14.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 76/48


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Lejn aċċess aħjar għall-informazzjoni xjentifika: jingħataw spinta l-benefiċċji tal-investimenti pubbliċi fir-riċerka”

COM(2012) 401 final

2013/C 76/09

Relatur: is-Sur WOLF

Nhar is-17 ta’ Lulju 2012, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Lejn aċċess aħjar għall-informazzjoni xjentifika: jingħataw spinta l-benefiċċji tal-investimenti pubbliċi fir-riċerka

COM (2012) 401 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-8 ta’ Jannar 2013.

Matul l-486 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta’ Jannar 2013 (seduta tas-16 ta’ Jannar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’151 vot favur u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

L-aċċess għall-informazzjoni xjentifika huwa kundizzjoni essenzjali għas-suċċess tar-riċerka u l-promozzjoni tal-innovazzjoni u, b’hekk, għall-kompetittività tal-Ewropa. Dan jinkludi t-trasferiment tal-għarfien bejn ir-riċerkaturi, is-sħubijiet ta’ riċerka – b’mod partikolari bejn id-dinja tar-riċerka u l-intrapriżi – kif ukoll bejn ir-riċerkaturi u ċ-ċittadini.

1.2

Fid-dawl tal-kummenti ta’ hawn taħt, il-Kumitat jappoġġja l-għanijiet u l-proposti mressqa mill-Kummissjoni; huwa jemmen li bis-saħħa tal-internet dawn jistgħu jiffaċilitaw il-ħidma xjentifika u potenzjalment iżidu l-effiċjenza tagħha.

1.3

Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, jeħtieġ li jkomplu jiġu żgurati d-drittijiet tal-awtur u l-proprjetà intellettwali tar-riċerkaturi u l-organizzazzjonijiet tagħhom, li ma tiġix kompromessa l-libertà tax-xjenza u r-riċerka, u li r-riċerkaturi jinżammu ’l bogħod mill-piż amministrattiv żejjed jew ix-xogħol addizzjonali li jnaqqas l-effiċjenza tagħhom.

1.4

L-aċċess miftuħ (permezz tal-internet) għall-pubblikazzjonijiet xjentifiċi jestendi jew jikkomplementa l-libreriji abbażi tal-possibbiltajiet tekniċi tal-lum. Dan hu ta’ għajnuna kbira, qiegħed jintuża dejjem aktar u għandu jkompli jiġi monitorjat u żviluppat. Għandu jsir sforz biex tinkiseb simetrija globali bejn l-Ewropa u l-pajjiżi barra l-Ewropa.

1.5

Hemm bżonn li l-informazzjoni xjentifika tinżamm (jiġifieri l-ħżin tad-data xjentifika) għall-użu potenzjali fil-futur; illum dan jagħmel parti mill-prattika xjentifika tajba. Il-Kumitat jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li fil-futur tkompli tappoġġja l-infrastruttura meħtieġa għal dan il-għan. Peress li l-ħżin tad-data jiġi indirizzat b’mod aktar dettaljat fil-ftehimiet tal-proġetti, id-deċiżjoni teknika dwar l-ammont, il-format, il-livell ta’ dettall u d-deskrizzjoni (bil-metadata) għandha tittieħed b’mod speċifiku għal kull każ u flimkien mar-riċerkaturi kkonċernati.

1.6

Dan iqajjem il-kwistjoni tal-aċċess miftuħ (jiġifieri ġenerali, globali, mingħajr ħlas, mingħajr kontrolli u mingħajr kundizzjonijiet) għad-data xjentifika maħżuna permezz tal-internet. Din il-kwistjoni fiha ħafna aspetti, tikkonċerna l-kultura xjentifika attwali u għandha tiġi indirizzata b’mod differenzjat u kawt. Filwaqt li dan hu possibbli f’ċerti oqsma ta’ riċerka fejn l-aċċess miftuħ estern jista’ jkun utli u mingħajr ħsara, f’ħafna oqsma oħrajn hemm oġġezzjonijiet deċiżivi. Għalhekk mhux ta’ min jiġġeneralizza.

1.7

F’ċerti każijiet is-soluzzjonijiet possibbli għandhom jibnu b’mod gradwali u tentattiv fuq il-prattiki volontarji li normalment diġà jintużaw għall-iskambju awtoorganizzat tad-data (eż. CERN, l-internet) u għandhom dejjem jiġu ttestjati b’mod empiriku fi proġetti pilota bi ftehim max-xjentisti involuti fir-riċerka. Però l-proċeduri amministrattivi relatati ma’ dan m’għandhomx jintroduċu rekwiżiti ġodda jew proċeduri addizzjonali li jaħdmu kontra l-isforzi ta’ semplifikazzjoni li għadhom kif inbdew.

