14.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 76/24


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni — Att dwar is-Suq Uniku II — Flimkien għal tkabbir ġdid”

COM(2012) 573 final

2013/C 76/05

Relatur: is-Sur SIEKER

Korelaturi: is-Sinjura FEDERSPIEL, is-Sur VOLEŠ

Nhar id-19 ta’ Diċembru 2012, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni - Att dwar is-Suq Uniku II: Flimkien għal tkabbir ġdid

COM(2012) 573 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-8 ta’ Jannar 2013.

Matul l-486 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta’ Jannar 2013 (seduta tas-16 ta’ Jannar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’162 vot favur, 24 vot kontra u 18-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat ifakkar (1) li s-Suq Uniku huwa fattur ċentrali tal-integrazzjoni Ewropea, bil-potenzjal li jwassal benefiċċji li jinħassu b’mod dirett għall-partijiet interessati Ewropej u li jiġġenera tkabbir sostenibbli għall-ekonomiji Ewropej. Fil-kriżi ekonomika attwali, Suq Uniku li jaħdem tajjeb u li huwa orjentat lejn il-ġejjieni mhuwiex biss mixtieq iżda saħansitra essenzjali għall-ġejjieni politiku u ekonomiku tal-Unjoni Ewropea.

1.2

Fl-isfond tal-kriżi ekonomika li għaddejja bħalissa, u, fost affarijiet oħrajn, l-impatt li kellha d-deregolazzjoni tas-swieq finanzjarji fuq il-baġits nazzjonali tal-Istati Membri, fuq l-ekonomija reali, fuq il-faqar u fuq l-impjiegi fl-UE (2), it-ton ottimist tal-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-implimentazzoni tas-Suq Uniku jinħass mhux f’loku. Il-KESE jemmen li l-Kummissjoni tat ftit wisq attenzjoni għall-effetti sekondarji negattivi mhux mistennija tas-Suq Uniku. It-tħabbira prematura ta’ suċċess b’mod dimostrattiv u espliċitu żżejjed tista’ biss twassal għall-frustrazzjoni taċ-ċittadini tal-UE. Il-konsegwenza tista’ tkun li s-Suq Uniku jkompli jiddgħajjef aktar minflok ma tingħatalu dinamika ġdida. Il-Kummissjoni għandha tadotta approċċ iktar realistiku billi tikkomunika b’ton bilanċjat tajjeb.

1.3

Il-funzjonament aħjar tas-Suq Uniku permezz tal-linji gwida l-qodma u l-ġodda qed jiġi mhedded miż-żieda enormi ta’ nies qiegħda għal 28 miljun, li b’mod partikolari qed tolqot liż-żgħażagħ fl-UE. Mijiet ta’ eluf ta’ SMEs fallew u 120 miljun ċittadin jinsabu fir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali: dan jirrappreżenta madwar 25 % tal-popolazzjoni tal-UE. Għaldaqstant, id-domanda u l-konsum fl-UE qed jintlaqtu bil-kbir. Barra mill-azzjonijiet ewlenin, l-UE u l-Istati Membri jridu jżidu l-isforzi tagħhom biex jegħlbu l-kriżi finanzjarja, ekonomika u baġitarja, u biex jilliberaw il-potenzjal sħiħ tas-Suq Uniku.

1.4

Il-KESE jappella lill-Parlament, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jaġixxu malajr iżda mingħajr ma tiġi affettwata l-kwalità, sabiex jiġi żgurat li dawn il-proposti leġislattivi jiġu adottati qabel tmiem il-mandati tal-Parlament u tal-Kummissjoni fir-Rebbiegħa tal-2014. Il-KESE jilqa’ bis-sħiħ l-applikazzjoni malajr tal-miżuri proposti fil-Komunikazzjoni dwar il-Gvernanza tas-Suq Uniku biex titjieb l-implimentazzjoni ġenerali tar-regoli tal-UE.

2.   Kummenti ġenerali: “Għal ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna”

2.1

Il-Kummissjoni tat definizzjoni tat-tieni fażi tal-Att dwar is-Suq Uniku bi 12-il azzjoni ewlenija ġdida biex jitjieb il-funzjonament tas-Suq Uniku. Il-KESE jilqa’ l-fatt li ġie ikkonsultat qabel il-pubblikazzjoni tal-Komunikazzjoni u li l-Kummissjoni ħadet uħud mir-rakkomandazzjonijiet tiegħu fl-Att dwar is-Suq Uniku II. Madanakollu, jiddispjaċih li din id-darba ma saret l-ebda konsultazzjoni formali pubblika u li l-konsultazzjoni informali ma kinitx bilanċjata b’mod ġust bejn il-partijiet interessati rilevanti

2.2

Minkejja l-kontribut pożittiv tas-Suq Uniku għat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien ta’ impjiegi ġodda minn mindu twaqqaf, għadu ma wassalx il-potenzjal sħiħ tiegħu lill-partijiet interessati kollha, kemm jekk inhuma negozji, ħaddiema, konsumaturi u ċittadini, kif ukoll jekk oħrajn. Il-Kummissjoni ssemmi 2,77 miljun impjieg ieħor iżda ma tgħid xejn dwar in-natura prekarja ta’ wħud minn dawn l-impjiegi (3). Nafu li mir-Rebbiegħa tal-2008, meta l-konsegwenzi tal-kriżi ekonomika bdew jinħassu madwar l-Ewropa, intilfu madwar 10 miljun impjieg, u jidher li din ix-xejra negattiva għadha ma spiċċatx (4).

