|
14.3.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 76/66 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni konġunta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Lejn Sħubija għall-Iżvilupp imġedda bejn l-UE u l-Paċifiku”
JOIN(2012) 6 final
2013/C 76/12
Relatur: is-Sur CEDRONE
Nhar il-21 ta’ Marzu 2012, il-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentat Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà ddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Komunikazzjoni konġunta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Lejn Sħubija għall-Iżvilupp imġedda bejn l-UE u l-Paċifiku
JOIN(2012) 6 final.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar id-19 ta’ Diċembru 2012.
Matul l-486 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta’ Jannar 2013 (seduta tas-17 ta’ Jannar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’139 vot favur, 13-il vot kontra u 14-il astensjoni.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1 |
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jikkunsidra li l-għanijiet tal-UE abbażi tas-sħubija għall-iżvilupp imġedda bejn l-UE u l-Paċifiku huma ambizzjużi u wesgħin, iżda jemmen li l-modi tal-implimentazzjoni tagħhom, li prinċipalment jirrigwardjaw il-protezzjoni tal-ambjent u l-konservazzjoni tal-biodiversità fir-reġjun, ma tantx huma ċari. Il-KESE jaqbel mal-bżonn li l-impatt tat-tibdil fil-klima għandu jiġi indirizzat b’mod sinerġiku ma’ organizzazzjonijiet oħrajn, għax dan it-tibdil jolqot il-politiki kollha ta’ żvilupp nazzjonali u multilaterali, u għandu reperkussjonijiet mhux biss ekonomiċi, iżda wkoll soċjali. Barra minn hekk, il-kwistjonijiet marbuta mal-impatt tat-tibdil fil-klima għandhom ikunu parti organika tal-politiki dwar l-ambjent taż-żona, biex b’hekk l-azzjonijiet u l-interventi jkunu koerenti |
|
1.2 |
Il-KESE jikkunsidra, iżda, li biex jintlaħaq dan il-għan hemm bżonn li l-pajjiżi konċernati jistabbilixxu miżuri u attivitajiet integrati ta’ żvilupp sostennibli, sabiex l-għajnuna tikseb l-effett massimu tagħha. Il-miżuri kollha għandhom jintużaw b’mod sinerġiku u l-atturi lokali għandhom ukoll jinvolvu lilhom infushom b’mod attiv, abbażi ta’ pjan fuq perjodu ta’ żmien medju sa twil. |
|
1.3 |
Il-KESE jemmen li huwa importanti li l-Komunikazzjoni tinnota li għandha tkun rikonoxxuta li t-tgawdija sħiħa tad-drittijiet u l-istabbilita demokratika huma essenzjali għall-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiżi. Sfortunatament, is-sitwazzjoni fir-Repubblika tal-Gżejjer Fiġi, fejn għad hemm sistema dittatorjali li tkompli tiċħad liċ-ċittadini tagħha mid-drittijiet fundamentali, tiġi msemmija biss b’mod superfiċjali, meta fil-fatt jistħoqqilha pożizzjoni aktar soda u koerenti mill-Ewropa. |
|
1.4 |
Id-definizzjoni tas-sħubija għall-iżvilupp imġedda għandha tkun opportunità biex jiġu indikati l-prinċipji u l-kundizzjonijiet li jservu bħala linji gwida għall-UE fil-konfronti tagħha mal-pajjiżi kollha li jibbenefikaw mill-għajnuna Komunitarja abbażi tal-applikazzjoni sħiħa tal-Ftehim ta’ Cotonou. Għandu jiġi garantit ukoll it-twettiq effettiv tad-demokrazija fil-pajjiżi kollha permezz tat-tgawdija sħiħa tad-drittijiet fundamentali u tax-xogħol, kif ukoll il-parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika. |
|
1.5 |
Attenzjoni partikolari għandha tingħata lill-qagħda serja u tat-tħassib tan-nisa fil-pajjiżi kollha ta’ dan ir-reġjun, li huma mċaħda mid-drittijiet l-iktar fundamentali tal-bniedem. Id-drittijiet u l-protezzjoni tan-nisa għandu jkollhom rwol ewlieni fil-kwistjonijiet kollha relatati mar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Paċifiku. Il-livell għoli ta’ vjolenza bbażata fuq il-ġeneru u l-livell baxx ta’ involviment tan-nisa fit-teħid tad-deċiżjonijiet u fil-pożizzjonijiet għolja huma tat-tħassib għall-KESE u l-imsieħba tiegħu, u għandu jkollhom rwol iktar sinifikanti fid-dokument tal-Kummissjoni u fl-attivitajiet futuri. |
|
1.6 |