1.8

Minkejja dan, jista’ jkun utli, speċjalment f’każ ta’ simetrija globali bejn l-Ewropa u l-pajjiżi barra l-Ewropa, li jingħata aċċess miftuħ għal parti adegwata mid-data li fuqha jkunu bbażati l-pubblikazzjonijiet aċċessibbli b’mod ħieles, sakemm il-piż addizzjonali marbut ma’ dan ikun aċċettabbli u ġustifikat.

1.9

Dawn il-miżuri kollha joħolqu spejjeż addizzjonali għar-riċerkaturi u l-organizzazzjonijiet tagħhom, li kultant jistgħu jkunu konsiderevoli. Dawn għandhom jitqiesu b’mod sħiħ fl-ippjanar u l-allokazzjoni tal-baġit.

2.   Sinteżi tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni

2.1

Din il-Komunikazzjoni tikkonċerna l-azzjoni li beħsiebha tieħu l-Kummissjoni biex ittejjeb l-aċċess għall-informazzjoni xjentifika u biex tagħti spinta lill-benefiċċji tal-investimenti pubbliċi fir-riċerka.

2.2

L-għanijiet tal-azzjoni huma:

aċċess għall-pubblikazzjonijiet xjentifiċi;

konservazzjoni tal-informazzjoni xjentifika;

aċċess għad-data tar-riċerka.

2.3

Rigward l-aċċess għall-pubblikazzjonijiet xjentifiċi bħalissa jeżistu żewġ mudelli tal-pubblikazzjoni:

aċċess miftuħ “Gold”: il-ħlas tal-ispejjeż tal-pubblikazzjoni ma jibqax f’idejn il-qarrejja (permezz ta’ abbonamenti) iżda jmur f’idejn l-awturi. Is-soltu, dawn l-ispejjeż jitħallsu mill-università jew mill-istitut ta’ riċerka li r-riċerkatur huwa assoċjat miegħu, jew mill-aġenzija ta’ finanzjament li qed tappoġġja r-riċerka.

aċċess miftuħ “Green” (awtoarkivjar): l-artiklu ppubblikat jew il-manuskritt finali vvalutat mill-pari jiġi arkivjat mir-riċerkatur f’repożitorju onlajn qabel, wara jew flimkien mal-pubblikazzjoni tiegħu. L-aċċess għal dan l-artiklu ta’ spiss jiġi ttardjat (“perjodu ta’ embargo”) fuq talba tal-pubblikatur ħalli b’hekk l-abbonati jibqa’ jkollhom benefiċċju miżjud.

2.4

Barra minn hekk jiġi ppreżentat kalendarju ta’ kif dawn l-għanijiet jistgħu jintlaħqu pass wara ieħor matul il-perjodu tal-Orizzont 2020.

3.   Kummenti tal-Kumitat

Is-suġġett ta’ din l-Opinjoni hu l-aċċess miftuħ, jiġifieri ġenerali, mingħajr ħlas, globali u mingħajr limiti, permezz tal-internet għall-pubblikazzjonijiet futuri u d-data ta’ riċerka li jkunu bbażati fuqha, liema data normalment diġà tkun disponibbli f’format diġitali.

3.1   Stqarrijiet preċedenti

Fl-Opinjoni tiegħu dwar “il-Kooperazzjoni u t-trasferiment tal-għarfien bejn l-organizzazzjonijiet ta’ riċerka, l-industrija u l-SMEs – prerekwiżit importanti għall-innovazzjoni” (1), il-Kumitat kien diġà tkellem dwar is-suġġett diskuss hawnhekk u ressaq xi kummenti bażiċi li għadhom validi. Dawn kienu marbutin mal-għan li jittejjeb it-trasferiment tal-għarfien bejn is-sħubijiet ta’ riċerka (speċjalment bejn id-dinja tar-riċerka u l-intrapriżi). Dan tqies bħala fattur essenzjali biex tissaħħaħ l-innovazzjoni u, b’hekk, il-kompetittività tal-Ewropa. Il-kummenti kienu jikkonċernaw ukoll il-mod kif tiġi indirizzata l-proprjetà intellettwali li tinħoloq fil-proċess tar-riċerka u l-innovazzjoni, kif ukoll il-libertà tal-arti u x-xjenzi (2)  (3).