2.3

Għalkemm il-Kummissjoni indikat liema kienu l-prinċipji ta’ gwida wara dawn l-għażliet (aġenda għal regolamentazzjoni aħjar, il-prezz tan-non-Ewropa, eċċ), is-sens ta’ urġenza dwar uħud mill-għażliet mhux dejjem jasal b’mod ċar fl-istituzzjonijiet Ewropej kollha. Pereżempju, dwar il-mobbiltà tal-ħaddiema, il-Kummissjoni ħabbret inizjattiva marbuta mal-portal ta’ EURES waqt li fl-istess ħin attivitajiet fundamentali oħra f’dan il-qasam għadhom pendenti fil-Kunsill.

2.4

Il-KESE jħoss li l-Kummissjoni tat ftit wisq attenzjoni għall-effetti sekondarji negattivi mhux mistennija tas-Suq Uniku. Ir-regolazzjoni tal-UE tas-swieq finanzjarji kienet dgħajfa wisq biex ittemm is-sorveljanza difettuża u biex tipprevjeni tip ta’ intraprenditorija mmirata lejn l-interessi fuq żmien qasir ta’ grupp privileġġjat ta’ azzjonisti. Għandha tingħata aktar attenzjoni għat-titjib tat-tmexxija korporattiva. Iż-żieda fit-trasparenza u r-responsabbiltà għandha tkun l-ogħla prijorità sabiex jiġi żgurat li s-Suq Uniku jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ ambjent legali li jirrispetta l-interessi leġittimi tal-partijiet interessati kollha.

2.5

Ta’ min jinnota ċ-ċertezza li biha l-Kummissjoni tistqarr li dawn it-12-il xprun ġdid ser jikkontribwixxu għat-tkabbir, għal aktar impjiegi u għal aktar fiduċja fis-Suq Uniku. Il-KESE jemmen li l-istorja tal-introduzzjoni tas-Suq Uniku turi li wħud mill-miżuri li ttieħdu fil-passat kellhom effett imdaqqas fuq żmien qasir. It-tħabbira prematura ta’ suċċess b’mod dimostrattiv u espliċitu żżejjed tista’ biss twassal għall-frustrazzjoni taċ-ċittadini tal-UE, speċjalment jekk ma jingħatawx provi serji minn valutazzjoni tal-impatt. Il-konsegwenza tista’ tkun li s-Suq Uniku jkompli jiddgħajjef aktar minflok ma tingħatalu dinamika ġdida (5). Il-Kummissjoni għandha turi approċċ iktar realistiku billi tikkomunika b’ton bilanċjat tajjeb.

2.6

Sfortunatament l-Att dwar is-Suq Uniku I u II ma jenfasizzawx l-importanza li tiġi żgurata l-kunfidenzjalità fir-rigward tal-infurzar tad-drittijiet. Il-KESE għadu qed jittama bil-ħerqa li fl-aħħar jara l-introduzzjoni ta’ strument ta’ rimedju ġudizzjarju effettiv u kollettiv li jkun disponibbli għall-konsumaturi Ewropej. Għalkemm il-liberalizzazzjoni tas-swieq u ż-żieda tal-kompetizzjoni huma għanijiet ewlenin tal-politika dwar is-Suq Uniku u jaqdu rwol importanti biex jippermettu lill-konsumaturi jagħżlu b’mod ħieles, il-konsumaturi għandhom bżonn ukoll qafas b’saħħtu ta’ drittijiet li jipproteġuhom fir-rigward tax-xiri ta’ prodotti u servizzi u tal-infurzar effiċjenti ta’ dawn id-drittijiet. Għadd ta’ studji kkonkludew li l-implimentazzjoni ta’ strumenti differenti tal-UE qed issir bil-mod u l-infurzar għadu relattivament dgħajjef, partikolarment f’sitwazzjonijiet transkonfinali, u għaldaqstant il-Kummissjoni għandha tipproponi bla dewmien miżuri vinkolanti dwar għodod ta’ infurzar ġodda.

2.7

Sfortunatament, waħda biss minn 12-il inizjattiva hija msejħa bħala miżura għall-konsumatur, minkejja l-fatt li għadd ta’ xpruni għandhom impatt importanti fuq il-ħajja ta’ kuljum tal-konsumaturi Ewropej (6). Nittamaw li dan ma jirriflettix il-mod li bih il-Kummissjoni tħares lejn il-politika tal-konsumatur. Huwa importanti li l-attenzjoni tkun wiesgħa u li l-konsumaturi ma’ jitqisux bħala appendiċi tal-politika tan-negozji iżda jitqiesu bħala atturi indipendenti, bil-ħsieb li jinħoloq Suq Uniku li jgawdi minnu kulħadd (ara r-rapporti Monti u Grech). Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li għad hemm potenzjal li mhux qed jintuża fis-Suq Uniku, kemm wara l-50 proposta kif ukoll it-12-il xprun. Madanakollu, mill-perspettiva tal-konsumaturi, il-Kummissjoni tista’ u għandha titfa’ iktar enfasi biex tagħti prijorità lill-inizjattivi favur il-konsumatur, kif diġà ġie sostnut f’Opinjoni tal-KESE (7).

