10.7.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 198/45


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – L-istrateġija tal-kompetittività sostenibbli fis-settur tal-kostruzzjoni u tal-intrapriżi tiegħu”

COM(2012) 433 final

2013/C 198/07

Relatur: is-Sur PLOSCEANU

Korelatur: is-Sur GIBELLIERI

Nhar is-7 ta’ Settembru 2012, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – L-istrateġija tal-kompetittività sostenibbli fis-settur tal-kostruzzjoni u tal-intrapriżi tiegħu

COM(2012) 433 final.

Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-12 ta’ Marzu 2013.

Matul l-489 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-17 u t-18 ta’ April (seduta tas-17 ta’ April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’128 vot favur, 2 voti kontra u 7 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa’ l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kompetittività sostenibbli fis-settur tal-kostruzzjoni mniedi f’Lulju 2012.

1.2

Il-KESE jirrikonoxxi l-importanza strateġika tas-settur tal-kostruzzjoni fl-ekonomija Ewropea f’termini tal-kontribut tas-settur għall-PDG, f’termini tar-rwol tal-kostruzzjoni fl-impjiegi u wkoll bħala vettur għat-tkabbir ekonomiku.

1.3

Il-KESE jikkunsidra s-settur tal-kostruzzjoni bħala attur vitali biex tonqos id-domanda għall-enerġija tal-UE. Dan inaqqas l-impronta ekoloġija tal-bniedem u jgħin fil-mitigazzjoni u l-adattament għall-effetti tat-tibdil fil-klima. Il-KESE jistenna li l-Pjan ta’ Azzjoni jiffaċilita s-settur billi jaħdem fuq dawn l-isfidi importanti għas-soċjetà.

1.4

Is-settur tal-kostruzzjoni, li jirrappreżenta kważi 10 % tal-PDG tal-UE, huwa kruċjali għas-saħħa tal-ekonomija inġenerali. Sabiex jinkiseb l-għan tat-tkabbir, ir-responsabbli nazzjonali mit-tfassil tal-politika għandhom jikkomunikaw mas-settur tal-kostruzzjoni kif għamlet il-Kummissjoni permezz ta’ din il-Komunikazzjoni u jaraw li s-settur, bil-kundizzjonijiet finanzjarji u regolatorji tajbin garantiti, jista’ jwassal għat-tkabbir, l-impjiegi u l-protezzjoni tal-ambjent li ċ-ċittadini tal-UE jixirqilhom bi dritt.

Il-KESE jemmen li s-settur tal-kostruzzjoni m’għandux bżonn appoġġ finanzjarju dirett bħalma huma s-sussidji, iżda li l-Pjan ta’ Azzjoni għandu jfittex li joħloq qafas ta’ politika u regolatorju li jippermetti lis-settur iwettaq bl-aħjar mod ir-rwol tiegħu ta’ kontributur għat-tkabbir ekonomiku, il-benesseri soċjali u l-ġestjoni ambjentali; dan jinkludi l-iżgurar ta’ fluss xieraq ta’ investiment pubbliku u ta’ finanzjament privat biex jiġu sostnuti proġetti vijabbli kif ukoll il-finanzjament tal-ekonomija tal-Istati Membri prinċipalment permezz ta’ self mill-banek, waqt li jiġu imposti miżuri immedjati u effettivi bil-għan li jitjieb l-aċċess tal-SMEs għall-kreditu, inkluż permezz tal-iżvilupp ta’ strumenti speċifiċi ta’ garanzija u kontrogaranzija.

1.5

Is-sempliċità, l-istabbiltà u l-koerenza tal-qafas regolatorju u ta’ standardizzazzjoni tal-UE huma fatturi kruċjali wkoll għall-kompetittività kemm interna kif ukoll esterna tas-settur tal-kostruzzjoni fl-Ewropa.

1.6

Il-KESE jagħraf sew li waqt li l-awsterità qed tibbilanċja mill-ġdid in-nuqqasijiet strutturali, mhix twassal għal tkabbir ġdid; minflok, qed tgħarraq il-kriżi ekonomika f’ħafna pajjiżi. Huwa meħtieġ investiment fil-bini u l-infrastruttura sostenibbli sabiex nassiguraw il-prospettivi futuri tal-Ewropa għat-tkabbir u l-impjiegi.

1.7

Is-soċjetà ċivili organizzata tistieden lill-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-gvernijiet tal-Istati Membri biex iqisu l-investiment fl-infrastruttura vitali u l-bini sostenibbli bħala kontribut strateġiku għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi fil-futur u mhux biss bħala forma oħra ta’ nfiq pubbliku. Barra minn hekk, il-KESE jirrakkomanda li investiment bħal dan m’għandux ikun użat fil-kalkoli tar-rendiment ta’ pajjiż fir-rigward tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.

