6.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 161/1


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Nistħarrġu l-bżonnijiet u l-mezzi għall-involviment u l-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-qasam tal-politika tal-enerġija” (opinjoni esploratorja)

2013/C 161/01

Relatur: is-Sur ADAMS

Nhar it-13 ta’ Novembru 2012, il-Kummissjoni Ewropea ddeċiediet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Nistħarrġu l-bżonnijiet u l-mezzi għall-involviment u l-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-qasam tal-politika tal-enerġija

(Opinjoni esploratorja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-27 ta’ Frar 2013.

Matul l-488 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-20 u fil-21 ta’ Marzu 2013 (seduta tal-20 ta’ Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’183 vot favur, 2 voti kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Introduzzjoni u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kummissjoni Ewropea laqgħet il-proposta tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew biex jiġi mistħarreġ il-ħolqien ta’ djalogu mas-soċjetà ċivili dwar kwistjonijiet tal-enerġija. L-involviment, il-fehim u l-aċċettazzjoni tal-pubbliku dwar il-bidliet differenti li s-sistema tal-enerġija tagħna trid tgħaddi minnhom fid-deċennji li ġejjin huma ta’ ħtieġa assoluta. F’dan ir-rigward, id-djalogu mas-soċjetà ċivili huwa vitali, u s-sħubija u kostitwenza tal-KESE, li jirriflettu s-soċjetà Ewropea, ipoġġuh fl-aħjar pożizzjoni biex jilħaq iċ-ċittadini u l-partijiet interessati fl-Istati Membri u biex jwaqqaf programm komprensiv li jinkorpora d-demokrazija parteċipattiva u l-azzjoni prattika.

1.2

Wara konsultazzjoni preliminari ma’ Stati Membri, korpi reġjonali u muniċipali, organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-imsieħba soċjali, l-NGOs, is-settur tal-enerġija u organizzazzjonijiet taċ-ċittadini fil-livell lokali, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jirrakkomanda t-tressiq tal-proposti inklużi f’sezzjoni 7 ta’ din l-Opinjoni.

1.3

Fil-qosor:

Il-KESE se jkollu rwol ta’ tmexxija fit-twaqqif ta’ Djalogu Ewropew dwar l-Enerġija (DEE), konverżazzjoni kkoordinata fuq diversi livelli u mmirata lejn l-azzjonijiet fi ħdan l-Istati Membri u bejniethom kollha.

Il-programm se jkun ambizzjuż u professjonali, sponsorjat u ffinanzjat mill-partijiet interessati fil-katina tal-enerġija, u jorbot ma’ inizjattivi eżistenti u jikseb rikonoxximent bħala “marka soċjali” affidabbli li twieġeb għall-bżonnijiet u t-tħassib tal-pubbliku.

Id-Djalogu Ewropew dwar l-Enerġija se jkun sinonimu ma’ informazzjoni affidabbli dwar l-enerġija, u se joffri “spazju għan-negozjar” fejn ikunu jistgħu jiġu diskussi kwistjonijiet ta’ implimentazzjoni fl-isfond ta’ impatt u aċċettazzjoni soċjetali, strateġija tal-investiment u r-riżorsi u kunsiderazzjonijiet ta’ politiki oħrajn.

L-indikatur prinċipali tas-suċċess tal-programm se jkun l-adozzjoni tiegħu fl-Istati Membri, livell tanġibbli ta’ influwenza fuq it-tfassil tal-politika għall-forom kollha tal-enerġija, u rwol rikonoxxut fit-tħeġġiġ tal-konverġenza fil-livell tal-UE, b’rabtiet qawwija mal-qafas għal azzjoni rigward l-enerġija u t-tibdil tal-klima post-2020.

Għalhekk il-KESE jirrakkomanda appoġġ politiku u amministrattiv qawwi għad-Djalogu Ewropew dwar l-Enerġija li qed jiġi propost flimkien ma’ aġġustament tal-approċċ intern tal-Kummissjoni Ewropea li jenfasizza d-djalogu u l-konverżazzjoni.

Il-KESE jirrakkomanda appoġġ finanzjarju biex isostni l-ħidma tad-Djalogu Ewropew dwar l-Enerġija fil-perjodu ta’ finanzjament tal-EU li jmiss (2014-2020).

2.   Kuntest

2.1

Sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-2050 għal livelli baxxi ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija hija kritika, anke jekk wieħed ma jqisx l-għażla ta’ xi taħlita tal-enerġija partikolari. Jekk l-Istati Membri jridu jżommu opzjonijiet miftuħa u flessibli għat-taħlita tal-enerġija tagħhom, allura jkun kruċjali wkoll l-investiment bikri f’suq intern modernizzat, imtejjeb u konness tajjeb. Dawn, flimkien mal-transizzjoni għal użu akbar tal-elettriku, huma l-elementi tal-politika tal-enerġija tal-UE li mhumiex relattivament kontestati, għalkemm għad hemm miftuħa kwistjonijiet ta’ spejjeż, finanzjament, u r-rata ta’ implimentazzjoni. Sadanittant, kwistjonijiet dwar it-taħlita tal-provvista tal-enerġija u dwar kif jistgħu jintlaħqu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-livell meħtieġ tal-investiment, qegħdin kulma jmur jgħaddu minn skrutinju qawwi ġewwa l-Istati Membri. Filwaqt li x’aktarx l-iżvilupp ta’ approċċ Ewropew ikun iwassal għal anqas spejjeż u provvista aktar sigura meta mqabbla ma’ skemi nazzjonali, unilaterali u mxerrda, ħafna mid-dibattitu pubbliku għadu ffukat fuq iż-żieda dejjem tikber tal-prezzijiet tal-konsumatur u l-impatt dejjem jikber mill-infrastrutturi u l-metodi ta’ produzzjoni. F’każi rari l-Istati Membri jistgħu jorganizzaw dibattiti nazzjonali dwar aspetti tat-transizzjoni fil-qasam tal-enerġija imma, bħala regola, diskussjoni bħal din mhux se ssir waħedha u hemm bżonn li titħeġġeġ.