3.2   Id-drittijiet tal-awtur u l-proprjetà intellettwali

Id-drittijiet tal-awtur u l-proprjetà intellettwali tar-riċerkaturi u l-organizzazzjonijiet tagħhom jikkonċernaw minn banda r-rikonoxximent li nkiseb għarfien jew saret skoperta xjentifika għall-ewwel darba, normalment billi jiġu dokumentati l-awturi f’pubblikazzjoni, u mill-banda l-oħra jirrigwardaw ir-rikonoxximent, u jekk jagħti l-każ, id-drittijiet tal-użu (jew parti minnhom) tal-proċess kreattiv li fih l-għarfien ġdid jista’ jwassal għal innovazzjonijiet u skoperti ġodda, li ħafna drabi mbagħad jiġu protetti permezz ta’ privattiva. Għalhekk, il-Kumitat jilqa’ dak li tgħid il-Kummissjoni f’Kapitolu 4.1: “Il-politika ta’ aċċess miftuħ ma taffettwax il-libertà tal-awtur dwar jekk jippubblikax jew le u lanqas ma tinterferixxi mal-għoti ta’ privattivi jew ma’ kwalunkwe forma oħra ta’ sfruttament kummerċjali.”

3.3   Perjodu ta’ grazzja li ma jagħmilx ħsara lill-innovazzjoni

Jekk wieħed jippubblikax ir-riżultati xjentifiċi tiegħu fi stadju bikri u b’hekk jitlef id-dritt tal-innovazzjoni fuq skoperti li jistgħu jsiru permezz ta’ dawn ir-riżultati, jew inkella jekk jistenniex sabiex jevita dan u b’hekk jaf jitlef id-dritt ta’ prijorità pereżempju rigward xi skoperta, hija dilemma diffiċli li kultant tista’ tinvolvi xi telf. Sabiex tittaffa din id-dilemma, il-Kumitat itenni r-rakkomandazzjoni tiegħu li jiġi previst perjodu ta’ grazzja li ma jagħmilx ħsara lill-innovazzjoni meta tiġi introdotta l-privattiva tal-UE (4).

3.4   L-eżempju tal-liġi dwar il-privattivi

Matul għexieren ta’ snin ta’ żvilupp kontinwu f’livell internazzjonali, fil-liġi dwar il-privattivi ġie mfassal u stabbilit bilanċ tajjeb bejn, minn naħa, ir-rekwiżiti inizjali ta’ kunfidenzjalità relatati mal-proprjetà intellettwali u, min-naħa l-oħra, l-aċċess miftuħ għall-prodotti tagħha. Għalhekk, illum il-ġurnata l-applikazzjonijiet għall-privattivi jsiru pubbliċi wara 18-il xahar u jkunu disponibbli wkoll għal kulħadd fuq l-internet.

3.5   Id-data tar-riċerka

S’issa l-prattika komuni kienet, f’xi dixxiplini aktar minn oħrajn, li:

i.

id-data miġbura fil-proċess tar-riċerka abbażi ta’ data mhux ipproċessata l-ewwel tiġi kkalibrata u ċċekkjata għat-tiqjis żbaljat, tiġi ttestjata l-konsistenza tagħha fi proċess ta’ diskussjonijiet interni, tiġi evalwata l-importanza tagħha, u jekk ikun hemm bżonn tiġi kkomparata jew ikkombinata ma’ data mkejla oħra, qabel ma tkun tista’ titpoġġa f’sett tad-data validu u affidabbli u ssir disponibbli għall-pubbliku; u

ii.

ir-riċerkaturi involuti jkunu l-ewwel nies li jirrappurtaw dwar din id-data fil-pubblikazzjonijiet, jinterpretaw ir-riżultati u jisiltu l-konklużjonijiet.

3.6   Approvazzjoni ġenerali

Fid-dawl ta’ dak li jintqal hawn fuq, il-Kumitat jappoġġja l-għanijiet stabbiliti mill-Kummissjoni. Huwa jemmen li bis-saħħa tal-internet dawn jistgħu jiffaċilitaw il-ħidma xjentifika u potenzjalment iżidu l-effiċjenza tagħha. Jirrakkomanda li l-approċċi jew il-proċessi mibdija jkomplu jiġu żviluppati bil-mod il-mod, u dejjem bil-kollaborazzjoni tax-xjentisti involuti b’mod attiv fir-riċerka. F’dan ir-rigward għandhom jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tad-dixxiplini differenti ta’ riċerka, u r-riċerkaturi għandhom jinżammu ’l bogħod mill-piż amministrattiv żejjed jew ix-xogħol addizzjonali li jnaqqas l-effiċjenza tagħhom. It-taqsima li jmiss tippreżenta aspetti u limitazzjonijiet oħra.

4.   Kummenti speċifiċi tal-Kumitat

4.1   Aċċess miftuħ għall-pubblikazzjonijiet

L-aċċess miftuħ (permezz tal-internet) għall-pubblikazzjonijiet xjentifiċi jikkomplementa l-libreriji abbażi tal-possibbiltajiet tekniċi tal-lum. Dan hu ta’ siwi u għajnuna kbira, diġà qiegħed jintuża ħafna u għandu jkompli jiġi mmonitorjat u żviluppat bis-sħiħ.

4.1.1   “Gold” jew “Green”

Il-kwistjoni ta’ jekk jistax jew għandux jintlaħaq ftehim ma’ kull pubblikatur individwali dwar l-aċċess “Gold” jew dak “Green” hija waħda pjuttost prammatika u relatata mal-ispejjeż. L-importanti hu li jingħata aċċess bażiku għall-pubblikazzjonijiet xjentifiċi u tekniċi permezz tal-internet mingħajr ma jittardja wisq.

4.1.2   Spejjeż eċċessivi

Madankollu teżisti l-impressjoni li l-pubblikaturi ewlenin jitolbu ħlasijiet għoljin wisq għall-aċċess. Dan jista’ jitranġa bis-saħħa ta’ aktar kompetizzjoni fl-interazzjoni bejn l-awturi, l-edituri u l-pubblikaturi. Però fl-evalwazzjoni tar-riżultati xjentifiċi jaqdi rwol ukoll il-prestiġju tal-ġurnal fejn jiġu ppubblikati r-riżultati. Għalhekk il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tissokta bid-diskussjonijiet tagħha mal-organizzazzjonijiet xjentifiċi dwar kif jista’ jsir aktar titjib. Però dan m’għandux jillimita l-libertà tal-awturi li jagħżlu f’liema ġurnal jippubblikaw.

4.1.3   Preprints

Il-Kumitat jinnota l-prattika mifruxa li d-dinja akkademika tingħata aċċess minn qabel fil-forma ta’ preprints – anke fuq l-internet – għar-riżultati li jkunu għadhom qed jiġu evalwati mill-esperti esterni (referees) qabel il-pubblikazzjoni tagħhom f’ġurnal akkademiku. L-istess ħaġa tgħodd għall-preżentazzjonijiet waqt simpożji u konferenzi speċjalizzati, li b’hekk jaqdu rwol importanti ħafna biex ilaqqgħu flimkien lill-esperti.

4.1.4   Ftehimiet internazzjonali – simetrija

Fil-livell internazzjonali m’għandux ikun hemm żbilanċi kbar bejn l-UE u l-pajjiżi l-oħra. Jekk ix-xjentisti u l-pubbliku madwar id-dinja kollha jiksbu aċċess mingħajr ħlas għall-pubblikazzjonijiet xjentifiċi maħruġa fl-UE permezz tal-internet, hemm bżonn li anke x-xjentisti u l-pubbliku tal-UE jkollhom aċċess mingħajr ħlas għall-pubblikazzjonijiet xjentifiċi kollha maħruġin lil hinn mill-UE. Il-Kumitat jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni biex tikseb din is-simetrija permezz ta’ ftehimiet internazzjonali. Il-ħidma xjentifika tista’ tiġi ssemplifikata verament biss permezz ta’ fluss globali tal-informazzjoni.

4.1.5   Konferenzi speċjalizzati u libreriji

Fl-istess ħin, il-Kumitat iwissi li l-aċċess miftuħ (“open access”) ma jfissirx li l-forom l-oħra ta’ skambju ta’ informazzjoni u ideat isiru superfluwi jew irrilevanti. Ix-xogħol fuq il-kompjuter ma jiħux post l-effett stimulanti tat-taħdidiet u d-diskussjonijiet jew l-ambjent intellettwali ta’ librerija jew konferenza speċjalizzata.

4.2   Ħżin tad-data

Il-biċċa l-kbira tal-organizzazzjonijiet ta’ riċerka l-kbar diġà jinkludu l-ħżin tad-data fir-regoli tagħhom dwar il-prattiki xjentifiċi tajbin. Minħabba l-ammont kbir ħafna ta’ data miġbura llum il-ġurnata, dan il-kompitu hu l-ewwel u qabel kollox kwistjoni ta’ riżorsi u infrastruttura disponibbli, jiġifieri jinvolvi spejjeż konsiderevoli f’tagħmir u persunal biex jiġu vvalidati l-kwantitajiet ta’ data, u fejn ikun hemm bżonn biex tiġi ssortjata, imqassra, imnaqqsa jew imħassra d-data mhux ipproċessata, kif ukoll biex id-data tiġi annotata permezz ta’ metadata, u dan kollu mingħajr ma tintilef informazzjoni importanti. Hawnhekk għandha tiġi kkunsidrata r-relazzjoni bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji.

4.2.1   Appoġġ mill-Kummissjoni

Il-Kumitat jilqa’ l-miżuri li l-Kummissjoni ħadet jew beħsiebha tieħu biex tappoġġja l-ħżin tad-data tar-riċerka u l-infrastruttura meħtieġa għal dan il-għan.

4.2.2   Soluzzjonijiet speċifiċi

Il-Kumitat jaqbel mal-Kummissjoni li m’għandhomx jitfittxu soluzzjonijiet ġenerali, iżda kull qasam għandu jiddeċiedi b’mod indipendenti kemm ser jaħżen data u b’liema mezzi, kif ukoll x’tip ta’ standardizzazzjoni għandu jadotta. Hawnhekk għandhom jintużaw kemm jista’ jkun standards miftuħa u internazzjonali sabiex l-interoperabilità tkun possibbli.

4.3   Aċċess miftuħ estern għad-data

L-intenzjoni tal-Kummissjoni u oħrajn (5) li jippromovu l-aċċess (diġitali) miftuħ tissejjes b’mod partikolari fuq l-għanijiet li ġejjin:

a)

it-titjib tal-kwalità tad-diskors xjentifiku, għaliex b’mod ġenerali biex wieħed jifhem u jevalwa fil-fond ir-riżultati xjentifiċi ppubblikati, ikollu bżonn id-data analizzata u l-għodod użati għall-analiżi tagħha;

b)

iż-żieda tar-rendiment tal-fondi pubbliċi li jintużaw għall-ġbir tad-data permezz tal-użu mill-ġdid tad-data.

Il-Kumitat jista’ jibda billi jaqbel bis-sħiħ ma’ dawn l-għanijiet kollha.

Madankollu, il-mistoqsija hi xi strumenti għandhom jintużaw għal dan, kemm għandu jkun differenzjat u sa liema punt għandu jasal, x’piż addizzjonali (inkluż amministrattiv) huwa marbut miegħu u jekk dan il-piż huwiex ġustifikat mill-benefiċċju mistenni, u x’oġġezzjonijiet hemm għalih.

4.3.1   Prattiki attwali

Karatteristika essenzjali tar-riċerka xjentifika hi li l-proċess tal-għarfien flimkien mas-sorsi u d-data miksuba minnu jridu jkunu jistgħu jiġu mifhuma u riprodotti, u li l-konklużjonijiet mislutin għandhom jirreżistu kull diskussjoni u dibattitu. Għal dan il-għan, fil-komunità xjentifika hemm proċeduri stabbiliti sew u ta’ suċċess għal qabel, waqt u wara l-pubblikazzjoni fil-ġurnali, bħas-seminars, il-konferenzi, l-opinjoni tal-esperti, l-evalwazzjoni bejn il-pari, l-iskambju tal-informazzjoni u d-data, l-iskambju tal-persunal, eċċ. Barra minn hekk, issa qed jintużaw ukoll l-għodod moderni tal-aġenda diġitali. Fis-CERN (6) l-internet ġie propost għall-iskambju tad-data u qed ikompli jiġi żviluppat mal-imsieħba.

4.3.2   Azzjoni addizzjonali

Għaldaqstant, il-proposti tal-Kummissjoni għandhom jindirizzaw biss il-kwistjoni ta’ kif dawn il-proċessi ta’ organizzazzjoni awtonoma li ntużaw s’issa jistgħu jiġu kkomplementati, imtejba, issemplifikati u mfassla b’mod aktar effiċjenti. L-azzjoni konkreta addizzjonali ppjanata għal dan il-għan mhix ċara biżżejjed fil-Komunikazzjoni; jidher li l-miżuri ppjanati jinkludu proġetti pilota.

