9.5.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 133/81 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2013”
COM(2012) 750 final
2013/C 133/15
Relatur ġenerali: is-Sur VERBOVEN
Nhar id-19 ta’ Diċembru 2012, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni – Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2013
COM(2012) 750 final.
Nhar it-13 ta' Novembru 2012, il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lill-Kumitat tat-Tmexxija Ewropa 2020 sabiex jipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.
Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-487 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-13 u l-14 ta’ Frar 2013 (seduta tat-13 ta’ Frar 2013), li jaħtar lis-Sur VERBOVEN bħala relatur ġenerali, u adotta din l-Opinjoni b’180 vot favur, 4 voti kontra u 7 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (SAT) ta’ din is-sena nħareġ f’kuntest ta’ prospetti ekonomiċi u ta’ impjieg miżerabbli iżda wkoll fi żmien ta’ miżuri u impenji ġodda, bħall-Patt għat-Tkabbir u l-Impjiegi jew it-tbiddil prinċipali tal-governanza ekonomika tal-UE. Il-Kumitat iħeġġeġ li l-Patt għat-Tkabbir u l-Impjiegi u l-miżuri sabiex jitkissru r-rabtiet bejn il-banek u l-fondi sovrani, inklużi l-Unjoni Bankarja u l-programm l-ġdid tal-Bank Ċentrali Ewropew (Transazzjonijiet Monetarji Definittivi), jiġu implimentati b’mod ibbilanċjat u mgħaġġel peress li dawn ser ikunu parti essenzjali mit-triq lejn l-irkupru u t-troddija tal-fiduċja. |
1.2 |
Filwaqt li hemm dubji dwar kemm l-UE hija kapaċi tilħaq l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 fil-ħin, il-KESE jiddispjaċih li s-SAT 2013 jonqos milli janalizza l-kawżi tan-nuqqas ta’ progress sabiex jinkisbu dawn l-għanijiet. |
1.3 |
Meta jitqiesu l-kundizzjonijiet diffiċli li fihom tinsab l-ekonomija, il-konsegwenzi negattivi fuq il-koeżjoni soċjali, ir-rati għoljin ta’ qgħad li dejjem qed jiżdiedu u ż-żieda fil-faqar, il-Kumitat iwissi kontra t-tkomplija tal-politika attwali ta’ awsterità u l-konsegwenzi severi ta’ riċessjoni profonda u fit-tul, li strutturalment tista’ ddgħajjef l-ekonomija u tipperikola t-tranżizzjoni tagħha lejn mudell ambjentalment sostenibbli. Ħafna protagonisti politiċi internazzjonali oħra jesprimu tħassib simili dwar l-istat tal-Ewropa u l-impatt tal-awsterità fuq it-tkabbir ekonomiku. |
1.4 |
Fir-rigward tal-idea ta’ konsolidazzjoni “favorevoli għat-tkabbir”, il-Kumitat diġà appella fil-passat (1) sabiex il-finanzi pubbliċi jiġu kkonsolidati fuq perjodu li jkun flessibbli kemm jista’ jkun sabiex ma tinkisirx id-dinamika tat-tkabbir kif ukoll sabiex ikun hemm bilanċ “intelliġenti” bejn id-dħul u l-infiq, il-provvista u d-domanda. Il-Kumitat itenni wkoll it-twissija tiegħu dwar il-periklu li jiddgħajfu s-sistemi tas-servizzi pubbliċi u s-solidarjetà kollettiva, sabiex ma tiddgħajjifx is-sigurtà soċjali kontra r-riskji l-kbar fis-soċjetà (qgħad, mard, tixjiħ) u sabiex jiġi evitat li jiżdied it-tfaddil prekawzjonarju. |
1.5 |
Fir-rigward tal-kunċett ta’ konsolidazzjoni “divrenzjata” u l-proposta li dawk l-Istati Membri li qegħdin jiffaċċjaw diffikultajiet finanzjarji għandhom saħansitra jimplimentaw “pass rapidu ta’ aġġustament fiskali” filwaqt li Stati Membri oħra jkunu awtorizzati jħallu jaġixxu l-istabilizzaturi awtomatiċi tagħhom, il-Kumitat għandu d-dubji tiegħu dwar jekk it-tip ta’ taħlita ta’ politiki jaħdem. Dan xorta jista’ jkollu impatt negattiv ċar fuq iż-żona tal-euro kollha u, partikolarment fuq dawk l-Istati Membri li diġà għaddejin minn riċessjoni profonda minħabba l-politika ta’ awsterità. Fl-istess ħin, huwa ċar li fl-irkupru minn din il-kriżi, xi ekonomiji għandhom sforz akbar x’jagħmlu minn oħrajn sabiex jerġgħu jiksbu l-istabbiltà u t-tkabbir. |
1.6 |
Il-Kumitat huwa mħasseb dwar il-politiki ekonomiċi żbilanċjati u dwar l-importanza kbira li ngħatat lill-miżuri ta’ awsterità. Il-Kumitat jikkunsidra li l-konsolidazzjoni fiskali sabiex jiġu kkorreġuti l-iżbilanċi fiskali eċċessivi teħtieġ skeda itwal ta’ żmien u jħeġġeġ li l-iskeda ta’ żmien għall-konsolidazzjoni fiskali tiġi bbilanċjata kontra Patt għat-Tkabbir u l-Impjiegi li jkun tanġibbli u msaħħaħ sostanzjalment. |
1.7 |
Is-SAT 2013 jidher li jiġġustifika l-konsolidazzjoni fiskali bil-bżonn ta’ fiduċja, b’mod partikolari l-fiduċja tas-swieq finanzjarji. Filwaqt li l-KESE jirrikonoxxi l-importanza tal-aċċess għall-kreditu u li jqum fuq saqajh is-settur tas-swieq finanzjarji, il-Kumitat jixtieq jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-fiduċja tal-familji u n-negozji hija importanti wkoll u li ma jistax ikun hemm klima ta’ fiduċja jekk il-kumpaniji jkunu mħassba dwar id-domanda u l-persuni jkunu mħassba dwar l-impjieg, il-pagi jew is-sigurtà soċjali tagħhom. Il-fiduċja tas-swieq finanzjarji u l-fiduċja tal-konsumatur u l-produttur iridu jimxu id f’id. |
1.8 |
Il-Kumitat jappella għal azzjoni deċiżiva sabiex jerġa’ jkun hemm tkabbir, impjiegi u kompetittività fl-ekonomija Ewropea u jistieden lill-Presidenza attwali sabiex tmexxi aġenda deċiżiva tat-tkabbir. Hemm bżonn ta’ miżuri ambizzjużi għat-tkabbir u l-impjiegi u politika ta’ investiment li tiffoka kemm fuq l-irkupru fuq perjodu qasir kif ukoll fuq trasformazzjoni strutturali tal-ekonomija Ewropea sabiex jiġu indirizzati l-isfidi fundamentali tas-sostenibbiltà, aktar impjiegi u impjiegi aħjar, il-konverġenza soċjali ’l fuq u l-kompetittività bbażata fuq l-innovazzjoni. |
1.9 |
L-ordni ta’ sekwenza tal-politiki sabiex terġa’ titnieda l-ekonomija b’politiki li jissikkaw iċ-ċinturin fiskali għandu importanza vitali (2). L-approċċ ġdid ta’ politika għall-futur tal-Ewropa jeħtieġ li jkun ibbażat fuq diversi prinċipji. Minflok ma l-Istati Membri jikkompetu kontra xulxin, hemm bżonn ta’ approċċ pluriennali u sovranazzjonali Ewropew integrat ħafna. Il-forzi tas-suq, b’mod partikolari s-swieq finanzjarji, għandhom bżonn ikunu vverifikati u ggwidati minn prijoritajiet ta’ politika li ġew stabbiliti b’mod demokratiku. Ir-riżorsi finanzjarji jridu jkunu sodi iżda wkoll ġusti u mqassmin b’mod imparzjali. Ir-reġjuni l-aktar b’saħħithom iridu jappoġġjaw lir-reġjuni l-aktar dgħajfa u jgħinuhom jimxu ’l quddiem fir-rigward ta’ ekonomija aktar produttiva, innovattiva u b’saħħitha. Min-naħa l-oħra, Stati Membri li huma kapaċi jiġġeneraw dħul mit-taxxa addizzjonali jridu jużaw dan sabiex inaqqsu l-piż tad-dejn. |
1.10 |
Il-Kumitat jilqa’ l-Patt għat-Tkabbir u l-Impjiegi u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill Ewropew sabiex jimplimentawh malajr u jimxu pass ieħor, billi jittrasformawh f’programm vast Ewropew ta’ investiment. Għalhekk, il-KESE jtenni l-appell tiegħu għal baġit imsaħħaħ b’konformità mal-ambizzjonijiet tal-UE u l-isfidi li qed tiffaċċja, ftehim aktar mgħaġġel dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss u rwol b’saħħtu lill-BEI, li jaħdem fuq proġetti b’livelli għoljin ta’ impjieg (pereżempju proġetti għall-SMEs, l-infrastruttura prinċipali, l-enerġija u l-klima). |
1.11 |
Il-KESE jerġa jikkonferma l-importanza tal-politika ta’ koeżjoni sabiex tinkiseb il-konverġenza fl-UE. |
1.12 |
Għat-tnedija mill-ġdid tat-tkabbir, il-Kumitat itenni l-potenzjal tas-suq uniku u l-bżonn tal-innovazzjoni għall-kompetittività tal-ekonomija Ewropea. Huwa jenfasizza r-rwol importanti tal-intrapriżi, b’mod partikolari l-SMEs, tal-intraprenditorjat u tal-ħolqien tal-intrapriżi, tal-intrapriżi soċjali u tal-kooperattivi fil-proċess tal-irkupru. |
1.13 |
Minħabba r-rabta bejn l-aspetti finanzjarji, ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-kriżi, il-KESE jqis li l-ekoloġizzazzjoni tal-ekonomija u s-semestru Ewropew għandhom jirċievu aktar attenzjoni u jappella li s-soċjetà ċivili tkun involuta aktar f’dawn l-oqsma. |
1.14 |
Fir-rigward tal-impjieg u l-aġġornament tal-ħiliet, il-KESE jtenni l-bżonn li jkun hemm investiment fl-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja (inkluż it-taħriġ fuq il-post tax-xogħol, is-sistemi doppji tal-apprendistat), sabiex jiġu indirizzati n-nuqqas ta’ persunal kwalifikat u d-diskrepanzi fil-ħiliet. Il-Kumitat itenni l-appell tiegħu sabiex tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, jittejbu s-servizzi pubbliċi għall-impjieg, titħaffef l-implimentazzjoni ta’ miżuri attivi favur is-suq tax-xogħol u jiġu appoġġjati l-intraprenditorija u l-impjieg indipendenti. Għandu jsir kull sforz sabiex jiġi mobilizzat l-investiment b’impatt għoli ta’ impjieg. Il-KESE jirreferi għall-opinjonijiet reċenti tiegħu dwar dawn is-suġġetti u attwalment qiegħed jipprepara opinjonijiet speċifiċi dwar il-Pakkett dwar l-Impjiegi taż-Żgħażagħ (3) u dwar il-Linji gwida futuri għall-politiki tal-impjieg tal-Istati Membri (4). Il-Kumitat josserva li s-SAT 2013 jippromovi l-flessibilità fis-suq tax-xogħol waqt li ftit li xejn jikkunsidra d-dimensjoni tas-sikurezza. Huwa jfakkar fl-opinjonijiet tiegħu tal-passat fejn jirreferi għall-idea li hemm bżonn jinstab bilanċ bejn il-flessibbiltà u s-sikurezza u li, fir-rigward tal-flessigurtà, hemm bżonn ta’ “djalogu soċjali b’saħħtu u vitali fejn l-imsieħba soċjali jipparteċipaw b’mod attiv u jkunu jistgħu jinnegozjaw, jinfluwenzaw u jieħdu r-responsabbiltà” (5). Fir-rigward tal-pagi, il-Kumitat huwa kkonċernat dwar ir-riskju li r-riformi strutturali jikkawżaw kompetizzjoni għat-tnaqqis fil-pagi bejn l-Istati Membri. Huwa jtenni li r-riformi dwar l-issettjar tal-pagi jeħtieġu negozjati fil-livell nazzjonali bejn l-imsieħba soċjali u jitlob lill-Kummissjoni sabiex tikkjarifika l-fehmiet tagħha dwar il-pagi, l-inflazzjoni u l-produttività. |
1.15 |
Il-Kumitat iqis li għandha tingħata aktar attenzjoni lill-kwistjoni tal-imparzjalità u l-ġustizzja soċjali. L-ispejjeż u l-benefiċċji tar-riformi jeħtieġu jiġu kondiviżi b’mod ġust bejn kulħadd (ħaddiema, familji, negozji). |
1.16 |
Il-Kumitat jappella għal sforzi addizzjonali sabiex tiġi żgurata l-effettività tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali fil-ġlieda kontra l-effetti tal-kriżi, tiġi promossa l-inklużjoni soċjali u tiġi implimentata “Strateġija ta’ inklużjoni attiva” sabiex jiġi assigurat suq ta’ xogħol inklużiv u jiġi indirizzat il-faqar. |
1.17 |
Fl-aħħar, il-KESE jtenni l-bżonn li jittejbu r-responsabbiltà u l-leġittimità demokratiċi tad-diversi proċessi tas-semestru Ewropew u tal-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi nazzjonali. Id-djalogu soċjali u ċivili huwa essenzjali sabiex jitfasslu u jiġu implimentati b’mod tajjeb il-politiki u r-riformi. Għalhekk hemm bżonn ta’ kollaborazzjoni u ftehim mill-qrib mal-imsieħba soċjali. Il-Kumitat jappella għal rwol aktar b’saħħtu għall-imsieħba soċjali u għas-soċjetà ċivili organizzata fil-livell tal-UE u speċjalment f’dak nazzjonali. Aktar involviment mill-imsieħba soċjali għandu jwassal għal implimentazzjoni usa’. |
2. Introduzzjoni
2.1 |
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (SAT) 2013, li tniedi s-Semestru Ewropew, tistabilixxi dawk li l-Kummissjoni temmen li għandhom ikunu l-prijoritajiet baġitarji, ekonomiċi u soċjali globali għall-2013. Il-proċess tas-semestru Ewropew għandu l-għan li jtejjeb il-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi u soċjali fl-Ewropa sabiex l-objettivi prinċipali tal-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv jkunu jistgħu jinkisbu b’mod effettiv. |
2.2 |
L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir għandu jikkontribwixxi għad-deċiżjonijiet ekonomiċi u baġitarji nazzjonali, li l-Istati Membri ser jistabbilixxu fil-Programmi ta’ Stabbiltà u Konverġenza u fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma. |
2.3 |
Minħabba l-bżonn li jiġi appoġġjat l-irkupru u terġa’ tiġi stabbilita l-fiduċja, il-Kummissjoni qieset li l-ħames prijoritajiet identifikati fl-2012 jibqgħu validi għall-2013: it-tkomplija tal-konsolidament fiskali differenzjat u favorevoli għat-tkabbir; ir-restawr tas-self normali lill-ekonomija; il-promozzjoni tat-tkabbir u l-kompetittività għal-lum u għal għada; l-indirizzar tal-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi; u l-immodernizzar tal-amministrazzjoni pubblika. |
2.4 |
Dan l-abbozz ta’ opinjoni jipprovdi analiżi, kummenti u proposti dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2013.
|
3. Kummenti ġenerali
3.1 |
Is-SAT ta’ din is-sena kien ippubblikat f’kuntest diffiċli, ikkaratterizzat minn previżjonijiet miżerabbli għat-tkabbir u l-impjiegi. Il-Kumitat jikkondividi t-tħassib tas-SAT li t-tul ta’ żmien tal-kriżi ma għenx lill-Istati Membri biex ikomplu jippruvaw jilħqu l-miri tagħhom fir-rigward tal-impjiegi, ir-riċerka u l-iżvilupp, il-klima/l-enerġija, l-edukazzjoni u l-ġlieda kontra l-faqar, u jeżisti xettiżimu dejjem jikber dwar kemm l-UE hija kapaċi tilħaq dawn l-għanijiet. Il-Kumitat jinnota wkoll li s-SAT 2013 tfassal f’kuntest ikkaratterizzat minn żviluppi li ma kienx hemm bħalhom qabel. Fuq naħa, ġie adottat Patt għat-Tkabbir u l-Impjiegi (6) mill-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2012. Fuq in-naħa l-oħra, l-istruttura tal-governanza tal-Unjoni inbidlet radikalment (partikolarment, is-sorveljanza reċiproka msaħħa tal-politiki fiskali), bħala riżultat tal-inabbiltà tal-istruttura eżistenti biex tindirizza l-kriżi ekonomika u tippreveni l-kontaġju, li thedded l-eżistenza vera tal-euro u tal-Unjoni Ewropea, u tawwlet ir-riċessjoni, li wasslet għal livelli għoljin ta’ qgħad. Il-Kumitat iħeġġeġ li dawn il-miżuri jiġu implimentati kemm jista’ jkun malajr u b’mod bilanċjat peress li ser ikunu parti essenzjali sabiex tiġi rkuprata u terġa’ tinkiseb il-fiduċja tal-investituri, in-negozji u l-konsumaturi. |
3.2 |
Il-KESE jinnota l-pubblikazzjoni reċenti ta’ żewġ dokumenti importanti: “Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja Ġenwina” (7) u “Pjan ta’ azzjoni għal Unjoni Ekonomika u Monetarja profonda u ġenwina” (8), li dwarhom il-Kumitat qiegħed attwalment ifassal opinjoni. Il-Kumitat laqa’ l-affirmazzjoni tal-importanza li titkisser ir-rabta bejn il-banek u l-fondi sovrani kif ukoll l-ewwel passi li ttieħdu lejn Unjoni Bankarja (9). Kien hemm impenn li jsir “dak li hemm bżonn” sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà finanzjarja, u l-BĊE impenja ruħu sabiex jieħu azzjonijiet sinifikanti sabiex jitkalmaw is-swieq tad-dejn sovran tal-Ewropa li qegħdin ibatu. Unjoni Bankarja għandha tikkontribwixxi għal aċċess ugwali għall-kreditu għall-familji u n-negozji fil-partijiet kollha tal-UE u għandha tippermetti lis-suq uniku sabiex jerġa’ jikseb il-kompetittività bil-għan li jintlaħqu l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020. |
4. Kummenti u proposti speċifiċi
4.1 L-Ewropa ma tinsabx fid-direzzjoni t-tajba sabiex tilħaq l-objettivi tal-Ewropa 2020 u dawk li jfasslu l-politika għandhom bżonn jirrikonoxxu dan b’mod urġenti.
4.1.1 |
Il-Kumitat josserva b’dispjaċit li, apparti referenza qasira għal rapport (10) tal-Eurostat f’nota f’qiegħ il-paġna, is-SAT tal-Kummissjoni prinċipalment ma jgħid xejn dwar l-Istrateġija Ewropa 2020. Il-Komunikazzjoni sempliċiment tiddikjara li “b’mod globali l-Ewropa għadha lura milli tilħaq l-objettivi tagħha”. Madankollu, m’hemm l-ebda analiżi adegwata fis-SAT tal-kawżi eżatti tan-nuqqas ta’ progress fil-ksib tal-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 u d-dokument lanqas ma jqajjem il-mistoqsija dwar jekk huwiex minħabba l-għażliet politiċi attwali li l-Unjoni Ewropea qed tkompli timxi ’l bogħod mill-Istrateġija Ewropa 2020. Il-Kumitat jappella għal reviżjoni radikali tal-proċess tal-Istrateġija Ewropa 2020 u għar-riallokazzjoni tal-fondi strutturali sabiex jintlaħqu dawn il-miri, u b’hekk jerġgħu jiġu bbilanċjati l-politiki tal-kompetittività u tal-awsterità mal-politiki tat-tkabbir, l-impjiegi u dawk soċjali. |
4.1.2 |
Il-Kumitat jesprimi t-tħassib tiegħu dwar it-tnaqqis konsistenti tar-rata ta’ impjieg tal-popolazzjoni li għandha bejn l-20 u l-64 sena. Din ir-rata naqset minn 70,3 % fl-2008 għal 68,6 % fl-2011, filwaqt li skont il-mira tal-Istrateġija Ewropa 2020, 75 % tal-popolazzjoni li għandha bejn l-20 u l-64 sena għandu jkollha impjieg. F’termini assoluti, l-Ewropa tilfet 5 miljun impjieg matul dan il-perjodu (11). L-effetti ta’ dan qegħdin jidhru f’rati tal-qgħad li qegħdin jiżdiedu, li issa laħqu l-10,7 % fl-UE27 u saħansitra l-11,8 % fiż-żona tal-euro (12). Din il-kriżi wasslet għal qgħad għoli u, flimkien mat-tnaqqis ta’ awsterità fin-nefqa soċjali pubblika, mill-2009 sal-2011 żdiedu 5,9 miljun persuna oħra mal-113,8 miljun persuna li jinsabu f’riskju ta’ faqar u l-esklużjoni soċjali fl-UE (24,2 % tal-popolazzjoni) (13). Huwa diffiċli li wieħed jara kif jistgħu jintlaħqu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 relatati mal-impjieg u kif 20 miljun persuna joħorġu mill-faqar jekk jitkomplew dawn it-tendenzi. |
4.1.3 |
L-ekonomija Ewropea, f’kuntrast qawwi ma’ ekonomiji prinċipali oħra tad-dinja, reġgħet daħlet f’riċessjoni fl-2012, bit-tbassir ekonomiku jipprevedi tkabbir estremament dgħajjef fl-2013 u rkupru inċert iżda daqstant ieħor dgħajjef fl-2014. Dan ifisser li, jekk l-orjentazzjoni tal-politika fiskali ma tinbidilx u ma jiġux implimentati politiki addizzjonali sabiex jissaħħu t-tkabbir u l-impjiegi, il-qgħad u s-sitwazzjoni soċjali ser ikomplu jmorru għall-agħar. |
4.1.4 |
Il-Kumitat josserva li tħassib simili dwar l-istat tal-Ewropa huwa espress minn ħafna protagonisti politiċi internazzjonali. L-ILO wissa’ li ż-żona tal-euro tista’ titlef 4,5 miljun impjieg ieħor jekk ma titbiegħedx mill-istrateġija tal-awsterità b’mod koordinat (14). In-Nazzjonijiet Uniti, fil-ħarsa globali tagħhom dwar is-sitwazzjoni ekonomika dinjija u l-prospetti għall-2013 (15), iwissu kontra r-riskju li r-riċessjoni tal-2012 tibqa’ għaddejja u ssir aktar profonda sal-2015 (16) jekk il-Greċja, l-Italja, il-Portugall u Spanja jwettqu tnaqqis fiskali aktar profond fl-2013. Flimkien mal-“fiscal cliff” tal-Istati Uniti u l-atterraġġ brutali taċ-Ċina, l-istrateġija Ewropa tal-konsolidazzjoni fiskali titqies bħala riskju għall-attività ekonomika globali. Anke l-FMI, fil-Perspettivi Ekonomiċi Globali (17) tiegħu, għandu dubji serji u ammetta li l-impatt tal-awsterità fuq it-tkabbir ekonomiku ġie sottovalutat bil-kbir. Huwa qajjem dubju dwar id-daqs tal-multiplikaturi fiskali li ntużaw. |
4.1.5 |
Il-Kumitat iwissi lil dawk li jfasslu l-politika fl-Ewropa li riċessjoni mtawwla tista’ ddgħajjef l-ekonomija strutturalment kif ukoll tikkomprometti t-tranżizzjoni lejn mudell ieħor ambjentali u enerġetiku. Qgħad fit-tul jista’ jwassal għal telf ta’ ħiliet, diżillużjoni, diskriminazzjoni fl-impjieg mill-ġdid u ħruġ mis-suq tax-xogħol, u b’konsegwenza jista’ jkollu impatt strutturali ħażin fuq il-produttività u l-potenzjal tat-tkabbir. In-nuqqas ta’ investiment pubbliku u privat (intrapriżi b’perspettivi ta’ domanda baxxi) jista’ jolqot il-potenzjal tat-tkabbir tal-ekonomija peress li l-influwenza tal-progress tekniku u l-innovazzjoni tkun dgħajfa. Sabiex jiġi evitat dan, għalhekk huwa urġenti li jiġi rivedut it-tfassil tal-politika makroekonomika u jiġu promossi miżuri ta’ riforma bħall-politiki attivi fis-suq tax-xogħol, l-inċentivi għall-investiment u l-politiki tal-inklużjoni soċjali. |
4.1.6 |
Filwaqt li s-SAT 2013 jirrikonoxxi li l-konsolidazzjoni fiskali jista’ jkollha impatt avvers fuq perjodu qasir fuq l-ekonomija, immedjatament iressaq żewġ argumenti oħra li jimminimizzaw impatt bħal dan. Il-Kumitat jixtieq jindirizza ż-żewġ argumenti.
Filwaqt li huwa ċar li fl-irkupru minn din il-kriżi, xi ekonomiji għandhom sforz akbar x’jagħmlu minn oħrajn sabiex jerġgħu jiksbu l-istabbiltà u t-tkabbir, il-Kumitat għandu dubji jekk jaħdimx dan it-tip ta’ taħlita ta’ politika. It-taħlita ta’ politika fiskali restrittiva severa f’ħafna Stati Membri u politika fiskali newtrali f’xi ftit Stati Membri xorta ser ikollha impatt negattiv b’saħħtu fuq iż-żona tal-euro kollha, partikolarment f’dawk l-Istati Membri li għaddejin minn riċessjoni profonda minħabba l-politika ta’ awsterità. |
4.1.7 |
Fil-qosor, il-Kumitat jinsab imħasseb dwar il-politiki ekonomiċi li mhuma żbilanċjati. Ingħatat wisq importanza lill-awsterità, u l-konsolidazzjoni fiskali sabiex jiġu kkoreġuti l-iżbilanċi fiskali severi teħtieġ aktar żmien. Ċifri reċenti mill-Monitoraġġ Fiskali tal-FMI (19) jikkonfermaw dan. F’perjodu qasir ħafna (2011-2012), l-ekonomija taż-żona tal-euro rreġistrat tnaqqis fil-PDG bi 3 % (20) b’riżultat tat-tnaqqis fin-nefqa u ż-żieda fit-taxxi, u b’hekk ġiet attivata riċessjoni ġdida. Dan huwa tliet darbiet aktar mgħaġġel mill-pass ta’ konsolidazzjoni li dawk li jfasslu l-politiċi fl-Ewropa kienu stabbilixxew qabel fil-Patt ta’ Stabbilità rriformat (li jsemmi tnaqqis fid-defiċit strutturali b’tal-inqas 0,5 % tal-PDG fis-sena). Sabiex jiġi evitat li l-istess kawżi joħolqu l-istess konsegwenzi, il-Kumitat iħeġġeġ li tiġi bbilanċjata l-iskeda ta’ żmien għall-konsolidazzjoni fiskali permezz ta’ Patt għat-Tkabbir u l-Impjiegi li jkun tanġibbli u msaħħaħ sostanzjalment. |
4.1.8 |
Ir-rapport dwar is-SAT 2013 huwa bbażat fuq l-idea li huwa estremament importanti li terġa’ tiġi stabbilita u tinżamm il-fiduċja, b’mod partikolari l-fiduċja tas-swieq finanzjarji peress li dawn is-swieq għandhom il-kapaċità li jnaqqsu l-għoti ta’ finanzi fl-Istati Membri. Huwa abbażi ta’ din l-idea li s-SAT 2013 ikompli jsegwi t-triq tal-politika ta’ awsterità. |
4.1.9 |
Il-Kumitat jirrikonoxxi li s-swieq finanzjarji jaqdu rwol kruċjali fil-kriżi u li s-settur jerġa’ jiġi stabbilit huwa element kruċjali fl-irkupru. Fil-fatt, l-aċċess għall-kreditu huwa d-demm li jagħti l-ħajja lil kwalunkwe ekonomija, peress li mingħajru, l-intrapriżi ma jistgħux jinvestu jew jagħmlu kummerċ, u l-konsumaturi ma jistgħux jixtru oġġetti jew djar. Madankollu, il-Kumitat jemmen li l-fiduċja ta’ parteċipanti ekonomiċi oħra (familji u intrapriżi) hija daqstant importanti. Anke jekk l-aċċess imtejjeb għall-kreditu jkun jippermetti li l-kumpanji jwettqu l-attivitajiet kummerċjali tagħhom u jikbru, ir-rati ta’ interessi aktar baxxi u l-abbundanza ta’ kreditu ma jkollhomx l-istess effett jekk il-persuni jinkwetaw dwar l-impjieg tagħhom, il-paga tagħhom u/jew is-sigurtà soċjali u jekk in-negozju jkollu dubji serji dwar il-perspetivi tad-domanda. Il-Kumitat jixtieq jenfasizza l-fatt li l-fiduċja tas-suq finanzjarju u l-fiduċja tal-konsumaturi u l-produtturi mhux neċessarjament jikkontradixxu lil xulxin. Hekk kif aktar negozji, speċjalment l-SMEs, ikunu jistgħu jkomplu bl-attivitajiet kummerċjali normali tagħhom peress li jkun reġa’ ġiet stabbilit l-aċċess għall-finanzi, il-konsumaturi jerġgħu jiksbu l-fiduċja gradwalment. Barra minn hekk, jekk is-swieq jitħassbu dwar id-dejn sovran, dawn jitħassbu aktar meta l-ekonomija tkun fil-periklu li tikkollassa. Il-Kumitat itenni waħda mill-ideat prinċipali li ressaq fl-Opinjoni tiegħu dwar is-SAT 2012: “Mingħajr rata suffiċjenti ta’ tkabbir, il-kriżi tad-dejn sovran ma tistax tissolva” (21). Prijorità baxxa lit-tkabbir timplika riskju għoli li l-ekonomija taqa’ f’riċessjoni, li għandha l-effett li ddgħajjef immedjatament is-sostenibbiltà tad-dejn. |
4.2 Il-miżuri tal-kriżi għandhom jitwarrbu u l-prijorità issa għandha tingħata lill-ekonomija reali, lill-miżuri tat-tkabbir u l-impjiegi.
4.2.1 |
Il-Kumitat jappella għal azzjoni deċiżiva sabiex jerġa’ jkun hemm tkabbir, impjiegi u kompetittività fl-ekonomija Ewropea u jistieden lill-Presidenza attwali sabiex tmexxi aġenda ambizzjuża għat-tkabbir. Ta’ spiss il-Kunsill Ewropew appoġġja azzjonijiet minimalisti sabiex noħorġu minn din il-kriżi u kien immotivat biss meta l-pressjonijiet tas-suq heddew li jtemmu l-proġett tal-euro. Hemm bżonn li jkun hemm aktar determinazzjoni ġenwina fit-triq lejn governanza ekonomika soda u bbilanċjata flimkien mar-riformi li għandhom jagħtu spinta lill-kompetittività strutturali fl-Unjoni u jressqu l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 fuq quddiem tal-proċess tas-Semestru Ewropew. Kwalunkwe miżura fiskali korrettiva ser twassal għal tnaqqis, iżda jekk din tinkiseb billi jinżamm l-infiq li jippromovi l-potenzjal tat-tkabbir (l-edukazzjoni, it-taħriġ għal persuni qiegħda, ir-riċerka u l-iżvilupp, l-appoġġ għall-SMEs) u tkun akkumpanjata minn progress tanġibbli billi tiġi eliminata l-frammentazzjoni tas-settur finanzjarju, allura jkunu jistgħu jinżammu l-prospetti għall-perjodu medju u dak twil għat-tkabbir u l-impjiegi. |
4.2.2 |
Il-Kumitat jilqa’ l-Patt għat-Tkabbir u l-Impjiegi, li huwa pass inizjali importanti sabiex jiġi rikonoxxut li t-tkabbir huwa element essenzjali sabiex noħorġu mill-kriżi, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill Ewropew sabiex jimplimentawh kemm jista’ jkun malajr u jimxu pass ieħor, billi jittrasformawh f’programm vast Ewropew ta’ investiment. |
4.2.3 |
Għandha tingħata prijorità lill-“infiq favorevoli għat-tkabbir” bħall-edukazzjoni u l-ħiliet, l-innovazzjoni (li hija importanti għall-kompetittività tal-ekonomija Ewropea), l-ekoloġizzazzjoni tal-ekonomija (li għandha ssir il-forza mexxejja għar-rivoluzzjoni industrijali li jmiss) u netwerks kbar (pereżempju internet b’veloċità għolja, l-interkonnessjonijiet għall-enerġija u t-trasport). Huwa kruċjali li jiġi sfruttat il-potenzjal tas-setturi għonja fl-impjiegi: il-kura tas-saħħa, l-ekonomija ekoloġika, l-ekonomija tal-anzjani, il-kostruzzjoni, is-servizzi tal-intrapriżi, it-turiżmu, eċċ. |
4.2.4 |
Is-suq uniku għadu joffri l-potenzjal li jagħti benefiċċji li jinħassu mill-ewwel għall-intrapriżi, il-konsumaturi, iċ-ċittadini, iżda għad hemm bżonn ta’ aktar żviluppi, pereżempju fil-qasam tas-servizzi, il-mobbiltà, il-kummerċ elettroniku, l-aġenda diġitali, l-akkwist elettroniku, l-mikrointrapriżi u n-negozji tal-familja, miżuri li jappoġġjaw il-ħolqien ta’ kumpaniji ġodda, flimkien ma’ miżuri għall-protezzjoni tal-konsumatur u għad-dimensjoni soċjali tas-suq uniku. Hemm bżonn ta’ aktar trasparenza u aktar għarfien, parteċipazzjoni u sjieda min-naħa tas-soċjetà ċivili (22). |
4.2.5 |
Il-Kumitat jenfasizza r-rwol importanti tal-intrapriżi, b’mod partikolari l-SMEs, tal-intraprenditorjat u tal-ħolqien tal-intrapriżi fil-proċess tal-irkupru u fit-tħeġġeġ tat-tkabbir ekonomiku, l-innovazzjoni, il-ħiliet u l-ħolqien tal-impjiegi. L-isfruttar tal-potenzjal tal-SMEs jinkludi diversi miżuri, bħall-iffaċilitar tal-internazzjonalizzajoni tagħhom, it-tneħħija tal-piż amministrattiv, it-tnaqqis tal-ispejjeż inizjali kif ukoll l-iffaċilitar tal-aċċess tagħhom għall-kreditu, għas-swieq tal-kapital, għall-pjattaformi ta’ bonds immirati għall-SMEs, għall-fondi strutturali, għall-garanziji tas-self. |
4.2.6 |
Il-Kumitat jindika wkoll li l-intrapriżi soċjali huma elementi ewlenin tal-mudell soċjali Ewropew u tas-suq uniku. Jeħtieġu rikonoxximent u promozzjoni b’saħħithom, speċjalment matul il-klima ekonomika ħarxa attwali u jeħtieġ li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tagħhom fit-tfassil tal-politiki Ewropej. |
4.2.7 |
Hemm bżonn li jissemma’ wkoll ir-rwol tal-kooperattivi, peress li jikkontribwixxu għall-koeżjoni soċjali u territorjali, jiżviluppaw inizjattivi ġodda ta’ intraprenditorjat u huma aktar stabbli u reżistenti minn forom oħra ta’ intrapriżi, kif ukoll jipproteġu l-impjiegi anke fi żminijiet ta’ kriżi (23). |
4.2.8 |
Il-Kumitat jilqa’ l-fatt li s-SAT 2013 jenfasizza l-importanza li jsir progress lejn l-iżvilupp sostenibbli, l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 fir-rigward tat-tibdil fil-klima u l-enerġija (24). Il-promozzjoni ta’ ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u b’użu baxx tal-karbonju hija essenzjali sabiex tinżamm il-kompetittività ekonomika u jissaħħaħ l-impjieg. Hemm bżonn ukoll ta’ rinnovazzjoni tal-bini fuq skala kbira sabiex tittejjeb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija kif ukoll investiment fis-servizzi tat-trasport li jirrispettaw l-ambjent, fil-ġestjoni tal-iskart u fil-ġestjoni tal-ilma. Dan għandu jiġi akkumpanjat minn titjib tan-netwerks ta’ trasmissjoni tal-enerġija sabiex jiġu ffaċilitati t-trasportazzjoni ta’ volumi kbar u l-iskambju tal-elettriku fl-Ewropa kollha. Sabiex tkompli tissaħħaħ il-kompetittività Ewropea, hemm bżonn ukoll ta’ investiment f’netwerks trans-Ewropej tat-trasport bi prestazzjoni għolja u tiġi estiża l-infrastruttura għan-netwerks tal-broadband. |
4.2.9 |
Il-politika industrijali, l-użu effiċjenti tar-riżorsi naturali u l-innovazzjoni jridu jaħdmu flimkien sabiex jinħoloq tkabbir sostenibbli. |
4.2.10 |
Hemm bżonn ta’ ħafna investiment sabiex jiġi promoss it-tibdil strutturali u sabiex l-ekonomija tal-UE timxi lejn tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Il-Kumitat jieħu nota tal-ftehim li ntlaħaq bejn il-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss u jtenni l-importanza ta’ Qafas Finazjarju Pluriennali li jippermetti li jinkisbu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020. Il-KESE jirreferi għall-opinjonijiet reċenti tiegħu dwar il-baġit tal-UE (25) fejn ma waqafx jinsisti li l-UE teħtieġ baġit imsaħħaħ sabiex tindirizza l-isfidi attwali. Il-baġit tal-UE m’għandux jitqies bħala piż, iżda bħala mezz intelliġenti kif jiġu implimentati ekonomija ta’ skala, biex jitnaqqsu l-ispejjeż u biex jitħaddem effett ta’ lieva fuq il-kompetittività, it-tkabbir u l-impjiegi. Barra minn hekk, aktar riżorsi jistgħu jiġu mobilizzati permezz ta’ sorsi addizjonali ta’ finanzjament. Il-KESE jappoġġja l-azzjoni tal-BEI, li jagħmel disponibbli fondi fuq perjodu twil għall-investiment fl-ekonomija reali u jattira finanzjament privat addizjonali. Il-Kumitat jilqa’ l-enfasi fuq proġetti bl-akbar impatt fuq it-tkabbir sostenibbli u l-potenzjal tal-ħolqien tal-impjiegi (bħal proġetti għall-SMEs, l-ekonomija tal-għarfien, il-kapital uman, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u t-tibdil fil-klima) u jħeġġeġ biex il-fondi addizzjonali li jingħataw lill-BEI jingħaddu malajr kemm jista’ jkun lis-settur tal-SMEs. Il-Kumitat jilqa’ wkoll l-użu tal-garanziji tal-BEI għall-investiment privat fir-rinovazzjoni tal-bini bil-għan li tiżdied l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. Il-KESE jappoġġja wkoll l-introduzzjoni tal-bonds għall-proġetti sabiex jiġi stimulat il-finanzjament ta’ proġetti prinċipali ta’ infrastruttura fl-oqsma tat-trasport, l-enerġija u l-ICT. Dan jikkostitwixxi l-ewwel pass importanti lejn programm ta’ investiment tal-UE tant meħtieġ għas-snin li ġejjin. |
4.2.11 |
Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għalll-importanza tal-politika ta’ koeżjoni sabiex tinkiseb il-konverġenza ekonomika, soċjali u territorjali fl-UE, b’konformità mal-Istrateġija Ewropa 2020. Il-KESE jtenni l-appell tiegħu għal politika ta’ koeżjoni unika u unifikata, li tinvolvi b’mod attiv lis-soċjetà ċivili, li tkun iffokata aktar fuq riżultati ġenwinament sostenibbli u li tista’ tappoġġja lill-Istati Membri tal-UE l-inqas żviluppati u lil dawk li ntlaqtu l-aktar mill-kriżi (26). |
4.2.12 |
Il-Kumitat jilqa’ l-importanza li s-SAT jagħti lill-immodernizzar tal-amministrazzjoni pubblika. Skont il-Kumitat, fost affarijiet oħra dan jimplika li l-akkwist pubbliku jintuża sabiex tiġi promossa l-innovazzjoni, tiġi miġġielda l-korruzzjoni, tittejjeb l-effiċjenza fil-ġbir tat-taxxi, jiġu żgurati riżorsi finanzjarji adegwati u tiżdied il-kapaċità ta’ assorbiment tal-Fondi Strutturali. |
4.2.13 |
Is-SAT 2013 jirrikonoxxi li “wara bosta snin ta’ tkabbir dgħajjef, il-kriżi qed ikollha konsegwenzi soċjali serji” u li “il-qgħad żied b’mod sostanzjali u t-tbatija u l-faqar qed jiżdiedu”. Ċerti gruppi huma milquta aktar mill-medja: iż-żgħażagħ, il-ħaddiema bi ftit kwalifiki, il-persuni li ilhom bla xogħol għal perjodu twil, il-familji b’ġenitur wieħed, il-persuni bi sfond ta’ immigrazzjoni (27). Għandu jsir kull sforz sabiex jiġi mobilizzat l-investiment, kemm pubbliku kif ukoll privat, sabiex jiġi promoss l-impjieg. Il-KESE kemm-il darba talab li jkun hemm pjan Ewropew biex tingħata spinta b’impatt konsiderevoli fuq il-politika dwar is-suq tax-xogħol li jilħaq it-2 % tal-PDG (28). Il-KESE appella wkoll għal “patt ta’ investiment soċjali” sabiex tingħeleb il-kriżi b’mod sostenibbli u jsir investiment fil-futur (29). Il-Kumitat itenni l-appell tiegħu sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, jittejbu l-livelli tal-ħiliet, tiġi ffaċilitata l-mobilità, jittejbu s-servizzi pubbliċi għall-impjieg, titħaffef l-implimentazzjoni ta’ miżuri attivi favur is-suq tax-xogħol u jiġu appoġġjati l-intraprenditorija u l-impjieg indipendenti. Għal ċerti reġjuni jew setturi, il-Kumitat jaqbel mad-deskrizzjoni tal-Kummissjoni dwar id-distakk bejn rati għoljin ta’ qgħad fuq naħa waħda u evidenza ta’ nuqqas ta’ persunal kwalifikat u diskrepanzi fil-ħiliet fuq in-naħa l-oħra. Jissuġġerixxi wkoll miżuri li jippromovu d-djalogu soċjali fil-livell adegwat dwar id-distribuzzjoni tal-ħin tax-xogħol. Il-Kumitat jilqa’ l-“Pakkett dwar l-Impjiegi taż-Żagħżagħ” ippubblikat reċentement mill-Kummissjoni (30). Il-proposti tiegħu, fosthom dik relatata mal-implimentazzjoni ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ, għandhom ikunu opportuni u vinkolanti u għandhom jiġu appoġġjati bir-risorsi adegwati. L-Istati Membri kollha għandu jkollhom il-possibbiltà li jadottaw dawn il-proposti. |
4.2.14 |
Il-KESE jkompli jappella għal investiment fl-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja (inkluż taħriġ fuq il-post tax-xogħol, is-sistemi doppji tal-apprendistat), sabiex jiġu indirizzati n-nuqqas ta’ persunal kwalifikat u d-diskrepanzi fil-ħiliet (31). |
4.2.15 |
Il-Fond Soċjali Ewropew, ikkomplementat mill-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, għandu jiffoka fuq il-protezzjoni tal-kategoriji żvantaġġjati tal-persuni mill-effetti tal-kriżi (32) u għandu jinħoloq fond ta’ solidarjetà speċifiku għaż-żgħażagħ (33). |
4.2.16 |
Il-Kumitat josserva li s-SAT 2013 jippromovi l-flessibbiltà fis-suq tax-xogħolbi ftit kunsiderazzjoni, jew xejn, tad-dimensjoni tas-sigurtà. Il-Kumitat jieħu nota li l-evitar tas-segregazzjoni fis-suq tax-xogħol billi jitnaqqas id-distakk fil-protezzjoni tal-impjieg bejn it-tipi differenti ta’ kuntratti tax-xogħol jista’ jwassal għal livelli ogħla ta’ impjieg. Il-Kumitat, madankollu, ifakkar fl-Opinjoni (34) tal-passat tiegħu u jirreferi għall-idea li hemm bżonn li jinstab bilanċ bejn il-flessibbiltà u s-sigurtà. “Il-kunċett tal-flessigurtà ma jfissirx it-tnaqqis unilaterali u illeġittimu tad-drittijiet tal-ħaddiema”. F’diversi okkażjonijiet il-KESE enfasizza l-bżonn ta’ “djalogu soċjali b’saħħtu u vitali fejn l-imsieħba soċjali jipparteċipaw b’mod attiv u jkunu jistgħu jinnegozjaw, jinfluwenzaw u jieħdu r-responsabbiltà għad-definizzjoni u għall-komponenti u għall-evalwazzjoni tar-riżultati tal-flessigurtà” (35). Il-KESE jtenni wkoll li sabiex jiġu indirizzati s-swieq frammentati, hemm bżonn li tiġi pprovduta “sigurtà adegwata għall-ħaddiema li għandhom kull tip ta' kuntratt” (36). Il-Kumitat jenafsizza li l-flessibbiltà ma tistax tikkoreġi l-iżbalji li saru fid-domanda makroekonomika u tista’ tiggrava s-sitwazzjoni jekk l-impjiegi stabbli u ta’ kwalità jiġu sostitwiti b’rapporti ta’ impjieg prekarji; barra minn hekk, jekk jitneħħew l-“ammortizzaturi” (il-protezzjoni tax-xogħol, il-benefiċċji tal-qgħad) dan jista’ jagħmel lill-ekonomija ħafna aktar vulnerabbli għal-iskossi ekonomiċi negattivi. |
4.2.17 |
Il-Kumitat ifakkar li r-riformi dwar l-issettjar tal-pagi jeħtieġu negozjati fil-livell nazzjonali bejn l-imsieħba soċjali. Dawn jeħtieġu jsibu bilanċ bejn, minn naħa waħda, li tintlaħaq domanda kbira biżżejjed, ikun hemm stabbilità fil-prezzijiet, u kontroll fir-rigward ta’ inugwaljanzi għolja u/jew li qed jikbru, u min-naħa l-oħra li tinżamm il-kompetittività tal-prezzijiet. Il-Kumitat jinsab imħasseb li r-riformi strutturali fil-qasam tal-pagi jikkawżaw kompetizzjoni għat-tnaqqis fil-pagi bejn l-Istati Membri, u b’hekk inaqqsu d-domanda interna fl-UE filwaqt li jikkontribwixxu, permezz ta’ eċċess estern dejjem jiżdied fiż-żona tal-euro, għal valutazzjoni żejda tal-euro li tispikka aktar. L-ILO (37) jikkonferma din it-tendenza u jwissi kontra l-implikazzjonijiet ekonomiċi u soċjali estiżi ħafna. L-approċċ tas-SAT għall-pagi minimi, fejn huwa ddikjarat li dawn għandhom “jiksbu bilanċ tajjeb bejn il-ħolqien tal-impjiegi u introjtu adegwat”, jirrifletti l-idea ġenerali li hemm kompromess bejn il-ħolqien tal-impjiegi u diversi fatturi bħall-kwalità tal-impjiegi u kemm wieħed ikun lest li jaċċetta offerta ta’ impjieg. Il-Kumitat jistaqsi dwar l-evidenza tal-eżistenza ta’ xi kompromess bħal dan, meta jitqies li r-riċerka tal-ILO dwar l-esperjenzi relatati mal-pagi minimi fl-UE ma sabet l-ebda evidenza li l-pagi minimi jeqirdu l-impjiegi (38). Il-Kumitat ifakkar fil-prinċipju “ix-xogħol irid jipprovdi paga”, li – għalkemm stabbilit qabel il-kriżi – għad irid jiġi applikat. Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkjarifika l-fehmiet tagħha dwar il-pagi, l-inflazzjoni u l-produttività. Filwaqt li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Pakkett dwar l-Impjiegi (39) tikkjarifika li l-pagi reali għandhom ikunu allinjati mal-iżviluppi tal-produttività, is-SAT 2013 jonqos milli jidentifika jekk għandhomx ikunu l-pagi nominali jew dawk reali li jiġu allinjati mal-produttività. Id-differenza bejn dawn iż-żewġ approċċi hija kruċjali peress li fl-aħħar każ teżisti l-possibbiltà li l-pagi nominali jqisu biss il-produttività u mhux l-inflazzjoni. “Regola” bħal din iġġib magħha r-riskju ta’ inflazzjoni żero li twassal għal deflazzjoni fil-każ ta’ skossi ekonomiċi negattivi. |
4.2.18 |
B’mod ġenerali, il-Kumitat huwa tal-fehma li għandha tingħata aktar attenzjoni lill-kwistjoni tal-imparzjalità u l-ġustizzja soċjali. Sabiex tinbena l-fiduċja u tiġi assigurata implimentazzjoni effettiva tal-politiki, l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-politika ekonomika u r-riformi strutturali għandhom jiġu kondiviżi b’mod ġust bejn kulħadd (ħaddiema, familji, negozji). Il-Kumitat jirrikonoxxi l-importanza mogħtija lit-trasparenza u l-imparzjalità fis-SAT fir-rigward l-impatt fuq is-soċjetà u jappella lill-Kummissjoni sabiex tissorvelja jekk il-politiki tal-gvernijiet nazzjonali jqisux dan fil-programmi tagħhom ta’ riforma. |
4.2.19 |
Il-Kumitat jappoġġja l-appell tas-SAT għal sforzi addizzjonali sabiex tiġi żgurata l-effettività tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali fil-ġlieda kontra l-effetti tal-kriżi, tiġi promossa l-inklużjoni soċjali, u tiġi implimentata “Strateġija ta’ inklużjoni attiva” li tiżgura suq ta’ xogħol inklużiv u jiġi indirizzat il-faqar. |
4.2.20 |
Il-KESE jqis li l-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi, li mhix indirizzata fl-ebda waħda mis-seba’ inizjattivi ewlenin tal-Istrateġija Ewropa 2020, issa ġiet integrata fil-proċess tas-Semestru Ewropew (pereżempju fil-programmi nazzjonali ta’ riforma) peress li din hija kruċjali sabiex jinkisbu l-miri ewlenin tal-Istrateġija Ewropa 2020 (40). |
4.3 L-importanza li s-soċjetà ċivili organizzata u l-imsieħba soċjali jiġu involuti fil-proċess tas-Semestru Ewropew
4.3.1 |
Il-KESE jtenni l-bżonn li jittejbu r-responsabbiltà u t-trasparenza demokratiċi tad-diversi proċessi tas-Semestru Ewropew u l-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi nazzjonali. Fil-kuntest attwali ta’ telf ta’ fiduċja fil-kapaċità tal-istituzzjonijiet Ewropej sabiex jipproduċu riżultati, huwa kruċjali li l-istituzzjonijiet li jirrapreżentaw liċ-ċittadini, lill-imsieħba soċjali u lis-soċjetà ċivili jingħataw rwol iktar b’saħħtu sabiex jittejbu l-leġittimità u s-sens ta’ sjieda. Id-djalogu vertikali u orizzontali huma kruċjali (41) u d-dispożizzjonijiet dwar id-demokrazija parteċipattiva tal-Artikolu 11 tat-TFUE għandhom jiġu implimentati malajr kemm jista’ jkun (42). Il-Kumitat iqis li l-lingwaġġ użat fis-SAT fir-rigward tar-rwol tad-djalogu soċjali mhuwiex sodisfaċenti. Jekk ikunu meħtieġa, ir-riformi strutturali għandhom jitwettqu f’kollaborazzjoni mill-qrib u bi ftehim mal-imsieħba soċjali, mhux biss abbażi ta’ sempliċi konsultazzjoni. Id-djalogu mal-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili organizzata, bħalma huma l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur, huwa essenzjali sabiex jitfasslu u jiġu implimentati b’mod tajjeb il-politiki u r-riformi. Dawn jistgħu jtejbu l-kredibbiltà u l-aċċettabbiltà soċjali tar-riformi, peress li l-kunsens u l-fiduċja jistgħu jikkontribwixxu għall-impenn min-naħa tal-partijiet interessati u għas-suċċess tar-riformi. L-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jistgħu jevalwaw l-impatti tal-politiki u jagħtu twissijiet fil-ħin jekk ikun hemm bżonn. F’ħafna oqsma huma l-organizzazzjonijiet soċjali, b’mod partikolari l-imsieħba soċjali, li jridu jimplimentaw fil-prattika l-proposti ta’ politika (43). Il-Kumitat jappella għal rwol aktar b’saħħtu għall-imsieħba soċjali u għas-soċjetà ċivili organizzata kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak nazzjonali. Għandhom jiġu involuti b’mod effettiv u fil-ħin fil-qafas tas-Semestru Ewropew, fit-tfassil tal-Istħarriġiet Annwali dwar it-Tkabbir, il-linji gwida dwar l-impjieg, il-linji gwida ġenerali tal-politika ekonomika (li flimkien jiffurmaw “il-linji gwida integrati tal-Istrateġija Ewropa 2020) u r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż. Fil-livell nazzjonali, l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili organizzata għandhom jiġu involuti aħjar fl-abbozzar tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma u l-KESE ser ikompli jaħdem mill-qrib man-netwerk tiegħu ta’ KES nazzjonali / organizzazzjoijiet simili sabiex jipprovdi informazzjoni lil dawk li jfasslu l-politika fl-Ewropa dwar l-involviment ta’ dawn tal-aħħar fil-livell nazzjonali. Aktar involviment mill-imsieħba soċjali għandu jwassal għal implimentazzjoni usa”. |
Brussell, 13 ta’ Frar 2013.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Staffan NILSSON
(1) ĠU C 248, 25.8.2011, p. 8-15.
(2) ETUC/CES, BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP, Joint statement on the Europe 2020 strategy (Dikjarazzjoni konġunta dwar l-Istrateġija Ewropa 2020), 4 ta’ Ġunju 2010.
(3) Opinjoni tal-KESE dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Inressqu ż-Żgħażagħ lejn l-Impjiegi, COM(2012) 727 final, (għadha mhix ippubblikata fil-ĠU).
(4) ĠU C 143, 22.5.2012, p. 94–101.
(5) ĠU C 211/48, 19.8.2008, p. 48 - 53.
(6) EUCO 76/12, p. 7-15.
(7) Rapport mill-President tal-Kunsill Ewropew Herman Van Rompuy, 5 ta’ Diċembru 2012.
(8) COM(2012) 777 final/2, 30.11.2012.
(9) ĠU C 11, 15.1.2013, p. 34–38.
(10) Eurostat, Statistics in focus 39/2012, “Europe 2020 Strategy – towards a smarter, greener and more inclusive EU economy?” (L-Istrateġija Ewropa 2020 - Lejn ekonomija tal-UE aktar intelliġenti, aktar ekoloġika u aktar inklużiva?).
(11) COM(2012) 750 final.
(12) Eurostat, Stqarrija għall-istampa 4/2013, 8 ta’ Jannar 2013.
(13) Tabella tal-Eurostat: http://epp.eurostat.ec.europa.eu/tgm/table.do?tab=table&init=1&plugin=0&language=en&pcode=t2020_50
(14) ILO 2012, “Eurozone job crisis: trends and policy responses” (Il-kriżi tal-impjiegi fiż-żona tal-euro: tendenzi u reazzjonijiet ta’ politika), pereżempju paġna 11.
(15) Nazzjonijiet Uniti, World economic situation and prospects 2013 – global outlook (Sitwazzjoni ekonomika dinjija u l-prospetti għall-2013 – ħarsa globali) maħruġ f’Diċembru 2012, paġna 28.
(16) – 0,9 fl-2013, – 2,1 % fl-2014 u – 3.3 % fl-2015.
(17) FMI 2012, World Economic outlook, Coping with High Debt and Sluggish Growth (Perspettivi Ekonomiċi Globali, Inlaħħqu ma’ dejn kbir u tkabbir li jiċċaqlaq ftit li xejn, Ottubru 2012, pereżempju paġna 21 jew kaxxa 1.1 fil-paġna 41.
(18) ĠU C 248, 25.8.2011, p. 8-15.
(19) Monitoraġġ Fiskali tal-FMI, Taking stock – a progress report on fiscal adjustment(Nieħdu rendikont – rapport ta’ progress dwar l-aġġustament fiskali), Ottubru 2012.
(20) It-3 % jikkorrespondi għall-bidla fid-defiċit strutturali bejn l-2010 u l-2012; id-defiċit strutturali huwa kkalkolat billi jitneħħa l-effett taċ-ċiklu tan-negozju. Dan id-defiċit jeħtieġ li jiġi kkoreġut.
(21) ĠU C 143, 22.5.2012, p. 51-68, punt 16.
(22) ĠU C 76, 14.3.2013, p. 24–30.
(23) ĠU C 191, 29.6.2012, p. 24-29.
(24) Il-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020: sal-2020 jitnaqqsu b’20 % l-emissjonijiet ta’ gass b’effett serra meta mqabbla mas-snin 90, 20 % tal-enerġija tkun mill-enerġija rinnovabbli u jkun hemm żieda ta’ 20 % fl-effiċjenza tar-riżorsi.
(25) ĠU C 229, 31.7.2012, p. 32-38 u ĠU C 248, 25.8.2011, p. 75-80.
(26) ĠU C 44, 15.2.2013, p. 76–82.
(27) ĠU C 143, 22.5.2012, p. 94-101.
(28) ĠU C 11, 15.1.2013, p. 65–70.
(29) ĠU C 143, 22.5.2012, p. 23-28.
(30) COM(2012) 727 final – li dwarha l-KESE qiegħed attwalment iħejji opinjoni (SOC/474 – CES2419-2012_00_00_TRA_APA).
(31) Il-KESE attwalment qiegħed iħejji opinjoni (SOC/476 – CES658-2013_00_00_TRA_APA) dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Reviżjoni tal-Edukazzjoni: Ninvestu fil-ħiliet għal eżiti soċjoekonomiċi aħjar, COM(2012) 669 final.
(32) ĠU C 143, 22.5.2012, p. 82-87.
(33) ĠU C 11, 15.1.2013, p. 65–70.
(34) ĠU C 211/48, 19.8.2008, p. 48–53.
(35) ĠU C 256, 27.10.2007, p. 108-113, punt 1.3.
(36) ĠU C 211, 19.8.2008, p. 48-53, punt 1.1.1.
(37) ILO 2012, Global wage report 2012/2013 – Wages and equitable growth
(38) ILO 2010, The minimum wage revisited in the enlarged EU, p. 26.
(39) COM(2012) 173 final.
(40) ĠU C 76, 14.3.2013, p. 8–14.
(41) ĠU C 299, 4.10.2012, p. 122-127.
(42) Opinjoni tal-KESE dwar Prinċipji, proċeduri u azzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 11(1) u (2) tat-Trattat ta’ Lisbona, ĠU C 11, 15.1.2013, p. 8.
(43) Opinjoni tal-KESE dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Azzjoni għall-Istabbiltà, għat-Tkabbir ĠU C 44, 15.2.2013, p. 153.