2.2

Minħabba li l-valuri tal-pubbliku Ewropew rigward il-“ġejjieni tal-enerġija” għaddejjin minn proċess ta’ bidla u, fil-biċċa l-kbira, għadhom se jitniedu miżuri ta’ politika fuq livell tal-UE, il-korpi tal-UE għandhom jipparteċipaw fit-tisħiħ tal-fiduċja fir-relazzjoni bejn, u fost, il-partijiet interessati statutorji jew mhumiex tas-soċjetà ċivili (dwar l-enerġija) u l-atturi tal-politika, billi jitrawwem l-involviment tal-pubbliku fi djalogu strutturat. Meta nżidu dan l-element, ikun qed isir pass importanti billi nagħżlu bejn dak li hu teknikament u ekonomikament possibbli u dak li hu vijabbli u aċċettabbli soċjalment għall-partijiet interessati. Dan ikun qed iġib miegħu ukoll eżempju prattiku ta’ demokrazija parteċipattiva dwar kwistjoni relevanti għal kulħadd.

2.3

Din l-Opinjoni esploratorja dwar il-bżonnijiet u l-mezzi għall-involvement u l-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-qasam tal-politika tal-enerġija tiddeskrivi kif tali djalogu komprensiv u inklużiv ikun jista’ jiġi mfassal u żviluppat fl-interfaċċa bejn il-livelli Ewropej, nazzjonali u lokali. Dan id-djalogu għandu jidentifika wkoll il-passi prattiċi li ċ-ċittadin ikun jista’ jieħu u jistimola azzjoni innovattiva u rispons mill-fornituri u l-awtoritajiet.

3.   Il-qafas politiku

3.1

Il-qafas tal-politika tal-enerġija tal-UE huwa mfassal biex isaħħaħ u jħares is-sigurtà, il-kompetittività u s-sostenibbiltà tal-enerġija. Il-mira tal-2050 għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra għal mill-inqas 80 % tal-livelli tas-snin 90 tibqa’ objettiv kwantitattiv sod, imma li għad mhux legalment vinkolanti. Madankollu, għad ma nstabux soluzzjonijiet għal wara l-2020 għal għadd ta’ aspetti oħrajn pereżempju l-proporzjon ta’ enerġija rinnovabbli fit-taħlita tal-enerġija. Bl-istess mod, x’aktarx li mhux se jiġu kwantifikati l-livelli aċċettabli tad-dipendenza enerġetika jew tad-differenza kbira ħafna fil-prezzijiet tal-enerġija mal-kompetituri globali l-kbar. Il-politika tal-UE trid b’xi mod tadatta għal dawn l-inċertezzi – tabilħaqq l-istorja riċenti tindika li l-volatilità globali tal-prezzijiet tal-enerġija u l-impatti ta’ avvenimenti mhux mistennija lkoll jitolbu politika tal-enerġija li tkun kemm flessibli kif ukoll kapaċi tindirizza ċirkustanzi esterni kumplessi.

3.2

Ta’ spiss jiġri li t-tfassil tal-politika tal-UE dwar it-transizzjoni tal-enerġija ma jkollhiex sjieda ġenwina mill-Istati Membri u ma tinvolvix liċ-ċittadini f’dak li jirrigwarda spjegazzjoni dwar kompromessi u preferenzi. L-approċċ ta’ tfassil ta’ xenarji differenti, kif żviluppat fil-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050, huwa mod sensibbli biex tiġi trattata sitwazzjoni li tista’ tinbidel. Madankollu, meta tintuża din it-teknika biex titħejja l-bażi għat-tfassil tal-politika jfiġġu dan in-nuqqas ta’ sjieda mill-Istati Membri kif ukoll id-dubji ta’ pubbliku, ġeneralment anqas infurmat jew interessat, dwar ħafna mill-kwistjonijiet tal-enerġija għajr il-prezzijiet u, f’xi pajjiżi, is-sigurtà tal-provvista. Id-dokumenti tal-politiki fil-livell tal-UE huma fil-biċċa l-kbira maħsubin għall-Istati Membri u għall-partijiet interessati istituzzjonali jew industrijali l-kbar, u xi kultant jonqsu milli jagħmlu kuntatt mal-pubbliku u jirriflettu t-tħassib tiegħu. Parti mill-proċess tal-involviment u l-parteċipazzjoni tal-pubbliku li tinsab f’din l-Opinjoni bilfors tinvolvi t-“traduzzjoni” ta’ kunċetti tal-enerġija kumplessi. Il-mutur ta’ tmexxija prinċipali se jkun ir-rwol tal-għarfien tal-pubbliku, u tal-fehmiet u l-valuri tiegħu biex jgħinu l-partijiet kollha fir-rivalutazzjoni, l-aġġustament u l-adattament għal dinja bl-inċertezzi. Mat-tliet pilastri tal-politika tal-enerġija – sigurtà tal-provvista, kompetittività u sostenibbiltà – għandu jiżdied ir-raba’ wieħed – il-parteċipazzjoni.

3.3

Dan mhux se jkun faċli. Sal-lum, ir-rikonċiljazzjoni tas-solidarjtà u l-kooperazzjoni tal-UE flimkien mad-dritt tal-Istat Membru biex tiġi determinata l-istrateġija tal-enerġija tiegħu pproduċiet politika mċajpra u messaġġi konfużi, mhux l-anqas għaċ-ċittadini, u għaldaqstant nuqqas kbir ta’ fehim.

