19.9.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 271/104


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — CARS 2020: Pjan ta’ azzjoni għal industrija tal-karozzi kompetittiva u sostenibbli fl-Ewropa”

COM(2012) 636 final

2013/C 271/20

Relatur: is-Sur RANOCCHIARI

Korelatur: is-Sinjura HRUŠECKÁ

Nhar it-8 ta’ Novembru 2012, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – CARS 2020: Pjan ta’ azzjoni għal industrija tal-karozzi kompetittiva u sostenibbli fl-Ewropa

COM(2012) 636 final.

Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-12 ta’ Marzu 2013.

Matul l-490 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-22 u t-23 ta’ Mejju 2013 (seduta tat-23 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’147 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 6 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) japprezza l-impenn tal-Kummissjoni Ewropea, b’mod partikolari dak tal-Viċi President tagħha, is-Sur Antonio TAJANI, Kummissarju għall-Industrija u l-Intraprenditorija li, bħala l-ewwel pass, ivverifika l-istat attwali tas-settur tal-karozzi billi jisma’ l-fehmiet tal-partijiet interessati fi ħdan il-Grupp ta’ Livell Għoli CARS 21. Imbagħad, abbażi tar-riżultati ta’ dan l-eżerċizzju, nieda pjan ta’ azzjoni sabiex tingħeleb is-sitwazzjoni diffiċli li s-settur jinsab fiha, u biex jgħinu jirkupra minnha.

1.2

Hemm tal-inqas tliet punti prinċipali mill-erba’ punti fost il-fehmiet u r-rakkomandazzjonijiet li jinstabu fil-pjan ta’ azzjoni propost fil-Komunikazzjoni dwar CARS 2020 li l-KESE jappoġġja bis-sħiħ. Dawn huma l-kontribuzzjoni finanzjarja għar-riċerka, ir-regolamentazzjoni intelliġenti li ma tgħabbix is-settur bi spejjeż bla bżonn u l-iżvilupp tad-dimensjoni internazzjonali tas-settur innifsu. Dwar ir-raba’ punt, il-KESE jappoġġja s-suġġerimenti tal-Kummissjoni li jiġu antiċipati l-bidliet, iżda jibqa’ xi dubji dwar il-proċess tar-ristrutturar.

1.3

Din hija strateġija ambizzjuża, li tipprova ssib bilanċ bejn il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-ħtieġa għal kompetittività akbar, jiġifieri li l-karozzi jkunu kompetittivi u sostenibbli, filwaqt li jirbħu l-isfida kontra kompetizzjoni esterna u interna li dejjem qed issir aktar aggressiva, waqt li jiġi assigurat mod soċjalment aċċettabbli għal din it-tranżizzjoni.

1.4

Biex jintlaħaq dan il-għan, hemm bżonn li nersqu lejn politika ekonomika u kummerċjali komuni, bl-użu tal-mezzi kollha disponibbli fil-livell Ewropew biex il-miżuri rakkomandati jiġu implimentati bl-iżjed mod urġenti. Iridu jingħelbu dawk id-diviżjonijiet li sa issa ma ppermettewx li l-kriżi tiġi ffaċċjata b’mod rapidu u koordinat, u jekk hemm bżonn jinbidlu ċerti fehmiet, jekk mhux ukoll deċiżjonijiet, li jistgħu jfixklu t-twettiq tal-pjan u, b’hekk, l-irkupru tas-settur.

1.5

Problema ewlenija ta’ dawn iż-żminijiet tirrigwarda d-disponibbiltà limitata tal-fondi biex kemm il-manifatturi kif ukoll il-fornituri tal-komponenti tagħhom ikopru l-investimenti kbar li jridu jagħmlu fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni sabiex jilħqu l-objettivi tal-Kummissjoni fis-snin li ġejjin. Il-problema hija terga’ aktar serja għall-SMEs u kumpaniji oħra relatati u spiss dipendenti li joperaw fil-katina ta’ produzzjoni ta’ dan is-settur.

1.6

Il-KESE jappoġġja d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tevita inċentivi li huma “teknoloġikament speċifiċi”, jiġifieri li huma riżervati għal teknoloġija waħda speċifika filwaqt li ma jgħoddux għall-oħrajn. Din id-deċiżjoni, però, m’għandhiex tfisser li l-inċentivi għall-perjodu ta’ żmien qasir sa medju (pereżempju il-metan, il-gass likwifikat miż-żejt (liquefied petroleum gas – LPG), il-ġenerazzjoni l-ġdida tal-magni effiċjenti ħafna) għandhom joħolqu problemi għall-iżvilupp fuq perjodu ta’ żmien medju sa twil, bħalma huma l-karozzi elettriċi u dawk li jaħdmu bl-idroġenu.

1.7

Fir-rigward tar-regolamenti dwar is-CO2, il-KESE huwa tal-fehma li approċċ ibbażat fuq il-valutazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja (life cycle assessment – LCA) biss jista’ jgħin biex inaqqas il-marka ambjentali totali tal-vetturi.

1.8

Il-Komunikazzjoni ssostni li l-industrija Ewropea tal-karozzi għaddejja minn proċess sinifikanti ta’ ristrutturar (li jinkludi l-possibbiltà li jingħalqu għadd ta’ stabbilimenti) u li dan ser ikollu riperkussjonijiet fuq l-impjieg. Minkejja dan, ma teżaminax jew tidħol fid-dettall dwar il-fenomenu prinċipali li huwa l-bażi ta’ dan kollu – jiġifieri l-kapaċità strutturali żejda tal-produzzjoni fl-Ewropa. Għalkemm m’hemmx data preċiża dwar il-kobor ta’ dan il-fenomenu, l-analisti tas-settur iqisu li hemm kapaċità żejda ta’ bejn tliet u ħames miljun vettura. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tniedi mill-aktar fis riċerka aktar dettaljata sabiex jiġu pprovduti ċifri aktar preċiżi dwar l-impjieg u l-kapaċità żejda u l-ispejjeż ta’ kwalunkwe użu insuffiċjenti tal-kapaċità.

1.9

Jidher li l-Kummissjoni qed tieħu pożizzjoni wisq laxka billi taqdi rwol li huwa biss komplementari għal dak tan-negozji, l-Istati u r-reġjuni. Għandu wkoll jitqies il-fatt li jekk ma tinstabx soluzzjoni komuni għall-problema, jista’ jiddgħajjef għan ieħor tad-dokument – it-tisħiħ tal-kompetittività fis-swieq globali. Il-KESE għalhekk isostni li l-kwistjoni tal-kapaċità żejda produttiva ma tistax tiġi ffaċċjata b’mod frammentat, imma teħtieġ gwida li tikkoordina l-proċess innifsu.