1.8

Hemm potenzjal enormi sabiex titnaqqas id-domanda għall-enerġija permezz tar-rinovazzjoni tal-bini tal-UE li qed jiqdiem sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-UE biex jonqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra b’20% u jonqos il-konsum tal-enerġija b’20%. Azzjoni bħal din tnaqqas ukoll l-importazzjoni tal-enerġija fossili u tgħin biex ikun żgurat li iktar mill-ġid tal-UE jibqa’ fl-Ewropa, u għalhekk tgħin biex iżżomm u toħloq l-impjiegi matul il-kriżi ekonomika u finanzjarja attwali. Sabiex jintlaħaq dan il-potenzjal, il-pajjiżi għandhom jiżguraw li jkun hemm inċentivi finanzjarji u fiskali adegwati disponibbli biex imexxu s-suq lejn iktar frankar tal-enerġija u biex jiżguraw li tonqos id-differenza fil-ħiliet.

1.9

Hemm sfida enormi oħra biex tiġi aġġornata l-infrastruttura Ewropea għat-trasport, l-enerġija u l-broadband biex jintlaħqu l-ħtiġijiet tal-ġenerazzjonijiet futuri u jiżguraw il-kompetittività u l-attrazzjoni internazzjonali tal-Ewropa bħala destinazzjoni għall-Investiment Dirett Barrani (IDB). Jekk il-gvernijiet jonqsu milli jifhmu l-importanza ta’ dan it-tip ta’ investiment, l-Ewropa tkun fir-riskju li tibqa’ lura meta mqabbla ma’ partijiet oħra tad-dinja, kemm ekonomikament kif ukoll fil-benesseri soċjali.

1.10

It-tibdil demografiku jikkostitwixxi sfidi ġodda għall-ambjent mibni li s-settur se jkollu bżonn jindirizza. Dawn jinkludu l-effetti fuq l-aċċess għall-ambjent mibni ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ. Il-KESE jinnota l-ħidma kontinwa tal-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN), skont mandat mill-Kummissjoni Ewropea, biex jadatta standards rilevanti għall-prinċipji ta’ “Disinn għal kulħadd”. Barra minn dan, is-settur tal-kostruzzjoni qed ikollu jiffaċċja l-isfida tal-forza tax-xogħol li qed tixjieħ. F’dan ir-rigward, il-KESE jfakkar fl-Istateġija Ewropa 2020 għal Tkabbir Intelliġenti, Sostenibbli u Inklużiv (1) u fl-isfida għall-ekonomija inġenerali.

1.11

Barra mill-kontribuzzjoni tas-settur tal-kostruzzjoni għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, l-adattament għall-effetti tat-tibdil fil-klima jpoġġi sfidi ġodda għall-ambjent mibni, li s-settur se jkollu jindirizza. Dawn jinkludu l-effetti ta' temp estrem li jitlob ambjent mibni iktar reżistenti, kif ukoll strutturi protettivi xierqa. Il-KESE jisħaq dwar il-bżonn li dan jittieħed f’kunsiderazzjoni wkoll fil-metodoloġiji tekniċi standardizzati eżistenti bħall-Eurocodes.

1.12

Il-kostruzzjoni għandha rwol vitali f’dawn l-isfidi sakemm l-investiment meħtieġ ikun disponibbli u, għalkemm il-bonds tal-proġetti huma mod kif jinġabru finanzjamenti privati addizzjonali għall-proġetti, dawn ma jistgħux jieħdu post ir-rwol tal-investment pubbliku.

1.13

Ħafna kumpaniji fis-settur tal-kostruzzjoni, speċjalment l-SMEs, qed iħossu pressjoni kbira minħabba l-ħlasijiet tard mill-klijenti tas-settur pubbliku, u tas-settur privat. Id-Direttiva 2011/7/UE relatata mal-ġlieda kontra l-Ħlasijiet Tard għandha tkun infurzata sew biex tiżgura li l-kumpaniji jkunu jistgħu jibqgħu fuq saqajhom. Sabiex id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/7/UE u l-objettivi tagħha jitwettqu bis-sħiħ, il-KESE jisħaq b’mod partikolari dwar il-ħtieġa li l-iskadenza għall-ħlas/ir-riċeviment fil-kuntratti relatati mal-akkwisti pubbliċi titnaqqas għal massimu ta’ 30 ġurnata – permezz tal-ħlas effettiv tal-fatturi – billi jiġu adottati miżuri baġitarji u amministrattivi adegwati (inkluż il-ksib ta’ krediti bankarji sabiex jitħallsu l-arretrati). Il-KESE jsostni l-ħtieġa li tiġi riżolta wkoll, b’mod prijoritarju, il-problema tal-arretrati li jkunu mmaturaw qabel ma tiġi trasposta d-Direttiva 2011/7/UE, peress li t-tardjar fil-ħlas tal-fatturi importanti relatati ma’ kuntratti ta’ akkwisti pubbliċi għandu impatt qawwi fuq il-kompetittività, ir-rendiment u s-sostenibbiltà tal-impriżi. Dawk il-pajjiżi li s’issa kellhom żmien iqsar għall-ħlasijiet m’għandhomx jużaw id-derogi tad-Direttiva biex itawlu dan iż-żmien. F’dan il-qafas, il-KESE jirrakkomanda li perjodu ta’ 30 ġurnata għall-ħlas għandu jkun il-massimu aċċettat għall-ħlasijiet tal-fatturi (inklużi l-aċċettazzjoni u l-verifika).

