-verifikazzjoni ta’ ideat li jaħdmu f’reġjun wieħed billi jiġu ttestjati f’reġjuni oħra – u l-għemil komparattiv – l-għoti ta’ valur lil ideat ġodda billi twettaqhom f’innovazzjonijiet prattiċi f’numru ta’ reġjuni fl-istess waqt. Fil-fażi pilota, għadd ta’ reġjuni jieħdu sehem sabiex jindirizzaw sfidi reali li jiffaċċjaw, pereżempju l-kura tas-saħħa, l-opportunitajiet għal soċjetà li qed tixjieħ, l-enerġija, impronta mingħajr karbonju, l-agrikoltura u l-ikel, u oħrajn. |
|
60. |
Il-KtR jenfasizza l-importanza ta’ żvilupp metodoloġiku tal-ogħla livell u t-tixrid effettiv tar-riżultati. L-isfidi u l-eżiti għandhom ikunu ppubblikati fuq pjattaformi cloud u indirizzati kemm lokalment kif ukoll madwar ir-reġjuni. L-aqwa xpruni għall-iżvilupp u t-tmexxija ta’ proġetti madwar l-Ewropa kollha għandhom jiġu finanzjati mill-Orizzont 2020 u l-Fond ta’ Koeżjoni – l-għan ta’ dan huwa wkoll li jiġu ttestjati metodoloġiji u għodda effettivi ta’ kollaborazzjoni reali u tagħlim transkonfinali. |
|
61. |
Il-KtR jagħraf il-bżonn ta’ taħriġ attiv biex jitrawwem spirtu ta’ impenn multiġenerazzjonali, li jista’ jkun fattur ewlieni sabiex jingħalaq id-distakk fl-innovazzjoni. Il-gruppi fil-mira tar-reġjuni u l-ambjenti kulturali diversi – xjentisti, impjegati taċ-ċivil, SMEs, u studenti – għandhom jiġu mħarrġa kemm biex jifhmu u jikkomplementaw b’mod attiv il-perspettivi ta’ xulxin, kif ukoll dwar kif japplikaw ideat rilevanti fil-prattika. B’mod speċjali r-rwol tal-iskejjel u tal-istituti edukattivi kollha huwa kruċjali għal dan. |
|
62. |
Il-kreattività u l-abbiltà li jkun assimilat kulma hu ġdid jiġu b’mod naturali ħafna fit-tfal iż-żgħar waqt is-snin bikrin tagħhom. Tkun mistoqsija valida tistaqsi għaliex l-ambjent soċjali u s-sistema tal-iskola huma spiss inkapaċi li jikkristallizzaw dawn il-kwalitajiet f’mod ta’ għajxien interessat, miftuħ u innovattiv. L-atturi kollha għandhom jingħaqdu sabiex jiżguraw li l-iskejjel madwar l-UE jpoġġu l-kreattività u l-abbiltà li titgħallem fiċ-ċentru ta’ medda ta’ għanijiet u rekwiżiti. Dan huwa perjodu li matulu qed tevolvi l-bażi tal-innovazzjoni Ewropea. |
|
63. |
Fl-aħħar nett, il-KtR jifhem l-importanza li jingħalaq id-distakk bejn ix-xjenza u s-soċjetà. Il-KtR iħeġġeġ lill partijiet kollha konċernati biex jipparteċipaw b’mod attiv fi djalogi bejn ix-xjenza u s-soċjetà li jesploraw u jenfasizzaw kif ir-riżultati tar-riċerka jistgħu jitwettqu fil-prattika fil-ħajja reali. L-isfidi kollha soċjetali għandhom dimensjoni lokali qawwija, li tista’ tibbenefika meta ix-xjentisti jsiru konxji tal-kwistjonijiet u l-partijiet interessati fis-soċjetà jifhmu x’tista’ toffri x-xjenza. Fid-djalogu l-enfasi għandha tkun fuq konnessjoni espliċita bejn il-bżonnijiet lokali u l-eżiti tar-riċerka tal-pilastri tal-Orizzont 2020: l-isfidi soċjetali, it-tmexxija industrijali u x-xjenza eċċellenti. Postijiet fejn jitrawmu l-ideat u inkubaturi soċjali jistgħu mbagħad jinħolqu biex l-għarfien miksub mid-diskussjoni jista’ jsir prototip li jista’ jiġi ttestjat fil-ħajja reali. |