1.10

Il-KESE jiddispjaċih li dan l-aspett tant importanti mil-lat soċjali ma ġiex indirizzat b’mod adegwat fil-pjan ta’ azzjoni, u jistieden lill-Kummissjoni Ewropea li tieħu din ir-responsabbiltà fuqha billi teżerċita d-dritt ta’ inizjattiva tagħha, tiżviluppa linji gwida u tiġbor il-prattiki tajba li ntużaw fil-passat u li għenu biex jiġi evitat li jitkeċċew il-ħaddiema. Minħabba l-urġenza tal-każ, il-Kummissjoni tista’, u fil-fehma tal-KESE għandha, tieħu r-rwol li tikkoordina u eventwalment anke tappoġġja b’mod finanzjarju operazzjoni vasta ta’ ristrutturar li, mingħajr ġestjoni adegwata, tista’ tikkawża effetti destabilizzanti f’ħafna mir-reġjuni Ewropej, u tolqot ħażin l-impjieg fis-settur. Il-KESE jirrakkomanda b’mod qawwi li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti mill-qrib fi kwalunkwe pjan ta’ ristrutturar.

1.11

Sabiex din l-operazzjoni tirnexxi, u tinżamm il-bażi ta’ manifattura tas-settur ġewwa l-Ewropa, jeħtieġ li jiġi rinfurzat djalogu soċjali miftuħ u kostruttiv. B’dan il-mod biss jista’ jiġi żgurat bilanċ adatt bejn l-elementi diversi tal-pjan ta’ azzjoni. Għandha tingħata prijorità lill-kapital uman kemm fit-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema, kif ukoll fil-ġestjoni tal-għoti tas-sensji meta jidher inevitabbli li ser jintilfu l-impjiegi. Dan jgħodd ukoll għall-industriji relatati li qed jiffaċċjaw l-istess problemi serji.

1.12

Fuq medda ta’ żmien qasir, ikun meħtieġ li jiġi stabbilit qafas Ewropew għal miżuri soċjali ta’ tranżizzjoni sabiex ma jkunx hemm distorsjonijiet fis-suq tax-xogħol tal-UE, u b’hekk nagħmlu kapital mit-tagħlimiet li ħadna mill-kriżi tal-2008/2009. Ir-rwol tal-imsieħba soċjali huwa essenzjali f’dan il-perjodu ta’ tranżizzjoni

1.13

Fl-aħħar nett il-KESE huwa tal-fehma li l-Unjoni Ewropea għandha ssaħħaħ il-politika industrijali tagħha kollha, b’mod partikolari dik li tirrigwarda s-settur tal-manifattura. L-għanijiet tal-Istrateġija 2020 ma jistgħux jintlaħqu mingħajr settur industrijali b’saħħtu u kompetittiv li jkun il-bażi tal-iżvilupp ekonomiku tal-Unjoni. Hemm bżonn ta’ politiki proattivi li jappoġġjaw l-innovazzjoni u l-iżvilupp, u li jibdlu l-problemi tal-lum f’opportunitajiet għall-futur. L-industrija tal-karozzi għandha bżonn politika industrijali li hija orjentata mhux biss lejn it-tnaqqis produttiv, iżda wkoll lejn it-tkabbir sostenibbli. Hemm il-bżonn ta’ investimenti fil-kapital u f’riżorsi umani li jkunu dejjem aktar preparati u kwalifikati. It-teknoloġiji, il-proċessi, u t-tfassil għandhom kollha jaħdmu flimkien biex l-industrija Ewropea tal-karozzi terġa’ ssir l-aqwa waħda fid-dinja. Il-kompetizzjoni dinjija għandha tiffoka fuq l-iżvilupp u l-innovazzjoni. Il-possibbiltà li jagħlqu l-istabbilimenti tal-manifattura żgur mhux biżżejjed biex tissolva l-problema.

2.   Daħla

2.1

Sabiex jiġi mifhum u valutat aħjar il-pjan ta’ azzjoni li l-KESE ntalab jikkummenta dwaru, hemm bżonn li tingħata ħarsa lejn ix-xogħol li sar qablu, l-esperjenza li nkisbet u l-progress li sar minn mindu saret l-ewwel verżjoni ta’ CARS 21.

2.2

F’Jannar tal-2005 il-Viċi President u l-Kummissarju Ewropew għall-Industrija ta’ dak iż-żmien, Günter VERHEUGEN, waqqaf il-Grupp ta’ Livell Għoli CARS 21, li huwa akronimu adatt ħafna tat-titlu: Competitive Automotive Regulatory System for the 21st Century. (Sistema Regolatorja Kompetittiva tal-Karozzi għas-Seklu 21).

2.3

CARS 21 twaqqaf bl-iskop li tiġi definita politika, u b’hekk leġislazzjoni, Ewropea sabiex tissaħħaħ il-kompetittività tas-settur bil-għan li jlaħħaq mal-kompetizzjoni dejjem tikber tas-suq dinji. Din l-inizjattiva kienet waħda opportuna speċjalment fid-dawl tal-importanza tas-settur tal-karozzi (1), li jimpjega madwar tnax-il miljun persuna fl-Ewropa (b’faċilitajiet ta’ produzzjoni f’19-il Stat Membru), jinvesti aktar minn EUR 28 biljun fir-riċerka u l-iżvilupp kull sena, għandu bilanċ kummerċjali pożittiv ta’ madwar EUR 90 biljun, u jikkontribwixxi għad-dħul mit-taxxa tal-Istati Membri b’aktar minn EUR 430 biljun, jiġifieri kważi 4 % tal-PDG Ewropew.

2.4

CARS 21 ikkonkluda x-xogħol tiegħu f’Diċembru tal-2005 b’dokument li elenka 18-il rakkomandazzjoni u stabbilixxa linji gwida li l-Kummissjoni kellha ssegwi waqt it-tfassil tal-proposti leġislattivi tagħha. Il-leġislazzjoni kellha tiżgura qafas pożittiv u affidabbli għall-industrija, abbażi tal-prinċipju ta’ “regolamentazzjoni intelliġenti”, li jivverifika l-proporzjon bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji għal kull proposta, permezz ta’ valutazzjoni magħmula bir-reqqa tal-impatt fuq l-industrija u s-soċjetà, ir-rikonoxximent tal-iskadenzi minimi meħtieġa għal kull innovazzjoni teknika mitluba u l-istabbiliment ta’ objettivi fit-tul, dejjem bl-involviment tal-partijiet interessati kollha.

2.5

Fil-verità, dawn ir-rakkomandazzjonijiet mhux dejjem ġew applikati b’mod koordinat bejn id-direttorati kollha tal-Kummissjoni u tal-istituzzjonijiet Ewropej l-oħra. Minkejja dan, b’mod ġenerali, il-linji gwida ta’ CARS 21 kienu utli ħafna, mhux biss għall-industrija, iżda wkoll għall-partijiet interessati l-oħra tas-settur.

2.6

Fl-2010, fid-dawl tal-ħtieġa li l-vetturi jkunu dejjem aktar nodfa u effiċjenti, kif ukoll f’nofs kriżi tas-suq Ewropew mingħajr preċedent, il-Viċi President tal-Kummissjoni u Kummissarju għall-Industrija u l-Intraprenditorija, Antonio TAJANI, għaraf ġustament li kien il-waqt li ssir verżjoni ġdida ta’ CARS 21 li fiha jsiru għadd ta’ tibdiliet fuq il-bażi tal-esperjenza miksuba.

2.7

Fil-fatt, għalkemm intlaqgħet tajjeb, il-verżjoni ta’ qabel kienet ġiet ikkritikata għall-kompożizzjoni tagħha li, skont xi wħud, ma kinitx tinkludi l-partijiet interessati kollha. Tat lok konsiderevoli għall-manifatturi, iżda ma inkludietx il-Kummissarji Ewropej kollha li setgħu jkunu involuti fil-politika leġislattiva tas-settur.

2.8

Għalhekk, sar sforz biex fl-aħħar verżjoni l-partijiet interessati kollha pubbliċi u privati li jistgħu jkunu involuti ġew inklużi: tmien Kummissarji Ewropej, disa’ Stati Membri, u rappreżentanti mill-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE bħall-KESE u l-Kumitat tar-Reġjuni. Mis-settur privat, minbarra l-manifatturi Ewropej, parteċipanti oħra fil-katina tal-produzzjoni tas-settur kienu l-manifatturi tal-komponenti, il-persunal inkarigat mit-tiswijiet u l-industrija taż-żejt, kif ukoll it-trejdjunjins, l-ambjentalisti u r-rappreżentanti ta’ assoċjazzjonijiet u movimenti li jappoġġjaw it-teknoloġiji l-ġodda tal-karozzi. B’kollox dawn ammontaw għal xi erbgħin parteċipant fil-Grupp ta’ Livell Għoli, megħjuna minn sherpas u esperti.

2.9

Il-ħidma bdiet bl-ewwel laqgħa tal-Grupp ta’ Livell Għoli f’Novembru 2010, u kompliet permezz ta’ sensiela ta’ laqgħat li wasslu għal rapport finali li ġie diskuss u approvat f’Ġunju 2012.

2.10

Din l-inizjattiva kienet ta’ importanza kbira, u huwa bis-saħħa tal-Kummissjoni, b’mod partikolari d-DĠ Intrapriża u Industrija li kkoordina l-ħidma, li bi professjonalità u effiċjenza pproduċiet dokument li rnexxielu jikseb il-kunsens ġenerali tal-parteċipanti kollha.

2.11

Kif qal il-Viċi President TAJANI, il-Komunikazzjoni dwar il-pjan ta’ azzjoni CARS 2020, li l-KESE qed jiddiskuti hawnhekk kif intalab, hija bbażata fuq dawn l-esperjenzi u dan id-dokument.

3.   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni: CARS 2020: Pjan ta’ azzjoni

3.1

Il-pjan ta’ azzjoni ppreżentat fil-Komunikazzjoni huwa bbażat fuq erba’ pilastri fundamentali:

l-invesiment f’teknoloġiji avvanzati u l-finanzjament tal-innovazzjoni;

it-tisħiħ tas-suq intern u l-applikazzjoni tar-regolamentazzjoni intelliġenti;

it-titjib tal-kompetittività fis-swieq globali;

l-antiċipazzjoni tat-tibdil u t-tnaqqis tal-impatt soċjali tar-ristrutturar fil-produzzjoni.

Kull wieħed minn dawn l-erba’ punti jħaddan sensiela ta’ inizjattivi, li l-implimentazzjoni tagħhom ser tkun immonitorjata permezz tat-twaqqif tal-Grupp ta’ Livell Għoli CARS 2020 – li għandu l-istess partijiet interessati ta’ CARS 21 – u li ser jiltaqa’ b’mod informali kull senau jagħmel użu wkoll minn laqgħat ta’ esperti dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw il-kompetittività tas-settur tal-karozzi.

3.2

L-investiment f’teknoloġiji avvanzati u l-finanzjament tal-innovazzjoni

Il-Kummissjoni beħsiebha:

tkompli l-kollaborazzjoni tagħha mal-BEI biex tiżgura d-disponibbiltà ta’ finanzjament għar-riċerka u l-iżvilupp tas-settur;

taħdem flimkien mal-industrija biex tiżiluppa inizjattiva Ewropea għall-vetturi ekoloġiċi taħt Orizzont 2020  (2);

timplimenta l-miri għat-tnaqqis tas-CO2 previsti għall-karozzi u l-vetturi kummerċjali ħfief sal-2020;

tappoġġja l-iżvilupp ta’ ċiklu ġdid tat-testijiet tas-sewqan u proċedura tat-testijiet ġdida sabiex jitkejlu l-konsum u l-emissjonijiet li huma aktar rappreżentattivi tas-sewqan fid-dinja reali;

tkompli bl-impenn tagħha fil-ħidma dwar is-sikurezza fit-toroq b’konformità mal-miri tal-Orjentazzjonijiet ta’ Politika tagħha bejn l-2011 u l-2020  (3);

tipproponi strateġija dwar il-fjuwils alternattivi u proposta leġislattiva dwar l-infrastrutturi meħtieġa għall-użu tagħhom.

3.3

It-tisħiħ tas-suq intern u l-applikazzjoni tar-regolamentazzjoni intelliġenti;

Il-Kummissjoni beħsiebha:

tistabbilixxi djalogu mal-partijiet interessati biex jintlaħaq ftehim dwar l-awtoregolamentazzjoni fil-qasam tad-distribuzzjoni tal-vetturi fl-Ewropa;

tistabbilixxi linji gwida dwar l-inċentivi finanzjarji mill-Istati Membri sabiex jippromovu vetturi nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija;

tafferma mill-ġdid il-prinċipju tar-regolamentazzjoni intelliġenti, li kien wieħed mill-iżjed riżultati importanti fl-ewwel verżjoni ta’ CARS 21, u li reġa’ ġie affermat fil-verżjoni l-ġdida. Beħsiebha tinkludi wkoll fil-valutazzjonijiet tal-impatt tal-proposti leġislattivi eżerċizzju dwar l-impatt fuq il-kompetittività;

tirrevedi l-qafas tal-approvazzjoni tal-vetturi biex jinkludi dispożizzjonijiet fil-qasam tas-sorveljanza tas-swieq.

3.4

It-tisħiħ tal-kompetittività fis-swieq dinjija

Il-Kummissjoni beħsiebha:

tivvaluta l-impatt ta’ kull ftehim ta’ kummerċ ħieles, u timmonitorja wkoll l-impatt kumulattiv tagħhom fuq il-kompetittività tas-settur;

tirriforma l-Ftehim tan-NU/KEE (4) billi tinvolvi wkoll is-swieq ta’ pajjiżi terzi;

tintegra kemm jista’ jkun il-leġislazzjoni multilaterali tan-NU/KEE ma’ dik bilaterali fil-qafas ta’ ftehimiet kummerċjali ma’ pajjiżi li mhumiex fin-NU/KEE.

3.5

L-antiċipazzjoni tat-tibdil u t-tnaqqis tal-impatt soċjali tar-ristrutturar fil-produzzjoni

Il-Kummissjoni beħsiebha:

tappoġġja t-twaqqif ta’ Kunsill Ewropew tal-Ħiliet fl-Industrija tal-Karozzi bil-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati kollha, inklużi l-organizzazzjonijiet li jipprovdu l-edukazzjoni u t-taħriġ, sabiex jiġu analizzati x-xejriet fil-qasam tal-impjieg u tal-ħiliet meħtieġa fis-settur u b’hekk il-lakuni professjonali li jridu jimtlew;

tħeġġeġ l-użu tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) għat-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema u, fil-każijiet aktar serji ta’ tnaqqis fid-daqs tal-impjanti jew l-għeluq tal-impjanti, l-użu tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG);

timmonitorja l-attivitajiet ta’ ristrutturar u tiżgura l-konformità tagħhom mal-leġislazzjoni tal-UE fir-rigward tas-suq intern u, b’mod partikolari, fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat;

fir-rigward tar-ristrutturar tal-kapaċità żejda produttiva, taqdi rwol komplementari għal dak tal-industrija, li hija responsabbli għall-ġestjoni tal-proċess tar-ristrutturar.

4.   Kummenti tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

4.1

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, li mhux biss tikkonferma ħafna mir-rakkomandazzjonijiet tal-CARS 21 fil-pjan ta’ azzjoni tagħha, iżda wkoll timpenja ruħha li tkompli d-djalogu mal-parteċipanti tal-CARS 21 sabiex issegwi u tivvaluta perjodikament, u jekk hemm bżonn taġġorna, il-progress tar-rakkomandazzjonijiet tal-pjan.

Kapaċità ta’ produzzjoni installata fl-Ewropa

4.2

B’rabta ma’ dan ta’ hawn fuq, il-KESE jenfasizza nuqqas importanti fil-Komunikazzjoni: il-problema ta’ kapaċità żejda produttiva ma tiġix indirizzata bl-attenzjoni meħtieġa iżda tiġi sempliċement inkluża fil-proċess aktar ġenerali tar-ristrutturar. Id-dimensjonijiet u d-data ta’ din il-problema qed jiġu enfasizzati hawnhekk.

4.3

Skont l-estimi ta’ AlixPartners (5), is-sena li għaddiet madwar erbgħin impjant tal-karozzi fl-Ewropa kienu qed jaħdmu taħt il-punt ta’ ekwilibrju finanzjarju tagħhom ta’ 75 sa 80 % tal-kapaċità produttiva u li madwar għaxra huma taħt l-40 %. Dan ifisser li f’sitwazzjoni bħal din, bejn l-2007 u l-2012, fl-Ewropa nbiegħu 3,5 miljun karozza inqas, jiġifieri tnaqqis ta’ madwar 23 %. Għall-vetturi kummerċjali, it-tnaqqis kien ta’ 34,6 %. Is-sitwazzjoni hija aktar kritika għas-settur tal-muturi, fejn it-tnaqqis fir-reġistrazzjonijiet kien ta’ 46 %, madwar id-doppju ta’ dak tal-karozzi.

4.4

Irridu nżidu, però, li l-analisti tas-settur ma jaqblux bejniethom dwar id-daqs tal-kapaċità żejda, u l-estimi jvarjaw bejn tliet u ħames miljun karozza skont il-kriterji użati fil-ġbir tad-data. Il-KESE huwa tal-fehma li minkejja d-diffikultajiet ta’ eżerċizzju bħal dan, il-Kummissjoni Ewropea għandha timpenja ruħha li tagħmel riċerka aktar fid-dettall sabiex toffri ċifri aktar preċiżi.

4.5

Barra minn hekk, il-kapaċità żejda produttiva tista’ titqies bħala l-ewwel kaġun fil-katina ta’ kaġuni li għandha impatt qawwi fuq il-kompetittività tal-industrija tal-karozzi: kapaċità żejda produttiva, spejjeż fissi għoljin, gwerra tal-prezzijiet, tnaqqis fil-profitti u sitwazzjoni finanzjarja li tmur għall-agħar, l-għeluq tal-faċilitajiet, tnaqqis fl-investiment inġenerali, b’mod partikolari fir-riċerka u l-iżvilupp, riskju ta’ tnaqqis fil-kompetittività fuq perjodu ta’ żmien twil. Għalhekk, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni li ma tonqosx milli tqis l-importanza tal-effett li l-kapaċità żejda għandha fuq it-tielet pilastru tal-pjan ta’ azzjoni: it-titjib tal-kompetittività fis-swieq dinjija.

4.6

Il-kwistjoni żgur li ma tistax tiġi ffaċċjata b’mod sempliċi, minħabba li s-sitwazzjoni hija differenti f’kull pajjiż u għal kull manifattur tal-karozzi. Għalkemm fl-2012 il-medja tal-kapaċità produttiva fl-Ewropa kienet madwar 70 %, jeżistu però varjazzjonijiet kbar bejn il-pajjiżi: il-medja għar-Renju Unit u l-Ġermanja hija madwar 80 %, Spanja 70 %, Franza 60 % u l-Italja ftit aktar minn 50 % (sors: The Economist). Fil-livell tal-manifatturi individwali tal-karozzi, id-differenzi jiddependu minn għadd ta’ fatturi. Wieħed minnhom huwa l-livell ta’ esportazzjoni – dawk li għandhom livell għoli ta’ esportazzjoni ’l barra mill-Ewropa (pereżempju BMW, Audi, Daimler) qegħdin f’pożizzjoni aħjar, filwaqt li dawk li huma aktar dipendenti fuq is-suq domestiku huma f’diffikultà.

4.7

Fattur ieħor huwa d-divrenzjar bejn il-manifatturi u l-qasam ta’ speċjalizzazzjoni tagħhom. Analiżi ta’ Roland Berger turi kif l-użu tal-faċilitajiet ivarja skont il-qasam ta’ speċjalizzazzjoni: ir-rata tal-użu tal-manifatturi jew il-marki tal-karozzi li jispeċjalizzaw f’vetturi ekonomiċi (Economy segment: Dacia\Logan, Chery, Hyundai, Chevrolet) hija ta’ 77 %, għall-ġeneralisti speċjalizzati f’vetturi ta’ livell medju (Mid-range segment: PSA, Renault-Nissan, Toyota, Suzuki, Fiat, Opel,VW) ir-rata hija ta’ 62 %, filwaqt li għal dawk ta’ livell għoli (Premium\high-end segment: BMW, Mercedes, Audi, Lexus, Infinity, DS) hija ta’ 83 %.

4.8

Għalhekk, jidher li l-kwistjoni ta’ kapaċità żejda produttiva ma tistax tiġi indirizzata b’mod iżolat mill-manifatturi individwali u mill-gvernijiet nazzjonali u reġjonali individwali. Fil-fatt, il-KESE huwa tal-fehma li hemm bżonn gwida li tikkoordina dan il-proċess, u li dan ir-rwol tista’ tieħdu l-Kummissjoni.

L-investiment fit-teknoloġiji avvanzati u l-finanzjament tal-innovazzjoni

4.9

Il-pjan ma jsemmi l-ebda żieda fil-fondi minbarra dawk li diġà kienu allokati u disponibbli. L-objettiv imħabbar mill-Viċi President TAJANI fl-għeluq ta’ CARS 21 li jiżdied il-finanzjament tal-Orizzont 2020 għall-vetturi ekoloġiċi minn EUR 1 biljun għal EUR 2 biljun ma jissemma mkien fil-Komunikazzjoni. B’hekk, bħalissa anke l-possibbiltà ta’ interventi ġodda mill-BEI hija biss xewqa bbażata fuq iż-żieda kapitali reċenti ta’ EUR 10 biljun.

4.10

Il-katina kollha tal-produzzjoni tal-industrija tal-karozzi, li hija mistennija li tagħmel avvanzi kbar ħafna fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni (RŻI) sabiex tagħmel il-qabża teknoloġika meħtieġa biex tipproduċi karozzi dejjem aktar ekoloġiċi sal-2020, ser ikollha bżonn ukoll aktar fondi Ewropej minbarra l-investimenti tagħha stess li saru aktar diffiċli f’suq Ewropew li jidher li ma jistax joħroġ mir-reċessjoni fil-futur qrib.

4.10.1

F’dan il-kuntest, nilqgħu b’sodisfazzjon ir-referenza impliċita għan-newtralità teknoloġika bejn id-diversi tipi ta’ propulsjoni (vetturi bil-magna ta’ kombustjoni interna, dawk elettriċi, l-ibridi, u dawk li jaħdmu biċ-ċelloli tal-fjuwil) li għandha tħeġġeġ l-appoġġ tal-UE għar-RŻI, bil-għan li jkun hemm “portafoll diversifikat ta’ fjuwils meħtieġ biex jilħaq il-miri tat-tibdil fil-klima.

4.10.2

B’konformità man-newtralità teknoloġika msemmija hawn fuq, huwa partikolarment apprezzat l-impenn tal-Kummissjoni fl-iżvilupp ta’ infrastrutturi li jiffaċilitaw il-penetrazzjoni fis-suq tal-fjuwils alternattivi kollha, mingħajr preferenzi a priori: l-enerġija elettrika, l-idroġenu, il-bijofjuwils sostenibbli, il-metan (gass naturali u bijometan) u l-LPG. Għal dan il-għan il-Kummissjoni ressqet strateġija dwar il-fjuwils alternattivi u proposta leġislattiva dwar l-infrastrutturi relatati li tagħti n-numru minimu ta’ infrastrutturi ta’ alimentazzjoni/iċċarġjar. Sfortunatament, b’mod li jidher li jmur kontra l-għan tal-pjan li jiġi promoss it-tkabbir ta’ dawn l-istrutturi, Proposta għal Direttiva reċenti (tassazzjoni fuq l-enerġija) tippenalizza mhux biss id-diżil, iżda wkoll il-fjuwils alternattivi bħall-metan u l-bijometan. Dan jikkomprometti l-użu tagħhom fis-suq.

4.10.3

Il-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar “in-newtralità teknoloġika” però tqajjem żewġ punti importanti:

A)

il-Kummissjoni ma tiħux pożizzjoni fuq l-effetti differenti tat-teknoloġiji diversi, la fir-rigward ta’ żmien (riżultati fuq perjodu ta’ żmien qasir vs. riżultati fuq perjodu ta’ żmien twil) u lanqas fir-rigward tal-ispejjeż involuti għal kull soluzzjoni, kemm għas-settur privat kif ukoll għal dak pubbliku, (pereżempju l-inċentivi), u tuża bħala referenza l-impatt abbażi ta’ kalkolu mill-produzzjoni sal-utilizzazzjoni (well-to-wheel).

B)

ma tiġix indirizzata l-kwistjoni relevanti li tqajmet mill-Grupp ta’ Livell Għoli CARS 21 f’paġna 73 fejn jgħid li għandu jiġi indagat jekk fuq perjodu ta’ żmien twil l-industrija tal-karozzi tibdiex tirrikjedi inqas ħaddiema hekk kif il-karozza elettrika (li tirrikjedi inqas partijiet u b’hekk inqas xogħol manwali) iżżid il-penetrazzjoni tagħha fis-suq. L-elettrifikazzjoni ġġib magħha tnaqqis fil-kumplessità tal-apparat tal-propulsjoni (minn madwar 1 400 komponent f’driveline konvenzjonali għal madwar 200 komponent f’waħda elettrika) Id-data turi biċ-ċar li n-newtralità teknoloġika ma tfissirx newtralità mil-lat tal-impatt soċjali u ekonomiku fuq il-katina tal-produzzjoni. Huwa mistenni li dalwaqt jiġi ppubblikat studju mill-Kummissjoni dwar l-impatt tat-teknoloġiji l-ġodda fuq iċ-ċiklu tal-produzzjoni u l-impjieg.

4.11

Il-karozzi huma sors sinifikanti tal-emissjonijiet tas-CO2. Il-Kumitat huwa tal-fehma li, sabiex il-kejl tal-emissjonijiet tas-CO2 tal-karozzi jsir aktar bir-reqqa, tinħtieġ analiżi taċ-ċiklu tal-ħajja, li tqis l-emissjonijiet kollha tul il-ħajja ta’ prodott partikolari, mill-produzzjoni tal-materja prima sa tmiem il-ħajja tal-prodott.

4.12

Minkejja li tikkonferma l-impenn li jintlaħqu l-għanijiet tat-tnaqqis tas-CO2, il-Komunikazzjoni ma tagħmel l-ebda referenza għall-opportunità f’waqtha biex il-Kummissjoni tipproponi reviżjoni tad-Direttiva 1999/94/KE dwar it-tikkettar, bl-indikazzjoni obbligatorja tal-valuri assoluti tal-emissjonijiet tas-CO2 għal kull mudell ta’ karozza. Dan il-perjodu huwa ż-żmien opportun għal din l-inizjattiva, peress li bħalissa qed jiġi diskuss ir-regolament li jistabbilixxi l-limiti l-ġodda ta’ 95 g ta’ CO2/km għall-karozzi, skont kif ġie rrakkomandat f’Opinjoni reċenti tal-KESE (6).

4.13

Tħabbira interessanti wkoll hija dik ta’ inizjattiva ġdida dwar il-vetturi ekoloġiċi Ewropej, fil-qafas ta’ Orizzont 2020 (bħala segwitu tas-Sħubija Pubblika-Privata Inizjattiva Ewropea tal-Karozzi Ekoloġiċi (European Green Cars Initiative) ), li għalhekk ser tinvolvi finanzjament privat.

4.14

Fl-istess ħin, mhux ser ikun biżżejjed li jiġu żviluppati teknoloġiji ġodda biss, sakemm ma jiġix żgurat it-taħriġ adatt għall-forza tax-xogħol b’mod parallel. Tabilħaqq, tekonolġiji ġodda jitolbu ħiliet u kompetenzi ġodda mill-ħaddiema. Attwalment, dawn mhumiex disponibbli fi ħdan dan is-settur, u wħud minnhom jeħtieġ anke li jiġu żviluppati fi ħdan is-sistema tal-edukazzjoni. Minn naħa waħda dan jitlob sforzi kontinwi minn dawk li jħaddmu li huma attivi fis-settur sabiex jintroduċu programmi ġodda għal apprendistati, iżda min-naħa l-oħra jitlob ukoll kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ kif ukoll mas-sistemi ta’ riċerka u edukazzjoni għolja sabiex jiġu offruti kurrikula tat-taħriġ ġodda.

It-tisħiħ tas-suq intern u l-applikazzjoni tar-regolamentazzjoni intelliġenti

4.15

Ikun tajjeb li jerġa’ jiġi kkonfermat l-impenn li l-leġislazzjoni ssir skont il-prinċipju tar-regolamentazzjoni intelliġenti. Din għandha tkun il-bażi għal-leġislazzjoni f’dan is-settur, billi jiġu applikati parametri bħall-proporzjon kost/benefiċċju, il-lead time (7) u l-impatt fuq il-pożizzjoni kompetittiva tal-industrija fis-swieq dinjija.

4.16

Jidher ukoll opportun ħafna t-tfassil ta’ linji gwida għal inċentivi finanzjarji għal vetturi nodfa, li għandhom ikunu bbażati fuq data oġġettiva u disponibbli, pereżempju l-emissjonijiet tas-CO2, u b’hekk tiġi llimitata l-frammentazzjoni tas-suq minħabba nuqqas ta’ koordinazzjoni.

4.17

Fir-rigward tal-effikaċja taż-żmien, iridu wkoll jitqiesu l-attitudnijiet tal-konsumaturi lejn it-teknoloġiji l-ġodda, b’mod partikolari dik tal-enerġija elettrika. Sa issa, ir-riżultati ma kinux tajbin, u ma laħqux l-istennijiet. Huwa għalhekk tajjeb li wieħed jistaqsi jekk jagħmilx aktar sens li jsir investiment akbar fir-riċerka dwar il-ġenerazzjoni l-ġdida ta’ muturi b’effiċjenza gholja sabiex jintlaħqu l-għanijiet ambjentali fuq perjodu ta’ żmien qasir sa medju.

4.18

Fir-rigward tas-sistemi tal-propulsjoni li jaħdmu bl-elettriku u l-iżvilupp futur tagħhom, għandna niftakru li l-istimi jvarjaw ħafna minn xulxin skont il-parametri li qed jitqiesu; paragun bejn previżjonijiet diversi juri fatturi ta’ multiplikazzjoni li saħansistra jvarjaw bejn wieħed u għaxra (8).

It-tisħiħ tal-kompetittività fis-swieq dinjija

4.19

Fid-dawl tal-kritika mill-industrija dwar il-Ftehim mal-Korea t’Isfel, f’CARS 21 ġew diskussi b’mod estensiv il-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles (9). Ħarġet il-ħtieġa li ssir analiżi tal-impatt kumulattiv ta’ dawn il-ftehimiet, fid-dawl tal-bżonn ta’ koordinazzjoni mill-qrib bejn il-politiki industrijali u kummerċjali fl-Ewropa, li jeliminaw b’mod definittiv l-ostakli nontariffarji għall-esportazzjoni Ewropea. Il-KESE għalhekk jappoġġja d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tniedi studju dwar il-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles li diġà ġew konklużi, u dawk li għadhom qed jitħejjew, pereżempju dak mal-Ġappun. Dan l-istudju huwa intiż li jivvaluta l-impatt kumulattiv ta’ dawn il-ftehimiet fuq il-kompetittività tas-settur tal-karozzi.

4.20

B’mod aktar ġenerali, il-KESE japprezza l-isforz tal-Kummissjoni li timplimenta politika kummerċjali bil-għan li żżomm bażi industrijali tas-settur b’saħħitha fl-Ewropa bl-użu u l-irfinar tal-istrumenti disponibbli, mir-reviżjoni tal-Ftehim tan-NU/KEE sat-tfassil ta’ regolament ġdid dwar l-armonizzazzjoni internazzjonali tal-vetturi.

4.20.1

Madankollu, l-isfidi tal-industrija Ewropea tal-karozzi jinsabu fis-swieq domestiċi wkoll, fejn it-tibdil fid-domanda u l-mentalità ser ikollhom effett fuq il-kapaċità tagħha li tirnexxi fil-ġejjieni. Dan jeħtieġ li jiġi indirizzat ukoll flimkien mal-kompetittività fis-swieq globali.

L-antiċipazzjoni tat-tibdil u t-tnaqqis tal-impatt soċjali tar-ristrutturar  (10) fil-produzzjoni

4.21

Strateġija għal industrija tal-karozzi li jkollha suċċess u tkun sostenibbli fl-Ewropa trid tinvolvi mhux biss investimenti f’teknoloġiji ġodda u fl-innovazzjoni, flimkien mar-regolazzjoni intelliġenti u suq intern imtejjeb, iżda wkoll, speċjalment, li tgawdi minn post b’saħħtu fil-politika industrijali globali tal-UE u li tagħti lill-forza tax-xogħol tagħha l-istess importanza u attenzjoni daqs l-aspetti kollha l-oħra.

4.22

Biex tinżamm bażi industrijali fl-Ewropa, l-impriżi għandhom ikunu kapaċi li jadattaw malajr il-kapaċitajiet produttivi tagħhom għat-teknoloġiji l-ġodda u għall-evoluzzjoni tas-swieq, u li jkollhom ħaddiema kwalifikati u dejjem aġġornati. Għalhekk, nilqgħu b’sodisfazzjon it-twaqqif ta’ Kunsill Ewropew tal-Ħiliet fl-Industrija tal-Karozzi fl-2013, li jinvolvi l-partijiet interessati kollha, sabiex jingħataw rakkomandazzjonijiet lill-awtoritajiet politiċi dwar l-iżvilupp tal-ħiliet fis-settur u dwar il-ħtiġijiet ta’ edukazzjoni u taħriġ, fid-dawl tal-bidliet mistennija. Il-ksib ta’ kwalifiki li jiġu żviluppati kontinwament jagħmel lill-ħaddiema iżjed impjegabbli u huwa l-aħjar tweġiba li l-partijiet interessati għandhom jaspiraw għaliha; għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-SMEs u l-problemi speċifiċi tagħhom f’dan il-qasam.

4.23

Miżuri antiċipattivi sabiex jiġu evitati l-konsegwenzi negattivi tar-ristrutturar fuq l-impjieg għandhom jużaw b’mod sħiħ u b’mod ġenerali d-djalogu soċjali, iżda l-aktar sabiex jistħarrġu dwar id-dritt ta’ parteċipazzjoni u konsultazzjoni tal-Kumitat tax-Xogħol Ewropew f’sitwazzjonijiet ta’ ristrutturar u l-potenzjal tiegħu li jaqdi rwol attiv fil-preżentazzjoni ta’ soluzzjonijiet alternattivi. Komunikazzjoni tajba bejn il-fornituri u l-manifatturi aħħarija għandha tiżgura li, fil-każ estrem li jingħalqu l-faċilitajiet tal-produzzjoni, ma jkunx hemm effett domino fuq l-ekonomiji reġjonali li jiddependu mill-industrija tal-karozzi. Dan fid-dawl tal-fatt li l-għeluq tal-impjanti ta’ assemblaġġ jaffettwa kemm il-bidu tal-katina tal-produzzjoni (upstream) kif ukoll iżjed tard fil-proċess (downstream).

4.24

Kif rajna fil-punti 4.2 sa 4.8, il-Komunikazzjoni tidher, però, li qed tkun evażiva għaliex tagħmel referenza ġenerika għal proċess ta’ “ristrutturar” mingħajr ma ssemmi r-raġunijiet għalih. Fil-fatt, b’mod partikolari, f’din il-parti tad-dokument ma terġax tissemma l-“kwistjoni strutturali tal-kapaċità żejda li ilha għaddejja żmien twil” (paġna 6), li hija r-raġuni għala għadd ta’ manifatturi ħabbru li ser jingħalqu xi stabbilimenti. Fil-fatt, il-KESE huwa tal-fehma li hemm bżonn tiġi eżaminata sa liema punt iż-żieda fil-kapaċità hija żbilanċ temporanju bejn il-kapaċità produttiva, li tiddependi mill-kuntest storiku tad-distribuzzjoni ġeografika, u d-domanda fl-Ewropa, u kemm hija influwenzata minn fatturi bħall-kapaċità tal-akkwist tal-konsumatur, il-politika tal-prodott, l-awsterità u politiki pubbliċi oħrajn.

4.25

Fi kliem ieħor, il-pjan ta’ azzjoni ma jittrattax xi kkawża l-proċess ta’ ristrutturar u lanqas ma jivvaluta l-kobor tiegħu. Jipproponi biss li għandhom isiru interventi biex jitnaqqas l-impatt soċjali, u jħalli r-responsabbiltà ta’ dan il-proċess f’idejn l-industrija. Il-pjan jagħti biss rwol komplementari lill-Kummissjoni flimkien mal-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali, u b’hekk jevita li jipproponi r-rwol tagħha bħala koordinatur tal-interventi ta’ ristrutturar u lanqas ma jagħti linji gwida li jistgħu jsegwu l-Istati Membri fl-interventi tagħhom.

4.26

Il-KESE għalhekk huwa tal-fehma li, fid-dawl tal-livell għoli ta’ kapaċità produttiva li mhix qed tiġi utilizzata, mhuwiex biżżejjed li l-Kummissjoni jkollha rwol komplementari biss fil-konfront tal-atturi l-oħra.

4.27

Dwar il-kwistjoni tar-ristrutturar, il-Komunikazzjoni CARS 2020 toffri wkoll spunti interessanti li jistgħu jiġu żviluppati. F’paġna 22 it-test jgħid li l-Kummissjoni ser: “tniedi mill-ġdid it-task force bejn is-servizzi biex tistudja u ssegwi l-każijiet ewlenin tal-għeluq jew it-tnaqqis sinifikanti fid-daqs tal-impjanti tal-karozzi. It-task force kienet attiva u effiċjenti ħafna f’każijiet tal-imgħoddi fl-industrija tal-karozzi” (b’referenza għall-każijiet li jirrrigwardaw lill-VW Forest u l-MG Rover). Il-KESE jitlob li ssir analiżi speċifika ta’ dawn ir-riżultati sabiex ikunu eżempju ta’ prattika tajba għas-sitwazzjoni attwali.

4.28

Il-KESE jissuġġerixxi li jiġu mistħarrġa alternattivi għall-proċessi ta’ ristrutturar skont l-eżempji li rnexxew fil-passat u/jew huma proposti llum, eż. l-impjant Bochum tal-Opel. Hemmhekk, l-unjins u r-rappreżentanti tal-ħaddiema qablu dwar varjetà wiesgħa ta’ miżuri, anke bl-involviment ta’ partijiet interessati esterni, sabiex tintlaħaq soluzzjoni li hija aċċettabbli soċjalment fid-dawl tal-għeluq tal-impjant ippjanat għall-aħħar tal-2016.

4.29

Madanakollu, hemm bżonn li tiġi żviluppata politika industrijali għal perjodu twil ta’ żmien għas-settur. Din għandha tkun ta’ prijorità fuq kull deċiżjoni għal żmien qasir dwar l-aġġustament tal-kapaċità produttiva. L-għeluq ta’ kapaċitajiet ma jtejjibx il-kapaċità kumplessiva tas-settur biex jaffaċċja l-isfidi futuri, u għandu konsegwenzi tremendi għall-katina ta’ provvista kollha. Minflok, hemm bżonn ħidma lejn trasformazzjoni tas-settur, u politiki ġodda għal prodotti li huma iktar qrib l-aspettattivi tal-konsumaturi, li toffri opportunitajiet biex din l-industrija issir sostenibbli għas-seklu 21.

4.30

Inkella jeżisti r-riskju li f’tali sitwazzjoni ta’ livelli baxxi ħafna ta’ bejgħ għal żmien twil u t-telf tal-profitti sussegwenti, il-kumpaniji speċjalizzati fis-settur ġenerali medju jiddeċiedu li jnaqqsu l-piż ta’ produzzjoni mnaqqsa billi jagħlqu l-fabbriki fl-Ewropa tal-Punent u jittrasferixxu l-produzzjoni fil-fabbriki l-oħra tagħhom, li l-biċċa l-kbira nfetħu dan l-aħħar fi Stati Membri ġodda jew barra mill-Ewropa, sabiex japprofittaw minn livelli aktar baxxi f’termini ta’ pagi u kundizzjonijiet ta’ xogħol.

4.31

Fl-aħħar nett, nilqgħu b’sodisfazzjon kbir kemm l-impenn tal-Kummissjoni li tara li tiġi rispettata l-leġislazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat u r-regoli tas-suq intern, kif ukoll l-istedina tagħha lill-Istati Membri biex jużaw l-FEG, iżda fid-dawl ta’ dak kollu li ngħad hawnhekk ċertament mhuwiex biżżejjed.

Brussell, 23 ta’ Mejju 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Dan it-terminu qed jintuża biex ikopri l-industrija kollha tal-karozzi: il-manifattura tal-vetturi, il-forniment tal-komponenti, id-distribuzzjoni u s-servizzi ta’ wara l-bejgħ. Il-prodotti huma: il-karozzi, il-vetturi kummerċjali ħfief u tqal, il-muturi u, b’mod aktar ġenerali, il-vetturi bil-mutur b’żewġ, tliet u erba’ roti.

(2)  Orizzont 2020, COM(2011) 808 final u COM(2011) 809 final, 30.11.2011, huwa l-qafas propost għall-iffinanzjar tar-Riċerka u l-Innovazzjoni għall-perjodu 2014-2020, b’baġit totali ta’ EUR 80 biljun.

(3)  COM(2010) 389 final.

(4)  Il-Ftehim tal-1958 tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NU/KEE) dwar l-armonizzazzjoni teknika internazzjonali fis-settur tal-vetturi bil-mutur.

(5)  AlixPartners, “Automotive Outlook 2012 – An Industry at the Crossroads”, Jens-Ulrich Wiese, IFF – Praga, 21 ta’ Settembru, 2012.

(6)  ĠU C 44, 15.2.2013, p. 109.

(7)  Lead time: il-ħin li għandha bżonn l-industrija biex timplimenta kwalunkwe rekwiżit ġdid li jġib miegħu bidliet strutturali fil-vettura.

(8)  Roland Berger: “Rebound of the US suppliers industry”, Detroit, Ottubru 2012.

(9)  Fil-perjodu bejn l-1 ta’ Lulju 2011 u t-30 ta’ Ġunju 2012, jiġifieri l-ewwel sena li daħal fis-seħħ il-Ftehim, ġew importati 433 000 vettura mill-Korea t’Isfel, b’żieda ta’ 46 % fuq it-tnax-il xahar ta’ qabel (sors: Eurostat).

(10)  Kif jingħad fil-Green Paper tal-Kummissjoni “Ristrutturazzjoni u antiċipazzjoni tal-bidla: X’tgħallimna mill-esperjenza reċenti?” COM(2012) 7 final, l-“[o]perazzjonijiet ta’ ristrutturazzjoni huma parti mill-ħajja ta’ kuljum tal-kumpaniji, tal-ħaddiema, tal-awtoritajiet pubbliċi u ta’ partijiet interessati oħrajn”. Ir-ristrutturazzjoni tista’ tfisser iċ-ċaqliq mill-ġdid tar-riżorsi umani lejn attivitajiet li għandhom valur miżjud ogħla, it-taħriġ tal-ħaddiema, tnaqqis temporanju fil-ħinijiet tax-xogħol, l-għeluq ta’ xi partijiet tal-katina tal-produzzjoni jew inkella l-għeluq tal-faċilitajiet tal-manifattura.