7.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 68/78


It-Tlieta 23 ta’ Ottubru 2012
Ir-riżorsa proprja bbażata fuq taxxa fuq il-valur miżjud *

P7_TA(2012)0361

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ottubru 2012 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill dwar il-metodi u l-proċedura għat-tqegħid tad-dispożizzjoni tar-riżorsa proprja bbażata fuq taxxa fuq il-valur miżjud (COM(2011)0737 – C7-0504/2011 – 2011/0333(CNS))

2014/C 68 E/11

(Proċedura leġiżlattiva speċjali - konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2011)0737),

wara li kkunsidra l-Artikolu 322 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika, skont liema artikoli ġie kkonsultat mill-Kunsill (C7-0504/2011),

wara li kkunsidra l-Artikolu 311 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (Opinjoni Nru 2/2012) (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Marzu 2007 dwar il-futur tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta’ Ġunju 2011“Ninvestu fil-ġejjieni: Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) ġdid għal Ewropa kompetittiva, sostenibbli u inklużiva” (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2012 dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali u riżorsi proprji (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Ottubru 2012 għall-fini li jintlaħaq eżitu pożittiv tal-proċedura ta’ approvazzjoni tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali għas-snin 2014-2020 (5),

wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0316/2012),

A.

billi t-Trattat jistipula b’mod ċar li l-baġit tal-Unjoni għandu jiġi ffinanzjat kompletament mir-riżorsi proprji;

B.

billi l-Parlament, fir-riżoluzzjoni tiegħu msemmija qabel tat-13 ta’ Ġunju 2012, li ġiet adottata minn maġġoranza kbira ħafna, laqa’ l-proposti leġiżlattivi li tressqu fid-29 ta’ Ġunju 2011 mill-Kummissjoni dwar ir-riforma tas-sistema tar-riżorsi proprji, inklużi l-proposti dwar taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji (FTT) u VAT ġdida tal-UE bħala riżorsi proprji, bil-għan li jnaqqsu s-sehem fil-baġit tal-Unjoni tal-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri bbażati fuq l-ING (introjtu nazzjonali gross) għal 40 % sal-2020, u b’hekk jingħata kontribut għall-isforzi ta’ konsolidazzjoni tal-Istati Membri;

C.

billi l-Parlament, fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Ottubru 2012 imsemmija qabel, esprima b’mod qawwi l-fehma tiegħu li l-VAT hija waħda mill-kundizzjonijiet għall-ftehim politiku meħtieġ dwar ir-riżorsi proprji u li l-ftehim dwar ir-riforma tal-VAT bħala riżorsa proprja, kif ukoll il-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tagħha, għandhom jiġu konklużi flimkien ma’ ftehim dwar il-QFP;

D.

billi, għall-ewwel darba, it-Trattat jeħtieġ il-kunsens tal-Parlament għal miżuri ta' implimentazzjoni għas-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni, u billi l-Parlament esprima r-rieda tiegħu b'mod ċar li jeżerċita l-prerogattiva tiegħu f’dan ir-rigward fin-negozjati dwar ir-riforma tas-sistema tar-riżorsi proprji;

E.

billi l-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, fl-opinjonijiet tagħhom dwar il-proposti tal-Kummissjoni għal riforma tar-riżorsi proprji, jilqgħu l-proposta għal riżorsa proprja tal-VAT ġdida (6);

F.

billi l-Parlament kemm-il darba tenna l-pożizzjoni tiegħu li hemm bżonn ta’ riforma tas-sistema tar-riżorsi proprji, b’mod partikolari fir-rigward tar-riżorsa tal-VAT eżistenti, bil-għan li nerġgħu lura għall-idea oriġinali li dik ir-riżorsa tkun riżorsa ġenwina u mhux biss strument purament ta’ statistika (7);

G.

billi l-Parlament jilqa’ l-isforz għas-simplifikazzjoni tal-metodu ta’ kalkolu tal-VAT u l-fatt li l-proposta tal-Kummissjoni ttejjeb it-trasparenza tar-riżorsa proprja tal-VAT;

H.

billi l-Parlament jikkunsidra fost l-akbar vantaġġi tal-proposta tal-VAT il-ġdida t-trasparenza, l-ekwità għall-kontribwenti fl-Istati Membri kollha, is-sempliċità mtejba u l-potenzjal tagħha li ssir riżorsa proprja ġenwina li titħallas direttament lill-baġit tal-UE fil-futur;

I.

billi l-Parlament jikkunsidra li kwalunkwe riżorsa proprja ġenwina għandha titħallas direttament lill-baġit tal-Unjoni;

1.

Japprova l-proposta tal-Kummissjoni;

2.

Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

3.

Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda t-test approvat mill-Parlament b'mod sustanzjali;

4.

Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta konkreta ta’ kif tista’ tiġi riformata aktar ir-riżorsa proprja tal-VAT sabiex titħallas direttament lill-baġit tal-Unjoni diġà fil-perjodu 2014 - 2020 jew f’reviżjoni ulterjuri tas-sistema tar-riżorsi proprji;

5.

Jitlob li jkun hemm segwitu prattiku għall-Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-futur tal-VAT u l-miżuri konkreti li se jiżguraw grad ogħla ta’ armonizzazzjoni tas-sistemi tal-VAT fl-Istati Membri, peress li armonizzazzjoni bħal din biss tista’ tipprovdi l-bażi sabiex il-VAT issir riżorsa proprja ġenwina, li titħallas direttament lill-baġit tal-Unjoni fil-futur;

6.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.


(1)  ĠU C 112, 18.4.2012, p. 1.

(2)  ĠU C 27 E, 31.1.2008, p. 214

(3)  Testi adottati, P7_TA(2011)0266.

(4)  Testi adottati, P7_TA(2012)0245.

(5)  Testi adottati, P7_TA(2012)0360.

(6)  Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014 - 2020, adottata fit-93 Sessjoni Plenarja tal-14–15 ta’ Diċembru 2011.

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropej dwar is-sistema tar-riżorsi proprji, adottata fis-Sessjoni Plenarja tad-29 ta’ Marzu 2012.

(7)  Ara r-riżoluzzjoni tal-Parlament tad-29 ta’ Marzu 2007 dwar il-futur tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea.