14.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 76/43


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Intejbu u niffukaw il-kooperazzjoni internazzjonali tal-UE fir-riċerka u l-innovazzjoni: Approċċ strateġiku”

COM(2012) 497 final

2013/C 76/08

Relatur: is-Sur WOLF

Nhar l-14 ta’ Settembru 2012, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Intejbu u niffukaw il-kooperazzjoni internazzjonali tal-UE fir-riċerka u l-innovazzjoni: Approċċ strateġiku

COM(2012) 497 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-8 ta’ Jannar 2013.

Matul l-486 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta’ Jannar 2013 (seduta tas-16 ta’ Jannar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’133 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 2 astensjonijiet.

1.   Sommarju

1.1

Is-suċċess tar-riċerka u l-innovazzjoni jiddetermina l-kompetittività tal-Ewropa fix-xena globali, u b’hekk jiddetermina wkoll il-pedament tal-impjiegi, is-servizzi soċjali u l-prosperità. Il-programm Orizzont 2020 jinkludi l-miżuri ta’ appoġġ tal-UE previsti f’dan il-qasam u li huma meħtieġa b’mod urġenti. Il-kooperazzjoni internazzjonali mal-imsieħba fil-pajjiżi barra mill-UE tagħmel parti minn dan.

1.2

Din il-kooperazzjoni għandha impatt pożittiv kbir fuq il-progress f’dan il-qasam li kisbu l-imsieħba involuti u fuq il-fehim bejn il-popli.

1.3

Madankollu, il-benefiċċju ta’ din il-kooperazzjoni għall-Ewropa jiddependi sew mill-attreanza taż-Żona Ewropea tar-Riċerka, kif ukoll mill-prestiġju u l-prestazzjoni tal-universitajiet, l-istituti ta’ riċerka u l-intrapriżi Ewropej, inklużi l-SMEs. Wieħed mill-għanijiet essenzjali tal-Istrateġija Ewropa 2020 huwa li jiġu żgurati l-kundizzjonijiet meħtieġa fl-Ewropa.

1.4

Għalhekk huwa ferm urġenti li, fid-dawl tal-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali, tiġi implimentata politika Ewropea ta’ appoġġ antiċiklika u li ż-Żona Ewropea tar-Riċerka u l-bażi tagħha, inkluża d-dimensjoni internazzjonali tagħha, jissaħħu u jsiru aktar attraenti u li jiġu protetti minn kwalunkwe tnaqqis baġitarju permezz tal-miżuri finanzjarji u strutturali kollha possibbli. Il-baġit għall-Orizzont 2020 m’għandux jintuża ħażin bħala l-kawża ta’ kunflitti bejn l-interessi differenti.

1.5

L-għan ewlieni tal-ftehimiet qafas miftiehma mal-pajjiżi msieħba għandu jkun li jinħolqu kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni bi drittijiet u obbligazzjonijiet reċiproċi. Barra minn hekk, l-imsieħba tal-kooperazzjoni m’għandhomx jiġu limitati b’regolamentazzjoni Ewropea iktar milli jkun assolutament meħtieġ għad-difiża tal-interessi Ewropej. Il-kreattività tirrikjedi l-flessibbiltà!

1.6

B’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni fir-rigward ta’ proġetti għandhom jiġu konklużi mill-partijiet interessati kkonċernati li jipparteċipaw huma stess fil-proġett ta’ kooperazzjoni kkonċernat jew li huma responsabbli għall-organizzazzjoni tiegħu.

1.7

L-infrastruttura ta’ riċerka u l-proġetti ta’ demostrazzjoni fuq skala kbira jistgħu josbqu l-kapaċitajiet u l-bżonnijiet potenzjali ta’ Stat Membru individwali – u saħansitra tal-UE b’mod ġenerali – u għalhekk jistgħu jirrikjedu l-parteċipazzjoni diretta tal-Kummissjoni.

1.8

Is-suċċess ta’ proġetti ta’ kooperazzjoni internazzjonali jiddependi mill-affidabbiltà, il-kontinwità u l-pjani kontinġenti għall-perjodu kollu kopert. Dan jirrikjedi prekawzjonijiet speċjali. Barra minn hekk, jeħtieġ li tiġi garantita u appoġġjata mobbiltà adegwata għall-esperti li jipparteċipaw.

1.9

Il-kooperazzjoni internazzjonali mhijiex għan fiha nnifisha, iżda tgħaqqad lill-ħaddiema u għandha tkun ibbażata fuq il-valur miżjud mistenni li jinkiseb. Ma tistax issir xprun politiku tal-azzjoni esterna mwettqa mill-Kummissjoni.

1.10

Il-prinċipju gwida għandu jkun l-interessi proprji tal-UE, kif ukoll it-tisħiħ taż-Żona Ewropea tar-Riċerka u tal-kapaċità Ewropea għall-innovazzjoni. Għaldaqstant, il-kooperazzjoni ssussidjata minn fondi Ewropej mal-imsieħba minn pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw għandha tiġi appoġġjata primarjament mill-baġits allokati għall-għajnuna għall-iżvilupp.

1.11

Għall-imsieħba Ewropej tal-kooperazzzjoni, il-fatt li għad ma teżistix privattiva tal-UE għall-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali jikkostitwixxi żvantaġġ ekonomiku serju. Il-Kumitat jappella lill-Parlament, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jappoġġjaw l-ispinta ppjanata għal privattiva Ewropea b’effett uniformi u biex fl-aħħar noħorġu mis-sitwazzjoni ta’ staġnar. B’hekk jeħtieġ li fil-livell Ewropew jiġi stabbilit perjodu ta’ grazzja li ma jkunx ta’ ħsara għall-innovazzjoni.

1.12

L-informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-approċċ strateġiku għandha tinkiseb mingħajr strumenti ġodda, iżda billi jintuża pereżempju l-proċess tal-ġbir tad-data previst fil-qafas tas-Semestru Ewropew.

2.   Sinteżi tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni

2.1

Il-Komunikazzjoni tippreżenta r-raġunijiet, l-għanijiet strateġiċi u xi prattiki ta’ kooperazzjoni internazzjonali għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni. B’kooperazzjoni internazzjonali għandna nifhmu wkoll il-kooperazzjoni mal-imsieħba esterni tal-UE.

2.2

L-għanijiet imsemmija huma:

a)

it-tisħiħ tal-eċċellenza u l-attraenza tal-Unjoni fir-riċerka u l-innovazzjoni kif ukoll il-kompetittività ekonomika u industrijali tagħha billi jkun hemm aċċess għal sorsi esterni ta’ għarfien; billi jkun attirat it-talent u l-investiment lejn l-Unjoni; billi jkun iffaċilitat l-aċċess għal swieq ġodda u emerġenti; kif ukoll billi jkun hemm ftehim dwar prattiki komuni għat-twettiq tar-riċerka u għall-isfruttar tar-riżultati;

b)

l-indirizzar tal-isfidi globali għas-soċjetà billi jkunu żviluppati u implimentati soluzzjonijiet effettivi b’mod iktar mgħaġġel u billi jkun ottimizzat l-użu tal-infrastrutturi tar-riċerka;

c)

l-appoġġ għall-politiki esterni tal-Unjoni permezz ta’ koordinazzjoni mill-qrib mal-politika tat-tkabbir, il-politika tal-viċinat, il-politika kummerċjali, il-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK), l-għajnuna umanitarja u l-politika għall-iżvilupp u billi r-riċerka u l-innovazzjoni jsiru parti integrali minn pakkett komprensiv ta’ azzjoni esterna.

2.3

L-appoġġ strateġiku l-ġdid għall-kooperazzjoni internazzjonali fir-riċerka u l-innovazzjoni għandu jkun ikkaratterizzat mill-punti li ġejjin:

il-programm Orizzont 2020 għandu jkun kompletament miftuħ għal parteċipanti minn pajjiżi terzi, fattur li jippermetti lir-riċerkaturi Ewropej biex jikkooperaw mal-aħjar imħuħ minn madwar id-dinja;

attivitajiet immirati ta’ kooperazzjoni internazzjonali bl-iskala u l-ambitu neċessarji sabiex l-impatt ikun massimizzat;

l-iżvilupp ta’ pjani direzzjonali multiannwali għall-kooperazzjoni ma’ pajjiżi u reġjuni msieħba ewlenin;

it-tisħiħ tas-sħubija bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-partijiet interessati rilevanti;

il-promozzjoni ta’ prinċipji komuni għat-twettiq tal-kooperazzjoni internazzjonali fir-riċerka u l-innovazzjoni;

it-tisħiħ tar-rwol tal-Unjoni fl-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-fora multilaterali;

it-titjib tal-implimentazzjoni, l-organizzazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni.