2.8

Il-KESE huwa sorpriż ukoll bin-nuqqas ta’ referenza għas-sħubija soċjali f’din il-Komunikazzjoni. Ma tistax terġa’ tinkiseb il-fiduċja jekk l-involviment tal-imsieħba soċjali fil-politiki tal-UE jkun limitat għall-qasam politiku tad-DĠ għall-Impjiegi. Il-konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali hija meħtieġa wkoll b’rabta mad-diversi attivitajiet fi ħdan id-DĠ għas-Suq.

2.9

Kif il-KESE indika diġà f’Opinjonijiet oħra, kull proposta dwar it-tranżazzjonijiet transkonfinali tal-konsumaturi għandha sseħħ pass pass, billi l-ewwel jinbdew kuntratti ta’ bejgħ kummerċjali transkonfinali bejn in-negozji (B2B) fuq bażi pilota. Sakemm jiġu adottati proposti dwar it-tranżazzjonijiet min-negozji għall-konsumaturi (B2C), m’għandu jkun hemm l-ebda inizjattiva oħra ta’ natura fakultattiva dwar il-kuntratti ta’ bejgħ kummerċjali transkonfinali.

3.   L-ewwel 12-il xprun u l-elementi nieqsa – is-sitwazzjoni attwali

3.1

Il-Kummissjoni diġà ppreżentat 11 mit-12-il proposta leġislattiva għall-azzjonijiet ewlenin, u l-KESE adotta xi Opinjonijiet fuq dawn il-proposti (8). Il-KESE jappella lill-Parlament, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jaġixxu malajr iżda mingħajr ma tiġi affettwata l-kwalità, sabiex jiġi żgurat li dawn il-proposti leġislattivi jiġu adottati qabel tmiem il-mandati tal-Parlament u tal-Kummissjoni fir-Rebbiegħa tal-2014. L-Istati Membri għandhom jimplimentaw il-leġislazzjoni adottata b’mod korrett u jinfurzawha sabiex jiġu garantiti kundizzjonijiet ekwi, u l-ostakli maħluqin fuq bażi diskriminatorja u mhux ġustifikata għandhom jitneħħew sabiex is-Suq Uniku jkun jista’ jaħdem tajjeb.

3.2

L-irtirar tar-regolament Monti II ma jsolvix il-problemi maħluqa mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fis-sentenzi tagħha dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema. Trid tinstab soluzzjoni għas-sitwazzjoni attwali għax dan qed iżomm lill-ħaddiema milli jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom b’mod sħiħ. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li d-drittijiet soċjali fundamentali ma jitnaqqsux minħabba l-libertajiet ekonomiċi. Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra proposta għal protokoll ta’ proġress soċjali mehmuż mat-Trattati Ewropej. Dan il-protokoll għandu jiċċara r-relazzjoni bejn id-drittijiet soċjali fundamentali u l-libertajiet ekonomiċi billi jikkonferma li s-Suq Uniku mhuwiex l-għan fih innifsu, iżda twaqqaf biex jinkiseb progress soċjali għaċ-ċittadini kollha tal-UE (effettivament fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 3(3) tal-verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea). Għandu jagħmilha ċara wkoll li l-libertajiet ekonomiċi u r-regoli tal-kompetizzjoni ma jistgħux jieħdu l-prijorità fuq id-drittijiet soċjali u l-progress soċjali, u ma jistgħu qatt jiġu interpretati li jagħtu lill-impriżi d-dritt li jevadu jew jevitaw il-liġijiet u l-prattiki soċjali u tal-impjieg jew għar-raġunijiet ta’ kompetizzjoni mhux ġusta fuq is-salarji u l-kundizzjonijiet tax-xogħol.

3.3

Il-KESE identifika għadd ta’ miżuri li kienu nieqsa mill-Att dwar is-Suq Uniku, u li jħoss li jistgħu wkoll jikkontribwixxu biex tiżdied il-fiduċja taċ-ċittadini. Il-miżuri li għadhom nieqsa jinkludu r-reviżjoni tad-direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur, l-imposti tad-drittijiet tal-awtur, in-newtralità tan-netwerk, il-protokoll dwar il-progress soċjali, il-mikronegozji u n-negozji tal-familja, il-miżuri favur l-appoġġ għall-ħolqien ta’ kumpaniji ġodda u l-estensjoni ta’ dawk li diġà jeżistu, id-dejn eċċessiv u t-trasferimenti interbankarji: dan kollu bil-għan li jiġi kkonsolidat it-tħaddim taż-Żona Unika ta’ Pagamenti bl-Euro (SEPA).

