2.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 62/64


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Ir-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE fid-dawl tal-istrateġija Ewropa 2020”

2013/C 62/13

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jilqa’ bi pjaċir ir-rieda tal-Kummissjoni li taħdem fi sħubija mar-reġjuni ultraperiferiċi, billi tapplika fihom b’mod sħiħ l-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, filwaqt li tqis il-karatteristiċi u l-limitazzjonijiet speċjali tagħhom;

jenfasizza li, b’konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-governanza f’diversi livelli, hemm bżonn li l-awtoritajiet reġjonali tar-reġjuni ultraperiferiċi jkunu involuti aktar fit-tħejjija u t-twettiq tal-programmi u l-politiki Ewropej, sabiex jiġi żgurat li l-ħtiġijiet speċifiċi tar-reġjuni ultraperiferiċi jkunu qed jitqiesu fil-livelli kollha tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet;

jenfasizza li l-impjiegi huma mira ta’ prijorità għolja u parametru għall-interventi ewlenin l-oħra kollha tal-futur għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-Istrateġija Ewropa 2020 fir-reġjuni ultraperiferiċi u għaldaqstant jappella lill-UE tieħu miżuri prattiċi biex twettaq l-ass soċjali ġdid introdott mill-Komunikazzjoni tal-2012;

jenfasizza li l-miżuri kollha favur it-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv tar-reġjuni ultraperiferiċi jeħtieġ li jitwettqu fi sħubija, u li l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali jridu jaħdmu flimkien mill-qrib biex jimmassimizzaw il-potenzjal ta’ tkabbir tar-reġjuni ultraperiferiċi;

jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni reġjonali għar-reġjuni ultraperiferiċi minħabba l-pożizzjoni ġeografika unika tagħhom, u jsejjaħ għal sinerġija akbar bejn il-fondi tal-politika ta’ koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, kif ukoll għat-tneħħija tal-kriterju tal-150 km għall-fruntieri marittimi fil-kooperazzjoni transkonfinali bejn ir-reġjuni ultraperiferiċi u l-pajjiżi ġirien tagħhom.

Relatur

Is-Sur Malcolm MIFSUD (MT/PPE), Sindku tal-Pietà

Dokument ta’ referenza

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Ir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni Ewropea: lejn sħubija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv”

COM(2012) 287 final

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni - Ir-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE fid-dawl tal-Istrateġija Ewropa 2020

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Daħla

1.

jilqa’ bi pjaċir li l-Kummissjoni qiegħda taħdem fi sħubija mar-reġjuni ultraperiferiċi (1), billi tapplika totalment għalihom l-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, filwaqt li tqis il-karatteristiċi u l-limitazzjonijiet speċjali tagħhom, kif enfasizzat mill-Kunsill (2), iżda jenfasizza li jeħtieġ li jkun hemm mekkaniżmi biex ir-reġjuni ultraperiferiċi jkunu jistgħu jipparteċipaw f’din l-istrateġija, inkella ser ikun impossibbli għalihom li jimplimentawha;

2.

jenfasizza l-bżonn li jinstab bilanċ bejn, fuq naħa dawk il-miżuri li jikkumpensaw il-limitazzjonijiet speċifiċi u permanenti tar-reġjuni ultraperiferiċi, u fuq in-naħa l-oħra dawk maħsubin biex jippromovu l-vantaġġi u l-opportunitajiet tagħhom;

3.

jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn li jiġu adottati miżuri speċifiċi addizzjonali bil-għan li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tat-Trattati u l-politiki komuni f’dawk ir-reġjuni, kif stabbilit fl-Artikolu 349 tat-TFUE;

4.

jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni li timplimenta politiki li jgħinu lir-reġjuni ultraperiferiċi biex isiru aktar indipendenti, aktar b’saħħithom ekonomikament u aktar kapaċi joħolqu impjiegi sostenibbli, billi jikkapitalizzaw fuq l-assi uniċi li għandu kull reġjun ultraperiferiku u fuq il-valur miżjud tagħhom għall-UE; iżda hemm bżonn assolut li din l-għajnuna tieħu l-forma ta’ miżuri konkreti u immaġinattivi mill-Kummisajoni Ewropea li jistgħu jilliberaw il-potenzjal sħiħ tal-Artikolu 349 tat-TFUE, pereżempju billi jiġu introdotti strumenti ad hoc;

5.

fid-dawl ta’ dan kollu, il-Kumitat jappoġġja l-għan tal-Kummissjoni li tiżgura li d-diversi dipartimenti tal-Kummissjoni jiġu involuti fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija 2020 fir-reġjuni ultraperiferiċi u li taħdem mill-qrib mal-Konferenza tal-Presidenti tar-Reġjuni Ultraperiferiċi, gruppi ta’ esperti u l-grupp interservizzi maħluq apposta, sabiex jiġu applikati miżuri speċifiċi waqt l-ippjanar tal-istrateġiji ad hoc għall-iżvilupp, fost affarijiet oħra, ta’ opportunitajiet ta’ xogħol sostenibbli fir-reġjuni ultraperiferiċi;