4.3.3   Problemi – diffikultajiet

Filwaqt li l-aspettattivi rigward l-aċċess miftuħ diġà ssemmew, hemm bżonn li jitqiesu l-problemi li għandhom jiġu solvuti, l-eċċezzjonijiet u d-diffikultajiet. Dawn tal-aħħar jikkonċernaw, pereżempju:

il-kunfidenzjalità fl-iżviluppi innovattivi, speċjalment flimkien mal-industrija (SMEs); il-kwistjoni tal-privattivi;

il-kunfidenzjalità b’rabta mad-data dwar il-pazjenti fir-riċerka medika;

il-garanzija tad-drittijiet (tar-riċerkaturi u l-organizzazzjonijiet ta’ riċerka) bħala awturi tad-data;

in-nuqqas ta’ ftehim fil-ġbir u l-interpretazzjoni tad-data flimkien mal-konsegwenzi relatati;

il-possibbiltà ta’ restrizzjonijiet fuq it-trasferiment tat-teknoloġija previsti fil-liġi dwar il-kontroll tal-esportazzjonijiet;

il-garanzija ta’ simetrija globali bejn l-UE u l-pajjiżi terzi;

l-ispejjeż f’persunal u tagħmir biex id-data rilevanti tiġi ffiltrata mill-ammonti kbar ta’ data mhux ipproċessata li ħafna drabi ma tkunx ċara, u biex din id-data tkun tista’ tinfiehem u tintuża minn persuni esterni.

Jidher ċar li dawn il-problemi jxekklu l-introduzzjoni ġenerali tal-aċċess miftuħ għad-data tar-riċerka.

4.3.4   Approċċ differenzjat

Għalhekk għandu jiġi adottat approċċ differenzjat. Il-Kumitat itenni li jeżistu oqsma fejn l-aċċess miftuħ estern għad-data tar-riċerka permezz tal-internet jista’ jkollu xi vantaġġi, bħad-data meteoroloġika, il-ġabriet ġenetiċi (gene pools), id-data demografika jew data oħra definita tajjeb u b’rilevanza statistika (għalkemm hawnhekk għad irid jiġi ċċarat kif għandha tiġi definita d-“data” stess).

Madankollu, fl-istess ħin jirrakkomanda approċċ aktar kawt, pereżempju fil-każ ta’:

i.

sperimenti kumplessi ħafna bħall-aċċelleraturi jew l-impjanti fejn isiru t-testijiet tar-riċerka dwar il-fużjoni; u

ii.

kull kooperazzjoni mar-riċerka industrijali, inklużi l-SMEs.

4.3.5   Proprju fl-aħħar każ, il-Kumitat jara kontradizzjoni inerenti bejn l-għanijiet li, minn banda, jiġi promoss l-aċċess miftuħ għad-data tar-riċerka u, mill-banda l-oħra, li tiżdied il-promozzjoni tal-innovazzjoni b’enfasi fuq is-sħubijiet bejn il-pubbliku u l-privat, eċċ., fejn il-kunfidenzjalità hija essenzjali. Madankollu, anke t-tentattiv li jinsab bilanċ bejn dawn l-għanijiet kontradittorji billi ssir distinzjoni bejn id-data li “ma tagħmilx ħsara” minn naħa, pereżempju dik tar-riċerka bażika, u d-data li twassal għall-innovazzjoni min-naħa l-oħra, pereżempju dik tar-riċerka applikata, mhuwiex mingħajr riskji. Dan għaliex distinzjoni ta’ dan it-tip a priori timplika li wieħed jista’ jara l-futur. Wara kollox, l-għarfien ġdid rivoluzzjonarju tal-hekk imsejħa riċerka bażika jista’ jkun partikolarment innovattiv, u b’hekk jekk jiġi ppubblikat kmieni wisq tista’ tintilef il-protezzjoni li toffri privattiva (ara wkoll il-punt 3.3). Għaldaqstant, hawnhekk għandha tinsab soluzzjoni prammatika li tixbah lil dik tal-pubblikazzjonijiet “normali” (ara l-punt 3.2 u l-punt 4.1 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni).

4.3.6   Approċċ volontarju

Għalhekk, ir-riċerkaturi f’kull proġett ta’ riċerka għandhom ikunu jistgħu jagħżlu b’mod ħieles jekk jagħtux aċċess miftuħ għad-data miksuba fil-proġett tagħhom b’ċerti kundizzjonijiet; u jekk jiddeċiedu li jagħmlu dan, għandhom ikunu jistgħu jagħżlu meta u x’livell ta’ dettall jagħtu. L-eżempju tas-CERN juri tajjeb li l-proċessi volontarji minn isfel għal fuq jakkomodaw il-kwistjoni diskussa hawnhekk aħjar mill-impożizzjoni tar-regoli. Il-Kumitat jirrakkomanda li titpoġġa fiduċja akbar fil-kapaċità tal-komunità xjentifika li torganizza lilha nnifisha. Għandha tiġi evitata kull impożizzjoni bil-forza (ara l-punt 4.3.10) fuq il-kultura xjentifika li s’issa kellha suċċess iżda li hi wkoll sensittiva.