Skont il-KESE għandu jibqa’ fundamentali t-tkabbir tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili in ġenerali f’dan ir-reġjun, kif ukoll fir-reġjuni l-oħra kollha milquta mill-ftehimiet stabbiliti mal-UE. Għalhekk, huwa essenzjali li jiġu promossi u implimentati miżuri li jippermettu li jintlaħaq dan il-għan. Billi l-KESE jagħraf li l-pożizzjoni ġeografika toħloq diffikultajiet li jillimitaw ukoll ir-relazzjonijiet bilaterali strutturati, jemmen li jkun partikolarment utli l-ħolqien ta’ netwerk u ta’ kumitati konġunti fil-livell nazzjonali, lokali, u idealment tar-reġjun sħiħ. Dawn l-istrumenti ta’ parteċipazzjoni għandhom iħeġġu l-involviment attiv tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili fil-fażijiet kollha rilevanti għad-definizzjoni, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-ftehimiet. Dan għandu jkun prinċipju assolut. Ikun utli li ssir inizjattiva diretta li tippromovi l-ħolqien ta’ KES ġenwin għar-reġjun, li wkoll ikun ta’ għajnuna biex jissaħħaħ id-djalogu soċjali u ċivili u jtejjeb it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-atturi lokali kollha, filwaqt li jipprovdi fondi speċifiċi għal dan. |
|
1.7 |
Il-KESE jemmen illi għandha tingħata prijorità lill-koordinament bejn l-azzjonijiet diversi tal-UE permezz tad-Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni involuti fil-programmi u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) kif ukoll lill-involviment tad-WTO fir-reġjun. Il-koordinament huwa essenzjali minħabba d-daqs żgħir tal-amministrazzjonijiet tal-gvern fil-pajjiżi konċernati. Din id-direzzjoni tista’ tagħti l-opportunità lill-SEAE biex taġixxi b’mod deċisiv, bil-għan li l-politika ta’ azzjoni esterna tal-UE issaħħaħ l-isforzi tagħħa biex isir koordinament aħjar bejn il-pajjiżi tal-UE. |
|
1.8 |
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tagħmel enfasi qawwija fuq il-klima. Madankollu, il-KESE jinnota li l-iżvilupp ekonomiku huwa essenzjali biex tiġi ffaċċjata l-isfida tal-klima. Biex jiġi żgurat it-tkabbir inklużiv, sostenibbli u integrat għall-iżvilupp fir-reġjun, il-KESE jemmen li hija fundamentali li tiġi żgurata l-koerenza bejn il-politiki tal-iżvilupp u l-interventi għall-protezzjoni tal-ambjent, kif ukoll f’setturi oħrajn – il-kummerċ, is-sajd, l-agrikoltura, is-sigurtà tal-ikel, ir-riċerka u l-appoġġ għad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija. Il-kriterji għall-għażla tal-metodi tal-għoti tal-għajnuna għandhom ikunu bbażati fuq indikaturi definiti b’mod ċar u stabbiliti minn qabel, kemm għall-monitoraġġ konsegwenti tal-programmi kif ukoll biex ikun hemm koordinament tad-donaturi diversi. |
|
1.9 |
Sabiex jiġu massimizzati l-opportunitajiet għall-integrazzjoni fir-reġjun, il-KESE jaqbel li ssir distinzjoni bejn il-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) u l-pajjiżi extra-Ewropej skont is-sitwazzjoni istituzzjonali u tal-iżvilupp tal-pajjiżi rispettivi. Għandha tiġi vvalutata wkoll is-sitwazzjoni tat-territorji extra-Ewropej (OCT – Overseas Countries and Territories) li huma aktar żviluppati mill-pajjiżi l-oħra u li diġà jibbenefikaw mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp u l-għajnuniet bilaterali. Dawn l-interventi għandhom ikunu koordinati mal-programmi tal-pajjiżi l-oħra tar-reġjun. Dawn it-territorji jistgħu jkunu punt ta’ referenza importanti sabiex jinxterdu d-drittijiet, il-valuri u l-prattiki tajba tal-politiki Ewropej iffokati fuq it-tkabbir inklużiv. |
|
1.10 |
Fir-rigward tal-ftehim kummerċjali jkun tajjeb, anke fid-dawl tad-diffikultajiet attwali, li dan jimxi lejn ftehim reġjonali li jmur lil hinn minn dak bilaterali. Irid jitqies, madankollu, li, minbarra s-sajd, dawn huma entitajiet zgħar ekonomiċi fil-qasam tal-kummerċ. |
|
1.11 |
Il-KESE jemmen ukoll li l-UE għandha ssegwi b’attenzjoni, permezz tal-kummissjoni speċjalizzata rilevanti tan-NU, in-negozjati dwar il-liġi tal-baħar marbuta mal-BLATA KONTINENTALI, b’mod partikolari fiż-żona ġeografika marbuta ma’ din l-Opinjoni. |
2. Introduzzjoni
|
2.1 |
Kif inhu magħruf, l-UE ikkonkludiet diversi sħubijiet mar-reġjun tal-Paċifiku. Din is-sħubija l-ġdida tolqot ħmistax-il Pajjiż gżira indipendenti (1), erba’ Pajjiżi u Territorji Extra-Ewropej (OCT) (2), il-Forum tal-Gżejjer tal-Paċifiku (PIF), l-Awstralja u n-New Zealand ¬ kollha kemm huma membri ewlenin tal-forum u msieħba li jaħsbuha bl-istess mod. Wara l-Istrateġija tal-2006, l-iskop sar li jiġi kkonsolidat ir-rwol tal-UE fir-reġjun, kemm għaliex hija t-tieni l-akbar donatur fir-reġjun wara l-Awstralja, kif ukoll biex tikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tar-reġjun kollu, b’rikonoxximent tal-bżonn li jiġi żgurat r-rispett sħiħ tad-drittijiet u l-konsolidament tal-istituzzjonijiet demokratiċi. |
|
2.2 |
Filwaqt li tkompli tibni fuq il-Ftehim ta’ Cotonou (UE-AKP), b’din il-Komunikazzjoni Konġunta l-UE tipproponi li tiffoka l-azzjoni tagħha fil-Paċifiku bħala reġjun fuq numru ta’ għanijiet fundamentali tal-Aġenda tal-Bidla tagħha (3).