6.

b’rabta ma’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kumitat tar-Reġjuni jissuġġerixxi li tingħata prijorità lill-edukazzjoni, it-taħriġ u l-impjiegi, peress li r-riżorsi umani u l-esperti lokali huma l-ikbar xpruni potenzjali tat-tkabbir fir-reġjuni ultraperiferiċi;

7.

jappoġġja l-politika tal-Kummissjoni li tidentifika u tirrikonoxxi formalment l-opportunitajiet potenzjali u ġeografiċi li r-reġjuni ultraperiferiċi joffru bħala benefiċċju għall-UE kollha kemm hi;

8.

b’mod partikolari jenfasizza l-importanza li r-reġjuni ultraperiferiċi jkunu fruntieri attivi ta’ kooperazzjoni u ambaxxaturi tal-UE li jkunu jistgħu jestendu l-isfera ta’ influwenza soċjoekonomika u kulturali tal-UE u jitħeġġeġ aktar kummerċ u kondiviżjoni tal-għarfien mal-ġirien tar-reġjuni ultraperiferiċi u mal-pajjiżi terzi li magħhom jaqsmu rabtiet storiċi u kulturali b’saħħithom;

9.

b’mod ġenerali jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li l-UE tgawdi mir-relazzjonijiet mill-qrib tar-reġjuni ultraperiferiċi ma’ pajjiżi barranin u pajjiżi terzi bħalma huma l-pajjiżi emerġenti importanti (eż. il-Brażil jew l-Afrika t’Isfel);

L-IŻVILUPPI FL-ISTRATEĠIJA EWROPEA GĦAR-REĠJUNI ULTRAPERIFERIĊI

10.

jaqbel u jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, apparti mil-limitazzjonijiet ġeografiċi u ekonomiċi li lkoll għandhom (il-fatt li jinsabu ’l bogħod, l-insularità, id-daqs żgħir, eċċ.), kull reġjun ultraperiferiku huwa differenti mill-oħrajn f’dawk li huma opportunitajiet, kif ukoll fl-isfidi li jħabbat wiċċu magħhom (3);

11.

jisħaq li ma jaqbilx ma’ approċċ potenzjali li jintroduċi rekwiżit ta’ pluraliżmu li jista’ jgħawweġ il-kunċett kollu ta’ sħubija u jfixkel id-djalogu meħtieġ biex jinkiseb il-kunsens fid-diversi stadji ta’ implimentazzjoni tal-programm;

12.

jappoġġja l-politika tal-Kummissjoni li ssib denominatur komuni għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 fir-reġjuni ultraperiferiċi kollha kemm huma, filwaqt li tagħmel distinzjoni wkoll bejn l-opportunitajiet u l-limiti li għandu kull reġjun ultraperiferiku individwali;

13.

jilqa’ bi pjaċir il-fatt li l-Kummissjoni beħsiebha tadotta strateġija tal-UE mġedda għar-reġjuni ultraperiferiċi abbażi ta’ divrenzjar u speċjalizzazzjoni akbar bejn il-prodotti bħala fatturi ewlenin li kapaċi jsaħħu s-setturi tradizzjonali (bħall-biedja) u jidentifikaw u jiżviluppaw setturi emerġenti bbażati fuq l-assi uniċi u speċifiċi tar-reġjuni ultraperiferiċi;

14.

jirrikonoxxi u jenfasizza l-miżuri li ħadu r-reġjuni ultraperiferiċi nnifishom biex jimmodernizzaw u jiddeversifikaw l-ekonomiji tagħhom, u jagħti attenzjoni partikolari lill-kompetenzi tar-reġjuni biex jiddefinixxu l-għanijiet u l-istrateġiji tal-iżvilupp;

15.

jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li huwa partikolarment importanti li jintgħażlu azzjonijiet relatati mar-reġjuni ultraperiferiċi fi ħdan il-qafas tradizzjonali abbażi tat-tliet assi tradizzjonali  (4) li ġejjin: it-titjib tal-aċċessibbiltà, it-titjib tal-kompetittività, u l-promozzjoni tal-integrazzjoni reġjonali fir-reġjuni ġirien;

16.

jiddispjaċih li d-definizzjoni ta’ dawn l-assi ma kinitx akkumpanjata minn miżuri konkreti u speċifiċi, b’mod partikolari rigward l-assi tal-aċċessibbiltà, li jagħmel parti fundamentali minn strateġija għall-iżvilupp tar-reġjuni ultraperiferiċi u għall-integrazzjoni tagħhom fis-suq uniku;

17.

jilqa’ bi pjaċir ukoll il-fatt li l-Kummissjoni tagħraf li l-proposti għall-ġejjieni tat-tkabbir tar-reġjuni ultraperiferiċi għandu jkollhom impatt pożittiv fuq il-ħames assi kollha tal-istrateġija mġedda (titjib tal-aċċessibbiltà, żieda fil-kompetittività, tisħiħ tal-integrazzjoni reġjonali, tisħiħ tad-dimensjoni soċjali, integrazzjoni tal-azzjoni dwar it-tibdil fil-klima fl-oqsma kollha);

18.

għandu fidi ferma li l-assi soċjali l-ġdid, li huwa trasversali għall-assijiet l-oħrajn, ser ikollu riżorsi finanzjarji addizzjonali u l-istrumenti meħtieġa għall-ħolqien ta’ impjieg sostenibbli fir-reġjuni ultraperiferiċi;

19.

jinnota li fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, u b’mod partikolari rigward il-kompetittività u l-integrazzjoni reġjonali, il-Kummissjoni għandha tħeġġeġ ukoll attivitajiet territorjali speċifiċi biex tiżdied l-integrazzjoni Ewropea tagħhom biex ikunu involuti fl-istrateġiji futuri tal-UE;

20.

jenfasizza li, b’konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-governanza f’diversi livelli, hemm bżonn li l-awtoritajiet reġjonali tar-reġjuni ultraperiferiċi jkunu involuti aktar fit-tħejjija u t-twettiq tal-programmi u l-politiki Ewropej, sabiex jiġi żgurat li l-ħtiġijiet speċifiċi tar-reġjuni ultraperiferiċi jkunu qed jitqiesu fil-livelli kollha tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet;

21.

jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni reġjonali għar-reġjuni ultraperiferiċi minħabba l-pożizzjoni ġeografika unika tagħhom, u jsejjaħ għal sinerġija akbar bejn il-fondi tal-politika ta’ koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, kif ukoll għat-tneħħija tal-kriterju tal-150 km għall-fruntieri marittimi fil-kooperazzjoni transkonfinali bejn ir-reġjuni ultraperiferiċi u l-pajjiżi ġirien tagħhom;

22.

jappoġġja l-inizjattivi għall-ħolqien ta’ ditti jew logos li jgħaqqdu l-UE/ir-reġjuni ultraperiferiċi biex jinċentivaw l-identifikazzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi fl-isfera soċjoekonomika u kulturali tal-UE u jikkontribwixxu għal integrazzjoni akbar fi ħdan il-viċinat immedjat u fis-Suq Uniku taħt il-bandiera tal-UE;

IL-PRINĊIPJI EWLENIN TAL-ISTRATEĠIJA MĠEDDA TAL-UE

23.

jagħraf l-importanza li tagħti l-Kummissjoni sabiex jitħeġġeġ qafas aġġornat u adattat għall-politika dwar ir-reġjuni ultraperiferiċi fid-dawl tal-Istrateġija Ewropa 2020;

24.

madankollu jesprimi t-tħassib dwar il-fatt li għadd ta’ azzjonijiet meħtieġa b’rabta ma’ xi wħud mill-assi ewlenin (i.e. it-trasport u l-implimentazzjoni ta’ teknoloġiji ġodda għat-titjib tal-aċċessibbiltà) ma tantx jistgħu jkunu bi spejjeż raġonevoli għar-reġjuni ultraperiferiċi u għaldaqstant jistgħu jeħtieġu appoġġ f’livell ogħla jew li dawn ikunu jippermettu sħubijiet privati u pubbliċi biex jinkisbu b’suċċess mingħajr ma l-ispejjeż għoljin jiġu riflessi fis-servizzi finali liċ-ċittadini;

25.

jippromovi l-iżvilupp u l-ottimizzazzjoni tal-ajruporti reġjonali eżistenti, permezz ta’ sħubijiet pubbliċi jew privati, bħala wieħed mill-istrumenti ewlenin għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tar-reġjuni ultraperiferiċi fl-Unjoni Ewropea;

26.

madankollu, xorta waħda jaqbel li l-modernizzazzjoni u d-diversifikazzjoni tal-ekonomiji tar-reġjuni ultraperiferiċi u l-innovazzjoni f’setturi li potenzjalment jistgħu jikbru ħafna jistgħu jżidu l-opportunitajiet għar-reġjuni ultraperiferiċi appoġġjati mill-istituzzjonijiet tal-UE, minn atturi pubbliċi u privati jew minn partijiet interessati;

27.