|
64. |
Dawn il-proposti ser jaħdmu verament biex jiġi eliminat id-distakk fl-innovazzjoni meta jkunu applikati fir-reġjuni kollha tal-Ewropa. Il-KtR jagħraf il-ħtieġa li jiġu indirizzati l-bżonnijiet tar-reġjuni li jixprunaw, ir-reġjuni li qed jaħdmu sew, u r-reġjuni aktar vulnerabbli li ma jipprestawx u li huma anqas vantaġġati. Naturalment, f’kull livell huma meħtieġa azzjonijiet u programmi speċifiċi mmirati. Aktar minn hekk, nenfasizzaw l-importanza li jiġu appoġġjati l-kooperazzjoni transreġjonali u l-kollaborazzjoni ta’ kull tip: is-sħubija attiva fl-iskambju tal-għarfien u l-ħolqien konġunt tal-proċessi u l-prattiki li ser jaħdmu f’kull sitwazzjoni partikolari, taħriġ u mentoring transreġjonali, inizjattivi ta’ valutazzjoni komparattiva u ta’ bench-doing li jippermettu r-reġjuni anqas vantaġġati jibbenefikaw minn esperjenzi f’postijiet oħra filwaqt li fl-istess ħin jikkontribwixxu għas-saħħiet u l-għarfien espert speċjalizzat speċifiku tagħhom stess biex imantnu u jappoġġjaw l-innovazzjoni f’reġjuni oħra. Din id-diversità qawwija reġjonali għandha tkun ċentrali għall-vantaġġ kollaborattiv il-ġdid tal-Ewropa. |
VIII. XI JMISS?
|
65. |
Il-KtR jemmen bis-saħħa li l-proċess sabiex jiġi definit kif il-ħafna suġġerimenti u rakkomandazzjoniet f’din l-Opinjoni jistgħu jitwettqu fil-prattika, u l-esplorazzjoni kollaborattiva ta’ approċċi promettenti għall-implimentazzjoni effettiva tagħhom fi ħdan u madwar il-konfini reġjonali, huwa l-mod l-aktar effettiv sabiex l-intenzjonijiet eċċellenti jsiru riżultati reali li għandhom impatt qawwi fit-toroq tal-Ewropa. Dan huwa essenzjali għall-eliminazzjoni tad-distakk fl-innovazzjoni. |
|
66. |
Ir-responsabbiltà għall-bidliet meħtiġin hija tal-livelli u l-atturi kollha. Ir-responsabbiltà għall-implimentazzjoni tal-proposti mressqa f’din l-Opinjoni naturalment ser tkun tal-Kummissjoni Ewropea, kif ukoll ta’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u atturi oħra fil-livelli lokali u reġjonali. Il-Presidenza Irlandiża, u l-presidenzi ta’ wara, ukoll għandhom ir-responsabbiltà, għax dawn jistgħu jibdew jimlimplentaw uħud mill-proposti, jew il-proposti kollha, mill-aktar fis u kemm jista’ jkun b’mod sħiħ. |
|
67. |
Il-Kumitat tar-Reġjuni jirrakkomanda li l-awtoritajiet lokali u reġjonali, il-Kummissjoni u atturi oħra, għandhom jiżguraw is-segwitu billi jiġbru eżempji ta’ prattika tajba. L-objettiv huwa li titħaffef il-bidla mixtieqa kemm b’mod ġenerali kif ukoll permezz ta’ għadd ta’ miżuri allokati bħala proġetti prijoritarji. Uħud minn dawn għandhom jitpoġġew ukoll fuq l-aġenda tal-presidenzi futuri. |
Brussell, 30 ta’ Mejju 2013
Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni
Ramón Luis VALCÁRCEL SISO
(1) CdR 1112/2012 fin.