15.2.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 44/140


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar ir-riskju komprensiv u l-valutazzjonijiet tas-sikurezza (‘testijiet ta’ reżistenza’) tal-impjanti tal-enerġija nukleari fl-Unjoni Ewropea u attivitajiet relatati”

COM(2012) 571 final

2013/C 44/25

Relatur ġenerali: is-Sur MORDANT

Nhar it-12 ta’ Ottubru 2012, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar ir-riskju komprensiv u l-valutazzjonijiet tas-sikurezza (“testijiet ta’ reżistenza”) tal-impjanti tal-enerġija nukleari fl-Unjoni Ewropea u attivitajiet relatati

COM(2012) 571 final.

Nhar is-17 ta’ Settembru 2012, il-Bureau tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma (Artikolu 59 tar-Regoli ta’ Proċedura), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-485 sessjoni plenarja tiegħu tat-12 u t-13 ta’ Diċembru 2012 (seduta tat-13 ta’ Diċembru) li jaħtar lis-Sur MORDANT bħala relatur ġenerali u adotta din l-Opinjoni bi 98 vot favur u 6 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Minkejja li l-ġestjoni tar-riskji tiddependi prinċipalment minn kemm huma robusti l-impjanti nukleari, il-KESE jaħseb li jeħtieġ li jiġu kkunsidrati r-riskji kollha tal-impjanti, inklużi r-riskji esterni għall-popolazzjoni, l-ambjent u l-ekonomija.

1.2

Il-KESE jikkunsidra essenzjali li għal kull sit ikun hemm pjan għall-ġestjoni ta’ aċċident li tinkludi t-taħriġ tal-persunal. Hemm bżonn ukoll li r-residenti jiġu infurmati u kkonsultati, waqt li jitħallew jipparteċipaw fit-tfassil tal-istruzzjonijiet u jiġi sfruttat l-għarfien tagħhom tal-lokal filwaqt li tiġi ppjanata wkoll ġestjoni ta’ wara aċċident (attività li tkun fit-tul).

1.3

Il-KESE jħeġġeġ ir-rieda tal-Kummissjoni li tagħmel reviżjoni ambizzjuża tad-Direttiva dwar is-sikurezza nukleari u jagħtiha parir sabiex ma tqiesx biss l-aspetti tekniċi iżda tqis ukoll dak kollu li jikkonċerna lill-ħaddiema kif ukoll liċ-ċittadini fl-aspetti umani (saħħa, stress, psikoloġija, ansjetà, eċċ.).

1.4

Il-KESE jinnota li mhux l-Istati Membri kollha għandhom awtorità indipendenti għas-sikurezza mogħnija b’responsabbiltà regolatorja, bl-istess mod kif m’hemmx approċċ komuni fost l-Istati Membri għar-regolamentazzjoni dwar is-sikurezza nukleari. Għalhekk il-KESE jirrakkomanda li d-Direttiva tarmonizza dawn l-aspetti.

1.5

Fil-fehma tal-KESE, l-informazzjoni għall-pubbliku u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini jistgħu jibbażaw fuq il-Konvenzjoni ta’ Aarhus applikata għan-nukleari, li tipprevedi informazzjoni, parteċipazzjoni/konsultazzjoni u aċċess għall-ġustizzja. Din il-Konvenzjoni kienet ġiet iffirmata mill-UE u l-Istati Membri.

1.6

Il-KESE jemmen li wara t-testijiet ta’ reżistenza u r-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-Kummissjoni, l-UE għandha timplimenta mekkaniżmi ta’ sorveljanza u ta’ verifika li jinkludu l-preżentazzjoni ta’ rapporti perjodiċi fil-livell Ewropew mill-Istati Membri.

1.7

Għall-KESE, kooperazzjoni mill-qrib u l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni bejn l-operaturi, il-bejjiegħa, ir-regolaturi u l-istituzzjonijiet Ewropej li huma mitluba mill-Komunikazzjoni huma importanti u għandhom jiġu estiżi għaċ-ċittadini kif ukoll għall-persunal u għar-rappreżentanti, b’mod partikolari fiż-żoni konfinali fejn hemm bżonn li jiġu armonizzati l-proċeduri.

1.8

Il-KESE jirrakkomanda li fix-xenarji ta’ aċċidenti possibbli għandu jiġi analizzat it-twaqqif tar-reatturi kollha ta’ sit minħabba telf simultanju tat-tkessiħ u tal-enerġija elettrika. Huwa jirrakkomanda wkoll li jiġu riveduti l-proċeduri li jassumu li r-reattur li jkun involut f’aċċident jirċievi enerġija minn reattur ieħor tas-sit u jiġi vverifikat it-tagħmir tal-emerġenza: dawl estern li jippermetti lill-persunal li jiċċaqlaq minn post għall-ieħor, diżil ta’ emerġenza, u titjib fil-provvista tal-ilma tal-pixxini tal-ħżin tal-fjuwil użat.

1.9

Il-KESE jenfasizza li peress li fil-futur prevedibbli mhu ser ikun hemm l-ebda produzzjoni ta’ elettriku bażiku, suffiċjenti u b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju, l-enerġija nukleari għandha tibqa’ parti integrali tat-taħlita enerġetika tal-UE mingħajr ma tiġi kompromessa l-provvista tal-elettriku minħabba nuqqas teknoloġiku jew aċċidenti. Għal din ir-raġuni jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja studju dwar il-fatturi organizzattivi u umani peress li dawn l-elementi huma pilastri tas-sikurezza u s-sigurtà nukleari.

1.10

Il-KESE jappoġġja lill-Kummissjoni fl-intenzjoni tagħha li tipproponi att leġislattiv dwar l-assigurazzjoni u r-responsabbiltà fil-qasam tan-nukleari, li attwalment ma jkoprix verament ir-riskji. Fil-fatt, fil-fehma tal-KESE hemm bżonn li jiġu koperti b’mod partikolari l-aspetti soċjali, ambjentali u ekonomiċi permezz ta’ fondi li jitwaqqfu mill-produtturi tal-elettriku nukleari fl-Ewropa. Barra minn hekk, il-vittmi li jista’ jkun hemm għandhom riskju li ma jiġux protetti biżżejjed jew ikkumpensati.

1.11

Il-KESE huwa mħasseb dwar l-użu (xi drabi sa 80 % tal-persunal) tas-sottokuntrattar, mingħajr ma jkun ġie verament evalwat l-effett ta’ prattiki bħal dawn fuq is-sikurezza. It-telf ta’ kompetenzi b’riżultat ta’ dan idgħajjef lit-timijiet. Il-Kumitat jemmen li hemm bżonn li tingħata aktar attenzjoni lit-taħriġ tal-persunal li jaħdem fid-diversi siti.

1.12

Il-kwistjoni tat-tul ta’ ħajja tal-impjanti ma ġietx indirizzata iżda din tqajjem kwistjonijiet fir-rigward tas-sikurezza. Il-KESE jemmen li din il-kwistjoni hija determinanti fil-valutazzjonijiet tas-sikurezza tal-installazzjonijiet u t-tibdil eventwali tagħhom b’impjanti ta’ ġenerazzjoni ġdida kif ukoll l-ippjanar minn issa ta’ dan it-tibdil. L-estensjonijiet tat-tul ta’ ħajja tal-impjanti nukleari mir-regolaturi nazzjonali għandhom jingħataw biss abbażi tal-aħjar prattiki aċċettati fil-livell internazzjonali.

1.13

Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tistabbilixxi profilassi armonizzata tas-sintomi relatati mat-tirojde minħabba l-inġestjoni ta’ jodju stabbli f’sitwazzjoni ta’ aċċident gravi, li tkun tgħodd għat-territorju kollu tal-UE u li, abbażi tal-lezzjonijiet li nsiltu minn Fukushima, testendi ż-żoni ta’ evakwazzjoni għal 20-30 km mis-siti Ewropej b’popolazzjoni kbira.

2.   Introduzzjoni

2.1

L-aċċident ta’ Fukushima (11 ta’ Marzu 2011) wassal sabiex tiġi riveduta s-sikurezza tal-installazzjonijiet nukleari kemm fl-Ewropa kif ukoll fil-bqija tad-dinja. Fil-fatt, l-Unjoni Ewropea għandha 145 reattur li 13 minnhom jinsabu mwaqqfin jew li qed jiżżarmaw, u dan ifisser li hemm 132 reattur jaħdem fi 58 sit, xi wħud minnhom fil-fruntieri. Għalkemm l-ebda aċċident simili ma seħħ fl-UE, kien jeħtieġ reviżjoni tal-mekkaniżmi kollha sabiex jiġi garantit l-ogħla livell possibbli ta’ sikurezza, sigurtà u radjuprotezzjoni. Fost il-pajjiżi ġirien, l-Isvizzera u l-Ukraina pparteċipaw fit-testijiet ta’ reżistenza.

2.2

Fl-UE, f’Marzu 2011, il-Kunsill Ewropew ikkonkluda li “s-sikurezza tal-impjanti nukleari kollha tal-UE għandha tiġi rieżaminata, abbażi ta’ valutazzjoni tar-riskji u s-sikurezza komprensiva u trasparenti (“testijiet ta’ reżistenza”)”. Għalhekk fil-pajjiżi Ewropej kollha kien organizzat proċess ta’ reviżjoni fi tliet fażijiet:

Awtovalutazzjonijiet mill-operaturi nukleari

Reviżjoni tal-awtovalutazzjonijiet minn regolaturi nazzjonali tas-sikurezza

Reviżjonijiet minn pari tar-rapporti nazzjonali, imwettqa minn esperti nazzjonali u mill-Kummissjoni Ewropea għall-perjodu Jannar – April 2012.

L-Istati Membri parteċipanti kollha bagħtu r-rapporti ta’ progress u r-rapporti finali tagħhom lill-Kummissjoni f’konformità mal-iskadenzi miftiehma (COM(2011) 784 final).

2.3

Barra minn hekk, il-Kunsill Ewropew talab lill-Kummissjoni sabiex tistieden lill-pajjiżi ġirien tal-UE jieħdu sehem fil-proċess tat-testijiet ta’ reżistenza. Huwa talab ukoll lill-UE sabiex “iwettqu rieżami tal-qafas legali u regolatorju eżistenti għas-sikurezza tal-installazzjonijiet nukleari” u biex “sal-aħħar tal-2011 jipproponu kwalunkwe titjib li jista’ jkun neċessarju”. Tajjeb li jitfakkar li din ir-reviżjoni ta’ sikurezza ma setgħetx isseħħ mingħajr mandat mill-Kunsill Ewropew lill-Kummissjoni.

3.   Sinteżi tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni

3.1

Ir-rapport finali nnota li, b’mod ġenerali, l-istandards tas-sikurezza tal-impjanti nukleari fl-Ewropa huma għoljin iżda ġie rrakkomandat xi titjib għal elementi differenti tas-sikurezza fi prattikament l-impjanti nukleari Ewropej kollha.

3.2

Ir-regolaturi tas-sikurezza madankollu waslu għall-konklużjoni li ma kien hemm bżonn li jingħalaq l-ebda impjant.

3.3

Dawn it-testijiet urew li l-istandards ta’ sikurezza rrakkomandati mill-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika u l-aħjar prattiki internazzjonali mhumiex applikati kompletament mill-Istati Membri kollha.

3.4

Il-Kummissjoni ser timmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet u fl-istess ħin ser tipproponi miżuri leġislattivi bil-għan li tkompli tissaħħaħ is-sikurezza nukleari fl-Ewropa.

3.5

Apparti r-rakkomandazzjonijiet ta’ għadd kbir ta’ titjib tekniku speċifiku fl-impjanti, it-testijiet ta’ reżistenza wrew li l-istandards u l-prattiki internazzjonali mhumiex applikati sistematikament. Jeħtieġ ukoll li jinsiltu l-lezzjonijiet ta’ Fukushima, b’mod partikolari fir-rigward tar-riskji marbuta mat-terremoti u l-għarar, il-preżenza u l-użu ta’ strumenti sismiċi fuq il-post, l-implimentazzjoni ta’ sistemi ta’ konteniment permezz ta’ vventjar b’filtri, l-installazzjoni ta’ tagħmir dedikat għar-rispons f’emerġenza f’każ ta’ aċċident u li jkun hemm kamra tal-kontroll ta’ Emerġenza barra mis-sit.

3.6

Ir-regolaturi tas-sikurezza ser ifasslu pjani nazzjonali ta’ azzjoni, li jinkludu l-iskedi għall-implimentazzjoni, u ser ikunu disponibbli għall-aħħar tal-2012. Il-Kummissjoni beħsiebha tipprepara rapport dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li joħorġu mit-testijiet ta’ reżistenza f’Ġunju 2014, f’kollaborazzjoni sħiħa mar-regolaturi tas-sikurezza.

3.7

Il-Kummissjoni analizzat il-qafas legali Ewropew eżistenti fil-qasam tas-sikurezza nukleari u fil-bidu tal-2013 ser tippreżenta reviżjoni tad-Direttiva dwar is-sikurezza nukleari. Il-bidliet proposti ser jikkonċernaw prinċipalment ir-rekwiżiti tas-sikurezza, ir-rwol, l-indipendenza u l-prerogattivi tar-regolaturi tas-sikurezza, it-trasparenza kif ukoll il-monitoraġġ.

3.8

Wara ser ikun hemm ukoll proposti oħra dwar l-assigurazzjoni u r-responsabbiltà fil-qasam nukleari u dwar il-livelli massimi ammissibbli ta’ kontaminazzjoni radjuattiva fl-ikel u l-għalf. Il-proċess tat-testijiet ta’ reżistenza ħareġ fid-dieher ukoll il-bżonn ta’ ħidma addizzjonali dwar is-sigurtà nukleari (jiġifieri l-prevenzjoni ta’ atti malizzjużi), li għaliha huma prinċipalment responsabbli l-Istati Membri.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Hemm bżonn li jiġu enfasizzati l-isforzi kbar u l-ammont kbir ta’ riżorsi finanzjarji involuti f’dawn it-testijiet kif ukoll is-suċċess li bih ġew implimentati. Fil-proċess tat-“testijiet ta’ reżistenza” kien hemm involuti 14-il Stat Membru tal-UE li jħaddmu reatturi, li pparteċipaw għall-valutazzjonijiet “fuq bażi volontarja”, li huwa pass importanti għall-ħolqien ta’ regoli komuni tas-sikurezza u tas-sigurtà. Madankollu dawn il-valutazzjonijiet huma bbażati fuq awtovalutazzjoni mill-operaturi, segwiti minn reviżjoni mill-Awtoritajiet Nazzjonali tas-Sikurezza u r-reviżjonijiet mill-pari. Wara “t-testijiet ta’ reżistenza” u r-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-Kummissjoni, l-UE għandha timplimenta mekkaniżmi ta’ sorveljanza u ta’ verifika.

4.2   Osservazzjonijiet dwar il-qafas legali

4.2.1

Minkejja d-Direttiva dwar is-sikurezza nukleari, fost l-Istati Membri ma jeżistix approċċ konformi fir-rigward tar-regolamentazzjoni tas-sikurezza u s-sigurtà nukleari. Ser ikun neċessarju li r-reviżjoni tad-Direttiva Ewropea tikklassifika s-sikurezza nukleari b’mod aktar fil-fond. Id-Direttiva trid tiġi implimentata b’mod strett u l-proċedura ta’ ksur trid tiġi applikata b’mod aktar rigoruż.

4.2.2

Reviżjoni tad-Direttiva dwar is-sikurezza nukleari. Żewġ pajjiżi, il-Polonja u l-Portugall, għadhom ma ttrasponewx bis-sħiħ id-Direttiva dwar is-sikurezza nukleari (Direttiva tal-Kunsill 2009/71/Euratom tal-25 ta’ Ġunju 2009 li tistabbilixxi qafas Komunitarju għas-sigurtà tal-installazzjonijiet nukleari), għalkemm l-iskadenza kienet it-22 ta’ Lulju 2011). “Huwa kruċjali li jkun żgurat li l-esperjenza mill-aċċident ta’ Fukushima u l-konklużjonijiet tat-testijiet ta’ reżistenza jiġu implimentanti kif suppost u b’mod konsistenti fl-UE u li jiġu riflessi fil-qafas leġiżlattiv.” (COM(2012) 571 final). Il-KESE jappoġġja l-proċess tar-reviżjoni li għaddej bħalissa u jitlob b’mod partikolari li l-UE jkollha rwol superviżorju msaħħaħ. Madankollu dan m’għandux ikun limitat għall-parti teknika koperta mit-“testijiet ta’ reżistenza”. Is-sikurezza tiddependi wkoll mill-bnedmin: iċ-ċittadini, il-ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom. Ikun ta’ benefiċċju jekk il-klawżoli ta’ trasparenza u parteċipazzjoni tal-pubbliku li jinsabu fid-Direttiva dwar in-nukleari tkun ibbażata fuq il-Konvenzjoni ta’ Aarhus, iffirmata mill-UE u minn kważi l-Istati Membri kollha, għallinqas fir-rigward tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini.

4.2.3

Huwa importanti li jiġi enfasizzat il-bżonn li jiġu armonizzati r-regoli dwar il-protezzjoni radjoloġika u dwar il-preparazzjoni għas-sitwazzjonijiet ta’ emerġenza barra mill-impjanti fost l-Istati Membri tal-UE: “Fl-UE, 47 impjant tal-enerġija nukleari b’111-il reattur għandhom aktar minn 100 000 abitant jgħixu f’ċirku ta’ 30 km. Dan juri li l-miżuri ta’ prevenzjoni barra mis-sit huma ta’ importanza primarja. Ir-responsabbiltà għal miżuri bħal dawn hija kondiviża bejn diversi awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali.” (COM(2012) 571 final). Għal din ir-raġuni, il-Kumitat jappoġġja bil-qawwa li tiġi riveduta l-leġislazzjoni tal-UE f’dan il-qasam kif ukoll l-involviment neċessarju tar-residenti.

4.2.4

Assigurazzjoni u responsabbiltà fil-qasam nukleari. Dan il-punt mhuwiex indirizzat fil-livell Ewropew, iżda “l-Artikolu 98 tat-Trattat Euratom jipprovdi għal Direttivi tal-Kunsill li jistabbilixxu miżuri vinkolanti dwar din il-kwistjoni. Għalhekk, abbażi ta’ valutazzjoni tal-impatt, il-Kummissjoni se tanalizza sa fejn għandha tittejjeb is-sitwazzjoni ta’ vittmi potenzjali ta’ aċċident nukleari fl-Ewropa, fi ħdan il-limiti tal-kompetenza tal-UE.” (COM(2012) 571 final). Il-Kummissjoni beħsiebha tipproponi att leġislattiv dwar din il-kwistjoni u l-KESE jappoġġja din l-inizjattiva peress li attwalment, l-assigurazzjonijiet ma jkoprux biżżejjed ir-riskji. Din il-leġislazzjoni għandha tkopri b’mod partikolari l-aspetti soċjali, ambjentali u ekonomiċi u l-kumpens “tal-aħħar istanza” li attwalment huwa responsabbiltà tal-istat.

4.2.5

Reviżjoni tal-leġislazzjoni dwar l-ikel u l-għalf.“L-esperjenza miksuba mill-avvenimenti ta’ Fukushima u Chernobyl urew ħtieġa li jsir divrenzjar bejn l-istrumenti li jirregolaw l-importazzjoni tal-ikel minn pajjiżi terzi u dawk għat-tqegħid fis-suq tal-ikel fil-każ ta’ aċċident fi ħdan l-UE.” (COM(2012) 571 final). Hemm bżonn li din il-leġislazzjoni tiġi riveduta.

4.3

L-ispeċifikazzjonijiet tat-“testijiet ta’ reżistenza” ddeskrivew dak li kellu jkun kopert fl-analiżi, iżda ma ddeskrivewx dak li ma kellux ikun kopert. B’dan il-mod ġew eskużi t-tixjiħ tal-impjanti nukleari u l-impatt li tiġi estiża l-ħajja tagħhom, il-kultura tas-sikurezza u l-indipendenza, l-istandards u l-konsistenza fost ir-regolaturi nazzjonali, u għalhekk ma ġewx evalwati. Għallinqas xi wħud minn dawn il-fatturi jistgħu jitqiesu bħala li kkontribwixxew għall-ambitu u l-impatt tad-diżastru ta’ Fukushima – ir-raġuni inizjali għat-“testijiet ta’ reżistenza”.

4.4

F’dan il-kuntest, il-KESE jappoġġja l-proposta li jibda jaħdem iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka kif ukoll li jinħoloq Laboratorju Ewropew tas-Sikurezza Nukleari permanenti, iżda dawn jibqgħu kwistjoni ta’ analiżi teknika. Il-KESE jinnota għal darb’oħra li hemm bżonn li jiġi żviluppat taħriġ ta’ livell għoli adatt għall-attività nukleari. Barra minn hekk, hemm bżonn awtorità amministrattiva kompetenti għas-sikurezza nukleari fl-Ewropa apparti dik għar-radjuprotezzjoni u dik għall-kontroll rigward il-proliferazzjoni nukleari.

4.5

Il-KESE jindika li hemm bżonn ukoll li jiġi indirizzat it-taħriġ tal-persuni li jaħdmu fid-diversi siti. L-użu tas-sottokuntrattar qiegħed isir pjuttost sistematiku f’ċerti pajjiżi mingħajr ma jkun verament evalwat l-effett ta’ prattiki bħal dawn fuq is-sikurezza. It-telf ta’ kompetenzi b’riżultat ta’ dan idgħajjef lit-timijiet.

4.6

It-tisħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali u t-titjib tal-qafas legali globali għas-sikurezza nukleari.“Il-maġġoranza tan-nazzjonijiet parteċipanti f’dan il-grupp ta’ ħidma aċċennaw il-ħtieġa li jiġu kkunsidrati l-istandards tas-sikurezza tal-IAEA, l-indipendenza u l-effettività regolatorja, l-użu estiż tal-evalwazzjonijiet bejn il-pari kif ukoll il-ftuħ u t-trasparenza mtejba.” (COM(2012) 571 final). Jeħtieġ li jiġi nnotat li l-ideat ta’ indipendenza, trasparenza, u ftuħ jiggwidaw l-ideat ta’ kondiviżjoni u tisħiħ tar-regoli, iżda dan huwa biżżejjed jekk dawn ir-regoli ma jiġux applikati?

5.   Kummenti speċifiċi

5.1   Trasparenza

5.1.1

Irid jiġi konkluż li, bl-eċċezzjoni ta’ referenza għat-trasparenza, il-fatt li l-pubbliku jiġi infurmat mhuwiex parti mill-proċess tat-“testijiet ta’ reżistenza”, minkejja li din l-informazzjoni hija prevista mill-Konvenzjoni ta’ Aarhus, li t-tliet pilastri tagħha jappellaw għall-konsultazzjoni, il-parteċipazzjoni u l-aċċess għall-ġustizzja. Madankollu, iċ-ċittadini huma element indispensabbli tas-sikurezza u s-sigurtà nukleari bl-istess mod. L-involviment taċ-ċittadini tal-UE ma kienx biżżejjed meta jitqiesu r-riskji. Fil-fatt, ma kienx faċli għall-pubbliku li jagħti kontribut. L-iskadenzi kienu qosra wisq biex ikunu jistgħu janalizzaw id-diversi fajls. Waqt il-laqgħat pubbliċi mhux dejjem kien hemm l-interpretazzjoni disponibbli u diversi assoċjazzjonijiet ma setgħux jipparteċipaw minħabba raġunijiet finanzjarji. Madankollu, il-livell ta’ trasparenza miksuba ppermetta li ċerti organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili janalizzaw r-rapporti b’mod iddettaljat ħafna.

5.1.2

“L-okkorrenza ta’ inċidenti fl-impjanti nukleari, anke fl-Istati Membri li normalment għandhom rekords tas-sikurezza tajbin, tikkonferma l-ħtieġa għal rieżamijiet bir-reqqa tas-sikurezza fuq bażi regolari u għall-valutazzjoni tal-esperjenza operattiva, u taċċenna l-ħtieġa għal kooperazzjoni mill-qrib u kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn l-operaturi, il-bejjiegħa, ir-regolaturi u l-istituzzjonijiet Ewoprej, bħaċ-Ċentru tal-Approvazzjoni Ewropew tal-Esperjenza fl-Operat li huwa miżmum miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni (JRC).” L-iskambju tal-informazzjoni ma jistax ikun għall-“operaturi, il-bejjiegħa, ir-regolaturi u l-istituzzjonijiet Ewropej” biss (COM(2012) 571 final). Iċ-ċittadini tal-UE jridu jiġu involuti fil-proċess: dan huwa wieħed mill-pilastri (informazzjoni, konsultazzjoni/parteċipazzjoni, aċċess għall-ġustizzja) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

Pereżempju, fi Franza jeżistu tliet korpi sabiex jgħinu liċ-ċittadini: il-Kumitat ta’ Livell Għoli għat-Trasparenza u l-Informazzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari (Haut comité pour la transparence et l’information sur la sécurité nucléaire – HCTISN), il-kummissjonijiet lokali għall-informazzjoni (Commissions locales d’information – CLIs) u l-Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-Kumitati u l-Kummissjonijiet Lokali għall-Informazzjoni (l’Association nationale des comités et commissions locales d’information – ANCCLI) (Liġi ta’ Ġunju 2006). Dawn il-korpi kienu involuti fil-proċess Franċiż tal-“Valutazzjonijiet Addizzjonali tas-Sikurezza”. L-HCTISN ipparteċipa fit-tħejjija tal-ispeċifikazzjonijiet u nkariga grupp ta’ ħidma sabiex, permezz tas-seduti fil-livell lokali, jikkjarifika l-kundizzjonijiet ta’ xogħol tal-persunal. Is-CLI u l-ANCCLI pprovdew analiżijiet tar-rapporti tal-operaturi li kkontribwixxew għar-rapport tal-Awtorità Franċiża tas-Sikurezza Nazzjonali.

Fir-rigward tal-inċidenti, dawn il-korpi għandhom aċċess għall-ittri ta’ segwitu tal-ispezzjoni u jistgħu jiksbu l-ittri bir-risposti tal-operaturi. Il-possibbiltajiet li jeżistu fi Franza juru li l-parteċipazzjoni tal-pubbliku għall-analiżijiet tal-inċidenti tippermetti li jinbena djalogu aktar kostruttiv maċ-ċittadini.