L-UE hija rikonoxxuta mill-imsieħba soċjali u l-interlokuturi lokali bħala ta’ quddiem nett fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-impatt tiegħu, u għandha l-intenzjoni li tikkonsolida l-presenza tagħha fir-reġjun b’mod responsabbli. |
|
2.3 |
Għalkemm il-parti l-kbira mill-Istati u t-territorji gżejjer għandhom popolazzjoni interessata zgħira, huma estensivi fid-daqs u fid-diversità. Dan joħloq numru sostanzjali ta’ kwistjonijiet minħabba l-pożizzjoni ġeografika partikolari tar-reġjun, li bħala unità jagħmilha fraġli u delikat. Ir-reġjun huwa unit permezz tal-ekosistema tal-baħar, fost affarijiet oħra, u din tibqa’ valur uniku li jistħoqqlu attenzjoni u protezzjoni. |
|
2.4 |
Dan mhux għan faċli biex jintlaħaq, mhux biss għar-raġunijiet imsemmija fil-komunikazzjoni, iżda wkoll minħabba r-restrizzjonijiet li l-kriżi ekonomika għamlet fuq il-politika esterna tal-Unjoni, li jistgħu wkoll jaffettwaw il-ftehim futur ta’ Cotonou wara l-2020. Madankollu, il-pożizzjoni ġeografika ta’ dawn il-pajjiżi trendihom importanti mil-lat ġeostrateġiku għall-UE minħabba l-viċinanza tagħhom għaċ-Ċina u għall-Ġappun. Għal dan il-għan ikun utli l-involviment akbar u l-użu aħjar tal-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej għat-tixrid tal-politiki, l-implimentazzjoni tal-programmi, u l-kultura legali tal-UE, li żgur irendu vantaġġi reċiproki. |
3. Aspetti pożittivi
|
3.1 |
Tingħata l-attenzjoni lill-impatt tat-tibdil fil-klima u r-reperkussjonijiet serji li dan għandu fuq l-istabbilità tal-ekosistema fir-reġjun kollu, sal-punt illi saħansitra l-eżistenza tagħha hija mhedda. Il-Komunikazzjoni taċċenna wkoll ir-riskji kkaġunati mill-iżbilanċ dejjem jikber fit-tkabbir sostenibbli tal-pajjiżi involuti, mill-perspettiva strettament ekonomika u baġitarja, kif ukoll dik politika u soċjali. B’hekk jimmultiplikaw ir-riskji, bl-effett li tiġi limitata wkoll il-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti. |
|
3.2 |
Tingħata l-attenzjoni lill-bżonn ta’ azzjonijiet integrati mid-diversi atturi internazzjonali involuti fl-għoti tal-għajnuna, kemm dawk bilaterali, kif ukoll dawk multilaterali. Attwalment dawn l-azzjonijiet huma frammentati wisq u għalhekk l-effiċjenza sħiħa mhijex qed tintlaħaq. |
|
3.3 |
Il-bżonn ta’ koordinazzjoni mal-istituzzjonijiet internazzjonali; dwar l-impatt tat-tibdil fil-klima l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tirreferi l-iżjed għan-Nazzjonijiet Uniti. |
|
3.4 |
Attenzjoni lill-kooperazzjoni reġjonali u l-bżonn li jitjiebu (jekk mhux jinħolqu) programmi tematiċi u pjani ta’ żvilupp appoġġjati mill-organizzazzjonijiet reġjonali sabiex ikun hemm approċċ integrat tal-għoti tal-għajnuna u l-ġestjoni tiegħu, minbarra l-istrateġiji għall-iżvilupp tar-reġjun infushom. |
|
3.5 |
L-importanza tad-djalogu mal-atturi istituzzjonali lokali biex jiġu definiti l-programmi tal-għajnuna u biex jaqsmu bejniethom ir-responsabbiltajiet tal-implimentazzjoni tagħhom. |
|
3.6 |
Tingħata l-attenzjoni biex titjieb l-effikaċja tal-interventi. Dan jista’ jsir billi jkunu disponibbli minn qabel, fil-pajjiżi li qed jirċievu l-għajnuna, mekkaniżmi tal-monitoraġġ, il-ġestjoni u l-implimentazzjoni ta’ dawn l-interventi. F’dan ir-rigward ikun hemm bżonn ta’ aktar informazzjoni speċifika. |
|
3.7 |
Analiżi tal-metodi tal-għoti tal-għajnuna min-naħa tad-donaturi multilaterali u bilaterali, li jesprimu l-impenn li jadattaw dawn il-metodi skont id-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom id-dipartimenti żgħar amministrattivi tal-Istati u t-territorji gżejjer tal-Paċifiku; attenzjoni lid-diffikultajiet li l-pajjiżi riċevituri jsibu biex jintegraw l-għajnuna fil-programmi nazzjonali għall-iżvilupp, li huma maħsuba għal miżuri li għandhom l-għan li jtejbu t-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-istituzzjonijiet nazzjonali. |
|
3.8 |