1.14

Sabiex ma jiġux kompromessi jew jitnaqqsu b’mod sostanzjali l-opportunitajiet ta’ rkupru ekonomiku, il-KESE jenfasizza l-importanza li jitkompla u jissaħħaħ is-self mill-banek għall-investiment u l-ekonomija reali, u jirrakkomanda li tiġi evitata prudenza eċċessiva fl-għoti ta’ self kif ukoll li ma tingħatax preferenza għall-iżvilupp ta’ investiment f’titoli finanzjarji, għad-detriment tal-kreditu lill-kumpaniji li baqgħu attivi matul il-kriżi. Krediti żgħar temporanji (bridging loans) huma vitali għal ħafna kumpaniji biex ikunu jistgħu jibqgħu attivi, speċjalment l-SMEs. Għalhekk, it-tnaqqis attwali fis-self mill-banek huwa ta’ theddida serja għall-vijabbiltà ta’ dawn l-intrapriżi. Sabiex ma tiggravax iktar id-diffikultà tas-self, regoli prudenzjali finanzjarji bħal dawk stabbiliti mill-ftehim Basel III m’għandhomx iwasslu għal iktar tnaqqis fis-self mill-banek lejn l-ekonomija reali. Biex dan jitlaħaq, is-self irħis mill-BĊE għandu jkun ikkundizzjonat mill-obbligu li parti importanti minnu trid tkun ta’ benefiċċju għall-ekonomija reali.

1.15

Parti importanti mill-ħolqien ta’ settur tal-kostruzzjoni sostenibbli u kompetittiv huma l-kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin fis-settur. Ir-rapport ta’ Atkins lura fl-1993 (2) ikkonkluda li s-settur tal-kostruzzjoni li huwa dipendenti fuq forom ta’ impjiegi prekarji, bħal min mhux tassew jaħdem għal rasu, joħloq nuqqas ta’ inċentivi għall-produttività. Għalhekk, il-Pjan ta’ Azzjoni għandu jinkludi strateġiji li jistabilizzaw l-impjieg u jiġġieldu l-prattiċi illegali, bħal-qgħad falz, fis-settur.

1.16

Hi x’inhi l-forma ta’ impjieg, hemm bżonn li jiġu implimentati inċentivi biex itejbu l-ħiliet tal-forza tax-xogħol u joffru possibilitajiet ta’ tagħlim tul il-ħajja.

1.17

L-evitar tar-regoli u l-obbligi soċjali jgħawwġu s-suq tal-kostruzzjoni. Għalhekk għandhom jiġu żgurati kundizzjonijiet indaqs għall-kompetizzjoni, abbażi tal-konformità mar-regolamentazzjoni u l-kundizzjonijiet soċjali attwali fis-seħħ fil-pajjiż tax-xogħol. Biex dan jintlaħaq, għandhom jiġu applikati l-mekkaniżmi adegwati ta’ infurzar għal kundizzjonijiet sikuri fil-pajjiż ospitanti.

1.18

Il-KESE jsejjaħ lill-istituzzjonijiet Ewropej u lill-Istati Membri biex isaħħu l-politiki u jieħdu azzjonijiet konkreti kontra l-influwenza tal-korruzzjoni u tal-organizzazzjonijiet kriminali fuq is-sejħiet għal offerti pubbliċi prinċipalment fuq proġetti infrastrutturali kbar, li joħolqu kompetizzjoni inġusta u inaċċettabbli permezz tal-użu ta’ theddid u vjolenza u b’hekk inaqqsu l-ħelsien u d-demokrazija.

1.19

Il-KESE jenfasizza li l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu japplikaw miżuri ta’ kontroll attwali u addizzjonali jew formalitajiet ammistrattivi li jqisu effettivi u neċessarji. Dawn jinkludu l-obbligu li jiżguraw li dawn il-kontrolli, mekkaniżmi ta’ monitoraġġ u infurzar, kif ukoll ispezzjonijiet effettivi u adegwati, jitwettqu verament sabiex tkun żgurata l-konformità mal-liġi nazzjonali u mad-Direttiva dwar l-impijeg tal-ħaddiema (96/71/EC ).

1.20

Il-ħaddiema migranti għandhom ikunu intitolati għall-kundizzjonijiet soċjali minimi u/jew trattament indaqs bħall-kundizzjonijiet u r-regolamenti tal-pajjiż ospitanti. Għandhom jiġu introdotti mekkaniżmi adegwati ta’ infurzar biex jiġġieldu d-dumping soċjali u t-trattament mhux ugwali tal-ħaddiema migranti.