jindika l-importanza u jħeġġeġ il-Kummissjoni trawwem b’mod partikolari l-modernizzazzjoni tal-flotot tas-sajd u l-infrastrutturi marittimi fir-reġjuni ultraperiferiċi, peress li r-riżorsi marittimi u tas-sajd huma fost l-aqwa riżorsi tar-reġjuni ultraperiferiċi li jikkontribwixxu biex jagħmlu divrenzjar tal-prodotti u biex ir-reġjuni ultraperiferiċi jintegraw fis-suq uniku u jħeġġu wkoll it-tkabbir u l-kummerċ kompetittiv mal-viċinati tar-reġjuni ultraperiferiċi;

28.

jissuġġerixxi li, fil-kuntest tal-Istrateġija Ewropa 2020 imġedda favur it-tkabbir tar-reġjuni ultraperiferiċi, il-Kummissjoni tinċentivizza programmi u sħubijiet bejn l-Istati Membri tal-UE u r-reġjuni ultraperiferiċi, inklużi atturi privati attivi fl-oqsma pertinenti, għall-implimentazzjoni ta’ attivitajiet li fl-istess ħin ser jilħqu diversi għanijiet stabbiliti fl-assi differenti tal-Istrateġija mġedda tal-UE u li jħeġġu lir-reġjuni ultraperiferiċi jkunu parti mill-istrateġiji futuri tal-UE;

29.

fid-dawl ta’ dan, jaqbel b’mod partikolari mal-introduzzjoni u l-ħolqien tal-kundizzjonijiet għall-iżvilupp fir-reġjuni ultraperiferiċi ta’ internet b’“veloċità għolja” u ta’ teknoloġiji tat-telekomunikazzjoni ġodda li għandhom itejbu wkoll l-aċċessibbiltà, jimmodernizzaw is-settur tat-turiżmu, iżidu l-attività ekonomika, isaħħu d-dimensjoni soċjali, iżidu l-kompetittività u jsaħħu l-konnessjonijiet bejn ir-reġjuni ultraperiferiċi u l-kontinent;

PROPOSTI GĦALL-FUTUR

Id-dimensjoni interna

30.

jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li l-Politika ta’ Koeżjoni hija l-istrument ewlieni tal-UE biex tilħaq l-għanijiet tal-Ewropa 2020, billi tipprovdi l-akbar konċentrazzjoni ta’ fondi ta’ investiment tal-UE għall-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir permezz ta’ strumenti permanenti li ser inaqqsu d-differenzi bejn ir-reġjuni ultraperiferiċi u l-bqija tal-UE, u b’hekk jikkontribwixxu biex ir-reġjuni ultraperiferiċi jkunu iżjed allinjati mal-Unjoni;

31.

jemmen li huwa importanti li jiġi żgurat li hemm fondi sinifikanti disponibbli biex jissaħħaħ is-settur tal-SMEs biex jinħolqu u jinżammu l-impjiegi sostenibbli, biex tiġi appoġġjata l-innovazzjoni fl-usa’ sens tal-kelma, biex jiġu mħeġġa l-modernizzazzjoni u d-diversifikazzjoni tal-ekonomiji u tal-assi tar-reġjuni ultraperiferiċi, abbażi tal-għażliet strateġiċi ta’ kull wieħed minn dawn ir-reġjuni, u biex jiġi appoġġjati l-adattament għat-tibdil fil-klima u l-iżvilupp ta’ provvista sostenibbli ta’ enerġija;

32.

jenfasizza u jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li toffri trattament speċifiku lir-reġjuni ultraperiferiċi permezz ta’ rata ta’ kofinanzjament ta’ 85 % lir-reġjuni ultraperiferiċi ikun x’ikun il-PDG tagħhom u sabiex tgħinhom jużaw bl-aqwa mod possibbli l-fondi disponibbli;

33.

madankollu, b’konformità mar-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ April 2012 (5), jirrakkomanda li jiġi estiż il-perjodu ta’ implimentazzjoni ta’ dawn il-fondi fir-reġjuni ultraperiferiċi sabiex l-implimentazzjoni tkun aktar effettiva;

34.

jenfasizza li l-miżuri kollha favur it-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv tar-reġjuni ultraperiferiċi jeħtieġ li jitwettqu fi sħubija, u li l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali jridu jaħdmu flimkien mill-qrib biex jimmassimizzaw il-potenzjal ta’ tkabbir tar-reġjuni ultraperiferiċi;

35.

jingħaqad mas-sejħa tal-Kummissjoni biex ir-rappreżentanti tar-reġjuni ultraperiferiċi jkunu involuti bis-sħiħ fit-tħejjija u l-monitoraġġ tal-ftehimiet ta’ sħubija li dwarhom irid jintlaħaq qbil bejn il-Kummissjoni u kull Stat Membri għall-perjodu ta’ finanzjament li jmiss;

36.