4.3.7   Id-data fil-pubblikazzjonijiet

Jista’ jiġi kkunsidrat pereżempju li parti (ara l-punt 4.2) mid-data li fuqha jkunu bbażati l-pubblikazzjonijiet aċċessibbli permezz tal-aċċess miftuħ titħejja f’format elettroniku u tkun aċċessibbli b’mod miftuħ flimkien mal-pubblikazzjonijiet. Iżda hawnhekk wieħed ukoll jista’ jistaqsi u forsi jeżamina jekk il-benefiċċju mistenni mill-użu onlajn tad-data minn persuni terzi jiġġustifikax il-piż addizzjonali relatat fuq l-awturi inizjali, li jtellifhom mill-ħidma ta’ riċerka tagħhom.

4.3.8   Proġett pilota

Il-Kumitat jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni biex l-ewwel tniedi proġett pilota f’qasam adatt li ma tantx hu kumplikat sabiex tibda tikseb l-esperjenza. Għandu jsir rapport dwar il-valur miżjud miksub.

4.3.9   Burokrazija u aċċettazzjoni

L-iskuntentizza konsiderevoli ta’ ħafna riċerkaturi rigward il-burokrazija żejda min-naħa tal-Kummissjoni fil-proċeduri tal-applikazzjoni u tal-għoti naqset xi ftit bis-saħħa tal-isforzi favur is-semplifikazzjoni u l-kontinwità (7) fl-istrumenti ta’ għajnuna. Din l-iskuntentizza tista’ terġa’ tiżbroffa minħabba n-nuqqas ta’ ħsieb fit-tfassil tar-rekwiżiti ġodda, l-indħil fil-ħidma ta’ riċerka u l-ostakli burokratiċi ġodda.

4.3.10   L-interess ta’ min jipprovdi l-fondi

Fid-dibattitu dwar il-kwistjonijiet imsemmijin hawn fuq tqum ukoll il-mistoqsija ta’ jekk “min jipprovdi l-fondi” jew “min iħallas it-taxxi” – hawnhekk rappreżentati mill-Kummissjoni – għandux jesiġi bħala kundizzjoni għall-kontribut tiegħu li d-data kollha miksuba mir-riċerka tkun disponibbli b’mod miftuħ fuq l-internet, u jekk dan huwa l-każ, sa liema punt. Minkejja l-kummenti li jsiru fil-punti 3.1 u 3.2, id-diskussjoni f’din l-Opinjoni ma tiffokax fuq din il-kwistjoni. Proprju fl-interess ta’ “min jipprovdi l-fondi”, il-Kumitat aktar jixtieq ikun jaf xi proċeduri ta’ finanzjament u ta’ ġestjoni tar-riċerka jistgħu jintużaw biex jinkiseb l-aħjar riżultat xjentifiku u ekonomiku.

4.4   Piż addizzjonali fuq il-baġits tar-riċerka

Il-miżuri kollha proposti mill-Kummissjoni jneħħu l-piż minn fuq min jirċievi l-informazzjoni (pubblikazzjonijiet, data) li jħallas għal din l-informazzjoni. Dawn l-ispejjeż imbagħad iridu jintrefgħu minn min joħloq id-data u l-pubblikazzjonijiet, jiġifieri r-riċerkaturi u l-organizzazzjonijiet tagħhom. Għalhekk dawn l-ispejjeż iridu jiġi koperti mill-baġits tar-riċerka kkonċernati, u fir-riċerka ffinanzjata mill-UE dawn jittieħdu mill-baġit tal-Orizzont 2020. Għalhekk dawn l-ispejjeż iridu jiġu inklużi fl-ammont tal-għajnuna kkonċernata.

4.4.1

Għaldaqstant, b’aċċess miftuħ għall-pubblikazzjonijiet xjentifiċi, il-baġit tar-riċerka mhux talli jrid ikopri l-ispejjeż ta’ riċerka ġdida iżda wkoll dawk biex ir-riżultati jkunu aċċessibbli b’mod ġenerali.

4.4.2

L-istess jista’ jingħad għall-ispejjeż taż-żieda fil-ħżin tad-data u l-ispejjeż f’persunal u infrastruttura relatati ma’ dan (b’mod partikolari bħala prerekwiżit għall-punt 4.4.3).