1.21

Hemm bżonn li jiġi aġġornat is-sehem tar-riċerka u l-iżvilupp fis-settur tal-kostruzzjoni bħala għodda biex tittejjeb il-produttività. Hemm bżonn politika favur l-innovazzjoni kontinwa, favur produttività ogħla bbażata fuq il-kompetenza tal-forza tax-xogħol, favur il-prodotti ġodda intelliġenti u l-organizzazzjoni tax-xogħol intelliġenti kif ukoll favur impjiegi ta’ kwalità. F’dan ir-rigward, it-teknoloġija ambjentali tista’ tkun wieħed mill-ixpruni għall-iżvilupp ġdid.

1.22

Il-KESE jappoġġja kundizzjonijiet kuntrattwali ġusti u bbilanċjati, li għandhom jintużaw f’kull Stat Membru tal-UE u għandhom jinkludu kumpaniji minn barra l-UE attivi fis-suq tal-kostruzzjoni tal-UE. Il-promozzjoni tal-Aktar Offerta Ekonomikament Vantaġġuża (minflok “l-irħas prezz”) kif ukoll approċċ konsistenti fir-rifjut ta’ offerti baxxi wisq, huma pilastri essenzjali għall-kompetizzjoni effiċjenti u ġusta.

1.23

Biex il-kostruzzjoni twassal għall-iżvilupp sostenibbli aħjar, il-KESE jirrakkomanda li l-assi għandhom ikunu valutati u stmati fuq iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tagħhom. Fejn xieraq, valutazzjonijiet bħal dawn għandhom ikunu bbażati fuq standards imfassla u adottati mill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN).

1.24

Il-KESE jilqa’ l-ħolqien tal-forum ta’ livell għoli tal-UE dwar il-kostruzzjoni u huwa ħerqan li jieħu sehem fih sabiex tiżdied il-koerenza tal-politika tal-UE marbuta mas-settur tal-kostruzzjoni.

2.   Il-kuntest

2.1

Il-kriżi finanzjarja tal-2008 u b’konsegwenza, ir-riċessjoni ekonomika fl-attività tal-kostruzzjoni, kellhom impatt serju fuq is-settur tal-kostruzzjoni fis-27 pajjiż tal-UE. Ir-ritorn għat-tkabbir dam minħabba li bdiet il-kriżi tad-dejn sovran fiż-żona tal-euro u l-impożizzjoni ta’ programmi ta’ awsterità f’ħafna Stati Membri.

2.2

Madanakollu, fl-2011 is-settur tal-kostruzzjoni laħaq fatturat ta’ EUR 1 208 biljun, li jirrappreżenta 9,6 % tal-PDG tal-UE-27 u 51,5 % tal-formazzjoni grossa tal-kapital fiss (3).

2.3

F’termini ta’ intrapriżi, is-settur tal-kostruzzjoni jgħodd mat-3,1 miljun kumpanija li 95 % minnhom huma SMEs b’inqas minn 20 impjegat u 93 % minnhom għandhom inqas minn 10 ħaddiema.

2.4

Is-settur tal-kostruzzjoni huwa l-ikbar impjegatur industrijali fl-Ewropa b’14,6 miljun ħaddiem fl-2011, li jirrappreżenta 7 % tal-impjiegi totali u 30,7 % tal-impjiegi industrijali. Sa mill-2008, l-impjiegi naqsu kontinwament.

2.5

Jekk tikkunsidra l-effett multiplikatur (persuna waħda f’dan is-settur tfisser tnejn oħra li jaħdmu f’settur ieħor relatat), hemm 43,8 miljun ħaddiem fl-UE li jiddependu direttament jew indirettament mis-settur tal-kostruzzjoni.

2.6

F’għadd ta’ Stati Membri, is-settur tal-kostruzzjoni ntlaqat mill-istess tip ta’ fatturi ekonomiċi, li huma essenzjalment:

l-effetti fit-tul tal-kriżi tal-kreditu li naqqsu s-self;

it-tneħħija tal-miżuri li baqa’ biex tiġi rkuprata l-ekonomija;

il-bidu tal-kriżi tad-dejn sovran fis-sajf tal-2010;

u l-implimentazzjoni sussegwenti tal-miżuri ta’ awsterità madwar l-Ewropa.

2.7

L-isforzi nazzjonali ddgħajfu minħabba l-miżuri ta’ konsolidazzjoni baġitarji u fiskali, kif ukoll minħabba tnaqqis kbir fl-investiment sabiex tissolva l-kriżi tad-dejn sovran.

2.8

Is-sitwazzjoni dgħajfet iktar il-fiduċja fraġli tan-negozju u tal-konsumatur.

2.9

Huwa mistenni li l-produzzjoni totali tal-kostruzzjoni tonqos b’iktar minn 2 % fl-2012 minħabba tnaqqis fis-segmenti kollha tal-kostruzzjoni.