madankollu jissuġġerixxi li rappreżentanti minn territorji oħra (li madankollu wkoll għandhom limiti u karatteristiċi simili) jistgħu jassistu wkoll, jekk ikun hemm bżonn, matul l-analiżijiet ex ante u l-valutazzjonijiet ex post tad-Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali tal-Kummissjoni tal-UE, billi b’mod kostruttiv jiġu enfasizzati u mqabbla prattiki, politiki u soluzzjonijiet simili, u jinħolqu ideat ġodda abbażi tal-aħjar prattiki li jeżistu f’territorji simili oħra (iżda li mhumiex reġjuni ultraperiferiċi);

37.

jipproponi li jiġu stabbiliti u mwessgħin in-netwerks madwar l-Ewropa għall-appoġġ tar-riċerka ta’ kwalità għolja għall-benefiċċju tar-reġjuni ultraperiferiċi, sabiex ir-riċerka fl-innovazzjoni tkun tista’ tikber u żżid l-involviment tal-benefiċjarji fi kwalunkwe qasam xjentifiku relatat: li jiġu attirati, żviluppati u jinżammu l-professjonisti tar-riċerka u dawk involuti fir-Riċerka, it-Teknoloġika, l-Iżvilupp u l-Innovazzjoni (RTDI) biex jitjieb l-ambjent tar-riċerka u jiġu offruti opportunitajiet ġodda ta’ impjiegi sostenibbli fir-reġjuni ultraperiferiċi;

38.

jissuġġerixxi li jiġi inċentivat l-istabbiliment ta’ ċentri u laboratorji ad hoc fir-reġjuni ultraperiferiċi u madwar l-UE kollha għat-tixrid ta’ riżultati ta’ riċerka, tal-aħjar prattiki u tal-każijiet ta’ suċċess marbutin mar-reġjuni ultraperiferiċi, bil-għan li jinħolqu sorsi ġodda u mwessa’ ta’ ideat u kontributuri tal-prattiki, biex tiżdied il-kooperazzjoni mill-qrib bejn, minn naħa, l-Istati Membri u r-reġjuni ultraperiferiċi, u min-naħa l-oħra l-bqija tal-UE, biex b’hekk jiġu offruti opportunitajiet ta’ xogħol sostenibbli ġodda fir-reġjuni ultraperiferiċi;

39.

jirrakkomanda li jiġu implimentati proġetti, programmi ta’ mobbiltà u attivitajiet ta’ koeżjoni tal-UE speċifiċi fir-reġjuni ultraperiferiċi biex tiżdied il-parteċipazzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi u biex jiġi promoss it-taħriġ professjonali ta’ riżorsi umani lokali dwar l-importanza tal-proċess parteċipattiv bejn l-atturi pubbliċi u privati tas-soċjetà ċivili tar-reġjuni ultraperiferiċi, billi jiġi enfasizzat li huwa biss jekk jgħaqqdu l-punti qawwijin tagħhom li ser jirnexxilhom jilħqu l-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020 lejn it-tkabbir sostenibbli u inklużiv tar-reġjuni ultraperiferiċi;

40.

jipproponi li r-riżultat tat-taħriġ imsemmi hawn fuq wara jsir ukoll opportunità ta’ xogħol fir-reġjuni ultraperiferiċi, billi jikkontribwixxi għal aktar tixrid tal-Istrateġija mġedda tal-UE u għall-kampanji ta’ informazzjoni dwarha, bil-għan li tiġi stabbilita sħubija intelliġenti fir-reġjuni ultraperiferiċi u sseħħ l-implimentazzjoni tal-programmi relatati;

41.

jirrakkomanda li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri tal-UE u pajjiżi mhux imsieħba fl-UE fil-qasam tal-innovazzjoni u l-clusters, kif ukoll li tiġi promossa l-kooperazzjoni reġjonali bil-għan li tingħata spinta lill-investiment u t-turiżmu lil hinn mill-UE. Dawn il-miżuri jistgħu fil-fatt jirrappreżentaw pass effettiv lejn il-kisba tal-għanijiet tal-Ewropa 2020;

42.

jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li jinżamm il-programm ta’ għajnuna għall-agrikoltura POSEI peress li dan huwa l-istess bħall-ewwel pilastru tal-PAK għal dawn ir-reġjuni, hekk kif huwa strument prinċipali sabiex tinżamm u tiġi żviluppata l-agrikoltura tar-reġjuni ultraperiferiċi. Fl-istess waqt jappoġġja ż-żamma tal-hekk imsejjaħ “POSEI tas-sajd”, peress li din l-iskema ta’ kumpens tal-ispejjeż addizzjonali hija strument essenzjali sabiex il-prodotti tas-sajd u l-agrikoltura jiġu kkumerċjalizzati barra r-reġjuni ultraperiferiċi;

43.