4.   It-12-il xprun ġdid

4.1   Trasport

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir il-miżuri li jtejbu l-interkonnettività fis-Suq Uniku fil-qasam tat-trasport bil-ferroviji, bl-ajru u bil-baħar, iżda jemmen li mhux qed jiġi adottat approċċ olistiku minħabba li l-proposta tal-Kummissjoni ma tinkludix azzjonijiet dwar is-servizzi tal-merkanzija bil-ferrovija, it-trasport bit-triq (li jifforma l-akbar proporzjon tat-trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri) u t-trasport multimodali bil-għan li tiġi ottimizzata l-effettività tat-trasport.

4.1.1   Ferrovija

Il-mod li bih il-privatizzazzjoni tat-trasport bil-ferrovija hija definita u difiża ma jirriflettix il-fatt li hemm bżonn li jitqiesu raġunijiet li mhumiex biss dawk ekonomiċi f’reġjuni importanti fl-Ewropa biex it-trasport pubbliku jibqa’ f’wiċċ l-ilma. Is-sempliċi introduzzjoni tal-fattur tal-profittabbiltà jista’ jherri l-funzjoni pubblika tas-sistemi tat-trasport bil-ferrovija. Mhuwiex biżżejjed li s-suċċess jew le tal-privatizzazzjoni jitkejjel biss abbażi tal-iffrankar. Il-kwalità u s-sikurezza tal-persunal u tal-pubbliku għandhom ikunu l-ewwel ħaġa li titqies.

4.1.2   Ilma

Suq Uniku ġenwin għall-bastimenti jista’ jintlaħaq biss billi jiġi żgurat li dan il-qasam jitqiegħed fl-istess livell ta’ modi ta’ trasport oħra. Dan ifisser li rridu nimxu b’mod deċiż lejn is-semplifikazzjoni amministrattiva - i.e. doganali - tat-trasport bil-baħar fi ħdan l-UE. Il-merkanzija Komunitarja għandha tiġi ttrattata b’mod differenti mill-merkanzija ta’ pajjiżi terzi (partikolarment bl-użu tal-manifest elettroniku) sabiex tinqata’ l-burokrazija u r-responsabbiltà tgħaddi f’idejn it-trasportaturi. Bażikament, il-merkanzija li tkun ġiet spezzjonata malli tidħol fl-UE m’għandhiex bżonn terġa’ tiġi spezzjonata mill-ġdid f’port ta’ destinazzjoni ieħor fi ħdan l-UE.

Minn naħa, dan għandu jgħin biex jinħoloq trasport marittimu mingħajr ostakli fi ħdan l-UE, u min-naħa l-oħra, biex jiġu stabbiliti l-awtostradi tal-baħar tant meħtieġa - rotot ewlenin fl-ibħra bejn portijiet tal-UE differenti mħalltin mal-użu ta’ modi oħra ta’ trasport. Il-KESE bħalissa qed iħejji Opinjoni dwar it-Tkabbir Blu u ser jippreżenta proposti prattiċi fil-bidu tal-2013.

4.1.3   Ajru

Filwaqt li jagħraf l-importanza ta’ miżuri li jindirizzaw il-frammentazzjoni attwali tal-ispazju tal-ajru Ewropew, il-KESE jiddispjaċih li r-reviżjoni tar-Regolament dwar id-Drittijiet tal-Passiġġieri bl-Ajru li tkopri l-kumpens u l-għajnuna għal passiġġieri f’każ li ma jitħallewx jirkbu fuq l-ajruplan, kanċellazzjonijiet jew dewmien twil, għadha ma ġietx ippreżentata. Din il-leġislazzjoni tal-UE teħtieġ tiġi ċċarata u aġġornata rigward il-firxa tal-applikazzjoni tagħha u l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet ġenerali. Il-KESE jsejjaħ ukoll lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta leġislattiva li titlob lil-linji tal-ajru jiggarantixxu l-protezzjoni tal-passiġġieri kollha f’każ ta’ insolvenza ta’ linja tal-ajru u biex taġixxi kontra t-tkattir ta’ termini inġusti ta’ kuntratti, in-nuqqas ta’ trasparenza fl-ipprezzar tal-biljetti u d-diffikultajiet li l-konsumaturi jħabbtu wiċċhom magħhom biex ifittxu rimedju, billi tobbliga lill-kumpaniji tal-ajru biex iżommu mas-sistemi tal-ADR u anke mad-deċiżjonijiet li jkunu ttieħdu mill-awtoritajiet nazzjonali tal-ivvjaġġar bl-ajru.

4.2   Enerġija

F’ħafna Stati Membri, għad m’hemmx għażla bejn fornituri tal-enerġija differenti billi għad hemm nuqqas ta’ kompetizzjoni. Il-prezz aċċessibbli tas-servizzi, il-mod kif jiġu ttrattati l-ilmenti dwar il-kwalità, it-tqabbil tal-offerti u l-prezzijiet, it-tibdil tal-fornitur b’mod sempliċi u t-trasparenza tat-tariffi u t-termini tal-kuntratti għad iridu jintlaħqu madwar l-Ewropa kollha. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jissorveljaw mill-qrib is-swieq nazzjonali tal-enerġija għall-individwi, u fejn meħtieġ, jaġixxu malajr, biex jiżguraw li t-tielet pakkett tal-enerġija jiġi implimentat b’mod effikaċi għall-benefiċċju taċ-ċittadini. Huwa importanti li l-Istati Membri jittrasponu d-dispożizzjonijiet rilevanti li fih it-tielet pakkett b’mod li dawn jgħinu liċ-ċittadini vulnerabbli u jipprevjenu l-faqar enerġetiku fil-pajjiżi tagħhom. L-involviment tal-konsumatur huwa prerekwiżit neċessarju għas-suċċess tal-implimentazzjoni tal-meters intelliġenti, li jistgħu jipprovdu l-potenzjal ta’ effiċjenza fl-użu tal-enerġija. Madankollu, għad hemm ħafna punti mhux riżolti bħal jekk il-benefiċċji potenzjali humiex iżjed mill-ispejjeż għall-konsumatur, kif ukoll kwistjonijiet marbuta mal-ħarsien tad-data. Dawn il-problemi għandhom jiġu solvuti kemm jista’ jkun malajr fl-interess ta’ dawk kollha li jużaw l-enerġija.

4.3   Il-mobbiltà taċ-ċittadini

Il-Kummissjoni tagħti appoġġ qawwi lill-mobbiltà. Madanakollu, il-mobbiltà mhijiex għan fiha nfisha. Mhijiex xi ħaġa faċli li wieħed jitlaq minn art twelidu, u t-tqabbil mal-Istati Uniti mhux dejjem jista’ jsir. Ħaddiema u dawk li jaħdmu għal rashom li jmorru f’pajjiż ieħor sikwit iħabbtu wiċċhom ma’ nuqqas ta’ rikonoxximent tal-kwalifiki tagħhom, sigħat ta’ xogħol twal, kundizzjonijiet ta’ xogħol ħżiena, diskriminazzjoni, trattament inġust u ostakli tal-lingwa. It-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-promozzjoni tat-trattament ugwali għandhom ikunu parti attiva mill-politika Ewropea għas-suq tax-xogħol. B’mod partikolari, il-KESE jikkundanna l-fatt li wara iktar minn 20 sena ma sar ebda progress dwar il-kwistjoni importanti tar-rikonoxximent tal-kwalifiki vokazzjonali (9). Il-mobbiltà ta’ min qed jitħarreġ, tal-apprendisti u tal-intraprendituri żgħażagħ għandha tiġi promossa fl-Ewropa.

4.4   L-aċċess għall-finanzi

Il-miżuri proposti biex jiffaċilitaw l-aċċess għal fondi ta’ investimenti għal tul ta’ żmien huwa pass pożittiv. Madanakollu dan mhux ser isolvi l-problemi li l-SMEs jiffaċċjaw minħabba nuqqas ta’ kapital operattiv. Bħala s-sinsla tal-ekonomija tal-UE, l-SMEs m’għandhomx ibatu minn diskriminazzjoni f’termini ta’ aċċess għall-finanzi b’riżultat tar-regoli ħarxa fuq ir-riżervi tal-banek (10). Il-Kumitat jirreferi għall-Opinjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament (11). Hawnhekk il-KESE jirrakkomanda li jinħolqu għodod rotanti biex jipprovdu tali krediti li permezz tagħhom l-SMEs ikunu jistgħu jaċċessaw il-finanzi faċilment mingħajr kollaterali żejda (12). Il-garanziji għal dawn il-krediti għandhom jiġu pprovduti minn riżorsi nazzjonali jew Ewropej. L-Istati Membri wkoll għandhom jikkunsidraw possibbiltajiet oħra bħal perjodu ta’ eżenzjoni fiskali għal xi snin għal investituri privati u tal-familja f’SMEs li jkunu għadhom kemm fetħu u li qed jespandu, kif ukoll inċentivi oħra. Dawn il-miżuri għandhom jikkomplementaw il-proposta għall-moviment ħieles bejn il-fruntieri ta’ kapital ta’ riskju Ewropew li jkun dirett lejn kumpaniji innovattivi, kif propost fl-Att dwar is-Suq Uniku, iżda dan ma jsolvix in-nuqqas ta’ finanzjament għal SMEs oħra.

4.5   L-ambjent tan-negozju

Il-proposta għall-modernizzazzjoni tal-leġislazzjoni dwar l-insolvenza huwa pass fid-direzzjoni t-tajba biex jittejjeb l-ambjent kummerċjali, speċjalment meta jkollha l-għan li tagħti ċans ieħor lill-intraprendituri. Għad hemm ħafna burokrazija li l-SME, u speċjalment il-mikrointrapriżi, mhux kapaċi jlaħħqu magħha. Nitolbu lill-Kummissjoni biex tkompli l-isforzi tagħha biex tnaqqas il-piż amminstrattiv u tidenfika l-miri kwantitattivi u kwalitattivi. F’dan ir-rigward, il-valutazzjoni tal-impatt għandha tittejjeb kontinwament. S’issa, il-valutazzjoni tal-piżijiet amministrattivi ffukat wisq fuq ir-regolamenti nfushom, u din kienet parti mir-raġuni li wasslet biex din tkun wisq “teknokratika”. Ir-regolamentazzjoni ta’ Stat Membru tista’ tkun motivata mix-xewqa li tinżamm il-kwalità tas-servizz provdut, u għalhekk tkun fl-interess tal-benessri pubbliku u għaldaqstant ma tkunx ostaklu (13).