5.2

Wieħed mill-kummenti importanti tal-Kummissjoni huwa li “ir-regolaturi nazzjonali kkonkludew li ma hemmx raġunijiet tekniċi li jirrikjedu l-għeluq ta’ xi NPP fl-Ewropa, kif ukoll identifikaw serje ta’ prattiki tajba.” (COM(2012) 571 final). Ma’ din id-dikjarazzjoni madankollu hemm ukoll rakkomandazzjonijiet u talbiet għal titjib li jridu jitwettqu sa ċertu perjodu: x’ser jiġri jekk l-iskadenzi ma jiġux rispettati? Ċerti talbiet tekniċi bħall-ħxuna tal-art tar-reattur (Fessenheim fi Franza), il-bunkering tal-bini (pixxini tal-ħżin tal-fjuwil) jistgħu jkunu impossibli biex jiġu implimentati: x’ser jiddeċiedu mbagħad il-pajjiżi? Ta’ min jitfakkar ukoll li ċertu numru ta’ impjanti ma implimentawx il-miżuri ta’ protezzjoni li kienu rrakkomandati wara l-aċċidenti ta’ Three Mile Island u Chernobyl.

5.3   Sejbiet dwar il-proċeduri u l-oqfsa tas-sikurezza.

Wara Fukushima, il-punti essenzjali jikkonċernaw:

5.3.1   Valutazzjoni u ġestjoni tar-riskji esterni

Qatt ma ġie antiċipat it-telf simultanju tas-sors tat-tkessiħ u tal-enerġija elettrika għar-reatturi kollha ta’ sit. B’konsegwenza, il-mekkaniżmi ta’ protezzjoni (bħad-diżil ta’ emerġenza, tankijiet tal-ilma) urew li kienu ineffettivi, saħansitra aktar minħabba li kellhom ikunu r-reatturi l-oħra tas-sit li suppost kellhom jaqdu l-funzjonijiet tar-reattur li waqaf.

5.3.2

Il-Valutazzjonijiet tas-Sikurezza Probabbilistika“jvarjaw b’mod sinifikanti” minn Stat Membru għall-ieħor (COM(2012) 571 final). Dawn iridu jiġu armonizzati abbażi tal-aktar approċċ strett. Ma nistgħux nafdaw wisq fuq il-probabbiltajiet baxxi, għax l-aċċidenti ġeneralment huma r-riżultat ta’ taħlita ta’ ksur żgħir wieħed wara l-ieħor, jew agħar, fl-istess ħin. Barra minn hekk, l-analiżi ta’ Fukushima wriet li r-riskji ta’ terremot jew tsunami kienu tnaqqsu, anke jekk l-ispeċjalisti indikaw li avvenimenti bħal dawn mhux biss kienu possibbli iżda kienu seħħew fis-snin tletin. It-tendenza kienet li ċerti aċċidenti jitqiesu bħala “impossibli”.

Fuq kollox, l-aċċident ta’ Three Mile Island kien diġà wera li l-qalba ta’ reattur tista’ ddub. L-analiżijiet li saru diversi snin wara l-aċċident urew li t-tank kien ixxaqqaq, iżda rreżista. Min-naħa l-oħra, f’Chernobyl, il-lava (corium) infirxet ma kullimkien. U f’Fukushima, it-tliet qalbiet (numri 1, 2 u 3) dabu parzjalment u probabbilment attakkaw l-art tar-reatturi.

5.3.3   Il-ġestjoni ta’ aċċidenti gravi

Is-sitwazzjonijiet kollha jridu jiġu antiċipati sabiex ikunu jistgħu jinħolqu miżuri ta’ emerġenza biex kemm jista’ jkun jittaffa aċċident. Waħda mill-aktar miżuri importanti hija t-taħriġ tal-persunal. Iżda, sabiex il-ġestjoni esterna tkun possibbli, il-preparazzjonijiet għall-ġestjoni ta’ aċċident trid issir mar-residenti, billi jingħataw il-possibbiltà li jipparteċipaw fit-tfassil tal-istruzzjonijiet tas-sikurezza li jisiltu mill-għarfien tagħhom tal-lokal.

L-aċċident ta’ Fukushima wriena għal darb’oħra l-importanza tal-ġestjoni ta’ wara aċċident, ġestjoni li, ċertament, ser tkun ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali. Madankollu, ir-residenti jridu jkunu kkonsultati, iridu jipparteċipaw f’dawn l-eżerċizzji u joffru l-għarfien tagħhom. Il-ġestjoni ta’ wara aċċident huwa approċċ li jrid isir fit-tul.

5.4   Rakkomandazzjonijiet essenzjali riżultat tat-testijiet ta’ reżistenza u relatati mas-sikurezza

5.4.1   Rakkomandazzjonijiet dwar il-miżuri ta’ sikurezza fl-impjanti eżistenti:

Segwitu mill-pajjiżi parteċipanti

L-akkwist ta’ tagħmir mobbli għandu jagħmilha possibbli li jiġu antiċipati jew jittaffew l-aċċidenti gravi. Hemm bżonn li jissaħħaħ it-tagħmir (sistemi aktar robusti) u jitjieb it-taħriġ tal-persunal.

Pjan ta’ azzjoni sabiex tiġi garantita l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet

L-ewwel nett jeħtieġ li tiġi evalwata l-importanza relattiva tad-diversi rakkomandazzjonijiet “biex jipprijoritizzaw u jallokaw il-fondi għal dawk l-oqsma li jrendu l-ikbar benefiċċji tas-sikurezza” (COM(2012) 571 final). Fir-rigward tal-ġenerazzjonijiet il-ġodda tar-reatturi, bi prinċipju dawn huma mfassla sabiex ikunu konformi mal-miżuri kollha marbuta mar-rakkomandazzjonijiet iżda għandha tissaħħaħ il-kapaċità għar-regolazzjoni tas-sikurezza nukleari fl-Ewropa.

Responsabbiltà għall-monitoraġġ u l-kontroll:

Din ir-responsabbiltà taqa’ f’idejn l-Istati Membri. Madankollu jridu jipprovdu rapporti perjodiċi fil-livell Ewropew.

5.4.2   Rakkomandazzjonijiet dwar il-proċeduri

Fil-livell Ewropew “għandha tiġi żviluppata gwida Ewropea dwar il-valutazzjoni tal-perikli naturali, inkluż terremoti, għargħar u kundizzjonijiet estremi tat-temp, u marġnijiet tas-sikurezza, sabiex tiżdied il-konsistenza bejn l-Istati Membri” (COM(2012) 571 final). Il-Kummissjoni tirrakkomanda li dan il-kompitu jingħata lill-WENRA (Western European Nuclear Regulators’ Association – L-Assoċjazzjoni tar-Regolaturi Nukleari tal-Ewropa tal-Punent). Ikun għaqli li jintuża proċess ta’ konsultazzjoni tat-tip tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus sabiex għallinqas jiġu involuti r-residenti viċin is-siti fit-tfassil ta’ dawn il-linji gwida.

L-ispezzjonijiet u l-valutazzjonijiet darba kull għaxar snin iridu jsiru sistematiċi, waqt li fl-istess ħin jinżammu programmi ta’ manutenzjoni adatti għall-importanza tat-tagħmir.

Għallinqas darba kull għaxar snin għandhom jiġu aġġornati r-rapporti ta’ sikurezza tar-reatturi.

Għandu jiġi pprovdut it-tagħmir ta’ emerġenza u għandhom jinħolqu ċentri protetti ta’ kriżi kif ukoll timijiet ta’ salvataġġ attrezzati b’tagħmir mobbli.

5.5

Fix-xenarji ta’ aċċidenti possibbli għandu assolutament jiġi analizzat min ser jerfa’ r-responsabbiltà għat-twaqqif tar-reatturi kollha ta’ sit minħabba telf simultanju tat-tkessiħ u tal-enerġija elettrika. Għandhom jiġu riveduti l-proċeduri kollha li jassumu li r-reattur li jkun involut f’aċċident jirċievi enerġija minn reattur ieħor tas-sit u jrid jiġi rivedut ukoll it-tagħmir tal-emerġenza: dawl estern li jippermetti lill-persunal li jiċċaqlaq minn post għall-ieħor, diżil ta’ emerġenza. Bla dubju għandu jiġi vverifikat il-ħżin ta’ fjuwil użat f’pixxini u titjieb il-provvista tal-ilma f’dawn il-pixxini.

5.6

“Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-estensjoni tal-valutazzjoni tas-sikurezza għat-tħejjija għal emerġenza barra mis-sit u l-arranġamenti ta’ rispons, hija attività addizzjonali importanti biex tittejjeb is-sikurezza taċ-ċittadini” (COM(2012) 571 final). Il-KESE jemmen li hemm bżonn li jiġu armonizzati wkoll il-proċeduri bejn il-pajjiżi ġirien. Fir-rigward tas-CLI: xi Svizzeri u Ġermaniżi huma membri tas-CLIS ta’ Fessenheim, waqt li xi Ġermaniżi u Lussemburgiżi huma membri ta’ dik ta’ Cattenom. Xi Belġjani jattendu l-laqgħat tas-CLI ta’ Chooz u jistgħu jattendu għal dawk ta’ Gravelines. Huwa importanti ħafna li r-responsabbiltà tal-aċċidenti titħejja mar-residenti. Fil-fatt, f’każ ta’ aċċident, il-ġestjoni ta’ wara aċċident tista’ ddum għal żmien twil u bla dubju huma dawn ir-residenti li ser isofru l-piż tal-ħsara b’konsegwenzi soċjali, ekonomiċi u ambjentali serji. L-assigurazzjonijiet tal-operaturi huma ’l bogħod milli jkopru l-ispejjeż ta’ aċċident: fil-fatt huma l-istati (u għalhekk iċ-ċittadini) li jħallsu ta’ dan.

5.7   Sejbiet ewlenin u rakkomandazzjonijiet mill-valutazzjonijiet tas-sikurezza

5.7.1

Il-Grupp ad hoc tal-Kunsill dwar is-Sigurtà Nukleari (AHGNS) (rapport finali: http://register.consilium.europa.eu/pdf/en/12/st10/st10616.en12.pdf) ressaq l-analiżi tiegħu dwar ħames temi: il-protezzjoni fiżika, l-inġenji tal-ajru kkraxxjati apposta, iċ-ċiberattakki, l-ippjanar għal emerġenza nukleari kif ukoll l-eżerċizzji u t-taħriġ. Madankollu, is-sigurtà nazzjonali tibqa’ r-responsabbiltà tal-Istati Membri. Hemm bżonn li:

tiġi rratifikata l-konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-materjal nukleari (proliferazzjoni);

titkompla l-ħidma dwar is-sikurezza nukleari;

jiġu stabbiliti r-rabtiet bejn is-sigurtà, ir-radjuprotezzjoni u s-sikurezza nukleari.

In-nuqqas ta’ studji dwar il-fatturi organizzattivi u umani joħloq vojt. Huwa essenzjali li tingħata attenzjoni lil dan il-fattur, li huwa pilastru tas-sigurtà.

5.7.2

Tqajmu xi kwistjonijiet dwar il-bżonn li jiġu indirizzati l-atti malizzjużi kif ukoll il-possibbiltà ta’ kraxxjaturi tal-ajruplani meta tingħata ħarsa lejn l-aċċidenti. Dan il-punt kien analizzat matul seminar fil-livell Ewropew. Il-kwistjoni tal-ajruplani kbar li jikkraxxjaw enfasizzat id-differenzi fl-approċċi bejn il-pajjiżi tal-UE. Madankollu, it-tħassib fis-soċjetà huwa kbir wisq u għalhekk dan għandu jiġi kkunsidrat. Fil-fatt, il-konteniment tar-reatturi li attwalment qegħdin jaħdmu mhux ser jirreżisti għall-impatt ta’ ajruplan kbir, iżda min-naħa l-oħra r-reatturi l-ġodda tat-tip EPR iridu jikkonformaw mar-rekwiżiti ġodda ta’ kostruzzjoni: dawn ser ikunu biżżejjed?

5.7.3   Miżuri ta’ rinfurzar tas-sigurtà nukleari:

it-tnaqqis tat-theddida tal-inċidenti kimiċi, bijoloġiċi, radjuloġiċi, nukleari (CBRN) ta’ oriġini intenzjonata, inklużi atti ta’ terroriżmu u detezzjoni ta’ materjali radjuattivi u nukleari;

ir-reviżjoni tad-Direttiva 2008/114/KE dwar l-identifikazzjoni u l-indikazzjoni tal-Infrastruttura Kritika Ewropea, prevista fl-2013;

il-Kummissjoni ser tħejji proposta leġiżlattiva dwar is-sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni sal-aħħar tas-sena;

l-adozzjoni tal-proposta għar-reviżjoni tal-Mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili tal-UE li jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fl-intervenzjonijiet ta’ assistenza tal-protezzjoni ċivili fil-każ ta’ emerġenzi maġġuri, inklużi aċċidenti radjoloġiċi u nukleari.

5.8   Il-passi li jmiss

5.8.1

Għandu jiġi nnotat li d-diżastru ta’ Fukushima wassal sabiex jiġu organizzati “testijiet ta’ reżistenza” li kkostitwixxew eżerċizzju li daqsu qatt ma kien hemm bħalu qabel. Huwa veru wkoll li ħafna mid-dokumentazzjoni kienet disponibbli għall-pubbliku. Madankollu jrid jitkompla monitoraġġ strett. Fil-fatt hemm bżonn ta’ titjib fil-pajjiżi kollha u d-dgħufijiet fir-regolamentazzjoni jridu jitneħħew.

5.8.2

Jibqa’ wkoll il-każ li l-fatturi umani u organizzattivi mhumiex analizzati biżżejjed u li l-importanza tagħhom għas-sikurezza ma titqiesx. Fir-rigward tal-organizzazzjoni f’każ ta’ kriżi u l-indirizzar tagħha fuq perjodu fit-tul, hemm bżonn tassew li tinfetaħ il-konsultazzjoni mal-partijiet kollha interessati u jiġu involuti ċ-ċittadini fil-livell bażiku.

5.8.3

Il-Kummissjoni tirrakkomanda:

li kemm jista’ jkun malajr jiġu implimentati t-talbiet li saru. Il-Kummissjoni ser issegwi l-implimentazzjoni ta’ dawn it-talbiet u flimkien mal-ENSREG (il-Grupp ta’ Regolaturi Ewropew dwar is-Sikurezza Nukleari) ser tippubblika rapport fl-2014. Hija żżid li l-pjan ta’ azzjoni għandu jkollu l-għan li jimplimenta l-maġġoranza tat-titjib neċessarju għas-sikurezza sal-2015;

li tipproponi lill-Kunsill mandat biex jipparteċipa b’mod attiv fil-grupp ta’ ħidma dwar it-trasparenza (li ġie propost ukoll mill-IAEA u mmudellat mir-riċerka Ewropea RISCOM). Il-KESE jissuġġerixxi li dan ikun ibbażat fuq il-Konvenzjoni ta’ Aarhus;

li tikkontribwixxi għar-rinfurzar tas-sigurtà nukleari bl-appoġġ tal-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE.

Hawnhekk il-KESE jirrakkomanda l-parteċipazzjoni/il-konsultazzjoni maċ-ċittadini.

5.8.4

Il-KESE jqis li r-riżultat tal-proċess tat-testijiet ta’ reżistenza għandu jkun li jiġu adottati l-ogħla standards tas-sikurezza għall-enerġija nukleari li tforni 30 % tal-produzzjoni tal-elettriku fl-UE. Dan huwa essenzjali jekk din is-sorsa importanti ta’ elettriku b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju ser tkompli tikkontribwixxi għat-taħlita enerġetika fl-Ewropa u tikseb l-objettiv li jitnaqqsu l-gassijiet serra.

Brussell, 13 ta’ Diċembru 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON