2.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 62/47


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “It-Tkabbir Blu — Opportunitajiet ta’ tkabbir sostenibbli fis-settur tal-baħar u dak marittimu”

2013/C 62/10

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-ekonomija marittima fis-sens wiesa’ mhix limitata għar-reġjuni u l-entitajiet b’aċċess dirett għall-ibħra u l-oċeani. Fil-biċċa l-kbira, l-ekonomija marittima hija relevanti wkoll għar-reġjuni l-bogħod mill-kosti u l-portijiet minħabba l-fatt li, fost l-oħrajn, jimmanifatturaw tagħmir marittimu u huma involuti f’attivitajiet fis-setturi tat-trasport u l-loġistika, u tar-riċerka u l-iżvilupp;

għalhekk jitlob li fl-iżvilupp tal-ekonomija l-blu titqies l-importanza tal-partikolaritajiet tal-baċiri marittimi Ewropej u li dawn jiġu sfruttati fl-implimentazzjoni tagħha;

jinnota l-ħtieġa li l-akkwakultura tkun appoġġjata finanzjarjament bl-użu tal-fondi tal-UE waqt li jirrifjuta l-proposti għal organiżmi akkwatiċi ġenetikament modifikati li għandhom l-għan li joħolqu speċijiet ġodda iktar reżistenti għall-mard u t-tniġġis tal-ambjent;

jiġbed l-attenzjoni għall-materjal militari li għad baqa’ minn żmien it-tieni gwerra dinjija u l-gwerra bierda u l-iskart radjuattiv li ntefa’ fil-baħar fil-passat u jemmen li huwa essenzjali li titfassal metodoloġija fuq livell Ewropew u jiġu pprovduti fondi għall-użu sikur ta’ dan il-materjal perikoluż;

jisħaq li l-Kumitat tar-Reġjuni, bħala rappreżentant tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, għandu jkun mitlub b’mod sistematiku biex jieħu sehem f’ħidma ulterjuri dwar il-kunċett tat-tkabbir blu inkluż dwar l-iżvilupp u t-twaqqif tal-Istrateġiji tal-Baċiri tal-Baħar, li jqis bħala għodda importanti għall-implimentazzjoni ta’ aspetti ewlenin tat-tkabbir blu.

Relatur

Is-Sur BANASZAK (PL/AE), Membru tal-assemblea reġjonali ta’ Kujawsko-Pomorskie

Dokument ta’ referenza

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - It-Tkabbir Blu: opportunitajiet għal tkabbir sostenibbli fis-settur tal-baħar u dak marittimu

COM(2012) 494 final

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – It-Tkabbir Blu Opportunitajiet ta’ tkabbir sostenibbli fis-settur tal-baħar u dak marittimu

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TAL-POLITIKA

Il-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.

jenfasizza li l-kunċett ta’ tkabbir blu fuq is-suppożizzjoni li l-ibħra, il-kosti u l-oċeani jista’ jkollhom rwol prinċipali biex isolvu ħafna mill-isfidi attwali u għandhom ikunu sostnuti mill-prinċipji ta’ żvilupp sostenibbli u “speċjalizzazzjoni intelliġenti”;

2.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-ekonomija marittima fis-sens wiesa’ mhix limitata għar-reġjuni u l-entitajiet b’aċċess dirett għall-ibħra u l-oċeani. Fil-biċċa l-kbira, l-ekonomija marittima hija relevanti wkoll għar-reġjuni l-bogħod mill-kosti u l-portijiet minħabba l-fatt li, fost l-oħrajn, jimmanifatturaw tagħmir marittimu u huma involuti f’attivitajiet fis-setturi tat-trasport u l-loġistika, u tar-riċerka u l-iżvilupp;

3.

jenfasizza l-importanza tat-tkabbir tal-ekonomija blu, li tista’ tgħin lill-UE tkun iktar kompetittiva fl-arena internazzjonali;

4.

jemmen li t-tkabbir blu għandu jkun ibbażat fuq il-protezzjoni tal-biodiversità u tal-ambjent marittimu u tal-ekosistemi, li għandu jsaħħaħ ir-rwoli naturali tal-ekosistemi kostali u tal-baħar b’saħħithom u reżistenti;

5.

japprezza l-inizjattivi attwali tal-UE u dawk ippjanati għall-perjodu 2014-2020, li għandhom l-għan li jappoġġjaw l-attivitajiet tal-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali u mmriati lejn it-tkabbir tal-ekonomija blu

6.

jappoġġja l-isforzi biex titwaqqaf sistema bi qbil għall-Ippjanar tal-Ispazju Marittimu (MSP) madwar l-Unjoni Ewropea, li tkun għodda importanti ħalli tibbilanċja l-interessi tas-setturi differenti tal-ekonomija blu u tikkontribwixxi ħalli jiġi żgurat użu effiċjenti u sostenibbli ta’ riżorsi marini prezzjużi;

7.

jemmen li l-Ewropa m’għandhix politika marittima unitarja. Il-Kumitat jinnota wkoll li l-komunikazzjioni ma tikkunsidrax diversi oqsma tal-ekonomija marittima, bħat-trasport marittimu u l-industrija tarznarja;

Energija blu

8.

jaqbel li l-industrija tal-energija tal-baħar rinnovabbli fis-sens wiesa’ hija settur ekonomiku b’saħħtu li jipprovdi aċċess għall-elettriku, li għandu impatt marġinali fuq l-ambjent u jista’ jmexxi l-iżvilupp ta’ reġjun partikolari;

9.

jenfasizza li l-fondi tal-UE huma strument importanti li jaġixxu bħala forza motriċi għal dan is-settur tal-ekonomija. Il-fondi jintużaw biex jiffinanzjaw investimenti f’dan il-qasam, fir-riċerka u l-iżvilupp u fit-taħriġ tar-riżorsi umani;

10.

jinnota li għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-impatt ambjentali tal-istrutturi assoċjati mal-ġenerazzjoni tal-enerġija rinovabbli;

11.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-iżvilupp tal-industrija tal-enerġija tal-baħar rinnovabbli tista’ tipprovdi impetu pożittiv għall-iżvilupp ta’ portijiet marittimi iżgħar, li jkunu jistgħu jlaħħqu mal-ħtiġijiet loġistiċi ta’ dak il-qasam tal-ekonomija marittima;

12.

jemmen li r-rappreżentanti tal-amministrazzjonijiet marittimi, l-awtoritajiet tal-portijiet u l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom ikunu mistiedna jipparteċipaw f’diskussjonijiet ulterjuri dwar il-futur tal-industrija tal-enerġija tal-baħar rinnovabbli;

13.

jinnota r-rwol speċjali li se jkollu s-settur pubbliku fl-appoġġ ta’ inizjattivi futuri f’dan il-qasam;

Akkwakultura u sajd

14.

jinnota li l-iżvilupp fl-akkwakultura, flimkien mat-tkabbir fil-produzzjoni bbażat fuq ir-rispett għall-ambjent, il-bilanċ ekoloġiku u l-biodiversità, se jkollu impatt pożittiv fuq it-tkabbir fil-konsum tal-ħut u organiżmi oħra akkwatiċi. Se jgħin fit-titjib tas-saħħa pubblika, jappoġġja l-operaturi ekonomiċi assoċjati mal-akkwakultura, inaqqas il-propożjoni tas-sostituti tal-proteini tal-ħut u jagħti spinta lill-impiegi f’dik il-parti tal-ekonomija blu;

15.

jinnota l-ħtieġa li l-akkwakultura tkun appoġġjata finanzjarjament bl-użu tal-fondi tal-UE. Dan se jsaħħaħ l-importanza tas-settur tas-sajd u tal-attivitajiet tas-sajd fir-reġjuni kostali;

16.

jirrifjuta l-proposti għal organiżmi akkwatiċi ġenetikament modifikati li għandhom l-għan li joħolqu speċijiet ġodda iktar reżistenti għall-mard u t-tniġġis tal-ambjent;

17.

jappoġġja l-bdil tal-magni tal-bastimenti tas-sajd u d-dħul fis-suq ta’ bastimenti tas-sajd ġodda iktar effiċjenti fl-enerġija biex jitwettaq sajd selettiv u jitjiebu s-sigurtà u l-kumdità tal-bastimenti;

18.

jikkonferma l-pożizzjoni tiegħu fl-opinjoni dwar ir-Riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd, li tirrikonoxxi l-ħtieġa li jiġi stabbilit kunsill konsultattiv għall-akkwakultura, li jġib flimkien ir-rappreżentanti mis-settur tal-produzzjoni;

19.

jenfasizza r-rwol tal-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) bħala entità xjentifika li tappoġġja l-ħidma tal-Kummissjoni Ewropea biex tiżgura l-ġestjoni sostenibbli tas-sajd;

Turiżmu marittimu, kostali u tal-kruċieri

20.

jinnota li għal ħafna nies li jgħixu fl-UE, qed issir dejjem iktar attraenti btala ħdejn il-baħar f’pajjiż tal-UE. Barra minn dan, dawn il-btajjel qed isiru iktar attraenti minħabba l-kwalità dejjem togħla tas-servizzi pprovduti f’dan is-settur tal-ekonomija;

21.

jappoġġja l-approċċ strateġiku għall-infrastruttura assoċjata mal-portijiet marittimi, l-kapaċità tal-irmiġġ u t-trasport fis-sens iktar wiesa’ u jenfasizza r-rwol tal-appoġġ finanzjarju għal dawk l-attivitajiet ta’ investiment, fuq il-bażi ta’ fondi mill-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd;

22.

jemmen li inizjattivi li jġibu flimkien attivitajiet marbuta mal-protezzjoni tal-kosta u attivitajiet turistiċi li jirrispettaw l-ambjent għandhom ikunu appoġġjati u promossi fil-qafas finanzjarju għall-perjodu 2014-2020;

23.

jenfasizza r-rwol taż-żoni tal-baħar protetti għall-konservazzjoni u l-protezzjoni tal-ekosistemi tal-baħar u għall-iżvilupp tat-turiżmu tal-għadis sostenibbli, bħala għodda strateġika ta’ għarfien tal-ambjent tal-baħar u tas-sensibilizzazzjoni soċjali dwar l-istess għarfien;

24.

jappoġġja l-involviment attwali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-appoġġ, il-promozzjoni u r-reklamar tal-protezzjoni ambjentali, inizjattivi li jiżviluppaw l-infrastruttura turistika u taħriġ ta’ ħaddiema b’kapaċitajiet għoljin f’dan is-settur tal-ekonomija;

25.

jinnota l-importanza partikolari tal-universitajiet marittimi u ċentri akkademiċi ta’ taħriġ marittimu fejn jitħarrġu l-ħaddiema għall-ekonomija marittima kemm bi gradi universitarji kif ukoll bi kwalifiki professjonali għoljin f’dan il-qasam. L-appoġġ tal-attivitajiet tal-pjattaforma għall-kooperazzjoni dwar it-taħriġ tal-ħaddiema marittimi huwa wkoll essenzjali;

Riżorsi minerali tal-baħar

26.

jaqbel li l-ħtieġa dejjem ikbar għall-materja prima tista’ twassal għal iktar interess li dawn jinkisbu minn qiegħ il-baħar u l-oċeani, u li dan jista’ jkun ta’ piż kbir fuq l-ekwilibriju tal-ekosistemi tal-baħar, li wħud minnhom għadhom mhux tant magħrufa, u jikkawżaw fenomeni ta’ ċaqliq anke gravi tat-territorju u tal-ambjent naturali u antropoġeniku (ċediment, erożjoni, dħul tal-ilma baħar, eċċ) f’dawk il-postijiet fejn l-iskavi f’qiegħ il-baħar ikunu viċin tal-kosti; għalhekk, kif semma l-Kumitat fl-opinjoni tiegħu dwar l-iżvilupp sostenibbli, għandha tingħata preferenza lill-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ ta’ din il-materja prima wara li tkun intużat biex tonqos din il-pressjoni ekonomika;

27.

jemmen li riżorsi li jappoġġjaw ir-riċerka u l-ħidma għall-iżvilupp, l-iffinanzjar ta’ ċentri akkademiċi, studji, programmi xjentifiċi u boroż ta’ studju jistgħu jagħtu spinta lill-iżvilupp ta’ dan il-qasam tal-ekonomija;

28.

jenfasizza l-importanza ta’ appoġġ għas-settur speċjalistiku tat-tarznar u l-manifattura ta’ tagħmir għall-vapuri u bastimenti oħra (inkluż bastimenti għat-tħaffir fil-baħar) li jikkontribwixxu fl-isfruttament ta’ depożiti barra mix-xtut waqt li jżommu standards ambjentali għoljin;

29.

jiġbed l-attenzjoni għal kwestjoni li tista’ tkun ta’ importanza partikolari għal kull proposta dwar l-iżvilupp tal-ekonomija blu, jiġifieri għall-materjal militari li għad baqa’ minn żmien it-tieni gwerra dinjija u l-gwerra bierda u l-iskart radjuattiv li ntefa’ fil-baħar fil-passat. Għal din ir-raġuni, huwa essenzjali li titfassal metodoloġija fuq livell Ewropew u jiġu pprovduti fondi biex dan il-materjal perikoluż ikun sigur;

Bioteknoloġija blu

30.

jaqbel li bħalissa l-qasam kollu tal-bioteknoloġija bbażata fuq rizorsi akkwatiċi għadu ftit li xejn żviluppat. L-eżempji tal-prattiċi tajba pprovduti fil-komunikazzjoni, jiġifieri mediċini żviluppati minn organiżmi akkwatiċi, jipprovdu tama li r-riċerka mwettqa f’dan il-qasam tista’ tirriżulta li tħares ’il quddiem sew;

31.

jemmen li l-monitoraġġ tar-riċerka xjentifika tista’ tikkontribwixxi għall-introduzzjoni ta’ teknoloġiji innovattivi ġodda li, meta jiġu implimentati fuq skala industrijali, jistgħu jipprovdu spinta sinifikanti lill-ekonomija;

Konkluzjonijiet

32.

jenfasizza li l-iżvilupp tal-ekonomija blu jkun ibbażat fuq ir-rispett għall-ambjent u l-prinċipji tal-iżvilupp sostenibbli. Madanakollu, hija importanti ħafna wkoll l-assigurazzjoni li kwestjonijiet dwar il-protezzjoni tal-ambjent ikunu kkunsidrati f’dan l-iżvilupp;

33.

jemmen li l-iżvilupp ta’ infrastruttura prinċipali, speċjalment portijiet marittimi, kapaċitajiet għall-irmiġġ u netwerks tat-trasport, ikollhom rwol importanti fi kwestjonijiet marbuta mat-tkabbir blu. Għalhekk, kull forma ta’ appoġġ, b’mod partikolari programmi ta’ riċerka u żvilupp għandhom jiġu enfasizzati u trattati b’mod strateġiku;

34.

għalhekk jitlob li fl-iżvilupp tal-ekonomija blu titqies l-importanza tal-partikolaritajiet tal-baċiri marittimi Ewropej u li dawn jiġu sfruttati fl-implimentazzjoni tagħha;

35.

jisħaq li l-Kumitat tar-Reġjuni, bħala rappreżentant tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, għandu jkun mitlub b’mod sistematiku biex jieħu sehem f’ħidma ulterjuri dwar il-kunċett tat-tkabbir blu inkluż dwar l-iżvilupp u t-twaqqif tal-Istrateġiji tal-Baċiri tal-Baħar, li jqis bħala għodda importanti għall-implimentazzjoni ta’ aspetti ewlenin tat-tkabbir blu.

Brussell, 31 ta’ Jannar 2013.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ramón Luis VALCÁRCEL SISO