4.6   Is-servizzi

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Att dwar is-Suq Uniku II jinkludi r-reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi ta’ Ħlas (PSD) u jenfasizza li l-iżvilupp ta’ suq ta’ ħlasijiet Ewropej kompetittiv u li jaħdem sew li jkun ta’ benefiċċju għall-konsumaturi u l-intrapriżi kollha għandu jkun l-għan ewlieni tar-reviżjoni. Huwa partikolarment importanti li s-servizzi ta’ ħlasijiet ikunu aċċessibbli għall-konsumatur, iżda wkoll li jiġi żgurat li dawn is-servizzi jiġu pprovduti b’mod sikur, effiċjenti u rħis. Ir-reviżjoni għandha tipprojbixxi l-prattika li jiġu imposti ħlasijiet addizzjonali fuq il-konsumaturi għall-użu ta’ metodi ta’ ħlas madwar l-UE. L-utenti tad-debitu dirett għandhom jingħataw id-drittijiet ta’ rifużjoni mingħajr kundizzjonijiet għal tranżazzjonijiet awtorizzati jew mhux awtorizzati. Il-konsumaturi għandu jkollhom protezzjoni qawwija jkun xi jkun il-metodu ta’ ħlas li jużaw, b’kunsiderazzjoni tar-regoli b’saħħithom ta’ protezzjoni għall-konsumaturi li jeżistu f’xi Stati Membri. Il-ħafna benefiċċji għall-partijiet interessati kollha kkonċernati, kif ukoll il-ħtieġa għal nefqa raġonevoli min-naħa tl-SMEs li joffru dawn il-metodi ta’ ħlas lill-klijenti tagħhom għandhom jiġu kkunsidrati f’dan il-kuntest. Il-KESE jinsab sodisfatt li l-Kummissjoni beħsiebha tippreżenta proposta leġislattiva dwar tariffi ta’ interskambju multilaterali għall-ħlasijiet bil-kards.

4.7   Suq Uniku diġitali

Il-KESE jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tnaqqas l-ispejjeż u żżid l-effiċjenza tal-użu ta’ infrastruttura ta’ komunikazzjoni b’veloċità għolja billi tadotta regoli komuni. Il-KESE jappoġġja l-proposta li titjieb il-konnessjoni tal-internet broadband b’veloċità għolja bħala kundizzjoni teknika għall-espansjoni tal-kummerċ elettroniku. Huwa importanti li jiġi adottat mudell konsistenti għall-metodoloġiji dwar l-ispejjeż użati mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali madwar l-UE biex jiġi żgurat li l-ispejjeż ikunu ġusti u kkalkulati fuq l-istess standards. Swieq tat-telekomunikazzjoni regolati sew għandhom jiżguraw li l-konsumaturi jkollhom għażla. Jekk ma jinkisibx aċċess b’kundizzjonijiet ġusti mill-operaturi ġodda għan-netwerks tal-ġenerazzjoni l-ġdida, il-kwalità tal-għażliet tas-servizzi għall-bejgħ għall-konsumaturi tkun mgħawwġa jew limitata. Il-kompetituri kollha għandu jkollhom aċċess għall-infrastruttura b’kundizzjonijiet ugwali u għandu jkun żgurat l-aċċess għan-netwerks għall-operaturi ġodda u dawk li diġà joperaw bi prezzijiet raġonevoli (jiġifieri bbażati fuq l-ispiża).

4.8   Il-fatturazzjoni elettronika fl-akkwist pubbliku

L-intrapriżi ilhom jitolbu għall-użu mifrux tal-fatturazzjoni elettronika, inkluż f’attivitajiet bejn il-fruntieri. Għalhekk nappoġġjaw bis-sħiħ il-proposta biex din issir regola ġenerali għall-kuntratti ta’ akkwist pubbliku. Madanakollu, il-forma elettronika għandha tkun applikata wkoll għat-tressiq tal-offerti billi l-fatt li din ftit li xejn tintuża hija waħda mir-raġunijiet għaliex għadd żgħir biss ta’ SMEs minn Stati Membri oħra jinvolvu ruħhom fl-akkwist pubbliku fi Stati Membri oħra (ara wkoll il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2013).

4.9   Il-konsumaturi

4.9.1

Fis-suq tal-UE għadhom jeżistu prodotti mhux sikuri għall-konsumaturi, inklużi prodotti bil-marka CE, u dawn huma ta’ riskju għas-saħħa u s-sikurezza li jista’ jiġi evitat. Għalhekk, il-KESE jinsab sodisfatt li l-Kummissjoni Ewropea se tipproponi “pakkett leġislattiv dwar is-sigurtà tal-prodotti” li jikkonsisti fi strument ta’ sorveljanza għas-Suq Uniku għall-prodotti kollha li mhumiex ikel, proposta għal Direttiva dwar is-Sikurezza Ġenerali tal-Prodotti (GPSD) u pjan multiannwali għal qafas ta’ sorveljanza tas-suq. Ir-reviżjoni għandha tagħti stampa iktar ċara ta’ kif id-diversi leġislazzjonijiet tal-UE li jittrattaw is-sikurezza tal-prodotti jinteraġixxu flimkien. B’mod partikolari, jeħtieġ li jkunu msaħħa u ċċarati r-responsabilitajiet tal-produtturi. Għandu jkun żgurat li l-livell ta’ infurzar ikun l-istess mal-UE kollha u li l-attivitajiet ta’ sorveljanza tas-suq ikunu effettivi madwar l-UE.

4.9.2

Għandhom jiġu indirizzati b’mod espliċitu l-prodotti li jogħġbu lit-tfal u għandha tinżamm il-projbizzjoni tal-prodotti li jimitaw l-ikel. Il-politika tal-UE għandha tikkostitwixxi pass prinċipali ’l quddiem għas-saħħa u s-sikurezza. Għandha tingħata attenzjoni għall-kompetizzjoni mhux ġusta li jiffaċċjaw in-negozji tal-UE li jkollhom jobdu r-regoli tal-UE. Ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Sikurezza Ġenerali tal-Prodotti għandha tevita b’mod effettiv li prodotti perikolużi jidħlu fis-suq, u dan jitlob sistema ta’ soreveljanza Ewropea tas-swieq, inklużi kontrolli effettivi fuq il-fruntieri esterni tal-UE.

4.10   Il-koeżjoni soċjali u l-intraprenditorija soċjali

4.10.1

Il-proposti ppreżentati hawnhekk tpoġġew taħt dan it-titlu b’mod pjuttost artifiċjali. Il-KESE jagħraf l-importanza, f’dan iż-żmien ta’ kriżi, li jiffoka fuq il-ġlieda kontra iktar esklużjoni soċjali u faqar. Dwar dan, l-intrapriża soċjali ġiet enfasizzata bħala fattur ewlieni fl-istrateġija biex tingħeleb il-kriżi. In-nuqqas ta’ azzjonijiet prinċipali ddedikati għall-iżvilupp u t-tkabbir tal-ekonomija soċjali u l-intrapriżi soċjali hija ta’ diżappunt. L-azzjoni prinċipali numru 12 issuġġerita ma jirnexxilhiex tindirizza l-esklużjoni soċjali u l-faqar dejjem jikbru fl-Ewropa. Għalhekk il-KESE jirrakkomanda azzjoni prinċipali ċara u ddedikata għall-intrapriża soċjali bbażata fuq ir-rakkomandazzjonijiet proattivi tal-KESE li l-Kumitat jemmen li ser jindirizzaw aħjar il-ħtieġa għal iktar koeżjoni soċjali (14).

4.10.2

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir il-proposta biex iċ-ċittadini kollha tal-UE jingħataw aċċess għal kont ta’ ħlas bażiku, biex jiġi żgurat li t-tariffi tal-kontijiet għall-ħlasijiet ikunu trasparenti u jistgħu jitqabblu, u biex isir eħfef li wieħed jibdel minn kont għall-ħlasijiet għal ieħor. Il-KESE jittama li din id-darba l-Kummissjoni ser tressaq leġislazzjoni vinkolanti minflok ir-rakkomandazzjoni ta’ Lulju tas-sena l-oħra li kienet ikkritikata ħafna minħabba n-natura volontarja tagħha. Il-KESE jinnota li t-trasparenza u l-kompatibbiltà tat-tariffi tal-kontijiet għall-ħlasijiet għall-konsumaturi jew urew nuqqasijiet kbar jew fallew totalment. Il-leġislazzjoni tal-UE proposta għandha tiżgura li kull konsumatur ikollu d-dritt għall-aċċess għal kont għall-ħlasijiet bażiku u għandha tneħħi kull ostaklu biex persuna tibdel minn kont għall-ħlasijiet għal kont ieħor.

Brussell, 16 ta’ Jannar 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU C 24, 28.1.2012, p. 99.

(2)  http://epp.eurostat.ec.europa.eu/cache/ITY_PUBLIC/3-03122012-AP/EN/3-03122012-AP-EN.PDF

(3)  FLASH-IT, Policy Research Alert 5 – Impjiegi, Ottubru 2012.

(4)  Stqarrija għall-Istampa mill-Eurostat, 31 ta’ Ottubru 2012.

(5)  Monti 2010 “Dan jispiċċa jherri l-bażi tal-integrazzjoni ekonomika u tat-tkabbir u l-impjiegi madwar l-UE kollha kemm hi, fi żmien fejn qed ifeġġu potenzi globali ġodda u sfidi ambjentali gravi li qed jitolbu aktar minn qatt qabel li l-UE tkun magħquda, fl-interess taċ-ċittadini Ewropej u kif ukoll ta’ governanza globali effettiva.”

(6)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Ġunju 2012 dwar “l-Att dwar is-Suq Uniku: Il-Passi li Jmiss għal Tkabbir”

(7)  ĠU C 299, 4.10.2012, p. 165.

(8)  ĠU C 24, 28.1.2012, p. 99.

(9)  ĠU C 191, 29.6.2012, p. 103.

(10)  Ara CRD IV.

(11)  ĠU C 351, 15.11.2012, p. 45.

(12)  Għall-karta Szechenyi fl-Ungerija ara: http://www.google.com/url?sa=t&rct=j&q=&esrc=s&source=web&cd=1&ved=0CC8QFjAA&url=http%3A%2F%2Fwww.iapmei.pt%2Fconferencia%2F1_Laslo_Krisan.ppt&ei=DM29UKvHJNGRhQehsoGwDA&usg=AFQjCNHWIFTTA7fbjHyT1ShycR1qL7tKRQ

(13)  Ara l-Opinjoni tal-KESE ĠU C 318, 29.10.2011, p. 109, punt 3.2.

(14)  Dan il-qasam ġie enfasizzat ukoll fl-Opinjoni tal-KESE ĠU C 299, 4.10.2012, p. 165.


APPENDIĊI

għall-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-emendi li ġejjin inċaħdu waqt id-diskussjoni iżda rċevew aktar minn kwart tal-voti (Artikolu 39(2) tar-Regoli ta’ Proċedura):

a)   Punt 3.2 (Emenda 5)

“3.2

L-irtirar tar-regolament Monti II ma jsolvix il-problemi maħluqa mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fis-sentenzi tagħha dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema. Trid tinstab soluzzjoni għas-sitwazzjoni attwali għax dan qed iżomm lill-ħaddiema milli jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom b’mod sħiħ. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li d-drittijiet soċjali fundamentali ma jitnaqqsux minħabba l-libertajiet ekonomiċi. Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra proposta għal protokoll ta’ proġress soċjali mehmuż mat-Trattati Ewropej. Dan il-protokoll għandu jiċċara r-relazzjoni bejn id-drittijiet soċjali fundamentali u l-libertajiet ekonomiċi billi jikkonferma li s-Suq Uniku mhuwiex l-għan fih innifsu, iżda twaqqaf biex jinkiseb progress soċjali għaċ-ċittadini kollha tal-UE (effettivament fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 3(3) tal-verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea). Għandu jagħmilha ċara wkoll li l-libertajiet ekonomiċi u r-regoli tal-kompetizzjoni ma jistgħux jieħdu l-prijorità fuq id-drittijiet soċjali u l-progress soċjali, u ma jistgħu qatt jiġu interpretati li jagħtu lill-impriżi d-dritt li jevadu jew jevitaw il-liġijiet u l-prattiki soċjali u tal-impjieg jew għar-raġunijiet ta’ kompetizzjoni mhux ġusta fuq is-salarji u l-kundizzjonijiet tax-xogħol. Il-Kummissjoni introduċiet żewġ proposti leġislattivi mmirati lejn it-titjib u r-rinfurzar tat-traspożizzjoni,l-implimentazzjoni u l-infurzar fil-prattika tad-Direttiva dwar l-Istazzjonament tal-Ħaddiema. L-ewwel proposta dwar l-infurzar tad-Direttiva 96/71/EC għandha l-għan li ttejjeb il-protezzjoni tal-ħaddiema stazzjonati temporanjament barra minn pajjiżhom, billi ttejjeb l-informazzjoni, il-kooperazzjoni amministrattiva u l-kontrolli. Din għadha qed tiġi diskussa. It-tieni proposta, dwar l-eżerċizzju tad-dritt li tittieħed azzjoni kollettiva fil-kuntest tal-libertà tal-istabbiliment u l-libertà tal-provvista ta’ servizzi (Monti II,) ġiet irtirata.

Rigward il-prinċipju tal-ugwaljanza tal-valuri tad-drittijiet soċjali fundamentali vis-à-vis il-libertajiet ekonomiċi, il-KESE huwa tal-opinjoni li l-liġi primarja b’mod partikolari għandha tiżgura dan l-approċċ. Il-KESE jinnota li t-tielet premessa tal-preambolu, u speċifikament l-Artikolu 151 tat-TFUE, huma intiżi għat-titjib tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol “sabiex jagħmlu possibbli l-armonizzazzjoni tagħhom waqt li jitkompla it-titjib”. Huwa jitlob b’mod ċar li “Protokoll tal-Progress Soċjali” jiddaħħal fit-Trattati sabiex il-prinċipju tal-ugwaljanza jiġi mnaqqax mad-drittijiet soċjali u l-libertajiet ekonomiċi. B’hekk jiġi ċċarat li la l-libertà ekonomika u lanqas ir-regoli tal-kompetizzjoni m’għandu jkollhom prijorità fuq id-drittijiet soċjali, kif ukoll jiġi definit b’mod ċar l-impatt tal-għan tal-Unjoni li jinkiseb il-progress soċjali  (1).”

Raġuni

Ser tingħata bil-fomm.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur

:

77

Kontra

:

114

Astensjonijiet

:

11


(1)  ĠU C 376, 22.12.2011, p. 74.