2.10

Analiżi tal-Bank Dinji tinkludi l-kostruzzjoni fost is-setturi fejn tidher il-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata:

l-assenjar ta’ proġetti skont l-interess politiku – mhux b’sejħa għall-offerti,

Il-modi ta’ akkreditament għall-proċedura taċ-ċertifkazzjoni tal-kostruzzjonijiet.

L-Istati Membri tal-UE jidentifikaw fenomeni ta’ korruzzjoni:

fil-prattiċi ta’ inġinerija finanzjarja u n-nuqqas ta’ ħlas fil-ħin għax-xogħol li wettqu l-kumpaniji tal-kostruzzjoni;

fiż-żamma ta’ ostakli tekniċi, amminstrattivi u regolatorji li jgħawġu l-proċess tas-sejħiet għall-offerti.

3.   Test propost mill-Kummissjoni

3.1

L-għanijiet tal-Istrateġija proposta huma li:

sal-2020, jiġu indirizzati l-isfidi ewlenin li qed tiffaċċja l-industrija tal-kostruzzjoni f’termini ta’ investiment, kapital uman, ħtiġijiet ambjentali u tal-enerġija, regolamentazzjoni u aċċess għas-suq;

jiġi propost pjan ta’ azzjoni fuq terminu qasir u medju biex jindirizza dawn l-isfidi.

3.2

L-għan ta’ din il-proposta huwa li:

tistimola d-domanda għal ambjent ta’ bini sostenibbli, b’mod partikolari r-rinovazzjoni tal-bini;

ittejjeb ir-rendiment tal-katina tal-provvista/valur u tas-suq intern għall-prodotti u s-servizzi tal-kostruzzjoni;

twessa’ l-prospettivi tas-suq għall-intrapriżi tal-kostruzzjoni tal-UE f’livell internazzjonali.

3.3

Il-Pjan ta’ Azzjoni propost jiffoka fuq il-ħames għanijiet li ġejjin:

3.3.1

l-istimolu ta’ kundizzjonijiet favorevoli għall-investiment,

3.3.2

it-titjib tal-bażi tal-kapital uman,

3.3.3

it-titjib fl-effiċjenza tar-riżorsi, fil-prestazzjoni ambjentali u fl-opportunitajiet kummerċjali,

3.3.4

it-tisħiħ tas-suq intern għall-kostruzzjoni,

3.3.5

it-trawwim ta’ pożizzjoni kompetittiva globali tal-intrapriżi tal-kostruzzjoni tal-UE.

3.4

F’termini ta’ governanza, huwa propost forum strateġiku tripartitiku (il-Kummissjoni, l-Istati Membri, il-partijiet interessati) biex jimmonitorja l-progress tal-implimentazzjoni tal-istrateġija.

4.   Stat attwali tas-settur tal-kostruzzjoni – analiżi SWOT (analiżi tal-aspetti b’saħħithom, id-dgħufijiet, l-opportunitajiet u t-theddidiet)

4.1   Aspetti b’saħħithom

4.1.1

Il-mitigazzjoni u l-adattament għall-effetti tat-tibdil fil-klima u t-tnaqqis tal-impronta ekoloġika tal-umanità huma negozju lokali u jħaddmu ħafna nies.

Għalhekk il-produzzjoni ma tistax tkun trasferita barra l-pajjiż u b’hekk l-impjiegi jibqgħu fl-UE.

43,8 miljun ħaddiem fl-UE-27 għadhom jiddependu direttament jew indirettament mis-settur tal-kostruzzjoni.

L-għadd kbir ta’ mikrointrapriżi u SMEs involuti fil-kostruzzjoni jfisser li s-settur huwa attività marbuta sew mal-komunitajiet lokali, u jirrifletti d-diversità tat-tradizzjonijiet u l-kulturi lokali.

F’ħafna Stati Membri, is-settur tal-kostruzzjoni, b’kollaborazzjoni ma’ istituzzjonijiet edukattivi vokazzjonali, għandu rwol ċentrali billi jipprovdi apprendistati għall-ħaddiema żgħażagħ u b’hekk jiżgura l-mobbiltà soċjali.

4.2   Dgħufijiet

4.2.1

F’ħafna pajjiżi, is-settur tal-kostruzzjoni huwa huwa karatterizzat minn regoli li jfixklu r-relazzjonijiet għall-kooperazzjoni bejn l-intrapriżi (pereżempju regoli ta’ responsabbiltà), b’katina tal-valur kumplessa u potenzjal qawwi għal kunflitti u ineffiċjenza. Dan itellef miż-żieda fil-kompetittività.

4.2.2

Minkejja t-titjib reċenti bħall-Manifest intitolat “Building Prosperity for the Future of Europe” (Insaħħu l-Prosperità għall-Futur tal-Ewropa), ippubblikat f’Novembru 2010 u ppubblikat mill-ġdid fit-28 ta’ Jannar 2013 speċifikament għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, mill-pjattaforma informali tal-European Construction Forum, is-settur tant fih partijiet interessati differenti li huwa diffiċli li jikkoordina l-fehmiet kollha u jitkellem b’leħen wieħed fuq livell Ewropew.

4.2.3

F’xi ċirkostanzi, is-settur huwa suxxettibbli għall-booms spekulattivi tal-proprjetà, kif ġara f’ħafna Stati Membri fl-ewwel għaxar snin tas-seklu 21, immexxija mid-disponibbiltà ta’ self b’interess baxx għall-iżvilupp tal-proprjetà.

4.2.4

Il-miżuri ta’ politika mmirati lejn il-promozzjoni ta’ forom speċifiċi ta’ kostruzzjoni – bħall-inċentivi fiskali għar-rinnovazzjoni effiċjenti fl-enerġija, l-attivitajiet ta’ adattar jew it-tariffi feed-in biex jappoġġjaw sorsi mikro-rinnovabbli – ta’ spiss mhumiex prevedibbli, huma għal żmien qasir u jispiċċaw qabel il-benefiċċji tagħhom jinħassu sew.

4.2.5

L-akkwist pubbliku huwa tradizzjonalment immexxi fuq il-bażi tal-irħas prezz. Tali pressjoni biex jitnaqqsu l-prezzijiet tal-offerta ma tħallix lill-kumpaniji jimmodernizzaw il-proċessi tagħhom u jinvestu fil-materjal ġdid u innovattiv. Barra minn hekk, sejħiet għall-offerti pubbliċi spiss ma jippermettux li jitressqu varjanti. In-nuqqas ta’ abilità li jiġu proposti varjanti, flimkien ma’ skemi ta’ assigurazzjoni restrittivi, huma ostakli oħra għaż-żieda fl-innovazzjoni.

4.2.6

L-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni huwa baxx fis-settur tal-kostruzzjoni meta mqabbel ma’ industriji oħra. Dan huwa minħabba n-natura frammentata tas-settur, in-natura regolata ħafna u preskritta tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni u l-marġni ta’ profitt tradizzjonalment baxx fil-kostruzzjoni. Madanakollu, il-KESE jieħu nota tas-Sħubija Pubblika Privata għall-effiċjenza fl-enerġija (EeB) li tgħaqqad flimkien l-appoġġ għar-riċerka u l-iżvilupp mill-Unjoni Ewropa mal-kofinanzjament imqabbel mis-settur privat.

4.2.7

Minkejja l-passi kbar li saru f’dawn l-aħħar snin, is-settur tal-kostruzzjoni għadu jbati minn problema ta’ immaġini u t-titjib tar-rekord ta’ ħidma rigward is-saħħa u s-sikurezza jibqa’ prijorità. B’mod iktar ġenerali u minkejja r-riċessjoni, l-industrija għadha ma tattirax biżżejjed inġiniera mħarrġa mill-universitajiet. Bil-bidliet demografiċi, din il-problema se tiżdied. Is-settur stess għandu jindirizza din il-problema ta’ immaġini u jirnexxielu jattira ħaddiema żgħażagħ kwalifikati.

4.3   Opportunitajiet

4.3.1

Il-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini hija opportunità immensa għas-settur sabiex tiżdied l-attività bit-teknoloġiji eżistenti. Madankollu, il-gvernijiet nazzjonali jridu jirrikonoxxu l-potenzjal u jipprovdu l-appoġġ finanzjarju u l-inċentivi fiskali meħtieġa.

4.3.2

L-Istati Membri u l-Unjoni Ewropea għandhom jikkoordinaw programmi ta’ investiment fuq skala kbira fil-bini u l-infrastruttura ewlenija li jwasslu għal ammonti ogħla minn dawk proposti mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss.

4.3.3

Fi żmien medju u fit-tul, is-settur għandu l-potenzjal li jwassal għal ekonomija sostenibbli, b’livell ta’ karbonju baxx, jekk ikun hemm l-inċentivi regolatorji u finanzjarji meħtieġa fis-seħħ.

4.3.4

Is-settur tal-kostruzzjoni se jkun minn ta’ quddiem fit-tweġiba għall-isfidi tal-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima.

4.3.5

L-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda bbażati fuq l-IT bħall-Immudellar tal-Informazzjoni dwar il-Bini (Building Information Modelling – BIM) qed jgħin biex imexxi l-innovazzjoni u jtejjeb l-effiċjenza fis-settur.

4.4   Theddidiet

4.4.1

It-theddida prinċipali li s-settur tal-kostruzzjoni qed jiffaċċja hija n-nuqqas ta’ investiment privat u pubbliku li diġà wassal għall-falliment ta’ negozji vijabbli u kkawża tnaqqis kbir fl-impjieg sa mill-2008. Reċessjoni għal żmien twil fis-settur tal-kostruzzjoni se twassal għal telf permanenti ta’ periti, disinjaturi, inġiniera u persuni tas-sengħa.

4.4.2

Marbuta ma’ dan, theddida oħra li s-settur tal-kostruzzjoni qed jiffaċċja hija l-forza tax-xogħol li qed tixjieħ u n-nuqqas ta’ ħaddiema żgħażagħ imħarrġa biex jieħdu posthom. Ċifri mill-Ġermanja juru li fl-2011, 44 % tal-forza tax-xogħol kellhom iktar minn 45 sena.

4.4.3

Theddida oħra hija l-wasla ta’ kuntratturi minn pajjiżi terzi fis-suq tal-akkwist tal-UE. Dawn il-kumpaniji, spiss ta’ proprjetà pubblika, użaw finanzjament minn pajjiżhom biex inaqqsu l-kompetizzjoni ġusta f’eżempji bħall-każ tal-awtostrada A2 fil-Polonja fl-2009, fejn kienet involuta ditta tal-Istat Ċiniż. Kompetizzjoni inġusta bħal din tnaqqas il-kwalità fil-kostruzzjoni kif ukoll iddgħajjef is-salarji tal-ħaddiema lokali tal-kostruzzjoni.

4.4.4

Il-pressjoni mill-awtoritajiet biex jiffrankaw il-flus fl-offerti pubbliċi spiss qed twassal għal offerti anormalment baxxi (ALTs – abnormally low tenders). Offerti bħal dawn inaqqsu l-kwalità tal-ambjent mibni, jheddu l-benesseri soċjali tal-ħaddiema u jżidu l-ispejjeż fit-tul.

4.4.5

Is-settur tal-kostruzzjoni huwa diġà attività regolata ħafna u bir-raġun, iżda leġislazzjoni adottata fil-livell tal-UE li tindirizza r-riskji tas-settur tal-kostruzzjoni tista’ tkun kontroproduċenti jekk ma tkunx ikkoordinata.

4.4.6

In-natura mobbli ħafna tal-impjieg hija waħda mill-karatteristiċi ewlenin tas-settur tal-kostruzzjoni fl-UE. L-impjegar ta’ ħaddiema minn pajjiżi oħra, speċjalment persuni li jaħdmu għal rashom u persuni sekondati temporanjament, m’għandux jintuża bħala forma ta’ dumping soċjali, biex il-kumpaniji jevitaw li jħallsu l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u jevadu l-obbligi soċjali fis-seħħ fil-pajjiż ospitanti.

4.4.7

Għall-industrija tal-materjal għall-kostruzzjoni, l-aċċess għal materja prima fil-ġejjieni, kif ukoll l-effiċjenza tar-riżorsi, huma sfidi enormi.

5.   Il-fehmiet ekonomiċi, soċjali u tas-soċjetà ċivili organizzata

5.1

Il-fehmiet espressi fis-seduta organizzata mis-CCMI fid-19 ta’ Diċembru 2012 enfasizzaw l-aspetti prinċipali li ġejjin:

5.1.1

il-pubblikazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni hija f’waqtha, u tinkludi ħafna mill-elementi li l-industrija tal-kostruzzjoni qed tistenna;

5.1.2

l-istrateġija proposta ma tkoprix it-tattiċi biex jiġi indirizzat l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq l-industrija;

5.1.3

il-finanzjament tal-proġetti u x-xejra lejn il-ħlasijiet tard jibqgħu kwistjonijiet importanti fuq l-aġenda tal-industrija tal-kostruzzjoni;

5.1.4

hemm tixjieħ akut fil-forza tax-xogħol tal-kostruzzjoni li għandu bżonn ikun indirizzzat billi jiġu attirati ħaddiema żgħażagħ tas-sengħa;

5.1.5

huwa meħtieġ approċċ imsaħħaħ sabiex jissolvew it-theddid u n-nuqqasijiet prinċipali u biex ikun żgurat li jintlaħqu l-għanjiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 u tat-TEN;

5.1.6

mingħajr kwalità għolja fid-disinn u l-eżekuzzjoni, mhux se nilħqu l-kostruzzjoni sostenibbli jew il-kompetittività sostenibbli fis-settur tal-kostruzzjoni. Id-disinn u l-eżekuzzjoni ta’ kwalità għolja ma jistgħux jinkisbu b’offerti bbażati biss fuq “il-kriterju tal-irħas prezz” li jinjoraw l-ispejjeż fuq tul ta’ żmien;

5.1.7

l-akkwist pubbliku għas-servizzi tal-kostruzzjoni li tradizzjonalment jaħdem abbażi tal-inqas spejjeż ma jħallix li l-kumpaniji jimmodernizzaw il-proċessi tagħhom u jinvestu fil-materjali ġodda u innovattivi. L-innovazzjoni hija mxekkla iżjed minn skemi ta’ assigurazzjoni li jippenalizzaw lill-kumpaniji li jixtiequ jvarjaw il-prattiċi tax-xogħol tagħhom jew jużaw materjal innovattiv;

