13.9.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CE 264/41 |
L-Erbgħa 23 ta’ Mejju 2012
Id-dritt ta' inkjesta tal-Parlament Ewropew
P7_TA(2012)0219
Proposta adottata mill-Parlament Ewropew fit-23 ta' Mejju 2012 għal regolament tal-Parlament Ewropew dwar id-dispożizzjonijiet dettaljati li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt ta' inkjesta tal-Parlament Ewropew li jibdel id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (95/167/KE, Euratom, KEFA) (2009/2212(INI)) (1)
2013/C 264 E/07
(1) Il-Parlament iddeċieda li jipposponi l-vot fuq il-mozzjoni għal riżoluzzjoni, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 41 tar-Regoli tal-Proċedura (A7-0352/2011).
L-Erbgħa 23 ta’ Mejju 2012
PROPOSTA GĦAL REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar id-dispożizzjonijiet dettaljati li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt ta' inkjesta tal-Parlament Ewropew u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (95/167/KE, Euratom, KEFA)
IL-PARLAMENT EWROPEW,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari t-tielet paragrafu tal-Artikolu 226 tiegħu,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 106a tiegħu,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Kunsill (1),
Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Kummissjoni (2),
Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,
Billi:
(1) |
It-Trattat ta’ Lisbona ħoloq il-kundizzjonijiet għal bilanċ istituzzjonali mġedded u mtejjeb fi ħdan l-Unjoni, li jagħti lok lill-istituzzjonijiet tagħha jiffunzjonaw b'mod aktar effiċjenti, miftuħ u demokratiku. F’dan il-kuntest, il-funzjonijiet tal-Parlament Ewropew fir-rigward tal-kontroll politiku ġew imsaħħa u estiżi. Għaldaqstant, skont il-prattika parlamentari nazzjonali kif ukoll ir-rekwiżiti tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (minn issa ‘l quddiem “it-Trattati”), il-kumitati ta’ inkjesta tal-Parlament Ewropew għandhom jissaħħu u għandhom jingħataw setgħat speċifiċi, ġenwini u b’limiti ċari li jkunu jaqblu aktar mal-istatura politika u l-kompetenzi tiegħu, filwaqt li jkun rispettat il-prinċipju tal-proporzjonalità kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Is-setgħat tal-kumitati ta' inkjesta, li huma strumenti eċċezzjonali ta' kontroll politiku, għandhom ikunu bla ħsara għar-responsabilitajiet ta' istituzzjonijiet oħra. |
(2) |
Fid-19 ta’ April 1995 il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni adottaw id-Deċiżjoni 95/167/KE, Euratom, KEFA (3), li stipulat id-dispożizzjonijiet dettaljati li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt ta' inkjesta tal-Parlament Ewropew. Dik id-deċiżjoni alludiet għall-possibilità li d-dispożizzjonijiet tagħha jaf jiġu riveduti fid-dawl tal-esperjenza. |
(3) |
Bil-ħsieb tal-bilanċ istituzzjonali mġedded li nħoloq permezz tat-Trattat ta’ Lisbona u l-esperjenza miksuba grazzi għax-xogħol tal-kumitati ta’ inkjesta tal-Parlament Ewropew, id-Deċiżjoni 95/167/KE, Euratom, KEFA għandha tiġi mħassra u mibdulha b’regolament ġdid. |
(4) |
Skont il-prinċipju tal-utilità kif rikonoxxut fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (4) is- setgħat li huma indispensabbli sabiex jitwettqu l-ħidmiet li jirriżultaw mid-dritt ta’ inkjesta għandhom jiġu mogħtija lill-Parlament Ewropew u lill-kumitati ta’ inkjesta tiegħu. Għaldaqstant, jeħtieġ ukoll li l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni kif ukoll l-Istati Membri jieħdu l-passi kollha sabiex jiffaċilitaw it-twettiq ta’ dawk il-ħidmiet. |
(5) |
L-ebda kumitat ta’ inkjesta m’għandu jitwaqqaf fejn il-fatti allegati jkunu qed jiġu eżaminati quddiem qorti u waqt li l-każ ikun għadu suġġett għal proċeduri legali. Madankollu, biex ikun evitat kwalunkwe kunflitt bejn l-inkjesti ta’ natura politika u dawk ta’ natura ġuridika, il-Parlament Ewropew għandu jkun jista’ – jeżamina jekk ikunx meħtieġ jissospendi l-investigazzjoni ta’ kumitat ta’ inkjesta jekk, wara li dan ikun ġie stabbilit, jinbdew proċeduri legali li jkollhom rabta mal-allegati fatti. |
(6) |
Skont il-prinċipji tat-trasparenza, tal-governanza tajba u tar-responsabbilizzazzjoni demokratika, il-proċeduri tal-kumitati ta’ inkjesta u b’mod partikolari s-seduti ta’ smigħ għandhom isiru pubblikament. Min-naħa l-oħra, għandha tkun prevista l-possibilità ta' proċeduri in camera u regoli xierqa dwar il-kunfidenzjalità sabiex tiġi żgurata l-effiċenza tal-inkjesti, il-ħarsien tal-interessi vitali tal-Istati Membri, il-ħarsien tal-privatezza u tal-integrità tal-individwu, b'mod partikolari skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali, jew il-ħarsien ta' interessi kummerċjali ta' persuna fiżika jew ġuridika. |
(7) |
Id-dritt ta' inkjesta, bħala element importanti tas-setgħat superviżorji parlamentari, ħu maħsub biex jiddetermina l-mod ta' kif il-ġabra ta' liġijiet eżistenti ġiet implimentata fil-passat. Għaldaqstant, hu essenzjali li kumitat ta' inkjesta jkun jista' joqgħod fuq evidenza fattwali miġbura tul il-kors tal-investigazzjoni tiegħu. Għal dan il-għan, kumitat ta' inkjesta għandu jkun jista' jisma' l-membri tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-membri ta' gvernijiet tal-Istati Membri, jikseb evidenza mill-uffiċjali u impjegati oħra tal-Unjoni jew tal-Istati Membri, jikseb evidenza minn kwalunkwe individwu ieħor li jgħix fl-Unjoni, jitolob rapporti minn esperti, kif ukoll dokumenti, u jwettaq investigazzjonijiet fuq il-post. |
(8) |
L-investigazzjonijiet għandhom isiru b'rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, b'mod partikolari l-prinċipju tal-ġustizzja, u tad-dritt tal-persuni involuti li jesprimu l-fehma tagħhom dwar il-fatt li jikkonċernawhom. |
(9) |
Il-kumitati ta' inkjesta għandhom jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet ta' dawk imsejħa minnhom biex jixhdu, skont il-Konvenzjoni Ewropea għall-protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. |
(10) |
L-investigazzjonijiet għandhom ukoll iqisu l-prinċipju li l-konklużjonijiet ta' inkjesta għandhom ikunu msejsa biss fuq elementi li għandu valur evidenzjali. Għaldaqstant, kumitat ta' inkjesta għandu jkun jista' b'mod partikolari jkollu aċċess għal kwalunkwe dokument relevanti fil-pussess tal-istituzzjonijiet jew entitajiet tal-Unjoni, tal-Istati Membri tagħhom jew, jekk id-dokument ikun meqjus pertinenti għas-suċċess tal-inkjesta, ta' kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika oħra. |
(11) |
Skont il-prinċipju ta' kooperazzjoni sinċiera u l-impenn li jingħata kontribut għaż-żamma tal-ordni legali tal-Unjoni, l-istituzzjonijiet u l-entitajiet tal-Unjoni jew l-Istati Membri għandhom jaħtru l-uffiċjali jew impjegati oħrajn li huma jawtorizzaw biex jidhru quddiem kumitat ta' inkesta meta l-kumitat jistedinhom jagħmlu dan. Barra minn hekk, għandu jkun possibbli li kumitat ta' inkjesta jisma' lill-membri tal-Kummissjoni responsabbli mill-fatti li qed jiġu investigati jekk ix-xhieda tagħhom titqies ta' importanza fundamentali u neċessarja għal valutazzjoni profonda tal-fatti li qed jiġu investigati. |