jenfasizza f’dan il-kuntest li huwa importanti li titwettaq analiżi tal-impatt tal-ftehimiet internazzjonali li jolqtu l-ekonomiji tar-reġjuni ultraperiferiċi sabiex tiġi evitata li ssir ħsara f’ekonomiji li diġà huma vulnerabbli ħafna;

44.

jenfasizza li hemm bżonn li tiġi kkonsolidata wkoll il-politika marittima integrata, peress li r-riżorsi marittimi huma wieħed mill-pilastri ewlenin għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 fir-reġjuni ultraperiferiċi;

45.

jenfasizza l-importanza tar-riżorsi marittimi u tas-sajd fir-reġjuni ultraperiferiċi u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tħeġġeġ il-modernizzazzjoni tal-flotot tas-sajd, inkluża l-introduzzjoni mill-ġdid tal-għajnuna għall-kostruzzjoni għall-perjodu li jmiss 2014-2020, u tal-infrastrutturi marittimi fir-reġjuni ultraperiferiċi;

46.

jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni tħeġġeġ li jkompli t-tkabbir fit-turiżmu sostenibbli fir-reġjuni ultraperiferiċi, b’mod partikolari dak ta’ setturi emerġenti speċjalizzati, kif ukoll l-iżvilupp ta’ xpruni potenzjali tat-tkabbir f’dawn ir-reġjuni (inklużi iżda mhux biss, ir-riżorsi tal-baħar, it-turiżmu sostenibbli, il-bijodiversità u l-kostruzzjoni ekoloġika) permezz tal-applikazzjoni tal-RTDI (Riċerka, Żvilupp, Teknoloġija, Innovazzjoni) sabiex jippromovu opportunitajiet ġodda ta’ xogħol u negozju li, fost affarijiet oħra, għandhom inaqqsu r-riskju ta’ eżodu ta’ mħuħ, kif ukoll jikkontribwixxu għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u għall-enerġiji rinnovabbli;

47.

jenfasizza l-ħtieġa li s-sistemi tat-taħriġ u l-edukazzjoni fir-reġjuni ultraperiferiċi jiġu apoġġjati; għalhekk, iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li l-programmi attwali tal-UE għall-edukazzjoni u t-taħriġ, speċjalment dawk tal-mobbiltà, jirriflettu l-karatteristiċi speċifiċi tar-reġjuni ultraperiferiċi;

48.

jenfasizza li r-reviżjoni li jmiss tal-oqsfa Ewropej relatati mal-għajnuna mill-Istat għandha tqis il-karatteristiċi speċifiċi tar-reġjuni ultraperiferiċi, u li hemm bżonn li jkun hemm aktar flessibbiltà, semplifikazzjoni u konsistenza fl-azzjonijiet favur l-intrapriżi tar-reġjuni ultraperiferiċi;

49.

jissuġġerixxi li għandha tingħata prijorità sabiex jiġu appoġġjati l-azzjonijiet favur it-titjib, il-modernizzazzjoni u r-ristrutturar tas-sistemi tas-saħħa u tal-edukazzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi permezz ta’ sħubijiet bejn partijiet interessati pubbliċi u privati;

Id-dimensjoni esterna

50.

jaqbel mal-Kummissjoni li l-pożizzjoni ġeografika tar-reġjuni ultraperiferiċi hija ta’ benefiċċju għall-UE kollha kemm hi u li l-iżvilupp tal-potenzjal tagħhom u l-integrazzjoni totali tagħhom fis-Suq Uniku hija opportunità importanti biex l-UE tgawdi mill-valur miżjud li dawn ir-reġjuni jirrappreżentaw, filwaqt li jitkompla jiġi żgurat trattament divrenzjat li jikkonforma mal-prinċipji tal-opportunitajiet indaqs u tal-proporzjonalità, u l-bilanċ bejn din id-dimensjoni interna u integrazzjoni aħjar fl-ambjent ġeografiku proprju tagħhom;

51.

jipproponi li jiġu valutati dawk il-prodotti ġodda (abbażi ta’ domanda tas-suq immirata kif ukoll fi ħdan il-viċinat reġjonali tagħhom stess) li l-Istat Membru kkonċernat jista’ jinċentivizza l-produzzjoni tagħhom fir-reġjun ultraperiferiku kkonċernat, sabiex jitrawwem aktar kummerċ u kondiviżjoni tal-għarfien mal-ġirien tar-reġjuni ultraperiferiċi u ma’ pajjiżi terzi, bħalma huma pajjiżi emerġenti importanti (i.e. il-Brażil jew l-Afrika t’Isfel), u jiżdiedu l-opportunitajiet ta’ impjiegi sostenibbli;

52.

jixtieq jindika l-opportunitajiet li jġib miegħu s-suġġeriment t’hawn fuq kemm għar-reġjuni ultraperiferiċi kif ukoll għall-UE: dan ifisser opportunitajiet ġodda f’termini ta’ trasport marittimu, opportunitajiet ta’ xogħol marbutin ma’ dan, l-iżvilupp tal-industrija tat-trasport fil-baċiri tal-baħar, u l-ottimizzazzjoni tal-ispejjeż tat-trasport u r-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u s-swieq internazzjonali emerġenti;

53.

jaqbel mal-Kummissjoni li hemm bżonn li r-reġjuni ultraperiferiċi jinbidlu minn pjattaformi potenzjali għan-negozju u għall-kooperazzjoni għal ambaxxaturi tal-UE strateġiċi reali fl-Atlantiku, il-Karibew u l-Oċean Indjan, billi jiġi sfruttat il-potenzjal ġenwin tagħhom u tiġi estiża l-influwenza Ewropea fiż-żoni rispettivi tagħhom għall-benefiċċju tal-UE kollha kemm hi; għal dan il-għan jappella lill-Unjoni sabiex tadotta miżuri speċifiċi li jippromovu konnessjonijiet adegwati bejn ir-reġjuni ultraperiferiċi u l-pajjiżi terzi ġirien;

54.

jenfasizza l-vantaġġ tar-reġjuni ultraperiferiċi minħabba li jinsabu qrib pajjiżi terzi u territorji ġirien, f’dawk li huma opportunitajiet offruti mill-kummerċ reġjonali u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp tad-dimensjoni esterna tas-suq uniku;

55.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex iżżid ukoll l-integrazzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi fiż-żoni ġeografiċi rispettivi tagħhom f’termini ta’ kummerċ, żvilupp tal-industrija tal-ispazju u l-assi uniċi oħra tar-reġjuni ultraperiferiċi, kif ukoll għall-modernizzazzjoni u d-diversifikazzjoni tal-ekonomiji tar-reġjuni ultraperiferiċi, filwaqt li jiżdiedu l-opportunitajiet ta’ impjiegi sostenibbli;

56.

fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, jisħaq fuq il-ħtieġa li fil-pjani ta’ azzjoni futuri tal-istrateġija mġedda għar-reġjuni ultraperiferiċi, jiġu adottati ż-żewġ approċċi: it-titjib tal-aċċessibbiltà għas-suq uniku fuq naħa, u l-iffaċilitar tas-suq reġjonali integrat fuq in-naħa l-oħra;

57.

jilqa’ bi pjaċir l-impenn tal-Kummissjoni li tqis u tadatta għar-reġjuni ultraperiferiċi dawk l-azzjonijiet imsemmija fil-Komunikazzjoni tagħha “Negozju Żgħir, Dinja Kbira” (6) għall-iżvilupp tal-SMEs li joperaw internazzjonalment, pereżempju permezz tal-adozzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-qasam tal-liġi tal-kompetizzjoni, li jitfasslu b’mod li jippromovu l-internalizzazzjoni tal-SMEs tar-reġjuni ultraperiferiċi. Jagħraf ir-rwol tal-fondi strutturali tal-Unjoni Ewropea bħala sors importanti ta’ ffinanzjar għall-SMEs bħala tali u jappoġġja l-fatt li l-SMEs ikollhom aċċess aktar faċli għall-proċeduri ta’ akkwist pubbliku;

Konklużjonijiet

58.

jagħraf l-impenn kontinwu li qed jirnexxi tal-istituzzjonijiet tal-UE lejn tkabbir sostenibbli u inklużiv tar-reġjuni ultraperiferiċi u jinsisti fuq il-bżonn li tiżdied is-sħubija bejn l-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri u r-reġjuni ultraperiferiċi, inklużi l-atturi u l-partijiet interessati ewlenin l-oħra kollha (pubbliċi u privati) li jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli tar-reġjuni ultraperiferiċi;

59.

jenfasizza li l-impjiegi huma mira ta’ prijorità għolja u li huma parametru għall-interventi ewlenin l-oħra kollha għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-Istrateġija Ewropa 2020 fir-reġjuni ultraperiferiċi; għalhekk jappella lill-UE sabiex tfassal, permezz ta’ miżuri konkreti, l-objettivi tal-assi soċjali l-ġdid stabbilit fil-Komunikazzjoni tal-2012, peress li l-Kummissjoni mhux qed tagħmel dan iżda tirreferi biss għall-programmi ġenerali ta’ finanzjament mingħajr modulazzjoni adegwata;

60.

jappoġġja l-inizjattiva tar-reġjuni ultraperiferiċi li jfasslu pjan speċifiku dwar l-impjieg u t-tkabbir għal dawn ir-reġjuni, li għandu jiġi vvalutat iżjed fil-fond f’dak li jirrigwarda l-fattibbiltà u l-implimentazzjoni tiegħu;

61.

jissuġġerixxi u jipproponi xi eżempji konkreti biex jiżdiedu jew jinħolqu opportunitajiet ta’ xogħol ġodda fir-reġjuni ultraperiferiċi;

62.

jisħaq ukoll li għandha tingħata prijorità lis-sistema tas-saħħa, it-taħriġ u l-edukazzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi sabiex jiġu ottimizzati r-riżorsi umani u l-esperti lokali bħala l-ikbar xpruni potenzjali tat-tkabbir fir-reġjuni ultraperiferiċi;

63.

fid-dawl tal-importanza tal-modernizzazzjoni u d-diversifikazzjoni tal-ekonomiji tar-reġjuni ultraperiferiċi, jindika l-importanza u jħeġġeġ lill-Kummissjoni trawwem b’mod partikolari l-modernizzazzjoni tal-flotot tas-sajd u l-infrastrutturi marittimi fir-reġjuni ultraperiferiċi, peress li r-riżorsi marittimi u tas-sajd huma fost l-aqwa riżorsi tar-reġjuni ultraperiferiċi, li jikkontribwixxu lejn id-divrenzjar tal-prodotti u biex ir-reġjuni ultraperiferiċi jintegraw fis-suq uniku u jħeġġu wkoll it-tkabbir u l-kummerċ kompetittiv mal-viċinati tar-reġjuni ultraperiferiċi;

64.

jenfasizza li interventi kruċjali bħal dawn jistgħu jipprovdu opportunitajiet ġodda kemm għar-reġjuni ultraperiferiċi kif ukoll għall-UE f’termini ta’ trasport marittimu, opportunitajiet ta’ xogħol marbutin ma’ dan, l-iżvilupp tal-industrija tat-trasport fil-baċiri tal-baħar, u l-ottimizzazzjoni tal-ispejjeż tat-trasport u r-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u s-swieq internazzjonali emerġenti;

65.

flimkien mal-Parlament Ewropew, jenfasizza l-bżonn li jiġi stabbilit qafas ad hoc għat-trasport u l-ICT bil-għan li r-reġjuni ultraperiferiċi jkunu jistgħu jindirizzaw b’mod effiċjenti l-problema tas-separazzjoni territorjali u d-distakk diġitali li jiffaċċjaw;

66.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex iżżid ukoll l-integrazzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi fiż-żoni ġeografiċi rispettivi tagħhom f’termini tal-kummerċ u l-iżvilupp tal-assi uniċi tar-reġjuni ultraperiferiċi għall-modernizzazzjoni u d-diversifikazzjoni tal-ekonomiji tagħhom lejn tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv;

67.

jenfasizza l-importanza tat-tneħħija tal-kriterju tal-150 km għall-fruntieri marittimi fil-kooperazzjoni transkonfinali bejn ir-reġjuni ultraperiferiċi u l-pajjiżi ġirien tagħhom, li jirrifletti li ħafna mir-reġjuni ultraperiferiċi huma gżejjer li jinsabu aktar ’il bogħod minn 150 km mill-pajjiżi ġirien tagħhom;

68.

jisħaq fuq l-importanza tal-kooperazzjoni reġjonali għar-reġjuni ultraperiferiċi, li teħtieġ mhux biss it-tkomplija ta’ programmi ta’ kooperazzjoni territorjali taħt il-FEŻR, iżda wkoll sinerġija aħjar bejn il-fondi ta’ politika ta’ koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp;

69.

fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kumitat jisħaq fuq il-ħtieġa li fil-pjani ta’ azzjoni futuri tal-istrateġija mġedda għar-reġjuni ultraperiferiċi, jiġu adottati ż-żewġ approċċi: it-titjib tal-aċċessibbiltà għas-suq uniku fuq naħa, u l-iffaċilitar tas-suq reġjonali integrat fuq in-naħa l-oħra.

Brussell, 1 ta’ Frar 2013.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


(1)  It-3023 laqgħa tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin, tal-14 ta’ Ġunju 2010.

(2)  Artikoli 349 u 355 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) kif emendat mid-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tad-29.10.2010.

(3)  Studju bl-isem ta’ “Growth Factors in the OR” (Fatturi ta’ Tkabbir fir-Reġjuni Ultraperiferiċi), imwettaq minn Ismeri Europa f’kooperazzjoni ma’ ITD-EU, ikkummissjonat mill-Kummissjoni fl-2009, u mressaq f’Marzu 2011.

(4)  COM(2004) 343 final, 26.5.2004; COM(2004) 543 final, 6.8.2004

(5)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ April 2012 dwar ir-rwol tal-politika ta’ koeżjoni fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni Ewropea fil-kuntest tal-Istrateġija UE 2020 (2011/2195(INI)).

(6)  COM(2011) 702 final, 9.11.2011.