4.4.3

Naturalment, dan japplika aktar u aktar għall-ispejjeż addizzjonali biex fejn ikun hemm bżonn jingħata aċċess pubbliku għad-data tar-riċerka kollha jew parti minnha.

4.5   Il-possibbiltà ta’ ideat żbaljati

Il-Kumitat għandu l-impressjoni li fid-dibattitu politiku, ċerti esiġenzi u raġunijiet relatati mal-aċċess miftuħ huma bbażati wkoll fuq ideat żbaljati dwar il-mod kif jaħdmu x-xjentisti u r-riċerkaturi u fuq il-mod ta’ kif ċittadin normali jifhem il-kwistjonijiet xjentifiċi. Normalment il-pubblikazzjonijiet xjentifiċi jinfiehmu biss mill-esperti fil-qasam, u għalhekk l-aċċess miftuħ jaqdi biss lill-esperti. L-istess ħaġa tista’ tingħad rigward l-aċċess għad-data tar-riċerka.

4.6   Tagħrif għaċ-ċittadini u l-atturi politiċi

Għalhekk, huwa daqstant ieħor importanti li jsiru sforzi biex il-messaġġi ewlenin tal-għarfien ġdid jitwasslu lill-pubbliku ġenerali. Il-Kumitat diġà enfasizza kemm-il darba l-importanza ta’ dawn l-istrateġiji u jirrikonoxxi l-isforzi tal-Kummissjoni b’rabta ma’ dan, inkluż il-CORDIS (8). Għandu jiġi enfasizzat l-impenn tax-xjentisti li huma kapaċi jispjegaw l-għarfien fil-qasam tagħhom b’mod li jifhmuh kemm jista’ jkun nies. Fl-aħħar nett, huwa importanti wkoll li l-atturi politiċi jkunu informati bl-aħjar mod dwar il-kontenut u l-importanza tal-għarfien xjentifiku kif ukoll dwar il-potenzjal ta’ aktar riċerka sabiex ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet fuq bażi soda.

4.7   Aċċess għall-għarfien espert

Il-kumpaniji u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili sikwit jilmentaw li m’għandhomx biżżejjed aċċess għal għarfien espert speċjalizzat. Għaldaqstant huwa importanti, b’mod partikolari għall-SMEs, li għall-inqas ikollhom aċċess għal espert intern jew estern li jifhem id-data jew għal organizzazzjoni ta’ konsultazzjoni ekwivalenti. Barra minn hekk, minn naħa l-Kumitat jirreferi għar-rakkomandazzjonijiet tiegħu (f’opinjoni preċedenti (9)) biex il-Kummissjoni toħloq magna tat-tiftix speċifika f’dan il-qasam, u min-naħa l-oħra jagħmel referenza għall-magna tat-tiftix (10) li għandu l-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi li bis-saħħa tagħha issa jistgħu jinsabu l-parti l-kbira tal-ispeċifikazzjonijiet tal-privattivi l-aktar reċenti li huma disponibbli madwar id-dinja.

4.8   Aċċess bl-internet għall-pubblikazzjonijiet preċedenti

Lil hinn mis-suġġett diskuss hawnhekk, huwa interessanti, speċjalment għall-istudji umanistiċi, li l-pubblikazzjonijiet oriġinali qodma jkunu disponibbli wkoll b’mod elettroniku fuq l-internet. Minkejja li mhux is-suġġett tal-Opinjoni preżenti, il-Kumitat jilqa’ bis-sħiħ kull sforz marbut ma’ dan.

Brussell, 16 ta’ Jannar 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU C 218, 11.9.2009, p. 8 – Kapitolu 3.

(2)  Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 13 (Marzu 2010): “Il-libertà akkademika għandha tiġi rispettata.”

(3)  Ara, pereżempju, Torsten Wilholt f’FORSCHUNG & LEHRE, id-19-il sena 12/12, p. 984; www.forschung-und-lehre.de

(4)  ĠU C 132, 3.5.2011, p. 39 – Punt 3.9.

(5)  Pereżempju: www.royalsociety.org/uploadedFiles/Royal_Society_Content/policy/projects/sape/2012-06-20-SAOE.pdf, www.wissenschaftsrat.de/download/archiv/2359-12.pdf

(6)  Organizzazzjoni Ewropea għar-Riċerka Nukleari.

(7)  ĠU C 48, 15.2.2011, p. 129.

(8)  http://cordis.europa.eu/home_en.html

(9)  ĠU C 218, 11.9.2009 – Punt 3.2.

(10)  http://worldwide.espacenet.com