(12) |
Madankollu, sabiex ikun żgurat li kumitat ta’ inkjesta jista’ jkun ċert li l-konklużjonijiet tiegħu huma msejsa fuq elementi li għandhom valur evidenzjali, il-kumitat għandu jkollu wkoll id-dritt li jitlob li jisma' lil kwalunkwe individwu li hu residenti fl-Unjoni, bħala xhud li għandu jkun obbligat iwieġeb il-mistoqsijiet minn jeddu, b’mod sħiħ u b’onestà. Barra minn hekk, jekk l-uffiċjali u impjegati oħra tal-Unjoni ma jkunux awtorizzati skont l-Artikoli 17 u 19 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (5), u f'Artikolu 11 tal-Kundizzjonijiet ta' Impjieg ta’ impjegati oħra tal-Unjoni Ewropea, stipulati fl-istess Regolament, li jobdu t-talba tal-kumitat, li jattendu għall-eżami u li jissottomettu dikjarazzjonijiet u jagħtu evidenza personalment, l-uffiċjal jew awtorità responsabbli li tiċħad l-awtorizzazzjoni għandhom jidhru quddiem il-kumitat u għandhom jispjegaw ir-raġunijiet għal dan. |
(13) |
Meta rratifikaw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri qablu wkoll li jagħtu lill-Parlament Ewropew id-dritt li jinvestiga allegazzjonijiet ta' ksur jew amministrazzjoni ħażina fl-implimentazzjoni tal-liġi tal-Unjoni. Konsegwentement, għandhom jaraw li l-awtoritajiet nazzjonali tagħhom, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali, jagħtu l-appoġġ meħtieġ biex jippermettu lill-kumitati ta’ inkjesta jwettqu l-ħidma tagħhom. |
(14) |
Bil-għan li jissaħħaħ il-kontroll demokratiku fil-livell tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament jagħti setgħat estiżi lill-kumitati ta’ inkjesta. Biex dawk id-dispożizzjonijiet ikollhom effett, biex tiżdied l-effiċenza tal-inkjesti u biex joqorbu aktar lejn il-prattika parlamentari nazzjonali, dan ir-Regolament għandu jipprevedi l-possibilità ta’ sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi f’każijiet definiti sew. Għandhom ikunu l-Istati Membri li jiżguraw li ċertu ksur ikun suġġett għal sanzjonijiet xierqa fl-ambitu tal-liġi nazzjonali tagħhom u li jittieħdu proċeduri xierqa kontra minn iwettaq ksur tali. |
(15) |
Għandu jiġi rispettat il-prinċipju tas-separazzjoni tas-setgħat li skontu, sabiex jiġi evitat abbuż ta' setgħa, il-leġiżlatura (il-parlament), l-eżekuttiv (il-gvern) u l-ġudikatura (il-qrati) għandhom ikunu separati minn xulxin. |
(16) |
Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Taqsima 1
Suġġett u regoli ġenerali dwar l-istabbiliment ta' kumitat ta' inkjesta
Artikolu 1
Suġġett
1. Dan ir-Regolament jistipula dispożizzjonijiet dettaljati li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt tal-Parlament Ewropew, fit-twettiq ta' dmirijietu, li, bla preġudizzju għas-setgħat konferiti mit-Trattati lil istituzzjonijiet jew entitajiet oħra, jinvestiga allegazzjonijiet ta' ksur jew amministrazzjoni ħażina fl-implimentazzjoni tal-liġi tal-Unjoni min istituzzjoni jew entità tal-Unjoni, minn korp amministrattiv pubbliku ta’ Stat Membru jew minn persuna inkarigata mil-liġi tal-Unjoni li timplimenta dik il-liġi.
2. Għandhom jiġu stabbiliti fir-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew dispożizzjonijiet li jiggvernaw l-organizzazzjoni interna tal-kumitati ta’ inkjesta.
Artikolu 2
It-twaqqif u l-mandat ta’ kumitati ta’ inkjesta
1. Skont il-kundizzjonijiet u l-limitazzjonijiet stipulati permezz tat-trattati, il-Parlament Ewropew jista’ jwaqqaf kumitati ta’ inkjesta temporanji.