3.4

Il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fuq livell nazzjonali, u mbagħad it-twaqqif ta’ politiki tal-enerġija nazzjonali fil-kuntest usa’ tal-UE huwa mod wieħed kif jimtela dan il-vojt u jiċċaraw l-affarijiet (Inizjattivi nazzjonali li qed jiġu żviluppati bħad-Débat national sur la transistion énergétique (Dibattitu nazzjonali dwar it-transizzjoni tal-enerġija) fi Franza, l-Energiewende (It-transizzjoni tal-enerġija) fil-Ġermanja u l-Energy Mix Forum (Forum dwar it-taħlita tal-enerġija) fi Spanja kollha jkunu jibbenefikaw minn konnessjoni aktar b’saħħitha mad-dimensjoni Ewropea). Il-mexxejja nazzjonali jeħtieġu mandat demokratiku, elettorat infurmat dwar din il-kwistjoni ewlenija, u persuni li jkunu preparati jissieħbu mal-politikanti tagħhom biex jgħaddu minn dik li se tkun triq diffiċli. Jekk mhux se sseħħ diskussjoni pubblika miftuħa u inklużiva dwar futur tal-enerġija pan-Ewropew u bbażata fuq il-kooperazzjoni, allura se tibqa’ l-presunzjoni li l-attitudnijiet soċjali biss huma aċċettabbli għas-soċjetà. Dan l-impediment nazzjonali diġà wassal biex xi partijiet interessati jiddeskrivu l-politika tal-enerġija tal-UE bħala waħda li mhijiex koerenti u lanqas kredibbli. Dan in-nuqqas ta’ ċarezza jdgħajjef il-kapaċità biex tiġi stabbilita politika koerenti tal-enerġija b’livelli baxxi ta’ emissjonijiet tal-karbonju sabiex tiġi indirizzata l-pressjoni mit-tibdil fil-klima – u l-ħin qed jonqos.

3.5

Madwar l-Ewropa, iċ-ċittadini wrew li mhumiex kuntenti bil-funzjonament tas-suq tal-enerġija (ara t-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur – http://ec.europa.eu/consumers/consumer_research/editions/docs/8th_edition_scoreboard_mt.pdf), u jekk dan mhux se jiġi indirizzat se jmur kontra aktar sforzi għal azzjoni tal-UE konġunta dwar it-transizzjoni tal-enerġija. Iċ-ċittadini jeħtieġu jiġu involuti b’mod aktar effiċjenti fid-direzzjoni strateġika tal-għażliet tal-politika l-kbar – lil hinn mir-rwol tagħhom bħala kosumaturi tal-enerġija – għaliex it-tħejjija tat-transizzjoni tal-enerġija tmur lil hinn mill-kwistjonijiet importanti tas-suq. F’ħafna Stati Membri qed jikber in-nuqqas ta’ sodisfazzjon dwar il-proċess politiku – ‘il-politika’. Fil-livell kritiku tal-UE, il-“politika” jew mhijiex iseħħ jew mhux qed tagħti l-frott, u d-dimensjoni tal-UE ħafna drabi ġiet relegata għal dibattiti nazzjonali mhux koordinati dwar il-politika tal-enerġija. Biex tinbidel din is-sitwazzjoni, ir-responsabbiltà konġunta għall-futur tal-enerġija kollettiv tagħna se tkun tinvolvi intrapriża kondiviża bejn iċ-ċittadini, il-partijiet interessati ewlenin u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet politiċi.

3.6

Minkejja li nbeda l-proċess għal bosta inizjattivi lokali, reġjonali u nazzjonali li jinvolvlu l-pubbliku f’diversi aspetti tal-ippjanar tal-enerġija, hemm ħtieġa prattika u reali biex l-involviment pubbliku, l-għarfien espert u l-kapaċità eżistenti jingħataw direzzjoni u jiġu ffukati. Attwalment m’hemmx fis-seħħ xi qafas adegwat għad-djalogu maċ-ċittadini/mal-partijiet interessati/mal-organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili (OSĊ) dwar l-akkwist, it-trasferiment u l-użu tal-enerġija. Hemm bżonn urġenti għal tali djalogu li jkun jista’ jagħti kontribut lill-politika tal-UE u jwassal lura d-dimensjoni Ewropea fid-dibattiti nazzjonali. Programm għall-parteċipazzjoni u l-involviment tal-pubbliku u li jkun estensiv, ambizzjuż u koordinat għandu jqanqal diskussjoni infurmata, jgħolli l-livell tad-diskussjoni u l-fehim, u jagħti aktar kunfidenza lil dawk li jfasslu l-politiki (li min-naħa tagħhom għandhom jisimgħu u jirreaġixxu) biex jimxu ’l quddiem. Fid-deskrizzjoni tal-kondizzjonijiet u l-azzjonijiet meħtieġa għal programm bħal dan din l-Opinjoni esploratorja tibni fuq studju ta’ riċerka preparatorju kkumissjonat mill-KESE u pubblikat f’Diċembru 2012 bit-titolu “Future national energy mix scenarios: public engagement processes in the EU and elsewhere” (Ix-xenarji nazzjonali futuri f’rabta mat-taħlita tal-enerġija: il-proċessi ta’ parteċipazzjoni tal-pubbliku fl-UE u bnadi oħra), li huwa disponibbli fis-sit elettroniku http://www.eesc.europa.eu/?i=portal.en.events-and-activities-energy-futures-civil-society-publications.