3.   Kummenti ġenerali tal-Kumitat

3.1

Is-suċċess tar-riċerka u l-innovazzjoni jiddetermina l-kompetittività tal-Ewropa fix-xena globali, u b’hekk jiddetermina wkoll il-pedament tal-impjiegi, is-servizzi soċjali u l-prosperità. Il-programm Orizzont 2020 jinkludi l-miżuri ta’ appoġġ tal-UE previsti mill-Kummissjoni Ewropea f’dan il-qasam u li huma neċessarji b’mod urġenti. Il-kooperazzjoni internazzjonali tagħmel parti mill-programm Orizzont 2020.

3.2

Il-kooperazzjoni internazzjonali fir-riċerka u l-innovazzjoni għandha impatt pożittiv kbir fuq il-progress f’dan il-qasam li kisbu l-imsieħba involuti u fuq il-fehim bejn il-popli. Dan ma jgħoddx biss għaż-Żona Ewropea tar-Riċerka iżda wkoll fil-livell globali u b’hekk għad-diskussjoni dwar din it-tema. Il-Kumitat itenni r-rakkomandazzjonijiet tiegħu f’dan ir-rigward (1).

3.3

Għaldaqstant, il-Kumitat jilqa’ l-Komunikazzjoni l-ġdida tal-Kummissjoni u jappoġġja fil-prinċipju l-għanijiet u l-argumenti tagħha.

3.4

Il-pożizzjonijiet ta’ negozjar tal-Ewropa fil-bidu tas-sħubijiet u l-benefiċċju mill-kooperazzjoni internazzjonali għall-UE jiddependu ħafna mill-attreanza taż-Żona Ewropea tar-Riċerka, kif ukoll mill-prestiġju u l-prestazzjoni tal-universitajiet, l-istituti ta’ riċerka u l-innovazzjoni tal-intrapriżi Ewropej, inklużi l-SMEs.

3.5

Wieħed mill-għanijiet essenzjali tal-Istrateġija Ewropa 2020 huwa li jiġu żgurati l-kundizzjonijiet meħtieġa fl-Ewropa. Għalhekk huwa ferm urġenti li, fid-dawl tal-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali, tiġi implimentata politika Ewropea ta’ appoġġ antiċiklika u li ż-Żona Ewropea tar-Riċerka u l-bażi tagħha, inkluża d-dimensjoni internazzjonali tagħha, jissaħħu u jsiru aktar attraenti u li jiġu protetti minn kwalunkwe tnaqqis baġitarju permezz tal-miżuri finanzjarji u strutturali kollha possibbli. Għal din ir-raġuni l-programm Orizzont 2020 għandu jkun provdut b’baġit li jkun tal-anqas ekwivalenti għal dak propost mill-Kummissjoni. Il-Kumitat itenni għalhekk l-appell li għamel kemm-il darba lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, fejn stedinhom biex ma jippermettu l-ebda tnaqqis f’dan ir-rigward u li dan il-baġit ma joħloqx kunflitti ta’ interess.

3.6

Ir-riċerka u l-innovazzjoni ma jiffjorixxux bl-istess mod fl-Istati Membri kollha. Il-Kumitat itenni l-appell li għamel kemm-il darba biex fi ħdan iż-Żona Ewropea tar-Riċerka kull Stat Membru li għad mhuwiex mgħammar b’biżżejjed korpi ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni eċċellenti jegħleb mill-aktar fis dan l-iżvantaġġ bl-għajnuna tal-fondi strutturali u l-fondi ta’ koeżjoni u jiġi promoss il-ħolqien ta’ għadd suffiċjenti ta’ riċerkaturi eċċellenti u ta’ intraprenditorija innovattiva permezz ta’ politiki ta’ għajnuna u politiki ekonomiċi ta’ suċċess. Dan huwa l-uniku mezz biex jiġi implimentat fil-prattika l-kunċett utli ferm ta’ “Teaming of Excellence”(il-ħolqien ta’ timijiet ta’ eċċellenza) (2). Għaldaqstant, il-Kumitat jappella wkoll lill-Istati Membri kollha (u fejn ikun ikkonċernat, lis-settur privat ukoll) biex min-naħa tagħhom fl-aħħar jiksbu l-għanijiet tal-Istrateġija ta’ Lisbona li issa ġew integrati fl-Istrateġija Ewropa 2020 u biex jonfqu 3 % tal-PNG fuq ir-riċerka u l-iżvilupp.

3.7

Wieħed mill-għanijiet iddikjarati tal-Kummissjoni huwa li “l-programm Orizzont 2020 ikun miftuħ b’mod sħiħ għal parteċipanti minn pajjiżi terzi, fattur li jippermetti lir-riċerkaturi Ewropej biex jikkooperaw mal-aħjar imħuħ minn madwar id-dinja”. Naturalment, din il-possibbiltà (3) ilhateżisti għexieren ta’ snin u tintuża ħafna. Il-Kummissjoni għandha tagħti stampa iktar ċara tas-sitwazzjoni. Għandha tiċċara liema libertajiet addizzjonali beħsiebha tikseb u b’liema riżorsi ġodda u x’mezzi ġodda għandhom ikunu permessi u appoġġjati.

3.8

Il-Kummissjoni tissuġġerrixxi li fost il-miżuri ta’ appoġġ importanti għall-kooperazzjoni internazzjonali ta’ suċċess jiġu konklużi ftehimiet qafas ma’ pajjiżi msieħba potenzjali. Fil-fehma tal-Kumitat jeħtieġ li l-ewwel nett jiġu konklużi tali ftehimiet ma’ pajjiżi industrijali partikolarment innovattivi, ta’ suċċess u bi prestazzjoni tajba. Dawn il-ftehimiet qafas, bl-istess mod bħall-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles, għandhom jindirizzaw qabel kollox il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni bi drittijiet u obbligi reċiproċi. Barra minn hekk, l-imsieħba potenzjali m’għandhomx jiġu limitati b’regolamentazzjoni Ewropea iktar milli jkun assolutament meħtieġ biex jiġu mħarsa l-interessi Ewropej.

3.9

Dawn il-ftehimiet qafas għandhom jevitaw kull fehma u influwenza irrilevanti u jippermettu biżżejjed flessibbiltà u libertà biex ikunu jistgħu jiġu konklużi kuntratti li jkunu l-aktar adatti għall-każijiet partikolari u s-sitwazzjoni oriġinali tagħhom. Il-kreattività tirrikjedi l-flessibbiltà!

3.10

L-affidabbiltà, il-kontinwità u l-pjani kontinġenti għall-perjodu kollu kopert minn proġett ta’ kooperazzjoni huma partikolarment importanti. Dan huwa kompitu ambizzjuż u jirrikjedi prekawzjonijiet partikolari.

3.11

B’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni għandhom jiġu konklużi mill-partijiet interessati kkonċernati li jipparteċipaw huma stess fil-proġett ta’ kooperazzjoni kkonċernat jew li huma responsabbli għall-organizzazzjoni tiegħu.

3.12

Min-naħa tagħa, il-Kummissjoni għandha tintervjeni direttament biss fil-każ fejn il-potenzjal ta’ Stat Membru, intrapriża jew korp ta’ riċerka individwali ma jkunx biżżejjed, b’mod partikolari għall-proġetti xjentifiċi u tekniċi fuq skala kbira, iżda f’dak il-każ ikollha tassumi wkoll ir-responsabbiltà. Il-Kumitat ifakkar (4) li huma b’mod partikolari l-infrastruttura ta’ riċerka u l-proġetti ta’ demostrazzjoni fuq skala kbira li jistgħu josbqu l-kapaċitajiet u l-possibbitajiet ta’ użu ta’ Stat Membru individwali – u saħansitra tal-UE b’mod ġenerali – u għalhekk jistgħu jirrikjedu l-parteċipazzjoni aktar b’saħħitha tal-Kummissjoni.

3.13

Għall-kuntrarju, il-biċċa l-kbira tal-forom ta’ kooperazzjoni internazzjonali jiżviluppaw permezz ta’ kuntatti personali bejn ir-riċerkaturi, il-gruppi ta’ riċerkaturi, l-intrapriżi u b’mod partikolari l-SMEs jew l-organizzazzjonijiet ta’ riċerka li tipikament jiġu stabbiliti u kultivati f’konferenzi jew fieri internazzjonali speċjalizzati. Dawn il-proċessi ta’ awtoorganizzazzjoni għandhom jiġu identifikati, rikonoxxuti, użati u appoġġjati b’mod aktar b’saħħtu. Il-Kumitat jiddispjaċih li r-rakkomandazzjonijiet li tenna kemm-il darba f’dan ir-rigward ma ntlaqgħux min-naħa tal-Kummissjoni.

3.14

L-iżgurar ta’ biżżejjed mobbiltà għall-esperti li jipparteċipaw hija prerekwiżit għas-suċċess. Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa dan l-aspett, jekk ikun hemm bżonn, abbażi tar-regolamenti u l-mudelli ta’ finanzjament għall-mobbiltà fi ħdan l-Ewropa.

3.15

Il-Kumitat (punt 5 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni) jinsab imħasseb dwar kemm il-kooperazzjoni internazzjonali tista’ ssir għan politiku għall-Kummissjoni jew xprun politiku tal-politika esterna tagħha. Madankollu, fiha nnifisha l-kooperazzjoni mhijiex għan, iżda tirrikjedi impenji addizzjonali li huma ġġustifikati biss bl-għarfien u l-kompetenzi addizzjonali u komplementari u bir-riżultati miksuba mill-innovazzjoni. Għaldaqstant, il-proġetti ta’ kooperazzjoni għandhom jinkludu biss lill-atturi li jistgħu jikkontribwixxu valur miżjud.

3.16

Id-dubji tal-Kumitat ma jikkonċernawx biss il-prijortiajiet fit-tqassim tal-fondi iżda wkoll in-nefqa amministrattiva. Għalkemm nistgħu nittamaw li l-miżuri ta’ semplifikazzjoni mħabbra (5) jnaqqsu n-nefqa tal-Orizzont 2020, din in-nefqa qed tkompli tassorbi parti konsiderevoli tal-manodopera tax-xjenzjati u r-riċerkaturi. Jekk issa ma’ din tiżdied il-kooperazzjoni fil-livell dinji soġġetta għal proċeduri li jistgħu jkunu formali wisq ikun hemm riskju ta’ żieda oħra fil-burokrazija.

3.17

Punt ieħor ta’ tħassib jikkonċerna l-użu tar-riżorsi finanzjarji tal-programm Orizzont 2020 li sfortunatament għadhom limitati. Jekk dawn il-fondi jiġu investiti f’pajjiżi terzi barra mill-UE b’mod awtomatiku ma jkunux jibqgħu jistgħu jintużaw fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka. Fi kwalunkwe każ, jeħtieġ li l-prijoritajiet jiġu kkunsidrati bir-reqqa, anke fid-dawl tar-rekwiżiti addizzjonali konsiderevoli tal-Istati Membri tal-UE. Għalhekk, preferibbilment, it-tipi ta’ kooperazzjoni li primarjament huma intiżi bħala għajnuna għall-iżvilupp għandhom jiġu ffinanzjati mill-baġits previsti għal dan il-għan.

3.18

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tindirizza wkoll il-kwistjoni tal-proprjetà intellettwali u hija preżentata bħala raġuni biex jiġi adottat approċċ “Ewropew”. Fil-każ tar-riċerka fundamentali jeħtieġ li qabel kollox tiġi rikonoxxuta l-prijorità temporali ta’ skoperta jew konklużjoni ġdida. Madankollu, anke fil-perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ qabel l-applikazzjoni naturalment diġà tkun qamet il-mistoqsija tal-ksib ta’ privattiva fl-eventwalità ta’ sejba.

3.19

Din hija l-pjaga li ilha ġġarrab l-Ewropa għal għexieren ta’ snin: għad ma teżisti l-ebda privattiva tal-Unjoni Ewropea. Għall-intrapriżi kollha tal-UE u b’mod partikolari għall-SMEs, din is-sitwazzjoni tfisser spejjeż ogħla meta mqabbla ma’ dawk tal-imsieħba ta’ kooperazzjoni tagħhom li mhumiex Ewropej (pereżempju fl-Istati Uniti) iżda twassal ukoll għar-rifjut ta’ privattiva u b’hekk għat-telf tal-protezzjoni li din toffri. Il-Kumitat jappella lill-Parlament, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill (6) biex jappoġġjaw bis-sħiħ l-ispinta ppjanata fil-futur qarib għal privattiva Ewropea b’effett uniformi u biex fl-aħħar noħorġu mis-sitwazzjoni ta’ staġnar. Il-Kumitat jilqa’ r-riżoluzzjonijiet li ġew adottati dwar dan is-suġġett mill-Parlament Ewropew (7). B’hekk jeħtieġ li jiġi stabbiliti fil-livell Ewropew perjodu ta’ grazzja (8) li ma jkunx ta’ ħsara għall-innovazzjoni.

3.19.1

Barra minn hekk, ir-regoli dwar il-proprjetà intellettwali fil-qafas tal-inizjattivi teknoloġiċi konġunti implimentati fil-livell internazzjonali għandhom jerġgħu jiġu diskussi u riveduti.

4.   Kummenti speċifiċi tal-Kumitat

4.1

Il-Kummissjoni tipproponi li tiġi limitata l-lista tal-pajjiżi eliġibbli għall-finanzjament awtomatiku billi l-kriterju attwali tal-għażla ibbażat biss fuq id-Dħul Nazzjonali Gross (DNG) per capita jiġi kkomplementat bi kriterju addizzjonali ibbażat fuq il-Prodott Domestiku Gross (PDG), li jeskludi pajjiżi li jaqbżu limitu minimu definit.

4.1.1

Fil-fehma tal-Kumitat jeħtieġ li jittieħed approċċ differenti f’dan ir-rigward. Il-kriterju ewlieni għal kooperazzjoni ssussidjata mill-UE ma’ ċittadini partikolari minn pajjiżi barra l-UE għandu jkun l-interess speċifiku kif ukoll il-bżonnijiet tal-organizzazjonijiet, l-intrapriżi, l-SMEs, ix-xjenzjati u r-riċerkatui Ewropej fir-rigward tal-ksib ta’ għarfien relatat. L-appoġġ taż-Żona Ewropea tar-Riċerka għandu jkun ta’ prijorità. Anke meta tkun meħtieġa l-parteċipazzjoni ta’ espert eċċellenti minn pajjiż b’PDG ogħla għal proġett partikolari għandu jkun possibbli li jingħata appoġġ finanzjarju f’każ li ma jkun hemm l-ebda mod ieħor kif jinkisbu l-kompetenzi u l-għarfien tiegħu fl-interess tal-Ewropa. L-interessi proprji tal-UE għandhom ikunu l-prinċipju gwida!

4.2

Il-Kummissjoni tqis li hemm bżonn informazzjoni oġġettiva sabiex ikun implimentat approċċ strateġiku. Il-Kumitat jilqa’ d-dikjarazzjoni bil-fomm tar-rappreżentant tal-Kummissjoni li qal li l-istudju statistiku u l-ġbir tad-data ppjanati mill-Komunikazzjoni ma jirrekjedu l-ebda impenn addizzjonali, iżda li l-Kummissjoni beħsiebha tuża sorsi ta’ informazzjoni eżistenti għal dan il-għan. Il-Kumitat jirrakkomanda li sabiex jiġu evitati piżijiet addizzjonali għall-intrapriżi u r-riċerkaturi jintuża pereżempju l-proċess ta’ ġbir ta’ informazzjoni tas-Semestru Ewropew (9).

Brussell, 16 ta’ Jannar 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Ara ĠU C 306, 16.12.2009, p. 13.

(2)  Ara, pereżempju, Peter Gruss in MaxPlanckForschung 3/12, p. 6, ISSN 1616-4172.

(3)  Ara ĠU C 306, 16.12.2009, p. 13, punt 3.2.

(4)  Ara b’mod partikolari ĠU C 181, 21.06.2012, p. 111, punt 4.3.1.

(5)  Ara ĠU C 48, 15.02.2011, p. 129, punt 1.2.

(6)  Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 23 ta’ Ġunju 2011 – 11328/11.

(7)  http://www.europarl.europa.eu/news/mt/pressroom/content/20121210IPR04506/html/Il-Parlament-japprova-r-regoli-tal-UE-dwar-il-privattiva-unitarja

(8)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar “Aċċess għall-informazzjoni xjentifika – investimenti pubbliċi”, punt 3.4. (Ara paġna 48 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.)

(9)  http://ec.europa.eu/europe2020/making-it-happen/index_mt.htm