2. Il-Parlament Ewropew jista’ jwaqqaf dan it-tip ta' kumitati ta’ inkjesta fuq talba ta’ kwart tal-membri komponenti tiegħu.
3. Id-deċiżjoni li jitwaqqaf kumitat ta’ inkjesta għandha tispeċifika il-mandat tiegħu, u tinkludi b’mod partikulari:
(a) |
is-suġġett u l-iskop tal-inkjesta, b'referenza għad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi tal-Unjoni; |
(b) |
il-kompożizzjoni tiegħu msejsa fuq rappreżentanza bbilanċjata tal-forzi politiċi; |
(c) |
il-limitu taż-żmien għas-sottomissjoni tar-rapport tiegħu, li m’għandux ikun itwal minn 12-il xahar mid-data li fiha jkun iltaqa' l-ewwel darba u jista', permezz ta' deċiżjoni motivata mill-Parlament Ewropew, jiġi estiż darbtejn b'mhux aktar minn tliet xhur. |
Artikolu 3
Tmiem il-kumitati ta’ inkjesta
Il-kumitat ta’ inkjesta għandu jintemm:
(a) |
Meta jissottometti r-rapport tiegħu; jew |
(b) |
Meta jilħaq il-limitu ta’ żmien tiegħu għas-sottomissjoni tar-rapport tiegħu; kif ukoll |
(c) |
Fi kwalunkwe każ, fi tmiem it-terminu parlamentari. |
Artikolu 4
Inkjesti mill-ġdid
Kumitat ta' inkjesta temporanju ma għandux jiġi kkostitwit jew stabbilit mill-ġdid fir-rigward ta' fatti diġà investigati minn kumitat ta' inkjesta qabel l-iskadenza ta' terminu ta' mill-inqas 12-il xahar minn meta ntemmet l-eżistenza tal-kumitat ta' inkjesta ta' qabel skont il-punt (a) jew il-punt (b) tal-Artikolu 3, sakemm ma jkunux tfaċċaw fatti ġodda. Jista' jiġi stabbilit kumitat ta' inkjesta fi kwalunkwe każ fejn ikunu tfaċċaw fatti ġodda u serji li jiġu kkunsidrati tali li jibdlu l-konstatazzjonijiet sostantivi.
Taqsima 2
Regoli ta’ proċedura ġenerali
Artikolu 5
Inkompatibilitajiet
1. Kumitat ta’ inkjesta ma jistax jinvestiga fatti allegati li jkunu qed jiġu eżaminati quddiem qorti sakemm il-każ ikun għadu suġġett għal proċedimenti legali;.
2. Jekk wara t-twaqqif ta’ kumitat ta’ inkjesta jiġu inizjati proċedimenti legali relatati mal-fatti allegati, il-Parlament Ewropew għandu jeżamina jekk ikunx jeħtieġ li jissospendi l-investigazzjoni tal-kumitat għal kemm idumu dawk il-proċedimenti bi qbil mal-Artikolu 226 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
Il-perjodu tas-sospensjoni m’għandux jitkejjel fiż-żmien imsemmi fl-Artikolu 2(3), punt (c).
3. Fi żmien xahrejn minn meta jiġi stabbilit kumitat ta’ inkjesta jew minn meta l-Kummissjoni tiġi infurmata b’allegazzjoni li tkun saret quddiem kumitat ta’ inkjesta temporanju dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni minn Stat Membru, il-Kummissjoni tista’ tinnotifika lill-Parlament Ewropew li materja li għandu jeżamina l-kumitat ta’ inkjesta għandha tkun is-suġġett ta’ proċediment ta’ prelitigazzjoni tal-Unjoni. F’każijiet bħal dawn, il-kumitat ta’ inkjesta għandu jieħu l-passi meħtieġa biex jippermetti li l-Kummissjoni tkun tista’ teżerċita s-setgħat konferiti lilha mit-Trattati.
Artikolu 6
In-natura pubblika tal-proċeduri
1. Il-proċeduri tal-kumitat ta’ inkjesta, u b’mod partikolari s-seduti ta’ smigħ tal-kumitat, għandhom isiru fil-pubbliku.
2. B’eċċezzjoni, il-proċeduri jistgħu isiru in camera jekk dan jintalab minn kwart tal-membri tal-kumitat ta’ inkjesta, minn istituzzjoni jew entità tal-Unjoni jew mill-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati. Jekk persuna li tkun qed tixhed jew espert titlob/jitlob smigħ in camera, il-kumitat ta’ inkjesta għandu jikkunsidra t-talba u r-raġunijiet allegati għaliha in camera.
Informazzjoni kunfidenzjali, fl-Artikolu 8, għandha tiġi studjata in camera.
Artikolu 7
Persuni msemmija tul inkjesta
Il-kumitat ta’ inkjesta għandu jinforma lil kwalunkwe persuna msemmija tul l-inkjesta li għaliha dan jista’ jkun ta’ ħsara. Jekk il-persuna titlob li tinstema’, il-kumitat għandu jismagħha.
Artikolu 8
Kunfidenzjalità
1. L-informazzjoni miksuba mill-kumitat ta’ inkjesta għandha tintuża biss għat-twettiq tad-doveri tiegħu. Ma tistax tiġi żvelata jekk tkun tinkludi fiha materjal ta’ natura kunfidenzjali. Informazzjoni kunfidenzjali għandha tiġi trattata u mħarsa mill-Parlament Ewropew f’konformità mar-regoli interni tiegħu aplikabbli għal-“informazzjoni klassifikata tal-UE” u għal “informazzjoni oħra kunfidenxzjali” mhux klassifikata”.
2. Il-paragrafu 1 japplika wkoll għal
(a) |
jimmina l-protezzjoni tal-privatezza u tal-integrità ta’ individwu, b’mod partikolari rigward leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ta’ data personali, |
(b) |
jimmina l-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika, inkluża l-proprjetà intellettwali, jew |
(c) |
jikkawża preġudizzju sinifikanti għall-interessi tal-Unjoni jew għal dawk ta’ wieħed jew aktar mill-Istati Membri. |
3. Il-membri tal-kumitat ta’ inkjesta u kwalunkwe persuna oħra li, minħabba dmirijiethom, ikunu saru jafu fatti, informazzjoni, għarfien, dokumenti jew oġġetti li dwarhom għandha tinżamm is-segretezza skont id-dispożizzjonijiet adottati minn Stat Membru jew minn istituzzjoni tal-Unjoni għandu jkollhom l-obbligu li, anki wara li dmirijiethom ikunu ntemmew, iżommu s-sigriet minn kwalunkwe persuna mhux awtorizzata u mill-pubbliku.
Artikolu 9
Kooperazzjoni
L-istituzzjonijiet u l-entitajiet tal-Unjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri, filwaqt li jaġixxu skont id-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali, għandhom jassistu lill-kumitat ta’ inkjesta fil-qadi tal-kompiti tiegħu bi qbil mal-prinċipju tal-kooperazzjoni sinċiera.
Artikolu 10
Komunikazzjoni
Kwalunkwe komunikazzjoni indirizzata lill-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri għall-iskopijiet tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom isiru permezz tar-Rappreżentanzi Permanenti tal-Unjoni.
Artikolu 11
Ir-riżultati tal-inkjesti
1. Ir-rapport finali tal-kumitat ta’ inkjesta għandu jitressaq lill-Parlament Ewropew.
2. Ir-rapport finali tal-kumitat jista' jinkludi konklużjonijiet tal-minoranza sakemm tali konklużjonijiet ikollhom l-appoġġ ta' mill-anqas kwart tal-membri tal-kumitat.
3. Il-Parlament Ewropew jista’ jgħaddi lill-istituzzjonijiet jew entitajiet tal-Unjoni jew lill-Istati Membri ħalli jintbagħtu lill-awtoritajiet kompetenti, kwalunkwe rakkomandazzjoni li jadotta fuq il-bażi tar-rapport finali.
Taqsima 3
Investigazzjoni
Artikolu 12
It-twettiq tal-investigazzjoni
1. Biex iwettaq l-investigazzjonijiet, fi ħdan il-mandat tiegħu u soġġett għall-Artikoli 14 sa 18, il-kumitat ta’ inkjesta jista’:
— |
jisma’lil membri tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u membri tal-gvernijiet tal-Istati Membri; |
— |
jikseb evidenza minn uffiċjali u impjegati oħra tal-Unjoni jew tal-Istati Membri; |
— |
jikseb evidenza minn kwalunkwe individwu ieħor residenti fl-Unjoni; |
— |
jitlob rapporti tal-esperti; |
— |
jitlob dokumenti; |
— |
jwettaq investigazzjonijiet fil-post. |
2. Il-kumitat ta’ inkjesta jista’ jitlob lill-awtorijiet nazzjonali għal assistenza waqt l-investigazzjoni tagħhom.
3. Meta l-allegat ksur jew amministazzjoni ħażina fl-implimentazzjoni tal-liġi tal-Unjoni jinvolvi l-eventwalità ta' responsabbiltà ta' entità jew awtorità ta' Stat Membru, il-kumitat ta' inkjesta jista' jitlob lill-Parlament tal-Istat Membru kkonċernat jikkoopera fl-investigazzjoni.
Għal dan l-iskop, il-Parlament Ewropew jista' jikkonkludi ftehimiet interparlamentari mal-parlamenti tal-Istati Membri.
Artikolu 13
Investigazzjonijiet fuq il-post
Il-kumitat ta’ inkjesta jista’ jwettaq investigazzjonijiet fuq il-post. Dawn għandhom isiru fejn ikun xieraq f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali.
Artikolu 14
Talbiet għal dokumenti
1. Fuq it-talba tal-kumitat ta’ inkjesta indirizzata lill-istituzzjonijiet u l-entitajiet tal-Unjoni, kwalunkwe dokument relevanti fil-pussess tagħhom għandu jkun magħmul disponibbli lill-kumitat.
2. Fuq talba tal-kumitat ta’ inkjesta indirizzata lill-awtoritajiet tal-Istati Membri, kwalunkwe dokument relevanti fil-pussess tagħhom għandu jkun magħmul disponibbli lill-kumitat b’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali, skont ir-regoli stipulati fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 346(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
3. Il-kumitat ta’ inkjesta jista’ jistaqsi lil kwlaunkwe persuna fiżika jew ġuridika konċernata tagħmel disponibbli kwalunkwe dokument li jista’ jqis pertinenti għas-suċċess tal-inkjesta tiegħu. Persuni tali għandhom, bla ħsara għall-obbligi tagħhom li jirriżultaw mil-liġi tal-Unjoni u mil-liġi nazzjonali, jikkonformaw mat-talba tal-kumitat. Dawn jistgħu jinvokaw id-drittijiet li jgawdu fl-ambitu tal-liġi nazzjonali fil-każ ta' qbid ta' oġġetti minn awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi.
4. It-talbiet għal dokumenti għandhom jispeċifikaw il-bażi legali u l-iskop tat-talbi u jispeċfikaw liema dokumenti huma meħtieġa u jistipulaw il-limitu taż-żmien li fih għandhom jiġu pprovduti d-dokumenti. Għandhom ukoll jispeċifikaw il-konsegwenzi possibbli għal min mingħajr raġuni jiċħad li jipprovdi d-dokumenti mitluba.
Artikolu 15
Xhieda
1. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, “individwu” tfisser persuna fiżika li taxhed fi smigħ ta’ kumitat ta’ inkjesta skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu.
Il-kumitat ta’ inkjesta jista’ jitlob lil kwalunkwe persuna residenti fl-Unjoni biex tipparteċipa fi smigħ quddiemu jekk iqis li dan ikun meħtieġ biex il-kumitat ikun jista’ jwettaq il-kompiti tiegħu.
Kull talba għandha tinkludi l-isem, il-kunjom u l-indirizz tal-individwu kkonċernat u tispeċifika b’mod preċiż is-suġġett u għal-liema raġuni l-kumitat ta’ inkjesta jixtieq jisma’ lil dak l-individwu. Għandha tiġi mgħoddija mill-kumitat lill-awtorità nazzjonali kompetenti tal-istat Membri fejn ikun residenti l-individwu bi qbil mal-Artikolu 10. Bi qbil mal-prinċipju tal-kooperazzjni sinċiera u mad-dispożizzjonijietlegali relevanti, l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha tħarrek lill-individwu biex jidher quddiem il-kumitat ta’ inkjesta.
2. L-indivdidwi għandhom iwieġbu minn jeddhom, b’mod sħiħ u veritier kwalunkwe mistoqsija magħmula lilhom mill-membri tal-kumitat ta’ inkjesta. Huma jistgħu jinvokaw id-dritt li jirrifjutaw li jagħtu evidenza li jgawdu kieku kellhom jintalbu jixhdu minn kumitat ta’ inkjesta parlamentari jew entità simili fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom jew, fl-assenza ta’ tali kumitat jew korp, fl-Istat membru fejn isir is-smigħ.
L-individwi għandhom jiġu informati minn qabel dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom u l-konsegwenzi possibbli fil-każ li jirrifjutaw mingħajr raġuni t-talba li jixhdu, fil-każ li jagħtu evidenza falza u fil-każ ta' tixħim tal-individwi.
Artikolu 16
Xhieda minn membri tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u minn membri tal-gvernijiet tal-Istati Membri
Il-kumitat ta' inkjesta jista' jistieden lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni – bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, – jew lill-gvernijiet tal-Istati Membri biex jaħtru wieħed jew iktar minn fost il-membri tagħhom biex jieħ(d)u sehem fil-proċeduri jekk ix-xhieda tagħhom titqies ta' importanza kruċjali u neċessarja għal valutazzjoni profonda tal-fatti li qed jiġu investigati.
Fuq talba skont l-ewwel paragrafu, il-Kummissjoni għandha tinnomina Membru wieħed jew iktar tal-Kummissjoni responsabbli mill-kwistjoni li tkun qed tiġi investigata, biex jidhru quddiem il-kumitat ta' inkjesta.
Artikolu 17
Uffiċjali u impjegati oħra tal-Unjoni u tal-Istati Membri
1. Il-kumitat ta’ inkjesta jista’ jistieden lill-istituzzjonijiet jew entitajiet tal-Unjoni jaħtru wieħed jew aktar uffiċjali jew impjegati oħrajn tagħhom jieħdu sehem fil-proċeduri tiegħu.
L- istituzzjonijiet jew entitajiet tal-Unjoni għandhom jaħtru l-uffiċjali jew impjegati oħrajn li huma jawtorizzaw biex jidhru quddiem il-kumitat ta’ inkjesta.
2. Il-kumitat ta’ inkjesta jista’ jsejjaħ uffiċjal speċifiku jew impjegat ieħor tal-Unjoni biex jixhed fi kwistjoni assoċjata mad-doveri professjonali tiegħu jew tagħha jekk iqis li s-smigħ ta’ dik il-persuna hu meħtieġ għat-twettiq tal-ħidma tiegħu. Jekk L-uffiċjal jew impjegat ieħor konċernat ma jkunx awtorizzat skont l-Artikoli 17 sa 19 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 11 tal-Kundizzjonijiet ta’ impjieg ta' impjegati oħra tal-Unjoni Ewropea li jobdi s-sejħa tal-kumitat, li jattendi l-eżami bħala xhud u li jissottometti stqarrijiet u jagħti evidenza in persona, l-uffiċjal jew l-awtorità responsabbli għaċ-ċaħda tal-awtorizzazzjoni għandu jitla’/għandha titla’ quddiem il-kumitat ta' inkjesta u jispjega/tispjega r-raġunijiet għal dik iċ-ċaħda.
3. Il-kumitat ta’ inkjesta jista’ jitlob lill-Istati Membri biex jaħtru wieħed jew aktar mill-uffiċjali tagħhom biex jipparteċipa(w) fil-proċedimenti tiegħu.
4. L-Istati Membri kkonċernati għandhom jaħtru lill-uffiċjal li huma jawtorizzaw biex jidher quddiem il-kumitat ta’ inkjesta, soġġett għal-liġi tal-Istat Membru kkonċernat.
L-uffiċjali kkonċernati għandhom jitkellmu f’isem il-gvern u fuq l-istruzzjonijiet tiegħu. Huma għandhom jibqgħu marbuta bl-obbligi li joħorġu mil-liġi li għaliha huma soġġetti.
Jekk kwalunkwe uffiċjal ikkonċernat ma jiġix awtorizzat jixhed quddiem il-kumitat ta’ inkjesta, rappreżentant awtorizzat li jimpenja lill-gvern tal-Istat Membru kkonċernat għandu jidher quddiem il-kumitat u jispjega r-raġunijiet għal dan.
Artikolu 18
Esperti
1. Il-kumitat ta’ inkjesta jista’ jiddeċiedi li r-rapporti jinkisbu minn espert wieħed jew diversi. Id-deċiżjoni tiegħu f’dan ir-rigward għandha tiddefinixxi l-ħidma tal-esperti u tistipula l-limitu taż-żmien li fih għandu jsir ir-rapport.
2. L-esperti jistgħu jagħtu opinjoni biss fuq punt li jkun ġew espressament riferuti lilhom.
3. Fuq il-proposta ta’ espert, il-kumitat ta’ inkjesta jista’ jitlob li jisma’ lil kwalunkwe persuna residenti fl-Unjoni bi qbil mal-Artikoli 15 sa 17.
4. Wara li jkun sar rapport, espert jista’ jiġi mismugħ mill-kumitat ta’ inkjesta.
Artikolu 19
Sanzjonijiet
1. Għandha tittieħed nota formali ta’ kwalunkwe rifjut jew nuqqas ta’ konformità mal-obbligi stipulati permezz ta’ dan ir-Regolament.
Il-President tal-Parlament Ewropew jista’ jħabbar, kompletament jew parzjalment, il-punti li fuqhom ittieħdet nota formali u jagħmel l-arranġamenti biex din il-komunikazzjoni tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ksur li ġej ta' dan ir-Regolament ikun suġġett għal sanzjonijiet xierqa fl-ambitu tal-liġi nazzjonali:
— |
rifjut mingħajr raġuni li jiġi provdut kwalunkwe dokument mitlub; |
— |
rifjut mingħajr raġuni min-naħa tal-individwi tat-talba li jixhdu; |
— |
l-għoti ta’ evidenza falza; kif ukoll |
— |
it-tixħim ta’ individwi. |
Dawn is-sanzjonijiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi u għandhom jirriflettu s-sanzjonijiet għal ksur korrispondenti fir-rigward tal-ħidma tal-kumitati ta' inkjesta fil-parlamenti nazzjonali.
3. Meta persuna tkun raġonevolment suspettata li wettqet xi ksur speċifikat f'paragrafu 2, l-Istat Membru fejn il-persuna tkun residenti għandu jibda proċeduri xierqa kontrih/a fl-ambitu tal-liġi nazzjonali.
Artikolu 20
L-ispejjeż
L-ispejjeż tal-ivvjaġġar u l-akkomodazzjoni tal-membri u l-uffiċjali u impjegati oħrajn tal-istituzzjonijiet u l-entitajiet tal-Unjoni għandhom jiġu mġarrba minn dawn l-istituzzjonijiet u entitajiet. L-ispejjeż tal-ivvjaġġar u l-akkomodazzjoni ta' persuni oħra li jidhru quddiem il-kumitat ta' inkjesta għandhom jitħallsu lura mill-Parlament Ewropew f'konfirmità mal-limiti ffissati li jirregolaw is-smigħ tal-esperti.
Taqsima 4
Dispożizzjonijiet finali
Artikolu 21
Tħassir
Id-Deċiżjoni 95/167/KE, Euratom, KEFA hija hawnhekk imħassra.
Artikolu 22
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Huwa għandu japplika minn … (6).
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament f'kull Stat Membru.
Magħmul fi,
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
(1) ĠU …
(2) ĠU …
(4) Is-sentenza fil-Kawżi Konġunti 281, 283 sa 285 u 287/85 il-Ġermanja, Franza, il-Pajjiżi l-Baxxi, id-Danimarka u r-Renju Unit v l-Kummissjoni [1987] ECR 3203, fil-paragrafu 28.
(6) ĠU: Daħħal id-data: tnax-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.