It-tħassib dwar is-sitwazzjoni tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem ġewwa Fiġi, li l-Kummissjoni bi ħsiebha ssegwi, iżda mingħajr ma semmiet speċifikament kundizzjonijiet oħra rekwiżiti għall-għoti tal-għajnuna. |
4. Nuqqasijiet
|
4.1 |
Il-Komunikazzjoni mhix ċara dwar kif l-UE ser tistudja u ttejjeb il-miżuri ħlief għall-għanijiet fuq medda qasira ta’ żmien. Dawn huma miżuri importanti, iżda mhumiex biżżejjed biex nagħmlu impatt fuq is-sostenibbiltà futura tar-reġjun. Dan huwa reġjun uniku u vast, li fih numru kbir ta’ pajjiżi li għandhom popolazzjoni żgħira jew żgħira ħafna, iżda li huma kbar ġeografikament. Dawn il-pajjiżi għandhom approċċi diversi, u fehmiet diversi dwar il-bżonn ta’ interventi mmirati lejn żvilupp sostenibbli fuq medda twila ta’ żmien, u viżjoni diversa tar-regoli li għandhom jiġu applikati fil-livell nazzjonali u fl-ibħra territorjali u internazzjonali li jimmarkaw il-konfini tagħhom. |
|
4.2 |
Il-KESE jemmen li hemm bżonn approċċ integrat u fuq medda twila ta’ żmien b’responsabbiltà konġunta bejn l-atturi kollha involuti fir-reġjun, sew jekk huma istituzzjonijiet internazzjonali, pajjiżi oħra jew atturi lokali. Il-proposta ta’ sħubija tal-Kummissjoni għandha tieħu kont tan-negozjar għar-reviżjoni tal-baġit Komunitarju l-ġdid, tal-prijoritajiet ġodda li ser ikunu stabbiliti fl-Għanijiet tal-Millennju wara l-2015, u tal-proċess li ser jibda għan-negozjar imġedded tal-Ftehim ta’ Cotonou. |
|
4.3 |
Fl-għanijiet tal-Komunikazzjoni jkun utli jekk tingħata aktar attenzjoni lill-iżvilupp integrat tar-reġjun tal-Paċifiku, il-politiki ta’ żvilupp, u l-oqsma tal-interventi; pereżempju, l-agrikoltura u s-sigurtà tal-ikel huma msemmijin biss fil-kuntest tat-tibdil fil-klima fir-reġjun. Il-vitalità taż-żoni rurali tiddependi mill-agrikoltura. Għalkemm l-agrikoltura hija prinċipalment waħda ta’ sussistenza – iz-zokkor tal-kannamiela u ż-żejt tal-palm biss huma prodotti li jiġu esportati fuq skala kbira – hemm problema bil-ġestjoni tar-riżorsi naturali u l-użu sostenibbli tal-art għall-agrikoltura. Għandu jiġi nnotat li minħabba r-riforma tal-politika Ewropea dwar iz-zokkor fl-2006, xi wħud mill-pajjiżi kkonċernati tilfu l-pożizzjoni preferenzjali tagħhom u b’hekk tilfu wkoll l-impjiegi. |
|
4.4 |
L-enfasi tal-Komunikazzjoni hija prinċipalment fuq ir-riskji tat-tibdil fil-klima, li hija kwistjoni essenzjali għas-sopravvivenza ta’ xi pajjiżi u tal-ekosistema (it-tlugħ fil-livell tal-ilma, id-deforestazzjoni, l-akwiferi tal-ilma baħar, iż-żieda fit-temperatura tal-baħar eċċ.). Għalhekk il-Kummissjoni qed tipproponi li r-riżorsi jiġu prinċipalment allokati f’dan il-qasam; ikun tajjeb, iżda, li jiġu attwati programmi integrati u koerenti ta’ żvilupp sostenibbli u tkabbir, b’impenji definiti min-naħa tal-pajjiżi li qed jirċievu l-għajnuna. Għal dan il-għan ikun tajjeb l-involviment tas-settur privat ukoll, b’mod partikolari għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs). |
|
4.5 |
Il-KESE jemmen li hemm bżonn approċċ integrat strateġiku fl-għoti tal-għajnuna, u l-Komunikazzjoni tagħti bidu tajjeb għal dan. Għandhom jaħdmu flimkien id-diversi direttorati ġenerali fi ħdan il-Kummissjoni, speċifikament DEVCO, id-DĠ għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, id-DĠ għall-Kummerċ, id-DĠ Saħħa u Konsumaturi (SANCO), id-DĠ għar-Riċerka u l-SEAE. Attwalment, minkejja l-passi li ttieħdu ’l quddiem, il-ħidma ta’ dawn id-direttorati għandha tkun iżjed koordinata (4) biex tingħata aktar koerenza lill-politiki tal-UE. |
|
4.6 |
Il-qasam tas-sajd, li huwa essenzjali għall-pajjiżi kollha tal-Paċifiku, iżda anke għall-UE minħabba l-livell għoli ta’ esportazzjoni lejn il-pajjiżi tal-UE (speċjalment tat-tonn), għandu b’mod partikolari jkun meqjus importanti ħafna f’dawn il-miżuri. Hemm il-bżonn li tinżamm is-sostenibbiltà tal-produzzjoni u tal-ekosistema u li jieqaf is-sajd eċċessiv, li jista’ jipperikola s-sajd fil-ġejjieni. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-azzjoni meħuda mill-UE fil-ġlieda kontra s-sajd illegali permezz tal-applikazzjoni tar-regolament tal-UE li għandu l-għan li jwaqqaf, jiskoraġġixxi u jelimina s-sajd illegali, mhux rapportat u mhux regolat (IUU). Abbażi ta’ dan ir-regolament il-Kummissjoni nnotifikat żewġ pajjiżi fir-reġjun (Vanwatu u Fiġi) li jistgħu jiġu identifikati bħala pajjiżi terzi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux rapportat u mhux regolat. |
|
4.6.1 |
Għal dawn ir-raġunijiet l-Unjoni għandha żżomm l-arranġamenti preferenzjali mal-pajjiżi AKP, bħalma ġara reċentement ma’ wħud mill-pajjiżi tar-reġjun (5), anke jekk l-Unjoni jkollha tqis ir-riskju ta’ żbilanċ fil-kompetittività mal-operaturi l-oħra fis-settur. |
|
4.6.2 |
Il-KESE jagħraf id-diffikultajiet oġġettivi li hemm f’dan is-settur, u jilqa’ b’sodisfazzjon it-tliet Ftehimiet ta’ Sħubija dwar is-Sajd (FPA), iffirmati ma’ Kiribati, il-Gżejjer Solomon u l-Istati Federali tal-Mikroneżja, iżda jittama illi jista’ jintlaħaq ftehim komprensiv mal-pajjiżi kollha involuti dwar ir-regoli li għandhom jiġu applikati fl-ibħra territorjali u internazzjonali ta’ dan ir-reġjun. |
|
4.7 |
Fir-rigward tal-koordinament tal-għoti tal-għajnuna fil-qasam tal-kummerċ, li huwa ġustament enfasizzat fil-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni ma tagħmel l-ebda referenza għall-attivitajiet tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), minkejja li sitt pajjiżi fost il-gżejjer tal-Paċifiku huma membri ta’ din l-organizzazzjoni u jgawdu minn programmi u trattament speċjali. |
|
4.8 |
Kummerċ (WTO): Fiġi, il-Papwa Ginea Ġdida, il-Gżejjer Solomon, Tonga, Samoa u l-Vanwatu huma pajjiżi membri tal-WTO, illi, permezz tad-diversi ftehimiet ta’ adeżjoni, tipprova tiżgura sistema kummerċjali stabbli u integrata fil-livell reġjonali, bil-għan li timmassimizza l-benefiċċji u tagħmel użu aktar effikaċi tar-riżorsi u tal-ekonomiji ta’ skala. |
|
4.8.1 |
Fl-2004 il-WTO fetħet uffiċċju ta’ rappreżentanza għall-Gżejjer tal-Paċifiku f’Ġinevra, bil-għan li tiffaċilita l-integrazzjoni aħjar tas-sistemi burokratiċi u tippromwovi t-tisħiħ tal-kapaċitajiet fil-kummerċ u fl-aġenda multilaterali, li huma essenzjali għal dawn l-ekonomiji zgħar. |
|
4.8.2 |
Ikun tajjeb li l-Unjoni Ewropea, anke abbażi tal-Ftehim ta’ Cotonou mġedded, tistabbilixxi rabtiet mill-qrib u strutturati mal-uffiċċju tar-rappreżentanża f’Ġinevra u mal-WTO. Approċċ ikkoordinat huwa essenzjali, l-iktar peress li l-amministrazzjonijiet ta’ ħafna minn dawn il-pajjiżi huma ta’ daqs limitat. B’hekk ikunu jistgħu jiġu koordinati l-inizjattivi li jappoġġjaw dawn l-ekonomiji permezz ta’ programmi ta’ għajnuna teknika, li huma diġà attivi iżda mhux koordinati fil-livell multilaterali. Ma’ dan irridu nżidu l-perjodu twil ta’ tkabbir ekonomiku baxx u instabbli, b’differenzi kbar bejn il-pajjiżi – il-Papwa Ginea Ġdida u l-Gżejjer Solomon ibbenefikaw minn rati ogħla ta’ tkabbir minħabba l-prezzijiet tal-prodotti bażiċi, filwaqt li Fiġi u Samoa, li diġà għandhom ekonomija dgħajfa, kellhom jiffaċċjaw il-konsegwenzi tad-diżastri naturali (6). |
|
4.8.3 |
Barra minn dan, attenzjoni partikolari għandha tingħata lill-iżvilupp tal-SMEs, għall-ħolqien ta’ servizzi ta’ għajnuna reġjonali li għandhom jiġu mitluba u stabbiliti fuq livell multilaterali. Dawn għandhom jużaw ir-riżorsi u l-programmi li diġà jeżistu fi ħdan il-WTO, il-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) u l-Bank Dinji, anke fir-rigward ta’ l-iżvilupp rurali. |
|
4.9 |
Il-Komunikazzjoni tirreferi ġustament għar-riskji soċjali li għandhom dawn il-gżejjer minħabba n-nuqqas ta’ żvilupp ekonomiku, għall-emigrazzjoni tal-ħaddiema tas-sengħa li ma jsibux xogħol lokalment, u għall-konsegwenzi soċjali tat-tibdil fil-klima. Skont id-data tal-Bank Dinji, il-Gżejjer Solomon, il-Vanwatu, Samoa, Kiribati, Timor tal-Lvant u Tuvalu jagħmlu parti mill-grupp tal-pajjiżi l-anqas żviluppati (LDCs) b’ rati ta’ faqar estiżi. Fil-Papwa Ginea Ġdida stess, l-akbar fost il-pajjiżi tal-Paċifiku, aktar minn 40 % tal-popolazzjoni tgħix taħt il-livell tal-faqar. Din id-data taffettwa s-suċċess tal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju (MDGs) u tirrikjedi interventi koordinati fil-livell internazzjonali. Iżda madankollu, il-Komunikazzjoni ma tirreferix għall-ħidma tal-aġenziji varji tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) li jappoġġjaw l-iżvilupp ekonomiku u soċjali. |
|
4.9.1 |
Il-programmi varji tal-aġenziji tan-NU huma indispensabbli u għandhom ikunu mħeġġa mill-Kummissjoni, għax jgħinu fil-ħolqien tas-sensibilizzazzjoni neċessarja u t-tisħiħ tal-kapaċijiet sabiex l-għajnuna kollha mogħtija mid-diversi donaturi, inkluża l-UE, tiġi “assorbita” u jinkiseb l-effett massimu tagħha. Barra minn hekk iqiegħdu aktar responsabbiltà fuq l-istituzzjonijiet u l-imsieħba soċjali u ċivili nazzjonali, u jippromwovu il-ħolqien ta’ istituzzjonijiet demokratiċi parteċipattivi. |
5. Drittijiet, demokrazija, il-libertajiet tat-trejdjunjins, is-sitwazzjoni ta’ Fiġi
|
5.1 |
Il-gżejjer tal-Paċifiku huma meqjusa fost l-aktar żvantaġġati fid-dinja. Huma iżolati, b’popolazzjoni baxxa u livell għoli ta’ emigrazzjoni, b’livelli baxxi ta’ edukazzjoni u taħriġ, u b’nuqqasijiet kbar fil-ħiliet relatati ma’ ċerti oqsma tal-kummerċ u tal-attivitajiet ekonomiċi internazzjonali. |
|
5.1.1 |
Il-qagħda taż-żgħażagħ, partikolarment, tidher li qed toħloq problemi għall-gżejjer tal-Paċifiku, minħabba raġunijiet diversi, inklużi l-iżolament ġeografiku, l-iżvilupp ekonomiku limitat (ekonomiji żgħar li ma tantx huma integrati ma’ xulxin, u swieq domestiċi limitati), u t-tkabbir demografiku fil-popolazzjoni taż-żgħażagħ li jaħdmu (7) L-Awstralja nediet programm ta’ impjieg staġjonali għall-pajjiżi l-aktar żvantaġġati tal-Paċifiku. Dan huwa intervent rilevanti li għandu jiġi promoss u mxerred anke f’pajjiżi oħra fir-reġjun. |
|
5.1.2 |
Il-qagħda tan-nisa hija waħda serja u ta’ tħassib minħabba l-fenomenu mifrux tal-isfruttament u d-degradazzjoni, u l-fatt li bilkemm saru passi ’l quddiem fit-tfittxija għal soluzzjonijiet effikaċi. In-nisa jibqgħu diskriminati immens, kemm minħabba li ma jipparteċipaw kważi xejn fis-suq tax-xogħol u l-ħajja politika, kif ukoll minħabba atti ta’ vjolenza kontrihom li jiksru d-drittijiet tal-bniedem, u li għadhom isiru spiss fil-pajjiżi kollha. Din mhijiex biss kwistjoni kulturali, iżda hija wkoll waħda li tirrigwardja opportunitatjiet ta’ xogħol, integrazzjoni u parteċipazzjoni. Għandha ssir referenza speċifika għall-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn is-Sessi u t-Tisħiħ tan-Nisa fl-Iżvilupp 2010-2015, li fost affarijiet oħra, jappella għall-użu ta’ indikaturi preċiżi għall-parteċipazzjoni tan-nisa fl-istituzzjonijiet nazzjonali. |
|
5.2 |
Ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija huma kundizzjonijiet fundamentali fil-politiki tal-għajnuna u l-kooperazzjoni tal-UE. Fost dawn hemm id-drittijiet tat-trejdjunjins, li huma rikonoxxuti fil-livell internazzjonali fit-tmien konvenzjonijiet ewlenin tal-ILO. |
|
5.3 |
Il-Ftehim ta’ Cotonou wkoll jirrikonoxxi l-valur fundamentali tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u tal-istituzzjonijiet demokratiċi għall-ħolqien ta’ ekonomija stabbli li tirnexxi. Għalkemm il-komunikazzjoni hija dwar strateġija reġjonali, sfortunatament ma tagħtix biżżejjed attenzjoni lil dawn in-nuqqasijiet serji attwali, speċjalment ġewwa Fiġi, li kif ġie nnotat diġà hija t-tieni l-akbar gżira bħala daqs u popolazzjoni fir-reġjun. |
|
5.4 |
Is-sitwazzjoni ġewwa Fiġi, fil-fatt, mhix aċċettabbli: il-gvern, immexxi minn ġunta militari mindu sar il-kolp ta’ Stat tal-2006, nieda kampanja aggressiva fl-2011 biex iżarma l-movimenti tat-trejdjunjins u jiċħad lill-ħaddiema ta’ Fiġi mid-drittijiet fundamentali tagħhom. Dan kien ksur tal-konvenzjonijiet 87 u 98 tal-ILO li kienu ratifikati mill-gvern. L-eliminazzjoni tal-libertà tal-espressjoni, tal-għaqda u tal-assoċjazzjoni, it-tortura u l-abbuż, il-vjolenza kontra n-nisa u l-minorenni, u s-suppressjoni tad-drittijiet l-aktar bażiċi tal-ħaddiema, jagħmlu dan il-każ wieħed emblematiku għall-UE, li ma jistax jibqa’ ttollerat. Għalkemm ġie applikat l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Cotonou, il-KESE jemmen li jinħtieġ intervent aktar qawwi ġo Fiġi, anke minħabba l-elezzjonijiet tal-2014 u l-proċess tad-definizzjoni tal-Kostituzzjoni l-ġdida. |
|
5.5 |
Is-sitwazzjoni ġewwa Fiġi reġgħet ġiet diskussa fis-sessjoni tal-korp governattiv tal-ILO li saret f’Novembru 2012. Ġiet approvata Riżoluzzjoni speċifika, anke minħabba d-deċiżjoni reċenti tal-gvern ta’ Fiġi li jkeċċi delegazzjoni li kienet fuq missjoni bil-mandat tal-korp governattiv tal-ILO (8). L-UE ma tistax ħlief tindirizza din il-kwistjoni b’mod li huwa konsistenti mal-Istati Membri tagħha li ngħaqdu mal-ILO fil-kundanna tagħha. |
|
5.6 |
Il-kundizzjonijiet għall-funzjonament tas-soċjeta ċivili f’dan il-każ huma diffiċli, anzi kważi ma jeżistux. Id-drittijiet l-aktar fundamentali tas-soċjeta ċivili qed jiġu miksura b’mod sfaċċat, u dan imur kontra l-prinċipji kollha tad-demokrazija. Il-KESE ma jistax jaċċetta li din is-sitwazzjoni tkompli sejra. Il-KESE għandu jgħarraf lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE bil-pożizzjoni tiegħu u jaġixxi għaliha (9). |
|
5.7 |
Hemm bżonn ta’ intervenzjoni aktar soda, kemm diretta kif ukoll fil-livell bilaterali, fid-definizzjoni tal-prerekwiżiti neċessarji fl-għoti tal-għajnuna tal-UE. Din tafferma li l-Istati Membri tal-UE huma magħquda fil-pożizzjoni tagħhom dwar id-drittijiet fundamentali, pożizzjoni li hija konsistenti mal-prinċipji kostituttivi tal-Unjoni u li mhumiex negozjabbli. |
6. Ir-rwol tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili
|
6.1 |
Il-KESE jemmen li l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili organizzata hija l-bażi li permezz tagħha jistgħu jiġu żviluppati diversi forom ta’ sħubijiet sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-koeżjoni ekonomika u soċjali. Rwol aktar importanti huwa fil-konfront tad-drittijiet u d-demokrazija. Li dawn jiġu rispettati għandu jkun prerekwiżit għall-pajjiżi li iridu jibbenefikaw mill-politika tal-assistenza u kooperazzjoni tal-UE. |
|
6.2 |
Il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili hija għan ewlieni f’dan l-ambitu, minkejja li hemm mill-anqas żewġ limitazzjonijiet oġġettivi għaliha. L-ewwel waħda hija l-pożizzjoni unika ġeografika, il-vulnerabbiltà tal-gżejjer u l-firxa wiesgħa tal-popolazzjoni, fatturi li jrendu l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt diffiċli ħafna. It-tieni jikkonċerna l-eżerċizzju tad-demokrazija u l-parteċipazzjoni atttiva tas-soċjetà ċivili fil-ħajja tal-istituzzjonijiet. |
|
6.3 |
Minkejja dan, il-KESE jappella biex isir kull sforz għall-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-komunitajiet lokali fid-definizzjoni, it-twettiq u l-monitoraġġ tal-proġetti tal-UE, b’mod partikolari dawk marbuta mal-protezzjoni tal-ambjent, id-djalogu soċjali u ċivili, l-iżvilupp u l-protezzjoni tad-drittijiet u d-demokrazija. |
|
6.4 |
Il-KESE jappella għall-azzjoni fil-pront biex tiġi stabbilita sħubija bejn l-UE u l-Paċifiku bl-involviment tas-soċjeta ċivili organizzata, sabiex il-problemi fir-reġjun jiġu indirizzati b’mod aktar effettiv (10), u li jitwaqqaf kumitat ta’ monitoraġġ tal-programmi bħala element fundamentali tal-parteċipazzjoni. |
7. Kummenti dwar l-azzjonijiet rakkomandati fil-Komunikazzjoni
|
7.1 |
L-azzjonijiet rakkomandati mill-UE, li jqiegħdu l-kwistjoni tar-riskji tat-tibdil fil-klima bħala prijorità fir-reġjun tal-Paċifiku, huma appoġġjati parzjalment biss. Dan għaliex jonqos approċċ integrat għall-iżvilupp sostenibbli fir-reġjun. |
|
7.2 |
Hemm bżonn li jsir approċċ koordinat aħjar bejn is-SEAE u d-diversi direttorati ġenerali tal-Kummissjoni sabiex jiġu identifikati programmi koerenti u strateġiċi li jużaw ir-riżorsi disponibbli għall-protezzjoni tal-ambjent u tas-sajd, kif ukoll għal programmi integrati għall-iżvilupp sostenibbli u l-iżvilupp rurali. |
|
7.3 |
Il-KESE jaqbel li hemm bżonn jissaħħaħ il-djalogu mal-istituzzjonijiet lokali, iżda għandha tkun żgurata il-parteċipazzjoni aktar sistematika tas-soċjetà ċivili permezz ta’ panil permanenti li jevalwa u janalizza l-għajnuna. |
|
7.4 |
Il-KESE jemmen li hemm bżonn ta’ kontinwità fil-laqgħat bejn id-donaturi u l-pajjiżi riċevituri biex jiġi żgurat dak il-koordinament tal-programmi li huwa enfasizzat mill-Kummissjoni. Id-destinazzjoni u l-valutazzjoni tal-effikaċja tal-għajnuna jibqgħu aspetti fundamentali. F’dan ir-rigward, minnbarra l-attività preventiva permezz ta’ informazzjoni u taħriġ, il-monitoraġġ minn kumitat konġunt li għandu bħala ċentru l-imsieħba soċjali u ċivili huwa importanti. |
|
7.5 |
Kif diġà imsemmi, għandhom jissaħħu l-valutazzjonijiet dwar ir-rispett tad-drittijiet bażiċi tal-bniedem, il-qagħda inaċċettabbli tan-nisa fir-reġjun, l-opportunitajiet limitati ta’ impjieg għaż-żgħażagħ, u r-rwol tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi kollha, b’mod partikolari fir-rigward ta’ Fiġi. |
Brussell, 17 ta’ Jannar 2013.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Staffan NILSSON
(1) Il-Gżejjer Cook (bla vot fin-NU), l-Istati Federali tal-Mikroneżja, Fiġi, Kiribati, il-Ġżejjer Marshall, Nauru, Niue (bla vot fin-NU), il-Palaw, il-Papwa Ginea Ġdida, Samoa, il-Gżejjer Solomon, Timor Leste, Tonga, Tuvalu u l-Vanwatu.
(2) Il-Polineżja Franċiża, il-Kaledonja Ġdid, il-Gżejjer Pitcairn u Wallis u Futuna.
(3) Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: Inżidu l-impatt tal-Politika tal-UE għall-Iżvilupp: Aġenda għall-Bidla; COM(2011)637 - 13.10.2011
(4) L-ammont totali tal-għajnuna għall-iżvilupp u l-assistenza għat-tibdil fil-klima għall-pajjiżi tal-Paċifiku u l-OCTs għall-perjodu 2008 ¬ 2013 huwa ta' madwar EUR 785 miljun, li minnhom EUR 730 miljun ġew mill-għaxar EDF u EUR 56 miljun mill-baġit tal-UE. Esklużi l-programmi nazzjonali, il-kooperazzjoni reġjonali bejn l-UE u l-Paċifiku għal-perjodu 2008 ¬ 2013 jiswa madwar EUR 95 miljun għall-finanzjament inizjali, minbarra l-fondi li ġejjin mill-programm tematiku tal-istrument tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp. Il-programm reġjonali tal-UE ¬ Paċifiku għandu l-għan li jsaħħaħ il-kapaċitajiet tal-integrazzjoni u l-kummerċ reġjonali (EUR 45 miljun), appoġġ lis-soċjetà ċivili u t-tisħiħ fil-kapaċità tal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi (EUR 10 miljun) u l-promozzjoni tal-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali (EUR 40 miljun). Barra minn dan, il-Kummissjoni ħabbret l-istabbiliment tal-Faċilità għall-Investiment fil-Paċifiku (Pacific Investment Facility) biex tkabbar l-investiment fl-infrastrutturi ewlenin sabiex ir-reġjun isir aktar kompetittiv fis-suq globali, u biex terġa’ tniedi t-tkabbir ekonomiku, tnaqqas il-faqar u tiffinanzja l-istrumenti ‘ekoloġiċi’ u tadatta għat-tibdil fil-klima.
(5) Ara NAT/459, Is-sitwazzjoni u l-isfidi tal-flotta tat-tonn tropikali tal-Unjoni Ewropea, Relatur: is-Sur Sarró Iparraguirre, ĠU C 48 15.2.2011, p. 21–26.
(6) Il-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI): Regional Economic Outlook, Asia and the Pacific, Navigating an Uncertain Global Environment while building inclusive Growth (Ottubru 2011)
(7) F’Samoa, mill-4 000 żgħażagħ li qed ifittxu x-xogħol, 500 biss isibu impjieg, f’Vanwatu l-proporzjon huwa ta’ 700 minn kull 3 500, u f’Fiġi l-qgħad taż-żgħażagħ hu ta’ madwar 46 %. Ara wkoll UNICEF Investing in Youth Policy, UN Asia-Pacific Interagency Group on Youth (2011).
(8) Konferenza stampa tal-Konfederazzjoni tat-Trejdjunjins dwar Fiġi19.9.2012 u r-rapport tal-ILO qed jitħejja.
(9) Ara l-ittra tal-Kunsill.
(10) Opinjoni tal-KESE dwar “Ir-rwol tas-soċjetà ċivili fil-Ftehim Kummerċjali Multilaterali (FKM) bejn l-UE, il-Kolombja u l-Perù”, ĠU C 299, 4.10.2012, pp. 39–44.