|
27.9.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CE 291/1 |
IL-POŻIZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 9/2012
fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni ta’ Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja ulterjuri lill-Ġeorġja
Adottata mill-Kunsill fl-10 ta’ Mejju 2012
(2012/9/UE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 212(2) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),
Billi:
|
(1) |
Ir-relazzjonijiet bejn il-Ġeorġja u l-Unjoni Ewropea qegħdin jiżviluppaw fil-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat. Fl-2006, il-Komunità u l-Ġeorġja qablu dwar Pjan ta’ Azzjoni għal Politika Ewropea tal-Viċinat li jidentifika l-prijoritajiet fuq perjodu ta’ żmien medju fir-relazzjonijiet bejn l-UE u Ġeorġja. Fl-2010, l-Unjoni u l-Ġeorġja nedew in-negozjati ta’ Ftehim ta’ Assoċjazzjoni li huwa mistenni li jieħu post il-Ftehim eżistenti ta’ Sħubija u Kooperazzjoni (2). Il-qafas tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ġeorġja huwa msaħħaħ aktar bis-Sħubija tal-Lvant li għadu kemm tnieda. |
|
(2) |
Il-Kunsill Ewropew straordinarju, f’laqgħa fl-1 ta’ Settembru 2008, ikkonferma r-rieda tal-Unjoni li ssaħħaħ ir-relazzjonijiet bejn l-UE u Ġeorġja fis-segwitu tal-kunflitt armat ta’ Awwissu 2008 bejn il-Ġeorġja u l-Federazzjoni Russa. |
|
(3) |
L-ekonomija tal-Ġeorġja ġiet affettwata mill-kriżi finanzjarja internazzjonali sa mit-tielet trimestru tal-2008, b’nuqqas fil-produzzjoni, tnaqqis fid-dħul fiskali u żieda fil-ħtiġijiet esterni ta’ finanzjament. |
|
(4) |
Fil-Konferenza Internazzjonali tad-Donaturi li saret fit-22 ta’ Ottubru 2008, il-komunità internazzjonali wiegħdet appoġġ għall-irkupru ekonomiku tal-Ġeorġja skont il-Valutazzjoni Konġunta tal-Ħtiġiet imwettqa min-Nazzjonijiet Uniti u mill-Bank Dinji. |
|
(5) |
L-Unjoni ħabbret li ser tipprovdi sa EUR 500 miljun bħala assistenza finanzjarja lill-Ġeorġja. |
|
(6) |
L-aġġustament u l-irkupru ekonomiku tal-Ġeorġja huwa appoġġat minn assistenza finanzjarja tal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI). F’Settembru 2008, l-awtoritajiet tal-Ġeorġja ftiehmu mal-FMI fuq Arranġament ta’ Riżerva ta’ USD 750 miljun biex jappoġġa lill-ekonomija tal-Ġeorġja biex tagħmel l-aġġustamenti meħtieġa fid-dawl tal-kriżi finanzjarja. |
|
(7) |
B’segwitu ta’ aktar deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika tal-Ġeorġja u reviżjoni neċessarja tas-suppożizzjonijiet ekonomiċi sottostanti tal-programm tal-FMI kif ukoll tal-ħtiġiet akbar tal-Ġeorġja ta’ finanzjament estern, intlaħaq qbil bejn il-Ġeorġja u l-FMI għal żieda ta’ self ta’ USD 424 miljun skont l-Arranġament ta’ Riżerva, li ġie approvat f’Awwissu 2009 mill-Bord tal-FMI. |
|
(8) |
Fl-2010–2012, l-Unjoni biħsiebha tipprovdi taħt l-Istrument Ewropew tal-Viċinat u s-Sħubija (ENPI), għotjiet ta’ appoġġ baġitarju lill-Ġeorġja ta’ EUR 37 miljun kull sena. |
|
(9) |
Il-Ġeorġja talbet assistenza makrofinanzjarja mill-Unjoni fid-dawl tad-deterjorazzjoni fis-sitwazzjoni u l-prospetti ekonomiċi tal-Ġeorġja. |
|
(10) |
Minħabba li għad hemm lakuna finanzjarja residwa fil-bilanċ tal-pagamenti tal-Ġeorġja, l-assistenza makrofinanzjarja titqies bħala rispons xieraq għat-talba tal-Ġeorġja fid-dawl taċ-ċirkostanzi eċċezzjonali attwali sabiex tiġi appoġġata l-istabbilizzazzjoni ekonomika flimkien mal-programm tal-FMI attwali. |
|
(11) |
L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni li għandha tingħata lill-Ġeorġja (“l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni”) ma għandhiex sempliċiment tissupplimenta l-programmi u r-riżorsi mill-FMI u l-Bank Dinji, iżda għandha tiżgura l-valur miżjud tal-involviment tal-Unjoni. |
|
(12) |
Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni tkun legalment u sostanzjalment konformi mal-miżuri meħuda fl-oqsma differenti tal-azzjoni esterna u linji ta’ politika oħra rilevanti tal-Unjoni. |
|
(13) |
L-objettivi speċifiċi tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandhom isaħħu l-effiċjenza, it-trasparenza u r-responsabbiltà. Dawk l-objettivi għandhom jiġu mmonitorjati regolarment mill-Kummissjoni. |
|
(14) |
Il-kondizzjonijiet sottostanti għall-provvediment ta’ assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandhom jirriflettu l-prinċipji u l-objettivi ewlenin tal-politika tal-Unjoni rigward il-Ġeorġja. |
|
(15) |
Sabiex tiġi żgurata protezzjoni effiċjenti tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni marbuta mal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, huwa meħtieġ li l-Ġeorġja tadotta miżuri adatti rigward il-prevenzjoni ta’, u l-ġlieda kontra, il-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe irregolarità oħra marbuta ma’ dik l-assistenza. Huwa wkoll meħtieġ li l-Kummissjoni tipprevedi kontrolli adatti u li l-Qorti tal-Awdituri tipprevedi verifiki adatti. |
|
(16) |
Ir-rilaxx tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni huwa mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-awtorità baġitarja. |
|
(17) |
L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tiġi ġestita mill-Kummissjoni. Sabiex tiżgura li l-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju jkunu jistgħu jsegwu l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tinformahom regolarment dwar l-iżviluppi relatati mal-assistenza u għandha tipprovdihom bid-dokumenti rilevanti. |
|
(18) |
Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħat ta’ implimentazzjoni. Dawn is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (3), |
ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. L-Unjoni għandha tagħmel disponibbli għall-Ġeorġja assistenza makrofinanzjarja (“l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni”) b’ammont massimu ta’ EUR 46 miljun, bil-ħsieb li tappoġġa l-istabbilizzazzjoni ekonomika tal-Ġeorġja u tkopri l-ħtiġijiet tagħha tal-bilanċ tal-pagamenti kif identifikat fil-programm attwali tal-FMI. Minn dak l-ammont massimu, sa EUR 23 miljun għandu jiġi pprovdut fil-forma ta’ għotjiet u sa EUR 23 miljun fil-forma ta’ self. Ir-rilaxx tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandu jkun soġġett għall-approvazzjoni tal-baġit tal-Unjoni għall-2013 mill-awtorità baġitarja.
2. Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tissellef ir-riżorsi meħtieġa f’isem l-Unjoni sabiex tiffinanzja l-komponent ta’ self tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni. Is-self għandu jkollu maturità massima ta’ 15-il sena.
3. Ir-rilaxx tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandu jkun ġestit mill-Kummissjoni b’mod konsistenti mal-ftehimiet jew qbil milħuqa bejn l-FMI u l-Ġeorġja u mal-prinċipji u l-għanijiet ewlenin tar-riforma ekonomika stabbiliti fil-Ftehim tas-Sħubija u l-Kooperazzjoni bejn l-UE u Ġeorġja. Il-Kummissjoni għandha tinforma regolarment lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju bl-iżviluppi relatati mal-ġestjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni u għandha tipprovdihom bid-dokumenti rilevanti.
4. L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun magħmula disponibbli għal perjodu ta’ sentejn u sitt xhur li jibdew mill-ewwel jum wara d-dħul fis-seħħ tal-Memorandum ta’ Qbil imsemmi fl-Artikolu 2(1).
Artikolu 2
1. Il-Kummissjoni għandha, skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 6(2), tadotta Memorandum ta’ Qbil li jistabbilixxi l-politika ekonomika u l-kondizzjonijiet finanzjarji marbuta mal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, inkluż perjodu ta’ żmien biex jintlaħqu dawk il-kondizzjonijiet. Il-politika ekonomika u l-kondizzjonijiet finanzjarji għandhom ikunu konsistenti mal-ftehimiet jew qbil imsemmija fl-Artikolu 1(3). Dawk il-kondizzjonijiet għandhom jimmiraw, b’mod partikolari, għat-tisħiħ tal-effiċjenza, it-trasparenza u r-responsabbiltà tal-assistenza, injklużi s-sistemi ta’ ġestjoni tal-finanzi pubbliċi fil-Ġeorġja. Il-progress biex jintlaħqu dawk l-objettivi għandu jiġi mmonitorjat regolarment mill-Kummissjoni. It-termini finanzjarji dettaljati dwar l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandhom jiġu stabbiliti fil-Ftehim tal-Għotja u l-Ftehim ta’ Self li għandhom jiġu maqbula bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-Ġeorġja.
2. Matul l-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-validità tal-arranġamenti finanzjarji tal-Ġeorġja, il-proċeduri amministrattivi u l-mekkaniżmi ta’ kontroll interni u esterni li huma rilevanti għal din l-assistenza, kif ukoll l-aderenza tal-Ġeorġja mal-perjodu ta’ żmien miftiehem.
3. Il-Kummissjoni għandha tivverifika f’intervalli regolari li l-linji ta’ politika ekonomiċi tal-Ġeorġja jkunu f’konformità mal-objettivi tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni u li l-kondizzjonijiet miftiehma tal-politika ekonomika qed jintlaħqu b’mod sodisfaċenti. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni għandha tikkoordina mill-qrib mal-FMI u mal-Bank Dinji, u fejn meħtieġ, mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju.
Artikolu 3
1. Soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2, l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun magħmula disponibbli mill-Kummissjoni f’żewġ pagamenti parzjali, li kull wieħed minnhom jikkonsisti f’element ta’ għoti u element ta’ self. Id-daqs ta’ kull pagament parzjali għandu jiġi stabbilit fil-Memorandum ta’ Qbil.
2. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali f’fażijiet soġġett għat-twettiq tal-politika ekonomika u tal-kondizzjonijiet finanzjarji stipulati fil-Memorandum ta’ Qbil. L-iżborż tat-tieni pagament parzjali għandux jsir mhux aktar kmieni minn tliet xhur wara r-rilaxx tal-ewwel pagament parzjali.
3. Il-fondi tal-Unjoni għandhom jitħallsu lill-Bank Nazzjonali tal-Ġeorġja. Soġġett għad-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu miftiehma fil-Memorandum ta’ Qbil, inkluża l-konferma tal-ħtiġiet finanzjarji baġitarji residwi, il-fondi tal-Unjoni jistgħu jiġu trasferiti lit-Teżor tal-Ġeorġja bħala l-benefiċjarju finali.
Artikolu 4
1. L-operazzjonijiet tal-għoti jew teħid tas-self relatati mal-komponent ta’ self tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandhom jitwettqu bil-munita euro bl-użu tal-istess data tal-valur u ma għandhomx jesponu lill-Unjoni għal kwalunkwe trasformazzjoni ta’ maturitajiet, kwalunkwe riskju fir-rata tal-kambju jew tal-imgħax, jew kwalunkwe riskju kummerċjali ieħor.
2. Fuq talba tal-Ġeorġja, il-Kummissjoni għandha tieħu l-passi meħtieġa, biex tiżgura li klawsola dwar ħlas kmieni tiġi inkluża fit-termini u l-kondizzjonijiet tas-self u li tkun appoġġata minn klawsola korrispondenti fit-termini u l-kondizzjonijiet tal-operazzjonijiet tat-teħid ta’ self tal-Kummissjoni.
3. Fuq talba tal-Ġeorġja u fejn iċ-ċirkostanzi jippermettu titjib fir-rata tal-imgħax tas-self, il-Kummissjoni tista’ tirrifinanzja s-self inizjali kollu jew parti minnu jew tirristruttura l-kondizzjonijiet finanzjarji korrispondenti. L-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament jew ta’ ristrutturar għandhom jitwettqu f’konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 u ma għandux ikollhom l-effett li jestendu l-maturità medja tas-self ikkonċernat jew li jżidu l-ammont tal-kapital pendenti fid-data tar-rifinanzjament jew ristrutturar.
4. L-ispejjeż kollha sostnuti mill-Unjoni li jkunu relatati mal-operazzjonijiet tal-għoti jew teħid ta’ self skont din id-Deċiżjoni għandhom jiġġarrbu mill-Ġeorġja.
5. Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju informati bl-iżviluppi fl-operazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3.
Artikolu 5
L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tiġi implimentata f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (4) u r-regoli ta’ implimentazzjoni tiegħu (5). B’mod partikolari, il-Memorandum ta’ Qbil, il-Ftehim ta’ Self u l-Ftehim tal-Għotja li għandhom jiġu miftiehma mal-awtoritajiet tal-Ġeorġja għandhom jipprovdu miżuri xierqa fir-rigward tal-prevenzjoni ta’, u l-ġlieda kontra, l-frodi, l-korruzzjoni u kwalunkwe irregolarità oħra b’rabta mal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni. Sabiex tkun żgurata trasparenza akbar fil-ġestjoni u l-iżborż tal-fondi, il-Memorandum ta’ Qbil, il-Ftehim ta’ Self u l-Ftehim tal-Għotja għandhom jipprevdu wkoll il-kontrolli, inklużi kontrolli fuq il-post u l-ispezzjonijiet, li għandhom jitwettqu mill-Kummissjoni, inkluż l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi. Dawk id-dokumenti għandhom ukoll jipprevedu l-verifiki, inkluż fejn xieraq verifiki fuq il-post, mill-Qorti tal-Awdituri.
Artikolu 6
1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fit-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011. Meta l-kumitat ma jagħti l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni m’għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
Artikolu 7
1. Sat-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni fis-sena kalendarja preċedenti, inkluż l-evalwazzjoni tiegħu. Ir-rapport għandu jindika r-rabta bejn il- politika ekonomika u l-kondizzjonijiet finanzjarji stabbiliti fil-Memorandum ta’ Qbil, il-prestazzjoni ekonomika u fiskali kurrenti tal-Ġeorġja u d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li tirrilaxxa l-pagamenti parzjali tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni.
2. Mhux aktar tard minn sentejn wara l-iskadenza tal-perjodu ta’ disponibilità msemmi fl-Artikolu 1(4), il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport ta’ evalwazzjoni ex post.
Artikolu 8
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi …,
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
…
Għall-Kunsill
Il-President
…
(1) Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Mejju 2011 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ … 2012.
(2) Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u Koperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, mill-parti l-waħda, u l-Ġeorġja, mill-parti l-oħra (ĠU L 205, 4.8.1999, p. 3).
(3) ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.
(4) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
(5) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolament Finanzjaru li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1).
DIKJARAZZJONI TAR-RAĠUNIJIET TAL-KUNSILL
I. INTRODUZZJONI
Il-Kummissjoni adottat il-proposta tagħha fit-13 ta’ Jannar 2011.
Il-Parlament Ewropew adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari fis-sessjoni plenarja tiegħu fl-10 ta’ Mejju 2011. Huwa adotta tliet emendi.
Fit-23 ta’ Jannar 2012, il-Kunsill laħaq qbil politiku dwar it-test tal-proposta (1).
Skont l-Artikolu 294 tat-Trattat, il-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari fl-10 ta’ Mejju 2012.
II. OBJETTIV
Wara l-kunflitt armat mar-Russja f’Awwissu 2008 u fil-kuntest tal-kriżi globali finanzjarja, fil-Konferenza Internazzjonali tad-Donaturi li saret f’Ottubru 2008 il-Kummissjoni Ewropea għamlet impenn għal ammont ta’ mhux aktar minn EUR 500 miljun f’assistenza tal-UE bħala appoġġ għall-ekonomija tal-Ġeorġja. L-impenn inkluda l-possibbiltà ta’ żewġ operazzjonijiet ta’ assistenza makrofinanzjarja (MFA) ta’ EUR 46 miljun.
Kmieni f’Awwissu 2010 l-UE ikkompletat l-iżborż tal-ewwel operazzjoni tal-MFA approvata mill-Kunsill f’Novembru 2009 (2). L-approvazzjoni tat-tieni AMF kienet kundizzjonali fuq l-eżistenza kontinwa ta’ ħtiġijiet ta’ finanzjament estern lil hinn minn dawk koperti mill-arranġament tal-FMI.
F’ittra mill-10 ta’ Mejju 2010, il-Ministru tal-Finanzi Ġeorġjan talab l-attivazzjoni tat-tieni parti tal-impenn mill-Kummissjoni tal-fondi tal-UE. Il-Kummissjoni tqis li l-attivazzjoni tat-tieni parti tal-MFA impenjata fl-2008 hija meħtieġa minħabba li, minkejja l-irkupru tal-ekonomija Ġeorġjana, il-bilanċ tal-pagamenti u l-pożizzjoni baġitarja għadhom dgħajfa u vulnerabbli.
Il-proposta timmira li tikkontribwixxi għall-kopertura tal-ħtiġijiet tal-finanzjament estern tal-pajjiż, kif identifikat b’kooperazzjoni mal-FMI fil-kuntest tal-Arranġament ta’ Riżerva (SBA) tal-FMI ta’ USD 1,17 biljun, fis-seħħ minn Ottubru 2008. Nofs l-assistenza proposta tkun ipprovduta f’għotjiet u n-nofs l-ieħor f’self.
III. ANALIŻI TAL-POŻIZZJONI TAL-KUNSILL FL-EWWEL QARI
Fl-1 ta’ Marzu 2011, daħal fis-seħħ ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ir-Regolament dwar il-Komitoloġija l-ġdid).
Għalhekk kien meħtieġ li d-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-proposta tal-Kummissjoni dwar assistenza makrofinanzjarja ulterjuri lill-Ġeorġja fir-rigward tal-eżerċizzju tas-setgħat implimentattivi mogħtija lill-Kummissjoni jiġu allinjati mar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
F’April 2011 kien hemm kuntatti informali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni u l-Kunsill kif previst fil-punti 16 sa 18 tad-Dikjarazzjoni konġunta dwar arranġamenti prattiċi għall-proċedura ta’ kodeċiżjoni (3).
Il-Parlament Ewropew ma qabilx mal-Kunsill dwar it-tibdiliet meħtieġa biex jiġu allinjati d-dispożizzjonijiet fir-rigward tal-eżerċizzju tas-setgħat implimentattivi mar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
F’Mejju 2011, il-Parlament Ewropew adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari bl-introduzzjoni ta’ emendi dwar il-punti segwenti:
|
|
Premessa 18 — setgħat implimentattivi Emenda numru 1 tal-Parlament Ewropew L-abbozzar tal-premessa (18) dwar l-għoti tas-setgħat implimentattivi lill-Kummissjoni ġie adattat sabiex jieħu kont tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) Nru 182/2011. Emenda numru 1 ġiet inkluża fil-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari. |
|
|
Artikolu 2 — Adozzjoni tal-Memorandum ta’ Ftehim Emenda numru 2 tal-Parlament Ewropew Emenda numru 2 tal-Parlament Ewropew tipprevedi l-adozzjoni ta’ Memorandum ta’ Ftehim li fih il-politika ekonomika u l-kundizzjonijiet finanzjarji li għalihom hija suġġetta l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni f’konformità mal-proċedura konsultattiva. Din l-emenda qed tiġi miċħuda mill-Kunsill fuq il-bażi li, skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011, il-Memorandum ta’ Ftehim għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżaminazzjoni. |
|
|
Artikolu 6 — Kumitat Emenda numru 3 tal-Parlament Ewropew Emenda numru 3 tal-Parlament Ewropew tirreferi għal Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 (proċedura konsultattiva). Din l-emenda qed tiġi miċħuda mill-Kunsill għall-istess raġunijiet ta’ Emenda 2, jiġifieri li għandha tapplika l-proċedura ta’ eżaminazzjoni. Barra minn hekk, il-Kunsill jipproponi li jżid li f’każijiet fejn il-kumitat ma jagħti l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni m’għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni. |
IV. KONKLUŻJONI
Il-pożizzjoni tal-Kunsill tintroduċi tibdil għall-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew fl-ewwel qari fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-eżerċizzju tas-setgħat implimentattivi sabiex tiżgura l-allinjament adatt tagħhom biss mar-regolament ġdid dwar il-Komitoloġija (182/2011). Il-Kunsill jistenna b’interess li jsiru diskussjonijiet kostruttivi mal-Parlament Ewropew fit-tieni qari bil-ħsieb tal-adozzjoni rapida tad-Deċiżjoni.
(1) Dok. 18792/11.
(2) Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/889/KE tat-30 ta’ Novembru 2009 li tipprovdi għajnuna makrofinanzjarja lill-Ġeorġja.