4.   Ntejbu u nibnu fuq il-mekkaniżmi ta’ parteċipazzjoni eżistenti

4.1

Sa mill-1997 twaqqfu numru ta’ fora għad-diskussjoni dwar l-enerġija rigward kwistjonijiet tekniċi, regolatorji, tal-konsumatur u tal-politika: tliet fora regolatorji (Forum ta’ Firenza (l-elettriku), Forum ta' Madrid (il-gass), Forum ta’ Londra (l-enerġija taċ-ċittadini) kif ukoll il-Forum ta’ Berlin (il-karburanti fossili), il-Forum ta’ Bukarest (l-enerġija sostenibbli) u l-Forum Ewropew (l-enerġija nukleari). Filwaqt li dawn huma kollha maħsubin biex itejbu l-funzjonament tas-suq intern fl-enerġija, l-ebda wieħed minnhom m’għandu l-mandat wiesa’ tat-tip ta’ djalogu dwar l-enerġija kif propost f’din l-Opinjoni. Kif jimplika ismu, il-Forum taċ-Ċittadini dwar l-Enerġija jfittex l-implimentazzjoni ta’ swieq tal-konsumaturi kompetittivi, effiċjenti fl-użu tal-enerġija u ġusti, u għaldaqstant joffri pjattaforma għall-preżentazzjoni ta’ kwistjonijiet dwar l-għoti tas-setgħa lill-konsumatur u dwar l-interessi tal-konsumatur f’aspetti regolatorji. Dawn il-fora kollha jiffurmaw parti importanti mid-djalogu dwar l-enerġija. U l-integrazzjoni akbar tagħhom permezz ta’ pjattaforma jew korp ta’ koordinazzjoni speċifiku tkun apprezzata ħafna. Tabilħaqq tali korp ikun jista’ jirrapreżenta wkoll l-interessi tal-Kummissjoni Ewropea rigward l-enerġija fl-istruttura tad-Djalogu Ewropew dwar l-Enerġija msemmi hawn taħt.

4.2

Hemm ukoll possibiltajiet biex jiġu involuti pajjizi terzi ġirien, partikolarment dawk li diġà jagħmlu parti mill-Komunità tal-Enerġija u dan ikun jappoġġja l-approċċ issuġġerit fi ħdan Il-politika tal-enerġija tal-UE: Kooperazzjoni ma’ pajjiżi lil hinn mill-fruntieri tagħna, COM(2011) 539.

4.3

Bħala korp konsultattiv għall-istituzzjonijiet tal-UE, u bil-missjoni primarja li jinvolvi aktar lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-proġett Ewropew, il-KESE jinsab f’pożizzjoni tajba biex ifassal u jippjana l-kontribut tas-soċjetà ċivili fit-tfassil tal-politiki. Il-Kumitat ippreżenta Opinjonijiet dwar il-leġislazzjoni tal-enerġija u dwar ix-xogħol ta’ tfassil ta’ politiki prinċipali kollha tal-UE u organizza programm estensiv ta’ konferenzi għas-soċjetà ċivili dwar kwistjonijet tal-enerġija, bi djalogu mal-livelli kollha tal-partijiet interessati tal-enerġija permezz ta’ żjarat diretti fl-Istati Membri. Il-bażi tal-pożizzjoni tiegħu dwar il-bżonn ta’ Komunità Ewropea tal-Enerġija u l-aspett kruċjali ta’ djalogu mas-soċjetà bħala bażi soda (European energy community and the vital nature of an underpinning societal dialogue) kienet elaborata fid-dikjarazzjoni konġunta mal-Istitut Notre Europe – Jacques Delors ta’ Jannar 2012 (http://www.eesc.europa.eu/resources/docs/declaration-mt.pdf).

4.4

L-element essenzjali fil-ħolqien ta’ djalogu produttiv se tkun il-fiduċja. Wieħed ma jistax jassumi l-fiduċja fil-partijiet interessati u bejniethom – anzi bil-maqlub. Għalhekk wieħed mill-objettivi tatd-djalogu huwa li jibni l-fiduċja bejn il-parteċipanti. Biex dan iseħħ, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew irid ikun miftuħ, affidabbli u jkollu pożizzjoni bilanċjata, jekk irid li jkollu rwol formattiv f’dan il-proċess.

4.5

L-attitudnijiet lejn l-enerġija fl-Istati Membri huma marbuta mill-qrib ħafna mal-valuri soċjetali. Fil-livell tal-bniedem, dawn ikunu jinkludu s-sigurtà, il-faqar enerġetiku u l-aċċess ta’ partijiet vulnerabbli għal provvista bi prezz li jintlaħaq. Fil-livell nazzjonali hemm tħassib dwar id-dipendenza enerġetika u l-esponiment għal influwenza esterna. Għalhekk id-dibattitu għandu jinkludi dimensjoni etika u dimensjoni ekonomika b’saħħithom, kif rikonoxxut fl-Opinjoni tal-Grupp Ewropew dwar l-Aspetti Etiċi tat-Taħlita tal-Enerġija fl-Ewropa, adottat f’Jannar 2013. Din għandha titiqes bħala għodda essenzjali fid-dibattitu. Din titlob li jkun hemm qafas tal-etika biex jintuża għas-sorsi tal-enerġija kollha u għat-teħid ta’ deċiżjonijiet rigward it-taħlita tal-enerġija, u tħeġġeg ukoll l-involviment tas-soċjetà ċivili permezz tal-parteċipazzjoni demokratika u t-trasparenza. Hemm bżonn ta’ aktar ħidma biex dawn il-kunċetti jiġu applikati fil-livell tal-Istati Membri, u wieħed mir-rwoli tal-KESE se jkun li jagħraf is-sensittivitajiet nazzjonali u joffri triq lejn il-konverġenza u l-kollaborazzjoni.

4.6

Pereżempju, element integrali li l-politika tal-UE għandha ssaħħaħ f’approċċ għall-enerġija globali li jkun aċċettabbli mis-soċjetà u etiku, huwa l-kunċett li ma jiġux żvantaġġati dawk iż-żoni fid-dinja li ‘m’għandhomx leħen’, dawk li huma vulnerabbli fil-ġirja għar-riżorsi tal-enerġija.