5.1.8

hemm nuqqas ta’ ugwaljanza fil-kompetizzjoni bejn il-kumpaniji fil-pajjiżi tal-OECD u tal-pajjiżi BRICS, li għandha bżonn soluzzjoni;

5.1.9

VAT imnaqqsa għall-akkomodazzjoni bi prezz raġonevoli tista’ terġa’ tiġi studjata bħala stimolu possibbli;

5.1.10

is-sħubija soċjali fl-industrija tal-kostruzzjoni, li ġġenerat għadd ta’ NGO paritarji, għandha wkoll tkun aktar żviluppata u mtejba fl-Istati Membri, flimkien mad-djalogu soċjali, sabiex jiġu indirizzati l-isfidi speċifiċi ħafna li l-industrija qed tiffaċċja (is-saħħa u s-sigurtà, it-taħriġ, il-ħlas tal-ġranet frank eċċ);

5.1.11

kodiċi ta’ etika huwa meħtieġ u xieraq sabiex jonqos l-impatt tal-korruzzjoni;

5.1.12

hemm bżonn ta’ komunikazzjoni mtejba dwar il-politiki ta’ investiment sabiex jitjiebu l-istrateġiji tal-kumpaniji, li bħalissa spiss huma bbażati fuq is-sopravivenza tagħhom għal żmien qasir;

5.1.13

il-forum ta’ livell għoli dwar il-kostruzzjoni maħluq mill-Kummissjoni, li se jibda l-ħidma tiegħu f’Jannar 2013, huwa ferm meħtieġ u l-KESE għandu jkun parti minnu.

6.   Kummenti ġenerali

6.1

L-iżvilupp previst tas-settur tal-kostruzzjoni huwa kkaratterizzat minn:

il-prestazzjoni enerġetika tal-bini, l-effiċjenza tar-riżorsi fil-manifattura, it-trasport, l-użu tal-prodotti għall-bini u l-kostruzzjoni tal-infrastruttura;

l-ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju bħala impatt enormi fuq is-settur tal-kostruzzjoni u l-bini;

sfidi globali, li huma:

il-kompetizzjoni globalizzata żbilanċjata;

l-effiċjenza enerġetika;

il-bini sostenibbli;

ir-reżiljenza għad-diżastri;

l-ambjent klimatiku ta’ ġewwa;

l-irkupru, ir-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid tal-bini u tal-materjal;

id-disinn li jaqbel mat-talba tal-klijenti tal-ġejjieni;

it-tixjiħ tal-forza tax-xogħol;

il-proċeduri tal-akkwist pubbliku;

is-sħubijiet pubbliċi-privati;

kwistjonijiet speċifiċi għas-saħħa u s-sikurezza;

l-etika tan-negozju.

6.2

Hemm bżonn ta’ “katina tan-nutriment” fis-settur tal-kostruzzjoni bejn l-atturi involuti: il-kumpaniji tal-kostruzzjoni, il-pjanifikaturi, il-periti, id-disinjaturi, l-iżviluppaturi, eċċ għandhom ikunu involuti fl-oqsma ta’ għarfien bħall-finanzjamenti, l-assigurazzjoni, l-akkwist, il-marketing u l-edukazzjoni.

6.3

Sabiex tiġi miġġielda l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, il-kumpaniji ta’ kostruzzjoni qed ifasslu firxa wiesgħa ta’ azzjonijiet u riformi strutturali, inklużi:

it-tneħħija ta’ ostakli tekniċi, ammistrattivi u regolatorji li l-proċeduri tas-sejħiet għall-offerta fl-infrastruttura, il-kostruzzjoni u x-xogħol ta’ assemblar, billi jissemplifikaw il-qafas regolatorju speċifiku u jagħtu responsabbilitajiet deċiżi lill-attur involuti;

ir-reviżjoni tal-mekkaniżmi attwali tal-kuntratti u tal-ħlasijiet li jiġu applikati meta jiġu involuti fondi tal-UE, billi jitjieb il-fluss tad-dokumenti, tiżdied ir-responsabbiltà tal-entitjiet ta’monitoraġġ u kontroll u jsir użu tal-kont miżmum minn terzi, għal kull proġett. L-awditjar u l-kontroll konġunt u reċiproku, kemm tal-benefiċjarju kif ukoll tal-kumpanija tal-kostruzzjoni, fir-rigward ta’ ħlasijiet dovuti u xogħlijiet li jibbenefikaw minn finanzjament tal-Istat u tal-UE, skont proġetti implimentati bil-fondi Ewropej.

Brussell, 17 ta’ April 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni COM(2010) 2020, tat-3 ta’ Marzu 2010. Ewropa 2020: Strateġija għal ltkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv:

(2)  Secteur, Strategic Study on the Construction Sector: Final Report: Strategies for the Construction Sector, WS Atkins International (1993).

(3)  Rqpport statistiku tal-FIEC.