4.7

Il-parteċipazzjoni effettiva tirriżulta l-aktar meta n-netwerks informali tas-soċjetà ċivili li mhumiex statutorji jingħataw is-setgħa li jikkomunikaw man-netwerks statutorji formali. L-innovazzjoni mmexxija mill-parteċipazzjoni tista’ tkun għodda b’saħħitha biex jintlaħaq qbil dwar objettivi strateġiċi nazzjonali, reġjonali, urbani u lokali u/jew biex jitwettqu, b’anqas spejjeż għall-fondi pubbliċi u b’anqas burokrazija mill-proċessi tradizzjonali. Fil-preżent ftit hemm mekkaniżmi eżistenti biex jintegraw il-parteċipazzjoni metropolitana, nazzjonali u pan-Ewropea dwar il-“ġejjieni tal-enerġija”. Madankollu inizjattivi bħall-Patt tas-Sindki li jippromovu titjib fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u aktar enerġija rinnovabbli jindikaw x’inhu possibbli. Ir-rabta bejn dan l-involviment u l-istrutturi tal-politika u tat-teħid ta’ deċiżjonijiet għadha ma teżistix fl-Istati Membri.

5.   Niksbu l-involviment u l-parteċipazzjoni tal-pubbliku: Djalogu Ewropew dwar l-Enerġija

5.1

It-titolu proviżorju tal-proċess deskritt hawn fuq huwa Djalogu Ewropew dwar l-Enerġija, għad li, biex issir enfasi dwar il-bżonn li jittieħdu passi konkreti, jistgħu jiġu kkunsidrati varjazzjonijiet tat-titolu Azzjoni Ewropea għall-Enerġija. Id-DEE mhux se jkun jirreplika x-xogħol ta’ korpi eżistenti imma pjuttost jibni fuq inizjattivi attwali u jissuplimentahom kemm bil-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati tal-enerġija konċernati kif ukoll bil-parteċipazzjoni taċ-ċittadin. Objettiv importanti se jkun li jittejjeb it-tfassil tal-politika billi tiġi organizzata l-azzjoni reċiproka, tingħata informazzjoni adegwata, titħeġġeġ is-sjieda, u jitrawmu l-leġittimità u l-appoġġ għad-deċiżjonijiet politiċi fil-livelli nazzjonali u Ewropej. Fil-prinċipju, l-kwistjoniet tal-enerġija kollha għandhom jaqgħu fl-ambitu tiegħu inklużi: l-infrastruttura, is-sorsi tal-enerġija u r-riżorsi, is-swieq, il-kwistjonijiet tal-konsumatur, it-teknoloġiji, il-kwistjonijiet politiċi u ambjentali, eċċ.

5.2

Id-DEE għandu jindirizza l-bżonnijiet u t-tħassib tal-partijiet interessati statutorji jew li mhumiex – dawk il-partijiet involuti fil-katina ta’ provvista tal-enerġija kif ukoll l-investituri, il-klijenti, ir-regolaturi u l-leġiżlaturi. F’dan il-kuntest ta’ prijoritajiet identifikati fil-livelli nazzjonali, tal-UE u globalment, għandu jqis ukoll ir-rappreżentanti ta’ kwistjonijiet bejn il-ġenerazzjonijiet bħala kataegorija ta’ partijiet interessati, partikolarment fir-rigward ta’ kwistjonijiet tal-użu u t-tnaqqis tar-riżorsi, l-kontroll tat-tniġġiż, u t-tibdil fil-klima.

5.3

Għandu jiġi nnotat li d-DEE ma jkunx jidħol fl-implimentazzjoni operattiva jew teknika imma jkollu r-rwol li joffri “spazju għan-negozjar” fejn ikunu jistgħu jiġu diskussi kwistjonijiet ta’ implimentazzjoni fil-kuntest tal-impatti u l-aċċettazzjoni soċjetali, l-istrateġiji tal-investiment u r-riżorsi, u l-kunsiderazzjonijiet ta’ politika oħrajn. Dan għandu, madankollu, jagħmel kuntatt permezz ta’ azzjonijiet tanġibbli ħafna li n-nies jistgħu jieħdu sehem fihom bħall-użu tal-miters intelliġenti u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. It-teorija, l-edukazzjoni u l-azzjoni prattika jridu jimxu id f’id.

6.   Nimplimentaw Djalogu Ewropew dwar l-Enerġija

6.1

Fil-bidu l-objettivi jkunu li:

jidentifika u jipprijoritizza l-azzjonijiet li jinfurmaw u jagħtu setgħa lis-soċjetà ċivili dwar kwistjonijet tal-enerġija;

jidentifika l-partijiet interessati, inklużi utenti tal-enerġija ġejjin mill-industrija jew individwi, operaturi tal-enerġija, ħaddiema u trejdjunjins u gruppi interessati oħrajn, skont it-tip ta’ interess, il-livell ta’ għarfien, u l-kapaċità tar-riżorsi;

jesponi l-kwistjonijiet ewlenin b’tali mod li l-għarfien u l-esperjenzi ta’ kuljum u l-għarfien espert professjonali ikunu jistgħu jikkomunikaw u jagħtu kontribut lil xulxin;

jiżviluppa format ta’ “konverżazzjoni” li jkun flessibli u adattabbli fl-Istati Membri kollha u jressaq ċ-ċittadini eqreb lejn it-teħid tad-deċiżjonijiet.

6.2

Il-konsultazzjoni mtejba u l-mekkaniżmi ta’ parteċipazzjoni huma essenzjali għal transizzjoni tal-enerġija li tirnexxi. Djalogu fil-livell tal-UE u li jkun infurmat, strutturat, inklużiv u responsabbli huwa meħtieġ ukoll biex jiġi żgurat li tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika jkunu strateġiċi, konsistenti u inklużivi - u b’hekk meqjusin kredibbli u effiċjenti.

6.3

Fl-aħħar mill-aħħar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku għandha tgħin biex jitqiegħdu l-pedamenti ta’ transizzjoni lejn sistema tal-enerġija b’livelli baxxi t’emissjonijiet tal-karbonju sal-2050 li tkun ibbażata fuq l-għarfien, u tkun parteċipattiva u effiċjenti. Din ikollha l-potenzjal li tagħti aktar leġittimità għal azzjoni tal-UE dwar kwistjonijiet tal-enerġija filwaqt li tgħin liċ-ċittadini jleħħnu fehmiethom u l-preferenzi tagħom fil-livell nazzjonali u pan-UE.

6.4

Kull parti interessata li tiġi identifikata għandha tiġi mistoqsija, fuq bażi reċiproka.

x’inhu dak li kull wieħed minnhom jistenna meta jipparteċipa fid-djalogu; u

x’qed jintalab minnhom biex jagħtu kontribut għad-djalogu.

6.5

Jekk id-djalogu irid jirnexxi fil-perjodu twil, il-proċess għandu jfittex li jifhem u jirreaġixxi għat-tħassib, l-għarfien u l-valuri tal-Istati Membri u tas-soċjetà ċivili pan-Ewropea. Rispons bħal dan x’aktarx li se jeħtieġ li l-partijiet interessati jiżviluppaw bejniethom:

strateġiji li jkunu jwasslu dak li jitolbu l-partijiet interessati, f’livell ta’ aġġustament maqbul u b’kompromess fejn meħtieġ;

proċess biex jipproduċu dawn l-istrateġiji; u

il-kapaċità biex isaħħu dan il-proċess.

6.6

Hemm numru ta’ mistoqsijiet li wieħed irid isaqsi biex id-djalogu jilħaq l-għanijiet tiegħu:

Strateġiji: Xi strateġiji għandhom jiddaħħlu biex tiġi faċilitata l-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati tas-settur tal-enerġija u tas-soċjetà ċivili?

Proċessi: Liema proċessi kritiċi għandhom jiġu żviluppati jew imfassla mill-ġdid biex jitħaddmu dawn l-istrateġiji?

Kapaċitajiet: X’kapaċitajiet hemm bżonn fid-djalogu biex jitħaddmu u jiġu żviluppati aktar dawn il-proċessi?

Kontribut mill-partijiet interessati tas-settur tal-enerġija u mis-soċjetà ċivili: X’kontribut għandu jistenna d-djalogu mill-partijiet interessati u miċ-ċittadini tiegħu biex dawn il-kapaċitajiet jiġu żviluppati, jinżammu u jittejbu?

7.   Passi prattiċi u rakkomandazzjonijiet

7.1

Qed jiġi propost li sal-2016 il-partijiet interessati tas-settur tal-enerġija, iċ-ċittadini u l-organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili jipparteċipaw fid-Djalogu Ewropew dwar l-Enerġija, fil-forma ta’ konverżazzjoni koordinata fuq diversi livelli fi ħdan l-Istati Membri u bejn Stat Membru u ieħor. Biex jiġu riflessi l-iskop, il-kobor u l-urġenza tal-kwistjoni, l-proċess li qed jiġi propost għall-involviment tal-partijiet interessati tal-enerġija u tal-pubbliku għandu jkun ambizzjuż, b’ riżorsi suffiċjenti u effettiv; dan irid isegwi l-approċċ tattiku deskritt f’sezzjoni 6. Dan jeħtieġ joħloq kunfidenza fost il-parteċipanti u reputazzjoni għal djalogu miftuħ kif ukoll, b’mod progressiv, ir-riżoluzzjoni jew aċċettazzjoni ta’ bosta fehmiet li jintwerew. Dan għandu jkun:

Pan-UE fil-mod kif ilaqqa’ u jiġbor flimkien f’ħaġa waħda fil-livell tal-UE;

Nazzjonali, fis-sens li se jseħħ f’xenarji ta’ kulturali differenti u ta’ futur tal-enerġija li jvarja;

fuq diversi livelli ġewwa xi pajjiż, jintegra l-livelli nazzjonali, reġjonali, urbani u lokali, u jagħraf ir-rwol essenzjali tal-influwenza taċ-ċittadin u l-klijent fuq il-politika;

iffukat fuq l-azzjonijiet, bil-parteċipanti kollha jsaqsu lilhom innifishom u lil xulxin “x’passi jistgħu jittieħdu biex jiġi assigurat futur tal-enerġija aħjar?”

7.2

Id-DEE mhuwiex sostitut għad-dibattitu li jeħtieġ jinżamm mal-istituzzjonijiet tad-demokrazija rappreżentattiva iżda huwa titjib ta’ dak id-dibattitu, li jħallat l-għarfien mill-ħajja ta’ kuljum, l-esperjenzi u l-fehim flimkien mal-għarfien teknik u espert. Hawnhekk, id-demokrazija parteċipattiva taġixxi bħala appendiċi għad-deomkrazija rappreżentattiva.

7.3

Ikun jista’ jiġi żviluppat mill-KESE, programm ta’ tliet snin li jkun jirreaġixxi u jitwaħħad flimkien mal-inizjattivi nazzjonali, u eventwalment jwassal għal DEE indipendenti. Dan il-proċess ikun jinkludi:

Riċerka – tkomplija u estensjoni fuq il-bażi ta’ riċerka eżistenti dwar il-parteċipazzjoni u l-involviment tal-pubbliku u dwar il-kwistjonijiet kumplessi tal-enerġija li hemm warajhom u li jeħtieġ jiġu ċċarati liċ-ċitaadin.

Żvilupp ta’ alleanzi mal-partijiet interessati kollha (Stati Membri u presidenzi tal-UE li jinbidlu b’rotazzjoni, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-Istati Membri, industrija, trade unjins, fondazzjonijiet, istituzzjonijiet akkademiċi, eċċ) biex titwaqqaf bażi tar-riżorsi soda konformi mal-ambizzjoni tal-programm.

Avveniment tat-tnedija kbir biex jagħti bidu għal numru ta’ programmi pilota/ta’ dimostrazzjoni f’mhux aktar minn ħames Stati Membri li jkunu jimplimentaw djalogu nazzjonali, b’kull programm jinbeda b’avveinment nazzjonali fl-2014.

Il-formazzjoni ta’ konnessjonijiet bejn id-DEE u l-forum eżistenti fejn dan hu possibbli u adegwat, inkluż mal-Komunità tal-Enerġija (ix-Xlokk tal-Ewropa) u mas-Sħubija tal-Lvant.

Preżentazzjoni u dibattitu dwar id-DEE bħala parti mill-Forum taċ-Ċittadini dwar l-Enerġija f’Novembru 2013 u fora u avvenimenti tal-enerġija oħrajn, b’mod adegwat.

Monitoraġġ tal-iżvilupp tal-proċess tad-djalogu mill-Grupp ta’ Studju Permanenti tal-KESE, Lejn Komunità Ewropea tal-Enerġija u t-twaqqif ta’ grupp ta’ tmexxija rappreżentattiv.

7.4

Fit-tfassil tad-djalogu pubbliku jaħdmu tajjeb l-għodod li jiffaċilitaw it-teħid ta’ deċiżjonijiet, speċjalment fl-istħarriġ dwar mistoqsijiet tat-tip “x’isir jekk?” u l-opzjonijiet ta’ kompromess, r-riskji u r-riżultati li joħorġu minn tali xenarji. Xi għodod speċifiċi jinkludu: tfassil u mudellar tax-xenarji, analiżi tal-parteċipazzjoni b’diversi kriterji, tekniki tar-realtà virtwali (inklużi viżwalazzjoni tridimensjonali u mmappjar bl-użu ta’ sistemi ta’ informazzjoni ġeografika [GIS], analiżi taċ-ċikli tal-ħajja u valutazzjoni ambjentali kwantitattiva). Minn dawn l-għodod, it-tfassil tax-xenarji wera li huwa l-aktar mezz aċċessibbli u interattiv biex jgħin lill-persuni jifhmu l-kobor tal-isfida, u biex jesploraw u jeżaminaw is-soluzzjonijiet li jippreferu huma stess, u jpoġġuhom fil-prattika – il-Pjan Direzzjonali għall-Eneġija 2050 tal-Kummissjoni Ewropea uża t-tfassil ta’ xenarji bħala mod biex jinforma u jinvolvi n-nies dwar l-għażliet tal-politiki.

7.5

Biex id-dibattitu dwar l-enerġija jiġi stabbilit u ma jibqax xi ħaġa tal-okkażjoni, biex jiġi diskuss fil-kafejiet, fil-klabbs, fil-kċejjen u fil-klassijiet, se jkunu meħtieġa tekniki tal-parteċipazzjoni li huma aktar minn sofistikati. Il-wirjiet u l-avvenimenti kbar, l-involviment tal-komunità xjentifika, u l-interess tal-midja nazzjonali se jkollhom rwol ukoll. Dan jitlob ippjanar professjonali u l-ħolqien ta’ djalogu bħala “marka soċjali” Ewropea li tikseb rikonoxximent u fiduċja.

7.6

Id-djalogu dwar il-ġejjieni se jkollu bżonn proċessi ta’ governanza ċari, trasparenti u responsabbli. Il-korp organizattiv, li huwa previst li jkun indipendenti minn kwalunke parti interessata, istituzzjoni jew grupp ta’ interess eżistenti, għandu jkollu l-fiduċja tal-parteċipanti kollha, jitqies bħala affidabbli u awtoritarju, u jkun ibbażżat fuq sett ta’ prinċipji soċjali u etiċi maqbula li jirriflettu valuri komuni.

7.7

Ir-rwol tal-KESE huwa formattiv. Dan se jħejji t-triq li permezz tagħha d-DEE jgħaddi mit-teorija għall-prattika. Filwaqt li jibda bil-fażi attwali ta’ ppjanar inizjali u ta’ djalogu mal-partijiet interessati, u mbagħad bħala parti minn grupp involut fil-kompiti kruċjali ewlenin li jagħtu bidu, il-KESE se jkompli jkun ta’ għajnuna hekk kif id-DEE jiżviluppa min-naħa tiegħu u hu stess jaġixxi ta’ katalist biex jinġabru r-riżorsi li jkun jridu jiġu allokati.

7.8

Kompiti essenzjali li d-DEE se jwettaq huma:

It-twaqqif ta’ qafas komuni għad-djalogi dwar l-enerġija.

Il-ħolqien ta’ “marka soċjali” Ewropea ġenerali għad-djalogu u għall-mekkaniżmi assoċjati ta’ liċenzji u governanza.

L-izvilupp ta’ ‘librerija’ ibbażata fuq l-gharfien maqbul dwar kwistjonijiet tal-enerġija prattiċi.

Li jorganizza forum ta’ dibattitu miftuħ dwar il-politika tal-enerġija bejn l-Istati Membri u fil-livell tal-UE.

L-għoti ta’ fondi jew għajnuna meħtieġa għal inizjattivi nazzjonali jew reġjonali.

It-twettiq jew kummissjoni ta’ riċerka biex jimtlew lakuni ta’ għarfien.

It-tfassil ta’ linji gwida dwar kwistjonijiet tal-enerġija eżistenti jew għadhom ġejjin u li jqisu kwistjonijiet soċjetali, ambjentali, etiċi u ekonomiċi.

Il-kollaborazzjoni mal-organizzazzjonijiet nazzjonali u reġjonali.

It-tħeġġiġ ta’ netwerk ta’ organizzazzjoniet fi ħdan kull Stat Membru.

7.9

Id-DEE jista’ jitqies ukoll bħala eżerċizzju prattiku u fuq skala kbira ta’ demokrazija parteċipattiva, li b’mod ġenwin iservi ta’ punt ta’ kuntatt mad-demokrazija rappreżentattiva dwar tema kruċjali għal kulħadd. Il-prinċipju organizzattiv se jkun is-sussidjarjetà implimentata permezz ta’ qafas liċenzjat jew disponibbli minn ftehim ta’ franchise, jiġifieri d-DEE se jibni fuq dak li diġa jeżisti u jtejbu. Fil-fażi tat-twaqqif tiegħu d-DEE se jiżviluppa, permezz tal-parteċipazzjoni inklużiva taċ-ċittadini u tal-partijiet interessati, proċessi ta’ djalogu maqbula li jkunu jistgħu jiġu replikata fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali. B’dan il-mod ikunu jistgħu jagħtu kontribut ir-riżorsi, l-għarfien u l-ħiliet minn ħafna tipi ta’ organizzazzjonjiet li diġa huma attivi fil-kwistjonijiet tal-enerġija. Dawn ikunu jinkludu, pereżempju: l-awtoritajiet muniċipali u regolatorji, il-kumpaniji tal-enerġija, in-negozju b’mod ġenerali, it-trejdunjins, l-NGOs u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur u l-istituzzjonijiet tal-UE (Kummissjoni Ewropea, Parlament Ewropew, Kumitat tar-Reġjuni). L-intenzjoni hi li jingħata “spazju għan-negozjar” li fih ikunu jistgħu jiġu diskussi kwistjonijiet ta’ implimentazzjoni fil-kuntest tal-impatti u l-aċċettazzjoni soċjetali, l-istrateġiji tal-investiment u r-riżorsi, u l-kunsiderazzjonijiet ta’ politika oħrajn. Dan ikun jinvolvi l-preżentazzjoni kontinwa ta’ informazzjoni oġġettiva, u li jiġi offrut post fejn dik l-informazzjoni u l-esperjenza taċ-ċittadini nnifishom ikunu jistgħu jistħarrġu l-livell ta’ konverġenza li kien possibbli dwar il-kwistjonijiet tal-enerġija ppreżentati.

7.10

Għal dan id-djalogu huwa essenzjali sett ta’ prinċipji komuni. L-isfida hija kif numru ta’ impenji “universali” li jagħrfu u jappoġġjaw il-valur tal-umanità komuni tagħna se jissarrfu f’xi ħaġa li tista’ sservi ta’ bażi għall-politika u l-azzjoni dwar l-enerġija. Impenji bħal dawn diġà jinsabu fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u dan jikkonferma r-rabta li l-Istati Membri għandhom mad-drittijiet fundamentali soċjali u tal-bniedem. Din is-solidarjetà bejn nazzjonijiet u popli, prinċipju fundatur tal-UE, hija applikabbli, f’termini etiċi, fil-livell globali, fejn kwalunkwe politika tal-enerġija tal-UE għandha tkun relevanti wkoll.

7.11

L-erba’ prinċipji etiċi ssuġġeriti mir-Rapport tal-EGE dwar l-Etika fl-Enerġija (http://ec.europa.eu/bepa/european-group-ethics/publications/opinions/index_en.htm) – aċċess għall-enerġija, sostenibbiltà, sikurezza u sigurtà – bla dubju jikkoinċidu mat-tliet pilastri tal-politika tal-enerġija tal-UE u jeħtieġu stħarriġ aktar fil-fond. Ir-rapport tal-EGE jisħaq ukoll li, “Il-parteċipazzjoni tinsab fil-qalba proprja tal-ġustizzja soċjali u politika” u jikkonferma l-approċċ tal-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050 – “Huwa kruċjali li jiġi involut il-pubbliku” (punt 3.4).

7.12

L-iżvilupp ta’ approċċ iddixxplinat għall-parteċipazzjoni tal-pubbliku se jkun prekursur neċessarju għat-tnedija ta’ djalogu dwar l-enerġija u jitqies bħala wieħed mill-kompiti li l-KESE jista’ jgħin biex jorganizza. Qed jiġu suġġeriti ħames mistoqsijiet tentattivi bħala kontribut għal dan il-kompitu:

Kif niżguraw li kulħadd, l-individwi u l-industrija, ikun jista’ jħallas għall-enerġija li jkollu bżonn?

Il-produzzjoni u l-użu tal-enerġija tagħna jikkunsidraw il-bżonnijiet u l-impatt fuq il-ġenerazzjonijiet futuri?

Agħmilna evalwazzjoni u wettaqna bilanċ tar-riskji kollha fuq perjodu qasir u dak medju involuti fil-produzzjoni u l-użu tal-enerġija?

Aħna ċerti li l-provvista tal-enerġija tagħna hija stabbli kif ukoll garantita biżżejjed, meta jitqies ir-rwol essenzjali tagħha?

X’nistgħu nagħmlu aħna dwar dawn il-mistoqsijiet?

7.13

Biex is-swieq tas-settur tal-enerġija jimxu lil hinn mit-terminu qasir, hemm bżonn ta’ aktar ċertezza u kooperazzjoni effettiva. “Ħidma bħas-soltu” mhux se ġġib bidla sostanzjali bir-rata u l-kobor neċessarji biex jintlaħqu l-objettivi tal-politika – u ċ-ċittadin, is-settur tal-enerġija, u l-partijiet interessati kollha kemm huma se jkollhom bżonn jagħmlu l-parti tagħhom fit-transizzjoni lejn ekonomiji b’livell baxx ta’ karbonju. Hawnhekk, id-Djalogu Ewropew dwar l-Enerġija se jipprovdi mezz biex jinħolqu l-kunfidenza u l-fiduċja, biex iċ-ċittadini jipparteċipaw fil-livell nazzjonali u mbagħad jiġu stabbiliti l-politiki tal-enerġija nazzjonali f’kuntest tal-UE usa’.

Brussell, 20 ta’ Marzu 2013

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON